15.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 43/82


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati”

COM(2011) 241 finali

2012/C 43/19

Relatur: is-Sur PEEL

Nhar l-14 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati

COM(2011) 241 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Novembru 2011.

Matul l-476 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-7 u t-8 ta’ Diċembru 2011 (seduta tat-8 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’120 vot favur, 7 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-impenn sod tal-Kummissjoni fir-reviżjoni tagħha tal-Iskema ta’ Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati (SPĠ) sabiex tpoġġi saħansitra iktar enfasi fuq li tappoġġja l-pajjiżi l-iktar fil-bżonn billi tħeġġeġ żidiet fid-dħul tagħhom mill-esportazzjoni sabiex jiksbu tnaqqis reali fil-faqar. Ninsabu mħassba rigward il-fatt li l-iżvantaġġi kompetittivi għal ħafna pajjiżi iktar foqra marru għall-agħar matul dawn l-aħħar snin minħabba l-emerġenza ta’ numru speċifiku ta’ pajjiżi avvanzati fost dawk fil-fażi tal-iżvilupp; nappoġġjaw bis-sħiħ l-għan li l-użu tal-preferenzi tal-UE jiġi kkonċentrat fuq fejn hemm l-iktar bżonnhom billi t-tariffi qed ikomplu jonqsu b’mod ġenerali.

1.1.1   Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tnaqqas in-numru ta’ pajjiżi eliġibbli għall-SPĠ, iżda mhux li jitwessa’ b’mod sinifikanti n-numru ta’ linji tariffarji jew prodotti milquta, sabiex dawk li għandhom bżonnhom l-iktar ikunu l-benefiċjarji prinċipali. Għaldaqstant, nosservaw li anke fl-SPĠ+ ċerti prodotti “sensittivi”, l-iżjed prodotti agrikoli u tessuti, xorta waħda mhux ser ikunu disponibbli kompletament ħielsa mit-tariffi, u għalhekk il-pajjiżi l-inqas żviluppati jkunu jistgħu jżommu dawk il-benefiċċji partikolari skont l-iskema “Kollox ħlief Armi”.

1.1.2   Il-Kumitat jinnota li l-SPĠ, u b’mod partikolari l-SPĠ+, bħala għodda għall-iżvilupp ibbażata fuq l-inċentivi (pjuttost milli sanzjonijiet), għandha tibqa’ attraenti biżżejjed għall-pajjiżi eliġibbli kollha.

1.2   Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon kbir ukoll il-fatt li ttieħdet din l-opportunità sabiex titħeġġeġ konformità ikbar mad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tax-xogħol kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba, filwaqt li jitħeġġu iktar ċertezza legali u stabbiltà.

1.3   Il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li, bħala l-bażi tal-SPĠ+, ma tespandix in-numru totali ta’ konvenzjonijiet magħżula, mhux l-inqas għax dawk magħżula jippermettu lill-pajjiżi ċans realistiku li jiffukaw fuq l-essenzjali (1), għalkemm nilqgħu b’sodisfazzjon partikolari l-inklużjoni għall-ewwel darba hawnhekk tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (1992). Jeħtieġ li jinkiseb bilanċ bejn il-ksib ta’ drittijiet tal-bniedem, titjib soċjali, ambjentali u politiku u l-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji ta’ pajjiżi iktar fqar sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti addizzjonali, anke fejn dawn huma appoġġjati minn assistenza teknika: fl-aħħar mill-aħħar l-għażla trid issir mill-pajjiż benefiċjarju b’konformità mal-kundizzjonijiet kulturali u politiċi tiegħu.

1.4   Il-Kumitat għalhekk jenfasizza li dawn il-proposti għandhom jiġu akkumpanjati minn miżuri tal-bini tal-kapaċità immirati b’mod iżjed ċar bil-għan li jingħata appoġġ ikbar lill-pajjiżi sabiex jikkonformaw mal-konvenzjonijiet u jilħqu l-istandards etiċi meħtieġa. Inħeġġu l-inklużjoni bikrija ta’ programm speċifiku tal-KE li jikkomplementa dan ir-Regolament u li jelenka l-appoġġ disponibbli għal bini tal-kapaċità bħal dan għal dawk li jirċievu l-SPĠ li jitolbu dan.

1.4.1   Nirakkomandaw ukoll li dan il-bini tal-kapaċità għandu jkun ibbażat ukoll fuq djalogu li juża l-esperjenza tas-soċjetà ċivili sabiex jidentifika u jimmira l-bżonnijiet reali. Anke r-rapport CARIS (2), li wettaq valutazzjoni uffiċjali tal-SPĠ f’isem il-Kummissjoni, b’aċċess għal analiżi sofistikata u għal analisti speċjalizzati, sabha diffiċli jasal għal konklużjonijiet fl-analiżi tal-iżviluppi kummerċjali fl-SPĠ; minkejja dan, il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp bi ftit riżorsi huma mistennija jieħdu deċiżjonijiet ta’ politika meta ftit għandhom kapaċità għal previżjonijiet korretti.

1.5   Min-naħa tiegħu, il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon partikolari l-għan tal-Kummissjoni li tinvolvi s-soċjetà ċivili u, b’mod partikolari, il-Kumitat stess, minħabba l-kapaċità tagħna li nadottaw perspettiva globali f’isem is-soċjetà ċivili organzzata, billi tinkludi kwalunkwe informazzjoni li tikkunsidra adatta b’konformità mal-Artikolu 14 fir-rigward tal-konformità mal-konvenzjonijiet bażiċi elenkati fl-Anness VIII. F’dan ir-rigward, nistennew bil-ħerqa li l-Kummissjoni tressaq, eventwalment, regolament separat li jimplimenta proċeduri li għandhom jiġu adottati bil-għan li jiġu koperti applikazzjonijiet għall-SPĠ+ u, b’mod partikolari, it-tneħħija u l-inklużjoni mill-ġdid tal-SPĠ, l-SPĠ+, u l-iskema “Kollox ħlief Armi”, b’konformità mal-Artikoli 10(8), 15(2) u 19(12) tal-Proposta għal Regolament, flimkien mal-miżuri ta’ salvagwardja previsti fl-Artikolu 22(4).

1.5.1   Għalkemm ma jixtieqx jagħmel ħsara lid-drittijiet jew lill-kapaċità ta’ kwalunkwe parti interessata li tagħti kontribut rigward il-kwistjonijiet ta’ konformità, il-Kumitat madankollu jirrakkomanda lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ “monitoraġġ” jew konsultazzjoni li permezz tiegħu s-soċjetà ċivili tista’ tagħti kontribut rigward ksur suspettat min-naħa tal-benefiċjarji tal-SPĠ ta’ kwalunkwe waħda mill-Konvenzjonijiet magħżula u li l-Kumitat innifsu, fid-dawl tal-għarfien espert tiegħu, għandu jaġixxi ta’ faċilitatur jew koordinatur għal dan, u jservi ta’ punt ta’ kuntatt biex jiġu reġistrati l-ilmenti.

1.5.2   F’każ ta’ bżonn, nirrakkomandaw li dan jissejjes fuq il-preċedenti antiċipati li ser jiġu stabbiliti għall-monitoraġġ min-naħa tas-soċjetà ċivili tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel u ftehimiet oħra li ġew innegozjati reċentement, b’mod partikolari arranġamenti biex jiġi żgurat kontribut speċifiku min-naħa tal-UE u/jew biex jitwaqqfu gruppi konsultattivi fil-livell tal-UE biex il-kwistjonijiet ikunu riferuti lill-korpi konġunti formali previsti f’dawn il-ftehimiet ta’ kummmerċ ħieles.

1.6   Għal dan il-għan, inħeġġu lill-Kummissjoni twaqqaf mill-iktar fis possibbli grupp ta’ ħidma konġunt mal-Kumitat bil-kompetenza li jagħmel rakkomandazzjonijiet sodi.

2.   Kuntest/il-proposta l-ġdida

2.1   Ir-Regolament propost ser jieħu post l-Iskema ta’ Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati (SPĠ), li ser tiskadi fl-aħħar tal-2011 iżda li ġiet estiża għal sentejn sabiex il-bidla tkun mingħajr intoppi. Ir-Regolament ser jaġġorna l-SPĠ sabiex tikkonforma mat-Trattat ta’ Lisbona, b’bidliet meħtieġa li jinkludu parteċipazzjoni ikbar min-naħa tal-PE. Qed tittieħed din l-opportunità sabiex jiġu proposti bidliet radikali, b’mod partikolari sabiex il-mira tal-iskema tkun iżjed konkreta u sabiex l-SPĠ tikkonċentra fuq il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn, iżda anke sabiex issir iktar sempliċi, prevedibbli u stabbli, kollha elementi essenzjali jekk nixtiequ nħeġġu lill-importaturi jużaw is-sistema. Għalhekk, l-SPĠ ikun imissha tiġi riveduta biss, u mhux sostitwita minn skema oħra, fi żmien ħames snin.

2.2   Bħala parti mill-Politika Kummerċjali Komuni (PKK), l-UE ilha tagħti preferenzi kummerċjali, b’konformità mar-regoli tad-WTO, lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp mill-1971 ’l hawn meta l-iskema twaqqfet b’segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-UNCTAD. L-SPĠ hija waħda mill-istrumenti kummerċjali ewlenin tal-UE li tgħin lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp inaqqsu l-faqar billi jiġġeneraw dħul minn żieda fil-kummerċ, u fl-istess waqt tħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jagħmlu iktar sforzi biex jiżguraw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tax-xogħol, it-tnaqqis tal-faqar u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba.

2.3   Kif juru l-Annessi V u IX tal-Proposta għal Regolament, l-iskema SPĠ taħdem billi tistabbilixxi dawk il-kodiċijiet ta’ nomenklatura magħquda (NM) fejn it-tariffi fuq l-importazzjoni fil-livell tal-UE għall-kummerċ ta’ merkanzija għandhom jitnaqqsu jew jiġu eliminati. Għalhekk, mhijiex strument primarju bil-għan li tagħti kontribut fil-qasam tat-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel jew tikseb materja prima. Il-kodiċijiet NM fihom tmien ċifri (li għal ċittadin mhux intiż fil-qasam jistgħu jidhru inkomprensibbli) li jiddistingwu pereżempju bejn kafè inkaljat mingħajr ma titneħħielu l-kaffeina (0901 21 00) u bil-kafeina mneħħija (0901 22 00). L-SPĠ topera billi tintuża mill-importaturi li jixtiequ jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-tariffi jew mill-fatt li ma jkun hemm l-ebda tariffa: sabiex is-sistema tintuża trid tkun diretta, stabbli u prevedibbli biżżejjed. Nosservaw li mhux l-importaturi kollha li għandhom il-possibbiltà jagħmlu dan jimportaw minn pajjiżi benefiċjarji tal-SPĠ: xi 69 % biss tar-riduzzjonijiet potenzjali fit-tariffi disponibbli għall-pajjiżi l-inqas żviluppati permezz tal-iskema “Kollox ħlief Armi” jintużaw; din iċ-ċifra togħla għal 85 % għall-SPĠ+.

2.4   Hekk kif it-tariffi dinjija qed jonqsu, l-opportunitajiet globali għall-użu tal-SPĠ qed jonqsu. L-importazzjonijiet fi ħdan l-iskema SPĠ jammontaw għal 4 % tal-importazzjonijiet totali tal-UE (9,3 % tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi fil-fażi tal-żvilupp) u fl-2009 it-telf nett mid-dħul doganali fl-UE b’riżultat tal-SPĠ kien biss EUR 2,97 biljun (telf nett ta’ EUR 2,23 biljun wara tnaqqis tal-ispejjeż ta’ ġbir). Dan issa ser jitnaqqas għal madwar EUR 1,77 biljun. Għalhekk, ċerti Stati Membri jinsabu mħassba dwar jekk ir-riduzzjonijiet tekniċi proposti humiex eċċessivi fi żmien ta’ kriżi ekonomika, inċertezza kummerċjali u t-theddida kontinwa ta’ rikors għall-protezzjoniżmu bħala mod attraenti ta’ kif jiġu indirizzati l-problemi ekonomiċi. Il-Kumitat, wara li analizza dawn it-teknikalitajiet, madankollu huwa tal-fehma li kwalunkwe tidgħjif tat-tibdil propost, kemm fil-gradwazzjoni u fil-kriterji stretti ta’ eleiġibbiltà għal ċerti pajjiżi, igawdu minnhom dawk li jinsabu f’pożizzjoni vantaġġjuża. L-għan prinċipali tal-SPĠ huwa li jgħin lil dawk li l-iktar għandhom bżonn.

2.5   Mill-2004 ’l hawn, meta l-Kumitat l-aħħar eżamina l-SPĠ (3) u meta din ġiet riveduta l-aħħar, huma disponibbli tliet tipi ta’ ftehmiet preferenzjali, li huma:

L-SPĠ ġenerali, miftuħa għall-pajjiżi eliġibbli kollha (attwalment 176), li toffrilhom preferenzi permezz ta’ dazji mnaqqsa jew saħansitra l-ebda għal madwar 6 200 linja tariffarja minn fost xi 7 100 fejn it-tariffi huma ’l fuq miż-żero (4). Ħafna minn dawn il-linji tariffarji (3 800) huma meqjusa “sensittivi”, fejn jiġu offruti riduzzjonijiet b’rata fissa, l-iktar għall-agrikoltura iżda wkoll it-tessutti u l-ħwejjeġ. Fl-2009, l-ammont ta’ prodotti importati fl-UE permezz tal-SPĠ (miftuħa għal xi 111-il pajjiż) kien jammonta għal EUR 48 biljun – 81 % tal-SPĠ totali.

SPĠ+: mekkaniżmu ta’ inċentiv għal pajjiżi iżgħar, “vulnerabbli” u ifqar b’bażi fiskali limitata, li madanakollu ma humiex ikklassifikati fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati, u li l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE huma kkonċentrati fuq ftit prodotti (l-ikbar 5 sezzjonijiet ta’ importazzjonijiet li jirrappreżentaw iktar minn 75 % tat-total), fejn huma offerti preferenzi addizzjonali, l-iktar mingħajr dazju, għal ċerti prodotti “sensittivi”, iżda li jinkludi biss 70 linja tariffarja minbarra s-6 200 koperti mill-SPĠ. L-SPĠ+ tinkludi wkoll inċentivi speċjali li jħeġġu l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba għall-pajjiżi parteċipanti li jridu jimpenjaw ruħhom li jħaddnu firxa iktar wiesgħa ta valuri universali fundamentali rigward id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u l-governanza tajba – ara 4 hawn taħt. Fl-2009, 15-il pajjiż esportaw EUR 5 biljun f’merkanzija lejn l-UE permezz tal-SPĠ+ (9 % tal-SPĠ totali).

“Kollox ħlief Armi” jew l-aċċess għall-UE permezz tal-iskema tal-ebda dazju/l-ebda kwota għall-importazzjonijiet kollha mid-49 pajjiż li jinsabu fil-klassifikazzjoni tan-NU tal-pajjiżi l-inqas żviluppati bl-eċċezzjoni tal-armi u l-ammunizzjon (u oriġinarjament iz-zokkor, ir-ross u l-banana wkoll). Din l-inizjattiva żdiedet mal-iskema SPĠ fl-2004 u oriġinarjament kienet inizjattiva tal-KE relatata man-negozjati ta’ Doha. Minkejja l-ftehim ministerjali tal-2005 fi ħdan id-WTO li jiġu inklużi miżuri simili – jiġifieri “l-ebda dazju/l-ebda kwota – fi ħdan id-Doha, l-UE għadha l-uniku reġjun kummerċjali li implimenta termini daqstant ġenerużi. Fl-2009, l-iskema “Kollox ħlief Armi” kienet responsabbli għal EUR 6 biljun ta’ importazzjonijiet tal-UE (10 % tal-SPĠ totali).

2.6   9 % tal-linji tariffarji biss jinsabu totalment barra mill-SPĠ u mill-SPĠ+ (iżda dawn huma inklużi fl-iskema “Kollox ħlief Armi”) – b’mod partikolari l-prodotti agrikoli. Sabiex dawn jiġu inklużi fl-SPĠ jew saħansitra l-SPĠ+ ifisser li wħud mill-vantaġġi tal-iskema “Kollox ħlief Armi” (u, allura, anke tal-SPĠ+) jisparixxu u li l-ifqar pajjiżi joħorġu telliefa minħabba f’hekk (5). Madanakollu, dawn jinvolvu oqsma, fejn jidħlu prodotti agrikoli, fejn qamu l-iktar problemi intrattabbli fin-negozjati ta’ Doha. Il-prodotti taz-zokkor huma possibbilment l-iktar eżempju sensittiv. Wara iktar minn żewġ sekli ta’ distorsjonijiet (6), iz-zokkor huwa importazzjoni sensittiva ħafna għall-UE, prodott li l-Możambik (li jingħadd fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati) jista’ jipproduċih f’rata tas-suq iżda li mbagħad ikun vulnerabbli ħafna għal kompetizzjoni miftuħa sħiħa minn pajjiż bi dħul medju ta’ livell superjuri (upper-middle income countries – UMI) bħall-Brażil. Konsiderazzjonijiet bħal dawn japplikaw ukoll għat-tessuti u l-ħwejjeġ, qasam sensittiv ieħor għall-importazzjonijiet fl-UE kif ukoll għall-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi l-inqas żviluppati u l-ġirien tagħhom.

2.7   L-effett prinċipali tat-tibdil propost ser ikun id-distribuzzjoni mill-ġdid tal-oriġini ta’ ċerti importazzjonijiet fl-UE. Il-Proposta għal Regolament tipproponi li l-għadd ta’ pajjiżi li bħalissa huma eliġibbli għall-SPĠ jitnaqqas bin-nofs sabiex l-SPĠ ikun iżjed iffukat u mmirat lejn il-pajjiżi li huma l-iktar fil-bżonn, li fil-prinċipju hija idea li nilqgħu tajjeb. Kif tispjega l-Kummissjoni fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tagħha: “Bis-saħħa taż-żieda fil-kummerċ, ħafna pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u setturi ta’ esportazzjoni integraw b’suċċess fi ħdan is-suq globali … (u) jistgħu jkomplu jespandu mingħajr għajnuna”. Dawn il-pajjiżi iktar żviluppati “qed jagħmlu pressjoni fuq … pajjiżi ħafna ifqar li ġenwinament jeħtiġilhom għajnuna”.

2.7.1   Iżda, nixtiequ nagħmlu referenza każwali għal waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipali tal-importaturi tal-UE li t-tibdil li diġà għaddej attwalment għar-regoli tal-oriġini jista’ jwassal għal tnaqqis sostanzjali fl-użu tal-iskema sal-2017, meta l-ħtiġiet għaċ-ċertifikazzjoni tal-prova tal-oriġini mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu sostitwiti bi stqarrijiet minn esportaturi reġistrati. Fil-fehma ta’ ħafna SMEs, dan huwa meqjus bħala riskjuż. Hawnhekk, fil-fehma tal-Kumitat, is-sistema proposta taċ-ċertifikazzjoni awtonoma għandha tiġi ssorveljata, ivverifikata u akkreditata minn istituzzjonijiet professjonali indipendenti li jaġixxu fuq bażi internazzjonali. Fil-passat qarib kien hemm wisq eżempji ta’ frodi jew modi kif taħrab mis-sistema għall-importazzjonijiet fl-UE, b’mod partikolari fil-każ taz-zokkor.

2.8   Il-pajjiżi bi dħul għoli (kif inhuma klassifikati mill-Bank Dinji) ser ikomplu jiġu esklużi iżda mingħajr l-eżenzjonijiet ta’ qabel. Issa qed jiġi propost ukoll li jiġu eliminati t-33 pajjiż u territorju ekstra-Ewropej, jiġifieri dawk konnessi mal-UE, l-Istati Uniti, l-Awstralja u n-New Zealand, fejn l-SPĠ tintuża biss b’mod marġinali. Dawn jinkludu wkoll il-Groenlandja, il-Bermuda u s-Samoa Amerikana.

2.8.1   Ser jiġu esklużi wkoll:

L-imsieħba kollha fi ħdan il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u oħrajn li jibbenefikaw minn arranġament ta’ aċċess preferenzjali għas-suq mal-UE taħt l-istess termini tariffarji jew aħjar (għalkemm dawn il-pajjiżi ser jibqgħu eliġibbli f’każ li jfallu l-arranġamenti) – f’dan il-każ ser tingħata notifika ta’ sentejn. Qabel, id-distinzjoni kienet imħarbta iżda issa jeħtieġ li titqies ukoll iż-żieda potenzjalment kbira fin-numru tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ratifikati tal-UE fis-snin li ġejjin, għax maż-żmien dan jista’ jwassal għal tnaqqis sostanzjali fil-pajjiżi eliġibbli.

Il-pajjiżi klassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi bi dħul medju ta’ livell superjuri (UMI) (abbażi tad-Dħul Nazzjonali Gross per capita) matul il-perjodu preċedenti ta’ tliet snin – hawnhekk tingħata notifika ta’ sena. Dan il-punt huwa indirizzat f’aktar dettall f’kapitlu 3 hawn taħt.

2.9   Is-sistema attwali ta’ gradwazzjoni, bil-għan li tiżgura li l-preferenzi jitneħħew mis-setturi li m’għadx għandhom bżonnhom, ser tiġi emendata. Il-limiti preċedenti, li ma kenux jibqgħu jgħoddu jekk l-esportazzjonijiet ta’ pajjiż kwalunkwe lejn l-UE jaqbżu l-15 % tal-importazzjonijiet totali koperti mill-SPĠ matul tliet snin konsekuttivi (sakemm din is-sezzjoni jew dan il-grupp ta’ prodotti ma jammontax għal iktar minn 50 % tal-esportazzjonijiet totali ta’ dak il-pajjiż fi ħdan l-SPĠ). ser ikunu ta’ 17,5 % minħabba l-mira iżjed konkreta tal-SPĠ, għalkemm fil-prattika tirrappreżenta biss kontroll kemxejn iżjed strett. Għall-ħwejjeġ u t-tessuti l-limitu ser jogħla minn 12,5 % għal 14,5 %.

2.10   Bl-istess mod, in-numru tas-sezzjonijiet ta’ prodotti magħżula ser jitwessa’ minn 21 għal 32 għal raġunijiet ta’ iktar oġġettività u sensittività iżda mhux ser ikun mira tant stretta li tneħħi s-sempliċità, l-istabbilità u l-prevedibbiltà kruċjali. Din hija konsiderazzjoni prinċipali minkejja l-fatt li dan l-istrument ftit li xejn jintuża – attwalment japplika biss għal seba’ pajjiżi, partikolarment iċ-Ċina, iżda jinkludi wkoll lill-Brażil, l-Indja u pajjiżi Asjatiċi oħra. Fil-passat dan intuża iżda mbagħad ma baqax, u minn dan ibbenefikaw ir-Russja u l-Indja.

2.10.1   Il-gradwazzjoni issa mhux sa tibqa’ tapplika għall-pajjiżi tal-SPĠ+ – qatt ma applikat għall-iskema “Kollox ħlief Armi”.

2.10.2   Fir-rigward tal-SPĠ+, ir-rekwiżit li l-pajjiżi parteċipanti flimkien jgħoddu għal inqas minn 1 % tat-total tal-importazzjonijiet fl-UE koperti mill-SPĠ ser jiżdied għal 2 % minħabba l-ambitu iktar immirat u ristrett tal-SPĠ, minkejja li, effettivament, dan jagħmel lill-SPĠ+ disponibbli għall-Pakistan (fejn il-livelli ta’ importazzjonijiet tat-tessuti fl-UE huma problema, anke minħabba l-fatt li l-Pakistan huwa meqjus minn xi wħud li għandu xi jgawdi aspiża tal-pajjiżi l-inqas żviluppati ġirien) u l-Filippini biss, bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet u jkunu jixtiequ jibbenefikaw minnha.

3.   L-eleġibbiltà futura tal-SPĠ/SPĠ+

3.1   Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-SPĠ qed jonqos minħabba t-tnaqqis globali fit-tariffi f’livell dinji (ħlief l-iktar fil-qasam tal-agrikoltura u t-tessuti) u minħabba l-fatt li ser tidħol fis-seħħ iż-żieda probabbli fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles fl-UE. Wara l-bidliet previsti u l-omissjonijiet elenkati hawn fuq, huwa stmat li:

B’mod ġenerali, madwar 80 pajjiż ser jibqgħu eliġibbli għall-SPĠ+, skont min ser jissodisfa l-kriterji dik il-ħabta.

Fost dawn il-pajjiżi, 49 huma fost il-pajjiżi l-inqas żviluppati u eliġibbli għall-iskema “Kollox ħlief Armi”.

Minn fost il-madwar 30 pajjiż li huma eliġibbli għall-SPĠ jew l-SPĠ+ iżda mhux għall-iskema “Kollox ħlief Armi”, huma biss seba’ jew tmien pajjiżi li mhux ser ikunu eliġibbli għall-SPĠ+. Madanakollu, xejn mhuwa ċar jekk l-SPĠ+ hux ser tkun attraenti biżżejjed biex il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi jużawha. Attwalment, ħafna jagħżlu li ma jużawhiex. Għalhekk, l-SPĠ+ tista’ tkun limitata għal tliet jew ħames pajjiżi biss (7), anke jekk nassumu li tiġi stabbilta ċifra ogħla ta’ 2 % (ara l-punt 2.10.2), l-iżjed jekk jiġu stabbiliti bis-sħiħġ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE mal-Amerika Ċentrali (għad iridu jiġu ratifikati) u l-pajjiżi rilevanti fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant.

Min-naħa l-oħra, ħafna minn dawk eliġibbli biss għall-SPĠ jistgħu dalwaqt ma jibqgħux. Dawn jinkludu l-Indja, iċ-Ċina, l-Ukraina u tliet pajjiżi mill-ASEAN, li lkoll qed jiżviluppaw malajr, u li wħud minnhom qed jinnegozjaw ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-UE wkoll.

Dan it-tnaqqis addizzjonali potenzjali fl-għadd ta’ pajjiżi li probabbilment jistgħu jkunu eliġibbli iqajjem mistoqsijiet dwar jekk fil-futur l-UE għandhiex iżżomm kemmm l-SPĠ kif ukoll l-SPĠ+.

3.2   Il-Kumitat jirrikonoxxi li, wara kontroversja mal-Indja fi ħdan id-WTO fl-2004 dwar l-SPĠ b’relazzjoni għad-drogi, il-Kummissjoni qed toqgħod lura ħafna milli twessa’ l-eliġibbiltà għall-SPĠ+. Jekk l-UE jkollha tiffaċċja kontroversji oħra fi ħdan id-WTO tista’ titlifhom, peress li d-diskriminazzjoni legali bejn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp tista’ ssir biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi ħafna.

3.3   Il-Kumitat jifhem li, min-naħa l-oħra, bil-għan li jiżdied l-għadd ta’ pajjiżi eliġibbli għall-SPĠ biss, allura jkollhom jiġu inklużi dawk il-pajjiżi kollha kklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi bi dħul medju ta’ livell superjuri (UMI, jew ’il fuq minn USD 3,976 fis-sena), għalkemm l-għadd tagħhom huwa żgħir. Dawn jinkludu r-Russja, il-Brażil, l-Arġentina u l-Malasja (ilkoll bi dħul per capita annwali iżjed minn dak tar-Rumanija u l-Bulgarija). L-argument prinċipali jibqa’ li l-SĠP qiegħda hemm biex tgħin li dawk li l-iktar għandhom bżonnha.

3.4   Għalhekk, fil-fehma tal-Kumitat jidher li d-differenza prinċipali f’ħafna każijiet għall-użu tal-SPĠ jew l-SPĠ+ tiddependi mill-għażla tal-pajjiżi eliġibbli. Il-kwistjoni allura hi jekk l-iskema tal-SPĠ+ hijiex jew tistax issir attraenti biżżejjed biex tinkludi kemm jista’ jkun possibbli minn dawn il-pajjiżi, li probabbilment jinkludu l-Asja Ċentrali u n-Niġerja (li diġà jagħżlu li ma jużawx l-SPĠ+), is-Sirja, l-Iran u għadd ta’ stati gżejjer. Jekk iżjed minn dawn il-pajjiżi jitħeġġu jużaw l-SPĠ+ u għalhekk ikun hemm livell ogħla ta’ konformità mal-prinċipji stabbiliti fis-27 Konvenzjoni magħżula, kulħadd joħroġ iżjed rebbieħ.

4.   Konvenzjonijiet Fundamentali – drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u governanza tajba

4.1   Fil-fehma tal-Kumitat, l-element prinċipali tal-SPĠ+ huwa l-impenji abbażi tad-drittijiet universali li jidħlu għalihom il-pajjiżi benefiċjarji. Biex ikunu eliġibbli għal SPĠ jew l-iskema “Kollox ħlief Armi”, l-applikant ma jistax ikun ikkommetta ksur serju u sistematiku tal-prinċipji stabbiliti fil-Konvenzjonijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness VIII tal-Proposta għal Regolament, li jinkludu l-konvenzjonijiet fundamentali tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol – u t-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO. L-unika bidla proposta fil-Proposta għal Regolament hija t-tneħħija tal-konvenzjoni dwar l-apartheid.

4.2   Iżda, biex ikunu eliġibbli għall-SPĠ+, il-pajjiżi kollha jridu jkunu rratifikaw, żammew u aderixxew mal-konvenzjonijiet elenkati fil-Parti A tal-Anness VIII, kif ukoll 12-il konvenzjoni oħra (elenkati fil-Parti B). Hawnhekk qed jiġi propost li tiżdied il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (1992), proposta li nilqgħuha b’sodisfazzjon kbir.

4.2.1   Fil-każ tal-SPĠ+, qed jiġi propost li l-benefiċjarji issa ser ikollhom jimpenjaw ruħhom b’mod iżjed profond, jagħtu enfasi ikbar lill-konformità mal-konvenzjonijiet u jsaħħu l-mekkaniżmi biex jiżguraw implimentazzjoni. Għal dan il-għan:

Issa, il-benefiċjarji għandhom jimpenjaw ruħhom li jżommu r-ratifika tal-konvenzjonijiet, il-leġislazzjoni assoċjata u metodi oħra ta’ implimentazzjoni, li ma jikkommettux in-nuqqasijiet serji identifikati mill-korpi rilevanti għall-monitoraġġ u li jaċċettaw monitoraġġ u reviżjonijiet regolari,

Fid-dawl tal-fatt li l-SPĠ+ hija sistema abbażi tal-inċentivi (pjuttost milli sanzjonijiet), ser ikun hemm djalogu regolari bejn il-Kummissjoni u kull benefiċjarju, mill-inqas biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni titjieb maż-żmien u ma tmurx għall-agħar,

Il-monitoraġġ ser jissaħħaħ, b’mod li jsiru rapporti kull sentejn (minflok kull tliet snin) kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-PE,

In-nuqqas ta’ kooperazzjoni ser iwassal għal esklużjoni rapida, mingħajr investigazzjoni,

Il-piż tal-prova ser ikun bil-maqlub – il-piż issa jitgħabba bih il-pajjiż benefiċjarju,

Issa, il-Kummissjoni ser tkun tista’ tuża sorsi oħra ta’ informazzjoni affidabbli, b’mod partikolari l-kontribut tas-soċjetà ċivili.

4.3   Għal bosta benefiċjarji tal-SPĠ+, dan ser ikun rekwiżit kbir kemm mil-lat tekniku kif ukoll dak finanzjarju, u għalhekk l-appoġġ tal-UE ser ikun essenzjali. Il-Proposta għal Regolament ma tgħid xejn dwar dan. Il-Kumitat iħeġġeġ l-inklużjoni bikrija ta’ programm tal-KE flimkien ma’ dan ir-Regolament li jiddeskrivi l-appoġġ u s-sostenn finanzjarju disponibbli għal din ix-xorta ta’ bini tal-kapaċità għal kull benefiċjarju tal-SPĠ li jitolbuh. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għażla ssir mill-pajjiż benefiċjarju b’konformità mal-kundizzjonijiet tiegħu stess.

4.4   Il-Kumitat jappoġġja ż-żamma tas-27 konvenzjoni biż-żewġ tibdiliet kif propost. Il-Kummissjoni tenfasizza li dawk magħżula jagħmluha possibbli li l-pajjiżi jingħataw opportunità realistika li jiffokaw fuq l-aspetti essenzjali” (8). L-SPĠ+, bħala għodda ta’ żvilupp ibbażata fuq l-inċentivi, għandha tkun attraenti biżżejjed biex il-pajjiżi rilevanti jfittxuha u jsegwuha. Għandu jinstab bilanċ bejn il-kisba tad-drittijiet tal-bniedem, u titjib soċjali, ambjentali u politiku u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi iżjed foqra li jissodisfaw il-ħtiġiet addizzjonali, anke meta jkollhom l-appoġġ ta’ għajnuna teknika relatata mal-kummerċ (trade related technical assistance – TRTA). Kif jgħid ir-rapport CARIS, il-vantaġġi sa issa għadhom marġinali.

4.4.1   Mhux kull pajjiż eliġibbli jixtieq juża l-SPĠ+, għal waħda minn fost tliet raġunijiet:

l-esportazzjonijiet prinċipali mhumiex “sensittivi”, u allura ftit hemm vantaġġi,

il-gvernijiet ma jridux li jkollhom għalfejn jissodisfaw ir-rekwiżiti,

problemi interni, inklużi gwerer, kunflitti u/jew nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva li jagħmluha impossibbli li pajjiż jikkonforma mar-rekwiżiti.

4.4.2   Qabel, l-UE sempliċement għamlet enfasi fuq ir-ratifika tal-konvenzjonijiet u fuq fehim ċar li l-pajjiċi jiżguraw implimentazzjoni effettiva. Jekk dan jintalab mill-bidu nett, ikun ifisser li, abbażi ta’ dawn il-kriterji, probabbilment in-Norveġja u l-Isvizzera biss ikunu eliġibbli. Skont ir-rapport CARIS, l-SPĠ+ tidher effettiva għall-promozzjoni tar-ratifikar tas-27 konvenzjoni, iżda huwa iżjed diffiċli li jiġu identifikati l-effetti de facto. Iżda, l-SPĠ tinvolvi inċentivi interni favur implimentazzjoni effettiva li, f’każ li jiġu rtirati iżjed tard, il-partijiet interessati joħorġu telliefa b’mod sostanzjali.

4.5   Kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti tal-SPĠ jista’ jiġi rtirat temporanjament minħabba ksur serju u sistematiku tal-prinċipji fundamentali rilevanti, kif ukoll minħabba għadd ta’ raġunijiet oħra bħall-prattiki kummerċjali inġusti, il-frodi jew nuqqasijiet serji fil-kontrolli doganali.

4.5.1   Sa issa, il-benefiċċji relatati mal-SPĠ kienu rtirati għal finijiet ta’ ksur tad-drittijiet tax-xogħol fil-Mjanmar (9) u l-Bjelorussja (2006), u għadhom ma ġewx riintrodotti. Il-benefiċċji relatati mal-SPĠ ġew irtirati fil-każ tas-Sri Lanka (2010) minħabba l-implimentazzjoni mhux effettiva tal-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Izda, għal ċerti pajjiżi, bħal El Salvador, il-bidu nnifsu tal-investigazzjonijiet kien inċentiv biżżejjed għal bidla.

4.5.2   Il-mistoqsija prinċipali għall-Kumitat, b’mod partikolari fil-konfront tas-sistema riveduta iżjed stretta, hija jekk it-tnedija tal-proċedura sħiħa ta’ investigazzjoni – u bosta pajjiżi għad għandhom ammont ta’ xogħol sostanzjali li għad iridu jagħmlu – inevitabbilment twassalx għat-tneħħija tat-trattament preferenzjali, jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni pożittiva. Dan ma jibbenefika lil ħadd. Irid jinstab bilanċ bejn is-sanzjonijiet u l-vantaġġi. Għal ċerti pajjiżi fqar ħafna, li jiffaċċjaw il-possibbiltà tal-ġuħ u diffikultajiet oħra, dawn il-miri jistgħu ma jintlaħqux fil-futur qarib. Għalkemm il-Kummissjoni għandha tressaq rapport quddiem il-Parlament kull sentejn, il-Kumitat jifhem li jsir djalogu intermedju u li l-Kummisjoni tissorvelja s-sitwazzjoni fil-pajjiżi benefiċjarji fuq bażi kontinwa, fost l-oħrajn permezz tal-użu ta’ materjal prodott mill-korpi internazzjonali rilevanti għall-monitoraġġ. Il-Kumitat jittama li l-Kummissjoni tkun kemm jista’ jkun trasparenti f’dan l-istadju, meta jiġu identifikati oqsma problematiċi konkreti.

4.5.3   Tqum mistoqsija speċifika fil-każ tal-Uzbekistan (li normalment huwa eliġibbli għall-SPĠ+ iżda jagħżel li ma jużahiex), li dwaru hemm tħassib serju relatat mal-użu tat-tħaddim tat-tfal fil-ħsad tal-qoton. L-għan iddikjarat tal-SPĠ+ huwa li jħeġġeġ lill-pajjiżi benefiċjarji jkomplu jtejbu l-imġiba tagħhom. Għalhekk, irid jinstab bilanċ bejn it-tħeġġiġ ta’ bidla pożittiva u l-periklu li pajjiż jintefa’ f’iżolament ikbar, li b’hekk idewwem jew saħansitra iwaqqaf il-progress, forsi għal għadd ta’ snin.

5.   Rwol għas-soċjetà ċivili

5.1   Fir-rigward tal-bini addizzjonali tal-kapaċità msemmi fil-punt 4.3 hawn fuq, il-Kumitat jirrakkomanda li dan ikun ibbażat fuq djalogu li juża l-esperjenza tas-soċjetà ċivili biex jiddentifika u jindirizza l-ħtiġijiet reali. Kif issemma, anke fir-rapport CARIS, li wettaq valutazzjoni uffiċjali tal-SPĠ, b’aċċess għal analiżi sofistikata u għal analisti speċjalizzati, sabha diffiċli jasal għal konklużjonijiet fl-analiżi tal-iżviluppi kummerċjali fl-SPĠ; minkejja dan, il-pajjiżi f’fażi tal-iżvilupp bi ftit riżorsi mistennija jieħdu deċiżjonijiet ta’ politika meta ftit għandhom kapaċità għal previżjonijiet korretti.

5.2   L-Artikolu 14 tal-Proposta għal-Regolament jħid li, fir-rigward tal-konformità mal-konvenzjonijiet fundamentali elenkati fl-Anness VIII, il-Kummissjoni tista’ tinkludi “kull informazzjoni li (…) tqis xierqa”. Fid-dokument “INFO PACK Regarding the European Commission’s proposal on a new GSP” il-Kummissjoni tagħmilha ċara li minbarra r-rapporti tal-korpi internazzjonali għall-monitoraġġ, ser ikunu jistgħu jużaw sorsi oħra ta’ informazzjoni korretta (10), u din l-informazzjoni għandha tkun affidabbli u tingħata prova tagħha.

5.3   Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Kumitat huwa wieħed minn dawn is-sorsi li huwa partikolarment adatt minħabba li huwa “iżjed bilanċjat” fid-dawl tal-kapaċità li jadotta perspettiva globali f’isem is-soċjetà ċivili organizzata. Sorsi potenzjali oħra jinkludu l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet intraprenditorjali, it-trejdjunjins u organizzazzjonijiet oħra li jistgħu jagħtu xhieda ta’ sehem attiv.

5.4   Il-Kumitat josserva wkoll li l-Kummissjoni beħsiebha eventwalment tressaq Regolament separat dwar il-proċeduri li għandhom jiġu adottati bil-għan li jiġu koperti applikazzjonijiet għall-SPĠ+ u t-tneħħija u l-inklużjoni mill-ġdid tal-SPĠ, l-SPĠ+, u l-iskema “Kollox ħlief Armi”, b’konformità mal-Artikoli 10(8), 15(2) u 19(12) tal-Proposta għal Regolament, flimkien mal-miżuri ta’ salvagwardja previsti fl-Artikolu 22(4). Nistennew bil-ħerqa li nressqu l-osservazzjonijiet tagħna dwar dan meta dan ir-regolament ikun qed jiġi kkunsidrat u jkun is-suġġett ta’ konsultazzjonijiet.

5.4.1   Għalkemm ma jixtieqx jagħmel ħsara lid-drittijiet jew lill-kapaċità ta’ kwalunkwe parti interessata li tagħti kontribut rigward il-kwistjonijiet ta’ konformità, il-Kumitat madankollu jirrakkomanda lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ “monitoraġġ” jew konsultazzjoni li permezz tiegħu s-soċjetà ċivili tista’ tagħti kontribut rigward kwalunkwe suspett ta’ ksur min-naħa tal-benefiċjarji tal-SPĠ ta’ kwalunkwe waħda mill-konvenzjonijiet magħżula. Nitolbu wkoll li l-Kumitat innifsu għandu jaġixxi ta’ faċilitatur jew koordinatur għal dan, u jservi ta’ punt ta’ kuntatt biex jiġu reġistrati l-ilmenti, u dan għandu jissejjes fuq il-preċedenti antiċipati li ser jiġu stabbiliti għall-monitoraġġ min-naħa tas-soċjetà ċivili tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel u ftehimiet oħra, b’mod partikolari dawk l-arranġamenti dwar kontribut speċifiku min-naħa tal-UE u/jew gruppi konsultattivi fil-livell tal-UE biex il-kwistjonijiet ikunu riferuti lill-korpi konġunti formali previsti f’dawn il-ftehimiet ta’ kummmerċ ħieles.

5.4.2   Għal dan il-għan, inħeġġu lill-Kummissjoni twaqqaf mill-iktar fis possibbli grupp ta’ ħidma konġunt mal-Kumitat bil-kompetenza li jagħmel rakkomandazzjonijiet sodi.

Brussell, 8 ta’ Diċembru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  “INFO PACK Regarding the European Commission’s proposal on a new GSP” (Info Pack dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar SPĠ ġdida), DĠ għall-Kummerċ, p. 8. (mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  Ċentru għall-Analiżi tal-Integrazzjoni Reġjonali fl-(Università) ta’ Sussex: Rapport ta’ nofs it-terminu dwar il-valutazzjoni tal-SPĠ, 2009.

(3)  ĠU C 110, 30.4.2004, p. 34.

(4)  2 300 linja tariffarja oħra diġà għandhom it-tariffa stabbilita għal żero.

(5)  Ir-rapport CARIS.

(6)  Immorru lura sal-gwerrer Napoleoniċi u t-twaaqif tal-importazzjonijiet tal-kannamiela fl-Ewropa kontinentali.

(7)  Il-Bolivja, l-Ekwador u l-Mongolja, u possibbilment l-inklużjoni tal-Pakistan u l-Filippini.

(8)  “INFO PACK Regarding the European Commission’s proposal on a new GSP”, DĠ għall-Kummerċ, p. 8, punt 5 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Inkella, attwalment, dan il-pajjiż ikun eliġibbli għall-iskema “Kollox ħlief Armi”.

(10)  “INFO PACK Regarding the European Commission’s proposal on a new GSP”, DĠ għall-Kummerċ, p. 8 (mhux disponibbli bil-Malti).