52011DC0202




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 12.4.2011

KUMM(2011) 202 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Grilji intelliġenti: nimxu mill-innovazzjoni għall-użu tagħhom

{SEG(2011) 463 finali}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Grilji intelliġenti: nimxu mill-innovazzjoni għall-użu tagħhom

1. Daħla

L-aġenda tal-UE għall-2020 tagħti messaġġ ċar lill-Ewropa. It-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi tal-UE fil-ġejjieni se jkollhom jiġu dejjem iktar mill-innovazzjoni fil-prodotti u fis-servizzi għaċ-ċittadini u għan-negozji Ewropej. L-innovazzjoni se tikkontribwixxi wkoll biex tiġi ttrattata waħda mill-ikbar sfidi li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha magħha llum il-ġurnata, jiġifieri li r-riżorsi naturali jintużaw b’mod effiċjenti u sostenibbli. L-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija tagħna fil-ġejjieni għandu jirrifletti dawn il-ħsibijiet. Mingħajr immodernizzar serju tal-grilji eżistenti u tal-kejl eżistenti bil-miter, se titwaqqaf il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, se tkun mhedda s-sigurtà tan-netwerks, se jintilfu opportunitajiet biex wieħed jiffranka l-enerġija u biex wieħed juża l-enerġija b’mod effiċjenti, u s-suq intern tal-enerġija se jiżviluppa ħafna iżjed bil-mod.

Wieħed jista’ jiddeskrivi l-grilji intelliġenti[1] bħala netwerk immodernizzat tal-elettriku li miegħu jkunu żdiedu l-komunikazzjoni diġitali reċiproka bejn il-fornitur tal-elettriku u l-konsumatur, il-kejl intelliġenti bil-miter u sistemi ta’ monitoraġġ. Normalment, il-kejl intelliġenti bil-miter ikun parti integrali mill-grilji intelliġenti. Il-Kummissjoni waqqfet Task Force dwar il-grilji intelliġenti sabiex jingħataw pariri dwar id-direzzjonijiet tal-politika u direzzjonijiet regolatorji għall-użu tal-grilji intelliġenti fl-Ewropa. Din it-Task Force ħarġet rapport dwar is-servizzi, l-funzjonalitajiet u l-benefiċċji li mistennija jkun hemm. L-industrija[2]/[3]/[4], l-awtoritajiet pubbliċi[5] u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi[6] jidhru li jaqblu b’mod ġenerali dwar dawn l-elementi, li huma deskritti fid-dokument ta' ħidma tal-persunal mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni.

Il-benefiċċji tal-grilji intelliġenti huma magħrufa sewwa. Il-grilji intelliġenti jistgħu jimmaniġġjaw l-interazzjoni u l-komunikazzjoni diretta bejn il-konsumaturi, id-djar jew il-kumpaniji, utenti oħra tal-grilja u l-fornituri tal-enerġija. Dawn jagħtu opportunità lill-konsumaturi biex jikkontrollaw u jimmaniġġjaw ix-xejriet individwali tagħhom tal-konsum – ħaġa li qatt ma setgħu jagħmlu qabel u li, min-naħa tagħha, tipprovdi inċentiv qawwi sabiex l-enerġija tintuża b’mod effiċjenti jekk dawn il-grilji jkunu kkombinati ma’ prezzijiet tal-elettriku li jkunu jiddependu fuq il-ħin. Immaniġġjar aħjar u iktar immirat tal-grilja jwassal għal grilja li tkun aktar sigura u li titħaddem b’inqas spejjeż. Il-grilji intelliġenti se jkunu l-bażi tas-sistema tal-enerġija tal-ġejjieni li ma tużax karbonju. Permezz tagħhom se jiġu integrati ammonti kbar tal-enerġija rinnovabbli li ġejja minn fuq l-art u minn lil hinn mill-kosta u tal-vetturi elettriċi, waqt li jżommu d-disponibbiltà għall-ġenerazzjoni tal-enerġija b’mod tradizzjonali u l-adegwatezza tas-sistema tal-enerġija. Barra minn hekk, l-użu tal-grilji intelliġenti jagħti opportunità biex jissaħħu l-kompetittività fil-ġejjieni u r-rwol dinji tal-fornituri tat-teknoloġija tal-UE, bħalma hija l-industrija tal-inġinerija elettrika u elettronika li hija magħmula l-iktar mill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, bħala mexxejja fil-qasam teknoloġiku[7]. Fl-aħħar nett, il-grilji intelliġenti jipprovdu pjattaforma għall-kumpaniji tradizzjonali tal-enerġija u għall-kumpaniji li jkun għadhom kemm daħlu fis-suq, bħalma huma l-kumpaniji tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT), inklużi l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, sabiex dawn jiżviluppaw servizzi tal-enerġija ġodda u innovattivi filwaqt li jqisu kif xieraq l-isfidi tal-ħarsien tad-dejta u tas-sigurtà tal-internet. Dawn l-affarijiet flimkien għandhom itejbu l-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, iservu ta’ inċentiv għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u jipprovdu opportunità għat-tkabbir ekonomiku.

Il-grilji intelliġenti jistgħu jagħtu kontribut siewi għall-istrateġija l-ġdida għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, fosthom għall-għanijiet proposti fl-inizjattiva ewlenija għal Ewropa li tuża r-riżorsi bmod effiċjenti u għall-miri tal-enerġija u tal-klima Ewropej, li jinsabu fil-qalba tas-suq intern tal-enerġija. Id-dispożizzjonijiet tat-Tielet Pakkett u, b’mod speċjali, tal-Anness I.2 tad-Direttiva dwar l-elettriku (2009/72/KE), jobbligaw b’mod ċar lill-Istati Membri li jivvalutaw[8] l-introduzzjoni tas-sistemi tal-kejl intelliġenti bil-miter bħala pass ewlieni sabiex jibdew jiġu implimentati l-grilji intelliġenti u jdaħħlu 80 % minn dawk li jkunu ġew ivvalutati b’mod pożittiv. Il-grilji intelliġenti huma identifikati wkoll bħala mod kif l-Istati Membri jistgħu jilħqu l-obbligi tagħhom li jippromwovu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija[9]. Barra minn hekk, id-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar is-servizzi tal-enerġija (2006/32/KE) – li l-Kummissjoni bħalissa qed tanalizza jekk hemmx bżonn tiġi rriveduta[10] – titlob għal kejl bil-miter li jirrifletti b’mod preċiż il-konsum veru tal-enerġija tal-utent aħħari u li jipprovdi tagħrif dwar il-ħin eżatt li fih intużat l-enerġija. Il-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2011 irrikonoxxa r-rwol importanti li għandhom il-grilji intelliġenti u stieden lill-Istati Membri biex, flimkien mal-entitajiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni u mal-industrija, “jaċċelleraw il-ħidma bil-ħsieb li jadottaw standards tekniċi għas-sistemi ta’ ċċarġjar għall-vetturi elettriċi sa nofs l-2011 u għal netwerks [grilji] u arloġġi [miters] intelliġenti sa tmiem l-2012”[11]. Fit-tul, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050[12] tidentifika l-grilji intelliġenti bħala fattur ewlieni li jwassal għal sistema tal-elettriku b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fil-ġejjieni, minħabba li huma jiffaċilitaw l-effiċjenza mil-lat tad-domanda, jżidu s-sehem tal-enerġija rinnovabbli u tal-ġenerazzjoni ddeċentrata u jippermettu li jintuża l-elettriku fit-trasport.

Fl-Ewropa, matul l-aħħar għaxar snin sar investiment ta’ iktar minn EUR 5.5 biljun[13] f’madwar 300 proġett dwar il-grilji intelliġenti. L-istampa numru 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn dan. Madwar EUR 300 miljun ġie mill-baġit tal-UE. L-UE għadha fil-fażi tal-bidu tal-użu reali tal-grilji intelliġenti[14]. Illum il-ġurnata, madwar 10 % tad-djar tal-UE biss għandhom xi tip ta’ miter intelliġenti stallat, għalkemm ħafna minnhom mhux bil-fors jipprovdu l-firxa kollha ta’ servizzi lill-konsumaturi. Madankollu, dawk il-konsumaturi li għandhom il-miters intelliġenti naqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom b’sa 10 %[15]. Xi proġetti pilota jissuġerixxu li fil-verità jista’ jkun hemm saħansitra iktar iffrankar tal-enerġija[16]. Proġetti pilota oħrajn urew li l-grilji intelliġenti jistgħu jagħtu kontribut ewlieni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. L-istudju msejjaħ “Smart 2020” [17], li jkejjel l-impatt dinji tal-grilji intelliġenti, qed jistma li se jkun hemm tnaqqis ta’ 15 % fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, waqt li l-istudju tal-istitut għar-riċerka dwar l-enerġija elettrika (“EPRI”)[18] jirrapporta li kien hemm tnaqqis ta’ kważi 9 % fl-emissjonijiet domestiċi kollha tal-karbonju ġġenerati mis-settur tal-enerġija Amerikan fl-2006. L-istudju Ewropew dwar il-bijointelliġenza[19] jikkonkludi li l-grilji intelliġenti jistgħu jnaqqsu l-konsum primarju annwali tal-enerġija tas-settur tal-enerġija tal-UE bi kważi 9 % sal-2020. Il-grilji intelliġenti huma mistennija joħolqu impjiegi ġodda u jġibu magħhom tkabbir ekonomiku addizzjonali[20]. Mad-dinja kollha, is-suq tal-apparat domestiku intelliġenti huwa mistenni jikber minn suq ta’ USD 3.06 biljun fl-2011 għal suq ta’ USD 15.12-il biljun fl-2015[21]. Barra minn hekk, huwa stmat[22] li l-investimenti mistennija huma ta’ madwar 15 % għall-introduzzjoni tal-kejl intelliġenti bil-miter u ta’ 85 % biex il-bqija tas-sistema tiġi aġġornata.

Bħalissa hemm differenza konsiderevoli bejn l-investiment attwali u dak ottimu fl-Ewropa, li tista’ tiġi spjegata biss parzjalment mit-tnaqqis attwali fir-ritmu ekonomiku. L-operaturi u l-fornituri tal-grilji huma mistennija jġorru l-piż ewlieni tal-investiment. Madankollu, sakemm ma jiġix żviluppat mudell ġust għall-qsim tal-ispejjeż u sakemm ma jinstabx bilanċ ġust bejn l-ispejjeż għall-investiment fuq żmien qasir u l-profitti fit-tul, ir-rieda tal-operaturi tal-grilji li jagħmlu kwalunkwe investiment sostanzjali tista’ tkun limitata.

L-investituri għadhom qed isibuha bi tqila biex isibu l-aħjar mudell biex jaqsmu l-ispejjeż u l-benefiċċji matul il-katina tal-valur. Għadu mhux ċar kif is-sistemi kumplikati tal-grilji intelliġenti se jiġu integrati, kif se jingħażlu teknoloġiji li jkunu kosteffiċjenti, liema standards tekniċi għandhom jiġu applikati għall-grilji intelliġenti fil-ġejjieni u jekk il-konsumaturi hux se jaċċettaw u jibdew jużaw it-teknoloġija l-ġdida.

[pic]

Jeħtieġ li dawn l-isfidi jiġu indirizzati mill-aktar fis possibbli sabiex l-introduzzjoni tal-grilji intelliġenti ssir b’rata iktar mgħaġġla. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tiffoka fuq:

1. l-iżvilupp ta’ standards tekniċi;

2. l-iżgurar tal-ħarsien tad-dejta għall-konsumaturi;

3. il-ħolqien ta’ qafas regolatorju sabiex ikun hemm inċentivi għall-introduzzjoni tal-grilji intelliġenti;

4. l-iżgurar ta’ suq tal-bejgħ bl-imnut li jkun kompetittiv u miftuħ fl-interess tal-konsumaturi;

5. l-għoti ta’ appoġġ kontinwu għall-innovazzjoni għat-teknoloġija u s-sistemi.

2. Nindirizzaw l-isfidi – inizjattivi tal-politika li jippermettu l-użu tal-grilji intelliġenti fl-Ewropa

2.1. L-iżvilupp ta’ standards komuni Ewropej għall-grilji intelliġenti

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 ikkonfermaw il-ħtieġa urġenti li jiġu adottati standards Ewropej għall-grilji intelliġenti.

Ix-xogħol diġà nbeda – f’Marzu tal-2009, meta, abbażi tad-Direttiva dwar l-istrumenti tal-kejl (id-Direttiva 2004/22/KE) u tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-enerġija, il-Kummissjoni tat mandat[23] lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni – lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (il-CEN), lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (il-CENELEC) u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (l-ETSI), biex jistabbilixxu standards Ewropej għall-interoperabbiltà ta’ miters intelliġenti tal-konsum (tal-elettriku, tal-gass, tal-ilma u tat-tisħin), li jinvolvu protokolli dwar il-komunikazzjoni u funzjonalitajiet oħrajn, bħall-iżgurar tal-interoperabbiltà bejn is-sistemi sabiex ikun hemm komunikazzjoni sigura mal-interfaċċji tal-konsumaturi u sabiex jittejjeb l-għarfien tal-konsumaturi sabiex jadattaw il-konsum reali tagħhom. L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni kellhom jipprovdu standards Ewropej għall-komunikazzjoni f’Marzu 2010 u soluzzjonijiet armonizzati kompluti għall-funzjonijiet l-oħrajn sa Diċembru 2011, iżda r-riżultati li għandhom jingħataw diġà qegħdin kważi sena tard. Sadanittant, il-Kummissjoni ndaħlet biex tiċċara l-ambitu tal-mandat skont is-sejbiet intermedjarji tat-Task Force dwar il-grilji intelliġenti u biex jiġi evitat aktar dewmien. L-ewwel riżultati għall-istandards Ewropej għall-miters intelliġenti huma mistennija sa tmiem l-2012.

F’Ġunju 2010, il-Kummissjoni tat mandat[24] lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jirrevedu l-istandards eżistenti u jiżviluppaw standards ġodda sabiex, fi żmien 18-il xahar, ikun jista’ jiġi adottat approċċ armonizzat Ewropew għall-interoperabbiltà tal-istrumenti għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi mat-tipi kollha ta’ vetturi elettriċi u mal-punti tal-forniment tal-elettriku. Din l-armonizzazzjoni se tippermetti lill-utenti jużaw l-istess strument biex jiċċarġjaw għadd ta’ vetturi elettriċi u se tiżgura li dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jitqabbdu u jitħaddmu fl-UE kollha. Hemm qbil wiesa’ dwar il-fatt li l-Ewropa għandha bżonn dawn l-istandards b’mod urġenti.

Fl-1 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni tat mandat lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni marbut mal-grilji intelliġenti[25] sabiex, sa tmiem l-2012, jiżviluppaw standards li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ servizzi u funzjonalitajiet ta’ livell għoli marbutin mal-grilji intelliġenti. Il-mandat jissejjes fuq il-kunsens miksub bejn il-partijiet interessati li qed jieħdu sehem fit-Task Force u fil-grupp ta’ ħidma konġunta dwar il-grilji intelliġenti tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni – dan għandu jiżgura proċess bla problemi u li ma jiħux fit-tul.

Se titwaqqaf sistema ta’ monitoraġġ sabiex ikun żgurat li tinżamm id-data ta’ skadenza tal-2012 stabbilita mill-Kunsill Ewropew fi Frar tal-2011. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed progress matul l-2011, il-Kummissjoni se tintervjeni biex tiżgura li tinżamm id-data ta’ skadenza u li jiġu stabbiliti l-istandards meħtieġa, pereżempju billi tiddefinixxi kodiċi tan-netwerk.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tirrevedi l-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni billi ssegwi l-White Paper tagħha msejħa “Il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE: it-Triq ’il Quddiem”[26] kif ukoll l-iżviluppi globali fl-istandardizzazzjoni.

6. Azzjonijiet dwar l-istandards tal-grilji intelliġenti

7. Bl-għajnuna tat-Task Force, il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma stabbilit fil-mandat bil-għan li l-istandards jiġu adottati fil-ħin. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed progress matul l-2011, il-Kummissjoni se tintervjeni biex tiżgura li tinżamm id-data ta’ skadenza u li jiġu stabbiliti l-istandards meħtieġa, pereżempju billi tiddefinixxi kodiċi tan-netwerk.

8. Il-Kummissjoni se ssegwi wkoll l-iżvilupp tal-istandards tal-ICT fil-livell Ewropew u f’dak internazzjonali sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-grilji intelliġenti.

2.2. Nindirizzaw il-kwistjonijiet tal-privatezza tad-dejta u tas-sigurtà

L-iżvilupp ta’ skemi legali u regolatorji li jħarsu l-privatezza tal-konsumatur f’ħidma mill-qrib mal-awtoritajiet għall-ħarsien tad-dejta, b’mod partikulari mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, u l-iffaċilitar tal-aċċess tal-konsumaturi għad-dejta tal-enerġija tagħhom ipproċessata minn partijiet terzi u tal-kontroll tagħhom ta’ dik id-dejta huma essenzjali sabiex il-grilji intelliġenti jiġu aċċettati b’mod wiesa’ mill-konsumaturi[27]. Kwalunkwe skambju tad-dejta jrid iħares ukoll id-dejta sensittiva tan-negozju tal-operaturi tal-grilji u tal-parteċipanti l-oħra, u jippermetti lill-kumpaniji jaqsmu d-dejta dwar il-grilja intelliġenti b’mod sikur.

Id-Direttiva 95/46/KE dwar il-ħarsien tad-dejta personali[28] tikkostitwixxi l-leġiżlazzjoni ewlenija li tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali. Id-Direttiva hija newtrali mil-lat tat-teknoloġija u l-prinċipji tal-ipproċessar tad-dejta japplikaw għall-ipproċessar tad-dejta personali fi kwalunkwe settur, u għalhekk ikopru wkoll xi aspetti tal-grilji intelliġenti. B’mod partikulari, id-definizzjoni tad-dejta personali[29] hija rilevanti, minħabba li d-distinzjoni bejn id-dejta personali u dik li mhix hija importanti ferm għal iktar użu tal-grilji intelliġenti. Jekk id-dejta pproċessata tkun teknika u ma tkunx marbuta ma’ persuna naturali identifikata jew li tista’ tiġi identifikata, allura l-operaturi ta’ sistemi ddeċentrati, l-operaturi tal-miters intelliġenti u l-kumpaniji li joffru servizzi tal-enerġija jkunu jistgħu jużawha mingħajr ma jkollhom bżonn jistaqsu lill-utenti tal-grilji għall-kunsens tagħhom minn qabel. Filwaqt li l-qafas tad-dejta Ewropew huwa xieraq u ma għandux bżonn jitwessa’, jista’ jkun hemm bżonn ta’ xi addattamenti fl-oqfsa legali nazzjonali speċifiċi sabiex ikunu akkomodati xi wħud mill-funzjonalitajiet li l-grilji intelliġenti mistennija jkollhom. Bl-użu wiesa’ tal-grilji intelliġenti, naturalment se jiżdied l-obbligu li wieħed jgħarraf lill-awtoritajiet nazzjonali għall-ħarsien tad-dejta dwar l-ipproċessar tad-dejta personali. Huma u jistabbilixxu l-grilji intelliġenti, u b’mod partikulari huma u jiddeċiedu dwar il-qsim tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet fir-rigward tas-sjieda, tal-pussess u tal-aċċess għad-dejta, l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li dan isir f’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar il-ħarsien tad-dejta[30].

It-Task Force dwar il-grilji intelliġenti qablet li hemm bżonn ta’ approċċ ta’ “privatezza ppjanata fid-disinn stess”[31]. Dan l-approċċ se jiddaħħal fl-istandards li qed jiżviluppaw l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-iżvilupp u ż-żamma ta’ netwerk sigur huma essenzjali għall-kontinwità tar-riżorsi u għas-sikurezza tal-konsumaturi. Huwa importanti li jiġu żgurati s-sigurtà u r-reżiljenza tal-infrastrutturi li jappoġġaw l-użu tal-grilji intelliġenti fl-Ewropa. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni nediet grupp magħmul minn diversi partijiet interessati sabiex ikun hemm diskussjonijiet ta’ livell għoli dwar l-isfidi marbutin mas-sigurtà, inkluża iċ-ċibersigurtà, u dawk mar-reżiljenza tal-grilji intelliġenti.

9. Azzjonijiet dwar il-privatezza tad-dejta u dwar is-sigurtà tad-dejta fil-grilji intelliġenti

10. Il-Kummissjoni se timmonitorja d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali settorjali li tista’ tapplika f’dan il-qasam sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-grilji intelliġenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tad-dejta.

11. L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni se jiżviluppaw standards tekniċi għall-grilji intelliġenti li jużaw l-approċċ ta’ “privatezza ppjanata fid-disinn stess”.

12. Il-Kummissjoni se tkompli tiġbor flimkien il-komunitajiet tal-oqsma tal-enerġija u tal-ICT fi ħdan grupp ta’ esperti sabiex tivvaluta s-sigurtà tan-netwerk u tat-tagħrif u r-reżiljenza tal-grilji intelliġenti, kif ukoll sabiex tappoġġa l-kooperazzjoni internazzjonali marbuta magħhom.

2.3. Inċentivi regolatorji għall-użu tal-grilji intelliġenti

L-ewwel nett, l-użu tal-grilji intelliġenti għandu jiġi mis-suq. L-operaturi tan-netwerks huma l-benefiċjarji ewlenin tal-użu tal-grilji intelliġenti u x’aktarx se jkunu l-investituri ewlenin fihom. Fost il-fatturi naturali li jwasslu għall-investiment hemm il-possibbiltajiet li tittejjeb l-effiċjenza tan-netwerks u li jittejjeb it-tħaddim tas-sistema b’mod ġenerali permezz ta’ mekkaniżmi aħjar ta’ tweġiba għad-domanda[32] u għall-iffrankar tal-ispejjeż (it-tħaddim mill-bogħod tal-miters, spejjeż inqas għoljin tal-qari tal-miters, l-evitar tal-investimenti f’impjanti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li jintużaw biss fil-mumenti tal-ġurnata fejn ikun hemm l-ikbar domanda għall-elettriku, eċċ.). Id-djar u l-kumpaniji għandu jkollhom aċċess sempliċi għat-tagħrif dwar il-konsum sabiex ikunu jistgħu jżommu l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom f’livell baxx. Barra minn hekk, għall-fornituri tal-enerġija, għall-kumpaniji li joffru servizzi u għall-fornituri tal-ICT (jew għal għaqdiet flimkien tagħhom), l-użu ta’ soluzzjonijiet tal-ICT marbutin mal-grilji intelliġenti jippermetti l-integrazzjoni fuq skala kbira ta’ diversi sorsi tal-enerġija rinnovabbli fi ħdan in-netwerks filwaqt li tinżamm l-affidabbiltà ġenerali tas-sistema. Prerekwiżit għal dan huwa li t-tali soluzzjonijiet jibqgħu miftuħin, newtrali mil-lat tal-mudell tan-negozju u inklużivi, u li jkunu jippermettu wkoll lill-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jieħdu sehem bis-sħiħ fihom. Fuq kollox, il-grilji intelliġenti huma fattur meħtieġ biex il-klijenti jingħataw servizzi ta’ valur miżjud.

Hemm qbil wiesa’ fost l-investituri dwar il-fatt li l-qafas regolatorju jrid iwassal għall-investiment fil-grilji intelliġenti. Id-Direttiva dwar l-elettriku u d-Direttiva dwar is-servizzi tal-enerġija jagħtu lill-Istati Membri taħlita ta’ obbligi u ta’ inċentivi sabiex jistabbilixxu qafas bħal dan. L-inċentivi regolatorji għandhom jinkuraġġixxu lil operatur tan-netwerk jaqla’ d-dħul tiegħu b’modi li ma jkunux marbutin ma’ iktar bejgħ, iżda li jkunu msejsa fuq il-gwadann mill-effiċjenza u fuq il-bżonn għal inqas investimenti f’impjanti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li jintużaw biss fil-mumenti tal-ġurnata fejn ikun hemm l-ikbar domanda għall-elettriku. Dan ifisser li l-inċentivi regolatorji għandhom jinkuraġġixxu lill-operatur jimxi minn mudell tan-negozju “msejjes fuq il-volum” għal wieħed imsejjes fuq il-kwalità u l-effiċjenza. L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-enerġija jobbliga lill-Istati Membri jneħħu t-tali inċentivi msejsin fuq il-volum. Jekk l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva turi li din id-dispożizzjoni mhix biżżejjed jew li mhix adegwata, il-Kummissjoni se tqis jekk għandhiex temendaha fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva jew jekk għandhiex tikkumplimentaha b’Kodiċi tan-netwerk dwar it-tariffi, li għandu jiġi abbozzat bħala parti mit-Tielet Pakkett.

L-Anness I.2 tad-Direttiva dwar l-elettriku jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu, sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Settembru 2012, pjan ta’ implimentazzjoni u skeda taż-żmien biex jiddaħħlu s-sistemi tal-kejl intelliġenti bil-miter. Minħabba l-korrelazzjoni bejn il-grilji intelliġenti u l-miters intelliġenti, it-tali pjanijiet ta’ implimentazzjoni se jkunu jeħtieġu wkoll li jiġu żviluppati l-grilji intelliġenti, u għalhekk għandhom jindirizzaw l-inċentivi regolatorji meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-grilji. Il-Kummissjoni Ewropea se timmonitorja b’mod attiv il-progress tal-Istati Membri u se tipprovdi linji gwida dwar l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni sa tmiem l-2011. Jekk matul l-2012 ma jkunx qed isir biżżejjed progress, il-Kummissjoni se tqis il-possibbiltà li jiddaħħlu regoli iktar stretti għall-implimentazzjoni tal-grilji intelliġenti.

Waqt li jkunu qed jitfasslu l-iskemi nazzjonali tal-inċentivi, huwa importanti li jiġi żgurat li dawn ma jkunux ivarjaw tant li jkun diffiċli li wieħed jagħmel negozju u jikkoopera lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Għall-istess raġunijiet, l-introduzzjoni tal-grilji intelliġenti fl-Istati Membri wkoll għandha ssir bl-istess pass. Differenzi kbar bejn l-infrastrutturi nazzjonali tal-enerġija ma jħallux lin-negozji u lill-konsumaturi jieħdu l-benefiċċji kollha tal-grilji intelliġenti. Il-proċeduri għall-permessi biex wieħed jibni u jimmodernizza l-grilji tal-enerġija għandhom ikunu ssimplifikati u mtejbin kemm jista’ jkun, u għandhom jiġu indirizzati l-ostakli regolatorji u r-reżistenzi reġjonali. F’dan il-kuntest, il-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk fl-UE kollha[33], kif ukoll l-inizjattivi reġjonali[34], jista’ jkollhom rwol ewlieni.

13. Azzjonijiet sabiex il-qafas regolatorju eżistenti jiġi adattat għall-grilji intelliġenti

14. Il-Kummissjoni se tiżviluppa inċentivi regolatorji għall-użu tal-grilji intelliġenti, pereżempju fl-applikazzjoni u fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-enerġija u/jew permezz tal-iżvilupp ta’ kodiċi tan-netwerk jew ta’ att ta’ implimentazzjoni dwar it-tariffi.

15. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi linji gwida sabiex tiddefinixxi metodoloġija għall-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tal-miters intelliġenti tal-Istati Membri, kif ukoll għall-analiżi (li jistgħu jagħmlu) tal-ispejjeż tagħhom meta mqabbla mal-qligħ.

16. Minbarra l-miri għall-miters intelliġenti fit-Tielet Pakkett, il-Kummissjoni se titlob lill-Istati Membri jipproduċu pjanijiet ta’ azzjoni b’miri għall-implimentazzjoni tal-grilji intelliġenti.

17. Permezz tar-rwol tagħha fl-inizjattivi reġjonali u tal-involviment tagħha fin-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku, il-Kummissjoni se tinkuraġġixxi u tippromwovi azzjoni kkoordinata sabiex jibdew jintużaw il-grilji intelliġenti fil-livell Ewropew u f’dak reġjonali.

2.4. Il-grilji intelliġenti f’suq tal-bejgħ bl-imnut li jkun kompetittiv fl-interess tal-konsumaturi

Id-Direttiva dwar l-elettriku titlob lill-Istati Membri joħolqu swieq tal-bejgħ bl-imnut li jkunu trasparenti u li jkunu jaħdmu tajjeb (l-Artikolu 41) u jiffaċilitaw l-aċċess għall-kumpaniji li jkun għadhom kemm daħlu fis-suq, fosthom il-kumpaniji li joffru servizzi tal-enerġija u l-fornituri tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, li jistgħu jagħtu servizzi lill-konsumaturi li jippermettulhom jibdlu l-aġir tagħhom b’mod li jibbenefikaw minn din il-bidla. Barra minn hekk, l-obbligi tal-Istati Membri li ġejjin mid-Direttiva tal-Elettriku biex jiffaċilitaw il-bdil minn fornitur għall-ieħor fi żmien iqsar kif ukoll biex jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess għat-tagħrif dwar il-konsum u dwar il-kontijiet iwasslu għall-użu tal-grilji intelliġenti. It-traspożizzjoni tajba tagħhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali se tiġi mmonitorjata sewwa. Jista’ jkun importanti wkoll li wieħed jippromwovi l-kummenti diretti lill-konsumaturi billi jintużaw, pereżempju, l-wiri fid-djar stess jew mezzi oħrajn. Ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-enerġija għandha l-għan li tiffaċilita dejjem iktar l-iżvilupp ta’ suq għas-servizzi tal-enerġija, fost l-oħrajn permezz ta’ appoġġ għall-kejl avvanzat bil-miter.

L-iżvilupp tal-grilji intelliġenti f’suq tal-bejgħ bl-imnut li jkun kompetittiv għandu jinkuraġġixxi lill-konsumaturi jibdlu l-imġiba tagħhom, isiru iktar attivi u jadattaw irwieħhom għal xejriet ġodda tal-konsum tal-enerġija li jkunu “intelliġenti”. Din huwa prerekwiżit kruċjali biex il-bidla lejn il-mudell tan-negozju msejjes fuq l-effiċjenza deskritt hawn fuq issir b’suċċess. It-tweġiba għad-domanda tinsab fil-qalba tal-mudell il-ġdid. Din teħtieġ interazzjoni (kważi dak il-ħin stess) bejn il-kumpaniji tas-servizzi u l-ġestjoni tal-enerġija tal-konsumaturi u użu ħafna usa’ ta’ prezzijiet tal-elettriku li huma ddifferenzjati skont il-ħin sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jkollhom inċentiv ġenwin biex jadattaw ix-xejriet tal-konsum tagħhom.

Bl-introduzzjoni tat-teknoloġija tal-grilji intelliġenti, l-operaturi ta’ sistemi ddeċentrati se jiksbu aċċess għal tagħrif iddettaljat dwar ix-xejriet tal-konsum tal-konsumaturi, li jistgħu jagħtuhom vantaġġ kompetittiv konsiderevoli meta mqabbla ma’ parteċipanti oħrajn fis-suq huma u joffru servizzi lill-konsumaturi li jkunu adattati għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Il-qafas regolatorju jrid jiżgura li dawn ir-riskji jiġu indirizzati kif xieraq. Jekk it-traspożizzjoni tat-Tielet Pakkett u l-iżvilupp ta’ standards tekniċi ma jindirizzawx biżżejjed din il-kwistjoni, il-Kummissjoni se tqis il-possibbiltà li tieħu aktar azzjoni leġiżlattiva.

18. Azzjonijiet li jiżguraw servizzi tal-grilji intelliġenti għall-konsumaturi li jkunu kompetittivi

19. Permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-enerġija, il-Kummissjoni se tintroduċi rekwiżiti minimi għall-format li bih it-tagħrif irid jingħata lill-konsumaturi u għall-kontenut ta’ dak it-tagħrif u rekwiżiti minimi għall-aċċess għas-servizzi tat-tagħrif u għall-ġestjoni tad-domanda (pereżempju l-kontroll tal-konsum fid-djar stess).

20. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tat-Tielet Pakkett li huma meħtieġa sabiex jinħoloq suq tal-bejgħ bl-imnut li jkun trasparenti u kompetittiv għall-iżvilupp ta’ servizzi (bħall-ipprezzar skont il-ħin tal-użu u t-tweġiba għad-domanda) li jkunu msejsa fuq il-grilji intelliġenti u fuq il-kejl bil-miter. Jekk ir-rekwiżiti ma jiġux implimentati jew jekk dawn ma jkunux effettivi, il-Kummissjoni tista’ tieħu iktar azzjoni, possibbilment waqt ir-reviżjoni tagħha tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-enerġija.

2.5. Appoġġ kontinwu għall-innovazzjoni u l-applikazzjoni ta’ malajr tagħha

Il-Kummissjoni nediet diversi inizjattivi għall-immodernizzar tan-netwerks tal-enerġija. Dawn fasslu l-kunċett tal-grilji intelliġenti, stabbilixxew il-ħtieġa għar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija u wasslu għal proġetti pilota żgħar sabiex jiġu vverifikati u jintwerew it-tħaddim u l-benefiċċji tal-grilji intelliġenti. F’dawn l-aħħar għaxar snin, intefqu madwar EUR 300 miljun fuq dawn il-proġetti, iffinanzjati l-iktar permezz tal-programmi ta’ qafas numri 5, 6 u 7[35]. F’Mejju tal-2005, il-Kummissjoni nediet il-Pjattaforma Ewropea tat-teknoloġija għall-grilji intelliġenti[36] bil-għan li jinħolqu kunċett konġunt tal-UE tal-grilji intelliġenti u aġenda tar-riċerka għalihom[37]. Hemm bżonn ta’ sforz kontinwu fir-riċerka u l-iżvilupp biex nimxu lejn teknoloġija tan-netwerk tal-elettriku li tkun avvanzata u l-Pjattaforma mistennija tikkontribwixxi għal din l-aġenda. F’Ġunju li għadda, ġiet stabbilita l-inizjattiva Ewropea dwar il-grilji tal-elettriku taħt il-Pjan SET sabiex jitħaffef l-użu tat-teknoloġiji tal-grilji intelliġenti fil-kuntest tal-miri għall-2020. Hija tiffoka l-iktar fuq l-innovazzjoni fil-livell tas-sistema u se tiċċara l-integrazzjoni tat-teknoloġija u l-każijiet tan-negozju permezz tal-wiri fuq skala kbira u permezz ta’ proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp dwar il-grilji intelliġenti. Għandha l-għan ukoll li tevita l-isforzi doppji permezz ta’ approċċ għall-qsim tal-għarfien li jkopri medda wiesgħa ta’ affarijiet. F’Mejju tal-2010, l-inizjattiva Ewropea dwar il-grilji tal-elettriku adottat pjan ta’ implimentazzjoni ddettaljat, li stabbilixxa l-prijoritajiet għall-2010 sal-2018 u li wera li kien hemm bżonn madwar EUR 2 biljun bħala fondi[38]. Il-pjan jidentifika l-ħtieġa għal immodernizzar kbir tan-netwerks, b’mod partikulari fil-livell tat-tqassim, u l-ħtieġa għal kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-operaturi tat-tqassim u tat-trażmissjoni sabiex ikun żgurat it-twassil tal-elettriku minn tarf s’ieħor. Jikkumplimenta ’l dan ix-xogħol huwa l-investiment meħtieġ fir-riċerka u l-iżvilupp ta’ komponenti, sistemi u servizzi ġodda tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, li huwa appoġġat minn sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat[39].

Fl-istess waqt li qed isseħħ din l-inizjattiva mmexxija mill-industrija, ttieħdet azzjoni fil-livelli lokali u reġjonali fil-forma tal-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki[40] u tal-inizjattiva li jmiss tal-Pjan SET imsejħa “Bliet u komunitajiet intelliġenti”[41]. L-inizjattiva Ewropea dwar il-grilji tal-elettriku se tqiegħed ir-riżultati tagħha dwar il-grilji intelliġenti għad-dispożizzjoni tal-inizjattiva msejħa “Bliet u komunitajiet intelliġenti”, li se tiffoka fuq l-integrazzjoni ta’ diversi tipi ta’ enerġija u użi tagħha (għall-elettriku, l-gass, it-tisħin u t-trasport) sabiex tiżdied kemm jista’ jkun l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Dawn l-inizjattivi tal-UE huma mistennija jħaffu l-użu tal-grilji intelliġenti fl-Ewropa, billi jibdew minn livell baxx. S’issa l-appoġġ għall-użu fil-livell tal-gvernijiet kien limitat, ukoll meta dan jitqabbel ma’ bnadi oħra tad-dinja. Il-Pjan SET jikkumplimenta l-azzjonijiet tar-riċerka b’azzjonijiet immirati lejn l-użu, f’konformità sħiħa mal-istrateġija tal-enerġija għall-2020. Issa l-proġetti u l-investimenti għandhom jimmiraw għall-wiri u l-validazzjoni “fir-realtà”, u għandhom isolvu kwistjonijiet tal-integrazzjoni tas-sistema u juru l-mudelli tan-negozju. Huma għandhom juru wkoll kif il-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw l-iktar mill-introduzzjoni ta’ dawn is-sistemi. L-inizjattiva Ewropea dwar il-grilji tal-elettriku u dik imsejħa “Bliet u komunitajiet intelliġenti” huma pass ’il quddiem fid-direzzjoni t-tajba.

Il-Pakkett dwar l-infrastruttura tal-enerġija jidentifika l-introduzzjoni tat-teknoloġiji tal-grilji intelliġenti bħala prijorità tal-infrastruttura Ewropea li għandha bżonn tingħata attenzjoni partikulari[42]. Huwa jiddeskrivi l-kaxxa tal-għodda meħtieġa għall-ippjanar u l-provvista tal-infrastruttura tal-enerġija, fosthom permezz ta’ strument għal appoġġ finanzjarju mill-UE sabiex jinġiebu fondi mis-settur pubbliku u minn dak privat. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll l-użu li jista’ jkun hemm ta’ strumenti oħrajn ta’ finanzjament tal-UE, fosthom tal-Fondi Strutturali, sabiex jingħataw soluzzjonijiet speċifiċi li jkunu jinkludu kemm appoġġ għall-għotjiet u l-għajnuna li tista’ titħallas lura[43], bħas-self u l-garanziji, kif ukoll appoġġ għal azzjonijiet u teknoloġiji innovattivi.

21. Azzjonijiet sabiex ikun hemm appoġġ għall-innovazzjoni u l-applikazzjoni ta’ malajr

22. Matul l-2011, il-Kummissjoni se tipproponi inizjattivi ġodda oħrajn għall-wiri fuq skala kbira għall-implimentazzjoni ta’ malajr tal-grilji intelliġenti, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet identifikati fil-kuntest tal-inizjattiva Ewropea dwar il-grilji tal-elettriku. Dawn se jinkludu modi u mezzi ġodda kif jista’ jinġieb il-finanzjament, f’konformità mal-Pakkett dwar l-infrastruttura tal-enerġija u kif mitlub mill-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011.

23. Fl-2011, il-Kummissjoni se tniedi wkoll l-inizjattiva msejħa “Bliet u komunitajiet intelliġenti”.

3. Il-pass li jmiss

Il-Kummissjoni beħsiebha tippromwovi użu usa’ u iktar imħaffef tal-grilji intelliġenti fl-Ewropa permezz tal-azzjonijiet imsemmija hawn fuq. Matul l-2011 il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa inizjattivi xierqa bbażati fuq il-fehmiet tal-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati dwar din il-Komunikazzjoni. Dawn l-inizjattivi se jindirizzaw l-aspetti regolatorji identifikati f’din il-Komunikazzjoni, b’mod partikulari fil-kuntest tat-Tielet Pakkett dwar is-suq intern tal-enerġija, ir-reviżjoni li se ssir dalwaqt tad-Direttiva dwar is-servizzi tal-enerġija, il-Pakkett dwar l-infrastruttura tal-enerġija u l-allinjament tal-prijoritajiet tal-politika tal-enerġija fi programmi differenti tal-finanzjament tal-UE.

[1] It-Task Force Ewropea għall-grilji intelliġenti tiddefinixxi l-grilji intelliġenti bħala netwerks tal-elettriku li jistgħu jintegraw, b’mod effiċjenti, l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha mqabbdin magħhom – jiġifieri tal-ġeneraturi, l-konsumaturi u dawk li huma kemm ġeneraturi kif ukoll konsumaturi – sabiex jiżguraw sistema tal-enerġija li tkun sostenibbli u ekonomikament effiċjenti bi ftit telf u b’livelli għoljin ta’ kwalità u ta’ sigurtà tal-provvista u tas-sikurezza.Ara d-dokument fis-sit tal-internet li ġej: http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/smartgrids/doc/expert_group1.pdf.

[2] Dokument tal-Għaqda tal-industrija tal-elettriku msejħa “Eurelectric” ta’ Mejju 2009 li jinsab fis-sit tal-internet li ġej: www.eurelectric.org/Download/Download.aspx?DocumentID=26620.

[3] Dokument tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Impriżi tal-Inġinerija (ORGALIME) ta’ Lulju 2010 li jinsab fis-sit tal-internet li ġej: http://www.orgalime.org/positions/positions.asp?id=358.

[4] Dokument tal-assoċjazzjoni msejħa “GEODE” ta’ Ottubru 2010 li jinsab fis-sit tal-internet li ġej: http://www.geode-eu.org/.

[5] Dokument tal-10 ta’ Ġunju 2010 tal-Grupp Ewropew tar-Regolaturi għall-Elettriku u l-Gass (l-ERGEG) dwar il-pożizzjoni dwar il-grilji intelliġenti, bin-numru ta’ referenza E10-EQS-38-05, li jinsab fis-sit tal-internet li ġej: http://www.energy-regulators.eu/portal/page/portal/EER_HOME/EER_PUBLICATIONS/CEER_ERGEG_PAPERS/Electricity/2010/E10-EQS-38-05_SmartGrids_Conclusions_10-Jun-2010_Corrige.pdf..

[6] Ara d-dokument konġunt tal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi u l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-koordinament tar-rappreżentanza tal-konsumaturi fl-istandardizzazzjoni li jinsab fis-sit tal-internet li ġej: http://www.anec.org/attachments/ANEC-PT-2010-AHSMG-005final.pdf.

[7] Ara d-dokument imsejjaħ “ELECTRA”, COM(2009) 594 finali.

[8] F’każ li ma ssir ebda valutazzjoni ekonomika, tal-inqas 80 % mill-konsumaturi kollha għandu jkollhom il-kejl intelliġenti bil-miter sal-2020.

[9] L-Artikolu 3(11) tad-Direttiva 2009/72/KE.

[10] Il-Pjan għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija 2011, COM(2011) 109 finali.

[11] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011, li jinsabu fis-sit tal-internet li ġej:

http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/11/st00/st00002.mt11.pdf.

[12] COM(2011) 112/4.

[13] Il-Kummissjoni Ewropea, “Opinjoni dwar il-grilji intelliġenti mill-proġetti pilota: it-tagħlim li ħadna u l-iżviluppi attwali”, dokument taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka li għandu jinħareġ f’Ġunju tal-2011.

[14] Biex inqabblu, nistgħu ngħidu li l-gvern Amerikan nieda programm għall-għotjiet għall-investimenti f’100 proġett dwar il-grilji intelliġenti li jlaħħaq it-3.4 biljun dollaru Amerikan. Dan il-programm jibni fuq l-investimenti ta’ 4.7 biljun dollaru Amerikan li ġejjin mill-industrija privata, mill-ibliet u minn imsieħba oħrajn. Il-gvern Ċiniż ukoll qed jinvesti fi proġetti dwar il-grilji intelliġenti u s’issa alloka 7.3 biljun dollaru Amerikan għal self ta’ stimulu u għal għotjiet fl-2011. L-Awstralja u n-New Zealand qed jiftħu s-swieq tal-enerġija tagħhom għall-kompetizzjoni sabiex jattiraw kapital mis-settur privat għall-bidla għall-grilji intelliġenti.

[15] Il-paġna 4 tad-dokument ta’ Vincenzo Cannatelli msejjaħ “Il-proġett tal-ENEL imsejjaħ “Telegestore” miexi fit-triq it-tajba”, li jinsab fis-sit tal-internet li ġej: http://www.greey.ca/RelatedFiles/1/ENEL%20Telegestore%20Project%20IS%20ON%20TRACK.pdf.

[16] Fir-Renju Unit, il-proġett imsejjaħ “AlertMe” jippermetti lill-klijenti jitfu l-apparat permezz tal-internet jew tat-telefown ċellulari u, fi tmien xhur, ir-residenti ffrankaw madwar 40 % tal-elettriku. Fi Spanja, it-tbassir tal-proġett imsejjaħ “GAD” juri li konsumatur normali jista’ jiffranka 15 % mill-konsum totali tal-enerġija. Fl-Amerka, il-proġett pilota msejjaħ “Smart Grid City” li għandu l-għan li jifhem l-impatti li jista’ jkollha firxa ta’ teknoloġiji tal-“grilji intelliġenti”, fosthom is-softwer tal-grilji miftuħin, li jippermetti l-komunikazzjoni reċiproka fil-grilja, wassal għal tnaqqis ta’ 90 % fil-problemi marbutin mal-vultaġġ, li b’hekk naqqas il-ħtiġijiet ġenerali tal-enerġija bi 3 sa 5 % f’belt ta’ 100 000 ruħ.

[17] GeSI SMART 2020, http://www.gesi.org/LinkClick.aspx?fileticket=tbp5WRTHUoY%3D&tabid.

[18] EPRI2008. Studju tal-Istitut għar-riċerka dwar l-enerġija elettrika (EPRI) msejjaħ “The green grid: Energy savings and carbon emissions reductions enabled by a smart grid” (“Il-grilja li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent: l-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju li jista’ jkun hemm permezz ta’ grilja intelliġenti”), ippubblikat f’Palo Alto, l-Kalifornja, fl-Istati Uniti tal-Amerka, li jinsab fis-sit tal-internet li ġej: http://www.smartgridnews.com/artman/uploads/1/SGNR_2009_EPRI_Green_Grid_June_2008.pdf.

[19] Ir-rapport finali tas-servizz dwar il-bijointelliġenza ppubblikat f’Settembru 2008 msejjaħ “Impacts of Information and Communication Technologies on Energy Efficiency” (“L-impatti tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija”), li jinsab fis-sit tal-internet li ġej: ftp://ftp.cordis.europa.eu/pub/fp7/ict/docs/sustainable-growth/ict4ee-final-report_en.pdf.

[20] S’issa l-industrija tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju ħolqot 1.4 miljun impjieg fl-Ewropa. Riċerka li saret fl-Amerka wriet li hemmhekk jistgħu jinħolqu sa 280 000 impjieg dirett ġdid bl-introduzzjoni tal-grilji intelliġenti, b’aktar minn 140 000 minnhom jinżammu wara l-fażi tal-introduzzjoni.

[21] Ara d-dokument fis-sit tal-internet li ġej: http://www.zpryme.com/SmartGridInsights/2010_Smart_Appliance_Report_Zpryme_Smart_Grid_Insights.pdf.

[22] Id-dokument tal-grupp “ESMIG” li jinsab fis-sit tal-internet li ġej: http://www.scribd.com/doc/35826660/LandisGyr-Whitepaper-IDIS u d-dokument tal-kumpanija SAP imsejjaħ “Smart Grids for Europe” (“Il-grilji intelliġenti għall-Ewropa”, li jinsab fis-sit tal-internet li ġej: http://www.scribd.com/doc/47461006/12036-NM-Smart-Grids-for-Europe-En.

[23] Il-mandat M441 tat-12 ta’ Marzu 2009, http://www.cen.eu/cen/Sectors/Sectors/Measurement/Pages/default.aspx.

[24] Il-mandat M468 tad-29 ta’ Ġunju 2010, http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/smartgrids/taskforce_en.htm.

[25] Il-mandat M490 tal-1 ta’ Marzu 2011, http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/smartgrids/taskforce_en.htm.

[26] Il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE: it-Triq ’il Quddiem (COM(2009) 324).

[27] Ara s-sit tal-internet li ġej: http://www.beuc.org/Content/default.asp?pageId=1120&searchString=smart%20grids.

[28] Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta], ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[29] L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE.

[30] Il-grupp ta’ ħidma dwar il-ħarsien tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mwaqqaf skont l-Artikolu 29 (imwaqqaf skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE sabiex jagħti pariri lill-Kummissjoni) dal-ħin qed jaħdem fuq opinjoni sabiex jixħet dawl fuq il-kwistjonijiet tal-ħarsien tad-dejta li huma rilevanti għall-grilji intelliġenti u sabiex jirrakkomanda soluzzjonijiet għalihom.

[31] L-approċċ ta’ “privatezza ppjanata fid-disinn stess” huwa approċċ li fih il-konformità mal-liġijiet dwar il-privatezza u l-ħarsien tad-dejta hija ddisinjata fis-sistemi għaż-żamma tat-tagħrif mill-bidu nett, u mhux tiżdied wara jew tiġi injorata, kif ta’ spiss ġara fl-imgħoddi. Ara d-dokument fis-sit tal-internet li ġej: http://www.ipc.on.ca/images/Resources/7foundationalprinciples.pdf.

[32] Il-mekkaniżmi ta’ tweġiba għad-domanda jimmaniġġjaw il-konsum tal-klijenti bi tweġiba għall-kundizzjonijiet tal-provvista, pereżempju billi jwasslu lill-utenti aħħarin biex jużaw inqas elettriku fi żmien meta jkun hemm prezzijiet għoljin tas-suq bl-ingrossa jew meta tkun mhedda l-affidabbiltà tas-sistema.

[33] Ara l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

[34] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0721:FIN:MT:PDF .

[35] http://www.smartgrids.eu/?q=node/162, http://intra.infso.cec.eu.int/ jew http://cordis.europa.eu/fp7/energy/.

[36] Il-Pjattaforma Ewropea tat-teknoloġija għan-netwerks tal-ġejjieni, http://www.smartgrids.eu/.

[37] Ara d-dokument fis-sit tal-internet li ġej: http://ec.europa.eu/research/energy/pdf/smartgrids_en.pdf.

[38] Ara d-dokument fis-sit tal-internet li ġej: http://www.smartgrids.eu/documents/EEGI/EEGI_Implementation_plan_May%202010.pdf.

[39] Pereżempju, fl-2011-13, il-Kummissjoni se tkun qed tappoġġa sitt sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fil-qafas tal-programm ta’ qafas numru 7 b’finanzjament totali ta’ EUR 1 biljun u billi ġabet madwar EUR 2 biljun mis-settur privat.

[40] Ara s-sit tal-internet li ġej: http://www.eumayors.eu/home_mt.htm.

[41] Ara d-dokument fis-sit tal-internet li ġej: http://ec.europa.eu/energy/technology/set_plan/doc/2009_comm_investing_development_low_carbon_technologies_roadmap.pdf.

[42] Ara, pereżempju, it-Taqsima 5.4.2 tal-Komunikazzjoni bin-numru ta’ referenza COM(2010) 677 finali, li kienet adottata fis-17 ta’ Novembru 2010.

[43] Pereżempju, fi ħdan il-qafas tal-Politika ta’ koeżjoni attwali, il-fondi għall-iżvilupp tal-ibliet (stabbiliti skont l-inizjattiva msejħa “JESSICA”) qed jagħtu għajnuna li tista’ titħallas lura għall-iżvilupp sostenibbli tal-infrastruttura tal-ibliet. Ara s-sit tal-internet li ġej: http://ec.europa.eu/regional_policy/funds/2007/jjj/jessica_en.htm.