52011DC0112




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 8.3.2011

KUMM(2011) 112 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050

{SEG(2011) 287 finali}{SEG(2011) 288 finali}{SEG(2011) 289 finali}

1. L-isfidi ewlenin għall-Ewropa 3

2. Stadji li għandhom jintlaħqu sal-2050 4

3. Innovazzjoni b'livell baxx ta' karbonju perspettiva settorjali 6

4. Investiment f'ġejjieni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju 9

5. Id-dimensjoni internazzjonali 9

6. Konklużjonijiet 9

1. L-isfidi ewlenin għall-Ewropa

L-UE tipprovdi lill-Istati Membri b'qafas għal perjodu ta' żmien twil biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' sostenibbiltà u l-effetti transfruntieri ta' fenomini li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali biss. It-tibdil fil-klima ilu rikonoxxut bħala fattur determinanti fuq perjodu ta' żmien twil minn dawn dan fejn hemm il-ħtieġa ta' azzjoni koerenti mill-UE, kemm ġewwa l-UE kif ukoll b'mod internazzjonali.

Riċentement, il-Kummissjoni pproponiet inizjattiva ewlenija taħt l-Ewropa 2020 għal Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza[1] u fi ħdan dan il-qafas qed tressaq sensiela ta' pjanijiet politiki għal perjodu ta' żmien twil f'oqsma bħat-trasport, l-enerġija u t-tibdil fil-klima. Din il-Komunikazzjoni tistipula l-elementi ewlenin li għandhom jiddeterminaw l-azzjoni tal-UE fir-rigward tal-klima li għandha tgħin lill-UE issir ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-ħsieb li huma meħtieġa soluzzjonijiet innovattivi biex jiġu mobilizzati l-investimenti fl-enerġija, it-trasport, l-industrija u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u li jeħtieġ li l-politiki dwar l-effiċjenza tal-enerġija jingħataw aktar attenzjoni.

L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv tinkludi ħames miri prinċipali li jistipulaw fejn għandha tkun l-Ewropa fl-2020. Waħda minnhom tikkonċerna l-klima u l-enerġija: L-Istati Membri impenjaw irwieħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) b'20 %, iżidu s-sehem ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE b'20 %, u jiksbu l-mira tal-effiċjenza tal-enerġija tal-20 % sal-2020. Preżentament, l-UE tinsab miexja fit-triq it-tajba biex tilħaq tnejn minn dawk il-miri, iżda mhijiex se tilħaq il-mira tal-effiċjenza tal-enerġija sakemm ma jsirux aktar sforzi[2]. Għalhekk, il-prijorità tibqa' l-kisba tal-miri kollha stipulati diġà għall-2020.

Sabiex it-tibdil fil-klima jinżamm taħt 2ºC, fi Frar 2011 il-Kunsill Ewropew ikkonferma mill-ġdid l-objettiv tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra bi 80-95% sal-2050 meta mqabbla mal-1990, fil-kuntest ta' tnaqqis neċessarju skont il-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima minn pajjiżi żviluppati bħala grupp[3]. Dan huwa konformi mal-pożizzjoni approvata mill-mexxejja dinjin fil- Ftehimiet ta' Copenhagen u ta' Cancun. Dawn il-ftehimiet jinkludu l-impenn biex jitħejjew strateġiji fuq perjodu ta' żmien twil għal żvilupp b'livell baxx ta' karbonju. Xi wħud mill-Istati Membri diġà għamlu passi f'din id-direzzjoni jew jinsabu fil-proċess li jagħmlu dan fosthom li jistipulaw objettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2050.

Flimkien mal-White Paper dwar it-Trasport u l-Pjan ta' Effiċjenza tal-Enerġija, din il-Komunikazzjoni hija riżultat ewlieni li jaqa' taħt l-Inizjattiva Ewlenija dwar l-Effiċjenza tar-Riżorsi. Hija tippreżenta Pjan direzzjonali għall-azzjoni possibbli sal-2050 li għandu jippermetti lill-UE li twettaq it-tnaqqis ta' gassijiet serra b'konformità mal-mira miftiehma ta' 80 sa 95 %. Tagħti stampa tal-istadji li jkunu juru jekk l-UE tkunx qiegħda fid-direzzjoni tajba biex tilħaq il-miri, l-isfidi ta' politika, il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet ta' investiment tagħha f'setturi different, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-objettiv ta' tnaqqis ta' 80 sa 95 % fl-UE se jkun jeħtieġ li fil-biċċa l-kbira jintlaħaq internament.

2. Stadji li għandhom jintlaħqu sal-2050

It-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju tfisser li l-UE għandha tipprepara għal tnaqqis fl-emissjonijiet domestiċi tagħha bi 80 % sal-2050 meta mqabbla mal-1990[4]. Il-Kummissjoni wettqet analiżi estensiva abbażi ta' mudellar b'bosta xenarji possibbli fejn intwera kif dan jista' jsir, kif spjegat fil-kaxxa ta' hawn taħt.

Din l-analiżi ta' xenarji differenti turi li t-tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi fil-livell ta' 40 % u 60 % inqas mil-livelli tal-1990 huwa l-perkors kosteffikaċi sal-2030 u 2040 rispettivament. F'dan il-kuntest, turi wkoll tnaqqis ta' 25 % fl-2020. Dan jinwera fil-Grafika 1. Perkors bħal dan jirriżulta fi tnaqqis annwali ta' madwar 1 % fl-ewwel diċennju sal-2020, 1.5 % fit-tieni diċennju mill-2020 sal-2030, u 2 % fl-aħħar żewġ diċennji sal-2050 meta mqabbla mal-1990. L-isforz jikber maż-żmien hekk kif tkun disponibbli ġabra usa' ta' teknoloġiji kosteffikaċi.

L-approċċ ta' mudellar għall-pjan direzzjonali tal-2050

Ir-riżultati u s-sejbiet ippreżentati f'din il-Komunikazzjoni huma bbażati fuq analiżi ta' mudellar u xenarji komprensivi u globali tal-UE dwar kif l-UE tista' twettaq it-tranżizzjoni tagħha għal ekonomija b'livell baxx ta' karbonju sal-2050 meta tiġi kuntrastata bl-isfond tat-tkabbir kontinwu fil-popolazzjoni globali, PDG globali dejjem akbar u xejriet globali differenti f'termini ta' żviluppi fl-azzjoni dwar il-klima, fl-enerġija u teknoloġiċi.

Intużat ġabra ta' projezzjonijiet globali biex tagħti ħarsa lejn l-impatti globali tal-azzjoni dwar il-klima, u kif tirrelata mas-settur tal-enerġija, mal-agrikoltura u d-deforestazzjoni. Barra minn hekk ġew projettati l-impatti fuq is-setturi kompetittivi tal-UE biex jiġu vvalutati r-riskji possibbli ta' azzjonijiet ambizzjużi fil-kuntest ta' azzjoni dwar il-klima globali frammentata.

Il-projezzjonijiet dettaljati tal-UE saru fi ħdan ġabra wiesgħa ta' xenarji potenzjali fil-ġejjieni, b'enfasi fuq is-sensittività fir-rigward ta' suppożizzjonijiet dwar l-iżviluppi globali tal-prezz tal-fjuwil fossili u r-rata tal-innovazzjoni teknoloġika biex tiġi analizzata l-kontribuzzjoni settorjali, inkluż mill-agrikoltura u minn użi oħrajn tal-artijiet. Filwaqt li dejjem ikun hemm inċertezzi fir-rigward ta' projezzjonijiet fuq perjodu twil, ir-riżultati ssaħħu billi ġiet żviluppata ġabra wiesgħa ta' xenarji b'suppożizzjonijiet differenti.

Permezz ta' titjib fil-ġejjieni tal-immudellar tista' tiġi kkunsidrata rappreżentazzjoni aħjar tal-impatti tat-tibdil tal-klima stess, kif ukoll tal-ħżin tal-enerġija u tas-soluzzjonijiet ta' grilja intelliġenti għal ġenerazzjoni distribwita.

Il-Grafika 1 turi l-perkors lejn tnaqqis ta' 80 % sal-2050, f'fażijiet ta' 5 snin. Il-projezzjoni "ta' referenza" ta' fuq juri kif l-emissjonijiet domestiċi ta' gassijiet serra għandhom jiżviluppaw skont il-politiki attwali. Xenarju konsistenti bi tnaqqis domestiku ta' 80 % imbagħad juri kif jistgħu jevolvu l-emissjonijiet ġenerali u settorjali, jekk jiġu stabbiliti politiki addizzjonali, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-alternattivi teknoloġiċi disponibbli matul iż-żmien.

Grafika 1: Emissjonijiet GHG tal-UE lejn tnaqqis domestiku ta' 80 % (100 %=1990)

[pic]

L-emissjonijiet, fosthom l-avjazzjoni internazzjoni, ġew stmati li jkunu 16 % inqas mil-livelli tal-1990 fl-2009. Bl-implimentazzjoni sħiħa tal-politiki attwali, l-UE tinsab fi triqtha biex tikseb tnaqqis domestiku ta' 20 % fl-2020 inqas mil-livelli tal-1990, u 30 % fl-2030. Madankollu, bil-politiki attwali, sal-2020 tista' tintlaħaq biss nofs il-mira tal-effiċjenza tal-enerġija ta' 20 %.

Jekk l-UE jirnexxiela twettaq il-politiki attwali tagħha inkluż l-impenn tagħha biex tilħaq il-mira ta' 20 % ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u tikseb effiċjenza tal-enerġija ta' 20 % sal-2020, dan ikun jippermetti lill-UE li tikseb aktar mill-mira attwali tat-tnaqqis tal-emissjonijiet b'20 % u tikseb tnaqqis ta' 25 % sal-2020. Dan ikun jeħtieġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta' Effiċjenza tal-Enerġija[5] ppreżentat flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, li jidentifika miżuri li se jkunu meħtieġa biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza tal-enerġija. L-ammont ta' tpaċijiet attwalment permessi mhux ser jiġi affettwat. [6]

Din l-analiżi turi wkoll li perkors inqas ambizzjuż jista' joħloq saturazzjoni tal-investimenti b'intensità għolja ta' karbonju, li tirriżulta fi prezzijiet ogħla tal-karbonju iktar tard u kostijiet ġenerali b'mod sinifikanti ogħla matul il-perjodu kollu. Barra minn hekk, l-R&D, id-demostrazzjoni u tħaddim bikri ta' tekonoloġiji, bħall-forom varji ta' sorsi ta' enerġija b'livell baxx ta' karbonju, il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju, il-grilji intelliġenti u t-tekonoloġija ta' vetturi ibridi u elettriċi, huma ta' importanza kbira biex tiġi żgurata l-kosteffettività u l-penetrazzjoni tagħhom fuq skala kbira iktar tard. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija, li teħtieġ investiment addizzjonali fl-R&Ż u d-dimostrazzjoni ta' EUR 50 biljun għall-10 snin li ġejjin, hija indispensabbli. Id-dħul mill-irkant u l-politika ta' koeżjoni huma alternattivi ta' finanzjament li l-Istati Membri għandhom jisfruttaw. Barra minn hekk, iż-żieda tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz, pereżempju tar-riċiklaġġ tal-iskart, ġestjoni aħjar tal-iskart u bidla fl-imġiba, kif ukoll it-titjib tar-reżiljenza tal-ekosistemi, jista' jkollha rwol importanti. B'żieda ma' dan, ser ikun meħtieġ sforz kontinwu biex tissaħħaħ ir-riċerka dwar il-mitigazzjoni tal-klima u t-teknoloġiji tal-adattament.

3. Innovazzjoni b'livell baxx ta' karbonju perspettiva settorjali

L-analiżi tal-Kummissjoni esplorat ukoll perkorsi għas-setturi ewlenin. Din l-analiżi tat ħarsa lejn firxa ta' xenarji b'rati differenti ta' innovazzjoni teknoloġika u prezzijiet differenti tal-fjuwil fossili. Huma pproduċew riżultati li jikkonverġu ħafna fir-rigward tad-daqs tat-tnaqqis meħtieġ f'kull settur fl-2030 u l-2050 kif indikat mill-firxiet preżentati fit-Tabella 1. L-iżvilupp tal-alternattivi ta' politika settorjali ser ikollu jidħol aktar fil-fond fir-rigward tal-kostijiet, l-għażliet ta' kompromess u l-inċertezzi.

Tabella 1: Tnaqqis settorjali

Tnaqqis tal-GHG meta mqabbel mal-1990 | 2005 | 2030 | 2050 |

Total | -7% | -40 sa -44% | -79 sa -82% |

Setturi |

Enerġija (CO2) | -7% | -54 sa -68% | -93 sa -99% |

Industrija (CO2) | -20% | -34 sa -40% | -83 sa -87% |

Trasport (inkluż CO2 mill-avjazzjoni, eskluż dak marittimu) | +30% | +20 sa -9% | -54 sa -67% |

Residenzjali u servizzi (CO2) | -12% | -37 sa -53% | -88 sa -91% |

Agrikoltura (li mhumiex tas-CO2) | -20% | -36 sa -37% | -42 sa -49% |

Emissjonijiet oħra li mhumiex tas-CO2 | -30% | -72 sa -73% | -70 sa -78% |

Settur tal-enerġija sikur, kompetittiv u totalment mingħajr karbonju

L-elettriku ser jilgħab irwol ċentrali fl-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju. L-analiżi turi li jista' jelimina kważi kompletament l-emissjonijiet CO2 sal-2050, u joffri prospettiva li jiġu sostitwiti parzjalment il-fjuwils fossili fit-trasport u t-tisħin. Għalkemm f'dawn iż-żewġ (2) setturi se jkompli jiżdied l-użu tal-elettriku, il-konsum totali tal-elettriku se jkollu jkompli jiżdied biss skont ir-rati ta' tkabbir storiċi, minħabba t-titjib kontinwu fl-effiċjenza.

Is-sehem tat-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju fit-taħlita tal-elettriku huwa stmat li se jiżdied minn madwar 45 % preżentament għal madwar 60 % fl-2020, inkluż permezz tal-ksib tal-mira tal-enerġija rinnovabbli, għal 75 sa 80 % fl-2030, u kważi 100 % fl-2050. B'riżultat ta' dan, u mingħajr ma jiġu preġudikati l-preferenzi tal-Istati Membri għal taħlita tal-enerġija li tirrifletti ċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi tagħhom, is-sistema tal-elettriku tal-UE tista' ssir aktar diversa u sikura.

Jeħtieġ li titħaddem fil-wisa' firxa wiesgħa ta' teknoloġiji eżistenti, inkluż teknoloġiji aktar avvanzati, bħal fotovoltajċi, li se jkomplu jorħsu u b'hekk, maż-żmien, isiru aktar kompetittivi.

Fil-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050 se jiġu eżaminati xenarji tal-enerġija speċifiċi u l-mezzi biex tinkiseb dikarbonizzazzjoni bħal din, filwaqt li jiġu żgurati s-sikurezza u l-kompetittività tal-enerġija. Dan se jibni fuq il-politika tal-enerġija tal-UE stabbilita u l-Istrateġija Ewropa 2020.

L-ETS tal-UE se tkun ta' importanza kritika biex tixpruna firxa wiesgħa ta' teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju fis-suq, sabiex is-settur tal-enerġija nnifsu jkun jista' jadatta l-istrateġiji tiegħu tal-investiment u operattivi għal prezzijiet u teknoloġija tal-enerġija li dejjem jinbidlu. Biex l-ETS twettaq dan ir-rwol fil-perkors identifikat għall-2050, huma neċessarji kemm sinjal suffiċjenti tal-prezz tal-karbonju u previdibbiltà fit-tul. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri xierqa, inkluż ir-reviżjoni tat-tnaqqis lineari miftiehem tal-limitu massimu tal-ETS[7]. Għodod oħrajn, bħal tassazzjoni tal-enerġija u appoġġ tekniku jistgħu jkunu wkoll xierqa biex jiġi żgurat li s-settur tal-enerġija jaqdi r-rwol tiegħu bis-sħiħ.

Meta jiġi kkunsidrat li r-rwol ċentrali tal-elettriku fl-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju jeħtieġ l-użu sinifikanti ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, li ħafna minnhom għandhom output varjabbli, jeħtieġ li jsiru investimenti konsiderevoli fin-netwerks biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista il-ħin kollu[8]. L-investiment fi grilji intelliġenti huwa fattur ewlieni li jippermetti għal sistema tal-elettriku b’livell baxx ta' karbonju, li partikolarment billi jiffaċilita l-effiċjenza fir-rigward tad-domanda, ishma ikbar ta' sorsi rinnovabbli u ġenerazzjoni distribwita u billi jippermetti l-elettrifikazzjoni tat-trasport. Għall-investimenti tal-grilji, il-benefiċċji mhux dejjem jingħataw lill-operatur tal-grilja, iżda lis-soċjetà ġenerali (b'kobenefiċċji għall-konsumaturi, il-produtturi u lis-soċjetà ġenerali: netwerk aktar affidabbli, sigurtà tal-enerġija u emissjonijiet imnaqqsa). F'dan il-kuntest, il-ħidma fil-ġejjieni għandha tikkunsidra kif il-qafas tal-politika jista' jrawwem dawn l-investimenti fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali u jinċentiva l-ġestjoni tad-domanda.

Il-mobbiltà sostenibbli permezz tal-effiċjenza tal-fjuwil, l-elettrifikazzjoni u jinsabu l-prezzijiet tajbin

L-innovazzjoni teknoloġika tista' tgħin it-tranżizzjoni għal sistema ta' trasport Ewropea aktar effiċjenti u sostenibbli billi taġixxi fuq 3 fatturi ewlenin: l-effiċjenza tal-vetturi permezz ta' magni, materjali u diżinn ġodda; użu aktar nadif tal-enerġija permezz ta' fjuwils u sistemi ta' propulsjoni ġodda; użu aħjar ta' netwerks u tħaddim b'aktar sikurezza u aktar sikur permezz ta' sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni. Il-White Paper dwar it-Trasport ser tipprovdi ġabra komprensiva u kkombinata ta' miżuri biex tiżdied is-sostenibbiltà tas-sistema tat-trasport.

Sal-2025, l-istimolu prinċipali sabiex tinbidel it-tendenza taż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'dan is-settur x'aktarx se jibqa' l-effiċjenza mtejba tal-fjuwil. Fl-2030, l-emissjonijiet mit-triq, il-ferrovija u l-passaġġi tal-ilma interni jistgħu filfatt jitnaqqsu lura għal taħt il-livelli tal-1990, flimkien ma' miżuri bħal skemi ta' pprezzar biex jindirizzaw il-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja, imposti fuq l-infrastruttura, l-ippjanar intelliġenti tal-ibliet u t-titjib tat-trasport pubbliku, filwaqt li tiġi żgurata l-mobbiltà affordabbli. Effiċjenza mtejba u ġestjoni aħjar tad-domanda, imrawma permezz ta' standards tas-CO2 u sistemi ta' tassazzjoni intelliġenti, għandhom javvanzaw ukoll l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-magni ibridi u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni gradwali lejn penetrazzjoni fuq skala kbira ta' vetturi aktar nodfa fil-mezzi ta' trasport kollha, inkluż ibridi li tipplaggjahom u vetturi elettriċi (li jaħdmu bil-batteriji jew ċelloli tal-fjuwil) fi stadju aktar tard.

Is-sinerġiji ma' objettivi oħra ta' sostenibbiltà bħat-tnaqqis tad-dipendenza fuq iż-żejt, il-kompetittività tal-industrija tal-karozzi Ewropea kif ukoll il-benefiċċji tas-saħħa, speċjalment il-kwalità mtejba tal-arja fl-ibliet, jagħmlu każ sod għall-UE biex iżżid l-isforzi tagħha biex tħaffef l-iżvilupp u l-użu tal-elettrifikazzjoni u b'mod ġenerali ta' fjuwils u metodi ta' propulsjoni alternattivi, għas-sistema tat-trasport sħiħa. F'dan ir-rigward, mhux xi ħaġa ġdida li tara wkoll industriji tal-karozzi fl-Istati Uniti, il-Ġappun, il-Korea u ċ-Ċina li qed iżidu l-investimenti tagħhom fit-teknoloġija tal-batterija, il-vetturi elettriċi u ċ-ċelloli tal-fjuwil.

Il-bijofjuwils sostenibbli jistgħu jintużaw bħala fjuwil alternattiv speċjalment fl-avjazzjoni u trakkijiet tqal, b'żieda qawwija f'dawk is-setturi wara l-2030. F'każ li l-elettrifikazzjoni ma tkunx tista tiġi użata fuq skala kbira, il-bijofjuwils u fjuwils alternattivi oħra jeħtieġ li jkollhom irwol akbar biex jinkiseb l-istess livell ta' tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur tat-trasport. Għall-bijofjuwils dan jista' jwassal, direttament jew indirettament, għal tnaqqis tal-benefiċċji netti tal-gassijiet serra u żieda fil-pressjoni fuq il-bijodiversità, il-ġestjoni tal-ilma u l-ambjent b'mod ġenerali. Dan isaħħaħ il-ħtieġa li jsir avvanz għat-2 u t-3 ġenerazzjoni ta' bijofjuwils u biex jissokta x-xogħol li għaddej bħalissa fuq it-tibdil indirett fl-użu tal-art u s-sostenibbiltà

L-ambjent mibni

L-ambjent mibni jipprovdi opportunitajiet b'kostijiet baxxi għal terminu ta' żmien qasir biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, l-ewwel u qabel kollox permezz ta' titjib tar-rendiment enerġetiku tal-bini. L-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-emissjonijiet f'dan il-qasam jistgħu jitnaqqsu għal madwar 90 % sal-2050, kontribut ikbar mill-medja fuq il-perjodu ta' żmien twil. Dan jenfasizza l-importanza li jinkiseb l-objettiv tad-Direttiva mfassla mill-ġdid dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija[9] li l-bini l-ġdid mibni mill-2021 'il quddiem għandu jkun b’użu ta’ enerġija ta’ kważi żero. Dan il-proċess diġà mbeda, b'bosta Stati Membri jimplementaw standards aktar stretti fir-rigward tar-rendiment tal-bini. Fl-4 ta' Frar 2011 il-Kunsill Ewropew, filwaqt li kkunsidra l-mira prinċipali tal-UE, iddeċieda li mill-2012 'il quddiem l-Istati Membri kollha għandhom jinkludu standards tal-effiċjenza tal-enerġija fl-akkwist pubbliku ta' bini u servizzi pubbliċi rilevanti. Sa tmiem l-2011, il-Kummissjoni se tippreżenta Komunikazzjoni dwar "Bini Sostenibbli" li tistipula strateġija dwar kif tiżdied il-kompetittività ta' dan is-settur filwaqt li jitjieb ir-rendiment ambjentali u klimatiku tiegħu.

L-isforzi jeħtieġ li jissaħħu b'mod sinifikanti maż-żmien. Illum, il-bini ġdid għandu jiġi diżinjat bħala bini intelliġenti b’użu ta’ enerġija baxx jew kważi żero. Il-kost żejjed ta' dan jista' jiġi rkuprat permezz tal-iffrankar mill-fjuwil. Sfida akbar, madankollu, hija l-arranġament mill-ġdid tal-istokk eżistenti tal-bini, u partikolarment kif se jiġu ffinanzjati l-investimenti neċessarji. Xi wħud mill-Istati Membri diġà qed jużaw fondi strutturali b'mod proattiv. Fl-analiżi ġie projettat li fid-diċennju li ġej l-investimenti fil-komponenti u t-tagħmir tal-bini għall-iffrankar tal-enerġija ser ikollhom li jiżdiedu sa EUR 200 biljun. Bosta Stati Membri diġà implimentaw skemi ta' finanzjament intelliġenti, bħal rati ta' interess preferenzjali biex iħeġġu l-investimenti tas-settur privat fis-soluzzjonijiet ta' bini l-aktar effiċjenti. Iridu jiġu esplorati mudelli oħra ta' finanzjament privat.

Bħal fis-settur tat-trasport, il-bidla tal-konsum tal-enerġija lejn enerġija elettrika b’livell baxx ta’ karbonju (inkluż pompi tas-sħana u heaters li jżommu s-sħana) u lejn enerġija rinnovabbli (eżempju t-tisħin solari, il-bijogass, il-bijomassa ), ipprovduta wkoll permezz ta' sistemi ta' tisħin distrettwali, tgħin biex tipproteġi lill-konsumaturi mill-prezzijiet dejjem ogħla tal-fjuwils fossili u twassal għal benefiċċji sinifikanti tas-saħħa.

Is-setturi industrijali, fosthom l-industriji b’konsum għoli ta’ enerġija

L-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-emissjonijiet tal-GHG fis-settur industrijali jistgħu jitnaqqsu bi 83 sa 87 % fl-2050. L-applikazzjoni ta' proċessi u tagħmir indusrijali aktar avvanzat u aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija, iż-żieda tar-riċiklaġġ, kif ukoll teknoloġiji għat-tnaqqis għal emissjonijiet li mhumiex CO2 (eżempju l-ossidu nitruż u l-metan), jistgħu jagħtu kontribut ewlieni billi jippermettu lis-setturi b'konsum għoli ta' enerġija li jnaqqsu l-emissjonijiet bin-nofs jew aktar. Peress li s-soluzzjonijiet huma speċifiċi għas-settur, il-Kummissjoni tħoss il-ħtieġa li tiżviluppa Pjanijiet direzzjonali f'kooperazzjoni mas-setturi konċernati.

B'żieda mal-applikazzjoni ta' proċessi u tagħmir indusrijali aktar avvanzati, il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju se jkun hemm bżonn ukoll li jiġu użati fuq skala wiesgħa wara l-2035, partikolarment biex jinġabru l-emissjonijiet minn proċessi industrijali (eżempju fis-settur tas-siment u l-azzar). Dan ikun jinvolvi investiment annwali ta' aktar minn EUR 10 biljuni. F'dinja fejn qed issir azzjoni globali dwar il-klima, dan mhuwiex ser iqajjem tħassib dwar il-kompetizzjoni. Iżda jekk il-kompetituri ewlenin tal-UE ma jimpenjawx ruħhom bl-istess mod, l-UE se jkollha bżonn tikkunsidra kif tindirizza aktar ir-riskji ta' rilaxx tal-karbonju minħabba dawn il-kostijiet addizzjonali.

Hekk kif l-UE qed tiżviluppa qafas politiku dwar il-klima, se jkun hemm bżonn li jkomplu jitwettqu l-monitoraġġ u l-analiżi tal-impatti ta' dawn il-miżuri fuq il-kompetittività ta' industriji b’konsum għoli ta’ enerġija fir-rigward tal-isforzi minn pajjiżi terzi, u li jiġu kkunsidrati miżuri xierqa fejn metieġ. L-analiżi tal-Kummissjoni tikkonferma sejbiet ta' qabel li l-miżuri attwali jipprovdu salvagwardji xierqa fil-kuntest attwali u tinnota s-sejbiet dwar l-alternattivi għall-indirizzar tar-rilaxx tal-karbonju kif stipulat fil-Komunikazzjoni ta' Mejju 2010, inkluż dwar l-inklużjoni tal-importazzjoni fl-ETS[10]. Il-limitu safejn jibqgħu suffiċjenti s-salvagwardji adatti eżistenti se jibqa' jinżamm taħt analiżi mill-qrib fir-rigward tal-isforzi minn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni tibqa' viġilanti sabiex iżżomm bażi industrijali qawwija fl-UE. Il-Kummissjoni se tkompli taġġorna l-lista ta' setturi fir-riskju tar-rilaxx tal-karbonju kif previst fid-Direttiva ETS tal-UE.[11]. B'mod ċar, l-aqwa protezzjoni kontra r-riskju tas-rilaxx tal-karbonju tkun azzjoni globali effettiva.

Iż-żieda tal-produttività tal-użu tal-art b'mod sostenibbli

L-analiżi tal-Kummissjoni turi li sal-2050 is-settur tal-agrikoltura jista' jnaqqas l-emissjonijiet li mhumiex CO2 b'bejn 42 u 49 % meta mqabbla mal-1990. Is-settur diġà kiseb tnaqqis sinifikanti. Aktar tnaqqis huwa fattibbli fl-għoxrin sena li ġejjin. Il-politiki agrikoli għandhom jiffukaw fuq alternattivi bħal aktar kisbiet sostenibbli fl-effiċjenza, l-użu effiċjenti tal-fertilizzant, bijopiroliżi ta' demel organiku, ġestjoni mtejba tad-demel, għalf aħjar, diversifikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni lokali tal-produzzjoni u produttività mtejba tal-bhejjem, kif ukoll li jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-biedja estensiva.

Prassi aħjar fl-agrikoltura u l-forestrija jistgħu jżidu l-kapaċità tas-settur biex jippreserva u jissekwestra l-karbonju fil-ħamrija u l-foresti. Dan jista' jinkiseb, eżempju, permezz ta' miżuri mmirati għaż-żamma ta' mergħat, għar-restorazzjoni ta' artijiet mistagħdra u żoni tal-pit, għal inqas jew l-ebda ħrit, għal inqas erożjoni u biex ikun possibli l-iżvilupp tal-foresti. L-agrikoltura u l-forestrija qed jipprovdu wkoll ir-riżorsi għall-bijoenerġija u għalf industrijali u dan il-kontribut mistenni li jkompli jiżdied.

L-elementi ta' hawn fuq, li fl-analiżi għadhom ma ġewx ikkunsidrati l-impatti pożittivi tagħhom, se jkomplu jiġu indirizzati fil-proposti leġiżlattivi għall-Politika Agrikola Komuni għall-2013 kif ukoll fil-Komunikazzjoni dwar il-Bijoekonomija li mistennija toħroġ daqt[12].

Wara l-2030, ir-rata tat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur agrikolu tista' tonqos, parti minħabba ż-żieda fil-produzzjoni agrikola minħabba l-popolazzjoni globali dejjem akbar. Madankollu, huwa importanti li jiġi nnutat li, sal-2050, l-agrikoltura hija projettata li tirrapreżenta terz mill-emissjonijiet totali tal-UE, it-triplu tas-sehem tagħha meta mqabbel mal-lum. L-importanza tagħha f'termini tal-politika dwar il-klima hija, għalhekk destinata li tiżdied: jekk ma tiksibx it-tnaqqis tal-emissjonijiet projettat, setturi oħra ser ikollhom inaqqsu aktar, ħaġa li jkollha kost għoli. Is-settur tal-biedja għandu wkoll potenzjal li jkun f'xi riskju ta' rilaxx ta' karbonju, għalhekk bidliet fix-xejriet tal-produzzjoni u n-negozju ma għandhomx fil-perjodu taż-żmien twil jheddu t-tnaqqis globali tal-emissjonijiet.

L-analiżi tikkunsidra wkoll l-implikazzjonijiet għas-settur tal-agrikoltura u tal-forestrija f'perspettiva globali. Fil-2050, id-dinja ser ikollha tipprovdi l-ikel għal madwar 9 biljun ruħ. Fl-istess ħin, il-foresti tropikali ser ikollhom jiġu ppreservati bħala komponent essenzjali għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-preservazzjoni tal-bijodiversità dinjija. Barra minn hekk, l-isforzi tal-mitigazzjoni mistennija li jżidu d-domanda għall-bijoenerġija flimkien mad-domanda eżistenti dejjem tiżdied għall-għalf għall-bhejjem, l-injam, il-produzzjoni tal-karta u l-bijoindustriji. L-isfidi doppji għas-sigurtà tal-ikel globali u l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima jeħtieġ li jiġu indirizzati flimkien. Sabiex jiġu sodisfatti dawn iż-żidiet fit-talbiet għall-użu tal-art fl-UE u fuq skala globali, iż-żidiet sostenibbli fil-produttività taw diversi sistemi tal-agrikoltura u tal-forestrija (kemm intensivi kif ukoll estensivi) jeħtieġ li jkomplu b'ritmu mgħaġġel, mhux inqas fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Kwalunkwe impatt negattiv fuq riżorsi oħrajn (eżempju l-ilma, il-ħamrija u l-bijodiversità) ikun jeħtieġ li jiġi ġestit bir-reqqa. Iż-żieda fir-ritmu tat-tibdil fil-klima jista' jipperikola dan it-titjib fil-produttività f'dinja fejn mhijiex tittieħed biżżejjed azzjoni dwar it-tibdil fil-klima.

Dan jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-użi kollha tal-artijiet b'mod olistiku u li jiġu indirizzati l-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF) fil-politika tal-UE dwar il-klima. Il-Kummissjoni ser tħejji inizjattiva dwar din il-kwistjoni iktar tard din is-sena. Barra minn hekk, il-prodotti tal-karta u l-injam għandhom jintużaw mill-ġdid u isir aktar riċiklaġġ tagħhom biex titnaqqas il-pressjoni fuq l-użu tal-art.

L-analiżi kkunsidrat ix-xejriet globali fir-rigward ta' sehem akbar ta' prodotti tal-bhejjem fin-nutriment. Ikun mixtieq li jinqalbu x-xejriet eżistenti tal-ħela fl-ikel u l-konsum jiġi orjentat mill-ġdid lejn ikel b’livell inqas intensiv ta’ karbonju.

4. Investiment f'ġejjieni b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

Żieda kbira fl-investimenti tal-kapital

Forom varji ta' sorsi tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju, is-sistemi u l-infrastruttura li ssostnihom, inklużi l-grilji intelliġenti, il-bini passiv, il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju, il-proċessi industrijali avvanzati u l-elettrifikazzjoni tat-trasport (inkluż it-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija) huma komponenti ewlenin li qed jibdew jifformaw is-sinsla ta' sistemi tal-enerġija u tat-trasport b’livell baxx ta’ karbonju wara l-2020. Dan ikun jeħtieġ investiment qawwi u sostenut: fuq medja għall-40 sena li ġejjin, iż-żieda fl-investiment pubbliku u privat hija kkalkulata li tammonta għal madwar EUR 270 biljun fis-sena. Din tirrapreżenta investiment addizzjonali ta' madwar 1.5 % tal-PDG tal-UE kull sena fuq l-investiment totali attwali li jirrapreżenta 19 % tal-PDG fl-2009[13]. Dan joħodna lura għal-livelli ta' investiment qabel il-kriżi ekonomika. Illum l-investimenti ser jiddeterminaw il-kompetittività fil-ġejjieni tal-ekonomiji. F'dan il-kuntest, huwa interessanti li wieħed jinnota l-ishma ferm akbar ta' PDG allokati għal investimenti fiċ-Ċina (48 %), l-Indja (35 %), il-Korea (26 %) fl-2009[14], fejn tintwera l-ħtieġa tal-ekonomiji emerġenti li jibnu infrastruttura iżda wkoll il-potenzjal ta' qabża lejn ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju.

Ir-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-investiment tas-settur privat u tal-konsumaturi individwali tippreżenta sfida prinċipali. Filwaqt li l-parti l-kbira ta' dan l-investiment se titħallas lura matul iż-żmien permezz ta' kontijiet tal-enerġija iktar baxxi u żieda fil-produttività, is-swieq għandhom tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-benefiċċji tal-ġejjieni, u ma jikkunsidrawx ir-riskji għal perjodu ta' żmien twil. Għalhekk il-mistoqsija ewlenija hija kif tista' l-politika toħloq il-kundizzjonijiet ta' qafas biex jitwettqu investimenti bħal dawn, inkluż permezz ta' mudelli ġodda ta' finanzjament.

Fl-implimentazzjoni tal-mira tal-effiċjenza tal-enerġija ta' 20 %, il-Kummissjoni ser ikollha timmonitorja l-impatt ta' miżuri ġodda fuq l-ETS sabiex iżżomm l-inċentivi tal-ETS billi tippremja kif xieraq l-investimenti b’livell baxx ta’ karbonju u tħejji s-setturi tal-ETS għall-innovazzjonijiet meħtieġa fil-ġejjieni. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri xierqa, inkluż il-kalibrazzjoni mill-ġdid tal-ETS billi jitwarrbu għadd korrispondenti ta' kwoti mill-parti li tkun sejra għall-irkant matul il-perjodu 2013 sa 2020 jekk tittieħed deċiżjoni politika korrispondenti. Dan għandu jiżgura wkoll li l-kontribuzzjoni għall-mira tal-effiċjenza tal-enerġija ssir mod kosteffikaċi kemm fl-ETS kif ukoll f'setturi li ma jagħmlux parti mill-ETS.

Mekkaniżmi addizjonali għall-finanzjament privatpubbliku huma importanti ħafna sabiex jingħelbu r-riskji inizjali ta' finanzjament u l-ostakli tal-fluss tal-kontanti. Il-finanzjament pubbliku permezz ta' strumenti ta' finanzjament innovattivi, bħal fondi ta' rotazzjoni, rati ta' interess preferenzjali, skemi ta' garanzija, faċilitajiet ta' qsim tar-riskju u mekkaniżmi ta' kkombinar jista' jimobilizza u jidderieġi l-finanzjament privat meħtieġ, inkluż għall-SMEs u l-konsumaturi. B'dan il-mod, finanzjament pubbliku limitat jkun jista' jħeġġeġ għadd kbir ta' investimenti fis-settur privat[15]. Il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, kif ukoll finanzjament dedikat fil-Qafas Finanzjarju Multi-Annwali li jmiss għandu jkollhom rwol fil-provvista ta' finanzjament addizzjonali għal teknoloġiji effiċjenti u b’livell baxx ta' karbonju.

Iż-żieda fl-investimenti domestiċi tipprovdi opportunità importanti ħafna għal produttività miżjuda, valur miżjud u output minn firxa wiesgħa ta' industriji tal-manifattura fl-UE (eżempju industrija tal-karozzi, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, it-tagħmir għall-industrija u l-grilja, il-materjali għall-bini enerġetikament effiċjenti u s-settur tal-kostruzzjoni), li huma industriji prinċipali għall-ħolqien ta' tkabbir u impjiegi fil-ġejjieni.

Lil hinn mit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, li huwa l-benefiċċju ewlieni tal-bidla lejn l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, din it-tranżizzjoni se twassal għadd ta' benefiċċji oħra essenzjali.

It-tnaqqis tal-kont tal-enerġija tal-Ewropa u d-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwil fossilu

Fuq il-perjodu sħiħ ta' 40 sena, huwa stmat li l-effiċjenza tal-enerġija u l-bidla għal sorsi ta' enerġija b’livell baxx ta’ karbonju prodotti domestikament ser inaqqsu l-kostijiet medji tal-fjuwil għall-UE b'bejn EUR 175 biljun u EUR 320 biljun fis-sena. L-iffrankar attwali mill-kost jiddependi fuq il-limitu safejn tkun twettqet l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima. F'xenarju ta' azzjoni globali dwar il-klima, ser ikun hemm bżonn inqas importazzjoni fl-UE ta' fjuwil fossilu u l-kost ta' dak li jibqa' jiġi importat jonqos.

Madankollu jekk il-kumplament tad-dinja ma tiħux azzjoni koordinata, benefiċċju ewlieni tal-azzjoni tal-UE jkun li tipproteġi l-ekonomija mill-prezzijiet ta' fjuwil fossilu għoljin. L-analiżi, kif ukoll il-World Energy Outlook 2010 tal-AIE (Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija), turi b'mod ċar li prezzijiet ta' fjuwil fossilu huma fil-fatt projettati li jkunu ogħla b'mod sinifikanti f'każ ta' azzjoni globali limitata. Din mhijiex biss kwistjoni fuq perjodu ta' żmien twil. Anki wara r-riċessjoni fid-dinja tal-Punent, il-prezzijiet taż-żejt huma madwar doppju ta' li kienu fl-2005. L-AIE stmat li l-UE esperjenzat żieda fil-kont tal-importazzjoni b'USD 70 biljun mill-2009 sal-2010, u li fil-ġejjieni li jista' jitbassar, probabbli ser ikun hemm żidiet ulterjuri. Kif esperjenzajna fis-snin 70 u fil-bidu tas-snin 80, ix-xokkijiet fil-prezzijiet taż-żejt jistgħu jwasslu għal inflazzjoni, li żżid l-iżbilanċi tan-negozju, tnaqqas il-kompetittività u żżid il-qgħad.

Fl-2050, il-konsum primarju totali tal-enerġija tal-UE jista' jkun madwar 30 % inqas mil-livelli tal-2005. Se jkunu qed jintużaw aktar riżorsi domestiċi tal-enerġija, partikolarment is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. L-importazzjoni taż-żejt u l-gass tonqos bin-nofs meta titqabbel ma' dik attwali, li tirriżulta fi tnaqqis sinifikanti tal-impatti negattivi potenzjali mix-xokkijiet fil-prezzijiet taż-żejt u l-gass. Mingħajr azzjoni, il-kont tal-importazzjoni taż-żejt u l-gass minflok jista' jirdoppja meta mqabbel ma' dak attwali, differenza ta' EUR 400 biljun fis-sena jew aktar sal-2050, l-ekwivalenti ta' 3 % tal-PDG attwali[16].

Impjiegi ġodda

L-investiment bikri fl-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għandha tistimula bidla strutturali gradwali fl-ekonomija u tista' toħloq f'termini netti impjiegi ġodda kemm fit-terminu ta' żmien qasir kif ukoll f'dak twil. L-enerġija rinnovabbli għandha storja twila warajha ta' suċċess fir-rigward tal-ħolqien tal-impjiegi. F'5 snin biss, l-industrija tal-enerġija rinnovabbli żiedet il-ħaddiema minn 230 000 għal 550 000. Anki għas-settur tal-kostruzzjoni l-investiment b’livell baxx ta’ karbonju joffri opportunitajiet ta' impjiegi kbar f'terminu ta' żmien qasir. B'xi madwar 15-il miljun impjegat fl-UE, il-kriżi ekonomika tatu daqqa partikolarment qawwija. L-irkupru tiegħu jista' jwassal għal tisħiħ sinifikanti permezz ta' sforz qawwi biex jitħaffef ir-ritmu tar-rinnovazzjoni u l-bini ta' djar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-Pjan ta' Effiċjenza tal-Enerġija jikkonferma l-potenzal kbir għal ħolqien ta' impjiegi permezz ta' promozzjoni għal investimenti f'tagħmir aktar effiċjenti.

Fit-terminu ta' żmien itwal, il-ħolqien u l-preservazzjoni tal-impjiegi jkunu jiddependu fuq l-abbiltà tal-UE li tkun minn ta' quddiem f'termini ta' żvilupp ta' teknoloġiji ġodda b’livell baxx ta’ karbonju, kemm permezz ta' żieda fl-edukazzjoni, it-taħriġ, il-programmi biex titrawwem l-aċċettazzjoni ta' teknoloġiji ġodda, R&Ż u intraprendenza, kif ukoll ta' kundizzjonijiet tal-qafas ekonomiku li jiffavorixxu l-investimenti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni enfasizzat kemm-il darba l-benefiċċji pożittivi fuq l-impjieg jekk id-dħul mill-irkant tal-kwoti tal-ETS u t-tassazzjoni tas-CO2 jintuża biex jitnaqqsu l-kostijiet tax-xogħol, bil-potenzjal li jiżdiedu l-impjiegi totali sa 1.5 miljun impjieg sal-2020.

Hekk kif l-industrija tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet ekonomiċi provvduti mill-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju, il-bżonn li jiġu żgurati ħaddiema ta' ħila, speċjalment fis-setturi tal-kostruzzjoni, professjonijiet tekniċi, inġinerija u riċerka, jinħass dejjem aktar. Dan ikun jeħtieġ taħriġ vokazzjonali għall-ħaddiema eżistenti mmirat lejn l-opportunitajiet ta' impjiegi "ambjentali", li jindirizza n-nuqqas emerġenti ta' ħiliet u jrawwem dawn il-ħiliet fis-sistemi edukattivi. Il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq il-valutazzjoni tal-effetti fuq l-impjiegi mill-bidla għal ekomija aktar ambjentali, eżempju permezz tal-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi.

Titjib tal-kwalità tal-arja u s-saħħa.

Azzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet GHG tkun tikkomplimenta b'mod importanti l-miżuri tal-kwalità tal-arja eżistenti u dawk ippjanati li tirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fit-tniġġis tal-arja. L-elettrifikazzjoni tat-trasport, u l-espansjoni tat-trasport pubbliku, jistgħu jtejbu ħafna l-kwalità tal-arja fl-ibliet Ewropej. L-effett ikkombinat tat-tnaqqis tal-GHG u l-miżuri tal-kwalità tal-arja jwasslu għal livelli ta' aktar minn 65 % inqas tniġġis tal-arja fl-2030 meta mqabbel mal-2005. Fl-2030, il-kostijiet annwali biex jiġu kkontrollati s-sustanzi tradizzjonali li jniġġsu l-arja jistgħu jkunu b’iktar minn EUR 10 biljuni inqas, u fl-2050 jistgħu jiġu ffrankati anki qrib EUR 50 biljun kull sena. Dawn l-iżviluppi għandhom inaqqsu wkoll il-mortalità, fejn huwa stmat li l-benefiċċji jlaħħqu sa EUR 17-il biljun fis-sena fl-2030, u sa EUR 38 biljun fl-2050. Barra minn hekk, is-saħħa pubblika tkun tjiebet, bi tnaqqis fil-kostijiet għall-kura tas-saħħa kif ukoll bi tnaqqis fil-ħsara lill-ekosistemi, lill-uċuh tar-raba’, lill-materjali u lill-bini. Dawn il-kisbiet jkunu importanti wkoll fid-dawl tar-reviżjoni komprensiva tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Arja tal-UE, prevista għall-2013 l-aktar tard, fejn l-għan huwa li jiġu massimizzati l-kobenefiċċji peremzz tal-politika dwar il-klima u jiġu minimizzati l-kompromessi negattivi.

5. Id-dimensjoni internazzjonali

L-UE bi ftit aktar minn 10 % tal-emissjonijiet globali mhijiex ser tkun kapaċi li tindirizza t-tibdil fil-klima waħidha. Il-progress internazzjonali huwa l-uniku mod biex tiġi solvuta l-problema tat-tibdil fil-klima, u l-UE għandha tkompli tinvolvi lis-sħab tagħha. Billi ilha tifformula u timplimenta politiki ambizzjużi u domestiċi dwar il-klima għal aktar minn għaxar snin, l-UE involviet ħafna pajjiżi oħra. Is-sitwazzjoni attwali hija fundamentalment differenti minn dik tat-tmiem l-2008 meta l-UE adottatat b'mod unilaterali l-Pakkett tal-Enerġija u l-Klima tagħha. Fil-COP15 ġewwa Kopenħagen, bosta mexxejja qablu li l-medja tat-temperatura globali ma għandhiex titla' 'l fuq minn 2°C, Illum, pajjiżi li jirrapreżentaw aktar minn 80 % tal-emissjonijiet globali wegħdu miri domestiċi skont il-Qbil ta’ Kopenħagen u l-Ftehimiet ta' Cancún. Għal xi wħud mill-pajjiżi, it-twettiq ta' dawn il-wegħdiet ser ikun jeħtieġ azzjoni aktar qawwija milli hija prevista attwalment.

Din l-azzjoni konkreta, xi drabi aktar ambizzjuża minn dik li l-pajjiżi lesti li jimpenjaw ruħhom internazzjonalment għaliha, qed tkun stimulata b'mod sinikattiv minn aġendi domestiċi oħra wkoll: li jitħaffef r-ritmu tal-innovazzjoni, jiżdiedu s-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività f'setturi ta' tkabbir ewlenin u jitnaqqas it-tniġġis tal-arja. Għadd ta' sħab ewlenin tal-Ewropa minn madwar id-dinja, bħaċ-Ċina, il-Brażil u l-Korea, qed jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, l-ewwel permezz ta' programmi ta' stimulu, u issa dejjem aktar permezz pjanijiet ta' azzjoni konkreti biex jippromwovu l-"ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju". Status quo jkun ifisser telf ta' vantaġġ f'setturi prinċipali tal-manifattura għall-Ewropea.

Fis-snin li ġejjin, l-implimentazzjoni ta' dawn il-wegħdiet ser tkun pass importanti ħafna għall-globalizzazzjoni tal-politiki dwar it-tibdil fil-klima . L-UE għandha tuża din l-opportunità biex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mas-sħab internazzjonali tagħha, li tinkludi li taħdem lejn żvilupp gradwali tas-swieq globali tal-karbonju biex issostni l-isforzi ta' pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw biex jimplimentaw strateġiji għal żvilupp b'emissjonijiet baxxi, u tiżgura li l-finanzjament klimatiku kollu jikkontribwixxi għal opportunitajiet ta' żvilupp "adattati għall-klima".

Madankollu, implimentazzjoni ħafifa tal-wegħdiet li saru minn Kopenħagen tikseb biss parti mit-tnaqqis meħtieġ. Rapport riċenti mill-UNEP għamel stima li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom tilħaq 60 % tat-tnaqqis tal-emissjoni meħtieġ sal-2020. Jekk ma titteħidx azzjoni globali soda kontra t-tibdil fil-klima, it-temperaturi jistgħu jiżdiedu b'aktar minn 2°C anki sal-2050, u aktar minn 4ºC sal-2100. Sabiex jiġi evitat dan ix-xenarju, ix-xjenza indikat li sal-2050 l-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra jeħtieġ li jitnaqqsu b'mhux inqas minn 50 % meta mqabbla mal-1990. Fit-tħejjija ta' dan il-Pjan direzzjonali, l-UE qed tieħu inizjattiva ġdida biex tistimula negozjati internazzjonali bi tħejjija għal Durban. B'dan il-mod, il-Pjan direzzjonali huwa parti integrali ta' strateġija usa' biex jitwettaq l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm taħt iż-2 ºC meta mqabbla mal-livelli preindustrijali. Matul il-kooperazzjoni mas-sħab tagħha, l-UE għandha tieħu approċċ komprensiv li jintensifika l-impenji bilaterali u multilaterali fuq firxa wiesgħa ta' aspetti fis-setturi kollha li jolqtu l-politika dwar il-klima

6. Konklużjonijiet

L-analiżi dettaljata tal-Kummissjoni ta' modi kosteffettivi kif jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2050 pproduċiet għadd ta' sejbiet importanti.

Sabiex ikun konformi mal-objettiv tat-tnaqqis tal-GHG totali ta' bejn 80 u 95 %, sal-2050, il-Pjan direzzjonali jindika li tranżizzjoni kost effettiva u gradwali tkun teħtieġ 40 % tat-tnaqqis domestiku tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra meta mqabbla mal-1990 bħala mira għall-2030, u 80 % għall-2050. Billi ssejjes fuq il-kisbiet li diġà saru, l-UE teħtieġ li tibda taħdem issa fuq strateġiji xierqa biex timxi f'din id-direzzjoni, u l-Istati Membri kollha għandhom jiżviluppaw malajr, jekk mhux diġà għamlu hekk, Pjanijiet direzzjonali nazzjonali għal livell baxx ta' karbonju. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipprovdi xi wħud mill-għodod u l-politiki meħtieġa.

It-tieni, l-analiżi turi wkoll li flimkien ma' politiki eżistenti, l-UE ser tikseb il-mira ta' tnaqqis ta' 20 % tal-GHG b'mod domestiku sal-2020. Jekk il-Pjan ta' Effiċjenza tal-Enerġija rivedut jiġi implimentat b'mod sħiħ u effettiv li jilħaq il-mira ta' effiċjenza tal-enerġija tal-20 %, dan ikun jippermetti lill-UE li tikseb aktar mill-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 20 % u tikseb tnaqqis ta' 25 %. Din il-Komunikazzjoni ma tissuġġerix li jiġu stipulati miri ġodda għall-2020, u lanqas taffettwa l-offerta tal-UE fin-negozjati internazzjonali li timpenja ruħha bil-mira ta' tnaqqis ta' 30 % għall-2020, jekk il-kundizzjonijiet ikunu tajbin. Din id-diskussjoni titkompla abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fis-26 ta' Mejju 2010[17].

It-tielet, apparti mit-tnaqqis tat-theddida tat-tibdil perikoluż fil-klima bħala parti mill-azzjoni globali ambizzjuża, it-tnaqqis kbir tal-emissjonijiet tal-UE għandhom il-potenzjal li jwasslu benefiċċji f'forma ta' ffrankar mill-importazzjonijiet tal-fjuwil fossilu u titjib fil-kwalità tal-arja u s-saħħa pubblika.

Ir-raba', il-Pjan direzzjonali jagħti firxiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 u l-2050 għas-setturi ewlenin. Sabiex jitwettqu dawn l-istadji b'mod kemm jista' jkun kosteffettiv, u biex jiġu massimizzati l-benefiċċji għall-industriji tal-manifattura tal-UE, l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija huwa ta' importanza kruċjali. Meta jiġu kkunsidrati l-implikazzjoni importanti tas-suq tax-xogħol, l-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi teħtieġ li ssostni l-proċess ta' tranżizzjoni.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tuża l-Pjan direzzjonali bħala bażi biex tiżviluppa inizjattivi ta' politika u Pjanijiet direzzjonali speċifiċi għas-setturi, bħall-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija 2050 u l-White Paper dwar it-Trasport li se toħroġ fil-qrib. Il-Kummissjoni ser tibda d-djalogi settorjali xierqa. Il-Kummissjoni għandha tkompli tiżgura li l-ETS tal-UE tibqa' strument ewlieni li jistimula l-investimenti b’livell baxx ta’ karbonju b'mod kosteffikaċi. Ser tibqa' wkoll tagħti attenzjoni għar-riskju tar-rilaxx tal-karbonju sabiex jiġi żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-industrija.

Bħala parti mill-iżvilupp tal-Qafas Finanzjarju Multi-Annwali, hi ser teżamina wkoll kif il-finanzjament tal-UE jista' jappoġġa strumenti u investimenti li huma meħtieġa biex tiġi promossa t-tranżizzjoni għal ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi tas-setturi, il-pajjiżi u r-reġjuni.

Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet oħra Ewropej, lill-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati kif ukoll kandidati potenzjali, u partijiet interessati biex jikkunsidraw dan il-Pjan direzzjonali fl-iżvilupp ulterjuri ta' politiku tal-UE, nazzjonali u reġjonali biex tinkiseb ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju sal-2050. Internazzjonalment, il-Kummissjoni ser tippreżenta l-Pjan direzzjonali 2050 lis-sħab globali sabiex tistimula negozjati internazzjonali li qed jaħdmu lejn azzjoni globali, u ser trawwem il-kooperazzjoni ma' pajjiżi ġirien tal-UE dwar miżuri biex tiġi promossa ekonomija reżiljenti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju.

[1] COM (2011) 21 ara: http://ec.europa.eu/resource-efficient-europe

[2] Pjan ta' Effiċjenza tal-Enerġija – COM(2011) 109.

[3] Filwaqt li jitqiesu l-isforzi neċessarji minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, dan se jippermetti tnaqqis globali ta' 50 % fl-emmissjonijiet sal-2050.

[4] Domestiċi tfisser tnaqqis intern reali tal-emissjonijiet tal-UE u mhux tpaċija permezz tas-suq tal-karbonju

[5] Pjan ta' Effiċjenza tal-Enerġija – COM(2011) 109.

[6] Kif miftiehem mid-Direttiva 2003/87/KE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (li emendata bid-Direttiva 2009/29/KE) u d-Deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi (id-Deċiżjoni 406/2009/KE).

[7] Id-Direttiva 2003/87/KE kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE tbassar tnaqqis lineari tal-livell massimu ta' 1.74 punti perċentwali fis-sena. Dan it-tnaqqis huwa minqux legalment fl-ETS u jkompli wara l-2020.

[8] Ara wkoll il- Komunikazzjoni "Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat", COM(2010) 677 finali

[9] Direttiva 2010/31/UE.

[10] COM(2010) 265.

[11] L-Artikolu 10a (13) tad-Direttiva 2003/87/KE kif emendata bid-Direttiva 2009/29/KE.

[12] Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2011, Strateġija Ewropea u Pjan ta' Azzjoni għal bijoekonomija sostenibbli sal-2020

[13] Eurostat, Kontijiet nazzjonali.

[14] Bank Dinji, Indikaturi.

[15] Jekk il-finanzjament pubbliku jkun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat dan għandu jkun konformi mar-regoli ta' kompatibbiltà tal-għajnuna Statali.

[16] Il-livell ta' tnaqqis fil-kont tal-importazzjonijiet tal-fjuwil fossili jiddependi fuq l-iżviluppi fil-prezz tal-fjuwil fossili fil-ġejjieni u d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' forniment.

[17] COM(2010) 265.