52011DC0292

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran /* KUMM/2011/0292 finali */


KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran

INTRODUZZJONI

L-avvenimenti storiċi li seħħew fin-Nofsinhar tal-Mediterran sa mill-aħħar tal-2010 pprovdew opportunitajiet uniċi għan-nies ta’ dawk il-pajjiżi biex jesprimu b’iktar libertà x-xewqa tagħhom għal demokrazija vera, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, għal istituzzjonijiet tal-Istat imparzjali u li jaħdmu aħjar u għal użu iktar ġust tar-riżorsi pubbliċi. Kienu wkoll ta' ispirazzjoni għaċ-ċittadini f’partijiet oħra tad-dinja Għarbija u madwar id-dinja kollha u saħħu r-rieda tagħhom li jiksbu suċċess fl-aspirazzjonijiet demokratiċi tagħhom.

L-UE hija lesta biex tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lill-ġirien kollha tagħha fin-Nofsinhar li għandhom ir-rieda li jħaddnu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, it-tmexxija tajba u l-istat ta' dritt, u li tidħol fi Sħubijiet ma' dawk il-pajjiżi li jiksbu progress konkret għall-popli tagħhom.

Dawn l-avvenimenti storiċi inkludew ukoll movimenti sinifikanti ta ’ persuni .

Il-bidu tal-kunflitt fil-Libja sa min-nofs Frar, irriżulta fiċ-ċaqliq ta’ madwar 800,000 persuna ta’ nazzjonalitajiet differenti lejn il-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari lejn it-Tuneżija u l-Eġittu. Uħud minnhom ħarbu lejn l-Italja u lejn Malta billi qasmu l-Mediterran fuq bastimenti mmexxija mid-destin, xi drabi anki bil-konsegwenza li tilfu ħajjithom fuq il-baħar Sa minn nofs Jannar madwar 35,000 migrant waslu mit-Tuneżija u mil-Libja fix-xtut tal-ġżira Taljana ta’ Lampedusa u fix-xtut ta' Malta.

Uħud mill-fatturi prinċipali wara l-pressjonijiet migratorji fin-Nofsinhar tal-Meditterran, bħal-livelli għolja ta’ qgħad fost popolazzjoni żagħżugħa ħafna, mhumiex ġodda. Huma rappreżentazzjoni ta’ sfida strutturali fuq żmien twil, kemm għall-UE kif ukoll għar-reġjun.

Jeħtieġ li l-UE tagħti appoġġ ċar lin-nies tan-Nofsinhar tal-Mediterran, li ħafna minnha – fin-nuqqas ta’ prospettiva ta’ ħajja aħjar f’pajjiżha – tiġiha it-tentazzjoni li tfittex opportunitajiet barra minn pajjiżha. Il-ġestjoni attiva tal-flussi migratorji, it-tisħiħ tal-opportunitajiet ta’ migrazzjoni legali flimkien ma’ miżuri li jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari għandhom impatt pożittiv kemm fuq l-UE kif ukoll fuq il-pajjiżi sħab .

Bħala parti mill-impenn usa’ tal-UE u mill-offerta ta’ “Sħubija għal Demokrazija u Prosperità Kondiviża” u fil-kuntest ta’ Politika Ewropea tal-Viċinat imtejba fir-rigward tal-ġirien tan-Nofsinhar tal-UE u tal-aspirazzjonijiet demokratiċi tagħhom, din il-Komunikazzjoni tipproponi li jiġu indirizzati l- isfidi attwali fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità permezz tal-istabbiliment ta’ djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà bejn l-UE u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, skont l-għanijiet tal- Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni.

Din il-Komunikazzjoni tibni fuq il-proposti għal sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran fil-qasam tal-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà, li kienu saru mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-migrazzjoni adottata fl-4 ta’ Mejju 2011. Qed tiġi adottata parallelment mal-Komunikazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-Politika tal-UE dwar il-Viċinat.

MIŻURI URĠENTI LI TTIEĦDU MILL-UNJONI EWROPEA

L-Unjoni Ewropea rrispondiet b’mod rapidu u effettiv għal dawn l-isfidi serji, b'mod partikolari billi ħadet l-azzjonijiet konkreti li ġejjin:

- Biex tiġi mmaniġġjata l- emerġenza umanitarja maħluqa mill-flussi għal għarrieda ta’ migranti u refuġjati fil-pajjiżi ġirien tal-Libja, il-Kummissjoni allokat EUR 40 miljun mill-kontribut totali tal-UE – tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri mgħaqqda flimkien – ta’ EUR 102 miljuni biex tevakwa u tibgħat lura f’pajjiżhom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u biex tagħti l-għajnuna lil dawk li jinsabu fil-bżonn fil-Libja u fil-pajjiżi ġirien. Dan kien possibbli anki permezz tal-ħidma tal-IOM, tal-UNHCR, tal-ICRC u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, li ta' min ifaħħarha. L-intervent tal-UE kien ta’ importanza ewlenija biex titnaqqas il-pressjoni fuq il-kapaċitajiet ta’ lqugħ tat-Tuneżija u tal-Eġittu minħabba l-flussi kbar ta’ persuni mċaqalqa minn pajjiżhom.

- Bil-għan li jkun hemm reazzjoni immedjata għall- flussi irregolari u mħallta ta ’ migrazzjoni fiċ-ċentru tal-Baħar Mediterran, il-FRONTEX, bl-għajnuna ta' diversi Stati Membri, nediet l-Operazzjoni Konġunta ta’ Estensjoni tal-EPN Hermes tal-2011, bil-għan li tingħata għajnuna lill-Italja fil-kontroll tal-bastimenti li jġorru l-migranti u r-refuġjati. Il-EUROPOL ukoll bagħtet grupp ta’ esperti fl-Italja bil-għan li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet Taljani ta’ infurzar tal-liġi biex jidentifikaw xi kriminali li possibiliment ikunu fost il-persuni interċettati.

- Biex tiżgura li fuq tul ta’ żmien qasir dawk l-Istati Membri li huma l-iktar esposti għall-flussi li dejjem qed jiżdiedu ta’ migranti irregolari u ta’ refuġjati jkunu jistgħu jimmaniġġjaw il- konsegwenzi finanzjarji ta' dawn il-flussi , il-Kummissjoni allokat EUR 25 miljun addizzjonali għall-2011 taħt l-Fond għall-Fruntieri Esterni u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati, li huma disponibbli fuq il-bażi ta' talbiet konkreti mill-Istati Membri.

- Biex tirrispondi għas-sejħa l-ġdida għad-demokrazija u għat-taqbid biex din tinkiseb min-naħa tal-popolazzjonijiet ta’ ħafna pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, fit-8 ta’ Marzu 2011, ippreżentaw b’mod konġunt Komunikazzjoni dwar “ Sħubija għad-demokrazija u għall-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran”. Din il-Komunikazzjoni, li r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tagħha ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħat tiegħu tal-11 u tal-25 ta’ Marzu 2011, qed tipproponi li ssir offerta lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran ta’ prospettiva biex jiġi żviluppat magħhom djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà , bil-għan li jittejbu u jiġu ffaċilitati l-mezzi regolari għall-migrazzjoni u l-mobilità taċ-ċittadini bejn dawk il-pajjiżi u l-UE.

L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI TAL-KAPAĊITAJIET TA’ ĠESTJONI TAL-FLUSSI TA’ MIGRAZZJONI U REFUĠJATI

Ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni ta’ emerġenza kienet rapida, komprensiva u effettiva. Min-naħa l-oħra issa huwa ċar ukoll li s-sitwazzjoni ta’ kriżi mhux se tissolva malajr, u li huwa meħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet biex jiġi implimentat pjan iktar strutturat u sostenibbli li jista' jkopri d-dimensjonijiet varji tal-fenomenu, imsejjes fuq is- solidarjetà bejn l-Istati Membri u s-sħubija mal-pajjiżi terzi rilevanti, b’rispett sħiħ tal-obbligi internazzjonali tal-UE. Wara l-flussi irregolari ta’ migrazzjoni mit-Tuneżija jista’ jkun hemm fenomeni simili f'pajjiżi oħra tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u b’mod speċjali f’dawk li għaddejjin minn instabbilità politika u minn kriżijiet soċjali. In-netwerks ta’ kuntrabandu marbuta mal-kriminalità organizzata jistgħu jsaħħu l-attivitajiet tagħhom u jxerrdu l-firxa ġeografika tagħhom lejn pajjiżi Afrikani oħra apparti mit-Tuneżija.

Hekk kif il-kunflitt fil-Libja qed jissokta, huwa mistenni li fil-futur iktar persuni jaħarbu mil-Libja, u b’għadd li dejjem jikber ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi varji, b’mod partikolari tal-pajjiżi sub-Saħarjani li kienu migranti jew refuġjati li jgħixu fil-Libja. Huwa possibbli wkoll li l-Libja terġa’ ssir pajjiż prinċipali ta’ tranżitu għall-kuntrabandu ta’ migranti irregolari ġejjin mill-Afrika lejn l-Ewropa.

Filwaqt li fl-ewwel fażi tal-kriżi l-biċċa l-kbira tal-perusni li ħarbu mill-kunflitt fil-Libja reġgħu ntbagħtu lura f'pajjiżhom fi żmien xieraq, dawk li waqt il-kriżi ma kellhomx pajjiż fejn jistgħu jirritornaw f'sikurezza bdew jivvjaġġaw iktar u iktar mil-Libja lejn il-pajjiżi ġirien. Dawn tal-aħħar huma Libjani jew ċittadini ta' pajjiżi terzi li kienu jgħixu fil-Libja u li telqu minn pajjiżhom biex ifittxu l-protezzjoni internazzjonali. Sakemm ma jinstabilhomx pajjiż ġdid, dawn il-persuni jista’ jkun li jkunu ddestinati li jdumu għal żmien twil fil-pajjiżi li qed jilqgħuhom. Din is-sitwazzjoni qed toħloq iktar pressjoni fuq il-kapaċitajiet ta’ lqugħ, diġà mnaqqsa, ta’ pajjiżi bħat-Tuneżija u l-Eġittu, u qed tikkontribwixxi biex ikun hemm żieda fil-flussi ta’ migrazzjoni u tar-refuġjati lejn l-Istati Membri tal-UE.

Minħabba din is-sitwazzjoni u fuq il-bażi ta' inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentanza Għolja, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill biex, fuq il-bażi tal-ispinta mogħtija mill-Kummissjoni, jieħu azzjoni immedjata ulterjuri u biex jippreżenta bil-quddiem lill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju, miżuri fuq perjodu ta ’ żmien twil għall- iżvilupp tal-kapaċitajiet ta ’ ġestjoni tal-flussi ta ’ migrazzjoni u refuġjati fil-Mediterran.

PJAN TA’ MIŻURI GĦAL PERJODU QASIR U MEDJU

B’reazzjoni immedjata għal din it-talba, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-11-12 ta’ April l-ewwel pjan ta ’ miżuri biex jiġu indirizzati, fuq perjodu qasir u medju , il-flussi ta’ migrazzjoni u refuġjati li jiġu min-Nofsinhar tal-Mediterran, bil-għan li (1) jiġi żgurat li l-UE u l-pajjiżi ġirien tal-Libja jiksbu l-kapaċità biex jaffrontaw il-flussi li possibilment ikunu kontinwi u miżjuda ta' refuġjati minn dak il-pajjiż, (2) tingħata għajnuna lil dawk l-Istati Membri tal-UE u lil dawk il-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq li qegħdin fuq quddiem u li qed jieħdu r-responsabilità primarja għat-trattament tal-flussi ta' migrazzjoni u refuġjati.

Il-pjan jinkludi l-miżuri li ġejjin:

1. titkompla l-provvista ta’ fondi għall- għajnuna umanitarja ta’ dawk il-persuni fil-bżonn fil-Libja u fil-pajjiiżi ġirien tagħha u għar-ripatrijazzjoni tal-persuni li qed jaħarbu mill-kunflitt fil-Libja, u dan skont ħtiġijiet li jiġu identifikati;

2. it-tisħiħ tal-Operazzjoni Konġunta ta’ Estensjoni tal-EPN HERMES ikkordinata mill-FRONTEX permezz ta’ iktar riżorsi tekniċi pprovduti mill-Istati Membri, filwaqt li jitkomplew sakemm ikun meħtieġ il-HERMES u kif ukoll l-operazzjoni konġunta POSEIDON, permezz ta’ żieda fil-baġit disponibbli għall-FRONTEX għan-netwerk tar-Ronda ta’ Sorveljanza;

3. it- tisħiħ tal-kompetenzi tal-FRONTEX b’mod rapidu u d-disponibilità ta’ għodda iktar effettivi għall-użu tagħha. Ir-Regolament emendat li jistabbilixxi l-aġenzija FRONTEX għandu jiġi adottat b’urġenza mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew;

4. il-FRONTEX għandha tiġi mistiedna tħaffef in-negozjati biex jiġu konklużi ftehimiet ta' ħidma , li diġà għandha mandat dwarhom, mal-awtoritajiet kompetenti tal-Eġittu, tal-Marokk u tat-Turkija, u biex tingħata mandat b’urġenza biex tkun tista’ tniedi n-negozjati għal ftehim ta’ ħidma simili mat-Tuneżija;

5. it-tnedija ta’ proġett operazzjonali konġunt speċjali bejn l-UE u t-Tuneżija li jkun parti minn sensiela ta' miżuri usa' li jindirizzaw is-sitwazzjoni ġenerali tal-migrazzjoni irregolari fir-reġjun tal-Mediterran. Dan il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet Tuneżini li jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom, li jiġġieldu kontra l-kutrabandu tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin, li jiffaċilitaw il-proċess li bih il-migranti jmorru lura f'pajjiżhom u jerġgħu jintegraw fil-ħajja soċjali u professjonali, li jagħtu appoġġ lill-aċċess għal mezzi legali ta’ migrazzjoni u li jittrattaw lill-migranti li jidħlu fit-territorju tagħhom skont l-istandards internazzjonali, anki billi joffru l-ażil lil dawk li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. B’mod parallel ma’ dan il-proġett, l-għoti ta’ għajnuna lill-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri tal-UE li huma milquta l-iktar minn din il-kwistjoni biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-konsegwenzi immedjati fuq l-ekonomija u l-infrastruttura lokali tal-flussi migratorji li ġejjin mit-Tuneżija;

6. jiġi żgurat li l-Istati Membri jużaw ir-riżorsi finanzjarji kollha allokati lilhom skont il-Fond Ewropew għall-Fruntieri Esterni, il-Fond Ewropew għar-Ritorn u l-Fond Ewropew għar-Refuġjati, inkluż permezz ta' bidla fl-għan li għalih ikunu ġew allokati l-fondi u jekk meħtieġ biex jiffukaw fuq il-prijoritajiet l-iktar urġenti (għall-programmi 2010/2011,hemm EUR 425 miljun disponibbli f'dawn it-tliet Fondi għas-sitt Stati Membri li huma l-iktar milquta, jiġifieri Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta u Spanja);

7. id-disponibilità ta’ iktar riżorsi minn dawn it-tliet Fondi biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri li jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta ’ emerġenza , skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju;

8. l-implimentazzjoni ta’ Programm ta' Protezzjoni Reġjonali (RPP) li jinkludi l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija, maħsub biex itejjeb il-possibilità li tingħata assistenza lir-refuġjati maqbuda f'dawn il-pajjiżi u biex il-leġiżlazzjoni u l-kapaċità amministrattiva għat-trattament tagħhom skont standards internazzjonali, tiġi żviluppata lokalment. Il-fatt li l-migranti jerġgħu jistabbilixxu ruħhom mill-ġdid hija parti importanti mill-RPP);

9. l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal- istabbiliment mill-ġdid ta’ l-akbar għadd possibbli ta’ persuni li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali, mit-territorju tal-pajjiżi ġirien tal-Libja lejn l-Istati Membri tal-UE u lejn il-pajjiżi l-oħra li lesti jilqgħuhom;

10. li jintlaħaq, kemm jista' jkun malajr, ftehim dwar l-adozzjoni tal-proposta għall-istabbiliment ta’ programm konġunt tal-UE dwar l-istabbiliment mill-ġdid , bil-għan li jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ta’ stabbiliment mill-ġdid.

Kif ġie imsemmi iktar ‘l fuq, hemm preokkupazzjoni oħra li tirriżulta mill- possibilità ta ’ żieda fil-flussi ta ’ persuni li potenzjalment ikollhom il-ħtieġa ta ’ protezzjoni internazzjonali u li bħalissa ġejjin mit-territorju Libjan u li fil-futur jaf jiġu minn pajjiżi oħra fir-reġjun. Il-Kummissjoni tagħraf l-isforzi kbar li għamlu l-UNHCR, l-ICRC, IOM u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn u l-appoġġ li ngħata mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fl-għoti ta' għajnuna umanitarja u ta’ appoġġ ieħor lill-persuni li ċċaqilqu mil-Libja. F’dan il-kuntest huwa importanti li jiġi żgurat li jibqa’ jkun hemm disponibbli livell xieraq ta ’ fondi għall-appoġġ tal-għoti tal- għajnuna umanitarja, skont il-ħtiġijiet identifikati.

L-appoġġ finanzjarju għandu jindirizza wkoll il- konsegwenzi immedjati tal-flussi migratorji u tar-refuġjati fuq is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali lokali , kif ukoll fuq l-infrastruttura lokali ta’ ċerti reġjuni periferiċi tal-Istati Membri tal-UE, pereżempju bħal ma ġara f’dawn l-aħħar snin f’xi wħud mill-Gżejjer Kanarji, fil-Gżejjer Sqallin, f’Malta, f’Ċipru u f’xi wħud mill-gżejjer tal-Eġew tal-Greċja. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li teżamina kif jistgħu jintużaw l-allokazzjonijiet mill-fondi strutturali tal-UE

L-appoġġ lill-Istati Membri l-iktar milquta għandu jmur lil hinn mill-għajnuna finanzjarja u għandu jippermetti li tinqasam ir-responsabilità għall-ġestjoni tal-migranti u r-refuġjati. Il-Kummissjoni diġà pproponiet għadd ta’ miżuri, anki fil-kuntest tal-Konferenza Ministerjali li saret fi Brussell fit-12 ta’ Mejju 2011, li jeħtieġ li jitqiesu bir-reqqa u b’urġenza sabiex jintlaħaq dan il-għan. Fost dawn il-miżuri huwa importanti li tiġi enfasizzata l-possibilità li, fuq talba tal-Istati Membri l-iktar milquta, jintbagħtu gruppi ta ’ appoġġ tal-EASO bil-għan li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet biex jeżaminaw is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li jitolbu l-ażil u joffru għajnuna inizjali. Il-baġit attwali tal-EASO diġà jippermetti l-iffinanzjar tal-użu ta’ gruppi bħal dawn. L-Istati Membri għandhom juru solidarjetà u jiżguraw li jkollhom esperti fil-qasam tal-ażil li jkunu disponibbli biex jingħaqdu mal-gruppi tal-EASO, kif ukoll billi jaċċettaw li wħud mill-persuni li jibbenefikaw mill-protezzjoni internazzjonali jiġu trasferiti fit-territorji tagħhom. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġja dawn l-isforzi permezz tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati, b’estensjoni tal-Proġett Pilota ta’ Malta li nbeda fl-2009.

Se jkun possibbli li jitwettaq il-pjan propost ta’ miżuri biss jekk jiġu allokati riżorsi finanzjarji xierqa tal-UE . Il-Kummissjoni, fuq il-bażi tar-riżorsi finanzjarji disponibbli, se teżamina metodu ta' kif jiġi żgurat li jkun hemm iffinanzjar xieraq biex jiġi indirizzat l-ambitu tal-isfidi li l-UE qed tiffaċċja f’din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromwovi koordinazzjoni xierqa fost l-istrumenti finanzjarji interni u esterni differenti biex tiżgura, b'mod partikolari, li jkun hemm l-appoġġ tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi dwar proġetti konkreti marbuta mal-ġestjoni, mal-migrazzjoni u mal-ażil.

PJAN TA’ MIŻURI GĦAL PERJODU TA’ ŻMIEN TWIL: KOPERAZZJONI MTEJBA MAL-PAJJIŻI TAN-NOFSINHAR TAL-MEDITERRAN

Il-pjan ta’ miżuri propost mill-Kummissjoni (kif deskritt iktar ‘l fuq) kien approvat b’mod ġenerali mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-11 u t-12 ta’ April. Dawn il-miżuri, li n-natura tagħhom essenzjalment tindirizza perjodu ta' żmien qasir, qegħdin jiġu implimentati bħalissa.

Madankollu, il-Kummissjoni temmen li jeħtieġ li jkun hemm miżuri oħrajn għall-perjodu iktar twil. Dawn il-miżuri l-ewwel għandhom jindirizzaw ir-raġunijiet fil-bażi tal-migrazzjoni f’livell strutturali. Għandha tittejjeb il-koperazzjoni mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran biex tiġi indirizzata b’mod effettiv l-isfida tal- ħolqien ta ’ xogħlijiet u tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fir-reġjun kollu . Il-koperazzjoni għandha timmira lejn ir-reġjuni u l-kategoriji speċifiċi ta' persuni li huma milquta l-iktar min-nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol (pereżempju ż-żgħażagħ għandhom ikunu prijorità).

Biex tirrispondi għal dawn l-isfidi, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, fil-Komunikazzjoni konġunta tagħhom tat-8 ta’ Marzu 2011, ipproponew li tiġi żviluppata sħubija fuq perjodu ta ’ żmien twil għad-demokrazija u għal prosperità kondiviża mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, imsejsa fuq metodu bbażat fuq tliet aspetti, li wieħed minnhom huwa t-tkabbir sostenibbli u inklussiv u l-iżvilupp ekonomiku b’enfasi qawwija fuq l- impjiegi u fuq kwistjonijiet soċjali.

Jeħtieġ ukoll li jittieħdu miżuri fuq tul ta’ żmien itwal biex ikun żgurat li l-migrazzjoni u l-mobilità bejn l-UE u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran isiru b' mezzi regolari u jseħħu b'ordni u effiċjenza . Dan jimplika li jridu jsiru sforzi biex tingħata għajnuna lill-persuni minn dawn il-pajjiżi li jkunu qed ifittxu x-xogħol biex isibu impjieg barra minn pajjiżhom, fl-interess konġunt tal-pajjiżi u tan-nies ikkonċernati, kif ukoll tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Din l-aħħar isfida għandha titqies fil-kuntest usa' tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni demografika tal-UE, kif ukoll tan-nuqqas ta' ħaddiema li tiffaċċja. Irid ikun hemm monitoraġġ u reviżjoni tal-ħtiġijiet tal-UE għal migrazzjoni mmirata relatata max-xogħol sabiex ikunu jistgħu jsiru proposti preċiżi u msejsa fuq l-evidenza bbażati fuq il-ħtiġijiet tad-domanda reali għall-ħaddiema. F’dan il-kuntest, irid jiġi rikonoxxut il-kontribut sostanzjali tal-immigranti ta’ kull oriġini fl-UE. Huma jgħinu biex tiġi sodisfatta l-ħtieġa ta’ ħaddiema tas-sengħa fis-setturi li qed jespandu tal-ekonomija tal-UE, imma jgħinu wkoll biex jimlew ħafna postijiet tax-xogħol li jitolbu livell iktar baxx ta’ għarfien.

Fil-Komunikazzjoni konġunta tat-8 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli pproponew ukoll li tiġi żviluppata sħubija fl-oqsma tal-migrazzjoni, il-mobilità u s-sikurezza mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

Il-Kummissjoni temmen li t-tnedija ta’ Sħubijiet dwar il-Mobilità mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran hija għodda kruċjali ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet, biex ikun żgurat li l-migrazzjoni u l-mobilità jiġu ġestiti aħjar u b’iktar effettività, mhux biss il-mobbiltà taċ-ċittadini ta’ pajjiżi sħab imma wkoll taċ-ċittadini ta' pajjiżi oħrajn, b'mod partikolari dawk tal-Afrika sub-Saħarjana u tal-Lvant Nofsani, li dejjem iżjed qed jirrisjedu fit-territorju tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran jew jgħaddu minnu. It-tnedija ta’ sħubijiet bħal dawn irawmu l-kuntatti bejn il-persuni u jippromwovu iktar il-komprensjoni reċiproka kif ukoll in-negozju u l-impjiegi. Dan ikun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun kollu tal-Mediterran u għall-integrazzjoni tal-migranti fl-UE u f’pajjiżi oħra ta' destinazzjoni.

Is-sħubijiet proposti se jitwettqu billi jitfasslu b ’ mod adattat għal kull pajjiż , u fuq il-bażi li kull pajjiż jieħu impenn li jissodisfa ċerti kundizzjonijiet u billi titqies ir-relazzjoni globali mal-pajjiż sieħeb ikkonċernat. Bl-istess mod, skont id-direzzjonijiet mogħtija mill-Kunsill Ewropew, huwa importanti li s-sħubijiet jinkludu, b’mod parallel, l-aspetti kollha ta’ koperazzjoni bħal din u jiżguraw li l-faċilitazzjoni progressiva taċ-ċirkolazzjoni tal-persuni timxi id f'id mal-implimentazzjoni ta’ miżuri li se jippermettu li din iċ-ċirkolazzjoni ssir fiż-żgur.

ID-DJALOGU DWAR IL-MIGRAZZJONI, IL-MOBILITÀ U S-SIGURTÀ MAL-PAJJIŻI TAN-NOFSINHAR TAL-MEDITERRAN

L-għan globali tad- Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà se jkun l-appoġġ u t-tħeġġiġ ta' riformi - bl-objettiv li tittejjeb is-sigurtà - li jistgħu jwettqu l-pajjiżi sħab, biex jagħtu liċ-ċittadini tagħhom il-possibilità ta’ mobilità mtejba lejn l-Istati Membri tal-UE, filwaqt li jiġu indirizzati l-għeruq tar-raġunijiet għall-flussi migratorji. Dan id-Djalogu se jkun parti minn impenn iktar wiesa’ mal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq biex tingħatalhom għajnuna fil-qafas tal-Politika Ewropea mġedda tal-Viċinat. Dan id-djalogu tematiku u speċifiku se jsir bħala parti minn oqfsa usa’ għal relazzjonijiet u djalogi bilaterali, billi jitqiesu, fil-livell reġjonali, l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE u s-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE dwar il-Mobilità, il-Migrazzjoni u l-Impjiegi.

Sabiex jintlaħaq dan l-għan importanti, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħmel użu komplet mill-għodda eżistenti li hija parti mill- Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni , is- Sħubija dwar il-Mobilità , li wriet li hija għodda effettiva biex jitkomplew id-djalogu u l-koperazzjoni operazzjonali ma' pajjiżi terzi. Is-Sħubijiet dwar il-Mobilità se jitfasslu kif xieraq għas-sitwazzjoni speċifika kif ukoll skont il-ħtiġijiet tal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran ikkonċernati.

Għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

11. Differenzjazzjoni : id-Djalogu se jiġi offrut u żviluppat fuq il-bażi ta’ dak li jkun jistħoqqlu individwalment il-pajjiż sieħeb rispettiv (metodu ta' valutazzjoni individwali għal kull pajjiż) u jqis l-ammont ta' progress li jkun sar u li jkun rifless fil-prattiki nazzjonali u fl-implimentazzjoni tal-politiki.

12. Bilateraliżmu : se jkun hemm ftehim dwar id-Djalogu bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u ma’ kull wieħed mill-pajjiżi sħab individwalment.

13. Kondizzjonalità : ir-riżultati mistennija tad-Djalogu jiddependu mill-isforzi u l-progress li jsiru fl-oqsma kollha (il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà), u għandhom iqisu wkoll il-progress li jkun sar fl-oqsma relatati mat-tmexxija.

14. Monitoraġġ : is-sħab għandhom jiftehmu dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu effiċjenti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni konkreta tas-Sħubija. L-esperti tal-UE u tal-Istati Membri għandhom ikunu assoċjati ma' dan il-mekkaniżmu.

Dan il-metodu b’livelli differenti se jippermetti lill-UE testendi l-benefiċċji tal-mobilita proposti fis-Sħubija lil dawk li juru l-volontà u l-kapaċita li jiksbu progress, speċjalment f'dawk l-oqsma ta' importanza għall-UE.

Is- Sħubijiet dwar il-Mobilità se jsiru fuq livell politiku bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-pajjiż sieħeb ikkonċernat u, kif ġie mitlub u miftiehem bejn iż-żewġ partijiet, se jinkludu l-miżuri kollha (dawk leġiżlattivi jew prattiċi) biex ikun żgurat li l- moviment tal-persuni bejn l-UE u l-pajjiż sieħeb ikkonċernat ikun ġestit tajjeb u jseħħ f'ambjent fiż-żgur. Dan għandu jgħaqqad flimkien il-miżuri kollha rilevanti b’ mod sistematiku u komprensiv .

Dawn il-miżuri għandhom jikkontribwixxu biex tittejjeb il-kapaċità għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-mobilità tal-persuni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u biex jittejbu r-relazzjonijiet mal-UE fl-oqsma kollha tal- Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni , li għandu l-għan li (1) jorganizza aħjar il- migrazzjoni legali , (2) jimmassimizza l-impatt pożittiv tal- migrazzjoni fuq l-iżvilupp , u (3) jiġġieled b’mod effettiv il- migrazzjoni irregolari . Barra minn hekk, is-Sħubija għandha tinkludi wkoll sett ta’ miżuri li jkollhom l-għan li jiżguraw (4) il-promozzjoni u r-rispett tad- drittijiet tal-migranti , kemm dawk ċittadini tal-pajjiżi sħab kif ukoll dawk ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fi tranżitu fit-territorji tagħhom.

Fil-qasam tal- ażil , is-Sħubija dwar il-Mobilità jkollha l-għan li żżid il-possibilitajiet li jkun hemm protezzjoni internazzjonali fil-pajjiż sieħeb. Il-promozzjoni ta’ inizjattivi dwar l- integrazzjoni fl-Istati Membri tal-UE li jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-pajjiżi ta’ oriġini, għandhom ikunu parti mis-Sħubijiet dwar il-Mobilità. L-integrazzjoni b’suċċess tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni toħloq kundizzjonijiet aħjar kemm għall-kontribut għall-iżvilupp fil-pajjiżi ta’ orġini kif ukoll għall-integrazzjoni mill-ġdid b’suċċess għal dawk li jmorru lura f’pajjiżhom.

Is-Sħubija dwar il-Mobilità għandha tinkludi wkoll pakkett ta’ miżuri għall-bini ta ’ kapaċità li għandu jiġi implimentat fil-pajjiżi sħab, liema miżuri għandhom jiġu identifikati permezz ta’ analiżi mfassla apposta tal-pajjiżi kkonċernati tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u tal-proposti u t-talbiet magħmula mill-istess pajjiżi u mill-UE u l-Istati Membri tagħha, li se jipparteċipaw bis-sħiħ u b'mod attiv fl-implimentazzjoni ta’ din is-Sħubija. Il-miżuri ta' bini ta’ kapaċità fil-qasam tal-migrazzjoni, mobilità u integrazzjoni li għandhom jikkontribwixxu biex jintlaħqu dawn l-objettivi jistgħu jiġu elenkati kif ġej (lista mhux eżawrjenti):

- iż-żieda u l-iffaċilitar tal-aċċess għal mezzi ta’ migrazzjoni legali għal migranti potenzjali fuq il-bażi ta' identifikazzjoni ċara tal-ħtiġijiet tad-domanda għall-ħaddiema fl-UE u f’pajjiżi oħra ta’ destinazzjoni;

- skambji regolari tal-għarfien u tal-aħjar prattika bejn is-Servizzi Pubbliċi ta’ Impjieg li jkunu ta' għajnuna fit-twassil ta' programmi attivi u ta’ suċċess ta' politika dwar is-suq tax-xogħol fil-pajjiżi li minnhom qed joriġinaw l-migranti, biex b'hekk jiżdiedu l-livelli ta' impjegabilità u l-prospetti għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi;

- il-bini tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab li jassistu fl-organizzazzjoni effiċjenti u effettiva ta’ migrazzjoni legali, inkluż ir-reklutaġġ, ir-rikonoxximent ta' kapaċitajiet, ir-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-migranti;

- l-appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni fil-pajjiż sieħeb ta’ politiki li jippromwovu t-tkabbir inklussiv flimkien mal-impjegar, l-impjegabilità u l-aspetti kollha ta’ xogħol deċenti. Dan għandu wkoll isir bil-għan li jitnaqqas it-telf tal-aħjar imħuħ;

- l-ilħuq tal-ogħla impatt possibbli tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp, anki permezz tal-iffaċilitar ta’ rimessi bi ftit spejjeż u permezz tad-direzzjonar ta’ dawn ir-rimessi lejn investimenti sostenibbli, ħidma msaħħa mal-assoċjazzjonijiet “dijaspora” u miżuri maħsuba biex ipattu għall-migrazzjoni ta' ħafna persuni b’kapaċitajiet partikolari, filwaqt li jitqiesu l-aspetti soċjali tal-migrazzjoni;

- it-titjib tal-kwalità tar-reġistri ċivili fil-pajjiżi sħab u tad-dokumenti tal-identità u tal-ivjaġġar li jinħarġu minnhom;

- ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ kwalunkwe migrant, inklużi dawk ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

- l-appoġġ ta’ integrazzjoni effettiva fil-komunità li tilqa’ l-migranti u trattament mhux diskriminatorju tal-migranti regolari;

- l-għoti ta’ assistenza speċifika lill-migranti li jkunu parti minn kategoriji vulnerabbli ta’ persuni bħall-minuri mhux akkumpanjati, il-vittmi tat-traffikar u oħrajn;

- l-għoti ta’ pariri bil-għan li tinbena l-kapaċità ta' reazzjoni għall-ħtiġijiet tal-migranti għal għajnuna soċjali, psikoloġika jew medika speċifika, anki bil-għan li jkun hemm koperazzjoni fil-prevenzjoni tat-tixrid ta’ mard li jittieħed;

- l-iżgurar li jiġi applikat il-prinċipju ta’ non refoulement u li jiġu offerti soluzzjonijiet ta’ protezzjoni lil dawk li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

- l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar l-ażil fil-pajjiż sieħeb skont standards internazzjonali, inkluż permezz tal-koperazzjoni mal-UNHCR;

- l-iffaċilitar tar-riintegrazzjoni soċjali u professjonali taċ-ċittadini tal-pajjiż sieħeb li jirritornaw f’pajjiżhom;

- l-għoti ta’ għajnuna għar-ritorn volontarju taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu migranti irregolari li jinqabdu fit-territorju tal-Istat sieħeb.

Il-miżuri ta’ bini ta’ kapaċità msemmija hawn fuq għandhom jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni ta’ persuni mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran lejn l-UE. Din iċ-ċirkolazzjoni mtejba se tkun żgurata ulterjorment permezz tal-użu tal-għodod ewlenin li ġejjin:

- L-UE se toffri lill-pajjiżi sħab il-possibilità li jiġi konkluż ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-visa. Madankollu, il-kontenut tal-ftehim għandu jkun differenti skont il-pajjiż sieħeb partikolari. Dan se jiġi mifthiem fuq bażi individwali , imma mill-inqas għandu jappoġġja l-mobilità tal- istudenti, tar-riċerkaturi u tan-negozjanti .

- Is-Sħubijiet dwar il-Mobilità jistgħu jinkludu wkoll skemi speċifiċi biex tiġi ffaċilitata l- migrazzjoni marbuta max-xogħol bejn l-Istati Membri interessati u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u dan skont il-possibilitajiet u l-ħtiġijiet attwali tal-Istati Membri tal-UE li jkunu interessati li jipparteċipaw b’mod attiv fis-Sħubijiet dwar il-Mobilità u skont is-swieq tax-xogħol rispettivi tagħhom, billi jitqies id-dritt tagħhom li jiddeterminaw il-kwantità ta’ migranti ekonomiċi li għandhom jiġu ammessi. Dawn l-iskemi jistgħu jippermettu li jkun hemm (1) programmi speċifiċi u/jew oqfsa legali ffaċilitati għall-migrazzjoni ċirkolari (inkluża dik fis-settur staġjonali), (2) bini ta' kapaċità għall-ġestjoni ta' rimessi biex jiżdied l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp, (3) bini ta' kapaċità biex il-provvista tax-xogħol u d-domanda għax-xogħol jitqabblu b’mod effiċjenti u għall-ġestjoni tar-ritorn u tal-integrazzjoni mill-ġdid, (4) rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet professjonali u akkademiċi, (5) l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ oqfsa legali għal portabilità aħjar tad-drittijiet soċjali, (6) aċċess imtejjeb għal informazzjoni dwar postijiet vakanti ta’ impjiegi fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri tal-UE, (7) l-identifikazzjoni ta’ miżuri mfassla biex jittejbu l-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Istati Membri tal-UE fi kwistjonijiet relatati mal-ħiliet u ma’ kif jista’ jkun hemm iktar qbil bejn il-provvista tax-xogħol u d-domanda għax-xogħol, fuq il-bażi tal-ħidma li diġà saret mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF). Fil-qafas tas-Sħubija dwar il-Mobilità, l-Istati Membri interessati jistgħu, skont il-leġiżlazzjoni tagħhom, jiddeċiedu li jieħdu inizjattivi speċifiċi oħra bil-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom għall-migranti mill-pajjiż sieħeb.

- Iż-żieda fil-mobilità kif spjegata hawn fuq se tiddependi fuq it-twettiq minn qabel ta’ għadd ta’ kundizzjonijiet, li jkollhom l-għan li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' ambjent fiż-żgur fejn iċ-ċirkolazzjoni tal-persuni issir b'mezzi regolari u skont il-modi li fuqhom ikun intlaħaq ftehim. Il-kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jintlaħqu minn kull pajjiż ivarjaw, u dan jiddependi minn valutazzjoni li għandha tagħmel l-UE, dwar l-ilħuq tal-objettivi li dwarhom ikun intlaħaq ftehim waqt id-Djalogu ma’ kull pajjiż sieħeb, kif ukoll mil-livell ta' koperazzjoni li l-pajjiż sieħeb ikun laħaq mal-UE.

Il-miżuri speċifiċi li għandhom jiġu implimentati jistgħu jiġu elenkati kif ġej (lista mhux eżawrjenti):

- l-adozzjoni ta’ ftehimiet dwar ritorn volontarju ;

- ftehimiet ta ’ ammissjoni mill-ġdid mal-UE li jinkludu dispożizzjonijiet marbuta mal-ammissjoni mill-ġdid taċ-ċittadini tagħhom kif ukoll ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li jiżguraw li l-obbligi eżistenti tagħhom ta' ammissjoni mill-ġdid ikunu implimentati;

- jintlaħaq arranġament ta ’ ħidma mal-FRONTEX ;

- il-bini ta’ kapaċità fil-qasam tal- ġestjoni integrata tal-fruntieri , tas-sigurtà tad-dokumenti u tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, inklużi t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti;

- il-koperazzjoni fis-sorveljanza konġunta fil-Baħar Mediterran, anki permezz ta’ possibilità ta’ koperazzjoni fil-qafas tal-proġett EURPOSUR, meta dan ikun twaqqaf;

- tintwera rieda ta’ koperazzjoni mal-UE fl-identifikazzjoni taċ-ċittadini u r-residenti tagħha, b’mod partikolari fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, kif ukoll għall-għanijiet tal-ammissjoni mill-ġdid u l-estradizzjoni;

- ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (TOC) u tal-protokolli tagħha dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-kutrabandu tal-migranti.

Il-kunċett ta’ Sħubija dwar il-Mobilità jikkonsisti f’ qafas fuq perjodu ta ’ żmien twil imsejjes fuq id- djalogu politiku u l-koperazzjoni operazzjonali , li għandu jiġu żviluppat iktar fil-kuntest ġenerali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiż sieħeb ikkonċernat, u għandu jevolvu biż-żmien.

Bi tħejjija għall-konklużjoni tas-Sħubija dwar il-Mobilità bejn l-UE u l-pajjiż sieħeb ikkonċernat, se jitnieda djalogu mill-uffiċjali għolja bejn l-UE u l-pajjiżi kkonċernati , li fih se jipparteċipaw bis-sħiħ l-Istati Membri, u dan se jippermetti li ż-żewġ partijiet jiskambjaw opinjonijiet, jiċċaraw l-aspettattivi u l-ħtiġijiet u jidentifikaw oqsma ta’ koperazzjoni. Dan jippermetti li ssir il-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet politiċi li għandhom jittieħdu b’mod konġunt fil-livell politiku. Dan id-djalogu se jaqdi żewġ funzjonijiet: il-preparazzjoni għat-tnedija tas-Sħubija dwar il-Mobilità u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha.

Fil-fażi preparatorja, il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran se jiġu mistiedna biex jagħmlu progress fil-bini ta' kapaċitajiet ta' ġestjoni effiċjenti tal-migrazzjoni u biex jagħtu l-kontribut tagħhom biex jiġi stabbilit ambjent fiż-żgur għall-mobilità, bħala kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ġusta u sostenibbli tas-Sħubija dwar il-Mobilità. L-UE se tagħti l-appoġġ tekniku u finanzjarju tagħha għall-isforzi li jagħmel il-pajjiż sieħeb, anki permezz tal-Aġenziji tal-UE (FRONTEX, EASO u EUROPOL).

L-UE se tkun teħtieġ ukoll aktar riżorsi finanzjarji biex tappoġġja l-progress li jsir fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran li jkunu jixtiequ jibnu l-kapaċitajiet tagħhom għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà u biex tibda koperazzjoni fuq perjodu ta’ żmien twil f’dan ir-rigward.

Għaldaqstant, l-UE u l-pajjiżi sħab fid-Djalogu jridu jikkunsidraw l-aħjar soluzzjonijiet li jassiguraw iffinanzjar adegwat, fil-qafas tal-allokazzjonijiet eżistenti, għal azzjonijiet li għandhom l-għan li jappoġġjaw il-bini ta’ kapaċità u ta’ koperazzjoni f’dawn l-oqsma. Xi kunsiderazzjonijiet simili għandhom japplikaw għall-istrument finanzjarju ġdid li jappoġġja l-koperazzjoni mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran fil-qafas finanzjarju tal-UE li jmiss.

Flimkien mal-iżvilupp tas-Sħubija dwar il-Mobilità, l-Istati Membri tal-UE għandhom iqisu wkoll it-titjib tal- kopertura konsulari tagħhom fir-reġjun skont il-każ individwali, anki permezz tat-twaqqif ta’ Ċentri Komuni għall-Applikazzjoni għal Viża li jkollhom l-appoġġ tal-UE. Barra minn hekk, il-koperazzjoni fil-Koperazzjoni Lokali fil-Qafas ta' Schengen għandha tissaħħaħ u għandu jsir użu sħiħ minn titjib prattiku u minn flessibiltajiet previsti fil- Kodiċi tal-UE dwar il-Viżi , inkluż it-tnaqqis jew it-tneħħija tat-tariffi tal-viża u l-ħruġ ta' viżi għal dħul ta' iktar minn darba lil vjaġġaturi in bona fede u lil kategoriji speċifiċi ta’ persuni (bħal studenti, riċerkaturi u negozjanti).

Fuq tul ta’ żmien twil, sakemm il-ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viża u d-dħul mill-ġdid jiġu implimentati b’suċċess, jista' jiġi kkunsidrat jekk għandhomx jittieħdu passi gradwali lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża fir-rigward ta’ pajjiżi sħab individwali, billi titqies ir-relazzjoni ġenerali mal-pajjiż sieħeb ikkonċernat u sakemm ikun hemm il-kundizzjonijiet għal mobilità ġestita tajjeb u fiż-żgur.

Id-Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà se jitnieda progressivament mal-Pajjiżi tan-Nofisinhar tal-Mediterran, anki permezz tal-iżvilupp tas-Sħubijiet dwar il-Mobilità , u billi jitqiesu (1) ir-relazzjoni ġenerali tal-UE ma’ kull pajjiżi sieħeb, (2) il-livell attwali tal-kapaċità tal-pajjiż sieħeb li jiġġestixxi l-flussi tal-migrazzjoni, u (3) il-volontà ta’ dan tal-aħħar li jkun involut fi djalogu kostruttiv u effettiv bil-għan li tiġi stabbilita s-Sħubija. Billi tibbaża fuq dan, il-Kummissjoni qed tipproponi lil jinbdew djalogi mat- Tuneżija, mal-Marokk u mal-Eġittu .

KONKLUŻJONIJIET

Il-miżuri proposti f’din il-Komunikazzjoni huwa r-reazzjoni tal-Kummissjoni għat-talba tal-Kunsill Ewropew li saret fil-laqgħa tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 għall-preżentazzjoni ta' " pjan għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet biex jiġu ġestiti l-flussi ta' migrazzjoni u refuġjati fil-Mediterran qabel il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju. "

Il-proposti f’din il-Komunikazzjoni huwa żieda mal-inizjattivi proposti mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Mejju dwar reazzjoni iktar strutturata, komprensiva u rapida tal-UE għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-migrazzjoni, inkluż it-tisħiħ tal-kontroll tal-fruntieri u t-tmexxija ta' Schengen, it-tlestija ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u migrazzjoni legali iktar iffukata.

Il-Kummissjoni hija lesta li tkompli tikkontribwixxi fl-elaborazzjoni ta’ dan il-Pjan u fl-implimentazzjoni tiegħu, billi tibbaża fuq l-indikazzjonijiet li l-Kunsill Ewropew se jagħti fil-laqgħa li jmiss tiegħu fl-24 ta’ Ġunju 2011.

Il-Kummissjoni għandha fiduċja li s-sett ta’ miżuri proposti se jippermetti lill-UE tikkonfronta r-responsabilitajiet tagħha. Il-Kummissjoni hija konvinta wkoll li jeħtieġ li l-UE tagħti reazzjoni tassew Ewropea għal dawn l-isfidi. Din ir-reazzjoni tkun verament effettiva biss jekk tkun imsejsa fuq l-espressjoni ta’ solidarjetà konkreta bejn l-Istati Membri u ssir bi sħubija mal-pajjiżi fuq ix-xatt l-ieħor tal-Mediterran, u jekk jintużaw il-mezzi u l-istrumenti kollha disponibbli.