6.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 107/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew – ir-Regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir sostenibbli”

COM(2010) 301 finali

2011/C 107/04

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar it-2 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew – ir-Regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir sostenibbli

COM(2010) 301 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Frar 2011.

Matul l-469 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Frar 2011 (seduta tas-16 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’164 vot favur, l-ebda vot kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   “Hemm bżonn isir ħafna aktar fir-rigward tas-superviżjoni tas-settur bankarju. Jista’ jkollna l-aħjar regoli tad-dinja, għax jekk ma nissorveljawx l-implimentazzjoni tagħhom, kollox ikun inutli.”  (1)

1.2   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ b’mod favorevoli l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jemmen li r-regolamentazzjoni l-ġdida tas-swieq finanzjarji hija l-istrument indispensabbli għar-rilanċ ta' ekonomija sostenibbli.

1.3   Il-KESE jaħseb li l-attenzjoni fuq dawn il-problemi qed tonqos bil-mod il-mod, u l-ħtieġa li jiġu adottati b’mod urġenti l-miżuri proposti qed titqies b’mod differenti minn Stat għal ieħor, u ma jidhirx li għadha prijorità komuni.

1.4   Il-KESE jenfasizza u jtenni l-importanza li jintlaħaq ftehim internazzjonali, filwaqt li jiżdiedu l-isforzi. Madankollu jemmen li huwa essenzjali u neċessarju li l-proċess mibdi mill-istituzzjonijiet Ewropej jiġi konkluż malajr u b’mod pożittiv, mingħajr ma jiddependi minn qafas ta' ftehimiet internazzjonali li, kif sfortunament deher anke dan l-aħħar, huma ’l bogħod wisq milli jintlaħqu.

1.5   Il-KESE huwa favur il-miżuri proposti, filwaqt li qed jistenna dawk li għadhom qed jiġu definiti, bħar-reviżjoni ppjanata tal-MiFID, li hija importanti sabiex jiġu garantiti l-affidabilità u t-trasparenza tas-swieq kif ukoll il-fiduċja tal-investituri, u li fuqhom ser jintalab jesprimi l-fehma tiegħu.

1.6   Il-KESE jappoġġja b’mod attiv l-isforzi tal-Kummissjoni biex jitlesta l-proċess leġislattiv. Il-Kummissjoni tista’ tagħti lill-KESE r-responsabbiltà li jippromovi l-proposti li qed jiġu diskussi u l-abbozzi ta' regolamentazzjonijiet ġodda fost l-organizzazzjonijiet soċjali u ekonomiċi u l-organizzazzjonijiet tal-utenti u tal-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji fuq livell nazzjonali.

1.7   L-Istati Uniti taw impuls kbir bil-promulgazzjoni tad-Dodd Frank Act, il-liġi li tirregola s-swieq finanzjarji Amerikani, u ħolqu l-bażi għal konverġenza aktar b’saħħitha fuq livell dinji. Ħafna punti ġew indirizzati biss f’qafas regolatorju, u d-definizzjoni tal-leġislazzjoni ġiet delegata lill-awtoritajiet kompetenti jew tħalliet għall-ħidma sussegwenti dwar id-dettalji, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi miżuri speċifiċi li diġà huma dettaljati. Fl-aħħar mill-aħħar, iż-żewġ proċessi għandhom iwasslu għall-objettivi b’mod parallel.

1.8   Il-KESE jemmen li ċerti għażliet oriġinali tal-leġislazzjoni Amerikana huma pożittivi, u jipproponi li l-Kummissjoni tniedi studju fil-fond dwar il-proposta li tinħoloq Awtorità tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi tas-Servizzi Finanzjarji. Madankollu, il-KESE jaħseb li jeħtieġ li tiġi studjata l-possibbiltà li awtorità bħal din tingħata aktar awtonomija.

1.9   Huma interessanti u għandhom jiġu evalwati wkoll id-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti dwar kif għandha tiġi indirizzata l-idea “wisq kbar biex ifallu” (too big to fail), li tista’ tpoġġi l-ġestjoni tar-riskji f’periklu morali. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tevalwa attentament il-possibbiltà li jiġu adottati miżuri simili, li jidhru inċiżivi u dissważivi fir-rigward tal-imġiba imprudenti u partikolarment riskjuża ta' ċerti maniġers tal-istituzzjonijiet finanzjarji u li jistgħu jkunu siewja biex tinkiseb ġestjoni aħjar tar-riskju tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

1.10   Ir-reviżjoni leġislattiva kollha għandha tiġi konkluża sal-2011 u għandha tkun operattiva għalkollox mill-2013. Dan ser ikun possibbli jekk ma jinqalgħux problemi u jekk il-pjan direzzjonali jiġi rispettat minn kulħadd. Il-KESE però huwa preokkupat u jibża’ li dan ma jiġrix. Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Parlament u lill-Kunsill jagħtu preferenza lill-atti kollha marbuta mar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji. Il-kriżi finanzjarja bdiet fl-2007 u dak iż-żmien diġà kien ħareġ fid-dieher il-bżonn li tiġi indirizzata bis-serjetà r-regolamentazzjoni tas-swieq. Il-ħofra diġà belgħet aktar minn żewġ biljun dollaru, ikkawżat ħafna fallimenti u wasslet biex jintilfu minn tal-inqas tletin miljun post tax-xogħol, bi prospetti li jintilfu 400 000 000 post tax-xogħol ieħor, skont id-direttur tal-FMI. Fis-settur finanzjarju biss, minn tal-inqas 500 000 persuna tilfu xogħolhom madwar id-dinja kollha. U oħrajn għadhom qed jitilfuh jew ser jitilfuh.

1.11   Il-KESE jitlob regolament b’saħħtu, komprensiv, effiċjenti u bbilanċjat. Biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi, il-KESE jirrakkomanda li jsir studju fil-fond dwar l-inizjattivi regolatorji kumulattivi għall-miżuri neċessarji fuq is-sistema finanzjarja u s-suq tal-kapital. Sistema stabbli u effiċjenti għandha tippromovi stabbiltà finanzjarja u likwidità għall-ekonomija reali

1.12   .Is-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u nazzjonali għandha tkompli tinsisti mal-awtoritajiet u l-poteri pubbliċi biex itemmu minnufih l-adozzjoni tar-regoli l-ġodda fil-qasam finanzjarju. Il-Kummissjoni tista’ tinkariga lill-KESE jassumi l-inizjattiva li jxerred fl-Istati Membri l-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet rapidi u globali dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji permezz ta' inizjattivi pubbliċi fuq il-post li jinvolvu lill-partijiet soċjali, lill-awtoritajiet ekonomiċi, u lill-organizzazzjonijiet tal-utenti u tal-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Fil-Komunikazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir sostenibbli, il-Kummissjoni tippreżenta l-objettivi milħuqa u pjan direzzjonali għall-inizjattivi leġislattivi futuri, filwaqt li tressaq l-erba’ prinċipji gwida li jispiraw l-attività tagħha: it-trasparenza, is-superviżjoni effettiva, ir-reżiljenza u stabbiltà finanzjarja mtejba, u l-protezzjoni tal-konsumatur.

2.2   “Sistema finanzjarja aktar sikura, aktar b’saħħitha, aktar trasparenti u aktar responsabbli, li taħdem favur l-ekonomija u s-soċjetà globalment u li tista’ tiffinanzja l-ekonomija reali […] hija prekundizzjoni għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Hija essenzjali biex issaħħaħ l-isforzi li qed tagħmel l-Ewropa biex tikkonsolida l-finanzi pubbliċi u biex twettaq riformi strutturali li fil-ġejjieni se jwasslu għal ekonomija vibranti.” Dawn huma l-linji gwida tal-attività leġislattiva tal-Kummissjoni.

2.3   F’dan id-dokument il-Kummissjoni tfakkar fl-istadji, mill-kriżi l-kbira f’Settembru 2008, li wasslu għal qafas regolatorju ġdid u strutturat.

2.4   F’Novembru 2008 kien diġà twaqqaf il-grupp ippresedut minn Jacques de Larosière u ttieħdu xi inizjattivi urġenti, bħar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-adegwatezza tal-kapital u d-Direttiva dwar skemi ta' garanzija għal depożiti. Ġie adottat ukoll Regolament dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu u ġew ippreżentati żewġ rakkomandazzjonijiet dwar il-prinċipji tar-rimunerazzjoni.

2.5   B’segwitu għall-proposti fir-rapport tal-grupp, il-Kummissjoni adottat sensiela ta' proposti li ħafna minnhom għadhom qed jiġu diskussi mill-korpi politiċi tal-Unjoni, il-Kunsill u l-Parlament.

2.6   Il-Kummissjoni tappella għal impenn leġislattiv koerenti sabiex tiġi konkluża l-proċedura tal-miżuri proposti kollha bil-għan li jiġu trasposti sa tmiem l-2012.

3.   Kummenti tal-KESE

3.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) esprima f’diversi opinjonijiet il-fehma tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet li kien beħsiebha tadotta l-Kummissjoni. Beda l-ewwel bil-pakkett suġġerit mill-grupp de Larosière u mbagħad kompla bil-miżuri individwali.

3.2   F’diversi każi, ħafna mis-suġġerimenti u l-kummenti tal-Kumitat intlaqgħu tajjeb u r-riżultat finali li ħareġ minnhom jidher li huwa adegwat u suffiċjenti: iżda dan kollu ser jirnexxilu jikseb lura l-fiduċja fis-swieq u fl-istituzzjonijiet superviżorji kif ukoll fl-awtoritajiet pubbliċi, li fil-passat b’xi mod jew ieħor appoġġjaw mudell liberali ħafna għaliex kienu konvinti li s-suq kien ser jirregola ruħu waħdu? Din l-illużjoni laqtet mhux biss lill-maġġoranza tal-Istati Membri, iżda wkoll lil xi rappreżentanti importanti tal-Kummissjoni Ewropea. Is-swieq għandhom it-tendenza li joxxillaw b’mod irrazzjonali bejn l-istmellija tar-riskju u l-propensità għar-riskju. Il-kompitu diffiċli hu li jitnaqqsu dawn l-oxxillazzjonijiet mingħajr ma jitkissru s-swieq.

3.3   B’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni tirrikonoxxi b’mod indirett l-iżbalji tal-passat, żbalji li l-KESE kien indika fil-pront. Fiha tfassal pjan direzzjonali virtuż u sostanzjalment komplut għat-tfassil mill-ġdid tal-arkitettura regolatorja tas-superviżjoni, tal-istabbiltà u tat-trasparenza tas-swieq. Hija ħidma importanti u l-Kumitat jirrikonoxxi bil-qalb kollha l-kwalità tal-ħidma li twettqet s’issa.

3.4   Il-Parlament Ewropew ta kontribut kbir biex jissaħħu u jittejbu t-testi proposti, u kultant appoġġja l-istess bidliet li ressaq il-Kumitat, u ppermetta li jinħarġu regolamenti u direttivi li jidhru effikaċi u koerenti.

3.5   Fil-fażi tal-applikazzjoni però hemm xi problemi. Pereżempju, fl-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX), li tissorvelja s-suq tal-assigurazzjonijiet u l-fondi tal-pensjonijiet, huwa fundamentali li jiġu rikonoxxuti u protetti l-ispeċifiċitajiet taż-żewġ setturi; u b’mod partikolari huwa essenzjali li jiġi garantit li s-settur tal-pensjonijiet jiġi ttrattat bl-istess mod bħal dak tal-assigurazzjonijiet.

3.6   Il-Kunsill, mingħajr ma kien mistenni, qeda rwol inqas pożittiv meta sforza lill-Kummissjoni tirrevedi xi proposti tajbin, bħal fil-każ tal-awtoritajiet superviżorji. Madankollu, il-kompromess milħuq, bis-saħħa tal-ħidma tal-Parlament u tal-Kummissjoni, kien pożittiv, iżda dan seta’ jsir aħjar u qabel, mingħajr il-veto reċiproċi li kien hemm fuq il-miżuri individwali.

3.7   Iżda sar dak kollu li kellu jsir fiż-żmien opportun?

3.8   L-Istati Uniti tal-Amerika, bid-Dodd Frank Act (2), li ħareġ fil-21 ta' Lulju 2010, irrispondew b’mod aktar kumplessiv u rapidu għat-talba ta' regolamentazzjoni u ta' protezzjoni min-naħa tal-aktar parti dgħajjfa tas-suq, jiġifieri l-konsumaturi. Naturalment hemm bżonn li jitqies il-proċess aktar bil-mod tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Ewropa u l-fatt li l-fornituri Ewropej jiffaċċjaw b’mod dettaljat l-aspetti uniċi, filwaqt li fil-liġi Amerikana jkun hemm referenza għal liġijiet u regolamentazzjonijiet suċċessivi. Huwa importanti li l-proċessi javvanzaw b’mod ibbilanċjat u simultanju, sabiex tingħata risposta kkoordinata għar-regolamentazzjoni l-ġdida.

3.9   Fl-analiżi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-KESE beħsiebu jqabbel iż-żewġ approċċi, jivvaluta d-diversi risposti li jingħataw għal kull tema u jqis jekk f’xi każ jistgħux jiġu adottati xi eżempji min-naħa l-oħra tal-Atlantiku fir-regolamentazzjoni tagħna.

3.10   Eżempju li jrid jiġi studjat huwa l-ħolqien ta' awtorità federali tal-protezzjoni tal-konsumaturi (Bureau of Consumer Financial Protection). Il-KESE jitlob li l-Kummissjoni tanalizza fil-fond il-possibbiltà li tiġi inkluża awtorità simili fis-sistema Ewropea.

3.10.1   L-awtorità prevista mill-Istati Uniti tagħmel parti mir-Riserva Federali u għandha poteri importanti li jinkludu parti kbira tal-funzjonijiet li qabel kienu jwettqu regolaturi oħra, b’konformità mal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Din l-awtorità ser ikollha poteri esklużivi biex tikkontrolla li tiġi rrispettata l-leġislazzjoni dwar l-attivitajiet li jwettqu l-intermedjarji li għandhom profitt ta' aktar minn 10 biljun dollaru. Ser ikollha poteri kondiviżi mal-awtoritajiet l-oħra ta' sorveljanza meta l-profitt tal-intermedjarji jkun anqas minn 10 biljun dollaru.

3.10.2   Il-KESE jemmen li għandhom jiġu analizzati b’mod partikolari l-punti li ġejjin:

fl-Istati Uniti, il-Bureau jagħmel parti mir-Riserva Federali. Għalkemm dan jista’ jiġi ġġustifikat mill-esiġenza li jiġu limitati l-ispejjeż amministrattivi tal-awtorità, sa ċertu punt jista’ jkun ta' ħsara għall-awtonomija u l-indipendenza tiegħu. Għalhekk il-KESE jqis li jeħtieġ li tiġi kkunsidrata pożizzjoni aktar awtonoma għal din l-awtorità;

f’xi ċirkostanzi, il-poteri ta' din l-awtorità jistgħu jmorru kontra l-poteri tal-awtorità ta' kontroll tal-intermedjarji finanzjarji. Jeħtieġ li tiġi stabbilita, mill-bidu nett, ġerarkija tal-prijoritajiet biex jiġu evitati kontroversji eventwali peress li, għalkemm l-istabbiltà tal-intermedjarji u tas-swieq hija importanti, daqstant ieħor hija importanti l-protezzjoni tal-investituri mhux professjonali. Il-ħtieġa li jiġu protetti l-investituri ma tistax tingħata anqas importanza minn kwalunkwe prinċipju ieħor. Fil-fatt, biex ikun sostenibbli, it-tkabbir għandu jqiegħed fil-qalba tas-sistema l-bżonnijiet u l-protezzjoni tal-aktar individwi dgħajfa;

huwa importanti li ssir enfasi fuq is-servizzi u l-prodotti finanzjarji pjuttost milli fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji biss. L-awtorità għandu jkollha l-ġurisdizzjoni tagħha u għandha tkun tista’ tintervjeni kull darba li jiġu offruti servizzi jew prodotti finanzjarji lill-pubbliku, anke meta dawn ma jinvolvux b’mod partikolari l-intermedjarji finanzjarji li diġà jkunu soġġetti għal forom oħra ta' kontroll.

3.11   Punt importanti ieħor li għandu jiġi enfasizzat jikkonċerna r-regoli kollha maħsuba biex jiġġieldu kontra l-periklu morali tal-kumpaniji meqjusa “kbar wisq biex ifallu”. L-għażliet li għamel f’dan ir-rigward il-leġislatur Amerikan huma inċiżivi u b’saħħithom: il-possibbiltà ta' intervent minn qabel billi jiġi ordnat il-bejgħ ta' ċerti partijiet tal-intrapriża biex jiġu evitati riskji sistemiċi u l-obbligu li jitfassal pjan ta' diżattivazzjoni tal-konglomerati li għandhom firxa wiesgħa ta' attivitajiet jew li huma tant kbar li jagħmlu kwalunkwe intervent problemtaiku. Huwa previst li dawn il-miżuri japplikaw ukoll għall-intrapriżi relatati stabbiliti f’pajjiżi oħra, u għalhekk jinfluwenzaw l-attività ta' xi atturi importanti bbażati fl-UE.

3.11.1   Il-ħolqien tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) huwa pass f’din id-direzzjoni. Il-limitazzjoni tal-poter ta' gruppi kbar huwa ta' benefiċċju għal bosta raġunijiet. Dan mhux biss inaqqas ir-riskju sistemiku li jippermetti l-inadempjenza tal-banek amministrati ħażin, iżda jippromovi wkoll il-kompetizzjoni li min-naħa tagħha għandha tikkontrolla r-rati tal-interessi billi tiffaċilita l-aċċess tal-klijenti għall-kreditu. Dawn l-ideat diġà kienu tqajmu fil-passat u, probabbilment, ir-regolaturi kien imisshom irriflettew fuqhom f’aktar dettall, b’mod partikolari fid-dawl tal-ispeċifiċità tas-settur finanzjarju li m’għandux il-limitazzjonijiet fiżiċi ta' setturi oħra tal-produzzjoni.

3.11.2   Għalkemm id-daqs huwa aspett importanti ħafna, m’għandux jintesa l-fatt li d-daqs ma jiddeterminax ir-rilevanza sistemika ta' intermedjarju. Din tiddependi wkoll mill-funzjonijiet li jaqdi fi ħdan is-sistema, mill-fatt li ma jistax jiġi sostitwit kif ukoll mill-interazzjonijiet fi ħdan il-grupp fil-livell nazzjonali u internazzjonali. Xi intermedjarji, indipendentament mill-kobor eċċessiv tagħhom, jistgħu jfallu simultanjament għax ikunu soġġetti għall-istess riskji.

3.11.3   Rigward ir-regolamentazzjoni finanzjarja, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ ibbilanċjat. Il-KESE jenfasizza l-benefiċċji sustanzjali fit-tul ta' regolamentazzjoni aktar stretta tal-istituzzjonijiet finanzjarji għall-istabbiltà finanzjarja, it-tkabbir ekonomiku u l-effiċjenza tal-ekonomija reali

3.12   Uħud mill-miżuri inklużi fir-regolamentazzjoni finanzjarja l-ġdida tal-Istati Uniti jinkludu: sistema avvanzata ta' twissija għar-riskji sistemiċi l-kbar, ir-regolamentazzjoni tas-sistema nonbankarja, il-ħolqien ta' Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, leġislazzjoni effikaċi dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, miżuri ta' trasparenza u garanziji ta' serjetà għall-istrumenti mhux komuni, inkluż għas-swieq barra l-Borża (Over the Counter markets), it-titolizzazzjoni permezz tat-titoli abbażi ta' assi (asset-backed securities) u l-fondi spekulattivi (Hedge Funds).

L-Unjoni Ewropea kienet minn tal-ewwel li rreaġixxiet għall-kriżi u enfasizzat il-ħtieġa għal koordinazzjoni internazzjonali, essenzjali sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet ugwali fil-livell internazzjonali.

3.13   Jeħtieġ li wieħed jistaqsi jekk l-awtoritajiet fil-pajjiżi differenti humiex jirreaġixxu b’mod omoġen u koerenti peress li waħda mill-akbar problemi kienet dik tan-nuqqas ta' simetrija regolatorja bejn id-diversi swieq finanzjarji.

3.14   L-Ewropa għandha tevita iktar dewmien fit-tlestija tal-proċess ta' riforma tagħha – li għandu jiġi traspost fil-leġislazzjoni nazzjonali mill-2013 – sabiex l-intrapriżi u s-sistema finanzjarja Ewropea ma jiġux penalizzati, li f’għajnejn l-investituri internazzjonali mhumiex irregolati b’mod effettiv minħabba d-differenzi bejn l-Istati Membri u l-ineffiċjenza tal-mudell leġislattiv.

3.15   Minkejja l-isforzi kollha tal-Kummissjoni biex tipprova tirregola b’mod uniformi s-suq intern, hemm interessi ekonomiċi u politiċi b’saħħithom li jagħmluha dejjem aktar diffiċli li tiġi stabbilita sistema Ewropea effikaċi u ddettaljata ta' superviżjoni.

3.16   Anke dan l-aħħar, il-KESE fakkar fil-ħtieġa li jissaħħaħ minnufih il-qafas leġislattiv u regolatorju u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Is-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u nazzjonali għandha tkompli tinsisti mal-awtoritajiet u l-poteri pubbliċi biex jadottaw minnufih ir-regoli l-ġodda fil-qasam finanzjarju. Il-KESE għandu rwol verament importanti x’jaqdi, direttament kif ukoll permezz tal-organizzazzjonijiet li huma msieħba fihom il-membri tiegħu, li għandhom jistimolaw dibattitu konxju u responsabbi fl-Istati Membri. Il-ġejjieni ta' ekonomija sostenibbli ġdida, ta' swieq finanzjarji ddedikati għall-iżvilupp ibbilanċjat, għat-tkabbir sostenibbli ser jiddependi ħafna mill-kwalità tar-regolamentazzjoni finanzjarja. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli aktar effikaċi u aktar stretti sabiex is-suq jintroduċi mill-ġdid dimensjoni etika fil-kodiċi ta' kondotta tiegħu.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-Komunikazzjoni ma tgħid xejn dwar il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt u dwar il-miżuri li ġew adottati; tgħid biss li dan il-proċess sar. Imma min huma l-partijiet interessati? Jekk il-Komunikazzjoni qed tirreferi għall-konsultazzjoni elettronika tas-soltu, li żgur kienet ta' interess għall-industrija u għal xi gruppi ta' esperti, innominati dejjem mis-sistema finanzjarja, iżda ta' interess marġinali għad-dinja tax-xogħol u għall-konsumaturi, għad jonqos bilanċ ġenwin bejn id-diversi interessi li kellhom jiġu involuti mill-bidu nett tal-isforzi ta' riforma.

4.2   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni ikbar lill-korpi tas-soċjetà ċivili u biex tiżgura li jiġu involuti b’mod effettiv. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tuża l-isforzi tagħha stess b’mod aktar effikaċi għal koordinazzjoni internazzjonali mtejba bejn il-korpi demokratiċi tal-pajjiżi membri kollha tal-UE. Jinħtieġ programm serju, b’finanzi adegwati, biex iċ-ċittadini Ewropej jiġu involuti f’dan il-proċess u jiġu infurmati dwar xi tibdil diffiċli iżda neċessarju.

4.3   L-effetti kumulattivi tad-diversi inizjattivi leġislattivi mhumiex indikati b’mod ċar, b’mod partikolari għax il-miżuri mhumiex ikkunsidrati fil-kuntest tagħhom u għax uħud minnhom (Basel 3, il-prinċipji futuri tal-kontabbiltà internazzjonali) ser jitwettqu minn korpi terzi, bħall-Kumitat ta' Basel jew l-IASB (3).

4.4   Il-KESE jitlob regolament b’saħħtu, komprensiv, effiċjenti u bbilanċjat. Biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi, il-KESE jirrakkomanda li jsir studju fil-fond dwar l-inizjattivi regolatorji kumulattivi għall-miżuri neċessarji fuq is-sistema finanzjarja u s-suq tal-kapital. Sistema stabbli u effiċjenti għandha tippromovi stabbiltà finanzjarja u likwidità għall-ekonomija reali. Il-Kummissjoni ser ikollha tiffaċċja l-kompitu diffiċli li, fil-kuntest tar-reviżjoni globali tal-arkitettura kollha għar-regolamentazzjoni tas-swieq, tikseb l-aqwa bilanċ possibbli bejn il-miżuri prudenzjali, it-tisħiħ tal-ħtiġijiet tal-kapital, kopertura mtejba u klassifikazzjoni tar-riskji u żvilupp tal-ekonomija. Dan ser ikollu jsir f’kuntest fejn il-kriżi finanzjarja u ekonomika ġiet aggravata ħafna minħabba l-miżuri ta' aġġustament tal-baġits pubbliċi.

4.5   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha aktar biex tasal għal direzzjoni komuni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi ewlenin b’mod speċjali mal-pajjiżi tal-G-20.

4.6   Skont il-Kummissjoni għad hemm tletin proposta leġislattiva ġdida biex jiġu diskussi u adottati sal-aħħar tas-sena d-dieħla, iżda dawn għadhom ma jidhrux fl-aġenda tal-ħidma tal-Parlament. Il-KESE jinsab imħasseb u għandu dubji kbar dwar kemm dan il-programm jista’ jitwettaq fil-verità. Iż-żewġ presidenzi li jmiss tal-Unjoni ser ikollhom kompitu kumpless ħafna xi jwettqu u r-rwol tal-President tal-Unjoni, li għandu jiggarantixxi l-kontinwità u l-effikaċja tal-azzjonijiet, għadu ma ġiex implimentat. Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jittrattaw b’mod preferenzjali l-miżuri dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq, li ilhom mistennija ħafna.

4.7   Il-KESE lest jappoġġja lill-Kummissjoni f’dan il-proċess u li jikkontribwixxi għat-titjib tar-regolamentazzjoni permezz tal-opinjonijiet tiegħu u konsultazzjoni kontinwa u diretta. Il-Kummissjoni tista’ tinkariga lill-KESE jieħu l-inizjattiva li jxerred fl-Istati Membri l-ħtieġa li jittieħdu deċiżjonijiet rapidi u globali dwar ir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji permezz ta' inizjattivi pubbliċi fuq il-post li jinvolvu lill-partijiet soċjali, l-awtoritajiet ekonomiċi, l-organizzazzjonijiet tal-utenti u tal-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji. Il-KESE, flimkien man-netwerk ta' KES nazzjonali u internazzjonali, jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-andament pożittiv ta' dan il-proċess permezz ta' azzjoni bil-għan li:

jinżamm livell għoli ta' superviżjoni;

tissaħħaħ il-koordinazzjoni Ewropea u internazzjonali;

jinfirxu l-proposti li bħalissa qed jiġu diskussi fil-livell Ewropew;

jikkontribwixxi l-għarfien espert u l-kompetenza tiegħu f’dan ir-rigward.

Brussell, 16 ta’ Frar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  D. Strauss-Kahn, Agadir, 1 ta' Novembru 2010.

(2)  Pub.L. 111-203, H.R. 4173.

(3)  Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.