23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/110


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib”

COM(2010) 728 finali – 2010/0362 (COD)

2011/C 218/21

Relatur: is-Sinjura Dilyana SLAVOVA

Nhar it-22 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 42 u 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

COM(2010) 728 finali – 2010/0362 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ April 2011.

Matul l-471 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2011 (seduta tal-4 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’150 vot favur, 3 voti kontra u 13-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jinnota li l-kriżi tal-2007-2009 poġġiet pressjoni kbira fuq is-settur tal-ħalib, u b’mod partikolari fuq il-produtturi.

1.2

Il-KESE jinnota l-iżbilanċi tul il-katina tal-provvista, l-aktar bejn il-bejjiegħa bl-imnut fuq naħa u l-bdiewa u l-proċessuri fuq in-naħa l-oħra li jfixklu d-distribuzzjoni aktar ġusta tal-valur miżjud tal-prodotti lill-produtturi tal-ħalib. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tieħu miżuri li jiżguraw li t-trasparenza tiġi applikata b’mod ugwali tul il-katina kollha tal-prodotti tal-ħalib (produtturi – proċessuri – distributuri – bejjiegħa bl-imnut).

1.3

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed tuża r-rakkomandazzjonijiet li ħareġ il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Ħalib u li qed tindirizza f’waqtu l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur tal-ħalib.

1.4

Il-KESE huwa konvint li l-aħjar effiċjenza fil-katina tal-provvista tal-ħalib hija fl-interess tal-partijiet kollha involuti u jenfasizza li d-distribuzzjoni ġusta tal-valur miżjud tul il-katina, partikolarment it-tisħiħ tas-saħħa tan-negozjar tal-produtturi, tgħin biex titjieb l-effiċjenza globali, il-kompetittività u s-sostenibbiltà.

1.5

Il-KESE jqis li l-erba’ elementi kollha (ir-relazzjonijiet kuntrattwali, is-saħħa tan-negozjar tal-produtturi, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali u t-trasparenza) huma marbutin flimkien mill-qrib u jiddependu minn xulxin. Għalhekk dawn l-elementi għandhom jiġu trattati flimkien.

1.6

Il-KESE jirrikonoxxi li l-istruttura tal-produzzjoni tal-ħalib tista’ tvarja ħafna bejn l-Istati Membri u għalhekk jaqbel li l-użu ta’ kuntratti għandu jibqa’ volontarju. Madankollu, fil-prinċipju, l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħmlu l-applikazzjoni ta’ dawn il-kuntratti obbligatorja fit-territorju tagħhom sabiex jiżguraw li jitħares il-funzjonament xieraq tas-suq intern.Huwa essenzjali li jiġi enfasizzat li l-proposta ma tkunx applikabbli għall-kooperattivi u li tinġibed l-attenzjoni għall-aħjar prattiki stabbiliti f’xi Stati Membri.

1.7

Il-KESE jaqbel li dawn il-kuntratti għandu jkollhom tal-anqas l-erba’ aspetti ewlenin li ġejjin, li għandhom jiġu negozjati b’mod ħieles bejn il-partijiet: (1) il-prezz pagabbli/il-formula tal-prezz mal-kunsinna, (2) il-volum, (3) il-ħin tal-kunsinna waqt l-istaġun, u (4) it-tul tal-kuntratt.

1.8

Il-KESE jħeġġeġ it-twaqqif tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, speċjalment f’xi Stati Membri ġodda fejn is-settur ifframmentat tal-produzzjoni tal-ħalib għandu saħħa tan-negozjar limitata ħafna. Il-KESE jagħraf il-valur miżjud fis-settur tal-frott u l-ħaxix frisk tal-organizzazzjonijiet li jsaħħu r-rabtiet bejn il-partijiet interessati varji fi ħdan l-oqsma differenti, peress li jistgħu jtejbu l-għarfien u t-trasparenza tal-produzzjoni u tas-swieq; jikkunsidra li żviluppi simili jistgħu jtejbu t-tħaddim globali tal-katina tal-provvista tal-ħalib.

1.9

Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ aktar kjarifiki u żvilupp fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għas-settur tal-ħalib biex jippermettu li organizzazzjonijiet tal-produtturi ewlenin jibbenefikaw minn titjib fis-saħħa tan-negozjar.

1.10

Il-KESE jisħaq li trasparenza akbar tista’ tgħin lill-katina tal-prodotti tal-ħalib biex taħdem aħjar, għall-benefiċċju tal-atturi kollha, u f’dan il-kuntest jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli lill-Kummissjoni li tiżgura li t-trasparenza ma tfixkilx il-kompetizzjoni fis-suq intern.

1.11

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma tal-Kummissjoni, filwaqt li jenfasizza l-fatt li l-proposta mhux ser issolvi l-problemi kollha fis-settur tal-ħalib.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-produzzjoni tal-ħalib hija importanti ħafna fl-UE, mhux biss minn perspettiva ekonomika minħabba l-valur tal-bejgħ u l-għadd ta’ impjiegi iżda wkoll minħabba r-rwol tagħha f’termini tal-użu tal-art u l-ħarsien tal-ambjent. F’ħafna reġjuni, partikolarment dawk muntanjużi u żvantaġġjati, hija wkoll waħda mill-ftit tipi ta’ produzzjonijiet li hemm possibbiltà vera li tiġi żviluppata u tinżamm.

2.2

Is-settur tal-ħalib għandu sehem importanti fil-kwalità tal-ħajja tal-Ewropa minħabba l-kontribut li jagħti għas-saħħa u nutrizzjoni responsabbli u sikura għall-konsumaturi u l-importanza ekonomika tagħha għall-iżvilupp rurali u s-sostenibbiltà ambjentali.

2.3

Is-setturi li jipproduċu u jipproċessaw il-ħalib ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. L-istrutturi tal-produzzjoni u l-ipproċessar ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor, b’estrem wieħed ikun organizzazzjoni predominanti ta’ kooperattiva li tipproċessa wkoll il-ħalib u fl-estrem l-ieħor, għadd kbir ta’ produtturi individwali u għadd kbir ta’ proċessuri privati. Fit-tħejjija għall-2015, anke l-aktar ambjenti organizzati tal-produtturi ser ikollhom iħejju lilhom innifishom b’mod adegwat għas-sitwazzjoni l-ġdida tas-suq li ser ikollhom jiffaċjaw ladarba il-kwoti jitneħħew. Ta’ min wieħed jinnota li, fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi (fil-livell tal-UE u dak nazzjonali) qed jirtiraw mill-ġestjoni tal-produzzjoni, il-partijiet interessati fis-settur ser ikollhom jiffaċċjaw ċirkostanzi kompletament ġodda, u jassumu responsabbiltajiet ġodda. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-produtturi għandhom bżonn jiżguraw li jġibu prezz ġust mis-suq.

3.   Kuntest

3.1

F’Ottubru 2009, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni diffiċli fis-suq tal-ħalib, twaqqaf Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Ħalib bil-għan li jiddiskuti l-arranġamenti għal żmien medju u fit-tul għas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, filwaqt li jaħdem fuq qafas regolatorju u jgħin l-istabbilizzazzjoni tas-suq u tad-dħul tal-produtturi.

3.2

Il-Grupp ta’ Livell Għoli kiseb kontribut bil-fomm u bil-miktub minn gruppi kbar Ewropej interessati fil-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ħalib li jirrappreżentaw lir-raħħala, lill-proċessuri tal-prodotti tal-ħalib, lin-negozjanti tal-ħalib, lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-konsumaturi. Barra minn hekk, il-Grupp ta’ Livell Għoli irċieva kontribuzzjonijiet minn esperti akkademiċ, rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi, Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni u l-Kummissjoni li ġew mistiedna.

3.3

Saret ukoll konferenza tal-partijiet interessati fis-26 ta’ Marzu 2010 li ppermettiet li firxa usa’ ta’ atturi fil-katina tal-provvista jesprimu l-fehmiet tagħhom. Il-Grupp ta’ Livell Għoli ppreżenta r-rapport tiegħu fil-15 ta’ Ġunju 2010, li kien fih analiżi tas-sitwazzjoni attwali tas-settur tal-prodotti tal-ħalib u numru ta’ rakkomandazzjonijiet.

3.4

Il-Grupp ta’ Livell Għoli skopra żbilanċi kbar fil-katina tal-provvista (produtturi – proċessuri – distributuri – bejjiegħa bl-imnut), u distribuzzjoni mhux ugwali tal-valur miżjud. Din is-sitwazzjoni nħolqot minħabba nuqqas ta’ trasparenza, riġidità u problemi fit-trasmissjoni tal-prezz tul il-katina tal-provvista.

3.5

Ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Grupp ta’ Livell Għoli ġew eżaminati mill-Kunsill u l-konklużjonijiet tal-Presidenza ġew adottati fil-laqgħa tas-27 ta’ Settembru 2010. Dawn il-konklużjonijiet iħeġġu lill-Kummissjoni sabiex sa l-aħħar tas-sena tissottometti r-risposta tagħha għall-ewwel erba’ rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli (ir-relazzjonijiet kuntrattwali, is-saħħa ta’ negozjar tal-produtturi, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali u t-trasparenza).

3.6

Il-proposta tal-Kummissjoni attwali tindirizza l-erba’ elementi kollha (ir-relazzjonijiet kuntrattwali, is-saħħa tan-negozjar tal-produtturi, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali u t-trasparenza) sal-punt li fih id-dispożizzjonijiet attwali marbutin magħhom jeħtieġu li jiġu emendati.

3.7

Rigward ir-relazzjonijiet bejn il-produtturi tal-ħalib u l-imħaleb, il-konċentrazzjoni tal-provvista ta’ spiss tkun ħafna inqas mill-konċentrazzjoni fil-livell tal-ipproċessar. Dan jirriżulta fi żbilanċ fis-saħħa tan-negozjar bejn dawn il-livelli. Il-proposta tipprovdi li jitfasslu minn qabel kuntratti bil-miktub mhux obbligatorji, li jinkludu l-aspetti ewlenin tal-prezz, il-ħin u l-ammont ta’ kunsinni, u t-tul tal-kuntratt, għal kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat minn raħħal lil maħleb. L-Istati Membri għandhom l-għażla li jużaw kuntratti obbligatorji fit-territorju tagħhom. Il-kooperattivi, minħabba n-natura speċifika tagħhom, mhumiex meħtieġa li jkollhom kuntratti jekk l-istatuti tagħhom ikun fihom dispożizzjonijiet simili.

3.8

Sabiex is-saħħa tan-negozjar terġa’ tiġi bbilanċjata, il-proposta tippjana li tippermetti lir-raħħala jinnegozjaw il-kuntratti kollettivament permezz ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. Hija tistabbilixxi limiti kwantitattivi xierqa għall-volum ta’ din in-negozzjazzjoni li għandhom ipoġġu lir-raħħala fuq l-istess livell tal-imħaleb ewlenin filwaqt li tinżamm kompetizzjoni adegwata fil-provvista tal-ħalib mhux ipproċessat. Il-limiti huma stabbiliti għal 3,5 % tal-produzzjoni globali tal-UE u 33 % tal-produzzjoni nazzjonali, b’salvagwardji speċifiċi pprovduti wkoll biex tiġi evitata ħsara kbira partikolarment lill-SMEs. Dawn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għalhekk għandhom ikunu eliġibbli wkoll għal rikonoxximent skont l-Artikolu 122 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

3.9

Il-proposta tistabbilixxi wkoll regoli speċifiċi tal-UE għall-organizzazzjonijiet interprofessjonali li jkopru l-partijiet kollha tal-katina. Dawn l-organizzazzjonijiet jista’ jkollhom rwoli potenzjalment utli fir-riċerka, it-titjib tal-kwalità, il-promozzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattika fil-metodi tal-produzzjoni u l-ipproċessar.

3.10

Qed jiġi propost li jiġu applikati r-regoli tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali attwali fis-settur tal-frott u l-ħaxix, b’adattament adegwat għas-settur tal-prodotti tal-ħalib.

3.11

L-organizzazzjonijiet interprofessjonali jikkontribwixxu sabiex itejbu l-għarfien u t-trasparenza tal-produzzjoni u s-suq, inkluż permezz tal-pubblikazzjoni ta’ data statistika dwar il-prezzijiet, il-volumi u t-tul tal-kuntratti għall-kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat li ġew konklużi, u billi tiġi pprovduta analiżi ta’ xejriet potenzjali futuri tas-suq fil-livell reġjonali jew nazzjonali.

3.12

Il-proposta tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ xi miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-elementi li għalihom tista’ tkun eżerċitata dik is-setgħa għandhom jiġu ddefiniti, flimkien mal-kundizzjonijiet li tkun soġġetta għalihom dik id-delega.

3.13

Sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament fl-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-proposta timmira li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi tal-ħalib fil-katina tal-provvista tal-ħalib u biex is-settur jitħejja għal futur aktar orjentat lejn is-suq u li jkun aktar sostenibbli.

4.2

Huwa jipprovdi għal kuntratti bil-miktub bejn il-produtturi u l-proċessuri tal-ħalib, il-possibbiltà li dawn jinnegozjaw it-termini tal-kuntratt b’mod kollettiv permezz ta’ organizzazzjonjiet tal-produtturi b’mod li s-saħħa tan-negozjar tal-produtturi tal-ħalib tiġi bbilanċjata fir-rigward ta’ proċessuri ewlenin, regoli speċifiċi tal-UE għall-organizzazzjonijiet interprofessjonali u miżuri li jtejbu t-trasparenza fis-suq. Huwa propost li l-miżuri jkunu validi sal-2020 b’żewġ reviżjonijiet intermedji. Limiti adatti tad-daqs għan-negozjati kollettivi u miżuri oħra ta’ salvagwardja għandhom jippermettu li jintlaħaq l-għan li tissaħħaħ is-saħħa tan-negozjar tal-produtturi tal-ħalib filwaqt li jitħarsu l-kompetittività u l-interessi tal-SMEs.

4.3

Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi kif ser jitratta r-relazzjonijiet kuntrattwali. Kull Stat Membru huwa ħieles, fil-limiti tas-sistema tal-liġi tal-kuntratti tiegħu biex jiddeċiedi jekk japplikax l-obbligu għall-kuntratti bejn ir-raħħala u l-proċessuri. Minħabba d-diversità tas-sitwazzjonijiet madwar l-UE f’dan il-kuntest, fl-interessi tas-sussidjarjetà, deċiżjoni bħal din għandha tibqa’ f’idejn l-Istati Membri.

4.4

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn li tissaħħaħ is-saħħa tan-negozjar tal-produtturi, iżda s-sitwazzjonijiet differenti u l-karatteristiċi nazzjonali jridu jitqiesu wkoll.

4.5

Rigward it-tul tad-delega tal-atti delegati, il-KESE jemmen li dan għandu jkun dejjem għal perjodu ta’ żmien speċifiku (mandat). Barra minn hekk, l-atti delegati għandhom jiġu reżervati għall-oqsma li fihom id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu malajr.

4.6

L-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jintużaw fil-każijiet li fihom ikun aħjar li l-Istati Membri jarmonizzaw l-implimentazzjoni tagħhom.

4.7

Il-KESE huwa konvint mill-importanza tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati waqt it-tħejjija tal-leġislazzjoni tal-UE. Għalhekk huwa importanti li l-esperti tal-Istati Membri jiġu kkonsultati fl-isforz li jiġi regolat aħjar is-suq instabbli tal-ħalib. F’dan ir-rigward, huwa importanti ħafna li jiġi żgurat li din l-volatilità ma tagħmilx ħsara irrevokabbli lill-produtturi tas-settur tal-ħalib fl-UE. F’dan il-kuntest, huwa ċar li trid tiġi kkunsidrata distribuzzjoni aktar trasparenti u ugwali tal-valur miżjud bejn l-atturi tas-suq kif ukoll, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiżdied is-saħħa tan-negozjar għall-produtturi.

4.8

L-organizzazzjonijiet interprofessjonali li jeżistu bħalissa fi ftit Stati Membri jwettqu dawn ir-rwoli b’rispett għal-liġi Ewropea. L-effiċjenza tagħhom hija limitata mill-iżbilanċi fil-katina tal-prodotti tal-ħalib.

4.9

Madankollu, huwa ċar għall-KESE li l-proposti tal-Kummissjoni ma jsolvux il-problemi kollha tas-suq tal-ħalib u ma japplikawx għall-kooperattivi tal-prodotti tal-ħalib, li jiffurmaw madwar 58 % tal-produzzjoni tal-ħalib. Il-KESE jesprimi d-diżappunt tiegħu li dawn il-proposti ma jinkludu la l-industrija tal-ħalib u lanqas id-distributuri l-kbar li għandhom rwol determinanti f’dak li jirrigwarda l-bilanċ tas-suq tal-ħalib u l-iffissar tal-prezzijiet.

4.10

Il-KESE huwa tal-fehma li l-limiti previsti jistgħu jkunu restrittivi żżejjed minħabba fl-istruttura tas-settur tal-ħalib fil-livell nazzjonali u speċjalment fl-aktar Stati Membri żgħar. Il-KESE jappella lill-KE, biex f’xi każijiet eċċezzjonali, tippermetti lill-produtturi kollha li jfornu maħleb wieħed jingħaqdu flimkien, biex b’hekk ikun possibbli li jitwaqqfu gruppi ta’ produtturi skont id-daqs tax-xerrej.

4.11

Peress li l-Kummissjoni qed tippjana li tirtira mill-ġestjoni tal-produzzjoni tal-ħalib u tgħaddi r-responsabbiltà lill-operaturi lokali, huwa essenzjali għall-operaturi li jkollhom l-aktar informazzjoni kompleta u aġġornata possibbli dwar l-iżviluppi fis-suq, li jridu jkunu trasparenti. Għalhekk il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi stabbilit strument ta’ monitoraġġ effettiv fil-livell Ewropew, bħala rekwiżit li jippermetti grad ta’ gwida fuq il-produzzjoni.

4.12

Fl-aħħar, iċ-ċirkostanzi l-ġodda jagħmluha essenzjali li jinżammu xi għodod tal-ġestjoni tas-suq (bħall-interventi, il-ħażna privata, ir-rifużjoni tal-esportazzjoni) li għandhom bżonn li min naħa jkunu effettivi, u minn naħa oħra ħfief u faċli biex jiġu implimentati.

5.   Kummenti Speċifiċi

5.1

Il-KESE jirrikonoxxi l-isforz speċjali tal-Kummissjoni li tipproponi abbozz ta’ Regolament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. Il-KESE jqis dan l-att kemm pożittiv kif ukoll f’waqtu biex jilħaq l-isfidi l-kbar li jiffaċċja dan is-settur speċifiku tal-agrikoltura.

5.2

Madankollu l-KESE jisħaq li l-proposta mhux ser issolvi l-problemi kollha li s-settur tal-prodotti tal-ħalib qed jiffaċċja. Biex ikompli jitjieb it-tħaddim bla tfixkil tal-katina tal-prodotti tal-ħalib, il-monitoraġġ għandu jiżgura t-trasparenza tul il-katina kollha tal-prodotti tal-ħalib (produtturi – proċessuri – distributuri – bejjiegħa bl-imnut).

5.3

Settur tal-prodotti tal-ħalib tal-UE li jkollu suċċess wara l-2015 ser jeħtieġ produzzjoni effiċjenti ħafna tal-ħalib minn unitajiet ta’ daqs ekonomiku adegwat u livell għoli ta’ kapital uman. Għalhekk l-isforzi ta’ ristrutturar għandhom ikomplu, kemm fl-azjendi agrikoli kif ukoll fl-imħaleb: huwa vitali li r-raħħala jkollhomm aċċess għal imħaleb effettivi, kompetittivi u innovattivi li jistgħu jisfruttaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet tas-suq. Hawnhekk trid tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni żvantaġġati, fejn l-imħaleb spiss ikollhom jiffaċċjaw ċirkostanzi ġeografiċi anqas vantaġġati u għalhekk huma relattivament żvantaġġati. F’dan il-kuntest, trid tingħata attenzjoni partikolari lill-produzzjoni reġjonali trasparenti u effiċjenti li tiżgura impatt ambjentali baxx, lill-informazzjoni għall-konsumaturi u lill-kwalità, billi jonqos in-numru ta’ intermedjarji. L-industrija tal-prodotti tal-ħalib kollha kemm hi għandha tiffoka fuq prodotti ta’ kwalità għolja, u ta’ valur miżjud li għalihom qed jikber is-suq domestiku u l-opportunitajiet għall-esportazzjoni huma tajbin.

5.4

Il-KESE jqis li l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jistabbilixxu regolamenti biex itejbu u jistabbilizzaw l-operat tas-suq tal-prodotti tal-ħalib tagħhom li jiġu kkummerċjalizzati taħt denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta skont ir-regolament (KE) Nru 510/2006.

5.5

Hemm disparità akbar bejn l-Istati Membri fis-settur tal-prodotti tal-ħalib milli f’setturi agrikoli oħra tal-UE; dan jirrikjedi flessibbiltà akbar fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. Il-KESE jipprevedi l-ħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għar-raħħala u l-proċessuri tal-prodotti tal-ħalib bil-għan li s-settur tal-prodotti tal-ħalib fl-Istati Membri jiġi ristrutturat u mmodernizzat.

5.6

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni li tirreaġixxi b’aktar għaġla u flessibbiltà għall-kriżijiet. Fl-2011 is-suq tal-prodotti tal-ħalib huwa instabbli ferm, b’rifless tat-tibdil fil-klima, u huwa possibbli li jista’ jkun hemm repetizzjoni taċ-ċiklu tal-kriżi 2007-2009. Għalhekk il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tkompli tissorvelja d-dinamika tas-settur tal-prodotti tal-ħalib biex tagħmel dak li tista’ ħalli tevita kriżi fis-settur li tagħmel ħsara kbira.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON