52010DC0724

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ismijiet tat-tessuti u l-ittikkettjar relatat ta' prodotti tat-tessuti /* KUMM/2010/0724 finali - COD 2009/0006 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 8.12.2010

KUMM(2010) 724 finali

2009/0006 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ismijiet tat-tessuti u l-ittikkettjar relatat ta' prodotti tat-tessuti

2009/0006 (COD)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ismijiet tat-tessuti u l-ittikkettjar relatat ta' prodotti tat-tessuti

1. SFOND

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (dokument COM(2009) 31 finali – 2009/0006 COD): | 30 ta' Jannar 2009. |

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: | 16 ta' Diċembru 2009. |

Data tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: | 18 ta' Mejju 2010. |

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: | 6 ta' Diċembru 2010. |

2. L-ISKOP TAL-PROPOSTA MILL-KUMMISSJONI

Il-proposta mill-Kummissjoni ġiet adottata fil-kuntest tal-inizjattiva ta' Regolazzjoni Aħjar. L-għan tal-proposta huwa biex il-qafas regolatorju eżistenti għall-ittikkettjar ta' prodotti tat-tessuti jiġi simplifikat u mtejjeb biex b'hekk jinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-użu ta' fibri ġodda kif ukoll l-innovazzjoni fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ. Biex jintlaħaq dan l-iskop, il-proposta għandha l-għan li:

- Tiffaċilita l-proċess leġislattiv biex jaddatta l-leġislazzjoni għall-progress tekniku billi jittrasforma t-tliet Direttivi eżistenti f'Regolament wieħed, biex b'hekk tkun evitata t-traspożizzjoni tal-aġġornamenti tekniċi;

- It-tqassir taż-żmien bejn is-sottomissjoni ta' applikazzjoni u l-adozzjoni ta' isem tal-fibra ġdid.

3. KUMMENTI DWAR IL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL

3.1 Kummenti ġenerali dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

Il-Kunsill laqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-ismijiet tat-tessuti u l-ittikkettjar relatat ta' prodotti tat-tessuti tiġi ssimplifikata. Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari timxi mal-linji tal-proposta oriġinali; prinċipalment din tintroduċi addizzjonijiet u żviluppi biex jiġi kklarifikat l-ambitu, tirfina l-istruttura, tagħti definizzjonijiet aktar ċari u taddatta it-test għall-aktar żviluppi legali u istituzzjonali riċenti.

Il-Kummissjoni tilqa' t-tlestija tal-ewwel qari fil-Kunsill. Huwa importanti li terġa' ssejjaħ il-benefiċċji ta' qafas regolatorju simplifikat għall-partijiet interessati u għall-amministraturi nazzjonali; għalhekk, għal aktar innovazzjoni fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ, huwa konvenjenti li r-regolament l-ġdid jiġi adottat malajr.

3.2 Ir-riżultat tal-emendi tal-Parlament fl-ewwel qari

3.2.1. L-emendi tal-Parlament Ewropew li huma inklużi sħaħ, f'partijiet minnhom jew fil-prinċipju fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tiġbor maġġoranza vasta ta' emendi tekniċi introdotti wkoll mill-Parlament Ewropew biex tqabbel it-test mat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mal-qafas leġiżlattiv il-ġdid dwar it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti[1]. Barra minn hekk, hija tipproponi modifikazzjonijiet formali biex tikkjarifika xi ftit mid-dispożizzjonijiet bħad-dettalji operazzjonali jew ir-responsabbiltà ta' operaturi ekonimiċi.

Tinkludi wkoll emendi tekniċi li joffru aktar simplifikazzjoni billi jipproponu transizzjoni lejn sistema bbażata fuq standards, fejn ir-referenzi għall-istandards Ewropej għandhom jieħdu post id-deskrizzjoni dettaljata tal-metodi ta' kwantifikazzjoni.

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill introduċa l-emendi neċessarji biex is-sett ta' regoli ġodda li jimplimentaw l-Artikolu 290 tat-Trattat jieħdu post id-dispożizzjonijiet inizjali dwar il-komitoloġija. Filwaqt li l-emendi proposti mill-Parlament jillimitaw il-perjodu ta' delegazzjoni – u b'hekk joħolqu il-"klawżola sunset", il-Kummissjoni tappoġġja l-emendi proposti mill-pożizzjoni tal-Kunsill, li tbassar it-tiġdid awtomatiku tal-poteri delegati lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tapprova dawn l-emendi tekniċi.

3.2.2. Emendi tal-Parlament Ewropew li mhumiex inklużi fil-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

Il-Kunsill jikkunsidra li l-estensjoni tal-ambitu tar-regolament mhuwiex kompatibbli mal-iskop tas-simplifikazzjoni tal-proposta oriġinali. Għal din ir-raġuni, l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari ma tinkludix emendi biex jiddaħħlu dispożizzjonijiet ġodda dwar l-immarkar tal-oriġini jew indikazzjoni tal-preżenza ta' partijiet li ġejjin mill-annimali. Il-Kunsill jippreferi jeżamina dawn l-argumenti bħala eżerċizzju ta' tkomplija, wara l-adozzjoni tar-regolament. Il-Kummissjoni tappoġġja l-immarkar tal-oriġini, kif turi l-adozzjoni ta' proposta dwar dan il-qasam fl-2005[2], applikabbli fuq diversi kategoriji ta' oġġetti impurtati, inklużi prodotti tat-tessuti. Biex ikun iffaċilitat il-qbil interistituzzjonali l-Kummissjoni tista' tkun flessibbli dwar dan il-qasam.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tinkludix klawżola ta’ analiżi mill-ġdid; madankollu, il-Kunsill wera appoġġ għal eżami ġenerali tar-rekwiżiti tal-ittikkettjar tal-prodotti tat-tessuti wara l-adozzjoni tar-regolament. Il-Kummissjoni se tappoġġja dan l-approċċ.

Fir-rigward tal-emendi dwar prodotti speċifiċi – oġġetti magħmula skont l-ordni u ġugarelli tat-tessuti, l-Kummissjoni taqbel mal-pożizzjoni tal-Kunsill, li żżomm id-dispożizzjonijiet eżistenti.

Il-Kunsill jagħraf l-importanza ta' deskrizzjoni sħiħa tal-fibri preżenti fil-prodott tat-tessut; madankollu, il-pożizzjoni tal-Kunsill iżżomm l-obbligazzjonijiet legali f'dan il-qasam.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tikkjarifika r-reġim tal-lingwa tar-regolament. Dwar l-introduzzjoni ta' sistema ta' simboli indipendenti mil-lingwa, l-Kunsill jippreferi ma jinkludix dispożizzjonijiet ġodda f'dan l-istadju u jeżamina din il-possibbiltà fil-qafas ta' analiżi mill-ġdid tal-ittikkettjar tal-prodotti tat-tessuti fil-futur; il-Kummissjoni se tappoġġja dan l-approċċ.

3.3 Dispożizzjonijiet ġodda introdotti mill-Kunsill

Il-Kunsill analizza mill-ġdid id-definizzjonijiet tekniċi kif ukoll l-użu tat-termini tal-ittikkettjar u l-immarkar f'kull parti tat-test. Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tikkjarifika wkoll il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta' tolleranzi għall-immanifatturar ogħla u tirfina dettalji tekniċi tal-annessi għar-regolament.

Il-Kummissjoni tapprova l-linji prinċipali ta' dawn l-emendi.

4. KONKLUżJONI

Il-Kunsill aġixxa b'maġġoranza kkwalifikata.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tappoġġja l-linji prinċipali tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari. Madankollu, l-immarkar tal-oriġini kien diġà propost mill-Kummissjoni fl-2005 għal sensiela ta' prodotti inklużi prodotti tat-tessuti u setgħu ikunu integrati fir-regolament preżenti. Waqt li tqis dan l-oġġettiv u tikkunsidra l-veduti diverġenti ta' koleġiżlaturi fl-ambitu tar-regolament, il-Kummissjoni tieħu ħsieb tiffaċilita n-negozjati interistituzzjonali biex jintlaħaq kompromess aċċettabbli bejn iż-żewġ koleġiżlaturi.

[1] ĠU L218, 13.08.2008, p. 21 – 47, p. 82 - 128

[2] KUMM(2005) 661 finali