52011DC0109




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 8.3.2011

KUMM(2011) 109 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan Ewropew għall- Effiċjenza Enerġetika 2011

SEG(2011) 280 finaliSEG(2011) 277 finaliSEG(2011) 275 finaliSEG(2011) 276 finaliSEG(2011) 278 finaliSEG(2011) 279 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan Ewropew għall- Effiċjenza Enerġetika 2011

1. PJAN ġDID GħALL-EFFIċJENZA ENERġETIKA

L- effiċjenza enerġetika hija l-qofol tal-Istrateġija tal-UE għall-Ewropa għall-2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[1] u tat-tranżizzjoni għal ekonomija li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. L-effiċjenza enerġetika[2] hija waħda mill-mezzi l-aktar kosteffettivi għat-titjib fis-sigurtà tal-forniment tal-enerġija, u għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u sustanzi oħrajn li jniġġsu. Minn bosta perspettivi, l-effiċjenza enerġetika tista' titqies bħal l-akbar riżors tal-enerġija għall-Ewropa[3].Din hi r-raġuni għaliex l-Unjoni stabbilixxiet għaliha nfisha mira għall-2020 ta' ffrankar ta' 20 % fil-konsum tal-enerġija primarja tagħha meta mqabbel ma’ projezzjonijiet[4] u għaliex din il-mira ġiet identifikata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Enerġija 2020[5] bħala pass ewlieni għall-kisba tal-miri tagħna fit-tul għall-enerġija u l-klima.

Ittieħdu passi importanti biex tintlaħaq din il-mira – notevolment fis-swieq tal-apparati u tal-binjiet[6]. Madankollu, l-estimi ta’ dan l-aħħar tal-Kummissjoni jissuġġerixxu li fil-pożizzjoni fejn tinsab bħalissa l-UE se tirrealizza biss bin-nofs il-mira tal-20 %[7]. L-UE teħtieġ li taġixxi issa bex terġa' taqbad it-triq biex tikseb il-mira tagħha. B’reazzjoni għas-sejħa tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’Frar 2011 għal azzjoni determinata biex jiġi sfruttat il-potenzjal konsiderevoli għal aktar iffrankar ta' enerġja minn binjiet, trasport u prodotti u proċessi[8], il-Kummissjoni għalhekk żviluppat dan il-Pjan għall-Effiċjenza Enerġetika ġdid u komprensiv.

Il-pjan se jitwettaq b'mod konsistenti flimkien ma' azzjonijiet oħra ta' politika skont l-Inizjattiva Ewlenija tal-Istrateġija Ewropea 2020 għal Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza[9], inkluż il-pjan direzzjonali għall-2050 favur ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju[10], biex tkun żgurata l-koerenza ta' politika, jiġu vvalutati l-kompromessi bejn l-oqsma ta' politika u jinkisbu l-benefiċċji mis-sinerġiji potenzjali. Il-miżuri għall-effiċjenza enerġetika se jkunu implimentati bħala parti mill-għan usa' tal-UE tal-effiċjenza fir-riżorsi li jiġbor fih l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali kollha u b'hekk jiżguraw standards għoljin ta' ħarsien ambejntali.

L-effetti kollha flimkien tal-implimentazzoni bis-sħiħ tal-miżuri eżistenti u dawk ġodda se jittrasformaw il-ħajja ta’ kuljum tagħna u għandhom il-potenzjali li jiġġeneraw iffrankar finanzjarju sa EUR 1 000 kull unità domestika[11] annwalment; itejbu l-kompettività industrijali tal-Ewropa; joħolqu sa 2 miljuni impjiegi[12]; u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’740 miljun tunnellata annwalment[13].

L-akbar potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija jinsab f’ binjiet . Il-pjan jiffoka fuq strumenti biex jitħeġġeġ il-proċess ta’ rinnovazzjoni fil-bini pubbliku u privat u biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-enerġija fil-komponenti u fl-apparati li jintużaw fihom. Jippromwovi r-rwol eżemplarju tas-settur pubbliku, billi jipproponi t-tħaffif fir-rata tal-arranġament mill-ġdid ta’ binjiet pubbliċi permezz ta’ mira vinkolanti u l-introduzzjoni tal-kriterji tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-infiq pubbliku. Jipprevedi wkoll l-obbligi għall-utilitajiet li jagħmluha possibbli għall-klijienti tagħhom li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħhom.

It-trasport għandu t-tieni l-akbar potenzjal. Dan se jkun indirizzat fil-White Paper dwar it-Trasport li jmiss.

L-effiċjenza enerġetika tal- industrija se tiġi ttrattata permezz ta’ rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir industrijali, permezz ta’ għoti tal-informazzjoni mtejba għall-SMEs u ta’ miżuri għall-introduzzjoni ta’ awditjar tal-enerġija u sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija. Titjib fl-effiċjenza tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u tas-sħana huma proposti wkoll, biex ikun żgurat li l-pjan jinkludi miżuri ta’ effiċjenza enerġetika tul il-katina sħiħa tal-forniment tal-enerġija.

Il-miri għall-effiċjenzja fl-enerġija huma mod effettiv kif titħeġġeġ l-azzjoni u jinħoloq momentum politiku. Bl-applikazzjoni tas-“semestru Ewropew”, il-proċess “Ewropa 2020” ħoloq kuntest ġdid ta’ governanza u għodod addizzjonali għall-UE li permezz tagħhom tidderieġi l-isforzi tagħha fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi approċċ ġdid f’żewġ stadji għall-istabbiliment tal-miri. Fl-ewwel stadju, l-Istati Membri bħalissa qed jistabbilixxu l-miri u l-programmi nazzjonali għall-effiċjenza enerġetika. Dawn il-miri indikattivi u l-isforzi individwali ta’ kull Stat Membru se jiġu evalwati biex tiġi determinata il-probabbiltà tal-kisba tal-mira globali tal-UE u safejn l-isforzi individwali jilħqu l-mira komuni. Il-Kummissjoni se tappoġġa u tipprovdi l-għodod lill-Istati Membri għall-elaborazzjoni tal-programmi tagħhom tal-effiċjenza enerġetika u se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom abbażi tal-qafas leġiżlattiv irrevedut tagħha u fi ħdan il-qafas ġdid kif mogħti fil-proċess tal-Ewropa 2020. Fl-2013, il-Kummissjoni se tipprovdi valutazzjoni tar-riżultati miksuba u dwar jekk il-programmi kollha flimkien hux se jwasslu għall-mira Ewropea ta’ 20 %. Fil-każ li r-reviżjoni tal-2013 turi li l-mira globali tal-UE x’aktarx li mhix se tinkiseb, imbagħad bħala t-tieni stadju l-Kummissjoni se tipproponi miri nazzjonali legalment vinkolanti għall-2020. Bħal ma ġara fil-każ tal-enerġija rinnovabbli, wara dan ikun meħtieġ li jitqiesu l-punti ta’ partenza tal-Istati Membri individwali kollha, il-prestazzjoni ekonomika tagħhom u l-azzjoni bikrija meħuda f’dan il-qasam.

Dan il-pjan jibni fuq il-kontributi tal-Parlament Ewropew, notevolment ir-rapport ta’ dan l-aħħar fuq l-inizjattiva tiegħu stess dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija[14], tal-ħafna partijiet interessati u dwar l-esperjenza miksuba fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza Enerġetika 2006. Il-Kummissjoni tistma li l-miżuri diġà fis-seħħ, flimkien ma’ dawk ġodda ppreżentati fil-pjan, għandhom jiżguraw il-kisba bis-sħiħ tal-mira ta’ 20 %. Il-prinċipju ewlieni ta’ dan il-pjan huwa l-proponiment ta’ miżuri vinkolanti u strinġenti iżda mingħajr miri nazzjonali vinkolanti.

Is-suċċess tal-Unjoni fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan se jiddependi fuq il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partjiet interessati rilevanti kollha. Il-Kummissjoni sserraħ fuq l-involviment u l-impenn tal-partijiet konċernati kollha f’dan l-isforz ambizzjuż.

2. IS-SETTUR PUBBLIKU: IMMEXXU BL-EżEMPJU

L-infiq pubbliku jammonta għal 17 %[15] tal-PDG tal-UE. Il-bini li huwa proprjetà pubblika jew li huwa okkupat mis-settur pubbliku jirrappreżenta madwar 12 % skont l-erja tal-istokk tal-bini tal-UE[16]. Hija ħaġa kruċjali li ssir aktar enfasi fuq l-effiċjenza enerġetika fis-settur pubbliku, billi tkopri x-xiri pubbliku, l-arranġament mill-ġdid ta’ binjiet pubbliċi u l-inkoraġġiment ta' prestazzjoni għolja fil-bliet u fil-komunitajiet. Is-settur pubbliku jista’ joħloq swieq ġodda għal teknoloġiji, servizzi u mudelli tan-negozji li huma effiċjenti fl-enerġija. Jeħtieġ li l-Istati Membri jirriformaw is-sussidji li jippromwovu l-użu tal-enerġija, pereżempju billi jagħtuhom orjentazzjoni ġdida lejn titjib fl-effiċjenza u billi jindirizzaw il-faqar fl-enerġija.

- L-effiċjenza enerġetika fil-qasam tan-nefqa pubblika

In-nefqa tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-enerġija titnaqqas billi n-nefqa pubblika tiġi ffokata fuq prodotti, modali tat-trasport, binjiet, xogħlijiet u servizzi li huma effiċjenti fl-enerġija, u dawn joffru wkoll valur imtejjeb għall-flus. Il-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-akkwist pubbliku għal ambjent aħjar kienet ta’ appoġġ għal dan billi żviluppat kriterji tal-akkwist li jqisu l-effiċjenza enerġetika[17]. Barra minn hekk, il-korpi pubbliċi li huma soġġetti għad-Direttivi tal-akkwist pubbliku tal-UE diġà huma meħtieġa li jqisu l-kriterji tal-effiċjenza enerġetika fl-akkwist tagħhom ta’ vetturi[18] jew ta’ tagħmir tal-uffiċċju[19]. Mill-2019 'l quddiem, dan se japplika wkoll għall-binjiet ġodda tas-settur pubbliku, li jkollhom jilħqu livell ta’ prestazzjoni li jkun "kważi żero fl-enerġija" [20]. Sabiex dan l-approċċ jiġi skjerat fuq skala usa', il-Kummissjoni tipproponi li għandhom jiġu applikati b’mod sistematiku standards għoljin tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija meta l-awtoritajiet pubbliċi jixtru prodotti (pereżempju tagħmir tal-ICT), servizzi (pereżempju l-enerġija) u xogħlijiet (pereżempju l-arranġament mill-ġdid ta’ binjiet).

- Ir-rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi

Il-korpi pubbliċi għandhom ikunu ta’ eżempju fl-aġġornament tal-binjiet tagħhom għal livelli ta’ prestazzjoni għolja tal-enerġija. Sabiex jinkiseb dan ir-riżultat ikun xieraq li l-awtoritajiet pubbliċi tal-inqas jirduppjaw ir-rata attwali tagħhom ta’ rinnovazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni se tressaq strument legali[21] skont liema dispożizzjonijiet l-awtoritajiet pubbliċi se jkunu meħtieġa jagħmlu arranġament mill-ġdid għal tal-anqas 3 % tal-binjiet tagħhom (skont l-erja tal-art) fis-sena – madwar darbtejn aktar mir-rata attwali għall-istokk Ewropew tal-bini[22]. Kull arranġament mill-ġdid għandu jwassal il-bini sal-livell tal-aħjar 10 % tal-istokk nazzjonali tal-bini. U meta l-korpi pubbliċi jikru jew jixtru binjiet eżistenti, dawn għandhom ikunu dejjem skont l-aħjar klassi disponibbli tal-prestazzjoni tal-enerġija.

- L-ikkuntrattjar għall-prestazzjoni tal-enerġija

L-ikkuntrattjar għall - prestazzjoni tal-enerġija huwa għodda importanti fl-arranġament mill-ġdid tal-binjiet. Skont din il-forma ta’ xiri bbażata fuq il-prestazzjoni, l-iffrankar monetarju minn kontijiet imnaqqsa tal-utilità u tal-kosti ta’ manutenzjoni li jirriżultaw minn miżuri ta’ effiċjenza enerġetika jintuża biex ikopri parti minn jew il-kosti tal-investimenti kollha tal-miżuri. Dan il-mudell ġie ttestjat u ppruvat li huwa kosteffettiv f’għadd ta’ Stati Membri[23]. L-ikkuntrattjar għall-prestazzjoni tal-enerġija huwa rilevanti sabiex titħeġġeġ ir-rinnovazzjoni fil-binjiet pubbliċi u sabiex ikun aġġornat il-livell tal-effiċjenza enerġetika fl-infrastruttura pubblika bħalma huma d-dwal tat-toroq[24]. Madankollu l-użu tal-ikkuntrattjar għall-prestazzjoni tal-enerġija huwa mfixkel minħabba ambigwitajiet f’ħafna Stati Membri fil-qafas legali u minħabba n-nuqqas ta’ dejta affiddabbli dwar il-konsum tal-enerġija għad-definizzjoni ta’ linji ta' referenza biex magħhom titqabbel il-prestazzjoni. Fl-2011 il-Kummissjoni se tressaq il-proposti leġiżlattivi biex dawn il-problemi jiġu solvuti.

- L-implimentazzjoni tal-effiċjenza enerġetika fuq l-art

Aktar min elfejn belt taw l-impenn volontarju tagħhom biex jimplimentaw miżuri tal-enerġija sostenibbli permezz tal-Patt tas-Sindki appoġġat mill-UE[25]. Il-Patt huwa impenn formali sabiex l-emissjonijiet tas-CO2 tal-pajjiżi firmatajri jonqsu b’aktar minn 20 % sal-2020 permezz ta’ miżuri tal-enerġija sostenibbli fit-territorji tagħhom. Dan sar konkret permezz tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli, żviluppati f’konformità mal-metodoloġija tal-Patt u miftiehma formalment mill-kunsill tal-belt/il-kunsill reġjonali. Il-benefiċċji jmorru lil hinn mill-iffrankarr fl-enerġija: il-bini, ir-retrofit, il-mobbiltà u r-rinnovazzjoni urbani huma attivitajiet ekonomiċi intensivi fl-impjieg, u l-impjiegi li jinħolqu jxaqilbu għal impjiegi ta' ħila, stabbli u mhux soġġetti għad-delokalizzazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-approċċ lokali għall-effiċjenza enerġetika permezz tal-Patt tas-Sindki u se tkompli tinkoraġġixxi sħubiji mal-bliet li għandhom l-istess ħsieb, inklużi dawk ta’ pajjiżi barra l-UE. Fl-2011 se tvara wkoll inizjattiva ġdida għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti biex jiġi żviluppat qafas Ewropew għall-eċċellenza f’soluzzjonijiet innovattivi li jkunu baxxi fil-livelli ta’ karbonju u effiċjenti fl-enerġija fil-livell muniċipali. Din l-inizjattiva se tiffoka fuq it-tħaffif fil-bdil tar-riżultati tar-riċerka f’innovazzjonijiet reali u prattiċi f’għadd ta’ bliet u komunitajiet magħżula. B’mod partikolari, l-inizjattiva se tappoġġa proġetti ta’ wiri fuq skala kbira li jinkludu wkoll azzjoni dwar il-mobbiltà urbana, infrastruttura "ekoloġika"[26] u l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni .

3. INWITTU T-TRIQ GħAL BINJIET LI GħANDHOM KONSUM BAXX TAL-ENERġIJA

Kważi 40 %[27] tal-konsum finali tal-enerġija ġej mid-djar, mill-uffiċċji pubbliċi u privati, mill-ħwienet u minn binjiet oħrajn. Kif turi l-istampa, fid-djar residenzjali, it-tisħin jikkostitwixxi żewġ terzi minn din iċ-ċifra.

Stampa: Il-konsum tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi fid-djar fl-UE-27, %

[pic]

Sors: Indikaturi Odyssee, www. buildup .eu

Potenzjal kbir għall-iffrankar tal-enerġija għad mhuwiex sfruttat. Jeżistu tekniki biex jonqos il-konsum tal-binjiet eżistenti b’nofs jew bi tliet kwarti[28] u biex il-konsum tal-enerġija mill-apparati tipiċi jonqos bin-nofs. Iżda r-rata ta’ rinnovazzjoni ta’ binjiet hija baxxa wisq, u hekk ukoll l-introduzzjoni tal-apparati l-aktar effiċjenti. Jeħtieġ li jiġu solvuti l-ostakli għall-binjiet l-aktar effiċjenti. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu sistemi ta' promozzjoni għall-binjiet tas-settur privat.

- It-trattament tal-użu tas-sħana fil-binjiet

L-indirizzar tal-konsum tas-sħana fil-binjiet se jkun ta’ importanza primarja fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni se tesplora aktar il-firxa ta’ soluzzjonijiet disponibbli, inklużi l-possibbiltajiet għall-promozzjoni tal-użu tat-tisħin distrettwali fil-kuntest tal-ippjanar urban integrat.

- Ostakli legali

Ostaklu importanti huwa “inċentivi maqsuma” għall-aġġornament fil-prestazzjoni tal-enerġija. Dan it-terminu jiddeskrivi l-qagħda komuni fejn kemm is-sid kif ukoll l-inkwilin jiddejjaq iħallas għat-titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija ta' proprjetà mikrija għaliex il-benefiċċji jinqasmu bejniethom. Għadd ta’ Stati Membri żviluppaw dispożizzjonijiet legali li jiddefinixxu l-ammont li jista’ jiġi rkuprat min-naħa tal-investituri mill-inkwilin. Fil-binjiet tas-settur pubbliku u dawk kummerċjali l-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija (l-ESCOs) jista' jkollhom rwol ewlieni fis-soluzzjoni tal-problema. Il-Kummissjoni se tressaq dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirrikjedu lill-Istati Membri jdaħħlu miżuri – f’konformità mal-liġi nazzjonali dwar il-proprjetà – biex jindirizzaw din il-problema.

- Taħriġ

Soluzzjonijiet tal-bini effiċjenti fl-enerġija ta’ sikwit jirrikjedu ħafna attenzjoni teknika. Hemm nuqqas ta’ taħriġ adegwat għall-arkitetti, l-inġeniera, l-awdituri, in-nies tas-sengħa, it-tekniki u l-installaturi, notevolment dawk involuti fl-arranġar mill-ġdid tal-bini. Illum il-ġurnata, madwar 1.1 miljun ħaddiem ikkwalifikat huma disponibbli, filwaqt li huwa stmat li sal-2015 jkunu meħtieġa 2.5 miljun[29]. Għalhekk il-Kummissjoni se tvara l-"BUILD UP Skills: Sustainable Building Workforce Initiative" [L-IŻVILUPP TAL-ĦILIET: Inizjattiva għal Forza tax-Xogħol favur il-Bini Sostenibbli] b’appoġġ lill-Istati Membri għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tat-taħriġ tagħhom fis-settur tal-kostruzzjoni, għall-iżvilupp ta’ strateġiji biex dawn jintlaħqu, kif ukoll sabiex jitrawmu skemi ta’ taħriġ effettivi. Dan jista’ jwassal għal rakkomandazzjonijiet dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-kwalifikazzjoni jew it-taħriġ ta’ nies tas-sengħa. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-Istati Membri biex jadattaw il-kurrikula tat-taħriġ professjonali u universitarja tagħhom biex din tirrifletti l-ħtiġijiet il-ġodda tal-kwalifikazzjoni (f’konformità mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki). L-Inizjattiva Ewlenija tal-Kummissjoni "Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u għall-Impjiegi "[30] tistieden l-adattament tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. It-tranżizzjoni għal teknoloġiji li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija tirrikjedi ħiliet ġodda, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li jqisu l-ambjent fis-settur tal-kostruzzjoni u f'ħafna setturi oħra.

- Il-Kumpaniji tas-Servizzi tal-Enerġija (Energy Service Companies - ESCOs) bħala katalisti għar-rinnovazzjoni

L-ESCOs iwasslu titjib tal-effiċjenza enerġetika; jaċċettaw ir-riskju finanzjarju billi jkopru – jew jgħinu fil-finanzjament – tal-kosti tal-investiment inizjali u jiffinanzjaw dan mill-ġdid permezz tal-iffrankar li jirrizulta. Jistgħu jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi biex dawn jimmodernizzaw il-binjiet tagħhom billi jiggruppjawahom fi proġetti maniġabbli b’kuntratti għall-prestazzjoni tal-enerġija. L-analiżi tissuġġerixxi li s-suq tas-servizzi tal-enerġija fl-Ewropa mhux qed jiżviluppa l-potenzjal sħiħ tiegħu[31]. Il-klijenti potenzjali tas-settur privat u dak pubbliku ta’ sikwit ikun jonqoshom l-informazzjoni sistematika dwar is-servizzi disponibbli tal-ESCOs jew ikollhom dubji dwar il-kwalità tas-servizzi offruti. Sabiex tissupera dawn l-ostakli u żżid it-trasparenza tas-suq tal-ESCOs, il-Kummissjoni se tipproponi li l-Istati Membri jipprovdu analiżijiet tas-suq, listi[32] tal-fornituri akkreditati tas-servizzi tal-enerġija u mudelli ta’ kuntratti. B'rabta ma' dan, l-enfasi se tkun fl-iżgurar li r-rinnovazzjoni tal-binjiet issir b'mod komprensiv (jiġifieri rinnovazzjoni intensiva [deep renovation]) sabiex tkun evitata d-diżordni ripetittiva fil-binjiet. Iċ-ċentru Ewropew għall-għarfien espert fil-qasam tas-sħubija pubblika privata (European public private partnership expertise centre - EPEC) jista’ wkoll jipprovdi informazzjoni utli.

Sabiex l-ESCOs iwettqu r-rwol tagħhom, jeħtieġu l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji. Il-finanzjament innovattiv b’livell għoli ta’ ingranaġġ kemm fil-qasam nazzjonali kif ukoll dak Ewropew ikun mod xieraq għall-ixprunar tal-iżvilupp ta’ dan is-suq, pereżempju, bl-espansjoni tal-aċċess għall-finanzjament ibbażat fuq il-proġett permezz ta’ strumenti li jistgħu jinkludu l-għoti ta’ likwidità u ta’ garanziji, limiti tal-krediti [credit lines] u fondi li jduru [revolving funds].

4. L-EFFIċJENZA ENERġETIKA FAVUR INDUSTRIJA EWROPEA KOMPETITTIVA

- Il-ġenerazzjoni effiċjenti tat-tisħin u tal-elettriku

Madwar 30 % tal-konsum primarju tal-enerġija tal-UE ġej mis-settur tal-enerġija, l-aktar għall-produzzjoni tal-enerġija għall-elettriku u għat-tisħin u għad-distribuzzjoni tagħha. Jeħtieġ li jinbnew kapaċitajiet u infrastrutturi ġodda għall-produzzjoni tal-enerġija li jissostitwixxu tagħmir antikwat u sabiex dawn ilaħħqu mad-domanda[33]. L-iżgurar li titqies l-effiċjenza enerġetika u li l-kapaċità ġdida tkun tirrifletti l-aħjar teknoloġija disponibbli (Best Available Technology - BAT) huwa importanti. L-Iskema għall-Iskambju [in-Negozjar] tal-kwoti tal-Emissjonijiet[34] se jinkoraġġixxi dan, u hekk ukoll id-Direttiva l-ġdida dwar l-Emissjonijiet Industrijali[35]. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja safejn dawn il-miżuri se jwasslu għal titjib fl-effiċjenza minħabba ġenerazjoni ġdida tal-enerġija. Filwaqt li tqis ir-riżultati, u l-ħtieġa li tinkiseb aktar effiċjenza f’perspettiva fiż-żmien medju u aktar fit-tul, il-Kummissjoni se tikkonsidra l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni legali. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni l-Istati Membri minn naħa waħda għandhom jesiġu li l-ksib tal-livelli BAT applikabbli għall-installazzjonijiet ġodda tkun kondizzjoni obbligatorja marbuta mal-awtorizzazzjoni ta’ kapaċità ġdida u min-naħa l-oħra għandhom jiżguraw li bħala parti mill-aġġornament tal-awtorizzazzjoni tal-installazzjonijiet eżistenti dawn tal-aħħar għandhom jiġu mmodernizzati sal-livelli BAT applikabbli għall-kapaċità eżistenti.

Ħidma importanti għall-Kummissjoni se tkun l-esplorar ta’ mezzi ta’ kif għandu jiġi ttrattat l-irkupru tat-telf tas-sħana mill-elettriku u mill-proċessi tal-produzzjoni industrijali, minħabba li l-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija mhux użata xejn mhu qed jiġi eżawrit u jista' jkopri parti sinfikanti mill-ħtiġijiet tal-enerġija termali tal-Ewropa pereżempju, għat-tisħin u għat-tkessiħ, għar-rinforz tar-riżorsi lokali u f'ħafna każijiet għall-bdil tal-enerġija importata. L-isfruttament ta’ dan il-potenzjal jirrikjedi approċċ integrat, trasversali li jqis il-ħtġijiet attwali tal-enerġija termali pereżempju f’binjiet u f’negozji, iqis ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-effiċjenza enerġetika u dawk ambjentali, inkluż l-iżvilupp ta’ infrastrutturi effiċjenti, kif ukoll sinerġiji b’soluzzjonijiet kummerċjali għas-servizzi ta’ forniment termali li huma rħas, nodfa u konvenjenti permezz tal-użu tas-sħana utilizzata u rkuprata.

L-użu msaħħaħ tal-koġenerazzjoni (bi prestazzjoni għolja), inkluż mill-impjanti muniċipali għat-trattment tal-iskart, u t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali jistgħu jagħmlu kontribut importanti għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Għaldaqstant il-Kummissjoni se tipproponi li, fejn ikun hemm domanda potenzjali suffiċjenti, pereżempju fejn hemm konċentrazzjoni adegwata ta’ binjiet jew ta’ industrija fil-viċin, l-awtorizzazzjoni għall-ġenerazzjoni tal-enerġija termali għandha tkun bil-kondizzjoni li tkun abbinata ma’ sistemi li jippermettu l-użu tas-sħana – “koġenerazzjoni tal-enerġija elettrika u termali” (combined heat and power - CHP)[36] – u li s-sistemi distrettwali tat-tisħin ikunu abbinati mal-ġenerazzjoni tal-elettriku kull fejn hu possibbli. Għat-titjib fil-prestazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija tas-sistemi CHP, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni jipprovdu aċċess prijoritarju għall-elettriku mis-CHP, u se tipproponi r-rinforz tal-obbligi fuq l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni dwar l-aċċess u l-konsenja ta’ dan it-tip ta’ elettriku.

- L-effiċjenza enerġetika tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-bażi biex ir-regolaturi tal-grid nazzjonali jqisu l-effiċjenza enerġetika fid-deċiżjonijiet tagħhom u fil-monitoraġġ tal-ġestjoni u tal-operat tal-grids u tan-netwerks tal-gass u tal-elettriku, li tinkludi li dawn jirriflettu l-prijoritajiet tal-effiċjenza enerġetika fir-regolamenti u fit-tariffi tan-netwerk, fil-kodiċijiet tan-netwerk u dawk tekniċi.

- L-effiċjenza enerġetika bħala settur kummerċjali

Prerekwiżit għal Ewropa li tkun effiċjenti fl-enerġija huwa l-ħolqien ta’ valur għall-iffrankar tal-enerġija permezz tal-mekkaniżmi tas-suq. Għalhekk jenħtieġu strumenti li jagħtu valur finanzjarju għall-iffrankar tal-enerġija u jorbtu l-profitti tal-utilitajiet (tal-fornituri jew tad-distributuri) mal-effiċjenza enerġetika aktar milli mal-volum tal-enerġija mwassla. Xi Stati Membri[37] diġà stabbilixxew sistema ta’ obbligi nazzjonali għall-iffrankar tal-enerġija fl-industrija tal-enerġija b’riżultati tajbin: intlaħaq iffrankar fil-konsum finali tal-enerġija sa 6 %[38]. F’sistemi ta’ dan it-tip, huma meħtieġa utilitajiet biex jitwassal ammont fiss ta’ ffrankar tal-enerġija bl-implimentazzjoni tat-titjib tal-effiċjenza enerġetika fost il-klijenti tagħhom (bħal unitajiet domestiċi, kumpanijji, muniċipalitajiet jew assoċjazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni) jew f’setturi oħrajn bħall-ġenerazzjoni tal-enerġija jew tat-trasport. Minflok iwasslu l-iffrankar huma nfushom xi sistemi jippermettu lill-utilitajiet jixtru l-iffrankar tal-enerġija minn atturi bħal kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija (ESCOs). L-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija jistimolaw lill-fornituri biex ibiddlu l-mudell tan-negozju tagħhom minn bejgħ ta’ materja prima tal-enerġija għall-forniment ta’ servizzi tal-enerġija.

Il-Kummissjoni se tipproponi lill-Istati Membri jistabbilixxu skema nazzjonali tal-obbligu għall-iffrankar tal-enerġija li tkun xierqa għaċ-ċirkostanzi tagħhom. L-impatt jista’ – skont l-ambitu u r-rigorożità tar-rekwiżit – irendi ffrankar sa 100 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti għaż-żejt (Mtoe) fl-2020[39].

- Żieda fil-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-manifattura

L-industrija tikkostitwixxi madwar 20 %[40] mill-konsum tal-enerġija primarja tal-UE. Dan huwa settur fejn ġie rreġistrat l-akbar progress fl-effiċjenza enerġetika (b’titjib ta’ 30 % fl-intensità tal-enerġija fuq perjodu ta’ 20 sena). Madankollu, għad hemm opportunitajiet siewja għall-iffrankar tal-enerġija. L-Iskema għall-Iskambju [in-Negozjar] tal-kwoti tal-Emissjonijiet u d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (inkluż ir-riforma ppjanata tagħha)[41] għandhom jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta’ wħud minn dawn l-opportunitajiet. Barra minn hekk, għandhom jiġu indirizzati wkoll l-ostakli bħan-nuqqas ta’ informazzjoni, in-nuqqas ta’ aċċess għall-kapital, u l-pressjonijiet f’terminu qasir tal-ambjent kummerċjali. Is-soluzzjoni ta' dawn l-ostakli għandha tnaqqas il-kontijiet tal-enerġija u ttejjeb l-kompetittività. Fi żmien meta r-riżorsi tal-enerġija qegħdin dejjem jonqsu madwar id-dinja kollha, l-għarfien espert fil-proċessi, it-teknoloġiji[42] u s-servizzi tal-effiċjenza enerġetika, jistgħu wkoll jissarrfu f’negozju ġdid ta’ esportazzjoni li jagħti vantaġġ kompetittiv lill-industriji Ewropej.

L-ostakli għall-investiment f’teknoloġiji li huma effiċjenti fl-enerġija huma iebsin l-aktar għall- intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (Small and Medium sized Enterprises - SMEs)[43]. Għalhekk il-Kummissjoni se tinkoraġġixi lill-Istati Membri jipprovdulhom informazzjoni (pereżempju dwar rekwiżiti legali, kriterji għas-sussidji fuq l-immodernizzar ta’ makkinarju, id-disponibbiltà ta’ taħriġ fuq il-ġestjoni tal-enerġija u tal-esperti tal-enerġija) sabiex jiżviluppaw inċentivi xierqa[44] (bħal tnaqqis fuq it-taxxa, finanzjament għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, jew fondi għall-awditjar tal-enerġija). Flimkien mal-assoċjazzjonijiet rilevanti tal-industrija, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prassi fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u ta’ proġetti li l-mira tagħhom hija l-bini tal-kapaċità fil-ġestjoni tal-enerġija f’kumpaniji mikro u żgħar. Se tappoġġa l-iżvilupp ta’ għodod li l-SMEs jistgħu jużaw bħala punti ta’ referenza għall-użu tal-enerġija tagħhom imqabbla ma’ kumpaniji komparabbli.

Għall- kumpaniji l-kbar , il-Kummissjoni se tipproponi li tagħmel obbligatorji l-audits regolari tal-enerġija. Se tirrakkomanda li, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw inċentivi għal kumpaniji biex jintroduċu sistema tal-ġestjoni tal-enerġija (pereżempju kif deskritt fl-istandard EN 16001) bħala qafas sistematiku għall-użu razzjonali ta-enerġija[45].

Filwaqt li tkompli tisfrutta l-vantaġġ tas-suċċess tal-miżuri tal-ekodisinn bħala għodda importanti għall-istimolu tal-innovazzjoni fit-teknoloġiji Ewropej effiċjenti, il-Kummissjoni qed tinvestiga jekk u liema rekwiżiti għall-prestazzjoni tal-enerġija (l-ekodisinn) ikunu adegwati għal tagħmir industrijali standard bħalma huma l-muturi industrijali, il-pompi kbar, l-arja kompressata, it-tnixxif, it-tidwib, l-ikkastjar, id-distillazzjoni u l-fran.

Il-Kummissjoni se tkompi taħdem mal-industrija – inklużi l-industriji li huma intensivi fl-enerġija[46] u l-industrija tal-ICT[47], li għandha l-potenzjal li tkun faċilitatur ewlieni għall-ksib tat-titjib f’setturi oħrajn – biex tinkoraġġixxi ftehimiet volontarji dwar l-implimentazzjoni tal-proċessi u s-sistemi għall-effiċjenza enerġetika. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq miri, metodoloġiji, skemi ta’ kejl u ta' monitoraġġ ċari, notevolment permezz ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn, u jistgħu jinkludu d-disseminazzjoni ta’ prassi tajba.

- Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala katalisti għal teknoloġiji fl-industrija li huma effiċjenti fl-enerġija u kosteffettivi

Biex tappoġġa l-innovazzjoni teknoloġika, il-Kummissjoni se tkompli trawwem l-iżvilupp, l-ittestjar u l-iskjerament ta’ teknoloġiji ġodda li huma effiċjenti fl-enerġija , pereżempju permezz tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija[48] (Strategic Energy Technology Plan - SET Plan) bil-għan li jonqsu l-ispejjeż u tittejjeb il-prestazzjoni tat-teknoloġiji li huma effiċjenti fl-enerġija, jinħolqu soluzzjonijiet ġodda u tkun iffaċilitata l-introduzzjoni fis-suq fuq firxa wiesgħa. Dan se jgħin lill-UE biex hija ssir aktar effiċjenti fl-enerġija u biex jinfetħu swieq ġodda għall-industriji tal-UE.

5. APPOġġ FINANZJARJU XIERAQ FIL-LIVELL NAZZJONALI U DAK EWROPEW

Bosta investimenti fl-effiċjenza enerġetika jrendu profitti malajr, iżda ma jiġux realizzati minħabba ostakli tas-suq u ostakli regolatorji. Għalhekk jeħtieġ li l-inċentivi tas-suq u l-indikazzjonijiet tal-prezzijiet ikunu intensifikati permezz tat-taxxi fuq l-enerġija u l-karbonju u permezz tal-obbligi nazzjonali fuq l-utilitajiet biex dawn jiffrankaw l-enerġija (ara l-kapitolu 4). Dan għandu jkun ikkomplementat b’mekkaniżmi li jtejbu d-disponibbiltà ta’ prodotti finanzjarji xierqa. Peress li l-kosti tal-investiment jirrappreżentaw ostakli finanzjarji sinifikanti għall-użu tat-teknoloġiji li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija, id-disponibbiltà tal-finanzjament għandha rwol importanti għat-tħaffif tal-investiment.

Waqt li tikkomplementa l-programmi nazzjonali ta’ finanzjament, attwalment l-UE tinsab fil-pożizzjoni li tista' tappoġġa l-effiċjenza enerġetika permezz ta’:

- Il-politika ta’ koeżjoni : Għall-perjodu 2007-2013, l-appoġġ ippjanat mill-Fondi tal-Politika tal-Koeżjoni għal investimenti relatati mal-effiċjenza enerġetika, mal-koġenerazzjoni u mal-ġestjoni tal-enerġija huwa ta’ madwar EUR 4.4 biljun. Saru żewġ emendi ewlenin[49] biex dawn jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tal-effiċjenza enerġetika. Filwaqt li l-politika reġjonali tradizzjonalment iffinanzjat investimenti fl-effiċjenza enerġetika fil-bini pubbliku u kummerċjali biss, issa huwa possibbli li dawn il-fondi jintużaw fis-settur residenzjali fl-Istati Membri kollha; u l-użu tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja ġie estiż għall-effiċjenza enerġetika fil-binjiet. F’kooperazzjoni mal-maniġers responsabbli għall-programm, il-Kummissjoni se tfittex mezzi kif ittejjeb l-użu tar-riżorsi disponibbli għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika.

- Il-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa (2007-2013): dan il-programm ta’ EUR 730 miljun jappoġġa proġetti li jissuperaw in-nuqqasijiet tas-suq, inklużi attivitajiet li jħaffu r-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini. Il-faċilità ELENA (European Local Energy Assistance) hija waħda mill-għodod l-aktar reċenti tiegħu. Din tipprovdi għotjiet lill-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-ispejjeż tal-assistenza teknika għall-iżvilupp ta’ investimenti bankarji fil-qasam tal-enerġiji sostenibbli. Il-faċilità oriġinali kienet ġiet implimentata mill-Bank Ewropew tal-Investiment; żewġ faċilitajiet addizzjonali huma previsti fl-2011[50]. Fi żmien ta’ ftit aktar minn sena ta’ operat, ġew approvati għaxar proġetti ELENA li se jipprovdu madwar EUR 18 miljun f'għotjiet lil benefiċjarji finali bil-għan li jimmobilizzaw madwar EUR 1.5 biljun f’investimenti matul il-perjodu ta’ tliet snin tal-ħajja tagħhom.

- Finanzjament b’intermedjazzjoni: Limiti tal-krediti minn Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali [International Financial Institutions – IFI] u banek oħra tas-settur pubbliku pprovdew sors importanti ta’ finanzjament għal proġetti tal-effiċjenza enerġetika permezz tal-finanzjament bl-intermedjazzjoni tal-banek lokali. Ta’ sikwit il-finanzjament tal-UE jintuża biex tingħata l-assistenza teknika, li jippermetti lill-bank parteċipanti jiffinanzja l-bini tal-kapaċitajiet, jew bħala appoġġ għal miżuri bħall-audits tal-enerġija lil benefiċjarji finali.

- Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku: Dan il-programm qed jiffinanzja s-sħubija pubblika privata tal-"Binjiet Effiċjenti fl-Enerġija" li tipprovdi EUR 1 biljun għal metodi u teknoloġiji tar-riċerka għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija f’binjiet ġodda u dawk rinnovati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem mal-Bank Ewropew tal-Investiment biex tistabbilixxi fond ta’ investiment iddedikat li juża fondi mhux utilizzati minn dan il-programm b’appoġġ għall-proġetti tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli. Dan se jiġi varat fl-2011.

- Il-Programm Qafas tar-riċerka, tal-innovazzjoni teknoloġika u ta' wiri (2007-2013) : dan il-programm jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija bħala miżura li tolqot ħafna setturi oħrajn saħansitra l-Programm ta' Kooperazzjoni kollu, u s'issa rriżulta fil-finanzjament ta' aktar minn 200 proġett b'kontribut tal-UE ta' EUR 1 biljun.

Fil-proċess tat-tħejjija għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, il-Kummissjoni qed teżamina r-riżultati miksuba mill-programm appoġġati mill-UE flimkien mal-valur miżjud Ewropew tagħhom. Se tanalizza l-ambitu għat-titjib fil-mekkaniżmi finanzjarji eżistenti tal-UE kif ukoll l-alternattivi ulterjuri li jistimolaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fuq l-iskala meħtieġa biex jinkisbu l-miri tal-enerġiji u tal-klima tal-UE għall-2020.

6. L-IFFRANKAR GħALL-KONSUMATURI

It-titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija tat-tagħmir użat mill-konsumaturi – bħal apparati u miters intelliġenti – għandu jkollu rwol akbar fil-monitoraġġ jew fil-massimizzazzjoni tal-konsum tal-enerġija, u jippermetti wkoll iffrankar possibbli fl-ispejjeż. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tiżgura li l-interessi tal-konsumatur jitqiesu b’mod xieraq fil-ħidma teknika tat-tikkettar, tal-informazzjoni dwar l-iffrankar tal-enerġija, tal-metraġġ u tal-użu tal-ICT. Għalhekk il-Kummissjoni se tirriċerka l-imġiba tal-konsumaturi u l-attitudnijiet għax-xiri u se tittestja minn qabel is-soluzzjonijiet alternattivi ta' politika fuq il-konsumaturi biex tidentifika dawk li x'aktarx iwasslu għall-imġiba mixtieqa fl-attitudni. Bl-istess mod se tikkonsulta mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fl-istadju bikri tal-proċess. Il-konsumaturi jirrikjedu informazzjoni ċara, preċiża u aġġornata dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom – li sal-lum ftit li xejn hemm disponibbiltà għaliha. Pereżempju, attwalment 47 % mill-konsumaturi biss jafu kemm fil-fatt jikkunsmaw enerġija[51]. Jeħtieġu wkoll parir affidabbli dwar il-kosti u l-benefiċċji tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika. Il-Kummissjoni se tindirizza dan kollu fir-reviżjoni tal-qafas leġiżlatttiv għall-politika dwar l-effiċjenza enerġetika.

- Il-promozzjoni ta’ apparati li huma effiċjenti fl-enerġija u fir-riżorsi

It-titjib fil-prestazzjoni tal-binjiet, u l-prodotti użati għat-tisħin, it-tkessiħ, il-ventilazzjoni u għad-dwal, huwa mezz wieħed fost dawk l-aktar tanġibbli kif il-politika dwar l-effiċjenza enerġetika tista’ tibbenefika l-baġits tal-unitajiet domestiċi. L-istandards tal-effiċjenza enerġetika u t-tikketti tal-ekodisinn għall-apparti tal-unitajiet domestiċi li diġà ġew introdotti [52] wasslu għal iffrankar sostanzjali tal-enerġija għall-konsumaturi kif ukoll opportunitajiet tan-negozju għall-manifatturi Ewropej ta’ prodotti ta’ kwalità għolja. Skont il-pjan ta’ ħidma attwali dwar l-ekodisinn[53], il-Kummissjoni se tkompli b’dan l-approċċ, billi tistabbilixxi standards tal-konsum aktar rigorużi għall-bojlers tat-tisħin, għall-apparati tat-tisħin tal-ilma, għall-kompjuters, għall-kundizzjonaturi tal-arja, għat-tumble driers, għall-pompi, għall-vacuum cleaners u għal tipi oħra ta’ dwal. Se tressaq ukoll pjan ta’ ħidma ġdid għall-2012-2014.

It-tikketti tal-enerġija huma komponent essenzjali li għandu jakkumpanja dan l-approċċ. Huma effettivi l-aktar fil-mod kif il-konsumaturi jagħżlu l-punt tal-partenza tagħhom. Il-Kummissjoni se tvara stħarriġ dwar il-fehim tal-konsumaturi dwar it-tikketti tal-enerġija. Dan għandu jgħin biex l-interessi tal-konsumaturi jkunu mħarsa aħjar (pereżempju billi l-istħarriġ jirrifletti fuq il-perċezzjoni tat-tikketti differenti u l-influwenza tal-kummerċjalizzazzjoni) fil-miżuri għat-tikkettar tal-enerġija li ġejjin fil-futur kif ukoll bħala appoġġ għad-djalogu mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi.

Illum aktar minn 40 % tat-twieqi fl-UE għadhom bi ħġieġa waħda [single-glazing], 40 % oħra huma magħmula minn “double-glazing” antik mhux miksi[54].. Il-Kummissjoni se taħdem biex tiffaċilita l-introduzzjoni fis-suq ta' komponenti fil-kostruzzjoni li huma aktar effiċjenti, pereżempju bl-applikazzjoni tal-oqfsa tal-ekodisinn jew tat-tikkettar għat-twieqi.

Fil-ħidma futura tagħha fuq l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija, il-Kummissjoni, fejn rilevanti, se teżamina l-alternattiva li jiġu kopruti sistemi kif ukoll prodotti individwali. Sabiex tissaħħaħ l-effettività ta' dawn il-miżuri, il-Kummissjoni se tkompli tanalizza l-impatt tul il-ħajja tal-prodotti fuq l-enerġija. Se ssaħħaħ is-sorveljanza tas-suq biex tiżgura li r-rekwiżiti tal-prodott huma implimentati b’mod korrett u se tappoġġa miżuri li jgħinu lill-konsumaturi, lill-installaturi u lill-bejjiegħa bl-imnut biex jagħmlu l-aħjar użu mit-tikketti tal-enerġija.

- Il-konsumaturi jieħdu r-responsabbiltà f’idejhom permezz ta’ teknoloġija ġdida

Skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE[55], il-konsumaturi finali diġà għandhom ikunu infurmati ta’ spiss dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom fil-ħin tal-użu biex dawn ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tagħhom permezz ta’ miters individwali għal kull forma importanti ta’ enerġija: l-elettriku, il-gass, it-tisħin u t-tkessiħ u l-misħun: Għandhom ukoll jingħataw l-informazzjoni dwar prezzijiet u l-kosti tal-enerġija permezz tal-kontijiet u l-kuntratti tagħhom. Dan għandu jkun ippreżentat b’mod li jgħinhom itejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom, pereżempju billi jqabblu l-konsum tagħhom ma’ punti ta’ riferiment jew ma’ soluzzjonijiet disponibbli tal-effiċjenza enerġetika.

Fil-prattika, jeħtieġ li dawn id-drittijiet tal-konsumaturi jkunu implimentati b’mod tajjeb. L-informazzjoni li tingħata għandha tkun immirata aħjar skont il-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn kif ukoll tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Fis-snin li ġejjin l-iskjerament ta’ “grid intelliġenti” Ewropew se jwassal għal bidla radikali fl-ambitu tal-ġbir u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-forniment u l-konsum tal-enerġija Din l-informazzjoni se tippermetti lill-konsumaturi jiffrankaw l-enerġija. L-Istati Membri huma obbligati jiskjeraw il-miters intelliġenti tal-elettriku tagħhom għal tal-anqas 80 % tal-konsumaturi finali tagħhom sal-2020 sakemm dan ikun appoġġat minn analiżi nazzjonali favorevoli tal-kostbenefiċċju[56]. Hija ħaġa importani li jkun żgurat li l-intelliġenza tista’ bl-istess mod tiżviluppa f’netwerks oħra, bħat-tisħin, it-tkessiħ u l-gass[57], u li dawn in-netwerks intelliġenti kollha jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ suq intern interoperabbli għas-servizzi tal-effiċjenza enerġetika. Grids intelliġenti u miters intelliġenti se jservu bħala l-bażi tal-apparati intelliġenti, li jżidu mal-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta mix-xiri ta’ aktar apparati li huma effiċjenti fl-enerġija. Se jinħolqu servizzi ġodda madwar l-iżvilupp ta’ grids intelliġenti, li jippermetti lill-ESCOs u lill-fornituri tal-ICT joffru servizzi lill-konsumaturi li jsegwu l-konsum tal-enerġija tagħhom f’intervalli ta’ spiss (permezz ta’ mezzi bħall-internet jew iċ-ċellulari) u jagħmluha possibbli li l-kontijiet tal-enerġija jindikaw il-konsum skont l-apparat individwali. Minbarra l-benefiċċji għall-konsumaturi fid-djar, id-disponibbiltà tad-dejta eżatta dwar il-konsum permezz tal-miters intelliġenti se tistimola d-domanda għas-servizzi tal-enerġija minn kumpaniji u minn awtoritajiet pubbliċi, u dan jippermetti lill-ESCOs joffru kuntratti kredibbli ta’ prestazzjoni tal-enerġija li jwasslu għal konsum imnaqqas tal-enerġija. Il-grids, miters u apparati intelliġenti se jippermettu li l-konsumaturi jagħżlu li jattivaw l-apparati tagħhom f’mumenti meta l-konsum tal-forniment tal-enerġija jkun l-aktar baxx [off peak] u orħos jew meta tkun disponibbli l-enerġija abbundanti mir-riħ u l-enerġija solari – bi skambju għal inċentivi finanzjarji. Fl-aħħar nett, dawn se joffru lill-konsumaturi l-konvenjenza u l-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija li l-apparati jinxtegħlu u jintfew mill-bogħod.

It-twassil ta’ dan il-potenzjal jirrikjedi standards adegwati għall-miters u għall-apparati, u obbligi għall-fornituri li jipprovdu lill-konsumaturi l-informazzjoni xierqa (pereżempju l-ikkontjar ċar) dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom inkluż l-aċċess għal parir dwar kif jagħmlu l-konsum tagħhom anqas intensiv fl-enerġija u b’hekk inaqqsu l-ispejjeż tagħhom. Għal dan il-għan il-Kummissjoni se tipproponi miżuri adegwati li jiżguraw li l-innovazzjoni teknoloġika, inkluż l-iskjerament tal-grids u tal-miters intelliġenti tissodisfa din il-funzjoni. Dawn il-miżuri se jinkludu rekwiżiti minimi dwar il-kontenut u l-format tal-għoti tal-informazzjoni u tas-servizzi.

Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li t-tikketti tal-enerġija (iċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija) u l-istandards għall-binjiet u l-apparati, fejn xieraq, jirriflettu l-inkorporazzjoni tat-teknoloġija li tagħmel l-apparati u l-binjiet “lesti għall-grids intelliġenti” u dawn ikun jistgħu jiddaħħlu bla xkiel fl-infrastuttura tal-grids intelliġenti u tal-miters intelliġenti. L-apparati bħall-friġġis, friżers u pompi tas-sħana jistgħu jkunu l-ewwel li jiġu ttrattati.

7. IT-TRASPORT

Flimkien mas-setturi koperti fid-dettall f’dan il-pjan, it-trasport – li jammonta għal 32 %[58] tal-konsum finali tal-enerġija – huwa qasam ewlieni għall-iffrankar tal-enerġija. Huwa s-settur li qed jikber l-aktar f’termini tal-użu tal-enerġija, bl-akbar dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Il-White Paper dwar it-Trasport li jmiss se tiddefinixxi strateġija għat-titjib fl-effiċjenza tas-settur tat-trasport li tinkludi l-introduzzjoni ta’ sistemi avvanzati għall-ġestjoni tat-traffiku fil-mezzi kollha tat-trasport; l-investiment fl-infrastruttura u l-ħolqien ta’ Żona Ewropea Unika tat-Trasport għall-promozzjoni tat-trasport multimodali; l-ipprezzar intelliġenti; u standards ta’ effiċjenza għall-vetturi kollha fil-mezzi kollha tat-trasport kif ukoll miżuri oħra li jippromwovu l-innovazzjoni tal-vetturi.

8. QAFAS GħALL-ISFORZI NAZZJONALI

L-ISTATI MEMBRI GħANDHOM RWOL EWLIENI FL-INTRODUZZJONI TAL-POLITIKI U L-MIżURI TAL- effiċjenza enerġetika li huma meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ta’ 20 %. S'issa, il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika (National Energy Efficiency Plans - NEEAPs), li ġew introdotti bid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Enerġija, ipprovdew il-qafas nazzjonali għall-iżvilupp tal-politika dwar l-effiċjenza enerġetika fis-setturi tal-utenti finali[59]. Fid-dawl ta’ dan il-Pjan il-ġdid għall-Effiċjenza Enerġetika li jkopri s-setturi kollha involuti mill-ġenerazzjoni tal-enerġija sal-utent finali, huwa ċar li l-ambitu tal-qafas nazzjonali jeħtieġ li jiġi estiż biex ikopri l-katina sħiħa tal-enerġija, u b’hekk il-pjan jisfrutta aktar potenzjali għall-iffrankar tal-enerġija[60].

Fl-istess ħin, it-tnedija tal-ewwel Semestru Ewropew tal-koordinament tal-politika ex-ante fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020 tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-Kummissjoni biex issegwi u tivvaluta l-progress annwali tal-Istati Membri dwar l-effiċjenza enerġetika.

Peress li l-monitoraġġ tal-kisbiet nazzjonali huwa essenzjali biex issir valutazzjoni tal-progress lejn il-mira Ewropea ta’ 20 %, il-Kummissjoni fix-xhur li ġejjin se tanalizza liema qafas ta’ monitoraġġ ikun l-aktar xieraq.

9. KONKLUżJONI

Il-miżuri proposti f’dan il-Pjan għandhom l-għan li jċekknu d-diskrepanza li teżisti biex tintlaħaq il-mira tal-iffrankar tal-enerġija ta’ 20 % fl-UE kif ukoll li jgħinu biex tiġi realizzata l-viżjoni tagħna għall-2050 għal ekonomija li tkun effiċjenti fir-riżorsi u baxxa fil-livelli ta’ karbonju filwaqt li jimmiraw ukoll li jżidu l-indipendenza fl-enerġija u s-sigurtà tal-forniment. L-implimentazzjoni bis-sħiħ ta’ dan il-pjan għandha twassal għall-iffrankar importanti tal-enerġija: skont l-estimi l-azzjonijiet tas-settur pubbliku u r-rekwiżiti minimi l-ġodda dwar l-effiċjenza għall-apparati għandhom irendu ffrankar sa 100 Mtoe u wieħed jistenna li l-miżuri fis-settur tat-trasport u l-iffrankar tal-enerġija għall-konsumaturi bis-saħħa tal-fornituri tal-enerġija tagħhom għandhom jiġġeneraw iffrankar komparabbli [61].

Il-miżuri vinkolanti ppreżentati f’dan il-pjan se jkunu implimentati permezz ta’ strumenti leġiżlattivi xierqa, inkluża proposta leġiżlattiva li tkun tiġbor fiha r-reviżjoni tad-Direttivi eżistenti dwar is-Servizzi tal-Enerġija u dwar il-koġenerazzjoni tal-Enerġija Elettrika u Termali[62]. Il-passi li jmiss matul l-2011 se jkunu l-adozzjoni ta’ dik il-proposta[63]; l-adozzjoni ta’miżuri ġodda għall-ekodisinn u għat-tikkettar tal-enerġija; it-tnedija tal-inizjattiva għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti; u proposti dwar għodod ta’ finanzjament li se jitressqu waqt id-diskussjonijiet baġitarji tal-2011.

Il-Kummissjoni titlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati rilevanti kollha biex japprovaw dan il-Pjan għall-Effiċjenza Enerġetika, biex jidħlu b’mod attiv fid-diskussjonijiet dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni u biex jikkooperaw mill-qrib fl-implimentazzjoni tiegħu.

[1] COM(2010) 2020.

[2] Teknikament, "l-effiċjenza enerġetika" tfisser li jintużaw anqas inputs tal-enerġija filwaqt li jinżamm livell ekwivalenti ta' attività ekonomika jew ta' servizz; "l-iffrankar tal-enerġija" huwa kunċett usa’ li jinkludi wkoll it-tnaqqis fil-konsum peremzz ta’ bdil fl-imġiba jew ta’ attività ekonomika mnaqqsa. Fl-prattika dawn iż-żewġ termini diffiċli biex jiġu sseparati minn xulxin u – kif jidher f’din il-Komunikazzjoni – ta’ sikwit jiġri li wieħed minnhom jintuża minflok l-ieħor.

[3] "Negajoules" jirrappreżentaw il-konsum tal-enerġija evitat permezz tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Pereżempju, it-titjib ta' 13% fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-konsumaturi finali li seħħ fl-UE27 bejn l-1996 u l-2007 kien ekwivalenti għall-ifrrankar tal-enerġija ta' madwar 160 Mtoe f'dan il-perjodu (Overall Energy Efficiency Trends and Policies in the EU27 - ADEME 2009).

[4] 7224/1/07 REV 1: Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8/9 ta’ Marzu 2007. Din il-mira tfisser iffrankar tal-enerġija ta’ 368 miljun tunnellata tal-enerġija primarja ekwivalenti għaż-żejt (Mtoe) (il-konsum gross intern wara tnaqqis tal-użi li mhumiex enerġija) sal-2020 imqabbel mal-konsum previst f’dik is-sena ta' 1842 Mtoe. Din il-mira reġgħet ġiet ikkonfermata mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2010 (17/6/2010 Nr: EUCO 13/10).

[5] COM(2010) 639.

[6] Dawn il-passi ttieħdu fil-qafas tal-Energy Efficiency Action Plan 2006 [Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza Enerġetika 2006] (COM(2006) 545; il-progress huwa vvalutat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż SEC(2011) 275.

[7] Skont l-istimi l-aktar reċenti tal-Kummissjoni u meta wieħed iqis il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika li ġew implimentati sa Diċembru 2009.

[8] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew 4/2/2011 Nru: EUCO 2/11.

[9] COM(2011) 21.

[10] COM(2011) 112.

[11] COM(2008) 772: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: L-effiċjenza fl-enerġija: il-kisba tal-mira ta’ 20 %.

[12] Stimi bbażati fuq dejta tas-settur tal-bini Ara SEC(2011) 277: Impact Assessment accompanying the Energy Efficiency Plan [Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Pjan għall-Effiċjenza Enerġetika].

[13] SEC(2011) 277. Impact Assessment accompanying the Energy Efficiency Plan [Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Pjan għall-Effiċjenza Enerġetika].

[14] 2010/2107 (INI): Ir-Rapport tal-Parlament Ewropew fuq l-inizjattiva tiegħu stess dwar ir-Reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija.

[15] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 13.

[16] Ecorys, Ecofys and BioIntelligence (2010): Study to Support the Impact Assessment for the EU Energy Saving Action Plan [traduzzjoni mhux disponibbli bil-Malti]. L-istima hija bbażata fuq il-preżunzjoni ta’ 5 m² ta’ bini pubbliku għal kull ċittadin, li tfisser erja totali tal-art ta’ binjiet pubbliċi (eskluż l-akkomodazzjoni soċjali) fl-UE ta' 2.5 biljun m². It-total tal-erja tal-art huwa 21 biljun m².

[17] COM(2008) 400: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: L-Akkwist pubbliku għal ambjent aħjar.

[18] Id-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ Vetturi ta’ Trasport fuq it-Triq [li huma] Nodfa u Effiċjenti fl-użu tal-Enerġija – ara wkoll il-Portal li ġie varat dan l-aħħar dwar Vettur Nodfa, intenzjonat għall-awtoritajiet pubbliċi biex jgħinhom jimplimentaw din id-Direttiva billi jagħtihom, kif ukoll lill-utenti finali, analiżi komparattiva tul iċ-ċiklu tal ħajja tal-vetturi eżistenti (http://www.cleanvehicle.eu/)..

[19] Skont il-Programm Ewropew tal-Energy Star, li jobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi ċentrali tal-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jakkwistaw tagħmir li mhumiex anqas effiċjenti mill-Energy Star ((KE) 106/2008)

[20] Id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-Rendiment [Il-Prestazzjoni] tal-Bini fl-użu tal-Enerġija;

[21] Dan l-istrument legali, bħall-miżuri vinkolanti l-oħra f'dan il-pjan, se jkunu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt dettaljata. Se jinkludi analiżi fil-fond tar-rata annwali proposta tar-rinnovazzjoni u verifika tal-aħjar metodu għall-implimentazzjoni tiegħu kif ukoll mekkaniżmu ta' monitoraġġ.

[22] Dan il-perċentwali japplika fil-livell tal-Istati Membri. Ir-rata attwali tal-arranġament mill-ġdid qiegħda bejn 1,2 % u 1,5 % fis-sena għall-UE 27. In-naħa l-għolja tal-firxa tirrifletti r-rata ta’ retrofit tal-binjiet 'il fuq minn 1000 m², li hija l-każ ukoll għall-biċċa l-kbira tal-binjiet pubbliċi u li tispjega għaliex l-irduppjar tar-rata attwali jlaħħaq it-3 %. Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 13 u SEC(2008) 2865.

[23] Inklużi d-Danimarka, Franza u l-Ġermanja

[24] Fl-2005, id-dwal tat-toroq ikkunsmaw 36 TWh ta' elettriku.

Ara http://ec.europa.eu/governance/impact/ia_carried_out/docs/ia_2009/sec_2009_0324_en.pdf

[25] Il-proċedura tal-Patt ġiet varata f’Jannar 2008 u l-bliet u r-reġjuni bdew jaderixxu f’Ottobru 2008 meta ġie ffinalizzat it-test tal-Patt. Ara http://www.eumayors.eu/home_en.htm

[26] L-infrastruttura "ekoloġika" tinkludi l-użu ta' siġar u ta' pjanti għat-tkessiħ tat-temperaturi urbani, it-tnaqqis fil-ħtiġiet tal-enerġija għat-tkessiħ – u hija adattament individwali għat-tibdil fil-klima. Tista' wkoll tnaqqas ir-riskju tal-għargħar u r-riskji għall-kwalità tal-ilma, tal-arja u tal-ekosistema. COM(2009) 147 finali p.5, COM(2011) 17 finali p.8

[27] Fl-2008. Ara Eurostat, Energy, transport and environment indicators, l-edizzjoni tal-2010.

[28] Eżempji ta’ arranġament mill-ġdid tal-programm tal-UE għal Bini Ekoloġiku juru tnaqqis kosteffettiv sa 80 %.

[29] Evalwazzjoni ex-ante tal-inizjattiva dwar it-taħriġ tal-forza tal-ħaddiema fil-kostruzzjoni u l-kwalifiki fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli fi ħdan il-Programm Enerġija Intelliġenti – Ewropa. Ara Ecorys, Ecofys and BioIntelligence (2010): Study to Support the Impact Assessment for the EU Energy Saving Action Plan, [traduzzjoni mhux disponibbli bil-Malti] p. 34.

[30] COM(2010) 682.

[31] Fl-UE huwa stmat li hemm bejn 700 u 1040 ESCO attiv, li jirrappreżentaw volum tas-suq ta’ EUR 6.7 sa EUR 8.5 biljun. Il-potenzjal tas-suq huwa stmat għal EUR 25 biljun. Ara Bertoldi, Marino, Rezessy, Boza-Kiss (2010): Is-suq tal-Kumpaniji tas-Servizzi tal-Enerġija fl-Ewropa [Energy Service Companies market in Europe] – ĊKR.

[32] Listi bħal dawn jistgħu jitfasslu fil-livell nazzjonali u jinfetħu għal kull tip ta’ fornitur tas-servizzi tal-enerġija. Ikunu jservu biss bħala għodda ta’ informazzjoni. Abbażi tal-ipotesi li ma tkun meħtieġa l-ebda akkreditazzjoni jew kwalifika bħala kriterju għall-aċċess biex fornitur jitniżżel fil-lista, dan jiżgura li l-listi ma jipproduċux effetti negattivi bħall-preklużjoni mis-suq tas-servizzi. Il-wiri fuq bażi volontarja ta’ tikketti ta’ kwalità u ta’ referenzi jkun mezz addizzjonali kif tiżdied il-fiduċja fil-kwalità tas-servizzi offruti.

[33] COM(2010) 677/4. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara - Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat.

[34] Id-Direttiva 2003/87/KE kif emendata.

[35] Id-Direttiva 2010/75/UE.

[36] Id-Direttiva 2004/8/KE fuq il-promozzjoni ta' koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE.

[37] Dan hu l-każ pereżempju fir-Renju Unit, fl-Italja, fi Franza u fid-Danimarka, kif ukoll fir-reġjun ta' Flanders.

[38] Ecorys, Ecofys and BioIntelligence (2010): Study to Support the Impact Assessment for the EU Energy Saving Action Plan [traduzzjoni mhux disponibbli bil-Malti].

[39] SEC (2011) 277: Impact Assessment accompanying the Energy Efficiency Plan [Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-Pjan għall-Effiċjenza Enerġetika].

[40] Fl-2008. Ara Eurostat, Energy, transport and environment indicators, l-edizzjoni tal-2010.

[41] Id-Direttiva 2003/96/KE.

[42] Ara l-Komunikazzjoni ELECTRA COM(2009) 594:

[43] Eurochambres (2010): Energy efficiency in SMEs: Success Factors and Obstacles. [traduzzjoni mhux disponibbli bil-Malti].

[44] Il-Kummissjoni tfakkar li fejn il-miżuri ta' appoġġ jinvolvu l-għajnuna mill-Istati, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif speċifikati fl-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

[45] Fejn xieraq, inkluża l-ġestjoni tal-enerġija bħala parti integrali ta’ sistema tal-ġestjoni ambjentali kumplessiva.

[46] L-approċċ se jiffoka fuq (1) prodotti, (2) sistemi li jitħaddmu bl-enerġija (pereżempju muturi tal-elettriku, trażmissjoni b’veloċità varjabbli, tagħmir ta’ kontroll u pompi) u (3) installazzjonijiet (pereżempju audits tal-installazzjonijiet).

[47] Is-settur tal-ICT ġie mistieden biex jiżviluppa u jadotta metodoloġiji komuni għall-kejl tal-prestazzjoni tal-enerġija u tal-emissjonijiet GHG, kif ukoll mezz armonizzat għall-ikkwantifikar tal-potenzjal tiegħu bħala faċilitatur (COM (2010) 245, Aġenda Diġitali għall-Ewropa).

[48] http://ec.europa.eu/energy/technology/set_plan/set_plan_en.htm

[49] Ir-Regolamenti (KE) Nru 397/2009 u (UE) Nru 832/2010.

[50] Li għandhom jiġu implimentati mill-Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW) u mill-Bank tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Iżvilupp [Council of Europe Development Bank – CEB].

[51] SEC(2010) 1409: The functioning of the retail electricity markets for consumers in the European Union [Il-funzjonament tas-swieq retail tal-elettriku għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea].

[52] Friġġis, friżers, televixins, magni tal-ħasil tal-platti, magni tal-ħasil, fannijiet, ċerti tipi ta’ dwal, u dekoders għat-televixins diġitali.

[53] COM(2008) 660: Twaqqif tal-pjan ta' ħidma għall-perjodu 2009-2011 skont id-Direttiva tal-Ekodisinn.

[54] Stimi mħejjija minn TNO għal “Glass for Europe”.

[55] Id-Direttivi 2006/32/KE, 2009/72/KE u 2009/73/KE

[56] Id-Direttiva 2009/72/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku.

[57] Skont id-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-swieq tal-bejgħ bl-imnut [is-swieq fil-livell tal-konsumaturi] tal-gass naturali, il-metraġġ intelliġenti għandu jintlaħaq f’perjodu raġonevoli ta’ żmien.

[58] Fl-2008. Ara Eurostat, Energy, transport and environment indicators, l-edizzjoni tal-2010.

[59] Ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż SEC (2011) 276: National Energy Efficiency Action Plans (NEEAPs); update on implementation [Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza Enerġetika: aġġornament dwar l-implimentazzjoni].

[60] L- acquis attwali dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa estiż għall-viċinati tal-UE fix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa permezz tat-trattat tal-Komunità tal-Enerġija (Energy Community treaty – ECT) (jew qiegħed fil-proċess fil-każ ta’ acquis aktar reċenti). Għalhekk il-qafas għall-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, inkluż il-mira ta’ 20 %, japplika għall-imsieħba li għandhom l-intenzjoni li jissieħbu mal-UE. L-inizjattivi l-ġodda tal-UE għall-effiċjenza enerġetika awtomatikament se jiżdiedu mal- acquis tal-ECT.

[61] Dawn huma stimi skont il-miżura dwar l-iffrankar tal-enerġija, li jistgħu jkunu soġġetti għal ċertu rkib.

[62] Id-Direttivi 2006/32/KE u 2004/8/KE.

[63] Din il-proposta se tinkludi l-miżuri f’dan il-pjan li jittrattaw ix-xiri pubbliku ta’ prodotti, servizzi u xogħlijiet; ir-rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi; l-ikkuntrattjar għall-prestazzjoni tal-enerġija; inċentivi maqsumin għall-immodernizzar fil-prestazzjoni tal-enerġija; il-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija; l-effiċjenza fil-ġenerazzjoni tal-enerġija; l-aċċess mill-grid għall-elettriku bis-saħħa tal-koġenerazzjoni tal-enerġija elettrika u termali [combined heat and power]; l-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija; l-audits tal-enerġija; is-servizzi tal-informazzjoni għall-konsumaturi tal-enerġija; u l-effiċjenza tal-enerġija fir-regolazzjoni tal-grid.