28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Bidliet industrijali u prospettivi tas-settur motoċiklistiku fl-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2010/C 354/05

Relatur: Is-Sur RANOCCHIARI

Korelatur: Is-Sur PESCI

Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Bidliet industrijali u prospettivi tas-settur motoċiklistiku fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Frar 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010 (seduta tat-18 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’140 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Is-settur motoċiklistiku huwa ta’ importanza konsiderevoli fl-UE f’termini ekonomiċi u għall-impjieg. Il-manifatturi jirrappreżentaw realtajiet differenti ħafna, minn operaturi fil-livell globali, attivi fil-fergħat kollha jew f’fergħat speċjalizzati ħafna, għal operaturi fil-livell nazzjonali, anki f’dak lokali, li kultant iqarrbu lejn l-artiġġjanat. Dan jikkaratterizza anki l-attivitajiet sussidjarji, bi preżenza qawwija ta’ SMEs (1).

1.2

Milquta mill-kriżi fl-aħħar trimestru tal-2008, it-tnaqqis fid-domanda ta bidu għal sensiela ta’ effetti negattivi fis-settur kollu bi tnaqqis qawwi f’termini strutturali u għall-impjieg (tnaqqis ta’ 31 % fid-domanda li rriżulta fi tnaqqis ta’ 35 % fil-bejgħ u ordnijiet, u f’impatt negattiv fuq l-impjiegi). Id-data proviżorja relattiva għas-sena 2009 tikkonferma x-xejra negattiva tas-suq, bi tnaqqis ta’ 21 % mill-2008 u ta’ 25 % mill-2007.

1.3

Il-KESE jibża’ li jekk mhux ser ikunu żviluppati, fl-iqsar żmien possibbli, politiki mmirati biex jappoġġjaw is-settur, jista’ jkun reġistrat telf sostanzjali ulterjuri ta’ postijiet tax-xogħol matul l-2010.

1.4

Il-KESE organizza seduta pubblika bħala parti mis-67 edizzjoni tal-Wirja Internazzjonali tal-Muturi (Milan, 12 ta’ Novembru 2009) fejn ġabar aktar stqarrijiet mill-manifatturi, il-produtturi tal-komponenti, it-trejdjunjins, l-utenti, l-NGOs u l-universitajiet. Din is-seduta kkonfermat b’mod sostanzjali l-fehmiet espressi fil-grupp ta’ studju.

1.5

F’dan il-kuntest, il-KESE:

a)

iqis neċessarji miżuri adegwati li jappoġġjaw id-domanda għall-muturi fl-Istati Membri, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-applikazzjoni jew it-tiġdid tagħhom sa ċertu żmien, b’attenzjoni partikolari għall-vetturi bl-inqas impatt ambjentali u b’sikurezza avvanzata;

b)

jitlob lill-Kummissjoni, fil-preparazzjoni tal-proposta li ġejja għal regolament dwar il-muturi, biex tipproponi għanijiet fattibbli għas-settur, li jkunu gradwali, konformi mad-disinn, il-produzzjoni u s-suq, li jiggarantixxu flessibilità tas-soluzzjonijiet għall-industrija, li jkunu tal-inqas żieda fl-ispejjeż għall-konsumatur u jkunu jqisu s-sitwazzjoni attwali u d-diversità kbira tal-prodotti;

c)

iqis li biex ikunu żgurati kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd jeħtieġ li ssir iktar sorveljanza tal-approvazzjoni tat-tip (type approval) u tas-swieq, kif ukoll ir-reċiproċità fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u x-Xlokk tal-Ażja,

d)

jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa, mas-settur tal-muturi, approċċ simili għal CARS 21 (2) biex tappoġġja s-sħubija, il-kompetittività u l-impjiegi fis-settur;

e)

iqis illi l-FP7 jista’ jikkontribwixxi għal dawn l-għanijiet u jawgura l-ħolqien ta’ pjattaforma dedikata għall-industrija tal-muturi li tappoġġja lill-intrapriżi li jipproduċu fl-Ewropa u lil dawk li jinqdew bil-katina produttiva Ewropea;

f)

isejjaħ lill-industrija biex issegwi t-triq tar-ristrutturizzazzjoni, tal-għaqdiet u tal-akkwisti u li tiżviluppa aktar kooperazzjoni, anki mal-produtturi tal-komponenti, sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ is-sinerġiji kollha possibbli;

g)

huwa tal-fehma li huwa neċessarju li jiġi żviluppat “djalogu soċjali” sabiex jissaħħaħ l-impjieg fis-settur, jiġu stabbiliti standards Ewropej għat-tagħlim tul il-ħajja u l-ispeċjalizzazzjoni tal-ħaddiema, u fl-istess waqt isir sforz sabiex jitnaqqas l-impjieg mhux sikur;

h)

jitlob lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq il-muturi fil-qafas tal-azzjonijiet previsti fil-pjan ta’ azzjoni għall-mobilità urbana minħabba l-kontribut li dan jista’ joffri, mingħajr l-ebda dubju, għall-kisba ta’ mobilità iktar sostenibbli.

2.   L-industrija tal-muturi fl-Ewropa

2.1

Is-settur tal-muturi għandu importanza konsiderevoli fl-UE f’termini ekonomiċi u tal-impjieg. Meta mqabbel mas-settur tal-karozzi (3), is-settur tal-muturi jippreżenta xi similaritajiet, iżda fuq kollox sensiela ta’ speċifiċitajiet minħabba li huwa iżgħar, għandu struttura iktar frammentat u l-produzzjoni hija iktar diversifikata.

2.2

Dan is-settur inbidel ħafna matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, hekk kif id-ditti storiċi Ewropej kellhom jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem tikber mill-Ġappun. Il-manifatturi Ġappuniżi, illum fost l-operaturi prinċipali tas-settur, żviluppaw attivitajiet produttivi direttament fl-UE. Matul iż-żmien, is-settur fl-Ewropa organizza ruħu mill-ġdid permezz ta’ ristrutturazzjonijiet, għaqdiet u akkwiżizzjonijiet u l-ħolqien ta’ gruppi industrijali ta’ daqs medju-kbir, li joperaw spalla ma’ spalla ma’ manifatturi speċjalizzati ta’ prodotti sussidjarji u għadd sostanzjali ta’ SMEs.

Illum il-manifatturi “tradizzjonali” Ewropej, Ġappuniżi u Amerikani jinsabu fuq quddiem fis-suq Ewropew, iżda mis-snin disgħin qed jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem tikber mill-ekonomiji emerġenti. F’termini ta’ vetturi manifatturati, l-UE għandha produzzjoni relattivament baxxa (1,4 miljun) meta mqabbla b’mod partikolari maċ-Ċina (‘il fuq minn 20 miljun), l-Indja (‘il fuq minn 8 miljuni) u t-Tajwan (1,5 miljun); iżda hija kkaratterizzata minn valur miżjud ikbar, innovazzjoni, kwalità u sikurezza.

2.3

L-Eurostat iqiegħed is-settur tal-muturi taħt il-kodiċi NACE 35.41. Id-data l-iktar aġġornata, dik tal-2006, turi li fil-livell tal-UE27 għas-settur tal-manifattura tal-muturi, hemm 870 intrapriża, u li 80 % minnhom jinsabu f’sitt Stati Membri (l-Italja, ir-Renju Unit, il-Germanja, Franza, Spanja u l-Awstrija). Il-bejgħ medju ta’ EUR 8 miljun jixhed l-għadd importanti ta’ SMEs, stmat li hu ta’ 650, jew aħjar, madwar 75 % tat-total.

2.4

90 % tal-produzzjoni Ewropea ssir minn madwar mitt manifattur ta’ daqs medju-kbir u medju-żgħir, li joperaw f’diversi pajjiżi tal-UE (apparti dawk diġà msemmija, fir-Repubblika Ċeka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja u l-Isvezja), kif ukoll in-Norveġja u l-Isvizzera. L-10 % l-oħra tal-produzzjoni Ewropea hija maqsuma bejn manifatturi ta’ daqs żgħir jew żgħir ħafna.

2.5

Il-manifatturi jirrappreżentaw realtajiet differenti ħafna, minn operaturi fil-livell globali, attivi b’mod ġenerali fil-fergħat kollha (muturi destinati għal użi diversi, ta’ diversi ċilindrati; scooters ta’ ċilindrati differenti; ċiklomuturi (mopeds/roti b’mutur li ma jaqbiżx il-50cc.); triċikli u kwadriċikli) jew f’fergħat speċjalizzati ħafna, sa operaturi fil-livell nazzjonali, anki dak lokali, li xi drabi jqarrbu lejn l-artiġġjanat minħabba d-daqs u l-proċess produttiv.

2.6

Ir-regoli tekniċi (approvazzjoni tat-tip Ewropea – European Type Approval) jistabbilixxu diversi kategoriji ta’ muturi, b’karatteristiċi differenti (ċilindrati, tip ta’ użu). Min-naħa tagħha, id-Direttiva Ewropea dwar il-liċenzji tas-sewqan, tistabbilixxi kundizzjonijiet differenti ta’ aċċess għall-muturi (ċiklomutur AM; mutur A1; mutur A2; mutur A). Dawn id-diviżjonijiet kumplessi jiffavorixxu l-frammentazzjoni tal-produzzjoni u jnaqqsu l-ekonomiji ta’ skala.

2.7

Il-frammentazzjoni fl-industrija tal-muturi parzjalment għandha oriġini storika, iżda tirriżulta prinċipalment min-natura stess tas-suq tal-muturi. Jekk is-segmenti l-iktar marbuta mal-mobilità utilitarja (b’mod partikolari dik urbana) bħalma huma l-iscooters, jippermettu sinerġiji produttivi ikbar, b’mod partikolari fir-rigward tal-muturi, il-fergħat marbuta mal-muturi jibbenefikaw inqas minn sinerġiji bħalma huma l-użu ta’ motorizzazzjoni u komponenti komuni fuq mudelli ta’ ditti differenti. Qabelxejn, jeżistu karatteristiċi dinamiċi differenti ħafna li jiddependu mid-daqs tal-vetturi, li magħhom jiżdiedu d-differenzi li ġejjin mill-użi speċjalistiċi tal-vetturi, u fl-aħħar nett l-aspettattivi differenti tal-utenti. F’ħafna każijiet teżisti identifikazzjoni qawwija tad-ditti differenti ma’ konfigurazzjonijiet speċifiċi tal-muturi (pereżempju, il-magna boxer tal-BMW, id-distribuzzjoni deżmodromika tad-Ducati, il-V-twin tal-Moto Guzzi, il-magna triċilindrika tat-Triumph) jew taċ-ċiklu, skont id-domanda li ġejja minn suq magħmul l-iktar minn dilettanti, fil-livell Ewropew u fis-swieq tal-esportazzjoni.

2.8

Il-vetturi huma manifatturati f’sensieliet żgħar u f’numri limitati, li jfisser inqas ritorn fuq il-kapital investit komparat mas-settur tal-karozzi. Din il-karatteristika tirrifletti ruħha parzjalment anki fuq is-setturi tal-komponenti u tad-distribuzzjoni.

2.9

Apoġġjat mis-suq tal-UE li ilu jikber mill-2002 (+22 % fil-perijodu 2002-2007), il-bejgħ li oriġina mill-produzzjoni ta’ muturi UE kien jammonta għal EUR 7 biljun fl-2006 minn total ta’ 34 biljun ta’ bejgħ mis-settur tal-muturi fl-Unjoni Ewropea. Huwa interessanti li wieħed jinnota li fil-perijodu 2004-2006, fl-UE kien hemm żieda ta’ 12 %, li hija ikbar f’termini perċentwali għal dik tas-settur tal-manifattura inġenerali u għal dik tas-settur tal-karozzi (li t-tnejn żdiedu bi 8 %), li kellha impatt pożittiv fuq l-impjiegi.

3.   Ir-rwol tal-industrija sussidjarja: il-manifattura tal-komponenti, id-distribuzzjoni u l-assistenza wara l-bejgħ

3.1

Il-frammentazzjoni għolja hija karatteristika li tiddistingwi anki s-settur tal-komponenti u tad-distribuzzjoni.

3.2

Il-komponenti jiġu parzjalment minn fornituri fis-settur tal-karozzi, li jaħdmu b’mod marġinali anki fis-settur tal-muturi (sistemi tal-fjuwil), iżda fuq kollox minn fornituri speċifiċi (roti, egżost, klaċċ,…) minħabba l-ispeċjalizzazzjoni involuta. In-numru ta’ fornituri tas-settur huwa stmat li jilħaq madwar 500. Dawn il-fornituri huma tradizzjonalment Ewropej (ikkonċentrati fl-Italja, Spanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi). F’dawn l-aħħar snin żdiedet il-kompetizzjoni tal-fornituri Asjatiċi. Sabiex jiffaċċjaw din il-kompetizzjoni, xi fornituri Ewropej ittrasferixxew parti mill-attivitajiet tagħhom lejn l-Asja. Madankollu, il-manifatturi tal-komponenti Ewropej jiddependu esklussivament mill-ordnijiet li jaslulhom minn manifatturi Ewropej.

3.3

Ix-xibka tad-distribuzzjoni u tal-assistenza tirrispondi għall-ħtieġa tal-qrubija tagħha mal-mutur (b’mod partikulari għaċ-ċiklomuturi u scooters): fl-UE hemm madwar 37 000 punt ta’ bejgħ u assistenza wara l-bejgħ attivi, spiss immexxija minn negozji tal-familja. L-Italja, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Greċja u l-Isvezja jirrappreżentaw 91 % tal-bejgħ mis-settur tad-distribuzzjoni u l-assistenza; dan il-bejgħ kiber b’5 % fil-perijodu 2004-2006.

4.   Impjiegi u aspetti soċjali

4.1

Fil-perijodu 2002-2007, l-impjiegi fis-settur tal-muturi żdiedu b’mod kostanti, u fl-2007 laħqu 150 000 fl-UE. Huwa interessanti li wieħed jinnota li fil-perijodu 2004-2006, fl-UE, iż-żieda fl-impjiegi fis-settur kienet ta’ 4 %, meta mqabbla ma’ tnaqqis ta’ 3 % fis-settur tal-manifattura inġenerali u ma’ tnaqqis ta’ 5 % fis-settur tal-karozzi. Din iż-żieda tixhed in-natura dinamika u l-innovazzjoni tas-settur, sostnuta f’dak il-perijodu minn domanda dejjem tikber għal vetturi marbuta kemm mal-mobilità urbana kif ukoll mad-divertiment.

4.2

25 000 minn dawn l-impjiegi huma marbuta direttament mal-produzzjoni ta’ muturi, u jinsabu prinċipalment fl-Italja, Spanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Pajjiżi l-Baxxi. In-natura staġjonali tas-suq tal-muturi (ikkonċentrata fir-rebbiegħa u fis-sajf) tikkawża qċaċet ta’ produzzjoni f’xi perijodi tas-sena, li matulhom il-manifatturi jirrikorru anki għal ħaddiema staġjonali. Hemm domanda f’dan ir-rigward għal iktar flessibilità biex tiġi koperta d-domanda temporanja tas-suq.

4.3

20 000 minn dawn l-impjiegi huma marbuta mal-manifattura tal-komponenti, u jinsabu prinċipalment fl-Italja, Spanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ungerija.

4.4

105 000 minn dawn l-impjiegi huma marbuta mal-bejgħ u l-assistenza wara l-bejgħ. Minħabba n-natura tagħhom dawn jinsabu madwar l-UE kollha, anki jekk l-Italja, il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Greċja, il-Belġju u l-Isvezja jħaddmu 92 % ta’ din il-forza tax-xogħol.

5.   Il-kuntest ekonomiku attwali u t-tendenzi internazzjonali

5.1

Id-data msemmija hawn fuq turi li s-settur tal-muturi kien dinamiku ħafna f’dawn l-aħħar snin b’suq Ewropew dejjem jikber li fl-2007 li kien ilaħħaq iktar minn 2,7 miljun vettura (huwa stmat li hemm 34 miljun vettura tiċċirkola fl-Ewropa). Madankollu, il-kriżi li laqtet lill-UE f’dawn l-aħħar sentejn ikkawżat tnaqqis ta’ 7,4 % fis-suq tal-UE fl-2008 meta imqabbel mal-2007. B’mod partikolari, ġie rreġistrat tnaqqis sinifikanti ta’ 34 % fl-aħħar trimestri tal-2008 mqabbel mal-istess perijodu tal-2007. Din it-tendenza negattiva rrepetiet ruħha fl-ewwel trimestru tal-2009, li matulu l-bejgħ ta’ muturi wassal biex jiġi rreġistrat tnaqqis ta’ 37 % mqabbel mal-istess perijodu tal-2008. Id-data li għadha proviżorja għall-2009 tikkonferma x-xejra negattiva tas-suq, bi tnaqqis totali ta’ 21 % mill-2008 u 25 % mill-2007.

5.2

L-effetti tal-kriżi jinħassu fis-settur kollu. Għall-manifatturi, it-tnaqqis fil-bejgħ, apparti li qed ikollu effett kbir fuq id-dħul, ġab miegħu tnaqqis fil-produzzjoni biex jiġu mmaniġġjati l-istokkijiet żejda. Dan it-tnaqqis, min-naħa tiegħu, ġab tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, twaqqif tal-produzzjoni u użu mnaqqas ta’ ħaddiema staġjonali, b’reviżjoni tal-pjanijiet tal-produzzjoni fil-medda qasira u medja taż-żmien. F’ċerti każijiet kien neċessarju tnaqqis permanenti tal-impjegati, sa 25 %. Xi wħud mill-manifatturi medji-żgħar daħlu fir-reġim tal-amministrazzjoni kontrollata mill-qorti u attwalment jinsabu għall-bejgħ, filwaqt li oħrajn saħansitra għalqu. Dawn l-iżviluppi jipprevedu ristrutturazzjonijiet oħra, anki jekk huwa diffiċli li jkunu previsti l-effetti tagħhom fuq il-fibra ekonomikasoċjali, f’termini ta’ possibilità ta’ rilokazzjonijiet ‘il barra mill-Ewropa.

5.3

Il-fornituri ta’ komponenti, quddiem it-tnaqqis fid-domanda minn naħa tal-manifatturi, ikollhom huma wkoll inaqqsu l-produzzjoni, bit-tnaqqis fl-impjiegi li dan iġib miegħu. Xi wħud kellhom jieqfu joperaw, u fl-istat attwali huwa stmat li madwar 10 % tal-fornituri tas-settur jinsabu fir-riskju li jfallu. Din is-sitwazzjoni tiġġenera iktar spejjeż anki għall-manifatturi, li jkollhom jagħmlu investimenti mhux mistennija biex jappoġġjaw il-fornituri tal-komponenti, jew biex isibu oħrajn, u saħansitra jkollhom jiżviluppaw forom ġodda għall-partijiet magħmula mill-aluminju jew il-plastik minħabba li l-provvista tagħhom ma tkunx iktar disponibbli. Attwalment l-ordnijiet u l-bejgħ qed isofru tnaqqis ta’ madwar 40 %. Mhijiex ħaġa kbira li biex jibqgħu kompetittivi ħafna mill-manifatturi jirrikorru għal fornituri mix-Xlokk tal-Asja.

5.4

Is-settur tad-distribuzzjoni u tal-assistenza wara l-bejgħ, anki minħabba d-daqs iżgħar tal-intrapriżi (SMEs u negozji mmexxija minn tal-familja), bħalissa qed jintlaqat mill-kriżi u minn tnaqqis fl-attività. Pereżempju, fi Spanja fl-2008, ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 25 % fil-punti tal-bejgħ, li rriżulta f’aktar minn 6 000 sensja. Jekk din it-tendenza ma tinbidilx, huwa previst illi bejn l-2009 u l-2010, fi Spanja, ser jagħlqu madwar 25 % tal-intrapriżi u n-negozjanti, u 60 % tal-aġenti. L-effetti tal-kriżi fuq ix-xibka tad-distribuzzjoni tiġġenera iktar spejjeż anki għall-manifatturi, li jkollhom jappoġġjaw ix-xibka, b’mod li jżommu l-opportunitajiet miftuħa għall-prodotti biex ikunu jistgħu jisfruttaw l-irkupru ekonomiku malli dan iseħħ.

5.5

Il-KESE jibża’ li jekk ma jiġux żviluppati politiki mmirati mill-iktar fis possibbli biex jappoġġjaw is-settur, jista’ jkun hemm telf sostanzjali ulterjuri ta’ impjiegi fl-2010. Barra minn hekk, sabiex jinżamm il-livell tal-impjieg fis-settur, jeħtieġ li jiġi żviluppat “djalogu soċjali” li jinkoraġġixxi t-tagħlim tul il-ħajja u l-ispeċjalizzazzjoni tal-ħaddiema, inkluż fil-livell universitarju, waqt li fl-istess ħin isir sforz biex jitnaqqas l-impjieg mhux sikur.

5.6

Il-miżuri ta’ appoġġ fuq medda medja ta’ żmien sabiex isaħħu d-domanda għall-muturi sa issa kienu iżolati u insuffiċjenti. Għall-kuntrarju tas-settur tal-karozzi, fl-Ewropa kienet biss l-Italja li tat inċentivi għall-iskrappjar, li l-effetti tagħhom kienu pożittivi għas-suq Taljan u rriflettew fuq l-Ewropa, apparti li ffavorew l-irtirar miċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi l-aktar li jniġġsu. L-Italja għaddiet minn sitwazzjoni inizjali tal-ewwel xahrejn tal-2009 ta’ tnaqqis fis-suq ta’ madwar 35 % għal sitwazzjoni pożittiva fir-rigward tal-iscooters ta’ ċilindrata baxxa, li bbenifikaw mill-kontribut ta’ EUR 500 għall-iskreppjar ta’ vetturi li skadew; filwaqt li baqgħu sejrin ħażin il-muturi u ċ-ċiklomuturi bi tnaqqis totali jisboq 20 %. Spanja, anki jekk wara xhur ta’ avviżi, f’Lulju approvat inċentivi għall-iskreppjar tal-muturi, għadha m’għaddietx għall-applikazzjoni tagħhom, b’mod li kompliet iżżid l-atteġġjament ta’ stennija minn naħa tal-konsumatur u b’hekk kompla jonqos ix-xiri (minn Jannar sa Awwissu 2009, ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 52 % fiċ-ċiklomuturi u ta’ 43 % fil-muturi meta mqabbel mal-istess perijodu fl-2008). Dan l-eżempju juri l-importanza ċara ta’ qafas regolatorju Ewropew li jinkoraġġixxi l-istabilità fis-swieq nazzjonali sabiex il-fiduċja tal-konsumatur tikber.

5.7

Il-miżuri ta’ appoġġ għad-domanda huma ċertament vantaġġjużi għall-utenti, iżda mhux bilfors isolvu l-problema tal-manifatturi tal-komponenti jew tas-settur tal-muturi Ewropew. Fl-Italja, pereżempju, il-kontribut fiss ta’ EUR 500 ffavorixxa b’mod esponenzjali l-iscooters iż-żgħar ta’ 125 u 150cc impurtati mit-Tajwan u mibjugħa bi prezzijiet bejn EUR 1 500 u EUR 2 000 u fuq skala iżgħar il-produzzjoni Ewropea bi prezzijiet ogħla, filwaqt li ma għenx biex tinżamm id-domanda għall-muturi intermedji bi prezzijiet bejn EUR 6 000 u EUR 8 000. Il-manifatturi tal-komponenti Ewropej ma ħadu l-ebda benefiċċju minħabba li ma jfornux lill-manifatturi Asjatiċi. Sabiex jiġi żgurat benefiċċju għas-settur kollu kemm hu, jidher li huma meħtieġa miżuri ta’ appoġġ għad-domanda bil-għan li jassiguraw kontribut li jikber b’mod parallel maż-żieda fil-prezz tal-vetturi inċentivati, b’mod partikolari għal dawk karatterizzati minn soluzzjonijiet avvanzati f’dak li huwa impatt ambjentali mnaqqas u sistemi ta’ sikurezza avvanzati.

5.8

Huwa urġenti li jkun faċilitat l-aċċess għall-finanzjamenti għall-intrapriżi tal-UE li joperaw fis-settur, b’mod li jkunu jistgħu imantnu l-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-kriżi, u jkomplu jinvestu fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (il-manifatturi tal-muturi u tal-komponenti flimkien); dan sabiex jibqgħu kompetittivi billi jimmiraw għall-kwalità u l-innovazzjoni u biex jiġu prodotti vetturi dejjem aktar ekoloġiċi u sikuri.

6.   Prospetti futuri għas-settur: sfidi u opportunitajiet

6.1

Jekk ir-riżultati negattivi tal-ewwel semestru jikkonfermaw ruħhom b’mod globali fl-2009, is-settur kollu se jsofri, tnaqqis fil-kapaċità tiegħu ta’ kreditu mill-banek fl-2010. Anki f’każ ta’ rkupru imminenti, il-kapaċitajiet ta’ investiment u ta’ Riċerka u Żvilupp jonqsu b’effetti negattivi fiż-żmien medju u għaldaqstant l-intrapriżi jkunu inqas sikuri, possibbilment b’iżjed riperkussjonijiet fuq l-impjieg.

6.2

F’dawn l-aħħar għaxar snin, mill-introduzzjoni fl-1999 tal-istandard Euro 1 ma’ dawk applikati attwalment, is-settur naqqas sostanzjalment l-emissjonijiet ta’ tniġġis b’madwar 90 % fir-rigward tas-CO u l-HC, u b’iktar minn 50 % tal-NOx. F’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tat-tniġġis akustiku, intlaħqu riżultati inkoraġġanti; is-settur fit-totalità tiegħu huwa attwalment impenjat (inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi) bil-għan li jinkiseb aktar titjib, li jista’ jinkiseb fit-triq permezz tal-użu esklussiv ta’ emissjonijiet tal-eġżost approvati u sewqan iktar ekoloġiċi. Għal dak li jirrigwarda s-sikurezza, is-settur ta prova ta’ innovazzjoni b’sensiela ta’ sistemi avvanzati ta’ bbrejkjar li qed tinxtered progressivament fuq it-tipi differenti ta’ muturi, inklużi vetturi ta’ kunċetti ġodda bħalma huma t-triċikli u l-kwadriċikli.

6.3

Il-Kummissjoni qed tipprepara proposta għal regolament dwar il-muturi, li mistennija toħroġ fl-ewwel xhur tal-2010. Anki jekk hu neċessarju li jkompli jsir progress fit-tema ambjentali u tas-sikurezza, fil-kuntest ekonomiku attwali huwa fundamentali li jiġu evitati bidliet drastiċi u li jitqiesu l-kapaċitajiet reali tas-settur u tad-daqs tal-operaturi tiegħu. F’dak li jirrigwarda l-istandards Euro l-ġodda, huwa neċessarju li jkunu proposti objettivi fattibbli mis-settur, b’applikazzjoni gradwali li tirrispetta l-iskadenzi imposti mill-proġettazzjoni, il-manifattura u s-suq. Fir-regolament, għandha tiffavorixxi approċċ li jippermetti lis-settur li jisfrutta l-kapaċità tiegħu fl-innovazzjoni, li jiggarantilu ammont ta’ flessibilità li tqis is-sitwazzjoni u d-diversità kbira tal-prodotti (minħabba l-karatteristiċi tekniċi u s-suq), b’mod partikolari għat-tixrid tas-sistemi avvanzati tal-ibbrejkjar. Għal dan il-għan, l-industrija diġà ressqet lill-Kummissjoni proposti dwar aspetti ambjentali u ta’ sigurtà.

6.4

Il-manifatturi “tradizzjonali” huma esposti, u ser ikunu esposti dejjem iktar, speċjalment fil-kuntest ekonomiku attwali, għal kompetizzjoni “low cost/low quality” (prezz baxx/kwalità baxxa) li tiġi b’mod partikolari mix-Xlokk tal-Asja, partikolarment f’dawk li huma muturi ta’ ċilindrata żgħira u medja, li l-marġnijiet fuqhom huma mnaqqsa. Minn stħarriġ li sar jirriżulta li dawn il-prodotti importati spiss ma jkunux konformi mal-istandards Ewropej, u b’hekk jippreżentaw riskji għas-sikurezza tal-konsumatur u għall-ambjent. Testijiet li saru fuq kampjuni ta’ muturi Ċiniżi importati fl-UE sabu li kien hemm każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità bħad-distanza li fiha l-mutur jibbrejkja ta’ 35 % iktar milli suppost, u emissjonijiet li jniġġsu għoxrin darba iktar mil-livell approvat mill-UE. Hemm anki problemi marbuta mal-kontrafazzjoni ta’ vetturi jew ta’ partijiet ta’ vetturi ta’ produzzjoni Ewropea min-naħa ta’ manifatturi mill-ekonomiji emerġenti, kif ukoll il-falsifikar ta’ ċertifikati ta’ konformità minn kumpaniji kummerċjali li jimportaw fl-UE vetturi li ma jikkonformawx. F’faxxa tas-suq tal-UE li hija sensittiva ħafna għall-prezz, sabiex tkun żgurata kompetizzjoni leali, hija meħtieġa iktar sorveljanza fuq l-approvazzjoni tat-tip (type approval) u s-swieq, b’kontrolli bir-reqqa tal-“konformità tal-produzzjoni” minn l-awtoritajiet kompetenti u/jew servizzi ta’ kontroll tekniku fuq il-vetturi offruti għall-bejgħ bl-iskop li tiġi vverifikata l-konformità tagħhom mat-tip approvat u r-rispett tal-proprjetà intellettwali.

6.5

Mill-banda l-oħra, il-manifatturi “tradizzjonali” huma ppremjati mill-konsumatur għad-disinn, il-kwalitajiet tal-prodotti u l-grad tagħhom ta’ innovazzjoni u ta’ sigurtà. Dan huwa minnu għall-vetturi tal-ogħla kwalità b’ċilindrata żgħira u medja, u b’mod partikolari għall-vetturi b’ċilindrata għolja, b’valur miżjud għoli, li jiddistingwu ruħhom għas-soluzzjonijiet tekniċi adottati fuqhom u fejn id-ditta hija importanti. Dawn il-prodotti l-iktar li jsofru fil-kuntest ekonomiku attwali. Firxa akbar ta’ vetturi teknoloġikament avvanzati, bħal pereżempju l-vetturi ibridi u elettriċi li bdew jitfaċċaw fis-suq, se tkun tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-appoġġ tas-settur pubbliku u għalhekk mill-kapaċità li tiġi ssuperata l-kriżi attwali.

6.6

Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles jitolbu attenzjoni partikolari, sabiex tiġi żgurata l-liberalizzazzjoni tad-dazji tad-dwana bejn l-UE u l-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja li tibbenefika ż-żewġ partijiet, u jiġu eliminati wkoll l-ostakoli mhux tariffarji (pereżempju, il-projbizzjoni taċ-ċirkolazzjoni fiċ-Ċina ta’ muturi ta’ ċilindrata li teċċedi l-250cc) li jikkostitwixxu problemi serji għall-esportaturi Ewropej.

6.7

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi attwali, kif diġà seħħ fil-passat, il-manifatturi Ewropej iridu jkomplu jsegwu t-triq tar-ristrutturizzazzjoni, tal-għaqdiet u tal-akkwisti, u jiżviluppaw aktar kooperazzjoni li twassal għall-isfruttar tas-sinerġiji possibbli.

6.8

Is-sopravivenza tal-fornituri tal-komponenti Ewropej hija essenzjali sabiex tinżamm l-ispeċifiċità tal-produzzjoni distinta Ewropea, li hija rikonoxxuta mill-utenti bħala waħda esklussiv. Għaldaqstant, jeħtieġ li jkun evitat li jirrepeti ruħu dak li seħħ, pereżempju, fis-settur tar-roti, fejn rajna l-għajbien tal-fornituri tal-komponenti importanti, bħax-“chassis”, bir-riżultat li llum l-Ewropa hija dipendenti miċ-Ċina sabiex tkun tista’ tarma r-roti.

6.9

Il-fornituri tal-komponenti Ewropej mhumiex f’qagħda li jiffaċċjaw il-kompetizzjoni fuq il-prezz u għandhom bilfors jimmiraw għall-innovazzjoni, l-iżvilupp tad-disinn flimkien mal-manifatturi sabiex jilħqu ekonomiji ta’ skala – fejn ikun possibbli – u għas-sħubija effikaċi li tiggarantixxi l-fluss ta’ ordnijiet bejn il-manifatturi u l-fornituri għall-prodotti tal-ogħla livell.

6.10

Approċċ simili għall-CARS 21, speċifiku għas-settur motoċiklistiku fit-totalità tiegħu, huwa mixtieq sabiex jiġu ffaċċjati aħjar dawn l-isfidi, u jinżammu l-kompetittività tas-settur u l-impjiegi.

6.11

Il-fondi għar-riċerka fl-FP7 jistgħu jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet, b’mod li jipprivileġġjaw lill-kumpaniji li jipproduċu fl-Ewropa u li jinqdew bil-prodotti sussidjarji Ewropej. Għal dan il-għan, pjattaforma ta’ riċerka ddedikata għas-settur motoċiklistiku tista’ tagħti kontribut fundamentali – b’mod partikulari għall-SMEs – permezz tal-parteċipazzjoni f’konsorzji sabiex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tar-riċerka, kif jiġri fis-settur tal-karozzi.

6.12

Il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat pjan ta’ azzjoni għall-mobilità urbana u fost id-diversi objettivi hemm dak li t-traffiku jkun aktar mexxej, karatteristika inerenti tal-mutur. Is-settur motoċiklistiku sar vulnerabbli bil-kriżi, iżda ser jibbenefika fuq perijodu twil ta’ żmien mill-bżonnijiet dejjem jikbru ta’ vetturi alternattivi b’emissjonijiet baxxi għal mobilità iktar sostenibbli, b’mod partikolari fil-bliet, sakemm id-diffikultajiet ekonomiċi attwali jiġu ssuperati fil-perijodu medju mingħajr danni irrimedjabbli.

Brussell, 18 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Lista tal-manifatturi u informazzjoni oħra dwar il-qasam tal-muturi hija disponibbli fuq is-sit tal-Internet tas-CCMI: http://www.eesc.europa.eu/sections/ccmi/opinions_reports/total_list/index_en.asp#PTW

(2)  Qafas Regolatorju Kompetittiv Ewropew tal-Karozzi għas-Seklu 21 (Grupp ta’ livell għoli CARS21 fis-2007).

(3)  Ara r-rapport ta’ informazzjoni tas-CCMI dwar it-tema “Is-settur tal-karozzi fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi”, adottat mis-CCMI fit-13 ta’ Novembru 2007.