6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni”

COM(2010) 498 finali

2011/C 107/07

Relatur: is-Sur ESPUNY MOYANO

Nhar is-7 ta’ Ottubru u d-19 ta’ Settembru 2010 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni

COM(2010) 498 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Frar 2011 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’182 vot favur, 9 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jipproponi li l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiġi inkluż bħala bażi legali, flimkien mal-Artikoli 42(1) u 43(2), peress li r-referenza għall-artikoli tal-PAK waħidha mhijiex biżżejjed biex tiżgura li jkunu jistgħu jiġu adottati miżuri mfassla speċifikament għar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni Ewropea.

1.2

Il-Kumitat huwa tal-fehma li r-referenza għat-terminu “volumi” fl-Artikolu 18(2)e) għandha titħassar, u li t-test tal-Artikolu 18(2)e) b’rabta mal-Artikolu 18(4) għandu jiġi ċċarat sabiex ikun żgurat li l-programmazzjoni tal-miżuri u l-azzjonijiet tkun flessibbli biżżejjed. It-terminu “volumi” għandu jiġi sostitwit b’referenza għad-dikjarazzjoni finanzjarja għal kull miżura, u r-referenza għal-limiti għal kull azzjoni għandha titħassar, peress li l-limiti jiġu deċiżi bħala parti mill-miżura globali.

1.3

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-miżura dwar il-preservazzjoni tal-pajsaġġ u tal-karatteristiċi tradizzjonali tal-artijiet agrikoli u l-konservazzjoni tal-ħitan tal-ġebel li jirfdu l-għelieqi mtarrġa għandha tiġi estiża għal reġjuni aktar imbiegħda oħra sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-flessibbiltà li għandha l-Madeira bħalissa f’dak li jirrigwarda l-irduppjar tal-fondi fuq l-ammonti massimi annwali eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea, kif previst fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1628/2005.

1.4

Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jiżdied punt ġdid mal-Artikolu 22, sabiex ikun żgurat li kumpaniji kbar li jinsabu fir-reġjuni l-aktar imbiegħda jkunu eżentati mill-projbizzjoni li jirċievu għajnuna mill-Istat minħabba li jkollhom assigurazzjoni agrikola.

1.5

Il-Kumitat jitlob żieda fil-finanzjament tas-settur tal-banana permezz tal-Programmi ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi biex jilqgħu għall-Bogħod u l-Insularità (“il-programmi POSEI”). Din għandha ttaffi l-impatt negattiv li qed ikollu t-tnaqqis skedat fit-tariffi fuq l-importazzjonijiet tal-banana fl-UE fuq id-dħul tal-produtturi tal-UE.

1.6

Fil-fehma tal-Kumitat, l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista għandhom jitfasslu għal kull reġjun skont il-produzzjoni agrikola lokali, li l-iżvilupp tagħha m’għandux ikun limitat mill-għajnuna għall-provvista, li hija wisq eċċessiva għall-prodotti li huma manifatturati lokalment ukoll.

2.   Introduzzjoni

2.1

Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE jibbenefikaw minn trattament speċifiku, kif stipulat fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-Artikolu jiddikjara li għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi billi jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet ta’ dawn ir-reġjuni. Dawn il-miżuri jimmiraw, b’mod partikolari, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-Trattati għal dawk ir-reġjuni, inklużi l-politiki komuni. Attwalment, disa’ reġjuni li jagħmlu parti minn tliet Stati Membri huma elenkati taħt l-Artikolu 349 tat-TFUE:

il-Gwadelup, il-Gujana Franċiża, Martinique, Reunion, Saint Barthélemy u Saint Martin (Franza);

l-Azores u l-Madeira (il-Portugall);

il-Gżejjer Kanarji (Spanja)

2.2

F’dak li jirrigwarda l-Politika Agrikola Komuni (PAK), ir-reġjuni l-aktar imbiegħda jibbenefikaw minn miżuri speċifiċi inklużi fil-Programmi POSEI, li l-istrumenti ewlenin tagħhom huma dawn li ġejjin:

miżuri li jappoġġjaw il-produzzjoni lokali (SLP);

l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista (SSA), li għandhom l-għan li jtaffu l-ispejjeż għall-provvista ta’ ċerti prodotti tal-ikel essenzjali;

miżuri ta’ akkumpanjament li jiffokaw fuq li jadattaw il-PAK għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

2.3

Miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda ġew introdotti għall-ewwel darba fl-1991 għad-dipartimenti Franċiżi barra mill-konfini ġeografiċi tal-Ewropa (POSEIDOM) u fl-1992 għall-Gżejjer Kanarji (POSEICAN), għall-Azores u għall-Madeira (POSEIMA). Fl-2001, saret riforma tal-iskema POSEI li emendat l-SSA u bidlet il-metodu ta’ kif tiġi kkalkolata l-għajnuna tal-SSA. Ir-riforma introduċiet ukoll miżuri SLP ġodda u emendat dawk eżistenti.

2.4

Fl-2006 saret riforma sinifikanti fil-POSEI: it-tliet regolamenti preċedenti ġew sostitwiti b’test waħdieni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006. Dan ir-Regolament adotta approċċ ġdid ta’ programmazzjoni, li jiddeċentralizza l-proċess tat-tfassil, tal-modifikazzjoni, tal-ġestjoni u tal-monitoraġġ tal-programmi POSEI billi jgħaddi dawn ir-responsabilitajiet lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri. Is-sistema l-ġdida introduċiet livell ogħla ta’ flessibbiltà fil-ġestjoni tal-programmi li kienet iktar adatta għall-ħtiġijiet lokali, u ssemplifikat il-proċeduri għall-modifikazzjoni tagħhom. Ir-riforma tal-PAK tal-2003 b’rabta ma’ skemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa influwenzat ukoll ir-riforma tal-iskema POSEI, peress li r-riforma tal-PAK tal-2003 kienet żgurat li l-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda kienet eżentata mill-applikazzjoni tal-modulazzjoni u tad-diżakkoppjament tal-għajnuna, u għaldaqstant ikkunsidrat il-karatteristiċi speċifiċi tagħha.

2.5

Wara li ġie adottat, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 ġie modifikat bosta drabi sabiex tittieħed kunsiderazzjoni tar-riformi taz-zokkor u tal-banana tal-2006, tal-Kontroll tas-Saħħa (li jittrasferixxi lill-POSEI l-baġit li jikkorrispondi għall-miżuri ta’ appoġġ dirett li qabel kienu ġestiti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003) u wkoll ta’ trasferimenti oħrajn ta’ għajnuna diretta fl-2007 u fl-2008.

2.6

Attwalment, jista’ jintqal li l-programmi POSEI huma l-ekwivalenti tal-ewwel pilastru tal-PAK għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, u li jeħtieġ li jiġi żgurat li l-miżuri jinżammu u jkunu ffinanzjati b’mod xieraq.

3.   Il-punti essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Din l-emenda tar-Regolament tal-Kunsill Nru 247/2006 kienet meħtieġa sabiex tpatti għat-tibdiliet reċenti fil-leġislazzjoni, u b’mod partikolari għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li daħħal il-proċedura ta’ kodeċiżjoni fil-Politika Agrikola Komuni. It-Trattat ta’ Lisbona jagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, is-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti mhux leġislattivi (atti ddelegati) ta’ applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ att leġislattiv, kif stipulat fl-Artikolu 290, u min-naħa l-oħra, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti ta’ implimentazzjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 219.

3.2

Din l-emenda tar-Regolament għandha l-għan li tirriformula r-Regolament u tfassal mill-ġdid l-istruttura tiegħu għall-finijiet ta’ ċarezza u trasparenza sabiex dan jirrifletti b’mod aktar effettiv ir-realtà tal-iskema agrikola POSEI.

3.3

Ir-Regolament il-ġdid jindika b’mod aktar espliċitu l-għanijiet prinċipali tal-iskema POSEI u jenfasizza r-rwol ċentrali tal-programmi POSEI. Dan jinkludi wkoll ċerti miżuri dwar il-programmazzjoni sabiex tkun żgurata flessibbiltà akbar fl-adattament tal-programmi biex dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

3.4

Ir-Regolament jipproponi sett ta’ emendi speċifiċi ħafna:

Il-possibbiltà li jintbagħtu mill-ġdid prodotti pproċessati lokalment minn prodotti bażiċi li jkunu koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, mingħajr rimborż tal-benefiċċju, hija estiża wkoll għad-dipartimenti Franċiżi barra miż-żona ġeografika tal-Ewropa.

Il-limitu għall-finanzjament tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għar-reġjuni l-aktar imbiegħda ta’ Franza u l-Portugall se jiżdied mingħajr l-ebda żieda għall-pakkett totali tal-baġit.

Se jkun obbligatorju li wieħed jindika fil-programmi kif inhuma definiti l-ammonti tal-għajnuna għall-miżuri li jassistu l-prodotti agrikoli lokali.

3.5

Ir-Regolament jispeċifika wkoll li l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom ikunu mfassla għal kull reġjun skont il-produzzjoni agrikola lokali, li l-iżvilupp tagħha m’għandux ikun limitat minn għajnuniet għall-provvisti kbar wisq għal prodotti li jiġu prodotti wkoll lokalment.

3.6

Il-proposta għar-Regolament il-ġdid ma taffettwax is-sorsi tal-finanzjament jew l-intensità tal-appoġġ Komunitarju: saru tibdiliet fl-istruttura tar-Regolament iżda ma sar l-ebda tibdil sinifikanti fil-kontenut.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, l-agrikoltura tirrappreżenta parti kbira mill-ekonomija lokali, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjiegi, u tappoġġja wkoll l-industrija lokali tal-ikel agrikolu, li tirrappreżenta l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni industrijali f’dawn ir-reġjuni.

4.2

Madankollu, il-produzzjoni agrikola fir-reġjuni l-aktar imbiegħda hija estremament fraġli, l-aktar minħabba l-problemi li jinħolqu minħabba l-fatt li huma tant imwarrba, id-daqs u n-natura frammentata tas-swieq lokali, kundizzjonijiet klimatiċi ħżiena, iċ-ċokon tal-azjendi u d-diversità limitata fil-prodotti agrikoli. Meta jitqiesu flimkien, dawn il-fatturi jfissru li l-produzzjoni fir-reġjuni l-aktar imbiegħda hija ħafna inqas kompetittiva milli fl-Ewropa kontinentali. L-agrikoltura lokali hija dipendenti ħafna mid-dinja barranija kemm għall-provvista ta’ addizzjonijiet agrikoli kif ukoll għall-bejgħ tal-prodotti tagħha, iżda madankollu hija iżolata ħafna mis-sorsi ta’ provvista u mis-swieq.

4.3

F’ħafna mir-reġjuni l-aktar imbiegħda, il-produzzjoni agrikola hija diviża b’mod ċar bejn produzzjoni għall-esportazzjoni u produzzjoni għall-provvista tas-swieq lokali. Madankollu, il-produzzjoni maħsuba għall-esportazzjoni jkollha tikkompeti ma’ pajjiżi oħra fis-suq dinji (il-Mediterran, l-Amerika Latina, eċċ.) li jbigħu wkoll lill-Ewropa kontinentali, b’kundizzjonijiet ta’ aċċess dejjem aktar favorevoli u b’inqas spejjeż, minħabba l-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli fl-UE.

4.4

Is-settur tal-banana tal-UE huwa eżempju ta’ tendenza li qed tqanqal tħassib: it-tneħħija gradwali tal-protezzjoni għall-prodotti ewlenin ta’ esportazzjoni tar-reġjuni l-aktar imbiegħda. L-Unjoni Ewropea ffirmat ftehim multilaterali dwar il-kummerċ tal-banana fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-15 ta’ Diċembru 2009. Il-ftehim naqqas it-tariffa għal EUR 176 għal kull tunnellata, u għal EUR 114 għal kull tunnellata bejn l-2017 u l-2019. Barra minn hekk, ġew iffirmati Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-Kolombja, il-Perù u ma’ pajjiżi fl-Amerka Ċentrali, u hemm il-possibbiltà li jiġu ffirmati mal-Ekwador fil-futur qrib. Dawn il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxu, tnaqqis saħansitra akbar tat-tariffa: tariffa ta’ EUR 75 biss għal kull tunnellata ser tidħol fis-seħħ mill-2020.

4.5

Ir-riforma tal-2006 tal-iskema POSEI kienet pożittiva minħabba li żgurat li l-iskema ġiet adattata aħjar għall-karatteristiċi speċifiċi tal-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda: l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali ngħataw responsabbiltà akbar fit-tfassil tal-programmi, li jfisser li l-partijiet interessati setgħu jkunu involuti b’mod ħafna iktar dirett fid-definizzjoni tal-miżuri ta’ appoġġ.

4.6

L-emenda proposta tallinja l-miżuri tar-Regolament aktar mal-funzjonament attwali tal-iskema u tiżgura li jkun hemm aktar flessibbiltà fl-adattament tal-programmi sabiex dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ kull reġjun.

4.7

F’dak li jirrigwarda l-allinjament mat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kummissjoni għamlet sforzi kbar biex tipprova tiddetermina d-distribuzzjoni tal-atti ddelegati u tal-atti ta’ implimentazzjoni. L-idea hi li jiġi evitat it-tibdil tal-miżuri attwalment fis-seħħ sabiex ikun żgurat li s-sistema attwali tkun tista’ tkompli taħdem. Madankollu, il-proposta hija kemxejn prematura, minħabba li l-informazzjoni kollha dwar is-suġġett għadha mhijiex disponibbli: ir-regolament li jistabbilixxi l-proċedura tal-komitoloġija l-ġdida għadu ma nħariġx.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Attwalment, ir-Regolament POSEI għandu bażi legali doppja: iż-żewġ Artikoli tat-TFUE dwar il-PAK (li qabel kienu l-Artikoli 36 u 37) u l-Artikolu speċifiku dwar ir-reġjuni l-aktar imbiegħda (li qabel kien l-Artikolu 299(2)). Madankollu, fil-proposta sabiex jiġi emendat ir-Regolament, il-bażi legali hija limitata għall-Artikoli 42 u 43(2) il-ġodda dwar il-PAK: l-Artikolu 349 il-ġdid dwar ir-reġjuni l-aktar imbiegħda mhuwiex inkluż. Referenza għall-Artikoli tal-PAK biss mhijiex biżżejjed biex ikun żgurat li jistgħu jiġu adottati miżuri mfasslin apposta għar-reġjuni l-aktar imbiegħda, peress li l-Artikolu speċifiku jipprovdi bażi legali għad-dispożizzjonijiet kollha li jittrattaw iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda.

5.2

L-Artikolu 18 jipproponi miżuri ġodda u jistabbilixxi l-elementi li għandhom jinkludu l-programmi POSEI ppreżentati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Madankollu, uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati ħażin. It-Taqsima e) tal-Artikolu 18(2) għandha titħassar minħabba li mhijiex ċara u hija superfluwa peress li tirrepeti dak li jintqal fl-Artikolu 18(4): il-kundizzjonijiet għall-għajnuna u l-prodotti għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu stabbiliti għal kull azzjoni. Il-fatt li t-terminu “volumi” huwa mniżżel bħala element obbligatorju iktar iqajjem konfużjoni milli jkun ta’ għajnuna peress li kull miżura tikkonsisti minn diversi azzjonijiet u, għaldaqstant, prattikament m’hemmx raġuni għalfejn għandha ssir referenza għall-volumi meta tiġi deskritta l-miżura globali. Fl-Artikolu 18(4), id-definizzjoni ta’ limitu għal kull azzjoni mhijiex meħtieġa u tagħmel il-proċess tal-ġestjoni tal-programm inqas flessibbli, peress li l-għajnuna individwali u l-benefiċjarji tal-azzjoni xorta waħda jridu jiġu ddikjarati.

5.3

F’uħud mir-reġjuni l-aktar imbiegħda, jeħtieġ ukoll li titħeġġeġ il-konservazzjoni tal-pajsaġġ u tal-karatteristiċi tradizzjonali tal-artijiet agrikoli, b’mod partikolari l-konservazzjoni tal-ħitan tal-ġebel li jirfdu l-għelieqi mtarrġa: huwa essenzjali li jinżamm il-pajsaġġ tradizzjonali u li jkun żgurat li l-art tiġi ppreservata b’mod xieraq minħabba l-art diffiċli u n-natura tal-ħamrija. Għaldaqstant, fl-Artikolu 21(1), il-flessibbiltà li attwalment tgawdi minnha l-Madeira f’dak li jirrigwarda l-irduppjar tal-ammonti massimi annwali eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea (kif previst fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1628/2005) għandha tiġi estiża għar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

5.4

Il-poloz tal-assigurazzjoni kollettivi, li għandhom isiru minn settur sħiħ, huma partikolarment importanti għal uħud mir-reġjuni l-aktar imbiegħda. Il-fatt li kumpaniji kbar ma jistgħux jużaw l-għajnuna mill-Istat sabiex jipparteċipaw f’poloz tal-assigurazzjoni kollettivi jagħmel lill-primjums tal-assigurazzjoni iktar għalja għall-produtturi ż-żgħar u ta’ daqs medju u jagħmel is-sistema tal-assigurazzjoni inqas sostenibbli. Jeħtieġ li jitqies il-fatt li r-reġjuni l-aktar imbiegħda jikkonsistu minn żoni żgħar ta’ art u li għal uħud minn dawn ir-reġjuni japplikaw linji tal-assigurazzjoni speċifiċi għall-prodotti agrikoli tagħhom. Għaldaqstant, jagħmel sens li wieħed jinkoraġġixxi lil kull sottosettur fit-totalità tiegħu sabiex jipparteċipa fil-polza tal-assigurazzjoni kollettiva rilevanti.

5.5

It-tnaqqis tat-tariffa stabbilita f’Ġinevra fil-ftehim multilaterali dwar il-kummerċ tal-banana diġà qed ikollu impatt negattiv fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-banana u għalhekk qed jolqot ħażin ferm lill-produtturi tal-UE. Dan l-impatt negattiv ser jiggrava bit-tnaqqis tat-tariffa addizzjonali stabbilit fil-ftehimiet bilaterali ffirmati mal-pajjiżi Andini u tal-Amerka Ċentrali. Sabiex jittaffa t-tnaqqis estrem fil-kompetittività tas-settur tal-banana tal-UE li ġie kkawżat mit-tnaqqis sinifikanti fit-tariffi, huwa essenzjali li jiġu introdotti miżuri ta’ kumpens sabiex jiġi mminimizzat l-impatt negattiv: tinħtieġ żieda fil-finanzjament tas-settur tal-banana permezz tal-Programmi POSEI sabiex ikun żgurat li jkun jista’ jinżamm id-dħul tal-produtturi tal-UE.

Brussell, 17 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON