21.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fl-avjazzjoni ċivili

2010/C 132/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu (2),

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA

I.   DAĦLA

1.

Fid-29 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fl-avjazzjoni ċivili (3). Ir-Regolament propost huwa maħsub sabiex jissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 94/56/KE li tistabbilixxi l-prinċipji fondamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fl-avjazzjoni ċivili (4).

2.

Il-KEPD ma ġiex ikkonsultat kif meħtieġ mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Għaldaqstant din l-opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 41(2) tal-istess Regolament. Il-KEPD jirrakkomanda li referenza għal din l-opinjoni tiġi inkluża fil-preambolu tal-proposta.

3.

Bħala kumment ġenerali, għalkemm il-KEPD jiddispjaċih li ma ġiex ikkonsultat fi żmien xieraq, huwa jinnota b’sodisfazzjon li l-aspetti tal-protezzjoni tad-dejta huma nklużi fil-proposta. Ċerti dispożizzjonijiet jinsistu fuq il-fatt li l-miżuri previsti huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE u l-kunfidenzjalità tad-dejta hija waħda minn bosta aspetti importanti tal-proposta.

4.

Madankollu, il-KEPD identifika xi nuqqasijiet u nuqqas ta’ ċarezza f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-dejta personali. Wara deskrizzjoni tal-kuntest u tal-isfond tal-proposta fil-Kapitolu II, dawk il-kummenti sejrin jiġu żviluppati fil-Kapitolu III.

II.   KUNTEST U SFOND TAL-PROPOSTA

5.

L-għan tal-proposta huwa li jiġu aġġornati r-regoli eżistenti fil-qasam tal-investigazzjoni tal-aċċidenti tal-ajru. Ir-regoli preċedenti, adottati ħmistax-il sena ilu, m’humiex aktar adatti għas-suq komuni l-ġdid tal-avjazzjoni, u għall-għarfien meħtieġ għal sistemi tal-ajru aktar kumplessi. Id-diverġenzi dejjem jiżdiedu fil-kapaċitajiet ta’ investigazzjoni tal-Istati Membri wkoll hija ġustifikazzjoni għal qafas ġdid li jappoġġja l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ awtoritajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni.

6.

Għalhekk il-proposta tiffoka fuq l-istabbiliment ta’ Netwerk ta’ Awtoritajiet ta’ Investigazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili sabiex jiffaċilita kooperazzjoni aktar strutturata. Hija tipprovdi wkoll regoli obbligatorji bl-għanijiet ewlenin ta’ definizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), filwaqt li tiżgura l-protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva, u tistabbilixxi rekwiżiti uniformi f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar ta’ rakkomandazzjoni ta’ sigurtà.

7.

Il-KEPD m’għandu l-ebda osservazzjoni dwar l-objettiv ġenerali tal-proposta u jappoġġja b’mod sħiħ l-inizjattiva meħuda, li hija maħsuba sabiex ittejjeb l-effiċjenza tal-investigazzjonijiet u għaldaqstant tipprevjeni s-seħħ ta’ aċċidenti tal-ajru futuri. L-osservazzjonijiet li ġejjin sejrin jiffukaw fuq l-aspetti tal-proposta li għandhom impatt fuq il-protezzjoni ta’ dejta personali, inkluż b’mod partikolari l-ipproċessar ta’ dejta mil-listi tal-passiġġieri, dwar il-vittmi, il-familji tagħhom u x-xhieda kif ukoll l-ekwipaġġ tal-ajru, waqt il-fażijiet differenti tal-investigazzjoni u fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ investigazzjoni.

III.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

III.1.   Objettiv tal-proposta

8.

Il-Premessa 3 u l-Artikolu 1 ifakkru l-limitazzjoni ddikjarata preċedentement fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta, skont liema, l-objettiv uniku tal-investigazzjonijiet tas-sigurtà għandu jkun il-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti futuri mingħajr tqassim ta’ tort u responsabbiltà. Il-KEPD jilqa’ din il-preċiżazzjoni li hija konforma mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dejta personali għandha tiġi pproċessata għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata aktar b’mod li ma tkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet.

9.

Għalkemm din il-limitazzjoni tal-iskop hija ddikjarata b’mod espliċitu fil-bidu tal-proposta, huwa importanti li l-ebda deroga ma ċċaħħad lil dan il-prinċipju mis-sostanza tiegħu, kif ser ikun eżaminat fil-Kapitoli III.4 sa III.6.

10.

Il-KEPD jinnota li minbarra l-iskop ewlieni sabiex titjieb is-sigurtà tal-avjazzjoni, l-abbozz tar-regolament jipprovdi wkoll għall-ġbir ta’ dejta personali fil-kuntest ta’ għajnuna lill-vittmi u lill-familji tagħhom (Artikolu 23). Il-KEPD ma jara l-ebda kwistjoni ta’ kompatibbiltà bejn dan l-għan u l-għan ta’ investigazzjoni ta’ sigurtà. Madankollu, l-Artikolu 1 tar-Regolament jista’ jiġi kkumplimentat sabiex jirrifletti kif jixraq iż-żewġ aspetti tar-Regolament.

III.2.   Ġbir ta’ informazzjoni

11.

Il-proposta tiddeskrivi fid-dettall il-firxa wiesgħa ta’ informazzjoni li tista’ tiġi aċċessata minn dawk responsabbli għall-investigazzjoni. Din tinkludi b’mod speċjali dejta personali bħal dik li tkun tinsab fir-rekorders tat-titjira u kull reġistrazzjoni oħra, riżultati ta’ eżaminazzjoni tal-iġsma tal-vittmi jew nies involuti fit-tħaddim tal-inġenji tal-ajru, u l-eżami ta’ xhieda li jistgħu jkunu meħtieġa jipproduċu informazzjoni jew provi rilevanti.

12.

Din l-informazzjoni hija disponibbli għall-investigatur responsabbli kif ukoll għall-esperti u l-konsulenti tiegħu u dawk tar-rappreżentanti akkreditati, fuq il-bażi ta’ ħtieġa ta’ għarfien. L-EASA ukoll għandha d-dritt li taċċessa xi ftit minn din l-informazzjoni waqt li tipparteċipa fl-investigazzjoni taħt il-kontroll tal-investigatur responsabbli, b’xi ftit eċċezzjonijiet inkluż meta xhud jirrifjuta li tixxandar id-dikjarazzjoni tiegħu/tagħha.

13.

Il-proposta tipprovdi wkoll għall-kundizzjonijiet skont liema, il-lista tal-passiġġieri għandha ssir disponibbli. Hawnhekk, l-għan mhuwiex relatat biss mal-iżvolġiment tal-investigazzjoni iżda wkoll mal-ħtieġa ta’ komunikazzjoni mal-familji u fir-rigward ta’ unitajiet mediċi.

14.

Il-KEPD jilqa’ l-livell ta’ dettall ipprovdut fil-proposta rigward il-kundizzjonijiet għall-ġbir ta’ dejta personali relatata mal-għan segwit, li huwa konformi mal-prinċipju ta’ ħtieġa (5) tal-liġi ta’ protezzjoni tad-dejta.

III.3.   Ħażna ta’ dejta personali

15.

Filwaqt li l-KEPD jifhem il-ħtieġa għal ġbir wiesgħa ta’ informazzjoni inkluż dejta personali, kif speċifikat hawn fuq, huwa jisħaq fuq il-ħtieġa għal regoli stretti fir-rigward tal-ħażna u l-iżvelar tagħhom lil partijiet terzi.

16.

Fir-rigward tal-ħażna, fl-Artikolu 14 tagħha, il-proposta tipprevedi l-ħtieġa li jinżammu dokumenti, materjal u reġistrazzjonijiet, għal raġunijiet ovvji marbuta mal-iżvolġiment tal-investigazzjoni. Madankollu l-proposta ma tipprovdix għal xi indikazzjoni dwar it-tul ta’ żmien tal-ħażna ta’ din l-informazzjoni. Skont il-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta (6), dejta personali għandha tinżamm “b’mod li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-dejta għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-dejta tkun inġabret jew li għalihom tkun ipproċessata iktar”. Għalhekk, fil-prinċipju, id-dejta personali għandha titħassar malli tintemm l-investigazzjoni, jew għandha tinżamm f’forma anonima jekk ma jkunx possibbli li din titħassar għal kollox (7). Kull raġuni li minħabba fiha, dejta identifikabbli għandha tinżamm għal aktar żmien għandha tkun identifikata u ġġustifikata, u għandha tinkludi kriterji li jidentifikaw lil dawk intitolati li jżommu d-dejta. Għandha tiddaħħal dispożizzjoni fil-proposta f’dan is-sens, li għandha tapplika b’mod orizzontali għal kwalunkwe informazzjoni personali skambjata permezz tan-netwerk.

III.4.   Disponibbiltà u pubblikazzjoni ta’ informazzjoni

17.

Għalkemm il-proposta tiddikjara bħala prinċipju li informazzjoni personali għandha tintuża biss għal finijiet ta’ investigazzjoni u mill-partijiet responsabbli għal tali investigazzjonijiet, it-test jinkludi xi derogi wiesgħin (8).

18.

Dan huwa l-każ għad-dikjarazzjonijiet ta’ xhieda li jistgħu jsiru disponibbli jew jintużaw għal finijiet oħrajn barra investigazzjonijiet tas-sigurtà jekk ix-xhud jaqbel (Artikolu 15.1.a). Il-KEPD ifakkar li tali kunsens ta’ xhud għandu jkun liberu, speċifiku u infurmat, u li l-użu ulterjuri tal-informazzjoni m’għandux ikun relatat ma’ għan li ma jkunx kompatibbli mal-investigazzjonijiet ta’ sigurtà. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, il-kunsens m’għandux jintuża bħala bażi għal użu ulterjuri ta’ dejta personali. Dan il-kumment huwa validu wkoll fir-rigward tal-użu ta’ kunsens sabiex wieħed jidderoga mill-prinċipju tal-limitazzjoni tal-għan fil-każ tar-reġistrazzjonijiet (Artikolu 16).

19.

L-Artikolu 15 tal-proposta jinkludi wkoll deroga wiesgħa li tapplika għal kwalunkwe tip ta’ informazzjoni sensittiva ta’ sigurtà (9). Din l-informazzjoni, li fil-prinċipju hija soġġetta għal protezzjoni speċifika kontra l-użu ħażin, xorta tista’ tiġi żvelata għal kwalunkwe skop barra investigazzjonijiet ta’ sigurtà, jekk l-awtorità kompetenti għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi Stat Membru tiddeċiedi dan, filwaqt li tikkunsidra l-eżistenza ta’ interess superjuri u l-bilanċ bejn il-benefiċċji tal-iżvelar u l-impatt negattiv nazzjonali u internazzjonali tiegħu fuq l-investigazzjonijiet u fuq il-ġestjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. Il-KEPD jikkunsidra li din id-deroga ma toffrix biżżejjed ċertezza legali. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “awtorità kompetenti għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja” jista’ jwassal għal spekulazzjoni. Deċiżjoni amministrattiva minn korp governattiv (pereżempju d-dipartiment tal-ġustizzja) ma tibbenefikax mill-istess leġittimità bħal deċiżjoni ta’ qorti ġudizzjarja fuq bażi ta’ każ b’każ. Anki fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ qorti, għandhom ikunu pprovduti kundizzjonijiet stretti: minbarra l-fatt li l-għan għandu jkun permess mil-liġi u li jkun hemm interess pubbliku superjuri (10), l-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-dejta għandhom jiġu kkunsidrati. B’mod partikolari, il-fatt li informazzjoni personali mogħtija minn individwu waqt investigazzjoni ta’ sigurtà tista’ tintuża mill-ġdid kontrih waqt xi proċedura fil-qorti jista’ jinfluwenza l-leġittimità tal-ipproċessar. Il-KEPD jitlob li ssir kjarifika ta’ din id-deroga u li ssir proċedura dettaljata inkluż salvagwardji aktar stretti rigward il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-dejta.

20.

Huwa jitlob ukoll għal definizzjoni ta’ tip wieħed ta’ informazzjoni sensittiva ta’ sigurtà msemmija f’dan l-Artikolu, jiġifieri, informazzjoni li tkun ta’ “natura partikolarment sensittiva u privata”. Id-Direttiva 95/46/KE tipprovdi għal definizzjoni ta’ dejta sensittiva, iżda mhuwiex ċar jekk il-proposta hijiex qiegħda tirreferi għal din id-definizzjoni. Jekk l-objettiv huwa li jkopri u jmur lil hinn minn dejta sensittiva kif definita fid-Direttiva 95/46/KE, terminoloġija aktar xierqa tista’ tirreferi għal informazzjoni li tkun ta’ natura partikolarment intima u privata, inkluż dejta sensittiva fis-sens tad-Direttiva 95/46/KE kif ukoll eżempji oħrajn ta’ dejta personali li għandhom ikunu elenkati fid-definizzjoni. Dan għandu jkun magħmul ċar fl-Artikolu 2 (id-dispożizzjoni dwar id-definizzjonijiet), jew fl-Artikolu 15 tal-proposta.

21.

Fil-prinċipju, ir-reġistrazzjonijiet huma protetti bl-istess mod, iżda dawn jistgħu jsiru disponibbli jew użati għal finijiet oħrajn f’ċerti każi, inkluż l-użu għal fini ta’ ajrunavigabilità jew ta’ manutenzjoni, jekk ir-rekords ikunu de-identifikati jew jekk ikunu żvelati taħt proċeduri siguri. Dawn l-eċċezzjonijiet huma alternattivi u mhux kumulattivi. Il-KEPD jistaqsi għaliex ir-rekords ma għandhomx ikunu de-identifikati – jiġifieri anonimizzati (11) – bħala regola: għandu jiġi ġġustifikat għala finijiet ta’ ajrunavigabilità jew ta’ manutenzjoni jeħtieġu l-ipproċessar ta’ dejta personali identifikabbli. Barra minn hekk, it-tielet eċċezzjoni, li tippermetti l-iżvelar taħt proċeduri siguri, hija vaga wisq u mhux proporzjonata. Sakemm ma jissemmewx finijiet leġittimi speċifiċi, din l-eċċezzjoni għandha titneħħa.

22.

L-istess prinċipju ta’ de-identifikazzjoni għandu japplika awtomatikament għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni kif prevista fl-Artikoli 8, 17 u 18 tal-proposta relatata man-netwerk u l-komunikazzjoni tal-informazzjoni. Il-KEPD jilqa’ f’dan l-ispirtu l-aċċenn għall-obbligu ta’ segretezza professjonali, u l-obbligu li tiġi kkomunikata biss informazzjoni pertinenti lil partijiet interessati rilevanti. Huwa jappoġġja wkoll il-prinċipju msemmi fl-Artikolu 19.2 skont liema, ir-rapport ta’ investigazzjoni għandu jipproteġi l-anonimità tal-persuni involuti fl-aċċident jew fl-inċident.

23.

Fl-aħħar nett, il-pubblikazzjoni tal-lista ta’ passiġġieri hija wkoll soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet. Il-prinċipju huwa li l-lista tista’ tiġi magħmula pubblika biss wara li l-familji kollha tal-passiġġieri jkunu ġew informati, u l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jżommu l-lista kunfidenzjali. Il-KEPD jqis li l-prinċipju għandu jinqeleb. Fil-prinċipju, il-lista għandha tinżamm kunfidenzjali, iżda l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu f’każijiet speċifiċi u fuq bażi leġittima li jippubblikaw din il-lista, wara li jkunu infurmaw lill-familji kollha u wara li jkunu kisbu l-kunsens tagħhom dwar il-pubblikazzjoni tal-isem tal-qarib tagħhom. Il-KEPD jirrakkomanda emenda fl-Artikolu 22.3 skont dan.

III.5.   Skambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri u ma’ pajjiżi terzi

24.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-abbozz tar-regolament huwa li jiġi stabbilit netwerk sabiex l-awtoritajiet li jkunu qegħdin jiżvolġu xi investigazzjoni jiskambjaw informazzjoni u esperjenzi. Skont l-Artikolu 8.6 tal-abbozz tal-proposta, l-awtoritajiet ta’ investigazzjonijiet ta’ sigurtà li jipparteċipaw fin-netwerk għandhom jiskambjaw kull informazzjoni disponibbli għalihom fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw kunfidenzjalità xierqa ta’ tali informazzjoni f’konformità ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja applikabbli.

25.

Il-KEPD jilqa’ l-miżuri previsti li jirrigwardaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, u b’mod speċjali l-obbligu li ma tiġix żvelata informazzjoni li l-Kummissjoni tkun qieset kunfidenzjali. Sakemm l-informazzjoni personali tiġi pproċessata permezz tan-netwerk, il-KEPD jikkunsidra li dawn is-salvagwardji għandhom jiġu kkumplimentati b’obbligu li jiggarantixxu l-preċiżjoni ta’ din id-dejta u l-korrezzjoni jew it-tneħħija possibbli tagħhom b’mod sinkronizzat mill-membri kollha tan-netwerk li jkunu qegħdin jipproċessaw tali dejta personali.

26.

L-irwol tar-repożitorju msemmi fl-Artikolu 15.3 għandu jiġi ċċarat fir-rigward taċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni fi ħdan in-netwerk. B’mod partikolari, għandu jkun magħmul ċar, kif ġie kkomunikat b’mod mhux formali lill-KEPD, li r-repożitorju ċentrali ma huwa bl-ebda mod relatat man-netwerk u li ma fihx dejta personali. Il-KEPD jinnota f’dan ir-rigward li l-informazzjoni bħan-numru tat-titjira tista’ tippermetti l-identifikazzjoni indiretta ta’ individwi involuti f’aċċident jew inċident tal-ajru. Bħala regola minima, ir-Regolament għandu jispeċifika li l-informazzjoni maħżuna fir-repożitorju ma tkunx tista’ tintuża sabiex jiġu rintraċċati individwi involuti f’aċċident jew f’inċident tal-ajru.

27.

Il-KEPD jinnota li l-osservaturi u l-esperti, li jistgħu jinkludu rappreżentanti ta’ kumpaniji tal-linji tal-ajru jew produtturi tal-inġenji tal-ajru, jistgħu jiġu mistiedna jissieħbu fin-netwerk. Dawn ikollhom aċċess għall-istess tip ta’ informazzjoni bħall-membri tan-netwerk, ħlief jekk fuq bażi ta’ każ b’każ, il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-informazzjoni tkun kunfidenzjali u li l-aċċess għaliha għandu jkun limitat. Din id-dispożizzjoni tista’ tħalli miftuħa l-possibbiltà għal partijiet terzi li jaċċessaw dejta personali relatata pereżempju mal-vittmi jew max-xhieda, jekk din ma titqisx kunfidenzjali. Il-KEPD jikkunsidra li fil-kuntest ta’ din il-proposta, id-dejta personali għandha dejjem titqies kunfidenzjali. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-aċċess għal dejta personali għandu jkun limitat f’dak li jirrigwarda partijiet terzi.

28.

Dan huwa ferm aktar importanti jekk l-esperti jew l-osservaturi li jirrappreżentaw pajjiżi terzi jew jekk l-investigazzjoni ssir b’mod konġunt ma’ investigaturi ta’ pajjiżi terzi li ma jipprovdux livell adegwat ta’ protezzjoni. Għandha tiżdied dispożizzjoni fil-proposta li tfakkar li l-ebda dejta personali m’għandha tkun trasferita lil rappreżentanti ta’ pajjiż terz li ma jipprovdix livell adegwat ta’ protezzjoni, ħlief meta kundizzjonijiet speċifiċi jkunu ġew issodisfati (12). Dan għandu japplika l-aktar fir-rigward tal-Artikolu 8 tan-Netwerk, u l-Artikolu 18 dwar il-kundizzjonijiet ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni.

29.

Dawn l-osservazzjonijiet jeħtieġu prinċipju ġenerali ta’ anonimat ta’ dejta personali fi stadju bikri tal-proċess, u malli l-identifikazzjoni ma tkunx aktar meħtieġa għall-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet, kif diġà msemmi fil-kapitolu III. 3.

III.6.   Rwol tal-Kummissjoni u tal-EASA

30.

Il-KEPD jinnota li l-Kummissjoni u l-EASA huma involuti fil-funzjonament tan-netwerk (Artikoli 7 u 8) u li sejrin ikunu intitolati sa ċertu punt li jipparteċipaw fl-investigazzjonijiet ta’ sigurtà (Artikolu 9). Il-KEPD ifakkar li l-ipproċessar ta’ dejta personali minn dawn iż-żewġ korpi huwa soġġett għall-konfomità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u għas-sorveljanza tal-KEPD. Għandha tiżdied dispożizzjoni fir-Regolament dwar dan il-punt.

31.

Il-KEPD jitlob kjarifika dwar sa liema punt in-netwerk ser ikun ġestit mill-Kummissjoni u permezz ta’ infrastruttura teknika tal-Unjoni Ewropea. Jekk l-iskop ikun sabiex jintuża netwerk diġà eżistenti, kwalunkwe pjan li jippermetti l-interoperabbiltà ma’ databases eżistenti għandu jisemma’ u jkun motivat b’mod ċar. Il-KEPD jenfasizza l-ħtieġa li jiġi pprovdut netwerk sigur, aċċessibbli biss għall-finijiet deskritti fil-proposta u għal partijiet intitolati biss. L-irwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-EASA (13) kif ukoll kwalunkwe korp ieħor tal-Unjoni li jkun involut fil-ġestjoni tan-netwerk, għandhom jiġu ċċarati fit-test għal raġunijiet ta’ ċertezza legali.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

32.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li r-regolament japplika espliċitament mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE, u għaldaqstant, sa ċertu punt, jikkunsidra l-prinċipji ta’ protezzjoni tad-dejta. Madankollu, meta wieħed iqis il-kuntest li fih id-dejta personali tiġi pproċessata, huwa jikkunsidra li għandhom jiżdiedu dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex jiġi żgurat ipproċessar ġust.

33.

Dan huwa ferm aktar meħtieġ meta wieħed jikkunsidra ċ-ċirkostanzi li fihom din id-dejta tiġi pproċessata: fil-parti l-kbira tagħha din tkun relatata ma’ individwi affettwati direttament jew indirettament minn aċċident serju u/jew mit-telf ta’ xi qraba. Dan jappoġġja l-ħtieġa għal protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom, u għal restrizzjoni stretta tat-trażmissjoni jew pubblikazzjoni ta’ dejta personali.

34.

Meta wieħed iqis li l-iskop tal-proposta huwa li tkun tista’ ssir l-investigazzjoni ta’ aċċidenti jew inċidenti u li dejta personali hija rilevanti biss fejn hu meħtieġ fil-qafas ta’ tali investigazzjoni, tali dejta fil-prinċipju għandha titħassar jew tiġi anonimizzata, mill-aktar fis possibbli, u mhux biss fl-istadju tar-rapport finali. Dan għandu jkun garantit bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni orizzontali fir-Regolament.

35.

Il-KEPD jagħti parir ukoll li:

jiġu definiti u limitati b’mod strett l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-għan;

jiġi pprovdut perijodu limitat ta’ ħażna ta’ dejta personali;

tiġi żgurata proċedura koordinata għall-aċċess, korrezzjoni u/jew tħassir ta’ dejta personali, b’mod speċjali fil-kuntest tat-trasmissjoni tagħhom lil Stati Membri permezz tan-netwerk;

tiġi sottomessa d-dejta personali lil rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi bil-kundizzjoni li jipprovdu livell adegwat ta’ protezzjoni;

jiġu ċċarati l-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-EASA, fil-perspettiva tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2010.

Peter HUSTINX

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  COM(2009) 611 finali.

(4)  ĠU L 319, 12.12.1994, p. 14.

(5)  Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE.

(6)  Artikolu 4 (e) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u Artikolu 6 (e) tad-Direttiva 95/46/KE.

(7)  L-anonimat għandu jinftiehem bħala li jagħmel kull identifikazzjoni ulterjuri tal-individwu impossibbli. Fil-każ ta’ ċerti tipi ta’ informazzjoni, bħar-reġistrazzjoni tal-vuċi, l-anonimat sħiħ ma jkunx possibbli, u dan jappoġġja l-ħtieġa ta’ salvagwardji aktar stretti sabiex jiġi evitat l-użu ħażin.

(8)  Il-KEPD ġie kkonsultat f’Novembru 2008 fl-okkażjoni ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni fuq proposta għal Direttiva li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur marittimu. Meta wieħed iqis l-analoġija bejn iż-żewġ kuntesti, tqajmu kwistjonijiet simili u l-kummenti f’Kapitolu III.4, bħat-tweġiba għall-konsultazzjoni preċedenti, jiffukaw fuq il-bilanċ li għandu jinstab bejn l-iżvelar ta’ informazzjoni waqt investigazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta.

(9)  Din tinkludi informazzjoni relatata max-xhieda, komunikazzjoni bejn persuni li kienu involuti fit-tħaddim tal-inġenju tal-ajru, jew reġistrazzjonijiet mill-unitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Din tapplika wkoll għal informazzjoni li hija ta’ “natura partikolarment sensittiva”, bħal informazzjoni dwar is-saħħa.

(10)  Ta’ min jinnota li d-Direttiva 95/46/KE tippermetti derogi mill-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskop, biss jekk dan isir bil-liġi u jkun meħtieġ għas-salvagwardja ta’ ċerti interessi pubbliċi f’konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13 tiegħu.

(11)  Id-de-identifikazzjoni tissodisfa l-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk din tinftiehem bħala anonimat sħiħ, fi kliem ieħor, jekk ikun impossibbli li l-individwu jiġi identifikat mill-ġdid (ara n-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna).

(12)  Ara l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikolu 26 tad-Direttiva 95/46/KE.

(13)  Inkluż preċiżjonijiet dwar aspetti bħal pereżempju min qiegħed jamministra d-drittijiet tal-aċċess għan-netwerk u min jiggarantixxi l-integrità tiegħu.