15.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 48/57 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 48/11
Relatur: Lars NYBERG
Nhar it-18 ta' Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi (opinjoni fuq inizjattiva proprja).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-20 ta' Lulju 2010.
Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (sessjoni tas-16 ta' Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’146 vot favur, 45 vot kontra u 16-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-kriżi ekonomika li ġabet magħha kienu ta' livell li ilna ma naraw bħalu minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-bidu tal-2010, meta kien hemm sinjali ta' rkupru minn din ir-reċessjoni, faqqgħet kriżi tad-dejn sovran, u did-darba ma kinitx kriżi dinjija iżda waħda Ewropea. Il-bżonn li l-baġits pubbliċi jinħelsu mill-piż tal-ispejjeż tas-sostenn tal-banek u l-ispejjeż ta' miżuri oħra diskrezzjonali, il-qgħad jiżdied u l-miżuri addizzjonali ta' awsterità f’ħafna pajjiżi, flimkien jirrappreżentaw theddida għat-tkabbir ekonomiku. Fid-dawl ta' dan, il-KESE jħoss li hemm bżonn li jinsabu miżuri politiċi mhux biss biex l-ekonomija tirkupra iżda anke biex l-Ewropa tinżamm milli terġa’ taqa’ f’reċessjoni oħra.
1.2 Fl-2009, l-UE kellha rata ta' tkabbir negattiva ta' -4,1 %. Qabel il-kriżi tad-dejn sovran li faqqgħet fir-rebbiegħa, il-previżjoni tat-tkabbir għall-2010 kienet ta' 0,7 %. Il-qgħad huwa mistenni li jilħaq madwar 10 % fl-2010, flimkien ma' tnaqqis ta' 2 % fil-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol. L-iżbilanċ baġitarju medju kien ta' 2,3 % fl-2008, fl-2009 żdied sa 6,8 % u huwa stmat li ser jiżdied sa 7,5 % fl-2010. Matul il-kriżi finanzjarja ħlasijiet pubbliċi enormi żammew is-suq finanzjarju likwidu. Qabel il-kriżi kien hemm espansjoni kbira fil-kreditu privat u minn dak iż-żmien ’l hawn minflok saru talbiet kbar għal self pubbliku. Fl-istess ħin, sabiex iżid id-domanda, is-settur privat għad irid jissellef. Is-sitwazzjoni ekonomika tvarja sew fost l-Istati Membri. L-ikbar żbilanċi jinsabu fil-Greċja, pajjiżi oħra fil-Mediterran, ir-Renju Unit u l-Irlanda filwaqt li l-ogħla rata ta' qgħad tinsab fl-Istati Baltiċi u Spanja. Fl-istess ħin, l-Istati Baltiċi rnexxielhom inaqqsu l-iżbilanċi pubbliċi kbar u t-tkabbir b’rati negattivi fi żmien qasir ħafna għalkemm kellhom jieħdu azzjoni ekonomika iebsa.
1.3 Strateġija ta' dħul
Il-fatt li kien hemm tibdil ekonomiku estensiv matul l-aħħar għexieren ta' snin ifisser li mhuwiex adatt li nitkellmu dwar strateġija tal-ħruġ. Jeħtieġ li jinstabu inizjattivi ekonomiċi u politiċi ġodda sabiex jiġi żviluppat pjan ta' direzzjoni għas-soċjetà emerġenti – jiġifieri strateġija ta' dħul.
1.4 Il-konsum privat huwa essenzjali għad-domanda globali
L-impatt restrittiv fuq l-ekonomija globali tal-Ewropa tal-proposti għat-tnaqqis tal-ikbar żbilanċi pubbliċi qed iwassal sabiex it-tkabbir b’sostenn awtonomu jiġi rimandat għall-futur. Sabiex il-proċess tat-tkabbir jibqa’ għaddej, il-KESE jisħaq fuq l-importanza tad-domanda globali, u jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-konsum privat. Sabiex is-sostenn ekonomiku jkollu effett sostanzjali fuq it-tkabbir għandu jimmira lejn il-gruppi bi dħul baxx. Billi dawn jikkunsmaw parti kbira mid-dħul tagħhom, ikun hemm ammonti iżgħar li jisparixxu bħala żieda fit-tfaddil. Jekk il-bidla mix-xogħol għall-kapital, fuq perijodu ta' bosta għexieren ta' snin, tista’ tinqaleb bil-kontra, ikollna sors ta' tkabbir futur. Naturalment, l-investimenti u l-esportazzjoni huma importanti iżda billi l-konsum privat jirrappreżenta 60 % tal-PDG, l-iżvilupp tiegħu huwa kruċjali għat-tkabbir, b’mod partikolari fil-qagħda attwali.
1.4.1
Rata tal-qgħad għolja, forza tax-xogħol imnaqqsa, żidiet żgħar fil-pagi, tnaqqis fl-infiq pubbliku, żidiet fit-taxxi u l-programmi l-ġodda tal-awsterità ser inaqqsu l-opportunitajiet għat-tkabbir. F’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima urġenti tal-effetti kontrattivi ta' dan kollu u tressaq proposti għall-kontromiżuri sabiex jinżamm ir-ritmu tat-tkabbir. It-tkabbir huwa neċessarju għall-għanijiet ekonomiċi l-oħra. L-għażla li ma jsir xejn u li nistennew sakemm l-effetti ta' restrizzjoni tal-programmi ta' awsterità joħorġu fid-dieher ma teżistix.
1.5 Inkejlu l-iżvilupp tal-kompetittività
Il-bilanċ tal-kont kurrenti ma ġiex ikkunsidrat b’mod adegwat fost l-għanijiet tal-politika ekonomika. L-iżbilanċi u l-bilanċi pożittivi fit-tul f’xi pajjiżi għamluha ċara li l-problemi tal-kriżi ekonomika tal-UE tar-rebbiegħa xi darba kienu ser jitfaċċaw. Il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu d-differenzi kbar fil-bilanċi tal-kontijiet kurrenti. L-għan ċentrali mbagħad isir il-kompetittività, skont l-ispiża reali għal kull unità ta' ħidma, li tkopri l-iżviluppi fil-pagi u l-produttività. Matul l-aħħar għaxar snin, il-kompetittività tal-Irlanda, il-Greċja, l-Italja, Spanja u l-Portugall naqset b’medja ta' madwar 10 %. Ma setgħux ma jinħolqux problemi baġitarji.
1.5.1
B’rati differenti ta' żvilupp ta' pagi u produttività fl-istess żona ta' munita, l-unika soluzzjoni hija li jinbidlu l-pagi relattivi jew li tiżdied il-produttività fil-pajjiżi li għadhom lura. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni timmonitorja l-bilanċi tal-kontijiet kurrenti, simili għall-monitoraġġ li jitwettaq għall-iżbilanċi pubbliċi u d-dejn. Dan jista’ jiġi fformalizzat billi jiġu emendati r-Regolamenti li jirregolaw il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-kontijiet kurrenti u r-raġunijiet li jispjegaw is-sitwazzjoni, l-iżviluppi fil-pagi u l-produttività, għandhom jiġu skrutinizzati f’kull wieħed mis-27 Stat Membru, iżda b’iktar setgħat biex jaġixxu fil-pajjiżi tal-euro. B’dan il-mod l-ekonomija reali tiddaħħal fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
1.5.2
L-istatistika l-ġdida dwar id-dejn privat u s-sehem barrani tad-dejn sovran għandhom jiddaħħlu fid-diskussjonijiet dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
1.6 Regolazzjoni u prattiki ta' superviżjoni iktar effettivi fis-settur finanzjarju
Rigward is-settur finanzjarju, jista’ jkun effiċjenti li parti mill-kapital tal-bank jinżamm fis-settur pubbliku, sabiex ikun hemm livell ta' fehim dwar is-settur bankarju. L-esperjenzi finanzjarji tal-2010 juru li s-superviżjoni u r-regolazzjoni finanzjarja mhumiex biżżejjed. Hemm bżonn regolazzjoni u prattiki ta' superviżjoni iktar effettivi, b’mod partikolari wara l-imġiba tas-settur finanzjarju matul il-kriżi Griega, biex tinbidel din l-imġiba u biex jinstabu mezzi ġodda għall-finanzjament tad-dejn pubbliku.
1.7 Investiment pubbliku fl-infrastruttura u l-enerġija
L-investiment għandu jiffoka fuq il-protezzjoni ambjentali u l-miżuri kontra t-tibdil fil-klima. Il-KESE huwa favur it-taxxi bħala strument li jinfluwenza s-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet perikolużi. F’perijodu fejn hemm nuqqas ta' investimenti kummerċjali s-settur pubbliku għandu jidħol billi jinvesti fl-infrastruttura u l-enerġija. Skont il-Patt rivedut ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-investimenti mhux bilfors iridu jiddaħħlu fil-kalkoli tal-iżbilanċi eċċessivi.
1.8 Politiki attivi tas-suq tax-xogħol
Il-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom ikunu ċċentrati fuq it-tfittxija għal ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda. Hemm bżonn ukoll li jiżdied il-livell ġenerali tal-edukazzjoni. L-istrateġija tal-UE 2020 hija importanti biex jinkiseb dan il-għan. Politika ovvja biex tiżdied ir-rata tal-okkupazzjoni hija l-kura ta' kwalità għolja tat-tfal u l-leave tal-ġenituri li jkun twil biżżejjed u mħallas b’mod suffiċjenti.
1.9 Strateġija tad-dħul għall-politika tal-familja u l-iżvilupp tal-ħiliet
Meta l-bżonn tal-appoġġ għall-qgħad jonqos, l-istess riżorsi pubbliċi għandhom jiġu allokati minflok fil-politika tal-familja u l-iżvilupp tal-ħiliet. B’hekk politika tal-ħruġ tissarraf f’politika tad-dħul. L-arkitettura tas-sistemi soċjali għandha twassal għall-benesseri u l-impjiegi, għalkemm naturalment b’mezzi finanzjarji.
1.10 Sorsi ġodda tad-dħul – taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u s-CO2
It-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u d-diossidu tal-karbonju huma sorsi potenzjali ġodda ta' dħul pubbliku. Minbarra li jżidu d-dħul huma jnaqqsu rispettivament l-attitudni tal-perijodu l-qasir fis-suq finanzjarju u jtejbu l-ambjent tagħna.
1.11 Il-BEI għandu jitħalla joħroġ il-Eurobonds
Jekk il-BEI jitħalla joħroġ il-Eurobonds, jew aħjar l-UE-bonds li jkopru s-27 Stat Membru, jista’ jinħoloq kapital ġdid għas-settur pubbliku mingħajr id-dipendenza għalkollox fuq is-settur finanzjarju. Ir-riżorsi finanzjarji għandhom jinstabu iktar ’il fuq fil-katina (upstream), pereżempju fl-Istituzzjonijiet li jipprovdu Irtirar Okkupazzjonali (IORP), sabiex il-BEI jsir l-interfaċċja bejn dawn ir-riżorsi kapitali u l-investimenti tiegħu. Il-Eurobonds huma strumenti li jistgħu jintużaw ukoll għat-tfaddil privat fit-tul.
2. Is-sitwazzjoni attwali (1)
2.1 Il-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-kriżi ekonomika li ġabet magħha kienu ta' livell li ilna ma naraw bħalu minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-bidu tal-2010, meta kien hemm sinjali ta' rkupru minn din ir-reċessjoni, faqqgħet kriżi tad-dejn sovran, u did-darba ma kinitx kriżi dinjija iżda waħda Ewropea. Il-bżonn li l-baġits pubbliċi jinħelsu mill-piż tas-sostenn tal-banek u setturi oħra u l-ispejjeż ta' miżuri oħra diskrezzjonali, il-qgħad jiżdied u l-miżuri addizzjonali ta' awsterità f’ħafna pajjiżi, flimkien jirrappreżentaw theddida għat-tkabbir ekonomiku. Fid-dawl ta' dan, il-KESE jħoss li hemm bżonn li jkun hemm tiftix għal miżuri politiċi mhux biss biex l-ekonomija tirkupra iżda iktar u iktar biex l-Ewropa tinżamm milli terġa’ taqa’ f’reċessjoni oħra.
2.2 Tkabbir negattiv
2.2.1 Meta l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku ġie deċiż f’Diċembru 2008, fl-2009 kien previst li jkun hemm tkabbir ekonomiku ta' madwar 0 %. Fil-fatt kien ta' -4,1 %. Il-pjan kien ibbażat fuq previżjoni ottimista żżejjed, iżda mingħajr stimuli fiskali s-sitwazzjoni kienet tkun agħar.
2.2.2 Il-livell ta' appoġġ ekonomiku mill-Istati Membri kien ogħla mill-1,2 % ippjanati għall-PDG. Għall-2009 u l-2010, jista’ jiżdied sa madwar 2,7 % tal-PDG. Il-ħtiġiet maħsuba fl-Istati Membri fil-fatt kienu ikbar mill-appoġġ ippjanat, iżda meta jitqies kif żviluppa t-tkabbir, l-azzjonijiet li ttieħdu kienu limitati wisq.
2.2.3 L-istimolu ekonomiku ma ġiex biss mill-baġits pubbliċi. Il-BĊE u banek ċentrali oħra naqqsu r-rati tal-interessi sa kważi 0 % u żiedu l-likwidità fis-sistema ekonomika sa livell li qatt ma rajna bħalu. Xi Stati Membri użaw ukoll somom enormi mill-fondi pubbliċi biex isalvaw xi wħud mill-banek. Madankollu, dawn l-azzjonijiet ma setgħux jipprevjenu t-tkabbir negattiv fl-2009, fatt li juri kemm hi serja l-kriżi finanzjarja u ekonomika.
2.2.4 Qabel il-kriżi tar-rebbiegħa tal-2010, it-tkabbir għall-2010 kien previst għal 0,7 %. Din ir-rata hija iktar baxxa minn dik tal-kompetituri dinjija tagħna. Fuq nota pożittiva, hemm żieda fl-indikaturi tal-fiduċja, hemm żieda fit-tkabbir f’partijiet oħra tad-dinja u l-kummerċ dinji reġa’ rritorna għal-livell ta' qabel. Mill-aspett negattiv, l-investimenti tal-intrapriżi kienu għadhom sejrin lura fir-raba’ kwart tal-2009, il-produzzjoni industrijali mhix qed turi titjib ċar, l-aħħar żieda fid-domanda kienet biss biex jissaħħu l-inventorji, ir-rata eċċessivament baxxa tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità mhix qed tixpruna l-investiment, l-istat tas-settur bankarju mhux qed jagħti lok għal żieda fl-investiment, u barra minn dan, hemm it-taqlib fis-suq tal-bonds sovrani.
2.3 Kummerċ
Il-kummerċ dinji kkollassa fir-raba’ kwart tal-2008. Is-sena ta' qabel, dan kien żdied b’madwar 20 % iżda issa naqas bi 12 %. Dan it-tnaqqis baqa’ għaddej fix-xhur ta' wara. L-ikbar tnaqqis fi kwart wieħed, meta mqabbel mal-istess perijodu sena qabel, kien ta' madwar 30 %. Fir-raba’ kwart tal-2009, it-tendenza nqalbet b’żieda ta' 4 %. Iċ-ċifri għall-UE kienu kważi identiċi. It-tnaqqis kien kemxejn ikbar għall-kummerċ fl-UE mill-kummerċ bejn l-UE u pajjiżi oħrajn.
2.4 Is-suq tax-xogħol
2.4.1 L-effetti fuq il-qgħad għadhom mistennija jiżdiedu billi dawn ġeneralment joħorġu wara l-iżviluppi fl-ekonomija reali. Fl-2010, ir-rata tal-qgħad ser tkun madwar 10 % fl-UE, żieda ta' 3 % f’sena, b’differenzi kbar bejn l-Istati Membri.
2.4.2 Il-qgħad huwa biss effett wieħed, it-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tas-suq tax-xogħol huwa ieħor. Din ir-rata kienet ta' madwar 2 % tal-forza tax-xogħol. Barra minn hekk, ħafna nies naqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom biex isalvaw l-impjiegi, bi tnaqqis korrispondenti ta' 1 % iktar fil-forza tax-xogħol. F’perijodu ta' rkupru, dan l-effett x’aktarx huwa l-ewwel li jiġi lura għan-normal. It-tkabbir irid ikun kbir biżżejjed. Jekk le, dan ikun tkabbir mingħajr impjiegi (“jobless growth”).
2.5 Żbilanċi pubbliċi
Fl-2008, l-iżbilanċ baġitarju medju kien ta' 2,3 %, fl-2009 żdied sa 6,8 % u huwa stmat li fl-2010 ser jiżdied sa 7,5 %. Id-deterjorament ma jiddependix biss fuq miżuri attivi tal-appoġġ, iżda wkoll fuq żieda fl-infiq u tnaqqis fid-dħul fiskali permezz ta' stabilizzaturi awtomatiċi. Skont l-OECD, dawn il-miżuri ta' protezzjoni soċjali salvaw iktar impjiegi fl-Ewropa minn ekonomiji oħrajn.
2.6 Is-suq finanzjarju
2.6.1 Anke fl-2010, is-sitwazzjoni tas-suq finanzjarju mhijiex ċara. M’hemm l-ebda evidenza li turi jekk il-livell baxx ta' investiment li baqa’ baxx hux minħabba l-fatt li għad hemm nuqqas ta' likwidità, istituzzjonijiet tal-kreditu li qed jevitaw ir-riskju, jew in-nuqqas ta' domanda mis-settur industrijali.
2.6.2 Ir-ritorn tas-suq tal-kreditu għal transazzjonijiet iżjed fit-tul minflok transazzjonijiet ta' perijodi qosra wisq huwa parti essenzjali ta' rkupru ekonomiku sostenibbli. Il-KESE jidħol iktar fid-dettall ta' dan il-punt f’opinjoni dwar taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (2).
2.6.3 Mill-2006 ’l quddiem, sa meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja, kien hemm żieda kbira fid-domanda għall-kreditu privat (3). Id-dejn privat irdoppja fiż-żona tal-euro, u l-istess fl-Istati Uniti. L-infiq privat kien għoli u f’xi pajjiżi wassal għal żbilanci kbar fil-kontijiet kurrenti. Fl-2009, din l-espansjoni tal-kreditu sfumat fix-xejn u ġiet sostitwita parzjalment mid-dejn pubbliku. L-iżbilanċi pubbliċi kbar ser jippersistu fis-snin li ġejjin. Fl-istess ħin, hemm bżonn li tissaħħaħ id-domanda fis-settur privat bħala xprun għall-irkupru. Fiż-żewġ każijiet jinħtieġ il-kreditu.
2.6.4 It-telf kbir fil-valur tal-istokkijiet laqat il-fondi tal-pensjonijiet, b’rata stmata ta' 24 % f’termini reali għall-2009 (4). Il-livelli tad-dħul tal-pensjonanti huma fir-riskju u dan jolqot il-potenzjal li tiżdied id-domanda privata. Id-drittijiet ta' fondi mill-fondi tal-pensjonijiet ikunu fuq perijodu ħafna fit-tul, filwaqt li t-tqegħid tal-holdings tal-fondi tal-pensjonijiet isir f’perijodu ħafna iqsar. Għalhekk, hemm bżonn strumenti finanzjarji iktar fit-tul fis-suq finanzjarju kemm għall-fondi tal-pensjonijiet kif ukoll għal istituzzjonijiet oħra tal-pensjonijiet, bħall-kumpaniji tal-assigurazzjoni.
2.7 Speċifiċitajiet tal-pajjiżi
2.7.1 Fost l-Istati Membri l-kbar, l-ikbar tnaqqis fil-PDG ġie rreġistrat fil-Ġermanja u r-Renju Unit. Fost l-iżgħar Stati Membri, it-tliet Stati Baltiċi kellhom l-ikbar tnaqqis fl-2009. Dan ġara wara għadd ta' snin ta' tkabbir għoli ħafna. Tul dawn is-snin, iż-żidiet fil-pagi kienu għoljin ħafna wkoll, ’il fuq miż-żidiet fil-produttività, iżda l-Istati Baltiċi rreaġixxew malajr ħafna għall-kriżi bi tnaqqis fil-pagi, b’mod partikolari l-Litwanja. L-ikbar żidiet fil-pagi matul l-2009 kienu rreġistrati fil-Greċja, u ma kien hemm l-ebda żieda korrispondenti fil-produttività. L-eċċezzjoni fl-2009 kienet il-Polonja li kellha rata ta' tkabbir pożittiv ta' 1,7 %. Xi wħud mir-raġunijiet kienu ż-żidiet fl-investiment pubbliku u l-konsum privat u prestazzjoni pjuttost tajba fl-impjiegi.
2.7.2 L-ikbar tnaqqis fir-rata tal-impjiegi matul l-2009 kien ukoll fl-Istati Baltiċi, u warajhom fil-Bulgarija u fi Spanja. L-ebda Stat Membru ma żamm ir-rata ta' okkupazzjoni iżda fil-Ġermanja din naqset biss b’0,4 %. Ir-rata tal-qgħad fl-2009 kienet l-ogħla fil-Latvja (21,7 %), u warajha l-Litwanja, l-Estonja, Spanja, is-Slovakkja u l-Irlanda.
2.7.3 Matul it-taqlib tad-dejn sovran fl-2010, ħaraġ li l-iżbilanċ pubbliku fil-Greċja kien ta' madwar 13 % tal-PDG u dan wassal għal attakki spekulattivi fuq l-euro. Żbilanċ simili ġie żvelat fir-Renju Unit. L-iżbilanċ fi Spanja żdied għal livell mhux sostenibbli prattikament minn jum għal ieħor. Żbilanci kbar u livell għoli ta' dejn pubbliku ġew indirizzati b’miżuri ta' awsterità f’dawn il-pajjiżi u anke fil-Portugall, l-Italja u l-Irlanda, fost oħrajn.
3. Inizjattivi prattiċi għal rilanċ ekonomiku
3.1 Strateġija tad-dħul – mhux tal-ħruġ
3.1.1 Saru ħafna diskussjonijiet dwar strateġija tal-ħruġ, jiġifieri li jitneħħa kull appoġġ pubbliku għall-ekonomija. Ir-raġunijiet legali huma r-regola ta' inqas minn 3 % għall-iżbilanċi pubbliċi u l-limitu ta' 60 % tal-PDG għad-dejn sovran. Kif qalet sew il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Ewropa 2020 “il-miżuri ta' appoġġ għandhom jitneħħew ladarba l-irkupru ekonomiku jkun jista’ jitqies li jkun sostenibbli” (5). Bl-inċertezzi kollha għall-ekonomiji tagħna, ser ikun diffiċli ferm biex jiġi deċiż meta se jkunu kapaċi li jsostnu lilhom infushom. L-impatt restrittiv fuq l-ekonomija globali Ewropea mill-proposti għat-tnaqqis tal-ikbar żbilanċi pubbliċi qed iwassal sabiex it-tkabbir b’sostenn awtonomu jiġi rimandat għall-futur. Barra minn hekk, strateġija ta' ħruġ f’dan is-sens tfisser li wara li jitwaqqfu dawn il-miżuri ta' appoġġ jista’ jkun li mmorru lura għas-sitwazzjoni ta' qabel il-kriżi. Dan ma jistax ikun.
3.1.2 L-ewwel nett, hemm ħafna bidliet li qed jiġu implimentati, jew li huma ppjanati, għas-settur finanzjarju. Wieħed jittama li s-settur finanzjarju ser isir iktar trasparenti u reżistenti għall-kriżijiet. It-tieni, is-sitwazzjoni f’partijiet oħra tal-ekonomija għandha tinbidel ukoll. Inkella, hemm riskju ċert li l-problemi li għaddejna minnhom f’dawn l-aħħar snin jerġgħu jitfaċċjaw.
3.1.3 Aħna u nqisu l-bidliet ekonomiċi tul l-aħħar għexieren ta' snin għandna nfittxu inizjattivi ekonomiċi u politiċi ġodda li jnaqqsu r-riskji fl-ekonomija. Din ma tistax tkun proposta għal strateġija tal-ħruġ għax meta jiġi stabbilit pjan ta' direzzjoni għal strateġija tal-ħruġ, inkunu qed niddeċiedu wkoll fuq soċjetà emerġenti, jiġifieri niddeċiedu fuq strateġija tad-dħul.
3.2 Domanda globali
3.2.1 Fit-teorija, hemm żewġ mezzi kif jista’ jinkiseb it-tkabbir ekonomiku – produzzjoni bl-istess teknika jew li teknika tittejjeb biex jinħareġ iktar mir-riżorsi produttivi eżistenti. Fejn tingħata l-enfasi jiddependi mill-qagħda ekonomika. F’perijodu ta' espansjoni kbira, jintużaw ir-riżorsi kollha u l-unika mezz biex jinkiseb iktar tkabbir huwa li jsir investiment f’metodi ta' produzzjoni innovattivi. F’reċessjoni, bħal dik li bdiet fl-2008, ikun hemm ħafna riżorsi moħlija li għandhom jintużaw. Għalhekk, il-politika għandha tkun li tiżdied id-domanda. Sfortunatament, id-domanda globali m’għadhiex rikonoxxuta bħala l-mutur reali tat-tkabbir ekonomiku.
3.2.2 Sabiex il-miżuri jżidu d-domanda m’għandhomx biss ikollhom effett dirett fuq il-konsum u l-investiment, iżda jżidu wkoll il-fiduċja tal-konsumatur u l-investitur. Hekk kif l-istabilizzaturi awtomatiċi jaħdmu f’perijodu ta' attività mnaqqsa, iż-żieda fil-fiduċja tista’ taħdem f’perijodu ta' iktar attività. Il-fiduċja tista’ żżid l-effett tal-miżuri pubbliċi b’tali mod li l-perijodu pożittiv ikun jista’ jsostni lilu nnifsu. Sabiex dan iseħħ, mhuwiex biss l-ammont ta' appoġġ li huwa importanti, iżda wkoll il-gruppi identifikati. Il-gruppi bi dħul baxx jikkunsmaw parti ikbar mid-dħul tagħhom mill-gruppi bi dħul ogħla. Għalhekk, iktar ma jiġi allokat appoġġ li jkun immirat lejn il-grupp tal-ewwel, inqas ma jisparixxu ammonti minħabba żieda fit-tfaddil.
3.2.3 Għall-pjan oriġinali tal-irkupru ekonomiku, l-effett jista’ jkun inqas minn dak mistenni billi ħafna mill-miżuri tal-Istati Membri kienu diġà ppjanati u ma taw l-ebda spinta lit-tkabbir. Fir-rebbiegħa tal-2010, il-Kummissjoni għamlet sew li tenfasizza li l-miżuri biex jiżdied it-tkabbir għandhom ikunu effettivi soċjalment. It-tkabbir previst għall-2010 huwa inqas mill-1,5 % li ħafna ekonomisti jqisu bħala r-rata ta' tkabbir potenzjali għall-UE. Iżda anke b’1,5 %, il-qgħad u l-iżbilanċi baġitarji mhux ser jitnaqqsu biżżejjed.
3.2.4 Il-KESE jixtieq jisħaq fuq l-importanza tad-domanda globali biex jiġi xprunat il-proċess tat-tkabbir, u jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-konsum privat.
3.2.5 Żieda fl-investiment hija importanti. Skont il-Patt rivedut ta' Stabbiltà u Tkabbir, huwa possibbli li l-aġġustament tal-iżbilanċ baġitarju eċċessiv jiġi pospost jekk l-infiq żejjed ikun għall-investiment. Iżda l-investiment mhuwiex dejjem l-uniku strument għal tkabbir ogħla.
3.2.6 U lanqas iż-żieda fl-esportazzjoni m’hija biżżejjed. Il-kummerċ fl-UE jsir l-iktar bejn l-Istati Membri. Il-kummerċ estern – l-esportazzjoni lil partijiet oħra tal-ekonomija globali – għal żmien twil ilu madwar 10 % tal-PDG tal-UE. Il-kummerċ tal-UE huwa madwar terz tal-kummerċ dinji. Iżda jekk jitħalla barra l-kummerċ fl-UE stess, sehem l-UE jitnaqqas għal 16 %. Il-kummerċ huwa importanti u huwa anke indikatur tal-kompetittività dinjija. Hemm sinjali ta' żidiet fl-esportazzjoni lejn il-bqija tad-dinja. Naturalment dan huwa sinjal tajjeb iżda ma tantx huwa ta' serħan il-moħħ f’sitwazzjoni ta' investiment insuffiċjenti u suq tax-xogħol li qed jiddeterjora.
3.2.7 Skont l-ILO (6), hemm bidla dinjija mix-xogħol għall-kapital li ilha għaddejja iktar minn għaxar snin. Bejn l-1999 u l-2007 s-sehem tal-profitti fl-UE 27 tela’ minn 37 sa 39 % tal-PDG. Dan naqas b’mod drastiku matul it-tieni nofs tal-2008 għal 36 % iżda matul l-2009 żdied għal 37 % (7). Dawn huma sinjali ta' żidiet fl-inugwaljanzi tat-tqassim tad-dħul.
3.2.8 L-ikbar parti tal-PDG hija l-konsum privat. Dan is-sehem ivarja ħafna skont x’isir mill-entitatjiet pubbliċi jew privati skont is-sistema politika tal-pajjiż. Madankollu, bidla f’dan is-sehem tista’ tkun ukoll indikatur ta' bidla fit-tqassim tad-dħul. Fl-2008, il-konsum kien naqas għal 58 % tal-PDG tal-UE minn 60 % fl-2005 u 61 % fl-2000. Għalkemm din kienet bidla żgħira fuq perijodu twil, din tindika li hemm lok għal żieda fil-konsum privat bħala mezz biex tissaħħaħ id-domanda globali (8), li huwa importanti b’mod partikolari fis-sitwazzjoni ekonomika attwali.
3.2.9 Iżda fl-2010, ir-rati għoljin tal-qgħad u t-tnaqqis fir-rata tal-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol, flimkien ma' żidiet baxxi ħafna, ma jindikaw l-ebda żieda fil-konsum, anzi l-oppost. Għalhekk, tnaqqis fil-miżuri tal-appoġġ pubbliku bħalissa mhuwiex politika adatta. B’din il-konklużjoni, il-qagħda attwali (fl-2010), bit-tnaqqis kbir fl-infiq pubbliku u żidiet fid-dħul fiskali, hija waħda problematika sew mil-lat tal-politika ekonomika. Dan it-tnaqqis inevitabbli fid-domanda globali mil-baġits pubbliċi huwa ċertament proċikliku fis-sens li ser inaqqas il-possibbiltajiet għat-tkabbir. L-impatt tiegħu li jnaqqas l-ewwel nett is-salarji tal-impjegati tas-settur pubbliku ser jinfirex fl-ekonomija inġenerali bħala tnaqqis fid-domanda. It-tkabbir mhux ser jitħalla jilħaq ir-rata potenzjali tiegħu.
3.2.9.1 Huwa fl-ikbar interess tal-UE li jkun hemm stimi tal-effetti potenzjalment restrittivi ta' dan it-tnaqqis ġdid fil-baġits pubbliċi. Dawn il-miżuri ttieħdu b’mod drastiku. Għandu jkun hemm interess simili għall-UE biex dawk il-pajjiżi li mhumiex f’din il-qagħda estremament diffiċli jieħdu kontromiżuri, jiġifieri li jżidu l-livell tad-domanda globali. Il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-punt li għandu jilħaq dan il-livell b’mod urġenti, u mbagħad għandha tressaq proposti adatti. Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel dan fil-previżjoni ekonomika f’Novembru 2010. Dan huwa tard wisq. It-tkabbir fl-ewwel tliet xhur tal-2010 kien qrib il-previżjoni ta' 0,7 % – iżda dak kien qabel il-programmi ta' awsterità. L-għażla li ma jsir xejn u nistennew sakemm l-effetti ta' restrizzjoni tal-programmi ta' awsterità joħorġu fid-dieher ma teżistix.
3.2.9.2 Il-KESE jemmen li l-qagħda ekonomika attwali teħtieġ diskussjonijiet mill-ġdid. Il-limitu ta' 3 % għall-iżbilanċi għandu jinżamm iżda għandu jiġi abbinat ma' diskussjoni dwar id-differenzi kbar fl-iżbilanċi billi xi pajjiżi bi zbilanċi kbar ħafna jridu jikkonsolidaw il-baġits tagħhom b’mod definittiv. Il-ħtiġiet għal pajjiżi oħra li huma fil-livell (jew kemxejn ’il fuq) tal-limitu ta' 3 % għandhom ikunu inqas iebsin. Fejn ikun għad hemm possibbiltà li l-iżbilanzi jiġu ffinanzjati b’rata ta' interess relattivament baxxa, għandna interess li nżommu lura temporanjament minn miżuri baġitarji li jkunu restrittivi wisq. Daqqa t’għajn mill-ġdid lejn il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir mill-2005 turi li din fil-fatt tikkonforma ħafna mal-bidliet li saru dak iż-żmien, b’mod partikolari fir-rigward tal-investimenti pubbliċi u l-perijodi ta' pressjoni mir-reċessjoni.
3.3 Il-bilanċ tal-kont kurrenti reġa’ fuq l-aġenda politika
3.3.1 L-istabbiltà tal-prezzijiet, it-tkabbir ekonomiku u l-livell massimu tal-impjiegi ilhom żmien twil l-objettivi predominanti tal-politika ekonomika, fit-tfittxija għall-prosperità u l-benesseri. Il-bilanċ tal-baġit u d-dejn pubbliku huma miri intermedji biex jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet veri. Iżda hemm żewġ għanijiet li ilhom żmien twil ma jiġu kkunsidrati. L-ewwel wieħed huwa d-distribuzzjoni ġusta tad-dħul. L-għan l-ieħor huwa l-bilanċ tal-kont kurrenti. L-importanza ta' dan l-intervent tnaqqset maż-żmien. Iżda dan kien żball. F’suq uniku, b’munita unika, dan l-għan huwa wieħed fundamentali.
3.3.2 Ħarsa lejn il-bilanċ tal-kont kurrenti, jiġifieri l-bilanċ tal-kummerċ ma' pajjiżi oħrajn, turina li dak li kien se jiġri fiż-żona tal-euro kien ċar immens. Bħalissa u tul l-aħħar snin, żviluppa żbilanċ kbir fil-kont kurrenti tal-Greċja. Il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja għamlu żmien twil b’bilanċi pożittivi. Min-naħa l-oħra, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom żbilanċi, għalkemm l-ikbar żbilanċi qed jidhru fil-Bulgarija.
3.3.3 Fil-perijodu l-qasir anke żbilanċi jew bilanċi pożittivi kbar fil-kontijiet kurrenti mhumiex problema. Il-problemi jinħolqu meta jippersistu tul ħafna snin jew jekk il-kapital importat ma jiġix investit sew, li jfisser li ż-żidiet potenzjali fil-produttività ma jitwettqux. Fiż-żona tal-euro, il-Greċja, il-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Irlanda kellhom żbilanċi pjuttost kbar prattikament minn mindu daħlet l-euro. Barra ż-żona tal-euro, l-Istati Baltiċi, flimkien mal-Bulgarija kellhom żbilanċi kbar immens. B’hekk, żbilanċi kbar jistgħu jinbidlu biss bis-saħħa ta' politika ekonomika iebsa ħafna, bħalma ġara fl-2009 fl-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja.
3.3.4 Billi nnota l-livell tad-differenzi bejn l-Istati Membri, il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu dawn id-diverġenzi. Dan iwassalna biex nidentifikaw il-kompetittività bħala l-għan ċentrali. Il-kompetittività titkejjel skont l-ispiża reali għal kull unità ta' ħidma, li tirrappreżenta l-effett konġunt tal-iżvilupp tal-pagi u l-produttività. Fiż-żona tal-euro, il-Ġermanja u l-Awstrija b’mod partikolari żiedu l-kompetittività tagħhom permezz ta' spiża iktar baxxa għal kull unità ta' ħidma. Min-naħa l-oħra, mill-2008 ’l hawn, il-pagi fil-Ġermanja ilhom jogħlew b’rata iktar mgħaġġla mill-produttività u dan wassal għal sitwazzjoni inqas kompetittiva. Matul l-aħħar għaxar snin, il-kompetittività tal-Irlanda, il-Greċja, l-Italja, Spanja u l-Portugall naqset b’medja ta' madwar 10 % (9). Meta l-kompetittività tkompli sejra lura għal perijodu twil dan jista’ jwassal għal problemi baġitarji. Dan l-effett kien ċar fl-2010. Ir-raġuni fundamentali, li tista’ tinsab fil-bidliet tal-kompetittività, ma ġietx innotata biżżejjed.
3.3.5 Xi bidliet fir-rati tal-kambju m’għadhomx jagħmlu parti mill-istrumenti taż-żona tal-euro, il-bidliet fil-kompetittività relattiva, b’livell ogħla ta' prezzijiet meta mqabbel ma' pajjiżi oħrajn, għandhom jinsabu f’“rati tal-kambju reali”. Bi żviluppi differenti għall-pagi u l-produttività fl-istess żona ta' munita, l-unika soluzzjoni hija li jinbidlu l-pagi relattivi bejn il-pajjiżi jew li bis-saħħa tal-investiment tiżdied il-produttività fil-pajjiżi li għadhom lura. Tkun ħaġa assurda li pajjiżi bi żvilupp tajjeb tal-produttività jintalbu jieqfu.
3.3.6 L-esperjenzi mill-kriżi tar-rebbiegħa tal-2010 juru li l-Eurostat għandu jingħata r-responsabbiltajiet tal-awditjar fir-rigward tal-uffiċċji tal-istatistika nazzjonali. L-istatistika preċiża ser tkun iktar importanti jekk l-istatistika dwar l-iżviluppi fil-bilanċi tal-kontijiet kurrenti, il-pagi u l-produttività se tkun il-bażi tad-diskussjonijiet politiċi ġodda fil-livell Ewropew.
3.3.7 Il-KESE jipproponi li l-miri għall-bilanċ tal-baġit u d-dejn pubbliku jiġu kkomplementati bil-bilanċi tal-kontijiet kurrenti. Iżda huwa impossibbli li tintuża ċifra unika f’dan il-każ. Il-bilanċi pożittivi fil-kontijiet kurrenti ta' xi pajjiżi dejjem jikkorrispondu ma' bilanċi negattivi f’pajjiżi oħra. Il-problema tinħoloq meta d-differenza tkun kbira wisq jew ta' malajr wisq jew meta l-kapital importat ma jintużax għal investimenti produttivi.
3.3.8 Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni timmonitorja l-bilanċi tal-kontijiet kurrenti, simili għall-monitoraġġ li jitwettaq għall-iżbilanċi pubbliċi u d-dejn. Din l-idea issa tressqet ukoll mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida Ekonomiċi u f’dokument dwar it-tisħiħ tal-irkupru ekonomiku. Dawn il-kwistjonijiet issa qed jiġu diskussi wkoll mit-Task Force għall-Governanza Ekonomika, ippresedut mill-President tal-Kunsill Ewropew van Rompuy.
3.3.9 Il-KESE jixtieq isaħħaħ il-karattru ta' dawn il-proposti. Il-mira ġdida tal-kont kurrenti għandha tiġi ttrattata l-istess bħaż-żewġ miri eżistenti fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-kontijiet kurrenti u r-raġunijiet li jispjegaw l-iżviluppi fil-pagi u l-produttività, għandhom jiġu skrutinizzati f’kull wieħed mis-27 Stat Membru. Is-setgħat biex tittieħed azzjoni kontra dawk il-pajjiżi bi żviluppi negattivi, kif isir bl-iżbilanċi pubbliċi u d-dejn, għandhom jissaħħu fil-każ tal-pajjiżi tal-euro. L-azzjonijiet Ewropej għandhom jikkonċernaw id-direzzjoni tal-bidliet ta' politika u l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika. Din ser tibqa’ kompetenza nazzjonali b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Sempliċiment bl-emendar tar-Regolamenti li jirregolaw il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-ekonomija reali jew, fi kliem ieħor, l-aspetti makroekonomiċi jistgħu jiddaħħlu fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
3.3.10 Il-kriżi wriet li anke aspetti oħra tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandhom jiġu żviluppati iktar. L-istatistika l-ġdida dwar id-dejn privat u s-sehem barrani tad-dejn sovran għandha tiġi ppubblikata flimkien mal-istatistika ordinarja meħtieġa mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Dawn iċ-ċifri l-ġodda jistgħu jservu bħala sistemi ta' twissija bikrija u bħala pressjoni fuq il-pajjiżi b’sitwazzjoni ekonomika problematika.
3.4 Oqsma prinċipali oħra għal ekonomija Ewropea ġdida
3.4.1
3.4.1.1 Sabiex jiġi evitat żvilupp diżastruż għal setturi sħaħ tal-ekonomija, l-iktar fl-industriji li jipproduċu l-karozzi, ingħata appoġġ pubbliku konsiderevoli. Il-politika Ewropea “normali” tal-għajnuna statali ma ntużatx biex twaqqaf appoġġ ta' dan it-tip fis-sitwazzjoni attwali.
3.4.1.2 L-iktar appoġġ spettakolari ngħata lis-settur finanzjarju. F’xi pajjiżi Ewropej, kif ukoll l-Istati Uniti, xi banek ġew parzjalment nazzjonalizzati. Din il-politika żgur li terġa’ tinqaleb imma tista’ tieħu ż-żmien. Anke fil-perijodu fit-tul, tista’ tkun parti effiċjenti ta' politika finanzjarja nazzjonali li jinżamm xi kapital bankarju sabiex ikun hemm fehim dwar is-settur bankarju.
3.4.1.3 Biċċiet mis-settur finanzjarju, li rċevew appoġġ mingħajr preċedent mill-gvernijiet, sussegwentement ħadu sehem f’attakki spekulattivi fuq is-suq tal-ishma sovrana fiż-żona tal-euro matul il-kriżi Griega. Is-suq finanzjarju pprova jaħtaf is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-politiċi. Wara l-iżvilupp ta' kriżi gravi immens, il-politiċi reġgħu kisbu setgħathom. Il-politiċi jistgħu jiġu kkritikati talli naqsu milli jieħdu azzjoni sakemm kien hemm kriżi gravi, kemm fil-kriżi finanzjarja kif ukoll fil-kriżi tal-ishma sovrani. Dan juri li r-regolazzjoni u s-superviżjoni finanzjarji mhumiex biżżejjed. Hemm bżonn regolazzjoni u prattiki ta' superviżjoni iktar effettivi biex tinbidel l-imġiba tal-istituzzjonijiet finanzjarji u biex jinstabu mezzi ġodda għall-finanzjament tad-dejn pubbliku.
3.4.2
Fil-perijodu fit-tul, l-investimenti jridu jkunu konċentrati fuq il-protezzjoni ambjentali u l-miżuri kontra t-tibdil fil-klima. Il-bidla fil-kompożizzjoni tal-investimenti trid tibda minn issa. Skont il-Kummissjoni jidher li hemm tendenza iktar qawwija lejn bidla fost il-kompetituri internazzjonali tagħna. Il-bidla hija kruċjali, mhux biss għal raġunijiet ambjentali, iżda wkoll għall-kompetittività globali Ewropea. Jistgħu jinħolqu impjiegi ġodda biex jissostitwixxu dawk li jisparixxu. B’dan il-mod, is-sostenibbiltà ekonomika tista’ tingħaqad mas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali. L-istess bħall-Kummissjoni fil-proposta għal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika, il-KESE huwa favur it-taxxi bħala strument biex is-suq jiġi influwenzat inaqqas l-emissjonijiet perikolużi.
3.4.3
F’perijodu ta' nuqqas ta' investimenti kummerċjali s-settur pubbliku għandu jidħol b’investimenti pubbliċi. Dan huwa meħtieġ kemm bħala stimolu għat-tkabbir kif ukoll minħabba l-bżonn kbir għall-investimenti fl-infrastruttura u l-enerġija. Il-fatt li s-settur bankarju m’għadux irid jieħu r-riskju li jsellef lill-intrapriżi hija problema partikolari għall-SMEs. Minkejja l-problemi attwali tal-ishma tal-gvern għad hemm rata ta' interessi bonus għall-ishma tal-gvern fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, u dan ifisser vantaġġ kbir għall-investimenti pubbliċi. Skont il-Patt rivedut ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-investimenti mhux bilfors iridu jiddaħħlu fil-kalkoli tal-iżbilanċi eċċessivi.
3.4.4
Il-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom ikunu attivi u mhux biss ristretti għall-appoġġ ekonomiku għall-persuni qiegħda. Intużaw bosta skemi differenti biex jingħataw ħiliet ġodda lill-persuni li għadhom jaħdmu u lil dawk qiegħda. L-għan tal-“edukazzjoni għal kulħadd” fil-programm Spanjol-Belġjan-Ungeriż huwa wieħed promettenti. Politika inklużiva ma tfissirx biss li n-nies jistgħu jsibu impjieg. Għandha tagħmilha wkoll iktar faċli għalihom biex jieħdu sehem iktar attiv fis-soċjetà.
3.4.4.1 Iżda li jiġi stabbilit objettiv għal żieda fir-rata tal-impjieg, bħal fl-UE 2020, qatt m’huwa biżżejjed. Biex tiżdied ir-rata tal-impjieg, iridu jinħolqu xi politiki fundamentali.
— |
Fosthom insibu politiki dwar il-ħiliet. It-tagħlim tul il-ħajja huwa essenzjali. Problema ikbar hija biex jinstab min irid iħallas. Is-soċjetà, min iħaddem jew l-impjegati? B’xi mod, it-tlieta li huma għandhom ikunu involuti fil-finanzjament. |
— |
Il-qofol huwa l-istandard ġenerali tal-edukazzjoni. L-Ewropa trid tgħolli l-livelli ġenerali tal-għarfien. |
— |
Politika ovvja biex tiżdied ir-rata tal-impjieg hija l-kura tat-tfal ta' kwalità għolja u irħisa, flimkien ma' leave tal-ġenituri li jkun twil biżżejjed u mħallas b’mod suffiċjenti biex ikun ta' inċentiv li wieħed ikollu t-tfal. |
— |
Jeżistu bosta ostakoli li jxekklu n-nies milli jkunu jistgħu japplikaw għal impjieg. Kull żvantaġġ jista’ jeħtieġ il-politika proprja fil-każ tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. |
3.4.5
3.4.5.1 F’rapport (10) dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali, il-Kummissjoni tagħraf li s-sistemi tas-sigurtà soċjali qdew rwol essenzjali biex jittaffa l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi. L-infiq soċjali matul il-kriżi jidher li żdied minn medja ta' 28 sa 31 % tal-PDG tal-Istati Membri. Meta l-bżonn tal-appoġġ għall-qgħad jonqos, l-istess riżorsi pubbliċi għandhom jiġu allokati minflok fil-politika tal-familja u l-iżvilupp tal-ħiliet. Dan huwa eżempju ta' kif strateġija ta' ħruġ tiġi żviluppata fi strateġija ta' dħul.
3.4.5.2 L-appoġġ adegwat għad-dħul, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u għal servizzi soċjali ta' kwalità huma importanti skont il-Kummissjoni. Dak li tista’ tagħmel l-UE dwar il-kwistjonijiet soċjali huwa komplement żgħir għall-politiki soċjali nazzjonali. Rajna bosta strumenti tal-UE biex iħeġġu lill-Istati Membri biex jitgħallmu mingħand xulxin – bench-marking, analiżi bejn il-pari, il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni. Dawn ma kellhomx ir-riżultati mistennija. L-UE ma tistax iġġiegħel lill-Istati Membri biex isegwu eżempji ta' prattika tajba. Il-metodu tal-pubblikazzjoni tal-ismijiet u ċ-ċanfir pubbliku (“naming and shaming”) jista’ jkun wieħed mill-mezzi biex titqajjem kuxjenza pubblika dwar id-differenzi.
3.4.5.3 Il-miżuri tal-awsterità jridu jkunu bbilanċjati. Ma nistgħux nippermettu li s-sistemi tas-sigurtà soċjali jiġu ssagrifikati minħabba l-ibbilanċjar tal-baġits. Il-kriżi żvelat in-nuqqasijiet li għad hemm fis-sistemi soċjali. L-arkitettura tas-sistemi soċjali għandha twassal għall-benesseri u l-impjiegi. Iżda s-sistemi soċjali għandhom ir-restrizzjonijiet tagħhom ukoll – iridu jinżammu fil-limiti tal-possibbiltajiet finanzjarji.
3.4.6 (11)
3.4.6.1 F’opinjoni dwar l-istrateġija ta' wara Lisbona, il-KESE semma kemm taxxa fuq it-transazzjonijiet fiskali kif ukoll taxxa fuq id-diossidu tal-karbonju bħala sorsi ġodda għad-dħul pubbliku. Dawn għandhom l-hekk imsejħa dividendi doppji, jiġifieri li apparti milli jżidu d-dħul huma jistgħu wkoll inaqqsu l-approċċ fuq perijodu qasir fis-suq finanzjarju u jtejbu l-ambjent tagħna. Ir-raġuni attwali għat-tfittxija għal sorsi ġodda ta' finanzjament huwa biex jitnaqqsu l-iżbilanċi baġitarji kbar. It-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u d-diossidu tal-karbonju huma preferuti iktar minn żieda f’taxxi oħrajn bħal dawk fuq ix-xogħol u l-VAT. Dawn tal-aħħar inaqqsu d-domanda ġenerali, li fis-sitwazzjoni attwali mhuwiex rakkomandabbli.
3.4.6.2 Metodu ieħor ġdid għall-finanzjament pubbliku huwa l-Eurobonds. Dawn jistgħu jipprovdu l-kapital lis-settur pubbliku mingħajr ma jistrieħ għalkollox fuq is-settur finanzjarju privat. Il-Eurobonds jiġbdu riżorsi finanzjarji direttament mis-sors tagħhom bħall-fondi tal-pensjonijiet li jkunu qed ifittxu l-investimenti fit-tul għal flushom. Teżisti wkoll il-possibbiltà li jinfetħu investimenti privati fit-tul għat-tfaddil fil-BEI sabiex jinstabu sorsi ġodda għall-BEI. B’hekk, il-BEI jsir l-interfaċċja bejn dawn ir-riżorsi ġodda tal-kapital u l-investimenti tiegħu. It-tfaddil għat-tul imbagħad ikun disponibbli għall-investimenti pubbliċi fit-tul, pereżempju fl-infrastruttura. Il-Eurobonds huma “kunċett” iżda għandhom jinkludu l-Istati Membri kollha. Hawnhekk erġajna għandna dividend doppju – il-lok għall-ispekulazzjoni kontra d-dejn sovran fis-suq finanzjaru jitnaqqas ukoll.
Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Skont id-dokumenti tal-Kummissjoni: Progress report on the implementation of the European Economic Recovery Plan (Rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku) u Interim forecast February 2010 (Previżjoni Interim, Frar 2010).
(2) Ara Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji.
(3) Centre for European Policy Studies Nru 202 ta' Frar 2010.
(4) OECD: Pensions at a glance, (Ħarsa ġenerali lejn il-pensjonijiet) 2009.
(5) COM(2010) 2020, punt 4.1.
(6) ILO: Global Wage Report 2009 Update, (Rapport dinji dwar il-Pagi) Novembru 2009.
(7) Eurostat, euroindicators 61/2010, 30 ta' April 2010.
(8) Iċ-ċifri huma kkalkulati mid-data tal-Eurostat. Id-differenzi bejn l-Istati Membri huma kbar b’mod sorprendenti, pereżempju minn 46 % fl-Isvezja sa 75 % fil-Greċja. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi kellhom tnaqqis żgħir fis-sehem tal-konsum tagħhom iżda għal xi wħud il-bidliet kienu drammatiċi. Fir-Renju Unit, it-tnaqqis minn 72 għal 60 % diffiċli li jiġi spjegat.
(9) Crisis in the euro area and how to deal with it (Il-kriżi fiż-żona tal-euro u kif għandha tiġi indirizzata), Centre for European Policy Studies, Frar 2010.
(10) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Proposta għar-Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2010 - COM(2010) 25 finali.
(11) Ara l-opinjonijiet tal-KESE dwar It-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u L-implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE.