22.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 376/44 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – Qafas politiku ġdid għat-turżimu Ewropew”
COM(2010) 352 finali
2011/C 376/08
Relatur: is-Sur GKOFAS
Nhar it-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja — Qafas politiku ġdid għat-turżimu Ewropew
COM(2010) 352 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2011.
Matul l-474 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tal-21 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 121 voti favur, 14-il vot kontra u 8 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proposta tagħha lill-Parlament Ewropew dwar “L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - Qafas politiku ġdid għat-turżimu Ewropew” u jenfasizza li, minkejja ċerti nuqqasijiet sinifikanti, din tinkludi bosta punti pożittivi li għandhom jitqiegħdu fil-prattika, filwaqt li jagħmel is-suġġerimenti li ġejjin sabiex isaħħaħ u jżewwaq din l-inizjattiva. |
1.2 |
Fid-dawl tad-diversi atturi (awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet, imsieħba soċjali), livelli (lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew) u oqsma (trasport, akkomodazzjoni, offerta ta’ servizzi komplementari, eċċ.) tas-settur tat-turiżmu fl-Ewropa, il-partijiet interessati kollha fis-settur għandhom jiġu involuti fl-inizjattivi previsti. Għal dan il-għan, il-KESE jtenni l-possibbiltà li titwaqqaf Aġenzija Ewropea tat-Turiżmu li, abbażi tas-segwitu effettiv tad-data li tappoġġja u tinkoraġġixxi l-miżuri ppreżentati, tlaqqa’ l-isforzi li fil-prattika jwasslu għal politika Ewropea tat-turiżmu globali li tqis id-diversità u l-pluralità tal-identità tat-turiżmu Ewropew. |
1.3 |
Il-KESE jemmen li għandhom jiġu enfasizzati u adottati l-miżuri li ġejjin bil-għan li jiġu indirizzati l-isfidi ppreżentati fl-istess Komunikazzjoni u biex jiġu implimentati l-miżuri speċifiċi previsti fiha:
|
1.4 |
L-impatt tat-tibdil fil-klima fuq it-turiżmu għandu jiġi analizzat fil-livell tal-Istati Membri u għandhom jiġu adottati miżuri adatti li jikkonformaw mal-implikazzjonijiet għall-kompetittività mill-previżjonijiet tat-tibdil fil-klima. |
1.5 |
Hemm bżonn li jkomplu jiġu żviluppati l-oqsma speċifiċi tat-turiżmu bħat-turiżmu soċjali, kulturali u gastronomiku, l-agrituriżmu, it-turiżmu sportiv, dak relatat mas-saħħa, it-turiżmu mingħajr fruntieri, it-turiżmu relatat mal-attendenza f’konferenzi u dak b’għanijiet reliġjużi, eċċ., f’politika Ewropea ta’ diversifikazzjoni tal-offerta u b’attenzjoni għas-swieq emerġenti ġodda. |
1.6 |
Il-KESE jemmen li l-proġetti fil-livell Ewropew, bħall-inizjattiva Calypso, urew l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-livelli l-oħra ta’ gvern, l-imsieħba soċjali u l-korpi tas-settur, b’effetti soċjali u ekonomiċi pożittivi. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew iżommu l-impenn tagħhom, speċjalment dak baġitarju, għal dan it-tip ta’ inizjattivi. |
1.7 |
Filwaqt li jiġi kkunsidrat il-bżonn għas-sigurtà, il-viżi jistgħu joħolqu l-problemi għat-turiżmu minn pajjiżi li ma ffirmawx il-ftehim ta’ Schengen. Dan xi kultant huwa r-riżultat ta’ proċeduri eċċessivament burokratiċi li qed jiġu applikati mill-Istati Membri individwali. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri speċifiċi sabiex tegħleb dawn l-ostakoli. |
1.8 |
Il-Kumitat jappella lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jistabbilixxu ċertifikat Ewropew tat-taħriġ professjonali fil-qasam tat-turiżmu li jkun rikonoxxut fil-pajjiżi kollha tal-UE. Il-Kumitat iqis li hemm bżonn li t-tagħlim fil-qasam tat-turiżmu mhux biss ikun rikonoxxut fl-Unjoni kollha iżda wkoll anki li jkun ta’ livell għoli sabiex jitħarrġu professjonisti tat-turiżmu b’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea u s-Cedefop, b’enfasi partikolari fuq ir-riżultati tat-tagħlim u l-akkreditazzjoni tagħhom u anki li jingħata valur lil dawn l-istudji fil-qasam tat-turiżmu billi jiġu integrati fl-istudji universitarji fejn ikun possibbli. Jeħtieġ li l-Istrateġija Ewropa 2020 tkopri s-settur tat-turiżmu, billi ssemmi b’mod aktar speċifiku l-ħiliet il-ġodda meħtieġa għall-impjiegi l-ġodda u inizjattivi previsti oħrajn, bħar-rikonoxximent tal-esperjenza professjonali u t-taħriġ informali u dak mhux formali, u r-riperkussjonijiet li għandu jkollu fuq is-settur tat-turiżmu l-Communiqué ta’ Bruges dwar it-taħriġ vokazzjonali, adottat mill-Ministri tal-UE għall-Edukazzjoni u mill-imsieħba soċjali. |
1.9 |
Il-Kumitat jenfasizza li ma jeżistix mudell uniku fil-qasam tat-turiżmu u jirrikonoxxi li kull destinazzjoni tippreżenta bżonnijiet speċifiċi u tiġbed is-swieq speċjalizzati partikolari tagħha. Għalhekk il-qafas tal-politika għat-turiżmu għandu jikkunsidra dawn id-differenzi importanti skont is-sitwazzjoni (ir-reġjuni periferiċi, kontinentali, kostali, rurali, insulari, remoti, eċċ.) |
1.10 |
L-għan huwa li jitfassal, jiġi definit u implimentat ippjanar strateġiku għal politika Ewropea komuni tat-turiżmu fil-livell tar-reġjuni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività sostenibbli u l-kwalità tagħha u jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi filwaqt li jitwettqu l-azzjonijiet tal-Istati Membri. Fid-dawl tad-diversità tal-Istati Membri, ser ikun meħtieġ li dawn jintalbu jippreżentaw pjan strateġiku għall-politiki tat-turiżmu nazzjonali tagħhom li jipprevedi azzjonijet konkreti għal kull reġjun u b’orizzont kronoloġiku mifrux fuq mill-inqas perjodu ta’ għaxar snin. |
1.11 |
Il-Kumitat jappella lill-gvernijiet nazzjonali sabiex jaġġustaw it-taxxi lokali u jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-VAT fuq il-prodotti turistiċi ta’ natura soċjali sabiex dawn isiru attraenti, bil-għan li fuq perjodu aktar fit-tul is-servizzi relatati mat-turiżmu jiġu żviluppati u jsiru iktar aċċessibbli. Hemm bżonn li tiġi żgurata l-eżistenza tal-infrastrutturi u tas-servizzi lokali maħsuba biex jipprovdu prestazzjonijiet turistiċi ta’ kwalità. Dan itejjeb kemm il-kwalità ta’ ħajjet ir-residenti kif ukoll il-kundizzjonijiet għat-turisti. |
1.12 |
L-UE għandha bżonn strateġija ta’ komunikazzjoni li tkun kapaċi tippreserva l-immaġni tajba tal-Ewropa u tas-settur tat-turiżmu, filwaqt li ssolvi l-problema tal-pubbliċità negattiva. |
1.13 |
Jeħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jiġi evitat il-qgħad strutturali fl-intrapriżi turistiċi, biex b’hekk jittejbu l-kwalità u l-istabbiltà tal-impjieg kif ukoll il-profittabilità tal-intrapriżi. |
1.14 |
Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ l-impenji li qed tagħmel bħalissa għat-tixrid ta’ kunċett ġenwin ta’ turiżmu ta’ kwalità, fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, jiġifieri esperjenza li tinkludi r-rilassament fiżiku u l-istimolu intellettwali li jiġi mill-kuntatt mal-kapulavuri tal-kultura u taċ-ċivilizzazzjoni. L-ippjanar ta’ dan għandu jsir fil-livell reġjonali filwaqt li l-promozzjoni u l-komunikazzjoni għandhom isiru kemm fil-livell reġjonali u nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. |
1.15 |
Il-KESE jinnota n-nuqqas ta’ referenza ċara għal qafas legali tad-drittijiet tal-konsumatur fis-settur turistiku u n-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni għad-dewmien inaċċettabbli fir-reviżjoni tad-Direttiva 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990, li oriġinarjament twiegħdet għal tmiem l-2010, imbagħad ġiet skedata għall-bidu tal-2011 fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, u s’issa għadha ma ġietx ippreżentata. |
1.16 |
Il-KESE japprezza l-istimolu li taw il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-imsieħba soċjali għad-definizzjoni ta’ politika Ewropea tat-turiżmu. F’dan il-kuntest, il-KESE ser jissokta bil-parteċipazzjoni u l-kollaborazzjoni tiegħu rigward l-għan u l-valuri li ppreżenta fl-opinjonijiet tiegħu biex jinkiseb mudell tat-turiżmu Ewropew. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Il-politika l-ġdida tat-turiżmu tidentifika tliet għanijiet ewlenin li jikkostitwixxu s-sinsla tal-qafas il-ġdid. Dawn huma:
Jekk dawn it-tliet pilastri jiġu appoġġjati bis-sħiħ bi strutturi u riżorsi adegwati, jiġi garantit pedament tajjeb għal politika tat-turiżmu soda u benefika. |
2.2 |
Il-Kummissjoni tidentifika numru ta’ sfidi li qed jiffaċċja s-settur Ewropew tat-turiżmu li ħarġu fid-dieher jew komplew jiżdiedu f’dawn l-aħħar snin. Madanakollu l-isfidi prinċipali li baqgħu l-istess matul is-snin huma: l-istaġjonalità tas-settur, in-nuqqas ta’ rikonoxximent tas-settur bħala qasam ta’ attività importanti li qed ikompli jiżviluppa, il-kundizzjonijiet prekarji tal-ħaddiema fis-settur, il-qgħad strutturali, in-nuqqas ta’ aċċess tal-SMEs għal finanzjament adegwat li jippermettilhom li jadattaw għal settur li kontinwament jinbidel u jiżviluppa u l-innovazzjoni fis-settur. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tindirizza dawn l-isfidi. F’bosta opinjonijiet tiegħu, il-Kumitat enfasizza l-importanza li jiġu indirizzati dawn l-isfidi u l-miżuri li għandhom jittieħdu (1). |
2.3 |
It-turiżmu huwa attività importanti ħafna li għandha impatt partikolarment pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u l-impjiegi. Huwa jaqdi rwol importanti fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. |
2.4 |
Sa mill-2008, id-domanda għas-servizzi turistiċi għaddiet minn influwenzi negattivi. Madanakollu jekk l-Ewropa tixtieq li tibqa’ l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja u tkun kapaċi tikkapitalizza mill-ġid u d-diversità tar-reġjun tagħha hija għandha tfassal politika tat-turiżmu komuni. |
2.5 |
Jekk il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tippromovi qafas ġdid għall-azzjoni sabiex iżżid il-kompetittività tat-turiżmu fl-UE u l-kapaċità tat-tkabbir sostenibbli, il-KESE jemmen li għandha tippreċiża l-proposti tagħha filwaqt li tagħraf li huwa fl-interess ta’ kull pajjiż li jiżviluppa mudell u dinamika fil-qasam tat-turiżmu li huwa adatt għalih. Fid-dawl tan-natura transnazzjonali tal-industrija tat-turiżmu, hemm bżonn ċar ta’ qafas politiku għat-turiżmu madwar l-UE kollha li xorta jjħalli flessibbiltà sħiħa lill-Istati Membri tal-UE biex jiżviluppaw il-politiki nazzjonali speċifiċi tagħhom. Jeħtieġ li nifhmu li dak li jseħħ f’parti tal-Unjoni Ewropea jista’ jkollu impatt f’pajjiż ieħor tal-UE fis-settur tat-turiżmu. |
2.6 |
Pereżempju, għalkemm fir-rebbiegħa 2010 l-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Ewropa ma ntlaqtux mill-għeluq tal-ispazju tal-arju Ewropew b’riżultat tal-isħaba tal-irmied vulkaniku, xorta waħda kellhom nuqqas ta’ attività turistika b’riżultat ta’ rapporti negattivi li ħolqu klima xejn favorevoli u li skoraġġew lin-nies milli jagħżluhom bħala destinazzjoni turistika. |
2.7 |
Il-Kumitat jemmen li l-qafas politiku għat-turiżmu Ewropew għandu jibbaża fuq qafas legali ċar tad-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet interessati varji, li huwa totalment nieqes fil-Komunikazzjoni u li għalih hija partikolarment importanti r-reviżjoni tad-Direttiva 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990, li oriġinarjament twiegħdet għal tmiem l-2010, imbagħad ġiet skedata għall-bidu tal-2011 fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni. Ir-reviżjoni għadha ma ġietx ippreżentata, minkejja li d-Direttiva hija totalment skaduta. Dan id-dewmien iħalli lill-konsumaturi serjament mingħajr protezzjoni, idgħajjef il-fiduċja tagħhom u jxekkel l-iżvilupp tat-turiżmu. Din ir-reviżjoni hija element kruċjali tal-qafas legali meħtieġ biex jagħti sustanza lill-kompetenzi l-ġodda tal-UE f’dan il-qasam stipulati fit-Trattat. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1 |
L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi u tħeġġeġ id-definizzjoni ta’ politika proattiva biex tħaffef it-tkabbir u toħloq il-kundizzjonijiet li jagħmlu lill-Ewropa iktar atraenti. L-iżvilupp ta’ pjanar komuni u azzjonijiet komplementari konkreti m’għandux jibqa’ r-responsabbiltà tal-Kummissjoni iżda għandu jsir minn korp ieħor b’politika mingħajr nuqqas ta’ preċiżjonijiet, li ma tirriċiklax ideat qodma u li tiżgura l-parteċipazzjoni u l-istatut tal-membri tal-partijiet interessati kollha fil-qasam tat-turiżmu bħall-konfederazzjonijiet tal-professjonisti u l-atturi individwali impenjati fl-oqsma tat-turiżmu, it-trejdjunjins tal-ħaddiema tas-settur, ir-reġjuni u l-uffiċju nazzjonali tat-turiżmu. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija Ewropea tat-Turiżmu, li l-KESE kien diġà ppropona f’opinjonijiet preċedenti, tista’ taqdi rwol importanti billi tappoġġja l-istituzzjonijiet Ewropej. |
3.2 |
Huwa kkunsidrat essenzjali li l-Kummissjoni, flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, tinforza l-prinċipju ta’ leġislazzjoni intelliġenti u li l-proposti leġislattivi kollha tal-UE jinkludu valutazzjoni tal-impatt adatta tal-miżuri proposti li jolqtu l-industrija tat-turiżmu. Fil-qafas ta’ azzjoni propost għat-turiżmu, m’hemmx referenza għall-bżonn li jsiru valutazzjonijiet adatti tal-impatt biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq is-settur, kull darba li titressaq proposta leġislattiva tal-UE. Dan huwa partikolarment rilevanti f’għadd ta’ każijiet, pereżempju t-tikkettar propost tal-ikel u l-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-passaġġieri u l-konsumaturi. |
3.3 |
Jeħtieġ li t-turiżmu ma jitqiesx bħala politika indipendenti iżda bħala tema orizzontali influwenzata minn bosta politiki oħra adottati mill-UE u b’mod partikolari mill-politika tat-trasport, tal-edukazzjoni, tal-impjieg, tar-riċerka u l-innovazzjoni, tat-tibdil fil-klima, tass-suq uniku, tas-sigurtà, tal-konsumatur eċċ. Għalhekk il-politika tat-turiżmu mhix biss kompetenza tad-DĠ Intrapriża iżda għandha titqies fil-politiki l-oħra kollha tal-UE. |
3.4 |
Attwalment il-promozzjoni u l-iżvilupp tas-servizzi turistiċi fl-UE kollha mhumiex kooridinati u organizzati b’mod adegwat u dan joħloq diffikultajiet għaċ-ċittadini li jixtiequ jivjaġġaw. Li jsir vjaġġ fuq it-territorju tal-UE permezz tal-mezzi tat-trasport pubbliċi huwa attività diffiċli li tirrkjedi ġlieda kontra kull xorta ta’ skedi ta’ ferroviji, vapuri, karozzi tal-linja eċċ., tant li mhux possibli li wieħed ma jistax jiggarantixxi li jkollu vjaġġ sikur. |
3.5 |
L-industrija tat-turiżmu qiegħda tiffaċċja kompetizzjoni dinjija li qiegħda tikber, minħabba li l-pajjiżi emerġenti jew li qegħdin jiżviluppaw qegħdin jiġbdu numru dejjem akbar ta’ turisti. Sabiex tibqa’ kompetittiva l-Ewropa għandha tipproponi politika sostenibbli u tirreklama l-bosta vantaġġi tagħha bħas-sigurtà li tipprovdi:
|
3.6 |
Spiss ninsew li meta nżuru l-UE bħala turisti nibbenefikaw minn affarijiet elementari bħalma huwa l-fatt li nistgħu nixorbu l-ilma tal-vit, li nistgħu nieklu mingħajr biża’ li ser jagħmlilna l-ħsara u li nistgħu nivjaġġaw u nimxu fit-toroq waħedna. Għalhekk jeħtieġ li nippromovu dawn il-vantaġġi sempliċi li toffri l-UE lit-turist. Dawn il-vantaġġi jeħtieġ li jiġu enfasizzati għax jispiraw sens ta’ sigurtà fit-turist u huma vantaġġi li ma jistgħu jiġu garantiti fl-ebda destinazzjoni prinċipali turistika dinjija filwaqt li joffru vantaġġi komparattivi ta’ għażla u promozzjoni tad-destinazzjoni għall-vaganzi. |
3.7 |
L-Ewropa għandha tiżviluppa u ssaħħaħ il-profil tagħha fis-swieq globali u tħeġġeġ il-kooperazzjoni maċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja, il-Brażil, il-Ġappun, l-Istati Uniti u l-pajjiżi Mediterranji. Sabiex dan ikun possibbli, jeħtieġ li jiġi stimolat spirtu intraprenditorjali u l-innovazzjoni, li tissaħħaħ il-kwalità tal-prodotti sabiex l-istandard tas-servizzi u l-faċilitajiet tagħna jkunu fuq l-istess livell tal-kompetituri internazzjonali tagħna. Jeħtieġ li jitnaqqsu l-istaġjonalità u ċ-ċaqliq kbir fid-domanda filwaqt li tissaħħaħ u tiġi diversifikata l-offerta tas-servizzi turistiċi. Billi tipprovdi ċertifikati ta’ taħriġ professjonali komuni u validi fit-territorju kollu tagħha, l-UE għandha ttejjeb u tafferma l-kompetenzi professjonali ta’ dawk kollha li jipparteċipaw fl-industija tat-turiżmu u tenfasizza b’mod partikolari fuq ir-riżultati tat-tagħlim u l-validazzjoni tagħhom. Dawn iċ-ċertifikati komuni u rikonoxxuti meħtieġa ser ikunu utli kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-ħaddiema fl-Unjoni kollha. |
3.8 |
Il-metodi attwali tal-ġbir u l-analiżi tal-istatistika mhumiex adegwati. In-nuqqasijiet fil-ġbir tad-data jwasslu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mhux kompleti jew ħżiena huma u jitfasslu l-linji gwida. F’dan ir-rigward, id-dokument jenfasizza l-importanza li jitjiebu l-istatistika u l-analiżi relatati mat-turiżmu. Il-Kummissjoni tqis dan bħala essenzjali biex ikun hemm bażi mtejba ta’ għarfien soċjoekonomiku għat-turiżmu fil-livell Ewropew. Il-ġbir strutturat tal-istatistika jwassal għall-informazzjoni u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet razzjonali u jistimula wkoll il-kooperazzjoni interdixxiplinarja bejn ir-riċerkaturi u l-iskambju tal-opinjonijiet u tal-esperjenzi. Hemm bżonn li jittejbu l-metodi statistiċi u r-riżultati tagħhom, filwaqt li jitqies il-fatt li l-ġbir tad-data m’għandux iwassal għal piżjijiet amministrattivi (burokrazija) għall-intrapriżi u ċ-ċittadini. |
3.9 |
Aktar minn nofs il-membri tal-UE għandhom Kont Satellit tat-Turiżmu (Tourism Satellite Account) li wera li huwa għodda effettiva immens. Il-Kummissjoni għandha ssib il-mezzi biex tħeġġeġ u tgħin lill-pajjiżi li għad fadal biex jadottaw dan il-metodu, li jservi wkoll għal finijiet ta’ benchmarking ta’ prestazzjonijiet iddettaljati. Dan huwa kruċjali fid-dawl tal-bidliet sinifikanti fit-tendenzi u n-normi tal-imġiba fil-qasam tat-turiżmu li qed tgħaddi minnhom l-Ewropa bħalissa. |
3.10 |
Id-diversità hija l-fattur prinċipali tat-turiżmu Ewropew. Il-firxa wiesgħa ta’ esperjenzi li wieħed jista’ jgħaddi minnhom f’kull pajjiż Ewropew tikkontribwixxi sabiex l-Ewropa tintgħażel bħala d-destinazzjoni turistika ta’ min jixtieq jivjaġġa. Il-varjetà rikka tal-patrimonju kulturali, tal-ambjent naturali, tal-gastronomija, tal-inbejjed u tal-istorja tagħhom twassal sabiex kull pajjiż joffri sensazzjonijiet differenti lil min iżuru. Iż-żamma ta’ dawn id-differenzi hija importanti u hija fattur prinċipali favur l-Ewropa aħna u nippromovuha fil-bqija tad-dinja. |
3.11 |
Fid-dawl tal-fatt li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tal-intrapriżi fis-settur tat-turiżmu, jeħtieġ li nisfruttaw id-dinamiżmu tagħhom u ngħinuhom jiżviluppaw l-attività intraprenditorjali tagħhom, billi niffukaw fuq il-kontribut tagħhom fil-ħarsien tal-patrimonju kulturali u l-iżvilupp tas-soċjetajiet lokali. Dawn huma l-intrapriżi li jassorbu l-qgħad bażiku (migranti ekonomiċi, persuni b’nuqqas ta’ taħriġ, eċċ.) u li jnaqqsuh b’mod sostanzjali billi jimpjegaw parti kbira mill-popolazzjoni attiva u b’hekk inaqqsu wkoll l-esklużjoni soċjali. Is-settur privat għandu jkun parti integrali minn oqsma bħall-promozzjoni tat-turiżmu u l-appoġġ għall-impjieg u għandu jiġi stimolat ukoll il-ħolqien ta’ netwerks bejn l-intrapriżi tas-settur. |
3.12 |
Il-politika tat-turiżmu hija kkaratterizzata min-natura transversali tagħha. Hija tinfluwenza b’mod partikolari l-politika tat-trasport (id-drittijiet u s-sigurtà tal-passiġġieri u l-kwalità tat-trasport), l-għajnuna mill-Istat, is-suq intern (il-libertà tat-twaqqif u l-libertà tal-prestazzjoni tas-servizzi turistiċi, il-promozzjoni tal-kwalità tas-servizzi, l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku), it-tassazzjoni, li ħafna drabi jkollha effetti negattivi (ostakli fiskali għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern, it-trattament fiskali tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fis-settur tat-turiżmu, vantaġġi fiskali fil-qasam). Għaldaqstant, is-settur ser ikollu jiġi appoġġjat permezz ta’ azzjoni finanzjarja speċifika u, bil-maqlub, ikun opportun li l-intrapriżi tat-turiżmu jimpenjaw ruħhom li jinvestu u li jappoġġjaw u jkattru l-impjiegi. |
3.13 |
Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jiġi promoss mekkaniżmu li jtejjeb u jsaħħaħ l-iskambji turistiċi bejn l-Istati Membri u li lil ċerti gruppi bħaż-żgħażagħ, li f’dak il-każ jirrikjedu sinkronizzazzjoni mal-vaganzi skolastiċi, l-anzjani, il-persuni inqas mobbli u l-familji bi dħul baxx, joffrilhom il-possibbiltà li jivjaġġaw b’mod partikolari matul l-istaġun mejjet. L-Istati Membri li għandhom ekonomija li mhix ibbażata fuq it-turiżmu għandhom jappoġġjaw lill-pajjiżi l-oħra billi jippromovu fost iċ-ċittadini tagħhom id-destinazzjonijiet intra-Ewropej. Il-kumpaniji tal-ajru Ewropej għandhom jifhmu li huma mhux qed jgħinu t-turiżmu u s-suq intern meta lill-Ewropej tat-Tramuntana joffrulhom biljetti lejn l-Asja bi prezzijiet ħafna drabi iktar vantaġġużi minn dawk li jwassluhom fix-Xlokk tal-Ewropa. |
3.14 |
Il-Kumitat jemmen li għandha titfassal politika speċifika komuni ta’natura innovattiva u li l-Unjoni toffri prodott turistiku imfassal għall-anzjani u l-pensjonanti, li huma mistennija jirrappreżentaw 20 % tal-popolazzjoni fl-2020, u għall-persuni b’diżabilità u bi bżonnijiet speċifiċi u b’mobbiltà mnaqqsa, li reċentement ġie stmat li jammontaw għal 127 miljun persuna, sabiex jiżdied l-interess fosthom. Ser ikun hemm bżonn taħriġ speċifiku biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ dawn il-gruppi soċjali speċifiċi. Fid-dawl tal-fatt li din il-kategorija tal-popolazzjoni tikkonsisti wkoll f’individwi li għandhom poter tal-akkwist, interessi kulturali u ħin għad-divertiment u li għalhekk toffri potenzjal importanti għas-suq, jeħtieġ li l-UE tippromovi b’mod partikolari l-politika komuni mmirata lejhom, bil-għan li dawn jingħataw l-għajnuna biex jiksbu d-dritt li jibbenefikaw mis-settur tat-turiżmu mingħajr ebda tip ta’ diskriminazzjoni. Madankollu, dan l-impenn għandu jkun akkumpanjat minn impenji mis-settur privat biex jiżgura li teżisti l-infrastruttura t-tajba għal dan is-suq. |
3.15 |
Il-Kumitat jemmen fil-bżonn li titħeġġeġ il-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali u b’mod partikolari fis-swieq importanti għall-UE. Jeħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet li hemm bżonn sabiex tiġi semplifikata l-proċedura għall-ħruġ ta’ viża Ewropea komuni sabiex jiżdiedi t-turisti minn pajjiżi barra ż-żona ta’ Schengen. It-turisti għandu jkollhom il-possibbiltà li jivjaġġaw minn pajjiż fl-UE għal ieħor u għalhekk jeħtieġ li jiġu semplifikati r-regoli u d-direttivi dwar dan. |
3.16 |
Fil-livell tar-reġjuni jeħtieġ li jiġu promossi aħjar, bħala prodott turistiku Ewropew, l-itinerari kulturali, il-patrimonju tal-kultura kontemporanja, iż-żoni naturali protetti u l-ħarsien u l-għoti ta’ valur lill-bini u intrapriżi tradizzjonali, it-turiżmu tas-saħħa u tal-benesseri (inkluż it-turiżmu tal-ispas) jew il-vjaġġi li jsiru għal raġunijiet mediċi, edukattivi, gastronomiċi, storiċi, jew reliġjużi, it-turiżmu rurali jew marittimu filwaqt li t-tradizjonijiet kulturali u l-gastronomija (ristoranti tradizzjonali u intrapriżi relatati b’mod dirett mal-istorja reġjonali) jingħataw valur u jitħarsu mingħajr ma jintesa wkoll il-wirt ta’ taħt il-baħar. Mhux dejjem ikun hemm bżonn li jiżdied in-numru ta’ sodod, iżda pjuttost ikun hemm bżonn li jsir investiment biex tittejjeb il-kwalità tas-servizzi u l-infrastruttura tal-istabbilimenti, filwaqt li jiġu offruti faċilitajiet innovattivi, bħal spas, ċentri ta’ benesseri, eċċ. L-ebda parti mill-proposta tal-Kummissjoni ma tindika kif ser jiġu konkretizzati l-azzjonijiet imsemmija, u lanqas ma tindika l-prijoritajiet jew saħansitra l-pjan dwar l-implimentazzjoni tagħhom f’kull Stat Membru b’kunsiderazzjoni tar-reġjuni u b’mod li dawn l-azzjonijiet jiffurmaw politika Ewropea tat-turiżmu. Il-proposta lanqas ma tipprevedi approċċ komuni lejn il-promozzjoni minkejja li din hija inizjattiva neċessarja. |
3.17 |
Il-Kumitat jaqbel li tinħoloq “tikketta tal-wirt kulturali Ewropew” u jipproponi wkoll li tinħoloq “tikketta tal-wirt tal-gastronomija Ewropew” li flimkien ma’ azzjonijiet oħra bħal pereżempju l-Jiem Ewropej tal-Wirt u l-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali, tevalwa r-ristoranti u b’mod komuni u armonizzat tallokalhom “stilel” u tiċċertifikahom. Dan għandu jsir ukoll flimkien ma’ diversi programmi nazzjonali u Ewropej. Il-Kumitat jipproponi wkoll li tiġi armonizzata s-sistema tal-għoti tal-istilel lil-lukandi u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom fl-UE. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa’ torganizza l-Forum Ewropew dwar it-Turiżmu bħala spazju fejn jiltaqgħu u jagħmlu l-analiżi tagħhom l-atturi tas-settur, dawk responsabbli fil-livell nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-imsieħba soċjali, sabiex tiġi xprunata identità tat-turiżmu Ewropew li tqis id-diversità u l-pluralità. |
3.18 |
Il-qafas jipproponi wkoll l-iżvilupp ta’ marka ta’ kwalità Ewropea tat-turiżmu u tikketta ta’ “Turiżmu ta’ Kwalità”, u dan jirrikjedi titjib fl-istandards fl-industrija kollha li għandu jiġi appoġġjat. Madankollu, it-tikkettar tal-kwalità jista’ jiġi appoġġjat ukoll permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament adatti biex l-operaturi tat-turiżmu jkunu jistgħu jtejbu l-firxa tal-prodott tagħhom u jinvestu f’titjib fl-istandards tal-proprjetà u s-servizzi tagħhom kif ukoll fit-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid għall-persunal. |
3.19 |
Il-ħolqien ta’ rabta bejn il-gastronomija, is-settur tar-ristoranti u t-turiżmu huwa mod oriġinali ta’ kif jinħoloq prodott turistiku ta’ kwalità billi t-turisti jidħlu f’kuntatt dirett mal-kultura tal-ikel ta’ kull Stat Membru. B’hekk ikunu jistgħu jiddistingwu bejn is-servizzi differenti offruti. In-numru ta’ turisti li jivjaġġaw fl-UE bil-għan li jieklu tajjeb qed ikompli jiżdied. L-ikel b’hekk sar strument ta’ promozzjoni tal-prodott Ewropew u tal-pjaċir gastronomiku. L-ikel u x-xorb, ir-riċetti u r-rotot ibbażati fuq l-ikel u l-inbid għandhom jiġu promossi bl-appoġġ ta’ sforzi koordinati ta’ kooperazzjoni sabiex jinħolqu forom oħra ta’ kif jiżdied il-valur li jsaħħaħ ir-rabta bejn l-ikel u t-turiżmu. |
3.20 |
It-taħriġ tal-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu huwa investiment kbir għat-turiżmu Ewropew b’mod partikolari l-SMEs. L-introduzzjoni tat-teknoloġiji u l-prattiki tax-xogħol il-ġodda wasslet għall-ħolqien ta’ domanda għal persunal speċjalizzat. Hemm bżonn ta’ aktar programmi tal-UE mmirati lejn il-perfezzjonament u t-taħriġ tal-ħaddiema fil-qasam tat-turiżmu hekk kif diġà jeżistu f’setturi oħra. Dan jiffaċilita l-adattament għat-teknoloġiji l-ġodda l-iktar komuni fis-settur. Jeħtieġ li jiġi żviluppat ċertifikat Ewropew tat-taħriġ professjonali bbażat fuq ir-riżultati tat-tagħlim u fuq kompiti komuni. Dan ikun jista’ jintuża b’mod awtonomu u indipendenti permezz ta’ proċeduri ta’ validazzjoni fil-livell nazzjonali u lokali b’referenza għall-oqsfa li jeżistu għall-kwalifiki nazzjonali. Is-settur tat-turiżmu għandu jkun obbligat jipprovdi lill-ħaddiema tiegħu taħriġ li jwassal għal kwalifiki professjonali. Il-KESE jemmen fl-importanza tal-Communiqué ta’ Bruges dwar it-taħriġ vokazzjonali fl-UE għat-taħriġ fis-settur tat-turiżmu. Jekk dan is-settur joffri kundizzjonijiet tax-xogħol stabbli u ta’ kwalità għolja, isir partikolarment attraenti. |
3.21 |
Il-pjan tat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet fejn tidħol imġieba għandhom jinkludu bilfors it-tagħlim tal-lingwi barranin fost il-persunal li jaħdem fis-settur tat-turiżmu dejjem b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi kulturali speċifiċi u l-għoti ta’ ċertifikati tat-taħriġ vokazzjonalii skont il-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Cedefop. Hemm bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lill-professjonijiet fil-qasam tat-turiżmu marbuta direttament mal-wirt kulturali, bħall-gwidi li jeħtieġ li jkollhom id-diplomi meħtieġa u l-kapaċità li jenfasizzaw l-assi tal-wirt kulturali abbażi ta’ ċertifikat mogħti lilhom mill-awtoritajiet lokali li juri li jafu l-monumenti tar-reġjun fejn jixtiequ jaħdmu anki jekk għal impjieg temporanju u li jkunu jafu l-lingwa tan-nies li jkunu qed jiggwidaw hekk kif previst għal perjodu qabel l-1975 mill-istandard tas-CEN (EN 13809, 2003) u kif jipprevedu d-Direttivi 75/368/KE u 92/51/KE ta’ wara. Ċertifikazzjoni ekwivalenti għandha tkopri s-setturi kollha tal-professjonijiet turistiċi pereżempju waiters, koki, animaturi u b’mod ġenerali dawk kollha li jkunu f’kuntatt mat-turisti. |
3.22 |
Il-Kumitat jaħseb li għandu jiġi kkunsidrat serjament il-fatt li l-politika tal-pakketti “kollox inkluż”, li bosta kumpaniji adottaw f’ħafna Stati Membri, fl-aħħar wasslet għal riżultati għalkollox opposti għal dawk mixtieqa: kif wieħed jista’ josserva faċilment, b’xorti ħażina, il-mudell tal-klabbijiet “kollox inkluż” u tal-gruppi tal-lukandi l-kbar kellu l-effett li jżid il-problemi li jiltaqgħu magħhom l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li joperaw qrib tagħhom f’dawn ir-reġjuni. |
3.23 |
Il-kundizzjonijiet diffiċli li fihom issir il-kompetizzjoni bejn, minn naħa waħda, l-operaturi tal-ivvjaġġar barranin il-kbar u, min-naħa l-oħra, il-lukandi li jħabirku biex jikkonkludu pakketti sabiex jimtlew bit-turisti wasslu għad-deterjorament tal-kwalità tas-servizzi pprovduti. Dan wassal, fost riperkussjonijiet oħra, sabiex ċerti reġjuni turistiċi ġew ikkritikati barra mill-UE. Taħt pressjoni bħal din, l-SMEs huma obbligati jaħdmu bi prezzijiet ħafna inqas mill-ispiża u dan idaħħalhom f’sitwazzjonijiet finanzjarji diffiċli u f’likwidazzjoni. |
3.24 |
M’għandniex għalfejn inwarrbu għal kollox il-pakketti kollox inkluż, għax jista’ jagħti każ li dawn jaqdu l-bżonnijiet ta’ parti mid-domanda tat-turiżmu, iżda jeħtieġ li dawn is-sistemi, bħall-prodotti turistiċi l-oħra, japplikaw b’mod konformi mal-liġi u mal-prinċipju tal-kompetizzjoni ġusta ma’ offerti oħra, kif ukoll b’mod ikkontrollat u bil-fondi tagħhom stess mingħajr għajnuna mill-Istat. Id-dħul mit-turiżmu għandu jitqassam bl-iktar mod mifrux possibbli sabiex l-iżvilupp jinfirex madwar lukandi ta’ kwalità. It-turist għandu jkollu l-possibbiltà li jagħżel skont il-baġit tiegħu fil-lukanda u barra. Madankollu, dan huwa wieħed mill-ftit partijiet tas-suq li rreġistra tkabbir minkejja tnaqqis fil-kummerċ tradizzjonali tal-operaturi tat-tours f’dan l-aħħar snin. Filwaqt li l-kwalità m’għandha qatt tkun kompromessa, huwa importanti napprezzaw li hemm lokalitajiet turistiċi sħaħ li rnexxielhom jiżviluppaw dan is-suq matul is-snin. Hemm bżonn li tiġi stabbilita definizzjoni ċara tas-“suq kollox inkluż” li tirrifletti prodott ta’ kwalità, biex jinqatgħu prodotti u servizzi inferjuri li jinbigħu bl-iskuża ta’ tikketti kollox inkluż |
3.25 |
In-natura staġjonali tat-turiżmu, li tirriżulta minn domanda turistika kkonċentrata ħafna fuq ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, tillimita l-potenzjal tal-iżvilupp tas-settur u twaqqfu milli jkollu impatt mifrux fuq l-ekonomija kollha b’mod li dan iħalli riperkusskonijiet fuq il-flussi tad-dħul u jwassal biex l-infrastruttura u l-persunal li jeżistu ma jintużawx bl-aħjar mod. L-azzjonijiet maħsuba għall-impjegabilità tal-persunal u għall-profittabilità tal-infrastruttura fil-perjodi kwieti ser jgħinu biex jinħoloq potenzjal ta’ riżorsi umani iktar attivi u produttivi filwaqt li l-koordinazzjoni tal-infrastruttura b’mod li din tibqa’ tintuża anki fil-perjodi kwieti minn ċerti kategoriji tal-popolazzjoni jew mill-iskejjel ser ittawwal l-istaġun turistiku bil-vantaġġi kollha li jirriżulta minn dan. Wieħed mill-modi ta’ kif titnaqqas l-istaġjonalità huwa billi jitqassmu aħjar il-vaganzi tal-impjegati permezz ta’ inċentivi adegwati. L-użu aħjar tal-infrastrutturi turistiċi eżistenti u tal-persunal fl-istaġun mejjet jista’ jippermetti lill-intrapriżi jużaw l-infrastrutturi aħjar u jżidu l-produttività tagħhom billi jiddependu minn persunal aktar stabbli u aktar motivat. Il-KESE japprezza li bl-inizjattiva Calypso ttieħed l-ewwel pass f’din id-direzzjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew jippromovu, speċjalment permezz ta’ impenji baġitarji, l-iżvilupp ta’ din l-inizjattiva minħabba l-impatt soċjali tagħha u l-benefiċċji tagħha għas-settur tat-turiżmu Ewropew. |
3.26 |
Il-Kumitat jemmen li t-turiżmu huwa parametru essenzjali għall-ambjent u għandu jitħares u jingħata valur. It-turiżmu ma jeqridx is-siti, ma jeżawrixxix ir-riżorsi u ma jbiddilx il-proċessi naturali iżda madankollu għandu bżonn programmazzjoni adegwata u l-implimentazzjoni ta’ politika tat-turiżmu adegwata. Għal raġunijiet turistiċi, żoni sħaħ, li qabel kienu kkunsidrati bħala postijiet li għandhom jiġu evitati, reġgħu bdew jingħataw importanza u valur bħal pereżempju d-Docklands ta’ Londra jew il-kosta ta’ Barċellona ħdejn il-port. Dawn huma biss żewġ eżempji li ħolqu x-xogħol għal miljuni ta’ nies fl-Unjoni Ewropea. |
3.27 |
Fuq perspettiva aktar fit-tul, l-isfida tat-tibdil fil-klima hija rikonoxxuta b’mod ġust mill-Kummissjoni bħala l-ixprun li qed jagħti spinta lil ristrutturar maġġuri fil-mudelli kummerċjali tas-safar u tal-akkomodazzjoni. L-operaturi kummerċjali diġà qed jaraw bidla fil-mod li l-prodotti tat-turiżmu qed jiġu żviluppati, ippreżentati u kummerċjalizzati, b’bidla lejn prattiki aktar ekoloġiċi fl-industrija. Fil-livell tal-Istati Membri, għandha tiżdied il-valutazzjoni tal-impatt tat-tibdil fil-klima fuq it-turiżmu u jridu jiġu adottati miżuri xierqa ta’ adattament b’konformità mal-implikazzjonijiet tal-kompetittività tat-tbassir tat-tibdil fil-klima. |
3.28 |
L-azzjonijiet li qed tippjana li tniedi l-Kummissjoni għad-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku jqisu d-dinamika li tikkaratterizza t-turiżmu, li huwa industrija li hija relatata b’mod dirett mal-bnedmin u l-bżonnijiet multipli tagħhom. L-appoġġ għat-turiżmu oriġinali permezz ta’ promozzjoni iktar sistematika ser iwassal awtomatikament għal iktar valorizzazzjoni tal-karatteristiċi naturali lokali u l-vantaġġi komparattivi ta’ kull reġjun. |
3.29 |
L-UE għandha tindirizza l-problemi relatati ma’ kwistjonijiet soċjali, il-koeżjoni territorjali u l-ħarsien tagħha. |
3.30 |
Fl-aħħar nett, l-azzjonijiet għal mobilizzazzjoni iktar estensiva tar-riżorsi finanzjarji tal-UE għall-iżvilupp tat-turiżmu ser joħorġu l-potenzjal tas-settur billi jagħtu prijorità lir-reġjuni li qed jesperjenzaw disindustrijalizzazzjoni tal-ekonomija tagħhom u fejn hemm potenzjal fil-qasam tat-turiżmu. |
3.31 |
It-turiżmu marittimu u tal-kosta huwa importanti ħafna bħala katalizzatur tal-iżvilupp ekonomiku. Jeħtieġ li jsiru azzjonijiet li jħeġġu l-iżvilupp tiegħu fil-qafas tal-politika marittima integrata tal-UE. Id-diversifikazzjoni ekonomika lejn it-turiżmu tirrappreżenta prijorità għal ħafna żoni kostali, fejn it-tnaqqis ta’ attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-sajd u mal-bini tal-bastimenti, mal-agrikoltura jew mal-industrija tal-estrazzjoni, b’mod partikolari, wassal għal tnaqqis tad-dħul u għal żieda fil-qgħad. L-intrapriżi fis-settur tat-turiżmu, b’mod partikolari l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, huma ħafna drabi attivi fiż-żoni kostali jew f’żoni turistiċi simili u b’hekk għandhom mhux biss dimensjoni intraprenditorjali u soċjali imma jirrappreżentaw ukoll tradizzjoni storika antika, li ħafna drabi tmur lura għal aktar minn nofs seklu f’ċerti Stati Membri tal-UE, u jikkostitwixxu wkoll wirt kulturali ġenwin għall-popolazzjoni ta’ dawn iż-żoni. Minħabba f’hekk, filwaqt li nirrispettaw ir-regolamenti tal-UE u li niffukaw l-azzjoni tagħna fuq il-wirt kulturali, il-kwalità u l-istorja ta’ kull wieħed mill-postijiet fejn ġew stabbiliti dawn in-negozji familjari, huwa ġġustifikat li nipproponu ċerti inizjattivi bil-għan li nippreservawhom fejn jeżistu. |
3.32 |
L-UE għandha tagħti attenzjoni għall-messaġġi trasmessi fir-rigward tal-Istati Membri tagħha, għax f’għajn it-turist potenzjali li jkun ġej minn pajjiż terz jiġġeneraw immaġni negattiva u inċertezzi dwar jekk għandux iżurhom, u dan għandu riperkussjonijiet li jagħmlu ħafna ħsara għall-promozzjoni turistika tagħhom. Jeħtieġ li l-UE toħloq tim speċifiku għall-ġestjoni tal-komunikazzjoni tal-kriżi fil-qasam tat-turiżmu Ewropew u li tobbliga lil kull wieħed mill-pajjiżi li jiffurmaw parti minnha li joħloq ċellola simili u li jiżgura l-funzjonament tagħha. |
3.33 |
Il-politika Ewropea u l-politiki nazzjonali tat-turiżmu ser ikollhom iqisu dawn il-bidliet strutturali kollha, kemm permezz ta’ miżuri biex jiġi evitat il-qgħad strutturali, izda wkoll billi jiżguraw tqassim effikaċi tal-investimenti marbuta mat-turiżmu. |
Brussell, 21 ta’ Settembru 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON