11.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/99


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn politika tal-UE mmirata lejn ir-razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni fl-Ewropa” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 44/16

Relatur: is-Sur GENDRE

Korelatur: is-Sur KONSTANTINOU

Nhar is-16 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Lejn politika tal-UE mmirata lejn ir-razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-1 ta' Lulju 2010.

Matul l-464 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta' Lulju 2010 (seduta tal-14 ta' Lulju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’145 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-industrija grafika Ewropea qed ikollha tiffaċċja sfidi enormi minħabba ż-żieda fl-użu tal-internet bħala sors ta' informazzjoni u ta' pubbliċità, it-tnaqqis fin-numru ta' qarrejja tal-gazzetti u r-rivisti, kif ukoll kompetizzjoni dinjija ħarxa li qed taffettwa ċerti prodotti tas-settur.

1.2   Is-settur speċifiku tal-offset bir-rombli (web offset) u tal-fotoinċiżjoni, min-naħa tiegħu, qed jiffaċċja sitwazzjoni aktar iebsa minħabba kapaċità ta' produzzjoni ħafna ogħla minn dik meħtieġa, li xi analisti stmaw bejn 25 u 30 %. Ir-rapport IFO Konjunkturtest, li kkunsidra l-industrija grafika Ġermaniża, jindika li r-rati tal-investiment f’din l-industrija żviluppaw skont it-tendenzi tas-suq u b’hekk naqsu mill-2008 ’l hawn. L-2006 u l-2007 kienu snin pjuttost tajbin għall-industrija grafika (1). Iżda mill-2008 ’l quddiem, iċ-ċikli ta' investiment inżammu f’livell tassew aktar baxx, l-aktar bil-għan li l-fluss tal-produzzjoni jiġi razzjonalizzat u jittejjeb.

1.3   Is-suq grafiku qed ibati minn kapaċità żejda, kif ukoll minn fatturi importanti oħra ta' kompetizzjoni bħall-attrattività tal-mezzi tax-xandir il-ġodda, l-importazzjoni minn pajjiżi li jipproduċu bi spejjeż aktar baxxi u t-tnaqqis fid-domanda. Dan il-kuntest ekonomiku żvantaġġuż ġab miegħu tnaqqis fil-prezzijiet u kellu impatt ħażin fuq l-istandard tal-għajxien tal-impjegati.

1.4   Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika attwali wasslet sabiex l-aċċess għall-kreditu sar aktar diffiċli. Bħalma ġara f’ħafna setturi oħra, dawn it-tendenzi negattivi wasslu biex kiber il-bżonn li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni. Din is-sitwazzjoni influwenzat in-negozjati riċenti dwar il-pagi. F’dan il-kuntest diffiċli, hemm ir-riskju li xi intrapriżi fis-settur grafiku, b’mod partikolari dawk li joperaw f’oqsma tas-suq aktar dgħajfa, ikollhom jirristrutturaw u jnaqqsu l-impjegati fuq skala kbira.

1.5   Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-riżultati ta' studju li analizza l-fatturi ta' kompetittività tas-settur. Din ir-riċerka wasslet għal proposti favur pjan ta' azzjoni għall-industrija grafika. Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti kollha, li qed jibdew jiġu implimentati mill-intrapriżi u li għadhom rilevanti. Jinsab sodisfatt bil-progress li sar iżda jqis li d-diffikultajiet tas-settur, li ħarġu aktar bil-qawwi minħabba l-kriżi u r-riċessjoni li laqtu lill-Istati Membri kollha tal-UE, jeħtieġu inizjattivi ġodda maħsuba sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fuq perijodu qasir u medju.

1.6   Il-KESE ġie infurmat li jeżisti proġett konġunt ġdid ta' sena bejn it-trejdjunjins u dawk li jħaddmu fis-settur li għandu l-għan li jiddefinixxi linji gwida bejn l-imsieħba soċjali dwar ir-ristrutturazzjoni soċjalment responsabbli tal-intrapriżi. Permezz ta' dan il-proġett imniedi fl-2009, dawk li jħaddmu u t-trejdjunjins jistgħu jwettqu analiżi komuni tal-problemi tas-settur u jibdew jirriflettu dwar kif jistgħu jsolvuhom b’konsultazzjoni bejniethom. Dawn id-diskussjonijiet ser ikollhom jersqu lejn it-tfassil ta' pjan ta' azzjoni mmirat lejn it-tnaqqis fil-kapaċità żejda tas-settur.

1.7   Dan il-pjan jista’ jagħmel parti minn politika industrijali fuq perijodu aktar fit-tul li tkun tinkludi riflessjoni dwar il-mudelli l-ġodda ta' attività għall-industrija grafika. Dawn l-isforzi għandhom ikunu mmonitorjati minn grupp ta' livell għoli magħmul minn rappreżentanti tal-industrija, minn trejdjunjins tal-impjegati u minn esperti, imwaqqaf taħt il-partoċinju tal-Kummissjoni Ewropea. Dan il-grupp ikollu l-kompitu li jidentifika l-bidliet tal-ġejjieni u l-għodod meħtieġa biex dawn il-bidliet jiġu indirizzati bis-saħħa ta' sistema trasparenti tal-ġbir ta' informazzjoni.

1.8   Bħalissa, id-djalogu soċjali formali bejn dawk li jħaddmu u t-trejdjunjins jeżisti biss fil-livell tal-intrapriżi u fil-livell nazzjonali. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni twaqqaf kumitat għad-djalogu soċjali Ewropew għas-settur kollu.

1.9   L-aġenda għal djalogu soċjali Ewropew formali u strutturat tista’ tinkludi dan li ġej:

1)

Diskussjoni dwar id-diversi miżuri kapaċi jħarsu l-impjiegi bis-saħħa tat-taħriġ u l-bdil tal-kompiti tal-impjegati b’rabta mat-tnaqqis u l-adattament tal-ħin tax-xogħol, l-użu tat-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol (qgħad tekniku) u t-tiftix ta' mobbiltà interna u esterna fi ħdan il-kumpanija jew fil-professjoni.

2)

Studju tal-isforzi li jridu jitwettqu sabiex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-produzzjoni tiġi adattata għad-domanda tas-suq, mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi ħżiena fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

3)

Rakkomandazzjoni komuni mir-rappreżentanti ta' dawk li jħaddmu u l-ħaddiema fir-rigward ta' linji gwida dwar l-investiment fit-tul, bil-fehim li l-bżonnijiet ta' investimenti ġodda u tal-ambitu ta' dawn l-investimenti jistgħu jiġu analizzati għalkollox biss fil-livell ta' kull intrapriża. Ir-rikonoxximent tal-elementi ta' strateġija adegwata dwar l-investiment għandu jiżgura l-akkwist ta' tagħmir ta' sostituzzjoni jew bi tweġiba għall-bżonnijiet tas-suq, u bis-saħħa t’hekk l-intrapriżi għandhom ikunu jistgħu jarmaw ruħhom tajjeb biex jaħdmu b’mod effiċjenti fl-oqsma attwali jew futuri tagħhom.

4)

Il-ħtieġa li s-sitwazzjoni finanzjarja tas-settur tiġi analizzata permezz tal-ġbir u l-konsolidazzjoni tad-data pubblika, mingħajr ma tiġi mhedda l-kunfidenzjalità tad-deċiżjonijiet strateġiċi ppjanati mill-intrapriżi. Din hija prijorità assoluta sabiex tkun tista’ ssir analiżi aħjar tal-flessibbiltà attwali fis-settur.

5)

Il-ġbir tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-taħriġ u l-bdil tal-karrieri, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tal-istandards aċċettati tal-mudell soċjali Ewropew u tal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet kollettivi fejn dawn jeżistu.

1.10   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni toħloq osservatorju jew kunsill settorjali għall-impjiegi u l-kompetenzi fil-livell Ewropew maħsub sabiex ikun jista’ jkejjel il-ħtiġijiet preżenti u futuri tas-settur u jgħin sabiex il-provvista tat-taħriġ tikkorrispondi għad-domanda. Dan l-osservatorju jkun jista’ jħeġġeġ it-taħriġ professjonali kontinwu kif ukoll il-mobbiltà tal-impjegati u l-bdil tal-karrieri.

1.11   Bħala pass immedjat, il-KESE jipproponi li, bis-saħħa tal-appoġġ finanzjarju u loġistiku tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll bil-preżenza tagħha, l-assoċjazzjonijiet Ewropej kompetenti jorganizzaw konferenza għall-partijiet interessati kollha bil-għan li tiġi stabbilita stampa ċara tas-sitwazzjoni sabiex b’hekk jiġu identifikati prospetti għal azzjoni fuq perijodu qasir u li jiġi ffinanzjat studju indipendenti dwar il-ġejjieni tas-settur fuq perijodu twil u ta' daqs medju. L-imsieħba soċjali jistgħu jingħataw il-missjoni li jipproponu miżuri li għandhom jiġu applikati b’mod urġenti sabiex is-suq jikseb mill-ġdid funzjonament sostenibblili u li jidentifikaw il-modi differenti kif għandha mnejn tiżviluppa l-professjoni.

1.12   Tista’ ssir analiżi tal-attività tal-intermedjarji sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-attività tagħhom fuq kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet, filwaqt li l-użu tal-ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni jista’ jiġi eżaminat mill-intrapriżi bil-għan li dan jikkontribwixxi għal użu aħjar tal-kapaċità tal-produzzjoni permezz tal-ekonomiji ta' skala u t-titjib fit-tekniki tal-produzzjoni.

1.13   Il-KESE jħeġġeġ lill-poteri pubbliċi nazzjonali u Ewropej sabiex jiffaċilitaw l-aċċess tas-settur għall-finanzjament pubbliku, b’mod speċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, il-FEŻR u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, fil-kuntest tal-iżvilupp ta' azzjonijiet relatati mat-taħriġ, il-bdil tal-karrieri u l-appoġġ għall-mobbiltà ta' dawk li jaħdmu fl-industrija grafika. Huwa jistieden lill-intrapriżi jeżaminaw il-possibbiltajiet li l-BEI jintervjeni sabiex jiffinanzja l-akkwist ta' teknoloġiji ġodda marbuta mal-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda.

2.   Kuntest

2.1   L-iżviluppi fl-industrija grafika Ewropea huma marbuta mill-qrib mat-tibdil li jolqot lill-fornituri tal-karti, il-linka u l-makkinarju tal-istampar kif ukoll lill-klijenti tagħhom, li għandhom id-diffikultajiet tagħhom x’jiffaċċjaw u li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jegħlbuhom; għal xi wħud dan jinvolvi proċess ta' konċentrazzjoni.

2.2   Dawn id-diffikultajiet ġejjin mill-bidliet strutturali fil-mezzi tal-komunikazzjoni li qed ikomplu jiħraxu minħabba l-kriżi: l-iżvilupp tal-internet bil-mod il-mod qiegħed jibdel il-komponenti tas-suq. L-impatt qawwi tal-internet qiegħed jinħass fil-katina tal-valur kollha kemm permezz tat-tnaqqis fil-baġits tal-pubbliċità, ħaġa li, b’mod parzjalment irriversibbli, qed tiċħad ċertu dħul vitali lill-mezzi tax-xandir grafiċi, b’konsegwenzi negattivi fuq il-pluraliżmu tal-informazzjoni.

2.3   Fil-każ tal-intrapriżi li jaħdmu f’ċerti oqsma tas-settur fejn il-prodotti m’għandhomx restrizzjonijiet ta' żmien biex jaslu fis-suq (b’mod partikolari l-qasam ta' kategoriji differenti ta' kotba), il-possibbiltajiet il-ġodda ta' trasport u komunikazzjoni qed iwasslu sabiex dawn l-intrapriżi jikkompetu ma' kumpaniji tal-istampar li joperaw fl-Indja jew fiċ-Ċina. Jidher ukoll li l-intermedjarji li jippruvaw jiksbu l-orħos prezzijiet għandhom aktar tendenza li jagħmlu l-ordnijiet tagħhom għand stamperiji Asjatiċi u b’hekk qegħdin jippromovu l-iżvilupp ta' tendenza ta' deflazzjoni li qed tkun ta' ħsara għall-investiment. Peress li l-katalogi qed jiġu dejjem aktar ippubblikati online aktar milli fuq il-karta, dawn il-bidliet qed ikollhom reperkussjonijiet negattivi fuq is-settur Ewropew tal-fotoinċiżjoni u l-offset bir-rombli.

2.4   Skont l-aħħar figuri ppubblikati mill-Eurostat, l-industrija grafika Ewropea għandha 132 571 intrapriża u tħaddem aktar minn 853 672 impjegat (2). Seba’ pajjiżi (ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Belġju, il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja) iħaddmu 80 % tal-ammont totali ta' persuni li jaħdmu fis-settur fl-UE-25. Aktar minn 95 % tal-intrapriżi grafiċi Ewropej iħaddmu anqas minn 50 ruħ, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 60 % tal-impjiegi, filwaqt li anqas minn 1 % tal-intrapriżi grafiċi jħaddmu aktar minn 250 ruħ, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 13 % tal-impjiegi totali. Madankollu, sabiex tinkiseb stampa aktar sħiħa u preċiża tas-settur, teħtieġ data kkwantifikata aktar dettaljata, li għalissa għadha mhijiex disponibbli.

2.5   Din l-opinjoni tiffoka essenzjalment fuq il-fotoinċiżjoni u l-offset bir-rombli, minħabba li jinvolvu numru kbir ta' kopji stampati u ta' pubblikazzjonijiet, u għalhekk ma tkoprix fil-fond is-settur tal-gazzetti jew dak tal-istampar tal-imballaġġi, li huma kkunsidrati bħala swieq differenti minħabba t-tip ta' prodotti li jinvolvu. Fil-fatt, ħafna gazzetti għandhom l-istamperija tagħhom u joperaw f’dan is-suq speċifiku biss b’mod marġinali. Is-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni jinkludi l-intrapriżi grafiċi li jipproduċu kwantitajiet kbar ħafna ta' prodotti. L-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni huma proċeduri ta' stampar differenti, li jeħtieġu makkinarju differenti. L-offset jintuża mill-intrapriżi l-kbar tal-offset bir-rombli u mill-intrapriżi ż-żgħar tal-offset ibbażat fuq il-karti. Is-setturi Ewropej tal-offset u l-fotoinċiżjoni, meqjusin flimkien, jirrappreżentaw 56 % tas-suq totali tal-istampar tradizzjonali fl-Ewropa (3). L-intrapriżi kkonċernati jipproduċu kotba, direttorji, katalogi u rivisti li, minħabba n-natura tagħhom, għandhom tendenza li jiġu stampati fi kwantitajiet kbar ħafna, li ġeneralment ivarjaw bejn 10 000 u 300 000 kopja.

2.6   Ir-rivisti jirrappreżentaw nofs il-produzzjoni, filwaqt li l-katalogi, il-fuljetti tal-pubbliċità u l-kotba jirrappreżentaw primarjament in-nofs l-ieħor. Il-produzzjoni totali tuża 5 miljun tunnellata karta. Il-biċċa l-kbira tar-rivisti fl-Ewropa, kif ukoll diversi tipi ta' imballaġġ, jiġu stampati bil-fotoinċiżjoni. Il-kapaċità annwali totali tas-settur Ewropew tal-fotoinċiżjoni hija ta' aktar minn 5 miljun tunnellata, bi 80 % ta' din il-kapaċità kkonċentrata f’biss 5 pajjiżi. B’kollox, fl-Ewropa jintużaw 222 rotattiva.

2.7   Fl-Ewropa, is-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni huwa magħmul l-iktar minn intrapriżi kbar, kemm fl-offset bir-rombli (bejn wieħed u ieħor 30 intrapriża fl-Ewropa) kif ukoll fil-fotoinċiżjoni (bejn wieħed u ieħor 25 intrapriża fl-Ewropa). Dawn l-intrapriżi jikkompetu bejniethom biex itejbu sehemhom mis-suq fil-kuntest ta' domanda dinjija dejjem iċken. Dawn l-aħħar snin, is-settur tal-fotoinċiżjoni qed ikollu jiffaċċja kompetizzjoni aktar qawwija min-naħa tas-settur tal-offset bir-rombli. L-intrapriżi qed ikollhom jiffaċċjaw pressjoni dejjem aktar qawwija u l-imsieħba soċjali qegħdin iħabbtu wiċċhom man-negozjati dwar ir-ristrutturazzjonijiet filwaqt li jippruvaw iżommu kemm jista’ jkun l-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi.

3.   Raġuni

3.1   Il-problemi li qed ikollha tiffaċċja l-industrija grafika Ewropea b’mod ġenerali huma ferm akbar għas-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni li ntlaqat bil-kbir minn sfidi kemm strutturali kif ukoll ċikliċi: it-tibdil globali fis-settur tal-mezzi tax-xandir kif ukoll iż-żieda fl-użu tal-internet li qed iċekknu s-suq tal-prodotti stampati fil-qasam tal-informazzjoni, il-kapaċità żejda u l-investiment żejjed, u l-konċentrazzjoni.

3.2   Żviluppi ġenerali fis-settur tal-mezzi tax-xandir

3.2.1   Matul is-snin li ġejjin, il-volum tal-prodotti huwa mistenni jkompli jonqos minħabba l-iżvilupp tal-pubblikazzjonijiet online, tal-pubbliċità fuq l-internet u l-bidla fl-imġiba tal-qarrejja li dan qed iġib miegħu.

Il-produzzjoni ta' direttorji u katalogi naqset matul dawn l-aħħar ħames snin. Il-produzzjoni ta' dawn l-oġġetti hija essenzjali għas-settur Ewropew tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni. Jekk din it-tendenza tkompli sejra, ser ikun hemm ristrutturazzjonijiet ġodda u fużjonijiet ġodda, ser ikollhom jagħlqu aktar siti ta' produzzjoni u ser ikun hemm aktar telf ta' impjiegi.

3.2.2   Matul dawn l-aħħar għaxar snin, is-settur Ewropew tar-rivisti mar għall-agħar u rreġistra tnaqqis kemm fil-bejgħ kif ukoll fil-prezzijiet (4). Barra minn hekk, skont l-Intergraf, erbgħa mis-sitt pajjiżi ewlenin li jipproduċu r-rivisti kellhom tnaqqis fil-bejgħ bejn l-2001 u l-2004, bl-eċċezzjoni ta' Spanja u l-Italja fejn il-bejgħ żdied bi ftit. Figuri aktar reċenti juru li s-swieqfl-Italja u fi Spanja bħalissa qegħdin jiċkienu. Fl-2009, l-investimenti tal-pubbliċità mmirati lejn ir-rivisti perjodiċi naqsu bi 28,7 % fl-Italja (Nielsen), filwaqt li l-produzzjoni tar-rivisti marret lura b’10,5 % f’termini ta' piż (Istat). Din it-tendenza għadha b’saħħitha u ser tkompli sakemm jibqa’ jkun hemm kapaċità żejda fis-settur. Peress li l-intrapriżi qed jimmiraw lejn swieq aktar speċjalizzati biex itejbu l-bejgħ tagħhom, qegħdin jordnaw inqas kopji stampati u dan qed ikollu impatt ħażin fuq is-settur tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni, fejn l-iffrankar fl-ispejjeż tal-produzzjoni jista’ jsir biss meta jiġu stampati ammonti kbar ħafna.

3.2.3   Il-gruppi tal-istampa naqqsu l-ammont ta' gazzetti li jippubblikaw ta' kuljum minħabba t-tnaqqis fin-numru ta' qarrejja. Fir-Renju Unit, pereżempju, mhux anqas minn 53 pubblikazzjoni (essenzjalment gazzetti li jitqassmu b’xejn kull ġimgħa) twaqqfu fl-2008. Uħud minn dawn il-gruppi jiżviluppaw offerti ta' abbonamenti akkoppjati, għal pubblikazzjonijiet kemm fil-verżjoni stampata kif ukoll diġitali, bi sforz biex tinsab komplementarità bejn dawn iż-żewġ forom ta' diffużjoni tal-informazzjoni u l-pubbliċità. Minkejja li għalissa għad m’hemm l-ebda ċertezza, din il-proċedura taf tgħin sabiex iżżomm lis-settur milli jibqa’ jmur lura u forsi tiffaċilita r-riklassifikazzjoni ta' wħud mill-impjegati.

3.2.4   Il-karta tirrappreżenta aktar min-nofs l-ispejjeż tal-istampar fl-Ewropa u, peress li l-intrapriżi jixtru l-karta fuq bażi individwali, qed isibuha diffiċli jiġġieldu kontra x-xiri fuq bażi kollettiva bħalma jsir fil-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja. F’rapport reċenti ħafna, l-Istationers’ and Newspaper Makers’ Company stmat li d-domanda għall-karta tal-gazzetti ser tonqos bin-nofs (56 %) sal-2020. L-istess rapport jindika wkoll li d-domanda għar-rivisti x’aktarx ser tonqos b’madwar terz minħabba żieda fl-istampar online u r-reperkussjonijiet fuq il-pubbliċità, kif ukoll minħabba l-impatt tal-mezzi tax-xandir diġitali fuq is-settur tar-rivisti speċjalizzati fil-kummerċ (5).

3.2.5   Fil-passat, il-pubblikaturi kienu jippubblikaw fl-istamperiji tagħhom stess. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, ħafna biegħu l-istamperiji tagħhom sabiex jikkonċentraw fuq l-attivitajiet ewlenin tagħhom. Illum il-ġurnata, hija rari li pubblikatur ikollu l-istamperija tiegħu. Barra minn hekk, kultant jużaw is-servizzi tal-intermedjarji u jordnaw ix-xogħol tal-istampar tagħhom mingħand l-istamperija li toffri l-orħos prezz. Din it-tendenza qed tkompli żżid il-pressjoni fuq l-intrapriżi grafiċi u qed tkompli tgħakkes settur li diġà huwa batut ħafna. Il-kapaċità żejda qed tagħmilha possibbli għal dawn il-pubblikaturi kbar u b’saħħithom li jimponu t-tnaqqis fl-ispejjeż. Dan qed iċekken il-marġini tal-intrapriżi grafiċi u qed ikollu riperkussjonijiet ħżiena fuq il-pagi tal-impjegati.

3.2.6   Il-pubblikaturi tal-katalogi u r-rivisti perjodiċi qed jagħmlu pressjoni simili fuq l-ispejjeż tal-manifattura tal-prodotti tagħhom. Peress li għal kull kuntratt ikun hemm kompetizzjoni qawwija, il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi grafiċi qed jippruvaw inaqqsu l-ispejjeż tagħhom bażikament billi jnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi u dan qed iwassal sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol jiddeterjoraw.

3.2.7   Il-kriżi finanzjarja għandha konsegwenzi ħżiena fuq l-aċċess għall-kreditu tal-intrapriżi grafiċi, li għandhom l-iżvantaġġ li m’għandhomx reputazzjoni tajba mal-banek. Barra minn hekk, qed twassal għal tnaqqis fil-baġits tal-pubbliċità u dan qed ikollu impatt negattiv fuq il-volum tax-xogħol.

3.2.8   Fl-aħħar nett, minkejja li hija xi ħaġa ta' min jixtieqha, jidher li huwa diffiċli għall-intrapriżi grafiċi li jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom, peress li l-biċċa l-kbira tagħhom bħalissa mhumiex f’qagħda li jinvestu, speċjalment fil-prepress, minħabba n-nuqqas ta' mezzi finanzjarji u ta' bini disponibbli.

3.2.9   Min-naħa l-oħra, l-unitajiet ta' produzzjoni ż-żgħar u ta' daqs medju donnhom jistgħu jadattaw aktar faċilment għat-tibdiliet strutturali u għad-diffikultajiet ċikliċi minħabba li l-mod kif joperaw huwa aktar adatt għall-bżonnijiet ta' klijentela aktar diversifikata u b’hekk huwa aktar flessibbli. Fil-ġejjieni, dawn l-intrapriżi jistgħu jgħinu sabiex parti mill-impjegati tal-istrutturi l-kbar li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom, parti li mhix faċli li tiġi kkwantifikata, ikunu jistgħu jintegraw ruħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

3.3   Kapaċità żejda u investiment żejjed

3.3.1   Iż-żieda fil-kapaċità żejda (6) tas-suq Ewropew tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni, li ġejja mit-tnaqqis fid-domanda fis-suq Ewropew kif ukoll mill-investiment żejjed, qed ikollha impatt ħażin fuq il-marġni żgħar tal-produtturi. Fejn qabel din ir-realtà kienet diġà qed tħalli impatt, issa hemm riskju serju li jibdew jiġu adottati miżuri aktar ħorox għat-tnaqqis tal-ispejjeż, bħala sforz iddisprat sabiex jinżammu l-marġni, jew inkella għas-sopravivenza. Bosta huma dawk l-intrapriżi li qed ikollhom jaċċettaw prezzijiet tal-bejgħ aktar baxxi mill-ispejjeż globali tal-produzzjoni tagħhom sabiex jillimitaw it-telf.

3.3.2   Skont studju mwettaq mill-UNI Europa Graphical, il-livell tal-produzzjoni grafika tas-settur fl-2008 reġa’ lura għal dak tal-2004 (7). Minkejja dan il-kuntest mhux favorevoli, l-intrapriżi Ewropej tar-rotogravure xtraw 28 magna ġdida bejn l-2005 u l-2008. Huwa minnu li dan l-investiment kien parzjalment tweġiba għal ċerti strateġiji relatati pereżempju mal-ħtieġa li jiġġedded il-materjal, li tingħata tweġiba għall-esiġenzi l-ġodda tas-suq u li tiġi pprovduta kapaċità supplementari sabiex il-livelli għolja ta' produzzjoni jkunu eventwalment iffaċċjati bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Dawn il-magni huma kapaċi jipproduċu materjal stampat b’mod aktar effiċjenti u dan iwassal għal żieda fil-kapaċità żejda tas-settur, li huwa stmat li qabel il-kriżi kienet bejn wieħed u ieħor bejn 15 u 20 % (8). Illum, bil-kriżi, il-kapaċità żejda hija bejn wieħed u ieħor bejn 25 u 30 %.

3.3.3   Skont it-trejdjunjin Ġermaniża ver.di, iż-żieda fil-kapaċità grafika fl-Ewropa kompliet żiedet il-pressjoni tal-kompetizzjoni, li issa saret diżastruża. L-analiżi tagħha tindika wkoll li dawn l-investimenti servew biss biex iżidu l-pressjoni bil-ħsieb li jitnaqqsu l-ispejjeż u li jiġu eliminati l-kompetituri fis-suq, u dan diġà wassal għat-tnaqqis tal-impjiegi fuq skala kbira.

3.3.4   Il-kapaċità żejda u l-investiment żejjed diġà ġabu magħhom numru konsiderevoli ta' fallimenti kbar. Waħda minn dawn l-intrapriżi, Quebecor World, kienet waħda mill-intrapriżi grafiċi ewlenin fl-Ewropa u kienet timpjega aktar minn 20 000 ruħ madwar id-dinja. Fl-2008, il-Quebecor World għalqet minħabba l-kompetizzjoni eċċessiva u ż-żieda fl-użu tal-istampar diġitali. Fl-2009, l-intrapriża rrimborżat id-dejn li kellha u issa hija magħrufa bħala World Color, wara li ċediet l-attività Ewropea tagħha lil fond ta' investiment li jġib l-isem ta' HHBV. Minbarra dawn il-fallimenti, bosta intrapriżi qed ikollhom il-problemi minħabba l-fużjonijiet; dan il-proċess wassal għal ristrutturazzjonijiet kbar ħafna fis-settur u min-naħa tiegħu dan wassal għat-telf ta' impjiegi.

3.3.5   Bħalma ġara f’ħafna setturi oħra, il-kriżi ekonomika kellha riperkussjonijiet serji fuq in-negozjar tal-pagi matul l-2009. Anke meta l-impjiegi jiġu ppreservati, il-pressjoni qawwija li qed issir fuq il-ħaddiema sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol qed ikollhom effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll fuq il-pagi. In-negozjati kollettivi tal-2009 wasslu għal tnaqqis medju ta' -0,9 % tal-kapaċità tal-akkwist tal-impjegati fl-industrija grafika Ewropea (9). It-tkabbir tas-suq ikkontribwixxa għat-tisħiħ tad-deterjorament ċikliku tal-prezzijiet u l-ispiża tax-xogħol kif ukoll tal-ambjent kompetittiv.

3.4   Konċentrazzjoni

3.4.1   Dawn l-aħħar snin, in-numru ta' intrapriżi li jipproduċu l-karta, il-linka u l-makkinarju tal-istampar naqas u dan wassal għal konċentrazzjoni aktar qawwija li poġġiet lill-fornituri f’pożizzjoni ta' saħħa li tagħmilhielhom possibbli jimponu l-kundizzjonijiet tagħhom aktar faċilment.

3.4.2   Barra minn hekk, studju reċenti dwar is-settur grafiku Ewropew juri li l-kapaċità żejda, l-investiment żejjed, id-domanda baxxa, il-prezzijiet aktar baxxi tal-prodotti, it-tnaqqis fil-bejgħ u ż-żieda fil-kompetizzjoni fis-suq wasslu għal fużjonijiet u akwiżizzjonjiet u għal fallimenti ġodda (10).

3.4.3   Il-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet wasslu għal intrapriżi akbar u aktar determinati li jeliminaw il-kompetituri tagħhom. B’hekk, fl-2005, permezz tal-fużjoni tal-attivitajiet grafiċi tal-gruppi tax-xandir Bertelsmann, Gruner + Jahr u Springer, inħolqot Prinovis, l-akbar intrapriża tal-fotoinċiżjoni fi ħdan l-industrija grafika Ewropea. Barra minn hekk, il-grupp Schlott AG laħaq it-tieni post fir-rotogravure fl-Ewropa bis-saħħa tal-akwiżizzjoni tal-intrapriża REUS (Plzeň, ir-Repubblika Ċeka) kif ukoll ta' kapaċità ta' tiwi u stampar (Biegelaar, il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-2006 u fl-2007. Fil-bidu tal-2008, grupp ta' investiment Olandiż ħa f’idejh l-attivitajiet grafiċi Ewropej ta' Quebecor. Il-grupp Britanniku Polestar qiegħed ifittex ma' min jissieħeb sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fis-suq.

4.   Inħarsu ’l quddiem

4.1   Dawn id-diffikultajiet kollha qed ipoġġu s-settur Ewropew tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni f’sitwazzjoni prekarja li tista’ tkun ta' detriment fuq perijodu fit-tul jekk dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, flimkien mal-partijiet interessati l-oħra, ma jaġixxux b’mod urġenti u koordinat. L-imsieħba soċjali kollha waslu għall-konklużjoni li s-settur għandu bżonn jiġi organizzat u strutturat mill-ġdid jekk irid jiżgura l-iżvilupp sostenibbli tiegħu fit-tul. Hemm ir-riskju li x’aktarx matul l-għaxar snin li ġejjin ikun hemm aktar razzjonalizzazzjoni u ħafna impjegati jingħataw is-sensja. Għaldaqstant, l-imsieħba soċjali jqisu li għandhom jittieħdu inizjattivi issa sabiex jiġi żgurat li l-kriżi li qed jiffaċċja s-settur tiġi kkontrollata u ġestita fl-aħjar interess ta' min iħaddem u tal-impjegati. Il-kriżi tant hija serja li t-trejdjunjins bħalissa qed jeżaminaw l-implikazzjonijiet tagħha u qed jippruvaw ifasslu strateġiji kostruttivi sabiex jiġu ppreservati l-impjiegi, jiġi ppjanat il-bdil tal-kompiti tal-impjegati, tiġi evitata d-deterjorament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u jinżamm il-livell tal-pagi.

4.2   Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea, bi ftehim mal-assoċjazzjonijiet professjonali, ipproponiet pjan ta' azzjoni għall-industrija grafika f’sitt punti:

1)

Appoġġ għad-dinamika tal-industrija tal-istampar Ewropea f’suq globalizzat;

a)

Sħubijiet u alleanzi;

b)

Il-ġestjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni;

2)

L-iżvilupp ta' servizzi b’valur miżjud qawwi għall-klijenti;

3)

Titjib fit-taħriġ;

4)

It-tisħiħ tal-istandard Ewropew – standardizzazzjoni u armonizzazzjoni;

5)

Żieda koordinata fl-isforzi tar-riċerka u l-innovazzjoni;

6)

Titjib tar-reputazzjoni tal-industrija grafika.

Il-KESE jappoġġja din il-proposta kollha kemm hi, li għadha ġeneralment attwali, u jinsab sodisfatt bil-progress li diġà sar. Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet tas-settur li ħarġu aktar bil-qawwi minħabba l-kriżi u r-riċessjoni li din ġabet magħha fl-Istati Membri kollha tal-UE, iqis li hemm bżonn li jittieħdu ċerti miżuri urġenti sabiex jgħinu lis-settur jindirizza l-isfidi li se jkollu jiffaċċja fuq perijodu qasir.

4.3   Barra minn hekk, il-kriżi finanzjarja saħħet il-bżonn urġenti ta' reazzjoni ppjanata u koordinata min-naħa tal-imsieħba soċjali. Aktar minn qatt qabel, hemm bżonn li tiġi ddefinita politika industrijali Ewropea ġenwina bbażata fuq il-kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni. Ma jkunx adatt li l-proċess ta' konċentrazzjoni jissaħħaħ aktar minn dak li huwa meħtieġ, avolja għandha ssir konsolidazzjoni kkontrollata li tittratta l-bidliet b’attenzjoni, anke jekk dan ifisser tnaqqis fil-ħin tax-xogħol. L-għan ikun li jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi kemm jista’ jkun u li jiġu ppjanati mezzi effiċjenti għall-bdil fil-kompiti tal-impjegati u l-mobbiltà interna u esterna. B’konformità mar-Regolament 2658 KE 2000 li bħalissa qed jiġi rivedut, jista’ jkun li jsiru ftehimiet ta' speċjalizzazzjoni bejn intrapriżi li flimkien ma jaqbżux l-20 % tas-sehem mis-suq; sabiex itejbu t-tekniki tal-produzzjoni u b’hekk iwettqu ekonomiji ta' skala li jkunu jistgħu jikkontribwixxu sabiex il-perennità tal-intrapriżi tiġi ppreservata.

4.4   Tista’ tiġi eżaminata l-attività tal-intermedjarji sabiex jiġi ddeterminat l-impatt tagħha fuq kif il-prezzijiet jiġu stabbiliti. Għandu jkun possibbli li jitħaddem il-prinċipju tal-kompetizzjoni ħielsa u mhux imxekkla, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards deċenti tax-xogħol u ta' pagi u l-konvenzjonijiet u l-ftehimiet kollettivi kull fejn jeżistu fl-UE.

4.5   Il-kapaċità żejda tas-settur għandha titnaqqas b’mod koordinat. Id-djalogu soċjali u n-negozjati kollettivi għandhom jiżviluppaw fil-livelli kollha f’kull pajjiż sabiex ir-ristrutturazzjoni tiġi ġestita fuq il-bażi ta' linji gwida li huma soċjalment aċċettabbli. Barra minn hekk, huwa urġenti li jiġi stabbilit djalogu soċjali formali u strutturat fil-livell Ewropew sabiex jitfasslu soluzzjonijiet adatti għall-isfidi li qed tiffaċċja l-industrija. Il-KESE jfakkar li d-djalogu soċjali settorjali jista’ jwassal għall-adozzjoni ta' opinjonijiet, dikjarazzjonijiet komuni, linji gwida, kodiċijiet ta' kondotta, karti u ftehimiet.

4.6   L-għajnuna finanzjarja u loġistika tal-Kummissjoni Ewropea hija indispensabbli sabiex l-industrija tal-offset bir-rombli u l-fotoinċiżjoni fl-Ewropa tibqa’ b’saħħitha u prospera fil-ġejjieni. Il-KESE jħeġġeġ lill-intrapriżi jitolbu l-intervent tal-għajnuniet Ewropej disponibbli, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Fond Soċjali Ewropew, il-FEŻR, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Tkun ukoll ħaġa tajba li tiġi vvalutata l-kapaċità tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jintervjeni sabiex jiffinanzja l-adattament tal-intrapriżi għall-attivitajiet li jitolbu l-użu ta' teknoloġiji ġodda. Is-sistemi differenti ta' għajnuna għandhom jintużaw biss sabiex jiġi ffaċilitat it-tibdil u mhux biex jiġu ffinanzjati indirettament ir-rilokazzjonijiet.

4.7   Fil-futur immedjat, il-KESE qed jipproponi erba’ inizjattivi:

4.7.1

Il-ħolqien ta' grupp ta' riflessjoni ta' livell għoli magħmul minn rappreżentanti tal-industrija, impjegati u riċerkaturi sabiex jidentifika kif l-industrija grafika tista’ tiġi organizzata fuq perijodu medju u jagħmel proposti dwar il-mudell kummerċjali l-ġdid li ser ikollu jiġi stabbilit.

4.7.2

L-organizzazzjoni ta' konferenza għall-partijiet interessati kollha sabiex tiġi stabbilita stampa ċara tas-sitwazzjoni u jiġu identifikati prospetti għal azzjoni fuq perijodu qasir. L-imsieħba soċjali jistgħu jingħataw il-missjoni li jidentifikaw il-modi differenti kif għandha mnejn tiżviluppa l-professjoni u li jipproponu miżuri li għandhom jiġu applikati b’mod urġenti sabiex is-suq jaqbad it-triq lejn funzjonament sostenibbli.

4.7.3

Studju independenti ffinanzjat mill-Kummissjoni fil-qafas tad-djalogu soċjali settorjali Ewropew sabiex jixħet ftit dawl fuq il-futur tas-settur fuq perijodu twil u ta' daqs medju, billi jiġu kkunsidrati b’mod partikolari t-teknoloġiji l-ġodda, l-iżvilupp tal-imġiba tal-konsumaturi u l-istrateġiji tal-provvedituri u tal-klijenti.

4.7.4

Il-ħolqien ta' osservatorju, jew kunsill settorjali, għall-impjiegi u l-kompetenzi sabiex jiġu identifikati l-impjiegi tal-lum u ta' għada. Sabiex jiġu ddefiniti l-politiki adatti dwar it-taħriġ u l-bdil fil-karrieri, huwa assolutament neċessarju li jiġu identifikati l-kompetenzi meħtieġa.

4.8   Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effiċjenti tal-iżvilupp tal-professjoni, il-Kummissjoni għandha tattrezza ruħha b’sistema ta' ġbir ta' informazzjoni u data affidabbli li tkun aċċessibbli għall-partijiet interessati.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ifo, Investitionstest, München, Frühjahrsgutachten 2008 (Stħarriġ dwar l-investiment, Munich, rebbiegħa 2008).

(2)  Il-kompetittività tal-industriji grafiċi Ewropej, Kummissjoni Ewropea (2007).

(3)  Il-kompetittività tal-industriji grafiċi Ewropej, Kummissjoni Ewropea (2007).

(4)  Il-kompetittività tal-industriji grafiċi Ewropej, Kummissjoni Ewropea (2007).

(5)  The Future of Paper and Print in Europe, Stationers’ and Newspaper Makers’ Company (2009).

(6)  Gennard J., The Impact of the financial crisis on the European graphical industry (2009).

(7)  Konferenza Ewropea dwar ir-rotokalk u l-offset, 16-20 ta' Marzu 2009, Verona (l-Italja).

(8)  Ibid.

(9)  Gennard J., Report on UNI Europa’s collective agreements (2009).

(10)  Gennard J., Annual Collective Bargaining Survey. UNI Europa (2008).