52011DC0020

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi - nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta' evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) /* KUMM/2011/0020 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 27.1.2011

KUMM(2011) 20 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi - nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta' evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SEG(2011) 102 finali}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi - nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta' evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Is-servizzi huma l-mutur tal-ekonomija tal-UE. Bejn wieħed u ieħor 9 minn kull 10 impjiegi li jinħolqu huma f'dan is-settur. Suq Uniku għas-servizzi li jiffunzjona sew u li huwa tassew integrat huwa għalhekk għodda ewlenija għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni meħtieġa fl-Ewropa, kif ukoll biex tissaħħaħ il-kompetittività globali tagħha. Ir-riformi strutturali meħtieġa biex jinħoloq Suq Uniku għas-servizzi ġenwin jinsabu wkoll fil-qalba tal-istrateġija "Ewropa 2020"[1], li enfasizzat li "irid jinħoloq suq uniku miftuħ għas-servizzi abbażi tad-Direttiva tas-Servizzi" . Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Att dwar is-Suq Uniku"[2] adottata riċentament enfasizzat il-ħtieġa li jitwessa' aktar is-Suq Uniku għas-servizzi u li nibnu fuq ir-riżultati tal-proċess ta' "evalwazzjoni reċiproka" previst fid-Direttiva tas-Servizzi[3].

F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta r-riżultati ewlenin tal-proċess ta' "evalwazzjoni reċiproka" u qiegħda tibni fuqhom sabiex timxi lejn fażi ġdida fil-ħolqien ta' Suq Uniku għas-servizzi fejn il-benefiċċji tad-Direttiva tas-Servizzi jiġu kkonsolidati u kkumplimentati minn sett ta' azzjonijiet ulterjuri. Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jiddeskrivi f'aktar dettall il-ħidma li twettqet matul l-"evalwazzjoni reċiproka" u l-ewwel sett ta' riżultati tar-riformi leġiżlattivi adottati mill-Istati Membri biex jimplimentaw din id-Direttiva.

IS-SERVIZZI HUMA L-IXPRUN TAL-EKONOMIJA TAL-UE

Il-ħolqien ta' Suq Uniku għas-servizzi - żona mingħajr fruntieri interni fejn ikun żgurat il-moviment ħieles tas-servizzi - kien wieħed mis-sisien tal-proġett Ewropew mill-bidu nett. Is-Suq Uniku għas-servizzi la kien imfassal u lanqas ma għandu jitqies bħala għan fih innifsu. Huwa għodda biex jissaħħu l-ħajja ta' kuljum u l-benesseri taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej. Jeħtiġilna nużaw il-potenzjal enormi li joffri bħala mezz biex noħolqu tkabbir u impjiegi sostenibbli, inwessgħu l-għażliet għall-konsumaturi u niftħu opportunitajiet ġodda għan-negozji.

Suq Uniku għas-servizzi li jiffunzjona sew huwa meħtieġ b'mod saħansitra aktar urġenti fid-dawl tal-kriżi ekonomika attwali. Is-servizzi llum huma l -mutur ewlieni tal-ekonimija tal-UE u fl-aħħar diċenji l-attività ekonomika nbidlet dejjem iżjed f'waħda ta' servizzi b'intensità ta' għarfien. Is-servizzi jgħoddu għal aktar minn żewġ terzi tal-PDG u l-impjiegi tal-UE , u fl-aħħar snin kienu s-sors tal-ħolqien nett kollu l-impjiegi . Minn barra dan, madwar 75 % tal-kummerċ tas-servizzi jikkonċerna l-forniment ta' servizzi lil negozji oħra fi kważi kwalunkwe settur tal-ekonomija Ewropea, partikolarment l- industrija . Swieq tas-servizzi aktar integrati u li jiffunzjonaw aħjar għandhom għalhekk isaħħu l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE inġenerali.

Madankollu, is-Suq Uniku għas-servizzi għadu mhux qiegħed irendi l-potenzjal kollu tiegħu . Is-servizzi għadhom jirrapreżentaw biss madwar wieħed minn ħamsa tal-kummerċ totali fl-UE, sehem li huwa modest meta mqabbel mal-preżenza tagħhom fl-ekonomija (anki meta jitqies il-fatt li ċerti servizzi huma fin-natura tagħhom anqas kummerċabbli u/jew b'karattru aktar lokali). In-nuqqas ta' dinamiżmu fil-kummerċ tas-servizzi fl-UE jidher ċar meta jitqabbel mal-kummerċ tas-servizzi globali tal-UE. Sa mill-2004, il-kummerċ fis-servizzi bejn l-UE u l-bqija tad-dinja kien qiegħed jikber b'rata aktar mgħaġġla minn dik fis-Suq Uniku. Illum madwar 8% biss tal-SMEs Ewropej jinnegozjaw fi Stati Membri oħra. B'konsegwenza, l-attivitajiet innovattivi li huma vitali għat-tkabbir jibqgħu fil-konfini nazzjonali u ta' spiss, ma jilħqux il-massa kritika meħtieġa. Dan itellef l-għażla għall-utenti tas-servizzi kif ukoll il-potenzjal Ewropew għall-innovazzjoni. Barra minn dan, fl-aħħar snin u f'għadd ta' oqsma tas-servizzi t-tkabbir tal-prodottività kien kajman, parti minħabba l-intensità baxxa tal-kompetizzjoni, li għadha fgata minn ostakli bla bżonn għas-Suq Uniku.

Fil-qosor, l-ekomonija tal-UE teħtieġ b'mod urġenti Suq Uniku tas-servizzi aktar integrat u usa'. Dan huwa meħtieġ biex jgħin lin-negozji - fis-servizzi u l-industrija - jikbru, joħolqu aktar impjiegi u jippożizzjonaw aħjar lilhom infushom globalment. Huwa wkoll ta' importanza ewlenija sabiex iwassal lill-ekonomija tal-UE fit-triq tal-irkupru. Tkabbir addizzjonali fis-servizzi għandu wkoll jgħin il-bidliet strutturali li jakkumpanjawh fl-ekonomija tal-UE u jikkumpensa l-aġġustamenti fl-impjiegi f'setturi oħra.

L-adozzjoni u l-implimentazzjoni sussegwenti tad- Direttiva tas-Servizzi kienet pass kruċjali fit-titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi. Għamlet hekk billi neħħiet ostakli bla ġustifikazzjoni, issimplifikat il-qafas regolatorju u għenet fl-immodernizzar tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. Madankollu għad fadal x'isir . Il-Komunikazzjoni "Lejn Att dwar is-Suq Uniku" li ġiet adottata dan l-aħħar tikkonferma l-importanza tas-Suq Uniku għas-servizzi u l-bżonn li jiġi żviluppat aktar. Din il-komunikazzjoni , li tieħu bħala punt tat-tluq ir-riżultati tal-proċess tal-"evalwazzjoni reċiproka" tad-Direttiva tas-Servizzi, tistabbilixxi programm ta' ħidma ambizzjuż li għandu jressqna eqreb lejn dan l-għan . Tikkumplimenta u tirrinforza sforzi oħra li qed isiru fil-livell tal-UE biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq tas-servizzi, partikolarment is-segwitu tal-eżerċizzju ta' "monitoraġġ tas-suq fil-livell tal-konsimatur"[4] u l-inizjattiva ewlenija Ewropa 2020 "Aġenda Diġitali għall-Ewropa" [5], kif ukoll l-inizjattivi li ġejjin biex jitrawwem funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għall-kummerċ-e[6].

ID-DIRETTIVA DWAR IS-SERVIZZI - PASS IMPORTANTI LEJN FUNZJONAMENT AħJAR TAS-SUQ UNIKU TAS-SERVIZZI

Is-servizzi huma attivitajiet li jvarjaw ħafna u ta' spiss kumplessi. L-istess huma r-regoli li l-Istati Membri jimponu fuqhom u l-ostakli li l-fornituri tas-servizzi u dawk li jużawhom ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom meta jkunu jridu jgawdu mis-Suq Uniku. L-ostakli jaffettwaw lis-servizz agħar milli jaffettwaw lill-oġġetti - minħabba n-natura intanġibbli tas-servizzi, l-importanza tal-għarfien espert tal-fornituri tas-servizzi, l-użu transkonfinali tat-tagħmir, eċċ. Jolqtu wkoll agħar lill-SMEs, partikolarment l-intrapriżi żgħar ħafna (95% tal-fornituri kollha tas-servizzi fl-UE) milli jolqtu lid-ditti akbar. Ħafna minn dawn l- ostakoli huma ta' natura trażversali , jiġifieri huma komuni għal varjetà wiesgħa ta’ servizzi matul l-istadji kollha tal-attività tal-fornitur. Barra minn dan, għandhom għadd ta’ karatteristiċi komuni , inkluż il-fatt li dawn ta’ spiss jiġu minn piżijiet amministrattivi, l-inċertezza legali assoċjata ma’ attività transkonfinali u n-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri[7].

F'dan l-isfond, f' Diċembru 2006 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva tas-Servizzi , strument orizzontali tas-Suq Uniku li jkopri varjetà kbira ta' attivitajiet ta' servizzi li jirrappreżentaw madwar 40% tal-PDG u l-impjiegi tal-UE. Id-Direttiva kellha tiġi implimentata bis-sħiħ sal-aħħar tal-2009. Il-perjodu ta' tliet snin ta' implimentazzjoni tagħha kien jeħtieġ sforz bla preċedenti fil-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u appoġġ politiku sod, fosthom mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Ir-riżultati tal- implimentazzjoni, anki jekk f'xi Stati Membri għadhom qed jitlestew, jikkostitwixxu pass ewlieni 'l quddiem f'termini ta' tneħħija tal-ostakli u l-modernizzazzjoni/simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Ġew aboliti mijiet ta' rekwiżiti diskriminatorji, bla ġustifikazzjoni u sproporzjonati li kienu jeżistu madwar l-UE kollha f'setturi importanti tas-servizzi bħal fil-livell ta' konsumatur, is-servizzi tal-professjonijiet regolati, is-settur tal-kostruzzjoni, is-settur tat-turiżmu u s-settur tas-servizzi għan-negozji. Dan twettaq permezz ta' aktar minn 1000 liġi ta' implimentazzjoni, li xi wħud minnhom kienu "liġijiet omnibus" b'għexieren ta' tibdiliet f'biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni. Ħafna Stati Membri waqqfu wkoll mekkaniżmi speċifiċi biex iżommu milli jinħolqu ostakli ġodda fil-futur bħal pereżempju obbligi interni ta' notifikazzjoni, linjigwida għal leġiżlazzjoni futura jew "testijiet tas-Suq Uniku" fil-valutazzjoni tal-impatt ta' rekwiżiti l-ġodda. Finalment fil-legiżlazzjoni nazzjonali ġew introdotti klawżoli li jiffaċilitaw il-moviment ħieles tas-servizzi minn fornituri legalment stabbiliti fi Stati Membri oħra. Jekk jiġu infurzati sew, dawn għandhom itejbu sinifikattivament il-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi[8]. Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l- potenzjal kollu tad-Direttiva jiġi realizzat biss meta l-Istati Membri jlestu t-tibdiliet leġiżlattivi meħtieġa kollha biex jimplimentawha. Dan huwa partikolarment il-każ f'dawk l-Istati Membri li adottaw liġijiet ta' qafas orizzontali li jimplimentaw id-Direttiva iżda ma bidlux (jew bil-kemm) il-leġiżlazzjoni għal setturi speċifiċi sabiex ineħħu l-ostakli bla ġustifikazzjoni li hemm fihom.

It-tibdiliet leġiżlattivi jirrappreżentaw biss parti waħda mill-kisbiet matul l-implimentazzjoni. Sar u għadu jsir ukoll sforz qawwi biex jiġu mmodernizzati l-amministrazzjonijiet pubbliċi - partikolarment permezz tal-istabbiliment ta' " Punti ta' Kuntatt Uniku " - il-portals għan-negozju li issa huma operttivi fi kważi l-Istati Membri kollha. U qiegħda tiżviluppa kultura ta' kooperazzjoni amministrattiva biex jiġi ffaċilitat l-moviment ħieles tas-servizzi - fosthom permezz tal-użu tas-sistema tal-"Informazzjoni dwar is-Suq Uniku". Għal darba oħra dawn l-isforzi jridu jiġu sostnuti sabiex jiġi żgurat li l-effetti tad-Direttiva jinħassu bis-sħiħ fil-prattika.

Kollox ma' kollox, stimi konservattivi jbassru li l-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-servizzi għandha l-potenzjal li toħloq gwadan ekonomiku ta' sa 140 biljun Euro, li jirrappreżenta sa 1.5% ta’ tkabbir tal-PDG tal-UE [9]. Dawn l-estimi ma jqisux effetti purament nazzjonali tas-simplifikazzjoni amministrattiva u regolatorja, li għandha tkun sinifikanti wkoll.

L -importanza tad-Direttiva tas-Servizzi għall-iżvilupp tas-Suq Uniku għas-servizzi ma tiqafx hawn. Fil-fatt, id-Direttiva fiha sett ta' mekkaniżmi u għodod li jippermettu aktar progress wara l-implimentazzjoni. Għodda patikolarment b'saħħitha hija l- proċess tal-evalwazzjoni reċiproka prevista fid-Direttiva, li wettqu l-Istati Membri u l-Kummissjoni matul 2010. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta s-sejbiet ewlenin tiegħu u tidentifika abbażi tagħhom sett ta' azzjonijiet biex jitwessa' aktar is-Suq Uniku għas-servizzi u biex jinġieb eqreb tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji tal-UE. Tibni fuq ir-riżultati tad-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni u l-konklużjonijiet ewlenin li wasslu għalihom, kif ukoll il-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika li twettqet ukoll.

IL-PROċESS TAL-EVALWAZZJONI REċIPROKA - GħODDA B'SAħħITHA GħALL-EVALWAZZJONI TAL-ISTAT TAS-SUQ UNIKU GħAS-SERVIZZI

Il-proċess tal-"evalwazzjoni reċiproka" kien eżerċizzju ta' "analiżi mill-pari" innovattiv u ibbazat fuq l-evidenza, previst mid-Direttiva tas-Servizzi stess. Filwaqt li dan il-mekkaniżmu mhux ser ikun adattat jew meħtieġ fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-UE kollha, l-ispeċifiċitajiet tad-Direttiva tas-Servizzi rendewh neċessarju. L-ewwel nett, l-iskop wiesa' tagħha ħtieġ lill-Istati Membri jwettqu analiżi sistematika u komprenżiva tal-leġiżlazzjoni tagħhom . It-tieni nett, id-Direttiva tat lill-Istati Membri l-kompitu li jivvalutaw għadd ta' rekwiżiti legali tipikament imposti fuq il-fornituri tas-servizzi : rekwiżiti fuq l-istabbiliment (bħall-iskemi tal-awtorizzazzjoni, restrizzjonijiet territorjali jew restrizzjonijiet fuq is-sjieda kapitali) u rekwiżiti fuq il-forniment transkonfinali ta' servizzi (bħall-obbligi tar-reġistrazzjoni, in-notifikazzjoni jew l-assigurazzjoni). L-Istati Membri kellhom janalizzaw u jivvalutaw dawn ir-rekwiżiti skont ċerti kriterji stabbiliti fid-Direttiva ħalli jaraw għandhomx jinżammu, jeħtiġilhomx jinbidlu jew għandhomx jitneħħew.

Fid-dawl tad-daqs u l-komplessità ta' dawn il-kompiti, l-iskambju tal-informazzjoni u l-esperjenza u l-"analiżi mill-pari" permessi mill-proċess tal-"evalwazzjoni reċiproka" kienu elementi ewlenin biex l-Istati Membri kollha jaqbdu t-triq lejn l-implimentazzjoni b'suċċess ta' din il-biċċa leġiżlazzjoni ambizzjuża. Ta' min jinnota, madankollu, li ċerti kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni - bħal mhuma l-istabbiliment ta' "Punti ta' Kuntatt Uniku" - ma kinux jagħmlu parti minn dan l-eżerċizzju.

F'Ottubru 2009, fil-Grupp ta' Livell Għoli tal-Kunsill tal-Kompetittività, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qablu dwar il-metodoloġija li għandha tintuża għal dak li kellu jkun eżerċizzju ewlieni li jinvolvi 30 pajjiż[10] u jkopri kważi 35 000 rekwiżit. Il-ħidma bdiet fl-2010 bl-Istati Membri jiltaqgħu bejn Jannar u Marzu fi " gruppi " ta' ħames pajjiżi l-wieħed ħalli jiddiskutu s-sitwazzjoni f'dawn il-pajjiżi individwali u jippreparaw aktar diskussjonijiet. Il-ħidma imbagħad kompliet bejn Marzu u Ottubru b'" laqgħat plenarji " fejn ġew eżaminati r-rekwiżiti speċifiċi u s-setturi tas-servizzi ewlenin koperti mid-Direttiva[11]. Il-partijiet interessati ntalbu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom f' konsultazzjoni pubblika li saret bejn l-aħħar ta' Ġunju u nofs Settembru 2010.

IS-SEJBIET EWLENIN TAL-PROċESS TAL-EVALWAZZJONI REċIPROKA

X'inkiseb?

Il-valutazzjoni ġenerali tal-proċess tal-"evalwazzjoni reċiproka" hija pożittiva ħafna. Billi stabbilixxiet djalogu strutturat bejn l-Istati Membri ħolqot trasparenza fir-rigward tar-riżultati tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi u għenet biex jiġu identifikati u promossi prassi regolatorji tajbin . Id-diskussjonijiet għenu wkoll biex tittrawwem drawwa ta' djalogar . Kuntatt u skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri (minn kuntatti bilaterali u fi "gruppi" u fi gruppi akbar) immultipplikaw matul il-proċess u kienu ta' importanza ewlenija fir-riżultati tiegħu.

Il-proċess tal-evalwazzjoni reċiproka ppermetta wkoll li titwera stampa dettaljata tal-istat ta' parti importanti tas-Suq Uniku għas-servizzi . Kienet l-ewwel darba li l-Istati Membri u l-Kummissjoni wettqu flimkien valutazzjoni dettaljata tar-regoli nazzjonali li jaffettwaw l-attivitajiet tas-servizzi. Din il-valutazzjoni kkonċernat regoli fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet professjonali b'setgħat regolatorji. F'dak ir-rigward, l-evalwazzjoni reċiproka kellha "effett fuq is-Suq Uniku" bla preċedenti fl-Istati Membri peress li l-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet nazzjonali ntalbu jivvalutaw b'mod kritiku r-regoli tagħhom stess u dawk eżistenti f'Stati Membri oħra mill-prespettiva tas-Suq Uniku.

Finalment, dan il-proċess wera wkoll li huwa għodda ta' valur biex jiġu identifikati l-ostakli li baqa' għas-Suq Uniku u biex ipoġġi l-bażi għal azzjonijiet politiċi futuri fis-settur tas-servizzi. Dan kollu kien possibbli grazzi għall- involviment attiv tal-Istati Membri , li ħassewhom parti mill-proċess u pparteċipaw fih b'mod attiv.

X’għad hemm bżonn li jsir?

Id-diskussjonijiet mal-Istati Membri u l-kontribuzzjonijiet tal-partijiet interessati wrew li f'ċerti setturi tas-servizzi s-Suq Uniku għadu qed jiżviluppa , partikolarment fejn jidħol il-forniment transkonfinali tas-servizzi.

Parti mill-problema tidher li hija li għadd ta' regoli tal-UE adottati matul is-snin biex jgħinu l-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi mhux qegħdin jintużaw bis-sħiħ u x'minn daqqiet qedgħin jiġu implimentati jew applikati b'mod inkonsistenti. Is-servizzi ta' spiss jiġu soġġetti għal għadd ta' strumenti differenti tal-UE. X'uħud minnhom japplikaw b'mod orizzontali bħad-Direttiva tas-Servizzi jew id-Direttiva tal-Kummerċ-E[12]. Oħrajn bħad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali[13] jirregolaw kwistjonijiet ta' rilevanza ċentrali għal għadd kbir ta' attivitajiet tas-servizzi. Hemm ħafna strumenti oħra tal-UE, li għandhom impatt tassew sinifikanti fuq is-settur tas-servizzi bħal dawk li jirregolaw it-tranżazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur jew il-protezzjoni tal-ambjent. L-evalwazzjoni reċiproka wriet li x'imdaqqiet mhumiex ċar kif jinteraġixxu dawn l-istrumenti. Ukoll, x'imdaqqiet l-implimentazzjoni/applikazzjoni nazzjonali ta' dawn l-istrumenti ma tidhirx li tqies biżżejjed il-funzjonament reali tas-Suq Uniku. Fil-prattika, dan iwassal għal inċertezza dwar liema regoli japplikaw, partikolarment fil-kuntest tal-forniment transkonfinali ta' servizzi, għad-dettriment tal-kapaċità u r-rieda tal-SMEs li joperaw barra minn pajjiżhom.

L-evalwazzjoni reċiproka żvelat ukoll li d-diffikultajiet li baqa' jirriżultaw mill-użu wiesa' mill-Istati Membri tal-possibbiltà li jirriżervaw ċerti attivitajiet ta' servizzi għal ċerti operaturi . Hemm aktar minn 800 attività differenti fl-UE li jitqiesu li huma professjonijiet regolati fi Stat Membru jew aktar u huma rriżervati għal fornituri bi kwalifiki speċifiċi. Filwaqt li f'ċerti każijiet jista' jkun hemm raġunijiet politiċi validi biex jiġġustifikaw din il-prassi (pereżempju minħabba l-kumplessità tal-attivitajiet li jitwettqu jew l-implikazzjonijiet tagħhom għas-sigurtà u s-sikurezza tal-konsumaturi), jidher li dan mhux dejjem il-każ. Ħafna attivitajiet huma rregolati biss fi ftit Stati Membri u aktar minn 25% tagħhom huma rregolati fi Stat Membru wieħed biss (pereżempju fil-każ tas-servizzi ta' fotografi, il-barmen, dawk li jagħmlu l-kriepet jew il-kamrieri). Din il-kwistjoni probabbilment kienet l-aktar waħda li ssemmiet mill-Istati Membri bħala ostaklu għall-funzjonament tas-Suq Uniku, partikolarment għas-servizzi transkonfinali, l-aktar bejn Stati Membri fejn l-attività mhijiex irregolata u Stati Membri fejn l-attività hija rregolata (pereżempju fotografu li jaħdem għar-rasu għandu mnejn ma jkunx jista' jieħu r-ritratti ta' avveniment f'kumpanija li jkun qed isir fi Stat Membru li jirriżerva din l-attività għal persuni bi kwalifiki professjonali speċifiċi fil-fotografija sakemm ma jkunx jista' jipprova li għandu minn tal-anqas sentejn esperjenza professjonali preċedenti). L-Istati Membri enfasizzaw ukoll il-fatt li xi setturi, bħal fil-kostruzzjoni, jidher li hemm għadd kbir ta' "speċjalizzazzjonijiet" irregolati li r-rilevanza tagħhom tista' tiġi ddubitata minħabba l-frammentazzjoni għalja li jipprovokaw fis-suq u li tista' tkun ta' ostaklu għall-forniment ta' servizzi ta' kwalità għolja (pereżempju, xi ħadd bil-kwalifika ta' "tekniku elettriku" jista' jaffaċċja diffikultajiet meta jkun irid jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor fejn ċerti attivitajiet li jkun jagħmel ikunu rriżervati għall-professjoni oħra regolata, bħal "installaturi ta' tagħmir elettriku").

Id-diskussjonijiet matul l-evalwazzjoni reċiproka qajmu wkoll mistoqsijiet relatati mar- rekwiżiti tal-forma legali (pereżempju, restrizzjonijiet fuq il-forom legali disponibbli għall-operaturi li jkun ser iwettqu ċerti attivitajiet bħall-projbizzjoni fuq fornituri ta' servizzi tas-snajja' biex jadottaw il-forma ta' kumpaniji b'responabbiltà limitata) u rekwiżiti ta' sjieda kapitali (pereżempju obbligi li biex ikollhom sehem kapitali f'kumpaniji li jipprovdu ċerti servizzi jrid ikollhom kwalifiki speċifiċi bħar-regola li biex wieħed ikollu kapital f'kumpanija li toffri servizzi ta' konsulenza dwar it-taxxa jrid ikun konsulent tat-taxxa kwalifikat). Filwaqt li jista' jkun hemm raġunijiet politiċi validi għal dawn ir-rekwiżiti (pereżempju li tkun żgurata l-indipendenza jew l-involviment personali tal-fornitur tas-servizz) madankollu dawn joħolqu ostakli għall-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi. Minkejja t-titjib li sar bis-saħħa tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi, għad fadal differenzi importanti. Konsegwentament, il-ġustifikazzjoni u/jew il-proporzjonalità ta' ċerti regoli ġiet iddibattuta intensivament matul l-evalwazzjoni reċiproka. Il-limiltazzjonijiet fuq il-forom legali disponibbli ta' spiss jikkawżaw diffikultajiet għall-kumpaniji jew il-professjonisti li jkunu jridu jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor peress li jillimitaw l-għażla tagħhom tal-aktar għamla adattata għal għanijiet bħat-tassazzjoni jew il-finanzjament. Rekwiżiti relatati mas-sjieda kapitali jistgħu jwasslu biex jonqsu l-alternattivi tal-akkwiżizzjoni ta' finanzjament u f'limitazzjonijiet tal-mudelli kummerċjali disponibbli. Finalment, l-applikazzjoni ta' forma legali jew rekwiżiti ta' sjieda kapitali fuq il-forniment transkonfinali ta' servizzi jista' jkollhom effetti restrittivi partikolari bħal li ċerti fornituri jiġu mċaħħda l-possibbiltà li joffru s-servizzi tagħhom fuq livell transkonfinali sempliċiment minħabba l-forma legali li joperaw minnha.

Il-proċess tal-evalwazzjoni reċiproka kkonferma wkoll li ta' spiss jiġu imposti obbligi ta' assigurazzjoni fuq fornituri ta' servizzi transkonfinali mill-Istat Membru fejn is-servizz jiġi pprovdut, irrispettivament mill-fatt li l-fornitur jista' diġà jkun assigurat sew fil-post tal-istabbiliment tiegħu (pereżempju aġenti tal-privattivi li jmorru fi Stat Membru ieħor biex jissottometu applikazzjoni ta' privattiva għal xi klijent tagħhom fil-pajjiż tad-domiċilju jintalbu jixtru polza tal-assigurazzjoni ġdida anki jekk ir-riskju fil-konfront ta' dak il-klijent ikunu diġà assigurat). Fid-dawl tad-Direttiva tas-Servizzi kien jeħtieġ li tiġi vvalutat il-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tal-impożizzjoni ta' dawn l-obbligi f'għadd imdaqqas ta' każijiet. Fil-każijiet fejn rekwiżit bħal dan jista' jiġi ġġustifikat, il-fornituri jistgħu jiġu affrontati bi problema prattika kbira: jidher li jeżistu diffikultajiet sinifikanti biex tinkiseb assigurazzjoni għal attivitajiet ta' servizzi transkonfinali (jista' jkun diffiċli li fis-suq jinstabu assigurazzjonijiet jew jistgħu jiġu soġġetti għal kundizzjonijiet diffiċli ħafna). Matul l-evalwazzjoni reċiproka dan ġie enfasizzat bħala kwistjoni li toħloq problemi sinifikanti għall-forniment transkonfinali ta' servizzi f'setturi bħas-servizzi kummerċjali jew tal-kostruzzjoni.

Finalment , l-evalwazzjoni reċiproka tikkonferma l-ħtieġa li s-Suq Uniku għas-servizzi jsir realtà aktar konkreta fil-prattika, filwaqt li jitqies li dan is-suq huwa ffurmat mill-applikazzjoni simultanja ta' multitudni ta' regoli fil-livell reġjonali u lokali f'Unjoni dejjem akbar u diversa. Neħtieġu aktar djalogu (ma' u bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri kif ukoll bejn l-amministrazzjonijiet u l-fornituri tas-servizzi) dwar kwistjonijiet li huma fil-qalba tas-Suq Uniku bħal libertà tal-forniment tas-servizzi, u aktar trasparenza ħalli kemm jista' jkun jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli ġodda. Il-kumplessità ta' Unjpni kbira żżid ukoll l-importanza tal- infurzar fil-livell nazzjonali , partikolarment billi jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi jkollhom mezzi ta' rimedju effikaċi, veloċi u affordabbli fil-livell nazzjonali ħalli jinfurzaw id-drittijiet tagħhom mis-Suq Uniku.

IT-TRIQ 'IL QUDDIEM: AZZJONIJIET BIEX JISSAħħAħ AKTAR IS-SUQ UNIKU GħAS-SERVIZZI

Is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni reċiproka juru li l-Kummissjoni jeħtiġilha tieħu aktar passi ħalli tipperemetti lill-ekonomija Ewropea tibbenefika bis-sħiħ mill-potenzjal tas-Suq Uniku għas-servizzi.

Bħala prijorità , il-Kummissjoni ser tkompli taħdem u żżid il-ħidma mal-Istati Membri fuq bażi individwali bi ħsieb li jkun hemm traspożizzjoni u implimentazzjoni sħaħ u korretti tad-Direttiva tas-Servizzi fl-Istati Membri kollha . Fl-ewwel nofs tal-2011 il-Kummissjoni ser twettaq serje ta' laqgħat bilaterali ma' dawk l-Istati Membri fejn hemm indikaturi qawwija ta' implimentazzjoni ħażina jew mhux sħiħa tad-Direttiva tas-Servizzi. Fejn meħtieġ ser jittieħdu miżuri formali ta' infurzar.

Fl-istess ħin fl-2011 il-Kummissjoni ser twettaq l-ewwel valutazzjoni ekonomika tal-implimentazzjoni reali tad-Direttiva u tal-impatt tagħha fuq il-funzjonament tas-swieq tas-servizzi.

Apparti minn dan, il-Kummissjoni ser tieħu, billi tibni fuq l- acquis , għadd ta' miżuri addizzjonali ħalli tavvanza s-Suq Uniku għas-servizzi.

"Verifika tal-prestazzjoni" tas-Suq Uniku għas-servizzi

Il-Kummissjoni ser twettaq, flimkien mal-Istati Membri, " verifika tal-prestazzjoni " tas-Suq Uniku għas-servizzi. L-għan ser ikun li tiġi vvalutata s-sitwazzjoni mill-perspettiva tal-utenti tas-Suq Uniku, bħalma hi kumpanija li trid tiftaħ sussidjarja fi Stat Membru ieħor, persuna li taħdem għar-rasha li trid tipprovdi servizzi transkonfinali, SME jew konsumatur li jrid juża servizzi pprovduti minn xi ħadd stabbilit fi Stat Membru ieħor. Il-"verifika tal-prestazzjoni" għandha tipprovdi valutazzjoni ta' kif huma applikati biċċiet differenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE u kif jaħdmu fil-prattika .

Sabiex tinkiseb stampa realistika u utli tal-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi fil-"verifika tal-prestazzjoni", ser ikun meħtieġ li jitqiesu l-istrumenti tal-UE lil hinn mid-Direttiva tas-Servizzi. Barra minn dan, "il-verifika tal-prestazzjoni" ma għandhiex titwettaq fl-astratt iżda abbażi ta' setturi u attivitajiet konkreti (speċjalment permezz ta' studji ta' każijiet) li jippermettu li jitwera kif jaħdem is-Suq Uniku u f'liema oqsma jkun għad fadal il-problemi. L-idea hija li jiġi ddefinit sett ta' xenarji prattiċi f'setturi speċifiċi fejn in-negozji u ċ-ċittadini l-aktar ta' spiss jaffrontaw funzjonament ħażin tas-Suq Uniku u jiġu pprijoritizzati s-setturi abbażi tal-potenzjal għall-impjiegi u t-tkabbir. Madanakollu, dan ma jfisserx li r-riżultati tal-verifika tal-prestazzjoni ser ikunu ta' rilevanza għal dawn l-oqsma speċifiċi biss. Fid-dawl tan-natura spiss transversali tal-ostakli fis-settur tas-servizzi u tal-istrumenti leġiżlattivi applikabbli għalih, il-"verifika tal-prestazzjoni" sejra tkun wkoll utli biex jiġu identifikati kwistjonijiet ta' natura orizzontali. Abbażi tal-proċess tal-evalwazzjoni reċiproka, jidher li s-servizzi fis-settur tal-kostruzzjoni, is-settur tat-turiżmu u s-servizzi kummerċjali x'aktarx li huma kandidati tajbin għall-"verifika tal-prestazzjoni". F'termini operazzjonali, "il-verifika tal-prestazzjoni" għandha tlaqa' flimkien servizzi differenti tal-Kummissjoni u d-departimenti rilevanti tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Huma ser jaħdmu flimkien sabiex jivvalutaw id-diffikultajiet fl-applikazzjoni konġunta tal-istrumenti tal-UE fil-livell nazzjonali, ir-raġunijiet għad-diffikultajiet u s-soluzzjonijiet possibbli. L-analiżi għandha tkun sostnuta b'evidenza dwar kif jaħdmu setturi speċifiċi fil-prattika[14]u għandhom jinkludu kontributi mingħand il-partijiet interessati.

Il-"verifika tal-prestazzjoni" għandha tippermetti l-formulazzjoni ta' konklużjonijiet skont is-setturi speċifiċi dwar il-funzjonament tas-Suq Uniku għas-servizzi u fejn meħtieġ, l-identifikazzjoni tal-ħtieġa għal azzjonijiet oħra, fosthom jekk meħtieġ intervent leġiżlattiv.

Fl-2011, il-Kummissjoni ser tniedi "il-verifika tal-prestazzjoni" tas-Suq Uniku għas-servizzi abbażi tal-input mill-Istati Membri dwar liema setturi speċifiċi għandhom jiġu eżaminati. Il-mira ser tkun li tiġi ffinalizzata fi żmien sena bi ħsieb li tirrapporta r-riżultati għand il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u jekk meħtieġ tipproponi aktar miżuri sal-aħħar tal-2012.

L-azzjonijiet fil-mira bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakli bla ġustifikazzjoni li baqa' u li qed itellfu l-potenzjal tas-Suq Uniku għas-servizzi.

L-evalwazzjoni reċiproka identifikat diversi kwistjonijiet speċifiċi li jidher li qed jikkawżaw diffikultajiet għan-negozji u ċ-ċittadini fis-Suq Uniku u li jistħoqilhom jiġu eżaminati f'aktar dettall . L-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni ta' kemm huma kbar dawn id-diffikultajiet għandhom jiġu diskussi matul il-"verikifa tal-prestazzjoni". Fl-istess waqt, il-Kummissjoni ser taħdem speċifikament fuqhom ħalli tivvaluta aktar is-sitwazzjoni u l-ħtieġa li tieħu azzjonijiet speċifiċi fil-livell tal-UE.

- Il-Kummissjoni ser tniedi valutazzjoni tal-kwistjoni tar- riżervazzjonijiet tal-attivitajiet u tiffoka partikolarment fuq l-oqsma fejn ir-rabta mal-kwalifiki professjonali metieġa titlob aktar diskussjoni. Dan għandu jsir fid-dawl tal-ħtieġa li jinħolqu swieq tas-servizzi aktar integrati li joffru servizzi ta' kwalità għolja kif jitolbu dawk li jirċievu s-servizzi. Abbażi ta' din il-valutazzjoni u s-sejbiet tal-"verifka tal-prestazzjoni" sal-2012 il-Kummissjoni ser tiddeċiedi dwar inizjattivi speċifiċi possibbli.

- Il-Kummissjoni ser tniedi valutazzjoni biex tifhem aħjar kif ir-restrizzjonijiet fuq is-sjieda kapitali u l- forma legali jaffettwaw ċerti setturi tas-servizzi u biex tiġbor evidenza fuq l-effetti ekonomiċi ta' dawk ir-regoli. Abbażi ta' din il-valutazzjoni u s-sejbiet tal-"verifka tal-prestazzjoni" sal-2012 il-Kummissjoni ser tiddeċiedi dwar inizjattivi speċifiċi possibbli.

- Id-diffikulatjiet għall-fornituri ta' servizzi transkonfinali li jirriżultaw minn rekwiżiti ta' assigurazzjoni għandhom l-ewwel jiġu eżaminati mill-partijiet interessati, fosthom l-industrija tal-assigurazzjoni, bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet prattiċi. Abbażi ta' din il-valutazzjoni u s-sejbiet tal-"verifka tal-prestazzjoni" sal-2012 il-Kummissjoni ser tiddeċiedi dwar inizjattivi speċifiċi possibbli.

Azzjonijiet immirati biex is-Suq Uniku għas-servizzi jsir realtà aktar konkreta fil-prattika

Sabiex jiġi żgurat li l- klawżola tal-libertà tal-forniment tas-servizzi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tas-Servizzi tiġi applikata sew u konsistentament fl-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni ser timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni tagħha u tiddiskuti s-sejbiet tagħha mal-Istati Membri kollha. Dan il-proċess jista' jibni fuq id-Direttiva tas-Servizzi stess, li diġà tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tirrapporta fuq il-funzjonament ta' din il-klawżola. Il-monitoraġġ għandu, fil-biċċa l-kbira, ikun ibbażat fuq il-ġbir ta' informazzjoni u opinjonijiet mill-Istati Membri u l-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni ser toħroġ gwida annwali dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-klawżola dwar il-libertà tal-forniment tas-servizzi u l-evalwazzjoni tal-forniment transkonfinali ta' servizzi fis-Suq Intern. L-ewwel minn dawn il-gwidi annwali għandha toħroġ sal-aħħar tal-2011.

Lil hinn minn dan, huwa wkoll essenzjali li titjieb it-trasparenza ħalli jiġu evitati ostakli regolatorji ġodda . Fid-Direttiva tas-Servizzi diġà hemm obbligu fuq l-Istati Membri li jinnotifikaw ir-rekwiżiti ġodda għall-istabbiliment u r-rekwiżiti li jaffettwaw il-libertà tal-moviment tas-servizzi. Hemm ħtieġa immedjata li dan l-obbligu jiġi kkonsolidat billi tingħata gwida lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri dwar kif jużawh. Wara, ikun importanti li jiġi vvalutat jekk hux ta' min jestendi l-ambitu tiegħu għal setturi speċifiċ.

Fl-2011 il-Kummissjoni ser taħdem mal-Istati Membri ħalli tikkonsolida s-sistema tan-notifikazzjoni fis-Direttiva tas-Servizzi u tgħin biex tingħata gwida lill-amministrazzjonijiet nazzjonali dwar kif taħdem. Sal-aħħar tal-2012 il-Kummissjoni ser tirrapporta fuq il-funzjonament tas-sistema u l-ħtieġa ta' estensjoni immirata tal-ambitu tal-applikazzjoni tagħha.

Finalment, jeħtiġilna ngħinu lill-fornituri tas-servizzi, partikolarment l- SMEs jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fis-Suq Uniku ħalli niżguraw li ma jaqtgħux qalbhom milli jippruvaw swieq transkonfinali sempliċiment minħabba ostakli regolatorji diffiċli wisq. In-netwerk SOLVIT diġà għandha rwol importanti f'dan ir-rigward billi tipprovdi soluzzjonijiet informali għal problemi li jiltaqgħu magħhom fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi. Lil hinn minn dan it-tip ta' mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu proposti miżuri ħalli jiġi żgurat rimedju fil-livell nazzjonali għall-ksur tad-drittijiet tas-Suq Uniku li jkun faċli biex jintuża, veloċi u affordabbli.

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-effikaċja tal-mezzi ta' rimedju disponibbli fil-livell nazzjonali għall-fornituri tas-servizzi għall-ksur tad-drittijiet tagħhom tas-Suq Uniku minn amministrazzjonijiet nazzjonali u tiddeċiedi dwar il-passi li jmiss sal-aħħar tal-2012.

KONKLUżJONIJIET

L-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi hija pass importanti lejn funzjonament aħjar tas-Suq Uniku għas-servizzi. Iżda għad irid isir aktar. Billi tibni fuq il-proċess ta' evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva tas-Servizzi, din il-Komunikazzjoni tipproponi sett ta' azzjonijiet bl-għan aħħari li s-saħħaħ is-Suq Uniku għas-servizzi u tressqu eqreb tal-bżonnijiet tan-negozji u ċ-ċittadini. Din hija responsabbiltà kondiviża u s-suċċess tal-azzjonijiet proposti ser jiddependi fuq l-impenn tal-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati kollha involuti.

Azzjonijiet futuri |

Għanijiet | Azzjoni proposta | Skadenza |

Jiġi żgurat li l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva tas-Servizzi tikkontribwixxi b'mod effikaċi biex jiġi realizzat il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku għas-servizzi. | - Djalogu bilaterali ma' għadd ta' Stati Membri fejn l-implimentazzjoni qiegħda taqa' lura u fejn meħtieġ jiġu adottati miżuri formali ta' infurzar. - Titwettaq l-ewwel valutazzjoni ekonomika tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi. | L-ewwel nofs tal-2011 Tmiem l-2011 |

Jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE qiegħda tiffunżjona sew fil-prattika u li qiegħda tikkontribwixxi effikaċament biex jissaħħaħ il-kummerċ tas-servizzi fis-Suq Uniku. | - Titwettaq "Verifika tal-Prestazzjoni" tas-Suq Uniku għas-Servizzi. | 2011-2012 |

Jitneħħew l-ostakli li fadal għall-funzjonament tas-Suq Uniku għas-Servizzi. | - Valutazzjoni tal-effetti tar-regoli tal-Istati Membri li jirriżervaw ċerti attivitajiet għall-fornituri bi kwalifiki speċifiċi u deċiżjoni dwar il-ħtieġa għall-inizjattivi speċifiċi. | Sal-aħħar tal-2012 |

Jitneħħew l-ostakli li fadal għall-funzjonament tas-Suq Uniku għas-Servizzi. | - Valutazzjoni tal-effetti tar-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri fuq il-forma legali u s-sjieda kapitali tal-fornituri tas-servizzi u deċiżjoni dwar il-ħtieġa għall-inizjattivi speċifiċi. | Sal-aħħar tal-2012 |

Jitneħħew l-ostakli li fadal għall-funzjonament tas-Suq Uniku għas-Servizzi | - Valutazzjoni tad-diffikultajiet li jaffrontaw il-fornituri tas-servizzi minħabba l-obbligi tal-assigurazzjoni imposti f'sitwazzjonijiet transkonfinali u deċiżjoni dwar il-ħtieġa għall-iniżjattivi speċifiċi. | Sal-aħħar tal-2012 |

Jiġi żgurat li n-negozji u ċ-ċittadini li jridu jipprovdu u jirċievu servizzi transkonfinali jistgħu jibbenefikaw mis-Suq Uniku. | - Tingħata gwida regolari lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-klawżola dwar il-libertà tal-forniment ta' servizzi tad-Direttiva tas-Servizzi. | L-aħħar tal-2011 u mbagħad kull sena |

Ma jitħalliex li jinħolqu ostakli regolatorji ġodda għas-servizzi fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. | - Tingħata assitenza lill-Istati Membri fir-rigward tal-konformità man-notifikazzjoni tal-obbligi previsti fid-Direttiva tas-Servizzi. - Rapport dwar il-funzjonament tal-obbligi ta' notifikazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi u dwar il-possibbiltà ta' estensjoni mmirata tal-ambitu tagħhom. | 2011 Sal-aħħar tal-2012 |

Jiġi żgurat li l-fornitur tas-servizzi, l-SMEs b'mod partikolari, ikunu jistgħu jgawdu mid-drittijiet tagħhom tas-Suq Uniku | - Valutazzjoni tal-effikaċja tal-mezzi ta' rimedju disponibbli fil-livell nazzjonali għall-ksur tad-drittijiet tas-Suq Uniku minn amministrazzjonijiet nazzjonali u rapport dwar il-ħtieġa ta' iniżjattivi speċifiċi. | Sal-aħħar tal-2012 |

[pic][pic][pic]

[1] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Ewropa 2020 – Strateġija għal Tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv", COM(2010) 2020 finali.

[2] "Lejn Att dwar is-Suq Uniku - Għal ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna" , COM(2010) 608 finali.

[3] Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-Servizzi fis-Suq Intern. ĠU L 376/36, 27.12.2006.

[4] Ara r-Rapport dwar il-monitoraġġ tas-suq fil-livell tal-konsumatur: "Eżerċizzju ta' sorveljanza tas-suq tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni"Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni iktar effikaċi u ġust sal-2020", COM(2010)355 finali.

[5] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv", COM(2010) 2020.

[6] Il-konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tal-kummerċ elettroniku fis-suq intern u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-kummerċ Elettroniku (2000/31/KE) Awwissu 2010.

[7] Għal analiżi sħiħa ara ir-Rapport tal-2002 mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew ta' "L-istat tas-Suq Intern għas-Servizzi" COM (2002) 441 finali tat-30.07.2002 [traduzzjoni mhix uffiċjali].

[8] Ara fl-anness għal din il-Komunikazzjoni ħarsa ġenerali lejn it-tibdiliet leġiżlattivi adottati mill-Istati Membri u s-setturi tas-servizzi li għandhom jibbenefikaw l-aktar.

[9] "Expected economic benefits of the European Services Directive", Netherlands Bureau for Economic Policy Analysis (CPB), Novembru 2007.

[10] Ipparteċipaw ukoll t-tliet pajjiżi tal-EFTA li huma parti mill-Ftehim tal-ŻEE - l-Islanda, il-Lichtenstein u n-Norveġja.

[11] L-Istati Membri identifikaw dawn is-setturi tas-servizzi li ġejjin bħala prijorità: il-kostruzzjoni u s-servizzi relatati mal-proprjetà, it-turiżmu u s-servizzi relatati, is-servizzi tal-ikel u x-xorb, is-servizzi tal-professjonijiet regolati, is-servizzi għall-operaturi u għall-konsumaturi, is-servizzi kummerċjali u s-servizzi tal-edukazzjoni privata. Il-Kumitat tad-Direttiva tas-Servizzi kien infurmat bir-riżultati tal-proċess fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Ottubru 2010.

[12] Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, (ĠU L 178, 17.7.200, p. 1).

[13] Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

[14] It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur tal-Kummissjoni pereżempju tipprovdi informazzjoni utli ħafna fir-rigward tal-funzjonament fil-prattika tas-swieq tas-servizzi mill-perspettiva tal-konsumaturi.