4.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 115/1 |
IL-PROGRAMM TA’ STOKKOLMA – EWROPA MIFTUĦA U SIGURA GĦAS-SERVIZZ U L-PROTEZZJONI TAĊ-ĊITTADINI
2010/C 115/01
WERREJ
1. |
LEJN EWROPA TAĊ-ĊITTADINI FL-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA |
1.1. |
Prijoritajiet politiċi |
1.2. |
L-għodod |
1.2.1. |
Fiduċja reċiproka |
1.2.2. |
Implimentazzjoni |
1.2.3. |
Leġislazzjoni |
1.2.4. |
Aktar koerenza |
1.2.5. |
Evalwazzjoni |
1.2.6. |
Taħriġ |
1.2.7. |
Komunikazzjoni |
1.2.8. |
Dialogu mas-soċjetà ċivili |
1.2.9. |
Finanzjament |
1.2.10. |
Pjan ta' Azzjoni |
1.2.11. |
Reviżjoni tal-Programm ta' Stokkolma |
2. |
PROMOZZJONI TAD-DRITTIJIET TAĊ-ĊITTADINI: EWROPA TAD-DRITTIJIET |
2.1. |
Ewropa mibnija fuq id-drittijiet fundamentali |
2.2. |
Eżerċizzju sħiħ tad-dritt għal-libertà ta' moviment |
2.3. |
Ngħixu flimkien fi spazju li jirrispetta d-diversità u li jipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli |
2.3.1. |
Razziżmu u ksenofobija |
2.3.2. |
Drittijiet tat-tfal |
2.3.3. |
Gruppi vulnerabbli |
2.3.4. |
Vittmi tal-kriminalità, inkluż it-terroriżmu |
2.4. |
Drittijiet tal-individwu fi proċedimenti kriminali |
2.5. |
Protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini fis-soċjetà tal-informazzjoni |
2.6. |
Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni |
2.7. |
Dritt għal protezzjoni f'pajjiżi mhux Stati Membri |
3. |
FAĊILITAR TA' ĦAJJET IN-NIES: EWROPA TA' LIĠI U ĠUSTIZZJA |
3.1. |
Implimentazzjoni ulterjuri tar-rikonoxximent reċiproku |
3.1.1. |
Liġi kriminali |
3.1.2. |
Liġi ċivili |
3.2. |
Tisħiħ ta' fiduċja reċiproka |
3.2.1. |
Taħriġ |
3.2.2. |
Żvilupp ta' netwerks |
3.2.3. |
Evalwazzjoni |
3.2.4. |
Titjib tal-għodod |
3.2.5. |
Detenzjoni |
3.2.6. |
Detenzjoni |
3.3. |
Żvilupp ta' bażi ta' regoli minimi komuni |
3.3.1. |
Liġi kriminali |
3.3.2. |
Liġi ċivili |
3.4. |
Benefiċċji għaċ-ċittadini ta’ spazju ġudizzjarju Ewropew |
3.4.1. |
Faċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja |
3.4.2. |
Appoġġ għall-attività ekonomika |
3.5. |
Tisħiħ tal-preżenza internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam legali |
3.5.1. |
Liġi ċivili |
3.5.2. |
Liġi kriminali |
4. |
EWROPA LI TIPPROTEĠI |
4.1. |
Strateġija tas-Sigurtà Interna |
4.2. |
Titjib tal-għodod għall-ħidma |
4.2.1. |
Ħolqien ta’ kultura komuni |
4.2.2. |
Ġestjoni tal-fluss ta' informazzjoni |
4.2.3. |
Mobilizzazzjoni tal-għodod tekonoloġiċi meħtieġa |
4.3. |
Linji ta' politika effettivi |
4.3.1. |
Koperazzjoni Ewropea aktar effettiva għall-infurzar tal-liġi |
4.3.2. |
Prevenzjoni aktar effettiva tal-kriminalità |
4.3.3. |
Statistika |
4.4. |
Protezzjoni kontra l-kriminalità serja u organizzata |
4.4.1. |
Il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata |
4.4.2. |
Traffikar tal-bnedmin 46 |
4.4.3. |
Sfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija |
4.4.4. |
Ċiberkriminalità |
4.4.5. |
Kriminalità ekonomika u korruzzjoni |
4.4.6. |
Drogi |
4.5. |
Terroriżmu |
4.6. |
L-Immaniġġar, komprensiv u effikaċi, mill-Unjoni tad-Diżastri: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Unjoni għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons ta' kull tip ta' diżastru |
5. |
AĊĊESS GĦALL-EWROPA F'DINJA GLOBALIZZATA |
5.1. |
Ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni |
5.2. |
Politika dwar il-viżi |
6. |
EWROPA TA' RESPONSABBILTÀ, SOLIDARJETÀ U SĦUBIJA F'MATERJI TA' MIGRAZZJONI U ASIL |
6.1. |
Politika dinamika u komprensiva dwar il-migrazzjoni |
6.1.1. |
Konsolidazzjoni, żvilupp u implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni |
6.1.2. |
Migrazzjoni u żvilupp |
6.1.3. |
Politika miftiehma f'konformità mar-rekwiżiti nazzjonali tas-suq tax-xogħol |
6.1.4. |
Linji ta' politika proattivi għall-migranti u d-drittijiet tagħhom |
6.1.5. |
Integrazzjoni |
6.1.6. |
Linji ta' politika effettivi għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali |
6.1.7. |
Minuri mhux akkumpanjati |
6.2. |
Asil: spazju komuni ta' protezzjoni u solidarjetà |
6.2.1. |
Spazju komuni ta' protezzjoni |
6.2.2. |
Kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u solidarjetà bejn l-Istati Membri |
6.2.3. |
Id-dimensjoni esterna tal-asil |
7. |
L-EWROPA F'DINJA GLOBALIZZATA - ID-DIMENSJONI ESTERNA TAL-LIBERTA, IS-SIGURTÀ U L-ĠUSTIZZJA |
7.1. |
Dimensjoni esterna msaħħa |
7.2. |
Drittijiet tal-bniedem |
7.3. |
Prijoritajiet tematiċi kontinwati b'għodod ġodda |
7.4. |
Ftehimiet ma' pajjiżi terzi |
7.5. |
Prijoritajiet ġeografiċi u organizzazzjonijiet internazzjonali |
7.6. |
Organizzazzjonijiet internazzjonali u promozzjoni ta' standards Ewropej u internazzjonali |
LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET
1. LEJN EWROPA TAĊ-ĊITTADINI FL-ISPAZJU TA' LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA
Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid il-prijorità li jagħti lill-iżvilupp ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li tirrispondi għal tħassib ċentrali tal-popli tal-Istati miġburin flimkien fl-Unjoni.
Filwaqt li bnejna fuq il-kisbiet tal-Programmi ta' Tampere u tal-Aja, s'issa nkiseb progress sinifikattiv f'dan il-qasam. Il-kontrolli fuq il-fruntieri interni tneħħew fiż-żona Schengen u l-fruntieri esterni tal-Unjoni issa qed jiġu ġestiti b'mod aktar koerenti. Matul l-iżvilupp tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, id-dimensjoni esterna tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni tiffoka fuq djalogu u sħubiji ma' pajjiżi terzi, abbażi ta' interessi reċiproċi. Ittieħdu passi sinifikattivi lejn il-ħolqien ta' Sistema Ewropea tal-Asil. Aġenziji Ewropej bħall-Europol, l-Eurojust, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Frontex laħqu maturità operazzjonali fl-oqsma ta' attività rispettivi tagħhom. Il-koperazzjoni f’materji ċivili qed tiffaċilita l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini u l-koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi qed tagħti sigurtà msaħħa.
Minkejja dawn il-kisbiet importanti u oħrajn fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Ewropa għadha qed tiffaċċja sfidi. Dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati b'mod komprensiv. Għalhekk jinħtieġu sforzi ulterjuri sabiex tittejjeb il-koerenza bejn l-oqsma ta' politika. Barra minn hekk, għandha tiġi intensifikata l-koperazzjoni ma' pajjiżi sħab.
Għalhekk wasal iż-żmien għal aġenda ġdida sabiex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jibnu fuq il-kisbiet u jiffaċċjaw sfidi futuri. Għal dan l-għan, il-Kunsill Ewropew adotta dan il-programm pluriennali ġdid li ser ikun magħruf bħala l-Programm ta' Stokkolma, għall-perijodu 2010-2014.
Il-Kunsill Ewropea jilqa' r-rwol dejjem akbar li l-Parlament Ewropew u l-Parlamenti Nazzjonali ser ikollhom b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (1). Iċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi ser ikollhom opportunità akbar li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament il-fehmiet tagħhom fl-oqsma kollha ta' azzjoni tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 11 tat-TUE. Dan ser isaħħaħ in-natura miftuħa u demokratika tal-Unjoni għall-benefiċċju tal-popli tagħha.
It-Trattat jiffaċilita l-proċess tal-ilħuq tal-miri deskritti f'dan il-programm, kemm għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri. Huwa kkonfermat ir-rwol tal-Kummissjoni fit-tħejjija tal-inizjattivi, kif ukoll id-dritt għal grupp ta' mill-inqas seba' Stati Membri li jippreżentaw proposti leġislattivi. Il-proċess leġislattiv huwa mtejjeb permezz tal-użu, fil-maġġoranza tas-setturi, tal-proċedura ta' kodeċiżjoni, b'hekk jingħata involviment sħiħ lill-Parlament Ewropew. Il-Parlamenti Nazzjonali ser ikollhom rwol dejjem akbar fil-progress leġislattiv. Billi jissaħħaħ ukoll ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser ittejjeb il-kapaċità Ewropea li timplimenta bis-sħiħ il-politika f'dan il-qasam u li tiżgura l-konsistenza tal-interpretazzjoni.
L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jużaw l-opportunitajiet kollha offruti mit-Trattat ta' Lisbona biex isaħħaħ l-ispazju Ewropew ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-Unjoni.
Dan il-programm jiddefinixxi linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġislattiv u operattiv fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja f'konformità mal-Artikolu 68 tat-TFUE.
1.1. Prijoritajiet politiċi
Il-Kunsill Ewropew iqis li prijorità għas-snin li ġejjin ser tkun li wieħed jiffoka fuq l-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini. L-isfida ser tkun biex jiġi żgurat rispett għal-libertajiet fundamentali u l-integrità filwaqt li tiġi garantita sigurtà fl-Ewropa. Huwa tal-akbar importanza li l-miżuri għall-infurzar tal-liġi u l-miżuri għas-salvagwardja tad-drittijiet individwali, l-istat tad-dritt u r-regoli ta' protezzjoni internazzjonali jimxu id f'id fl-istess direzzjoni u jissaħħu reċiprokament.
L-azzjonijiet kollha meħuda fil-ġejjieni għandhom jiffokaw fuq iċ-ċittadin tal-Unjoni u persuni oħra li l-Unjoni hija responsabbli għalihom. Fis-snin li ġejjin, l-Unjoni għandha taħdem lejn il-prijoritajiet ewlenin li ġejjin:
Il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u d-drittijiet fundamentali: Iċ-ċittadinanza Ewropea għandha ssir realtà tanġibbli. L-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għandu fuq kollox ikun spazju uniku fejn id-drittijiet fundamentali jkunu protetti. It-tkabbir taż-żona ta' Schengen għandu jkompli. Ir-rispett għall-persuna umana u d-dinjità tal-bniedem u għad-drittijiet l-oħra stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem huma valuri ċentrali. Per eżempju, l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet u l-privatezza taċ-ċittadini għandhom jiġu ppreservati lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, speċjalment permezz tal-protezzjoni tad-data personali. Għandha ssir konċessjoni għall-ħtiġijiet speċjali ta' persuni vulnerabbli u ċ-ċittadini tal-Unjoni u ċittadini oħra għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet speċifiċi tagħhom bis-sħiħ fl-Unjoni, u, fejn rilevanti, anke barra l-Unjoni.
Ewropa ta' liġi u ġustizzja: Il-kisba ta' spazju Ewropew ta' ġustizzja għandu jiġi kkonsolidat sabiex wieħed imur lil hinn mill-frammentazzjoni attwali. Għandha tingħata prijorità lil mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja, sabiex il-persuni jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fl-Unjoni kollha. Għandha wkoll tittejjeb il-koperazzjoni bejn il-professjonisti pubbliċi, kif ukoll it-taħriġ tagħhom u għandhom jiġu mmobilizzati riżorsi biex jitneħħew l-ostakoli għar-rikonoxximent ta' atti legali fi Stati Membri oħra.
Ewropa li tipproteġi: Għandha tiġi żviluppata strateġija tas-sigurtà interna sabiex titjieb aktar is-sigurtà fl-Unjoni u b'hekk tiġi protetta l-ħajja u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-Unjoni u jiġu ttrattati l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u theddid ieħor. L-istrateġija għandha timmira li ssaħħaħ il-koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-protezzjoni ċivili, l-immaniġġar tad-diżastri kif ukoll il-koperazzjoni ġudizzjarja kriminali sabiex l-Ewropa ssir aktar sigura. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-Unjoni tibbaża l-ħidma tagħha fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri u tagħmel użu sħiħ mill-Artikolu 222 tat-TFUE.
Aċċess għall-Ewropa f'dinja globalizzata: L-aċċess għall-Ewropa għal negozjanti, turisti, studenti, xjentisti, ħaddiema, persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u persuni oħra li għandhom interess leġittimu li jaċċedu għat-territorju tal-Unjoni għandu jsir aktar effettiv u effiċjenti. Fl-istess ħin, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jridu jiggarantixxu s-sigurtà għaċ-ċittadini tagħhom. Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-linji ta' politika dwar il-viżi għandha jitfasslu biex jaqdu dawn l-għanijiet.
Ewropa ta' responsabbiltà, solidarjetà u sħubija fi kwistjonijiet ta' migrazzjoni u asil: L-iżvilupp ta' politika Ewropea komprensiva u progressiva dwar il-migrazzjoni, ibbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà, tibqa' objettiv ewlieni tal-politika għall-Unjoni. Jeħtieġ li titwettaq implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti legali kollha rilevanti u li jsir użu sħiħ tal-Aġenziji u l-Uffiċċji rilevanti li jaħdmu f'dan il-qasam. Ġestjoni tajba tal-migrazzjoni tista' tkun ta' benefiċċju għall-partijiet interessati kollha. Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil jipprovdi bażi ċara għal aktar żvilupp f'dan il-qasam. L-Ewropa ser teħtieġ politika flessibbli li tirrispondi għall-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri u tippermetti lill-migranti jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal tagħhom. Għandu jkun żgurat aċċess għal proċeduri tal-asil legalment sikuri u effiċjenti għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni. Barra minn hekk, sabiex jinżammu sistemi ta' immigrazzjoni u asil kredibbli u sostenibbli fl-Unjoni, jinħtieġu li jsiru l-prevenzjoni, il-kontroll u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali peress li l-Unjoni tiffaċċja pressjoni dejjem akbar mill-flussi ta' migrazzjoni illegali u b'mod partikolari l-Istati Membri fil-fruntieri esterni tagħhom, inkluż fil-fruntieri ta' Nofsinhar skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2009.
Ir-rwol tal-Ewropa f'dinja globalizzata – id-dimensjoni esterna: L-importanza tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-Unjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tissottolinja l-ħtieġa għal aktar integrazzjoni ta' dawn il-linji ta' politika fil-linji ta' politika ġenerali tal-Unjoni. Id-dimensjoni esterna hija essenjali biex jiġu indirizzati l-isfidi ċentrali li qed niffaċċjaw u jingħataw aktar opportunitajiet liċ-ċittadini tal-Unjoni biex jaħdmu u jwettqu negozju ma' pajjiżi fid-dinja kollha. Din id-dimensjoni esterna hija kruċjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-objettivi ta' dan il-programm u għandha b'mod partikolari titqies fi, u tkun kompletament koerenti mal-aspetti l-oħra kollha tal-politika barranija tal-Unjoni.
1.2. L-għodod
Jekk il-programm pluriennali li jmiss għandu jiġi implimentat b'suċċess, l-għodod li ġejjin huma importanti.
1.2.1. Fiduċja reċiproka
Il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet u s-servizzi fl-Istati Membri differenti u bejn dawk li jieħdu deċiżjonijiet, hija l-bażi għal koperazzjoni effiċjenti f'dan il-qasam. Għalhekk waħda mill-isfidi ewlenin għall-futur hija li tiġi żgurata fiduċja u li jinstabu modi ġodda biex jiżdiedu d-dipendenza fuq is-sistemi legali differenti fl-Istati Membri u l-fehim reċiproku bejniethom.
1.2.2. Implimentazzjoni
Fis-snin li ġejjin jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lill-implimentazzjoni, l-infurzar u l-evalwazzjoni kompleti u effettivi ta' strumenti eżistenti. Għandha tiġi żgurata t-traspożizzjoni legali bl-użu, kemm jista' jkun u kull meta possibbli, tal-għodod istituzzjonali eżistenti.
Iż-żmien meħud biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji għandu wkoll ikun iqsar fil-futur. L-Unjoni għanda tiffoka fuq l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini u l-prattikanti u r-risponsi adegwati. L-iżvilupp ta' azzjoni fil-livell tal-Unjoni għandu jinvolvi l-kompetenza tal-Istati Membri u jqis firxa ta' miżuri, inklużi soluzzjonijiet non-leġislattivi bħal manwali miftehma, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika (inter alia, l-aħjar użu tan-Netwerks Ġudizzjarji Ewropej) u proġetti reġjonali li jindirizzaw dawk il-ħtiġijiet, b'mod partikolari meta jkunu jistgħu jiproduċu rispons malajr.
1.2.3. Leġislazzjoni
B'mod ġenerali, inizjattivi leġislattivi ġodda, mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri meta t-Trattat jipprevedi dan (2), għandhom jiġu ppreżentati unikament wara verifika tar-rispett għall-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà, tħejjija bir-reqqa , inklużi valutazzjonijiet tal-impatt minn qabel, li jinvolvu wkoll l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-konsegwenzi finanzjarji u bl-użu tal-kompetenza tal-Istati Membri. Huwa kruċjali li jiġu evalwati l-implikazzjonijiet tal-inizjattivi leġislattivi l-ġodda fuq l-erba' libertajiet skont it-Trattat u li jiġi żgurat li inizjattivi bħal dawn ikunu kompletament kompatibbli mal-prinċipji tas-suq intern.
Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-iżvilupp ta' leġislazzjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja huwa impressjonanti, iżda għandu n-nuqqasijiet fir-rigward ta' duplikazzjoni ta' xogħol u ċertu nuqqas ta' koerenza. Fl-istess ħin, il-kwalità tal-leġislazzjoni inkluż il-lingwaġġ użat f'xi wħud mill-atti legali jistgħu jittejbu.
Għandha tiġi kkunsidrata reviżjoni orizzontali tal-istrumenti adottati, fejn ikun il-każ, sabiex tittejjeb il-konsistenza u l-konsolidazzjoni tal-leġislazzjoni. Il-koerenza legali u l-faċilità tal-aċċessibbiltà huma partikolarment importanti. Il-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar u tat-tfassil aħjar tal-liġijiet għandhom jissaħħu tul il-proċedura kollha tat-teħid tad-deċizjonijiet. Il-ftehim inter-istituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet milħuq bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (3) għandu jiġi applikat b’mod sħiħ. Fl-istadji kollha tal-proċedura interistizzjonali tagħhom, l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom jagħmlu sforz biex ifasslu l-leġislazzjoni tal-Unjoni b'lingwaġġ ċar u li jinftiehem.
1.2.4. Aktar koerenza
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lil-Kummissjoni biex isaħħu l-koordinazzjoni interna sabiex jiksbu koerenza akbar bejn l-elementi esterni u interni tal-ħidma fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. L-istess ħtieġa għal koerenza u koordinazzjoni mtejba tapplika għall-aġenziji tal-Unjoni (l-Europol, l-Eurojust, il-Frontex, il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), l-Uffiċċju Ewropew futur ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO ) u l-Aġenzija tal-Unjoni għad-Drittijiet Fundamentali). Il-Kunsill għandu jeżerċita aktar superviżjoni politika fuq l-aġenziji, per eżempju billi jfassal konklużjonijiet dwar ir-rapporti annwali. regoli speċjali rigward xi aġenzjiji.
1.2.5. Evalwazzjoni
It-Trattat ta' Lisbona jipprevedi li jistgħu jittieħdu miżuri sabiex l-Istati Membri, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jimpenjaw ruħhom f'evalwazzjoni oġġettiva u imparzjali tal-implimentazzjoni tal-linji ta' politika fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, b'mod partikolari biex tiġi promossa l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku. Il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu informati bil-kontenut u r-riżultati tal-evalwazzjonijiet. Il-Kunsill Ewropew iqis li mekkaniżmi ta' evalwazzjoni bħal dawn għandhom jevitaw id-duplikazzjoni u, fit-tul, jinkludu l-linji ta' politika kollha fil-qasam. Għandu jkun hemm ukoll sistema effiċjenti ta' segwitu għal evalwazzjonijiet bħal dawn.
Għandha ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-istrumenti legali adottati fil-livell tal-Unjoni. L-evalwazzjoni hija meħtieġa wkoll biex jiġi identifikat kwalunkwe ostakolu għall-funzjonament tajjeb tal-ispazju ġudizzjarju Ewropew. Din għandha tiffoka fuq problemi speċifiċi u għalhekk tiffaċilita l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiroku. Għandha titfittex il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali bħala l-ewwel linja ta’ politika għall-evalwazzjoni. Madankollu, linji oħra ta' politika ser ikollhom isegwu, bħar-rispett għall-proċeduri ta' asil fil-leġislazzjoni rilevanti. Il-proċeduri ta' evalwazzjoni għandhom jiġu adattati għall-politika inkwistjoni, fejn meħtieġ.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tippreżenta proposta waħda jew diversi proposti skont l-Artikolu 70 tat-TFUE rigward l-evalwazzjoni tal-linji ta' politika tal-Unjoni li huma msemmija fit-Titolu V tat-TFUE. Fejn ikun il-każ, dik il-proposta (jew proposti) għandhom jinkludu mekkaniżmu ta' evalwazzjoni bbażat fuq is-sistema stabbilita sew ta' evalwazzjoni bejn il-pari. L-evalwazzjoni għandha titwettaq perijodikament, għandha tinkludi sistema ta' segwitu effiċjenti, u għandha tiffaċilita fehim aħjar tas-sistemi nazzjonali sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattika u l-ostakoli għall-koperazzjoni. Il-professjonisti għandhom ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-evalwazzjonijiet. Il-Kunsill għandu, fil-prinċipju, ikollu rwol ta' mexxej fil-proċess ta' evalwazzjoni, u b'mod partikolari fis-segwitu tiegħu. |
Għandha tiġi evitata d-duplikazzjoni ma' mekkaniżmu oħra ta' evalwazzjoni, iżda għandhom jitfittxu sinerġiji u koperazzjoni, b'mod partikolari mal-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa. L-Unjoni għandha jkollha rwol attiv fil-ħidma ta' korpi ta' monitoraġġ tal-Kunsill tal-Ewropa u għandha tikkontribwixxi fiha.
1.2.6. Taħriġ
Sabiex titrawwem kultura ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi Ewropea ġenwina, huwa essenzjali li jiżdied it-taħriġ dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni u li dan ikun sistematikament aċċessibbli għall-professjonijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan ser jinkludi imħallfin, prosekuturi, persunal ġudizzjarju, pulizija u uffiċjali tad-dwana u tal-għassa mal-fruntieri.
Għandu jitfittex l-objettiv ta' Skemi Ewropej ta' Taħriġ sistematiċi offruti lill-persuni kollha involuti. L-ambizzjoni għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandha tkun li sal-2015, numru sostantiv ta' professjonisti jkunu pparteċipaw fi Skema Ewropea ta' Taħriġ jew fi programm ta' skambju ma' Stat Membru ieħor, li jista' jkun parti mill-iskemi ta' taħriġ diġà eżistenti. Għal dan l-għan għandhom jintużaw b'mod partikolari l-istituzzjonijiet ta' taħriġ eżistenti.
L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja f'dan ir-rigward, iżda l-Unjoni għandha tappoġġa u ssostni finanzjarjament l-isforzi tagħhom u tkun tista' wkoll ikollha l-mekkaniżmi tagħha stess biex tissupplimenta l-isforzi nazzjonali. Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-aspetti ta' koperazzjoni internazzjonali u tal-Unjoni għandhom ikunu parti mill-kurrikuli nazzjonali. Għat-taħriġ tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju, huwa importanti li tiġi salwagwardata l-indipendenza ġudizzjarja filwaqt li fl-istess ħin għandha titqiegħed enfasi fuq id-dimensjoni Ewropea għall-professjonisti li ta' spiss jużaw l-istrumenti Ewropej. Is-CEPOL u l-Frontex għandhom ikollhom rwol ċentrali fit-taħriġ tal-persunal tal-infurzar tal-liġi u l-uffiċjali tal-għassa mal-fruntieri bil-ħsieb li tiġi żgurata dimensjoni Ewropea fit-taħriġ. It-taħriġ tal-uffiċjali tal-għassa mal-fruntieri u l-uffiċjali tad-dwana huwa ta' importanza speċjali bil-ħsieb li jitrawwem approċċ komuni għal ġestjoni integrata tal-fruntieri. Jistgħu jitfittxu soluzzjonijiet fil-livell Ewropew, bil-ħsieb li jissaħħu l-Iskemi Ewropej ta' Taħriġ. Għandhom jiġu żviluppati wkoll programmi ta' tagħlim elettroniku u materjal ta' taħriġ komuni biex il-professjonisti jiġu mħarrġa fil-mekkaniżmi Ewropej.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tipproponi Pjan ta' Azzjoni biex jiżdied sostanzjalment u sistematikament fl-Unjoni il-livell tal-iskemi Ewropej ta' taħriġ u tal-programmi ta’ skambju. Il-Pjan għandu jipproponi kif jiġi żgurat li terz mill-pulizija kollha involuti fil-koperazzjoni Ewropea bejn il-pulizija u nofs l-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal ġudizzjarju involuti fil-koperazzjoni ġudizzjarja Ewropea kif ukoll nofs il-professjonisti l-oħra involuti fil-koperazzjoni Ewropea jkunu jistgħu jiġu offruti Skemi Ewropej ta' Taħriġ; |
— |
teżamina dak li jista' jiġi definit bħala Skema Ewropea ta' Taħriġ, u tissuġġerixxi fil-Pjan ta' Azzjoni kif tista' tiġi żviluppata din l-idea bil-ħsieb li tingħata dimensjoni Ewropea; |
— |
tistabbilixxi programmi speċifiċi ta' skambju fuq l-istil tal-“Erasmus”, li jkunu jistgħu jinvolvu stati li mhumiex membri u b'mod partikolari pajjiżi kandidati u pajjiżi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni; |
— |
tiżgura li l-parteċipazzjoni f'korsijiet, eżerċizzji u programmi ta' skambju konġunti, tiġi deċiża abbażi ta' kompiti u ma tkunx tiddependi fuq kriterji speċifiċi għas-settur. |
1.2.7. Komunikazzjoni
Il-kisbiet fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja ġeneralment huma ta' importanza kbira għaċ-ċittadini, in-negozji u l-professjonisti. Il-Kunsill Ewropew għalhekk jappella lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, b'mod partikolari lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri, biex jikkunsidraw modi biex jikkomunikaw aħjar liċ-ċittadini u l-prattikanti r-riżultati konkreti tal-politika fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Huwa jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija dwar kif ikun aħjar li jiġi spjegat liċ-ċittadini kif jistgħu jibbenefikaw mill-għodod u l-oqfsa legali l-ġodda, per eżempju permezz tal-użu tal-proġett “e-Justice” u tal-Portal “e-Justice”.
1.2.8. Dialogu mas-soċjetà ċivili
Il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ biex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fil-qafas tal-kompetenzi tagħhom, iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma' assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni għandha timplimenta mekkaniżmi speċifiċi, bħall-Forum Ewropew għall-Ġustizzja, biex jiżdied id-djalogu f'oqsma fejn dawn il-mekkaniżmi huma adegwati.
1.2.9. Finanzjament
Il-Kunsill Ewropew jenfasizza li l-Programm ta' Stokkolma għandu jkun iffinanzjat taħt l-intestaturi u l-limiti massimi tal-qafas finanzjarju attwali. Ħafna mill-miżuri u l-azzjonijiet f’dan il-programm jistgħu jiġu implimentati permezz ta' użu aktar effettiv ta' strumenti u fondi eżistenti.
Il-Kunsill Ewropew jinnota li l-perspettivi finanzjarji attwali jiskadu fl-aħħar tal-2013. Huwa jissottolinja l-intenzjoni tiegħu li jirrifletti l-għanijiet tal-Programm ta' Stokkolma. Madankollu, dan il-programm ma jippreġudikax in-negozjati dwar il-perspettivi finanzjarji li jmiss.
Il-Kunsill Ewropew iqis ukoll li l-proċeduri għall-applikazzjoni għall-programmi ta' finanzjament, filwaqt li jieħdu kont tal-esperjenza tal-Istati Membri, għandhom ikunu trasparenti, flessibbli, koerenti u integrati u għandhom isiru aċċessibbli aktar faċilment għall-amministrazzjonijiet, l-imsieħba u l-prattikanti stabbiliti permezz tad-disseminazzjoni attiva ta' linji gwida ċari, mekkaniżmu għall-identifikazzjoni tal-imsieħba u programmazzjoni preċiża. Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-Kummissjoni teżamina mezzi adegwati biex jinkiseb dak l-għan.
Fil-perspettivi finanzjarji li jmiss, għandu jiġi eżaminat kif l-aħjar li jitfasslu l-istrumenti finanzjarji sabiex jiġi żgurat appoġġ adatt għall-proġetti operattivi żviluppati barra mill-Unjoni li jsaħħu s-sigurtà tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Għandha tingħata konsiderazzjoni attenta lil mezzi kif titħaffef ir-reazzjoni tal-Unjoni għal avvenimenti urġenti f'dan il-qasam f'termini ta' assistenza finanzjarja u kif tingħata assistenza teknika għall-implimentazzjoni globali ta' konvenzjonijiet internazzjonali, bħal dawk relatati mat-terroriżmu.
1.2.10. Pjan ta' Azzjoni
Fid-dawl tal-Programm ta' Stokkolma, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta fil-pront Pjan ta' Azzjoni fl-ewwel sitt xhur tal-2010 li għandu jiġi adottat mill-Kunsill. Dan il-Pjan ta' Azzjoni għandu jittraduċi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Programm ta' Stokkolma f'azzjonijiet konkreti bi skeda ċara għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni. Huwa għandu jinkludi proposta għal skeda ta' żmien għat-trasformazzjoni ta' strumenti b'bażi legali ġdida.
1.2.11. Reviżjoni tal-Programm ta' Stokkolma
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, qabel Ġunju 2012, reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma. Il-programmi tat-Trio tal-Presidenza u l-programmi leġislattivi tal-Kummissjoni għandhom jiġu ppubblikati malajr kemm jista' jkun sabiex il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jkollhom viżjoni bikrija tal-proposti.
2. PROMOZZJONI TAD-DRITTIJIET TAĊ-ĊITTADINI: EWROPA TAD-DRITTIJIET
2.1. Ewropa mibnija fuq id-drittijiet fundamentali
L-Unjoni hija bbażata fuq valuri komuni u r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-adeżjoni rapida tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ikollha importanza prinċipali. Dan ser isaħħaħ l-obbligu tal-Unjoni, inklużi l-istituzzjonijiet tagħha, li tiżgura li fl-oqsma kollha tal-attività tagħha, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jiġu promossi b'mod attiv. Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ser tkun tista' tkompli tiżviluppa bl-istess pass, filwaqt li jiġi msaħħaħ il-ħolqien ta' sistema Ewropea uniformi għad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem ibbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea u dawk stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kunsill Ewropew jistieden:
— |
lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta dwar l-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali bħala kwistjoni urġenti, |
— |
lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-Unjoni biex jiżguraw li l-inizjattivi legali jkunu u jibqgħu konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tul il-proċess leġislattiv kollu billi tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-metodoloġija għal monitoraġġ sistematiku u rigoruż tal-konformità mal-Konvenzjoni Ewropea u d-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex:
— |
jagħmlu użu sħiħ mill-kompetenza tal-Aġenzija tal-Unjoni għad-Drittijiet Fundamentali u biex jikkonsultaw, fejn meħtieġ, mal-Aġenzija, f'konformità mal-mandat tagħha, rigward l-iżvilupp ta' linji ta' politika u leġislazzjoni b'implikazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali, u biex jużawha għall-komunikazzjoni liċ-ċittadini ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jolqtuhom fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, |
— |
jissoktaw l-isforzi tal-Unjoni għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, it-tortura u trattament inuman u degradanti ieħor. |
— |
ikomplu jappoġġaw u jippromwovu l-attività tal-Unjoni u tal-Istati Membri kontra l-impunità u fil-ġlieda kontra reati ta' ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra; f'dak il-kuntest, jippromwovu l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, pajjiżi terzi u t-tribunali internazzjonali f'dan il-qasam, u b'mod partikolari l-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), u jiżviluppaw skambju ta' informazzjoni ġudizzjarja u tal-aħjar prattika fir-rigward tal-prosekuzzjoni ta' reati bħal dawn fin-Netwerk Ewropew ta' Punti ta' Kuntatt, fir-rigward ta' persuni responsabbli għal reati ta’ ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra. |
L-Unjoni hija żona ta' valuri kondiviżi, valuri li mhumiex kompatibbli ma' reati ta’ ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra, inklużi reati mwettqa minn reġimi totalitarji. Kull Stat Membru għandu l-approċċ tiegħu għal din il-kwistjoni iżda, fl-interess tar-rikonċiljazzjoni, il-memorja ta' dawn ir-reati għandha tkun memorja kollettiva, kondiviża u promossa, fejn possibbli, minna kollha. L-Unjoni għandu jkolha r-rwol ta' faċilitatur.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
teżamina u tirrapporta lill-Kunsill fl-2010 dwar jekk hemmx ħtieġa għal proposti addizzjonali li jkopru l-iskużar, iċ-ċaħda jew it-trivjalizzazzjoni esagerata ta' reati ta' ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra diretti kontra grupp ta' persuni ddefinit b'riferiment għal kriterji oħra minbarra r-razza, il-kulur, ir-reliġjon, id-dixxendenza jew l-oriġini nazzjonali jew etnika, bħall-istatus soċjali jew il-konvinzjonijiet politiċi. |
2.2. Eżerċizzju sħiħ tad-dritt għal-libertà ta' moviment
Id-dritt għal-libertà ta' moviment taċ-ċittadini u l-membri tal-familja tagħhom fl-Unjoni huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali li fuqhom hi bbażata l-Unjoni u taċ-ċittadinanza Ewropea. Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt jiċċaqalqu u jirresjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, id-dritt li jivvutaw u li jippreżentaw ruħhom bħala kandidati fl-elezzjonijiet fil-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom, il-protezzjoni ta' awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' Stati Membri oħra eċċ. Meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, iċ-ċittadini jiġu żgurati trattament ugwali skont il-kondizzjonijiet stipulati mil-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni hija prijorità.
Kif innota l-Parlament Ewropew, il-koperazzjoni fil-qasam ta' Schengen, li neħħiet il-kontrolli interni fuq il-fruntieri fil-parti l-kbira tal-Unjoni, hija kisba kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-Kunsill Ewropew ifakkar fir-rabta tiegħu mat-tkabbir ulterjuri taż-żona Schengen. Dment li jkunu ġew sodisfatti r-rekwiżiti kollha għall-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, l-Kunsill Ewropew jappella lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tkun permessa t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni mal-Istati Membri li fadal u li ddikjaraw li huma lesti jissieħbu fiż-żona Schengen mingħajr dewmien.
Jeħtieġ li ċ-ċittadini tal-Unjoni jingħataw assistenza fil-proċeduri amministrattivi u legali li huma jiffaċċjaw meta jeżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' moviment. Fil-qafas tat-Trattat, għandhom jitneħħew l-ostakoli li jimponu restrizzjoni fuq dan id-dritt fil-ħajja ta' kuljum.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tissorvelja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli sabiex jiġi garantit id-dritt għal-libertà ta' moviment. |
Il-kisba ta' dritt għal residenza skont il-liġi tal-Unjoni għaċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom huwa vantaġġ inerenti fl-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta' moviment. Il-fini ta' dak id-dritt, madankollu, mhuwiex li jiġu evitati r-regoli dwar l-immigrazzjoni. Il-libertà ta' moviment ma jinvolvix biss drittijiet iżda jimponi wkoll obbligi fuq dawk li jibbenefikaw minnu; għandhom jiġu evitati l-abbuż u l-frodi. L-Istati Membri għandhom jissalvagwardaw u jipproteġu d-dritt għal-libertà ta' moviment billi jaħdmu flimkien, u mal-Kummissjoni, biex jiġġieldu azzjonijiet ta' natura kriminali b'miżuri b'saħħithom u proporzjonati, b'kont debitu meħud tal-liġi applikabbli.
Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex:
— |
tissorvelja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli sabiex jiġu evitati l-abbuż u frodi; |
— |
teżamina l-aħjar mod għall-iskambju ta' informazzjoni, inter alia, rigward permessi ta' residenza u dokumentazzjoni u dwar kif tingħata assistenza lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jittrattaw b'mod effettiv l-abbuż ta' dan id-dritt fundamentali. |
Bil-ħsieb ta' dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw mill-qrib l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-acquis eżistenti u jittrattaw l-abbuż u l-frodi possibbli tad-dritt għal-libertà ta' moviment ta' persuni u jiskambjaw informazzjoni u statistika dwar abbuż u frodi bħal dawn. Jekk jiġu identifikati xejriet sistematiċi fl-abbuż u l-frodi tad-dritt għal-libertà ta' moviment, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw xejriet bħal dawn lill-Kummissjoni, li ser tissuġġerixxi lill-Kunsill kif dawn ix-xejriet jistgħu jiġu indirizzati permezz tal-mezzi l-aktar adatti.
2.3. Ngħixu flimkien fi spazju li jirrispetta d-diversità u li jipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli
Billi d-diversità tarrikkixxi lill-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jipprovdu ambjent sikur fejn id-differenzi jiġu rispettati u l-persuni l-aktar vulnerabbli jkunu protetti. Il-miżuri għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, l-antisemitiżmu, il-ksenofobija u l-omofobija għandhom jitmexxew b'determinazzjoni.
2.3.1. Razziżmu u ksenofobija
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tirrapporta matul il-perijodu tal-Programm ta' Stokkolma dwar it-traspożizzjoni tad- Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali sat-28 ta' Novembru 2013, u, skont il-każ, tagħmel proposti għall-emendament tagħha; |
— |
tagħmel użu sħiħ tal-istrumenti eżistenti, b'mod partikolari l-programmi ta' finanzjament għall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija. |
L-Istati Membri għandhom jimplimentaw dik id-Deċiżjoni Qafas mill-iktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mit-28 ta' Novembru 2010.
2.3.2. Drittijiet tat-tfal
Id-drittijiet tat-tfal, jiġifieri l-prinċipju tal-aħjar interess tat-tfal li huwa d-dritt tat-tfal għall-ħajja, is-sopravivenza u l-iżvilupp, in-non-diskriminazzjoni u r-rispett għad-dritt tat-tfal li jesprimu l-opinjoni tagħhom u jinstemgħu b'mod ġenwin fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernawhom skont l-età u l-livell ta' żvilupp tagħhom kif ipproklamat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, jikkonċernaw il-linji ta' politika kollha tal-Unjoni. Dawn għandhom jitqiesu sistematikament u strateġikament bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ integrat. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-2006, imsejħa Lejn Strateġija tal-Unjoni għad-Drittijiet tat-Tfal tirrifletti kunsiderazzjonijiet importanti f'dan ir-rigward. Għandha tiġi żviluppata strateġjia ambizzjuża tal-Unjoni dwar id-drittijiet tat-tfal.
Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni biex:
— |
tidentifika miżuri, li għalihom l-Unjoni tista' tagħti valur miżjud, biex jiġu protetti u promossi d-drittijiet tat-tfal. Tfal f'sitwazzjonijiet partikolarment vulnerabbli għandhom jirċievu attenzjoni speċjali, b'mod partikolari t-tfal li huma vittmi ta' sfruttament sesswali u abbuż kif ukoll t-tfal li huma vittmi ta' traffikar u minuri mhux akkumpanjati fil-kuntest tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni. |
Rigward il-ħtif tat-tfal mill-ġenituri, minbarra l-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti legali eżistenti f'dan il-qasam, għandha tiġi esplorata l-possibbiltà li tintuża l-medjazzjoni familjari fil-livel internazzjonali, filwaqt li jittieħed kont tal-prattika tajba fl-Istati Membri. L-Unjoni għandha tkompli tiżviluppa mekkaniżmi ta' allert ta' ħtif kriminali tat-tfal, billi tippromwovi l-koperazzjoni bejn l-awotritajiet nazzjonali u l-interoperabbiltà tas-sistemi.
2.3.3. Gruppi vulnerabbli
Il-forom kollha ta' diskuriminazzjoni jibqgħu inaċċettabbli. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jintegraw kompletament fis-soċjetà lill-gruppi vulnerabbli, b'mod partikolari l-komunità Roma, billi jippromwovu l-inklużjoni tagħhom fis-sistema tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol u billi jaħdmu biex jimpedixxu vjolenza kontrihom. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-leġislazzjoni eżistenti tiġi applikata korrettament biex tiġi ttrattata d-diskriminazzjoni potenzjali. L-Unjoni ser toffri appoġġ prattiku u tippromwovi l-aħjar prattika biex tgħin lill-Istati Membri jiksbu dan. Is-soċjetà ċivili ser ikollha rwol speċjali.
Il-gruppi vulnerabbli f'sitwazzjonijiet partikolarment esposti, bħan-nisa li huma vittmi ta' vjolenza jew ta' mutilazzjoni ġenitali jew persuni li jġarrbu ħsara fi Stat Membru li huma mhumiex ċittadini tiegħu jew residenti fih, jeħtieġu protezzjoni akbar, inkluża l-protezzjoni legali. Ser jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju adatt, permezz tal-programmi ta' finanzjament disponibbli.
Il-ħtieġa għal proposti addizzjonali fir-rigward ta' adulti vulnerabbli għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti mill-Istati Membri li huma partijiet jew ser isiru partijiet fil-futur. L-Istati Membri huma inkoraġġuti jissieħbu mal-Konvenzjoni mill-iktar fis possibbli.
2.3.4. Vittmi tal-kriminalità, inkluż it-terroriżmu
Dawk li huma l-aktar vulnerabbli jew li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet partikolarment esposti, bħal persuni li jkunu suġġetti għal vjolenza ripetuta f'relazzjonijiet tal-qrib, vittmi ta' vjolenza bbażata fuq is-sess, jew persuni li jkunu vittmi ta' tipi oħrajn ta' kriminalità fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu jew residenti fih, jeħtieġu appoġġ speċjali u protezzjoni legali. Il-vittmi tat-terroriżmu wkoll jeħtieġu attenzjoni, appoġġ u rikonoxximent soċjali speċjali. Hu meħtieġ approċċ integrat u koordinat għall-vittmi, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija biex jiġi żgurat li d-drittijiet ta' persuni li jkunu vittmi ta' kriminalità jiġu ssodisfati u li jittejjeb l-appoġġ għal dawn il-persuni.
Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex:
— |
jeżaminaw kif jistgħu jtejbu l-leġislazzjoni u l-miżuri ta' appoġġ prattiku għall-protezzjoni tal-vittmi u jtejbu l-implimentazzjoni tal-istrumenti eżistenti, |
— |
joffru appoġġ aħjar lill-vittmi b'modi oħra, possibbilment permezz tan-netwerks Ewropej eżistenti li jipprovdu għajnuna prattika u jressqu proposti għal dak l-għan, |
— |
jeżaminaw jekk ikunx opportun li jkun hemm strument legali wieħed komprensiv rigward il-protezzjoni tal-vittmi, billi jingħaqdu flimkien id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar kumpens għal vittmi ta’ delitti u d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, abbażi ta' evalwazzjoni taż-żewġ strumenti. |
Għandu jsir aktar użu tal-programmi ta' finanzjament skont l-oqfsa legali rispettivi tagħhom.
2.4. Drittijiet tal-individwu fi proċedimenti kriminali
Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali hija valur fundamentali tal-Unjoni, li hija essenzjali sabiex tinżamm fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u fiduċja pubblika fl-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni ssuspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, li meta jkun implimentat kompletament, ser isaħħaħ id-drittijiet tal-individwu fi proċedimenti kriminali. Minn issa 'l quddiem dak il-Pjan direzzjonali ser jifforma parti mill-Programm ta' Stokkolma.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tressaq il-proposti previsti fil-Pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni rapida tiegħu, rigward il-kondizzjonijiet stabbiliti ġo fih, |
— |
teżamina aktar elementi ta' drittijiet proċedurali minimi għall-persuni ssuspettati u akkużati, u tivvaluta jekk jeħtieġx li jiġu ttrattati kwistjonijiet oħra, per eżempju il-preżunzjoni tal-innoċenza, għall-promozzjoni ta' koperazzjoni aħjar f'dan il-qasam. |
2.5. Protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini fis-soċjetà tal-informazzjoni
Meta tkun qed tiġi vvalutata l-privatezza tal-individwu fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, id-dritt għal-libertà huwa predominanti. Id-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huma stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għalhekk l-Unjoni għandha tirreaġixxi għall-isfida ppreżentata mill-iskambju akbar ta' data personali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-privatezza. L-Unjoni għandha tiżgura strateġija komprensiva biex tipproteġi d-data fl-Unjoni u fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi oħra. F'dak il-kuntest, hija għandha tippromwovi l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-isturmenti rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-Konvenzjoni tal-1981 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali minbarra li tippromwovi l-adeżjoni għal din il-konvenzjoni. Hija għandha wkoll tipprevedi u tirregola ċ-ċirkostanzi fejn l-interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet hija ġustifikata u tapplika wkoll il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data fl-isfera privata.
L-Unjoni għandha tindirizza l-ħtieġa għal skambju akbar ta' data personali filwaqt li tiżgura l-akbar rispett għall-protezzjoni tal-privatezza. Il-Kunsill Ewropew huwa konvint li l-iżviluppi teknoloġiċi mhux biss jippreżentaw sfidi ġodda għall-protezzjoni ta' data personali, iżda joffru wkoll possibbiltajiet ġodda għal protezzjoni aħjar ta' data personali.
Jeħtieġ li jiġu żgurati l-prinċipji bażiċi bħal-limitazzjoni tal-iskop, il-proporzjonalità, il-leġittimità tal-ipproċessar, il-limiti fuq iż-żmien tal-ħażna, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-individwu, il-kontroll mill-awtoritajiet superviżorji indipendenti nazzjonali u l-aċċess għal rimedju ġudizzjarju effettiv u għandha tiġi stabbilita skema ta' protezzjoni komprensiva. Dawn il-kwistjonijiet huma ttrattati wkoll fil-kuntest tal-Istrateġija għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-Kapitolu 4.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tevalwa l-funzjonament tad-diversi strumenti dwar il-protezzjoni tad-data u tippreżenta, fejn meħtieġ, aktar inizjattivi leġislattivi u mhux leġislattivi biex tinżamm l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipji t'hawn fuq; |
— |
tipproponi rakkomandazzjoni għan-negozjar ta' ftehimiet dwar il-protezzjoni tad-data u, fejn meħtieġ, dwar il-kondiviżjoni ta' data għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi mal-Istati Uniti tal-Amerika, li tibni fuq il-ħidma mwettqa mill-Grupp ta' Kuntatt ta' Livell Għoli UE-Stati Uniti dwar l-Iskambju ta’ Informazzjoni u l-Protezzjoni tal-Privatezza u tad-Data Personali; |
— |
tqis l-elementi ċentrali għal ftehimiet dwar il-protezzjoni tad-data ma' pajjiżi terzi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, li jistgħu jinkludu, fejn meħtieġ, data miżmuma privatament, abbażi ta' livell għoli ta' protezzjoni tad-data; |
— |
ittejjeb il-konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data permezz tal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda adatti, li ttejjeb il-koperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka; |
— |
teżamina l-introduzzjoni ta' skema ta' ċertifikazzjoni Ewropea għal teknoloġiji, prodotti u servizzi li jirrispettaw il-privatezza; |
— |
twettaq kampanji ta' informazzjoni, b'mod partikolari biex iżżid is-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku. |
Fuq livell ġenerali, l-Unjoni għandha tkun forza mexxejja wara l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' standards internazzjonali għall-protezzjoni tad-data personali, abbażi tal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-Konvenzjoni tal-1981 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, u fil-konklużjoni ta' strumenti bilaterali jew multilaterali adatti.
2.6. Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni
Il-Kunsill Ewropew ifakkar li t-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-aċċess għad-dokuimenti u l-amministrazzjoni tajba jikkontribwixxu għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-inizjattiva taċ-ċittadini tal-Unjoni introdotta mill-Artikolu 11 tat-TUE ser toħloq mekkaniżmu ġdid għall-parteċipazzjoni ċivika. Dak il-mekkaniżmu għandu jitwettaq malajr.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
teżamina kif ikun l-aħjar li tiġi żgurata t-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-aċċess għad-dokumenti u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fid-dawl tal-opportunitajiet ġodda pprovduti permezz tat-Trattat ta' Lisbona u tressaq proposti għal dan l-għan. |
Bil-ħsieb tal-elezzjonijiet Ewropej fl-2014, għandhom jiġu kkunsidrati b'attenzjoni modi għall-inkoraġġiment taċ-ċittadini biex jivvotaw. In-numru ta' votanti naqas b'20 % mill-1979 filwaqt li fl-istess ħin is-setgħat tal-Parlament Ewropew bħala ko-leġislatur żdiedu b'mod konsiderevoli. Għandhom jiġu esplorati miżuri bħall-faċilitar ta' kif issir ir-reġistrazzjoni fuq il-lista elettorali.
Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel Diċembru 2012,
— |
tirrapporta lill-Kunsill Ewropew dwar metodi ta’ prattika u tradizzjonijiet nazzjonali rigward l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u tipproponi, abbażi tar-rapport, kif jinkiseb jum l-elezzjoni komuni għall-Parlament Ewropew. Fid-dawl ta' dak ir-rapport, il-Kunsill Ewropew ser iqis kif imexxi 'l quddiem din il-kwistjoni. |
2.7. Dritt għal protezzjoni f'pajjiżi mhux Stati Membri
Ċittadin tal-Unjoni li jivjaġġa lejn jew li jgħix f'pajjiż terz, fejn l-Istat Membru tiegħu ma jkunx rappreżentat, għandu d-dritt għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru. Dan id-dritt, stabbilit fit-Trattati, mhuwiex irreklamat sewwa, u huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tiegħu. Jistgħu jsiru kampanji ta' komunikazzjoni mmirati f'konnessjoni ma' dan id-dritt.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tqis miżuri adatti li jistabbilixxu l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari f'konformità mal-Artikolu 23 tat-TFUE. |
3. FAĊILITAR TA' ĦAJJET IN-NIES: EWROPA TA' LIĠI U ĠUSTIZZJA
Il-Kunsill Ewropew iddikjara fil-laqgħa tiegħu f'Tampere fl-1999 li r-rikonoxximent reċiproku msaħħaħ tad-deċiżjonijiet u s-sentenzi ġudizzjarji u l-approssimazzjoni meħtieġa tal-leġislazzjoni jiffaċilitaw il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali u li l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għandu jkun il-pedament tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kemm ċivili kif ukoll kriminali. Dan il-prinċipju issa huwa espress fit-Trattat.
Fil-Programm tal-Aja, adottat fl-2004, il-Kunsill Ewropew innota li sabiex il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jsir effettiv, jeħtieġ li l-fiduċja reċiproka tissaħħaħ permezz ta' żvilupp progressiv ta' kultura ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq id-diversità tas-sistemi legali u l-unità permezz tad-dritt Ewropew. Is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jaħdmu flimkien b'mod koerenti u effettiv f'konformità mat-tradizzjonijiet legali nazzjonali tagħhom.
L-Unjoni għandha tkompli ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka fis-sistemi legali tal-Istati Membri billi tistabbilixxi drittijiet minimi kif meħtieġ għall-iżvilupp tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku u billi tistabbilixxi regoli minimi rigward id-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali kif definiti mit-Trattat. Il-qasam ġudizzjarju Ewropew għandu wkoll jippermetti liċ-ċittadini jaffermaw id-drittijiet tagħhom kullimkien fl-Unjoni billi jqajjem b'mod sinifikattiv sensibilizzazzjoni ġenerali tad-drittijiet u billijiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja.
F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza orizzontali tal-“e-Justice”, li mhix limitata għal oqsma speċifiċi tal-liġi. Hija għandha tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-liġi ċivili, kriminali u amministrattiva sabiex jiġi żgurat aċċess aħjar għall-ġustizzja u koperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji.
3.1. Implimentazzjoni ulterjuri tar-rikonoxximent reċiproku
Il-Kunsill Ewropew jinnota b'sodisfazzjoni li nkiseb progress konsiderevoli fl-implimentazzjoni taż-żewġ programmi dwar ir-rikonoxximent reċiproku adottati mill-Kunsill fl-2000 u jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għal traspożizzjoni fil-livell nazzjonali ta' regoli maqbulin fil-livell Ewropew. F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri u li titkompla l-ħidma dwar ir-rikonoxximent reċiproku.
3.1.1. Liġi kriminali
Minkejja l-kriminalità transkonfinali, għandhom isiru aktar sforzi biex il-koperazzjoni ġudizzjarja ssir aktar effiċjenti. L-istrumenti adottati jeħtieġ li jkunu aktar “faċli għall-utent” u jiffokaw fuq problemi li kontinwament jitfaċċaw fil-koperazzjoni transkonfinali, bħal kwistjonijiet rigward il-limiti ta' żmien u l-kondizzjonijiet tal-lingwa jew il-prinċipju ta' proporzonalità. Sabiex tittejjeb il-koperazzjoni bbażata fuq rikonoxximent reċiproku, xi kwistjonijiet ta' prinċipju għandhom jiġu riżolti wkoll. Per eżempju, jista' jkun hemm il-ħtieġa għal approċċ orizzontali rigward ċerti problemi rikorrenti waqt in-negozjati rigward l-istrumenti. L-approssimazzjoni, fejn meħtieġa, tal-liġi sostentiva u proċedurali għandha tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku.
Ir-rikonoxximent reċiproku jista' jkun estiż għat-tipi kollha ta' sentenzi u deċiżjonijiet ta' natura ġudizzjarja, li jistgħu, skont is-sistema legali, ikunu kriminali jew amministrattivi.
hieda tal-kriminalità li jkunu f'riskju jistgħu jiġu offruti miżuri ta' protezzjoni speċjali li għandhom ikunu effettivi fl-Unjoni kollha.
Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-istabbiliment ta' sistema komprensiva għall-ksib ta' evidenza f'każijiet b'dimensjoni transkonfinali, abbażi tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, għandu jitkompla. L-istrumenti eżistenti f'dan il-qasam jikkostitwixxu reġim frammentarju. Jinħtieġ approċċ ġdid, ibbażat fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku iżda għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-flessibbiltà tas-sistema tradizzjonali ta' assistenza legali reċiproka. Dan il-mudell il-ġdid jista' jkollu ambitu aktar wiesa' u għandu jkopri l-akbar ammont possibbli ta' tipi ta' evidenza, b'kont meħud tal-miżuri kkonċernati.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tipproponi sistema komprensiva, wara valutazzjoni tal-impatt, biex jiġu ssostitwiti l-istrumenti eżistenti kollha f'dan il-qasam, inkluża d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat- 18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f’materji kriminali, li tkopri kemm jista' jkun it-tipi kollha ta' provi u jkun fiha skadenzi għall-infurzar u tillimita kemm jista' jkun ir-raġunijiet għar-rifjut, |
— |
tesplora jekk hemmx mezzi oħra biex tiġi ffaċiliata l-ammissibbiltà tal-provi f'dan il-qasam, |
— |
tesplora jekk ċerti miżuri investigattivi jistgħux jiġi eżegwiti mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew dawk ġudizzjarji tal-Istat Membru rikjedenti/emittenti b'kollegament u bi ftehim mal-awtoritajiet tal-istat ta' esekuzzjoni f'konformità mal-Artikolu 89 tat-TFUE, u, fejn meħtieġ, tagħmel il-proposti meħtieġa, |
— |
tesplora jekk u kif l-awtoritajiet ta' Stat Membru wieħed jistgħu jiksbu informazzjoni rapidament minn entitajiet privati jew pubbliċi ta' Stat Membru ieħor mingħajr l-użu ta' miżuri koerċitivi u bl-użu tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ieħor, |
— |
tesplora r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Mandat Ewropew għall-Provi, u, fejn meħtieġ, tagħmel proposti biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-protezzjoni legali għall-individwi fil-proċess ta' konsenja, bl-adozzjoni ta' approċċ gradwali għal strumenti oħra rigward ir-rikonoxximent reċiproku, |
— |
tħejji studju komprensiv dwar l-ostakoli legali u amministrattivi eżistenti għall-infurzar transkonfinali ta' pieni u deċiżjonijiet amministrattivi għal reati tat-traffiku fit-toroq u biex tippreżenta, fejn meħtieġ, aktar inizjattivi leġislattivi u non-leġislattivi biex titjieb is-sigurtà fit-toroq fl-Unjoni. |
L-Unjoni għandha timmira għas-skambju sistematiku ta' informazzjoni u, bħala mira fit-tul, ir-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi li jimponu ċerti tipi ta' skwalifika.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tistudja l-użu ta' skwalifiki fl-Istati Membri u tipproponi lill-Kunsill programm ta' miżuri, inkluż skambju ta' informazzjoni dwar ċerti tipi ta' skwalifiki u, bl-adozzjoni ta' approċċ gradwali, li jagħti prijorità lil każijiet fejn l-iskwalifika tkun l-aktar probabbli li tolqot is-sikurezza personali jew il-ħajja kummerċjali. |
Fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja, il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri u l-Eurojust jimplimentaw bir-reqqa d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust, li flimkien mat-Trattat ta' Lisbona, toffri opportunità għal żvilupp ulterjuri tal-Eurojust fis-snin li ġejjin, inkluż fir-rigward tal-bidu ta' investigazzjonijiet u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' kompetenza. Abbażi ta' valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dan l-istrument, jistgħu jitqiesu possibbiltajiet ġodda f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, inkluż l-għoti ta' aktar setgħat lill-membru nazzjonali tal-Eurojust, ir-rinfurzar tas-setgħat tal-Kulleġġ tal-Eurojust jew l-istabbiliment ta' Prosekutur Pubbliku Ewropew.
3.1.2. Liġi ċivili
Fir-rigward ta' materji ċivili, il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-proċess tal-abolizzjoni tal-miżuri intermedji kollha (l-exequatur), għandu jitkompla matul il-perijodu kopert mill-Programm ta' Stokkolma. Fl-istess ħin l-abolizzjoni tal-exequatur teħtieġ ser tkun akkumpanjata minn serje ta' salvagwardji, li jistgħu jkunu miżuri fir-rigward ta' liġi proċedurali kif ukoll ta' regoli dwar il-konflitt ta' liġijiet.
Barra minn hekk, ir-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhux koperti iżda li huma essenzjali għall-ħajja ta' kuljum, per eżempju, suċċessjoni u wirt, drittijiet tal-propjetà matrimonjali u l-konsegwenzi marbuta mal-propjetà f'separazzjoni ta' koppji, filwaqt li jittieħed kont tas-sistemi legali tal-Istati Membri, inkluża l-politika pubblika, u t-tradizzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam.
Il-Kunsill Ewropew iqis li l-proċess ta' amonizzazzjoni tar-regoli dwar il-konflitt ta' liġijiet fil-livell tal-Unjoni għandu wkoll jitkompla fejn meħtieġ, f'oqsma bħas-separazzjoni u d-divorzji. Jista' jinkludi wkoll il-qasam tal-liġi dwar il-kumpanniji, il-kuntratti tal-assigurazzjoni u l-garanziji passivi.
Il-Kunsill Ewropew jissottolinja wkoll l-importanza li tinbeda ħidma dwar il-konsolidazzjoni tal-istrumenti adottati s'issa fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili. L-ewwel u qabel kollox, il-konsistenza tal-leġislazzjoni tal-Unjoni għandha tissaħħaħ bl-integrazzjoni tal-istrumenti eżistenti. L-għan għandu jkun li jiġu żgurati l-koerenza u l-faċilità tal-użu tal-istrumenti, b'hekk tiġi żgurata applikazzjoni aktar effiċjenti u uniformi tagħhom.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tivvaluta liema salvagwardji huma meħtieġa biex jakkumpanjaw l-abolizzjoni tal-exequatur u kif dawn jistgħu jiġu integrati; |
— |
tivvaluta jekk hemmx raġunijiet għall-konsolidazzjoni u s-simplifikazzjoni sabiex titjieb il-konsistenza tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni; |
— |
tagħti segwitu lill-istudju reċenti dwar il-problemi possibbli li jitfaċċaw fir-rigward tad-dokumenti dwar l-istatus ċivili u l-aċċess għal reġistri ta' dokumenti bħal dawn. |
Fid-dawl tar-riżultati, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposti adatti b'kont meħud tas-sistemi legali differenti u t-tradizzjonijiet legali fl-Istati Membri. Fil-perijodu qasir tista' tiġi prevista sistema li tippermetti liċ-ċittadini jiksbu faċilment id-dokumenti tagħhom stess dwar l-istatus ċivili. Għat-tul, jista' jiġi kkunsidrat jekk ir-rikonoxximent reċiproku tal-effetti tad-dokumenti dwar l-istatus ċivili jistax ikun adegwat, għall-inqas f'ċerti oqsma. għandu jittieħed kont tal-ħidma żviluppata mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Istatus Ċivili.
3.2. Tisħiħ ta' fiduċja reċiproka
Waħda mill-konsegwenzi tar-rikonoxximent reċiproku hija li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-livell nazzjonali jkollhom impatt fl-Istati Membri l-oħra, b'mod partikolari fis-sistemi ġudizzjarji tagħhom. Għalhekk jinħtieġu miżuri mmirati lejn it-tisħiħ ta' fiduċja reċiproka sabiex wieħed jieħu vantaġġ sħiħ minn dawn l-iżviluppi.
L-Unjoni għandha tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri għat-titjib tal-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom billi tinkoraġġixxi skambji tal-aħjar prattika u l-iżvilupp ta' proġetti innovattivi relatati mal-modernizzazzjoni tal-ġustizzja.
3.2.1. Taħriġ
It-taħriġ tal-imħallfin (inkluż l-qrati amministrattivi), il-prosekuturi u persunal ġudizzjarju ieħor huwa essenzjali biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka; ara wkoll il-Kapitolu 1.2.6. L-Unjoni għandha tkompli tappoġġa u ssaħħaħ il-miżuri biex jiżdied it-taħriġ f'konformità mal-Artikoli 81 u 82 tat-TFUE.
3.2.2. Żvilupp ta' netwerks
Il-Kunsill Ewropew iqis li l-kuntatti bejn l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri f'oqsma koperti mill-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni huma ta' valur kbir u għandhom jiġu promossi mill-Unjoni kemm jista' jkun. Skont l-istrutturi nazzjonali, oqsma bħal dawn jistgħu jkunu kapijiet għolja tal-pulizija jew prosekuturi, kapijiet ta' istituti ta' taħriġ, kapijiet tal-amministazzjonijiet tal-ħabs, diretturi ġenerali tal-amministrazzjonijiet tad-dwana. Skont il-każ, dawn in-netwerks għandhom ukoll ikunu informati bil-ħidma tal-Kumitat Permanenti dwar is-Sigurtà Interna (COSI), jew ikunu kapaċi jieħdu parti fl-iżvilupp tal-Istima tat-Theddid mill-Kriminalità Organizzata u għodod strateġiċi oħra tal-Unjoni. Netwerks bħal dawn għandhom jiltaqgħu primarjament bl-użu ta' strutturi eżistenti bħall-Europol, l-Eurojust u l-Frontex jew fuq stedina mill-Presidenza bħala pajjiż ospitanti. Netwerks oħra ta' professjonisti eżistenti f'dan il-qasam għandhom ikomplu jirċievu appoġġ mill-Unjoni. Fost dawn huma n-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura u n-Netwerk tal-President tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea.
3.2.3. Evalwazzjoni
Bħal f'oqsma oħrajn, l-iżvilupp ta' rikonoxximent reċiproku fl-isfera ġudizzjarja għandu jimxi id f'id ma' titjib fl-evalwazzjoni, kemm ex-ante kif ukoll ex-post (Ara wkoll il-Kapitolu 1.2.5).
3.2.4. Titjib tal-għodod
Il-Kunsill Ewropew jappella għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-għodod operattivi għall-imħallfin, il-prosekuturi u l-atturi l-oħrajn kollha involuti fil-qasam tal-ġustizzja. Għal dak l-għan, il-Kunsill Ewropew jappella għal involviment aktar attiv tal-Eurojust u n-Netwerks Ġudizzjarji Ewropej fil-liġi ċivili u kriminali biex jipparteċipaw fit-titjib tal-koperazzjoni u tal-applikazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni mill-prattikanti kollha. Għandha titkompla l-ħidma fuq it-titjib tal-għodod elettroniċi li ġew żviluppati s'issa u għandhom jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa għat-twettiq ta' din il-ħidma.
3.2.5. Implimentazzjoni
L-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet li diġà ttieħdu, għandha tkun prijorità għall-Unjoni. Dan għandu jsir b'diversi modi: billi l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni tiġi segwita aktar mill-qrib, permezz ta' użu aħjar tal-istrumenti finanzjarji, żieda fit-taħriġ ta' imħallfin u professjonisti oħrajn u tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' evalwazzjoni u miżuri prattiċi.
Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-implimentazzjoni hija prinċipalment kwistjoni tal-Istati Membri, iżda peress li l-istrumenti ta' rikonoxximent reċiproku huma għodod komuni, l-Unjoni għandhom jakkumpanjaw aħjar l-implimentazzjoni tagħhom billi tippermetti l-kondiviżjoni tal-esperjenu l-aħjar prattika.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tiżgura l-kondiviżjoni tal-informazzjoni billi tiżviluppa manwali jew skedi informattivi nazzjonali flimkien ma' esperti fil-liġi ċivili u kriminali u l-Istati Membri, dwar l-użu ta' strumenti ta' rikonoxximent reċiproku, bl-istess mod bħal dak li sar għall-Mandat ta' Arrest Ewropew. L-għan għandu jkun li jkun hemm manwal jew skeda nazzjonali informattiva għal kull wieħed mill-istrumenti li ġew adottati s'issa sa tmiem il-perijodu ta' ħames snin. |
Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra wkoll li l-mezzi moderni kollha ta' komunikazzjoni elettronika għandhom jintużaw bis-sħiħ, u li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom, mill-iktar fis possibbli, jingħataw mezzi ta' komunikazzjoni elettronika sigura biex tkun possibbli korrispondenza sikura. L-Unjoni għandha wkoll tqiegħed enfasi fuq il-vidjokonferenzi u fuq l-assistenza fl-iżvilupp ta' għodod ta' traduzzjoni sabiex dawn isiru preċiżi kemm jista' jkun. Dawn l-iżviluppi għandhom ikunu akkumpanjati u jiffurmaw parti mill-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-“e-Justice”. Barra minn hekk, filwaqt li jittieħed kont sħiħ tar-regoli għall-protezzjoni tad-data, għandhom jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti sabiex isiru magħrufa l-indirizzi fejn jgħixu l-persuni bħala r-residenza attwali tagħhom, b'rabta man-notifika tad-dokumenti.
3.2.6. Detenzjoni
Il-Kunsill Ewropew iqis li għandhom isiru sforzi biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u biex il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku isir aktar effiċjenti fil-qasam tad-detenzjoni. Għandhom jissoktaw l-isforzi għall-promozzjoni tal-aħjar prattika u l-implimentazzjoni tar-Regoli Penitenzjarji Ewropej, appoġġata mill-Kunsill tal-Ewropa, għandha tiġi appoġġata. Jistgħu jiġu indirizzat wkoll kwistjonijiet bħall-alternattivi għall-ħabs, il-proġetti pilota dwar id-detenzjoni u l-aħjar prattika fil-ġestjoni tal-ħabsijiet. Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrifletti aktar dwar din il-kwistjoni fil-limitu tal-possibbiltajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona.
3.3. Żvilupp ta' bażi ta' regoli minimi komuni
Safejn ikun meħtieġ biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, l-Unjoni tista' tadotta regoli minimi komuni. Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li huwa meħtieġ ċertu livell ta' approssimazzjoni tal-liġijiet biex jitrawwem fehim komuni tal-kwistjonijiet fost l-imħallfin u l-prosekuturi, u b'hekk il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jkun jista' jiġi applikat sew, b'kont meħud tad-differenzi bejn is-sistemi legali u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri.
3.3.1. Liġi kriminali
Imġiba kriminali; fl-oqsma ta' reati partikolarment serji b'dimensjoni transkonfinali li jirriżultaw min-natura jew l-impatt ta' reati bħal dawn jew minn ħtieġa speċjali li dawn jiġu miġġielda fuq bażi komuni għandhom isiru l-oġġett ta' definizzjonijiet komuni ta’ reati kriminali u livelli minimi komuni ta' sanzjonijiet massimi. Dawn huma r-reati kriminali serji msemmijin fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE. Għandha tingħata prijorità lit-terroriżmu, it-traffikar ta' bnedmin, it-traffikar illeċitu ta' drogi, l-isfruttament sesswali tan-nisa u tat-tfal u l-pedopornografija u l-kriminalità permezz tal-kompjuter.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
teżamina jekk il-livell ta' approssimazzjoni huwiex suffiċjenti fir-rigward tad-deċiżjonijiet qafas adottati u tirrapporta dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti definizzjonijiet u sanzjonijiet komuni u biex tikkunsidra li tippreżenta proposti leġislattivi ġodda fejn tkun meħtieġa aktar approssimazzjoni. |
Għandha tkompli tiġi esplorata r-relazzjoni bejn l-approssimazzjoni tar-reati kriminali jew id-definizzjoni tagħhom u regola dwar il-kriminalità doppja fil-qafas tar-rikonoxximent reċiproku. Il-Kummissjoni hija mistiedna tagħmel rapport lill-Kunsill dwar din il-kwistjoni. Waħda mill-kwistjonijiet tista' tkun il-ħtieġa u l-fattibbiltà tal-approssimazzjoni jew id-definizzjoni tar-reat kriminali li għalih il-kriminalità doppja ma tapplikax.
Għandhom jiġu introdotti dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali meta dawn jitqiesu essenzjali biex jiġu protetti l-interessi u, bħala regola, għandhom jintużaw bħala l-aħħar għażla.
Jistgħu jiġu stabbiliti wkoll regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u ta' sanzjonijiet meta l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti kriminali tal-Istati Membri jkunu essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' politika tal-Unjoni li kienet suġġetta għal miżuri ta' armonizzazzjoni.
Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza tal-koerenza ta' dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali fid-diversi strumenti tal-Unjoni u jistieden lill-Kunsill biex:
— |
jimplimenta l-ħidma dwar dispożizzjonijiet standard mudell fil-liġi kriminali u lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex ikomplu jirriflettu, flimkien mal-Parlament Ewropew, dwar kif itejbu l-koerenza tad-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali f'diversi strumenti tal-Unjoni; |
u lill-Kummissjoni biex:
— |
teżamina l-possibbiltajiet tal-użu ta' programmi eżistenti għall-finanzjament ta' skemi pilota fl-alternattivi ta' ttestjar tal-Istati Membri għal priġunerija. |
3.3.2. Liġi ċivili
L-abolizzjoni tal-exequatur ser tkun akkumpanjata minn serje ta' salvagwardji, partikolarment rigward sentenzi ta' kontumaċja, li jistgħu jkunu miżuri fir-rigward tal-liġi proċedurali kif ukoll tar-regoli dwar il-konflitt ta' liġijiet (per eżempju, id-dritt għal smigħ, in-notifikazzjoni ta' dokumenti, iż-żmien meħtieġ biex jingħataw opinjonijiet, eċċ). L-objettiv ta' politika ewlieni fil-qasam tal-liġi proċedurali ċivili huwa li l-fruntieri ta' bejn l-Istati Membri m'għandhomx jikkostitwixxu ostakolu la għar-riżoluzzjoni ta' materji ċivili, la għall-bidu ta' proċedimenti tal-qorti, u lanqas għall-infurzar ta' deċiżjonijiet f'materji ċivili. Bil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere u l-programm tal-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, ittieħdu passi maġġuri biex jintlaħaq dan l-għan. Madankollu, il-Kunsill Ewropew jinnota li l-effikaċja tal-istrumenti tal-Unjoni f'dan il-qasam għadhom jeħtieġu titjib.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
bħala l-ewwel pass, tippreżenta rapport dwar il-funzjonament tar-reġim preżenti tal-Unjoni dwar il-liġi proċedurali ċivili bejn il-fruntieri, u abbażi ta' dak ir-rapport tippreżenta proposta mmirata lejn it-titjib tal-konsistenza tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni; |
— |
tivvaluta, anke matul ir-reviżjonijiet li ġejjin tar-regolamenti eżistenti, il-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards minimi komuni jew regoli standard ta' proċedura ċivili għall-eżekuzzjoni transkonfinali ta' sentenzi u deċiżjonijiet dwar materji bħan-notifika ta' dokumenti, it-teħid ta' provi, il-proċeduri ta' reviżjoni u l-infurzar, l-istabbiliment ta’ standards minimi fir-rigward tar-rikonoxximent ta' deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u, fejn ikun il-każ, tippreżenta proposti dwar dawn il-kwistjonijiet; |
— |
tkompli l-ħidma dwar regoli komuni dwar il-konflitt ta' liġijiet, fejn meħtieġ. |
3.4. Benefiċċji għaċ-ċittadini ta’ spazju ġudizzjarju Ewropew
3.4.1. Faċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja
L-aċċess għall-ġustizzja fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew għandu jiġi ffaċilitat, b'mod partikolari fi proċedimenti transkonfinali. Fl-istess ħin, għandhom jitkomplew l-isforzi għat-titjib ta' metodi alternattivi għar-riżoluzzjoni ta' disputi, b'mod partikolari fil-liġi tal-konsumatur. Hija meħtieġa azzjoni li tgħin lin-nies jegħlbu l-ostakoli ta' lingwa li jimpedixxu l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja.
Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-“e-Justice” tippreżenta opportunità eċċellenti biex jiġi pprovdut aċċess aktar faċli għall-ġustizzja. Il-pjan pluriennali ta' azzjoni Ewropew tal-“e-Justice”, adottat mill-Kunsill fl-aħħar ta' Novembru 2008, jistabbilixxi l-qafas għall-iżvilupp ta' attivitajiet tal-“e-Justice” Ewropea sa tmiem l-2013. Il-portal Ewropew tal-“e-Justice” ser ikun mod biex in-nies jiġu informati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom u jagħtihom aċċess għal firxa ta' informazzjoni u servizzi dwar id-diversi sistemi ġudizzjarji. Għandu jsir użu aħjar tal-vidjokonferenzi, per eżempju biex jiġi evitat l-isforz ta' vjaġġar bla bżonn u l-istress ta' parteċipazzjoni fi proċedimenti tal-qorti lill-vittmi. F’konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data, xi reġistri nazzjonali ser ikunu interkonnessi progressivament (per eżempju, ir-reġistri ta' insolvenza, interpreti, tradutturi u testmenti). Xi bażijiet tad-data eżistenti jistgħu jkunu wkoll integrati parzjalment fil-portall (per eżempju, ir-Reġistru Ewropew tal-Impriżi u s-Servizz Ewropew tal-Informazzjoni dwar l-Artijiet). Fit-terminu medju, xi proċeduri transkonfinali Ewropej u nazzjonali jistgħu jiġu ttrattati online (per eżempju, l-ordni ta' ħlas Ewropew, il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar u l-medjazzjoni). Barra minn hekk, l-użu ta' firem elettroniċi għandu jiġi promoss fil-qafas tal-proġett “e-Justice”.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex:
— |
joħolqu kondizzjonijiet effettivi biex il-partijiet ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-qrati b'mezzi elettroniċi fil-kuntest ta' proċedimenti legali. Għal dak il-fini, għandu jkun hemm formoli dinamiċi disponibbli permezz tal-portal tal-“e-Justice” fir-rigward ta' ċerti proċeduri Ewropej, bħall-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea u l-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar. Matul din il-fażi, il-komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji għandha tittejjeb ċertament fil-qasam tal-applikazzjoni tal-“e-Justice”. |
Il-Kunsill Ewropew jinkoraġġixxi wkoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri biex:
— |
jiddedikaw sforzi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan ta' azzjoni tal-“e-Justice”. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta proposti fil-qafas tal-perspettivi finanzjarji għal finanzjament adegwat tal-proġetti tal-“e-Justice” u b'mod partikolari proġetti orizzontali tal-IT fuq skala kbira. |
Ċerti formalitajiet għal-legalizzazzjoni ta' dokumenti huma wkoll ostakolu jew piż eċċessiv. B'kont meħud tal-possibbiltajiet marbutin mal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda, inkluż firem diġitali, l-Unjoni għandha tikkunsidra t-tneħħija tal-formalitajiet kollha għal-legalizzazzjoni ta' dokumenti bejn l-Istati Membri. Fejn ikun il-każ, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jinħolqu, f'perijodu fit-tul, dokumenti awtentiċi Ewropej.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
teżamina l-possibbiltà tat-tneħħija ta' formalitajiet għal-legalizzazzjoni ta' dokumenti bejn l-Istati Membri u tippreżenta proposta għal dan l-għan. |
3.4.2. Appoġġ għall-attività ekonomika
L-ispazju ġudizzjarju Ewropew għandu jservi ta' appoġġ għall-attività ekonomika fis-suq uniku.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tivvaluta l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ provvedimenti għal ċerti miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, fil-livell tal-Unjoni, għall-prevenzjoni ta', per eżempju, l-għebien ta' assi qabel l-infurzar ta' talba; |
— |
tippreżenta proposti adatti għat-titjib tal-effiċjenza tal-eżekuzzjoni ta' sentenzi fl-Unjoni rigward kontijiet bankarji u ta' assi tad-debituri, abbażi tal-Green Papers tal-2006 u l-2008. |
Meta jitfasslu miżuri ta' dan it-tip, għandu jittieħed kont tal-impatt li huma ser ikollhom fuq id-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali taċ-ċittadini.
Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid li l-qafas ta' referenza komuni għal-liġi Ewropea dwar il-kuntratti għandu jkun sett mhux vinkolanti ta' prinċipji fundamentali, definizzjonijiet u regoli mudell li għandhom jintużaw minn min ifassal il-liġi fil-livell tal-Unjoni għall-iżgurar ta' aktar koerenza u kwalità fil-proċess tat-tfassil tal-liġi. Il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta proposta dwar qafas ta' referenza komuni.
Il-kriżi finanzjarja attwali enfasizzat il-ħtieġa li s-swieq finanzjarji jiġu rregolati u li jiġi prevenut l-abbuż. Jeħtieġ ukoll li jiġu studjati miżuri ulterjuri rigward il-liġi tan-negozju, u li jinħoloq ambjent regolatorju ċar li jippermetti lill-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju b'mod partikolari, biex jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq intern sabiex ikunu jistgħu jikbru u joperaw lil hinn mill-fruntieri bħalma huma joperaw fis-suq domestiku tagħhom. Jeħtieġ li jiġi esplorat jekk jistgħux jitfasslu regoli komuni li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għal materji tal-liġi tal-kumpanniji, ir-regoli dwar insolvenza għall-banek u t-trasferiment ta' talbiet. Il-kwistjoni tal-liġi kuntrattwali wkoll jeħtieġ tiġi eżaminata ulterjorment.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tikkunsidra jekk hemmx il-ħtieġa li jittieħdu miżuri f'dawk l-oqsma, u, fejn ikun il-każ, jiġu ppreżentati proposti f'dan ir-rigward. |
3.5. Tisħiħ tal-preżenza internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam legali
3.5.1. Liġi ċivili
Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li definizzjoni ċara tal-interessi esterni u l-prijoritajiet tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili hija importanti ħafna bil-ħsieb ta' interazzjoni ma' pajjiżi terzi f'ambjent legali sigur.
Il-Konvenzjoni ta' Lugano tal-1988 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta' Sentenzi f'Materji Ċivili u Kummerċjali hija miftuħa għall-adeżjoni ta' Stati oħrajn u l-Unjoni għandha tivvaluta, f'koperazzjoni mal-Partijiet Kontraenti l-oħrajn, liema pajjiżi terzi jistgħu jiġu inkoraġġiti jaderixxu magħha.
L-Unjoni għandha tuża s-sħubija tagħha tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat biex tippromwovi attivament l-adeżjoni l-aktar wiesgħa possibbli għall-aktar Konvenzjonijiet rilevanti u biex toffri l-aktar assistenza possibbli lil Stati oħrajn bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tajba ta’ dawn l-istrumenti. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi sħab kollha biex jaderixxu għal dawk il-Konvenzjonijiet li huma ta' interess partikolari għall-Unjoni.
F'każijiet fejn mhu stabbilit l-ebda qafas legali għal relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab, u fejn l-iżvilupp ta' koperazzjoni multilaterali ġdida mhux possibbli min-naħa tal-Unjoni, l-għażla ta' ftehimiet bilaterali għandha tiġi esplorata, fuq bażi ta' każ b'każ.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex
— |
tiddefinixxi strateġija fil-qasam tal-materji ċivili għas-snin li ġejjin, li tkun koerenti mal-politika esterna ġenerali tal-Unjoni. |
3.5.2. Liġi kriminali
Rigward il-qasam tal-liġi kriminali, ser ikun meħtieġ li jiġu identifikati prijoritajiet għan-negozjati ta' assistenza reċiproka u ftehimiet ta' estradizzjoni. L-Unjoni għandha tippromwovi b'mod attiv l-adeżjoni l-aktar wiesgħa possibbli tal-pajjiżi sħab mal-aktar Konvenzjonijiet rilevanti u li jiffunzjonaw u toffri l-aktar assistenza possibbli lil Stati oħrajn bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tajba tal-istrumenti. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jiżguraw, sal-ogħla grad possibbli, il-koerenza bejn l-Unjoni u l-ordni ġuridiku internazzjonali. Fejn possibbli, għandha tiġi kkunsidrata sinerġija mal-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, fejn ikun il-każ, biex:
— |
jiżviluppaw politika mmirata lejn l-istabbiliment ta' ftehimiet dwar koperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali ma' pajjiżi terzi ta' interess jew f'organizzazzjonijiet internazzjonali. B'mod partikolari, għandu jittieħed kont tal-kriterji li ġejjin meta jiġu deċiżi l-pajjiżi prijoritarji: relazzjoni strateġika, jekk jeżistux diġà ftehimiet bilaterali, jekk il-pajjiż inkwistjoni jaderixxix mal-prinċipji tad-Drittijiet tal-Bniedem, jekk huwa jikkoperax mal-Unjoni b'mod ġenerali u mal-Istati Membri tagħha, u l-prijoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-koperazzjoni ġudizzjarja; |
— |
jappoġġaw materjalment skambji tal-aħjar prattika u l-ġbir komuni ta' esperjenza ma' Stati li mhumiex membri u, b'mod partikolari fir-rigward tal-pajjiżi fit-triq tal-adeżjoni mal-Unjoni, isir użu sħiħ tal-istrumenti li l-Unjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiġi promossa r-riforma ġudizzjarja u jissaħħaħ l-istat tad-dritt, bħal skemi ta' ġemellaġġ u reviżjonijiet bejn il-pari, anke f'koperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa; |
— |
joffru appoġġ sod lis-sistemi tal-ġustizzja f'pajjiżi sħab sabiex jippromwovu l-istat tad-dritt fid-dinja kollha; |
— |
jkomplu jippromwovu l-prinċipju ICC tal-Istatut ta' Ruma ta' komplementarjetà u osservanza tal-obbligi tal-Istatut ta' Ruma. |
Il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex:
— |
tippreżenta lill-Kunsill fl-2010 lista ta' pajjiżi li talbu biex jikkonkludu ftehimiet dwar assistenza legali reċiproka u estradizzjoni mal-Unjoni kif ukoll valutazzjoni, abbażi tal-prinċipji msemmijin hawn fuq, tal-adegwatezza u l-urġenza tal-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet ma' dawn il-pajjiżi jew oħrajn. |
4. EWROPA LI TIPPROTEĠI
4.1. Strateġija tas-Sigurtà Interna
Il-Kunsill Ewropew huwa konvint li t-tisħiħ ta' azzjonijiet fil-livell Ewropew, flimkien ma' koordinazzjoni aħjar ma' azzjonijiet fil-livelli reġjonali u nazzjonali, huwa essenzjali għal protezzjoni minn theddid transnazzjonali. It-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi, il-korruzzjoni, it-traffikar ta' bnedmin, id-dħul klandestin ta' persuni u t-traffikar tal-armi, inter alia, ikomplu jisfidaw is-sigurtà interna tal-Unjoni. Il-kriminalità transkonfinali mifruxa saret sfida urġenti li teħtieġ rispons ċar u komprensiv. L-azzjoni tal-Unjoni ser issaħħaħ il-ħidma mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u ser ittejjeb l-eżitu tal-ħidma tagħhom.
Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:
— |
jiddefinixxu strateġija komprensiva ta' sigurtà interna tal-Unjoni ibbażata, b'mod partikolari, fuq il-prinċipji li ġejjin:
|
L-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-sigurtà interna għandha ssir waħda mill-kompiti prijoritarji tal-COSI stabbilit taħt l-Artikolu 71 tat-TFUE. Sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-istrateġija tas-sigurtà interna, għandhom ikunu koperti wkoll aspetti tas-sigurtà dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u, fejn ikun il-każ, il-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali rilevanti għal koperazzjoni operattiva fil-qasam tas-sigurtà interna.
L-istrateġija tas-sigurtà interna għandha tieħu wkoll kont tal-istrateġija tas-sigurtà esterna żviluppata mill-Unjoni kif ukoll permezz ta' linji ta' politika oħrajn tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-suq intern. Għandu jittieħed kont ukoll tal-impatt li hija jista' jkollha fuq ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi fil-viċinat tal-Unjoni u b'mod partikolari mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, billi s-sigurtà interna hija interkonnessa mad-dimensjoni esterna tat-theddid. F'dinja globali, il-kriminalità m'għandha l-ebda fruntiera. Billi l-linji ta' politika segwiti fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja gradwalment jilħqu l-maturità, huma għandhom jappoġġaw lil xulxin u jikbru f'konsistenza. Fis-snin li ġejjin huma għandhom jikkonformaw bla xkiel mal-linji ta' politika l-oħra tal-Unjoni.
Il-Kunsill Ewropew jitlob lill-Kummissjoni:
— |
tikkunsidra l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta' Fond għas-Sigurtà Interna biex tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna sabiex issir realtà operattiva. |
4.2. Titjib tal-għodod għall-ħidma
Is-sigurtà fl-Unjoni teħtieġ approċċ integrat fejn il-professjonisti tas-sigurtà jikkondividu kultura komuni, jaqsmu informazzjoni bil-mod l-aktar effettiv possibbli u jkollhom l-infrastruttura teknoloġika adatta biex tappoġġahom.
4.2.1. Ħolqien ta’ kultura komuni
Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa għal tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn il-professjonisti kollha kkonċernati fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni. Għandha tiġi żviluppata kultura ġenwina Ewropea tal-infurzar tal-liġi permezz tal-iskambju ta' esperjenzi u prattika tajba kif ukoll l-organizzazzjoni ta' korsijiet u eżerċizzji ta' taħriġ konġunti, f'konformità mal-Kapitolu 1.2.6.
Il-Kunsill Ewropew jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jfasslu mekkaniżmi li jagħtu inċentivi lill-professjonisti biex iwettqu kompiti relatati mal-koperazzjoni transkonfinali u b'hekk jiffavorixxu l-ħolqien ta' rispons mifrux mal-Unjoni kollha fil-livelli kollha.
4.2.2. Ġestjoni tal-fluss ta' informazzjoni
Il-Kunsill Ewropew jinnota b'sodisfazzjon li l-iżviluppi fl-Unjoni matul is-snin li għaddew, wasslu għal għażla wiesgħa u ħolqu sett ta' għodod estensiv għall-ġbir, l-ipproċessar u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-atturi Ewropej l-oħrajn fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-prinċipju tad-disponibbiltà ser ikompli jagħti spinta importanti lil din il-ħidma.
Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa għal koerenza u konsolidazzjoni fl-iżvilupp tal-ġestjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:
— |
jimplimentaw l-Istrateġija ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-UE (4), li tinkludi reġim b'saħħtu għall-protezzjoni tad-data. L-iżvilupp għandu jkun koerenti mal-prijoritajiet stabbiliti għall-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-istrateġija tas-sigurtà interna, li jappoġġa l-viżjoni tan-negozju għall-infurzar tal-liġi, il-koperazzjoni ġudizzjarja, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-protezzjoni ċivili. |
F'dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex
— |
tivvaluta l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' Mudell Ewropew għall-Iskambju ta' Informazzjoni bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-istrumenti attwali, inklużi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat- 23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI (il-qafas Prüm) u d-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (imsejħa wkoll id-“Deċiżjoni Qafas Svediża”). Dawn il-valutazzjonijiet ser jiddeterminaw jekk dawn l-istrumenti jiffunzjonawx kif kien maħsub oriġinarjament u jilħqux il-miri tal-Istrateġija għall-Ġestjoni ta' Informazzjoni. |
L-Istrateġija ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-UE hija bbażata fuq;
— |
żvilupp immexxi min-negozju (żvilupp tal-iskambju ta' informazzjoni u l-għodod tiegħu li jkun iggwidat mill-ħtiġijiet tal-infurzar tal-liġi); |
— |
reġim b'saħħtu għall-protezzjoni tad-data, konsistenti mal-istrateġija għall-protezzjoni ta' data personali imsemmija fil-Kapitolu 2; |
— |
ġabra ta' data mmirata sew, kemm għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kif ukoll biex jiġi evitat fluss żejjed ta' informazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti; |
— |
prinċipji ġwida għal politika dwar l-iskambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi; |
— |
interoperabbiltà tas-sistemi tal-IT li tiżgura konformità sħiħa mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà tad-data meta jiġu żviluppati dawn is-sistemi; |
— |
razzjonalizzazzjoni tal-għodod differenti, inkluż l-adozzjoni ta' pjan ta' negozju għas-sistemi l-kbar tal-IT; |
— |
koordinazzjoni, konverġenza u koerenza ġenerali. |
L-istrutturi meħtieġa tal-Unjoni u dawk nazzjonali jeħtieġu li jiġu stabbiliti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-għodod differenti għall-ġestjoni tal-informazzjoni. Il-Kunsill Ewropew jappella wkoll għall-istabbiliment ta' amministrazzjoni, kif proposta mill-Kummissjoni, li jkollha l-kompetenza u l-kapaċità li tiżviluppa teknikament u tamministra sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif imsemmi fid-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni f'Diċembru 2006 u Ottubru 2007. Il-Kunsill għandu jikkunsidra kompiti addizzjonali possibbli fid-dawl tal-Istrateġija għall-Ġestjoni ta' Informazzjoni.
B'mod li jirrifletti d-diskussjonijiet fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew, bil-ħsieb tal-istabbiliment ta' sistema tal-Unjoni ta’ Rekord tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR), il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni:
— |
biex tipproponi miżura tal-Unjoni, li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-data, dwar il-PNR għall-fini tal-prevenzjoni, l-ittraċċar, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja, ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt. |
4.2.3. Mobilizzazzjoni tal-għodod tekonoloġiċi meħtieġa
Filwaqt li tiġi żgurata konsistenza mal-istrateġija għall-protezzjoni ta' data personali msemmija fil-Kapitolu 2, il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-ħtieġa għal teknoloġiji ġodda biex jinżamm il-pass u jiġu promossi x-xejriet attwali lejn il-mobilità, filwaqt li jiġi żgurat li n-nies ikunu sikuri, siguri u liberi.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, fejn ikun il-każ, u lill-Istati Membri biex:
— |
ifasslu u jimplimentaw linji ta' politika li jiżguraw livell għoli ta' sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni fl-Unjoni kollha u jtejbu l-miżuri mmirati lejn il-protezzjoni, t-tħejjija tas-sigurtà u r-reżiljenza ta' infrastruttura kritika, inklużi t-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) u l-infrastruttura tas-servizzi; |
— |
jippromwovu l-leġislazzjoni li tiżgura livell għoli ħafna ta' sigurtà tan-netwerk u tippermetti reazzjonijiet aktar rapidi fil-każ ta' attakki ċibernetiċi. |
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:
— |
jiżguraw li l-prijoritajiet tal-istrateġija tas-sigurtà interna jkunu mfasslin fuq il-ħtiġijiet reali tal-utenti u jiffokaw fuq it-titjib tal-interoperabbiltà. Ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tas-sigurtà għandhom ikunu appoġġati minn sħubiji pubbliċi-privati. |
Il-Kunsill Ewropew jistieden:
— |
lill-Istati Membri biex jimplimentaw is-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS) malajr kemm jista' jkun; |
— |
lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk in-netwerking tar-rekords kriminali jagħmilx possibbli l-prevenzjoni ta' reati kriminali (per eżempju, permezz ta' verifiki dwar l-aċċess għal ċerti impjiegi, b'mod partikolari dawk relatati mat-tfal), u jekk hux possibli li jiġi estiż l-iskambju ta' informazzjoni dwar miżuri ta' superviżjoni; |
— |
lill-Kummissjoni biex tipproponi, flimkien mal-ECRIS, reġistru taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ġew sentenzjati mill-qrati tal-Istati Membri. |
Il-Kunsill Ewropew ifakkar fil-ħtieġa għall-iżgurar ta' konsistenza mal-istrateġija għall-protezzjoni tad-data personali u l-pjan azjendali, imsemmi fil-Kapitolu 2, għall-istabbiliment ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira, u jappella lill-Kummissjoni biex:
— |
tagħmel studju ta' fattibbiltà dwar il-ħtieġa u l-valur miżjud tal-istabbiliment ta' sistema ta' Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) u tagħmel rapport lill-Kunsill matul l-2012 dwar din il-kwistjoni; |
— |
tirrifletti dwar kif jiġi żviluppat ulterjorment l-użu ta' bażijiet tad-data eżistenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, sabiex isir użu sħiħ ta' teknoloġiji ġodda bil-ħsieb tal-protezzjoni taċ-ċittadini; |
— |
teżamina kif l-aħjar jiġi promoss li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar trasgressuri vjolenti li jivvjaġġaw inkluż dawk li jattendu avvenimenti sportivi jew ġabriet pubbliċi kbar. |
4.3. Linji ta' politika effettivi
4.3.1. Koperazzjoni Ewropea aktar effettiva għall-infurzar tal-liġi
L-objettiv primarju tal-koperazzjoni tal-Unjoni għall-infurzar tal-liġi huwa l-ġlieda kontra l-forom ta' kriminalità li tipikament għandhom dimensjoni transkonfinali. L-attenzjoni m'għandhiex tingħata biss lill-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata iżda wkoll lill-kriminalità transkonfinali mifruxa b'mod wiesa' li għandha impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-Europol għandu jsir ċentru għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, fornitur ta' servizzi u pjattaforma għas-servizzi tal-infurzar tal-liġi.
Il-Kunsill Ewropew jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jużaw l-għodda investigattiva ta' Skwadri Investigattivi Konġunti (SIK) kemm jista' jkun f'każijiet adatti. L-Europol u l-Eurojust għandhom jiġu involuti sistematikament f'operazzjonijiet transkonfinali maġġuri u jiġu informati meta jiġu stabbiliti s-SIK. Il-ftehim mudell għall-istabbiliment tas-SIK għandu jiġi aġġornat. L-Europol u l-Eurojust għandhom javvanzaw il-koperazzjoni tagħhom ulterjorment. L-Eurojust għandha tiżgura li l-ħidma tagħha tiġi segwita fil-livell ġudizzjarju. L-Europol u l-Eurojust għandhom jespandu l-ħidma tagħhom ma' pajjiżi terzi speċjalment billi jfittxu rabtiet eqreb mar-reġjuni u l-pajjiżi fil-viċinat tal-Unjoni; L-Europol għandu jaħdem aktar mill-qrib mal-missjonijiet tal-pulizija tal-Politika Komuni ta' Sigurtà u Difiża (PKSD) u jgħin fil-promozzjoni tal-istandards u l-aħjar prattika għall-koperazzjoni Ewropea fl-infurzar tal-liġi f'pajjiżi barra l-Unjoni. Il-koperazzjoni mal-Interpol għandha tiġi avvanzata bil-ħsieb li jinħolqu sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni u, fejn ikun il-każ, lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex:
— |
jeżaminaw kif jista' jiġi żgurat li l-Europol jirċievi informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ tal-kapaċitajiet tal-Europol; |
— |
jeżaminaw kif il-koperazzjoni operattiva tal-pulizija tista' tiġi avvanzata, per eżempju, fir-rigward tal-inkompatibbiltà ta' sistemi ta' komunikazzjoni u tagħmir ieħor, l-użu ta' aġenti taħt kopertura, u fejn meħtieġ, tiġbed konklużjonijiet operattivi għal dan il-għan; |
— |
joħorġu, malajr kemm jista' jkun, dokument ta' riflessjoni dwar kif l-aħjar jiġi żgurat li l-attivitajiet tal-Europol jistgħu jiġu skrutinizzati u evalwati mill-Parlament Ewropew, flimkien mal-parlamenti nazzjonali f'konformità mal-Artikoli 85 u 88 tat-TFUE; |
— |
jikkunsidraw l-iżvilupp ta' Kodiċi ta' Koperazzjoni tal-Pulizija li jikkonsolida strumenti eżistenti u, fejn meħtieġ, jemendahom u jissimplifikahom; |
— |
jagħmlu proposta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw deċiżjoni dwar il-modalitajiet ta' koperazzjoni, inkluż dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Europol, l-Eurojust u l-Frontex, biex jiġu żgurati l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data; |
— |
jipproponu miżuri dwar kif l-aġenziji tal-Unjoni f'dan il-qasam jistgħu jikkonkludu arranġamenti operattivi bejniethom u kif huma jistgħu jiżviluppaw il-parteċipazzjoni tagħhom f'inizjattivi reġjonali mmexxijin mill-Istati Membri u f'korpi reġjonali li javvanzaw il-koperazzjoni tal-infurzar tal-liġi; |
— |
jaqblu dwar standards ta' kwalità komuni fil-qasam forensiku, inter alia, biex tiġi żviluppata l-aħjar prattika għall-investigazzjonijiet tal-post ta' delitt; |
— |
jeżaminaw jekk hemmx ostakoli għal koperazzjoni bejn il-missjonijiet tal-pulizija tal-PKSD u l-Europol u tagħmel proposti adatti biex dawn l-ostakoli jiġu eliminati. |
L-Unjoni għandha tippromwovi, inter alia, permezz ta' programmi finanzjarji, proġetti pilota f'koperazzjoni reġjonali transkonfinali dwar attivitajiet operattivi konġunti u/jew valutazzjonijiet tar-riskju transkonfinali, bħaċ-Ċentri Konġunti tal-Pulizija u d-Dwana.
Għandu jiġi implimentat l-iżvilupp ta' koperazzjoni għall-infurzar tal-liġi ad hoc f'avvenimenti sportivi jew ġemgħat kbar ta' nies (per eżempju, il-Olimpijadi 2012, Euro 2012).
4.3.2. Prevenzjoni aktar effettiva tal-kriminalità
L-aħjar mod li jitnaqqas il-livell tal-kriminalità huwa li jittieħdu miżuri effettivi li jimpedixxuha milli titwettaq, inkluża l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, bl-użu ta' approċċ multidixxiplinari li jinkludi wkoll it-teħid ta' miżuri amministrattivi u l-promozzjoni ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi. Iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom esperjenzi simili u huma milqutin b'mod simili mill-kriminalità u n-nuqqas ta' sigurtà relatata fil-ħajja ta' kuljum tagħhom.
Is-sensibilizzazzjoni tar-rabtiet bejn il-kriminalità lokali u l-kriminalità organizzata u d-dimensjonijiet transkonfinali kumplessi tagħha qed tiżdied. L-Istati Membri żviluppaw metodi differenti għall-prevenzjoni tal-kriminalità u għandhom jiġu inkoraġġiti jikkondividu l-esperjenzi u l-aħjar prattika u, meta jagħmlu dan, iżidu l-konoxxenza ġenerali u l-effikaċja u l-effiċjenza rispettivi tagħhom, u b'hekk jevitaw ħidma doppja.
Barra minn hekk, id-dimensjoni transkonfinali tissottolinja l-importanza tat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-konoxxenza fil-livell Ewropew dwar kif il-kriminalità fl-Istati Membri hija interkonnessa, biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-teħid ta' azzjoni individwali jew konġunta, u biex tappella għal azzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni meta jkun meħtieġ. Bit-Trattat ta' Lisbona, il-koperazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità ser tiġi rikonoxxuta ulterjorment fil-bażi legali l-ġdida.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu attivament u jappoġġaw il-miżuri tal-prevenzjoni tal-kriminalità filwaqt li jiffokaw fuq il-prevenzjoni ta' kriminalità tal-massa u kriminalità transkonfinali li jolqtu l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħna f'konformità mal-Artikolu 84 tat-TFUE.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta li tibbaża fuq l-evalwazzjoni tal-ħidma mwettqa fin-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) bil-ħsieb li jiġi stabbilit Osservatorju għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (OPC), li l-kompiti tiegħu jkunu l-ġbir, l-analiżi u d-disseminazzjoni ta' konoxxenza dwar il-kriminalità, inkluża l-kriminalità organizzata (inkluża statistika) u l-prevenzjoni tal-kriminalità, biex l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiġu appoġġati u promossi meta jieħdu miżuri preventivi u jiskambjaw l-aħjar prattika. L-OPC għandu jibni fuq il-ħidma mwettqa fil-qafas tal-EUCPN u l-evalwazzjoni tiegħu. Huwa għandu jinkludi jew jissostitwixxi l-EUCPN, b'segretarjat allokat f'aġenzija eżistenti tal-Unjoni u jiffunzjona bħala unità separata. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tippreżenta proposta dwar l-istabbilment tal-OPC sa mhux aktar tard mill-2013. |
4.3.3. Statistika
Statistika adegwata, affidabbli u komparabbli (kemm maż-żmien u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni) hija prerekwiżit meħtieġ fost l-oħrajn għad-deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza dwar il-ħtieġa għal azzjoni, dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u dwar l-effikaċja tal-azzjoni.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tkompli tiżviluppa għodod statistiċi biex jitkejlu l-kriminalita u l-attivitajiet kriminali u tirrifletti dwar kif tkompli tiżviluppa, wara l-2010, l-azzjonijiet delinejati u parzjalment implimentati fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni għall-2006-2010 dwar l-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u koerenti tal-Unjoni biex jitkejlu l-kriminalità u l-ġustizzja kriminali, bil-ħsieb tal-ħtieġa miżjuda għal din l-istatistika f'numru fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. |
4.4. Protezzjoni kontra l-kriminalità serja u organizzata
4.4.1. Il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata
Hekk kif il-kriminalità serja tkompli ssir aktar globalizzata, huwa dejjem aktar importanti li l-infurzar tal-liġi jkollha l-abbiltà li taħdem b'mod aktar effettiv lil hinn mill-fruntieri u l-ġurisdizzjonijiet. L-Unjoni tista' ġġib valur miżjud reali lill-ġlieda kontra ċerti tipi ta' theddid li jeħtieġu livell għoli ta' azzjoni koordinata. Il-ġlieda kontra dawn il-fenomini kriminali ser tinvolvi skambju sistematiku ta' informazzjoni, użu mifrux fil-wisa' tal-aġenziji tal-Unjoni u għodod investigattivi u, fejn meħtieġ, l-iżvilupp ta' metodi tekniċi investigattivi u preventivi komuni u iżjed koperazzjoni ma' pajjiżi terzi.
Għaldaqstant, il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:
— |
jadottaw strateġija għall-kriminalità organizzata, fil-qafas tal-Istrateġija għas-Sigurtà Interna, |
— |
jistabbilixxu prijoritajiet fil-politika tal-kriminalità bl-identifikazzjoni tat-tipi ta' kriminalità, li kontrihom ser jiġu skjerati l-għodod li ġew żviluppata, filwaqt li jitkompla l-użu tar-Rapport dwar il-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Organizzata (VTKO) u l-verżjonijiet reġjonali tiegħu. |
Għandhom jintgħażlu l-fenomini kriminali li għandhom jiġu ttrattati bħala prijorità fil-livell Ewropew. Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li t-tipi ta' kriminalità li ġejjin ħaqqhom prijorità speċjali fis-snin li ġejjin.
4.4.2. Traffikar tal-bnedmin
It-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta’ persuni huma reati kriminali serji ħafna li jinvolvu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-bniedem li l-Unjoni ma tistax tiskuża. Il-Kunsill Ewropew iqis li jinħtieġ li l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar u d-dħul klandestin, jissaħħu u jittejbu. Dan jirrikjedi politika koordinata u koerenti li tmur lil hinn mill-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u, filwaqt li jittieħed kont ta' forom ġodda ta' sfruttament, jiġu inklużi r-relazzjonijiet esterni, il-koperazzjoni tal-iżvilupp, l-affarijiet soċjali u l-impjieg, l-edukazzjoni u s-saħħa, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-non-diskriminazzjoni. Hija għandha tibbenifika wkoll minn djalogu wiesa' bejn il-partijiet interessati kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, u għandha tkun iggwidata minn fehim u riċerka mtejba dwar it-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta’ persuni fil-livell tal-Unjoni u fil-livell internazzjonali.
F'dan il-kuntest, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni ma' pajjiżi terzi hija ta' importanza kruċjali. Id-Dokument Orjentat lejn Azzjoni dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, adottat mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2009, għandu jintuża kemm jista' jkun.
Jeħtieġ li l-Unjoni tiżviluppa politika kkonsolidata tagħha stess għal kontra t-traffikar tal-bnedmin filwaqt li timmira li ssaħħaħ ulterjorment l-impenn u l-isforzi tal-Unjoni u l-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra tali traffikar. Dan jinkludi l-bini u t-tisħiħ ta' sħubiji ma' pajjiżi terzi, it-titjib ta' koordinazzjoni u koperazzjoni fl-Unjoni u mal-mekkaniżmi tad-dimensjoni esterna tal-Unjoni bħala parti integrali ta' din il-politika. Il-progress għandu wkoll jiġi mmonitorjat u COSI għandu jkun informat regolarment dwar il-koordinazzjoni u l-koperazzjoni kontra t-traffikar. Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għandha timmobbilizza l-mezzi kollha ta' azzjoni, u tlaqqa' l-prevenzjoni, l-infurzar tal-liġi, u l-protezzjoni tal-vittmi, u tkun imfassla għall-ġlieda kontra t-traffikar ġewwa u barra l-Unjoni.
Il-Kunsill Ewropew għalhekk jistieden lill-Kunsill biex jikkunsidra l-istabbiliment ta' Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar (EU ATC) u, jekk jiddeċiedi dan, jiddetermina għalhekk il-modalitajiet b'tali mod li l-kompetenzi kollha tal-Unjoni jistgħu jintużaw bl-aħjar mod possibbli sabiex tintlaħaq politika tal-Unjoni kkoordinata u kkonsolidata sew kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Il-Kunsill Ewropew jappella:
— |
l-adozzjoni ta' leġislazzjoni ġdida dwar il-ġlieda kontra t-traffikar u l-protezzjoni tal-vittmi; |
— |
lill-Kummissjoni biex teżamina jekk il-ftehimiet ad hoc dwar il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi speċifiċi li għandhom jiġu identifikati mill-Kunsill jistgħux ikunu mod biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar u tagħmel proposti għal dak il-għan. B'mod partikolari, dawn il-ftehimiet jistgħu jinvolvu l-użu sħiħ tas-setgħa kollha disponibbli għall-Unjoni, inkluż l-użu ta' programmi finanzjarji, il-koperazzjoni fl-iskambju ta' informazzjoni, il-koperazzjoni ġudizzjarja u l-għodod ta' migrazzjoni; |
— |
lill-Europol, bl-appoġġ tal-Istati Membri, biex jintensifika l-appoġġ għall-ġbir ta' informazzjoni u l-analiżi strateġika, li għandhom jitwettqu f'koperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta’ transitu; |
— |
lill-Eurojust biex tintensifika l-isforzi tagħha biex tikkoordina l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fit-traffikar tal-bnedmin; |
— |
lill-Kummissjoni biex:
|
4.4.3. Sfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija
Il-protezzjoni tat-tfal mill-periklu ta' abbuż sesswali hi element importanti fl-istrateġija tad-drittijiet tat-tfal.
Il-Kunsill Ewropew jistieden:
— |
lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw leġislazzjoni ġdida dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, |
— |
lill-Kummissjoni biex ladarba tiġi adottata din il-leġislazzjoni, takkumpanjaha b'miżuri appoġġati taħt il-Programm għal Internet Aktar Sikur 2009-2013, |
— |
lill-Kummissjoni biex teżamina kif l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar l-aħjar prattika, |
— |
lill-Kummissjoni biex tesplora kif l-Unjoni tista' tippromwovi sħubiji mas-settur privat dwar dan is-suġġett u tespandi dawn is-sħubiji privati pubbliċi għas-settur finanzjarju sabiex jiġu sfrattati t-trasferimenti ta' flus relatati ma' siti elettroniċi b'kontenut ta' abbuż għat-tfal, |
— |
lill-Kummissjoni biex tibni fuq il-mekkaniżmu tal-allert tat-tfal u tesplora l-ħolqien ta' Netwerk mifrux mal-Unjoni kollha dwar il-ħtif tat-tfal, sabiex tiġi promossa l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-interoperabbiltà, |
— |
lill-Kummissjoni biex, bil-ħsieb tal-prevenzjoni tal-abbuż tat-tfal, tesplora modi li jsaħħu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b'rispons għall-moviment ta' trasgressuri tas-sess ta' tfal li jkunu magħrufin bħala theddida attwali. |
4.4.4. Ċiberkriminalità
L-Internet iffaċilita b'mod konsiderabbli l-komunikazzjoni u ppromwova l-iżvilupp globali u l-interazzjoni. Fl-istess ħin, tfaċċaw sfidi moderni ġodda fil-forma ta' ċiberkriminalità peress li xi gruppi kriminali ħadu vantaġġ b'mod effettiv tat-teknoloġiji. Konsegwentement, dan jagħmel l-investigazzjonijiet aktar ikkumplikati għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Għalhekk l-Unjoni għandha tippromwovi linji ta' politika u leġislazzjoni li jiżguraw livell għoli ħafna ta' sigurtà tan-netwerk u jippermettu reazzjonijiet aktar rapidi fil-każ ta' tfixkil u attakki ċibernetiċi.
L-Istati Membri għandhom jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-2001 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, malajr kemm jista' jkun. Din il-Konvenzjoni għandha ssir il-qafas legali ta' referenza għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità fil-livell globali. L-Europol jista' jkollu rwol bħala ċentru ta' riżorsi Ewropew billi joħloq pjattaforma Ewropea għall-identifikazzjoni ta' reati, li għandha tassisti wkoll il-pjattaformi ta' allert nazzjonali tal-Istati Membri għall-iskambju tal-aħjar prattika.
Il-Kunsill Ewropew għalhekk jappella wkoll lill-Istati Membri biex:
— |
jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-pjattaformi nazzjonali ta' allert responsabbli għall-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u jenfasizzaw il-ħtieġa għall-koperazzjoni mal-pajjiżi barra mill-Unjoni. |
Il-Kunsill Ewropew jistieden:
— |
lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri għat-tisħiħ/titjib ta' sħubiji pubbliċi-privati; |
— |
lill-Europol biex javvanza analiżi strateġika dwar iċ-ċiberkriminalità. |
L-Unjoni għandha wkoll tikkjarifika r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni u l-qafas legali applikabbli għall-ispazju ċibernetiku fl-Unjoni, inkluż kif tinkiseb evidenza sabiex jiġu promossi investigazzjonijiet transkonfinali.
Il-Kunsill Ewropew:
— |
jappella lill-Istati Membri biex itejbu l-koperazzjoni ġudizzjarja f'każijiet ta' ċiberkriminalità; |
— |
jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti biex jiġi kkjarifikat, fejn meħtieġ, il-qafas legali dwar l-investigazzjonijiet fl-ispazju ċibernetiku fl-Unjoni. |
Il-koperazzjoni għandha ssir aktar effiċjenti fir-rigward tal-bejgħ ta' farmaċewtiċi foloz fuq l-Internet.
4.4.5. Kriminalità ekonomika u korruzzjoni
L-Unjoni għandha tnaqqas in-numru ta' opportunitajiet disponibbli għall-kriminalità organizzata bħala riżultat ta' ekonomija globalizzata, b'mod partikolari matul il-kriżi li qed tintensifka l-vulnerabbiltà tas-sistema finanzjarja, u talloka r-riżorsi adatti biex dawn l-isfidi jintlaħqu b'mod effettiv.
Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Istati Membri u, fejn ikun il-każ, lill-Kummissjoni biex:
— |
isaħħu l-kapaċità għall-investigazzjonijiet finanzjarji u jikkombinaw l-istrumenti kollha disponibbli fil-liġi fiskali, ċivili u kriminali. L-analiżi finanzjarja forensika għandha tiġi żviluppata bi ġbir tar-riżorsi, b'mod partikolari għat-taħriġ. Il-konfiska tal-assi tal-kriminali għandha ssir dejjem aktar effiċjenti u għandha tissaħaħ aktar il-koperazzjoni bejn l-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi; |
— |
jidentifikaw l-assi tal-kriminali b'mod aktar effettiv u jissekwestrawhom u, kull fejn possibbli, jikkunsidraw li jużawhom mill-ġdid fejn jinsabu fl-Unjoni; |
— |
jiżviluppaw ulterjorment l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF), fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Fil-qafas tas-Sistema Ewropea ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni, l-analiżijiet tagħhom jistgħu jidħlu f'bażi tad-data dwar transazzjonijiet suspettużi, per eżempju fl-Europol; |
— |
jimmobilizzaw u jikkoordinaw sorsi ta' informazzjoni biex jidentifikaw transazzjonijiet ta' flus suspettużi u jikkonfiskaw ir-rikavati mill-kriminalità f'konformità mal-Konvenzjoni tal-1990 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, l-Intraċċar, il-Qbid u l-Konfiska tar-Rikavati mill-Kriminalità, per eżempju permezz ta' leġislazzjoni li tiddetermina jekk ir-rikavati ikunux leġittimi jew le; |
— |
itejbu l-prosekuzzjoni tal-evażjoni tat-taxxi u l-korruzzjoni fis-settur privat u l-kxif bikri tal-abbuż ta' suq frodulenti (bħall-informazzjoni privileġġata u l-manipulazzoni tas-suq), kif ukoll il-misapproprjazzjoni ta' fondi; |
— |
jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattika fil-prevenzjoni u l-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari fil-qafas tan-Netwerk tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi u n-Netwerk Kontra l-Korruzzjoni. |
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tiżviluppa indikaturi, abbażi tas-sistemi eżistenti u l-kriterji komuni, biex jitkejlu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-acquis (l-akkwist pubbliku, il-kontroll finanzjarju, eċċ) u tiġi żviluppta politika komprensiva kontra l-korruzzjoni, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Grupp tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport fl-2010 lill-Kunsill dwar il-modalitajiet għall-Unjoni biex taderixxi mal-GRECO; |
— |
bil-ħsieb tal-prevenzjoni tal-kriminalità finanzjarja, tikkunsidra miżuri biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' sidien benefiċjarji tal-assi u żżid it-traspsarenza ta' persuni legali u arranġamenti legali; |
— |
iżżid il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), il-GRECO u l-ħidma tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u Żvilupp (OECD) fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; |
— |
tirrifletti dwar kif ittejjeb il-prevenzjoni ta' kriminalità finanzjarja. |
Il-falsifikazzjoni jippreżenta periklu serju għall-konsumaturi u għall-ekonomiji. L-Unjoni għandha tagħmel iżjed studji dwar dan il-fenomenu u tiżgura li jitteħed kont akbar tal-aspetti tal-infurzar tal-liġi fil-ħidma tal-Osservatorju futur Ewropew dwar il-Falsifikazzjoni u l-Piraterija. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex malajr kemm jista' jkun, jikkunsidraw leġislazzjoni possibbli dwar miżuri kriminali u jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali.
4.4.6. Drogi
L-istrateġija tal-Unjoni dwar id-Drogi (2005-2012) tippromwovi approċċ globali u bilanċjat, ibbażat fuq it-tnaqqis simultanju tal-provvista u d-domanda. Din l-istrateġija ser tiskadi matul il-programm ta' Stokkolma. Hija għandha tiġi mġedda abbażi ta' evalwazzjoni dettaljata tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi għall-2009-2012, imwettaq mill-Kummissjoni bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Europol.
Din l-Istrateġija mġedda għandha tkun mibnija fuq tliet prinċipji:
— |
it-titjib tal-koordinazzjoni u l-koperazzjoni bl-użu tal-mezzi kollha disponibbli taħt it-Trattat ta' Lisbona, u b'mod partikolari fil-Balkani tal-Punent, l-Amerika Latina, l-Afrika, pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, l-Afrika tal-Punent, ir-Russja, l-Asja Ċentrali inkluż l-Afganistan u l-Istati Uniti; |
— |
il-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari bir-rinfurzar ta' inizjattivi bħall-Azzjoni Ewropea dwar id-Drogi; |
— |
il-kontribut għar-riċerka u t-taqbil ta' informazzjoni biex jinkiseb aċċess għal data affidabbli. |
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-Istrateġija dwar id-Drogi l-ġdida tappoġġa l-Istrateġija tal-Unjoni dwar is-Sigurtà Interna u tingħaqad ma' strumenti ta’ politika relatati oħrajn bħall-OCTA, l-Istrateġija futura dwar il-Kriminalità Organizzata u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata.
4.5. Terroriżmu
Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li t-theddid mit-terroristi jibqa' sinifikanti u qed jevolvi kontinwament f'rispons kemm għat-tentattivi tal-komunità internazzjonali biex tiġġilidlu kif ukoll għall-opportunitajiet li jiġu ppreżentati. Aħna għandna dejjem inkunu ppreparati kontra dawn il-kriminali atroċi.
Ir-rispett għall-Istat tad-Dritt, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali hu wieħed mill-bażijiet għall-ħidma ġenerali tal-Unjoni kontra t-terroriżmu. Għandhom jittieħdu miżuri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-qafas ta' rispett sħiħ għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali sabiex huma ma joħolqux sfidi. Barra minn hekk, il-partijiet kollha kkonċernati għandhom jevitaw li jistigmattizaw kwalunkwe grupp partikolari ta' nies, u għandhom jiżviluppaw djalogu interkulturali sabiex jiġu promossi s-sensibilizzazzjoni u l-fehim reċiproku.
L-Unjoni għandha tiżgura li l-għodod kollha jiġu mmobbilizzati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu filwaqt li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jkunu rrispettati bis-sħiħ. Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-istrateġija tiegħu kontra t-terroriżmu li tikkonsisti minn erba' element ta' ħidma - prevenzjoni, segwiment, protezzjoni u rispons - u jitlob għal tisħiħ tal-element ta' prevenzjoni.
Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid l-importanza tar-rwol tal-Koordinatur tal-Unjoni għal Kontra t-Terroriżmu fl-iżgurar tal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġija ta' Kontra t-Terroriżmu, fil-koordinament ta' ħidma fl-Unjoni għal Kontra t-Terroriżmu, u fit-trawwim ta' komunikazzjoni aħjar bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.
Il-Kunsill Ewropew jappella:
— |
lill-Istati Membri biex jiżviluppaw mekkaniżmi ta' prevenzjoni, b'mod partikolari biex ikun jistà jsir kxif bikri ta' sinjali ta' radikalizzazzjoni jew theddid, inkluż it-theddid minn estremiżmu militanti u vjolenti; |
— |
lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri biex itejbu l-inizjattivi kontra r-radikalizzazzjoni fil-popolazzjonijiet vulnerabbli kollha abbażi ta' evalwazzjoni tal-effikaċja tal-linji ta' politika nazzjonali; l-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-aħjar prattika u l-għodod operattivi speċifiċi li għandhom ikunu kondiviżi ma' Stati Membri oħra. L-oqsma ġodda ta' ħidma jistgħu jinkludu l-integrazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni; |
— |
lill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-gvernijiet u l-Kummissjoni, flimkien mas-soċjetà ċivili, biex isaħħu l-isforzi tagħhom u jikkoperaw anke aktar mill-qrib, speċjalment fil-livell lokali sabiex jifhmu l-fatturi kollha abbażi tal-fenomenu u jippromwovu strateġiji li jinkoraġġixxu lin-nies biex jirrinunzjaw it-terroriżmu. Għal dak l-għan, għandu jiġi stabbilit netwerk ta' professjonisti lokali u għandhom jiġu żviluppati netwerks għall-iskambju tal-prattika dwar il-prevenzjoni. |
Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza ta' fehim aħjar tal-metodi użati għad-disseminazzjoni ta' propoganda terroristika, inkluż fuq l-Internet. Dan ser jeħtieġ riżorsi tekniċi u konoxxenza aħjar. Għandha tiġi żviluppata l-ħidma dwar is-sigurtà marittima u tal-avjazzjoni, flimkien mal-analiżi tat-theddid, f'koperazzjoni mill-qrib mal-operaturi tat-trasport biex jiġi mitigat l-impatt fuq il-pubbliku li jivvjaġġa. Għandha tingħata aktar attenzjoni lill-miri potenzjali bħat-transitu urban tal-massa u n-netwerks ta' ferroviji b'veloċità għolja, kif ukoll lill-infrastrutturi tal-enerġija u tal-ilma.
Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-istrumenti għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu għandhom jiġu adatti għall-vulnerabbilitajiet potenzjali l-ġodda tas-sistema finanzjarja, kif ukoll il-kuntrabandu ta' flus u l-abbuż ta' servizzi tal-flus, u għall-metodi ta' ħlas il-ġodda użati mit-terroristi.
Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni biex:
— |
tippromwovi iżjed trasparenza u responsabbiltà għall-organizzazzjonijiet ta' karità bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mar-Rakkomandazzjoni Speċjali (SR) VIII tat-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja (FATF); |
— |
tieħu kont tal-metodi ta' ħlas ġodda fl-elaborazzjoni/aġġornament tal-miżuri Kontra l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu; |
— |
teżamina l-possibbiltajiet ta' ritraċċar ta' finanzjament ta' terroristi fl-Unjoni; |
— |
tippreżenta miżuri biex jitjieb il-feedback lill-istituzzjonijiet finanzjarji dwar l-eżitu tal-koperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. |
L-Unjoni għandha tiżgura li l-linji ta' politika tagħha huma f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-liġi tad-drittijiet tal-bniedem. Hija ser ikollha rwol attiv fil-ġlieda kontra t-terroriżmu f'forums multilaterali differenti, u b'mod partikolari fin-Nazzjonijiet Uniti (NU), fejn hija ser tkompli taħdem ma' sħab lejn Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali u lejn it-tisħiħ tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-effikaċja ta' sanzjonijiet mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bil-ħsieb li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u jiġu żgurati proċeduri ġusti u ċari. Jeħtieġ li tissaħħaħ il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi inġenerali u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali.
Sabiex ikun possibbli li t-theddid jiġi analizzat fil-livell Ewropew, għandha tiġi stabbilita metodoloġija bbażata fuq parametri komuni. Għandu jsir użu sħiħ tal-Europol, is-SitCen u l-Eurojust fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar it-Tisħiħ tas-Sigurtà fl-użu tal-Isplussivi għandu jiġi implimentat u għandha tingħata informazzjoni aħjar dwar is-sikurezza tal-isplussivi. Għandu jiġu żviluppat qafas leġislattiv biex jindirizza l-perikli assoċjati mal-prekursuri.
4.6. L-Immaniġġar, komprensiv u effikaċi, mill-Unjoni tad-Diżastri: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Unjoni għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons ta' kull tip ta' diżastru
Id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem bħan-nirien tal-foresti, it-terrimoti, l-għargħar u t-tempesti, kif ukoll l-attakki terroristiċi, qed dejjem aktar jaffettwaw is-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini u jeħtieġu aktar żvilupp tal-azzjoni tal-Unjoni fl-immaniġġar tad-diżastri.
L-immaniġġar mill-Unjoni tad-diżastri għandha tkun ibbażata fuq approċċ integrat, li jkopri ċ-ċiklu kollu tad-diżastru li jinkludi l-prevenzjoni, l-istat ta' tħejjija, ir-rispons u l-irkupru għall-azzjonijiet kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Unjoni.
L-immaniġġar mill-Unjoni tad-diżastri hi mibnija fuq żewġ prinċipji ewlenin: ir-responsabbiltà tal-Istati Membri biex jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom bil-protezzjoni meħtieġa bil-ħsieb ta' riskji u theddid eżistenti, u solidarjetà fost l-Istati Membri biex jassistu lil xulxin kemm qabel, matul kif ukoll wara d-diżastri, jekk il-katastrofi jegħlbu l-kapaċitajiet nazzjonali jew jolqtu aktar minn Stat Membru wieħed. Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-azzjoni futura tal-Unjoni għandha tkun iggwidata mill-objettivi li titnaqqas il-vulnerabbiltà għad-diżastri billi jiġi żviluppat approċċ strateġiku għall-prevenzjoni tad-diżastri u billi jitjiebu aktar l-istat ta tħejjija u r-rispons filwaqt li tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà nazzjonali. Il-linji gwida għall-metodi, il-valutazzjonijiet u l-analiżi tal-identifikazzjoni tal-perikli u r-riskji għandhom jiġu żviluppati, kif ukoll bħala ħarsa ġenerali tar-riskji naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem li l-Unjoni tista' tiffaċċa fil-futur. Meħtieġa sforzi kontinwi biex jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u jittejbu l-istrumenti tal-protezzjoni ċivili, inkluż id-disponibbiltà, l-interoperabbiltà u l-użu ta' u l-appoġġ għall-koordinazzjoni ta' assistenza anke barra t-territorju tal-Unjoni f'okkażjonijiet ta' emerġenzi serji li jinvolvu ċittadini tal-Unjoni li jinsabu barra minnha. Iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) għandu jissaħħaħ biex titjib il-koordinazzjoni tal-assistenza tal-Istati Membri, jiġu pprovduti l-identifikazzjoni u l-appoġġ analitiku lill-Istati Memebri għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ulterjuri tal-moduli tal-protezzjoni ċivili nazzjonali u multinazzjonali u jiġu żviluppati taħriġ u eżerċizzji bħala kontribut għal rispons effiċjenti tal-Unjoni għad-diżastri.
It-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għall-attakki hu wieħed mill-objettivi maġġuri segwiti mill-azzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-Infrastruttura Kritika tal-Unjoni. Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom, meta tiġi implimentata, għandha eventwalment tiġi analizzata u riveduta biex tiġi kkunsidrata l-possibbiltà tal-inklużjoni ta' aktar setturi ta' politika addizzjonali.
Ir-riskju kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari (KBRN), u b'mod partikolari t-theddida li gruppi terroristiċi jużaw materjali KBRN, wasslet għal azzjoni fil-livelli nazzjonali u dak tal-Unjoni. L-għan ġenerali tal-politika dwar is-sigurtà tal-KBRN hi li tiġi ppreżentata strateġija Ewropea effettiva, rilevanti u pprijorizzata biex tissaħħaħ il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni mill-inċidenti li jinvolvu l-materjali KBRN. Sabiex jinkiseb dan il-għan, hija vitali l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE dwar il-KBRN ibbażat fuq approċċ għall-perikli kollha, inklużi l-azzjonijiet tal-prevenzjoni, il-kxif, it-tħejjija u r-rispons għal inċidenti akbar b'materjali tal-KBRN ta' riskju għoli.
Ir-riċerka ser tkun dejjem ta' aktar importanza biex jiġu appoġġati l-oqsma kollha tal-immaniġġar tad-diżastri. Jeħtieġ li jiġu analizzati l-possibbiltajiet għar-riċerka fis-Seba' Programm Qafas għar-riċerka u u żvilupp teknoloġiku għall-perijodu 2007 sa 2013 u fil-programmi qafas segwenti u għandhom isiru proposti adatti biex jiġi appoġġat dak il-għan.
Il-koperazzjoni mill-qrib ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, li għandha rwol ta' koordinazzjoni ġenerali fir-rispons umanitarju internazzjonali, għandha tkompli tkun prijorità għal intervenzjonijiet ma' pajjiżi terzi, kemm fuq il-bażi kif ukoll fir-rigward tat-tlestija (taħriġ, eżerċizzji konġunti). F'konformità mal-Konsensus Ewropew tal-2007 dwar l-Għajnuna Umanitarja, il-koordinazzjoni u r-rwol qawwija tal-Unjoni ser itejbu r-rispons umanitarju internazzjonali b'mod ġenerali, inklużi l-isforzi miftiehma għat-titjib tas-sistema umanitarja, u jirrinforzaw ukoll l-ambizzjoni tal-Unjoni biex taħdem mill-qrib ma' atturi umanitarji oħrajn. Is-sikurezza u s-sigurtà tal-Unjoni jeħtieġu djalogu u koperazzjoni kontinwi ma' pajjiżi terzi, u b'mod partikolari ma' pajjiżi fil-viċinat u pajjiżi b'perspettiva ta' Stat Membru. L-inizjattivi dejjem jiżdiedu tal-Unjoni biex tissaħħaħ il-koperazzjoni reġjonali, per eżempju għall-Mediterran, iż-żona tal-Baħar Baltiku u r-Reġjun tal-Baħar l-Iswed, kif ukoll is-sħubija tal-Lvant, huma mfasslin biex jikkontribwixxu għal dan.
5. AĊĊESS GĦALL-EWROPA F'DINJA GLOBALIZZATA
5.1. Ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni
L-Unjoni għandha tkompli tiffaċċilita l-aċċess legali għat-territorju tal-Istati Membri tagħha filwaqt li b'mod parallel jittieħdu miżuri għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali u jinżamm livell għoli ta' sigurtà. It-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-fruntieri ma għandux jipprevjeni l-aċċess għal sistemi ta' protezzjoni minn dawk il-persuni intitolati li jibbenefikaw minnhom, u speċjalment nies u gruppi li jkunu f'sitwazzjonijiet vulnerabbli. F'dan ir-rigward, ser tingħata prijorità lil dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u lill-akkoljenza ta' minorenni mhux akkumpanjati. Huwa essenzjali li l-attivitajiet tal-Frontex u tal-EASO ikunu kkoordinati f'dak li jirrigwarda l-akkoljenza ta' migranti fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew jappella għall-iżvilupp ulterjuri ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri, inkluż it-tisħiħ tar-rwol tal-Frontex sabiex tiżdied il-kapaċità tagħha biex tirrispondi b'mod aktar effettiv għall-flussi ta' migrazzjoni li dejjem jinbidlu.
Għalhekk, il-Kunsill Ewropew:
— |
jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2010 biex jiġi kkjarifikat il-mandat u jissaħħaħ ir-rwol tal-Frontex, b'kont meħud tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Aġenzija u r-rwol u r-responsabbilitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll fuq il-fruntieri. L-elementi ta' dawn il-proposti jista' jkun fihom tħejjija ta' proċeduri operattivi komuni ċari li jkun fihom regoli ċari ta' impenn għal operazzjonijiet konġunti fuq il-baħar, bil-ħsieb li tkun żgurata l-protezzjoni għal dawk fil-bżonn li jivvjaġġaw fi flussi mħalltin, f'konformità mad-dritt internazzjonali, kif ukoll li jkun hemm iżjed koperazzjoni operattiva bejn il-Frontex u l-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu u li tiġi eżaminata l-possibbiltà ta' skeda regolari ffinanzjata minn Frontex. Sabiex jiġi promoss l-infurzar tajjeb tal-qafas statutorju applikabbli għall-operazzjonijiet tal-Frontex, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-inklużjoni ta' mekkaniżmu għar-rappurtar u r-reġistrar ta' inċidenti li jistgħu jiġu segwiti b'mod sodisfaċenti mill-awtoritajiet rilevanti; |
— |
jistieden lill-Frontex sabiex hija stess tikkunsidra, fil-mandat tagħha, l-istabbiliment ta' uffiċċji reġjonali u/jew speċjalizzati biex jittieħed kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet, b'mod partikolari għall-fruntiera tal-art fil-Lvant u l-fruntiera tal-baħar f'Nofsinhar. Il-ħolqien ta' dawn l-uffiċċji m'għandu bl-ebda mod jimmina l-unità tal-aġenzija Frontex. Qabel jinħolqu dawn l-uffiċċji, il-Frontex għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-intenzjonijiet tagħha; |
— |
jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal dibattitu dwar l-iżvilupp għal perijodu fit-tul tal-Frontex. Dan id-dibattitu għandu jinkludi, kif previst fil-programm tal-Aja, il-fattibbiltà tal-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' gwardjani tal-fruntiera; |
— |
jistieden lill-EASO biex jiżviluppa metodi biex jiġu identifikati aħjar dawk li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali fi flussi mħallta, u biex jikkopera mal-Frontex kull fejn possibbli; |
— |
jikkunsidra li l-evalwazzjoni taż-żona Schengen ser tkompli tkun ta' importanza ewlenija u li hija għandha għalhekk tiġi mtejba permezz tat-tisħiħ tar-rwol tal-Frontex f'dan il-qasam; |
— |
jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jappoġġaw it-tisħiħ tal-bini ta' kapaċitajiet f'pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jikkontrollaw il-fruntieri esterni tagħhom b'mod effiċjenti. |
Il-Kunsill Ewropew jistenna b'interess l-iżvilupp gradwali kontinwu tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) fil-fruntieri ta' Nofsinhar u tal-Lvant, bil-ħsieb li tiġi stabbilita sistema li tuża teknoloġiji moderni u li tappoġġa lill-Istati Membri, filwaqt li tippromwovi l-interoperabbiltà u standards uniformi għas-sorveljanza tal-fruntieri u tiżgura li tkun stabbilita l-koperazzjoni meħtieġa bejn l-Istati Membri u mal-Frontex biex tiġi kondiviża mingħajr dewmien id-data meħtieġa għas-sorveljanza. Dan l-iżvilupp għandu jieħu kont tal-ħidma f'oqsma rilevanti oħra tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni kif ukoll ikun jista' fit-terminu medju li jagħmel possibbli l-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel il-proposti meħtieġa biex dawn l-objettivi jintlaħqu.
Il-Kunsill Ewropew jieħu nota tal-istudji li għaddejjin bħalissa tal-Istati Membri u l-Frontex fil-qasam tal-kontroll awtomatizzat fuq il-fruntieri u jinkoraġġixxihom biex ikomplu l-ħidma tagħhom sabiex jistabbilixxu l-aħjar prattika bil-ħsieb tat-titjib tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-fruntieri esterni.
Il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jesploraw kif tipi ta' verifiki differenti mwettqa fuq il-fruntiera esterna jistgħu jiġu kkoordinati, integrati u razzjonalizzati aħjar bil-għan tal-objettiv doppju li jiġi ffaċilitat l-aċċess u titjieb is-sigurtà. Barra minn hekk, il-potenzjal tal-iskambju mtejjeb ta' informazzjoni u l-koperazzjoni eqreb bejn l-awtoritajiet tal-għassa tal-fruntiera u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi li jaħdmu ġewwa t-territorju għandu jiġi esplorat, biex tizdied l-effiċjenza għall-partijiet kollha involuti u għall-ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità transkonfinali.
Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li t-teknoloġija tista' jkollha rwol prinċipali fit-titjib u t-tisħiħ tas-sistema tal-kontrolli fuq il-fruntieri esterni. Għalhekk, il-bidu operattiv tat-Tieni Ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) u l-introduzzjoni (roll-out) tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) jibqgħu objettiv prinċipali u l-Kunsill Ewropew jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li issa dawn isiru operattivi bis-sħiħ f'konformità mal-iskedi ta' żmien li għandhom jiġu stabbiliti għal dak il-għan. Qabel ma jinħolqu sistemi ġodda, għandha ssir evalwazzjoni ta' dawn is-sistemi u ta' oħrajn eżistenti u għandu jittieħed kont tad-diffikultajiet li nstabu meta huma ġew stabbiliti. L-istabbiliment ta' amministrazzjoni għal sistemi tal-IT fuq skala kbira, jista' jkollu rwol ċentrali fl-iżvilupp possibbli ta' sistemi tal-IT fil-futur.
Il-Kunsill Ewropew huwa tal-fehma li sistema elettronika għar-reġistrar tad-dħul fi u l-ħruġ mill-Istati Membri tista' tikkomplimenta s-sistemi eżistenti, sabiex tippermetti lill-Istati Membri jikkondividu data b'mod effettiv filwaqt li jkunu garantiti r-regoli tal-protezzjoni tad-data. L-introduzzjoni tas-sistema fil-fruntieri tal-art jixirqilha attenzjoni speċjali u l-implikazzjonijiet għall-infrastruttura u l-linji tal-fruntiera għandhom jiġu analizzati qabel l-implimentazzjoni.
Il-possibilitajiet ta' teknoloġiji ġodda u interoperabbli għandhom potenzjal kbir biex il-ġestjoni tal-fruntieri ssir aktar effiċjenti kif ukoll aktar sigura iżda m'għandhomx iwasslu għal diskriminazzjoni jew trattament inugwali tal-passiġġieri. Dan jinkludi fost l-oħrajn l-użu ta' kanċelli għal kontroll awtomatizzat tal-fruntieri.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
tippreżenta proposti għal sistema ta' dħul/ħruġ flimkien ma' programm rapidu għal vjaġġaturi reġistrati bil-ħsieb li din is-sistema ssir operattiva malajr kemm jista' jkun; |
— |
tħejji studju dwar il-possibbiltà u l-utilità li tiġi żviluppata sistema Ewropea ta' awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar u, fejn ikun il-każ, tagħmel il-proposti meħtieġa; |
— |
tkompli teżamina l-kwistjoni ta' kontrolli awtomatizzati tal-fruntieri u kwistjonijiet oħrajn konnessi mat-twettiq ta' ġestjoni aktar effiċjenti tal-fruntieri. |
5.2. Politika dwar il-viżi
Il-Kunsill Ewropew jemmen li d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-applikazzjoni gradwali tal-VIS ser joħolqu opportunitajiet ġodda importanti għal aktar żvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi. Dik il-poltika għandha wkoll tkun parti minn viżjoni usa' li tieħu kont tal-kwistjonijiet interni u esterni indirizzati mil-linji ta’ politika rilevanti. Il-Kunsill Ewropew għalhekk jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ ta' dawn l-iżviluppi biex tiġi intensifikata l-koperazzjoni konsulari reġjonali permezz tal-programmi ta' koperazzjoni konsulari reġjonali li jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' ċentri komuni għall-applikazzjoni għall-viża, fejn meħtieġ fuq bażi volontarja.
Il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll:
— |
lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu jesploraw il-possibbilitajiet maħluqa bil-konklużjonijiet tal-ftehimiet dwar l-iffaċiltar tal-viżi ma' pajjiżi terzi f'każi adatti; |
— |
lill-Kummissjoni biex iżżomm taħt reviżjoni regolari, il-lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma jew mhumiex suġġetti għall-ħtieġa ta' viża f'konformità mal-kriterji adatti relatati, per eżempju, mal-immigrazzjoni illegali, il-politika pubblika u s-sigurtà, li jieħdu kont tal-objettivi tal-politika interna u tal-politika barranija tal-Unjoni; |
— |
lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex jiġi żgurat il-prinċipju tar-reċiproċità tal-viża u l-prevenzjoni tar-(ri)introduzzjoni tar-rekwiżiti ta' viża minn pajjiżi terzi lejn kwalunkwe Stat Membru, u biex tidentifika miżuri li jkunu jistgħu jintużaw qabel ma jiġi impost il-mekkaniżmu tar-reċiproċità tal-viża lejn dawk il-pajjiżi terzi. |
Il-Kunsill Ewropew, bil-ħsieb li joħloq il-possibbiltà li wieħed jimxi għal stadju ġdid fl-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viża, filwaqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta studju dwar il-possibbiltà li jiġi stabbilit mekkaniżmu Ewropew komuni għall-ħruġ ta' viżi għal terminu qasir. L-istudju għandu wkoll jeżamina sa liema grad il-valutazzjoni ta' riskju individwali jista' jissupplimenta l-preżunzjoni ta' riskju assoċjat maċ-ċittadinanza ta' applikant.
6. EWROPA TA' RESPONSABBILTÀ, SOLIDARJETÀ U SĦUBIJA F'MATERJI TA' MIGRAZZJONI U ASIL
Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi kemm l-opportunitajiet u l-isfidi maħluqa biż-żieda tal-mobbiltà tal-persuni, u jissottolinja li migrazzjoni ġestita tajjeb tista' tkun ta' benefiċju għall-partijiet interessati kollha. Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi ugwalment li, fil-kuntest tal-isfidi demografiċi importanti li ser tiffaċċja l-Unjoni fil-futur b'domanda akbar għax-xogħol, il-linji ta' politika flessibbli għall-migrazzjoni ser jagħmlu kontribut importanti għall-iżvilupp u l-prestazzjoni ekonomiċi tal-Unjoni fit-terminu fit-tul. Il-Kunsill Ewropew huwa tal-fehma li għandu jittieħed kont tal-konsegwenzi tal-migrazzjoni għat-terminu fit-tul, per eżempju, fuq is-swieq tax-xogħol u s-sitwazzjoni soċjali tal-migranti, u li l-interkonnessjoni bejn il-migrazzjoni u l-integrazzjoni tibqa' kruċjali, inter alia, fir-rigward tal-valuri fundamentali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iffakkar li l-istabbiliment ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) sal-2012 jibqa' objettiv ta' politika prinċipali għall-Unjoni.
Il-Kunsill Ewropew jappella għall-iżvilupp ta' qafas ta' politika tal-Unjoni li jkun komprensiv u sostenibbli dwar il-migrazzjoni u l-asil, li fi spirtu ta' solidarjetà tista', b'mod adegwat u proattiv, timmaniġġa l-varjazzjonijiet fil-flussi tal-migrazzjoni u tindirizza sitwazzjonijiet bħal dik attwali fil-fruntieri esterni ta' Nofsinhar. Jinħtieġu sforzi serji biex jinbnew u jissaħħu d-djalogu u s-sħubija bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, reġjuni u organizzazzjonijiet sabiex jinkiseb rispons imsaħħaħ u bbażat fuq l-evidenza għal dawn is-sitwazzjonijiet, b'kont meħud tal-fatt li l-immigranti illegali jidħlu fl-Unjoni wkoll permezz ta' fruntieri oħrajn jew permezz ta' użu skorrett tal-viża. Objettiv importanti huwa li tiġi evitata r-rikorrenza ta' traġedji fil-baħar. Meta sfortunatament iseħħu sitwazzjonijiet traġiċi, għandhom jiġu esplorati modi ta' kif jiġu reġstrati aħjar u, fejn possibbli, identifikati l-migranti li jkunu qed jippruvaw jaslu fl-Unjoni.
Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinsabu soluzzjonijiet prattiċi li jżidu l-koerenza bejn il-linji ta' politika ta' migrazzjoni u oqsma ta' politika oħra bħall-politika barranija u tal-iżvilupp u l-linji ta' politika għall-kummerċ, l-impjiegi, is-saħħa u l-edukazzjoni fil-livell Ewropew. B'mod partikolari, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-proċeduri li b'mod akbar jgħaqqdu l-iżvilupp tal-politika dwar il-migrazzjoni mal-iżvilupp ta' wara l-Istrateġija ta' Lisbona. Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa li r-riżorsi finanzjarji fl-Unjoni isiru dejjem aktar flessibbli u koerenti, kemm f'termini tal-kamp ta' applikazzjoni kif ukoll tal-applikabbiltà, biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-politika fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni.
Il-Kunsill Ewropew jafferma mill-ġdid il-prinċipji stabbiliti fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni kif ukoll il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil. Il-Kunsill Ewropew ifakkar ukoll fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju u Ottubru 2009 dwar dan is-suġġett. Huwa jissottolinja l-ħtieġa li l-miżuri kollha jiġu implimentati f'mod komprensiv u li jiġu evalwati kif deċiż. Huwa jfakkar fil-ħames impenji bażiċi stabbiliti fil-Patt:
— |
l-organizzazzjoni tal-migrazzjoni legali b'kont meħud tal-prijoritajiet, il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta' riċeviment determinati minn kull Stat Membru, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni; |
— |
il-kontroll tal-immigrazzjoni illegali billi jiġi żgurat ir-ritorn tal-immigranti illegali lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom jew lejn pajjiż ta' transitu; |
— |
it-tisħiħ tal-effikaċja tal-kontrolli fuq il-fruntieri; |
— |
il-bini ta' Ewropa tal-asil; |
— |
il-ħolqien ta' sħubija komprensiva mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' transitu għall-promozzjoni tas-sinerġija bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp. |
6.1. Politika dinamika u komprensiva dwar il-migrazzjoni
6.1.1. Konsolidazzjoni, żvilupp u implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni
Il-Kunsill Ewropew issottolinja b'mod konsistenti l-ħtieġa biex il-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni tkun parti integrali tal-politika barranija tal-Unjoni u jirrikonoxxi li l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni wera r-rilevanza tiegħu bħala l-qafas strateġiku għal dan il-għan. Abbażi tal-prinċipji oriġinali ta' solidarjetà, bilanċ u sħubija vera ma' pajjiżi ta' oriġini u ta’ transitu barra mill-Unjoni u f'konformità ma' dak li diġà twettaq, il-Kunsill Ewropew jappella għall-aktar żvilupp u konsolidazzjoni ta' dan l-approċċ integrat. L-implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni jeħtieġ li jiġi aċċellerat bl-użu strateġiku tal-istrumenti eżistenti tiegħu kollha u mtejjeb b'aktar koordinazzjoni. Għandu jinżamm bilanċ bejn dawn it-tliet oqsma (il-promozzjoni tal-mobbiltà u l-migrazzjoni legali, l-aqwa użu tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali). Il-fokus prinċipali għandu jibqa' fuq il-koperazzjoni mal-pajjiżi l-aktar rilevanti fl-Afrika u l-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk. Għandhom ikomplu jiġu żviluppati d-djalogu u l-koperazzjoni ma' pajjiżi u reġjuni oħrajn ukoll, bħal dawk fl-Asja u l-Amerika Latina abbażi tal-identifikazzjoni ta' interessi u sfidi komuni.
Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewrope jenfasizza l-prijoritajiet li ġejjin:
— |
l-użu strateġiku, ibbażat fuq l-evidenza u sistematiku tal-istrumeni disponibbli kollha tal-Approċċ Globali tal-Unjoni għall-Migrazzjoni - il-profili ta' migrazzjoni, il-missjonijiet ta' migrazzjoni, il-pjattaformi ta' koperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp u s-Sħubiji għall-mobbiltà - għall-koperazzjoni fit-tul dwar id-dimensjonijiet kollha ta' din il-politika fi sħubija mill-qrib mal-pajjiżi terzi magħżula matul rotot migratorji prijoritarji; |
— |
l-użu kontinwat u usa' tal-istrument tas-Sħubiji għall-mobbiltà bħala l-qafas strateġiku prinċipali, komprensiv u ta' koperazzjoni fit-tul għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'valur miżjud għall-oqfsa bilaterali eżistenti. Is-suċċess tal-implimentazzjoni ta' dawn is-sħubiji jeħtieġ koordinazzjoni mtejba u sforzi sostanzjali ta' bini tal-kapaċità fil-pajjiżi tal-oriġini, ta' transitu kif ukoll dawk tad-destinazzjoni. Il-Kunsill Ewropew jappella għal aktar żvilupp tal-istrument tas-Sħubiji għall-mobbiltà, filwaqt li jiġi rispettat in-natura volontarja tagħhom. Is-sħubiji għandhom ikunu flessibbli u reattivi għall-ħtiġijiet kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-pajjiżi sħab, u għandhom jinkludu l-koperazzjoni fl-oqsma kollha tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni; |
— |
l-użu aktar effiċjenti tal-istrumenti eżistenti ta' koperazzjoni tal-Unjoni biex tiżdied il-kapaċità ta' pajjiżi sħab, bil-ħsieb li jkunu żgurati infrastrutturi li jiffunzjonaw tajjeb u kapaċità amministrattiva suffiċjenti biex jiġu ttrattati l-aspetti kollha tal-migrazzjoni, inkluż it-titjib tal-kapaċità tagħhom li joffru protezzjoni adegwata u jżidu l-benefiċċji u l-opportunitajiet maħluqa bil-mobbiltà. |
L-implimentazzjoni b'suċċess tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni għandha tiġi sostnuta b'evalwazzjonijiet regolari, aktar impenn u kapaċità kif ukoll flessibbiltà aħjar tal-istrumenti finanzjarji kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri disponibbli f'dan il-qasam.
6.1.2. Migrazzjoni u żvilupp
Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa li jittieħdu aktar passi biex l-effetti pożittivi tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp jiġu massimizzati u dawk negattivi jiġi minimizzati f'konformità mal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni. Il-Linji ta' politika effettivi jistgħu jipprovdu l-qafas meħtieġ biex il-pajjiżi tad-destinazzjoni u ta’ oriġini u l-migranti stess ikunu jistgħu jaħdmu fi sħubija biex jissaħħu l-effetti tal-migrazzjoni internazzjonali dwar l-iżvilupp.
L-isforzi biex jiġu promossi l-mobbiltà u l-migrazzjoni miftiehma mal-pajjiżi tal-oriġini għandhom ikunu marbuta mill-qrib mal-isforzi biex jiġi promoss l-iżvilupp tal-opportunitajiet għal ħidma diċenti u produttiva u għażliet ta' għajxien aħjar fil-pajjiżi terzi biex jiġi minimizzat l-eżodu ta' mħuħ.
Għal dak il-għan, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex qabel l-2012 tippreżenta proposti dwar:
— |
kif jiġu żgurati aktar it-trasferimenti ta' rimessi aktar effiċjenti, siguri u bi spiża baxxa, u jissaħħaħ l-impatt ta' żvilupp tat-trasferiment ta' rimessi, kif ukoll tiġi evalwata l-fattibbiltà li jinħoloq portal komuni tal-Unjoni dwar ir-rimessi biex il-migranti jiġi infurmati dwar l-ispejjez ta' trasferiment u tiġi inkoraġġuta l-kompetizzjoni fost il-fornituri tas-servizz ta' rimessi; |
— |
kif gruppi tad-dijaspora jistgħu jkunu involuti aktar fl-inizjattivi tal-Unjoni għall-iżvilupp, u kif l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw il-gruppi tad-dijaspora fl-isforzi tagħhom biex jissaħħaħ l-iżvilupp fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; |
— |
modi kif jiġi esplorat aktar il-kunċett ta' migrazzjoni ċirkolari u jiġu studjati modi biex jiġu ffaċilitati kemm iċ-ċirkolazzjoni ordnata ta' migranti, li sseħħ jew ġewwa, jew inkella barra, il-qafas ta' proġetti jew programmi speċifiċi inkluż studju fuq firxa wiesgħa dwar kif l-oqsma ta' politika rilevanti jistgħu jikkontribwixxu għal u jaffettwaw il-prekondizzjonijiet għal mobbiltà temporanja u ċirkolari. |
Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar koerenza ta' politika fil-livell Ewropew biex jiġu promossi l-effetti ta' żvilupp pożittivi tal-migrazzoni fil-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Unjoni fid-dimensjoni esterna u biex il-migrazzjoni internazzjonali tiġi allinjata aktar mill-qrib mal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Il-Kunsill Ewropew jappella lill-Kunsill biex jiżgura li hu jaġixxi f'mod ikkoordinat u koerenti f'dan il-qasam.
Il-konnessjoni bejn it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u l-iżvilupp teħtieġ tiġi esplorata aktar, u l-Kunsill Ewropew għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi tal-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-migrazzjoni internazzjonali, inklużi l-effetti potenzjali tiegħu fuq l-immigrazzjoni fl-Unjoni.
6.1.3. Politika miftiehma f'konformità mar-rekwiżiti nazzjonali tas-suq tax-xogħol
Il-Kunsill Ewropew jirrikonoxxi li l-immigrazzjoni tax-xogħol tista' tikkontribwixxi għal aktar kompetittività u vitalità ekonomika. F'dan is-sens, il-Kunsill Ewropew hu tal-opinjoni li l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' sistemi flessibbli ta' ammissjoni li jirreaġġixxu għall-prijoritajiet, il-ħtiġijiet, in-numri u l-volumi determinati minn kull Stat Membru u jippermettu lill-migranti li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-ħiliet u l-kompetenza tagħhom. Bil-għan li jiġi ffaċilitat it-tqabbil aħjar tax-xogħol, qegħdin jitwettqu linji ta' politika koerenti dwar l-immigrazzjoni kif ukoll valutazzjonijiet tal-ħiliet li hemm domanda għalihom fis-swieq tax-xogħol Ewropej għal integrazzjoni mtejba. Dawn is-sistemi għandhom iqisu b'mod debitu l-kompetenzi tal-Istati Membri, speċjalment għall-ġestjoni tas-swieq tax-xogħol tagħhom, u l-prinċipju ta' preferenza tal-Unjoni.
Il-Kunsill Ewropew jistieden:
— |
lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu jimplimentaw il-Pjan Politiku dwar il-Migrazzjoni Legali, |
— |
lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kif sorsi u netwerks ta' informazzjoni eżistenti jistgħu jintużaw b'mod aktar effetiv biex tiġi żgurata d-disponibbiltà tad-data komparabbli dwar il-kwistjonijiet ta' migrazzjoni bil-ħsieb li l-għażliet ta' politika jiġu infurmati aħjar, li jieħu kont ukoll tal-iżviluppi reċenti, |
— |
lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jevalwaw l-linji ta' politika eżistenti li għandhom, inter alia, itejbu r-rikonixximent ta' ħiliet u t-tqabbil tax-xogħol bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi u l-kapaċità tal-analiżi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, it-trasparenza tal-informazzjoni Ewropea online dwar l-impjiegi u r-reklutaġġ, it-taħriġ, id-disseminazzjoni ta' informazzjoni, u t-tqabbil tal-ħiliet fil-pajjiż tal-oriġini, |
— |
lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt u l-effikaċja tal-miżuri adottati f'dan il-qasam bil-ħsieb li jiġi ddeterminat jekk hemmx ħtieġa għal konsolidazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti, inkluż fir-rigward ta' kategoriji ta' ħaddiema li attwalment mhumiex koperti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni. |
6.1.4. Linji ta' politika proattivi għall-migranti u d-drittijiet tagħhom
L-Unjoni għandha tiżgura t-trattament ġust ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti legalment fit-territorju tal-Istati Membri tagħha. Politika aktar vigoruża dwar l-integrazzjoni għandha jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet u obbligi paragunabbli ma' dawk ta' ċittadini tal-Unjoni. Dan għandu jibqa' objettiv ta' politika komuni dwar il-migrazzjoni u għandu jiġi implimentat malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard mill-2014.
Għalhekk, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għal:
— |
konsolidazzjoni tal-leġislazzjoni kollha fil-qasam tal-immigrazzjoni, li tibda bil-migrazzjoni legali, li tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-acquis eżistenti u tinkludi l-emendi meħtieġa biex jiġu ssimplifikati u/jew, fejn meħtieġ, estiżi d-dispożizzjonijiet eżistenti u titjieb l-implimentazzjoni u l-koerenza tagħhom; |
— |
evalwazzjoni u, fejn meħtieġ, reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, b'kont meħud tal-importanza tal-miżuri ta' integrazzjoni. |
6.1.5. Integrazzjoni
L-integrazzjoni b'suċċess ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment tibqa' l-qofol biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-immigrazzjoni. Il-koperazzjoni Ewropea tista' tikkontribwixxi għal linji ta' poliktika ta' integrazzjoni aktar effettivi fl-Istati Membri billi tipprovdi inċentivi u appoġġ għall-azzjoni tal-Istati Membri. L-objettiv li jingħataw drittijiet, responsabbilitajiet u opportunitajiet paragunabbli għal kulħadd hu fil-qalba tal-koperazzjoni Ewropea fl-integrazzjoni, b'kont meħud tal-ħtieġa ta' bilanċ bejn id-drittijiet u d-dmirijiet tal-migranti.
L-integrazzjoni hija proċess dinamiku fuq żewġ binarji ta' interazzjoni reċiproka, li teħtieġ mhux biss sforzi mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda wkoll impenn akbar mill-komunità ospitanti u l-immigranti.
Il-linji ta' politika ta' integrazzjoni tal-Istati Membri għandhom ikunu appoġġati permezz ta' aktar żvilupp tal-istrutturi u l-għodod għall-iskambju tal-konoxxenza u l-koordinazzjoni ma' oqsma ta' politika rilevanti oħrajn, bħall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali. L-aċċess għall-impjiegi hu ċentrali għal integrazzjoni b'suċċess.
Il-Kunsill Ewropew jistieden ukoll lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri:
— |
permezz tal-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni li jinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bl-użu ta' qafas ta' referenza komuni, li għandu jtejjeb l-istrutturi u l-għodod għall-iskambju tal-konoxxenza Ewropea; |
— |
biex jinkorporaw il-kwistjonijiet ta' integrazzjoni b'mod komprensiv fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha; |
— |
lejn l-identifikazzjoni metodi konġunti ta' prattika u moduli Ewropej biex jiġi appoġġat il-proċess ta' integrazzjoni, inklużi elementi essenzjali bħal taħriġ ta' introduzzjoni u korsijiet tal-lingwa, impenn qawwi mis-soċjetà ospitanti u l-parteċipazzjoni attiva tal-immigranti fl-aspetti kollha tal-ħajja kollettiva; |
— |
lejn l-iżvilupp ta' indikaturi ċentrali f'numru limitat ta' oqsma ta' politika rilevanti (per eżempju l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali) għall-monitoraġġ tar-riżultati tal-linji ta' politika dwar l-integrazzjoni, biex tiżdied il-komparabbiltà tal-esperjenzi nazzjonali u jissaħħaħ il-proċess ta' tagħlim Ewropew; |
— |
għal konsultazzjoni aħjar mas-soċjetà ċivili bl-involviment tagħhom, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-integrazzjoni f'diversi oqsma ta' politika u bl-użu tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni u s-sit tal-Internet Ewropew dwar l-Integrazzjoni; |
— |
biex isaħħu l-valuri demokratiċi u l-koeżjoni soċjali fir-rigward tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-immigranti u biex jippromwovu d-djalogu interkulturali u l-kuntatti fil-livelli kollha. |
6.1.6. Linji ta' politika effettivi għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali
Il-Kunsill Ewropew hu konvint li l-azzjoni effettiva kontra l-immigrazzjoni illegali tibqa' essenzjali meta tiġi żviluppata politika komuni dwar l-immigrazzjoni. Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta' persuni, il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-koperazzjoni ma' pajjiżi tal-oriġini u ta' transitu, appoġġata minn koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, b'mod partikolari għandha tibqa' prijorità prinċipali għal dan il-fini. L-għan tagħna jeħtieġ li jkun li jiġu evitati t-traġedji umani li jirriżultaw mill-attivitajiet tat-traffikanti.
Politika effettiva u sostenibbli dwar ir-ritorn hija element essenzjali ta' sistema ta' migrazzjoni ġestita tajjeb fi ħdan l-Unjoni. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jintensifikaw l-isforzi biex jirritornaw iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi residenti illegalment. Għandhom ikunu allokati mezzi finanzjarji meħtieġa għal dan il-għan. Din il-politika għandha tiġi implimentata b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' “non-refoulement” u għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-dinjità ta' dawk li jirritornaw individwalment. Ir-ritorn volontarju għandu jkun ppreferut, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa inevitabbli għal mezzi effiċjenti biex, fejn meħtieġ, ir-ritorn jiġi infurzat.
Sabiex jinħoloq approċċ komprensiv dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, hu meħtieġ li tiġi intensifikata l-koperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u ta' transitu fil-qafas tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u f'konformità mal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-Istati kollha meħtieġa li jerġgħu jdaħħlu ċ-ċittadini tagħhom stess li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta' Stat ieħor.
Huwa importanti li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-istrumenti adottati reċentement fil-qasam tar-ritorn u s-sanzjonijiet kontra lil min iħaddem, kif ukoll il-ftehimiet fis-seħħ dwar ir-riammissjoni, ikunu ssorveljati mill-qrib biex tkun żgurata l-applikazzjoni effettiva tagħhom.
Il-Kunsill Ewropew jemmen li l-fokus għandu jitqiegħed fuq:
— |
l-inkorraġġiment ta' ritorn volontarju, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' inċentivi, it-taħriġ, l-integrazzjoni mill-ġdid u s-sussidji, u bl-użu tal-possibbilitajiet offruti mill-istrumenti finanzjarji eżistenti; |
— |
l-Istati Membri:
|
— |
l-assistenza mill-Kummissjoni, il-Frontex u l-Istati Membri fuq bażi volontarja, lil Stati Membri li jiffaċċjaw pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-linji ta' politika tagħhom dwar ir-ritorn lejn ċerti pajjiżi terzi; |
— |
azzjoni aktar effettiva kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta' persuni bl-iżvilupp ta' informazzjoni dwar ir-rotot migratorji kif ukoll informazzjoni aggregata u komprensiva li ttejjeb il-fehim tagħna tal-flussi migratorji u r-rispons għalihom, il-promozzjoni ta' koperazzjoni dwar is-sorveljanza u l-kontrolli fuq il-fruntieri, li tiġi ffaċilitata r-riammissjoni bil-promozzjoni ta' miżuri ta' appoġġ għar-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid u l-bini ta' kapaċitajiet f'pajjiżi terzi; |
— |
il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' riammissjoni effettivi u operattivi, fuq bażi ta' każ b'każ fil-livell tal-Unjoni jew dak bilaterali; |
— |
li jiġi żgurat li l-objettiv tal-isforzi tal-Unjoni għar-riammissjoni għandu jżid il-valur u jżid l-effiċjenza tal-linji ta' politika dwar ir-ritorn, inklużi ftehimiet u prattiċi bilaterali eżistenti; |
— |
il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni matul l-2010 ta' evalwazzjoni, inkluż tan-negozjati li għaddejjin bħalissa, tal-ftehimiet tal-KE/UE ta' riammissjoni u l-proposta għal mekkaniżmu li jissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kunsill għandu jiddefinixxi strateġija koerenti mġedda dwar ir-riammissjoni abbażi ta' dan, b'kont meħud tar-relazzjonijiet ġenerali mal-pajjiż ikkonċernat, inkluż approċċ komuni lejn pajjiżi terzi li ma jikkoperawx fir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess; |
— |
titjib fil-koperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri, per eżempju permezz ta' skeda regolari ta' titjiriet konġunti ta' ritorn, iffinanzjati mill-Frontex u l-verifika tan-nazzjonalità ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi eliġibbli għar-ritorn, u l-kisba ta' dokumenti tal-ivvjaġġar minn pajjiżi terzi; |
— |
żieda fit-taħriġ immirat u l-appoġġ għat-tagħmir; |
— |
approċċ ikkoordinat mill-Istati Membri bl-iżvilupp ta' netwerk ta' uffiċjali ta' kollegament fil-pajjiżi tal-oriġini u ta' transitu. |
6.1.7. Minuri mhux akkumpanjati
Il-minuri mhux akkompanjati li jaslu fl-Istati Membri minn pajjiżi terzi jirrappreżentaw grupp partikolarment vulnerabbli li jeħtieġ attenzjoni speċjali u risponsi ddedikati, speċjalment fil-każ ta' minuri fir-riskju. Din hija sfida għall-Istati Membri u tqajjem kwistjonijiet ta' tħassib komuni. Oqsma identifikati bħala li jeħtieġu attenzjoni partikolari huma l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattika, id-dħul klandestin tal-minuri, il-koperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, il-kwistjoni tal-valutazzjoni tal-età, l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-familji, u l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lill-minuri mhux akkumpanjati fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Rispons komprensiv fil-livell tal-Unjoni għandu jgħaqqad il-miżuri ta' prevenzjoni, ta' protezzjoni u dawk ta' ritorn assistit filwaqt li jittieħed kont tal-aħjar interessi tat-tfal.
Il-Kunsill Ewropew għalhekk jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex:
— |
jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni, li għandu jiġi adottat mill-Kunsill, dwar il-minuri mhux akkumpanjati li jsostni u jissupplimenta l-istrumenti leġislattivi u finanzjarji rilevanti u jgħaqqad il-miżuri diretti għall-prevenzjoni, il-protezzjoni u r-ritorn assistit. Il-pjan ta' azzjoni għandu jissottolinja l-ħtieġa għal koperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini, inkluża l-koperazzjoni biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn tal-minuri, kif ukoll għall-prevenzjoni ta' tluq ulterjuri. Il-pjan ta' azzjoni għandu jeżamina wkoll il-miżuri prattiċi biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn ta' numru kbir ta' minuri mhux akkumpanjati li ma jeħtieġux protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġi rikonoxxut li għal ħafna minnhom, l-aħjar interessi jistgħu jkunu li jiġu rriunifikati mal-familji tagħhom u l-iżvilupp fl-ambjent soċjali u kulturali tagħhom stess. |
6.2. Asil: spazju komuni ta' protezzjoni u solidarjetà
Il-Kunsill Ewropew jibqa' impenjat bl-objettiv li jiġi stabbilit spazju komuni ta' protezzjoni u solidarjetà bbażat fuq proċedura ta' asil komuni u status uniformi għal dawk li jingħataw protezzjoni internazzjonali. Filwaqt li s-SEKA għandha tkun ibbażata fuq standards ta' protezzjoni għoljin, għandha tingħata attenzjoni dovuta wkoll lil proċeduri ġusti u effettivi li jistgħu jipprevjenu l-abbuż. Hu kruċjali li l-individwi, irrespettivament mill-Istat Membru fejn tinbagħat l-applikazzjoni tagħhom għall-asil, jingħataw livell ekwivalenti ta' trattament fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta' riċeviment, u l-istess livell fir-rigward tal-arranġamenti proċedurali u d-determinazzjoni tal-istatus. L-objettiv għandu jkun li każijiet simili għandhom ikunu trattati bl-istess mod u jirriżultaw fl-istess eżitu.
6.2.1. Spazju komuni ta' protezzjoni
Għad hemm differenzi sinifikanti bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-applikazzjoni tagħhom. Bil-għan li jintlaħaq grad ogħla ta' armonizzazzjoni, l-istabbiliment tas-SEKA għandu jibqa' objettiv ta' politika prinċipali għall-Unjoni. Ir-regoli komuni, kif ukoll applikazzjoni aħjar u aktar koerenti tagħhom, jistgħu jimpedixxu jew inaqqsu movimenti sekondarji fl-Unjoni, u jżidu l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.
L-iżvilupp tal-Politika Komuni dwar l-Asil għandu jkun ibbażat fuq applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u trattati internazzjonali rilevanti oħrajn. Din il-politika hi meħtieġa biex tinżamm is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema ta' asil u tiġi promossa s-solidarjetà fl-Unjoni. Suġġett għal rapport mill-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi legali u prattiċi, l-Unjoni għandha tfittex l-adeżjoni għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra u l-Protokoll tal-1967 tagħha.
L-EASO ser ikun għodda importanti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-SEKA u għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-forom kollha ta' koperazzjoni prattika bejn l-Istati Membri. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom ikollhom rwol attiv fil-ħidma tal-EASO. Huwa għandu jkompli jiżviluppa pjattaforma komuni dwar l-edukazzjoni għal uffiċjali nazzjonali tal-asil, li tibni, b'mod partikolari, fuq il-Kurrikulu Ewropew dwar l-Asil (KEA). It-tisħiħ tal-konverġenza u tal-kwalità li jinsab għaddej bħalissa bil-ħsieb li jitnaqqsu d-differenzi bejn id-deċiżjonijiet dwar l-asil ser ikun kompitu importanti ieħor.
Is-Sistema ta' Dublin tibqa' bażi importanti fil-bini tas-SEKA, peress li b'mod ċar talloka r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-asil.
Il-Kunsill Ewropew għaldaqstant jistieden:
— |
lill-Kunsill u lill-Parlament biex jintensifikaw l-isforzi biex jiġu stabbiliti proċedura komuni ta' asil u status uniformi f'konformità mal-Artikolu 78 tat-TFUE għal dawk li jingħataw asil jew protezzjoni sussidjarja sa mhux aktar tard mill-2012; |
— |
lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, ladarba t-tieni fażi tas-SEKA tkun ġiet implimentata kompletament, u abbażi ta' evalwazzjoni tal-effett ta' dik il-leġislazzjoni u tal-EASO, il-possibbiltajiet għall-ħolqien ta' qafas għat-trasferiment tal-protezzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta' residenza miksuba tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni; |
— |
lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar il-fattibbiltà tas-sistema Eurodac bħala għodda ta' appoġġ għas-SEKA kollha, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; |
— |
lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, jekk meħtieġ, li tipproponi strumenti leġislattivi ġodda abbażi ta' evalwazzjoni sabiex tinkiseb is-SEKA; |
— |
jistieden lill-Kummissjoni biex tiffinalizza l-istudju tagħha dwar il-fattibbiltà u l-implikazzjonijiet legali u prattiċi tal-istabbiliment ta' proċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-asil. |
6.2.2. Kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet u solidarjetà bejn l-Istati Membri
Għandha tiġi promossa solidarjetà effettiva mal-Istati Membri li jiffaċċaw pressjonijiet partikolari.
Dan għandu jinkiseb permezz ta' approċċ wiesa' u bbilanċjat. Għalhekk, il-mekkaniżmi għall-kondiviżjoni volontarja u kkoordinata tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri għandhom ikomplu jkunu analizzati u żviluppati. B'mod partikolari peress li wieħed mill-fatturi li jikkontribwixxu għal SEKA kredibbli u sostenibbli hu li l-Istati Membri jibnu kapaċità suffiċjenti fis-sistemi nazzjonali ta' asil, il-Kunsill Ewropew iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġaw lil xulxin fil-bini ta' kapaċità suffiċjenti fis-sistemi nazzjonali tagħhom tal-asil. L-EASO għandu jkollu rwol ċentrali fil-koordinazzjoni ta' dawn il-miżuri għall-bini ta' kapaċità.
Għalhekk, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltajiet għal:
— |
l-iżvilupp tal-mekkaniżmu msemmi hawn fuq għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri filwaqt li tassigura li ma jsirx abbuż mis-sistemi tal-asil, u li ma jkunux imminati l-prinċipji tas-SEKA; |
— |
il-ħolqien ta' strumenti u mekkaniżmi ta' koordinament li jippermettu lill-Istati Membri biex jappoġġaw lil xulxin fil-bini ta' kapaċitajiet, ibbażati fuq l-isforzi proprji tal-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità tagħhom fir-rigward tas-sistemi nazzjonali tagħhom tal-asil; |
— |
bl-użu, b'mod aktar effettiv, ta' sistemi finanzjarji eżistenti tal-Unjoni bil-għan li tissaħħaħ is-solidarjetà interna; |
— |
l-EASO biex jevalwa u jiżviluppa proċeduri li ser jiffaċilitaw is-sekondar ta' uffiċjali biex jgħinu lil dawk l-Istati Membri li jiffaċċaw pressjonijiet partikolari ta' dawk li jfittxu l-asil. |
6.2.3. Id-dimensjoni esterna tal-asil
L-Unjoni għandha taġixxi fi sħubija ma' pajjiżi terzi li jospitaw popolazzjonijiet kbar ta' rifuġjati u tikkopera magħhom. Approċċ komuni tal-Unjoni jista' jkun aktar strateġiku u b'hekk jikkontribwixxi b'mod aktar effiċjenti għas-soluzzjoni ta' sitwazzjonijiet imtawla tar-rifuġjati. Kull żvilupp f'dan il-qasam jeħtieġ li jiġi segwit f'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) u, jekk adatt, ma' atturi rilevanti oħrajn. L-EASO għandu jkun involut bi-sħiħ fid-dimensjoni esterna tas-SEKA. Hi hu tittratta ma' pajjiżi terzi, l-Unjoni għandha r-responsabbiltà li twassal attivament l-importanza tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll tagħha u l-implimentazzjoni tagħha.
Il-promozzjoni tas-solidarjetà fl-Unjoni hija kruċjali iżda mhux biżżejjed biex tinkiseb politika komuni dwar l-asil li tkun kredibbli u sostenibbli. Hu għalhekk importanti li jkomplu jiġu żviluppati strumenti għall-espressjoni tas-solidarjetà ma' pajjiżi terzi biex jiġi promoss u assistit il-bini tal-kapaċità fl-ittrattar tal-flussi migratorji u s-sitwazzjonijiet imtawla tar-rifuġjati f'dawn il-pajjiżi.
Il-Kunsill Ewropew jistieden:
— |
lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isaħħu l-bini ta' kapaċitajiet f'pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-kapaċità tagħhom li jipprovdu protezzjoni effettiva, u li jkomplu jiżviluppaw u jespandu l-idea ta' Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali, abbażi tal-evalwazzjonijiet li jmiss. Dawn l-isforzi għandhom jiġu inkorporati fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, u għandhom ikunu riflessi fi strateġiji nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar u ma għandhomx biss ikunu mmirati lejn ir-rifuġjati u persuni spostati internament iżda wkoll lejn il-popolazzjonijiet lokali; |
— |
lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri fl-iskema konġunta ta' risistemazzjoni tal-Unjoni u jżidu n-numru totali ta' rifuġjati risistemati, b'kont meħud tas-sitwazzjoni speċifika f'kull Stat Membru; |
— |
lill-Kummissjoni biex tirrapporta annwalment lill-Kunsill u lill-Parlament dwar l-isforzi ta' risistemazzjoni li jkunu saru fl-Unjoni, twettaq evalwazzjoni ta' nofs it-terminu matul l-2012 tal-progress imwettaq, u tevalwa l-programm konġunt ta' risistemazzjoni tal-Unjoni fl-2014 bil-għan li jiġi identifikat it-titjib meħtieġ; |
— |
lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isibu modi biex jissaħħaħ l-appoġġ tal-Unjoni għall-UNHCR; |
— |
lill-Kummissjoni biex tesplora, f'dak il-kuntest u fejn ikun il-każ, approċċi ġodda fir-rigward tal-aċċess għall-proċeduri tal-asil li jkunu mmirati lejn il-pajjiżi prinċipali tat-transitu, bħal programmi ta' protezzjoni għal gruppi partikolari jew ċerti proċeduri għall-eżami ta' applikazzjonijiet għall-asil, li fihom l-Istati Membri jistgħu jipparteċipaw fuq bażi volontarja. |
7. L-EWROPA F'DINJA GLOBALIZZATA - ID-DIMENSJONI ESTERNA TAL-LIBERTA, IS-SIGURTÀ U L-ĠUSTIZZJA
Il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-Unjoni fl-ispazju tal-liberta, is-sigurtà u l-ġustizzja u jissottolinja l-ħtieġa għal aktar integrazzjoni ta' dawn il-linji ta' politika f'linji ta' politika ġenerali tal-Unjoni. Id-dimensjoni esterna hija kruċjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-objettivi ta' dan il-programm u għandha b'mod partikolari tkun kompletament koerenti mal-aspetti l-oħrajn kollha tal-politika barranija tal-Unjoni.
L-Unjoni għandha tkompli tiżgura l-implimentazzjoni effettiva, u twettaq evalwazzjonijiet f'dan il-qasam ukoll. L-azzjoni kollha għandha tkun ibbażata fuq it-trasparenza u r-responsabbiltà, b'mod partikolari fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji.
Kif tenna r-rapport tal-2008 dwar l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, is-sigurtà interna u dik esterna huma inseparabbli. L-indirizzar tat-theddid, inkluż dak li jinsab 'il bogħod mill-kontinent tagħha, hu essenzjali għall-protezzjoni tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha.
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li jiġu ggarantiti l-koerenza u l-komplementarjetà bejn il-livell politiku u dak operattiv tal-attivitajiet fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Il-prijoritajiet fir-relazzjonijiet esterni għandhom jinfurmaw u jiggwidaw l-għoti ta' prijorità lill-ħidma tal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni (Europol, Eurojust, Frontex, CEPOL, l-EMCDDA u l-EASO).
L-Uffiċjali ta' Kollegament tal-Istati Membri tal-Unjoni għandhom ikunu inkoraġġuti biex ikomplu jsaħħu l-koperazzjoni, il-kondiviżjoni ta' informazzjoni u tal-aħjar prattika tagħhom.
Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa għall-komplementarjetà bejn l-azzjoni tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri. Għal dak il-għan, hu meħtieġ aktar impenn mill-Unjoni u l-Istati Membri.
7.1. Dimensjoni esterna msaħħa
Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li l-prinċipji li ġejjin għandhom ikomplu jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni fid-dimensjoni esterna tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fil-futur:
— |
L-Unjoni għandha politika waħda għar-relazzjonijiet esterni; |
— |
L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu fi sħubija ma' pajjiżi terzi; |
— |
L-Unjoni u l-Istati Membri ser jiżviluppaw u jippromwovu b'mod attiv l-istandards Ewopej u dawk internazzjonali; |
— |
L-Unjoni u l-Istati Membri ser jikkoperaw mill-qrib mal-ġirien tagħhom; |
— |
L-Istati Membri ser ikomplu jżidu l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom u mal-Unjoni dwar l-attivitajiet mulilaterali u bilaterali; |
— |
L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jaġixxu b'solidarjetà, koerenza u komplementarjetà; |
— |
L-Unjoni ser tagħmel użu sħiħ mill-firxiet kollha tal-istrumenti disponibbli għaliha; |
— |
L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw mal-Unjoni sabiex jittejjeb l-użu effettiv tar-riżorsi; |
— |
L-Unjoni ser tkun impenjata fl-informazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, inter alia, bl-involviment tal-Parlament Ewropew; |
— |
L-Unjoni ser taħdem b'approċċ proattiv fir-relazzjonijiet esterni tagħha. |
Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-linji ta' politika fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għandhom jiġu integrati sew fil-linji ta' politika ġenerali tal-Unjoni. L-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona toffri possibbilitajiet ġodda biex l-Unjoni taġixxi b'mod aktar effiċjenti fir-relazzjonijiet esterni. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li huwa wkoll Viċi President tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni ser jiżguraw aktar koerenza bejn l-istrumenti tradizzjonali ta' politika esterna u l-istrumenti tal-politika interna b'dimensjonijiet esterni sinifikanti, bħal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. Għandha tingħata konsiderazzjoni għall-valur miżjud li jista' jinkiseb billi jiġu inklużi kompetenzi speċifiċi fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni f'pajjiżi sħab strateġiċi. Barra minn hekk, il-personalità ġuridika tal-Unjoni għandha tippermetti li l-Unjoni taġixxi b'aktar saħħa fl-organizzazzjonijiet internazzjonali.
Il-Kunsill jirrikonoxxi li l-PESD u bosta azzjonijiet esterni marbutin fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għandhom objettivi kondiviżi u komplementari. Il-missjonijiet tal-PESD jagħtu wkoll kontribut importanti lis-sigurtà interna tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali serja fil-pajjiżi ospitanti tagħhom u fil-bini ta' rispett għall-istat tad-dritt. Il-Kunsill Ewropew jinkoraġġixxi aktar koperazzjoni u koerenza bejn il-politika fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja u l-PKSD biex jippromwovi dawn l-objettivi kondiviżi.
Il-bażi l-ġdida skont it-Trattat għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali ser tiżgura li l-Unjoni tista' tinnegozja b'mod aktar effettiv mas-sħab prinċipali. Il-Kunsill Ewropew għandu l-intenzjoni li jikkappitalizza kemm jista' jkun fuq dawn l-istrument l-ġodda kollha.
Il-Kunsill Ewropew jissottolinja l-ħtieġa għall-komplementarjetà bejn l-azzjoni tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri. Dan ser jeħtieġ aktar impenn mill-Unjoni u l-Istati Membri. Il-Kunsill Ewropew għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex jirrapporta dwar modi kif tiġi żgurata l-komplementarjetà sa mhux aktar tard minn Diċembru 2011.
7.2. Drittijiet tal-bniedem
It-Trattat ta' Lisbona joffri strumenti ġodda lill-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kemm internament kif ukoll esternament. Il-valuri tal-Unjoni għandhom jiġu promossi u għandhom jiġi rrispettati l-konformità stretta mad-dritt internazzjonali u l-iżvilupp tiegħu. Il-Kunsill Ewropew jappella għall-istabbiliment ta' Pjan ta' Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jiġu promossi l-valuri tiegħu fid-dimensjoni esterna tal-linji ta’ politika fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan il-pjan għandu jkun eżaminat mill-Kunsill Ewropew u għandu jieħu kont tal-fatt li l-aspetti interni u dawk esterni tad-Drittijiet tal-Bniedem huma marbutin, per eżempju fir-rigward tal-prinċipju tan-non-refoulement jew l-użu tal-piena tal-mewt minn sħab li magħhom l-Unjoni tikkopera. Il-Pjan għandu jkun fih miżuri speċifiċi għat-terminu qasir, dak medju u fit-tul, u jinnomina min hu responsabbli għat-twettiq tal-azzjonijiet.
7.3. Prijoritajiet tematiċi kontinwati b'għodod ġodda
Il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li l-prijoritajiet tematiċi prinċipali identifikati fl-istrateġija preċedenti jibqgħu validi, jiġifieri l-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, id-drogi, l-iskambju tad-data personali f'ambjent sigur u l-ġestjoni ta' flussi ta' migrazzjoni. Jinħtieġ li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin tal-persuni tiġi intensifikata.
Waqt li tibni fuq l-Istrateġija għad-Dimensjoni Esterna tal-ĠAI: Libertà Globali, Sigurtà u Ġustizzja adottata fl-2005 u acquis ieħor rilevanti f'dan il-qasam, bħall-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, il-koperazzjoni esterna tal-Unjoni għandha tiffoka fuq oqsma fejn l-attività tal-Unjoni tipprovdi valur miżjud, b'mod partikolari:
— |
Il-migrazzjoni u Asil , bil-għan li jiżdied id-djalogu u l-koperazzjoni tal-Unjoni ma' pajjiżi tal-oriġini u ta' transitu sabiex titjieb il-kapaċità tagħhom fit-twettiq ta' kontroll fuq il-fruntieri, għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, għal ġestjoni aħjar tal-flussi ta' migrazzjoni u tkun żgurata l-protezzjoni, kif ukoll biex jibbenefikaw mill-effetti pożittivi tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp; ir-ritorn u r-riammissjoni huwa prijorità fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; |
— |
Is-sigurtà , billi jittieħed l-impenn flimkien ma' pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, it-terroriżmu, id-drogi, it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu ta' persuni, inter alia, billi l-attivitajiet tal-Unjoni kontra t-terroriżmu jkunu ffukati primarjament fuq il-prevenzjoni u billi jiġu protetti l-infrastrutturi kritiċi. Is-sigurtà interna u dik esterna huma inseparabbli. L-indirizzar tat-theddid, inkluż dak li jinsab 'il bogħod mill-kontinent tagħha, hu essenzjali għall-protezzjoni tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha; |
— |
Skambju ta' informazzjoni li jseħħ b'mod sigur, effiċjenti u bi standards ta' protezzjoni tad-data adegwati bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi; |
— |
Ġustizzja , biex jiġu promossi l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, id-dimensjoni tal-liġi ċivili, il-promozzjoni tas-sigurtà u l-istabbiltà u jinħoloq ambjent sikur u solidu għan-negozju, il-kummerċ u l-investiment; |
— |
Il-protezzjoni ċivili u l-immaniġġar tad-diżastri , b'mod partikolari biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ta' prevenzjoni u t-tweġibiet għal katastrofi prinċipali teknoloġiċi u naturali kif ukoll biex jiġi indirizzat it-theddid mit-terroristi. |
Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex:
— |
teżamina jekk ftehimiet ad hoc dwar il-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi speċifiċi li għandhom jiġu identifikati mill-Kunsill jistgħux ikunu mod biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u d-dħul klandestin ta' persuni u biex isiru proposti għal dak il-għan. B'mod partikolari, dawn il-ftehimiet jistgħu jinvolvu l-użu sħiħ tas-setgħa kollha disponibbli għall-Unjoni, inkluż l-użu tal-programmi finanzjarji eżistenti, il-koperazzjoni fl-iskambju ta' informazzjoni, il-koperazzjoni ġudizzjarja u l-għodod ta' migrazzjoni. |
It-theddida tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata tibqa' għolja. Għalhekk hi meħtieġa l-ħidma ma' sħab strateġiċi prinċipali biex isir l-iskambju ta' informazzjoni filwaqt li titkompla l-ħidma dwar objettivi għal terminu fit-tul bħall-miżuri għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ, kif ukoll il-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi. Il-ftehimiet operattivi mill-Eurojust, l-Europol, kif ukoll il-ftehimiet ta' ħidma mal-Frontex, għandhom jissaħħu.
7.4. Ftehimiet ma' pajjiżi terzi
It-Trattat ta' Lisbona jipprevedi proċeduri ġodda u aktar effiċjenti għall-konklużjoni ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi. Il-Kunsill Ewropew jirrakkomanda li dawn il-ftehimiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-koperazzjoni ġudizzjarja kif ukoll fil-qasam tal-liġi ċivili, għandhom ikunu kkunsidrati li jintużaw aktar frekwentement, filwaqt li jittieħed kont tal-mekkaniżmi multilaterali. Madankollu huwa jinnota li l-Istati Membri ser iżommu l-għażla li jidħlu fi ftehimiet bilaterali li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni, u li nħoloq qafas legali għal ċerti ftehimiet bilaterali fil-liġi ċivili wkoll.
Il-protezzjoni tad-data personali hija attività ċentrali tal-Unjoni. Hemm ħtieġa għal qafas legali koerenti għall-Unjoni għat-trasferimenti ta' data personali għal pajjiżi terzi għall-infurzar tal-liġi. Jista' jinħoloq ftehim qafas mudell li jikkonsisti f'elementi qofol ta' protezzjoni tad-data applikabbli b'mod komuni.
7.5. Prijoritajiet ġeografiċi u organizzazzjonijiet internazzjonali
L-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni għandha tiffoka fuq is-sħab prinċipali, b'mod partikolari:
— |
Pajjiżi kandidati u pajjiżi bil-perspettiva ta' sħubija mal-Unjoni li għalihom l-objettiv ewlieni jkun li jiġu assistiti fit-traspożizzjoni tal-acquis; |
— |
Pajjiżi ġirien Ewropej, u sħab prinċipali oħra li magħhom l-Unjoni għandha tikkopera dwar il-kwistjonijiet kollha fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; |
— |
Stati ŻEE/Schengen għandhom relazzjoni mill-qrib mal-Unjoni. Dan jagħti inċentiv għall-koperazzjoni aktar mill-qrib, ibbażata fuq fiduċja u solidarjetà reċiproka biex jissaħħu l-effetti pożittivi tas-suq intern kif ukoll tiġi promossa s-sigurtà interna tal-Unjoni; |
— |
l-Istati Unit tal-Amerika, il-Federazzjoni Russa u sħab strateġiċi oħrajn li magħhom l-Unjoni għandha tikkopera dwar il-kwistjonijiet kollha fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; |
— |
Pajjiżi jew reġjuni oħrajn ta' prijorità, f'termini tal-kontribut tagħhom għall-prijoritajiet strateġiċi jew ġeografiċi tal-Unjoni; |
— |
Organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU u l-Kunsill tal-Ewropa li l-Unjoni meħtieġa tkompli taħdem magħhom u li fihom l-Unjoni għandha tikkoordina l-pożizzjoni tagħha. |
Fil- Balkani tal-Punent , il-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni qed jidħlu fis-seħħ progressivament u sar progress notevoli fil-qasam tal-politika dwar il-viżi, bl-iffaċilitar tal-viżi u l-ftehimiet dwar ir-riammissjoni attwati u djalogu komprensiv dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi diġà nkiseb għal xi pajjiżi u għadu għaddej għal oħrajn. Jinħtieġu aktar sforzi, inkluż l-użu ta' strumenti finanzjarji, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, biex jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u biex jinbnew kapaċitajiet amministrattvi fil-ġestjoni tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura sabiex il-perspettiva Ewropea ssir realtà.
L-Unjoni u t- Turkija qablu li jintensifikaw il-koperazzjoni biex jindirizzaw l-isfida komuni tal-ġestjoni tal-flussi migratorji u biex jittrattaw l-immigrazzjoni illegali b'mod partikolari. Din il-koperazzjoni għandha tiffoka fuq ir-responsabbiltà konġunta, is-solidarjetà, il-koperazzjoni mal-Istati Membri kollha u fehim komuni, b'kont meħud tal-fatt li t-Turkija hi ġara tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, il-proċess ta' negozjar tagħha u l-assistenza finanzjarja eżistenti tal-Unjoni f'oqsma rilevanti, inkluż il-kontroll fuq il-fruntieri. Il-konklużjoni tan-negozjati dwar il-ftehim ta' riammissjoni mat-Turkija hi prijorità. Sa dakinhar, il-ftehimiet bilaterali li diġà jeżistu għandhom jiġu implimentati b'mod adegwat.
Il-Kunsill Ewropew jenfasizza li l- Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) toffri opportunitajiet futuri għall-Unjoni biex taġixxi f'mod ikkoordinat u effiċjenti u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-bini tal-kapaċità u tal-istituzzjonijiet għal ġudikatura indipendenti u imparzjali, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u sforzi kontra l-korruzzjoni, kif ukoll għaż-żieda u l-iffaċilitar tal-mobbiltà taċ-ċittadini tal-pajjiżi sħab. Fir-rigward tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, l-Unjoni qed toffri l-prospett li tinkonkludi l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni (b'partijiet sostanzjali jirrigwardaw il-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja) ma' dawk il-pajjiżi u tappoġġa, il-mobbiltà taċ-ċittadini u, bħala perspettiva fit-tul, il-liberalizzazzjoni tal-viża f'ambjent sigur.
Il-Kunsill Ewropew jappella għall-iżvilupp ta' pjan dwar kif il-koperazzjoni mas-Sħubija tal-Lvant titressaq 'il quddiem, qabel tmiem l-2010, bl-inklużjoni tal-aspetti ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll il-kapitoli dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja tal-Pjanjiet ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) tal-pajjżi kkonċernati. Dan il-pjan għandu jelenka wkoll il-passi gradwali lejn il-liberalizzazzjoni sħiħa tal-viża bħala għan fit-tul għall-pajjiżi sħab individwali fuq bażi ta' każ b'każ, kif ukoll jiddeskrivi l-kondizzjonijiet għall-mobbiltà ġestita tajjeb u sikura, imsemmija fid-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant. Il-Kunsill Ewropew ser jirrevedi l-pjan sa tmiem l-2012, u b'mod partikolari biex jevalwa l-impatt tiegħu fil-post.
L-Unjoni għandha żżid l-isforzi tagħha b'appoġġ għall-istabbiltà u s-sigurtà tar-Reġjun tal-Baħar l-Iswed fit-totalità tiegħu u tkompli ssaħħaħ l-inizjattiva ta' koperazzjoni reġjonali tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed . B'mod partikolari, l-attivitajiet għandhom jiffukaw fuq il-ġestjoni tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-koperazzjoni doganali u l-istat tad-dritt kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali.
Fir-rigward tal- Unjoni għall-Mediterran , ser ikun meħtieġ li tissaħħaħ il-ħidma li nbdiet fil-kuntest tal-proċess ta' Barċellona u s-Sħubija Ewro-Mediterranja, b'mod partikolari rigward il-migrazzjoni (marittima), is-sorveljanza tal-fruntieri, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra it-traffikar tad-drogi, il-protezzjoni ċivili, l-infurzar tal-liġi u l-koperazzjoni ġudizzjarja. Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni f'koperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tippreżenta dan il-pjan fl-2101 u titlob lill-Coreper biex iħejji maljar kemm jista' jkun id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kunsill. Il-Kunsill Ewropew ser jirrevedi l-Pjan sa tmiem l-2012, u b'mod partikolari jevalwa l-impatt tiegħu fil-post.
Fir-rigward tas-sitwazzjoni fiż-żona tal-Mediterran, il-Kunsill Ewropew jikkunsidra li meħtieġa sħubija aktar b'saħħitha ma' pajjiżi terzi ta' transitu u tal-oriġini, ibbażata fuq rekwiżiti reċiproċi u appoġġ operattiv, inkluż il-kontroll fuq il-fruntieri, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ir-ritorn u r-riammissjoni. Azzjoni rapida biex jiġu ffaċċjati l-isfidi f'dan ir-reġjun hi prijorità.
F'dawn l-aħħar għaxar snin, il-koperazzjoni mal- Istati Uniti tal-Amerika ġiet intensifikata inkluż fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha rigward l-ispazju ta' liberta, sigurtà u ġustizzja. Taħt kull Presidenza jinżammu laqgħat regolari tat-Trojka Ministerjali u tal-Uffiċjali għolja. F'konformità ma dak li ġie stabbilit fid-“Dikjarazzjoni ta' Washington” adottata fil-laqgħa tat-Trojka Ministerjali f'Ottubru 2009, id-djalogu għandu jkompli u jsir aktar profond.
Il-koperazzjoni li għaddejja bħalissa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali, is-sigurtà fuq il-fruntieri, il-politika dwar il-viżi, il-koperazzjoni tal-migrazzjoni u dik ġudizzjarja għandha tiġi segwita. Il-ftehim dwar il-protezzjoni tad-data personali skambjata għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jiġi nnegozjat u konkluż rapidament. L-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika ser jaħdmu flimkien biex jikkompletaw l-ivvjaġġar mingħajr viżi bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni malajr kemm jista' jkun u jżidu s-sigurtà għall-vjaġġaturi. Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri konġunti għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja, u għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet regolari.
L-Ispazju Komuni għal spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-ftehim il-ġdid li qiegħed jiġi nnegozjat attwalment ser jipprovdu l-qafas għall-koperazzjoni futura intensa u mtejba mal- Federazzjoni Russa . Filwaqt li jibnu wkoll fuq l-eżiti tal-Kunsilli Permanenti ta' Sħubija ta' darbtejn fis-sena dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, l-Unjoni u r-Russja għandhom ikomplu jikkoperaw fil-qafas tad-djalogu dwar il-viża u l-migrazzjoni legali, filwaqt li jindirizzaw l-immigrazzjoni illegali, isaħħu l-ġlieda komuni kontra l-kriminalità organizzata u b'mod partikolari l-koperazzoni operattiva, u jtejbu u jintensifikaw l-koperazzjoni ġudizzjarja. Għandu jsir ftehim mal-Eurojust malajr kemm jista' jkun, li għandu jissodisfa l-istandards għoljin tal-protezzjoni tad-data. F'dak il-kuntest għandu jiġi konkluż ftehim qafas dwar l-iskambju ta' informazzjoni. Id-djalogu dwar il-viżi għandu jkompli. Il-ftehim dwar l-iffaċilitar tal-viżi u r-riammissjoni għandu jkun implimentat b'mod sħiħ.
Il-Kunsill Ewropew jinnota li l-Istrateġija Konġunta u l-Pjan ta' azzjoni UE-Afrika tal-2007 jiddefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni tal-koperazzjoni fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transnazzjonali u t-traffikar tad-drogi. Kemm fis-Sħubija UE-Afrika dwar il-Mobbiltà, il-Migrazzjoni u l-Impjiegi (MME) kif ukoll fl-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, u l-proċess ta' segwitu tal-konferenzi ta' Rabat, Pariġi u Tripli, id-djalogu dwar il-migrazzjoni mas-Sħab Afrikani għandu jkun approfondit u intensifikat, b'fokus fuq pajjiżi fit-triq ta' rotot migratorji irregolari lejn l-Ewropa bil-ħsieb li dawn il-pajjiżi jiġu assistiti fl-isforzi tagħhom biex ifasslu linji ta' politika dwar il-migrazzjoni u jirreaġixxu għall-immigrazzjoni illegali mill-baħar u fil-fruntieri. Għandhom isiru sforzi biex tissaħħaħ il-koperazzjoni, inkluża l-konklużjoni rapida ta' ftehimiet dwar ir-riammissjoni, mal-Alġerija, il-Marokk u l-Eġittu, u, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2009, mal-Libja.
Reċentement, l- Afrika tal-Punent żviluppat f'ċentru prinċipali għat-traffikar tad-drogi mill-Amerika t'Isfel għall-Ewropa u ser tenħtieġ attenzjoni u assistenza msaħħa biex jitwaqqaf it-traffikar tad-drogi kif ukoll kriminalità transnazzjonali oħra u t-terroriżmu (fis-Sahel).
Id-djalogi maċ- Ċina u l- Indja dwar l-aspetti tal-ġlieda kontra t-terroriżmu għandu jitwessa' u jkopri oqsma prijoritarji oħra bħad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-migrazzjoni, inkluża l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-koperazzjoni ġudizzjarja. Meta jsiru ftehimiet dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja, l-Unjoni ser tkompli titlob li l-piena tal-mewt hija kwistjoni fejn ma jistgħux isiru kompromessi. Id-djalogu mal-Indja dwar il-migrazzjoni għandu jiġi intensifikat u jkopri l-aspetti kollha relatati mal-migrazzjoni. Fir-rigward taċ-Ċina, id-djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandu jitkompla. Id-djalogu mal- Brażil ser ikollu jsir aktar profond u usa' fis-snin li ġejjin. Is-Sħubija Strateġika u l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għandhom jiġu implimentati b'mod aktar effiċjenti u għandhom jiġu kkunsidrati miżuri aktar speċifiċi.
Ma' pajjiżi u reġjuni oħrajn, l-Unjoni ser tikkopera b'mod reġjonali jew bilaterali, kif adatt. Id-djalogu ma' pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew , dwar il-migrazzjoni, it-traffikar tad-drogi, il-ħasil tal-flus u oqsma oħrajn ta' interess reċiproku għandu jkun segwit fil-qafas reġjonali ( EU-LAC ) u fil-qafas tal-FATF. Ser ikollha tkompli l-ħidma mal- pajjiżi tal-Asja Ċentrali li jinsabu fit-triq ta' rotot tat-traffiku lejn l-Ewropa.
Għandhom isiru wkoll sforzi biex tissaħħaħ il-koperazzjoni mal- Afganistan dwar id-drogi, inkluża l-implimentazzjoni tad-Dokument Orjentat lejn l-Azzjoni dwar it-traffikar tad-drogi, u mal-Afganistan u l- Pakistan dwar kwistjonijiet ta' terroriżmu u migrazzjoni.
Fir-rigward tal- Afganistan u l-Iraq , għandu jinżamm fokus fuq l-indirizzar b'mod effettiv tas-sitwazzjoni tar-rifuġjati permezz ta' approċċ komprensiv. Għandhom isiru sforzi biex jiġu indirizzati l-flussi tal-immigrazzjoni illegali u biex jiġu konklużi l-ftehimiet ta' riammissjoni magħhom kif ukoll mal-Bangladexx.
7.6. Organizzazzjonijiet internazzjonali u promozzjoni ta' standards Ewropej u internazzjonali
Il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu lejn multilateraliżmu effettiv li jissupplimenta s-sħubija bilaterali u reġjonali ma' pajjiżi u reġjuni terzi.
In-NU tibqa' l-organizzazzjoni internazzjonali l-aktar importanti għall-Unjoni. It-Trattat ta' Lisbona joħloq il-bażi għal parteċipazzjoni aktar koerenti u effiċjenti tal-Unjoni fil-ħidma tan-NU u organizzazzjonjiet internazzjonali oħrajn.
L-Unjoni għandha tkompli tippromwovi l-istandards Ewropej u internazzjonali u r-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari dawk żviluppati taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa.
Il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa hi ta' importanza partikolari. Hija ċ-ċentru tal-valuri Ewropej tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. L-Unjoni għandha tkompli taħdem flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa abbażi tal-Memorandum ta' Qbil iffirmat fl-2007 bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea u tappoġġa l-konvenzjonijiet importanti tiegħu bħall-Konvenzjoni dwar it-Traffikar tal-Bnedmin u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali.
Għall-koperazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi, l-Interpol hi sieħba importanti għall-Unjoni. Il-koperazzjoni dwar il-liġi ċivili hi magħmula b'mod partikolari fil-qafas tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. L-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-Konferenza u tinkoraġġixxi lis-sħab tagħha biex jirratifikaw il-konvenzjonijiet fejn l-Unjoni hi jew ser issir Parti jew fejn l-Istati Membri kollha huma Partijiet.
(1) Kif inhu magħruf komunement. L-Unjoni hija fil-fatt ibbażata fuq żewġ Trattati: it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Biex dan it-test ikun jista' jinqara aħjar, it-“Trattat ta' Lisbona” jew “it-Trattat” ser jintużaw xi drabi fil-Programm.
(2) Biex dan it-test ikun jista' jinqara aħjar, il-Programm jattribwixxi d-dritt ta' inizjattiva lill-Kummissjoni biss. Dan ma jippreġudikax il-possibbiltà li l-Istati Membri jieħdu inizjattivi f'konformità mal-Artikolu 76 tat-TFUE.
(3) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(4) Ara d-dokument tal-Kunsill 16637/09 JAI 873.
LISTA TA’ ABBREVJAZZJONIJIET
CEPOL |
Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija |
COSI |
Kumitat Permanenti dwar is-Sigurtà Interna (Standing Committee on Internal Security) |
EASO |
Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (European Asylum Support Office) |
ECRIS |
Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (European Criminal Records Information System) |
EMCDDA |
Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction) |
EPRIS |
Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (European Police Records Index System) |
EU ATC |
Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar (EU Anti-Trafficking Coordinator) |
EUCPN |
Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (European Crime Prevention Network) |
Eurosur |
Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (European Border Surveillance System) |
FATF |
Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja (Financial Action Task Force) |
GRECO |
Grupp tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (Council of Europe Group of States against Corruption) |
ICC |
Qorti Kriminali Internazzjonali (International Criminal Court) |
ICT |
Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (Information and Communication Technology) |
KBRN |
Kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari Chemical, Biological, Radiological and Nuclear |
KEA |
Kurrikulu Ewropew dwar l-Asil |
MIC |
Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (Monitoring and Information Centre) |
OCTA |
Stima tat-Theddid mill-Kriminalità Organizzata (Organised Crime Threat Assessment) |
OECD |
Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u Żvilupp (Organisation for Economic Co-operation and Development) |
OPC |
Osservatorju għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (Observatory for the Prevention of Crime) |
PKSD |
Politika Komuni ta' Sigurtà u Difiża |
PNR |
Rekord tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record) |
SEKA |
Sistema Ewropea Komuni tal-Asil |
SIK |
Skwadri Investigattivi Konġunti |
SIS II |
It-Tieni Ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (Second generation Schengen Information System) |
TFUE |
Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
TUE |
Trattat dwar l-Unjoni Ewropea |
UE |
Unjoni Ewropea |
UIF |
Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (Financial Intelligence Units) |
UNCAC |
Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (United Nations Convention against Corruption) |
UNHCR |
Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati |
VIS |
Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (Visa Information System) |