6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ”

COM(2010) 367 finali

2011/C 107/02

Relatur: is-Sur PALMIERI

Nhar il-30 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi - Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ

COM(2010) 367 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Frar 2011

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-17 ta' Frar 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’240 vot favur, 2 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE japprova l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea fehmet il-ħtieġa li tipprovdi għal integrazzjoni akbar fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea, billi ddaħħal fl-aġenda tagħha stess il-ħtieġa li jiġi implimentat it-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-Unjoni.

1.2   Il-KESE jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika attwali fil-fatt ippreżentat sfidi kbar lis-sistema ekonomika, soċjali u saħansitra dik politika tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali, u tal-Unjoni Monetarja u Ekonomika (UME) b’mod partikolari, filwaqt li wriet il-kapaċità dgħajfa ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan deher biċ-ċar kemm fl-interventi ta' emerġenza biex jiġu limitati l-effetti finanzjarji u reali tal-kriżi, kif ukoll fl-azzjonijiet tat-tfassil mill-ġdid tal-istruttura globali – u taż-żona tal-euro b’mod partikolari – sabiex jiġi evitat li terġa’ tiġri l-istess sitwazzjoni fil-futur qrib. Barra minn hekk, jidher biċ-ċar li d-dejn pubbliku kbir ta' xi wħud mill-Istati Membri - li parzjalment huwa dovut għas-salvataġġi estiżi tal-banek minn diffikultajiet finanzjarji - jillimita l-investimenti pubbliċi u s-sostenibilità tal-infiq soċjali.

1.3   Il-KESE jħeġġeġ li t-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea jsir realtà, filwaqt li jkun żgurat li tingħata attenzjoni ugwali lill-ħtiġijiet tal-istabilità u ta' tkabbir li jġib miegħu impjiegi ġodda.

1.4   Il-KESE beħsiebu jikkontribwixxi biex jinħoloq il-qbil mifrux li hu meħtieġ biex tissaħħaħ b’mod effikaċi l-governanza ekonomika, filwaqt li minn naħa jenfasizza xi limiti u riskji inerenti għall-approċċ adottat mill-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra l-potenzjal importanti li ġej minnu.

1.5   L-ewwel nett, jeħtieġ li tingħeleb il-fażi attwali ta' staġnar tal-UE, li ġejja mid-diffikultajiet tal-Kostituzzjoni Ewropea u mit-tkabbir għal 27 Stat Membru kollha kemm huma b’sitwazzjonijiet u perspettivi politiċi li jvarjaw ħafna, u b’hekk huwa diffiċli li jiġu identifikati l-għanijiet komuni fuq livell ekonomiku, soċjali u ambjentali li għandhom ikunu l-bażi tal-governanza ekonomika.

1.6   Fl-istess ħin, ir-regoli għall-futur għandhom ikunu bbażati fuq l-analiżi tal-passat li hemm qbil dwarha, b’mod partikolari fuq x’kienu l-limiti tal-għodod ta' koordinazzjoni diġà eżistenti li wasslu għal applikazzjoni mhux effettiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir (il-Patt) u għall-ksib insuffiċjenti tal-għanijiet stabbiliti f’Lisbona.

1.7   It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-iskedar, ġie deċiż li jinbeda s-Semestru Ewropew – mill-1 ta' Jannar 2011 – mingħajr ma ġew stabbiliti r-regoli u l-kontenut li għandhom jiġu applikati minn qabel. U, barra minn hekk, mingħajr ma ġew sinkronizzati b’mod effettiv il-proposti bejn l-entitajiet istituzzjonali differenti involuti.

1.8   Il-parteċipazzjoni limitata tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini Ewropej (il-Parlament u l-Kumitati) kemm fid-diskussjoni kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-governanza l-ġdida tirriskja li t-tisħiħ tar-regoli, li ġej mit-tnaqqis tad-diskrezzjoni politika u l-użu akbar tas-sistemi awtomatiċi previsti, jidher f’għajnejn iċ-ċittadini bħala “nuqqas ta' leġittimità” tal-għażliet tal-Unjoni, u dan flimkien mat-telf ta' fiduċja lejn l-UE li joħroġ mir-riżultati tal-Ewrobarometru.

1.9   Il-KESE jsostni li, l-istabbiliment tal-leġittimità demokratika tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea bilfors irid jgħaddi minn idejn il-Parlament Ewropew. F’dan il-kuntest, il-KESE jawgura li l-Parlament Ewropew jista’ jkollu rwol kruċjali fil-proċess li nbeda b’rabta mas-Semestru Ewropew, kemm fil-fażi ta' kontroll kif ukoll f’dik ta' valutazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi previsti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

1.10   Huwa biss jekk tinżamm il-koerenza bejn l-għanijiet tat-tkabbir u tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 – li għalihom huma meħtieġa livelli ta' investiment li probabbli jkunu inkompatibbli mar-restrizzjonijiet baġitarji – u l-ħtiġijiet tal-istabilità monetarja u finanzjarja msemmija fil-Patt, li jkun possibbli li jintlaqgħu aktar ir-restrizzjonijiet baġitarji min-naħa tal-opinjoni pubblika.

1.11   Għal dan il-għan, jeħtieġ ukoll li tiġi adottata sensiela adegwata ta' indikaturi li jmorru lil hinn mill-Prodott Domestiku Gross (PDG), adatti biex jinkludu fihom il-kisbiet u t-telf soċjali u ambjentali, u b’hekk jirriflettu l-preokkupazzjonijiet reali taċ-ċittadini, billi jimplimentaw il-ħames azzjonijiet previsti fi ħdan l-inizjattiva “Lil Hinn mill-PDG”. Dawn jirrigwardaw l-użu ta' indikaturi ambjentali u soċjali, id-disponibilità ta' informazzjoni kważi fil-ħin reali u ta' data preċiża dwar id-distribuzzjoni u l-inugwaljanza, it-tfassil ta' “tabella” Ewropea tal-iżvilupp sostenibbli, l-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għall-kwistjonijiet ambjentali u soċjali.

1.12   Il-KESE, fir-rwol tiegħu ta' korp konsultattiv, jista’ jikkontribwixxi għal tħaddim aħjar tas-Semestru Ewropew, b’sessjoni annwali ddedikata għad-diskussjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet u l-mod kif jinħoloq il-kunsens dwar ir-riformi fil-livell nazzjonali, b’kunsiderazzjoni tal-impatt soċjali tal-miżuri adottati. Diskussjoni ta' dan it-tip tista’ ssir fil-ħarifa, wara l-adozzjoni formali tar-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri, u l-konklużjonijiet tagħhom jistgħu jservu ta' bażi għad-diskussjoni mal-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali rispettivi, il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew.

1.13   B’mod partikolari, l-attenzjoni dejjem tikber mogħtija lin-negozjati bejn l-imsieħba soċjali, l-aktar fiż-żona tal-euro fejn l-Istati Membri m’għadx għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għodda tal-iżvalutazzjoni, twassal biex ir-relazzjonijiet bejn l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-assoċjazzjonijiet intraprenditorjali jsiru parti integrali mill-istrateġija mfassla mill-Kummissjoni. Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun l-użu aktar intensiv u funzjonali tad-Djalogu Makroekonomiku (MED), li jġib miegħu valutazzjoni kondiviża effettiva bejn il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali tal-qagħda ekonomika fil-livell tal-UE u tal-interventi li għandhom isiru, b’rabta mill-qrib mal-proċess tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali.

1.14   It-twettiq ta' koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi Ewropej jeħtieġ il-kondiviżjoni neċessarja tal-qafas makroekonomiku ta' referenza u dak provviżorju. Għal dan il-għan, il-KESE jawgura li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet sabiex l-Eurostat ikollha bażijiet tal-informazzjoni adegwati b’tali mod li l-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tfassal proposti provviżorji korretti, u tistabbilixxi appoġġ effettiv bejn il-korpi l-oħra interessati: il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali.

1.15   Il-KESE jħeġġeġ li l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea, għall-inqas għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, tkun l-ewwel pass lejn politika ekonomika komuni ġenwina u lejn il-koordinazzjoni tal-politika baġitarja.

1.16   Jekk il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika ma tinkludix biss il-politika fiskali u monetarja, iżda anke politika tal-pagi iktar stretta fiż-żona tal-euro, l-awtonomija tan-negozjar kollettiv trid tiġi rispettata – mhuwiex aċċettabbli li l-Istati jistabbilixxu l-miri tan-negozjar kollettiv, u inqas u inqas li jiddettaw it-tnaqqis fil-pagi, u dan għandu jiġi rrifjutat.

2.   It-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea  (1)

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirrappreżenta żvilupp ieħor tal-ideat imfassla fil-Komunikazzjoni dwar It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika  (2) u tal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew EUCO 13/10, li jsegwu r-riżultati li ntlaħqu s’issa mill-grupp ta' ħidma dwar il-governanza ekonomika (it-Task Force ta' VAN ROMPUY).

2.2   Id-dokument li tfassal mill-Kummissjoni huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent impliċitu tal-fatt li l-effetti tal-kriżi finanzjarja u ekonomika ġabu magħhom sensiela ta' pressjonijiet fir-rigward tas-sistema ekonomika u soċjali tal-UE b’mod ġenerali, u tal-UEM b’mod partikolari, filwaqt li wrew kapaċità ta' koordinazzjoni dgħajfa tal-politika ekonomika Ewropea.

2.3   F’dan il-kuntest, il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tfassal qafas ta' azzjonijiet li kapaċi jiżguraw koordinazzjoni aħjar tal-politika ekonomika Ewropea bejn is-27 Stat Membru tal-UE u b’mod partikolari bejn is-16-il Stat Membru tal-UEM, li għalihom huma previsti standards speċifiċi. L-istruttura hija maħsuba biex tintegra l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir mal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.4   Fil-proċess ta' tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea, il-Kummissjoni beħsiebha essenzjalment tilħaq tliet għanijiet.

2.4.1   L-ewwel għan huwa koordinazzjoni u sorveljanza akbar tal-politiki ekonomiċi billi:

jonqsu l-iżbilanċi nazzjonali permezz ta' sorveljanza makroekonomika isħaħ ibbażata fuq il-mekkaniżmi ta' twissija u ta' sanzjonijiet,

l-oqfsa baġitarji nazzjonali jsiru aktar omoġenji permezz tal-adozzjoni ta' ħtiġijiet minimi uniformi bejn l-Istati Membri u jkun hemm ċaqliq minn ippjanar baġitarju annwali għal wieħed multiannwali,

il-Patt ikun aktar effettiv billi jiffoka fuq il-kwistjoni tad-dinamika tad-dejn u tal-iżbilanċi.

2.4.2   It-tieni għan huwa dak li tiġi pprovduta sistema ta' korrettivi, preventivi u ta' sanzjonijiet li jkunu jistgħu jiġu applikati meta jseħħ xi ksur min-naħa tal-Istati Membri tal-UE.

2.4.3   It-tielet u l-aħħar għan jistabbilixxi Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni bil-quddiem tal-politiki ekonomiċi applikabbli wkoll għar-riformi strutturali u għall-elementi ta' tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku previsti mill-Ewropa 2020.

2.5   Dawn l-għanijiet ġew tradotti fil-leġislazzjoni sekondarja mill-Kummissjoni, bil-pakkett sħiħ ippreżentat fid-29 ta' Settembru 2010, dwar l-adozzjoni ta' sitt komunikazzjonijiet (3) li jittrattaw fid-dettall il-proċeduri konkreti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Dawn ser jiġu diskussi f’żewġ opinjonijiet speċifiċi tal-KESE - waħda dwar ir-riforma tal-Patt u l-oħra dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi. Għalhekk, l-opinjoni attwali tillimita ruħha għall-kummenti ġenerali dwar is-sistema globali ta' governanza proposta mill-Kummissjoni, bla ma tidħol fil-qasam tal-pakkett leġislattiv li se jiġi ttrattat b’mod speċifiku miż-żewġ opinjonijiet indikati hawn fuq.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Għandha tiġi approvata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi proċess ta' tisħiħ reali fil-koordinazzjoni tal-politika ekonomika Ewropea. Fil-fatt, din hi ħtieġa li ilha tiġi enfasizzata minn bosta korpi istituzzjonali Ewropej (fosthom il-Parlament Ewropew) u minn oħrajn. B’mod partikolari, l-importanza li tikber l-integrazzjoni tal-governanza tal-Unjoni ssemmiet ħafna drabi mill-KESE fl-opinjonijiet li fil-passat ittrattaw dan is-suġġett (4).

3.2   Il-kriżi finanzjarja u ekonomika ppreżentat sfidi kbar għas-sistema produttiva, soċjali u politika tal-UE b’mod ġenerali, u tal-UEM b’mod partikolari (5).

3.3   Il-kuntest soċjali u ekonomiku jidher instabbli u inċert, u b’konsegwenza ta' dan jeħtieġ li l-istituzzjonijiet ikunu organizzati b’mod effikaċi u jkunu jaħdmu tajjeb. Qed isir dejjem aktar ċar li, fin-nuqqas ta' kooperazzjoni bejn l-atturi tal-politika ekonomika nazzjonali, mhux possibbli li l-Istati Membri jimxu kollha f’direzzjoni komuni quddiem l-isfidi li tippreżenta l-globalizzazzjoni tal-produzzjoni u tal-finanzi u l-bidliet teknoloġiċi kbar li qed iseħħu.

3.4   Fin-nuqqas ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika, il-kriżi diġà pproduċiet sensiela ta' konsegwenzi soċjali partikolarment serji għall-UE, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-opportunitajiet tat-tkabbir u tal-impjieg. Dawn l-effetti ġew identifikati b’mod ċar fl-abbozz ta' rapport dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew mir-relatur Pervenche BERÈS (6).

3.4.1   Il-Prodott Domestiku Gross (PDG) għall-UE, wara li żdied b’diffikultà fl-2008 (+0,5 %), naqas b’mod ċar fl-2009 (-4,2 %) u għandu jerġa’ jiżdied bil-mod fl-2010 u fl-2011 (previżjoni ta' +1 u +1,7 % rispettivament). It-tnaqqis hu partikolarment serju fit-tliet pajjiżi Baltiċi (il-Latvja se tkun tilfet 22 % tal-PDG tal-2007 sa tmiem l-2011) u fl-Irlanda, u fuq skala iżgħar fl-Italja, fil-Greċja u fil-Finlandja. Fl-istess ħin, l-esportazzjonijiet tal-Istati Membri – kemm lejn l-Istati Membri l-oħra kif ukoll ’il barra mill-UE – naqsu bi 12 % bejn l-2007 u l-2009, b’livelli li jisbqu l-15 % għall-Finlandja, Malta, il-Bulgarija, l-Isvezja, l-Estonja u r-Renju Unit (7).

3.4.2   Għalhekk, għall-maġġoranza tal-Istati Membri l-objettivi stabbiliti mill-Istrateġija ta' Lisbona għas-suq tax-xogħol tbiegħdu: ir-rata tal-impjieg għall-UE niżlet minn 65,4 % fl-2007 għal 64,6 % fl-2009, bi tnaqqis ta' iktar minn ħames punti perċentwali fl-Estonja, l-Irlanda, Spanja u l-Latvja; fl-istess żmien, ir-rata tal-qgħad fl-UE żdiedet minn 7,1 % għal 8,9 %, u qabżet l-10 % fi Spanja (li laħqet it-18 %), is-Slovakkja, l-Irlanda u fit-tliet pajjiżi Baltiċi.

3.5   Quddiem sitwazzjoni tassew kritika bħal din, li titlob soluzzjonijiet daqstant ieħor b’saħħithom, jibqgħu xi dubji fir-rigward tal-approċċ u l-iskadenzi adottati mill-Kummissjoni fil-proċess tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea. Dawn il-fatturi, minbarra li jostakolaw il-possibbiltà li jintlaqa’ l-proċess li tnieda - fl-aktar sens wiesa’ possibbli – mill-istituzzjonijiet Komunitarji u mill-opinjoni pubblika, jistgħu jwasslu sabiex l-oġġettiv stess tal-koordinazzjoni proposta ma jkunx ċar.

3.6   L-ewwel nett, l-azzjoni tal-UE fir-rigward tat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika ma tistax tiddependi mill-identifikazzjoni – li fil-fatt hi komuni bejn l-Istati Membri – ta' xi tfisser effettivament il-“governanza ekonomika”, flimkien ma' valutazzjoni bir-reqqa tar-raġunijiet li wasslu – matul id-deċennju li għadda - kemm għal applikazzjoni mhux effettiva tal-Patt kif ukoll għall-ksib insuffiċjenti tal-għanijiet stabbiliti f’Lisbona.

3.6.1   Minn naħa, it-terminu “governanza” jfakkar fi struttura istituzzjonali deċentralizzata, fejn ma jeżistix poter ċentrali wieħed bħal fl-istati nazzjonali, iżda numru ta' partijiet ikkonċernati, governattivi u mhux, li jikkooperaw bejniethom biex jiksbu l-iskopijiet komuni tagħhom. Iżda l-UE għadha f’fażi ta' staġnar, li ġejja mid-diffikultajiet relatati mal-Kostituzzjoni Ewropea u mit-tkabbir għal 27 Stat Membru, kollha kemm huma b’sitwazzjonijiet u b’perspettivi politiċi li jvarjaw ħafna. Minn hawn ġejja l-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri fil-fatt ikollhom għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali komuni ġodda, iżda dawn l-għanijiet bilkemm qed jirnexxielhom jinħolqu wara l-isforz kbir li sar fit-tmeninijiet u fid-disgħinijiet għall-ħolqien tas-suq uniku u l-adozzjoni tal-euro.

3.6.2   Min-naħa l-oħra, il-previżjoni ta' regoli għall-futur ma tidhirx li hija bbażata fuq analiżi li hemm qbil fuqha dwar il-passat. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk l-aspetti kruċjali li ħarġu mill-Patt humiex ġejjin minn żbalji inizjali ta' ppjanar tar-restrizzjonijiet fl-UEM quddiem kriżi serja, jew minn għażliet politiċi mhux adatti li saru waqt l-applikazzjoni tiegħu, jew inkella minn perspettivi differenti tal-għanijiet u l-istrateġiji relattivi li għandhom jiġu segwiti (l-inflazzjoni baxxa, it-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi, ir-rwol tal-euro bħala munita ta' riżerva, eċċ.) (8). Anke fil-każ ta' verżjonijiet preċedenti tal-Patt, kienu jeżistu għal aktar minn deċennju regoli ta' kondotta għall-Istati Membri fl-Unjoni, iżda dawn ma evitawx li jinħolqu sitwazzjonijiet kruċjali b’mod frekwenti u ripetut.

3.6.3   Fl-istess ħin, in-nuqqas ta' ksib tal-biċċa l-kbira tal-għanijiet kwantitattivi li ġew deċiżi fl-Istrateġija ta' Lisbona – irrispettivament mill-kriżi ekonomika – iqajjem dubji kbar dwar l-għażla tal-indikaturi u l-ħila tagħhom li jiġbru fil-qosor b’mod effettiv it-triq li twassal għat-tkabbir tal-kompetittività u d-dinamiżmu.

3.7   It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-iskedar, ġie deċiż li jinbeda s-Semestru Ewropew – mill-1 ta' Jannar 2011 – mingħajr ma ġew stabbiliti r-regoli u l-kontenut li għandhom jiġu applikati minn qabel. U, barra minn hekk, mingħajr ma nkisbet sinkronizzazzjoni effettiva bejn id-diversi partijiet interessati: il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, it-Task Force dwar il-governanza ekonomika ppreseduta mis-Sur VAN ROMPUY, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-KESE, il-Kumitat tar-Reġjuni. Il-proċess ta' diskussjoni għandu jiġi konkluż bl-approvazzjoni tal-Parlament, li tingħata mhux qabel is-sajf tal-2011.

3.8   Quddiem sitwazzjoni tassew kruċjali, bħal dik tar-rebbiegħa tal-2010, jidher evidenti li l-Kummissjoni kienet aktar preokkupata li toħroġ mill-kriżi kemm jista’ jkun malajr - biex tipperswadi lis-swieq finanzjarji globali u lill-opinjoni pubblika – milli kemm ir-risposta tista’ tkun effettiva fuq perjodu ta' żmien medju u twil, mhux biss fuq il-livell finanzjarju, iżda wkoll fuq dak produttiv, soċjali u politiku.

3.9   Il-ħruġ mill-kriżi – skont il-Kummissjoni – jeħtieġ regoli aktar stretti u sanzjonijiet aktar ċerti, b’inqas diskrezzjoni politika u aktar sistemi awtomatiċi. Iżda l-ebda ġabra ta' regoli ma tista’ tiffaċċja b’mod effettiv is-sitwazzjonijiet ta' kriżi serja, billi dawn jiġu kkawżati kważi dejjem minn avvenimenti straordinarji u imprevedibbli li la l-persun tekniki m’għandhom il-ħila jipprevedu u lanqas ir-regoli stabbiliti m’għandhom il-ħila jirreaġixxu għalihom. L-utopja ta' “gvern tar-regoli” – li teħles lill-politika mill-piż illi jkollha tagħmel ċerti għażliet – diffiċilment tista’ tintlaħaq u hi saħansitra perikoluża, peress li tagħti sens illużorju ta' sigurtà u ta' protezzjoni minn kwalunkwe sors ta' inċertezza (9). Barra minn hekk, approċċ ta' dan it-tip jikkawża żewġ tipi ta' problemi li għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa.

3.9.1   L-ewwel problema hija r-riskju li jiġu sottovalutati l-vantaġġi tal-approċċ Komunitarju, bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet li l-aktar jirrappreżentaw liċ-ċittadini Ewropej, meta mqabbla mal-loġika intergovernattiva, b’deċiżjonijiet li jittieħdu essenzjalment mill-Kunsill, bi rwol limitat għall-Parlament u l-Kumitati. L-unika eċċezzjoni hi rrappreżentata mill-involviment pożittiv, fis-Semestru Ewropew, tal-Parlament Ewropew, li l-Kummissjoni se tippreżentalu l-analiżi annwali tat-tkabbir, f’Jannar, b’mod li jitnieda d-dibattitu dwar il-linji gwida tal-koordinazzjoni.

3.9.1.1   Il-prevalenza tal-loġika intergovernattiva tista’ ġġib magħha l-istess sottovalutazzjoni tan-nuqqas taċ-ċittadinanza Ewropea diġà mġarrba fl-Istrateġija ta' Lisbona. Din hija sfida għas-sistema ekonomika, soċjali u politika tal-UE bl-istess mod tal-kriżi globali, li tista’ tagħti lok għall-illużjoni li tiġi restawrata s-sovranità nazzjonali permezz tar-rinunzja tal-euro (u saħansitra tal-Unjoni stess) sabiex jerġa’ jitnieda żvilupp nazzjonali improbabbli, ħieles mir-restrizzjonijiet u mit-teknokrati Ewropej. Mhux b’kumbinazzjoni li osservatur attent tal-Unjoni Ewropea – Charles KUPCHAN (10) – ippreveda riskju ta' “nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid” tal-proġett Ewropew f’artiklu tal-Washington Post tad-29 ta' Awwissu 2010: “L-Ewropa għaddejja minn esperjenza ta' rinazzjonalizzazjoni tal-ħajja politika u l-pajjiżi qed jerġgħu lura għall-istat ta' sovranità li darba kienu ssagrifikaw volontarjament għall-ideal kollettiv” (11).

3.9.1.2   Jidher li ċ-ċittadini Ewropej juru proprju dan it-telf ta' fiduċja, mhux daqstant fil-konfront tal-istituzzjonijiet Komunitarji nnifishom, iżda fil-konfront ta' kemm huwa utli li jagħmlu parti mill-UE. L-istudji tal-Ewrobarometru (12) juru kif fil-fatt – bejn ir-rebbiegħa tal-2007 u l-2010 – il-perċentwal tal-Ewropej li jikkunsidraw bħala fattur pożittiv li pajjiżhom jagħmel parti mill-UE niżel minn 57 % għal 49 %, għall-benefiċċju ta' min jikkunsidra dan bħala fattur negattiv (illum 18 %) u ta' min jinsab f’dubju (29 %). Bl-istess mod, il-perċentwal taċ-ċittadini li jaħsbu li pajjiżhom ibbenefika b’mod ġenerali mis-sħubija mal-UE naqas minn 59 % għal 53 %, filwaqt li l-perċentwal ta' dawk li jwieġbu li ma kienx hemm benefiċċji tela’ għal 35 %.

3.9.2   It-tieni problema hi r-riskju li jiġi segwit approċċ tradizzjonali sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi, ibbażat fuq ir-rikors għad-dixxiplina finanzjarja fir-rigward tas-suġġetti tat-tkabbir, tal-ugwaljanza soċjali u tad-degradazzjoni ambjentali, minkejja li dawn issa saru argumenti innovattivi, imxerrdin u konvinċenti (13).

3.9.2.1   Ir-rabtiet bejn l-infiq pubbliku, il-prestazzjoni ekonomika u l-għanijiet soċjali huma aktar kumplessi mill-impressjoni li tipprova toħloq l-ipoteżi sempliċistika ta' kompromess (trade-off) bejn l-ugwaljanza u l-effettività. Sistemi ta' benesseri u ta' regolazzjoni ambjentali mfassla sew jippermettu wkoll it-tisħiħ tal-effettività u l-kompetittività, sal-punt li jitqiesu bħala fattur produttiv li jikkontribwixxi għall-istabilità u għad-dinamika ekonomika fl-ekonomiji postindustrijali.

3.9.2.2   Dan jgħodd aktar fil-fażi ta' kriżi li l-ekonomiji Ewropej qed jgħaddu minnha. Fil-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (14), il-Kummissjoni rrikonoxxiet kemm il-ħtieġa li “jitnaqqas il-prezz uman tat-tnaqqis ekonomiku u l-impatt tiegħu fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli”, kif ukoll il-fatt li l-kriżi għandha tiġi kkonsidrata bħala opportunità biex “isseħħ aktar malajr il-bidla favur ekonomija b’livell baxx ta' karbonju” billi tiġi stabbilita strateġija “li se tistimola l-innovazzjoni, toħloq impjiegi ġodda ambjentali u tiftaħ opportunitajiet ġodda fi swieq mondjali li qed jikbru malajr”.

3.9.2.3   Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kriżi ma twelditx fis-settur pubbliku, iżda f’dak privat, minħabba l-iżbilanċi bejn it-tkabbir globali tal-forniment ta' provvisti u servizzi u t-tnaqqis fit-tkabbir tal-poter tal-akkwist tal-konsumaturi (15). Il-biċċa l-kbira tad-deterjorament tal-baġits tal-Istati Membri fir-rigward tal-PDG kienet biss konsegwenza tal-azzjonijiet ta' emerġenza, li ttieħdu minħabba t-tnaqqis tad-denominatur (id-dħul nazzjonali) u ż-żieda tan-numeratur (l-infiq pubbliku kemm għas-salvataġġ tas-sistema finanzjarja u produttiva, kif ukoll għall-istabbilizzaturi awtomatiċi mfassla biex jikkontrollaw l-effetti potenzjalment drammatiċi tal-kriżi) (16). Bħalma kiteb FITOUSSI: “Il-problemi baġitarji tal-Ewropa mhux ġejjin daqstant mill-azzjoni ta' diskrezzjoni tal-gvernijiet, daqs kemm mill-konsegwenzi kkawżati awtomatikament mit-tfaqqir tas-soċjetajiet għall-finanzi pubbliċi (17).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   In-nuqqas ta' ċarezza dwar xi tfisser “governanza ekonomika”, kif wkoll dwar l-għanijiet li fuqhom tibbaża ruħha, flimkien man-nuqqas ta' għarfien dwar il-limiti tal-Patt u tal-Istrateġija ta' Lisbona, iwasslu għall-ħtieġa li tiġi identifikata strateġija komuni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE. Strateġija li ma tillimitax ruħha li tiddikjara r-regoli u l-proċeduri formali, iżda li tidħol fid-dettall tal-politiki konkreti - aktar u aktar fil-kuntest dgħajjef ta' wara l-kriżi ekonomika - biex ittejjeb il-kwalità ta' għajxien taċ-ċittadini Ewropej, iżżid ir-rata tal-impjieg (inkluż fost il-gruppi żvantaġġati fosthom il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi etniċi) u ssaħħaħ il-ħiliet kompetittivi tas-sistema produttiva Ewropea (inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u dawk medji u l-ekonomija soċjali).

4.2   Għal dan il-għan, ma nistgħux nillimitaw ruħna għar-regoli ta' kontabilità, li xorta waħda huma indispensabbli, sabiex tiġi vverifikata l-koerenza tad-dħul u l-ħruġ. Sabiex jissaħħu l-fiduċja u l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-UE, hemm bżonn azzjonijiet fuq perjodu medju u twil, li jippermettu bilanċ bejn id-dixxiplina meħtieġa fil-kontijiet u l-ħila daqstant ieħor importanti li jitfasslu u jiġu implimentati pjanijiet ta' żvilupp ekonomiku u soċjali. Għaldaqstant, għandha tiżdied is-sensibilizzazzjoni fl-Ewropa dwar l-Unjoni Ewropea intiża bħala entità politika, li għandha l-ambizzjoni li tikkoordina – sabiex jintlaħaq għan ġenwinament komuni – il-politiki nazzjonali differenti, bħala suġġett ħaj fid-dinja globali.

4.3   Ewropa li tkun aktar konxja tiddependi minn istituzzjonijiet li jirrappreżentaw liċ-ċittadini u lill-imsieħba soċjali – il-Parlament u l-Kumitati – ikollha rwol iktar b’saħħtu u tkun iktar kapaċi tifhem l-iżviluppi li qed iseħħu, sabiex il-proċess ta' koordinazzjoni previst mill-Kummissjoni jista’ jislet leġittimità demokratika b’saħħitha u jista’ jsib rikonoxximent akbar li jidher li hu meħtieġ għall-applikazzjoni effettiva tiegħu.

4.4   Iżda bħalissa r-rwol tal-Parlament fis-Semestru Ewropew jidher modest, limitat għall-fażi inizjali ta' dibattitu u tal-ewwel orjentament tal-proċess ta' koordinazzjoni, iżda jista’ jkollu sehem akbar u aktar effettiv jekk jiġi kkoordinat mal-attività tal-parlamenti nazzjonali msejħa biex jiddiskutu u japprovaw il-baġits tal-Istati Membri individwali. Il-Parlament jista’ jkun kruċjali fid-definizzjoni ta' liema governanza ekonomika għandha ssegwi l-Unjoni u sabiex jiggarantixxi l-leġittimità demokratika tal-proċeduri preventivi u korrettivi, inklużi s-sanzjonijiet finanzjarji għall-Istati Membri.

4.5   Il-KESE, fir-rwol tiegħu ta' korp konsultattiv, jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea permezz tal-parteċipazzjoni effettiva f’sessjoni annwali speċifika, fejn jistgħu jiġu diskussi r-rakkomandazzjonijiet u l-mod kif jinħoloq il-kunsens dwar ir-riformi fil-livell nazzjonali, b’kunsiderazzjoni tal-impatt soċjali tal-miżuri adottati. Il-valur miżjud tal-KESE huwa proprju li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet li fuq livell nazzjonali jiddeterminaw il-qbil soċjali mal-politika ekonomika; dan jista’ jippermetti lill-KESE li jagħti kontribut importanti sabiex mhux biss il-mexxejja politiċi, iżda wkoll aktar u aktar iċ-ċittadini tal-Istati Membri jimpenjaw ruħhom u jsiru responsabbli.

4.5.1   Diskussjoni ta' dan it-tip tista’ ssir fil-ħarifa, wara l-adozzjoni formali tar-rakkomandazzjonijiet mill-Istati Membri, u l-konklużjonijiet tagħhom jistgħu jservu ta' bażi għad-diskussjoni mal-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali rispettivi, il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, u biex b’hekk l-istrateġiji adottati jkunu jistgħu jiġu analizzati u mbagħad mxerrda u promossi fil-livell nazzjonali.

4.6   L-involviment akbar tal-Parlament u tal-Kumitati jnaqqas ir-riskju lil-għan tat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali jiġi sottovalutat meta mqabbel mal-ħtieġa tal-istabilità monetarja u finanzjarja, u jippermetti li l-Patt u l-Istrateġija Ewropa 2020 jibqgħu koerenti bejniethom. Fil-fatt, għalkemm l-istabilità ekonomika – speċjalment fi żminijiet ta' kriżi – hija l-bażi tat-tkabbir u taż-żamma tal-istandards tal-għejxien taċ-ċittadini Ewropej, it-tiftix ta' stabilità akbar m’għandux isir bi ħsara għad-dħul u d-drittijiet taċ-ċittadini. L-implimentazzjoni konġunta tar-riforma tal-governanza ekonomika u tal-Ewropa 2020 b’hekk tiffaċilita l-aċċettazzjoni tar-restrizzjonijiet baġitarji min-naħa tal-opinjoni pubblika.

4.6.1   Bħalissa, minkejja li l-Kummissjoni tidher tassew attenta li tpoġġi ż-żewġ strateġiji fuq l-istess livell, qed iqumu dubji kbar dwar l-intenzjonijiet effettivi tagħha li tipproċedi lejn integrazzjoni reali bejniethom, billi dawn baqgħu kompletament separati. Pjuttost qed jirriżulta żbilanċ li jnaqqas id-dimensjonijiet soċjali b’vantaġġ għall-fatturi tal-produttività u l-flessibilità tax-xogħol, li jintqal li jistgħu jżidu l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej.

4.6.2   L-ipotesi hi li s-sorveljanza makroekonomika – flimkien mas-sorveljanza tematika tar-riformi strutturali mitluba mill-Kummissjoni – toħloq kuntest li xorta waħda jiffavorixxi l-iżgurar tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, b’vantaġġ kemm għall-Ewropa 2020 kif ukoll għall-Patt. Iżda l-esperjenza ta' aktar minn għaxar snin ta' sperimentazzjoni tal-munita unika – u għalhekk għaż-żona tal-euro bin-nuqqas ta' possibilità li tuża l-għodda tal-iżvalutazzjoni - ma tagħtix sinjali evidenti li d-differenzi tal-kompetittività fl-UE u fl-UEM jistgħu jiġu rimedjati f’waqthom.

4.7   Sabiex ittejjeb il-kompetittività tal-kwalità, l-Ewropa 2020 tidher li miexja fid-direzzjoni t-tajba, billi tipprevedi azzjonijiet fil-qasam tal-għarfien, tal-innovazzjoni u tas-sostenibilità ambjentali. Madankollu, qed tinħoloq kontradizzjoni bejn l-għanijiet tal-Ewropa 2020 u t-tisħiħ tal-Patt, aktar u aktar fil-kuntest ekonomiku u soċjali Ewropew li għadu ħiereġ bil-mod mill-kriżi.

4.7.1   Il-ksib tal-għanijiet ambizzjużi tal-Istrateġija Ewropa 2020 – tkabbir intelliġenti (ibbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni), sostenibbli (aktar effettiv, ekoloġiku u kompetittiv) u inklużiv (koeżjoni soċjali u territorjali permezz tal-impjieg, b’attenzjoni partikolari għall-ħaddiema żvantaġġati) – fil-fatt iwassal għall-ħtieġa li jkunu ffinanzjati livelli adegwati ta' investimenti. Iżda fl-istess ħin azzjonijiet bħal dawn, li jeħtieġu aktar infiq pubbliku dirett jew inċentivi anki fiskali għas-settur privat, jistgħu jkunu inkompatibbli mar-restrizzjonijiet baġitarji li l-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ sabiex dawn jikkonformaw mal-Patt u b’hekk tittejjeb il-governanza ekonomika.

4.7.2   Barra minn hekk, fir-rigward tal-PDG, huwa minnu li s-saħħa tal-kontijiet pubbliċi u tal-euro jiffurmaw il-bażi meħtieġa li fuqha jinbnew politiki ta' żvilupp fit-tul. Minkejja dan, ir-regoli tal-kontabilità waħedhom ma jiżgurawx l-evoluzzjoni pożittiva tal-finanzi tal-Istati Membri fuq perjodu ta' żmien twil. Fil-fatt, skont il-“prinċipju ta' invarjabilità” propost minn STIGLITZ, SEN u FITOUSSI (18), il-valur tal-kontijiet totali fuq livell nazzjonali m’għandux ivarja skont id-differenzi istituzzjonali, ekonomiċi, soċjali u politiċi bejn il-pajjiżi differenti, iżda għandhom jiġu mqabbla sitwazzjonijiet kemm jista’ jkun omoġenji. Fi kliem ieħor, sabiex tiġi vverifikata s-sostenibilità fuq perjodu ta' żmien twil tal-kontijiet pubbliċi, mhux biżżejjed li jiġu sorveljati d-defiċit u d-dejn minn sena għall-oħra, iżda huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-prospetti futuri anki tas-swieq privati, l-ewwel nett ta' dawk finanzjarji, tal-beni immobbli u tas-sigurtà soċjali, li f’sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' emerġenza jistgħu jaffettwaw b’mod sinifikanti s-saħħa tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, pereżempju permezz tas-salvataġġi tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-intrapriżi l-kbar.

4.7.3   Barra minn hekk, l-enfasi fuq l-iżbilanċi kompetittivi timplika kontroll kostanti tad-dinamika tal-ispejjeż unitarji tax-xogħol, li min-naħa tiegħu jitlob attenzjoni li dejjem tiżdied fuq in-negozjar bejn il-partijiet soċjali, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro fejn l-Istati Membri m’għadx għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għodda tal-iżvalutazzjoni. Ir-relazzjonijiet bejn it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet intraprenditorjali b’hekk għandhom ikunu parti integrali mill-istrateġija tal-Kummissjoni, parti importanti li hi nieqsa mill-Komunikazzjoni tal-KE.

4.7.3.1   Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun l-użu aktar intensiv u funzjonali tad-Djalogu Makroekonomiku (MED), li jġib miegħu valutazzjoni konġunta effettiva bejn il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali tal-qagħda ekonomika fil-livell tal-UE u tal-interventi li għandhom isiru, b’rabta mill-qrib mal-proċess tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. Dan jista’ jseħħ permezz ta' qabża fil-kwalità li tippermetti li jittieħed ir-rwol ta' strument li jiffaċilita l-involviment effettiv tal-partijiet soċjali flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew, mal-Kummissjoni u mal-Kunsill, u li kapaċi joħloq koerenza bejn id-dinamiċi Komunitarji u dawk nazzjonali (19).

4.8   L-adozzjoni ta' koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi Ewropej titlob ftehim unanimu – min-naħa tas-27 Stat Membru – dwar il-qafas makroekonomiku ta' referenza u tal-qafas makroekonomiku ppjanat, billi huwa fuq dawn l-oqfsa li ser jissejjes it-tfassil tal-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri u li ser jiġu kkomunikati tul is-Semestru Ewropew. f’dan il-kuntest partikolari, il-valutazzjonijiet tal-Eurostat, il-proposti ppjanati tal-Kummissjoni Ewropea, ir-rwol ta' appoġġ tal-Bank Ċentrali Ewropew u r-reazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Parlament Ewropew ilkoll għandhom rwol ta' importanza fundamentali.

4.9   Minħabba l-interrelazzjonijiet b’saħħithom li jeżistu bejn l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, huwa meħtieġ ukoll li jiġu adottati indikaturi tat-tkabbir aktar komprensivi mill-PDG waħdu. Ta’ min wieħed ifakkar li fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata b’mod sinifikanti Il-PDG u lil hinninkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel  (20), fil-fatt jiġi mħeġġeġ l-użu ta' indikaturi ġodda “li jinkorporaw fil-qosor il-kisbiet soċjali u ambjentali (bħall-koeżjoni soċjali akbar, l-aċċessibilità u l-affordabilità tal-oġġetti u s-servizzi bażiċi, l-edukazzjoni, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-arja) u t-telfiet (pereżempju, iż-żieda tal-faqar, aktar kriminalità, riżorsi naturali li dejjem jonqsu)” u li għalhekk “jirriflettu l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini”.

4.10   Biex ikun effikaċi u jilħaq l-għanijiet tiegħu, it-tisħiħ tal-governanza, jeħtieġ li jiġu implimentati b’mod effettiv il-ħames azzjonijiet previsti biex immorru lil hinn mill-PDG: (i) l-użu ta' indikaturi ambjentali u soċjali; (ii) il-ksib ta' informazzjoni kważi fil-ħin reali bħala sostenn għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; (iii) id-disponibilità ta' data aktar preċiża dwar id-distribuzzjoni u l-inugwaljanza; (iv) it-tfassil ta' “tabella” Ewropea tal-iżvilupp sostenibbli; u (v) l-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għall-kwistjonijiet ambjentali u soċjali.

4.11   Il-proċess attwali ta' tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea huwa proċess li, bħal oħrajn li seħħew fl-istorja tal-UE, żgur se jirriżulta wieħed kumpless. Min-naħa l-oħra, din hija karatteristika impliċita tal-Unjoni stess. Huwa tassew minnu li – kif fakkar ġurnalista Taljan - “l-Ewropa tbati (meta mqabbla mal-Istati Uniti) minn nuqqas ta' definizzjoni, fattur li wassalha sabiex minn twelidha tista’ titqabbel ma' vjaġġ ta' tiftix għad-destinazzjoni” (21), iżda llum huwa daqstant ieħor importanti li dan il-vjaġġ ikollu destinazzjoni preċiża u ċara u li għandha l-qbil taċ-ċittadini Ewropej, il-parlamenti tagħhom u l-entitajiet istituzzjonali nazzjonali u Ewropej. Hekk biss se jkun possibbli li tintlaħaq il-mira li l-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha sa mill-ewwel ġranet tat-twaqqif tagħha.

Brussell, 17 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2010) 367 finali

(2)  COM(2010) 250 finali

(3)  COM(2010) minn 522 sa 527; għal iktar dettalji ara http://ec.europa.eu/economy_finance/articles/eu_economic_situation/2010-09-eu_economic_governance_proposals_en.htm

(4)  Opinjonijiet tal-KESE dwar is-suġġetti li ġejjin: L-implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE, ĠU C 51, 17.2.2011, p. 15; L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57; Il-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 10; Politiki ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-istrateġija industrijali Ewropea, ĠU C 10, 15.1.2008, p. 106; Il-linji gwida ġeneral għall-politika ekonomika u l-governanza ekonomika – il-kondizzjonijiet għal iktar koerenza fit-tfassil tal-politika ekonomika fl-Ewropa (mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 324, 30.12.2006, p. 49; It-tisħiħ tal-governanza ekonomika – Ir-riforma tal-Patt tal-Istabilità u t-Tkabbir (mhux disponibbli bil-Malti), ĠU C 88, 11.4.2006, p. 68.

(5)  Kif enfasizza l-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Olli REHN, fis-seduta tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2010: “Il-kriżi żvelat dgħufijiet sistemiċi importanti fil-politika ekonomika u monetarja attwali. Fi ftit kliem: neħtieġu koordinazzjoni aħjar u iżjed strett tal-politika ekonomika tal-UE. Neħtieġu wkoll applikazzjoni iktar rigoruża tar-regoli tal-UEM. Ir-regoli ma jfissru xejn jekk ma jiġux rispettati. (REHN O., Insaħħu l-fiduċja ekonomika fl-Ewropa, Diskors lill-Kummissjoni ECON tal-Parlament Ewropew, Strasburgu, 5 ta' Lulju 2010).

(6)  Il-Parlament Ewropew, abbozz ta' rapport dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jiġu adottati (rapport ta' nofs it-term) (Mhux disponibbli bil-Malti). Kummissjoni speċjali għall-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali. Relatur: Pervenche BERÈS, 6.5.2010.

(7)  Data pprovduta mill-bażi tad-data tal-Eurostat li ġiet ikkonsultata f’Settembru 2010 u inkorporata fit-Tabelli 1 u 2 tal-Anness.

(8)  L-istess President tal-Kunsill Ewropew Herman VAN ROMPUY fl-20.9.2010 rrikonoxxa dan in-“nuqqas istituzzjonali”: “… irridu ngħixu bid-dilemma ta' unjoni monetarja mingħajr unjoni baġitarja avvanzata. Minn mindu daħlet l-euro, l-istituzzjonijiet Ewropej huma responsabbli mill-politika monetarja, filwaqt li l-Istati Membri baqgħu responsabbli mill-politika baġitarja tagħhom stess u jikkoordinaw il-politika ekonomika tagħhom stess. Dan joħloq tensjoni u minn hawn jirriżultaw id-deċiżjonijiet kumplessi li semmejt qabel …! Wieħed jista’ jikkundanna l-ippjanar difettuż, li huwa kkonsidrat minn xi wħud bħala l-ewwel żball tal-euro. Jien naħseb li hu aktar nuqqas strutturali. Iżda, f’dak iż-żmien tan-negozjati tat-Trattat ta' Maastricht, b’mod partikolari bejn il-Ġermanja u Franza, kellha ssir għażla. Kieku fil-bidu ma seħħx dan l-iżball, l-euro lanqas kienet titwieled!”. VAN ROMPUY H., “Mhux politika Ewropea li terġa’ ssir nazzjonali, imma politika nazzjonali li ssir Ewropea”, diskors fuq talba ta' Notre Europe, Pariġi, l-Anfiteatru l-Kbir tax-Xjenza Politika. (http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/fr/ec/116622.pdf).

(9)  VEROLA N., L'Europa e la crisi: squilibri finanziari ed equilibri costituzionali, Paper for ASTRID, 2010, disponibbli fuq l-internet http://www.astrid-online.it/Riforma-de/Studi-e-ri/VEROLA---L-Europa-e-la-crisi---squilibri-finanziari-ed-equilibri-costituzionali.pdf (disponibbli biss bit-Taljan).

(10)  Direttur tal-Istudji Ewropej tal-Kunsill għar-Relazzjonijiet Esterni u professur fl-Università ta' Georgetown.

(11)  KUPCHAN, C., As nationalism rises, will the European Union fall, Washington Post, 29 Awwissu 2010. Ara wkoll l-osservazzjonijiet dwar it-tassazzjoni u rappreżentazzjoni ta' DE GRAUWE P., Why a tougher Stability and Growth Pact is a bad idea, VoxEU.org, disponibbli fuq l-internet: http://www.voxeu.com/index.php?q=node/5615.

(12)  Data tal-Ewrobarometru 73 – L-ewwel riżultati, imsemmija fit-Tabelli 1 u 2 tal-Anness.

(13)  Dwar is-sostenibilità ambjentali, ara DALY H., Beyond Growth: The Economics of Sustainable Development (Lil hinn mit-tkabbir – Edizioni di Comunità, 2001), 1996. Dwar il-benesseri u l-ekwità, ara BEGG I., FERRERA M., HODSON D., MADSEN P., MATSAGANIS M., SACCHI S., SCHELKE W., The Cost of Non Social Policy: Literature Review, (L-impatti negattivi tan-nuqqas ta' politika soċjali: ħarsa lejn il-letteratura marbuta mas-suġġett), Rapport lill-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2003. Dwar il-mudell tal-iżvilupp uman ara: SEN A., Inequality Reexamined (Ħarsa mill-ġdid lejn l-inugwaljanza – reviżjoni analitika, Il Mulino, 2010), 1992; u SEN A., Development as Freedom (L-iżvilupp bħala libertà, Mondadori, 2000), 1999.

(14)  COM(2008) 800 finali – Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, p. 5.

(15)  ILO-FMI, The Challenges of Growth, Employment and Social Cohesion (L-isfidi tat-tkabbir, tal-impjieg u tal-koeżjoni soċjali), dokument ta' diskussjoni għall-konferenza konġunta ILO-FMI, Oslo, 13.9.2010, p. 67-73.

(16)  Id-dejn pubbliku aggregat fiż-żona tal-euro naqas minn 72 % fl-1999 għal 67 % fl-2007 (Tabella 3 tal-Anness) u fl-istess perjodu żdied id-dejn tal-familji u tas-settur finanzjarju (Tabelela 4 tal-Anness). Id-dejn tas-settur pubbliku beda jiżdied sa mill-2008 (Tabella 5 tal-Anness), meta l-gvernijiet wettqu s-salvataġġi tas-sistema bankarja u sostnew l-attività ekonomika f’sitwazzjoni ekonomika ta' riċessjoni (tnaqqis tal-PDG u tnaqqis tad-dħul fiskali).

(17)  FITOUSSI J.P., Crise et démocratie, le paradoxe européen (Kriżi u demokrazija, il-paradoss Ewropew), Le Monde, 16.10.2010. Ara wkoll DE GRAUWE P., What kind of governance for the eurozone? (Liema tip ta' governanza għaż-żona tal-euro) CEPS Policy Brief, Nru 214, 9.2010.

(18)  STIGLITZ J.E., SEN A., FITOUSSI J.P., Report by the Commission on the Measurement of Economic Performance and Social Progress (Rapport tal-Kummissjoni dwar il-kejl tar-riżultati ekonomiċi u tal-progress soċjali), Rapport lill-President tar-Repubblika Franċiża, Pariġi, 2009 (p. 22-23).

(19)  WATT A., Economic Governance in Europe: A Change of Course only after ramming the Ice (Il-Governanza ekonomika fl-Ewropa), Social Europe Journal, 30.7.2010, disponibbli onlajn http://www.social-europe.eu/2010/07/economic-governance-in-europe-a-change-of-course-only-after-ramming-the-ice/.

(20)  COM(2009) 433 finali, p. 3-4

(21)  BASTASIN C., Questo secolo può essere ancora europeo (Dan is-seklu għad jista’ jkun wieħed Ewropew), Il Sole 24 ore, 2.9.2010.


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Din l-emenda ma ġietx aċċettata waqt is-sessjoni plenarja, iżda rċeviet minn tal-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 4.7.3.1 -   Emenda 1 imressqa mis-sur Pálenik

Żid punt 4.7.4 ġdid wara punt 4.7.3.1:

Raġuni

It-tielet parti tal-proposta tal-Kummissjoni ssemmi li jridu jiġu kkunsidrati l-impenji impliċiti. Iżda l-proposta tkun aktar utli jekk tispjega fid-dettall x'inhu involut u kif dan jista' jinkiseb fil-prattika.

Riżultat tal-votazzjoni:

Voti favur

:

69

Voti kontra

:

160

Astensjonijiet

:

19