17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007, fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

COM(2010) 486 finali – 2008/0183 (COD)

2011/C 84/11

Relatur: is-Sur LUCAN

Nhar it-23 ta' Settembru 2010 u nhar it-8 ta' Ottubru 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 1234/2007, fir-rigward tad-distribuzzjoni ta' prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni

COM(2010) 486 finali – 2008/0183 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta' Diċembru 2010.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta' Jannar 2011 (seduta tal-20 ta' Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'150 vot favur, 4 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni hija prova tal-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku tas-suq tal-ikel u tal-iżvilupp tal-valuri Ewropej (b'mod partikolari tal-prinċipju tas-solidarjetà) fost il-gruppi soċjali l-aktar żvantaġġati fl-Unjoni Ewropea. Il-garanzija ta' provvista tal-ikel għaċ-ċittadini kollha tal-UE, u b'mod partikolari, għall-persuni żvantaġġati għandha tibqa' wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-politika agrikola tal-Unjoni. Il-KESE jqis li hija biss politika agrikola favur it-tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-settur li ser tkun tista' tgħin lill-gruppi soċjali l-iktar żvantaġġati tal-UE.

1.2   Il-Kumitat iqis li r-reviżjoni tal-qafas legali Ewropew hija opportuna u neċessarja minħabba d-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat u l-iżviluppi li seħħew fis-suq uniku kemm f'dak li jirrigwarda prezzijiet, ħażniet u l-politiki tas-suq kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-bżonnijiet speċifiċi ta' kull Stat Membru.

1.3   Billi fl-UE aktar minn 80 miljun ċittadin (1) (aktar minn 16 % tal-popolazzjoni Ewropea) qed jiffaċċjaw il-faqar, u fid-dawl tal-prijoritajiet tas-Sena Ewropea 2010 kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u tal-fatt li minħabba l-kriżi ekonomika numru ikbar ta' ċittadini tal-UE jinsabu fir-riskju tal-faqar, il-KESE jenfasizza li għandha tinżamm l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel għan-nies l-aktar fil-bżonn fl-UE u li din għandha tkun iffinanzjata fuq bażi permanenti mill-baġit tal-PAK.

1.4   Il-KESE huwa tal-fehma li l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel għan-nies l-aktar fil-bżonn fl-UE għandha ssir element permanenti tal-PAK għax hija ttejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli li jkunu qed jiffaċċjaw il-problema ta' tibdiliet fis-suq tal-prodotti tal-ikel. Fl-istess waqt, l-iskema tikkontribwixxi sabiex toħloq bilanċ u stabbiltà fis-suq intern għax tinvolvi d-distribuzzjoni ta' prodotti ġejjin mill-ħażniet ta' intervent u xiri li sar mis-suq u għalhekk huma prodotti tal-ikel ġejjin mill-agrikoltura Ewropea. Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li tinżamm din l-għajnuna indiretta għas-suq li tagħmel parti mill-PAK u li hija indispensabbli kemm għall-persuni żvantaġġati kif ukoll għall-bdiewa li qed jiffaċċjaw il-kriżi attwali.

1.5   Minħabba l-kobor tal-fenomenu tal-faqar alimentari, li jolqot aktar minn 43 miljun ċittadin Ewropew u fid-dawl tal-impatt pożittiv li kellha l-iskema matul iż-żmien fuq il-kategoriji soċjali l-aktar żvantaġġati, il-KESE huwa tal-opinjoni li għandha tingħata baġit solidu b'mod permanenti.

1.6   Il-valutazzjoni tal-iskemi nazzjonali u Ewropej ta' għajnuna alimentari għandha tkun ibbażata fuq l-istima tal-ħtiġijiet tal-persuni żvantaġġati kollha, inklużi l-kategoriji l-aktar foqra (tfal fit-toroq, nies li m'għandhomx fejn joqogħdu, dawk li qed ifittxu l-ażil, ħaddiema illegali jew migranti eċċ.) li ma jibbenefikaw minn ebda għajnuna fuq il-bażi tal-kriterju tad-dħul minimu garantit u li ġeneralment ma jiġux inklużi fl-istatistika uffiċjali. Il-prevenzjoni tal-esklużjoni soċjali u l-ġlieda kontriha jistgħu jitwettqu l-ewwel nett billi jiġu inklużi l-kategoriji kollha tal-persuni żvantaġġati. Dawn huma prijoritajiet tas-Sena Ewropea 2010. Il-KESE jitlob lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri sabiex iqisu l-bażijiet ta' data dwar in-nies esklużi mill-istatistika uffiċjali huma u jiddefinixxu l-kategoriji tal-persuni żvantaġġati. Ħafna drabi din id-data hija disponibbli fl-istatistika miġbura mill-NGOs jew mill-organizzazzjonijiet tal-karità.

1.7   Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jippromovu s-sħubijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili bil-għan li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-akbar numru possibbli ta' NGOs u voluntiera fil-proċess tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel. Il-KESE jikkunsidra li l-iskema għad-distribuzzjoni tal-ikel tista' tikkumplementa s-servizzi soċjali pprovduti fil-qafas tal-integrazzjoni soċjali tal-persuni żvantaġġati.

1.8   Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-attivitajiet tal-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-karità li joffru għajnuna alimentari, servizzi ta' kura tas-saħħa u assistenza soċjali (l-aktar dawk li joffru refuġju lill-persuni żvantaġġati, ċentri li jipprovdu l-ikel jew day centres) għandhom jibbenefikaw minn appoġġ sabiex ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż amministrattivi tagħhom.

1.9   Il-Kumitat jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li fil-proposta emendata tiġi integrata l-emenda tal-Parlament Ewropew li jirrakkomanda li jiġu rimborżati l-ispejjeż amministrattivi u tal-ħażna tal-organizzazzjonijiet tal-karità.

1.10   Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali, speċjalment fl-Istati Membri fejn id-dħul għal kull abitant huwa baxx u fejn il-persuni żvantaġġati huma numerużi ħafna, il-kofinanzjament nazzjonali jista' jirriżulta f'burokrazija żejda għall-iskema Ewropea u li b'hekk din ma tibqax effettiva. Il-KESE iqis li dan ikun ta' ħsara għall-gruppi l-aktar żvantaġġati tal-UE u jmur kontra l-prinċipji ta' integrazzjoni soċjali promossi fil-qafas tas-Sena Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.

1.11   Il-Kumitat jikkunsidra li l-iskema tal-ikel għall-persuni żvantaġġati għandha ssir programm tal-Unjoni, iffinanzjat kollu hemm hu mill-baġit tal-PAK. Attwalment huma l-Istati Membri, li flimkien mal-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-karità, jappoġġjaw l-ispejjeż speċifiċi marbuta mal-implimentazzjoni tal-programm (spejjeż tat-trasport tal-prodotti tal-ikel lejn l-imħażen tal-organizzazzjonijiet, spejjeż amministrattivi, spejjeż tat-trasport, spejjeż tal-ħażna, VAT, spejjeż iġġenerati mis-servizzi soċjali li jingħataw mal-għajnuna alimentari).

2.   Is-Sena Ewropea 2010 kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali timmira li tgħin lill-persuni żvantaġġati, inklużi dawk li huma mhedda mill-faqar alimentari.

2.1   Fl-UE, iktar minn 80 miljun ċittadin iħabbtu wiċċhom mal-faqar (2) 16 % tal-popolazzjoni Ewropea tinsab f'pożizzjoni vulnerabbli u aktar minn 43 miljun ċittadin jinsabu fir-riskju ta' faqar alimentari. Fl-2006, fl-UE, il-perċentaġġ tal-popolazzjoni tan-nies fir-riskju tal-faqar kien ivarja bejn 2 % (id-Danimarka) u 37 % (is-Slovakkja). Fl-UE, ir-rata tal-faqar taqbeż l-20 % f'tal-anqas seba' Stati Membri. Fil-Polonja u l-Ġermanja l-persuni mhedda mill-faqar jammontaw għal 11-il miljun u 9 miljuni rispettivament. Din l-istatistika tikkostitwixxi l-prova ċerta li hemm bżonn ta' għajnuna alimentari.

2.2   Il-gruppi l-aktar esposti għal nuqqas ta' nutrizzjoni jew għal nutrizzjoni ħażina minħabba alimentazzjoni insuffiċjenti jew inadegwata huma t-tfal ta' familji fqar, l-anzjani, dawk li m'għandhomx dar, dawk li qed ifittixu l-ażil, il-ħaddiema immigranti illegali u l-persuni jew tfal b'diżabilità. F'ċerti Stati Membri, xi wħud minn dawk li jibbenefikaw minn għajnuna alimentari jibbenefikaw ukoll minn għajnuna soċjali mogħtija fuq il-kriterju tad-dħul minimu garantit.

2.2.1   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna mill-persuni żvantaġġati, b'mod partikolari dawk mingħajr dar, dawk li jitolbu ażil u l-ħaddiema jew l-immigranti illegali, ma jibbenefikaw minn ebda forma ta' protezzjoni soċjali u mhumiex inklużi fl-istatistika nazzjonali. Fost dawn il-persuni, uħud m'għandhomx karti tal-identità, tant li huwa diffiċli li ssir stima tal-ħtiġijiet soċjali u alimentari tagħhom. Tista' ssir stima xierqa b'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi jew tal-karità.

2.2.2   Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal minn familji fqar, minħabba li l-vizzji alimentari tagħhom fil-futur jistgħu jiġġeneraw ċerti problemi tas-saħħa, bħal nuqqas ta' żvilupp tal-abbiltajiet konoxxittivi tagħhom u defiċjenza fil-ħila li jitgħallmu. Għalhekk il-KESE jaqbel li jkun hemm varjetà fil-prodotti tal-ikel li jingħata bħala għajnuna alimentari u li jiġu inklużi l-frott u l-ħaxix.

2.3   Fil-qafas tas-Sena Ewropea 2010 kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar taqa' taħt ir-responsabbiltà kollettiva. L-istrateġija ta' promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali u tal-ġlieda kontra l-faqar tinkludi diversi prijoritajiet:

integrazzjoni attiva, ibbażata fuq il-garanzija ta' dħul minimu, ir-ritorn fis-suq tax-xogħol u l-għotja ta' servizzi soċjali li jinkoraġġixxu l-integrazzjoni mill-ġdid;

il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

il-prevenzjoni tal-esklużjoni mill-aċċess għall-akkomodazzjoni u tal-esklużjoni ta' dawk li m'għandhomx fejn joqogħdu (3).

F'din il-perspettiva, l-għajnuna alimentari għandha tingħata b'mod li tiġi assoċjata mas-servizzi ta' kura, edukazzjoni u assistenza soċjali, biex tikkonforma mal-proċess ta' integrazzjoni professjonali u soċjali tal-gruppi differenti ta' persuni żvantaġġati.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1   L-iskema attwali tad-distribuzzjoni tal-ikel hija bbażata fuq id-distribuzzjoni tal-prodotti mill-ħażniet ta' intervent tal-Unjoni supplimentati, fuq bażi temporanja, bix-xiri mis-swieq. Madankollu r-riformi suċċessivi tal-PAK u l-iżviluppi favorevoli tal-prezzijiet irriżultaw fi tnaqqis progressiv tal-ħażniet ta' intervent u f'inqas varjetà ta' prodotti disponibbli. Għalhekk anki x-xiri mis-suq għandu jsir sors ta' provvista permanenti tal-iskema biex meta ma jkunx hemm biżżejjed ikel maħżun jintuża dan is-sors.

3.1.1   Il-proposta sabiex jiġi emendat ir-regolament bażiku tiġbor fiha dispożizzjonijet sabiex id-dokument jiġi allinjat mat-TFUE u jsiru bidliet sostanzjali fil-miżuri agrikoli li ġew proposti sabiex tiġi standardizzata l-implimentazzjoni tal-iskema tad-distribuzzjoni tal-ikel fl-Istati Membri kollha.

3.1.2   Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat il-qafas leġislattiv abbażi ta' dawn il-prinċipji: żewġ sorsi ta' forniment (l-ikel mill-ħażniet tal-intervent jew mis-suq), varjetà aktar wiesgħa ta' ikel għat-tqassim u prijoritajiet iżjed ċari, perspettiva għall-perjodu fit-tul (tliet snin), it-tisħiħ tal-monitoraġġ u r-rappurtaġġ, l-introduzzjoni tal-kofinanzjament (ir-rati ta' kofinanzjament tal-Unjoni għandhom ikunu 75 % u 85 % fl-Istati Membri ta' Koeżjoni għall-pjan tal-2010/12. Sussegwentement, mill-pjan tal-2013/15, ir-rati ta' kofinanzjament tal-Unjoni għandhom ikunu 50 % u 75 % rispettivament).

4.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

4.1   L-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni hija implimentata f'20 Stat Membru. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, id-distribuzzjoni tal-ikel issir fi sħubija mal-NGOs u bl-għajnuna tagħhom.

4.2   Fl-2006, aktar minn 13-il miljun persuna bbenefikaw mill-iskema Ewropea tad-distribuzzjoni tal-ikel fi 15-il Stat Membru. Fl-2008, 19-il Stat Membru ħadu sehem fi proġett ta' volontarjat b'baġit ta' EUR 305 miljun. Fl-2009, il-baġit allokat għall-iskema Ewropea tad-distribuzzjoni tal-ikel żdied għal EUR 500 miljun għall-20 Stati Membru li jipparteċipaw fil-programm.

4.3   Il-kriżi ekonomika, inqas impjiegi u ż-żieda fil-prezzijiet ta' ċerti prodotti bażiċi tal-ikel wasslu għal żieda fil-gruppi ta' nies vulnerabbli. Huwa meqjus li n-numru ta' persuni żvantaġġati qiegħed dejjem jiżdied.

4.4   Finanzjament sħiħ jew kofinanzjament?

4.4.1   Skont il-Kummissjoni, l-introduzzjoni tal-kofinanzjament issaħħaħ il-koeżjoni tal-iskema, tiżgura pjanar xieraq u ssaħħaħ is-sinerġiji. Il-Kummissjoni tixtieq bilanċ baġitarju u żieda fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Hija kuntenta bil-fatt li l-introduzzjoni tal-prinċipju tal-kofinanzjament ser tiżgura baġit ikbar għall-iskema.

4.4.2   Il-Kummissjoni Ewropea, fil-kalkoli tagħha tqis il-varjabbli li ġejjin mid-donazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet privati tal-karità li jistgħu jitqiesu parti mill-kofinanzjament tal-Istati Membri. Il-KESE jqis fl-istess ħin li l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tal-karità hija kwantifikabbli u għalhekk eliġibbli għall-prinċipju tal-kofinanzjament.

4.4.3   Il-Parlament Ewropew jipproponi li l-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel tkun iffinanzjata kollha kemm hi mill-baġit tal-UE, għax ċerti Stati Membri ma jkunux jistgħux jieħdu sehem fiha jekk dan ikun jirrikjedi li jiġu applikati limiti minimi ta' kofinanzjament. Il-KESE jqis li l-Istati Membri li ma jistgħux jiggarantixxu l-livell mitlub ta' kofinanzjament għax m'għandhomx ir-riżorsi neċessarji ma jistgħux jilħqu l-għanijiet tal-programm, jiġifieri l-istabbiltà tas-suq u dik soċjali.

4.4.4   Il-KESE jikkunsidra li b'sistema ta' kofinanzjament, il-benefiċjarji l-aktar fqar li jkunu ġejjin minn Stati Membri fejn id-dħul għal kull abitant huwa baxx jistgħu jiġu esklużi minn din l-iskema ta' għajnuna alimentari.

4.4.5   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-għanijiet tas-Sena Ewropea 2010 huwa preċiżament il-“ġlieda kontra l-esklużjoni”. Madankollu l-kofinanzjament jista' jwassal għall-esklużjoni soċjali ta' ċerti gruppi żvantaġġati, preċiżament matul is-sena Ewropea li fiha wieħed mill-għanijiet huwa l-integrazzjoni soċjali.

4.4.6   Il-KESE jenfasizza li, jekk tinżamm is-soluzzjoni tal-kofinanzjament, il-problemi soċjali u l-fenomenu tal-faqar alimentari jiżdiedu aktar. B'riżultat ta' dan u minħabba l-moviment ħieles fl-Unjoni, uħud mill-persuni l-aktar fil-bżonn ser jemigraw fl-Istati l-aktar sinjuri tal-UE. Fil-prattika, il-problemi tal-faqar alimentari ta' ċerti ċittadini Ewropej jiġu trasferiti mir-reġjuni l-aktar foqra għal reġjuni fejn id-dħul għal kull abitant huwa ogħla.

4.4.7   Fis-sitwazzjoni attwali tal-kriżi ekonomika, il-KESE jikkonsidra li l-iskema tal-għajnuna alimentari għall-persuni żvantaġġati għandha ssir programm tal-Unjoni, iffinanzjat kollu kemm hu mill-baġit tal-PAK.

4.5   Il-KESE huwa favur il-proposta tal-Kummissjoni li l-prodotti tal-ikel jinkisbu biss mis-suq Ewropew sabiex fl-istess ħin, b'mod indirett, jiġu appoġġjati l-bdiewa Ewropej.

4.6   Id-diversifikazzjoni tal-prodotti offruti fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna alimentari

4.6.1   Għalkemm huwa diffiċli li jinkiseb bilanċ nutrizzjonali minħabba li l-biċċa l-kbira tal-għajnuna alimentari ġejja mill-ħażniet ta' intervent, il-KESE jaqbel li jiġu pprovduti l-aktar prodotti varji u tajbin possibbli, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet nutrizzjonali u l-linji gwida relatati mad-dieta tal-popolazzjoni tal-UE.

4.6.2   Il-KESE huwa favur li dawn il-miżuri ta' għajnuna alimentari jiġu assoċjati ma' miżuri ta' assistenza soċjali u jirrakkomanda li l-għajnuna alimentari titqassam sikwit (u mhux b'mod eċċezzjonali) l-aktar f'postijiet fejn l-NGOs u l-awtoritajiet pubbliċi joffru servizzi oħra (akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, edukazzjoni, taħriġ professjonali, integrazzjoni soċjali, eċċ.).

5.   Il-parteċipazzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili, tal-organizzazzjonijiet tal-karità u tal-voluntiera

5.1   Nhar it-30 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea organizzat laqgħa tal-atturi involuti fl-implimentazzjoni tal-iskema tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel. F'din il-laqgħa ħadu sehem ir-rappreżentanti ta' 18-il NGO attivi fi 15-il Stat Membru, ir-rappreżentanti ta' korp Ewropew (l-Alleanza Ewropea dwar is-Saħħa Pubblika), kif ukoll ir-rappreżentanti ta' aġenziji ta' servizzi u ta' ħlas.

5.2   Fl-Ewropa jeżistu NGOs (4) li joffru l-għajnuna alimentari tagħhom b'mod integrat u li b'hekk jikkostitwixxu komponent wieħed minn fost ġabra ta' servizzi soċjali ġenerali offruti lill-persuni żvantaġġati sabiex jinkiseb livell ta' integrazzjoni soċjali dejjem iktar għoli.

5.3   L-organizzazzjonijiet tal-karità huma fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw l-impatt tal-programm, billi għandhom relazzjoni diretta mal-gruppi ta' persuni żvantaġġati. Skonthom hemm benefiċjarji tal-programm li jissuġġerixxu li tiżdied il-varjetà tal-prodotti tal-ikel sabiex tinkiseb dieta nutrizzjonali bbilanċjata; li jinħolqu bażijiet leġislattivi sabiex jitqassmu prodotti lokali tradizzjonali u fl-aħħar nett, li jittawwal il-perjodu tal-implimentazzjoni tal-programm.

5.4   Il-parteċipazzjoni tal-NGOs u ta' għadd kbir ta' voluntiera turi li s-soċjetà ċivili Ewropea hija sensittiva fir-rigward tal-persuni l-aktar fil-bżonn u tappoġġjahom. Il-KESE jqis li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun qed jiġi rispettat jekk l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jiddefinixxu l-proċeduri u l-kriterji neċessarji biex jagħżlu l-organizzazzjonijiet li ser jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-programm. L-għażla ta' min ser jibbenefika mill-għajnuna hija r-responabbiltà tal-Istati Membri wkoll. Dan il-programm jippromovi l-iżvilupp ta' relazzjonijiet ta' kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonjiet tal-karità u l-gvern.

5.5   F'ċerti pajjiżi tal-UE, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-karità jistgħu jinvolvu ruħhom aktar kieku jkollhom riżorsi finanzjarji suffiċjenti biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi. Il-KESE japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni li mal-proposta emendata tagħha tiġi inkorporata l-emenda tal-Parlament Ewropew, li titlob li n-nefqa amministrattiva u l-ispejjeż tal-ħażna u tat-trasport (bejn il-punti ta' depożitu u l-punti ta' distribuzzjoni) tal-assoċjazzjonijiet tal-karità jkunu jistgħu jiġu rimborżati (ara l-Artikolu 27(7) tar-Regolament emendat).

Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  http://www.2010againstpoverty.eu/about/?langid=mt

(2)  Ibidem.

(3)  Ibidem.

(4)  Pereżempju, fil-Polonja hemm 44 rappreżentazzjoni reġjonali, 100 ċentru tal-Caritas, 4 500 impjegat u 70 000 voluntier li jieħdu ħsieb l-implimentazzjoni tal-iskema. L-organizzazzjoni tal-karità Caritas Polonja bdiet tagħti sehemha fl-iskema fl-2004. Għandha 44 maħżen u 20 maħżen għall-prodotti kesħin. Caritas Polonja tispjega li l-isfidi li hija ser taffaċċja fil-ġejjieni huma dawk tal-ġestjoni tal-programm, tat-trasport tal-prodotti u tal-akkwist ta' beni kapitali.