52011DC0018

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Nindirizzaw il-problema tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien: Kontribut ewlieni għall-Aġenda tal-Ewropa 2020 /* KUMM/2011/0018 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 31.1.2011

KUMM(2011) 18 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nindirizzaw il-problema tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien: Kontribut ewlieni għall-Aġenda tal-Ewropa 2020

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nindirizzaw il-problema tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien: Kontribut ewlieni għall-Aġenda tal-Ewropa 2020

Il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien[1] huwa fenomenu kumpless u t-trażżin tiegħu jitlob impenn politiku b'saħħtu. Din il-Komunikazzjoni tanalizza l-impatt li l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien iħalli fuq l-individwi, is-soċjetà u l-ekonomiji, tispjega l-kawżi ta' dan il-fenomenu u tagħti ħarsa ġenerali lejn il-miżuri li diġà jeżistu u li hemm ippjanati — fil-livell tal-UE — biex jindirizzawh. Hija akkumpnajata minn proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u minn Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jippreżentaw qafas għal approċċi ta' politiki komprensivi li l-Istati Membri jistgħu jużaw għal politiki effettivi għat-trażżin tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, kif ukoll minn eżempji dettaljati ta' miżuri ta' politika li diġà jeżistu.

1. IL-WAQFIEN MILL-ISKOLA QABEL Iż-żMIEN BħALA THEDDIDA GħAT-TKABBIR INTELLIġENTI, SOSTENIBBLI U INKLUżIV

Il-futur tal-Ewropa jiddependi bil-kbir fuq iż-żgħażagħ tagħha. Permezz tal- Istrateġija Ewropa 2020 , l-Unjoni Ewropea qed timmira li ssostni aktar liż-żgħażagħ, u li tippermettilhom jiżviluppaw b'mod sħiħ it-talenti tagħhom għall-benefiċċju tagħhom stess kif ukoll tal-ekonomija u tas-soċjetà. Waħda mill-miri prinċipali li ftiehem dwarha l-Kunsill Ewropew hija li r-rata ta' dawk li jħallu l-iskola qabel iż-żmien tinżel għal inqas minn 10% u li jkun żgurat li tal-inqas 40% tal-ġenerazzjoni żagħżugħa jiksbu kwalifiki fil-livell terzjarju jew l-ekwivalenti ta' dan[2]. It-titjib fil-livell edukattiv miksub taż-żgħażagħ jindirizza kemm l-objettivi għal 'tkabbir sostenibbli' b'titjib fil-livelli tal-ħiliet miksuba kif ukoll għal 'tkabbir inklużiv' billi jiġi indirizzat wieħed mill-fatturi ewlenin ta' riskju għall-qgħad u l-faqar.

'Żgħażagħ Attivi' [3], waħda mill-inizjattivi prinċipali tal-Ewropa 2020, tenfasizza l-ħtieġa ta' titjib fil-kwalità u fl-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ, li għadd akbar ta' żgħażagħ jiġu pprovduti bil-ħiliet meħtieġa biex isiru studenti għal tul ħajjithom u bl-opportunità biex jesperjenzaw il-mobbiltà fil-qasam tat-tagħlim. It-tnaqqis drastiku fl-għadd ta' żgħażagħ li jħallu l-iskola qabel iż-żmien huwa investiment ewlieni mhux biss f'dawk li huma prospetti ta' kull wieħed u waħda miż-żgħażagħ tagħha, imma wkoll fejn tidħol il-prosperità u l-koeżjoni soċjali tal-ġejjieni tal-UE inġenerali.

It-tnaqqis fir-rata ta' dawk li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien huwa wkoll fetħa oħra biex jintlaħqu objettivi oħrajn tal-Ewropa 2020. Permezz ta' impatt dirett fuq l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, dan jikkontribwixxi għal aktar integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u allura anki biex tintlaħaq il-mira prinċipali ta' rata ta' xogħol ta' 75% għan-nisa u l-irġiel li għandhom bejn l-20 u l-64 sena. Fl-istess waqt, dan ikun kontribut sinifikanti biex jinkiser iċ-ċiklu ta' tiċħid li jwassal għall-esklużjoni soċjali ta' tant żgħażagħ. Għaldaqstant dan jikkostitwixxi miżura ewlenija biex tintlaħaq il-mira li jintrefgħu minn qagħda ta' faqar tal-inqas 20 miljun ruħ[4].

Fl-2009 kien hemm ’il fuq minn sitt miljun żagħżugħ li waqqfu l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell biss, inkella qabel, jiġifieri 14,4% ta' dawk iż-żgħażagħ kollha bejn it-18 u l-24 sena. Ta' tħassib akbar minn hekk huwa l-fatt li 17,4% minnhom waqfu fl-edukazzjoni primarja[5]. Il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien jirrappreżenta t-telf ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ kif ukoll telf ta' potenzjal soċjali u ekonomiku għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

Fil- livell individwali, il-konsegwenzi tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien lin-nies jaffettwawhom tul ħajjithom, u jnaqqsulhom l-opportunità li jipparteċipaw fid-dimensjonijiet soċjali, kulturali u ekonomiċi tas-soċjetà. Dan iżid il-livell ta' riskju tagħhom li jispiċċaw qiegħda, foqra u esklużi soċjalment. Il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien jaffettwa d-dħul tagħhom, il-benessri tagħhom, kif ukoll saħħithom u saħħet uliedhom. U jnaqqas il-probabbiltà li uliedhom jirnexxu fl-iskola.

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ bħalissa hu ta' 20%[6] u l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien jikkontribwixxi għal dan b'mod dirett. L-impjegabbiltà tiddependi bis-sħiħ fuq il-livell ta' kwalifiki miksub. Fl-2009, 52% ta' dawk li telqu mill-iskola qabel iż-żmien fl-UE kienu qiegħda jew barra mis-suq tax-xogħol[7]. Anki meta jkollhom xogħol, jaqilgħu inqas, ġeneralment ikollhom xogħlijiet aktar prekarji, u ħafna drabi jkunu jiddependu fuq l-assistenza soċjali. Jipparteċipaw inqas fit-tagħlim tul il-ħajja u allura anki fit-taħriġ mill-ġdid. L-iżvantaġġi li jkollhom fl-edukazzjoni jistgħu joħolqulhom xkiel fl-iżvilupp tagħhom.

Fil-livell ekonomiku u dak soċjali inġenerali , rati għolja ta' waqfien mill-iskola qabel iż-żmien ikollhom effetti fit-tul fuq l-iżviluppi soċjali u fuq it-tkabbir ekonomiku. Dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien ġeneralment jipparteċipaw inqas fil-proċessi demokratiċi u jkunu ċittadini inqas attivi[8]. L-innovazzjoni u t-tkabbir jiddependu minn forza tax-xogħol imħarrġa, mhux biss għas-setturi tat-teknoloġija għolja imma wkoll fl-ekonomija kollha kemm hi. L-inizjattiva prinċipali Ewropa 2020 'Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi' tenfasizza l-ħtieġa li l-persuni jissaħħu billi jiżviluppaw ħiliethom tul ħajjithom u billi jipparteċipaw aktar fis-suq tax-xogħol. Kieku r-rata medja ta' dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien tinżel imqar b'punt perċentwali wieħed, kull sena dan jipprovdi lill-ekonomija Ewropea bi kważi nofs miljun żagħżugħ ikkwalifikat ieħor b'potenzjal ta' impjieg.

Mis-sena 2000, ir-rata medja Ewropea ta' dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien niżlet bi 3,2 punti perċentwali, iżda l-progress li sar ma kienx biżżejjed biex tintlaħaq il-mira ta' 10% sal-2010, kif kien miftiehem inizjalment fil-Kunsill. Barra minn dan, il-medja tostor differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Seba' Stati Membri diġà kisbu l-valur referenzjarju ta' 10%, filwaqt li tlieta minnhom għandhom rati ogħla minn 30%. Ħarsa lejn il-prestazzjoni relattiva tal-Istati Membri twassal għal perspettiva ottimista. L-Istati Membri kollha, għajr tlieta, mill-2000 raw tnaqqis fir-rata tagħhom ta' dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, uħud minnhom b'mod sinifikanti.

Grafika 1: Il-perċentwali tal-popolazzjoni bejn it-18 u l-24 sena li ma għandhomx iktar minn livell ta' edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell u li mhumiex involuti f’edukazzjoni jew taħriġ (2009) u l-evoluzzjoni 2000-2009[9]

ir-rati għall-2009 | l-evoluzzjoni 2000-2009 (bidla relattiva f'%) |

[pic]

2 IL-WAQFIEN MILL-ISKOLA QABEL Iż-żMIEN HU KKAWżAT MINN TAħLITA TA' FATTURI INDIVIDWALI, EDUKATTIVI U SOċJOEKONOMIċI

Ir-raġunijiet għaliex iż-żgħażagħ jitilqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien huma individwali ferm. Madankollu, huwa possibbli li jiġu identifikati xi ftit karatteristiċi rikorrenti. Il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien huwa marbut sew ma' kuntesti ta' żvantaġġi soċjali u ta' livell baxx ta' edukazzjoni. Ulied dawk il-ġenituri b'livelli baxxi ta' edukazzjoni u dawk ġejjin minn kuntesti ta' żvantaġġi soċjali huma iktar suxxettibbli minn żgħażagħ oħrajn li jabbandunaw l-edukazzjoni u t-taħriġ qabel ma jlestu t-tieni livell ta' edukazzjoni tas-sekondarja.

Xi gruppi fis-soċjetà jkunu partikolarment affettwati mill-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, l-aktar dawk ġejjin minn kuntesti soċjoekonomiċi ifqar u minn gruppi vulnerabbli, bħalma huma ż-żgħażagħ ġejjin minn ambjenti ta' assistenza pubblika u persuni b'diżabbiltà fiżika jew mentali jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali oħra[10]. Minħabba li ż-żgħażagħ ta' oriġini migranti ta' spiss ikunu kkonċentrati fil-gruppi soċjoekonomiċi baxxi, ir-rata medja tagħhom ta' waqfien mill-iskola qabel iż-żmien hija d-doppju ta' dik taż-żgħażagħ nattivi (26,4% vs. 13,1% fl-2009). Ir-rata terġa' hija akbar għall-populazzjonijiet tar-Roma li normalment ikunu fost dawk l-aktar membri tas-soċjetà esklużi soċjalment[11]. Gruppi bħal dawn normalment ibatu minn nuqqas ta' sostenn f'saħħtu mill-familji tagħhom, iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni fis-sistema edukattiva, u l-aċċess tagħhom għal opportunitajiet ta' tagħlim nonformali u informali lil hinn mill-iskola obbligatorja jkun aktar limitat.

Il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien hu influwenzat minn fatturi edukattivi, minn ċirkostanzi individwali u minn kundizzjonijiet soċjoekonomiċi. Dan, aktar milli avveniment ta' darba, huwa proċess. Ħafna drabi jibda sa mill-edukazzjoni primarja, fejn l-istudent jibda jesperjenza l-falliment edukattiv għall-ewwel darba u fejn jibda jinqata' dejjem iktar mill-iskola. It-tranżizzjonijiet bejn l-iskejjel u bejn livelli edukattivi differenti huma partikolarment diffiċli għall-istudenti f'riskju li joħorġu mill-iskola obbligatorja. Nuqqas ta' korrispondenza bejn il-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-esiġenzi tas-suq tax-xogħol tista' żżid ir-riskju ta' falliment fl-edukazzjoni minħabba li l-istudenti jkun jonqoshom il-prospetti fil-milja edukattiva li jkunu għażlu. Is-sistemi edukattivi u ta' taħriġ ħafna drabi ma jipprovdux biżżejjed sostenn immirat lill-istudenti biex ikunu jistgħu jaffaċjaw id-diffikultajiet emozzjonali, soċjali u edukattivi, u biex jibqgħu jirċievu l-edukazzjoni u t-taħriġ. Għall-iskejjel għadu diffiċli li dawn jagħrfu jimxu mal-istili differenti ta' tagħlim tal-istudenti u li jgħinu lill-għalliema biex jindirizzaw il-ħtiġijiet varji ta' gruppi b'abbiltajiet differenti. L-arranġamenti personalizzati u flessibbli għat-tagħlim huma partikolarment importanti għal dawk li jippreferu 'jitgħallmu bil-prattika' u li jiġu motivati b'forom attivi ta' tagħlim.

Il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien huwa wkoll kwistjoni marbuta mas-sess tal-individwu li titlob aktar attenzjoni. Fl-UE, 16,3% tas-subien jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, filwaqt li r-rata tal-bniet hija 12,5%[12]. Waqt l-edukazzjoni obbligatorja, is-subien normalment jesperjenzaw aktar diffikultajiet mill-bniet meta jiġu biex jadattaw ruħhom għall-ambjent tal-iskola u ġeneralment jaslu sa livelli aktar baxxi. Is-subien huma rrappreżentati bil-kbir fost l-istudenti b'diżabbiltà (61%) u għandhom probabbiltà ikbar li juru problemi emozzjonali u marbuta mal-imġiba, jew diffikulatjiet speċifiċi marbuta mat-tagħlim (65%)[13].

Fejn jidħol il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, l-Istati Membri għandhom quddiem wiċċhom sfidi differenti. Fi wħud minn dawn, il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien huwa primarjament fenomenu rurali, b'ħafna okkorrenzi f'żoni remoti, hekk li jista' jintrabat ma' nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni. F'oħrajn, l-aktar li jaffettwa huma ż-żoni żvantaġġati fil-bliet il-kbar. Xi swieq tax-xogħol reġjonali u staġjonali (eż. it-turiżmu, il-kostruzzjoni) jistgħu jattiraw iż-żgħażagħ ’il barra mill-iskola u lejn impjiegi li ma jirrikjedux ħiliet partikolari bi prospetti foqra. Id-disponibbiltà ta' impjiegi bħal dawn u l-prospett li wieħed jibda jaqla' l-flus minn kmieni, sew jekk biex itejjeb is-sitwazzjoni ekonomika tal-familja jew biex iż-żagħżugħ isir aktar indipendenti, timmotiva bosta żgħażagħ biex jitilqu mill-edukazzjoni u mit-taħriġ qabel iż-żmien. Xi pajjiżi jesperjenzaw livelli għolja ta' waqfien mill-iskola qabel iż-żmien f'ċerti setturi vokazzjonali filwaqt li oħrajn jirreġistraw inqas problemi marbuta mal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, ngħidu aħna, fejn jidħlu l-miljiet għall-apprentistati[14].

Meta jingħata s-sostenn lill-istudenti f'riskju li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, iridu jitqiesu dawn il-kundizzjonijiet kollha. Madankollu, huma biss ftit l-Istati Membri li jsegwu strateġija konsistenti u komprensiva biex jitnaqqas il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien. Bosta inizjattivi kontra l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien mhumiex marbuta biżżejjed ma' politiki oħrajn indirizzati lejn iż-żgħażagħ. Jeżisti wkoll nuqqas ta' analiżi serja tal-problemi speċifiċi fir-reġjun jew fil-grupp fil-mira.

3 IL-PROBLEMA TAL-WAQFIEN MILL-ISKOLA QABEL Iż-żMIEN TISTA' TINGħELEB PERMEZZ TA' POLITIKI SISTEMATIċI MSEJSA FUQ L-EVIDENZA

Bħala punt tal-bidu, l-istrateġiji għall-ġlieda kontra l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien irid ikollhom analiżi tad-dettalji nazzjonali, reġjonali, u lokali tal-fenomenu. Id-dejta għandha tkun waħda li tippermetti l-analiżi tar-raġunijiet ewlenin li jwasslu għall-waqfien mill-iskola fil-każ ta' gruppi, reġjuni, lokalitajiet u skejjel li huma affettwati b'mod speċjali mill-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien. Id-diskrepanzi kbar fir-rati tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien jisgħu jindikaw problemi strutturali f'ċerti żoni ġeografiċi u proċessi edukattivi.

It-tfassil tal-politika jeħtieġ ikun wieħed imsejjes fuq informazzjoni preċiża sabiex il-miżuri jjkunu indirizzati aħjar; sistema biex tissorvelja l-iżviluppi fil-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien tista' tgħin biex tadattahom b'mod kostanti, abbażi ta' informazzjoni bħal dik tar-raġunijiet mogħtija min-naħa tal-individwi għaliex ikunu ħallew l-iskola u t-taħriġ qabel iż-żmien[15].

Numri għall-istudenti individwali

Fl-1997, ir-Renju Unit introduċa il-'unique pupil number' (UPN) li jipprovdi sors kbir għall-analiżi u jgħin biex il-politika tal-iskejjel tkun indirizzata b'mod iktar effettiv anki fl-oqsma l-oħrajn apparti l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien. Pajjiżi oħrajn introduċew 'numri tal-edukazzjoni tal-individwi', ġabriet ta' dejta msejsa fuq dejta ta' studenti individwali, jew reġistri nazzjonali tal-istudenti (eż. il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, u l-Italja). Għall-Pajjiżi l-Baxxi, l-introduzzjoni tan-'numri tal-edukazzjoni tal-individwi' u s-sorveljanza onlajn tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien huma meqjusa bħala fatturi ewlenin li rnexxew f'dak li hu trażżin tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien.

Il-politiki komprensivi kontra l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien għandhom jiffukaw fuq il- prevenzjoni , l- interventi u l- kumpens .

Il- prevenzjoni tara li jiġu evitati l-kundizzjonijiet li jwasslu għall-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien: Aktar parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-ħarsien tat-tfal iż-żgħar, servizzi li jridu jkunu ta' kwalità tajba, ġiet identifikata bħala waħda mill-aktar miżuri effettivi biex it-tfal jingħataw bidu tajjeb fl-edukazzjoni u biex iqawwu r-reżiljenza tagħhom. Madankollu, jeħtieġ li jittejjeb l-aċċess għas-servizzi ta' kwalità tajba tal-edukazzjoni u l-ħarsien tat-tfal iż-żgħar. Miżuri preventivi oħra jindirizzaw kwistjonijiet bħal dik tas-sostenn lingwistiku sistematiku lil tfal ġejjin minn sfond migranti, dik ta' politika attiva kontra s-segregazzjoni li ttejjeb it-taħlit soċjali, etniku u kulturali fl-iskejjel, hekk li tippermetti aktar tagħlim fl-istess livell u taġevola l-integrazzjoni, jew dik tas-sostenn b'objettivi preċiżi fl-iskejjel żvantaġġati. Ostakli potenzjali oħrajn għal karrieri skolastiċi b'suċċess jistgħu jingħelbu billi jkun hemm rabta ikbarbejn il-miljiet edukattivi u billi titjieb il-kwalità u l-istatus tal-miljiet tal-edukazzjoni vokazzjonali.

Il-politiki li jiġġieldu s-segregazzjoni jippruvaw ibiddlu l-kompożizzjoni soċjali tal-iskejjel 'żvantaġġati' u jtejbu l-ksib edukattiv tat-tfal ġejjin minn sfond ta' żvantaġġi soċjali jew ta' edukazzjoni baxxa. Programmi attivi kontra s-segregazzjoni fl-Ungerija u l-Bulgarija wasslu għal titjib fil-ksib edukattiv tal-istudenti Roma fil-livell reġjonali, u dan billi sostnew l-iskejjel li jintegraw l-istudenti Roma u fl-istess waqt billi saħħew il-kwalità tal-iskejjel, ngħidu aħna permezz ta' attivitajiet ekstrakurrikulari u ta' sostenn akkademiku b'objettivi speċifiċi.

Miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva , bħalma huma żoni ta' prijorità għall-edukazzjoni (Ċipru) u programmi li jipprovdu sostenn b'objettivi speċifiċi lill-iskejjel f'żoni żvantaġġati (Franza, Spanja), itejbu dak li għandhom joffru fl-edukazzjoni, jipprovdu sostenn addizzjonali lill-istudenti tagħhom u joħolqu ambjenti ta' tagħlim innovattiv adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Il-miżuri ta' diskriminazzjoni pożittiva ħafna drabi jintrabtu ma' netwerking attiv u kooperazzjoni b'saħħitha tal-iskejjel involuti.

Toroq ta' edukazzjoni flessibbli li jlaqqgħu flimkien l-edukazzjoni ġenerali, it-taħriġ vokazzjonali u l-ewwel esperjenzi ta' xogħol prattiku huma mmirati għal studenti li kapaċi jaqtgħu qalbhom minħabba kisbiet akkademiċi baxxi u li jkunu jridu jibdew jaħdmu mill-aktar fis. Dan, fl-istess ħin, jippermettilhom ikomplu l-edukazzjoni ġenerali. Bosta Stati Membri (eż. il-Lussemburgu, l-Italja u d-Danimarka) użaw dan l-approċċ biex jgħinu lil studenti li jkunu qatgħu qalbhom mill-iskola biex iġibu ċertifikat ta' tkomplija tal-edukazzjoni sekondarja filwaqt li jiksbu esperjenzi siewja u ta' motivazzjoni fix-xogħol.

L- interventi jindirizzaw diffikultajiet friski fi stadju bikri u jaraw li jilqgħulhom milli jwasslu għat-tluq mill-iskola. Miżuri ta' intervent jistgħu jiffukaw fuq l-istituzzjoni tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ kollha kemm hi, jew jistgħu jkunu mmirati għal studenti individwali li jinsabu fir-riskju li jabbandunaw l-edukazzjoni jew it-taħriġ. Il-miżuri li jindirizzaw l-iskola fit-totalità tagħha jippruvaw itejbu l-klima fl-iskola u l-ħolqien ta' ambjenti ta' tagħlim intiżi li jkunu ta' sostenn. Sistemi ta' twissija fil-pront u kooperazzjoni aħjar mal-ġenituri jafu jkunu forma effiċjenti ta' għajnuna għall-istudenti li huma f'riskju li jabbandunaw l-istudji. Barra minn hekk, in-netwerking ma' atturi barra l-iskola u l-aċċess għal netwerks lokali ta' sostenn normalment ikunu tassew effiċjenti fl-għoti ta' sostenn rilevanti. Miżuri ffukati fuq l-istudenti jiffukaw fuq il-mentoring u t-tutoring, fuq approċċi ta' tagħlim personalizzati, fuq gwida aħjar, u fuq sostenn finanzjarju bħalma huma l-allowances marbuta mal-edukazzjoni. L-istituzzjonijiet marbuta mas-suq tax-xogħol ukoll għandhom ikunu aktar involuti fejn tidħol l-orjentazzjoni vokazzjonali taż-żgħażagħ.

L-iskejjel bħala 'komunitajiet ta' tagħlim' jaqblu fuq viżjoni komuni, fuq valuri bażiċi u fuq l-objettivi tal-iżvilupp tal-iskejjel. Dan iżid l-impenn tal-istudenti, tal-għalliema, tal-ġenituri u ta' partijiet interessati oħrajn u jsostni l-kwalità u l-iżvilupp tal-iskejjel. Il-'komunitajiet ta' tagħlim' jispiraw kemm lill-għalliema kif ukoll lill-istudenti biex itejbu lilhom infushom u biex ikunu responsabbli għall-proċess tagħhom ta' tagħlim. Dan kollu joħloq kundizzjonijiet favorevoli biex jitrażżan in-numru ta' dawk li jabbandunaw it-tagħlim u tingħata għajnuna lill-istudenti f'riskju li jitilqu mill-iskola.

In-netwerking mal-atturi barra mill-iskola jippermetti lill-iskejjel biex isostnu aħjar lill-istudenti u biex jindirizzaw firxa ta' problemi li joħolqu diffikultà lit-tfal, fosthom l-użu tad-droga u tal-alkoħol, in-nuqqas ta' rqad, l-abbuż fiżiku u t-trawmi. Programmi bħall-Programm tat-Tkomplija tal-Edukazzjoni fl-Irlanda jiffavorixxu approċċi transkomunitarji u transsettorjali. L-iskejjel jintrabtu mal-aġenziji taż-żgħażagħ, mas-servizzi soċjali, mal-aġenziji tal-iżvilupp lokali, mal-iskwadri kontra d-droga, eċċ.

L-involviment akbar tar-reġjuni fl-iżvilupp ta' miżuri kontra l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, l-għoti ta' sostenn finanzjarju lil dawn ir-reġjuni u l-ħolqien ta' inċentivi irriżulta li kellhom suċċess f'xi pajjiżi, eż. fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-muniċipalitajiet, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet ta' assistenza jistgħu jiddeċiedu huma stess dwar il-miżuri li għandhom jiġu implimentati. Permezz tal-gvernijiet lokali, l-iskejjel jistgħu wkoll jitolbu l-għajnuna lis-servizzi tal-istituzzjonijiet ta' assistenza, l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji.

L-Iskejjel Miftuħa (l-Open Schools) bħalma huma 'le scuole aperte' ta' Napli (l-Italja) jippruvaw jindirizzaw l-apatija tal-istudenti billi jorganizzaw għadd sostanzjali ta' proġetti flimkien mas-soċjetà ċivili tal-lokal. L-attivitajiet jiġu organizzati wara l-ħin tal-iskola u huma miftuħa għat-tfal kollha, inklużi dawk li jkunu diġà abbandunaw l-edukazzjoni prinċipali. Dawn l-attivitajiet jipprovdu mod kif dawn it-tfal, flimkien mat-tfal f'riskju li jabbandunaw it-tagħlim, jerġgħu jikkultivaw interess fl-iskola.

Il-miżuri ta' kumpens joffru opportunitajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ għal dawk li jkunu abbandunaw l-edukazzjoni. Dawn jistgħu jkunu f'sura ta' sostenn finanzjarju jew tipi oħra ta' sostenn. Miżuri bħal dawn jippruvaw jgħinu liż-żgħażagħ biex jerġgħu lura fis-sistema edukattiva ewlenija jew jipprovdulhom ċans ieħor. L-approċċi li jirnexxu fl-istituzzjonijiet li jagħtu ċans ieħor lil dawn l-istudenti għaldaqstant ivarjaw b'mod sinifikanti mill-iskejjel ewlenin billi jindirizzaw id-diffikultajiet li l-istudenti jkunu sabu fl-edukazzjoni ewlenija. Minkejja dan, teżisti evidenza li l-prevenzjoni tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien twassal għal riżultati ħafna aqwa mill-azzjonijiet li jfittxu li jikkumpensaw għall-effetti negattivi tal-waqfien mill-iskola. L-esperjenza ta' falliment, in-nuqqas ta' kunfidenza fil-kapaċitajiet ta' dak li jkun biex jitgħallem, flimkien ma' problemi soċjali, emozzjonali u edukattivi dejjem akbar li jirriżultaw meta l-istudent jitlaq mill-iskola qabel iż-żmien ilkoll inaqqsu l-probabbiltà li dak li jkun itemm l-edukazzjoni obbligatorja u li jirnexxi fl-iskola[16].

Id-dħul lura fis-sistema edukattiva ewlenija ta' spiss ikun jirrikjedi perjodu ta' tranżizzjoni bejn l-ewwel esperjenza ta' falliment fl-edukazzjoni u bidu ġdid b'aktar suċċess. Il-programmi jdumu mill-inqas tliet xhur u jaslu sa sena, jiddependi mill-aspettattivi u l-motivazzjoni tal-parteċipanti. Minħabba l-kumplessità ta' problemi ta' natura varja li jaffaċċjaw dawk li huma fil-grupp fil-mira, ikunu meħtieġa metodi pedagoġiċi u ta' konsulenza alternattivi sabiex dawn iż-żgħażagħ jiġu rriintegrati fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Fattur wieħed ta' suċċess huwa dak tal-għoti ta' ambjent ta' sostenn għat-tagħlim, wieħed individwalizzat, u ta' approċċ flessibbli mfassal skont il-ħtiġijiet ta' kull żagħżugħ. Programmi bħall-'Proġett ta' tagħlim għall-adulti żgħażagħ' fis-Slovenja, il-klassijiet ta' tranżizzjoni fi Franza jew iċ-ċentri tal-SAS fil-Belġju jagħtu opportunità liż-żgħażagħ f'riskju biex gradwalment jerġgħu jakkwistaw il-kunfidenza, ikopru t-tagħlim li jkunu tilfu u jerġgħu jintegraw ruħhom fl-edukazzjoni ewlenija.

Bosta drabi l-proġetti u l-inizjattivi biex tonqos il-problema tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien ikunu paralleli, b'ebta rabta ma' inizjattivi oħrajn[17]. Minkejja s-suċċess li rreġistraw, l-impatti tagħhom ħafna drabi jibqgħu fil-livell lokali jew reġjonali. Minħabba l-urġenza biex jitnaqqas l-għadd ta' studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, ir-rekwiżit ewlieni huwa li jkun hemm qabża mill-implimentazzjoni tal-miżuri individwali għall-introduzzjoni ta' politika komprensiva kontra l-waqfien mill-iskola. L-elementi ta' politiki bħal dawn iridu jiġu adattati għas-sitwazzjoni konkreta fl-Istati Membri.

L-esperjenzi tal-Istati Membri, id-dejta komparattiva u r-riċerka analitika jissuġġerixxu li l-kwistjonijiet ewlenin għall-politiki li jirnexxu jinkludu kollaborazzjoni ta' natura transsettorjali u l-komprensività tal-approċċ. Il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien mhuwiex biss kwistjoni marbuta mal-iskola u l-kawżi tiegħu jeħtieġ jiġu indirizzati f'firxa ta' politiki, fosthom dik soċjali, dwar iż-żgħażagħ, dwar il-familja, dwar is-saħħa, dwar il-komunità lokali, dwar ix-xogħol, kif ukoll dik dwar l-edukazzjoni. Anki kunċetti estiżi b'rabta mal-edukazzjoni, bħalma huma l-edukazzjoni kulturali, il-koperazzjoni man-negozji jew atturi oħrajn barra l-iskola, u l-isport jista' jkollhom rwol importanti fit-tnaqqis tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, u dan billi jiġu promossi l-kreattività, metodi ġodda ta' ħsieb, id-djalogu interkulturali, u l-koeżjoni soċjali.

4 KOOPERAZZJONI FIL-LIVELL TAL-UE TAGħTI AKTAR VALUR FIT-TNAQQIS TAL-WAQFIEN MILL-ISKOLA QABEL Iż-żMIEN

Bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020, l-Istati Membri qablu fl-ogħla livell politiku li jistabbilixxu miri nazzjonali dwar kif jitrażżan il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, u dan filwaqt li titqies il-pożizzjoni mnejn jitilqu u ċ-ċirkostanzi nazzjonali. Il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien se jkun indirizzat fil-qafas tal-Programmi Nazzjonali għar-Riforma (NRP) tagħhom li jiddeskrivu l-istrateġiji u l-azzjonijiet li se jieħdu ħsieb jidħlu għalihom bil-għan li jissodisfaw il-miri nazzjonali tagħhom. Il-miri nazzjonali dwar it-tnaqqis tar-rati tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien se jsaħħu l-iżvilupp tal-politika f'dan il-qasam u jżidu l-pressjoni għal politiki effiċjenti u effettivi. Ir-rappurtar dwar il-miri nazzjonali tal-Ewropa 2020 permezz tal-Istħarriġiet Annwali dwar it-Tkabbir se jitfa' aktar piż fuq is-sorveljanza tal-effettività tal-politiki, is-suċċessi tagħhom u fejn hemm lok għal titjib.

Il-qafas strateġiku eżistenti għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ, Edukazzjoni u Taħriġ 2020 , l-għodda u l-mekkaniżmi ta' rappurtaġġ tiegħu, għandhom isostnu l-implimentazzjoni ta' politiki effiċjenti u effettivi kontra l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien. Dan se jipprovdi pjattaforma biex jiġi enfasizzat il-progress tal-Istati Membri, sostnut mid-disponibbiltà ta' statistika solida u komparabbli permezz tal-Eurostat.

Biex l-Istati Membri jkunu sostnuti aħjar fl-iżvilupp ta' politiki nazzjonali effiċjenti u effettivi kontra l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, se jiġu stabbiliti bosta miżuri u għodda, hekk li jiġi offrut approċċ komprensiv għal din il-problema ta' natura varja.

- Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki biex jitrażżan il- waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, flimkien ma' Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, hija maħsuba biex tgħin lill-Istati Membri joħolqu u jiżviluppaw strateġiji b'impatt kbir u bi proporzjon tajjeb bejn il-kost u l-benefiċċju. Huwa propost li r-Rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi qafas Ewropew komuni għall-politiki effettivi u effiċjenti kontra l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien u li l-Istati Membri għandhom jadottaw strateġiji nazzjonali komprensivi kontra l-waqfien mill-iskola sal-2012, b'konformità mal-miri nazzjonali.

- Il- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li jmiss dwar l-edukazzjoni u l-ħarsien tat-tfal iż-żgħar , li għandha tiġi adottata fl-2011, se tenfasizza li s-sistemi ta' edukazzjoni u ta' ħarsien tat-tfal iż-żgħar jistgħu jgħinu biex tiġi stabbilita l-bażi għat-tagħlim tul il-ħajja bħala l-aktar mod b'saħħtu ta' kif l-iżvantaġġi jiġu miġġielda permezz tal-edukazzjoni, u hekk jipprevjenu, b'mod effettiv, ħafna mill-każi ta' studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien. Il-Komunikazzjoni se tistabbilixxi kwistjonijiet ewlenin biex jissaħħu l-kwalità u l-aċċess fl-edukazzjoni u l-ħarsien tat-tfal iż-żgħar.

- Fl-2011 il-Kummissjoni se tressaq Komunikazzjoni dwar Aġenda Ewropea Ġdida dwar l-Integrazzjoni biex issostni l-politiki tal-Istati Membri dwar l-integrazzjoni. Biex jingħata sostenn fis-suċċess edukattiv tal-istudenti li jkunu ġejjin minn sfond migranti, għandha titqies il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-fenomenu tal-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien anki f'dan il-kuntest.

- L -edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għandhom il-potenzjal li jkunu strument importanti li jwaqqaf liż-żgħażagħ milli jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien. Wara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Impetu ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali biex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropa 2020'[18], il-ministeri tal-Edukazzjoni qablu fuq aġenda ambizzjuża għall-modernizzazzjoni tal-ETV, inkluża azzjoni speċifika biex jonqos in-numru ta' studenti li jabbandunaw l-ETV qabel iż-żmien.

- Il- valur referenzjarju biex iqis l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ se tipproponih il-Kummissjoni kmieni fl-2011. Li tiżdied l-impjegabbiltà ta' dawn huwa kruċjali biex jittejbu l-prospetti taż-żgħażagħ għax-xogħol u għall-karrieri tagħhom fil-ġejjieni, u biex jinvolvihom bis-sħiħ fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-valur referenzjarju se joffri opportunitajiet aħjar biex is-sitwazzjoni tkun sorveljata u biex ikun sostnut l-iskambju ta' prassi tajba u ta' esperjenzi tal-Istati Membri.

- Sabiex l-iżviluppi fil-politika jiġu indirizzati bl-iktar mod effettiv u biex ikun aċċellerat il-proċess tat-tagħlim reċiproku, jakkumpanja l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u jsostni l-Kummissjoni u lill-Kunsill fis-sorveljanza tal-iżviluppi fl-Istati Membri u fil-livell Ewropew se jkun qed jirrappreżenta lill-Istati Membri differenti grupp għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew . Dan se jgħin biex jiġu identifikati politiki u prattiki effettivi biex jindirizzaw sfidi komuni fl-Istati Membri, jiġi sostnut l-iskambju tal-esperjenza u jgħin biex jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet għal politiki aħjar b'miri speċifiċi.

- Barra minn dan se jkomplu għaddejjin diskussjonijiet uffiċjali ministerjali u ta' livell għoli , kif ukoll avvenimenti ta' profil għoli bħalma huma l-konferenzi tal-kummissjoni u tal-Presidenza. Dawn għandhom jipprovdu kontribut importanti fid-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin u jtejbu l-adozzjoni ta' approċċi u miżuri effettivi għal politiki ġodda. Dawn għandhom jenfasizzaw kemm il-prassi tajba fl-Istati Membri kif ukoll iżidu l-fehim tad-differenzi fil-prestazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-miri stabbiliti, u hekk isostnu l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom.

- Il- Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja, kif ukoll il-programmi relatati mar-riċerka u l-innovazzjoni , se jintużaw b'mod aktar itensiv biex isostnu l-esperimentazzjoni u l-approċċi innovattivi biex inaqqsu l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien. Dan jippermetti l-iskambju tal-esperjenzi u ta' prassi tajba fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jippromwovi l-iżvilupp ta' miżuri effettivi u effiċjenti għall-istudenti f'riskju li jabbandunaw l-edukazzjoni obbligatorja. Il-prijoritajiet ta' finanzjament għall-2011 jinkludu t-tnaqqis fl-għadd ta' studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, it-titjib fit-tagħlim tal-istudenti ġejjin minn sfond migranti u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn iż-żewġ sessi u ta' approċċi inklużivi għat-tagħlim.

- Il-Fondi Strutturali Ewropej , speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, huma sors importanti ferm għall-finanzjament ta' miżuri nazzjonali u reġjonali biex tonqos ir-rata ta' dawk li jabbandunaw l-edukazzjoni obbligatorja. Il-qafas komuni ta' politika Ewropea inkluż fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill se jżid l-enfasi u l-interess fl-investimenti li jaqgħu taħt il-Fondi Strutturali Ewropej u hekk isaħħaħ il-kostefettività tagħhom fil-ġlieda kontra l-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien.

-

[1] It-terminu 'Waqfien mill-Iskola Qabel iż-Żmien' jinkludi l-forom kollha tal-waqfien mill-edukazzjoni u t-taħriġ qabel ma titlesta l-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell jew l-ekwivalenti tagħha fl-edukazzjoni jew it-taħriġ vokazzjonali.

[2] COM (2010) 2020

[3] COM (2010) 477

[4] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 25/26 ta’ Marzu 2010.

[5] Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 2010.

[6] Eurostat, Stqarrija għall-Istampa 162/2010, 29 ta' Ottubru 2010.

[7] Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 2010.

[8] NESSE (2009), p.31. Ara wkoll Shell "Jugendstudie 2010" (2010).

[9] Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 2010.

[10] "Active inclusion of young people with disabilities or health problems. Background paper", Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol , 2010

[11] Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 2010.

[12] Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, 2010.

[13] Id-dejta tirreferi għall-2008; SEC(2009) 1616, p. 96.

[14] GHK (2005), "Study on Early School Leavers, Final Report", p.77, Sally Kendal, Kay Kinder (2005), "Reclaiming those disengaged from education and learning – a European Perspective", p.15

[15] L-eżempji kollha ta' politika huma meħuda mill-SWD 'Reducing Early School Leaving' (SEC (2010)[…]. Din tinkludi informazzjoni addizzjonali dwar l-eżempji ta' politika kif ukoll aktar informazzjoni dettaljata dwar il-waqfien mill-iskola qabel iż-żmien, il-kawżi ta' dan u l-istrateġiji ideali biex jitrażżan.

[16] NESSE (2009), p.45

[17] Frank Braun: Einleitung, in "Schulabbrüche und Ausbildungslosigkeit", München 2007

[18] COM(2010) 296 finali.