Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill ta’ […] Dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea , l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja dwar il-Mekaniżmu Finanżjarju taż-ŻEE għall-2009-2014, Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja fuq il-Mekkaniżu Finanzjarju Norveġiż għall-2009-2014, Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Islanda li jikkonċerna dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-importazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea ta' ċertu ħut u prodotti tal-sajd bejn l-2009 u l-2014 u Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u n-Norveġja li jikkonċerna dispożizzjonijiet aplikabbli għall-importazzjoni lejn lejn l-Unjoni Ewropea ta' ċertu ħut u prodotti tal-sajd bejn l-2009 u l-2014 /* KUMM/2010/0234 finali - NLE 2010/0129 */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 17.5.2010 KUMM(2010)234 finali 2010/0129 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL ta’ […] Dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea , l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja dwar il-Mekaniżmu Finanżjarju taż-ŻEE għall-2009-2014, Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja fuq il-Mekkaniżu Finanzjarju Norveġiż għall-2009-2014, Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Islanda li jikkonċerna dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-importazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea ta' ċertu ħut u prodotti tal-sajd bejn l-2009 u l-2014 u Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u n-Norveġja li jikkonċerna dispożizzjonijiet aplikabbli għall-importazzjoni lejn lejn l-Unjoni Ewropea ta' ċertu ħut u prodotti tal-sajd bejn l-2009 u l-2014 MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iz-ŻEE) fl-1994, l-Istati tal-EFTA taż-ŻEE (issa l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) ikkontribwew biex itaffu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-ŻEE. Dawn il-kontribuzzjonijiet dejjem kienu maqbula għall-perjodi ta' ħames snin. L-iktar perjodu ta' ħames snin ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji riċenti, li jkopri bejn l-2004 u l-2009, skada fit-30 ta' April 2009. Matul dak il-perjodu, il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE kienet ta' EUR 1.467 biljun, parzjalment allokati permezz ta' mekkaniżmu finanzjarju multilaterali taż-ŻEE marbut mal-Ftehim taż-ŻEE, iffinanzjat mit-tliet Stati tal-EFTA taż-ŻEE, u parzjalment permezz ta' mekkaniżmu finanzjarju bilaterali Norverġiż, iffinanzjat esklussivament min-Norveġja. Il-Kontribuzzjonijet finanzjarji tal-2004-2009 kienu nnegozjati fil-kuntest tal-Ftehimiet tat-Tkabbir taż-ŻEE tal-2004 u l-2007. F'dak il-kuntest, żewġ ftehimiet bilaterali/protokolli mal-Islanda u man-Norveġja li jagħtu ċertu konċessjonijiet fir-rigward ta' aċċess għas-suq għall-ħut u prodotti tas-sajd kienu wkoll innegozjati għall- istess perjodu 2004-2009, bi klawsola ta' reviżjoni, li jistipula skadenza li tikkonċidi mal-iskadenza tal-mekkaniżmu finanzjarju tal-2004-2009. Negozjati formali mal-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014 infetħu fis-26 ta' Settembru 2008. B'mod parallel ma' dawk in-negozjati, iżda indipendentament minnhom, konsultazzjonijiet u ssussegwentament negozjati tnedew ukoll abbażi tal-klawsola ta' reviżjoni taż-żewg protokolli bilaterali dwar il-ħut mal-Islanda u man-Norveġja. In-negozjati ġew konklużi fuq livell tan-negozjaturi bl-inizjalazzjoni ta' sett ta' minuti maqbula fit-18 ta' Diċembru 2009. Ir-riżultati tan-negozjati varji huma: - Ftehim bejn l-UE, l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014 - Ftehim bejn l-UE u n-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014 - Protokoll addizzjonali li jikkonċerna ċertu konċessjonijiet tas-sajd għall-Islanda għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014 - Protokoll addizzjonali li jikkonċerna ċertu konċessjonijiet tas-sajd għan-Norveġja għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014 Sa fejn għandhom x'jaqsmu l-mekkaniżmi finanzjarji taż-ŻEE u tan-Norveġja, ir-riżultat huwa pakkett totali ta' EUR 1.8 biljun għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014, magħmul minn żieda ta' 31 fil-mija fil-mekkaniżmu finanzjarju taż-ŻEE u żieda ta' 22 fil-mija fil-mekkaniżmu finanzjarju tan-Norveġja, mqabbla mal-perjodu bejn l-2004 u l-2009. Dan ir-riżultat jirrifletti d-direttivi maqbula mill-Kunsill, li talab "żieda sostanzjali" fil-fondi. Minħabba fil-kriżi finanzjarja tagħha, kien mifthiem li l-kontribuzzjoni tal-Islanda għall-mekkaniżmu finanzjarju taż-ŻEE ma għandux jiżdied f'termini assoluti. Bħala element tal-pakkett finali, il-Kummissjoni kienet qablet li, fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-ftehim tal-mekkaniżmu finanzjarju taż-ŻEE il-ġdid, tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja: "Il-Protokoll ġdid 38b kien stabbilit bħala kontribuzzjoni mill-Istati tal-EFTA taż-ŻEE għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea, u huwa mingħajr ħsara għal negozjati oħra, inkluż negozjati ta' koeżjoni tal-UE" . L-isfond għal din id-deċiżjoni hu li waqt li l-punt ta' tluq għad-distribuzzjoni tal-fondi fil-mekkaniżmu finanzjarju taż-ŻEE kien l-hekk imsejjaħ "ċavetta għall-koeżjoni", u sabiex jinstab kompromess vijabbli, kellhom isiru ċertu aġġustamenti tranżizzjonali, li rriżultaw fid-distribuzzjoni finali tal-fondi taż-ŻEE. Barra minn hekk, dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni kienu miftiehma. L-element ewlieni hu li l-fondi ser jintnefqu billi jintuża l-istess metodu ta' "programm" kif użat fil-fondi strutturali tal-UE. Fost l-oqsma ta' prijorità għall-finanzjament hemm il-ġlieda kontra l-bidla klimatika u l-protenzjoni ambjentali, il-promozzjoni ta' teknoloġiji ekoloġiċi u l-appoġġ għall-iżvilupp soċjali u s-soċjetà ċivili. Ir-riżultat tan-negozjati dwar iż-żewġ protokolli dwar is-sajd bejn l-UE u l-Islanda u n-Norveġja, rispettivament, għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014 kien essenzjalment tiġdid tal-protokolli tal-2004-2009 preċedenti bil-konċessjonijiet mhux mibdula għall-Islanda u żieda relattivament modesta fil-konċessjonijiet għan-Norveġja, li abbażi tagħhom in-Norveġja ser iġġedded l-arranġament għat-tranżitu tal-ħut, li kien skada wkoll fit-30 ta' April 2009. Minħabba li n-negozjati sfortunatament sofrew minn dewmien u ma kienux tlestew sat-18 ta' Diċembru 2009, għall-funzjonament tajjeb taż-ŻEE kien meħtieġ li jkun żgurat li l-ftehimiet hawn fuq imsemmija kienu jistgħu jidħlu fis-seħħ fuq bażi proviżorja, sakemm issir il-konklużjoni finali tagħhom. Kif isir komunament meta ikunu modifikati elementi speċifiċi ta' ftehimiet internazzjonali eżistenti, l-artikoli relevanti tat-TFUE huma wżati bħala l-bażi legali għall-abbozz tad-deċiżjonijiet, prinċipalment l-Artikolu 175, it-tielet subparagrafu għall-ftehimiet fuq il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-Artikolu 207 għall-protokolli emendati dwar is-sajd. Huwa propost li l-Kunsill jadotta l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill mehmuża dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Islanda, il-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-2009-2014, Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja fuq il-Mekkaniżu Finanzjarju Norveġiż għall-2009-2014, Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Islanda li jikkonċerna dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-importazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea ta' ċertu ħut u prodotti tas-sajd bejn l-2009 u l-2014 u Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja li jikkonċerna dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-importazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea ta' ċertu ħut u prodotti tas-sajd bejn l-2009 u l-2014 2010/0129 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL ta’ […] Dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea , l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja dwar il-Mekaniżmu Finanżjarju taż-ŻEE għall-2009-2014, Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja fuq il-Mekkaniżu Finanzjarju Norveġiż għall-2009-2014, Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Islanda li jikkonċerna dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-importazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea ta' ċertu ħut u prodotti tal-sajd bejn l-2009 u l-2014 u Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u n-Norveġja li jikkonċerna dispożizzjonijiet aplikabbli għall-importazzjoni lejn lejn l-Unjoni Ewropea ta' ċertu ħut u prodotti tal-sajd bejn l-2009 u l-2014 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 175, it-tielet paragrafu, u 207, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni[1], Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[2], Billi: 1. Il-ftehimiet li ġejjin kienu ffirmati f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-[….. 2010] soġġett għall-konklużjoni possibbli tagħhom f'data iktar 'il quddiem, skont id-Deċiżjoni …/…./UE tal-Kunsill ta' […….2010][3] 2. Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE bejn l-2009 u l-2014; 3. il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014, 4. Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda. 5. Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja. 6. Il-Ftehim għandu jiġi approvat, ADDOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Dawn il-ftehimiet li ġejjin huma b'dan approvati f’isem l-Unjoni Ewropea: - Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE bejn l-2009 u l-2014; - il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014, - Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda. - Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja. 2. It-testi tal-ftehimiet huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar il-persuna bis-setgħa li tiddepożita f'isem l-Unjoni Ewropea l-att ta' approvazzjoni li jipprovdi għalih kull wieħed mill-ftehimiet, sabiex ikun mistqarr il-kunsens tal-Unjoni li tintrabat. Magħmul fi Brussell, […2010] Għall-Kunsill Il-President ANNESSI FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA, L-ISLANDA, IL-PRINċIPAT TAL-LIECHTENSTEIN U R-RENJU TAN-NORVEġJA DWAR IL-MEKKANIżMU FINANZJARJU TAż-ŻEE BEJN L-2009 U L-2014; L-UNJONI EWROPEA l-Islanda, IL-PRINċIPAT TAL-LIECHTENSTEIN, Ir-Renju tan-Norveġja, billi l-Partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il-Ftehim taż-ŻEE') ftiehmu fuq il-ħtieġa biex inaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni tagħhom bil-għan li jippromwovu tisħiħ kontinwu u bilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejniethom; Billi, sabiex jikkontribwixxu għal dak l-objettiv, l-Istati tal-EFTA stabilixxew Mekkaniżmu Finanzjarju fil-kuntest taż-Żona Ekonomika Ewropea; Billi d-dispożizzjonijiet li jiggvernaw il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu bejn l-2004 u l-2009 kienu stipulati fil-protokoll 38a u l-Addendum għall-Protokoll 38a għall-Ftehim taż-ŻEE; Billi l-bżonn biex jittaffew id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea jippersistu, u għalhekk għandu jkun stabbilit mekkaniżmu ġdid għall-Kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati tal-EFTA taż-ŻEE għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014, Iddeċidew li jikkonkludu l-Ftehim li ġej: Artikolu 1 It-test tal-Protokoll 117 tal-Ftehim taż-ŻEE għandu jinbidel b'dan li ġej: 'Dispożizzjonijiet li jiggvernaw il-Mekkaniżmi Finanzjarji huma stipulati fil-Protokoll 38, il-Protokoll 38a u l-Addendum għall-Protokoll 38, u l-Protokoll 38b.' Artikolu 2 Protokoll ġdid 38b ser jiddaħħal wara l-Protokoll 38a għall-Ftehim taż-ŻEE. L-anness ta' dan il-ftehim jaħseb għat-test tal-Protokoll 38b. Artikolu 3 Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet bi qbil mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta’ ratifika jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li jkun depożitat l-aħħar strumenti ta' ratifika jew ta' approvazzjoni. Artikolu 4 Dan il-Ftehim, imħejji f’kopja oriġinali waħda bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finnlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Taljan, Latvjan, Litwan, Ungeriż, Malti, Norveġiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż, Islandiż u Norveġiż, bit-test f’kull wieħed minn dawn l-ilsna jkun ugwalment awtentiku, għandu jiġi ddepożitat mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li ser jibgħat kopja ċċertifikata lil kull wieħed mill-Partijiet ta’ dan il-Ftehim. Magħmul fi Brussell, [ ...] Għall-Unjoni Ewropea Għall-Islanda Għall-Prinċipat tal-Liechtenstein Għar-Renju tan-Norveġja ANNESS PROTOKOLL 38 B Dwar il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE (2009-2014) Artikolu 1 L-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Istati tal-EFTA) għandhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea u għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħhom mal-Istati Benefiċjarji, permezz ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji fis-setturi ta' prijorità mniżżla fl-Artikolu 3. Artikolu 2 L-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja maħsub għaliha fl-Artikolu 1 għandha tkun EUR988.5 miljun, li għandha ssir disponibbli għall-impenn f'partijiet annwali ta' EUR197.7 miljuni matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2009 sat-30 ta' April 2014, inklużi. Artikolu 3 1. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu disponibbli fis-setturi ta' prijorità li ġejjin: (a) Il-ħarsien u l-ġestjoni tal-ambjent; (b) Il-bidla klimatika u l-enerġija rinnovabbli, (c) Is-soċjetà ċivili; (d) L-iżvilupp uman u soċjali (e) Il-protezzjoni tal-wirt kulturali 2. Riċerka akkademika tista' tkun eliġibbli għall-fondi sakemm tkun immirata lejn wieħed mis-setturi ta' prijorità jew aktar. 3. Il-mira tal-allokazzjon indikattiva għal kull Stat Benefiċjarju hi ta' almenu 30 fil-mija għas-setturi ta' prijorità (a) u (b) flimkien, u 10 fil-mija għas-settur ta' prijorità (c). Is-setturi ta' prijorità, skont il-proċedura msemmija fit-2 paragrafu tal-Artikolu 8, ser jintgħażlu, jkunu kkonċentrati u adottati b'mod flessibbli, skont il-ħtiġijiet differenti f'kull Stat Benefiċjarju, fil-kunsiderazzjoni tad-daqs u l-ammont tal-kontribuzzjoni. Artikolu 4 1. Il-Kontribuzzjoni tal-EFTA mhux ser taqbeż il-85 fil-mija tal-ispiża tal-programm. Tista' f'każijiet speċjali tkun sa' 100 fil-mija tal-ispiża tal-programm. 2. Ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat ser ikunu rrispettati. 3. Il-Kummissjoni Ewropea ser tosserva il-programmi kollha u kwalunkwe tibdil sostanzjali għall-kompatibbilità mal-objettivi tal-Unjoni Ewropea. 4. Ir-responsabbiltà tal-Istati tal-EFTA għall-proġetti hija limitata li tipprovdi l-fondi skont il-pjan maqbul. Ma hi ser tkun assunta l-ebda responsabbiltà lejn partijiet terzi. Artikolu 5 Il-fondi ser isiru disponibbli lill-Istati Benfiċjarji li ġejjin: Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Romanija, is-Slovenja u s-Slovakkja. EUR 45.85 miljun għandhom ikunu allokati lil Spanja għall-appoġġ trażitorju mill-1 ta' Mejju 2009 sal-31 ta' Diċembru 2013. Waqt li jkunu kkunsidrati l-aġġustamenti tranżitorji, il-fondi li jibqa' għandhom isiru disponibbli skont id-distribuzzjoni li ġejja: Fondi (miljuni EUR) | Il-Bulgarija | 78.60 | Ir-Repubblika Ċeka l | 61.40 | L-Estonja | 23.00 | Il-Greċja | 63.40 | Ċipru | 3.85 | Il-Latvja | 34.55 | Il-Litwanja | 38.40 | L-Ungerija | 70.10 | Malta | 2.90 | Il-Polonja | 266.90 | Il-Portugall | 57.95 | Ir-Rumanija | 190.75 | Is-Slovenja | 12.50 | Is-Slovakkja | 38.35 | Artikolu 6 Bil-ħsieb li jkunu riallokati fondi disponibbli liberi għall-proġetti ta' prijorità għolja minn kwalunkwe Stat Benefiċjarju, ser issir reviżjoni f'Novembru 2011 u oħra f'Novembru 2013. Artikolu 7 1. Il-kontribuzzjoni finanzjarja li hemm provvediment għaliha f'dan il-protokoll għandha tkun ikkordinata mill-qrib flimkien mal-kontribuzzjoni bilaterali min-Norveġja li hemm provvediment għaliha fil-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż. 2. B'mod partikolari, l-Istati tal-EFTA għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta' applikazzjoni u l-modalitajiet ta' implimentazzjoni jkunu essenzjalment l-istess għaż-żewġ mekkaniżmi finanzjarji msemmija fil-paragrafu preċedenti. 3. Kwalunkwe bidliet relevanti fil-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu kkunsidrati, kif xieraq. Artikolu 8 Dan li ġej għandu japplika għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzarju taż-ŻEE: 1. L-ogħla grad ta' trasparenza, responsabbilità u kosteffiċjenza għandha tkun applikata fil-fażijiet kollha ta' implimentazzjoni, flimkien mal-prinċipji ta' governanza tajba, żvilupp sostenibbli u ugwaljanza bejn is-sessi. L-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għandhom ikunu segwiti fil-qafas tal-koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Benefiċjarji u l-Istati tal-EFTA. 2. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effiċjenti u mmirata, u fil-kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali, l-Istati tal-EFTA għandhom jikkonkludu Memorandum ta' Qbil li għandu jistipula qafas ta' programmar multiannwali u l-istrutturi ta' ġestjoni u kontroll. 3. Wara li jkunu kkonkludew il-Memorandum ta' Qbil, l-Istati Benefiċjarji għandhom jissottomettu proposti għall-programm. L-Istati tal-EFTA ser jivvalutaw u japprovaw il-proposti u jikkonkludu ftehimiet ta' għotja mal-Istati Benefiċjarji għal kull programm. Il-livell tad-dettal fil-programm għandu jikkunsidra d-daqs tal-kontribuzzjoni. Fi ħdan il-programmi, f'każijiet eċċezzjonali proġetti jistgħu jkunu speċifikati, inkluż il-kundizzjonijiet għall-għażla, l-approvazzjoni u l-kontroll tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni msemmija f'paragrafu 8. L-implimentazzjoni ta' programmi miftiehma għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Benefiċjarji. L-Istati Benefiċjarji għandhom jipprovdu għal sistema xierqa ta' ġestjoni u kontroll sabiex jiżguraw sistema b'saħħitha ta' implimentazzjoni u ġestjoni. 4. Fejn xieraq, għandha tkun applikata sħubija fil-preparazzjoni, implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja sabiex tkun żgurata parteċipazzjoni wiesgħa. Is-sieħba jistgħu ikunu, inter alia , fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll fis-settur privat, fis-soċjetà ċivili u sieħba soċjali fl-Istati Benefiċjarji u fl-Istati tal-EFTA. 5. Is-sistema ta' kontroll ipprovduta għall-ġestjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għandha tiżgura ir-rispett tal-prinċipju ta' tmexxija finanzjarja tajba. L-Istati tal-EFTA jistgħu jagħmlu kontrolli skont ir-rekwiżiti interni tagħhom. L-Istati Benefiċjarji għandhom jipprovdu l-assistenza, l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni neċessarja kollha għal dan il-għan. L-Istati tal-EFTA jistgħu jissospendu finanzjament u jirrikjedu l-irkupru ta' fondi f'każ ta' irregolaritajiet. 6. Kwalunkwe proġett taħt il-qafas tal-ipprogrammar multiannwali fl-Istati Benefiċjarji jista' jkun implimentat b'kooperazzjoni bejn entitajiet ibbażati fl-Istati benefiċjarji u fl-Istati tal-EFTA, skont ir-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku. 7. L-ispejjeż tal-ġestjoni tal-Istati tal-EFTA għandhom ikunu koperti mill-ammont ġenerali li sar referenza għalihom fl-Artikolu 2 u ser ikunu speċifikati fid-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni li saret referenza għalihom fil-paragrafu 8. 8. L-Istati tal-EFTA għandhom jistabbilixxu Kumitat għall-ġestjoni ġenerali tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE. Iktar dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE ser jinħarġu mill-Istati tal-EFTA wara konsultazzjoni mal-Istati Benefiċjarji. L-Istati tal-EFTA ser ifittxu li joħorġu dawn id-dispożizzjonijiet qabel l-iffirmar tal-Memoranda ta' Qbil. Artikolu 9 Fl-aħħar tal-perjodu ta' ħames snin u mingħajr ħsara għad-drittijiet u l-obbligi skont il-Ftehim, il-Partijiet Kontraenti fid-dawl tal-Artikolu 115 tal-Ftehim ser jirrevedu l-bżonn li jindirizzaw id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea FTEHIM il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu taż-żmien bejn is-sena 2009 u s-sena 2014, Artikolu 1 Ir-Renju tan-Norveġja jintrabat li jikkontribwixxi għall-perjodu ta' ħames snin għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea u għat-tisħiħ tar-relazzjonjiet tiegħu mal-Istati Benefiċjarji, separatament permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż fis-setturi ta' prijorità mniżżla fl-Artikolu 3. Artikolu 2 L-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja maħsub għaliha fl-Artikolu 1 għandha tkun EUR800 miljun, li għandha ssir disponibbli għall-impenn f'partijiet annwali ta' EUR160 miljun matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2009 sat-30 ta' April 2014, inklużi. Artikolu 3 Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu disponibbli fis-setturi ta' prijorità li ġejjin: (a) Il-Ġbir u l-Ħażna tal-Karbonju; (b) L-Innovazzjoni fl-Industrija Ekoloġika; (c) Ir-Riċerka u Boroż ta' studju; (d) L-Iżvilupp Uman u Soċjali (e) Il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (f) Il-Promozzjoni ta' Xogħol Diċenti u Djalogu Tripartitiku L-allokazzjoni mmirata għas-settur ta' prijorità (a) għandha tkun ta' almenu 20 fil-mija. Ser tittieħed konsiderazzjoni kif xieraq tal-bżonnijiet differenti u tad-daqs ta' kull Stat Benefiċjarju. Wieħed fil-mija tal-allokazzjoni għal kull Stat Benefiċjarju għandha titwarrab għal fond għall-Promozzjoni ta' Xogħol Diċenti u Djalogu Tripartitiku, li għandu jkun operat minn entità magħżula mir-Renju tan-Norveġja, u skont il-kriterji ta' distribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 5. Artikolu 4 Il-Kontribuzzjoni tal-EFTA mhux ser taqbeż il-85 fil-mija tal-ispiża tal-programm. Tista' f'każijiet speċjali tkun sa' 100 fil-mija tal-ispiża tal-programm. Ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat ser ikunu rrispettati. Il-Kummissjoni Ewropea ser tosserva l-programmi kollha u kwalunkwe tibdil sostanzjali fi programm għall-kompatibbiltà mal-objettivi tal-Unjoni Ewropea. Ir-responsabbiltà tar-Renju tan-Norveġja għall-proġetti hija limitata li jipprovdi l-fondi skont il-pjan maqbul. Ma hi ser tkun assunta l-ebda responsabbiltà lejn partijiet terzi. Artikolu 5 Il-fondi ser isiru disponibbli lill-Istati Benefiċjarji, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja skont id-distribuzzjoni li ġejja: Stat Benefiċjarju | Fondi (miljuni EUR) | Il-Bulgarija | 48.00 | Ċipru | 4.00 | Ir-Repubblika Ċeka l | 70.40 | L-Estonja | 25.60 | Il-Latvja | 38.40 | Il-Litwanja | 45.60 | L-Ungerija | 83.20 | Malta | 1.60 | Il-Polonja | 311.20 | Ir-Rumanija | 115.20 | Is-Slovenja | 14.40 | Is-Slovakkja | 42.40 | Artikolu 6 Bil-ħsieb li jkunu riallokati fondi mhux impenjati disponibbli għall-proġetti ta' prijorità għolja minn kwalunkwe Stat Benefiċjarju, ser issir reviżjoni f'Novembru 2011 u oħra f'Novembru tal-2013. Artikolu 7 Il-kontribuzzjoni finanzjarja li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 1 għandha tkun ikkoordinata mill-qrib flimkien mal-kontribuzzjoni mill-Istati tal-EFTA li hemm provvediment għaliha fil-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE. B'mod partikolari, ir-Renju tan-Norveġja għandu jiżgura li l-proċeduri ta' applikazzjoni u l-modalitajiet ta' implimentazzjoni jkunu essenzjalment l-istess għaż-żewġ mekkaniżmi finanzjarji msemmija fil-paragrafu preċedenti. Kwalunkwe bidliet relevanti fil-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu kkunsidrati, kif xieraq. Artikolu 8 Dan li ġej għandu japplika għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzarju tan-Norveġja: 1. L-ogħla grad ta' trasparenza, responsabbiltà u kosteffiċjenza għandha tkun applikata fil-fażijiet kollha ta' implimentazzjoni, flimkien mal-objettivi u mal-prinċipji ta' governanza tajba, żvilupp sostenibbli u ugwaljanza bejn is-sessi. L-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja għandhom ikunu segwiti fil-qafas tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Benefiċjarji u r-Renju tan-Norveġja. 2. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effiċjenti u mmirata, u fil-kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet nazzjonali, ir-Renju tan-Norveġja għandu jikkonkludi Memorandum ta' Qbil li għandu jistipula qafas ta' programmar multiannwali u l-istrutturi ta' ġestjoni u kontroll. 3. Wara li jkunu kkonkludew il-Memorandum ta' Qbil, l-Istati Benefiċjarji għandhom jissottomettu l-proposti tal-programm. Ir-Renju tan-Norveġja ser jivvaluta u japprova l-proposti u jikkonkludi ftehimiet ta' għotja mal-Istati Benefiċjarji għall-kull programm. Il-livell tad-dettal fil-programm għandu jikkunsidra d-daqs tal-kontribuzzjoni. Fi ħdan il-programmi, f'każijiet eċċezzjonali proġetti jistgħu jkunu speċifikati, inkluż il-kundizzjonijiet għall-għażla, l-approvazzjoni u l-kontroll tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni msemmija f'paragrafu 8. L-implimentazzjoni ta' programmi miftiehma għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Benefiċjarji. L-Istati Benefiċjarji għandhom jipprovdu għal sistema xierqa ta' ġestjoni u kontroll sabiex jiżguraw sistema b'saħħitha ta' implimentazzjoni u ġestjoni. L-Istat Benfiċjarju u r-Renju tan-Norveġja jista' jaqbel, f'ċirkustanzi speċifiċi, li l-programmi jkunu operati minn entità maħtura minnhom. 4. Fejn xieraq, għandha tkun applikata sħubija fil-preparazzjoni, implimentazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji sabiex tkun żgurata parteċipazzjoni wiesgħa. Is-sieħba jistgħu jinkludu, inter alia , sieħba mil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll mis-settur privat, mis-soċjetà ċivili u sħab soċjali fl-Istati Benefiċjarji u fir-Renju tan-Norveġja. 5. Is-sistema ta' kontroll ipprovduta għall-ġestjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja għandha tiżgura r-rispett tal-prinċipju ta' tmexxija finanzjarja tajba. Ir-Renju tan-Norveġja jista' jagħmel kontrolli skont ir-rekwiżiti interni. L-Istati Benefiċjarji għandhom jipprovdu l-assistenza, l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni neċessarja kollha għal dan il-għan. Ir-Renju tan-Norveġja jista' jissospendi finanzjament u jirrikjedu l-irkupru ta' fondi f'każ ta' irregolaritajiet. 6. Kwalunkwe proġett taħt il-qafas tal-ipprogrammar multiannwali fl-Istati Benefiċjarji jista' jkun implimentat b'kooperazzjoni bejn entitajiet ibbażati fl-Istati benefiċjarji u fir-Renju tan-Norveġja, skont ir-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku. 7. L-ispejjeż tal-ġestjoni tar-Renju tan-Norveġja għandhom ikunu koperti mill-ammont ġenerali li sar referenza għalih fl-Artikolu 2 u ser ikunu speċifikati fid-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni li saret referenza għalihom fil-paragrafu 8. 8. Ir-Renju tan-Norveġja, jew entità maħtura minnu, għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni ġenerali tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja. Iktar dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja ser jinħarġu mir-Renju tan-Norveġja wara konsultazzjoni mal-Istati Benefiċjarji. Ir-Renju tan-Norveġja ser ifittex li joħroġ dawn id-dispożizzjonijiet qabel l-iffirmar tal-Memoranda ta' Qbil. Artikolu 9 Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet bi qbil mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta’ ratifika jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li jkun depożitat l-aħħar strumenti ta' ratifika jew ta' approvazzjoni. Artikolu 10 Dan il-Ftehim, imħejji f’kopja oriġinali waħda bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finnlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Taljan, Latvjan, Litwan, Ungeriż, Malti, Norveġiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż u Norveġiż, bit-test f’kull wieħed minn dawn l-ilsna jkun ugwalment awtentiku, għandu jiġi ddepożitat mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li ser jibgħat kopja ċċertifikata lil kull wieħed mill-Partijiet ta’ dan il-Ftehim. Magħmul fi Brussell, [ ...] Għall-Unjoni Ewropea Għar-Renju tan-Norveġja PROTOKOLL ADDIZZJONALI GĦALL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-ISLANDA L-UNJONI EWROPEA u L-ISLANDA WARA LI QIESU l-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda ffirmat fit-22 ta’ Lulju 1972, u l-arranġamenti eżistenti għal kummerċ fil-ħut u fil-prodotti tas-sajd bejn l-Islanda u l-Komunità, WARA LI QIESU l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Islanda, mill-oħra, fid-dawl tal-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka WARA LI QIESU l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Islanda wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, u partikolari l-Artikolu 2 tiegħu; IDDEĊIDEW LI JIFFINALIZZAW DAN IL-PROTOKOLL: Artikolu 1 Id-dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għal importazzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti ħut u prodotti tas-sajd li joriġinaw fl-Islanda huma stabbiliti f’dan il-Protokoll u fl-Anness tiegħu. Il-kwoti tariffarji annwali bla dazju hemm provdut dwarhom fl-Anness għal dan il-Protokoll. Il-Programm għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta’ April 2014. Il-livelli ta’ kwota għandhom ikunu riveduti sal-aħħar ta’ dak il-perjodu waqt li jitqiesu l-interessi rilevanti kollha. Artikolu 2 Il-volum tal-kwoti tariffarji bla dazju għall-ewwel perjodu ta' 12-il xahar bejn l-1 ta' Mejju 2009 u t-30 ta' April 2010 ser ikun allokat bejn l-1 ta' Mejju 2010 u t-30 ta' April 2011. Jekk il-volumi tal-kwoti tariffarji bla dazju għall-perjodu ta' kwota tariffarja mill-1 ta' Mejju 2010 sat-30 ta' April 2011 ma jkunux kompletament eżawriti, il-volumi li jibqa' jiġu mgħoddija għall-perjodu ta' kwota tariffarja mill-1 ta' Mejju 2011 sat-30 ta' April 2012. Għal dan l-iskop dħul mill-kwoti tariffarji applikabbli mill-1 ta' Mejju 2010 sat-30 ta' April 2011 għandu jitwaqqaf fit-tieni jum tax-xogħol fil-Kummissjoni wara l-1 ta’ Settembru 2011. Fil-jum tax-xogħol ta’ wara, il-bilanċ mhux użat ta’ din il-kwota tariffarja għandu jsir disponibbli taħt il-kwota tariffarja korrispondenti applikabbli mill-1 ta' Mejju 2011 sat-30 ta' April 2012. Minn dik id-data ’l quddiem l-ebda ħruġ retroattiv u l-ebda ħlasijiet lura ma għandhom ikunu possibbli fuq il-kwoti tariffarji partikolari applikabbli mill-1 ta' Mejju 2010 sat-30 ta' April 2011. Artikolu 3 Dan il-Protokoll għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti bi qbil mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta’ ratifika jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li jkun depożitat l-aħħar strumenti ta' ratifika jew ta' approvazzjoni. Sakemm jidħol fis-seħħ, dan il-Protokoll għandu japplika fuq bażi proviżorja sussegwentement għall-skambju ta' ittri bejn il-Partijiet Kontraenti għal dan il-għan, mill-ewwel ġurnata tat-tielet xahar wara d-data li fiha jkun tlesta l-iskambju tal-ittri. Artikolu 4 Dan il-Protokoll Addizzjonali, imħejji f’kopja oriġinali waħda bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Taljan, Latvjan, Litwan, Ungeriż, Malti, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Żvediż u Islandiż, bit-test f’kull wieħed minn dawn l-ilsna jkun ugwalment awtentiku, għandu jiġi ddepożitat mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li ser jibgħat kopja ċċertifikata lil kull wieħed mill-Partijiet ta’ dan il-Ftehim. Magħmul fi Brussell, [ ...] Għall-Unjoni Ewropea Għall-Islanda ANNESS DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1 TAL-PROTOKOLL L-Unjoni għandha tiftaħ il-kwoti annwali tariffarji mingħajr dazju li ġejjin għal prodotti li joriġinaw fl-Islanda, addizzjonalment mal-kwoti tariffarji eżistenti: Kodiċi tan-NM | Deskrizzjoni tal-prodotti | Volum annwali (1.5-30.4) tal-kwota tariffarja f'piż nett sakemm mhux speċifikat mod ieħor | ex 0303 51 00 | Aringi tal-ispeċi Clupea harengus u Clupea pallasii, iffriżati, eskluż il-fwied u l-bajd,[4] | 950 tunnellata | 0306 19 30 | Awwisti Norveġiżi ffriżati (Nephrops norvegicus) | 520 tunnellata | 0304 19 35 | Flettet ta’ skorfon (Sebastes spp.), friski jew imkessħin | 750 tunnellata | PROTOKOLL ADDIZZJONALI GĦALL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA U R-RENJU TAN-NORVEĠJA L-UNJONI EWROPEA u R-RENJU TAN-NORVEĠJA WARA LI QIESU l-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja ffirmat fl-14 ta’ Mejju, 1973 u l-arranġamenti eżistenti għal kummerċ fil-ħut u fi prodotti tas-sajd bejn in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea; WARA LI QIESU l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu, WARA LI QIESU l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja wara l-adeżjoni tal-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 2 tiegħu; IDDEĊIDEW LI JIFFINALIZZAW DAN IL-PROTOKOLL: Artikolu 1 Id-dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għal importazzjoni fil-Komunità ta’ ċerti ħut u prodotti tas-sajd li joriġinaw fin-Norveġja huma stabbiliti f’dan il-Protokoll u fl-Anness tiegħu. Il-kwoti tariffarji annwali bla dazju hemm provdut dwarhom fl-Anness għal dan il-Protokoll. Il-Programm għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta’ April 2014. Il-livelli ta’ kwota għandhom ikunu riveduti sal-aħħar ta’ dak il-perjodu waqt li jitqiesu l-interessi rilevanti kollha. Artikolu 2 Il-livelli tal-kwota tariffarja li kellhom jinfetħu għan-Norveġja mill-1 ta' Mejju 2009 sal-implimentazzjoni tal-protokoll għandhom ikunu diviżi f'partijiet ugwali u allokati fuq bażi annwali għall-perjodu li fadal għall-applikazzjoni tal-protokoll. Artikolu 3 In-Norveġja ser tieħu l-passi neċessarji biex tiżgura l-kontinwazzjoni tar-Regolament stabbilit bid-Digriet Irjali tal-21 ta' April 2006 li jippermetti t-tranżitu liberu tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd li jidħlu fin-Norveġja minn bastimenti b'bandiera ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-regolament għandu japplika għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1 ladarba l-kwoti tariffarji annwali jkunu ġew implimentati. Artikolu 4 Ir-regoli tal-oriġini applikabbli għall-kwoti tariffarji mniżżla fl-Anness ta' dan il-protokoll għandhom ikunu dawk stipulati fil-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja ffirmat fl-14 ta' Mejju 1973. Artikolu 5 Dan il-Protokoll għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet bi qbil mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta’ ratifika jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li jkun depożitat l-aħħar strumenti ta' ratifika jew ta' approvazzjoni. Sakemm jidħol fis-seħħ, dan il-Protokoll għandu japplika fuq bażi proviżorja sussegwentement għall-skambju ta' ittri bejn il-Partijiet għal dan il-għan, mill-ewwel ġurnata tat-tielet xahar wara d-data li fiha jkun tlesta l-iskambju tal-ittri. Artikolu 6 Dan il-Protokoll, imħejji f’kopja oriġinali waħda bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Olandiż, Ingliż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ungeriż, Taljan, Latvjan, Litwan, Ungeriż, Malti, Norveġiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż u Norveġiż, bit-test f’kull wieħed minn dawn l-ilsna jkun ugwalment awtentiku, għandu jiġi ddepożitat mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li ser jibgħat kopja ċċertifikata lil kull wieħed mill-Gvernijiet tal-Partijiet. Magħmul fi Brussell, [ ...] Għall-Unjoni Ewropea Għar-Renju tan-Norveġja Anness DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1 TAL-PROTOKOLL Addizzjonalment għal-kwoti tariffarji mingħajr dazju, l-Unjoni Ewropea għandha tiftaħ il-kwoti tariffarji annwali mingħajr dazju li ġejjin għall-prodotti li joriġinaw min-Norveġja: Kodiċi tan-NM | Deskrizzjoni tal-prodotti | Volum annwali (1.5-30.4) tal-kwota tariffarja f'piż nett sakemm mhux speċifikat mod ieħor | 0303 29 00 | Salmonidae ffriżati | 2 000 tunnellata | 0303 51 00 | Aringi tal-ispeċi Clupea harengus u Clupea pallasii, iffriżati, eskluż il-fwied u l-bajd,[5] | 45 800 tunnellata | 0303 74 30 | Makkarel tal-ispeċi Scomber scombrus u Scomber japonicus, iffriżati, eskluż il-fwied u l-bajd,[6] | 39 800 tunnellata | 0303 79 98 | Ħut ieħor, friżat, eskluż il-fwied u l-bajd | 2 200 tunnellata | ex | 0304 29 75 0304 99 23 | Flettet tal-aringa tal-ispeċi Clupea harengus u Clupea pallasii. Biċċiet iffriżati tal-aringa tal-ispeċi Clupea harengus u Clupea pallasii (butterflies)[7]. | 67 600 tunnellata | ex ex ex | 1605 20 10 1605 20 91 1605 20 99 | Gambli u gambli kbar, imqaxxrin u ffriżati | 7 000 tunnellata | ex ex | 1604 12 91 1604 12 99 | Aringa, imħawra u/ jew ippriservata fil-ħall, fis-salmura[8] | 3 000 tunellata netti mingħajr likwidi. | [1] ĠU C [...], [...], p. [...]. [2] ĠU C [...], [...], p. [...]. [3] ĠU L […], […], p. […]. [4] Il-benefiċċju tal-kwota tariffarja ma għandux jinagħta lill-merkanzija ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fil-perjodu bejn il-15 ta' Frar u l-15 ta' Ġunju. [5] Il-benefiċċju tal-kwota tariffarja ma għandux jinagħta lill-merkanzija ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fil-perjodu bejn il-15 ta' Frar u l-15 ta' Ġunju. [6] Il-benefiċċju tal-kwota tariffarja ma għandux jinagħta lill-merkanzija ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fil-perjodu bejn il-15 ta' Frar u l-15 ta' Ġunju. [7] Il-benefiċċju tal-kwota tariffarja ma għandux jinagħta lill-merkanzija tal Kodiċi tan-NM 0304 99 23 ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fil-perjodu bejn il-15 ta' Frar u l-15 ta' Ġunju. [8] Din il-Kowota tariffarja għandha tiżdied għal 4 000 tunnellata netti mingħajr likwidi fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2010 sat-30 ta' April 2011, 5 000 tunnellata netti mingħajr likwidi fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2011 sat-30 ta' April 2012, u 6 000 tunnellata netti mingħajr likwidi fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju sat-30 ta' April f'kull perjodu ta' 12-il xahar sussegwenti.