52011DC0311

/* KUMM/2011/0311 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

Viżjoni strateġika għal standards Ewropej

Standards Ewropej

L-istandards huma dokumenti volontarji li jiddefinixxu ħtiġijiet tekniċi jew ta' kwalità li magħhom il-prodotti, il-proċessi ta' produzzjoni jew il-metodi preżenti jew futuri jistgħu jikkonformaw. L-istandards jirriżultaw mill-kooperazzjoni volontarja bejn l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħra li jikkollaboraw f'sistema bbażata fuq is-sinċerità, it-trasparenza u l-kunsens.

L-istandards isaħħu l-kummerċ minħabba l-effett pożittiv tagħhom fit-tnaqqis tal-ispejjeż u r-riduzzjoni tal-asimetriji bejn in-naħat tal-provvista u tad-domanda, speċjalment fil-każ tat-tranżazzjonijiet transkonfinali. Diversi studji ekonometriċi stabbilixxew konnessjoni ċara fil-livell makroekonomiku bejn l-istandardizzazzjoni fl-ekonomija, it-tkabbir fil-produttività, il-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku ġenerali. Il-benefiċċju ekonomiku tal-istandardizzazzjoni jista' jvarja b'mod sinifikanti bejn il-pajjiżi tal-UE differenti. Studji juru li l-impatt tal-istandards fuq it-tkabbir annwali tal-PGD jista' jvarja minn 0,3 għal 1 punt perċentwali. Għall-Ġermanja dan l-impatt huwa stmat għal 1 % tal-prodott gross nazzjonali, għal Franza għal 0,8 % u għar-Renju Unit biss għal 0,3 %.

Wieħed mill-aspetti uniċi tal-kooperazzjoni volontarja bejn l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati l-oħra fl-UE huwa l-għadd dejjem jikber tal- istandards Ewropej li jkunu adottati mill-organi tal-istandardizzazzjoni Ewropej (ESOs)[1] u li japplikaw fl-UE kollha. L-ESOs huma organizzazzjonijiet indipendenti regolati b'liġi privata. Għall-industrija, l-istandards Ewropej huma sommarju tal-aħjar prattika f'qasam speċifiku, għaliex jiġbru fihom l-għarfien espert kollettiv tal-atturi parteċipanti. Il-maġġoranza l-kbira tal-istandards Ewropej jibqgħu inizjattiva tal-industrija, xi ħaġa li tindika li dawn l-istrumenti prinċipalment jirrispondu għall-bżonnijiet tal-intrapriżi u huma promossi prinċipalment mis-settur privat.

L-istandardizzazzjoni Ewropea kienet ta' suċċess estrem u waħda mill-fatturi ewlenin tal-ħolqien tas-suq intern għall-oġġetti. L-istandards Ewropej jieħdu post l-istandards nazzjonali u standards konfliġġenti li b'hekk, joħolqu t-tfixkil tekniku għal suq nazzjonali. Ħafna standards Ewropej kienu żviluppati mill-ESOs fuq talba tal-Kummissjoni. Proporzjon kbir ta' dawn l-istandards adottati mill-ESOs fuq it-talba tal-Kummissjoni huma l-hekk imsejħa "standards armonizzati" li jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali stipulati bil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-konformità ma' standard Ewropew armonizzat tiggarantixxi l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli, inklużi r-rekwiżiti tas-sikurezza, stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar l-armonizzazzjoni relevanti tal-UE. Madankollu, l-użu ta' standards armonizzati għadu mhuwiex obbligatorju u manifattur jista' juża kwalunkwe soluzzjoni teknika oħra li turi li l-prodott tiegħu jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali. Il-perċentwali ta' standards Ewropej li huma standards armonizzati fl-aħħar żewġ deċennji żdiedet minn 3,55 % għal 20 % fl-2009.

L-istandards u l-istandardizzazzjoni Ewropej huma għodda politiċi effettivi ħafna għall-UE . Minkejja li l-istandards u l-istandardizzazzjoni għandhom benefiċċji ħafna iktar mifruxin għall-ekonomija Ewropea, jintużaw bħala strumenti politiċi li jiżguraw, fost affarijiet oħra, l-interoperabilità tan-netwerks u s-sistemi, funzjonament xieraq tas-Suq Uniku, livell għoli ta' ħarsien tal-konsumaturi u tal-ambjent, u aktar innovazzjoni u inklużjoni soċjali.

Is-sikurezza tal-konsumatur hija element importanti ħafna f'bosta standards Ewropej. Normalment is-sikurezza tal-konsumatur hija tħassib primarju għall-abbozzar u l-adozzjoni ta' standard Ewropew. Bil-maqlub, meta kwistjoni ta' sigurtà tinkixef wara li l-prodott ikun diġà fis-suq (pereżempju bħala riżultat ta' spezzjoni ta' sorveljanza tas-suq), din il-problema għandha titqies matul il-preparazzjoni ta' standard ġdid jew ir-reviżjoni ta' standard eżistenti. Bħala konsegwenza, hemm konnessjoni mill-qrib bejn l-istandarizzazzjoni, is-sikurezza tal-prodott u s-sorveljanza tas-suq, li se jissaħħu fir-reviżjoni futura tal-qafas leġiżlattiv dwar is-sorveljanza tas-suq.

Fis-soċjetà diġitali l-istandards, Ewropej u oħrajn, huma essenzjali biex jiżguraw l-interoperabilità tan-netwerks u s-sistemi, speċjalment fil-qasam tal-ICT. F'soċjetà prinċipalment diġitali, is-soluzzjonijiet tal-ICT jintużaw f'kull settur ekonomiku kif ukoll fil-ħajja tagħna ta' kuljum. Is-soluzzjonijiet, l-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-ICT iridu jkunu jistgħu jikkomunikaw bejniethom. Iridu jkunu interoperabbli. L-interoperabilità għandha bżonn standards

... f'xenarju globali li qed jinbidel malajr

Iżda d-dinja nbidlet. L-istandards kienu jkunu konfinati għal standards ta' prodott iżda dawn qed jevolvu aktar u aktar għal standards ta' proċess u produzzjoni li jkopru firxa wiesgħa ta' suġġetti. Fil-futur, l-istandardizzazzjoni Ewropea se jkollha rwol kruċjali f'varjetà kbira ta' oqsma li tkun iżjed wiesgħa minn dik tal-lum, li se tvarja mill-appoġġ tal-kompetittività Ewropea, il-ħarsien tal-konsumaturi, it-titjib tal-aċċessibilità għal dawk b'diżabilità u għall-anzjani sat-trattar tat-tibdil fil-klima u l-isfida tal-effiċjenza fir-riżorsi. Sabiex il-ħtiġijiet li jevolvu f'kwalunkwe oqsma jiġu indirizzati malajr, se tkun meħtieġa sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea komprensiva, inklussiva, effiċjenti u teknikament aġġornata. Din is-sistema se tkompli tibni fuq il-karatteristiċi t-tajbin tas-sistema kurrenti, iżda trid tkun ukoll flessibbli u reattiva fit-trattar ta' sfidi fil-futur, kif u meta dawn jitfaċċaw.

Dan hu speċjalment vitali f'oqsma fejn l-Ewropa hija l-forza li tqanqal l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' oġġetti, servizzi u teknoloġiji kummerċjabbli – pereżempju, f'oqsma bħalma huma l-vetturi elettriċi, is-sigurtà, l-effiċjenza tal-enerġija u l-grilja intelliġenti (smart grids) – li l-ħolqien ta' standard Ewropew jitwettaq malajr bl-għan li jkun asserit bħala standard internazzjonali. Dan jista' jimmassimizza l-vantaġġ tal-prekursur u jżid l-kompetittività tal-industrija Ewropea. F'każijiet bħal dawn, minkejja li s-sehem tal-ESOs huwa vitali, kwalunkwe dewmien fit-twettiq tal-istandard se jwassal għal azzjoni leġiżlattiva pronta mill-Kummissjoni.

Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar 2011 ikkonferma li l-istandardizzazzjoni hija kundizzjoni kruċjali ta' qafas biex tkabbar l-investiment privat fl-oġġetti u servizzi innovattivi u li l-proċessi ta' standardizzazzjoni għandhom ikunu aċċellerati, issimplifikati u modernizzati. Huwa essenzjali għall-ekonomija tal-Ewropa li l-istandardizzazzjoni Ewropea tkompli tadatta għax-xenarju globali u l-ambjent ekonomiku li qed jinbidlu malajr . It-taqsir rapidu taċ-ċikli ta' innovazzjoni, il-konverġenza tat-teknoloġiji, il-kompetizzjoni globali qalila u t-tfaċċar ta' atturi globali ġodda jistgħu jqajmu tħassib dwar is-sostenibilità tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea biex tadatta għal dawn l-isfidi. Fl-era globali l-ġdida, is-sehem tal-politika tal-proċess ta' standardizzazzjoni ma jistax ikun limitat għal-leġiżlazzjoni Ewropea ta' appoġġ. Illum, l-istandardizzazzjoni qiegħda kull ma jmur isseħħ aktar fuq il-livell globali f'ħafna oqsma, ta' sikwit, bħal fil-qasam tal-ICT, permezz ta' fora u konsorzja dinamiċi u b'pass mgħaġġel. F'dan il-kuntest, l-użu strateġiku tal-istandards fuq naħa u l-istandardizzazzjoni fuq in-naħa l-oħra, huma assi strateġiċi biex tkun żgurata l-kompetittività tal-UE u għodda ewlenija għat-tixrid tal-għarfien, l-interoperabilità, il-validazzjoni ta' ideat ġodda u l-promozzjoni tal-innovazzjoni. Madankollu, l-istandards Ewropej jistgħu jikkumplimentaw iżda mhux jissosstitwixxu l-leġiżlazzjoni Ewropea, jew jostakolaw lill-leġiżlaturi Ewropej milli jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin tal-UE.

L-istandardizzazzjoni Ewropea se tespandi f'oqsma ġodda u se tkopri suġġetti ġodda. F'kuntest ekonomiku li qed jinbidel u jigglobalizza ruħu malajr, l-istandards se jkun aktar minn qatt qabel għodda ta' valur kbir għall-kummerċ internazzjonali. Madankollu, is-suċċess tal-implimentazzjoni tal-istandards Ewropej se jiddependi fuq il-leġittimità u l-effiċjenza tal-proċessi tal-adozzjoni tagħhom. L-inklussività u l-pass mgħaġġel tal-proċess iridu jittejbu b'mod urġenti jekk irridu li l-istandards Ewropej jilagħbu rwol globali.

L-istandardizzazzjoni se jkollha parti importanti fl-appoġġ tal-Istrateġija -Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, kif stabbiliti f'diversi inizjattivi prinċipali. L-Unjoni ta' Innovazzjoni[2] tenfasizza li hemm bżonn ta' sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea dinamika u reattiva biex tappoġġa l-innovazzjoni. L-inizjattiva prinċipali tal-Politika Industrijali[3] tenfasizza l-bżonn li l-istandardizzazzjoni Ewropea tkun reattiva ħafna f'dinja li qed tinbidel malajr, biex tkun hi li tappoġġa l-kompetittività Ewropea fis-suq globali u li tkun hi li tissodisfa l-bżonnijiet kemm tal-industrija kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[4] tissottolinea l-importanza għall-istandards tal-ICT fit-twettiq tal-interoperabilità bejn it-tagħmir, l-applikazzjoni, l-arkivji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks. U l-inizjattiva prinċipali biex l-Ewropa tuża r-Rizorsi tagħha b'mod Effiċjenti[5] tenfasizza s-sehem importanti tal-istandards fit-tħeġġiġ tal-innovazzjoni ambjentali. L-istandardizzazzjoni għandha rwol ukoll fil-miżuri politiċi bħalma huma l-"Att dwar is-Suq Uniku"[6], il-Komunikazzjoni dwar il-Kummerċ, it-Tkabbir u l-Affarijiet tad-Dinja[7] u l-Istrateġija tad-Diżabilità 2010-2020[8]. L-istandardizzazzjoni Ewropea tidher ukoll fir-reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa[9]. Il-Komunikazzjoni dwar "r-rispons il-ġdid għall-Viċinat li qed jinbidel[10]" tirreferi wkoll għall-bżonn tal-pajjiżi msieħba li jimplimentaw l-impenji meta jassumu l-istandards tal-UE fil-qafas tan-negozjati fir-rigward tal-Ftehimiet Profondi u Komprensivi għall-Kummerċ Ħieles (DCFTA).

Sistema Ewropea ta' standardizzazzjoni li tappoġġa l-Istrateġija Ewropea 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv se jkollha bżonn li tissodisfa dawn l- għanijiet strateġiċi li ġejjin:

1. L-istandards iridu jkunu disponibbli malajr – speċjalment, iżda mhux biss – biex jiżguraw l-interoperabilità bejn is-servizzi u l-applikazzjonijiet fil-qasam tat- teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni sabiex l-Ewropa tkun tista' tikseb il-benefiċċji kollha tal-ICT. L-aktar standards relevanti tal-ICT żviluppati mill-ESOs jew mill-Fora u Konsorzja tal-ICT globali, għandhom ikollhom sehem aktar prominenti fl-issodisfar tal-għanijiet tal-politika pubblika u l-bżonnijiet tas-soċjetà sakemm dawn l-istandards jikkonformaw ma' sett tal-kriterji ta' kwalità, . Għandu jkun possibbli li jintużaw dawn l-istandards fil-ksib pubbliku, jew li jitħaffef it-tfassil tal-politika u l-leġiżlazzjoni.

2. L-istandardizzazzjoni fl-UE tagħmel kontribut sinifikanti għall-ekonomija Ewropea. L-istandards Ewropej huma għodda strateġiċi b'saħħithom għan-negozji biex tiżdied l-kompetittività tagħhom . Peress li l-istandards Ewropej jintużaw l-aktar min-negozji bħala għodda biex iħaffu l-penetrazzjoni fis-suq tal-oġġetti innovattivi u jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-istandards għandhom ikunu aġġornati maċ-ċikli aktar mgħaġġlin tal-iżvilupp tal-prodott .

3. L-istandards Ewropej żviluppati mill-organi tal-istandardizzazzjoni Ewropea se jkollhom bżonn jirrispondu għad-domanda dejjem tikber, bħala għodda li tappoġġa ħafna politiki u leġiżlazzjoni Ewropej. L-istandardizzazzjoni Ewropea għandha u se jkollha impatt sinifikanti fl-irfid tas-suq ewlieni ta' oġġetti u servizzi u fil-prevenzjoni tal-ħolqien tal-ostakoli għall-kummerċ fl-UE. L-użu tal-istandards bħala għodda politika huwa possibbli permezz tat-tradizzjoni twila tal-paternarjat qawwi bejn l-esperti volontarji mill-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi tal-UE, l-ESOs, l-Organi Nazzjonali tal-Istandardizzazzjoni (NSBs) u organizzazzjonijiet oħra li jiżviluppaw l-istandards. L-ESOs huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-iżvilupp u l-adozzjoni tal-istandards Ewropej f'konsultazzjoni mal-membri tagħhom[11].

4. L-istandards se jaffettwaw iktar u iktar gruppi fis-soċjetà Ewropea, inklużi n-negozji ta' kull tip u bosta ċittadini individwali. Standard huwa r-riżultat ta' kunsensus milħuq minn dawk li jipparteċipaw fl-iżvilupp tiegħu. Firxa wiesgħa biżżejjed ta' parteċipanti hija essenzjali biex jiġi aċċettat standard, kemm min-negozji kif ukoll mill-konsumaturi. Għalhekk is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea għandha tkun inklussiva kemm jista' jkun, bl-imsieħba kollha impenjati għal sistema bl-għeruq fil-valuri fundamentali tal-ftuħ, it-trasparenza u s-solidità xjentifika. It-titjib kontinwu tal-istrutturi tal-istandardizzazzjoni u l-governanza se jkollhom bżonn ukoll kollaborazzjoni effettiva u eqreb bejn l-imsieħba kollha, fuq kollox bejn l-organi tal-istandardizzazzjoni Ewropej u bejn l-organi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni fuq naħa, u l-awtoritajiet pubbliċi u l-leġiżlaturi fuq oħra.

5. L-istandards għandhom sehem importanti x'jilagħbu fl-appoġġ tal-kompetittività tan-negozji Ewropej fis-suq globali, li jħallihom jaċċessaw swieq barranin u jistabbilixxu partenarjati tan-negozju madwar id-dinja.

Din l-istrateġija tistabbilixxi pakkett ta' miżuri, kemm leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi. Il-miżuri leġiżlattivi jinsabu fil-proposta li qiegħda takkumpanja r-Regolament dwar l-istandardizzazzjoni, li taġġorna u tgħaqqad il-leġiżlazzjoni Ewropea eżistenti u li hi akkumpanjata minn Stima tal-Impatt[12]. Il-miżuri mhux leġiżlattivi jinkludu azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni u serje ta' rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-atturi l-oħra fis-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea.

Dawn il-miżuri kollha jiġbru r-riżultati ta' reviżjoni wiesgħa tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea, imwettqa mill-2008-2010, inkluż ir-rapport EXPRESS[13], żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi, il-White Paper dwar il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE[14] u l-firxa ta' studji profondi. Hija infurmata wkoll mir-rapport ta' Otturbu 2010 tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-istandardizzazzjoni Ewropea[15], li jenfasizza l-bini fuq is-saħħiet u l-valuri fundamentali tas-sistema eżistenti, titjib tad-defiċjenzi tagħha u s-sejba tal-bilanċ ġust bejn id-dimensjonijiet Ewropej, nazzjonali u dawk internazzjonali.

L-importanza tal-istandardizzazzjoni Ewropea għall-ekonomija Ewropea u l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej timplika li se jkun hemm bżonn, fil-perspettiva fit-tul, li jkun eżaminat fuq bażi aktar regolari jekk is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea hix suffiċjentement kapaċi li tadatta għal ambjent li qed jevolvi malajr u li tikkontribwixxi għall-għanijiet strateġiċi interni u esterni tal-Ewropa, b'mod partikolari fil-qasam tal-politika industrijali, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku. L-ewwel valutazzjoni se tkun varata mhux aktar tard mill-2013.

L-ISTANDARDIZZAZZJONI EWROPEA B'APPOġġ GħALL-POLITIKA INDUSTRIJALI U INNOVAZZJONI

F'era ta' kompetizzjoni globali dejjem tikber, popolazzjoni Ewropea dejjem tixjieħ u restrizzjoni fiskali, il-kompetittività Ewropea tiddependi fuq l-abilità tagħna li nkattru l-innovazzjoni fi prodotti, servizzi u proċessi. Għal din ir-raġuni, l-innovazzjoni tqiegħdet fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020 u inizjattivi prinċipali tal-Kummissjoni dwar il-"Politika Industrijali"[16] u l-"Unjoni tal-Innovazzjoni"[17].

Il- benefiċċji tal-istandards għall-industrija Ewropea huma tremendi. L-istandards iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż jew l-iffrankar tal-ispejjeż li ġejjin prinċipalment minn ekonomiji ta' skala, il-possibilità jkunu antiċipati l-ħtiġijiet tekniċi, it-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjoni u l-possibilità li jkun hemm aċċess għal komponenti standardizzati. Skont il-Bank Dinji[18], wieħed mill-benefiċċji ekonomiċi l-aktar importanti tal-istandards huwa li jkabbru l-effiċjenza produttiva u innovattiva. Dawn jippermettu lill-fornituri li jkollhom inqas spejjeż fuq kull unità billi jipproduċu lottijiet kbar omoġenji. Barra minnhekk, il-produtturi jiksbu ħiliet u esperjenza billi jiffokaw fuq varjetajiet inqas ta' prodotti. Benefiċċju ieħor huwa l-aċċess aħjar tas-suq bħala riżultat ta' kompetittività akbar minħabba effiċjenza akbar, anqas spejjeż kummerċjali, ftehimiet kontrattwali ssimplifikati (minħabba li l-karatteristiċi u l-funzjonalitajiet tal-prodott huma ċari bħala riżultat tal-istandards) u kwalità aħjar. L-istandards iwasslu wkoll għal relazzjonijiet aħjar mal-fornituri u l-klijenti li ġejjin minn sikurezza akbar għall-konsumaturi, fiduċja akbar, riskju ta' responsabbiltà iżgħar u għażla usa' ta' fornituri għall-istess raġunijiet imsemmija hawn fuq. Standards minimi ta' sikurezza huma l-eżempju l-aktar ċar ta' standards użati biex isolvu problemi ta' informazzjoni imperfetta. L-istandards Ewropej għandhom valur immens għall-kompetittività tal-intrapriżi li jaħdmu fl-oqsma tat-trasport, il-makkinarju, il-prodotti elettrotekniċi u l-industriji tal-manifattura, kif ukoll fil-qasam tat-telekomunikazzjoni.

Standards Ewropej imfassla tajjeb u fil-ħin jistgħu jappoġġaw l- innovazzjoni f'għadd ta' modi. L-istandards eżistenti jistgħu jikkodifikaw u jxerrdu l-akbar avvanzi fit-teknoloġiji varji. Dawn jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-introduzzjoni tal-prodotti innovattivi billi jipprovdu interoperabilità bejn prodotti, servizzi u proċessi ġodda u oħrajn eżistenti, pereżempju fil-qasam tat-tfassil ambjentali, il-grilja intelliġenti, effiċjenza fl-enerġija tal-bini, in-nanoteknoloġiji, is-sikurezza u l-Mobilità elettronika. Xi kultant, l-innovazzjonijiet jistgħu jiksbu l-aċċettazzjoni aktar faċilment jekk dawn jikkonformaw mal-istandards eżistenti għas-sikurezza, il-kwalità u l-prestazzjoni. L-istandards tal-interoperabilità jistgħu jirfdu pjattaforma teknoloġika li fuqha innovazzjoni oħra tista' sseħħ, speċjalment fis-servizzi (pereżempju, l-użu tas-servizzi tal-mowbajl tal-LTE bħala pjattaforma għal soluzzjonijiet kummerċjali tal-mowbajl jew il-pjattaformi pubbliċi għall-cloud computing għall-applikazzjoni tal-Gvern elettroniċi).

Fl-aħħar nett, l-istandards jistgħu jgħinu jimlew il-lakuna bejn ir-riċerka u l-prodotti u s-servizzi tajbin għas-suq. Standard jista' jikkodifika r-riżultatti ta' riċerka ffinanzjata pubblikament u għalhekk jagħilhom disponibbli bħala bażi għal aktar innovazzjoni. Dan jista' jkun mekkaniżmu effettiv ħafna għat-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija. Sfortunatament, il-potenzjal sħiħ tal-istandardizzazzjoni bħala appoġġ tal-innovazzjoni mhux imwettaq. Għad hemm bżonn għal aktar fehim dwar kif il-kanali differenti li minnhom l-istandards jistgħu jkattru l-innovazzjoni jaġixxu flimkien.

Attivitajiet xjentifiċi jagħmlu kontribuzzjoni ewlenija tal-proċess tal-istandardizzazzjoni. Il-metodoloġiji, il-proċessi u l-materjali li jwasslu għall-istandards huma definiti, parzjalement jew b'mod sħiħ, bl-għarfien xjentifiku disponibbli. Tabilħaqq, riċerka prenormattiva hija prerekwiżit f'ħafna applikazzjonijiet industrijali promettenti bħala mezz biex ikunu stabbiliti kundizzjonijiet indaqs għall-kooperazzjoni industrijali u ambjent regolatorju prevedibbli għall-iżvilupp tas-suq tal-ġejjieni.

Approċċ sistematiku għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni għandu jkun addottat fuq livell Ewropew u nazzjonali biex itejjeb l-isfruttament tar-riżultati tar-riċerka, jgħin biex l-aħjar ideat jaslu fis-suq u jintegraw fis-suq kollu.

Meta l-istandards b'komponent xjentifiku jridu jkunu inkorporati fil-politika tal-Unjoni Ewropea, il-proċeduri se jkunu definiti biex ikun assigurat li huma imparzjali, sodi, ibbażati fuq evidenza xjentifika bbilanċjata u jkunu ikkunsidrati l-impatti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u s-servizzi. Barra minn hekk ir-riżultati relevanti għall-istandardizzazzjoni minn proġetti tar-riċerka ffinanzjati mill-UE u sorsi oħra, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea se jipprovdi kontribuzzjoni xjentifika fil-qasam tal-għarfien espert tiegħu biex jiġi assigurati li l-istandards iqisu l-produttività ekonomika u l-bżonnijiet soċjali bħalma huma s-sotenibilità ambjentali, is-sikurezza u t-tħassib dwar is-sigurtà. Hemm bżonn ukoll li jixxerred l-għarfien tas-sinerġiji potenzjali bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni permezz ta' edukazzjoni u taħriġ aħjar dwar l-istandards. Barra minn hekk, l-istandards jistgħu jinkludu tekonoloġiji proprjetarji, speċjalment fid-dominji innovattivi. Għalhekk, il-politiki tal-IPR tal-ESOs għandhom ikollhom bilanċ ġust bejn l-interessi tal-proprjetarji tat-teknoloġija u dawk tal-utenti tat-teknoloġija, biex ikunu evitati effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni.

L-istandards Ewropej huma pass importanti biex ir-riżultati tar-riċerka jitressqu lejn is-suq u għall-validazzjoni tat-teknoloġiji. L-istandards jistgħu jilagħbu sehem ewlieni jekk iżommu r-rittmu mal-iżvilupp tat-tekonoloġiji u maċ-ċikli tal-iżvilupp tal-prodott li qed ikunu aktar mgħaġġla. Fil-passat, żmien ta' avvanz qabel ma jibda x-xogħol tal-istandardizzazzjoni, flimkien ma' perjodu ta' bejn tlieta u ħames snin meħtieġa qabel biex ikun żviluppat standard Ewropew, fissru li l-istandards baqgħu wisq wara t-teknoloġiji li jevolvu malajr, biex b'hekk ġieli kien diġa' għadda żmienhom meta ġew adottati. Dan isir aktar problematiku jekk l-istandards se jintużaw strateġikament bħala mezz biex tkun stimulata l-innovazzjoni u tkun promossa l-interoperabilità tal-prodotti innovattivi. Bħala konsegwenza, ċerti setturi ma kellhomx ħeġġa biex jimpenjaw ruħhom fl-istandardizzazzjoni jew ma kinux kapaċi jibbenefikaw mill-effetti pożittivi tal-istandards, bħalma hija l-interoperabilità.

Biex titjieb din is-sitwazzjoni, żewġ fatturi huma ta' importanza ewlenija: l-ewwel nett, antiċipazzjoni effiċjenti u ppjanar tal-istandardizzazzjoni, u t-tieni l-pass mgħaġġel tal-iżvilupp tal-istandards fih innifsu. Antiċipazzjoni u studji ta' previżjoni jistgħu jgħinu biex ikun antiċipat il-bżonn għall-iżvilupp tal-istandards billi jkunu konnessi t-tekonoloġiji emerġenti, il-bżonnijiet tar-riċerka tagħhom għall-prodotti u l-proċessi mad-definizzjoni tal-politika. Jista' jsir ħafna titjib f'dawn l-oqsma mingħajr ma jkunu mminati l-valuri ewlenin tas-sistema tal-istandardizzazzjoni, bħalma huma l-inklussività, il-konsensus u n-natura volontarja tal-istandards.

Biex jitjieb l-ippjanar tal-attivitajiet tagħha relatati mal-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea se tadotta l-Programm ta' Ħidma għall-istandardizzazzjoni annwali kif stabbilit fir-Regolament propost li qed jakkumpanja. Il-Programm ta' Ħidma se jidentifika prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-mandati[19] u għal azzjonijiet oħra meħtieġa. Oqsma innovattivi se jkunu pprijoritizzati billi jintużaw il-mekkaniżmi stabbiliti fl-inizjattiva Unjoni ta' Innovazzjoni, bħalma huma l-użu tal-Partenarjati tal-innovazzjoni u l-monitoraġġ tal-oqsma tal-iżvilupp tal-innovazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-Regolament propost se jsawwar ukoll il-proċedura għall-oġġezzjonijiet għal standard armonizzat adottat għall-applikazzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-UE. L-iffinanzjar tal-Kummissjoni tal-istandardizzazzjoni se jkun immirat skont il-prijoritajiet identifikati fil-Programm ta' Ħidma annwali.

Ħafna mill-partijiet interessati huma tal-opinjoni li l-proċessi ta' standardizzazzjoni Ewropej għandhom ikunu aċċellerati, ssimplifikati u mmodernizzati . Għalhekk, l-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-ESOs se jintużaw biex ikun promoss titjib kontinwu fil-prestazzjoni tal-ESOs. Il-Kummissjoni se tiffissa dati ta' skadenzi fit-talbiet tagħha għall-istandards u l-iffinanzjar se jiddependi fuq kemm l-ESOs se jissodisfaw l-kriterji relatati, inter alia , mal-pass mgħaġġel tal-iżvilupp tal-istandards, ir-rappreżentazzjoni adegwata tal-partijiet interessati u l-kwalità, ir-relevanza u l-prontezza tal-istandards prodotti. L-għan tal-Kummissjoni huwa li tnaqqas iż-żmien medju biex għall-iżvilupp tal-istandards Ewropej jew għar-riżultati tal-istandardizzazzjoni Ewropea mitluba mill-Kummissjoni b'50 % sal-2020[20].

Fuq kollox l-appoġġ finanzjarju se jkun jiddependi fuq kemm l-ESOs itejbu l-effiċjenza tas-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni u fuq kemm is-segretarjati ċentrali li jissodisfaw l-għanijiet definiti. Diġà ħadu xi passi, bħalma huwa l-ħolqien ta' Ċentru tal-Maniġment CEN-CENELEC konġunt taħt Direttur Ġenerali komuni. Madankollu, l-ESOs issa għandhom jimmodernizzaw il-proċessi interni tagħhom, pereżempju billi jesploraw u jadottaw l-aħjar prassi minn organizzazzjonijiet oħrajn li jiżviluppaw standards u billi jtejbu xogħol konġunt bejniethom u ma' organizzazzjonijiet oħra. L-ESOs għandhom ukull iqajmu kuxjenza dwar il-mekkaniżmi eżistenti ta' soluzzjoni ta' konflitt u jiżguraw li dawn il-mekkaniżmi jwasslu għal konsensus fi żmien xieraq.

L-iffinanzjar għall-appoġġ ta' attivitajiet ta' standardizzazzjoni b'mandat se jibqa' l-mutur ewlieni għall-iżvilupp tal-istandards li l-funzjoni primarja tagħhom huwa li jappoġġaw l-politika pubblika u l-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tappoġġa t-traduzzjoni tal-istandards armonizzati fil-lingwi uffiċjali tal-UE.

Azzjonijiet

6. F'konformità mar-Regolament propost li qed jakkumpanja, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Programm ta' Ħidma annwali li se jidentifika l-prijoritajiet għall-istandardizzazzjoni Ewropea u l-mandati meħtieġa b'dati ta' skadenza korrispondenti. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-Programm ta' Ħidma wara konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati relevanti.

7. Il-Kummissjoni se titlob li l- istandards Ewropej għall-prodotti u s-servizzi innovattivi jkunu elaborati u adotttati malajr, pereżempju fil-qasam tat-tfassil ambjentali, il-grilja intelliġenti, l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini, in-nanoteknoloġiji, is-sigurtà u l-Mobilità elettronika.

8. Il-Kummissjoni se tagħmel l-iffinanzjar tal-ESOs soġġett għall-issodisfar tagħhom tal- kriterji ta' prestazzjoni u l-issodisfar tagħhom tal- għanijiet definiti li, inter alia , se jispeċifikaw li l-ESOs se jkollhom jottimizzaw il-pass mgħaġġel tal-iżvilupp tal-istandards u jimmodernizzaw il-prassi tax-xogħol tagħhom. L-ESOs għandhom inaqqsu ż-żmien medju biex ikunu żviluppati l-istandards Ewropej jew ir-riżultati tal-istandardizzazzjoni Ewropea mitluba mill-Kummissjoni b'50 % sal-2020. Barra minn hekk, ir-Regolament se jsawwar u jqassar il-proċedura għall-għanijiet ta' standard armonizzat.

9. Meta l-istandards li għandom komponent xjentifiku se jiġu inkorporati fil-politika tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni se tieħu l-passi kollha meħtieġa biex evidenza xjentifika imparzjali, soda u bbilanċjata tkun fil-bażi tal-proċess tal-istandardizzazzjoni Ewropea. Flimkien mar-riżultati relevanti għall-istandardizzazzjoni minn proġetti tar-riċerka ffinanzjati mill-UE u sorsi oħra, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea se jipprovdi kontribuzzjoni xjentifika fl-oqsma tiegħu tal-għarfien espert biex ikun assigurat li l-istandards iqisu l-kompetittività ekonomika, il-bżonnijiet soċjali, it-tħassib dwar is-sigurtà/is-sikurezza u l-impatt ambjentali matul iċ-ċiklu tal-ħajja.

10. L-ESOs, l-Istati Membri u l-entitajiet l-oħrajn tal-istandardizzazzjoni huma mistennija jtejbu l-kuxjenza u l-edukazzjoni dwar l-istandardizzazzjoni u l-konnessjonijiet potenzjali mal-proġetti tar-riċerka. L-għarfien pubbliku dwar l-istandardizzazzjoni għandu jiżdied permezz ta' taħriġ, attivitajiet li jqajmu l-kuxjenza u workshops immirati.

L-UżU TAL-ISTANDARDS BIEX JINDIRIZZAW L-ISFIDI EWLENIN TAS-SOċJETÀ

F'oqsma ta' importanza politika u ekonomika għolja, l-istandards jistgħu jintużaw strateġikament biex ikun aċċellerat l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet innovattivi, inklużi permezz tat-tħaddim tal-ICT. Fis-seklu wieħed u għoxrin, l-Ewropa tiffaċċja għadd ta' sfidi strateġiċi, b'mod partikolari f'oqsma fejn l-istandards għandhom potenzjal partikolarment qawwi biex jappoġġaw il-politika tal-UE, bħalma huma l-protezzjoni ta' konsumatur, aċċessibilità, il-bidla fil-klima, l-effiċjenza tar-riżors, is-sigurtà u l-protezzjoni ċivili, il-protezzjoni tad-dejta personali u l-privatezza tal-individwi[21] u l-użu tal-ICT għall-interoperabilità fis-Suq Uniku Diġitali.

L-istandards jilagħbu sehem importanti fl-appoġġ tal- protezzjoni tal-konsumatur , b'mod partikolari permezz tal-proviżjoni ta' parametri ta' sikurezza fl-istandards li jagħtu presunzjoni ta' konformità mad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodott[22] (GPSD). Għalhekk il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa proposta li fiha taħseb li tagħmel possibbli l-adozzjoni aktar mgħaġġla tal-mandati għall-Istandards Ewropej u ssaħħaħ is-sehem tagħhom fid-Direttiva.

L-istandardizzazzjoni hija diġà strument ewlieni għat- titjib tal-accessibilità tal-persuni b'diżabilità u l-anzjani . Xi wieħed minn kull għaxra taċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom xi forma ta' diżabilità u hekk kif il-popolazzjoni tal-Ewropa qiegħda tixjieħ, din iċ-ċifra se tiżdied. L-istandards, li jqisu l-konsiderazzjonijiet ta' accessibilità u li jsegwu l-prinċipju "tifsila għal kulħadd"[23], għandhom potenzjal li jneħħu l-ostakli u jagħtu l-poter lill-persuni b'diżabilità biex jipparteċipaw fl-aspetti kollha tas-soċjetà. "Tifsila għal kulħadd" tikkontribwixxi għat-titjib fl-aċċess ekwu minn kulħadd, inter alia , għax-xogħol, l-ambjent mibni, it-trasport, il-faċilitajiet mediċi, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-edukazzjoni, il-mistrieħ u l-kultura. L-istandards żviluppati f'konformità ma' dan il-prinċipju jistgħu jappoġġaw ukoll l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' suq uniku veru Ewropew fi prodotti u servizzi aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u l-anzjani. Il-proċessi ta' standardizzazzjoni Ewropej applikati fis-servizzi soċjali jistgħu tabilħaqq ikunu mod biex tinxtered l- innovazzjoni soċjali f'għadd kbir ta' entitajiet u l-fornituri jingħataw inċentiv viżibbli biex isir progress fid-direzzjoni t-tajba. Għalhekk il-ħtiġijiet tal-aċċessibilità għandhom jitqiesu fl-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni relevanti kollha, fost oħrajn permezz ta' involviment akbar tal-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw il-persuni b'diżabilità, esperti tal-aċċessibilità u professjonisti relevanti oħra. Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet tan-NU daħlet fis-seħħ għall-UE fit-22 ta' Jannar 2011 u kienet ratifikata minn 17-il Stat Membru filwaqt l-Istati Membri l-oħra għadhom fil-proċess li jagħmlu dan. Il-Konvenzjoni tirrikjedi li l-partijiet tal-Istat jippromwovu tifsila universali fl-iżvilupp tal-istandards u jizviluppaw, jippromulgaw u jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-istandards minimi għall-aċċessibilità tal-faċilitajiet u s-servizzi miftuħa għall-pubbliku jew pprovduti għalihom Ix-xogħol tal-istandardizzazzjoni Ewropea jista' jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fl-Ewropa.

L-istandardizzazzjoni Ewropea tista' tappoġġa l-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar il-bidla fil-klima, it-tkabbir aħdar u tista' tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u użu effiċjenti tar-riżorsi. L-istandards iħeġġu l-effiċjenza tar-riżorsi billi jintegraw il-ħtiġijiet relatati mal-kriterji ta' tmiem il-ħela, id-durabilità u riċikliċità. L-istandards ta' kejl se jkunu partikolarment importanti fil-valutazzjoni tal-emissjonijiet u l-impatti ambjentali, li se jippermettu titjib fil-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u l-proċessi ta' produzzjoni. Hawn se jkun imħeġġeġ l-użu tal-għodda tal-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja fuq il-livell tal-UE[24]. Dawn se jkunu wkoll kruċjali għall-iżvilupp ta' swieq ġodda għal prodotti u servizzi aktar xierqa għall-ambjent u fl-iffaċilitar tal-aċċess tas-suq għal atturi ġodda. Fil-ġejjieni se jkun hemm bżonn li jkunu kkunsidrati fatturi ambjentali meta jiġu żviluppati standards f'oqsma oħra, il-proċess hu magħruf bħala "il-mainstreaming tar-rekwiżiti ambjentali"[25]. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-progress li sar mill-ESOs meta għinu lill-iżviluppaturi tal-istandards jidentifikaw u jifhmu impatti ambjentali bażiċi u jiddeterminaw jekk kienx possibbli li dawn ikunu indirizzati meta jiġi żviluppat standard. Madankollu, l-isforzi biex ikunu ttrattati l-kwistjonijiet ambjentali b'mod effettiv fl-NSBs jibqgħu frammentati. Għalhekk il-mainstreaming tar-rekwiżiti ambjentali għandu jibqa' ta' prijorità kbira għall-ESOs u l-NSBs. B'mod partikolari, l-NSBs għandhom bżonn itejbu l-involviment tagħhom tal-Għaqdiet Non-Governattivi (NGOs) ambjentali fil-proċess tal-iżvilupp tal-istandards.

It-tħeffif tal-istandardizzazzjoni huwa ċentrali għall-ħolqien ta' suq għall-Ewropa kollha għall-prodotti tas-sigurtà u hu diġà prijorità għall-Kummissjoni[26]. Fil-qasam tas-sigurtà, il-pass mgħaġġel hu fundamentali biex ikunu miġġielda theddidiet ġodda u dawk emerġenti u għalhekk għandu jsir użu sħiħ mill-proċeduri mgħaġġla għall-istandardizzazzjoni. Barra minn hekk, l-istandards għal ċerti applikazzjoniiet ta' sigurtà, bħalma huma scanners fl-ajruporti u stamperiji tal-flus, għandhom ikunu disponibbli biss għall-entitajiet li għandhom il-permessi meħtieġa ta' sigurtà.

Azzjonijiet

11. Il-Kummissjoni se tirrevedi d- Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodott li fiha hemm maħsub b'mod partikolari li jissaħħaħ ir-rwol tal-istandards Ewropej u titqassar il-proċedura għall-adozzjoni tagħhom.

12. Il-Kummissjoni se testendi l- użu strateġiku tal-istandardizzazzjoni biex tappoġġa l- leġiżlazzjoni u l-politiki dwar l-ambjent u l-aċċessibilità u fil-qasam tas- sigurtà l-protezzjoni ċivili.

13. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment effettiv tal-partijiet interessati, l-NGOs ambjentali u r-rappreżentanti tal-persuni b'diżabilità u l-anzjani fl-istandardizzazzjoni u fil-livell nazzjonali .

14. L-ESOs u l-NSBs għandhom jiżguraw li l-istandards iqisu b'mod sħiħ lill-konsumatur, il-fatturi tal-ambjent u l-aċċessibilità u jinvolvu b'mod adegwat il-partijiet rappreżentattivi tagħhom.

PROċESS INKLUSSIV TAL-IżVILUPP TAL-ISTANDARDS

Is-saħħa tal-istandard volontarju tiddependi fuq is-saħħa tal-konsensus li jkun ntlaħaq fil-proċess li jkun żviluppat. Konsensus qawwi huwa vitali biex standard ikun aċċettat u użat mill-industrija. L-aċċettazzjoni tal-istandard mill-partijiet interessati l-oħra hija importanti f'dawn l-oqsma fejn l-istandards jintużaw bħala appoġġ tal-politika u l-leġiżlazzjoni pubblika. Madankollu, fil-preżent mhux il-partijiet interessati kollha relevanti huwa rappreżentati b'mod adegwat fil-proċess ta' standardizzazzjoni. Filwaqt l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea, il-kumpaniji jibqgħu rappreżentati aħjar fl-entitajiet tekniċi varji tal-istandradizzazzjoni Ewropea. Dan minħabba li l-SMEs għandhom ftit impjegati u ma tantx jistgħu jippermettu d-diviżjoni tax-xogħol għal impjegat wieħed biex iqatta' ammont relevanti ta' żmien jipparteċipa fl-iżvilupp tal-istandards. L-ispejjeż, f'termini ta' żmien meħtieġ, l-ispejjeż ta' safar u l-ħlas tas-sħubija, huma proporzjonalment għoljin wisq.

Barra minn hekk, l-istandardizzazzjoni qiegħda dieħla f'oqsma ġodda. Tradizzjonalment, l-istandards kienu prodotti għall-koordinazzjoni teknika. Illum, l-istandards huma żviluppati għal użu usa' fl-organizzazzjonijiet, pereżempju biex jipprovdulhom gwida dwar sistemi ta' maniġment, servizzi jew kwistjoniiet ambjentali u soċjali. Barra minn hekk, minkejja li l-istandards huam żviluppati minn atturi privati, l-istandards aktar tradizzjonali għandhom impatt sinifikattiv fuq soċjetà usa', fejn jaffettwaw is-sikurezza u l-benesseri taċ-ċittadini, l-effiċjenza tan-netwerks, l-ambjent u oqsma oħra tal-politika pubblika.

Għalhekk, l-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà li jirrapreżentaw dawn il-gruppi usa' (pereżempju, il-konsumaturi, it-trejdjunjins, l-NGOs ambjentali, l-organizzazzjonijiet għal persuni b'diżabilità u dawk tagħhom) għandhom ikunu involuti aktar mill-qrib fil-proċess tal-istandardizzazzjoni. Waħda mill-possibilitajiet għall-ESOs biex jilħqu dan l-għan hija li jfittxu l-ispirazzjoni fil-mudell użat għall-iżvilupp tal-istandard gwida tal-ISO[27] dwar ir-responsabbiltà soċjali, l-hekk imsejħa "l-linja ta' produzzjoni alternattiva". Il-mudell hu partikolarment relevanti għal temi ta' xogħol li huma sensittivi ħafna jew ta' interess pubbliku partikolari.

Bħalissa l-mudell tas-sħubija tal-ETSI diġà nfetaħ għall-parteċipazzjoni diretta tal-SMEs. Fil-każ tas-CEN u s-CENELEC, il-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà fl-iżvilupp tal-Istandards Ewropej tgħaddi mill-NSB. Din hija konsegwenza tal- "prinċipju tad-delega nazzjonali" , li fiha l-interessi tal-partijiet interessati nazzjonali kollha huma rappreżentati fis-CEN u s-CENELEC permezz tal-NSB tagħhom. Il-vantaġġ ta' dan il-prinċipju huwa li ħafna mix-xogħol isir fuq il-livell nazzjonali sabiex l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni, speċjalment is-safar, ikunu orħos u l-ispeċifitajiet nazzjonali, bħal pereżempju l-lingwa, jistgħu jkunu kkunsidrati. Peress li dan il-prinċipju se jkompli jsawwar is-sistema tal-istandardizzazzjoni fis-CEN u s-CENELEC, l-NSBs għandhom ikunu kapaċi jipprovdu pjattaforma robusta biex jinbena l-konsensus. Filwaqt li xi NSBs għamlu progress tajjeb f'dan il-qasam, oħrajn għandhom bżonn ikunu aktar proattivi biex jinvolvu l-partijiet interessati li tradizzjonalment ma pparteċipawx fil-proċess ta' standardizzazzjoni. F'xi każijiet il-prezz tal-istandards jibqa' ostaklu għall-aċċess għall-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà. L-aħjar prassi, bħalma huma rati speċjali jew lottijiet bi prezz imnaqqas, jistgħu jneħħu dawn l-ostakli filwaqt li jżommu jew anke jtejbu l-vijabilità finanzjarja tas-sistema.

Fl-attivitajiet kollha tagħhom, is-CEN, is-CENELEC u l-ETSI jsegwu l-prinċipji ewlenin għall-istandardizzazzjoni [28] , stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-kuntest tal-Ftehim Kummerċjali dwar l-Ostakli Tekniċi[29]. Meta wieħed iqis l-kriterji tad-WTO bħala bażi, l-ESOs u l-NSBs għandhom jiżviluppaw b'mod volontarju skema, b'parametri li jitkejlu, biex juru li l-NSBs jikkonformaw ma' dawn il-kriterji u biex jiżguraw titjib kontinwu fis-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea.

Tali skema għandha tifforma l-bażi ta' reviżjoni bejn il-pari futura tal-NSBs li għandhom jinkludu elementi oħra bħalma huma l-istruttura tal-ispiża, it-trasparenza u l-effiċjenza. Kooperazzjoni akbar bejn l-NSBs, inkluż l-iskambju tal-prassi t-tajba u proġetti ta' ġemellaġġ, se tgħin biex tiżdied il-prestazzjoni tal-NSBs.

Jeżisti wkoll skop sinifikanti biex tikber il-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà fil-kumitati tal-istandardizzazzjoni Ewropej, minkejja li kwistjonijiet relatati ma' żmien u spejjeż jifformaw ostakli sinifikanti għall-aċċess. Filwaqt li l-ESOs bdew ix-xogħol biex itejbu l-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-istandardizzazzjoni u l-ibbenefikar tagħhom minnha, hemm bżonn ta' aktar azzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa finanzjarjament il- parteċipazzjoni tal-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà fil-kumitati tal-istandardizzazzjoni Ewropea [30]. Se tkompli tappoġġa wkoll lill-organizzazzjonijiet Ewropej li jirrapreżentaw l-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà billi tiffinanza l-attivitajiet tas-segretarjati tagħhom. Barra minn hekk, is-CEN u s-CENELEC għandhom jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport "L-aċċess tal-SMEs għall-istandardizzazzjoni Ewropea"[31]. Dawn għandhom jadattaw ir-regoli interni tagħhom sabiex isaħħu l-pożizzjoni tal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà

Azzjonijiet

15. Il-Kummissjoni se titlob li l-ESOs jevalwaw l-introduzzjoni ta' proċessi ta' xogħol alternattivi u aktar inklussivi (il-"linja ta' produzzjoni alternattiva", b'mod partikolari għal temi ta' xogħol li huma sensittivi ħafna jew ta' interess pubbliku partikolari.

16. Il-Kummissjoni se titlob lill-ESOs u l-NSBs li jimplimentaw skema volontarja biex juru li l-NSBs jikkonformaw mal-kriterji tas-sħubija bbażati fuq il-prinċipji tat-TBT tad-WTO u li l-ESOs jissorveljaw b'mod regolari tali konformità. Il-Kummissjoni qiegħda titlob ukoll li l-ESOs jirrapurtaw kull sena r-riżultati ta' dawn l-eżerċizzji ta' monitoraġġ lill-Kummissjoni.

17. Il-Kummissjoni se titlob ukoll lill-ESOs u l-NSBs li jiżviluppaw sistema ta' reviżjoni bejn il-pari biex tissorvelja b'mod attiv, inter alia , il-parteċipazzjoni wiesgħa fil-proċess tal-istandardizzazzjoni.

18. Il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs nazzjonali u l-partijiet interessati tas-soċjetà nazzjonali għandhom ikunu appoġġati mill-Istati Membri, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju jekk hu xieraq.

19. L-entitajiet nazzjonali tal-istandardizzazzjoni huma mħeġġa li jipprovdu standards b'rati speċjali jew jagħmluhom f'lott bi prezz imnaqqas għall-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà.

20. Il-pożizzjoni tal- Assoċjazzjonijiet Ewropej li jirrapreżentaw lill-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà għandha tissaħħaħ, inter alia permezz ta' appoġġ finanzjarju kontinwu mill-Kummissjoni.

L-ISTANDARDIZZAZZJONI U S-SUQ UNIKU EWROPEW GħAS-SERVIZZI

Suq uniku Ewropew ħabrieki u li jiffunzjona bis-sħiħ huwa importanti biex titwettaq l-istrateġija Ewropea 2020, kif imfassal fl-inizjattiva prinċipali Lejn Att dwar is-Suq Uniku[32]. Il-fundamenti tas-suq uniku huma l-erba' libertajiet taċ-ċaqliq: tal-persuni, tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital. Is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea diġà għamlet kontribut importanti, f'wieħed minn dawn l-oqsma, fl-oġġetti, prinċipalment permezz tal-"Approċċ il-Ġdid" fil-leġiżlazzjoni, imfassla biex tevita l-ħolqien tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ.

Minkejja li l-istandards Ewropej huma diġà użati b'mod mifrux għat-trasport u l-loġistika, għas-servizzi postali u n-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, l-istandards volontarji Ewropej ma kellhomx rwol daqshekk prominenti fl-appoġġ tat-tlestija tas-suq uniku tas-servizzi u fil-kontribut għall-kompetittività ta' dan is-settur ewlieni tal-ekonomija Ewropea. Illum is-servizzi huma wieħed mill-muturi ewlenin tal-ekonomija tal-UE li jirrapreżentaw żewġ terzi tal-PGD tal-UE u huma s-sors tal-ħolqien kollu nett tal-impjiegi fis-sena reċenti. Madankollu, is-suq uniku għas-servizzi mhux qed jissodisfa l-potenzjal sħiħ tiegħu peress li għad jeżisti għadd ta' ostakli legali u amministrattivi għas-servizzi fis-suq uniku. F'dan il-kuntest l-istandards għandhom potenzjal kbir li jikkontribwixxu lejn settur tas-servizzi aktar Ewropew u aktar ħabrieki u għaldaqstant għal ekonomija aktar innovattiva u kompetittiva, billi jtejbu l-interoperabilità u l-kwalità tas-servizz.

Madankollu l-progress fl-iżvilupp tal-istandards Ewropej għas-servizzi kien bil-mod u s-snin reċenti raw tkabbir mgħaġġel fl-istandards tas-servizzi aktar fuq il-livell nazzjonali milli fuq il-livell Ewropew, (453 standard ġdid fl-2005-2009 b'kuntrast ma' 24 Ewropew biss). Hemm ir-riskju li din il-proliferazzjoni toħloq ostakli fil-kummerċ intra-UE fis-servizzi billi tirrikjedi lin-nrgozji jadattaw għal għadd dejjem akbar ta' standards nazzjonali differenti fis-suq uniku.

Għal din ir-raġuni l-komunikazzjoni tal-Kummission "L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja'' tinkludi fost it-tnax-il azzjoni ta' prijorità ewlenija li jridu jkunu adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE qabel tmiem l-2012, l-estensjoni tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea għas-servizzi. Għalhekk ir-Regolament propost dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea jinkludi standards volontarji għas-servizzi fl-ambitu tiegħu sabiex titnaqqas il-probabilità ta' standards nazzjonali konfliġġenti u multipli, filwaqt li jippermetti lill-Kummissjoni, wara konsiderazzjoni xierqa, li toħroġ mandati li jirrikjedu l-iżvilupp tal-istandards tas-servizzi Ewropej. It-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tas-sistema tal-istandardizzazzjoni indikaw appoġġ għal din il-proposta. Madankollu, ir-regolament propost mhux se jestendi n-notifika ta' abbozz ta' regoli tal-prodotti obbligatorji għas-servizzi peress li dan ma jaqax fil-qasam tiegħu. Din is-sistema, li fiha l-abbozz tar-regolamenti tekniċi dwar il-prodotti u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha, se tibqa' mingħajr tibdil bil-proposta. L-estensjoni ta' din is-sistema għall-qasam tas-servizz tista' tkun kkunsidrata aktar tard fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva 98/34/KE.

L-istandards Ewropej għas-servizzi għandhom iqisu l-interess pubbliku u jkunu bbażati fuq il-konsensus u motivati mis-suq li fih il-bżonnijiet tal-operaturi ekonomiċi u l-partijiet interessati direttament jew indirettament affettwati mill-istandard jipprevalu. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tikkonsulta lill-partijiet interessati tal-industrija tas-servizzi sabiex tiżgura li kwalunkwe standard tal-futur attwalment jissodisfa dan it-test ta' relevanza tas-suq. Il- grupp ta' Livell Għoli dwar is-Servizzi tan-Negozju propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Att dwar is-Suq Uniku"[33] għandu jintuza wkoll bħala forum biex jiddiskuti dawn u kwistjonijiet oħrajn relatati mas-servizzi tal-istandardizzazzjoni. Wieħed għandu jinnota li l-maġġoranza vasta tal-impriżi fis-settur tas-servizzi huma intrapriżi żgħar. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-partijiet interessati tas-soċjetà hija kruċjali għall-proċess tal-istandardizzazzjoni.

Azzjonijiet

21. L-istandards għas-servizzi se jkunu inklużi fl-ambitu tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni li qed jakkumpanja.

22. Fejn hemm talba mis-suq u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni se titlob l-iżvilupp tal-istandards volontarji għas-settur tas-servizzi li huma motivati mis-suq, ibbażati fuq il-konsensus u li jqisu l-interess pubbliku.

23. Il-Kummisjoni se twaqqaf Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Servizzi tan-Negozju li se jeżamina wkoll kwistjonijiet marbuta mal-istandards fl-industriji.

L-ISTANDARDIZZAZZJONI, IT-TEKNOLOġIJA TAL-INFORMAZZJONI U L-KOMUNIKAZZJONI (ICT) U L-INTEROPERABILITÀ

L-ICT hija responsabbli għall-5 % tal-PGD Ewropew b'valur annwali tas-suq ta' EUR 660 biljun. Madankollu dan l-impatt ekonomiku jiċċekken bl-impatt tas-sehem ta' ħila li l-ICT tilgħab fit-tkabbir ta' produttività tas-setturi kollha l-oħra tan-negozju. Madankollu, l-ICT tmiss direttament il-ħajjiet taċ-ċittadini individwali b'aktar minn 250 miljun utent tal-Internet fl-UE u kważi ċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom mowbajls. Dan diġà biddel b'mod profond in-negozju u s-soċjetà b'ħafna modi u dawn it-tibdiliet se jkomplu jaċċelleraw. Kontenut u servizzi attraenti disponibbli f'ambjent effiċjenti tal-internet jistimulaw id-domanda għal pass mgħaġġel u kapaċità akbar li b'rispons joħolqu negozji ġodda u jfaqqsu servizzi saħansitra aktar innovattivi.

L-istandards iridu jkunu disponibbli biex jiżguraw l-interoperabilità bejn it-tagħmir, l-applikazzjonijiet, l-arkivji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks sabiex l-Ewropa tkun tista' tikseb il-benefiċċji kollha tal-ICT. L-użu tal-istandards għandu bżonn ukoll li jkun promoss, inkluż permezz tal-ksib pubbliku u l-politiki u l-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE.

Fl-istess ħin hekk kif ix-xenarju tal-ICT inbidel b'mod drammatiku, hekk ukoll għamel ix-xenarju fl-istandardizzazzjoni tal-ICT. Flimkien mal-organizzazzjonijiet tradizzjonali li jfasslu l-istandards, Fora u Konsorzja tal-ICT speċjalizzati u ħafna minnhom globali, saru aktar attivi u diversi tfaċċaw bħala organizzazzjonjiet mexxejja tal-iżvilupp tal-istandards tal-ICT. Dawn l-organizzazzjonijiet mexxejja normalment jimplimentaw ukoll regoli, proċessi u proċeduri li huma fil-wisgħa konformi ma' dawk stabbiliti mid-WTO għall-organizzazzjonijiet tal-istandards internazzjonali. Minkejja li l-ESOs diġà għamlu sforzi konsiderevoli biex jikkooperaw mill-qrib ma' fora u konsorzja, l-istandards elaborati minn dawn tal-aħħar mhumiex integrati fl-istandards Ewropej.

Hemm bżonn li minn tal-inqas jintlaħaq livell adegwat ta' interoperabilità u jkun żgurat li x-xerrejja pubbliċi jistgħu jakkwistaw servizzi u applikazzjonijiet ta' ICT interoperabbli. Dan għandu jintlaħaq ukoll billi jkunu kkunsidrati t-teknoloġiji tal-lum fejn, f'oqsma bħall-Internet u World Wide Web, ix-xenarju tal-istandardizzazzjoni huwa okkupat minn fora u konsorzja minflok minn ESOs. F'dik il-perspettiva, il-Kummissjoni fasslet għall-konsultazzjoni pubblika proposti dettaljati biex tkun modernizzata l-istandardizzazzjoni tal-ICT Ewropea fil-forma ta' White Paper[34]. Meta wieħed iqis ir-risposti pożittivi għall-White Paper, il-Kummissjoni se tkompli timplimenta dawn il-proposti.

Kif previst fl-"Aġenda Digitali għall-Ewropa"[35],, ir-Regolament se jistabbilixxi sistema li fiha l-istandards tal-ICT l-aktar relevanti żviluppati minn Global ICT Fora and Consortia mexxejja jistgħu jintuzaw fil-ksib pubbliku biex jgħinu jkun evitat l-għeluq u jħeġġu l-kompetizzjoni fil-forniment tas-servizzi tal-ICT interoperabbli, l-applikazzjoni u l-prodotti. F'ċerti każijiet, fejn definiti fil-kuntest tal-politiki tal-ICT u l-inizjattivi strateġiċi, l-arkitetturi u l-oqsfa tal-interoperabilità, għandu mnejn ikun meħtieġ li l-implimentazzjoni ta' interfaces standardizzati globalment tiġi adottata fi proċeduri ta' ksib pubbliku, sakemm il-prinċipji tal-ftuħ, il-ġustizzja, l-oġġettività u n-nondiskriminazzjoni u d-direttivi dwar il-ksib pubbliku jiġu applikati.

L-istandards tal-ICT magħżula se jikkumplimentaw l-istandards Ewropej u għandhom jikkonformaw mal- kriterji ta' kwalità . Dawn il-kriterji, li jindirizzaw kemm lill-proċessi li jiżviluppaw l-istandards kif ukoll lill-istandards proprji, ikopru kwistjonijiet bħalma huma l-ftuħ, it-trasparenza u n-newtralità kif ukoll jimponu l-istess ħtiġijiet minimi kif applikati mill-ESOs għat-trattament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IP).

Il-Kummissjoni se tuża aktar standards tal-ICT magħzula żviluppati minn organizzazzjonijiet oħrajn tal-iżvilupp tal-istandards milli l-ESOs għall-politiki Ewropej, sakemm dawn l-istandards jikkonformaw ma' dawn il-kriterji tal-kwalità, b'mod partikolari meta l-interoperabilità bejn it-tagħmir, l-applikazzjonijiet, l-arkivji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks għandhom ikunu mtejba aktar. Pereżempju, fil-qasam li qed jevolvi tal-istandardizzazzjoni tal-cloud computing l-isforzi u l-istandards huma numerużi u mferrxa. Hemm bżonn ta' sforz biex ikun żgurat li l-istandards ikunu utli biex jappoġġaw it-tħassib Ewropew li tkun żgurata l-għażla tal-utent permezz tal-interoperabilità u l-portabilità tad-dejta.

Jekk l-Ewropa trid li jkollha l-istandards tal-ICT li għandha bżonn fil-ħin, bilfors għandu jkun hemm djalogu permanenti bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati u djalogu bejn l-organizzazzjonijiet li jiżviluppaw l-istandards, inklużi l-fora u l-konsorzja. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tesplora mal-partijiet interessati modi kif tista' tkabbar aktar it-trasparenza u l-previżjoni tat-trattament tal-IP fl-istandardizzazzjoni tal-ICT. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tgħin u tħeġġeġ lill-ESOs biex ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom ma' fora u konsorzja, b'mod partikolari biex idaħħlu l-ispeċifikazzjonijiet tal-fora/konsorzja fis-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea, pereżempju permezz ta' proċeduri qosra.

Azzjonijiet

24. Ir-Regolament propost li qed jakkumpanja se jippermetti r-referenzjar fid-dokumenti tal-ksib pubbliku tal-istandards tal-ICT magħżula li huma ġeneralment aċċettati mis-suq u li jikkonformaw ma' sett ta' kriterji ta' kwalità bbażati fuq il-prinċipji tad-WTO għall-proċessi ta' standardizzazzjonijiet internazzjonali, f'oqsma fejn l-ESOs mhumiex attivi, fejn l-istandards tal-ESOs ma ppenetrawx fis-suq jew fejn dawn l-istandards ikun għadda żmienhom.

25. Fil- politiki tal-UE, il-Kummissjoni se tuża aktar l-istandards tal-ICT magħżula li jikkonformaw mal-istess sett ta' kriterji ta' kwalità, b'mod partikolari meta l-interoperabilità bejn it-tagħmir, l-applikazzjonijiet, l-arkivji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks għandhom jittejbu aktar.

26. Fl-2011, il-Kummissjoni se toħloq u tippresiedi pjattaforma dedikata għall-partijiet interessati diversi biex tagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-politika tal-istandardizzazzjoni fil-qasam tal-ICT, inkluż il-programm ta' ħidma għall-istandardizzazzjoni tal-ICT, l-issettjar tal-prijoritajiet b'appoġġ għal-leġiżlazzjoni u l-politiki u l-identifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet żviluppati minn Global ICT Fora and Consortia.

27. L-Istati Membri għandhom iżidu l-użu tal-istandards, inklużi l-istandards tal-ICT magħżula, fil-ksib pubbliku tal-ICT sabiex tkun promossa l-interoperabilità u l-innovazzjoni u jkun evitat l-għeluq.

28. L-ESOs huma mistennija li jtejbu kontinwament l-proċessi biex idaħħlu l-istandards tal-ICT żviluppati minn organizzazzjonijiet oħra li jiżviluppaw l-istandards fis-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea , pereżempju permezz ta' proċeduri mgħaġġla.

STANDARDS BIEX IKABBRU L-KOMPETITTIVITÀ TAL-UE FIS-SUQ GLOBALI

L-Ewropa diġà għandha sehem mexxej fl-istandardizzazzjoni internazzjonali permezz tal-NSBs Ewropej li huma lkoll membri tal-ISO u IEC. L-istandards għandhom sehem importanti x'jilagħbu fl-appoġġ tal-kompetittività tan-negozji Ewropej fis-suq globali, li jħallihom jaċċessaw is-swieq barranin u jistabbilixxu partenarjati tan-negozju madwar id-dinja[36].

Għalhekk is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea tirrikonoxxi l-primat tal-istandards internazzjonali, permzz tal-ftehimiet ta' Vjenna u Dresda li jistabbilixxu qafas ta' kooperazzjoni bejn l-ESOs u l-entitajiet ta' standardizzazzjoni internazzjonali. L-istandards internazzjonali, b'mod partikolari, jikkontribwixxu għat-tneħħija tal-ostakli kummerċjali li jirriżultaw minn differenzi f'regolamenti tekniċi ta' pajjiżi varji u huma għodda qawwija biex jippromwovu l-konverġenza regolatorja. Għalhekk l-istandards Ewropej għandhom, fejn hu possibbli, ikunu bbażati fuq l-istandards aċċettati internazzjonali tal-ISO, IEC u ITU. Għalhekk għandhom ikunu esplorati aktar opportunitajiet biex ikabbru l-konverġenza mal-istandards internazzjonali. L-istandards Ewropej huma neċessarji fejn l-istandards internazzjonali mhumiex disponibbli jew fejn ma jservux b'mod adegwat għanijiet leġittimi regolatorji u politiċi. Fejn l-istandards Ewropej jitbiegħdu mill-istandards internazzjonali eżistenti, għandha tingħata lista tar-raġunijiet għad-devjazzjoni.

Filwaqt li l-UE u l-EFTA huma impenjati li jimplimentaw l-istandards kollha internazzjonali li huma kompatibbli mal-valuri tal-istandardizzazzjoni Ewropea billi jkunu irtirati dawk Ewropej konfliġġenti, m'hemmx impenn ugwalment komprensiv għall-użu tal-istandards internazzjonali minn kwalunkwe organizzazzjoni nazzjonali jew reġjonali oħra. Għalhekk l-UE għandha tkompli tippromwovi l-użu tal-istandards internazzjonali, tibqa' proattiva biex tevita l-miżuri protezzjonisti u tistenna attitudni simili mill-imsieħba tagħha.

Ta' sikwit l-Ewropa hija innovatriċi fl-iżvilupp ta' tipi ġodda għal oġġetti, servizzi u teknoloġiji kummerċjabbli, pereżempju f'oqsma bħalma huma l-vetturi elettriċi, is-sigurtà, l-effiċjenza fl-enerġija u l-grilji intelliġenti. Billi timmotiva l-iżvilupp tal-istandards Ewropej jew internazzjonali f'dawn l-oqsma, l-Ewropa tista' timmassimizza l-vantaġġ tal-prekursur u żżid l-kompetittività tal-industrija Ewropea. Għalhekk l-entitajiet ta' standardizzazzjoni bbażati fl-EU għandhom ikomplu jressqu proposti għal standards internazzjonali f'dawk l-oqsma fejn l-Ewropa hija mexxejja globali biex jimmassimizzaw il-vantaġġ kompetittiv Ewropew. L-istandardizzazzjoni internazzjonali se tkun ukoll importanti fit-trattament tal-isfida tas-soċjetà, bħalma huma l-bidla fil-klima, l-aċċessibilità u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ. Azzjoni effettiva se teħtieġ kooperazzjoni akbar bejn l-ESOs u kontropartijiet internazzjonali tagħhom matul il-fazi preparatorja tal-iżvilupp tal-istandards.

L-istandardizzazzjoni Ewropea tista' tispira pajjiżi tal-viċinat u reġjuni oħra madwar id-dinja. Is-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea għandha tkun promossa permezz ta' aktar viżibilità kkoordinata aħjar u inizjattivi ta' assistenza teknika, pereżempju biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-inqas żviluppati fil-ħidma tal-issettjar tal-istandard, jew bit-twaqqif ta' esperti tar-regolamentazzjoni tal-istandardizzazzjoni u s-suq intern fis-swieq terzi.

Peress li l-politika kummerċjali tal-UE tagħti attenzjoni partikolari lill- Istati Uniti, iċ-Ċina, ir-Russja, il-Ġappun, l-Indja u l-Brażil, huwa importanti għar-relazzjonijiet ekonomiċi tagħna ma' dawn il-pajjiżi li nsaħħu l-kooperazzjoni magħhom dwar l-istandardizzazzjoni. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa' b'mod partikolari r-riżultati tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC) u l-Forum ta' Kooperazzjoni Regolatorja ta' Livell Għoli (HLRCF) għat-titjib tal-kooperazzjoni ewlenija fl-istandardizzazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qasam tal-effiċjenza tal-enerġija, il-vetturi elettriċi, l-aċċessibilità u l-grilji intelliġenti. Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u ċ-Ċina uriet ukoll riżultati promittenti u inizjattivi simili għandhom jittieħdu ma' msieħba oħrajn, bħalma hi l-Indja.

Fil-qafas tal- Politika Ewropea tal-Viċinat , il-mudell regolatorju tal-UE jkun promoss u l-imsieħba huma mħeġġa li jużaw il-possibilità li jikkapitalizzaw dwar l-attrattività tal-ambjent regolatorju komuni. Diversi msieħba diġà adottaw approċċ wiesa' għall-konverġenza tal-istandards tal-UE u qed jaħdmu biex jimplimentaw l-impenji li jieħdu taħt idejhom dwak l-istandards Ewropej bil-ħsieb li jkunu nnegozjati Ftehimiet Profondi u Komprensivi għall-Kummerċ Ħieles (DCFTA) mal-UE.

L-użu wiesa' tal-istandards internazzjonali volontarji fir-regolamentazzjoni huwa wkoll għodda qawwija biex tinkiseb il-konverġenza regolatorja bejn il-pajjiżi differenti u l-blokok kummerċjali biex ikun żgurat il-funzjonar xieraq tas-swieq globali, inklużi s-swieq finanzjarji. Matul in-negozjati kummerċjali u d-djalogi regolatorji, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom għalhekk ikomplu jippromwovu l-konverġenza regolatorja u jagħmlu użu mill-inizjattivi settorali eżistenti li jinkludu komponent ta' standardizzazzjoni. L-UE għandha taħdem ukoll mal-imsieħba internazzjonali biex tippromwovi l-użu tal-istandards internazzjonali fir-regolamentazzjoni u biex ittejjeb il-ftuħ, it-trasparenza u l-kwalità/l-effettività tal-proċessi rispettivi tagħna.

L-ESOs diġà jikkollaboraw u jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom mal-kontropartijiet internazzjonali. Dawn għandhom jikkonkludu b'mod konġunt aktar ftehimiet mal-entitajiet tal-istandards rikonoxxuti fil-pajjiżi u r-reġjuni terzi.

Azzjonijiet

29. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-konverġenza mtejba tal-istandards internazzjonali, l-użu tal-istandards volontarji fir-regolamentazzjoni u l-użu tal-inizjattivi ta' konverġenza regolatorja settorjali eżistenti fil-kuntest ta' djalogi regolatorji u negozjati kummerċjali. Il-Kummissjoni se tappoġġa u ssaħħaħ id-djalogi regolatorji preżenti, b'mod partikolari dawk li espliċitament jinkludu standardizzazzjoni, u tinvestiga l-possibilità li jsiru aktar djalogi mal-imsieħba ġodda.

30. Il-Kummissjoni se tipprovdi assistenza teknika lill-pajjiżi u r-reġjuni, bil-ħsieb li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-issettjar tal-istandard internazzjonali

31. Bl-appoġġ tagħha lill-esperti tal-istandardizzazzjoni Ewropea fil-pajjiżi b'dimensjoni kummerċjali strateġika għall-UE, il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-entitajiet tal-istandardizzazzjoni.

32. Il-Kummissjoni tistenna li l-ESOs u l-NSBs iressqu aktar proposti għall-istandards internazzjonali f'dawk l-oqsma fejn l-Ewropa hija mexxejja globali . Il-Kummissjoni se titlob ukoll li l-ESOs jissorveljaw b'mod attiv il-prestazzjoni Ewropea fl-istandardizzazzjoni internazzjonali u li jirrapurtaw kull sena dwar dan lill-Kummissjoni.

33. L-ESOs huma mistennija li jaġixxu b'mod konġunt fil-kwistjonijiet internazzjonali u li jsaħħu aktar l-kooperazzjoni eżistenti tagħhom mal-kontropartijiet internazzjonali. Tali kooperazzjoni mtejba għandha tinkludi oqsma innovattivi tal-iżvilupp tal-istandards u aktar promozzjoni tal-mekkaniżmi għall-preparazzjoni konġunta tal-istandards.

IL-MONITORAġġ TAL-PROGRESS U L-IżVILUPP TA' STRATEġIJA LIL HINN MILL-2020

Il-Kummissjoni se tibda l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tagħha immedjatament filwaqt li xi azzjonijiet għandhom mnejn ikollhom bżonn id-dħul fis-seħħ tar-regolament li jakkumpanja, idealment fl-1 ta' Jannar 2013.

Sa mhux aktar tard mill-2013, se tkun varata reviżjoni indipendenti biex tkejjel u teżamina jekk l-għanijiet strateġiċi ta' din il-komunikazzjoni humiex qed jintlaħqu. L-għan ewlieni tagħha se jkun li teżamina jekk, fil-perspettiva fit-tul, is-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea hix kapaċi tadatta għall-ambjent li jevolvi malajr u tikkontribwixxi għall-għanijiet interni u esterni strateġiċi tal-Ewropa, b'mod partikolari fil-qasam tal-politika industrijali, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku. Se teżamina wkoll jekk is-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea hix adegwata min-naħa tal-bżonnijiet tas-suq, ta' inklussività u tar-rappreżentattività. F'dan il-kuntest, se teżamina wkoll jekk id-drittijiet tal-vot għandhomx jingħataw lil organizzazzjonijiet Ewropej magħżula li jirrapreżentaw lill-SMEs u lill-partijiet interessati tas-soċjetà fl-ESOs. Barra minn hekk, din għandha teżamina wkoll kif is-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea tista' tappoġġa lill-istandards Ewropej lil hinn mis-suq uniku fl-ekonomija globalizzata. Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll konformità sħiħa mal-Qafas Finanzjarju Multiannwali ta' wara l-2013 u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Ir-reviżjoni indipendenti se tifforma wkoll pedamenti utli biex ikunu stabbiliti l-prijoritajiet strateġiċi għall-istandardizzazzjoni lil hinn mill-2020. Dawn il-prijoritajiet se jipprovdu bażi soda għall-politika ta' standardizzazzjoni biex ikun żgurat li l-istandardizzazzjoni se tkompli tilgħab parti importanti fl-appoġġ tal-futur tal-Ewropa.

Azzjonijiet

34. Se tkun varata reviżjoni indipendenti sa mhux aktar tard mill- 2013 biex teżamina l-progress skont l-għanijiet strateġiċi u tevalwa l-prestazzjoni tal-governanza preżenti fis-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea. Se tikkonsidra miżuri biex l-issettjar tal-istandard ikun aktar malajr, inklusssiv u effiċjenti filwaqt li tinżamm il-pożizzjoni strateġika tal-UE vis-à-vis l-imsieħba kummerċjali tagħna ewlenin. Il-Kummissjoni se tiżgura ukoll konformità sħiħa mal-Qafas Finanzjarju Multiannwali ta' wara l-2013 u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju.

[1] L-ESOs huma: CEN (Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni), CENELEC (il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika) u ETSI (L-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni).

[2] COM(2010) 546.

[3] COM(2010) 614.

[4] COM(2010) 245.

[5] COM(2011) 21.

[6] COM(2011) 206.

[7] COM(2010) 612.

[8] COM(2010) 636.

[9] COM(2011) 78.

[10] COM(2011) 303.

[11] Is-sħubija fis-CEN u fis-CENELEC hija maħmula mill-NSBs, filwaqt l-ETSI jużaw mudell "imħallat" li fih l-membri mill-industrija jieħdu sehem direttament fl-iżvilupp tal-istandards, flimkien mal-Kumitati Nazzjonali fl-aħħar stadji tal-qbil dwar l-istandard Ewropew.

[12] L-istima tal-impatt tivvaluta wkoll ir-relevanza tal-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni li jirċievu l-finanzjament tal-UE fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE kif stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-finanzjament tal-istandardizzazzjoni Ewropea.

[13] Expert Panel for the Review of the European Standardisation System (EXPRESS), "Standardisation for a competitive and innovative Europe: a vision for 2020" lill-Kummissjoni Ewropea fi Frar tal-2010. http://ec.europa.eu/enterprise/policies/european-standards/files/express/exp_384_express_report_final_distrib_en.pdf

[14] COM(2009)324, 3.7.2009.

[15] A7-0276/2010

[16] COM(2010) 614.

[17] COM(2010) 546.

[18] Quality Systems and Standards for a Competitive Edge (imfassal minn J. Luis Guasch, Jean-Louis Racine, Isabel Sánchez u Makhtar Diop), Il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp/Il-Bank Dinji, 2007.

[19] Mandati huma talbiet lill-ESOs biex iwettqu xogħol relatat mal-ippjanar u l-iżvilupp tal-istandards.

[20] Tnaqqis taż-żmien medju ta' żvilupp minn 36 xahar għal 18-il xahar sal-2020.

[21] COM(2010) 609 "A comprehensive approach on personal data protection in the European Union".

[22] Id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti

[23] Mandat M 473 "Tifsila għal Kulħadd".

[24] International Life Cycle Database Handbook (http://lct.jrc.ec.europa.eu/); ongoing work on product and corporate environmental footprint (http://ec.europa.eu/environment/eussd/corporate_footprint.htm, http://ec.europa.eu/environment/eussd/product_footprint.htm)

[25] Ara l-mandati tal-ECO-Design li ħarġu diġà għal firxa ta' gruppi ta' prodotti pereżempju, M/439, M/450, M/451, M/469, M/470.

[26] COM(2009) 691.

[27] ISO 26000.

[28] Il-prinċipji ewlenin huma: it-trasparenza, il-ftuħ, l-imparzjalità u l-konsensus, l-effettività u r-relevanza, u l-koerenza.

[29] World Trade Organisation Technical Barriers to Trade: Annex 3c Code of Good Practice for the Preparation, Adoption and Application of Standards: http://www.wto.org/english/docs_e/legal_e/17-tbt_e.htm. .

[30] Pereżempju permezz tas-Small and Medium Enterprises Standardisation Toolkit (SMEST 1 & 2).

[31] de Vries, Blind, Mangelsdorf, Verheul, van der Zwann, "SME access to European standardization", Rotterdam, 2009.

[32] COM(2010) 608.

[33] COM(2010) 608.

[34] Il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE - It-Triq 'il Quddiem - COM(2009) 324, 3.7.2009.

[35] COM(2010) 245.

[36] Inizjattiva prinċipali Ewropa 2020 għall-Kummerċ, it-Tkabbir u l-Affarijiet tad-Dinja - COM(2010) 612.