52010PC0550




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 8.10.2010

KUMM(2010) 550 finali

2010/0282 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-arranġamenti ta' aċċess għas-servizz pubbliku rregolat offrut mis-sistema dinjija ta' navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita mill-programm Galileo

(ippreżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008[1] jiddetermina l-kundizzjoni dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, GALILEO u EGNOS. Id-dispożizzjonijiet tal-Anness tar-Regolament jistabbilixxu l-għanijiet speċifiċi tal-programmi. Huma jipprevedu li s-sistema li sejra tiġi stabbilita mill-programm GALILEO sejra toffri ħames servizzi, fosthom "servizz pubbliku rregolat", imsejjaħ "Public Regulated Service" jew minn issa 'l quddiem "PRS", riżervat għall-utenti awtorizzati mill-gvernijiet għall-applikazzjonijiet sensittivi li jeħtieġu livell għoli ta' kontinwità fis-servizz. Huma jispeċifikaw li l-PRS juża sinjali qawwija u kodifikati.

Il-PRS huwa servizz li l-pubbliku ġenerali mhux ser ikollu aċċess għalih u li huwa esklussivament riżervat għall-Kunsill, għall-Kummissjoni, għall-Istati Membri, eventwalment għall-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, għall-Istati terzi u għall-organizzazzjonijiet internazzjonali awtorizzati kif xieraq. L-użu tiegħu għandu jkun kontrollat minħabba raġunijiet ta' sikurezza u sigurtà, kontra s-servizzi l-oħra mhux siguri li sejrin jiġu offruti miż-żewġ sistemi GNSS Ewropej. Għalhekk huwa indispensabbli li jiġu sorveljati l-utenti b'mezzi bħal m'huma l-istabbiliment ta' proċedura ta' awtorizzazzjoni, l-użu ta' kodiċi kriptografika, l-approvazzjoni tar-riċevituri, eċċ. Barra minn hekk, dan huwa servizz li ċerti applikazzjonijiet tiegħu jistgħu jkunu sensittivi ħafna fil-livell politiku u strateġiku. Il-karatteristiċi kollha tal-PRS jimponu d-definizzjoni preċiża, permezz ta' test leġiżlattiv, tal-arranġamenti tal-aċċess għall-PRS.

Barra minn hekk, qabel l-adozzjoni stess tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, fil-konklużjonijiet li adotta waqt il-laqgħa tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill tat-Trasport talab lill-Kummissjoni biex tkompli b'mod attiv il-ħidma tagħha dwar l-elaborazzjoni tal-politika ta' aċċess għall-PRS, biex tkun tista' b'mod partikolari tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri sejrin jorganizzaw u jiġġestixxu l-gruppi ta' utenti tagħhom, fuq il-bażi tax-xogħol ta' tħejjija li diġà tlesta, u biex tippreżenta l-proposti tagħha fil-ħin sabiex il-Kunsill ikun jista' jiddelibera fuqhom u japprovahom. F'dawn l-istess konklużjonijiet, il-Kunsill tat-Trasport fakkar li l-użu tal-PRS mill-Istati Membri ser ikun obbligatorju u li l-ispejjeż kollha ta' użu ta' dan is-servizz sejrin jitħallsu mill-utenti fuq bażi mhux kummerċjali.

Minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta' kontroll differenti u issa li l-kalendarju li jipprevedi l-provvista tal-ewwel servizzi huwa magħruf, saret ħtieġa mhux biss xierqa issa wkoll urġenti li jiġu stabbiliti, permezz ta' test leġiżlattiv, l-arranġamenti tal-aċċess għall-PRS.

2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ISTIMA TAL-IMPATT

Għalkemm ma sarx uffiċjalment studju tal-impatt fuqu, l-proġett ta' test huwa madankollu r-riżultat ta' xogħol ta' tħejjija bir-reqqa li implika ħafna l-atturi differenti interessati mill-PRS, b'mod partikolari l-Istati Membri li sejrin ikunu l-utenti ewlenin ta' dan is-servizz.

A. ID-DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA

Sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni, għandha ssir minn qabel distinzjoni semantika bejn minn naħa waħda l-utenti tal-PRS, li huma l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif ukoll eventwalment l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u min-naħa l-oħra l-utenti tal-PRS li huma l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi awtorizzati kif xieraq mill-utenti tal-PRS li jkollhom jew jużaw riċevitur PRS.

Barra minn hekk, il-partijiet interessati tal-arranġamenti ta' aċċess għall-PRS huma dawn li ġejjin:

- il-Kummissjoni, li tiġġestixxi l-aspetti kollha relatati mas-sigurtà tas-sistemi b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008;

- il-Kunsill, li huwa b'mod partikolari risponsabbli għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK[2];

- l-Istati Membri, li huma msejħa jkunu l-utenti ewlenin tal-PRS u li huma d-destinatarji tad-Deċiżjoni li hija l-għan ta' din il-proposta;

- l-aġenzija tal-GNSS Ewropea stabbilita bir-Regolament (KE) Nru xxx/2010 li, b'applikazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 u b'mod konformi mal-Linji Gwida mfassla mill-Kummissjoni, minn naħa tiżgura l-approvazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, u min-naħa l-oħra tmexxi ċ-ċentru ta' sigurtà Galileo. Dan iċ-ċentru ta' sigurtà huwa b'mod partikolari l-uniku interlokutur tal-Kunsill għall-implimentazzjoni, fir-rigward tal-utenti kollha tal-PRS, tal-istruzzjonijiet mogħtija skont l-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK;

- l-impriżi li jfasslu jew jiffabbrikaw ir-riċevituri PRS, u għandhom jikkonformaw mal-istandards ta' approvazzjoni stabbiliti mill-awtorità ta' approvazzjoni ta' sigurtà stabbiliti fi ħdan l-aġenzija tal-GNSS Ewropea.

Ir-rekwiżiti essenzjali ta' sigurtà marbuta mal-użu tal-PRS jikkonċernaw direttament is-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. F'dan ir-rigward huma involuti f'kwistjoni strateġika u għandhom x'jaqsmu wkoll mal-politika esterna tal-Unjoni. Dawn jeħtieġu l-istabbiliment ta' qafas ta' kontroll tal-utenti, għan essenzjali ta' din il-proposta.

Dan il-qafas jinkludi kemm mezzi tekniċi, bħal pereżempju l-awtorizzazzjonijiet permezz ta' kowds kriptografiċi, kif ukoll mezzi istituzzjonali, bħal pereżempju l-proċeduri ta' approvazzjoni tas-sigurtà jew dawk li jirriżultaw mill-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK f'sitwazzjoni ta' kriżi. Dan għandu jqis il-fatt li l-utenti tal-PRS probabbli jkunu multipli u li jistgħu, skont l-użi rikjesti, ikollhom bżonnijiet differenti jew jiġu sottomessi għal eżiġenzi differenti fir-rigward l-affidabbiltà tagħhom.

Il-qafas ta' kontroll għandu jiġi stabbilit qabel il-bidu tal-fażi ta' użu inizjali prevista għall-2014. Dan għandu jibqa' jeżisti matul din il-fażi kollha, jiġifieri għal bosta għexieren ta' snin, u għandu jippermetti l-aktar:

- li jantiċipa sitwazzjoni ta' kriżi; u dan jimplika rapporti permanenti u istituzzjonalizzati, li jinkludu proċedura xierqa ta' deċiżjoni, bejn l-atturi pubbliċi u privati differenti;

- li jirregola b'mod strett il-kundizzjonijiet tal-użu tar-riċevituri PRS, b'mod partikolari permezz ta' ġesjoni effikaċi tal-utenti;

- li jissorvelja mill-qrib l-attività tal-impriżi li huma responsabbli għall-bini tar-riċevituri PRS, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' regoli ta' manifattura stretti.

Biex jiġu sodisfati dawn l-għanijiet, għandhom jiġu speċifikati u formalizzati r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri, u tal-atturi pubbliċi jew privati kollha l-oħra. Għandhom ukoll jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-użu possibbli tal-PRS minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew tal-Istati terzi, u tal-esportazzjoni tat-tagħmir tal-PRS. Il-ġestjoni tal-gruppi differenti ta' utenti tidher ukoll li hija element essenzjali tal-qafas li għandu jiġi stabbilit, b'mod partikolari sabiex jiġu limitati kemm jista' jkun l-effetti negattivi tan-nuqqas possibbli ta' wieħed minn dawn il-gruppi. Fl-aħħar nett, huwa importanti ħafna li jiġu stabbiliti l-istandards ta' approvazzjoni u ta' manifattura li serjrin jiġu imposti fuq il-manifatturi tar-riċevituri PRS, u li jiġi żgurat il-kontroll tagħhom mill-Unjoni Ewropea. Il-manifatturi għandhom ikunu mhux biss kapaċi li jiffabbrikaw riċevituri b'sigurtà għolja, iżda wkoll li jfasslu l-mekkaniżmi li jipprojbixxu li dawn jiġu dduplikati jekk jinsterqu jew jintilfu.

B. L'APPROĊ MAGĦŻUL U S-SOLUZZJONIJIET ALTERNATTIVI

Il-kwistjonijiet differenti marbuta mal-arranġamenti tal-aċċess għall-PRS kienu s-suġġett ta' diskussjonijiet fil-fond fi ħdan il-kunsill għas-sigurtà, msejjaħ "GSB", stabbilit bl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 876/2002 tal-Kunsill[3] u mħassar bl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008. Maħluq biex jindirizza l-kwistjonijiet ta' sigurtà li jikkonċernaw is-sistema GALILEO, il-GSB kien magħmul minn rappreżentant ta' kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Kummissjoni. Fil-fatt, kien jiġbor il-ftit esperti li, ġewwa l-Unjoni Ewropea, għandhom il-kompetenzi meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tas-sistemi kumplessi ħafna bħal m'hija l-GALILEO. Dan ġie sostitwit bi grupp ta' esperti tal-Kummissjoni[4].

Fil-qafas tal-GSB, saru erba' "seminars PRS" fl-2006 u l-2007, li kull wieħed minnhom ġabar madwar sittin espert tal-Istati Membri. Id-diskussjonijiet fid-dettall kienu jirrigwardjaw il-problemi kollha ta' sigurtà li rriżultaw mill-użu tal-PRS, b'mod partikolari l-kwistjonijiet u karatteristiċi tekniċi, il-mekkaniżmi istituzzjonali li għandhom jiġu stabbiliti, il-kalendarju ta' dan l-istabbiliment, l-ambitu tal-użu tal-PRS, eċċ.

Din is-serje ta' seminars ippermettiet li jintlaħaq kunsens bejn il-parteċipanti dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit malajr qafas regolamentarju xieraq, dwar il-prinċipji ġenerali tal-arranġamenti għall-aċċess tal-PRS, dwar l-istandards ta' sigurtà li għandhom jiġu sodisfati mil-lat tekniku u dwar l-istadji differenti tal-implimentazzjoni tagħhom. L-abbozz tat-test jagħti r-riżultati ta' dan ix-xogħol. Huwa biddilhom fi forma legali u adattahom għall-iskema ġdida ta' governanza tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 683/2008.

L-elementi prinċipali tal-proposta huma mniżżla fil-punt 3 hawn taħt: Huma bbażati fuq il-konvinzjoni, tal-Istati Membri kollha, li l-arranġamenti tal-aċċess għall-PRS għandhom jirrispettaw standards minimi ta' sigurtà u proċeduri ta' awtorizzazzjoni komuni għall-Istati Membri kollha sabiex jiġi garantit livell għoli ta' sigurtà. Għandu jiġi osservat li t-test ma jsemmix il-kwistjoni tan-natura tal-użi tal-PRS, li titħalla għall-evalwazzjoni esklużiva ta' kull Stat Membru, iżda jistabbilixxi kriterji komuni li jippermettu lill-utenti pubbliċi tal-PRS jagħżlu l-utenti privati tagħhom b'mod sikur.

Bis-soluzzjoni magħżula, il-funzjonijiet tekniċi marbuta direttament mal-infrastruttura huma ċċentralizzati fuq livell Ewropew permezz tal-attivitajiet taċ-ċentru ta' sigurtà mmexxi mill-aġenzija tal-GNSS Ewropea, filwaqt li bil-kontra il-funzjonijiet ta' kontroll tal-utenti pubbliċi u l-utenti privati huma deċentralizzati fuq livell nazzjonali sabiex jitqiesu r-restrizzjonijiet lokali. Il-mekkaniżimi legali previsti jiżguraw il-koerenza bejn iż-żewġ livelli ta' funzjonijiet u l-armonizzazzjoni tat-teħid ta' deċiżjonijiet, b'mod partikolari permezz tal-istandards minimi komuni li għandhom isegwu l-atturi kollha.

Huwa essenzjali li wieħed jenfasizza li waqt ix-xogħol ta' tħejjija li sar fi ħdan il-GSB u fil-qafas tas-"seminars PRS", is-soluzzjonijiet kollha possibbli ġew meqjusa b'attenzjoni kbira. Intgħażlet biss dik li kienet tisodisfa l-aħjar kemm l-interessi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri kif ukoll l-eżiġenzi fir-rigward tas-sigurtà u tas-sikurezza. Bosta għażliet alternattivi b'hekk twarrbu. Per eżempju:

- ma jsir xejn. Minbarra l-fatt li din is-soluzzjoni ma tirrispettax il-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fit-12 ta' Ottubru 2006, fil-prattika din tirriżulta fit-twaqqif ta' kull użu tal-PRS, u dan huwa wkoll kontra d-dispożizzjonijiet tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 683/2008. Fil-fatt, la l-Kummissjoni, responsabbli għas-sigurtà tas-sistema , u lanqas il-Kunsill, responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK, u fl-aħħar nett u fuq kollox lanqas l-Istati Membri ma jistgħu b'mod serju jipprevedu li jużaw il-PRS mingħajr ma jkun ġie stabbilit minn qabel qafas preliminari li jiggarantixxi livell għoli ta' sigurtà għall-użu tiegħu;

- in-nuqqas ta' kontroll tal-utenti tal-PRS mill-Istati Membri. Din is-soluzzjoni kienet tkun ukoll inkompatibbli mal-livell għoli ta' sigurtà meħtieġ għall-PRS. Din mhijiex possibbli minħabba s-sensittività ta' suġġett li għandu implikazzjonijiet fuq il-politika ta' sigurtà tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea;

- ġestjoni totalment ċentralizzata, fuq livell tal-Unjoni Ewropea, tal-istandards u l-proċeduri ta' awtorizzazzjoni, ta' approvazzjoni u ta' kontroll kollha relatati mal-arranġamenti tal-aċċess għall-PRS, b'mod partikolari għall-manifattura tar-riċevituri u d-distribuzzjoni tal-kowds ta' aċċess. Din is-soluzzjoni wriet li hija negattiva għall-iżvilupp tas-swieq marbuta mal-użi tal-PRS u kontra l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fil-fatt, l-Unjoni bħalissa m'għandhiex il-kompetenzi tekniċi meħtieġa biex tiżgura tali ġestjoni ċentralizzata, anke jekk jeħtieġ li eventwalment tikseb għarfien fir-rigward tal-approvazzjoni permezz tal-ħidma tal-aġenzija tal-GNSS Ewropea. Dawn il-kompetenzi, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-komponenti kriptografiċi, llum huma kkonċentrati f'għadd żgħir ta' Stati Membri. L-Unjoni lanqas m'għandha għodda li jippermettu ġestjoni u kontroll ċentralizzati tal-manifattura tar-riċevituri PRS, attività ta' natura parzjalment industrijali li tista' biss titwettaq mill-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-aspetti ta' sigurtà;

- ġestjoni, bil-kontra, totalment deċentralizzata tal-istess elementi fil-livell tal-Istati Membri. Din is-soluzzjoni wkoll twarrbet, għaliex ma tippermettix li jiġu stabbiliti faċilment standards minimi komuni għall-Istati Membri kollha u, barra minn hekk, li jiġi żgurat ir-rispett ta' tali standards bl-istess livell ta' eżiġenza fl-Istati Membri kollha. Għalhekk jeħtieġ li l-awtoritajiet tal-Unjoni jistabbilixxu standards komuni u jiżguraw li jiġu rispettati.

Is-soluzzjoni magħżula tistabbilixxi b'mod definittiv sistema li tirrikonċilja l-aħjar ġestjoni ċentralizzata ta' ċertu elementi fuq livell tal-Unjoni, meta tali ċentralizzazzjoni tkun possibbli u mixtieqa, u ġestjoni deċentralizzata tal-elementi l-oħra fil-każ li, anke jekk l-infrastruttura hija proprjetà tal-Unjoni, l-Istati Membri jidhru li jkunu l-aħjar atturi biex iwettquha.

C. L-IMPATT FUQ L-ISTATI MEMBRI U L-PARTIJIET INTERESSATI L-OĦRA

Hemm possibbiltà li d-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-proposta jkollha impatt fuq l-Istati Membri, l-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-Istati terzi, l-impriżi industrijali.

L-ewwel nett fir-rigward tal-Istati Membri, li fil-prinċipju huma l-ewwel ikkonċernati u interessati fl-użi tal-PRS, jeħtieġ li wieħed jenfasizza li d-deċiżjoni sejra jkolla impatt biss fuq dawk l-Istati li jixtiequ jużaw il-PRS u li mhux sejra taffettwa, anke finanzjarjament, dawk li ma jixtiequx jużawh. Stat Membru li jkun jixtieq juża l-PRS ser ikollu l-ewwel nett jaħtar "Awtorità PRS responsabbli" li tamministra l-utenti tiegħu, eventwalment jieħu ħsieb il-manifattura tar-riċevituri PRS u, jekk ikun il-każ, jissorvelja l-konformità ma' standards komuni tal-manifattura tar-riċevituri PRS ft-territorju tiegħu. Għandu jiġi nnotat li entità li diġà teżisti fi ħdan Stat Membru sejra tkun tista' jkollha r-rwol ta' "Awtorità PRS responsabbli".

Sabiex jiġu vvalutati l-ħtieġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-uzu tal-PRS, il-Kummissjoni bagħtitilhom kwestjonarju fl-2008. It-tweġibiet għal dan il-kwestjonarju, li ma jobbligaw bl-ebda mod l-Istati Membri b'mod formali, huma miġbura fil-qosor fiż-żewġ tabelli hawn taħt, fejn l-Istati Membri li ma jissemmewx ma jkunux wieġbu għall-kwestjonarju:

[pic]

[pic]

Wieħed għandu jinsisti fuq il-fatt li jekk l-użi potenzjali differenti tal-PRS jitħallew għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, ix-xewqat ta' dawn tal-aħħar f'dan ir-rigward jistgħu biss jiġu sodisfati jekk ikunu kompatibbli mar-rispett tal-istandards minimi ta' sigurtà imposti. Il-ħtiġijiet tal-Istati Membri li huma inkompatibbli jew ftit kompatibbli mar-rispett ta' dawn l-istandards għalhekk ma jkunux koperti mill-PRS, iżda mis-servizz miftuħ li joffri prestazzjoni ekwivalenti f'termini ta' preċiżjoni.

Fir-rigward tal-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea, it-test jimponilhom l-istess restrizzjonijiet ta' użu bħal dawk imposti fuq l-Istati Membri. Fil-fatt, il-prinċipji ġenerali miftiehma mal-Istati Membri fil-qafas tad-diskussjonijiet li saru qabel it-tfassil tal-proposta jawtorizzaw totalment użi "Ewropej" tal-PRS, iżda jirriżultaw ukoll f'arranġamenti ta' aċċess identiċi għall-utenti kollha. L-awtoritajiet tal-Unjoni kkonċernati, jiġifieri l-Kunsill, il-Kummissjoni u, jekk ikun il-każ, l-aġenżiji tal-Unjoni, sejrin ikollhom ir-responsabbiltà li jiddeċiedu jekk jixtiequx jirrikorru għall-PRS u għal liema użi. Barra minn hekk, il-Kunsill u l-aġenzija tal-GNSS Ewropea huma mitluba li jkollhom rwol partikolari fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK.

Barra minn hekk, rigward l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-Istati terzi, ir-restrizzjonijiet ta' użu tal-PRS sejrin jirriżultaw mill-Ftehimiet internazzjonali li għandhom jiksbu qabel mal-Unjoni Ewropea jekk jixtiequ jkollhom aċċess għal dan is-servizz. Dawn sejrin ikunu mill-inqas ristrettivi daqs dawk imposti fuq l-Istati Membri.

Fl-aħħar nett rigward l-impriżi industrijali, l-ewwel nett għandu jiġi indikat li dawk li għażlu volontarjament li jwieġbu għas-sejħiet ta' offerti rigward it-tfassil jew il-manifattura tar-riċevituri PRS biss sejrin jiġu sottomessi għar-restrizzjonijiet marbuta mar-rispett tal-istandards restrittivi. Barra minn hekk, billi l-PRS huwa servizz ġdid li għad ma kienx hemm bħalu fil-passat, l-impatt ekonomiku tal-introduzzjoni tiegħu jista' biss ikun pożittiv minkejja r-restrizzjonijiet marbuta mas-sigurtà.

L-impriżi fil-fatt ġew ikkonsultati bosta drabi dwar il-kundizzjonijiet tal-użu tal-PRS, b'mod partikolari permezz tal-istudju PACIFIC li sar fil-qafas tas-sitt (6) Programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp. Minn dan jirriżulta li l-impriżi:

- jirrekonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' sigurtà tal-PRS;

- huma favorevoli għal użu wiesgħa tal-PRS fl-oqsma relatati mas-sigurtà, b'mod partikolari d-difiża u l-attivitajiet tal-puliżija;

- fil-qasam tad-difiża, jenfasizzaw il-ħtieġa ta' interoperabbiltà mas-sinjal militari tal-GPS;

- għall-attivitajiet tal-pulizija, jenfasizzaw l-utilità li r-riċevituri PRS jintużaw flimkien ma' mezzi oħra ta' telekomunikazzjoni sikuri;

- jaħsbu li huwa neċessarju li jkunu jistgħu jiġu esportati riċevituri PRS fl-Istati terzi li sejrin ikunu awtorizzati li jsiru utenti tal-PRS.

Il-proposta tat-test ma fihiex elementi li jmorru kontra x-xewqat tal-impriżi, anke jekk tipprevedi qafas strett, li jiggarantixxi livell għoli ta' sigurtà, kundizzjonijiet ta' manifattura u ta' użu tar-riċevituri PRS mill-atturi tas-settur privat.

D. EŻISTENZA TA' KUNSENS AWTENTIKU

Kif kien diġà indikat hawn fuq, l-abbozz tat-test huwa r-riżultat ta' xogħol ta' tħejjija b'reqqa kbira li, fl-2006 u l-2007, kien implika l-atturi differenti interessati fil-PRS, b'mod partikolari l-Istati Membri li sejrin ikunu l-utenti ewlenin tal-PRS.

Mill-2007, il-bosta diskussjonijiet li saru fid-diversi awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà tal-programmi u tas-sistemi kkonfermaw biss il-kunsens milħuq għas-soluzzjonijiet diversi magħżula fil-proġett. Dawn l-awtoritajiet, magħmula minn rappreżentanti tal-Istati Membri, huma prinċipalment il-grupp ta' esperti dwar is-sigurtà tas-sistemi GNSS Ewropej u s-sottogrupp ta' ħidma, speċifikament iddedikat għall-PRS, maħluq minn dan il-grupp ta' esperti.

Għandu jiġi mfakkar li fil-fatt, meta titqies is-sensittività tagħhom, il-kwistjonijiet marbuta mal-użu tal-PRS jikkonċernaw, apparti s-sigurtà tas-sistemi, is-sigurtà tal-Istati Membri stess. Għalhekk jirriżulta li huwa politikament u prattikament impossibbli li ma jintlaħaqx kunsens bejn l-Istati Membri fuq is-soluzzjonijiet magħżula. L-użu tal-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK, li jaqa' taħt ir-regola tal-unanimità, li huwa wkoll previst b'mod espliċitu fl-Artikolu 11 tal-abbozz fil-każijiet kollha fejn is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u Istati Membri tagħha x'aktarx li jiġi kkontestat.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-proposta tal-Kummissjoni hija legalment ibbażata fuq l-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-ex Artikolu 156 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Barra minn hekk din tieħu l-forma ta' proposta ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għaliex id-destinatarji tat-test huma l-Istati Membri biss.

Din fiha l-miżuri ewlenin li ġejjin:

- prinċipji ġenerali dwar l-arranġamenti ta' aċċess għall-PRS, b'mod partikolari l-fatt li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom aċċess għall-PRS b'mod illimitat u mhux interrott fil-partijiet kollha tad-Dinja u li l-aċċess għall-PRS tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati terzi u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali jeħtieġ l-eżekuzzjoni ta' ftehim;

- l-obbligu għall-utenti tal-PRS li jaħtru "Awtorità PRS responsabbli" għall-ġestjoni u l-kontroll tal-manifattura, ż-żamma u l-użu tar-riċevituri PRS, u l-istabbiliment ta' standards komuni minimi li għalihom għandhom jikkonformaw l-Awtoritajiet PRS responsabbli;

- is-sorveljanza tal-kundizzjonijiet ta' manifattura u ta' sigurtà tar-riċevituri PRS;

- dispożizzjonijiet dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet, il-postijiet ta' kontroll imxerrda mad-dinja u l-applikazzjoni ta' azzjonijiet konġunti fil-qafas tat-"tieni pilastru".

Fl-aħħar nett, anke jekk it-test jista' jkollu impatt fuq il-politika barranija u ta' sigurtà komuni, madankollu għandu jiġi adottat fil-qafas tal-proċeduri previsti mit-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea b'applikazzjoni tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tal-20 ta' Mejju 2008 li ngħatat fil-kawża C-91/05 (Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea), imsejħa "L-armi żgħar".

4. IMPATT BAĠITARJU

Il-proposta tal-Kummissjoni ma għandha l-ebda impatt dirett fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea; b'mod partikolari, ma timpenjax lill-Unjoni f'politika ġdida u l-entitajiet ta' kontroll diversi tal-Unjoni li għalihom tirreferi diġà ġew stabbiliti permezz ta' testi oħra.

5. INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

Il-PRS huwa servizz li fih ċertu applikazzjonijiet li jistgħu jkunu sensittivi ħafna fuq il-livelli politiċi u strateġiċi. Madankollu, il-proposta tal-Kummissjoni m'għandhiex l-għan li tirregolamenta l-applikazzjonijiet potenzjali tal-PRS innifishom, iżda l-arranġamenti tal-aċċess għal dan is-servizz. Għalhekk hija għandha natura aktar teknika milli politika.

2010/0282 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-arranġamenti ta' aċċess għas-servizz pubbliku rregolat offrut mis-sistema dinjija ta' radjunavigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita mill-programm Galileo

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[5],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[6],

Filwaqt li jaġixxu b'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

1. Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo)[7] jipprevedi fl-Anness tiegħu li l-għanijiet speċifiċi tal-programm Galileo jikkonsistu li jiġi żgurat li s-sinjali li titfa' s-sistema jkunu jistgħu jintużaw b'mod partikolari biex jiġi offrut servizz pubbliku rregolat (minn issa 'l quddiem "PRS") riżervat għall-utenti awtorizzati mill-gvernijiet, għall-applikazzjonijiet sensittivi li jeħtieġu livell għoli ta' kontiwità ta' servizz.

2. Fil-konklużjonijiet li adotta waqt il-laqgħa tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill tat-Trasport talab lill-Kummissjoni biex tkompli b'mod attiv il-ħidma tagħha dwar l-elaborazzjoni tal-politika ta' aċċess għall-PRS, biex tkun tista' b'mod partikolari tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri sejrin jorganizzaw u jiġġestixxu l-gruppi ta' utenti tagħhom, fuq il-bażi tax-xogħol ta' tħejjija, u biex tippreżenta l-proposti tagħha fil-ħin sabiex il-Kunsill ikun jista' jiddelibera fuqhom u japprovahom. F'dawn l-istess konklużjonijiet, il-Kunsill tat-Trasport fakkar li l-użu tal-PRS mill-Istati Membri ser ikun obbligatorju u li l-ispejjeż kollha ta' użu ta' dan is-servizz sejrin jitħallsu mill-utenti fuq bażi mhux kummerċjali.

3. Il-Kunsill indika bosta drabi li s-sistema li ġiet stabbilita mill-programm Galileo hija sistema ċivili taħt kontroll ċivili, jiġifieri mwettqa skont standards ċivili minn eżiġenzi ċivili u taħt il-kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

4. Il-PRS huwa, fost is-servizzi diversi offruti mis-sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, is-servizz li huwa kemm l-aktar sikur kif ukoll l-aktar sensittiv. Huwa għandu jiżgura, għall-benefiċċju tal-utenti tiegħu, kontinwità ta' servizz anke fis-sitwazzjonijiet ta' kriżi l-aktar serji. Il-konsegwenzi ta' infrazzjoni tar-regoli ta' sigurtà waqt l-użu ta' dan is-servizz m'għandhomx ikunu limitati għall-utent ikkonċernat, iżda għandhom jiġu estiżi potenzjalment għal utenti oħra. L-użu u l-ġestjoni tal-PRS għalhekk għandhom jaqaw taħt ir-responsabbiltà komuni tal-Istati Membri għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u s-sigurtà tagħhom stess. F'dan il-kuntest, l-aċċess għall-PRS għandu jkun limitat b'mod strett għal ċertu kategoriji ta' utenti li jkunu soġġetti għal kontroll permanenti.

5. Għalhekk jeħtieġ li jiġu definiti l-arranġamenti tal-aċċess għall-PRS u tar-regoli ta' ġestjoni tiegħu filwaqt li jiġu speċifikati b'mod partikolari l-prinċipji ġenerali relatati ma' dan l-aċċess, il-funzjonijiet tal-entitajiet ta' ġestjoni u ta' kontroll diversi, il-kundizzjonijiet marbuta mal-manifattura u mas-sigurtà tar-riċevituri, l-iskema tal-kontroll tal-esportazzjonijiet.

6. Rigward il-prinċipji ġenerali tal-aċċess għall-PRS, l-għan innifsu ta' dan is-servizz kif ukoll il-karatteristiċi tiegħu jimponu li l-użu tiegħu jkun strettament riżervat għall-Kunsill, għall-Kummissjoni, għall-Istati, għall-aġenziji tal-Unjoni u għall-organizzazzjonijiet internazzjonali awtorizzati kif xieraq, filwaqt li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jkollhom aċċess b'mod diskrezzjonali u b'mod illimitat u mhux interrott fil-partijiet kollha tad-dinja. Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jkun jista' jiddeċiedi awtorevolment liema huma l-utenti tal-PRS awtorizzati u liema huma l-użi li jirriżultaw minnu, inklużi l-użi marbuta mas-sigurtà, b'mod konformi mal-istandards minimi ta' sigurtà.

7. Barra dan, sabiex jiġi promoss fuq livell dinji l-użu tat-teknoloġija Ewropea għall-applikazzjonijiet governattivi sikuri fir-rigward tar-radjunavikazzjoni bis-satellita, għandhom jiġu previsti l-kundizzjonijiet li taħthom ċertu Stati terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali sejrin ikunu jistgħu jużaw il-PRS, filwaqt li r-rispett tal-eżiġenzi ta' sigurtà ikun dejjem essenzjali.

8. B'mod ġenerali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu minn kollox sabiex jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tas-sistema stabbilita mill-programm Galileo u tat-teknoloġiji u t-tagħmir tal-PRS, biex jiġi evitat l-użu tas-sinjali maħruġa għall-PRS minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi mhux awtorizzati u biex jiġi projbit użu tal-PRS li jista' jkun ta' ħsara għalihom.

9. F'dan ir-rigward, l-Istati Memri għandhom jistipulaw l-iskema ta' sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta' nuqqas ta' rispett tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni u jiżguraw li dawn is-sanzjonijiet ikunu applikati. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

10. Rigward l-entitajiet ta' ġestjoni u ta' kontroll, jidher li s-soluzzjoni li kull utent jiġi mħeġġeġ li jaħtar "Awtorità PRS responsabbli" għall-ġestjoni u l-kontroll tal-utenti pubbliċi tiegħu, hija l-aħjar biex tiġi żgurata ġestjoni effikaċi tal-użu tal-PRS billi tiffaċilita r-relazzjonijiet bejn l-atturi diversi responsabbli għas-sigurtà u billi tiggarantixxi kontroll permanenti tal-utenti pubbliċi, b'mod partikolari tal-utenti pubbliċi nazzjonali, b'rispett tal-istandards komuni minimi. Wieħed għandu jinnota li Awtorità PRS responsabbli mhijiex neċessarjament marbuta ma' Stat Membru partikolari u li bosta utenti diversi jistgħu jaħtru l-istess Awtorità PRS responsabbli.

11. Barra minn hekk, waħda mill-missjonijiet taċ-ċentru ta' sigurtà msemmija fl-inċiż ii) tal-punt a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 għandha tikkonsisti fl-iżgurar tal-interfaċċja teknika bejn l-atturi differenti responsabbli għas-sigurtà tal-PRS.

12. Il-Kunsill huwa wkoll mħeġġeġ li jkollu rwol fil-ġestjoni tal-PRS minn naħa permezz tal-applikazzjoni tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK tat-12 ta' Lulju 2004 dwar aspetti tal-operazzjoni tas-sistema Ewropea tar-radjunavigazzjoni bis-satellita li jaffetwaw s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea[8], u min-naħa l-oħra permezz tal-approvazzjoni tal-Ftehimiet nazjonali li jawtorizzaw lil Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali juża l-PRS.

13. Rigward il-manifattura u s-sigurtà tar-riċevituri, l-obbligi ta' sigurtà jeħtieġu li dan il-kompitu jista' jitħalla biss f'idejn Stat Membru li jista' juża l-PRS jew f'idejn impriżi stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru li jista' juża l-PRS. Barra minn hekk, l-entità li tipproduċi riċevituri għandha tkun ġiet awtorizzata kif xieraq minn qabel mill-aġenzija tal-GNSS Ewropea stabbilita bir-Regolament (KE) Nru xxx/2010[9] u għandha tikkonforma mar-regoli stabbiliti mill-awtorità ta' approvazzjoni mwaqqfa fi ħdan din l-aġenzija. L-Awtoritajiet PRS responsabbli għandhom jikkontrollaw kontinwament ir-rispett kemm tal-istandards ta' approvazzjoni maħruġa minn din l-awtorità ta' approvazzjoni kif ukoll tal-eżiġenzi tekniċi partikolari li jirriżultaw mill-istandards komuni minimi.

14. Rigward il-kontroll tal-esportazzjonijiet, għandhom jiġu ristretti l-esportazzjonijiet ta' tagħmir jew teknoloġiji relatati mal-użu tal-PRS 'il barra mill-Unjoni Ewropea lejn dawk l-Istati terzi li huma awtorizzati kif xieraq biex ikollhom aċċess għall-PRS b'applikazzjoni ta' Ftehim internazzjonali magħmul mill-Unjoni.

15. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati b'mod konformi mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex minn naħa jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata li tikkonċerna l-PRS, u min-naħa l-oħra biex ikunu jistgħu jinbidlu l-istandards komuni minimi.

16. Billi l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jiġu stabbiliti l-arranġamenti li skonthom l-Istati, il-Kunsill, il-Kummissjoni, l-aġenziji tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jkollhom aċċess għall-PRS, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista', minħabba d-daqs tal-azzjoni, jitwettaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, din tal-aħħar tista' tieħu miżuri, b'mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà msemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, b'mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu msemmi, din id-Deċiżjoni ma teċċedix dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti li skonthom l-Istati, il-Kunsill, il-Kummissjoni, l-aġenziji tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jkollhom aċċess għas-servizz pubbliku rregolat (minn issa 'l quddiem "PRS") offrut mis-sistema dinjija ta' radjunavigazzjoni bis-satellita (GNSS) li ġiet stabbilita mill-programm Galileo.

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali rigward l-aċċess għall-PRS

17. L-utenti tal-PRS għandhom ikunu l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll l-aġenziji tal-Unjoni, l-Istati terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali awtorizzati kif xieraq.

18. Il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikollhom aċċess għall-PRS b'mod illimitat u mhux interrott fil-partijiet kollha tad-dinja.

19. Il-Kunsill, il-Kummissjoni u kull Stat Membru għandhom jiddeċiedu jekk għandux jintuża l-PRS.

20. L-utenti pubbliċi tal-PRS għandhom ikunu l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi awtorizzati kif xieraq mill-utenti privati tal-PRS biex ikollhom jew jużaw riċevitur PRS.

21. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiddeċiedu dwar il-kategoriji tal-aġenti tagħhom li huma awtorizzati li jkollhom jew jużaw riċevitur PRS, b'mod konformi mal-istandards komuni minimi msemmijin fl-Artikolu 6(6). Stat Membru li juża l-PRS għandu jiddeċiedi awtorevolment dwar il-kategoriji ta' persuni fiżiċi li joqgħodu fit-territorju tiegħu u tal-persuni ġuridiċi stabbiliti fit-territorju tiegħu li huma awtorizzati li jkollhom jew jużaw riċevitur PRS, kif ukoll l-użi li jsiru minnu, b'mod konformi mal-istandards minimi msemmijin fl-Artikolu 6(6). L-użi jistgħu jinkludu użi marbuta mas-sigurtà.

22. Aġenzija tal-Unjoni għandha tkun tista' tuża l-PRS biss fil-qafas u skont l-arranġamenti previsti fi Ftehim amministrattiv li jkun intlaħaq bejn il-Kummissjoni u din l-aġenzija.

23. Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali għandu jkun jista' juża l-PRS biss jekk:

24. Jeżisti Ftehim ta' sigurtà bejn l-Unjoni minn naħa u dan l-Istat terz jew din l-organizzazzjoni internazzjonali min-naħa l-oħra;

25. U jeżisti Ftehim bejn l-Unjoni minn naħa u dan l-Istat terz jew din l-organizzazzjoni internazzjonali min-naħa l-oħra, konkluż skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-arranġamenti tal-użu tal-PRS minn dan l-Istat terz jew din l-organizzazzjoni internazzjonali.

Artikolu 3

Awtorizzazzjoni ta' aċċess marbuta mal-funzjonament tas-sistema

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 2 u għall-finijiet li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema, għandhom jiġu awtorizzati li jkollhom aċċess għat-teknoloġija tal-PRS u li jkollhom jew jużaw riċevituri PRS filwaqt li jirrispettaw ir-regoli ta' sigurtà partikolari stabbiliti mill-Kummissjoni u billi jikkonformaw b'mod strett mal-istruzzjonijiet li tagħtihom il-Kummissjoni:

- il-Kummissjoni, meta din tal-aħħar tkun qiegħda twettaq ir-rwol ta' amministratur tal-programm Galileo;

- l-operaturi tas-sistema stabbilita mill-programm Galileo, għall-finijiet stretti tar-rispett tal-ispeċifikazzjonijiet li għalihom għandhom jikkonformaw;

- l-aġenzija tal-GNSS Ewropea, biex tkun tista' twettaq il-kompiti li jkunu ngħatawlha;

- l-Aġenzija Spazjali Ewropea, għall-finijiet stretti ta' riċerka, żvilupp u l-varar tal-infrastruttura.

Artikolu 4

Protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata

26. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata li tikkonċerna l-PRS.

27. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi permezz ta' atti delegati, b'mod konformi mal-Artikoli 12, 13 u 14, ir-regoli relatati mal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata li tikkonċerna l-PRS, b'mod partikolari dik relatata mal-ħtieġa, għal persuna ġuridika jew fiżika, li taċċedi għal informazzjoni klassifikata biex tkun tista' twettaq funzjoni jew kompitu speċifiku. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet speċifiċi li jadotta sabiex jimplimenta dan il-paragrafu.

28. Jekk ikun jidher li xi dejta relatata mal-PRS tkun ġiet imxerrda lil terzi mhux awtorizzati li jkunu jafuha, il-Kummissjoni għandha tiftaħ investigazzjoni, tinforma lill-Kunsill u l-Parlament bir-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħha u tadotta miżuri li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta' dan it-tixrid irregolari.

Artikolu 5

Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-iskema ta' sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b'applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diżwassivi.

Artikolu 6

Awtorità PRS responsabbli

29. Kull utent tal-PRS li jirrikorri għall-PRS għandu jaħtar entità, imsejħa Awtorità PRS responsabbli. Bosta utenti tal-PRS jistgħu jaħtru Awtorità PRS responsabbli komuni.

30. Il-missjoni ta' Awtorità PRS responsabbli maħtura minn Stat għandha tkun li ġġestixxi u tikkontrolla l-manifattura, iż-żamma u l-użu tar-riċevituri PRS mill-persuni fiżiċi li joqgħodu fit-territorju ta' dan l-Istat u mill-persuni ġuridiċi stabbiliti fit-territorju ta' dan l-Istat.

31. Il-missjoni ta' Awtorità PRS responsabbli maħtura mill-Kunsill, il-Kummissjoni, aġenzija tal-Unjoni jew organizzazzjoni internazzjonali għandha tkun li ġġestixxi u tikkontrolla ż-żamma u l-użu tar-riċevituri PRS mill-aġenti rispettivi ta' dawn l-istituzzjonijiet, aġenziji u organizzazzjonijiet.

32. Bħala operatur taċ-ċentru ta' sigurtà msemmi fl-inċiż ii) tal-punt a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 683/2008 (minn issa 'l quddiem "ċentru ta' sigurtà"), l-aġenzija tal-GNSS Ewropea tista' tiġi maħtura bħala Awtorità PRS responsabbli minn utent tal-PRS.

33. Id-detenturi u l-utenti tar-riċevituri PRS għandhom jinġabru f'kategoriji ta' utenti mill-Awtorità PRS responsabbli li jiddependu minnha. L-Awtorità PRS responsabbli għandha tistabbilixxi d-drittijiet ta' aċċess għall-PRS għal kull kategorija ta' utenti.

34. L-Awtoritajiet PRS responsabbli għandhom jikkonformaw ma' standards komuni minimi għall-ġestjoni u l-kontroll tad-detenturi, l-utenti u l-manifatturi tar-riċevituri PRS. Dawn l-istandards komuni minimi huma mniżżla fl-Anness. Il-Kummissjoni tista' permezz ta' atti delegati, b'mod konformi mal-Artikoli 12, 13 u 14, temenda dan l-Anness kollu jew parti minnu biex tqis l-iżvilupp tal-programm, b'mod partikolari fuq il-livell tekniku, u l-iżvilupp tal-ħtiġijiet fil-qasam tas-sigurtà.

35. Il-Kummissjoni għandha tiżgura, bl-għajnuna tal-Istati Membri u tal-aġenzija tal-GNSS Ewropea, ir-rispett tal-istandards komuni minimi mill-Awtoritajiet PRS responsabbli b'mod partikolari billi tagħmel verifiki jew ispezzjonijiet.

36. Meta Awtorità PRS responsabbli ma tikkonformax mal-istandards komuni minimi, il-Kummissjoni tista' titlob għall-użu, minn din l-Awtorità, tal-mezzi tekniċi tal-aġenzija tal-GNSS Ewropea.

Artikolu 7

Ir-rwol taċ-ċentru ta' sigurtà

Iċ-ċentru ta' sigurtà għandu jiżgura l-interfaċċja teknika bejn l-Awtoritajiet PRS Responsabbli, filwaqt li l-Kunsill jaġixxi skont l-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK, u ċ-ċentri ta' kontroll. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe avveniment li jista' jaffettwa l-funzjonament tajjeb tal-PRS.

Artikolu 8

Il-manifattura u s-sigurtà tar-riċevituri u tal-moduli ta' sigurtà

37. Kull Stat Membru li jirrikorri għall-PRS jista' jew jiżgura huwa stess, jew jafda lil impriżi stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru li juża l-PRS, il-manifattura tar-riċevituri PRS u tal-moduli ta' sigurtà assoċjati. Il-Kunsill jew il-Kummissjoni jistgħu jafdaw lil Stat Membru li jirrikorri għall-PRS jew lil impriżi stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru li juża l-PRS, il-manifattura tar-riċevituri PRS u tal-moduli ta' sigurtà assoċjati.

38. L-entitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, li huma responsabbli għall-manifattura tar-riċevituri PRS u tal-moduli ta' sigurtà assoċjati, jistgħu jipproduċu dan it-tagħmir biss wara li jkunu ġew awtorizzati kif xieraq għal dan mill-awtorità ta' approvazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita stabbilita fi ħdan l-aġenzija GNSS Ewropea. L-awtorizzazzjonijiet ta' produzzjoni tat-tagħmir għandhom żmien limitat u jistgħu jiġġeddu.

39. L-entitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, li huma responsabbli għall-manifattura tar-riċevituri PRS u tal-moduli ta' sigurtà assoċjati, għandhom jikkonformaw kemm mar-regoli stabbiliti mill-awtorità ta' approvazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita stabbilita fi ħdan l-aġenzija tal-GNSS Ewropea, li jinkorporaw b'mod partikolari l-prinċipju ta' evalwazzjoni doppja tal-moduli ta' sigurtà, kif ukoll mal-istandards komuni minimi msemmija fl-Artikolu 6(6) safejn dawn jirrigwardaw l-attività tagħhom.

40. Fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, l-Awtoritajiet PRS responsabbli għandhom jiżguraw li r-regoli u l-istandards imsemmijin fil-paragrafu 3 jiġu rispettati.

41. L-awtorità ta' approvazzjoni tas-sigurtà tas-sistemi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita tista' fi kwalunkwe mument tirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lil entità msemmija fl-ewwel paragrafu biex timmanifattura riċevituri PRS u moduli ta' sigurtà assoċjati jekk jidher li l-miżuri previsti fil-paragrafu 3 ma jkunux ġew sodisfati.

Artikolu 9

Kontroll tal-esportazzjonijiet

L-esportazzjonijiet ta' tagħmir jew ta' teknoloġiji relatati mal-użu tal-PRS 'il barra mill-Unjoni, irrispettivament jekk dan it-tagħmir jew teknoloġiji jkunu mniżżla jew le fil-lista fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2008 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju[10], għandhom ikunu awtorizzati biss fil-qafas tal-Ftehimiet imsemmijin fl-Artikolu 2(7) jew skont l-arranġamenti ta' stabbiliment u funzjonament tal-postijiet ta' referenza msemmija fl-Artikolu 10.

Artikolu 10

Postijiet ta' referenza li fihom xi-tagħmir tal-PRS

Stat terz li fit-territorju tiegħu jkun hemm stabbilit post ta' referenza li fih xi tagħmir tal-PRS u li jaqa' taħt is-sistema stabbilita mill-programm Galileo m'għandux jitqies, fuq il-bażi ta' dan il-fatt biss, bħala utent tal-PRS. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi ma' dan l-Istat terz l-arranġamenti ta' stabbiliment u ta' funzjonament tal-post ta' referenza li fih xi tagħmir tal-PRS.

Artikolu 11

Applikazzojni tal-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK

Fil-każijiet kollha li l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni tista' tagħmel ħsara lis-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, il-proċeduri previsti mill-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK għandhom japplikaw.

Artikolu 12

L-eżerċitar tad-delega

42. Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati msemmijin fl-Artikoli 4, u 6 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat.

43. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

44. Is-setgħa għall-addozzjoni ta' atti delegati konferita lill-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14.

Artikolu 13

Ir-revoka tad-delega

45. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

46. L-istituzzjoni li tibda proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk għandhiex il-ħsieb tirrevoka d-delega ta’ setgħa għandha tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni, f'perjodu ta' żmien raġonevoli qabel ma tittieħed deċiżjoni finali, billi tindika s-setgħat delegati li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ revoka, kif ukoll ir-raġunijiet possibbli għal din ir-revoka.

47. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data ulterjuri stipulata minnha. Din m'għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ. Hija għandha tiġi pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Oġġezzjonijiet għall-atti delegati

48. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għall-att delegat f’perjodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika. B'inizjattiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahar.

49. Jekk, meta jiskadi dan il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data mniżżla hemmhekk. L-att delegat jista' jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jista' jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta' dan il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

50. Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att delegat, dan m'għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li tesprimi oġġezzjonijiet għall-att delegat għandha tispjega r-raġunijiet għall-oġġezzjoni.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu 16

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

Anness

Standards komuni minimi li għalihom għandhom jikkonformaw l-Awtoritajiet PRS responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tad-detenturi, l-utenti u l-manifatturi tar-riċevituri PRS.

51. Kull awtorità PRS responsabbli għandu jkollha struttura operattiva, msejħa punt ta' kuntatt pjattaforma (POCP), konnessa l-ħin kollu maċ-ċentru ta' sigurtà.

52. Kull awtorità PRS responsabbli għandha twettaq, fil-qasam tal-kompetenza tagħha, il-kompiti li ġejjin:

53. Il-ġestjoni tal-utenti tal-PRS billi tkopri b'mod partikolari l-aspetti tekniċi u operattivi kollha, b'mod partikolari l-kontabbiltà tal-moduli ta' sigurtà tar-riċevituri PRS;

54. Il-ġestjoni tal-kowds kriptografiċi, b'mod partikolari l-ordni u l-kunsinna tagħhom;

55. Is-sorveljanza u l-ġestjoni tal-interfaċċji elettromanjetiċi li jaffettwaw is-servizz tal-PRS;

56. Il-ġestjoni ta' kull avveniment li jaffettwa s-sigurtà tal-PRS;

57. L-iskambji vokali u ta' dejta kodifikata, b'mod partikolari mal-utenti u ċ-ċentru ta' sigurtà;

58. Il-ġestjoni tal-interfaċċji mal-utenti tal-PRS.

59. Kull awtorità PRS responsabbli għandha tfassal preskrizzjonijiet operattivi dettaljati li jippermettu l-applikazzjoni tajba ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-kategoriji ta' utenti differenti tagħha.

60. Kull awtorità PRS responsabbli għandu jkollha mezzi għad-dispożizzjoni tagħha li jippermettuha tiskopri, issib, tnaqqas jew tinnewtralizza kwalunkwe interferenza elettromanjetika, b'mod partikolari ta' interferenza statika jew immaskjar, li jitqies bħala theddida għas-sistema jew għas-servizzi tagħha.

61. Kull awtorità PRS responsabbli għandha żżomm iċ-ċentru ta' sigurtà informat il-ħin kollu bil-kategoriji ta' utenti li jaqaw taħt il-kompetenza tagħha kif ukoll bil-moduli ta' sigurtà assoċjati ma' kull kategorija.

62. Billi l-għarfien ta' inċident mhux volontarju li jaffettwa s-sigurtà tal-PRS, bħal pereżempju s-serq jew it-telf ta' riċevitur huwa essenzjali, kull awtorità PRS responsabbli għandha timplimenta l-mezzi li jippermettu li jiġi skopert u korreġut tali inċident u li jiġi rrappurtat liċ-ċentru ta' sigurtà.

63. L-awtoritajiet PRS responsabbli għandhom jipproċedu għall-evalwazzjoni tar-riskji marbuta mat-twettiq tal-missjoni tagħhom u għandhom jieħdu l-miżuri korrettivi u preventivi korrispondenti.

64. Għall-manifattura tar-riċevituri PRS jew tal-moduli ta' sigurtà, l-awtoritajiet PRS responsabbli għandhom jirreferu għall-arranġamenti tekniċi u għall-proċeduri msemmija fid-dokumenti li ġejjin:

65. eżiġenzi ta' sigurtà tar-riċevitur PRS (SSRS-PRS);

66. eżiġenzi ta' sigurtà ta' interkonnessjoni tar-riċevituri PRS (SSIRS-PRS);

67. kunċett ta' operazzjonijiet tar-riċevituri PRS (Conops-PRS);

68. proċeduri operattivi ta' użu tar-riċevituri sikuri PRS (Secops-PRS);

69. profil ta' protezzjoni tal-modulu ta' sigurtà PRS (PP-PRS-SM).

70. Awtorità PRS responsabbli tista' tbiddel is-software jew iċ-ċirkuwiti elettroniċi ta' modulu ta' sigurtà biss wara li tkun ħadet l-awtorizzazzjoni minn qabel miċ-ċentru ta' sigurtà.[pic][pic][pic]

[1] ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1. Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo).

[2] ĠU L 246, 20.7.2004, p. 30. L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/552/PESK tat-12 ta' Lulju 2004 dwar aspetti tal-operazzjoni tas-sistema Ewropea tar-radjunavigazzjoni bis-satellita li jaffetwaw s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea

[3] ĠU L 138, 21.5.2002, p 1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 tal-21 ta' Mejju 2002 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Galileo

[4] ĠU L 101, 21.4.2009, p. 22. Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2009 li twaqqaf grupp ta’ esperti dwar is-sigurtà tas-sistemi GNSS Ewropej

[5] ĠU C , , p. .

[6] ĠU C , , p. .

[7] ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

[8] ĠU L 246, 20.7.2004, p. 30.

[9] ĠU L xxx, aa.bb.2010, p. tt.

[10] ĠU L 134, 29.05.2009, p. 1.