52011DC0205

/* KUMM/2011/0205 finali */ RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL RAPPORT ANNWALI MAKAW 2010


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TAS-SIGURTÀ |

Brussel 14.4.2011

KUMM(2011) 205 finali

RAPPORT KONĠUNT LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

RAPPORT ANNWALI MAKAW 2010

IR-REġJUN AMMINISTRATTIV SPEċJALI TAL-MAKAW: RAPPORT ANNWALI 2010

Introduzzjoni

Minn mindu l-Makaw għadda għand iċ-Ċina Kontinentali 11-il sena ilu, il-Kummissjoni Ewropea segwiet mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u politiċi fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali (RAS) tal-Makaw, sabiex iżżomm l-impenn li tat lill-Parlament Ewropew fl-1999 li toħroġ rapport annwali dwar l-iżviluppi. Dan ir-rapport ikopri s-sena 2010.

Ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Makaw huma msejsin fuq valuri komuni, wirt Ewropew u interess komuni f'oqsma bħall-ekonomija, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-kultura. Matul l-2010, ir-relazzjonijiet bilaterali żviluppaw b'mod pożittiv taħt il-qafas tal-Ftehim għall-Kummerċ u l-Kooperazzjoni ffirmat fl-1992.

L-UE tagħraf l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" matul l-2010 skont il-Liġi Bażika tar-RAS tal-Makaw; id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-poplu tal-Makaw b'mod ġenerali ġew rispettati. L-UE tittama li tara progress lejn aktar demokrazija fil-Makaw fil-qafas tal-Liġi Bażika tiegħu.

ŻVILUPPI POLITIċI

L-2010 kienet l-ewwel sena minn mindu ħa l-kariga Fernando Chui, il-Kap Eżekuttiv tal-Makaw. Fid-diskors dwar il-politika li huwa għamel fis-16 ta' Marzu, Chui saħaq li t-titjib fl-għixien tan-nies, l-istabbiltà soċjali, id-diversifikazzjoni ekonomika, l-aġġornar tal-industrija tal-Makaw u l-konsolidazzjoni tal-industrija tal-każinò se jkunu l-prijoritajiet ewlenin tal-gvern tiegħu. Il-Makaw se jintensifika wkoll il-kooperazzjoni tiegħu mar-Reġjun tad-Delta tax-Xmara tal-Perli u mat-Tajwan u jservi ta' pjattaforma għall-iskambji u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi madwar id-dinja li jitkellmu l-Portugiż.

Fl-2010 kien hemm żieda fil-kuntatti mat-Tajwan. Chui ltaqa' ma' Wu Poh-hsiung, il-president onorarju tal-partit Kuomintang (KMT) li qiegħed fil-gvern fit-Tajwan, meta Wu żar il-Makaw. Cheong U, is-Segretarju tal-Makaw għall-Affarijiet Soċjali u l-Kultura, irreċiproka bi żjara fit-Tajwan f'Settembru biex isaħħaħ il-ftehim reċiproku u l-promozzjoni tal-iskambji kulturali.

Il-Makaw żied l-isforzi tiegħu biex jippromwovi lilu nnifsu bħala l-bieb li jagħti għaċ-Ċina għall-pajjiżi li jużaw il-Portugiż bħala l-lingwa tagħhom u bħala pjattaforma għall-kooperazzjoni sino-lużufona. F'Novembru huwa ospita t-tielet Konferenza Ministerjali tal-Forum għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Kummerċ bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi li jużaw il-Portugiż, forum imwaqqaf mill-2003 biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-membri tiegħu. Wen Jiabao, il-Prim Ministru taċ-Ċina, attenda l-Forum.

Sena wara l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà nazzjonali, il-leġiżlaturi pro-demokratiċi u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem urew it-tħassib tagħhom li potenzjalment din tista' tintuża biex jiġu sottominati d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili tal-poplu tal-Makaw. L-UE tinnota bi preokkupazzjoni li fl-2010, bħal fl-2009, għadd ta' ġurnalisti bażati f'Ħong Kong u membri ta' NGOs ma tħallewx jidħlu fil-Makaw. L-UE ttenni l-importanza li jinżammu l-jeddijiet u l-libertajiet fundamentali li huma ggarantiti fil-Liġi Bażika tar-RAS tal-Makaw.

Żviluppi ekonomiċi [1]

Il-Makaw għamel irkupru qawwi mill-kriżi finanzjarja tal-2010, u sofra biss impatt minimu fuq l-ekonomija. It-tkabbir fil-PGD fit-tielet kwart tal-2010 żdied b'27.1% fl-istess kwart tal-2009. L-espansjoni kienet immexxija mis-setturi tat-turiżmu u tal-logħob, fejn il-viżitaturi miċ-Ċina Kontinentali saru l-akbar sors (53%) tat-turisti fil-Makaw. Id-dħul gross mil-logħob laħaq rekords għolja, sa 58% għal 188.3 biljun patakas fl-2010. Il-Makaw żamm il-pożizzjoni tiegħu bħala l-akbar suq dinji tal-każinojiet b'daqs li issa jaqbeż b'mod sinifikanti lill-eqreb kompetituri tiegħu.

Madanakollu l-irkupru ma kienx komplet. L-investiment kompla jonqos matul is-sena. L-esportazzjonijiet tal-markanzija baqgħu dgħajfin minħabba domanda esterna dgħajfa u bażi tal-manifattura li qed tiċkien. Ir-rata tal-inflazzjoni għall-2010 kienet ta' 2.81%. Is-suq tax-xogħol kien strett u kien hemm espansjoni b'rata mgħaġġla fil-qasam tal-industrija tas-servizzi. Il-qgħad naqas għal 2.8% fl-2010, l-aktar rata baxxa f'dawn l-aħħar għaxar snin. Riżorsi umani limitati saru ostaklu għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli. Fl-aħħar tal-2010, ħaddiema non-residenti ammontaw għal total ta' 75,000, li jirriżultaw fi 22% tal-forza tax-xogħol totali.

Il-Gvern tar-RAS tal-Makaw kompla l-isforzi tiegħu biex jiddiversifika l-ekonomija. Il-gvern wiegħed li jżomm ir-riedni rigward it-tkabbir eċċessiv tal-każinojiet billi jillimita n-numru tal-każinojiet, tal-imwejjed u l-magni tal-logħob. L-għan huwa li l-Makaw jiġi stabbilit bħala ċentru internazzjonali tal-konferenzi, billi tiġi żviluppata aktar l-industrija MICE (Laqgħat, Inċentivi, Konvenzjonijiet u Esebizzjonijiet), kif ukoll l-industriji kulturali u tal-kreattività. Għal dan il-għan ġew imwaqqfa kumitati tal-industrija dedikati biex jifformulaw l-azzjonijiet ta' politika u biex jidentifikaw sieħba għall-kooperazzjoni.

L-integrazzjoni ekonomika tal-Makaw maċ-Ċina kompliet tintensifika permezz ta' rabtiet aktar mill-qrib fil-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali mal-gvernijiet tal-muniċipalità ta' Zhuhai u l-provinċja ta' Guangdong. Is-Suppliment VII għall-Arranġament dwar Sħubija Ekonomika Eqreb (CEPA) bejn iċ-Ċina u l-Makaw ġie ffirmat fit-28 ta' Mejju 2010. Taħt l-aħħar suppliment, iċ-Ċina tat aċċess usa' lill-kumpaniji tal-Makaw biex iwettqu negozju f'total ta' 43 settur tas-servizzi. Dwar il-faċilitar tal-kummerċ u l-investiment, iż-żewġ gvernijiet wiegħdu li jsaħħu l-kooperazzjoni fl-edukazzjoni, il-kultura, l-innovazzjoni, l-ambjent u l-industriji tal-konvenzjonijiet u l-esebizzjonijiet. Il-miżuri kellhom l-għan li jsaħħu l-iżvilupp ekonomiku tal-Makaw u l-integrazzjoni maċ-Ċina Kontinentali. Il-kummerċ fil-prodotti ġie liberalizzat kompletament mill-1 ta' Jannar 2006.

Fil-livell provinċjali, il-Makaw u l-Provinċja ta' Guangdong taw bidu għax-xogħol preparatorju għal ftehim qafas ta' kooperazzjoni bil-għan li jsaħħu l-integrazzjoni soċjo-ekonomika taż-żewġ lokalitajiet. Il-ftehim se jiffaċilita d-diversifikazzjoni ekonomika tal-Makaw u jtejjeb l-implimentazzjoni tas-CEPA.

L-estensjoni tal-ġuriżdizzjoni ġeografika tal-Makaw fil-Gżira ta' Hengqin huwa proġett pilota bejn il-Makaw, Guangdong u Zhuhai. Il-Makaw kera biċċa art ta' 5km2 fil-Gżira ta' Hengqin mingħand Zhuhai sal-2049. L-Università tal-Makaw se tuża 1km2, u se tkun taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Makaw. Il-pjanijiet għall-bqija tal-art huma li tintuża bħala park industrijali u qed jitħejjew bħalissa. Il-gvernijiet ta' Guangdong, Zhuhai u tal-Makaw urew interess kbir fl-iżvilupp konġunt ta' Hengqin. Il-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE żaru s-sit f'Settembru.

Wara li daħlet fis-seħħ il-Liġi 20/2009 fil-11 ta' Awwissu 2009 relatata mal-iskambju tal-informazzjoni bejn ir-RAS tal-Makaw u ġuriżdizzjonijiet fiskali oħra, il-Makaw iffirma jew aġġorna (skont kif relevanti) il-ftehimiet tiegħu ta' tassazzjoni doppja fl-2010, skont il-mudell tal-OECD mal-Kap Verde, il-Możambik, il-Belġju, il-Portugall u ċ-Ċina.

Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Makaw

Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Makaw komplew jiżviluppaw b'mod pożittiv matul l-2010. It-titjib fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Makaw huwa għan ewlieni, kif ukoll punt fokali tad-diskussjonijiet fil-Laqgħa Annwali tal-Kumitat Konġunt UE-Makaw, li sar fid-9 ta' Lulju 2010 fi Brussell.

Matul il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, iż-żewġ naħat irrivedew l-aħħar żviluppi fir-relazzjoni tagħhom u qiesu s-sitwazzjoni rigward il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat, inkluż it-tnedija riċenti tal-Proġett tal-Kooperazzjoni Legali UE-Makaw f'Marzu tal-2010, li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sistema legali tal-Makaw u jtejjeb l-amministrazzjoni pubblika u l-kompetenza legali u ġudizzjarja wara t-tlestija b'suċċess ta' proġett simili fl-2007.

Iż-żewġ naħat esprimew ir-rieda tagħhom li jesploraw oqsma ġodda ta' kooperazzjoni bħall-protezzjoni ambjentali, skambji akkademiċi u kulturali kif ukoll kwistjonijiet oħra kummerċjali u ekonomiċi. Il-Kummissjoni Ewropea użat il-laqgħa annwali ta' din is-sena biex tesprimi wkoll ix-xewqa tagħha li tara progress f'materji oħra bħall-avjazzjoni ċivili u t-tassazzjoni fuq it-tfaddil. Il-Kummissjoni Ewropea ssottolineat l-importanza tal-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa u laqgħet l-isforzi tal-Makaw biex jimplimenta l-istandard tal-OECD dwar it-trasparenza u l-iskambju tal-informazzjoni, filwaqt li nkoraġġiet lill-Makaw biex jieħu aktar passi biex jistabbilixxi l-ekwivalenti ta' miżuri adottati fi ħdan l-UE taħt id-Direttiva tat-Tfaddil biex jiġi żgurat li t-tassazzjoni tal-investituri tal-UE fuq id-dħul mit-tfaddil tkun skont ir-regoli tal-Istat Membru tar-residenza.

Il-"Programm tal-Unjoni Ewropea għal Informazzjoni dwar in-Negozju" għal Ħong Kong u l-Makaw (PUEIN) wera li kien strument utli għall-promozzjoni tal-qsim tal-konoxxenza u ta' fehim aħjar bejn il-Makaw u l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari għall-Makaw, il-parteċipazzjoni tal-UE flimkien mal-Istati Membri u negozji Ewropej b'paviljun u kelliema konġunti tal-UE taw aktar viżibbiltà lill-UE. Hija serviet ukoll ta' netwerk tajjeb għall-Makaw u għall-komunitajiet tan-negozju tal-UE. Parteċipazzjoni aktar attiva tal-industrija bbażata fil-Makaw fil-kunsilli tan-negozju appoġġati taħt il-PUEIN għal setturi tal-industrija varji jikkontribwixxu għal fehim aħjar tal-interessi u l-preokkupazzjonijiet tan-negozju.

Żieda fil-kuntatti bejn il-persuni bejn l-Ewropa u l-Makaw ukoll ikkontribwew għal żieda fir-relazzjonijiet tal-UE-Makaw. L-universitajiet u l-istudenti tal-Makaw huma involuti b'mod attiv fil-Programm Erasmus Mundus u fl-2010 ngħataw proġett tal-Erasmus biex jiġu estiżi l-iskambji u l-mobbiltà bejn l-universitajiet u l-istudenti tal-Ewropa u l-Makaw biex jittejjeb il-ftehim bejnietna. L-UE kompliet tappoġġja l-katedra ta' Jean Monnet fl-Università tal-Makaw u l-ħafna Konferenzi Jean Monnet li saru matul is-sena, u li kienu suċċess. Matul l-2010 l-UE kompliet ukoll tħarrġet l-interpreti mill-Makaw għall-konferenzi.

Fl-2010 kien hemm ukoll żieda fil-kuntatti bejn uffiċjali għolja mill-Makaw u l-Kummissjoni Ewropea, kemm fi Brussel biż-żjara li saret f'Lulju minn Florinda Chan, Segretarju għall-Amministrazzjoni u l-Ġustizzja, kif ukoll fil-Makaw, biż-żjara tal-Kummissarju Semeta li saret f'Awwissu fejn ġew diskussi l-kooperazzjoni doganali u l-governanza tajba fit-tassazzjoni u fejn ġie kkonfermat l-interess qawwi tal-UE għat-twaqqif ta' kooperazzjoni speċifika mal-Makaw dwar id-dħul mit-tfaddil.

Dawn l-iskambji u d-djalogi għandhom ikomplu fl-2011. B'mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea għandha tistenna li n-negozjati fuq ftehim orizzontali fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili li jinkludu l-prinċipju tal-ħatra tal-UE jiġu konklużi mingħajr aktar dewmien. Aktar attivitajiet bejn il-persuni għandhom jiġu żviluppati biex itejbu aktar l-għarfien u l-fehim tal-politiki u l-kulturi kemm għall-Ewropa kif ukoll għall-Makaw.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli ssostni l-implimentazzjoni tal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" fir-RAS tal-Makaw u, għal dan il-għan, se ssegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi, istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali fir-RAS tal-Makaw.

[1] Id-dejta ekonomika tal-Makaw huma statistiki uffiċjali rilaxxati mis-Servizz tal-Istatistika u ċ-Ċensiment tal-Gvern tar-RAS tal-Makaw.