52011DC0173




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 5.4.2011

KUMM(2011) 173 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjona li għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020

1. It- TITJIB TAS-SITWAZZJONI TAR-ROMA: IMPERATTIV SOċJALI U EKONOMIKU GħALL-UNJONI U L-ISTATI MEMBRI TAGħHA

Bosta mill-għadd stmat ta’ 10 sa 12-il miljun Roma[1] fl-Ewropa jiffaċċjaw preġudizzji, intolleranza, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Huma nies emarġinati u jgħixu f’kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi foqra ħafna. Dan mhux aċċettabbli fl-Unjoni Ewropea (UE) fil-bidu tas-seklu 21.

L-istrateġija Ewropa 2020 tal-UE għal pjan ġdid ta’ tkabbir – tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv – ma tħallix lok għall-emarġinazzjoni ekonomika u soċjali persistenti tal-ikbar komunità f’minorità fl-Ewropa. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni determinata, bi djalogu attiv mar-Roma, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell tal-UE. Filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ir-responsabilità primarja għal dik l-azzjoni, xorta tibqa’ sfida peress li l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma hija proċess li jieħu żewġ direzzjonijiet u li jeħtieġ bidla fil-mentalità tal-maġġoranza tan-nies, kif ukoll tal-membri tal-komunitajiet Roma[2].

L-ewwel u qabel kollox jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-Roma ma jiġux diskriminati imma jiġu ttrattati daqs kwalunkwe ċittadin ieħor tal-UE u jingħataw aċċess indaqs għad-drittijiet fundamentali stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Barra minn hekk, jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex jitwaqqaf il-moviment taċ-ċiklu vizzjuż tal-faqar minn ġenerazzjoni għal oħra. F’ħafna Stati Membri r-Roma jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti u li dejjem qed jikber ta’ popolazzjoni ta' tfal tal-iskola u li għalhekk huma l-ħaddiema futuri. Il-popolazzjoni tar-Roma hija popolazzjoni żagħżugħa: 35.7% għandhom inqas minn 15-il sena meta mqabbel ma' 15.7% tal-popolazzjoni globali tal-UE. L-età medja tar-Roma hija 25, mqabbla mal-età medja ta' 40 madwar l-UE[3]. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni Roma li għandha l-età biex taħdem m’għandhiex l-edukazzjoni meħtieġa għal xogħlijiet tajbin. Għaldaqstant huwa ta' importanza kruċjali li jsir investiment fl-edukazzjoni tat-tfal Roma sabiex iktar 'il quddiem ikollhom l-opportunità li jidħlu b’suċċess fis-suq tax-xogħol. Dan diġà għandu impatt ekonomiku fi Stati Membri li għandhom popolazzjoni Roma sinifikanti. Skont l-istimi, fil-Bulgarija, madwar 23% tal-ħaddiema li jidħlu fis-suq tax-xogħol għall-ewwel darba huma Roma, filwaqt li fir-Rumanija huma madwar 21%[4].

Għadd sinifikanti ta’ Roma li jgħixu fl-UE huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu b’mod legali. Huma jikkondividu l-istess kundizzjonijiet ta’ ħajja ħarxa bħal ħafna Roma li għandhom iċ-ċittadinanza tal-UE, filwaqt li jiffaċċjaw ukoll l-isfidi li jirriżultaw b'konsegwenza tal-immigrati li jiġu minn barra l-UE. Dawn l-isfidi qed jiġu indirizzati f'kuntest ta' politka tal-UE biex tiġi stimulata l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-gruppi partikolarment vulnerabbli[5].

L-integrazzjoni tal-poplu Roma mhux biss se ġġib magħha benefiċċji soċjali, imma se tkun ta’ benefiċċju ekonomiku kemm għall-poplu Roma kif ukoll għall-komunitajiet li tagħhom huma jagħmlu parti. Pereżempju, skont riċerka reċenti magħmula mill-Bank Dinji[6], l-integrazzjoni kompleta tar-Roma fis-suq tax-xogħol tista’ tirriżulta f'benefiċċji ekonomiċi stmati għal mill-inqas EUR 0.5 biljun fis-sena għal xi pajjiżi. B’iktar parteċipazzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol se titjieb il-produttività ekonomika, jitnaqqsu l-ħlasijiet mill-gvern għall-għajnuna soċjali u jiżdied id-dħul mit-taxxi. Skont l-istudju tal-Bank Dinji msemmi hawn fuq, il-benefiċċji fiskali tal-integrazzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol huma stmati għal mill-inqas EUR 175 miljun fis-sena, għal kull pajjiż. Dawn il-konsegwenzi kollha, ekonomiċi u finanzjarji, importanti li jirriżultaw mill-integrazzjoni tar-Roma jistgħu jrawmu klima iktar miftuħa għall-poplu Roma mal-pubbliku ġenerali u għaldaqstant jikkontribwixxu biex ikun hemm integrazzjoni mingħajr diffikultajiet fil-komunitajiet li tagħhom jagħmlu parti.

L-integrazzjoni ekonomika tar-Roma għandha tikkontribwixxi wkoll fil-koeżjoni soċjali u ttejjeb ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minorità u tgħin fil-qerda tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-razza, tal-kulur, tal-orġini etnika jew soċjali ta’ persuna jew għax tkun tagħmel parti minn minorità[7].

L-UE għamlet diversi proposti lill-Istati Membri biex jippRomawovu l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma, reċentement permezz tal-Komunikazzjoni tagħha ta' April 2010[8]. L-Istati Membri diġà għandhom l-obbligu li jagħtu lir-Roma (l-istess bħaċ-ċittadini l-oħra tal-UE) aċċess bla diskriminazzjoni għall-edukazzjoni, għall-impjiegi, għat-taħriġ vokazzjonali, għall-kura tas-saħħa, għall-protezzjoni soċjali u għad-djar permezz tad-Direttiva 2000/43/KE. Il-monitoraġġ strett tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jista' jkun strument utli biex titkejjel l-integrazzjoni tar-Roma[9].

Minkejja li fis-snin li għaddew sar xi progress kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq il-livell tal-UE[10], ftit li xejn kien hemm tibdil fis-sitwazzjoni ta’ kuljum ta’ ħafna mir-Roma. Skont il-konklużjonijiet tar-Roma Task Force[11], għad mhemmx miżuri b'saħħithom u proporzjonati biex jiġu ffaċċjati l-problemi soċjali u ekonomiċi tal-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni Roma tal-UE.

Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida, u peress li n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni waħehda mhix biżżejjed biex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali tar-Roma, il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw dan il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma. Dan huwa metodu ta' kif tiġi kkumplimentata u msaħħa l-leġiżlazzjoni u l-politika tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-Roma fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda wkoll permezz tad-djalogu mar-Roma u l-parteċipazzjoni tagħhom, fir-rigward tal-aċċess indaqs għall-impjiegi, l-edukazzjoni, id-djar u l-kura tas-saħħa.

Dan il-Qafas tal-UE jfittex li jagħmel differenza tanġibbli fil-ħajja tal-poplu Roma. Hija t-tweġiba tal-UE għas-sitwazzjoni attwali u ma jiħux post ir-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. Permezz ta’ dan il-Qafas tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea tinkoraġġixxi lill-Istati Membri, dejjem skont il-proporzjon ta’ popolazzjoni Roma li tgħix fit-territorju tagħhom[12] u billi jqisu l-punti ta’ tluq differenti tagħhom, biex jadottaw jew jiżviluppaw ulterjorment, metodu komprensiv għall-integrazzjoni tar-Roma u jappoġġjaw l-għanijiet li ġejjin.

2. Il-Ħtieġa ta’ Metodu FFukat: Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma

Biex isir progress sinifikanti fl-integrazzjoni tar-Roma, issa huwa kruċjali li l-ħidma tiġi intensifikata biex jiġi żgurat li l-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali jiffukaw b’mod ċar u speċifiku fuq ir-Roma , u jindirizzaw il-ħtiġijiet tar-Roma permezz ta’ miżuri espliċiti li jevitaw u jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li jiffaċċjaw. Metodu ffukat, fil-qafas tal-istrateġija iktar wiesgħa għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni – li ma jeskludix mill-appoġġ gruppi oħrajn li huma vulnerabbli u mċaħħda – huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni kemm fuq il-livell tal-UE kif ukoll fuq il-livell nazzjonali. Il-prinċipju ta' trattament indaqs ma jwaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri speċifiċi biex jevitaw jew jikkompensaw għall-iżvantaġġi marbuta mar-razza jew mal-oriġini etnika[13]. Xi Stati Membri diġà ħadu azzjoni pożittiva b’suċċess favur ir-Roma, minħabba li qiesu li l-miżuri klassiċi favur l-inklużjoni soċjali ma kinux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tar-Roma[14].

Bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm politiki effettivi fl-Istati Membri, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-istrateġiji għall-integrazzjoni tar-Roma ikunu mfassla, jew fejn dawn diġà jeżistu, jiġu adattati biex jilħqu l-għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Roma, permezz ta’ azzjoni ffukata u fondi suffiċjenti (nazzjonali, tal-UE u oħrajn) biex ikunu jistgħu jitwettqu. Hija tipproponi soluzzjonijiet biex tindirizza l-ostakli attwali għall-użu iktar effikaċi tal-fondi tal-UE u tistabbilixxi s-sisien ta’ mekkaniżmu b’saħħtu ta’ monitoraġġ biex tiżgura li jkun hemm riżultati konkreti għar-Roma.

3. L-Espressjoni tal-ambizzjoni tal-UE: l-istipular tal-għanijiet tal-integrazzjoni tar-Roma

L-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tkabbir[15] wera li għad hemm ħafna xi jsir min-naħa tal-Istati Membri u tal-Unjoni biex tiġi implimentata l-istrateġija Ewropa 2020 u biex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali tagħha, appoġġjati mill-inizjattivi prinċipali[16]. Fir-rigward ta’ ħafna Stati Membri, il-fatt li jindirizzaw is-sitwazzjoni tar-Roma f'termini ta' impjiegi, faqar u edukazzjoni se jikkontribwixxi biex isir progress fl-għanijiet tal-Ewropa 2020 fil-qasam tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni.

L-għanijiet tal- UE għall-intergrazzjoni tar-Roma għandhom ikopru, fi proporzjoni mad-daqs tal-popolazzjoni Roma, erba’ oqsma kruċjali : aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u d-djar . Dawn l-istandards minimi għandhom ikunu msejsa fuq indikaturi komuni li jistgħu jitqabblu u affidabbli. L-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet huwa importanti biex jgħin lill-Istati Membri jilħqu l-objettivi ġenerali tal-istrateġija Ewropa 2020.

- Aċċess għall-edukazzjoni : Biex ikun żgurat li kull tifel u tifla Roma itemm mill-inqas l-iskola primarja

Fost il-poplu Roma, il-kisbiet fil-qasam edukattiv huma ħafna inqas minn dawk tal-kumplament tal-popolazzjoni, minkejja li s-sitwazzjonijiet ivarjaw fost l-Istati Membri[17].

Filwaqt li l-iskola primarja hija obbligatorja fl-Istati Membri kollha, l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw li l-edukazzjoni primarja tkun disponibbli għat-tfal kollha li jkollhom l-età li fiha l-iskola tkun obbligtorja. Skont l-aħjar evidenza disponibbli mill-Istħarriġ dwar il-Popolazzjoni li Taħdem 2009[18], medja ta’ 97.5% tat-tfal fl-UE jtemmu l-edukazzjoni primarja.

Minn xi stħarriġ jidher li f’xi Stati Membri huwa biss għadd limitat ta’ tfal Roma li jtemmu l-iskola primarja[19]. Hemm it-tendenza li jkun hemm għadd kbir ta’ tfal Roma fl-iskejjel li joffru edukazzjoni speċjali u fi skejjel issegregati. Jeħtieġ li jissaħħu r-rabtiet mal-komunitajiet permezz ta’ medjaturi kulturali/fl-iskejjel, tal-knejjes, ta’ assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi u ta' parteċipazzjoni attiva tal-ġenituri Roma, biex jittejbu l-kompetenzi interkulturali tal-għalliema, biex titnaqqas is-segregazzjoni u biex ikun żgurat li jkun hemm konformità mad-dmir ta’ attendenza tal-iskola primarja. Il-Kummissjoni għandha fil-ħsieb li tieħu azzjoni konġunta mal-Kunsill tal-Ewropa biex fi żmien sentejn tħarreġ madwar 1000 medjatur. Il-medjaturi jistgħu jinfurmaw u jagħtu parir lill-ġenituri dwar il-funzjonament tas-sistema edukattiva lokali u jgħinu biex ikun żgurat li t-tfal jimxu minn stadju għall-ieħor tal-karriera skolastika tagħhom.

Huwa magħruf li t-tfal li ma jirċevux edukazzjoni, li jidħlu fis-sistema skolastika jew joħorġu minnha kmieni wisq, sussegwentement jiffaċċjaw diffikulatjiet sinifikanti, li jvarjaw minn problemi ta’ litteriżmu u ta' lingwa sa sens ta’ esklużjoni u inadegwatezza. B’riżultat ta’ dan ikun iktar diffiċli għalihom li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom, li jmorru l-università jew li jsibu impjieg tajjeb. Għalhekk huma mħeġġa inizjattivi ta' programmi li jagħtu ċans ieħor lil żgħażagħ li telqu mill-iskola kmieni, inklużi programmi li jiffukaw b'mod espliċitu fuq it-tfal Roma. Għandu jingħata appoġġ ukoll biex jiġu rriformulati mill-ġdid il-kurrikuli ta’ taħriġ tal-għalliema u biex jiġu elaborati metodi ta' tagħlim innovattivi. L-attendenza ta’ tfal li jbatu minn żvantaġġi multipli teħtieġ koperazzjoni transettorjali u programmi ta’ appoġġ xierqa. Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Litteriżmu u l-Kampanja tal-Kummissjoni favur il-Litteriżmu, li l-Kummissjoni qed tniedi bħala kontribut fil-inizjattiva prinċipali Ewropa 2020 "Ħiliet u Impjiegi ġodda”, se jenfasizzaw l-importanza tal-ġlieda kontra l-illitteriżmu fost it-tfal u l-adulti Roma.

Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal[20] li enfasizzat li r-rati ta’ parteċipazzjoni tat-tfal Roma huma sinifikatament iktar baxxi, għalkemm huma akbar il-ħtiġijiet tagħhom għall-appoġġ. Aċċess imtejjeb għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u mhux segregata fit-tfulija bikrija jista’ jkollha rwol ċentrali fl-eliminazzjoni tal-iżvantaġġ edukattiv li jiffaċċjaw it-tfal Roma, kif enfasizzat mill-azzjonijiet pilota fl-integrazzjoni tar-Roma li bħalissa qed jitwettqu f’xi Stati Membri b’kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE[21].

Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal kollha Roma ikollhom aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità u li ma jkunux suġġetti għal diskriminazzjoni jew segregazzjoni, indipendentement minn jekk humiex sedentarji jew le. Bħala livell minimu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tintemm l-iskola primarja. Skont l-istrateġija Ewropa 2020, għandhom iwessgħu l-aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalita u jnaqqsu l-għadd ta’ tfal li jitilqu l-iskola sekondarja kmieni. Iż-żgħażagħ Roma għandhom jitħeġġu bis-sħiħ biex jipparteċipaw ukoll fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja[22].

- Aċċess għall-impjiegi : Biex titnaqqas id-differenza bejn l-impjegar tar-Roma u l-impjegar tal-kumplament tal-popolazzjoni

L-istrateġija Ewropa 2020 tistipula l-għan ewlieni li jkun hemm rata ta' impjieġ ta' 75% tal-popolazzjoni fl-età ta' bejn 20 u 64 sena (ir-rata medja tal-impjieg fl-UE hija ta’ 68.8%[23]). L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011 spjega fil-qosor kif l-Istati Membri qed jistipulaw għanijiet fir-rigward tal-impjiegi fil-programmi nazzjonali ta’ riforma li jistgħu jintużaw biex jitkejjel il-progress. L-evidenza empirika u r-riċerka dwar is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tar-Roma juru li hemm qabża sinifikanti bejn ir-rata ta' impjieg tar-Roma u r-rata ta' impjieg tal-kumplament tal-popolazzjoni.

Il-Bank Dinji kkonkluda li r-rati ta’ impjieg tar-Roma (speċjalment tan-nisa) huma ħafna inqas minn dawk tal-maġġoranza mhux Roma[24]. Minn stħarriġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali li sar f’seba’ Stati Membri wkoll jidher li hemm differenzi sinifikanti u jindika li r-Roma iqisu li jiġu diskriminati ħafna fid-dinja tax-xogħol[25].

Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-popolazzjoni Roma aċċess sħiħ, b’mod li ma jiddiskriminax, għat-taħriġ vokazzjonali, għas-suq tax-xogħol u għall-għodda u l-inizjattivi maħsuba għal dawk li jixtiequ jaħdmu għal rashom. Għandu jitħeġġeġ l-aċċess għall-mikrokreditu. Fis-settur pubbliku għandha tingħata l-attenzjoni xierqa biex fost il-ħaddiema tal-gvern jiġu impjegati persuni Roma ikkwalifikati. Is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi jista’ jgħin lir-Roma billi jipprovdi servizzi personalizzati u medjazzjoni. Dan jista’ jgħin biex ir-Roma jinġibdu lejn is-suq tax-xogħol u b'hekk tiżdied ir-rata ta' impjieg tagħhom.

- Aċċess għall-kura tas-saħħa : Biex titnaqqas id-differenza bejn il-qagħda tas-saħħa tar-Roma u dik tal-kumplament tal-popolazzjoni

Fl-UE l-għomor mistenni mat-twelid huwa ta’ 76 sena għall-irġiel u ta’ 82 sena għan-nisa[26]. Għar-Roma dan huwa stmat li huwa 10 snin inqas[27]. Barra minn hekk, filwaqt li r-rata ta’ mwiet fl-UE hija ta’ 4.3 kull elf tarbija mwielda ħajja[28], hemm evidenza li r-rata hija ferm ogħla fost il-komunitajiet Roma. Minn rapport tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti jidher li r-rati ta’ mwiet fost it-tfal Roma huma minn darbtejn sa sitt darbiet ogħla minn dawk tal-popolazzjoni ġenerali, u dan jiddependi mill-pajjiż. Ġew irrappurtati rati għoljin ta’ mwiet fost it-tfal fil-komunitajiet Roma anki f'pajjiżi oħrajn[29].

Din id-diskrepanza tirrifletti l-qabża globali fis-saħħa li hemm bejn ir-Roma u oħrajn mhux Roma. Din id-differenza hija marbuta mas-sitwazzjonijiet ta’ għajxien foqra tagħhom, man-nuqqas ta’ aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità u ma' kemm ikunu esposti għal riskji ogħla tas-saħħa. Fl-istħarriġ tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, deher ukoll li d-diskriminazzjoni mill-persuni li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa hija problema partikolari għar-Roma[30]: 17% indikaw li kellhom esperjenza ta' diskriminazzjoni ta’ dan it-tip fit-12-il xahar ta’ qabel. L-użu ta’ servizzi ta’ prevenzjoni fost il-popolazzjoni Roma huwa baxx u, skont xi studji li saru, iktar minn 25% tat-tfal Roma ma ħadux it-tilqim kollu[31].

Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lir-Roma b’aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità, speċjalment għat-tfal u n-nisa kif ukoll għal kura maħsuba għall-prevenzjoni u għal servizzi soċjali ta’ livell simili u bl-istess kundizzjonijiet tal-bqija tal-popolazzjoni. Il-persuni Roma ikkwalifikati għandhom jiġu involuti fi programmi maħsuba għall-komunitajiet tagħhom, meta dan ikun possibbli.

- Aċċess għal djar u għas-servizzi essenzjali : Biex titnaqqas id-differenza bejn l-għadd ta’ Roma li għandhom aċċess għad-djar u għas-servizzi pubbliċi (bħall-ilma, l-elettriku u l-gass) u l-kumplament tal-popolazzjoni li għandhom is-servizzi pubbliċi.

Bejn 72% u 100% tad-djar fl-UE għandhom is-servizz pubbliku tal-ilma[32]. Madankollu, is-sitwazzjoni tar-Roma hija ħafna agħar. Il-kundizzjoni spiss ħżiena tad-djar tagħhom jinkludu aċċess inadegwat għas-servizzi pubbliċi bħall-ilma, l-elettriku jew il-gass, u huwa spiss diffiċli għar-Roma mhux sedentarji li jsibu żoni b'aċċess għall-ilma[33]. Dan għandu impatt negattiv fuq is-saħħa tagħhom u fuq l-integrazzjoni ġenerali tagħhom fis-soċjetà.

Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandhom jippRomawovu aċċess bla diskriminazzjoni għad-djar, inkluż aċċess għall-iskemi soċjali tad-djar. L-aċċess għad-djar għandu jkun parti minn metodu integrat li jinkludi, b’mod partikolari l-edukazzjoni, is-saħħa, l-affarijiet soċjali, l-impjiegi u s-sigurtà u miżuri kontra s-segregazzjoni. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw ukoll il-ħtiġijiet tar-Roma mhux sedentarji (pereżempju billi jipprovdulhom aċċess għal żoni xierqa fejn huma jistgħu jieqfu). Għandhom jintervjenu b’mod attiv permezz ta' programmi mmirati li jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

4. Strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma: Impenn ta’ politika ċara mill-Istati Membri

Biex tkompli tibni fuq l-esperjenza tal-Istati Membri inkluża ta’ dawk li jipparteċipaw fid-Deċennju tar-Roma[34], il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jallinjaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma mal-metodu ffukat imsemmi hawn fuq u jestendu l-perjodu ta’ ppjanar sas-sena 2020. L-Istati Membri li għad m’għandhomx strateġiji nazzjonali dwar ir-Roma huma mistiedna biex jistabbilixxu objettivi simili, fi proporzjon mad-daqs tal-popolazzjoni Roma li tgħix fit-territorju tagħhom[35], u billi iqisu l-punti ta’ tluq differenti tagħhom u l-fatturi partikolari ta’ popolazzjonijiet bħal dawn.

L-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri għandhom isegwu metodu ffukat li jikkontribwixxi b’mod attiv fl-integrazzjoni soċjali tar-Roma fis-soċjetà ġenerali u fit- tneħħija tas-segregazzjoni fejn din teżisti , skont il-Prinċipji Bażiċi Komuni tal-Inklużjoni tar-Roma[36] . Għandhom ikunu adattati u jikkontribwixxu għall-qafas iktar wiesa’ tal-istrateġija Ewropa 2020 u għaldaqstant għandhom ikunu konsistenti mal-programmi nazzjonali ta’ riforma.

Meta jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, l-Istati Membri għandhom iżommu f’moħħhom il-metodi li ġejjin:

- Jistabbilixxu objettivi nazzjonali li jistgħu jintlaħqu għall-integrazzjoni tar-Roma biex titnaqqas id-differenza li hemm bejn ir-Roma u l-popolazzjoni ġenerali. Bħala minimu, dawn l-objettivi għandhom jindirizzaw l-erba’ għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Roma marbuta mal-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.

- Jidentifikaw, fejn ikun rilevanti, dawk il- mikroreġjuni żvantaġġjati jew iż-żoni residenzjali ssegregati , fejn il-komunitajiet huma l-iktar imċaħħda, bl-użu ta' indikaturi soċjoekonomiċi u territorjali diġà disponibbli (jiġifieri livell baxx ħafna ta' edukazzjoni, qgħad persistenti, etc...)

- Jallokaw ammont suffiċjenti ta’ fondi mill-baġits nazzjonali, li għandhom jiġu ssuplimentati mill-iffinanzjar internazzjonali u tal-UE, meta dan ikun xieraq.

- Jinkludu metodi stretti ta’ monitoraġġ biex jevalwaw l-impatt tal-azzjonijiet għall-integrazzjoni tar-Roma u mekkaniżmu ta’ reviżjoni għall-adattazzjoni tal-istrateġija.

- Ikkunu mfassla, implimentati u sorveljati b’koperazzjoni mill-qrib u bi djalogu kontinwu mas-soċjetà ċivili tar-Roma, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali.

- Jaħtru punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-istrateġija nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma mal-awtorità biex jiġu kkoordinati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija jew, fejn ikun rilevanti, biex iserrħu fuq strutturi amministrattivi eżistenti xierqa.

L-Istati Membri huma mitluba li jħejju jew jirrevedu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma u jippreżentawhom lill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Diċembru 2011. Fir-Rebbiegħa tal-2012, qabel il-laqgħa annwali tal-Pjattaforma tar-Roma, il-Kummissjoni se tevalwa l-istrateġiji nazzjonali u tħejji rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar.

5. Niksbu riżultati konkreti għall-poplu Roma

L-implimentazzjoni u s-suċċess tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma se jiddependu ħafna fuq l-allokazzjoni effettiva u suffiċjenti tar-riżorsi nazzjonali. L-iffinanzjar waħdu tal-UE żgur mhux se jsolvi s-sitwazzjoni tar-Roma, imma l-Kummissjoni tfakkar li bħalissa hemm programmati sa EUR 26.5 biljuni f’fondi tal-UE maħsuba biex jgħinu lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom fil-qasam tal-inklużjoni soċjali, kif ukoll biex jappoġġjaw l-isforzi li qed isiru biex tingħata għajnuna lir-Roma[37].

F’April 2010, il-Kummissjoni[38] stiednet lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE, speċjalment il-Fondi Strutturali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, ikunu aċċessibbli biex jintużaw għar-Roma. Il-Kunsill approva din l-istrateġija f’Ġunju 2010[39]. Madankollu, bosta mill-Istati Membri bħalissa ma jużawx biżżejjed il-fondi tal-UE disponibbli biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-Roma.

Nagħmlu progress fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali (2007-2013)...

- Sabiex jingħelbu d-dgħjufijiet, fejn jeżistu, fl-iżvilupp ta’ strateġiji xierqa u ta’ miżuri effettivi li jimplimentawhom, l-Istati Membri huma mistiedna jemendaw il-programmi operattivi tagħhom li huma kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u mill- Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali , sabiex ikunu jistgħu jappoġġjaw aħjar il-proġetti li jiffukaw fuq ir-Roma, u biex jallinjawhom mal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma.

- Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri se teżamina t-tibdil fil-programmi operazzjonali tagħhom sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet il-ġodda, jiġu simplifikati r-riżultati u titħaffef l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet, inkluż l-użu ta' metodu integrat fil-qasam tad-djar maħsub mir-Regolament modifikat dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali[40]. Il-Kummissjoni se tevalwa b'ħeffa t-talbiet għal modifiki fil-programm li jkunu marbuta mal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma.

- Hemm kwantità sinifikanti ta' assistenza teknika tal-UE disponibbli għall-Istati Membri (4% tal-Fondi Strutturali kollha), li minnhom, sa tmiem l-2009, l-istess Stati Membri użaw biss medja ta’ 31% tal-allokazzjonijiet ippjanati għalihom. Dawn l-ammonti se jintilfu jekk ma jintużawx. L-Istati Membri għandhom għalhekk jużaw iktar l-assistenza teknika tal-UE[41] meta jfasslu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma, biex itejbu l-immaniġġjar, il-monitoraġġ u l-kapaċitajiet ta’ valutazzjoni tagħhom fil-proġetti maħsuba għar-Roma. Hemm il-potenzjal li dan l-istrument jintuża mill-Istati Membri biex jiksbu l-għarfien li għandhom l-organizzazzjonijiet reġjonali, nazzjonali u internazzjonali fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' interventi.

- Biex jingħelbu l-kwistjonijiet ta’ kapaċità, bħan-nuqqas ta’ għarfien u ta' kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet li jmexxu u d-diffikultajiet li hemm biex il-fondi jingħaqdu biex jiġu appoġġjati proġetti integrati, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw jagħtu t-tmexxija u l-implimentazzjoni ta’ parti mill-programmi tagħhom lil korpi intermedjarji bħall-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-korpi għall-iżvilupp reġjonali, il-knejjes u organizzazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom esperjenza ppruvata fl-integrazzjoni tar-Roma u għarfien tal-partijiet involuti fil-proċess[42]. F’dan ir-rispett, in-netwerk tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jista' jkun għodda utli[43].

- L-Istati Membri għandhom iqisu wkoll l-użu ta’ Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress[44], li għaliha hemm disponibbli EUR 100 miljun f’iffinanzjar tal-UE għas-snin 2010-2013. Il-Kummissjoni tistima li dan l-ammont jista’ jiġġenera iktar minn EUR 500 miljun f’mikrokreditu fit-tmien snin li ġejjin. Il-komunitajiet Roma huma wieħed mill-gruppi fil-mira tal-istrument[45]. Jekk lill-komunitajiet Roma tingħatalhom il-possibilità li jibdew attivitajiet produttivi awtonomi, dan jista’ jfisser li tingħata l-motivazzjoni lin-nies li jipparteċipaw b’mod attiv fix-xogħol regolari, titnaqqas id-dipendenza fuq il-benefiċċji u tingħata ispirazzjoni lill-ġenerazzjonijiet futuri.

- Meta jfasslu u jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, l-Istati Membri huma mħeġġa biex jużaw l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Innovazzjoni Soċjali, li l-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li tniedi fl-2011, kif stabbilit fl-Inizjattiva Prinċipali “Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali”. Dan il-metodu msejjes fuq l-innovazzjoni jista’ jikkontribwixxi fit-titjib tal-effettività tal-politiki soċjali ta’ inklużjoni.

...u lil hinn mill-2013

L-istrateġiji Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma għandhom ikopru l-perjodu mill-2011 sal-2020 għalhekk huwa importanti li l-fondi disponibbli fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) jintużaw bl-aħjar mod. Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali se jfassal il-metodu li bih il-baġit futur tal-UE se jappoġġja l-għanijiet tal-Ewropa 2020.

Sa mill-bidu, l-istrateġija Ewropa 2020 qieset is-sitwazzjoni tal-poplu Roma[46]. L-azzjonijiet li jappoġġjaw l-integrazzjoni tar-Roma se jkunu parti mill-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-UE, b’mod partikolari l-fondi għall-politika ta' koeżjoni. Meta jitħejjew il-proposti għall-qafas regolatorju futur dwar il-politika ta’ koeżjoni, imsejsa fuq l-orjentazzjonijiet fir-Reviżjoni tal-Baġit[47] u fil-konklużjonijiet tal-Ħames Rapport ta' Koeżjoni, il-Kummissjoni se tistinka biex tindirizza l-ostakli potenzjali ta’ bħalissa biex il-fondi għall-politika ta' koeżjoni jintużaw b'mod effettiv fl-appoġġ tal-integrazzjoni tar-Roma.

Se jkun importanti li jiġi żgurat li l-prijoritajiet ta’ investiment tal-fondi varji, li jkunu jistgħu jintużaw fil-qasam tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, ikunu fil-bażi tal-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma u tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma. Għandhom jistipulaw ukoll il-kundizzjonijiet meħtieġa minn qabel biex ikun hemm appoġġ effettiv u mmirat lejn ir-riżultati, anki permezz ta' valutazzjoni aħjar. Barra minn hekk, se tiġi esplorata l-possibilità li jintużaw inċentivi pożittivi biex jingħata rimedju għall-inugwaljanza. Fl-istess ħin, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-benefiċċju tal-utenti tal-programm se tkun waħda mill-elementi prinċipali li se tqis il-Kummissjoni waqt li tħejji l-proposti futuri. Dan huwa ta’ importanza partikolari għal proġetti li jindirizzaw il-ħtiġijiet tar-Roma.

6. I L-PROMOZZJONI TAL-INTEGRAZZJONI TAR-ROMA LIL HINN MILL-UE: IS-SITWAZZJONI PARTIKOLARI TAL-PAJJIżI LI SE JISSIEħBU

L-Istrateġija tal-Kummissjoni għat-Tkabbir[48] enfasizzat is-sitwazzjoni prekarja ta’ ħafna Roma fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija. Il-Kunsill tal-Ewropa jistma li hemm 3.8 miljuni.

Ir-Roma fil-pajjiżi li se jissieħbu għandhom l-istess problemi jew problemi iktar serji minn dawk li għandhom f'ħafna Stati Membri tal-UE: l-esklużjoni soċjali, is-segregazzjoni u l-emarġinazzjoni li jwasslu għal nuqqas ta’ edukazzjoni, qgħad kroniku, aċċess limitat għall-kura tas-saħħa, għad-djar u għas-servizzi essenzjali kif ukoll faqar mifrux. Barra minn hekk, minħabba l-gwerer fir-reġjun tal-Balkani, ħafna familji Roma kellhom imorru f’pajjiżi oħra fir-reġjun jew fl-Ewropa tal-Punent u ma setgħux immorru lura f’pajjiżhom. Fit-Turkija, il-gruppi Roma huma differenti, imma l-parti l-kbira minnhom ibatu minn esklużjoni soċjali multidimensjonali.

Il-lezzjonijiet li ħadna mis-sħubijiet fil-passat wrew li l-promozzjoni tal-integrazzjoni tar-Roma teħtieġ impenn politiku mtejjeb lejn l-inklużjoni tar-Roma, l-allokazzjoni tar-riżorsi xierqa fil-baġits nazzjonali, koordinazzjoni aħjar mad-donaturi kollha rilevanti u valutazzjoni sistematika u monitoraġġ imsaħħaħ. L-għanijiet tal-integrazzjoni tar-Roma għandhom l-istess rilevanza għal dawn il-pajjiżi. L-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni (f’ħafna mill-każijiet żviluppati fi ħdan il-qafas tad-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Roma 2005-2015) għandhom jiġu riveduti skont dawn l-għanijiet. It-Turkija għadha trid tadotta qafas nazzjonali biex tindirizza l-inklużjoni tar-Roma.

Kemm fuq il-livell reġjonali kif ukoll fuq il-livell nazzjonali, il-Kummissjoni ħadet impenn li tgħin fl-isforzi ta’ dawn il-pajjiżi biex titjieb l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Roma permezz ta’:

- titjib fl-għoti ta’ appoġġ, skont l-Istrument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni, għal programmar nazzjonali strateġiku u orjentat lejn ir-riżultati u li jkun ta’ benefiċċju multiplu, b’iffukar fuq metodu ta' żvilupp soċjali li jolqot is-settur kollu. Bħalissa l-Kummissjoni qed timplimenta jew tippjana proġetti b’valur totali ta’ iktar minn EUR 50 miljun li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju esklussiv jew parzjali għall-komunitajiet Roma.

- it-tisħiħ tal-involviment tas-soċjetà ċivili billi jitħeġġu d-djalogi istituzzjonalizzati mar-rappreżentanti tar-Roma biex jinvolvu ruħhom u jieħdu r-responsabilità tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika fuq il-livelli reġjonali, nazzjonali u lokali.

- monitoraġġ mill-qrib tal-progress li jkun sar minn kull pajjiż fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tar-Roma u l-preżentazzjoni annwali tal-konklużjonijiet fir-Rapporti ta’ Progress marbuta mat-tkabbir.

7. Nagħtu s-setgħa lis-Soċjetà Ċivili: Rwol imsaħħaħ għall-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Roma

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni[49] tar-Roma hija forum utli għad-dibattitu u għal azzjoni konġunta tal-partijiet interessati kollha rilevanti: l-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-akkademiċi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Roma. Il-Pjattaforma kkontribwixxiet b’mod sinifikanti sabiex kemm il-politiki Ewropej kif ukoll nazzjonali jkunu iktar sensittivi lejn il-ħtiġijiet tar-Roma.

Il-Kummissjoni ħadet impenn biex ikollha rwol iktar b'saħħtu fil-Pjattaforma u biex issaħħaħ ir-rwol tal-Pjattaforma, billi tibni fuq l-esperjenza tal-passat u torbot il-ħidma tagħha mal-erba' oqsma ta' prijorità tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma.

Permezz tal-Pjattaforma, il-partijiet interessati kkonċernati, speċjalment ir-rappreżentanti tal-komunitajiet Roma, għandu jkollhom il-possibilità ta' rwol fil-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma. Il-Pjattaforma msaħħa tista’ tkun ta’ appoġġ għall-Istati Membri biex isibu soluzzjoni ta’ politika rilevanti permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajba u diskussjoni dwar il-metodi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom esperjenza fil-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Roma. Se tipprovdi wkoll lill-Kummissjoni bir-reazzjonijiet għar-riżultati tal-isforzi nazzjonali li jkunu qed isiru fil-post permezz tal-vuċi tas-soċjetà ċivili Roma.

8. Il-kejl tal-progress: it-twaqqif ta’ sistema soda ta’ monitoraġġ

Bħalissa huwa diffiċili li tinkiseb dejta preċiża, dettaljata u kompleta dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Istati Membri u li jiġu identifikati miżuri konkreti li jkunu twaqqfu apposta biex jittrattaw l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni tar-Roma. Mhux possibbli li jiġi vvalutat jekk dawn il-miżuri tawx ir-riżultati mistennija jew le. Għalhekk huwa importanti li tinġabar dejta affidabbli.

Huwa proprju għalhekk li jeħtieġ li jitwaqqaf mekkaniżmu sod ta’ monitoraġġ b’punti ta’ referenza ċari, li jiżgura li r-riżultati tanġibbli jkunu jistgħu jitkejlu, li l-fondi maħsuba għall-integrazzjoni tar-Roma ikunu waslu għand il-benefiċjarji aħħarija, li jkun sar progress lejn l-ilħuq tal-għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Roma u li l-istrateġiji għall-integrazzjoni tar-Roma ikunu ġew implimentati.

Il-Kummissjoni se tħejji rapport darba fis-sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-integrazzjoni tal-popolazzjoni Roma fl-Istati Membri u dwar l-ilħuq tal-għanijiet.

Dan se jsir billi l-Kummissjoni tibni fuq il-proġett pilota ta’ stħarriġ dwar il-ħajja domestika tar-Roma li kien sar mill-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti b’koperazzjoni partikolari mal-Bank Dinji u mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali[50]. Il-Kummissjoni tistieden lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex twessa’ dan l-istħarriġ dwar ir-Roma fl-Istati Membri kollha u tagħmlu regolarment biex jitkejjel il-progress li jkun sar fil-post. Permezz ta’ ħidma ma’ korpi oħra rilevanti, bħall-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-Kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali se tiġbor dejta dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għad-djar. Il-ġbir tad-dejta se jsir ukoll minn riċerka speċifika ffinanzjata mill-Programm tax-Xjenzi Soċjo-Ekonomiċi u l-Umanistika tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka. Matul dan il-proċess, il-Kummissjoni, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u korpi oħrajn tal-Unjoni, skont tal-Artikolu 4(2)TUE, se jirrispettaw l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri li huma parti integrali mill-istrutturi fundamentali tagħhom, politiċi u kostituzzjonali, u inklużi fit-tmexxija reġjonali u fit-tmexxija tagħhom stess.

Il-Kummissjoni se tqis ukoll il-ħidma kontinwa fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-politiki soċjali u l-kontributi ta' Stati Membri oħra msejsa fuq is-sistemi tagħhom ta' monitoraġġ tal-integrazzjoni tar-Roma. Monitoraġġ fil-fond tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati, huwa metodu sod biex tiżdied it-trasparenza u r-responsabilità sabiex ikun żgurat li l-integrazzjoni tar-Roma ikollha impatti mill-iktar pożittivi.

Il-programmi ta’ riforma nazzjonali flimkien mal-proċessi ta’ monitoraġġ u ta’ reviżjoni inter pares tal-istrateġija Ewropa 2020 għandhom ikunu għajn addizzjonali ta’ informazzjoni biex jiġi valutat il-progress u għandhom iservu ta’ gwida għall-Istati Membri.

Sabiex il-Kummissjoni tikseb dejta utli fuq tul ta’ żmien, hija se trawwem ukoll il-koperazzjoni bejn l-uffiċċji nazzjonali għall-istatistika u l-Eurostat sabiex ikun possibbli li jinstabu metodi biex jiġu identifikati l-mikroreġjuni l-inqas żviluppati tal-UE, fejn jgħixu l-gruppi l-iktar emarġinati, b'mod partikolari r-Roma. Dan il-metodu territorjali għall-ġbir tad-dejta għandu rilevanza diretta għall-ittrattar tal-faqar u l-esklużjoni tar-Roma. Barra minn hekk, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali għandha taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex jiġu żviluppati metodi ta’ monitoraġġ li jistgħu jipprovdu analiżi komparattiva tas-sitwazzjoni tar-Roma madwar l-Ewropa.

9. Konklużjoni: 10 snin biex tinħass id-differenza

Il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma jipprovdi l-opportunità li l-forzi jingħaqdu fil-livelli kollha (UE, nazzjonali, reġjonali) u mal-partijiet interessati kollha, inklużi r-Roma, biex tiġi indirizzata waħda mill-iktar sfidi soċjali serji fl-Ewropa: it-tmiem tal-esklużjoni tar-Roma. Dan jikkomplimenta l-leġiżlazzjoni u l-politiki eżistenti tal-UE fl-oqsma tan-non-diskriminazzjoni, tad-drittijiet fundamentali, tal-moviment ħieles tal-persuni u tad-drittijiet tat-tfal[51]. Il-qafas jispjega l-għanijiet fuq il-livell tal-UE għall-integrazzjoni tar-Roma li għandhom jintlaħqu fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Dawk l-għanijiet ambizzjużi jistgħu jintlaħqu biss jekk jittieħed impenn ċar mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali flimkien mal-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Roma.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex japprovaw il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma. Għal iktar minn għaxar snin, l-istituzzjonijiet tal-UE appellaw b’mod regolari lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li se jissieħbu biex itejbu l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma. Issa huwa ż-żmien biex l-intenzjonijiet tajba jinbidlu f’azzjonijiet iktar konkreti.

Anness — Tabella miġbura u msejsa fuq dejta tal-Kunsill tal-Ewropa (http://www.coe.int/t/dg3/Romatravellers/default_en.asp)

Il-figuri ttieħdu minn dokument imħejji mit-Taqsima Roma u Travellers tal-Kunsill tal-Ewropa |

(Pajjiżi mhux Stati Membri tal-UE) |

Total fl-Ewropa | | | | | 11.256.900 | | | |*skont UNSCR 1244/99

[1] It-terminu “Roma” jintuża - bl-istess mod ta’ dokumenti politiċi oħrajn tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew - bħala terminu ġenerali li jinkludi gruppi ta' persuni li għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess karatteristiċi, bħas-Sinti, it-Travellers, il-Kalé, il-Gens du voyage, eċċ, kemm jekk huma sedentarji jew le; huwa stmat li madwar 80% tar-Roma huma sedentarji (SEC(2010)400).

[2] COM(2010) 133, p.5.

[3] Fundación Secretariado Gitano, Is-saħħa u l-komunità tar-Roma, analiżi tas-sitwazzjoni fl-Ewropa, 2009 . Dan l-istudju jagħti ħarsa lejn il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Portugal, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja.

[4] Bank Dinji, l-Inklużjoni tar-Roma: Opportunità Ekonomika għall-Bulgarija, għar-Repubblika Ċeka u għas-Serbja, Settembru 2010.

[5] Fl-2011 hemm il-ħsieb li ssir Komunikazzjoni dwar Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi.

[6] Bank Dinji, l-Inklużjoni tar-Roma: Opportunità Ekonomika għall-Bulgarija, għar-Repubblika Ċeka u għas-Serbja, Settembru 2010.

[7] It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 2 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 21.

[8] COM (2010) 133, L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa.

[9] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.07.2009).

[10] COM(2010) 133, Taqsima 2.

[11] Ir-Roma Task Force tal-Kummissjoni twaqqfet fis-7 ta' Settembru 2010 biex jiġi simplifikat, evalwat u mkejjel l-użu (inkluża l-effettività) tal-fondi tal-UE mill-Istati Membri kollha għall-integrazzjoni tar-Roma u biex jiġu identifikati d-dgħjufijiet li hemm fil-bażi tal-użu ta' dawn il-fondi.

[12] Ara l-istimi tal-Kunsill tal-Ewropa inklużi fl-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni fil-paġna http://www.coe.int/t/dg3/Romatravellers/default_EN.asp.

[13] Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE (ĠU L 180, 19.7.2000).

[14] Pereżempju, it-Traveller Education Support Services (TESS) lokali tar-Renju Unit huwa servizz imfassal biex jintlaħaq livell ta' aċċess għall-edukazzjoni u ta' riżultati edukattivi indaqs għat-tfal Traveller u Roma. Eżempju ieħor huwa l-proġett JOBS for Roma fil-Bulgarija li joffri assistenza lir-Roma bla impjieg u appoġġ lin-negozjanti. Hemm eżempji oħra fir-Rapport tal-Kummissjoni “Intejbu l-għodda għall-inklużjoni soċjali u n-non-diskriminazzjoni tar-Roma fl-UE”, 2010. Ara wkoll il-Kummissjoni Ewropea, "Perspettivi internazzjonali dwar miżuri ta’ azzjoni pożittiva”, 2009.

[15] COM (2011) 11, Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi.

[16] Minn seba’ inizjattivi prinċipali, l-iktar rilevanti f’dan il-kuntest huma l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi ġodda u l-Unjoni ta’ Innovazzjoni.

[17] Fir-rigward tal-edukazzjoni sekondarja, kif stmat fuq il-bażi tal-Istħarriġ tal-2008 tal-Open Society Institute (OSI), l-attendenza tar-Roma huwa ta’ madwar 10% (hemm dejta disponibbli biss fir-rigward ta’ seba’ Stati Membri).

[18] Stħarriġ dwar il-popolazzjoni li taħdem, 2009 - http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/microdata/lfs

[19] Open Society Institute, International Comparative Data Set on Roma Education , 2008. Id-Dejta dwar l-edukazzjoni primarja hija disponibbli għal 6 Stati Membri: il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Latvja, ir-Romanija u s-Slovakkja. il-medja kkalkulata għal dawn l-Istati Membri hija 42%.

[20] COM(2011) 66.

[21] Proġett pilota: “Bidu tajjeb: inżidu l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità għat-tfal Roma”.

[22] F’dan il-kuntest, għandu jiġi esplorat b’mod attiv l-użu potenzjali ta’ metodi innovattivi bħal aċċess għat-tagħlim u għall-iżivlupp ta’ ħiliet imsejjes fuq ICT.

[23] COM(2011) 11, Anness 3, Abbozz ta’ Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi. Ara wkoll Stħarriġ dwar il-Popolazzjoni li Taħdem, 2009: fl-2009 ir-rata tal-impjiegi kienet 62.5% għan-nisa u 75.8% għall-irġiel -http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&init=1&plugin=1&language=en&pcode=t2020_10

[24] Bank Dinji, op.cit.

[25] Aġenzija għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stħarriġ dwar il-Minoritajiet fl-Unjoni Ewropea u d-Diskriminazzjoni, Rapport tar-Riżultati Prinċipali, 2009.

[26] http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/product_details/dataset?p_product_code=TSDPH100

[27] COM(2009) 567, Is-Solidarjetà fis-Saħħa : it-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa fl-UE . Ara wkoll Fundacion Secretariado Gitano, op cit. u Sepkowitz K, ‘Health of the World’s Roma population’, 2006, imsejjes fuq is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċeka, fl-Irlanda, fis-Slovakkja u fil-Bulgarija.

[28] Il-proporzjon tal-għadd ta’ mwiet kull sena ta’ tfal taħt l-età ta’ sena mal-għadd ta’ twelid ta’ trabi ħajjin fl-istess sena. Data Eurostat, 2009 -http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=demo_minfind&lang=en

[29] UNDP, Ir-Roma fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, Nevitaw id-Dipendenza, 2003. Il-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka. Equality and Human Rights Commission, Inequalities Experienced by Gypsy and Traveller Communities: A review, 2009.

[30] Aġenzija għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stħarriġ dwar il-Minoritajiet fl-Unjoni Ewropea u d-Diskriminazzjoni, Rapport tar-Riżultati Prinċipali, 2009.

[31] Fundacion Secretariado Gitano, op.cit. Ara wkoll University of Sheffield, The Health Status of Gypsies and Travellers in England, 2004.

[32] Dejta tal-Eurostat, 2002 - http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/8-21032006-AP/EN/8-21032006-AP-EN.PDF )

[33] Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, Il-kundizzjonijiet tad-djar tar-Roma u tat-Travellers fl-Unjoni Ewropea, Rapport Komparattiv, 2009.

[34] Id-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Roma 2005-2015 huwa inizjattiva internazzjonali li jgħaqqad il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet internazzjonali msieħba u s-soċjetà ċivili biex jitħaffef il-progress fl-inklużjoni tar-Roma u biex issir reviżjoni tal-istess progress b’mod trasparenti u kwantifikabbli. It-12-il pajjiż li bħalissa qed jipparteċipaw fid-Deċennju huma l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja kif ukoll l-Albanija, il-Bożnja u l-Ħerżegovina, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja. Is-Slovenja għandha status ta’ osservatur. L-organizzazzjonijiet internazzjonali msieħba tad-Deċennju huma l-Bank Dinji, l-OSI, il-UNDP, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, l-OSCE, l-ERIO, il-UN-HABITAT, il-UNHCR u l-UNICEF.

[35] Ara l-istimi tal-Kunsill tal-Ewropa inklużi fl-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni fil-paġna http://www.coe.int/t/dg3/Romatravellers/default_EN.asp.

[36] L-10 Prinċipji Bażiċi tal-Inklużjoni tar-Roma ġew ippreżentati fl-ewwel lagħqa tal-Pjattaforma fl-24 ta’ April 2009. Kienu annessi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2009. Dawn jinkludu: 1) politiki kostruttivi, prammatiċi u mhux diskriminatorji 2) iffukar espliċitu imma mhux esklużiv 3) metodu interkulturali 4) iffukar fuq l-issimplifikar u l-ġeneralizzazzjoni 5) kuxjenza dwar il-ġens 6) trasferiment ta’ politiki msejsa fuq l-evidenza 7) l-użu ta’ strumenti tal-UE 8) l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali 9) l-involviment tas-soċjetà ċivili 10) il-parteċipazzjoni attiva tar-Roma.

[37] Fir-rigward tal-Fond Soċjali Ewropew, ġew allokati EUR 9.6 biljuni fil-perjodu mill-2007 sal-2013 għal miżuri iffukati fuq l-inklużjoni soċjo-ekonomika ta’ persuni żvantaġġjati – fosthom ir-Roma emarġinati – u EUR 172 miljun allokati b'mod espliċitu għal azzjonijiet li jiffukaw fuq l-integrazzjoni tar-Roma. Fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), hemm iktar minn EUR 16.8 biljun maħsuba għall-infrastruttura soċjali.

[38] COM(2010) 133.

[39] Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2010, 10058/10+COR 1.

[40] Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 437/2010, (ĠU L 132, 29.5.2010). Fid-9 ta’ Frar 2011 il-Kummissjoni ħarġet nota ta’ gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ interventi integrati fil-qasam tad-djar favur il-komunitajiet emarġinati taħt il-FEŻR, li ġiet approvata mill-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Fondi.

[41] COM(2010) 110, Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013 u SEG(2010) 360, irrapporta li l-Istati Membri użaw biss medja ta' 31% tal-allokazzjonijiet tagħhom biex jappoġġjaw il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika ta' koeżjoni.

[42] Skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006, l-Artikoli 42 u 43 relatati mal-għotjiet globali, (ĠU L 210, 31.7.2006).

[43] Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu netwerk ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali fis-soċjetà organizzata ċivili permezz ta’ kumitati nazzjonali Ekonomiċi u Soċjali u organizzazzjonijiet simili.

[44] Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 283/2010/UE tal-25 ta’ Marzu 2010.

[45] Pereżempju, il-Kummissjoni diġà tappoġġja l-Kiútprogram, proġett pilota żgħir li għandu fil-mira tiegħu l-komunità Roma fl-Ungerija, li jipprovdi mikrokreditu relattivament żgħir.

[46] Fil-Linji gwida Integrati dwar il-politika ekonomika u tal-impjiegi (nru 10) hemm referenza espliċita għar-Roma. Barra minn hekk, l-inizjattiva prinċipali “Pjattaforma kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali” tispjega l-metodu ta' kif għanda tiġi indirizzata l-integrazzjoni tar-Roma fil-politika globali tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Linji gwida oħrajn fil-qasam tal-politiki dwar l-impjieg, jippromwovu l-impjegabilità li tgħin fl-integrazzjoni soċjo-ekonomika tal-poplu Roma.

[47] COM (2010) 700, Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE.

[48] COM (2010) 660, L-Istrateġija ta’ Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011.

[49] L-ewwel laqgħa tal-Pjattaforma saret fl-2009, wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2008, li stieden lill-Kummissjoni biex torganizza skambju ta’ prattiki tajba u ta’ esperjenzi bejn l-Istati membri fil-qasam tal-inklużjoni tar-Roma, biex tipprovdi appoġġ analitiku u tistimula l-koperazzjoni bejn il-partijiet kollha milquta mill-kwistjonijiet tar-Roma, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw ir-Roma, fil-kuntest ta’ pjattaforma Ewropea integrata. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali 15976/1/08 REV 1.

[50] Stħarriġ UNDP, kofinanzjat mid-DĠ REGIO u żviluppat b’koperazzjoni mad-DĠ REGIO, mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, mal-Bank Dinji u mal-OSI (Rebbiegħa 2011 - ir-riżultati fil-Ħarifa): ġie kopert 11-il Stat Membru (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Romanija, is-Slovakkja, Franza, l-Italja, Spanja u l-Portugall).

[51] COM (2011) 60, Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal.