13.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/156


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ewropa kreattiva”

2012/C 277/15

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa' l-programm qafas ġdid “Ewropa Kreattiva” għas-settur tal-kultura u tal-kreattività taħt il-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 (1) li jiġbor flimkien il-programmi Culture, MEDIA u MEDIA Mundus billi joħloq strument ġdid li jiffaċilita l-aċċess għar-riżorsi;

jenfasizza bis-sħiħ li l-kultura għandha valur intrinsiku li huwa indipendenti mill-aspetti ekonomiċi tal-oġġetti u s-servizzi kulturali u jeħtieġ li l-istruttura tal-programm tiġbor fiha din in-natura doppja illi ma tkunx orjentata biss lejn l-utilità ekonomika tal-kultura;

bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni għall-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 iżżid b'mod sinifikanti l-baġit għas-setturi tal-kultura u l-kreattività għal total ta’ EUR 1 801 biljun, li jirrappreżenta żieda sinifikanti (ta' 37 %) fir-riżorsi finanzjarji meta mqabbla mal-ispjjeż attwali;

jinnota li kultura libera u indipendenti hija importanti ħafna għall-iżvilupp tas-soċjetà. Hija tiggarantixxi l-libertà tal-opinjoni u d-diversità, tipprovdi l-opportunità għalll-parteċipazzjoni u toħloq fora ta’ dibatitti kritiċi u indipendenti li huma prerekwiżiti ta’ demokrazija vivaċi.

Relatur

Is-Sur Gábor BIHARY (HU/PSE), Membru tal-Kunsill Ġenerali ta’ Budapest

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva

COM(2011) 785 final

I.   IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa' b'mod favorevoli l-programm qafas ġdid “Ewropa Kreattiva” għas-settur tal-kultura u tal-kreattività taħt il-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 (2) li jiġbor flimkien il-programmi Culture, MEDIA u MEDIA Mundus billi joħloq strument ġdid li jiffaċilita l-aċċess għar-riżorsi;

2.

jenfasizza bis-sħiħ li l-kultura għandha valur intrinsiku li huwa indipendenti mill-aspetti ekonomiċi tal-oġġetti u s-servizzi kulturali u jeħtieġ li l-istruttura tal-programm tiġbor fiha din in-natura doppja billi ma tkunx orjentata biss lejn l-utilità ekonomika tal-kultura;

3.

jagħraf li billi ngħaqdu l-kultura u l-mezzi ta’ komunikazzjoni nistgħu niffaċilitaw it-tixrid tal-prodotti kulturali, noħolqu suq uniku online għax-xogħlijiet awdjoviżivi u nagħtu kontribut sabiex jinħareġ il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjieg fis-setturi tal-kultura u l-kreattività;

4.

japprova l-isforzi li saru sabiex jiġi semplifikat il-programm qafas billi dan joffri aċċess faċli għall-professjonisti Ewropej tal-kultura u l-kreattività u jagħtihom l-opportunità li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-UE u lil hinn minnha;

5.

jaqbel mal-istqarrijiet li saru fil-valutazzjonijiet tal-impatt dwar il-programmi attwali fejn intqal li jeżistu erba’ problemi komuni li jeħtieġ li jiġu solvuti fil-livell Ewropew sabiex ikunu jistgħu jinkisbu r-riżultati mixtieqa permezz ta’ amalgamazzjoni tal-programmi u ta’ faċilità finanzjarja ġdida miġbura taħt programm qafas uniku:

a.

il-frammentazzjoni tas-suq li ġejja mid-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa li attwalment tillimita ċ-ċirkulazzjoni transnazzjonali tax-xogħol u l-mobilità tal-artisti u l-professjonisti u toħloq ukoll żbilanċi ġeografiċi; hija tillimita wkoll l-għażliet tal-konsumaturi kif ukoll l-aċċess għax-xogħlijiet kulturali Ewropej;

b.

il-bżonn li s-setturi jadattaw għall-impatt tal-globalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn l-era diġitali li tirriżulta f’konċentrazzjoni tal-provvista f’idejn numru restritt ta’ atturi prinċipali li hija theddida għad-diversità kulturali u lingwistika; is-settur għalhekk għandu x’jibbenefika minn approċċi u soluzzjonijiet transnazzjonali u transreġjonali;

c.

in-nuqqas ta’ data paragunabbli dwar is-settur kulturali fil-livell nazzjonali u Ewropew għandu riperkussjonijiet fuq il-koordinazzjoni tal-politika Ewropea. Din id-data tista’ tkun mutur utli għall-iżvilupp tal-politika nazzjonali u l-bidla sistematika, mingħajr impatt kbir fuq il-baġit tal-UE u f’konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

d.

il-problemi ta’ aċċess għall-finanzi għall-SMEs kulturali u kreattivi;

6.

jilqa’ l-fatt li bl-enfasi fuq l-attivitajiet transnazzjonali tas-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll fuq ir-rabta stretta mal-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, il-programm ser jikkomplementa l-azzjonijiet ta’ programmi oħra tal-UE, bħalma huma l-għajnuna tal-Fondi Strutturali favur l-investiment fis-setturi tal-kultura u tal-kreattività, ir-restawr tal-patrimonju, l-infrastrutturi u s-servizzi kulturali, il-fondi allokati għad-diġitalizzazzjoni tal-patrimonju kulturali u l-istrumenti fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni u t-tkabbir;

7.

bi pjaċir jinnota li barra minn hekk, il-programm ser jibbaża fuq l-esperjenza miksuba fil-kuntest tal-inizjattivi ta’ suċċess bħall-MEDIA, iċ-ċertifikat tal-patrimonju Ewropew u l-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura;

8.

bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni għall-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju multiannwali 2014-2020 iżżid b’mod sinifikanti l-baġit għas-setturi tal-kultura u l-kreattività għal total ta’ EUR 1 801 biljun, li jirrappreżenta żieda sinifikanti (ta’ 37 %) fir-riżorsi finanzjarji meta mqabbla mal-ispjjeż attwali;

9.

jenfasizza li ż-żieda fl-appoġġ tikkonforma mal-ispirtu u l-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha, peress li l-investiment fis-setturi tal-kultura u l-kreattività jikkontribwixxu direttament għall-objettiv ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv stabbilit fl-istrateġija u jiffaċilita l-aċċess għar-riżorsi għall-SMEs attivi fis-setturi tal-kultura u l-kreattività;

10.

madanakollu, iqis li hemm bżonn definizzjonijet iktar preċiżi, b'mod partikolari fir-rigward tal-qafas legali u l-kriterji ta’ applikazzjoni tal-faċilità finanzjarja;

11.

jixtieq ifakkar li l-biċċa l-kbira tal-intrapriżi tas-settur tal-kultura u l-kreattività huma mikrointrapriżi, SMEs u intrapriżi b’ħaddiema li jaħdmu għal rashom li jirrikjedu inizjattivi u organizzazzjoni fil-livell lokali. Dan l-approċċ lokali huwa aspett pożittiv għar-reġjuni kemm għax jistimula l-ekonomija lokali (il-kreattività ssaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija) u kif ukoll għax jagħti kontribut sabiex jinżammu l-ħiliet u l-impjiegi relatati fil-post; għalhekk jeħtieġ li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tal-intraprendituri u l-ħaddiema tas-settur tal-kultura;

12.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-kapaċitajiet tas-settur kulturali, kif ukoll dawk li jistimulaw iċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali tal-kultura, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha, billi huwa jqis id-diversità kulturali bħala waħda mis-sorsi tal-iżvilupp;

13.

jaqbel li f'perjodu ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, il-kultura tista’ taqdi rwol biex twassal għall-ksib tal-objettivi tal-politika soċjali b'mod kreattiv, billi tappoġġja l-innovazzjonijiet li huma wieħed mill-ixpruni li bihom jinkisbu r-riżultati fil-qasam soċjali (3).

14.

iqis li l-kultura u l-arti kif ukoll il-mezzi tax-xandir u l-mezzi awdjoviżivi kulturali huma f’pożizzjoni li jibdlu l-imġiba, billi joħolqu rabtiet soċjali ġodda u jħeġġu lill-individwi jisfruttaw il-kapaċitajiet kreattivi tagħhom; fl-istess waqt il-kultura u l-arti jistgħu jkunu salvagwardja tal-valuri ta’ soċjetà demokratika;

15.

jinnota li kultura libera u indipendenti hija importanti ħafna għall-iżvilupp tas-soċjetà. Hija tiggarantixxi l-libertà tal-opinjoni u d-diversità, tipprovdi l-opportunità għalll-parteċipazzjoni u toħloq fora ta’ dibatitti kritiċi u indipendenti li huma prerekwiżiti ta’ demokrazija vivaċi;

16.

jenfasizza li fl-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltà kbira fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-kultura billi huma jaqdu rwol importanti ħafna fil-promozzjoni tal-kultura u biex isaħħu l-influwenza tagħha, b’mod partikolari f’dak li huwa l-ħarsien tal-patrimonju kulturali u l-promozzjoni tal-innovazzjoni artistika (4). L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ukoll ir-responsabbiltà partikolari li jaraw li t-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal ħajja kultura attiva u li jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw fiha;

17.

ifakkar li huwa kien diġà enfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li, billi huma viċin taċ-ċittadini, jinsabu fl-aħjar pożizzjoni strateġika biex jindirizzaw il-bżonnijiet u t-talbiet speċifiċi tal-gruppi kulturali differenti fi ħdan l-UE kif ukoll biex jimmobilizzaw b’mod effettiv lill-komunitajiet lokali u reġjonali favur il-promozzjoni ta’ djalogu interkulturali mtejjeb (5);

18.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali rnexxilhom jintegraw is-settur tal-kultura u l-kreattività fl-istrateġiji tal-iżvilupp tagħhom u li dan ikkontribwixxa biex jissaħħi l-ekonomiji lokali; b'mod partikolari huwa possibbli li fil-livell lokali u reġjonali jinħolqu netwerks u bażijiet tad-data tal-artisti żgħażagħ, li jiġi promoss it-taħriġ taż-żgħażagħ fl-oqsma tal-arti u l-kultura, li tingħata prijorità l-professjonalizzazzjoni tal-artisti żgħażagħ, li jsiru esperimenti multimedjali u multikulturali, li jkunu disponibbli spazji pubbliċi għall-produzzjonijiet tal-artisti żgħażagħ, li jitħeġġeġ l-iżvilupp artistiku u kulturali tal-pubbliku żgħażugħ u li jiġu appoġġjati l-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-qasam artistiku u kulturali u li tingħata prijorità lill-innovazzjoni fl-oqsma tat-tradizzjonijiet u l-vokazzjonijiet lokali (6);

19.

jenfasizza li l-mezzi awdjoviżivi mhumiex biss settur importanti kbir għat-tkabbir, il-kompetittività u l-impjieg, iżda jifformaw ukoll settur ewlieni peress li jiddefendu u jippromovu l-identità u d-diversità kulturali tal-bliet u r-reġjuni. Is-settur huwa magħmul b’tali mod li huwa fattur ewlieni fl-iżvilupp tal-valuri soċjali Ewropej u t-tħaddim tas-soċjetajiet demokratiċi, peress li x-xogħlijiet awdjoviżivi jistgħu jaqdu rwol importanti biex tissawwar identità Ewropea (7);

20.

jenfasizza li t-triq lejn id-diġitalizzazzjoni tiftaħ perspettivi ġodda ta’ interkonnessjoni bejn id-diversi reġjuni Ewropej, fejn dawn jiskambjaw il-materjal awdjoviżiv li jkunu ħolqu u jesploraw direzzjonijiet ġodda sabiex jinħolqu rabtiet u jiskambjaw il-kontenut. Din it-tranżizzjoni tista’ tipprovdi opportunità biex is-swali jiġbdu lejhom udjenzi ġodda, jisfruttaw il-kontenut li mhux tal-films, jipprovdu servizzi ġodda u jagħtu aktar viżibbiltà lill-kontenut minn reġjuni differenti (8);

21.

mill-ġdid jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li tissaħħaħ ir-referenza għar-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni u t-tixrid tal-kultura tal-komunità tagħhom (9), u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw rwol aktar importanti fil-programm;

22.

jenfasizza, f'dan il-kuntest, li hemm lok li jinkiseb bilanċ adegwat bejn, minn naħa, ir-riżorsi ddedikati għall-proġetti l-kbar globali, u min-naħa l-oħra, il-finanzjament tal-miżuri u l-attivitajiet iffokati fuq il-livell lokali u reġjonali;

23.

jitlob minnufih lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li jevitaw li jpoġġu enfasi żejda fuq is-settur finanzjarju huwa u jiġi implimentat ir-regolament u li minflok l-atturi kulturali jingħataw iktar vuċi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

24.

jagħraf li l-miżuri msemmija fil-proposta, fil-forma attwali tagħhom, jidhru li jikkonformaw mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jenfasizza, madankollu, li għad hemm lok biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu kkonsultati b'mod sistematiku fil-kuntest tat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-miżuri relatati mal-finanzjament tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej;

25.

jixtieq jagħti kontribut sabiex il-programm “Ewropa Kreattiva” jinfirex kemm jista' jkun fir-reġjuni tal-UE u joffri li jikkollabora f'dan ir-rigward; huwa jixtieq jipparteċipa wkoll fil-proċess tal-monitoraġġ tal-programm;

26.

iqis essenzjali d-diviżjoni tal-qasam fi tliet taqsimiet (taqsima transsettorjali, taqsima kulturali u taqsima MEDIA) u li l-baġit indikattiv jinqasam bejn kull taqsima iżda jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li matul l-implimentazzjoni tal-programm tiġi garantita l-flessibbiltà meħtieġa għad-distribuzzjoni mill-ġdid potenzjali bejn it-taqsimiet skont l-eżiġenżi u l-esperjenzi;

27.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn li f'din l-istruttura ġdida s-setturi tal-arti u l-patrimonju kulturali ma jiġux marġinalizzati;

It-Taqsima Transsettorjali

28.

jilqa’ l-approċċ strateġiku u inklużiv li tipproponi l-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ l-iżvilupp tas-setturi tal-kultura u tal-kreattività;

29.

jenfasizza li sabiex ikunu jistgħu jħallu l-frott, l-istrateġiji integrati tal-iżvilupp għandhom jiġu definiti fil-livell territorjali pertinenti fil-qafas ta’ sħubija mal-awtoritajiet responsabbli mill-bosta politiki tal-gvern (bħall-iżvilupp ekonomiku, l-impjieg, l-edukazzjoni u l-kultura u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jiġifieri n-negozji, l-impjegati u l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini;

30.

hemm bżonn li jiġu analizzati l-oqsma u t-temi li huwa aspetti b'saħħithom tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u li jistħoqqilhom li jiġu promossi billi kull reġjun għandu possibbiltajiet li hemm bżonn li jiġu identifikati: il-bliet il-kbar u r-reġjuni sinjuri għandhom iktar possibbiltajiet u strumenti sabiex isiru punti ċentrali attraenti tal-kreattività fuq diversi livelli filwaqt li r-reġjuni ż-żgħar u inqas vantaġġati, b'mod partikolari dawk li jinsabu fil-periferija tal-UE jeħtieġ li jitpoġġew f'qagħda fejn ikunu jistgħu jxerrdu l-valur kulturali tagħhom fil-bqija tad-dinja;

31.

diġà insista qabel fuq il-bżonn reali ta’ informazzjoni iktar affidabbli dwar is-sitwazzjoni globali tas-settur Ewropew tal-kultura (10); jilqa’ b’mod favorevoli l-miżuri li għandhom l-għan li jappoġġjaw il-ġbir tad-data, l-istudju, l-antiċipazzjoni tal-ħiliet u l-istrumenti tal-impjieg, l-evalwazzjonijiet, l-evalwazzjonijiet ta’ politika u l-istħarriġ ta’ statistika dwar is-swieq konċernati. Madanakollu, għandhom jiġu salvagwardjati l-ġbir u l-analiżi tad-data li ser tinqasam mal-korpi tal-istatistika nazzjonali u Ewropej sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-sorsi, l-ispejjeż u l-ipproċessar tad-data;

32.

jenfasizza li ambjent interdixxiplinarju jiggarantixxi l-aħjar kundizzjonijiet tat-tħaddim tas-setturi tal-kultura u l-kreattività u jirrakkomanda għalhekk il-promozzjoni ta’ rabta iktar mill-qrib bejn l-arti, il-filosofija, ix-xjenzi, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-intrapriżi;

33.

iqis essenzjali li jinħolqu sħubijiet reali tal-kreattività bejn is-setturi tal-kultura u l-kreattività u oqsma oħra bħat-tagħlim, l-industrija, ir-riċerka u l-amministrazzjoni pubblika u jinsisti li jitfasslu mekkaniżmi effikaċi li jippermettu t-trasferiment tal-għarfien kreattiv bħal pereżempju d-disinn, f'setturi oħra;

It-taqsima kultura

34.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-kapaċitajiet tas-settur kulturali, kif ukoll dawk li jistimulaw iċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali tal-kultura, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha;

35.

bi pjaċir jinnota li fil-programm it-taqsima tal-kultura qed tagħti iktar attenzjoni lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet u ċ-ċirkulazzjoni transnazzjonali inklużi t-tours internazzjonali, lit-twaqqif ta’ pjattaformi Ewropej ġodda li għandhom effett strutturali kbir u l-adozzjoni ta’ appoġġ iktar strateġiku favur it-traduzzjoni letterarja għall-kumpaniji tal-editjar kif ukoll miżuri ta’ appoġġ promozzjonali;

36.

jenfasizza li f'perjodu ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, il-kultura tista’ taqdi rwol biex twassal għall-ksib tal-objettivi tal-politika soċjali b'mod kreattiv, billi tappoġġja l-innovazzjonijiet li huma wieħed mill-muturi mexxejja li bihom jinkisbu r-riżultati fil-qasam soċjali;

37.

bi pjaċir jinnota l-appoġġ previst għaċ-ċirkulazzjoni transnazzjonali tal-kultura u jenfasizza b’mod partikolari l-importanza li jiġu appoġġjati s-setturi konnessi li jgħinu lill-kultura tasal għand il-pubbliku indipendentement mis-sitwazzjoni ġeografika li xi drabi jkunu ta’ żvantaġġ għar-reġjuni u mill-problema tal-multilingwiżmu;

38.

jenfasizza li l-investimenti fil-kultura għandhom jinkoraġġixxu bl-istess mod il-produzzjoni artistika individwali u kollettiva kif ukoll l-oqsma essenzjali għas-setturi tal-kultura u l-kreattività bħall-mudelli l-ġodda tal-intrapriża, il-kreattività u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni u l-iżvilupp tal-kapital uman kif ukoll is-sħubijiet kreattivi ma’ setturi oħra;

39.

jinsisti fuq l-importanza li jiġu żviluppati inizjattivi konġunti bil-għan li jiġu appoġġjati l-esperjenzi artistiċi privati u pubbliċi li jistgħu jintużaw għall-benefiċċju reċiproku tat-tisħiħ tal-kultura u l-kosteffettività tal-intrapriżi;

40.

jafferma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu juru li huma iktar effikaċi f’li jinfurmaw l-intrapriżi lokali dwar il-mod ta’ kif jistgħu jippromovu l-attivitajiet lokali u reġjonali kulturali;

41.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-settur privat ħafna drabi jaqdi rwol importanti fil-qasam tal-promozzjoni tal-kultura fil-qafas tar-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi permezz ta’ għotjiet jew forom oħra ta’ appoġġ iżda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali min-naħa tagħhom jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi l-aħjar użu possibbli ta’ din l-għajnuna;

42.

jagħraf l-importanza ta’ approċċ koerenti fil-perjodu l-medju u fit-tul għall-programmazzjoni tal-interventi fil-qasam tal-kultura u jirreferi dwar dan għall-eżempju tajjeb tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fejn strateġija tal-iżvilupp fuq perjodu twil tippromovi approċċi iktar sostenibbli tal-iżvilupp kulturali, issaħħaħ l-impatt u l-effetti marbuta mal-Belt Kapitali tal-Kultura (11) u toħroġ ir-rikkezzi kulturali Ewropej, id-diversità tagħhom u l-punti komuni ta’ bejntiehom;

It-taqsima MEDIA

43.

jinnota li l-muniċipalitajiet u r-reġjuni jistgħu jaqdu rwol prinċipali f’li jħeġġu x-xogħlijiet awjdoviżivi lokali u reġjonali u b’hekk isaħħu l-produzzjoni awdjoviżiva u jikkontribwixxu b’mod attiv fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali (12);

44.

iqis bħala pass importanti t-tfassil ta’ programm ta’ kooperazzjoni internazzjonali fis-settur awdjoviżiv bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet kemm kulturali kif ukoll kummerċjali bejn l-industrija ċinematografika Ewropea u dik tal-pajjiżi terzi;

45.

iqis li hemm bżonn li jiġu indirizzati l-isfidi assoċjati mat-tibdil fix-xena awdjoviżiva globali li ġejja mill-evoluzzjonijiet teknoloġiċi u d-djgħufijiet strutturali li jolqtu t-tixrid tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropew fis-swieq tal-pajjiżi terżi u li jżommu lill-industrija Ewropea tas-settur lura milli tisfrutta l-perspettivi internazzjonali u jheddu wkoll il-kompetittività tagħha;

46.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li mil-lat tal-isfruttar soċjali tal-programm, l-iżvilupp tal-kompetenzi fil-qasam tal-mezzi ta’ komunikazzjoni flimkien mal-adattament tal-metodi edukattivi għall-mezzi fil-qasam skolastiku u lil hinn minnu għandhom rwol partikolarment importanti; ser ikun hemm bżonn li jiġu stimulat it-tagħlim tat-teknoloġiji l-ġoddda tal-komunikazzjoni li huma importanti ħafna għall-integrazzjoni soċjali u professjonali (13);

47.

ifakkar fl-importanza taċ-ċinema fil-bini ta’ identità Ewropea u fl-integrazzjoni tar-reġjuni (14);

48.

jenfasizza li permezz ta’ dan il-programm, industrija kulturali f’saħħitha tista’ toħloq sħubijiet kreattivi bejn il-qasam u setturi oħra (teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, riċerka, turiżmu, sħubijiet soċjali eċċ) sabiex jissaħħaħ l-impatt soċjoekonomiku tal-investimenti fil-kultura u l-kreattività (15) b'mod partikolari fejn tidħol il-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjieg kif ukoll l-iżvilupp tar-reġjuni u l-bliet u l-attraenza tagħhom;

49.

jinsisti fuq il-bżonn li jittieħdu iktar miżuri għall-mobilizzazzjoni sħiħa tal-kontenut kreattiv tal-Ewropa (16) bil-għan li tissaħħaħ kemm il-produzzjoni kif ukoll id-disponibbiltà u ċ-ċirkulazzjoni tal-xogħlijiet Ewropej innovattivi u ta’ kwalità, il-promozzjoni tad-diversità kulturali Ewropea u ż-żieda fil-kompetittività Ewropea fil-qasam tal-mezzi tax-xandir;

50.

jisħaq mill-ġdid li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jaqdu rwol importanti fil-ġestjoni tal-patrimonju kulturali u lingwistiku tagħhom billi jippromovu mudelli intraprenditorjali ġodda fl-industriji kreattivi u l-mezzi tax-xandir lokali u jħeġġu x-xogħlijiet kreattivi kofinanzjati minn istituti u organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir (17);

51.

ifakkar li anki jekk “Ewropa Kreattiva” mhijiex programm soċjali, il-politiki relatati ma’ servizzi ġodda u mal-mezzi tax-xandir diġitali u l-kontenut kreattiv ma jistgħux jitfasslu abbażi ta’ kriterji ekonomiċi biss iżda għandhom iqisu l-kriterji kulturali u soċjali (18). Konsegwentement, il-kontenut kreattiv għandu jippromovi l-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali b'mod partikolari ta’ ċerti gruppi mhedda mill-esklużjoni jew li jiffaċċjaw żvantaġġi soċjali oħrajn;

Prestazzjoni u segwitu

52.

jenfasizza li hu importanti li jiġu żgurati s-sinerġiji fil-livell ta’ implimentazzjoni bejn il-programm u l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

53.

jagħraf li fl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni tiddependi fuq l-impatt komplementari ta’ attivitajiet oħra fil-livell Ewropew u nazzjonali li jaffettwaw is-setturi kulturali u kreattivi u li konsegwentement il-bidliet fl-indikaturi ma jistgħux jiġu attribwiti dejjem għall-effetti tal-programm “Ewropa Kreattiva”;

54.

japprova d-definizzjoni ta’ indikaturi kwantifikabbli għall-għanijiet ġenerali u speċifiċi tax-xogħlijiet kulutrali u kreattivi jiġifieri l-impjieg, l-aċċessibbiltà, is-sħubijiet, il-possibbiltajiet ta’ apprentistat, iċ-ċirkulazzjoni transnazzjonali, il-mobbiltà tal-atturi, in-numru ta’ nies fost l-udjenza għall-films, il-perċentwal ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropew flimkien mal-kwistjoni tad-dimensjoni reġjonali ta’ dawn l-indikaturi. Huwa jiddispjaċih madanakollu li l-indikaturi tal-programmi jenfasizzaw wisq it-tkabbir ekonomiku, il-profitt u l-kompetizzjoni, li mhumiex strumenti tajba sabiex jevalwaw is-settur mhux kummerċjali tal-kultura jew li jiżguraw is-segwitu tas-settur;

55.

jinnota b’sodisfazzjon li, f’dak li jikkonċerna t-twettiq tal-għan tat-tisħiħ tal-kapaċità finanzjarja tas-settur Ewropew tal-kultura u l-kreattività, li apparti ż-żieda fl-ammont ta’ self, in-numru u d-distribuzzjoni ġeografika tal-istabbilimenti finanzjarji li jipprovdu aċċess għall-finanzjament huma meqjusa wkoll;

56.

jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li jiżguraw li apparti monitoraġġ regolari, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-rapport tal-evalwazzjoni li għandha tħejji l-iktar tard sa tmiem l-2017 dwar it-twettiq tal-għanijiet tal-programm, l-effiċjenza tiegħu u l-valur miżjud Ewropew.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Artikolu 3(1)

Valur miżjud Ewropew

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 3

Valur miżjud Ewropew

Il-Programm għandu jappoġġa biss dawk l-azzjonijiet u attivitajiet li jippreżentaw valur miżjud Ewropew b'potenzjal u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha.

Artikolu 3

Valur miżjud Ewropew

Il-Programm għandu jappoġġa biss dawk l-azzjonijiet u attivitajiet li jippreżentaw valur miżjud Ewropew b'potenzjal u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha.

Raġuni

Il-valur miżjud Ewropew mhuwiex ikkonċentrat biss fuq l-UE2020 iżda anki fuq l-Orizzont 2020 u l-koeżjoni fost inizjattivi oħra.

Emenda 2

Artikolu 3(2)(a)

Valur miżjud Ewropew

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

a)

il-karattru transnazzjonali tal-attivitajiet tiegħu u l-impatt tagħhom li se jikkumplimentaw il-programmi nazzjonali, internazzjonali u oħrajn tal-Unjoni;

a)

il-karattru transnazzjonali tal-attivitajiet tiegħu u l-impatt tagħhom li se jikkumplimentaw il-programmi nazzjonali, internazzjonali u oħrajn tal-Unjoni;

Raġuni

Jeżistu proġetti u programmi transnazzjonali li huma mfassla u implimentati fil-livell lokali u reġjonali. Dawn għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna Ewropea grazzi għall-programm futur “Ewropa Kreattiva”.

Emenda 3

Artikolu 5(c)

Objettivi speċifiċi tal-Programm

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

li jsaħħaħ il-kapaċità finanzjarja tas-setturi kulturali u kreattivi, u b'mod partikolari l-impriżi żgħar u medji u l-organizzazzjonijiet

li jsaħħaħ il-kapaċità finanzjarja tas-setturi kulturali u kreattivi, u b'mod partikolari l-impriżi żgħar u medji, l- u l-organizzazzjonijiet ;

Raġuni

L-ambitu tal-għanijiet speċifiċi tal-Programm għandu jkun iktar mifrux u jmur fil-livell tal-SMEs sabiex juri b'mod preċiż ir-realtà tal-persuni li jaħdmu fis-setturi tal-kreattività u l-kultura.

Emenda 4

Artikolu 7(1)(a)

Il-Faċilità tas-Setturi Kulturali u Kreattivi

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u organizzazzjonijiet fis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej;

l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzi għall- intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju u organizzazzjonijiet fis-settur kulturali u kreattiv;

Raġuni

L-ambitu tal-Faċilità tas-Setturi Kulturali u Kreattivi għandu jkun iktar mifrux u jmur fil-livell tal-SMEs sabiex juri b'mod preċiż ir-realtà tal-persuni li jaħdmu fis-setturi tal-kreattività u l-kultura.

Emenda 5

Artikolu 13(1)(a)

Konsistenza u kumplimentarjetà

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

a)

il-politiki rilevanti tal-UE, b'mod partikolari dawk fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-impriża, it-turiżmu, il-ġustizzja u l-iżvilupp;

a)

il-politiki rilevanti tal-UE, b'mod partikolari dawk fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-impriża, it-turiżmu, il-ġustizzja u l-iżvilupp;

Raġuni

Is-settur tal-kultura jaqdi rwol dinamiku ħafna fl-ekonomija u fil-qasam tal-ħolqien tal-impjieg fl-UE u jikkontribwixxi b'mod sostanzjali fl-iżvilupp lokali u reġjonali. L-appoġġ tas-setturi tal-kultura u tal-kreattività jista' jwassal ukoll għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni billi jnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp bejn ir-reġjuni.

Emenda 6

Artikolu 14(1)

Monitoraġġ u evalwazzjoni

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura monitoraġġ u evalwazzjoni esterna regolari tal-Programm Ewropa Kreattiva kontra l-indikaturi tal-prestazzjoni li ġejjin. Għandu jkun ikkunsidrat li l-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni tiddependi fuq l-impatt kumplimentari ta’ attivitajiet oħra fil-livell Ewropew u nazzjonali li jaffettwaw is-setturi kulturali u kreattivi:

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura monitoraġġ u evalwazzjoni esterna regolari tal-Programm Ewropa Kreattiva kontra l-indikaturi tal-prestazzjoni li ġejjin. Għandu jkun ikkunsidrat li l-kisba tal-miri ta’ prestazzjoni tiddependi fuq l-impatt kumplimentari ta’ oħra fil-livell Ewropew u nazzjonali li jaffettwaw is-setturi kulturali u kreattivi:

Raġuni

Emenda ċara.

Emenda 7

Anness 1

Arranġamenti ta' implimentazzjoni għall-faċilità tas-setturi kulturali u kreattivi

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi faċilità mmirata lejn is-setturi kulturali u kreattivi u li titħaddem fil-kuntest ta’ strument ta’ dejn tal-Unjoni għall-impriżi u medji. L-appoġġ finanzjarju previst għandu jkun immirat għall-impriżi u l-organizzazzjonijiet żgħar u medji li joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi faċilità mmirata lejn is-setturi kulturali u kreattivi u li titħaddem fil-kuntest ta’ strument ta’ dejn tal-Unjoni għall-impriżi u medji. L-appoġġ finanzjarju previst għandu jkun immirat għall- impriżi żgħar u medji joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi.

Raġuni

L-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Faċilità tas-Setturi Kulturali u Kreattivi għandhom ikunu iktar mifruxa u jmorru fil-livell tal-SMEs sabiex juru b'mod preċiż ir-realtà tal-persuni li jaħdmu fis-setturi tal-kreattività u tal-kultura.

Brussell, 19 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Baġit għall-Ewropa 2020, (COM(2011) 500 final tad-29 ta’ Ġunju 2011).

(2)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Baġit għall-Ewropa 2020, (COM(2011) 500 final tad-29 ta’ Ġunju 2011).

(3)  CdR 181/2010 fin.

(4)  CdR 172/2007 fin.

(5)  CdR 44/2006 fin.

(6)  CdR 181/2010 fin.

(7)  CdR 27/2009 fin.

(8)  CdR 293/2010 fin.

(9)  CdR 259/2004 fin.

(10)  CdR 259/2004 fin.

(11)  CdR 251/2005 fin.

(12)  CdR 27/2009 fin.

(13)  CdR 133/2009 fin.

(14)  CdR 293/2010 fin.

(15)  CdR 293/2010 fin.

(16)  CdR 94/2008 fin.

(17)  CdR 94/2008 fin.

(18)  CdR 94/2008 fin.