52011DC0427




WERREJ

1. Daħla 3

1.1. L-opportunitajiet li joffru l-iżviluppi teknoloġiċi 3

1.2. L-għan tal-Green Paper u l-ambitu tagħha 4

2. Is-suq diġitali uniku għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva 5

2.1. L-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għat-trażmissjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva onlajn 9

2.2. L-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għat-trażmissjoni mill-ġdid tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva 9

2.3. L-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għas-servizzi tal-vidjow fuq talba bi tranżazzjoni 11

2.4. Il-produzzjoni u t-tqassim tal-films Ewropej 12

3. Approċċi tal-politika 14

3.1. Mistoqsijiet 16

4. Rimunerazzjoni għad-detenturi tad-drittijiet talli x-xogħlijiet awdjoviżivi tagħhom jintużaw onlajn 17

4.1. Ir-rimunerazzjoni tal-awturi għall-użu onlajn 18

4.2. Ir-rimunerazzjoni tal-artisti għall-użu onlajn 19

4.3. Mistoqsijiet 20

5. Użijiet speċjali u l-benefiċjarji 20

5.1. L-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku 20

5.2. Mistoqsijiet 21

5.3. L-aċċessibbiltà tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropea 21

5.4. Mistoqsijiet 22

6. Il-passi li jmiss 22

DAħLA

L-opportunitajiet li joffru l-iżviluppi teknoloġiċi

Din il-Green Paper qed tiġi ppubblikata fil-kuntest tal-Istrateġija msejħa “Ewropa 2020”, li għandha l-għan li tagħti spinta lit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa, fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[1] u fil-kuntest tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni msejħa “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali” (“l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali”)[2]. Hekk kif ġie identifikat fl-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, filwaqt li fuq l-internet m’hemmx fruntieri, is-swieq tal-UE li jinsabu onlajn għadhom ifframmentati minn diversi ostakli u għadu ma nkisibx suq uniku. Din il-Green Paper għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ suq uniku diġitali billi tniedi dibattitu li jittratta b’mod speċifiku l-opportunitajiet u l-isfidi tat-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn.

L-industriji marbutin mal-kultura fl-Ewropa, fosthom is-settur awdjoviżiv, jagħtu kontribut sinifikanti lill-ekonomija tal-UE, u joħolqu madwar 3 % mill-PDG tal-UE – ammont li jikkorrispondi għal valur annwali fis-suq ta’ EUR 500 biljun, filwaqt li jimpjegaw madwar 6 miljun ruħ[3]. Fl-UE nsibu t-tieni l-ogħla ċifra ta’ nies li jaraw it-televiżjoni fid-dinja, jiġu prodotti iktar films minn kwalunkwe reġjun ieħor fid-dinja u hemm iktar minn ħames mitt servizz ta’ vidjow fuq talba. Dan is-settur jagħti wkoll kontribut ta’ siwi kbir għad-diversità kulturali fl-Ewropa u jiftaħ il-potenzjal kreattiv enormi tagħha.

In-netwerks tradizzjonali tat-tqassim tal-kontenut awdjoviżiv għandhom ambitu nazzjonali: in-netwerks tax-xandir u bil-kejbil joffru s-servizz primarjament lill-udjenzi nazzjonali jew f’żoni lingwistiċi speċifiċi. Ħafna drabi, il-kontenut awdjoviżiv, u b’mod partikulari l-films, jitqiesu kemm bħala prodotti ekonomiċi kif ukoll bħala prodotti kulturali marbutin mal-kuntesti nazzjonali u mal-preferenzi kulturali. Il-politika awdjoviżiva Ewropea tirrikonoxxi dan u tirrikonoxxi wkoll kemm hu importanti li tinżamm id-diversità kulturali f’suq uniku.Fl-istess ħin, it-teknoloġija diġitali u l-internet qed jibdlu malajr il-mod kif il-kontenut jiġi prodott, kif jiġi kkummerċjalizzat u kif jitqassam lill-konsumaturi. B’teknoloġiji ta’ konverġenza, l-istess kontenut jista’ jiġi trażmess fuq netwerks differenti, kemm permezz tax-xandir tradizzjonali (permezz tax-xandir terrestri, bil-kejbil u bis-satellita) jew inkella fuq l-internet, u jista’ jitwassal għal għadd ta' apparat bħat-televiżjoni, il-kompjuters, il-konsols tal-logħob u l-apparat mobbli tal-midja. Fis-suq qed insibu dejjem iktar netwerks u apparati konverġenti, fosthom l-għoti tas-servizzi tat-televiżjoni u tal-internet permezz tal-kejbil u qed jidħlu wkoll is-settijiet tat-televiżjoni li jistgħu jitqabbdu mal-internet. X’aktarx li l-possibbiltajiet l-oħrajn li qed jinħolqu bl-użu tas-servizzi bbażati fuq l-internet, fosthom il-“cloud computing”, se jaċċelleraw din ix-xejra. Il-konsumaturi qed jistennew dejjem aktar li jkunu jistgħu jaraw kollox, kullimkien, f’kull ħin u f’kull mument, fuq kwalunkwe apparat. Minn naħa, dawn l-iżviluppi qed ipoġġu pressjoni fuq in-netwerks tradizzjonali tat-tqassim tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, u min-naħa l-oħra qed ipoġġu pressjoni fuq is-sekwenza tradizzjonali ta’ kif jinħarġu l-films, minħabba li l-films jistgħu wkoll jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi b’mod iktar flessibbli milli kien isir s’issa. Il-ktajjen tradizzjonali tal-valur qed jinbidlu u l-mudelli tan-negozju qed jiżviluppaw sabiex jilħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi, fosthom biex is-servizzi jkunu disponibbli b’mod li jmur lil hinn mill-fruntieri.

L-internet joffri opportunitajiet lis-settur awdjoviżiv biex jiżviluppa iktar il-potenzjal tiegħu u biex jilħaq udjenzi ferm ikbar, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha. Mil-lat kulturali u kreattiv, tagħmel sens tassew li wieħed jagħti spinta lis-suq uniku, għaliex filwaqt li s-swieq nazzjonali jistgħu ma jkunux kbar biżżejjed għall-produzzjonijiet speċjalizzati, l-aggregazzjoni tista’ żżid il-vijabbiltà kummerċjali tas-suq ġenerali. Barra minn hekk, offerti attraenti ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva ġodda, fosthom dawk li jmorru lil hinn mill-fruntieri, għandhom iżidu d-dħul għad-detenturi tad-drittijiet u, flimkien ma’ miżuri xierqa biex tiġi indirizzata mġiba li tikser il-liġi, fosthom l-infurzar u l-kooperazzjoni min-naħa tal-intermedjarji, jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-livelli kbar ta’ piraterija nnutati fis-settur awdjoviżiv. Żviluppi bħal dawn għandhom jistimulaw ukoll id-domanda għal kapaċità akbar tan-netwerk u għal veloċità akbar, li toħloq raġuni kummerċjali għall-investimenti f’netwerks iktar veloċi.

L-għan tal-Green Paper u l-ambitu tagħha

Din il-Green Paper tirrifletti dwar l-effett tal-iżviluppi teknoloġiċi fuq it-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi u ċinematografiċi u fuq l-aċċess għalihom, u għandha l-għan li tibda d-dibattitu dwar l-għażliet tal-politika sabiex jiġi żviluppat qafas li fih l-industrija Ewropea u l-komsumaturi Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ekonomiji ta’ skala offruti mis-suq diġitali uniku. Il-Green Paper tissejjes fuq il-ħsieb li hija meħtieġa analiżi bir-reqqa sabiex jiġu identifikati l-eżistenza tal-ostakli li hemm għall-iżvilupp tas-suq diġitali uniku u l-firxa tagħhom.

Fil-każ tal-kontenut awdjoviżiv, issemmew diversi raġunijiet għall-frammentazzjoni tas-suq onlajn, fosthom l-ostakli teknoloġiċi, il-kumplessità tal-proċessi għall-għoti ta’ liċenzji tad-drittijiet tal-awtur, id-dispożizzjonijiet statutarji u kuntrattwali marbutin mal-perjodi tal-ħruġ fis-suq, in-nuqqas ta’ ċertezza legali għall-fornituri tas-servizz, il-metodi tal-pagament, il-fiduċja tal-konsumaturi u l-prevalenza ta’ differenzi kulturali u lingwistiċi profondi.

L-Att dwar is-Suq Uniku[4] diġà enfasizza l-fatt li, fl-era tal-internet, l-immaniġġar kollettiv irid ikun kapaċi jiżviluppa lejn mudelli Ewropej li jiffaċilitaw il-liċenzji li jkopru diversi territorji. Barra minn hekk, u hekk kif ġie stabbilit fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, sal-2012, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri addizzjonali, minbarra l-iffaċilitar tal-immaniġġar kollettiv tad-drittijiet, li jippermettu liċ-ċittadini tal-UE, lill-fornituri tas-servizzi tal-kontenut onlajn u lid-detenturi tad-drittijiet jibbenefikaw mill-potenzjal kollu tas-suq diġitali uniku, fosthom miżuri sabiex ikunu promossi l-liċenzji transkonfinali u pan-Ewropej[5].

L-ewwel parti ta’ din il-Green Paper (it-Taqsima 2 u t-Taqsima 3) tiffoka fuq l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għat-tqassim tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva onlajn. Jeħtieġ li jiġi vvalutat kemm hemm problemi f’dan il-qasam u n-natura eżatta ta’ dawn il-problemi. Jeħtieġ ukoll li ssir analiżi tal-għażliet possibbli fil-livell tal-UE, inklużi jekk il-qafas legali u regolatorju jridx jiġi mmodernizzat sabiex in-negozji Ewropej jingħataw inċentivi biex jiżviluppaw mudelli ġodda tan-negozju u joffru kontenut lill-konsumaturi madwar l-Ewropa kollha, u sa liema punt irid isir dan.

It-tieni parti (it-Taqsima 4) tittratta r-rimunerazzjoni li jingħataw id-detenturi tad-drittijiet fil-qasam awdjoviżiv għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom onlajn u tistaqsi, b’mod ewlieni jekk għandhomx jittieħdu iktar miżuri fil-livell tal-UE sabiex ikun żgurat li l-awturi u l-artisti jingħataw rimunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet u tax-xogħlijiet ta’ divertiment li għalihom għandhom id-drittijiet.

It-tielet parti (it-Taqsima 5) tittratta ċerti użijiet speċjali tax-xogħlijiet awdjoviżivi u ’l dawk li jibbenefikaw minn xi eċċezzjoni. Minn naħa, din tistaqsi jekk hemmx bżonn ta’ tibdil fil-leġiżlazzjoni sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku, u min-naħa l-oħra, hija tqajjem mistoqsijiet marbutin mal-aċċess għall-materjal kulturali min-naħa tal-persuni b’diżabilità.

Wara kull taqsima hemm lista ta’ mistoqsijiet li mhix eżawrjenti, sabiex tingħata gwida għall-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati.

IS-SUQ DIġITALI UNIKU GħAS-SERVIZZI TAL-MIDJA AWDJOVIżIVA[6]

Is-suq Ewropew tat-televiżjoni huwa t-tieni l-akbar suq reġjonali fid-dinja, wara l-Amerika. Dan kiber bi 12 % bejn l-2006 u l-2010, u iktar minn nofs dak it-tkabbir seħħ bejn l-2009 u l-2010 sabiex, fl-2010, laħaq fatturat annwali ta’ EUR 84.4 biljun. Is-sehem Ewropew tas-suq dinji baqa’ stabbli f’livell ta’ madwar 29 % fl-2010[7].

It-tqassim tax-xandir tat-televiżjoni qed isir dejjem iktar varjat. Fl-2009, ix-xandir bis-satellita kien jammonta għal 31 % tas-suq Ewropew tat-televiżjoni, ix-xandir bil-kejbil għal 30 %, it-televiżjoni diġitali terrestri għal 25 % u t-televiżjoni fuq l-internet (l-IPTV)[8] għal 5 %[9]. L-Ewropa tal-Punent hija l-ikbar suq tal-IPTV u fl-2010 40 % tal-abonnati dinjin f’dan is-servizz kienu minn dan ir-reġjun. L-iktar pajjiż li għandu abbonati fis-servizz tal-IPTV fid-dinja huwa Franza (bi 23 % tat-total globali) u warajh insibu ċ-Ċina (b’16 %) u l-Amerika (b’16 %)[10]. L-għadd ta’ nies li jaraw it-televiżjoni fl-UE huwa ogħla mill-medja dinjija u, matul l-2009 u l-2010, dan l-għadd kien l-iktar li żdied globalment[11].

Hekk kif l-opportunitajiet li jġibu magħhom l-iżviluppi teknoloġiċi jimmultiplikaw, hekk il-katina kollha tal-valur awdjoviżiv qed tinbidel. Bl-iżvilupp tal-vidjow imwassal permezz ta’ servizzi li ma kinux intenzjonati għal hekk oriġinarjament (“over-the-top video”)[12], tal-IPTV u tat-televiżjoni konnessa mal-internet[13], l-ispazju tal-vidjows onlajn se jkompli jinqasam dejjem iktar mhux biss bejn l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u l-operaturi tan-netwerks bil-kejbil u l-operaturi tal-broadband, iżda wkoll ma’ fornituri ġodda tas-servizzi li jidħlu fis-suq[14]. Dan is-settur huwa kkaratterizzat ukoll mill-iżvilupp rapidu tas-siti tan-netwerking soċjali u tal-midja soċjali li jiddependu fuq il-fatt li l-utenti aħħarin joħolqu l-kontenut u jtellgħuh onlajn (il-kontenut maħluq mill-utenti) u fuq il-ħolqien tas-servizzi bbażati fuq il-“cloud computing”[15].

Is-servizzi tal-vidjow fuq talba bi tranżazzjoni jinkludu l-bejgħ u l-kiri onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi “li jkunu fil-katalgu tal-istokk”, l-iktar tal-films, iżda wkoll ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fittizji, dokumentarji, programmi edukattivi, kartuns, eċċ.. Is-suq li qed jinħoloq għas-servizzi tal-vidjow fuq talba fl-Ewropa huwa wieħed dinamiku, varjat u li qed jikber malajr, minkejja li dal-ħin għadu ma laħaqx dak Amerikan. Kollox ma’ kollox, fl-2008 fl-Ewropa kienu disponibbli iktar minn 500 servizz awdjoviżiv fuq talba, bbażati fuq għadd ta’ mudelli tan-negozju differenti[16], u s-servizzi tal-vidjow fuq talba wasslu għal dħul ta’ EUR 544 miljun. Id-dħul mis-servizzi tal-vidjow fuq talba fl-Ewropa mistenni jiżdied b’mod drammatiku fil-ftit snin li ġejjin u b’hekk se jibda jirrappreżenta aspett iktar sinifikanti tas-swieq awdjoviżivi[17]. Hemm qafas stabbilit sew għat-trażmissjoni u r-riċezzjoni transkonfinali tas-servizzi tax-xandir madwar l-UE. Minn naħa nsibu d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva li fuqha jissejjes il-prinċipju tal-libertà li wieħed jittrażmetti u jirċievi l-programmi tat-televiżjoni fl-UE. Min-naħa l-oħra nsibu d-Direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita[18] li tikkumplimenta dan il-qafas u li għandha l-għan li tiffaċilita l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati magħhom għas-servizzi tax-xandir transkonfinali bis-satellita u tat-trażmissjoni transkonfinali mill-ġdid permezz tal-kejbil. Dal-ħin m’hemm l-ebda strument legali li jindirizza b’mod speċifiku l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati magħhom għas-servizzi transkonfinali onlajn tal-midja awdjoviżiva.

Ta’ min jiftakar li kull ftehim bejn il-partijiet privati jrid iħares il-liġi tal-kompetizzjoni.

Hekk kif intqal fid-daħla, il-maġġoranza tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva jiffukaw fuq udjenza nazzjonali jew fuq żona lingwistika speċifika[19]. B’mod ġenerali ma nħolqux servizzi tax-xandir multiterritorjali, u x-xandara ħafna drabi ma jawtorizzawx id-drittijiet fuq bażi pan-Ewropea minħabba li d-domanda tal-konsumaturi f’pajjiżi oħrajn u l-potenzjal għad-dħul mir-riklami fil-preżent ma jiġġustifikawx l-ispejjeż addizzjonali marbutin mat-twaqqif tas-servizzi u mal-liċenzjar tal-kontenut[20]. S’issa kienu s-servizzi tematiċi ta’ ditta b’identità b’saħħitha ffukati fuq il-films, il-programmi tat-tfal, l-isport, l-ivvjaġġar, eċċ. li rnexxielhom jestendu l-attivitajiet tagħhom f’pajjiżi barranin.

Hemm għadd ta’ pjattaformi li joffru servizzi fuq talba bi tranżazzjoni li huma mifruxin fuq diversi territorji[21]. Dawn għandhom it-tendenza li jkomplu jindirizzaw lill-klijenti tagħhom “bil-lingwa tagħhom stess” u li jkomplu jadattaw il-kontenut għall-preferenzi tal-post, bħal-lingwa, il-klassifika tal-films, ir-rekwiżiti tal-qlib minn lingwa għall-oħra jew tal-għoti tas-sottotitoli, ir-riklamar, il-perjodi tal-vaganzi u l-preferenzi ġenerali tal-konsumaturi. Dan jaqbel mal-esperjenza tal-produtturi u tad-distributuri, kemm dawk fuq skala kbira kif ukoll dawk fuq skala żgħira, li wrew li għalkemm huma jilliċenzjaw il-kontenut fuq bażi multiterritorjali f’każijiet fejn ikun hemm raġuni għal dan, xorta waħda hemm bżonn ta’ investiment immirat u lokali fit-tqassim u l-kummerċjalizzazzjoni sabiex ikunu promossi u jinbiegħu l-films f’kull pajjiż[22].

Fejn qed jinħolqu servizzi multiterritorjali, hemm tendenza li dawn jiġu ttestjati l-ewwel fi swieq bi dħul għoli u li huma sofistikati mil-lat teknoloġiku. Minħabba f’hekk, hemm ir-riskju li swieq iżgħar fi Stati Membri fejn id-dħul medju mhux daqshekk għoli jibqgħu lura f’termini tal-aċċess għall-offerti awdjoviżivi innovattivi. Barra minn hekk, huwa diffiċli li wieħed jispjega l-fatt li l-kontenut ta’ kwalità għolja huwa disponibbli biss għall-konsumaturi f’ċerti Stati Membri lil ċittadini Ewropej li jemmnu li għandu jkollhom il-possibbiltà li jkollhom aċċess għall-offerti tal-kontenut ikun x’ikun l-Istat Membru fejn ikunu joqogħdu[23].

Dan l-aħħar, tqajmet il-kwistjoni tal-prattiki tal-liċenzjar territorjali fil-każ tal-Kampjonat “Premier”[24]. Dan il-każ għandu x’jaqsam mal-prattika li l-aċċess ikun ristrett b’mod territorjali permezz ta’ teknoloġija għall-aċċess kundizzjonali għax-xandiriet sportivi li jkunu trażmessi f’diversi Stati Membri permezz tas-satellita[25]. Għadna qed nistennew li tingħata s-sentenza tal-Qorti dwar dan. F’sentenzi li ngħataw qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qalet li l-libertà li wieħed joffri servizz ma tipprojbixxix l-impożizzjoni ta’ limiti ġeografiċi fuq il-liċenzji tax-xandir[26].

L-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għat-trażmissjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva onlajn

Sa dan l-aħħar, l-attivitajiet tax-xandara kienu jikkonsistu l-aktar fix-xandir lineari (kemm jekk permezz tal-ajru, tas-satellita jew tal-kejbil) u x-xandara kellhom iġibu awtorizzazzjoni biss għad-drittijiet tal-awturi, tal-artisti u tal-produtturi marbutin mar-riproduzzjoni u max-xandir/mal-komunikazzjoni lill-pubbliku biex jużaw ix-xogħlijiet awdjoviżivi. Madankollu, ix-xandara qegħdin jagħmlu dejjem iktar tal-inqas parti mill-programmi tagħhom disponibbli fuq talba wara l-ewwel xandira (is-servizzi tar-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni u tat-tniżżil tal-programmi minn fuq l-internet). Fil-fatt, ħafna mill-istazzjonijiet ewlenin Ewropej tat-televiżjoni joffru servizz tar-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni[27]. Fost il-programmi disponibbli nsibu l-aħbarijiet, il-programmi tat-tip “magazine”, is-sensieliet u l-films. Sabiex joffru servizzi onlajn (fuq talba) ta’ dan it-tip, ix-xandara jridu jġibu awtorizzazzjoni għal sett ta’ drittijiet differenti minn dawk meħtieġa għax-xandira tal-bidu, jiġifieri d-dritt għar-riproduzzjoni u d-dritt li jqiegħdu x-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku[28].

Meta x-xandara jqassmu s-servizzi tagħhom onlajn lil hinn mit-territorju tax-xandira inizjali, iridu jġibu awtorizzazzjoni għad-drittijiet għal kull territorju addizzjonali. Normalment, id-drittijiet ekonomiċi ta’ xogħol awdjoviżiv jiġu ttrasferuti mingħand il-kontributuri (l-awturi u l-artisti) għal għand il-produttur għal pagament li jsir bil-quddiem, skont il-liġi jew skont kuntratt[29]. Dan jippermetti lill-produtturi jilliċenzjaw il-biċċa l-kbira tal-forom ta’ użijiet tax-xogħol awdjoviżiv, inklużi dawk fuq talba, fuq bażi individwali. Mill-banda l-oħra, jidher li f’ċerti każijiet u għal ċerti detenturi tad-drittijiet, l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tal-użu onlajn għal xogħlijiet u suġġetti oħrajn inkorporati fil-muntaġġ awdjoviżiv (b’mod partikulari b’rabta mal-mużika użata fl-isfond) għal użijiet onlajn u f’diversi territorji tinvolvi sforz amministrattiv kbir u spejjeż kbar tat-tranżazzjoni.

L-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għat-trażmissjoni mill-ġdid tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva

It-trażmissjoni mill-ġdid tal-programmi mxandra, li ġeneralment tirreferi għat-trażmissjoni simultanja ta’ xandira minn entità differenti bħal operatur tal-kejbil, taqa’ taħt att separat tad-drittijiet tal-awtur, li wkoll teħtieġ awtorizzazzjoni mingħand id-detenturi tad-drittijiet.

Id-Direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita tipprovdi proċess għall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ibbażat fuq żewġ saffi, għat-trażmissjoni simultanja mill-ġdid, permezz tal-kejbil, ta’ programmi mxandra minn Stati Membri oħrajn. Minn naħa, ix-xandara jistgħu jilliċenzjaw id-drittijiet tagħhom stess u d-drittijiet li jkunu ġew ittrasferuti lilhom lill-operaturi tal-kejbil, fuq bażi individwali, permezz ta’ kuntratt[30]. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva teżiġi li d-drittijiet l-oħra kollha meħtieġa għat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ programm partikulari permezz tal-kejbil jistgħu jiġu mmaniġġati biss minn soċjetà kollettriċi. Dan tqies li kien meħtieġ fil-każ tat-trażmissjoni simultanja mill-ġdid permezz tal-kejbil minħabba li mill-bqija jkun diffiċli għall-operaturi tal-kejbil li jiżguraw li jkunu ġabu, fil-ħin, l-awtorizzazzjonijiet għad-drittijiet kollha tal-programmi li x-xandara jkunu ttrażmettewlhom u għalhekk biex jiġi evitat ir-riskju li t-trażmissjoni tinqata’ waqt li jkun għaddej il-programm[31]. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva japplikaw b’mod esklużiv għat-“trażmissjoni mill-ġdid b’mod simultanju, mhux mibdul u mhux imqassar, permezz tal-kejbil jew ta’ sistema ta’ “microwave”, ta’ trażmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor”[32].

Pjattaformi ġodda diġitali għamluha possibbli li l-programmi jiġu trażmessi mill-ġdid b’mod simultanju fuq diversi netwerks differenti. L-operaturi tad-DSL[33], tal-IPTV, tan-netwerks mobbli u ta’ pjattaformi diġitali oħrajn bħat-televiżjoni diġitali terrestri (DTT)[34] wkoll iħaddmu servizzi ta’ trażmissjoni mill-ġdid tax-xandiriet. Il-fatt li wieħed jittrażmetti xandira partikulari mill-ġdid permezz tal-internet is-soltu jissejjaħ ix-“xandir simultanju” (“simulcasting” bl-Ingliż). Hawnhekk toħroġ il-mistoqsija dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita li huma speċifiċi għal teknoloġija partikulari għandhomx bżonn jiġu eżaminati mill-ġdid sabiex jiġi żviluppat qafas għat-trażmissjoni transkonfinali mill-ġdid tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva li jkun newtrali mil-lat teknoloġiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-pjattaforma tat-twassil. Wieħed jista’ jargumenta li fil-prattika, din il-ħaġa diġà qed tiġi parzjalment applikata, minħabba li l-operaturi tal-“broadband” li jipprovdu servizz analogu – jiġifieri t-trażmissjoni mill-ġdid “b’mod simultanju, mhux mibdul u mhux imqassar” – huma inklużi fl-arranġamenti ġenerali għat-tqassim mill-ġdid permezz tal-kejbil. Is-servizzi fuq talba u s-servizzi ta’ riċezzjoni kontinwa (“streaming”) li joriġinaw mill-internet (li normalment bl-Ingliż jissejħu “webcasting”) huma esklużi.

Ġie argumentat ukoll li l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet, skont ir-regoli attwali għat-trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil mogħtija fid-Direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita, tista’ tkun teħtieġ diversi tranżazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw drittijiet differenti, u li jista’ jkun hemm nuqqas ta’ ċarezza u ta’ ċertezza dwar min għandu l-mandat jilliċenzja liema drittijiet. F’dan il-kuntest kien hemm ukoll dibattitu dwar il-ħtieġa li jinżamm il-liċenzjar kollettiv obbligatorju għat-trażmissjoni mill-ġdid permezz tal-kejbil, meta mqabbel mas-sitwazzjoni opposta, jiġifieri li wieħed iħalli lid-detenturi tad-drittijiet fil-libertà li jagħtu l-liċenzji fuq bażi individwali.

L-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għas-servizzi tal-vidjow fuq talba bi tranżazzjoni

Is-swieq awdjoviżivi mad-dinja kollha huma bbażati fuq arranġamenti esklużivi tal-ħruġ, bil-ħruġ ta’ film fis-swali taċ-ċinema jkun fattur ewlieni fil-ħolqien ta’ “identità tad-ditta” tal-film fil-pajjiżi kollha fejn ikun se jintwera. Il-produtturi u d-distributuri jżidu kemm jista’ jkun id-dħul billi jqassmu l-pjattaforma tal-midja li permezz tagħha l-film jiġi kkummerċjalizzat (“il-perjodi taż-żmien li matulhom film ikun disponibbli fuq mezzi tal-midja differenti”)[35]. It-tali perjodi jew “kronoloġiji” jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, iżda s-sekwenza standard għal film, pereżempju, hija li jinħareġ l-ewwel fis-swali taċ-ċinema, imbagħad fuq vidjow, fuq diska diġitali versatili (DVD) jew fuq diska tat-tip “Blu ray”, imbagħad li jinħareġ bħala vidjow fuq talba, wara fuq it-televiżjoni bi ħlas, u fl-aħħar nett, li jinħareġ fuq it-televiżjoni bla ħlas. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-kronoloġija u t-tul ta’ kull perjodu tal-ħruġ fuq mezz tal-midja differenti jiddependu mill-kuntratt bejn id-detenturi tad-drittijiet u d-distributuri. Madankollu, żewġ Stati Membri għad għandhom miżuri regolatorji nazzjonali marbutin mal-perjodi tal-ħruġ fuq mezzi tal-midja differenti[36], filwaqt li oħrajn jorbtu l-għoti ta’ sussidji għall-films mal-ħarsien ta’ perjodi taż-żmien maqbulin għall-ħruġ fis-swali taċ-ċinema[37].

Il-kummerċjalizzazzjoni għall-użu f’verżjonijiet fil-ġejjieni (f’perjodi taż-żmien fuq mezzi tal-midja differenti fil-ġejjieni) hija bbażata fuq l-ewwel ħarġa ta’ film fis-swali taċ-ċinema, li titqies li għandha rwol importanti biex tiddeċiedi l-qligħ ġenerali li se jkun hemm minn kwalunkwe film. Il-produtturi u d-distributuri tal-films bdew jallinjaw mill-ġdid il-perjodi tradizzjonali tal-ħruġ fuq mezzi tal-midja differenti biex dawn ikunu jinkludu l-perjodi tal-vidjow fuq talba, inkluż pereżempju billi jqiegħdu l-films għad-dispożizzjoni tas-servizzi tal-vidjow fuq talba bi tranżazzjoni fl-istess waqt li dawn il-films jinħarġu fiċ-ċinema jew fuq DVD[38]. Dan l-iżvilupp inbeda parzjalment minħabba l-fatt li l-ispinta tal-kummerċjalizzazzjoni tista’ tintilef jekk jgħaddi wisq żmien bejn meta x-xogħol jinħareġ għall-ewwel darba u meta jintuża b’mod sussegwenti permezz ta’ mezzi oħrajn. Fl-istess ħin, is-sistema attwali ta’ tqassim imqassam fuq il-pjattaformi differenti u tal-ħruġ territorjali qed tħabbat wiċċha ma’ sfida serja minħabba l-interess dejjem jikber tal-konsumaturi li jkollhom aċċess għax-xogħlijiet awdjoviżivi u ċinematografiċi kważi mill-ewwel malli jinħarġu, irrispettivament minn fejn ikunu joqogħdu. Kopji tal-films ikkupjati bla permess qed ikunu dejjem iktar disponibbli onlajn saħansitra qabel ma l-film jitqassam għall-ewwel darba fis-swali taċ-ċinema jew fuq it-televiżjoni, u dan qed ikompli jżid il-pressjoni biex il-perjodi tal-ħruġ fuq mezzi tal-midja differenti jiqsaru[39].

Il-produtturi tal-films Ewropej iqisu l-ħruġ fis-swali taċ-ċinema bħala ħaġa partikularment importanti għall-films Ewropej minħabba l-baġits tal-promozzjoni relattivament żgħar tagħhom[40]. Mid-dehra, x’aktarx li kwalunkwe approċċ li lill-produtturi u lid-distributuri jneħħilhom l-opportunità li jġibu lura l-flus li jkunu investew permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali dwar it-tqassim u l-kummerċjalizzazzjoni se jwassal għal nuqqas sinifikanti ta’ inċentivi biex huma jinvestu fil-produzzjoni tal-films.

Kif ġie spjegat hawn fuq, normalment id-drittijiet ekonomiċi tax-xogħlijiet awdjoviżivi (inkluż id-dritt li wieħed iqiegħed ix-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku) jiġu ttrasferuti mingħand l-awturi u l-artisti għal għand il-produttur (skont il-liġi jew skont kuntratt). Dan jippermetti lill-produttur jilliċenzja ħafna mid-drittijiet meħtieġa għas-servizzi tal-vidjow fuq talba b’mod dirett. Madankollu, jidher li l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tista’ tkun diffiċli u tiswa ħafna flus għal ċerti operaturi tas-servizzi tal-vidjow fuq talba. L-ewwel nett, bħala parti mill-arranġamenti ta’ finanzjament minn qabel, il-produtturi jista’ jkun li jkunu qasmu d-drittijiet tal-użu fit-territorji differenti u li jkunu ħatru msieħeb differenti tat-tqassim biex jieħu ħsieb il-kummerċjalizzazzjoni u t-tqassim f’kull territorju. It-tieni nett, xi kultant jinqalgħu diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza dwar id-drittijiet rilevanti li jrid ikun hemm awtorizzazzjoni għalihom għal xogħlijiet u suġġetti oħrajn inkorporati fil-muntaġġ awdjoviżiv.

Il-produzzjoni u t-tqassim tal-films Ewropej

L-UE saret waħda mill-ikbar produtturi tal-films fid-dinja kollha: fl-2009 ġew prodotti 1,168 film fl-UE (meta mqabbel ma’ 677 prodotti fl-Amerika)[41]. Il-films Ewropej jirrappreżentaw madwar 25 % tal-għadd ta’ nies li jmorru jaraw il-films fis-swali taċ-ċinema fl-UE u l-films Amerikani għandhom sehem mis-suq ta’ 68 %[42]. Għall-kuntrarju, fl-2009, il-films Amerikani kellhom sehem ta’ 93 % mis-suq Amerikan, waqt li l-films Ewropej kellhom sehem ta’ 7 %. M’hemm l-ebda dejta disponibbli għall-pubbliku dwar is-sehem fis-suq onlajn.

Dawn iċ-ċifri jirriflettu l-fatt li l-industrija ċinematografika Ewropea tħabbat wiċċha ma’ xi karatteristiċi strutturali uniċi, fosthom l-affarijiet speċifiċi u l-preferenzi lingwistiċi u kulturali tas-swieq nazzjonali u d-disponibbiltà limitata tas-sorsi finanzjarji. Is-settur awdjoviżiv Ewropew huwa fframmentat ħafna u huwa magħmul minn għadd kbir ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)[43]. L-Ewropa ma kinitx f’qagħda li tizviluppa sistema ta’ postijiet għall-ġbid tal-films għaċ-ċinema bħal dik li ġiet żviluppata mill-kumpaniji l-kbar ibbażati f’Hollywood. Hija ssofri minn nuqqas ta’ investiment meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn[44] u l-baġit medju għall-films huwa nitfa ta’ dak li jkollhom il-films tal-kumpaniji l-kbar[45]. Ħafna drabi l-films Ewropej ikollhom suċċess fit-territorju tagħhom stess, iżda, hekk kif juru ċ-ċifri mogħtija hawn fuq, għandhom tendenza li, lil hinn mit-territorju fejn ikunu ġew prodotti, jitqassmu u jiġbdu n-nies b’mod limitat.

Minħabba l-isfidi strutturali li qed tiffaċċja ċ-ċinema fl-Ewropa, l-iżvilupp ta’ dan is-settur ma tħalliex biss f’idejn il-forzi tas-suq. Il-pluraliżmu, id-diversità kulturali u lingwistika u l-ħarsien tal-minuri huma wħud mill-għanijiet ta’ interess ġenerali li tissalvagwardja l-leġiżlazzjoni tal-UE, b’mod partikulari d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva. Bl-istess mod, id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u l-programm “MEDIA”[46] jippromwovu l-produzzjoni u t-tqassim tax-xogħlijiet Ewropej kemm fis-servizzi lineari kif ukoll f’dawk li mhumiex lineari. B’mod partikulari, il-programm “MEDIA” għandu l-għan li jżid iċ-ċirkulazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u li jżid l-għadd ta’ nies li jarawhom kemm fl-UE kif ukoll ’il barra minnha. Il-Komunikazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur taċ-ċinema[47], li fil-preżent qed tiġi riveduta, tipprovdi qafas xieraq li jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ finanzjarju għat-tqassim u l-produzzjoni tal-films filwaqt li żżomm kundizzjonijiet indaqs fis-suq intern.

Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-fatt li s-sistemi nazzjonali ta’ finanzjament huma importanti ferm sabiex jinżammu l-investiment fil-produzzjonijiet lokali u r-rabtiet mill-qrib bejn id-diversi pjattaformi, minħabba li x-xandara tradizzjonali huma dawk li, b’mod ewlieni, jikkummissjonaw u jqassmu l-produzzjonijiet awdjoviżivi u ċinematografiċi[48]. Xi drabi, dawn huma obbligati bil-liġi li jinvestu ċertu perċentwal tad-dħul tagħhom fil-produzzjonijiet lokali.

Il-programm “MEDIA”, li żviluppa bi tweġiba għan-natura fframmentata tas-swieq kulturali Ewropej, jipprovdi mekkaniżmu ta’ appoġġ li qed jagħmel suċċess, kemm għad-disponibbiltà tal-films Ewropej fuq diversi territorji, kif ukoll għall-pjattaformi li qed joħorġu tas-servizzi tal-vidjow fuq talba. Fost is-sittax-il proġett li ġew appoġġati fl-2010, erbgħa biss għandhom kopertura purament nazzjonali[49]. It-tnax-il proġett l-ieħor għandhom kopertura internazzjonali minħabba li mhumiex neċessarjament limitati għall-fruntieri tal-Unjoni Ewropea[50].

APPROċċI TAL-POLITIKA

Il-Kummissjoni Ewropea esprimiet l-impenn tagħha li tgħin biex jitnaqqsu d-differenzi fid-disponibbiltà tas-servizzi onlajn għall-konsumaturi billi toħloq qafas Ewropew għall-għoti ta’ liċenzji tad-drittijiet tal-awtur onlajn għas-servizzi multiterritorjali u pan-Ewropej[51]. Hekk kif tħabbar fl-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, kmieni fl-2012 il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva biex tittejjeb il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, fosthom billi jkun hemm iktar trasparenza u tmexxija aħjar tas-soċjetajiet kollettriċi, u b’hekk jiġi żgurat li l-ġestjoni kollettiva tiżviluppa u twieġeb għall-ħtiġijiet tal-liċenzjar multiterritorjali. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ xogħlijiet awdjoviżivi fejn ħafna drabi jkun possibbli li tingħata liċenzja permezz ta’ punt wieħed (il-produttur), dan il-qafas biex jiffaċilita l-għoti kollettiv tal-liċenzji għad-drittijiet jista’ jkun ta’ importanza partikulari għal ċerti aspetti bħall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet biex tintuża l-mużika inkorporata fix-xogħol awdjoviżiv.

Tressqu wkoll għażliet oħra. Waħda hija li l-prinċipju tal-“pajjiż tal-oriġini” li fuqu jissejjes ix-xandir bis-satellita (hekk kif stabbilit fid-Direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita) jiġi estiż għat-twassil tal-programmi onlajn, b’mod partikulari għat-twassil ta’ servizzi li jkunu disponibbli fuq talba u li jkunu sekondarji għall-attivitajiet tax-xandir (pereżempju s-servizz tar-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni). F’dan ix-xenarju, il-liġi applikabbli tkun dik tal-pajjiż fejn toriġina t-trażmissjoni onlajn, għalkemm il-partijiet involuti jkunu jistgħu jiżguraw ukoll li l-ħlas tal-liċenzja jkun qies l-aspetti kollha tat-trażmissjoni, fosthom l-udjenza reali u potenzjali, kif ukoll il-verżjoni lingwistika[52]. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dan l-approċċ ibbażat fuq il-“pajjiż tal-oriġini” mhux se taffettwa l-libertà kuntrattwali tal-partijiet involuti, jiġifieri meta jkunu qed jistabbilixxu t-termini tal-liċenzja, id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti kummerċjali se jkunu jistgħu jaqblu, fil-kuntratt, dwar l-ambitu territorjali tal-liċenzja[53].

Hawnhekk joħorġu mistoqsijiet dwar kif se jiġi stabbilit il-“pajjiż tal-oriġini” għat-trażmissjonijiet onlajn[54]. Dan huwa rilevanti b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi fuq talba bi tranżazzjoni, li fihom l-introduzzjoni tal-approċċ ibbażat fuq il-“pajjiż tal-oriġini” jista’ faċilment joħloq arbitraġġ regolatorju marbut mal-għażla tal-pajjiż fejn jiġi stabbilit il-fornitur tas-servizz. Ix-xogħlijiet awdjoviżivi għandhom valur marbut ma’ lingwa speċifika u ħafna mis-servizzi tal-midja awdjoviżiva jiffukaw b’mod ewlieni fuq udjenza nazzjonali jew, l-iktar l-iktar, fuq gruppi li jkollhom lingwa komuni. Jeħtieġ li jiġu vvalutati l-estent eżatt tal-problema u l-valur miżjud ta’ estensjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini. Għandhom jiġu eżaminati wkoll mistoqsijiet oħra marbutin mal-livell ta’ protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet u mal-ħtieġa li jkun hemm iktar armonizzazzjoni. Iridu jitqiesu wkoll ir-raġunijiet għaliex, iktar minn ħmistax-il sena wara li bdiet tapplika d-Direttiva rilevanti, dan l-approċċ donnu ma wassalx għall-ħolqien, b’mod wiesa’, ta’ servizzi pan-Ewropej tax-xandir bis-satellita[55].

Fl-“Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali”, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li teżamina l-approċċ li jinħoloq Kodiċi Ewropew komprensiv wieħed tad-drittijiet tal-awtur – approċċ li għandu ambitu ferm usa’ mill-ieħor. Kodiċi Ewropew wieħed tad-drittijiet tal-awtur bħal dan jista’ jissejjes fuq kodifikazzjoni tad-Direttivi eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur li matulha se tiġi eżaminata l-ħtieġa li l-armonizzazzjoni tmur lil hinn minn kif inhi bħalissa.

Dan jista’ jipprovdi wkoll opportunità biex jiġi eżaminat jekk l-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-awtur li huma permessi mid-Direttiva dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni[56] għandhomx bżonn jiġu aġġornati. Minbarra Kodiċi bħal dan, tista’ tiġi eżaminata wkoll il-fattibbiltà li jinħoloq titlu fakultattiv wieħed għad-dritt tal-awtur abbażi tal-Artikolu 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[57]. Titlu fakultattiv jista’ jsir disponibbli fuq bażi volontarja u jkun jeżisti flimkien mat-titli nazzjonali. L-awturi jew il-produtturi tax-xogħlijiet awdjoviżivi fil-ġejjieni se jkollhom l-għażla li jirreġistraw ix-xogħlijiet tagħhom imbagħad jingħataw titlu wieħed li jkun validu fl-UE kollha. Il-fattibbiltà ta’ titlu bħal dan, id-domanda reali għalih u l-vantaġġi tanġibbli tiegħu, flimkien mal-konsegwenzi tal-applikazzjoni tiegħu b’mod parallel mal-protezzjoni territorjali eżistenti, jridu jiġu eżaminati bir-reqqa.

Fl-aħħarnett, f’dan il-qasam tqajjem tħassib, bħal f’oqsma oħrajn, dwar l-eżattezza tat-tagħrif dwar is-sjieda tad-drittijiet. Għaldaqstant jidher li ta’ min jeżamina l-għażliet biex jiġu żviluppati sistemi għall-ġestjoni tad-dejta għas-sjieda tad-drittijiet marbutin ma’ xogħlijiet awdjoviżivi[58]. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-ħtieġa li jkun hemm awtorizzazzjoni tad-drittijiet għal xogħlijiet u suġġetti li kienu jeżistu qabel li huma inkorporati fix-xogħol awdjoviżiv, jidher li ta’ min jesplora l-modi li bihom is-sorsi tat-tagħrif dwar is-sjieda tad-drittijiet jistgħu jinqasmu fis-setturi kollha.

Mistoqsijiet

1. X'inhuma l-ostakli legali ewlenin u l-ostakli l-oħrajn – kemm jekk inhuma marbutin mad-drittijiet tal-awtur u kemm jekk le – li jfixklu s-suq diġitali uniku tat-tqassim transkonfinali tax-xogħlijiet awdjoviżivi? Liema huma l-kundizzjonijiet tal-qafas li għandhom jiġu adattati jew li għandhom jiġu implimentati sabiex jiġi stimulat suq diġitali uniku dinamiku tal-kontenut awdjoviżiv u sabiex jiġi ffaċilitat il-liċenzjar multiterritorjali? Liema għandhom ikunu l-prijoritajiet ewlenin?

2. Xi problemi prattiċi jinħolqu għall-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għax-xogħlijiet awdjoviżivi (a) f’territorju wieħed u (b) f’diversi territorji? Liema drittijiet huma affettwati u għal liema użijiet?

3. Il-problemi tal-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur jistgħu jissolvew billi jittejjeb il-qafas għal-liċenzjar? Sistema tad-drittijiet tal-awtur imsejsa fuq it-territorjalità fl-UE hija xierqa fil-kuntest tal-internet?

4. X’mezzi teknoloġiċi jistgħu jkunu previsti, bħal pereżempju kodiċijiet ta’ aċċess individwali, sabiex il-konsumaturi jkun jista’ jkollhom aċċess għax-xandira jew għas-servizzi l-oħrajn “tagħhom” u għall-kontenut “tagħhom”, irrispettivament minn fejn ikunu joqogħdu? X’impatt jista’ jkollhom it-tali approċċi fuq il-mudelli tal-liċenzjar?

5. Kemm se jkun fattibbli li wieħed jestendi l-prinċipju tal-“pajjiż tal-oriġini”, kif inhu applikat għax-xandir bis-satellita, għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, u x’se jkunu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ dan? Liema se jkun l-aħjar mod biex wieħed jistabbilixxi l-pajjiż tal-oriġini għat-trażmissjonijiet onlajn?

6. Xi spejjeż u benefiċċji se jkun hemm meta wieħed jestendi s-sistema tal-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għat-trażmissjoni transkonfinali mill-ġdid tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva permezz tal-kejbil għal bażi li tkun newtrali mil-lat teknoloġiku? It-tali estensjoni għandha tkun limitata għal “ambjenti magħluqin” biss bħall-IPTV jew għandha tkopri l-forom kollha tat-trażmissjoni mill-ġdid b’mod miftuħ (ix-xandir simultanju) fuq l-internet?

7. Hemm bżonn ta’ miżuri speċifiċi fil-kuntest tal-iżvilupp rapidu tas-siti tan-netwerking soċjali u tal-midja soċjali li jiddependu fuq il-fatt li l-utenti aħħarin joħolqu l-kontenut u jtellgħuh onlajn (il-blogs, il-“podcasts”, il-“posts”, il-“wikis”, il-“mash-ups”, u l-qsim ta’ fajls u ta’ vidjows)?

8. X’impatt se jkollhom l-iżviluppi teknoloġiċi oħrajn li se jkun hemm (pereżempju l-“cloud computing”) fuq it-tqassim tal-kontenut awdjoviżiv, fosthom it-twassil tal-kontenut fuq tagħmir differenti u l-kapaċità tal-utenti li jkollhom aċċess għall-kontenut, ikunu fejn ikunu?

9. It-teknoloġija kif tista’ tiffaċilita l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet? L-iżvilupp ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni għax-xogħlijiet awdjoviżivi u ta’ bażijiet tad-dejta dwar is-sjieda tad-drittijiet se jiffaċilita l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għat-tqassim onlajn tax-xogħlijiet awdjoviżivi? X’inhu r-rwol tal-Unjoni Ewropea, jekk għandu jkollha wieħed?

10. Il-mudelli attwali ta’ finanzjament u tqassim tal-films, li huma bbażati fuq għażliet ta’ tqassim imqassam fuq il-pjattaformi differenti u l-ħruġ territorjali, għadhom rilevanti fil-kuntest tas-servizzi awdjoviżivi onlajn? Liema hu l-aħjar mod biex ikun iffaċilitat il-ħruġ ta’ films iktar antiki li m’għadhomx jaqgħu taħt ftehim ta’ esklużività għat-tqassim onlajn madwar l-UE?

11. L-Istati Membri għandhom ikunu pprojbiti milli jżommu jew jintroduċu perjodi tal-ħruġ fuq mezzi tal-midja differenti li jorbtu legalment fil-kuntest tal-finanzjament ta’ produzjoni ta’ film partikulari min-naħa tal-istat?

12. X’miżuri għandhom jittieħdu sabiex ikun żgurat li x-xogħlijiet Ewropej ikunu inklużi u/jew jingħataw prominenza fil-katalgu ta’ programmi offruti mill-fornituri tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba?

13. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jista’ jkun hemm meta wieħed jarmonizza d-drittijiet tal-awtur fl-UE permezz ta’ Kodiċi komprensiv tad-drittijiet tal-awtur?

14. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar l-introduzzjoni ta’ Titlu fakultattiv wieħed għad-dritt tal-awtur fl-UE? Liema karatteristiċi għandu jkollu Titlu unitarju, fosthom b’rabta mad-drittijiet nazzjonali?

RIMUNERAZZJONI GħAD-DETENTURI TAD-DRITTIJIET TALLI X-XOGħLIJIET AWDJOVIżIVI TAGħHOM JINTUżAW ONLAJN

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li għandha tiġi żgurata rimunerazzjoni xierqa għad-detenturi tad-drittijiet. Fl-istess waqt, huwa importanti ferm għall-iżvilupp tas-servizzi transkonfinali fis-suq diġitali uniku li s-sjieda u d-drittijiet tas-servizzi transkonfinali jkunu trasparenti u li l-ispejjeż għat-tnedija ta’ servizzi ġodda jkunu prevedibbli. Fl-aħħar mill-aħħar, li wieħed jiffaċilita servizzi transkonfinali li jkollhom suċċess se jwassal għal rimunerazzjoni ikbar għal dawk li jkunu ħolqu x-xogħlijiet.

Filwaqt li fl-UE kien hemm ħafna armonizzazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet ekonomiċi esklużivi u mal-perjodu ta’ protezzjoni[59], ir-regoli dwar l-awtur u dwar l-ewwel sjieda fl-UE ġew armonizzati biss parzjalment. Hekk kif qalet il-Kummissjoni fir-rapport tagħha dwar il-kwistjoni tal-oriġini ta’ xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi fil-Komunità[60]:

“Minħabba din l-armonizzazzjoni, issa l-Istati Membri kollha jqisu d-direttur ewlieni ta’ film bħala wieħed mill-awturi tiegħu. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma wasslitx għall-armonizzazzjoni sħiħa tal-kunċett tal-awtur fix-xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi. Għad hemm differenzi fid-dettalji b’rabta ma’ min, fost in-nies involuti fil-proċess biex isir il-film, għandu jitqies bħala koawtur flimkien mad-direttur prinċipali”[61].

Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali dwar it-trasferiment u ċ-ċessjoni tad-drittijiet, kif ukoll dwar is-suċċessjoni legali jvarjaw. L-ambitu tat-trasferiment tad-drittijiet ukoll ivarja minn Stat Membru għall-ieħor[62]. Xi wħud iqisu d-diversi approċċi li nsibu madwar l-UE bħala sfida għal-liċenzjar tax-xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea, li jagħmlu dan il-proċess wieħed kumpless u li jieħu ħafna ħin.

Ir-rimunerazzjoni tal-awturi għall-użu onlajn

Fil-biċċa l-kbira, l-awturi jittrasferixxu d-drittijiet ekonomiċi esklużivi tagħhom lill-produttur għal somma mogħtija f’daqqa jew għal pagament “ta’ akkwiżizzjoni” għall-kontribut tagħhom f’xogħol awdjoviżiv (għall-kitba u/jew għax-xogħol ta’ direttur, eċċ.). Mhux soltu li l-awturi jirċievu rimunerazzjoni għal kull użu għall-użijiet primarji tax-xogħlijiet tagħhom, bħall-wirjiet fiċ-ċinema jew il-bejgħ tad-DVDs[63]. Bl-istess mod, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jipprovdux qafas biex l-awturi awdjoviżivi jirċievu pagament “għal kull użu” għall-użu onlajn tax-xogħlijiet tagħhom[64].

F’xi Stati Membri (fi Franza, il-Belġju u l-Bulgarija), is-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva li jirrappreżentaw lill-awturi awdjoviżivi għandhom dritt kuntrattwali li jiġbru rimunerazzjoni, f’isem il-membri tagħhom, għal kull użu, għax-xandir tax-xogħlijiet tagħhom fuq it-televiżjoni. F’xi pajjiżi oħrajn (fi Spanja, l-Italja u l-Portugall), bil-liġi d-distributur finali, li normalment ikun ix-xandar, jitqies li huwa responsabbli għall-pagamenti lill-awturi għal kull użu. Madankollu, il-produttur għandu d-drittijiet ekonomiċi li għalihom jeħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni biex xogħol ikun jista’ jintuża.

Wieħed jista’ jargumenta li l-awturi mhu qed jieħdu l-ebda benefiċċju ekonomiku mill-użu onlajn tax-xogħlijiet tagħhom jekk mhu qed jingħataw l-ebda rimunerazzjoni proporzjonata għal kull użu. Għażla waħda biex din il-problema tissolva hija li jiġi introdott dritt li ma jistax jiċċaħħad għal rimunerazzjoni għad-dritt tagħhom “li jqegħdu x-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”, li jkun immaniġġat b’mod obbligatorju fuq bażi kollettiva. Għażla oħra hija li tiġi promossa l-ħila tal-awturi li jwettqu negozjati fuq bażi individwali jew fuq bażi kollettiva. Dan jista’ jitqies bħala l-aħjar mod kif jitkabbar kemm jista’ jkun il-valur tad-drittijiet esklużivi tal-awtur, b’mod speċjali minħabba li d-dritt li wieħed iqiegħed ix-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jista’ jsir wieħed mill-iktar assi ta’ valur tagħhom huma u jwettqu n-negozjati fil-ġejjieni.

Ir-rimunerazzjoni tal-artisti għall-użu onlajn

Bħal fil-każ tal-awturi awdjoviżivi, f'ħafna mill-pajjiżi tal-UE, id-drittijiet ekonomiċi esklużivi tal-artisti awdjoviżivi, fosthom id-dritt “li wieħed iqiegħed ix-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” għall-użu interattiv onlajn, normalment jiġu ttrasferuti lill-produttur minn qabel bil-liġi jew skont kuntratt, għal somma mogħtija f’daqqa. Huma ftit Stati Membri biss, fosthom Spanja, li jipprovdu għal rimunerazzjoni ġusta għall-artisti awdjoviżivi, sabiex jiżguraw li dawn jirċievu sehem proporzjonat mill-qligħ mill-użu tax-xogħlijiet ta’ divertiment tagħhom.

Wieħed jista’ jargumenta li l-artisti għandu jkollhom l-istess dritt, fuq bażi armonizzata, għal dritt li ma jistax jiċċaħħad għar-rimunerazzjoni, li minnu jkunu jibbenefikaw anki wara li jkunu ttrasferew id-dritt esklużiv tagħhom li jqegħdu x-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Ir-rimunerazzjoni marbuta ma’ dan id-dritt tista’ tinġabar ukoll b’mod obbligatorju mis-soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva. Hawnhekk ukoll għandhom jitqiesu wkoll mezzi oħrajn biex ikun żgurat li l-artisti jkunu jistgħu jinnegozjaw, b’mod individwali jew kollettiv, rimunerazzjoni adegwata.

F’dak li għandu x’jaqsam mar-rimunerazzjoni tal-awturi u tal-artisti, wieħed jista’ jargumenta li l-ħolqien ta’ saff ieħor ta’ drittijiet għar-rimunerazzjoni jista’ jżid l-inċertezzi dwar minn fejn u mingħand min iridu jinġiebu l-awtorizzazzjonijiet għal-liċenzji (b’mod partikulari minħabba li m’hemmx regoli armonizzati dwar l-awtur fl-UE) u li dan jista’ jobbliga lill-utenti jamministraw u jirrikonċiljaw diversi talbiet għar-rimunerazzjoni għal kull xogħol awdjoviżiv. Għalhekk, din l-għażla tista’ titqies bħala waħda ta’ detriment għall-iżvilupp tal-pjattaformi għat-tqassim onlajn tax-xogħlijiet awdjoviżivi minħabba li żżid l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u l-inċertezza legali u ekonomika.

Huwa importanti li wieħed jeżamina jekk il-ħolqien ta’ drittijiet ġodda għar-rimunerazzjoni li għandhom jiġu mmaniġġati b’mod kollettiv huwiex l-uniku mezz biex tiġi żgurata rimunerazzjoni adegwata, jewinkella jistgħux jiġu stabbiliti mekkaniżmi alternattivi sabiex jiġi żgurat li r-rimunerazzjoni tal-awturi u tal-artisti tkun tirrifletti b’mod adegwat is-suċċess ta’ xogħol partikulari[65].

Mistoqsijiet

15. Hija meħtieġa l-armonizzazzjoni tal-kunċett tal-awtur u/jew tat-trasferiment tad-drittijiet tax-xogħlijiet awdjoviżivi sabiex jiġi ffaċilitat il-liċenzjar transkonfinali tax-xogħlijiet awdjoviżivi fl-UE?

16. Fil-livell Ewropew, huwa meħtieġ dritt li ma jistax jiċċaħħad għar-rimunerazzjoni għall- awturi awdjoviżivi sabiex tkun żgurata rimunerazzjoni proporzjonata għall-użijiet tax-xogħlijiet tagħhom onlajn wara li jkunu ttrasferew id-dritt tagħhom li jqegħdu x-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku? Jekk iva, it-tali dritt għar-rimunerazzjoni għandu jkun immaniġġat b’mod obbligatorju mis-soċjetajiet kollettriċi?

17. Xi spejjeż u benefiċċji se jkun hemm għall-partijiet kollha fil-katina tal-valur, fosthom il-konsumaturi, meta wieħed jintroduċi t-tali dritt? B’mod partikulari, x’effett se jkun hemm fuq il-liċenzjar transkonfinali tax-xogħlijiet awdjoviżivi?

18. Fil-livell Ewropew, huwa meħtieġ dritt li ma jistax jiċċaħħad għar-rimunerazzjoni għall- artisti awdjoviżivi sabiex tkun żgurata rimunerazzjoni proporzjonata għall-użijiet tax-xogħlijiet ta’ divertiment tagħhom onlajn wara li jkunu ttrasferew id-dritt tagħhom li jqegħdu x-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku? Jekk iva, it-tali dritt għar-rimunerazzjoni għandu jkun immaniġġat b’mod obbligatorju mis-soċjetajiet kollettriċi?

19. Xi spejjeż u benefiċċji se jkun hemm għall-partijiet kollha fil-katina tal-valur, fosthom il-konsumaturi, meta wieħed jintroduċi t-tali dritt? B’mod partikulari, x’effett se jkun hemm fuq il-liċenzjar transkonfinali tax-xogħlijiet awdjoviżivi?

20. Hemm xi mezzi oħrajn biex jiġi żgurat li l-awturi u l-artisti jingħataw rimunerazzjoni adegwata u jekk iva, liema huma?

UżIJIET SPEċJALI U L-BENEFIċJARJI

L-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku

Bi qbil mal-missjonijiet ta’ interess pubbliku tagħhom, bħall-preservazzjoni, ir-restawr u l-għoti ta’ aċċess kulturali u edukattiv għax-xogħlijiet li għandhom fil-kollezzjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku[66] għandhom interess kbir li jaqilbu l-arkivji tagħhom f’forma diġitali, li jqegħduhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku onlajn u li juruhom fis-swali taċ-ċinema tagħhom f’format diġitali. Dawn l-istituzzjonijiet m’għandhomx f’idejhom id-drittijiet tax-xogħlijiet awdjoviżivi, iżda jżommu t-tali xogħlijiet sempliċiment minħabba li huma jservu ta’ maħżen kulturali. It-tali istituzzjonijiet esprimew tħassib dwar il-fatt li l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet tax-xogħlijiet li huma jżommu tiswa ħafna flus u tieħu ħafna ħin. Huma jinsabu mħassbin dwar il-fatt li l-qafas attwali tal-UE ma jagħtihomx biżżejjed ċertezza legali biex iwettqu l-proċessi kollha meħtieġa biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom, li jistgħu jinkludu l-qlib minn midja u minn format għall-ieħor u t-trażmissjoni tax-xogħlijiet għal post remot wieħed jew aktar għall-għanijiet tal-preservazzjoni, eċċ.

Il-Green Paper dwar id-“Drittijiet tal-Awtur fl-Ekonomija tal-Għarfien”[67] u warajha l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Id-Dritt tal-Awtur fl-Ekonomija tal-Għarfien”[68] fetħu d-diskussjoni dwar l-eċċezzjonijiet mhux obbligatorji tal-Artikolu 5(2)(c) (ir-riproduzzjonijiet magħmula mil-libreriji għall-għanijiet tal-preservazzjoni) u tal-Artikolu 5(3)(n) (il-konsultazzjoni fil-post għar-riċerkaturi) tad-Direttiva 2001/29/KE dwar id-drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni. Sabiex jingħataw iċ-ċertezza legali biex iwettqu ħidmiethom, l-arkivji Ewropej tal-films esprimew il-fehma li dawn l-eċċezzjonijiet għandhom isiru obbligatorji u li l-applikazzjoni tagħhom għandha tiġi armonizzata fl-Istati Membri kollha.

Mistoqsijiet

21. Hemm bżonn ta’ bidliet leġiżlattivi sabiex l-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku jiġu megħjuna jwettqu l-missjoni ta’ interess pubbliku tagħhom? L-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(c) (ir-riproduzzjonijiet magħmula mil-libreriji għall-għanijiet tal-preservazzjoni) u tal-Artikolu 5(3)(n) (il-konsultazzjoni fil-post għar-riċerkaturi) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom jiġu adattati sabiex tingħata sigurtà legali lill-prattika ta’ kuljum tal-istituzzjonijiet Ewropej tal-wirt ċinematografiku?

22. Hemm xi miżuri oħra li jistgħu jitqiesu?

L-aċċessibbiltà tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropea

L-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità għall-2010 sal-2020 tirreferi għall-problemi ta’ aċċessibbiltà li jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità. B’mod partikulari, din issemmi li għad hemm il-problema li ħafna xandara tat-televiżjoni ftit li xejn jipprovdu sottotitli u programmi deskritti bil-kliem ukoll.

L-istrateġija tipproponi li l-aċċessibbiltà tittejjeb kemm jista’ jkun, bi qbil mal-Aġenda Diġitali u, fost il-lista tal-azzjonijiet għall-2010 sal-2015, tinkludi l-ħsieb li l-aċċessibbiltà tiġi evalwata b’mod sistematiku fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni li qed titwettaq skont l-Aġenda Diġitali wara l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità[69].

Mistoqsijiet

23. Xi problemi prattiċi jinqalgħu għall-persuni b’diżabilità biex ikollhom aċċess, bl-istess mod bħal ħaddieħor, għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva fl-Ewropa?

24. Il-qafas tad-drittijiet tal-awtur irid jiġi adattat sabiex titjieb l-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabilità għax-xogħlijiet awdjoviżivi?

25. X’benefiċċji prattiki se jkun hemm meta wieħed jarmonizza r-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva fl-Ewropa?

26. X’azzjonijiet oħra għandhom jiġu esplorati sabiex il-kontenut aċċessibbli jkun iktar disponibbli fl-Ewropa kollha?

IL-PASSI LI JMISS

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar l-ideat mogħtija f’din il-Green Paper, fosthom billi jwieġbu għall-mistoqsijiet speċifiċi mniżżlin fiha, fl-indirizz li ġej:

Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi – l-Unità D-1 “Id-dritt tal-awtur”

Indirizz tal-posta elettronika: markt-d1@ec.europa.eu Indirizz postali: Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi – l-Unità D-1

Rue de Spa 2

L-Uffiċċju 06/014

1049 Brussell

Il-Belġju

Jekk jogħġbok ibgħat il-kummenti tiegħek f’format elettroniku sat- 18 ta’ Novembru 2011 . Il-kontributi li jintbagħtu se jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-internet tad-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi, sakemm min jagħmel il-kontribut ma jitlobx mod ieħor. Huwa importanti li wieħed jaqra l-istqarrija speċifika dwar il-privatezza mehmuża ma’ din il-konsultazzjoni għal tagħrif dwar kif id-dejta personali tiegħek u l-kontribut tiegħek se jiġu ttrattati.

[1] Aġenda Diġitali għall-Ewropa, COM(2010) 245, 19.5.2010.

[2] Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jagħti spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta’ kwalita għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa, COM(2011) 287 finali, 24.5.2011.

[3] Ara l-istudju msejjaħ “The Economy of Culture in Europe” (L-ekonomija tal-kultura fl-Ewropa) (http://www.keanet.eu/en/ecoculturepage.html). Fir-Renju Unit biss, is-settur awdjoviżiv joħloq investiment dirett tal-produzzjoni ta’ madwar GBP 4 biljun fis-sena u madwar 132,000 impjieg dirett fir-Renju Unit (ara l-paġna 7 tal-istudju tal-2011 imsejjaħ “Creative UK: The Audiovisual Sector & Economic Success” (Renju Unit kreattiv: Is-settur awdjoviżiv u s-suċċess ekonomiku)).

[4] “L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja [tiġi rrinfurzata l-fiduċja;] “Flimkien għal tkabbir ġdid””, COM(2011) 206 finali, 13.4.2011.

[5] Aġenda Diġitali għall-Ewropa, COM(2010) 245, 19.5.2010, p. 10.

[6] Hekk kif iddefinit fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja awdjoviżiva (id-Direttiva 2010/13/UE): “servizz kif definit mill-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-midja u li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi sabiex jagħti informazzjoni, intratteniment [divertiment] jew edukazzjoni, lill-pubbliku ġenerali permezz ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettroniċi fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE. Tali servizz tal-midja awdjoviżiva huwa jew xandira bit-televiżjoni kif definit fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu jew servizz tal-midja awdjoviżiva on-demand [fuq talba] kif definit fil-punt (g) ta’ dan il-paragrafu”.

[7] L-aħbarijiet tal-kumpanija Idate bin-numru 541 tat-12 ta’ Jannar 2011.

[8] L-IPTV (metodu ta’ distribuzzjoni tal-kontenut televiżiv permezz tal-protokoll tal-internet) huwa t-twassil tas-servizz tal-vidjow permezz tal-użu ta’ parti tan-netwerk tat-telefown iddedikata għal hekk. Is-servizz tal-vidjow huwa separat mill-fluss tal-internet u l-kontenut jitwassal għal fuq it-televiżjoni permezz ta’ kaxxa tat-tip “set-top” li tkun tintuża kemm għat-televiżjoni lineari kif ukoll għas-servizzi fuq talba. Dan is-servizz qed jiġi offrut dejjem aktar mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet. (Ara l-paġna 22 tad-dokument tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew imsejjaħ “Video on Demand and catch-up TV in Europe” (“Il-vidjow fuq talba u r-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni fl-Ewropa”)).

[9] F’termini ta’ settijiet primarji tat-televiżjoni għal kull dar - dejta pprovduta mill-kumpanija Screen Digest.

[10] Ara s-sit http://www.telegeography.com/products/commsupdate/articles/2011/03/17/iptv-subs-reach-45-million-as-telcos-achieve-10-penetration-rate/.

[11] Stqarrija għall-istampa tal-kumpanija Eurodata tal-24 ta’ Marzu 2011.

[12] Dan it-terminu normalment jirreferi għas-servizzi tal-vidjow imwasslin permezz ta’ apparat li ma jkunx jifforma parti mill-mod tradizzjonali kif jitwasslu l-vidjows, bħalma huma l-kaxxi tat-tip “set-top”, il-kompjuters tat-tip “tablet” u l-konsols tal-logħob konnessi mal-internet.

[13] Dan it-terminu jiddeskrivi l-integrazzjoni tal-internet fis-settijiet tat-televiżjoni (jiġifieri s-settijiet tat-televiżjoni li jistgħu jitqabbdu mal-internet).

[14] Fi tmiem l-2008, 33 % tas-servizzi tal-vidjows fuq talba fl-Ewropa kienu offruti minn fornituri li oriġinarjament kienu joffru s-servizzi tat-televiżjoni, 17 % kienu offruti minn operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, 14 % minn aggregaturi tal-kontenut u 9 % minn kumpaniji sussidjarji ta’ kumpaniji ewlenin Amerikani. Il-fornituri l-oħrajn tas-servizzi tal-vidjows fuq talba kienu jinkludu operaturi tas-servizzi bil-kejbil u bis-satellita, kumpaniji tal-films, bejjiegħa bl-imnut, kumpaniji li jippubblikaw il-multimidja u manifatturi tat-tagħmir tal-multimidja. Ara l-paġna 116 tad-dokument tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew ta’ Ottubru 2009 msejjaħ “Video on Demand and catch-up TV in Europe” (“Il-vidjow fuq talba u r-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni fl-Ewropa”).

[15] Il-frażi “cloud computing” tirreferi għall-użu ta’ diversi riżorsi tal-kompjuters ibbażati fuq server permezz ta’ netwerk diġitali. Għall-kuntrarju tal-kompjuters klassiċi, l-utent ta’ servizz ibbażat fuq il-“cloud computing” ma jibqax jaħżen id-dejta u l-applikazzjonijiet fuq il-kompjuter tiegħu stess, iżda jibda jaħżinhom fuq is-servers tal-operatur tas-servizz li jistgħu jkunu qegħdin f’pajjiż ieħor. L-utent imbagħad ikun jista’ jaċċessa d-dejta tiegħu minn kullimkien permezz ta’ netwerk, li normalment ikun l-internet.

[16] Ara l-paġna 113 tad-dokument tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew ta’ Ottubru 2009 msejjaħ “Video on Demand and catch-up TV in Europe” (“Il-vidjow fuq talba u r-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni fl-Ewropa”).

[17] Sors: Il-paġni 108 u 109 tal-istudju li sar mill-kumpanija KEA msejjaħ “Multi-Territory Licensing of Audiovisual Works in the European Union” (“L-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali għax-xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea”). Fir-Renju Unit, fl-2009, is-servizzi tal-vidjow fuq talba wasslu għal EUR 139 miljun mid-dħul mid-divertiment fil-forma ta’ films, jiġifieri għal 3 % minn dan id-dħul kollu, u kienu jirrappreżentaw 8 % mis-suq tal-bejgħ bl-imnut/tal-kiri (id-dokument ta’ sfond imsejjaħ “Pay TV and movies on pay TV” (“It-televiżjoni bi ħlas u l-films imxandra fuq it-televiżjoni bi ħlas”) marbut mal-investigazzjoni tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni tar-Renju Unit imsejħa “Movies on Pay TV Market Investigation” (“Investigazzjoni tas-suq b’rabta mal-films imxandra fuq it-televiżjoni bi ħlas”)). Is-servizzi tal-vidjow fuq talba żdiedu bi 33 % minn sena għall-oħra sabiex is-sena l-oħra fl-Amerika kienu jirrappreżentaw 13 % mill-infiq kollu fuq il-bejgħ bl-imnut/il-kiri tad-divertiment fil-forma ta’ films (ir-rapport tal-Grupp tad-Divertiment Diġitali msejjaħ “Year End 2010 Home Entertainment Report” (“Ir-rapport ta’ tmiem l-2010 dwar id-divertiment fid-djar”)).

[18] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable [bil-kejbil].

[19] Ara r-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-2002 dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita (COM(2002) 430 finali) u ara wkoll l-artiklu ta’ Bernt Hugenholtz imsejjaħ “Nouvelle lecture de la directive Satellite Câble: passé, présent et avenir” (“Qari mill-ġdid tad-Direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita: il-preżent, il-passat u l-futur”).

[20] Tassew, l-ambitu ġeografiku tas-servizzi tax-xandara huwa influwenzat ukoll minn fatturi bħall-ambitu ġeografiku ta’ interess għal dawk li jagħmlu r-riklami (fil-każ tax-xandara li jiddependu fuq il-finanzjament li ġej mir-riklami) u minn jekk l-ispejjeż għad-drittijiet humiex sostenibbli meta mqabbla man-negozju tas-suq ewlieni. Fl-UE, fl-2009 l-abbonamenti tas-servizzi tat-televiżjoni kienu jirrappreżentaw 38 % tad-dħul tas-settur, ir-riklamar kien jirrappreżenta 32 % u l-fondi pubbliċi 30 % (skont il-kumpanija Screen Digest). Fi kliem sempliċi, il-mudell tat-televiżjoni bi ħlas jeħtieġ kontenut li l-klijenti jkunu lesti jħallsu għalih.

[21] Pereżempju l-pjattaformi msejħin “Acetrax”, “Chello”, “Headweb”, “iTunes”, “Playstation Network Live”, “Voddler” u “Xbox Live”.

[22] Pereżempju l-films maħruġin mill-kumpanija New Paramount huma disponibbli f’21 Stat Membru bħala vidjow fuq talba, kemm jekk dawn jintwerew onlajn kif ukoll jekk jintwerew permezz tan-netwerks tal-kejbil diġitali, tas-satellita jew tal-IPTV.

[23] F’dan ir-rigward, għandu jitqies l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern), li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk li jirċievu s-servizzi ma jkunux suġġetti għal rekwiżiti diskriminatorji bbażati fuq in-nazzjonalità jew il-post ta’ residenza tagħhom.

[24] Il-Każ Nru C-403/08, Football Association Premier League Ltd vs. QC Leisure u l-Każ Nru C-429/08, Karen Murphy vs. Media Protection Services Limited.

[25] Sid ta’ ħanut tax-xorb fir-Renju Unit wera l-logħob tal-futbol tal-Kampjonat “Premier” billi uża apparat li jiddekowdja impurtat mill-Greċja. Ix-xandar bis-satellita Grieg kien xtara d-drittijiet tax-xandir biss għall-Greċja u l-apparat li jiddekowdja Grieg kien ferm irħas minn dak li kien qed jinbiegħ għar-Renju Unit mix-xandar tar-Renju Unit. Skont l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali tat-3 ta’ Frar 2011, il-libertà li wieħed joffri servizzi teskludi dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-użu ta’ tagħmir għall-aċċess kundizzjonali għat-televiżjoni kriptata u mxandra bis-satellita fi Stat Membru, jekk dawn ikunu diġà tqiegħdu fis-suq fi Stat Membru ieħor bil-kunsens tad-detentur tad-dritt. Barra minn hekk, skont l-Avukat Ġenerali, obbligu kuntrattwali li jkun jeħtieġ li xandar jipprevjeni l-apparat tiegħu li jiddekowdja d-dejta mis-satellita milli jintuża barra t-territorju lliċenzjat tiegħu mhuwiex kompatibbli mar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

[26] Il-Każ Nru 62/79 tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1980, Coditel vs. Ciné Vog Films; u l-Każ Nru 262/81 tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, Coditel vs. Ciné Vog Films (Coditel II).

[27] Ara l-paġna 220 tad-dokument tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew ta’ Ottubru 2009 msejjaħ “Video on Demand and catch-up TV in Europe” (“Il-vidjow fuq talba u r-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni fl-Ewropa”).

.

[28] Ta’ min jinnota li dawn id-drittijiet huma newtrali mil-lat teknoloġiku. Il-ħtieġa li wieħed iġib awtorizzazzjoni għad-dritt li jqiegħed ix-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġejja mis-servizz offrut (li wieħed jqiegħed xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku “fuq talba”), ikunu x’ikunu l-pjattaforma jew il-protokoll tat-twassil li jintużaw (pereżempju netwerk bil-kejbil, protokoll tal-internet jew mezz ieħor). Dawn id-drittijiet huma pprovduti mit-trattati internazzjonali li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma membri fihom (it-Trattat dwar id-dritt tal-awtur tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (il-WIPO) u t-Trattat dwar l-avvenimenti u l-fonogrammi tal-WIPO) u fl-acquis tal-UE (id-Direttiva 2001/29/EC tat-22 ta’ Marzu 2001 – “id-Direttiva dwar is-soċjetà tal-informazzjoni”).

[29] Ara t-Taqsima 4 t’hawn taħt għal aktar dettalji.

[30] L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita.

[31] Għalhekk, l-operaturi tal-kejbil m’għandhomx għalfejn jiksbu liċenzja mingħand kull detentur individwali tad-drittijiet għall-programmi mxandra, iżda minflok iridu jinnegozjaw liċenzja ma’ soċjetà kollettriċi (għad-drittijiet ta’ partijiet terzi) u max-xandar rilevanti (għad-drittijiet li għandu direttament ix-xandar).

[32] L-Artikolu 1(3) tad-Direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita.

[33] Id-DSL (il-linja diġitali tal-abbonat) tipprovdi t-trażmissjoni diġitali tad-dejta permezz tan-netwerk tat-telefown.

[34] It-televiżjoni diġitali terrestri tirreferi għat-trażmissjoni tax-xandiriet f’forma diġitali fuq il-frekwenzi tar-radju. Wieħed jista’ jaqbad it-televiżjoni diġitali terrestri bħalma jaqbad it-televiżjoni analoga terrestri, jiġiferi permezz tal-erjils.

[35] Għal deskrizzjoni tal-perjodi taż-żmien li matulhom film ikun disponibbli fuq mezzi tal-midja differenti wara l-ħruġ ta’ film fis-swali taċ-ċinema, ara l-paġna 56 tal-istudju li sar mill-kumpanija KEA msejjaħ “Multi-Territory Licensing of Audiovisual Works in the European Union” (“L-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali għax-xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea”).

[36] Franza u l-Portugall. Ara l-paġni 4 u 5 tal-artiklu ta’ Martin Kuhr imsejjaħ “Media Windows in Flux” (“Il-perjodi taż-żmien li matulhom film ikun disponibbli fuq mezzi tal-midja differenti li qed jinbidlu”) fir-rivista “IRIS plus”.

[37] Pereżempju l-Ġermanja, l-Awstrija, ibid .

[38] Pereżempju l-inizjattiva tal-kumpanija Warner Bros imsejħa “Day and Date” li fiha l-vidjow fuq talba jinħareġ fl-istess jum li fih tinħareġ id-DVD. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE jinħarġu dati u titli tad-dati. L-operaturi Ewropej ukoll bdew jesperimentaw bit-tali mudelli alternattivi tat-tqassim. Il-kumpanija Curzon Artificial, pereżempju, ħarġet il-film ta’ Fatih Akin imsejjaħ “The Edge of Heaven” b’dan il-mod. Il-film ħareġ fis-swali taċ-ċinema fil-bidu tal-2008 u nħareġ b’mod ġenerali għal perjodu limitat (għal 14-il jum) fuq is-servizz tal-vidjow fuq talba offrut mill-kumpanija Sky, għal prezz tajjeb (li kien bejn wieħed u ieħor daqs il-prezz tal-biljett taċ-ċinema). Il-kumpanija Curzon temmen li dan il-perjodu ta’ prova tal-vidjow fuq talba għal dan il-film żied l-għadd ta’ nies li marru jarawh fis-swali taċ-ċinema, u minn dak iż-żmien ’l hawn irrepetiet dan il-proċess għal diversi films.

[39] Ara l-paġna 75 tad-dokument tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew ta’ Ottubru 2009 msejjaħ “Video on Demand and catch-up TV in Europe” (“Il-vidjow fuq talba u r-repetizzjonijiet fuq it-televiżjoni fl-Ewropa”).

[40] Dan huwa saħansitra iktar kruċjali għall-koproduzzjonijiet minħabba li l-koprodutturi f’territorji oħra (distributuri li huma produtturi) jistennew li, bħala kumpens għall-investiment tagħhom, huma jingħataw id-dritt li jgawdu minn drittijiet esklużivi fit-territorju tagħhom. Dan jgħodd ukoll għall-produzzjonijiet l-oħrajn. Id-distributuri fi Stati Membri oħra jingħataw drittijiet esklużivi fit-territorju tagħhom mill-aġent tal-bejgħ.

[41] Għall-finijiet tat-tqabbil, fl-2009 l-Indja, l-Ġappun u ċ-Ċina pproduċew 819, 456 u 445 film rispettivament. Il-ktieb tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew imsejjaħ “Focus 2010”.

[42] Inklużi films prodotti fl-Ewropa li l-investiment fihom ġie mill-Amerika.

[43] Fl-2007, kien hemm iktar minn 600 kumpanija li tipproduċi l-films fi Franza u kien hemm 400 fir-Renju Unit u 200 fil-Ġermanja.

[44] L-investiment jammonta għal USD 41 ir-ras fl-Amerika, għal USD 20 ir-ras fil-Ġappun u għal USD 13 ir-ras fl-Ewropa (skont il-kumpanija Screen Digest fl-2011).

[45] Matul is-sena li għaddiet, il-baġit medju ta’ film b’inizjattiva Franċiża kien ta’ EUR 5.48 miljun skont il-paġna 10 tar-rapport taċ-Ċentru Nazzjonali għaċ-Ċinema u l-Produzzjonijiet Animati (“Centre national du cinéma et de l’image animée” (CNC)) imsejjaħ “La production cinématographique en 2010” (“Il-produzzjoni ċinematografika fl-2010”).

[46] Ara s-sit http://ec.europa.eu/culture/media/index_en.htm.

[47] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ċerti aspetti legali marbutin max-xogħlijiet ċinematografiċi u ma’ xogħlijiet awdjoviżivi oħrajn [ titlu mhux uffiċjali ] (COM(2001) 534, 26.9.2001).

[48] Pereżempju, fir-Renju Unit, l-istazzjonijiet tat-televiżjoni kienu jirrappreżentaw 31 % mid-dħul mid-divertiment fil-forma ta’ films fl-2009 (id-dokument ta’ sfond imsejjaħ “Pay TV and movies on pay TV” (“It-televiżjoni bi ħlas u l-films imxandra fuq it-televiżjoni bi ħlas”) marbut mal-investigazzjoni tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni tar-Renju Unit imsejħa “Movies on Pay TV Market Investigation” (“Investigazzjoni tas-suq b’rabta mal-films imxandra fuq it-televiżjoni bi ħlas”)). Fi Franza, matul is-sena li għaddiet, il-koproduzzjonijiet u l-bejgħ minn qabel tad-drittijiet lix-xandara, flimkien mal-arranġamenti dwar it-tqassim, iffinanzjaw madwar 55 % tal-films li ġew prodotti b’baġit ta’ iktar minn EUR 7 miljun (il-paġna 17 tar-rapport taċ-Ċentru Nazzjonali għaċ-Ċinema u l-Produzzjonijiet Animati (“Centre national du cinéma et de l’image animée” (CNC)) imsejjaħ “La production cinématographique en 2010” (“Il-produzzjoni ċinematografika fl-2010”)).

[49] Dawn il-pjattaformi jrid ikollhom “dimensjoni minima Ewropea” (iridu jinkludu xogħlijiet minn tal-inqas ħames pajjiżi eliġibbli li jirrappreżentaw ħames lingwi uffiċjali tal-UE). Fost il-kriterji tal-għoti, jingħata bonus speċjali għal pjattaformi li joffru tqassim transkonfinali u f’iktar minn lingwa waħda.

[50] Il-pjattaformi tas-servizzi tal-vidjow fuq talba bħal dawk imsejħin “MUBI”, “UNIVERSCINE” u “EUROVOD” qed jingħataw appoġġ mill-programm “MEDIA”; pereżempju l-pjattaformi “EUROVOD” u “MUBI” (http://mubi.com) irċevew rikonoxximent tal-marka u permezz tal-arranġament tagħhom mal-kumpanija “Sony Playstation” għandhom prospettivi raġonevoli li jistabbilixxu rwieħhom. Dawn il-pjattaformi joffru films madwar l-Ewropa kollha għal parti limitata mill-katalgu tagħhom u, barra minn hekk, joffru diversi katalgi fuq bażi territorjali. Il-pjattaforma msejħa “MEDICI” ( www.Medici.TV ) saret magħrufa fuq livell internazzjonali f ’ qasam partikulari (dak tal-mużika klassika) u toffri servizzi ta’ riċezzjoni kontinwa ta’ kunċerti f’xandira diretta fuq l-internet. Proġetti mobbli li qed jibbenefikaw mill-programm “MEDIA”, bħal dak imsejjaħ “Shortz” ( www.shortz-tv.com ) ukoll għandhom kopertura pan-Ewropea.

[51] Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali”, COM(2011) 287, p. 11.

[52] Il-premessa 17 tad-Direttiva 93/83/KE.

[53] Il-premessa 16 tad-Direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita.

[54] Fix-xandir bis-satellita, l-att ta’ komunikazzjoni jseħħ biss fl-Istati Membri li fihom, taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tal-organizzazzjoni tax-xandir, is-sinjali li jġorru l-programmi jkunu introdotti f’katina mhux interrotta ta’ kmandi li twassal lejn is-satellita u ’l isfel lejn id-dinja. Ara l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva dwar is-servizzi bil-kejbil u bis-satellita.

[55] Ħafna drabi, l-ambitu ġeografiku tax-xandir bis-satellita għadu wieħed limitat u ftit li xejn ħarġu servizzi pan-Ewropej. Studju partikulari sab li inqas minn nofs l-istazzjonijiet tas-satellita tal-UE huma stazzjonijiet internazzjonali, u dawn huma b’mod ewlieni stazzjonijiet tal-informazzjoni, tal-kontenut adult u tal-lingwi ż-żgħar (ara l-paġna 146 tal-istudju li sar mill-kumpanija KEA msejjaħ “Multi-Territory Licensing of Audiovisual Works in the European Union” (“L-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali għax-xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea”)).

[56] Id-Direttiva 2001/29/KE tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.

[57] Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali”, COM(2011) 287, p. 11.

[58] Il-produtturi awdjoviżivi qed jaħdmu fuq sistema internazzjonali ta’ numri ta’ identifikazzjoni għax-xogħlijiet awdjoviżivi (imsejħa “International Standard Audiovisual Number” (“Numru awdjoviżiv standard internazzjonali”) u fil-qosor “ISAN”). S’issa s-sistema tal-ISAN ma tinkludix tagħrif dwar is-sjieda tad-drittijiet u l-parteċipazzjoni fiha hija fuq bażi volontarja. Xi wħud mill-kumpaniji l-kbar Amerikani li jipproduċu l-films qed jaħdmu fuq sistema simili (imsejħa “Entertainment Identifier Registry” (“Reġistru li jidentifika l-prodott tad-divertiment”) u fil-qosor “EIDR”).

[59] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable [bil-kejbil]; id-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, id-Direttiva 2006/115/KE dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali u d-Direttiva 2006/116/KE dwar il-perjodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati.

[60] COM(2002) 691 finali, 6.12.2002.

[61] Pereżempju, il-liġi Franċiża tqis lil diversi kontributuri f’xogħol awdjoviżiv bħala awturi: lill-awtur tax-xenarju, lill-awtur tal-adattament għall-film, lil min jikteb id-djalogu, lil min jikkomponi l-mużika apposta għall-film, lid-direttur u lill-awtur tax-xogħol li ġie adattat għaċ-ċinema. Fil-Ġermanja, kull min jagħti ċertu kontribut kreattiv jista’ jitqies bħala koawtur; il-qrati Ġermaniżi s’issa qiesu lid-direttur, lil min iħaddem il-kamera tal-film u lill-editur bħala awturi. Fir-Renju Unit, fl-Irlanda u fil-Lussemburgu, il-produttur ta’ film huwa wkoll koawtur tax-xogħol awdjoviżiv.

[62] Pereżempju, il-liġi Franċiża dwar il-produzzjonijiet awdjoviżivi tissejjes fuq is-suppożizzjoni li d-drittijiet ekonomiċi kollha marbutin ma’ film ġew ittrasferuti lill-produttur, filwaqt li fl-Awstrija u fl-Italja, il-produttur jitqies li huwa s-sid oriġinali tad-drittijiet kollha tal-użu ċinematografiku. Fir-Renju Unit, id-direttur ewlieni jitqies li huwa l-awtur oriġinali ta’ film u d-drittijiet huma ttrasferuti lilu permezz tal-prinċipju tax-“xogħlijiet għall-kiri”, li tippresupponi li l-produttur jimpjega lid-direttur. Stati Membri oħrajn bħall-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, il-Portugall, l-Isvezja u l-Olanda wkoll jipprovdu għal suppożizzjonijiet ta’ ambitu differenti.

[63] Id-Direttiva dwar il-Kiri u s-Self tipprovdi lill-awturi u lill-artisti bi dritt li ma jistax jiċċaħħad għal rimunerazzjoni ġusta li tkun applikabbli fil-każ tal-kiri tad-DVDs. Ir-rimunerazzjoni mhijiex suġġetta għall-ġestjoni kollettiva obbligatorja.

[64] Ħafna drabi, id-dritt “li wieħed iqiegħed ix-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”, li ngħata bid-Direttiva tal-2001 dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni, jiġi ttrasferut lill-produttur minn qabel.

[65] Perżempju, approċċ biex jiġi żgurat li r-rimunerazzjoni tal-awturi u tal-artisti tkun tirrifletti b’mod adegwat is-suċċess ta’ xogħol partikulari huwa li, fil-kuntratti, jiġu introdotti dispożizzjonijiet li jorbtu legalment dwar it-trasparenza u r-rimunerazzjoni.

[66] L-istituzzjonijiet jew l-arkivji tal-wirt ċinematografiku jirreferu għal dawk l-entitajiet pubbliċi li l-Istati Membri ħatru biex, b’mod sistematiku, jiġbru xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi oħrajn, biex joħolqu katalgu tagħhom, jippreservawhom, jirrestawrawhom u jagħmluhom aċċessibbli għal użijiet edukattivi, kulturali u tar-riċerka u għal użijiet mhux kummerċjali oħrajn (ara l-punt 2 tar-Rakkomandazzjoni 2005/865/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar il-patrimonju ċinematografiku u l-kompetittività ta’ attivitajiet industrijali relatati (ĠU L 323, 9.12.2005, pp. 57-61)). Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri teżisti sistema ta’ depożitu legali tax-xogħlijiet ċinematografiċi, jew permezz ta’ depożitu legali jew permezz tad-depożitu obbligatorju ta’ xogħlijiet ċinematografiċi li ngħataw finanzjament pubbliku.

[67] COM(2008) 466, 16.7.2008.

[68] COM(2009) 532, 19.10.2009.

[69] Fl-Artikolu 30 tagħha dwar il-parteċipazzjoni f’attivitajiet kulturali, tar-rikreazzjoni, tal-ħin liberu u sportivi, il-Konvenzjoni tistipula li l-Partijiet li huma Stati għandhom jirrikonoxxu d-dritt tal-persuni b’diżabilità li jieħdu sehem, bl-istess mod bħal ħaddieħor, fil-ħajja kulturali, u li dawn il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw, fost l-oħrajn, li l-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għall-programmi tat-televiżjoni, għall-films, għat-teatru u għal attivitajiet kulturali oħrajn f’formati li jkunu aċċessibbli għalihom. Barra minn hekk, hija ssemmi li l-Partijiet li huma Stati għandhom jieħdu l-miżuri x-xierqa kollha, skont il-liġi internazzjonali, biex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jikkostitwixxux ostaklu diskriminatorju jew mhux raġonevoli għall-aċċess tal-persuni b’diżabilità għall-materjali kulturali.