15.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 81/64


L-Erbgħa, 5 ta’ Mejju 2010
Samit UE-Kanada

P7_TA(2010)0142

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2010 dwar is-Samit UE-Kanada li se jsir fil-5 ta' Mejju 2010

2011/C 81 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra n-negozjati għal ftehim kummerċjali ekonomiku komprensiv li nfetħu fis-Samit UE-Kanada fis-6 ta' Mejju 2009 fi Praga,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Frar 2010 dwar Ftehim ta' Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-perjodu leġiżlattiv li jmiss,

wara li kkunsidra s-suċċess tat-32 Laqgħa Interparlamentari tad-Delegazzjoni dwar ir-relazzjonijiet mal-Kanada li saret f'Novembru 2009 fi Brussell,

wara li kkunsidra l-proċedura ta' approvazzjoni skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-relazzjonijiet formali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada jmorru lura għall-1959 u din is-sħubija hija waħda mill-eqreb u l-aktar antika,

B.

billi n-negozjati għaddejjin bħalissa għal ftehim kummerċjali ekonomiku komprensiv jistgħu jsaħħu r-relazzjonijiet UE-Kanada,

C.

billi minn Marzu 2010 ma twettqet l-ebda valutazzjoni dettaljata tal-impatt dwar l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi ta' ftehim kummerċjali ekonomiku komprensiv bħal dan,

D.

billi fl-2010, il-Kanada se jkollha l-Presidenza tal-grupp ta' pajjiżi G8 u se tospita s-Samit tal-G20 li jmiss,

E.

billi s-Samit UE-Kanada li se jsir fi Brussell fil-5 ta' Mejju 2010 hu mistenni li jiffoka fuq it-tisħiħ tar-relazzjoni politika li hija diġà b'saħħitha bejn iż-żewġ sħab, partikolarment bl-indirizzar ta' sfidi konġunti bħal: negozjati dwar ftehim kummerċjali ekonomiku komprensiv; sfidi barranin u ta' sigurtà, b'mod partikulari rigward l-Afganistan u l-Pakistan; triq komuni 'l quddiem rigward l-Iran; in-nonproliferazzjoni nukleari; Ħaiti u s-segwitu tal-konferenza tad-donaturi ta' New York; il-kooperazzjoni għall-iżvilupp; reazzjoni koordinata għall-kriżi finanzjarja u ekonomika; it-tibdil fil-klima u l-enerġija; u l-progress tan-negozjati kummerċjali dinjija fir-Rawnd ta' Doha,

F.

billi l-UE u l-Kanada jaqsmu valuri komuni u impenn qawwi għal ħidma multilaterali biex jingħelbu sfidi ewlenin,

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-progress fin-negozjati dwar ftehim kummerċjali ekonomiku komprensiv huwa punt ewlieni tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Kanada; dwar dan, jemmen li s-Samit UE-Kanada li se jsir fi Brussell fil-5 ta' Mejju 2010 huwa opportunità tajba biex jitħaffu dawn in-negozjati;

2.

Jinnota r-robustezza tal-ekonomija Kanadiża matul il-kriżi ekonomika, speċjalment tal-qasam bankarju; jesprimi r-rieda tiegħu li jaħdem mill-qrib mal-Kanada fil-kuntest tal-G20 sabiex jinkiseb approċċ globali koordinat għall-istimulu fiskali u l-konsolidazzjoni fiskali, li bih il-kwistjoni tal-introduzzjoni ta' imposta bankarja jew taxxa għal tranżazzjoni fuq livell globali għandha tkun waħda mill-prijoritajiet fis-Samit tal-G20 li jmiss li se jsir f'Toronto;

3.

Jinnota li kemm il-Kanada kif ukoll l-UE jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jieħdu approċċ koordinat, koerenti u komprensiv fid-dawl tal-kisba tal-ħtiġijiet immedjati u fuq terminu ta' żmien twil biex jibnu l-Ħaiti mill-ġdid b'tali mod li jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi u li ilu jistenna l-poplu tal-Ħaiti għall-pajjiżu, filwaqt li jiġi żgurat proċess ta' kostruzzjoni mill-ġdid li jibqa' f'idejn l-Istat ta' Ħaiti;

4.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni ddikjarata fid-Diskors mit-Tron riċenti li sar fil-Parlament Kanadiż biex l-industrija Kanadiża tat-telekomunikazzjonijiet tinfetaħ għall-kompetizzjoni minn barra;

5.

Jieħu nota tal-intenzjoni li tinbeda riforma kbira tas-sistema tal-ġestjoni tas-sajd Kanadiż, li tinvolvi wkoll il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal; jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar il-pożizzjoni tal-Gvern Kanadiż waqt l-aktar konferenza reċenti tal-partijiet għas-CITES fir-rigward tal-estensjoni tal-Appendiċi 1 tas-CITES għat-tonn (thunnus thynnus);

6.

Itenni t-tħassib tiegħu li l-Kanada għadha timponi r-rekwiżit ta' viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u l-Bulgarija, u jitlob li dan ir-rekwiżit jitneħħa mill-iktar fis possibbli; jinnota li r-rekwiżit ta' viża għaċ-ċittadini Ċeki ġie introdott mill-Gvern Kanadiż minħabba l-influss enormi tar-Roma fil-Kanada u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa kif xieraq; f'dan ir-rigward, jilqa' t-twaqqif ta' uffiċju tal-viżi fl-Ambaxxata Kanadiża fi Praga u l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma espert dwar din il-kwistjoni, u jispera li r-reviżjoni komprensiva mwiegħda tas-sistema tar-rifuġjati fil-Kanada se twassal għat-tneħħija tar-rekwiżit;

7.

Jenfasizza li l-UE u l-Kanada huma marbutin li jibnu ekonomija globali b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju bbażata fuq is-sikurezza u s-sostenibbiltà filwaqt li jsaħħu l-kapaċità li jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-importanza ta' diskussjonijiet kontinwi dwar suġġetti ambjentali fid-Djalogu ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Kanada dwar l-Ambjent, fosthom dwar il-kooperazzjoni ambjentali, marittima u fil-qasam tal-enerġija, fiż-Żona tal-Artiku u l-prospetti li jitniedu negozjati internazzjonali għall-adozzjoni ta' trattat internazzjonali għall-protezzjoni tal-Artiku; jilqa' l-impenn tal-Kanada, kif espress reċentement fid-Diskors mit-Tron, biex tinvesti f'teknoloġiji tal-enerġija nadifa, biex tiżgura postha bħala poter fl-enerġija nadifa u biex tkun minn ta' quddiem fil-ħolqien ta' impjiegi li jiffavorixxu l-ambjent;

8.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tal-estrazzjoni tar-ramel bituminuż fuq l-ambjent globali minħabba l-livell għoli ta' emissjonijiet ta' CO2 waqt il-proċess ta' produzzjoni tiegħu u t-theddida li joħloq għall-bijodiversità lokali;

9.

Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew irid jagħti l-kunsens tiegħu dwar ftehimiet internazzjonali u jrid ikun involvut minnufih u bis-sħiħ fl-istadji kollha tan-negozjati internazzjonali, u jistenna b'ħerqa dikjarazzjoni bikrija mill-Kummissjoni dwar kif biħsiebha tagħmel dan; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar il-ftehim PNR bejn l-UE u l-Kanada jridu jiġu indirizzati kif xieraq u b'mod konġunt qabel jkun jista' jingħata l-kunsens;

10.

Jittama li l-Kanada tappoġġja bis-sħiħ it-talba tal-UE biex tiftaħ in-negozjati tal-ACTA għall-iskrutinju pubbliku, kif talbet li jsir fir-Riżoluzzjoni tagħha tal-10 ta' Marzu 2010, u li dawn in-negozjati jsiru taħt l-awspiċi ta' organizzazzjoni internazzjonali; l-aktar waħda xierqa għandha tkun il-WIPO;

11.

Jifraħ lill-Kumitat Organizzattiv ta' Vancouver dwar is-suċċess tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tax-Xitwa;

12.

Jinnota li l-kompetenza għar-relazzjonijiet UE-Kanada tinsab biss fuq il-livell federali, iżda jilqa' l-parteċipazzjoni tal-provinċji u t-territorji fin-negozjati dwar Ftehim Kummerċjali u Ekonomiku Komprensiv u f'xi aspetti oħra tar-relazzjonijiet UE-Kanada;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotazzjoni tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Gvern Kanadiż.