11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/129


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol u l-perspettivi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/21

Relatur: is-Sur JAHIER

Nhar is-17 ta' Diċembru 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-rwol u l-perspettivi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta' Ġunju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-15 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’116-il vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-ekonomija soċjali huwa fenomenu importanti u globali li jiddistingwi ruħu bil-kapaċità tiegħu għall-innovazzjoni, id-dinamiżmu, il-flessibbiltà, il-kapaċità li jirreaġixxi malajr, anke fi kriżi severa, u bl-abbiltà tiegħu li jinkludi l-gruppi kollha tal-popolazzjoni b’mod partikolari l-ifqar u l-aktar gruppi marġinalizzati fis-soċjetajiet kollha. Sorsi ta' reputazzjoni tajba ħafna jistmaw li l-ekonomija soċjali tinkludi 10 % tal-popolazzjoni li taħdem tad-dinja (1) u qed tikber kullimkien. Il-karatteristiċi u d-dinamiżmu speċjali tal-ekonomija soċjali jiddistingwuha minn tipi oħra ta' ekonomiji, iżda, fl-istess waqt, jagħmluha totalment komplementari u f’ċerti każijiet anke sinerġetika ma' forom oħra ta' intrapriżi.

1.2   Fl-Afrika, l-ekonomija soċjali hija settur li s’issa fil-maġġorparti tiegħu ġie ttraskurat mill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni speċifika tal-ekonomija soċjali mhijiex rikonoxxuta u għalhekk mhijiex involuta b’mod attiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-politiki u l-proċessi ta' konsultazzjoni. Madankollu, fl-Afrika din l-ekonomija hija parti soda ferm mis-sistemi tradizzjonali ta' appoġġ reċiproku u ta' intrapriżi kollettivi u komunitarji li sikwit isiru intrapriżi kooperattivi jew l-aktar forom varjati ta' intrapriża mutwa. Barra minn hekk, ħafna mill-istrutturi tagħha jagħmlu parti importanti mis-settur enormi tal-ekonomija informali.

1.3   F’kontinent fejn madwar 80 sa 95 % tal-popolazzjoni taħdem fis-settur informali, l-ekonomija soċjali tista’ taqdi rwol deċiżiv fl-iżvilupp u t-trasformazzjoni gradwali ta' dan l-istandard tal-għajxien u tax-xogħol, biex iġġibu konformi mal-istandards għoljin ta' dinjità u ta' protezzjoni soċjali li permezz tagħhom dawn il-partijiet ikunu jistgħu joperaw fis-suq u jagħtu kontribut deċiżiv lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Afrika.

1.4   Fil-kuntest attwali tal-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika, in-natura innovattiva tal-ekonomija soċjali u l-kontribut ewlieni li tista’ tagħti għall-iżvilupp lokali ġew rikonoxxuti uffiċjalment mill-ILO, li organizza l-ewwel Konferenza dwar l-Ekonomija Soċjali f’Johannesburg fid-19-21 ta' Ottubru 2009, fejn adotta Pjan ta' Azzjoni ewlieni. Il-fatt li l-ekonomija soċjali wriet il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi malajr matul il-kriżi, b’mod partikolari f’intrapriżi kooperattivi, wassal sabiex il-Bank Dinji u l-FMI juru interess ġdid fl-ekonomija soċjali.

1.5   Għaldaqstant huwa fl-interess tal-UE, bħala donatur dinji ewlieni, li tinvolvi ruħha f’din l-inizjattiva internazzjonali. Is-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi tan-Nazzjonijiet Uniti, skedata għall-2012, għandha tkun opportunità tajba.

Il-KESE jipproponi l-punti li ġejjin għall-promozzjoni tal-ekonomija soċjali tal-Afrika fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp:

l-iżgurar li l-UE tirrikonoxxi b’mod formali r-rwol u l-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-iżvilupp tal-Afrika;

l-inklużjoni tal-ekonomija soċjali fil-lista ta' atturi mhux governattivi tal-Ftehim ta' Cotonou li għandhom jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim;

l-irdoppjar tal-finanzjament għall-atturi mhux governattivi fid-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi u r-Reġjuni;

l-iżgurar li jiġu inklużi atturi mhux governattivi, inkluża l-ekonomija soċjali tal-Afrika, fir-relazzjonijiet futuri tal-UE mal-pajjiżi tal-ACP fil-perijodu wara l-2020;

l-integrazzjoni tal-ekonomija soċjali fis-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika u b’mod partikolari fis-Seba’ Sħubija dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u l-Impjiegi;

l-inklużjoni tal-kooperattivi Afrikani fil-politiki tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp agrikolu u rurali fl-Afrika;

l-appoġġ tal-ekonomija soċjali tal-Afrika permezz tal-programmi tematiċi tal-UE: “Investiment fir-Riżorsi Umani” u “Atturi Mhux Statali u Awtoritajiet Lokali fl-Iżvilupp”;

it-tħeġġiġ tal-ħolqien u t-tisħiħ tan-netwerks tal-atturi tal-ekonomija soċjali (tramuntana-nofsinhar u nofsinhar-nofsinhar);

il-promozzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kooperazzjoni kulturali u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi u l-politiki tal-UE;

ir-rikonoxximent tal-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-ħolqien tal-impjiegi deċenti fl-Afrika u l-fatt li dan ir-rwol jiġi rifless fil-politiki ta' kooperazzjoni tal-UE;

l-inklużjoni tal-ekonomija soċjali fir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp 2010, liema rapport ser jindirizza l-protezzjoni soċjali;

it-tħeġġiġ ta' ambjent favorevoli għall-funzjonament tal-ekonomija soċjali, inkluż il-qafas legali adatt, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, l-aċċess għall-finanzjament u n-netwerking;

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni intraistituzzjonali Ewropea fil-qasam tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali;

l-inklużjoni tal-ekonomija soċjali fi sħubijiet strateġiċi bejn il-Kummissjoni u l-ILO.

B’konformità ma' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, il-KESE beħsiebu jinvolvi lill-operaturi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika b’mod attiv fl-attivitajiet tiegħu, b’mod partikolari fil-Kumitat ta' Segwitu tal-ACP-UE.

2.   Il-qagħda u d-daqs tal-ekonomija soċjali fl-Afrika

2.1   L-ekonomija soċjali hija magħmula minn dawk “l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet kollha, b’mod partikolari l-kooperattivi, il-mutwalitajiet, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u l-intrapriżi soċjali, li għandhom karatteristika speċifika li jipproduċu prodotti, servizzi u għarfien filwaqt li jsegwu għanijiet ekonomiċi u soċjali u jrawmu s-solidarjetà” (2). Fid-dawl ta' din id-definizzjoni, l-ekonomija soċjali hija settur ekonomiku sinifikanti kemm fl-Ewropa kif ukoll f’kontinenti oħra, ibda bl-Afrika.

2.2   Peress li huwa kunċett inklużiv ħafna, li jiffoka fuq il-karatteristiċi komuni ta' organizzazzjonijiet u negozji differenti, fil-prattika huwa impossibbli li jiġu kkwantifikati l-firxa u d-daqs attwali, f’termini numeriċi, tal-ekonomija soċjali fil-pajjiżi individwali tal-Afrika jew fl-Afrika kollha. Madankollu, il-karatteristiċi tat-tipi differenti ta' organizzazzjonijiet u negozji li jsawru l-ekonomija soċjali tal-Afrika jistgħu jiġu elenkati.

2.3   Tradizzjonalment, il-kooperattivi huma parti fundamentali tal-ekonomija soċjali, u huma definiti mill-ILO (R193, 2002) bħala “assoċjazzjoni awtonoma ta' individwi magħqudin b’mod volontarju biex jissodisfaw il-bżonnijiet u l-istennijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali komuni tagħhom permezz ta' intrapriża b’sjieda konġunta u kkontrollata demokratikament”. Fl-Afrika, il-kooperattivi kienu “importati” mill-awtoritajiet kolonjali, u hekk kif il-pajjiżi bdew jitolbu l-indipendenza tagħhom, saru waħda mill-forom ewlenin tal-kontinent ta' organizzazzjoni ekonomika u soċjali (Develtere, Pollet & Wanyama, 2009). Madankollu, fil-maġġoranza tal-każijiet, il-gvernijiet indipendenti ġodda stabbilixxew rabtiet mill-qrib ħafna mal-kooperattivi li ntużaw biex jitħeġġeġ l-appoġġ u l-kontroll f’għadd ta' kuntesti soċjali u ekonomiċi. B’riżultat tal-liberalizzazzjoni tad-disgħinijiet, il-kooperattivi Afrikani setgħu jagħtu daharhom lir-relazzjoni eċċessivament dipendenti mal-istat, relazzjoni li kienet ikkaratterizzat l-istorja tagħhom sa dak iż-żmien, u jikbsu mill-ġdid l-awtonomija, in-natura volontarja u d-demokrazija interna li huma karatteristiċi distinti tal-mudell kooperattiv biex b’hekk daħlu f’era ġdida ta' rinaxximent u ta' espansjoni.

2.4   Tul dawn l-aħħar 15-il sena, il-mudell kooperattiv infirex aktar u sar aktar popolari. Kif juru Develtere, Pollet u Wanyama (2009) (3) huma u janalizzaw id-data ta' 11-il pajjiż Afrikan, f’bosta każijiet (il-Kenja, il-Gana u s-Senegal biex insemmu xi ftit) l-għadd ta' kooperattivi attivi żdied b’aktar mid-doppju meta mqabbel mal-1989-1992, u saru jagħmlu parti sostanzjali mill-ekonomija nazzjonali.

2.5   Il-maġġoranza tal-kooperattivi Afrikani huma tal-klijenti u joperaw fis-settur agrikolu iżda huma mifruxa ħafna wkoll fis-settur tal-kreditu: skont il-WOCCU, fl-2007 kien hemm 12 000 għaqda tal-kreditu, b’aktar minn 15-il miljun membru minn 23 pajjiż u madwar 3.5 biljun dollaru Amerikan ta' tifdil (Fonteneau & Develtere, 2009), u b’hekk huma l-punt essenzjali tal-istituzzjonijiet ta' mikrofinanzjament f’ħafna reġjuni Afrikani. Il-kooperattivi huma attivi wkoll fis-setturi tal-kostruzzjoni, l-assigurazzjoni u d-distribuzzjoni. Huwa stmat li madwar 7 % tal-popolazzjoni Afrikana attwalment hija msieħba f’kooperattiva.

2.6   Il-mutwalitajiet bażikament huma intiżi biex jipprovdu servizzi ta' benesseri għall-membri u l-familji tal-membri tagħhom, jaqsmu r-riskju u r-riżorsi u joperaw fis-settur tal-protezzjoni soċjali, b’attenzjoni partikolari fuq l-aspetti kollha tas-saħħa u s-servizzi tas-saħħa. Dawn il-mutwalitajiet għandhom daqs u impatt konsiderevoli: madwar 500 jew iktar mutwalità joperaw fl-Afrika tal-Punent, u jipprovdu s-servizzi tagħhom lil mijiet ta' eluf ta' individwi. Fir-Rwanda, mill-2003 ’il quddiem, il-Ministeru tas-Saħħa inkorpora dawn il-mutwalitajiet fl-istrateġija tiegħu għall-espansjoni tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, fid-dawl tal-fatt li, skont id-data tal-Ministeru, 75 % tal-popolazzjoni tappartjeni għal minn tal-inqas mutwalità waħda. Madankollu, mhuwiex biss is-settur tas-saħħa li huwa kkonċernat. Hawnhekk ukoll organizzazzjonijiet u/jew negozji simili għall-mutwalitajiet joperaw f’setturi oħra wkoll. Dan japplika għat-tontines fil-parti frankofona tal-Afrika, u fir-rigward tas-settur tal-kreditu, l-għaqdiet tal-kreditu fil-parti tal-Afrika fejn jiġi mitkellem l-Ingliż u l-għaqdiet li jipprovdu servizzi tal-funerali f’bosta pajjiżi, inklużi l-Etjopja u l-Afrika t’Isfel.

2.7   Għall-ewwel darba, fis-26 ta' Ġunju 2009, fl-Afrika, il-Kunsill tal-Ministri tal-UEMOA adotta Regolament (Nru 07/2009) dwar il-mutwalitajiet. B’hekk il-valuri bażiċi li jiddistingwu l-prinċipji tal-mutwalitajiet ġew identifikati u rikonoxxuti: it-trasparenza, ir-responsabbiltà soċjali, id-demokrazija, l-ugwaljanza, il-ġustizzja u l-appoġġ reċiproku. Dawn il-prinċipji jiddefinixxu wkoll karatteristiċi oħra li huma speċifiċi għall-mutwalitajiet, b’mod partikolari sħubija fuq bażi volontarja u nondiskriminatorja; skop mhux għal qligħ; operat demokratiku u parteċipattiv tal-istituzzjoni; livell għoli ta' appoġġ reċiproku; awtonomija u indipendenza; ħidma volontarja tal-bord tat-tmexxija; parteċipazzjoni responsabbli.

2.8   Grupp kbir ieħor fl-Afrika, li huwa preżenti fis-setturi rurali u urbani kollha possibbli, huwa dak tal-assoċċjazzjonijiet li jinkludu l-organizzazzjonijiet volontarji, l-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, l-organizzazzjonijiet li ma jaħdmux għall-qligħ u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs). In-numru ta' assoċjazzjonijiet relatati mal-ekonomija soċjali żdied ħafna bil-proċessi ta' demokratizzazzjoni fid-disgħinijiet permezz ta' oqfsa legali mtejba u strutturi operattivi flessibbli li jippermettu li l-mudell tal-assoċjazzjoni jiġi adatt skont l-aktar bżonnijiet soċjali varjati. Ir-rwol tal-NGOs huwa partikolarment importanti fi ħdan dan il-grupp. L-NGOs, li sikwit jaħdmu ma' organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet simili fit-tramuntana, jirnexxilhom jiksbu ħafna riżorsi u għaldaqstant joperaw fuq skala usa’. Bl-istess mod, l-imsieħba soċjali sikwit ikunu attivi f’bosta pajjiżi, u jippromovu l-istrutturi u l-inizjattivi tal-ekonomija soċjali.

2.9   Minħabba l-karatteristiċi strutturali u operattivi tagħhom, il-kooperattivi, il-mutwalitajiet, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi l-oħra relatati mal-ekonomija soċjali għandhom impatt ekonomiku u soċjali konsiderevoli fl-Afrika. L-ewwel u qabel kollox, jipprovdu impjiegi u parteċipazzjoni demokratika diretta fl-organizzazzjoni u d-distribuzzjoni tar-riżorsi. Barra minn hekk, peress li joperaw b’mod usa’ fis-soċjetà u sikwit fl-ifqar żoni rurali fejn ftit li xejn ikun hemm inizjattivi tal-Istat, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali jagħtu lill-aktar gruppi vulnerabbli (il-foqra, in-nisa, l-individwi b’diżabbiltà, il-ħaddiema ta' bla sengħa, il-migranti, eċċ) aċċess għas-servizzi soċjali u/jew ekonomiċi. Kemm jekk f’termini ta' mikrofinanzjament jew ta' kura tas-saħħa u għajnuna għall-benesseri għal dawk milquta mill-HIV/AIDs, jew il-parteċipazzjoni f’kooperattiva tal-biedja jew kumpanija tal-funerali, l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jipprovdu miżuri ta' protezzjoni soċjali fuq bażi inklużiva u komunitarja li, fl-istess waqt, tiġġenera oġġetti u servizzi b’impatt ekonomiku ċar, u dan jgħin direttament biex jonqos il-faqar.

2.10   Ir-rwol tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali huwa aktar importanti fil-kuntest tal-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, li fl-Afrika josbqu l-effetti tal-kriżi tal-ikel u tal-enerġija tal-2007-2008 (4). Malli s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' parti kbira tal-popolazzjoni marret għall-agħar, il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw misshom saħħew u espandew is-sistemi ta' protezzjoni soċjali li sikwit kellhom xi nuqqasijiet f’ċerti aspetti. Dan huwa qasam fejn l-ekonomija soċjali diġà hija preżenti u attiva, u sikwit tikkumpensa għan-nuqqasijiet u n-natura frammentata tal-inizjattivi tal-Istat, mingħajr ma tieħu post ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet.

3.   Il-programm tal-ILO

3.1   L-ekonomija soċjali, minħabba l-karatteristiċi inerenti tagħha, fiha nnifisha hija mezz ta' ħolqien ta' impjiegi ġodda, konformità akbar mal-istandards ewlenin tax-xogħol u tippromovi l-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali. Għaldaqstant, tidħol tajjeb mal-objettivi strateġiċi stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol biex jinkiseb u jiġi garantit xogħol deċenti, jiġifieri xogħol li jitwettaq f’kundizzjonijiet ta' libertà, ekwità, sigurtà u dinjità tal-bniedem. Ix-xogħol deċenti, objettiv ewlieni dejjiemi tal-ħidma tal-ILO, huwa l-qofol tal-pjani għat-tnaqqis tal-faqar u huwa għodda għall-promozzjoni tal-iżvilupp inklużiv, ġust u sostenibbli.

3.2   Fir-rapport tagħha dwar “Aġenda għal Xogħol Deċenti fl-Afrika: 2007-2015” (ILO, 2007), l-ILO tistabbilixxi l-opportunitajiet u l-isfidi li l-Afrika qed tiffaċċja biex ix-xogħol deċenti jsir realtà madwar il-kontinent u biex tiżgura żvilupp ekonomiku u soċjali adegwat. L-isfidi ewlenin li ġew identifikati jinkludu l-qgħad, is-sottoimpjieg u l-faqar; ir-rwol tal-protezzjoni soċjali għall-iżvilupp; il-problemi assoċjati mal-esklużjoni soċjali u t-tifrix tal-HIV/AIDS. Id-dokument ma jirreferix b’mod espliċitu għall-ekonomija soċjali. Madankollu, il-kunċetti, il-miżuri, l-attenzjoni għall-kooperattivi u l-assoċjazzjonijiet, l-importanza ċentrali li tingħata lill-ekwità, u l-parteċipazzjoni u l-protezzjoni soċjali kollha huma kompatibbli mal-pedamenti tal-ekonomija soċjali.

3.3   Matul is-snin, l-ILO kisbet għarfien li huwa rilevanti għall-ekonomija soċjali, minn naħa permezz tal-istrumenti tradizzjonali tagħha u min-naħa l-oħra billi stabbilixxiet unità għall-kooperattivi (EMP/COOP) u nediet sensiela ta' programmi ta' assistenza teknika fuq medda ta' kontinenti (eż. CoopAfrica) jew pajjiżi individwali (eż. SAY JUMP fl-Afrika t’Isfel).

3.4   Għaldaqstant, mhux b’kumbinazzjoni li l-ILO ser tkun l-ewwel waħda biex tiftaħ id-dibattitu internazzjonali dwar l-ekonomija soċjali tal-Afrika. Wara li talbet sensiela ta' analiżi u studji dwar il-kooperattivi fl-Afrika, l-ILO organizzat konferenza dwar “L-ekonomija soċjali – Ir-risposta tal-Afrika għall-kriżi globali” f’Johannesburg f’Ottubru 2009. Il-konferenza, li ġabret parteċipanti mill-Afrika kollha, laħqet l-ogħla punt tagħha bl-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi u l-Organizzazzjonijiet tal-Ekonomija Soċjali fl-Afrika (5).

3.5   Il-pjan ta' azzjoni jistabbilixxi erba’ objettivi strateġiċi:

fil-livell globali, l-ILO u l-partijiet interessati fl-ekonomija soċjali jimpenjaw ruħhom biex itejbu r-rikonoxximent tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u jżidu l-għadd ta' sħubijiet bejn il-partijiet interessati fl-ekonomija soċjali fit-tramuntana u n-nofsinhar u bejn in-netwerks tal-ekonomija soċjali tal-Afrika u dawk f’reġjuni oħra;

fil-livell reġjonali, għandhom jippromovu l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, jimmobilizzaw ir-riżorsi biex jistabbilixxu programm tal-ekonomija soċjali għall-Afrika;

fil-livell nazzjonali: l-objettiv hu li jiġi stabbilit, jissaħħaħ u/jew promoss ambjent favorevoli legali, istituzzjonali u ta' politika għall-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u li jiġu żviluppati u msaħħa l-istrutturi tal-ekonomija soċjali;

fl-aħħar, fil-livelli mikro u meso, l-objettiv hu li tissaħħaħ l-effiċjenza tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali bil-għan li jsiru aktar effettivi u jagħtu kontribut biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tan-nies f’termini ta' protezzjoni soċjali, il-ħolqien ta' dħul, il-promozzjoni tal-impjieg, id-drittijiet fil-post tax-xogħol, is-sigurtà tal-ikel, il-ħarsien tal-ambjent, il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, l-esklużjoni soċjali, eċċ

3.6   L-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija wasal wara l-impatt tal-kriżi tal-ikel u tal-enerġija, u għaldaqstant l-objettivi tal-pjan ta' azzjoni ta' Johannesburg huma aktar urġenti. Skont l-ILO, madwar 73 % tal-ħaddiema fis-Sub-Saħara għandhom impjieg prekarju. Dan il-perċentwal seta’ żdied għal 77 % fl-2009, u x’aktarx kabbar it-tensjoni tal-migrazzjoni kemm fl-Afrika stess kif ukoll bejn l-Afrika u l-Ewropa, peress li ħafna ħaddiema jipprovaw isibu futur aħjar. Il-kriżi diġà nħasset fit-tnaqqis ta' investiment barrani dirett fl-infrastruttura u l-manifattura tal-prodotti, u l-fatt li l-migranti qed jibagħtu inqas flus. Il-promozzjoni u t-twaqqif ta' organizzazzjonijiet u intrapriżi tal-ekonomija soċjali jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u b’hekk jipprovdu alternattiva prattika għall-flussi tal-migrazzjoni.

3.7   Il-kontribut vitali tal-kooperattivi għall-iżvilupp soċjoekonomiku dan l-aħħar wassal sabiex in-Nazzjonijiet Uniti jiddikjaraw l-2012 bħala s-Sena Internazzjonali tal-Kooperattivi. Din ser tkun l-opportunità li jiġi promoss u jikber aktar ir-rwol tal-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

4.   Perspettivi u rakkomandazzjonijiet għall-involviment tal-UE u politiki ta' prijorità ġodda

4.1   L-ekonomija soċjali hija fenomenu sinifikanti fl-Unjoni Ewropea u r-rwol ekonomiku u soċjali tagħha qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar. Fl-2006, il-KESE fassal rapport inizjali u estensiv f’dan ir-rigward (6).

Fl-2009, il-Parlament Ewropew irrikonoxxa l-ekonomija soċjali bħala pilastru tal-integrazzjoni Ewropea, “billi l-ekonomija soċjali tirrappreżenta 10 % tat-total tan-negozji Ewropej, b’żewġ miljun intrapriża jew 6 % tal-impjieg totali, u għandha potenzjal għoli biex tiġġenera u żżomm impjieg stabbli” (7).

Fl-aħħar, il-KESE rrakkomanda li jiġu rikonoxxuti u ppreservati l-mudelli differenti ta' intrapriżi, inkluża l-ekonomija soċjali (8).

4.2   L-ekonomija soċjali m’għandhiex il-post speċifiku tagħha fost il-fatturi li jiddeterminaw l-azzjoni tal-UE fil-programmi ta' kooperazzjoni esterna tagħha. Madankollu, is-setturi ewlenin fejn l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali joperaw fl-Afrika lkoll huma fost il-prijoritajiet operattivi tal-UE, jiġifieri l-protezzjoni soċjali, is-saħħa, l-inklużjoni soċjali, l-impjieg, l-iżvilupp agrirurali, il-mikrofinanzjament u l-kultura. B’riżultat ta' dan, għalkemm mhumiex diretti speċifikament lejn l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-istrumenti rilevanti u l-oqsma ta' politika tal-UE li jistgħu jintużaw diġà ġew stabbiliti.

4.3   Madankollu, biex din ir-realtà soċjoekonomika ġdida tal-kontinent Afrikan tiġi inkluża fl-iżvilupp għall-kooperazzjoni tal-UE, ġie rrakkomandat li l-UE tirrikonoxxi formalment l-eżistenza tal-ekonomija soċjali tal-Afrika. L-inklużjoni ta' prijorità ġdida ta' dan it-tip fl-aġenda proprja tagħha tista’ tkun ta' interess speċifiku u valur miżjud għall-UE peress li dan jista’ jħeġġeġ kooperazzjoni espliċita mal-korpi internazzjonali bħall-ILO u l-Bank Dinji u b’hekk jiġu żviluppati sinerġiji tas-sistemi li qed isiru dejjem aktar utli għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Barra minn hekk, din il-prijorità ġdida tinkludi l-partijiet interessati ewlenin Ewropej tal-ekonomija soċjali u konsegwentement tgħin biex jitħeġġeġ appoġġ pubbliku Ewropew għal żieda fl-għajnuna esterna tal-UE.

4.4   L-aktar mezz effettiv biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent kunċettwali tar-rwol u l-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-iżvilupp tal-Afrika huwa l-promozzjoni tas-settur permezz ta' sħubijiet eżistenti tal-UE mal-Afrika, b’mod partikolari permezz tal-Ftehim ta' Cotonou u s-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika.

4.4.1   Fir-rigward tal-Ftehim ta' Cotonou, hija ħasra li r-reviżjoni tal-2010 diġà ġiet konkluża u li d-dispożizzjonijiet dwar l-ekonomija soċjali ma ġewx inklużi f’din ir-reviżjoni. Madankollu, id-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-Afrika għandhom jieħdu passi malajr kemm jista’ biex jinkludu l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali fil-lista ta' atturi li għandhom jiġu kkunsidrati u mistiedna għall-konsultazzjonijiet.

4.4.2   Barra minn hekk, ir-reviżjoni tal-2015 għandha tipprovdi l-opportunità biex l-ekonomija soċjali tiġi rikonoxxuta b’mod espliċitu u inkluża fil-kategorija ta' atturi mhux governattivi li għandhom jiġu informati, kkonsultati u involuti fl-implimentazzjoni tal-Ftehim, u li għandhom jirċievu r-riżorsi finanzjarji u jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom b’mod effettiv.

4.4.3   Il-KESE jqis li d-diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tal-ACP għall-perijodu wara l-2020, meta jiskadi l-Ftehim ta' Cotonou, mhux biss għandha tiżgura l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet istituzzjonali għall-atturi mhux governattivi simili għal dawk tal-Ftehim ta' Cotonou, iżda għandha tiżgura wkoll li l-ekonomija soċjali hija inkluża b’mod espliċitu f’din il-kategorija.

4.5   B’rabta mas-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika, jistgħu jiġu stabbiliti rabtiet diretti bejn l-objettivi u l-azzjonijiet tas-Seba’ Sħubija dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà, l-Impjiegi u l-Ekonomija Soċjali, b’mod partikolari b’rabta mal-kontribut għall-ħolqien tal-impjiegi, il-formalizzazzjoni gradwali tal-ekonomija informali u l-promozzjoni tax-xogħol deċenti. F’dan il-kuntest, it-Tielet Summit bejn l-UE u l-Afrika li għandu jsir f’Novembru 2010 u l-Pjani ta' Azzjoni ġodda li ser jiġu adottati matul is-Summit huma opportunità tanġibbli biex tiġi promossa l-ekonomija soċjali. Pereżempju, il-Pjan ta' Azzjoni ġdid għal din is-Sħubija jista’ jinkludi:

bħala objettiv: ir-rikonoxximent u l-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mezz kif jingħeleb id-distakk bejn l-ekonomija formali u informali u jitħeġġeġ il-ħolqien ta' impjiegi deċenti;

bħala azzjoni: it-titjib tal-kapaċitajiet u l-ħiliet tal-atturi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika billi jiġu żviluppati kurrikula fl-istituzzjonijiet ta' taħriġ vokazzjonali u fl-universitajiet, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni;

bħala azzjoni: l-iffaċilitar tas-self u l-mikrokreditu għall-atturi tal-ekonomija soċjali;

bħala azzjoni: l-għajnuna lill-gvernijiet fl-Afrika biex jistabbilixxu ambjent legali, istituzzjonali u ta' politika li jħeġġeġ il-promozzjoni u l-operazzjoni tal-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

4.6   F’livell settorjali, l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika huma attivi ħafna fis-settur agrikolu u fl-iżvilupp rurali. Saru impenji konkreti f’dan il-qasam taħt l-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika għall-Agrikoltura u fil-Komunikazzjoni dwar Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana (9). Però, l-ebda waħda ma tirreferi għas-settur tal-kooperattivi li huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija soċjali tal-Afrika. Madankollu, hemm bosta opportunitajiet għal azzjoni u kooperazzjoni fil-kooperattivi agrikoli u rurali tal-Afrika u dawn jikkorrispondu għall-objettiv li “jsir enfasi fuq governanza mtejba tal-agrikoltura u jingħata appoġġ lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati Afrikani li huma involuti fl-agrikoltura” (10).

4.6.1   Barra minn hekk, ta' min jinnota li l-Istrument Ewropew għall-Iżvilupp jinkludi programm tematiku dwar is-sigurtà tal-ikel, settur ieħor fejn l-istrumenti u l-programmi eżistenti tal-UE jistgħu jintużaw biex jiġi rikonoxxut ir-rwol fundamentali li l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika jistgħu jaqdu fil-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp.

4.7   Programm tematiku ieħor tal-Istrument Ewropew għall-Iżvilupp li għandu jiġi kkunsidrat huwa “Investiment fin-nies”. Dan il-programm, għall-iżvilupp tar-riżorsi umani, jista’ jintuża biex jiġu appoġġjati t-taħriġ u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet intraprenditorjali tal-atturi tal-ekonomija soċjali fl-Afrika.

4.7.1   Dan ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma fundamentali għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u biex ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq. Għandhom jiġu investiti sforzi partikolari fl-edukazzjoni u t-taħriġ għan-nisa, li r-rwol tagħhom fl-ekonomiji tal-Afrika, b’mod partikolari fis-settur tal-agrikoltura u fiż-żoni rurali, sikwit huwa sottovalutat.

4.8   Fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-ġestjoni, l-UE għandha tiffaċilita u trawwem relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali Ewropew u Afrikani. L-iskambju tal-esperjenzi, il-prattiki tajba u l-għajnuna teknika tul l-assi tat-tramuntana-nofsinhar u tan-nofsinhar-nofsinhar jsaħħu l-istrutturi Afrikani (11). Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ il-ħolqien u t-tisħiħ tan-netwerks tal-ekonomija soċjali (tramuntana-nofsinhar u nofsinhar-nofsinhar) bħala mezz essenzjali ta' kooperazzjoni u trasferiment ta' għarfien bejn l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali.

4.9   L-edukazzjoni u t-taħriġ huma importanti wkoll għall-ħila fis-sengħa u, b’mod usa’, għall-kooperazzjoni kulturali. Iż-żewġ oqsma huma importanti għall-ħolqien tal-impjiegi, kif diġà stqarr bosta drabi il-KESE. Konsegwentement, l-UE għandha tqis dawn is-setturi hi u tinkludi l-ekonomija soċjali tal-Afrika fil-programmi u l-politiki tagħha.

4.10   Barra minn hekk, fir-rigward tal-ħolqien tal-impjiegi, li, flimkien mal-protezzjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi, huwa parti fundamentali tal-ekonomija soċjali, speċjalment fir-rigward tal-impjiegi rurali, xi aspetti tal-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika jistgħu jintrabtu mal-Pjan ta' Azzjoni ta' Johannesburg. Dan japplika għat-Tielet Azzjoni ta' Prijorità dwar l-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar tas-Sħubija bejn l-UE u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u l-Impjiegi, li tenfasizza l-prinċipji ta' xogħol deċenti.

4.11   Mezz ieħor biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent konċettwali tar-rwol tal-ekonomija soċjali fl-iżvilupp tal-Afrika jista’ jkun ir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2010. Fl-2010, ir-rapport ser jindirizza t-tema tal-protezzjoni soċjali, qasam fejn l-organizzazzjonijiet u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jaqdu rwol fundamentali, speċjalment fl-Afrika, kif diġà ġie ddikjarat (12). Barra minn hekk, l-inklużjoni espliċita tal-ekonomija soċjali tal-Afrika fir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2010 twassal biex tiġi abbozzata politika speċifika ta' protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp, li bħalissa hija nieqsa.

4.12   IL-KESE jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tibda tieħu nota ta' kif l-Istati Membri jikkooperaw mal-atturi tal-ekonomija soċjali tal-Afrika biex ikun hemm aktar koordinazzjoni u qsim tax-xogħol f’dan il-qasam bejn l-UE u l-Istati Membri.

4.13   Sabiex l-ekonomija soċjali tal-Afrika tkun tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-eliminazzjoni tal-faqar, jinħtieġ ambjent favorevoli li jinkludi l-qafas legali adatt, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, aċċess għall-finanzjament u netwerking bejn l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali tal-Afrika u l-kontropartijiet Ewropej tagħhom. Rigward l-ambjent legali, l-UE u l-ILO għandhom iħeġġu lill-awtoritajiet Afrikani jirreġistraw l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u jintroduċu leġislazzjoni li tippermetti l-operazzjoni effettiva ta' dawn l-atturi filwaqt li tkopri l-kwistjoni ewlenija tas-sjieda tal-mezzi ta' produzzjoni. L-UE u l-Istati Membri jistgħu jaqsmu l-aħjar prattiki mill-pajjiżi Ewropej fejn l-ekonomija soċjali hija l-aktar attiva.

4.13.1   L-appoġġ tal-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u n-netwerking tal-atturi tal-ekonomija soċjali għandhom jiġu ġestiti fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew b’mod partikolari permezz tal-Ftehim ta' Cotonou, l-Istrateġija bejn l-UE u l-Afrika u l-Programm Tematiku dwar “Atturi mhux governattivi u l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp” (strument Ewropew għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp) (13). L-attivitajiet jistgħu jinkludu appoġġ għall-koordinazzjoni, konsulenza u djalogu, integrazzjoni vertikali u orizzontali tal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, taħriġ, eċċ.

4.13.2   Għal dan il-għan, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali għandhom jiġu inklużi fil-kategorija ta' atturi mhux governattivi eliġibbli fil-Programm Tematiku msemmi hawn fuq. Barra minn hekk, il-finanzjament għal dawn il-programmi tematiċi u għal programmi tematiċi addizzjonali fejn l-ekonomija soċjali tista’ tiġi involuta b’mod effettiv (14) għandu jiżdied matul ir-reviżjoni tal-Perspettivi Finanzjarji Ewropej (2014-2020) li jmiss sakemm jiġi rdoppjat, kif diġà talab il-KESE (15). Indipendentement mill-finanzjament tal-UE, il-koordinazzjoni, id-djalogu, is-sinerġiji u l-proġetti konkreti ta' kooperazzjoni għandhom jitħeġġu u jissoktaw bejn is-setturi differenti tal-ekonomija soċjali Ewropea u Afrikana u b’mod partikolari bejn l-organizzazzjonijiet Afrikani. Bl-istess mod, il-finanzjament għall-programmi rilevanti tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ 2014-2019) għandu jiżdied, biex l-ekonomija soċjali tibbenefika minn din l-għajnuna.

4.14   Aspett addizzjonali li jikkarterizza ambjent favorevoli huwa, l-ewwel u qabel kollox, il-kundizzjonijiet ġenwini għal aċċess għall-finanzjament għall-atturi mhux governattivi abbażi ta' proċeduri semplifikati.

Aspett partikolari u innovattiv huwa s-self fil-perijodu fit-tul għal atturi aktar strutturati tal-ekonomija soċjali. Min-naħa tagħha, l-UE għandha tiffaċilita l-aċċess għal dan is-self permezz ta' strumenti eżistenti jew ġodda.

4.15   Fl-aħħar, il-KESE jitlob għal kooperazzjoni Ewropea intra u interistituzzjonali għall-promozzjoni tal-ekonomija soċjali tal-Afrika:

il-Parlament Ewropew, li diġà adotta riżoluzzjoni dwar l-impatt tal-ekonomija soċjali fuq l-integrazzjoni Ewropea (16), huwa mitlub jadotta riżoluzzjoni dwar il-kontribut tal-ekonomija soċjali tal-Afrika għall-eliminazzjoni tal-faqar, fil-Kumitat tal-Iżvilupp u/jew fl-Assemblea Konġunta Parlamentari bejn l-UE u l-ACP;

il-Presidenza tal-Belġju tal-Kunsill tal-UE, ta' matul it-tieni nofs tal-2010 meta għandu jiġi organizzat it-Tielet Summit bejn l-UE u l-Afrika, hija mistiedna taħdem b’mod attiv biex iżżid ir-rikonoxximent u l-appoġġ tal-ekonomija soċjali tal-Afrika;

ġie rrakkomandat li l-Kummissjoni Ewropea tesplora possibbiltajiet għall-inklużjoni tal-ekonomija soċjali fis-Sħubija Strateġika Kummissjoni-ILO fil-qasam tal-iżvilupp, li għandha l-għan li tnaqqas il-faqar u tikkontribwixxi għall-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u l-Aġenda ta' Xogħol Deċenti għal Kulħadd (17).

Brussell, 15 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Dokument preparatorju għall-Konferenza tal-ILO f’Johannesburg, 19-21 ta' Ottubru, issir referenza għalih fl-Appendiċi 3.

(2)  Ara l-Artikolu 1 tal-Preambolu tal-Pjan ta' Azzjoni għall-promozzjoni tal-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali fl-Afrika, li tfassal fil-Konferenza Reġjonali tal-ILO dwar l-Ekonomija Soċjali – Ir-Risposta tal-Afrika għall-Kriżi Globali, Johannesburg, 19-21 ta' Ottubru 2009. Ara wkoll id-dijagramma fl-Appendiċi 2.

(3)  Op. cit., Appendiċi 3.

(4)  Ara l-Opinjoni REX 285 – CESE 1954/2009, Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi, relatur: is-Sur Jahier.

(5)  Ara Appendiċi 1 u http://www.ilo.org/public/english/region/afpro/addisababa/pdf/se_planofaction_en.pdf.

(6)  CIRIEC, L-ekonomija soċjali fl-Unjoni Ewropea, CESE/COMM/05/2005.

(7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali; relatur: is-Sinjura Toia.

(8)  INT/447 – CESE 1454/2009, Forom differenti ta' intrapriża, relatur: is-Sur Cabra De Luna; korelatur: is-Sinjura Zvolská.

(9)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana – Proposta għal kooperazzjoni fuq livell kontinentali u reġjonali dwar żvilupp agrikolu fl-Afrika (COM(2007) 440 finali).

(10)  The Africa-EU Strategic Partnership – A Joint Africa-EU Strategy (Is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika – Strateġija konġunta bejn l-UE u l-Afrika), punt 73.

(11)  Eżempju pożittiv tan-netwerk tat-Tramuntana-Nofsinhar tal-ekonomija soċjali huwa Réseau ESMED (Réseau Euro-méditerranéen de l'Economie Sociale – Netwerk Ewro-Mediterranju tal-Ekonomija Soċjali) li jinkludi organizzazzjonijiet minn Spanja, Franza, l-Italja, il-Marokk, il-Portugall u t-Tuneżija., Dan jgħin u jkattar skambji u proġetti ta' kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja.

(12)  Ara punti 2.8 u 2.9 hawn fuq.

(13)  L-Artikolu 5.1.2 ta' dan il-programm jiddikjara li l-UE ser tappoġġja l-inizjattivi li jikkontribwixxu għal żieda fin-numru ta' skambji transnazzjonali, it-tiswir tal-kunfidenza, in-netwerking u l-attivitajiet ta' koordinazzjon bejn atturi mhux governattivi u l-awtoritajiet lokali (Tramuntana-Nofsinhar, Nofsinhar-Nofsinhar).

(14)  Pereżempju, il-Programmi Tematiċi tal-Istrument Ewropew ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp “Ninvestu fin-nies” u “Is-sigurtà tal-ikel”.

(15)  Ara punt 6.3 tal-Opinjoni REX/285-2009 dwar Appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ilaħħqu mal-kriżi, relatur: is-Sur Jahier.

(16)  Ara nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(17)  http://ec.europa.eu/europeaid/what/social-protection/documents/memorandum_of_understanding_ec_ilo_en.pdf