52010DC0672

/* KUMM/2010/0672 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 18.11.2010

KUMM(2010) 672 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020:Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020: Nindirizzaw l-isfidi tal-futur fl-ambitu tal-ikel, tar-riżorsi naturali u dak territorjali

1. Daħla

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) qiegħda tiltaqa' ma' għadd ta' sfidi - uħud minnhom għandhom natura unika, filwaqt li oħrajn ma kinux previsti – li jġagħlu lill-UE tagħżel strateġija għall- futur fit-tul taż-żoni agrikoli u rurali tagħha . Biex tindirizza dawn l-isfidi b'mod effettiv, il-PAK jeħtiġilha topera fil-kuntest ta' politiki ekonomiċi sodi u ta' finanzi pubbliċi sostenibbli li jgħinu biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni.

Bi tħejjija għal din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni organizzat dibattitu pubbliku estensiv fil-bidu tal-2010 li ġie konkluż permezz ta' konferenza f'Lulju 2010[1]. Il-Kunsill iddiskuta r-riforma waqt erba' Presidenzi suċċessivi, il-Parlament Ewropew (PE) adotta rapport fuq inizjattiva tiegħu stess dwar il-PAK wara l-2013[2] u r-rabta tagħha mal-Istrateġija "Ewropa 2020", filwaqt li kemm il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni (CoR) ppreżentaw dokumenti dwar il-pożizzjoni tagħhom.

Waqt li kienu għaddejjin dawn id-diskussjonijiet, il-biċċa l-kbira tal-opinjonijiet espressi kienu jaqblu li fil-futur, il-PAK għandha tibqa' politika komuni b'saħħitha strutturata madwar iż- żewġ pilastri tagħha. F'termini ġenerali, l-opinjonijiet espressi rrakkomandaw dawn l-għanijiet strateġiċi:

- Li jinżamm il-potenzjal tal-produzzjoni tal-ikel fl-UE fuq bażi sostenibbli, biex is -sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini Ewropej tiġi garantita għat-tul taż-żmien u biex tiġi ssodisfata d-domanda dinjija għall-ikel li qiegħda dejjem tiżdied; li skont il-FAO, se tiżdied b'70 % sal-2050. L-inċidenti reċenti ta' instabbiltà kbira tas-suq, li ħafna minnhom kienu pprovokati mit-tibdil fil-klima, ikomplu jenfasizzaw dawn it-tendenzi u pressjonijiet. Għalhekk, il-kapaċità tal-Ewropa li tiggarantixxi s-sigurtà fil-provvista tal-ikel hija għażla importanti għall-futur fit-tul li l-Ewropa ma għandhiex tqisha bħala ħaġa ċerta.

- Li jingħata appoġġ lill-komunitajiet tal-biedja li jipprovdu liċ-ċittadini Ewropej b' ikel ta' kwalità, valur u diversità li jkun ġie prodott b'mod sostenibbli, b'konformità mar-rekwiżiti tagħna rigward l-ambjent, l-ilma, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u s-saħħa pubblika. Il-ġestjoni attiva tar-riżorsi naturali mill-biedja hija għodda importanti għaż-żamma tal-pajsaġġ rurali, biex il-bijodiversità ma tkomplix tintilef, biex l-effett tat-tibdil fil-klima fuq l-agrikoltura jonqos u biex l-agrikoltura tadatta għat-tibdil fil-klima. Din hija bażi essenzjali biex ikollna territorji dinamiċi u vijabbiltà ekonomika għat-tul taż-żmien.

- Li jinżammu komunitajiet rurali vijabbli, li fihom il-biedja tkun attività ekonomika importanti li toħloq impjiegi lokali; dan iwassal għal diversi benefiċċji ekonomiċi, soċjali, ambjentali u territorjali. Tnaqqis sinifikanti tal-produzzjoni lokali jkollu implikazzjonijiet fir-rigward tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG), tal-pajsaġġi karatteristiċi lokali kif ukoll ta' anqas għażla għall-konsumatur.

L-agrikoltura hija parti integrali tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-Ewropa. F'termini ta' effetti indiretti, kwalunkwe tnaqqis sinifikanti ta' attività fil-biedja Ewropea jista' jwassal għal tnaqqis tal-PDG u telf ta' impjiegi fis-setturi ekonomiċi relatati - speċjalment fil-katina tal-provvista agrialimentari, li hija bbażata fuq is-settur tal-agrikoltura primarju tal-UE għall-forniment ta' materja prima ta' kwalità għolja, kompetittiva u affidabbli, kif ukoll fis-setturi mhux alimentari. Jiġu affettwati wkoll l-attivitajiet rurali; mit-turiżmu u t-trasport sas-servizzi lokali u dawk pubbliċi. X'aktarx li tiżdied ukoll ir-rata ta' tnaqqis fil-popolazzjoni taż-żoni rurali. Għaldaqstant, ikun hemm ukoll konsegwenzi ambjentali u soċjali kbar.

Barra minn hekk, ir-riforma tal-PAK għandha tibqa' għaddejja, sabiex tippromwovi l-kompetittività, l-użu effiċjenti tar-riżorsi ta' dawk li jħallsu t-taxxi, u l-benefiċċji ta' politika pubblika effettiva li ċ-ċittadini Ewropej jippretendu, fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel, l-ambjent, it- tibdil fil-klima u l-bilanċ soċjali u territorjali . L-għan għandu jkun li t-tkabbir taż-żoni rurali tal-Ewropa jsir b'mod aktar sostenibbli, aktar bilanċjat u aktar inklużiv.

Biex jinkiseb dan l-għan, b'konformità mal-Komunikazzjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Baġit[3] u mal-orjentazzjoni tas-suq tagħha, il-PAK tal-futur għandu jkollha l-ewwel pilastru li jkun aktar ekoloġiku u distribwit b'mod aktar bilanċjat u t-tieni pilastru jiffoka aktar fuq il- kompetittività u l- innovazzjoni , it-tibdil fil-klima u l- ambjent. Dan għandu jippermetti lill-UE biex tibda tuża l-potenzjal ta' produttività moħbi tagħha, notevolment fl-Istati Membri l-ġodda, u b'hekk tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-"Ewropa 2020" Jekk l-appoġġ jiġi indirizzat esklussivament lejn il-bdiewa attivi u jekk is-servizzi kollettivi li dawn jipprovdu lis-soċjetà jiġu rrimunerati, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-appoġġ jiżdiedu filwaqt li PAK tiġi aktar leġitimizzata. Elementi importanti oħra sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma l-iżgurar tal-kapaċità ta' kontroll tal-miżuri proposti u l-kontinwazzjoni tax-xogħol ta' simplifikazzjoni tal-politika. Dan kollu jrid iseħħ fil-limiti tar-riżorsi stretti tal-baġit u b'qies għall-impatt qawwi tal-kriżi ekonomika fuq l-agrikoltura.

2. It-triq tar-riforma tal-PAK

Matul is-snin, l-għanijiet ewlenin tal-PAK baqgħu l-istess bħal ma kienu stabbiliti fit-Trattat ta' Ruma. Madankollu, il-proċess tar-riforma tal-PAK sa mill-bidu tas-snin disgħin wassal għal struttura politika ġdida għal kollox.

L-isfidi indirizzati huma relatati mal-kapaċità produttiva tal-agrikoltura, mad-diversità taż-żoni agrikoli u rurali li żdiedet mat-tkabbir suċċessiv tal-UE, u mal-esiġenzi taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-ambjent, is-sigurtà u l-kwalità tal-ikel, in-nutrizzjoni tajba, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-aspetti fitosanitarji, iż-żamma tal-pajsaġġi rurali, il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima. Fl-istess waqt, l-istrumenti li jintużaw biex jintlaħqu l-għanijiet inbidlu b'mod konsiderevoli wkoll. F'dan iż-żmien, dawn l-istrumenti huma strutturati f' żewġ pilastri komplementari ; fejn l-ewwel pilastru huwa magħmul minn pagamenti diretti annwali u minn miżuri tas-suq, filwaqt li t-tieni pilastru huwa ffurmat minn miżuri ta' żvilupp rurali multiannwali.

L-introduzzjoni ta' pagamenti diretti tat spinta biex iseħħu riformi konsistenti orjentati lejn is-suq u tejbet il-kompetittività tas-settur tal-agrikoltura billi ħajret lill-bdiewa jadattaw għall-kundizzjonijiet tas-suq. Attwalment, il-pagamenti diretti diżakkoppjati jipprovdu appoġġ bażiku ta' dħul kif ukoll appoġġ għal beni pubbliċi bażiċi mixtieqa mis-soċjetà Ewropea.

Minħabba din l-orjentazzjoni akbar lejn is-suq, fil-parti l-kbira, il-miżuri tas-suq, li kienu l-istrumenti ewlenin tal-PAK fl-imgħoddi, illum saru jservu sempliċement bħala xibka tas-sigurtà li tintuża biss meta l-prezzijiet jaqgħu b'mod sinifikanti.

L-iżvilupp rurali huwa maħsub biex jippromwovi l-kompetittività, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, u l-iżvilupp bilanċjat taż-żoni rurali permezz ta' miżuri aktar speċifiċi u indirizzati aħjar. Dan, jagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jindirizzaw l-aktar kwestjonijiet preokkupanti fit-territorju rispettiv tagħhom permezz tal-kofinanzjament. Inizjattivi oħrajn tal-PAK, bħalma huma l-politika ta' kwalità u l-promozzjoni tal-biedja organika, għandhom ukoll impatt importanti fuq is-sitwazzjoni tal-bdiewa.

B'mod konġunt, is-sett attwali ta' miżuri ta' politika jwassal għal dik li hija l- kontribuzzjoni ewlenija tal-PAK – agrikoltura territorjali u ambjentali bilanċjata tal-UE f'ambjent ekonomiku apert. Sabiex aktar benefiċċji pubbliċi jibqgħu possibbli fil-futur, hija meħtieġa politika pubblika b'saħħitha, għaliex il-prodotti li jipprovdi s-settur tal-agrikoltura ma jistgħux jiġu rrimunerati u regolati b'mod xieraq permezz tal-funzjonament normali tas-swieq.

L-irtirar tal-appoġġ pubbliku jwassal għal konċentrazzjoni akbar ta' produzzjoni agrikola f'xi żoni li jkollhom kundizzjonijiet partikolarment favorevoli, bl-użu ta' prattiki agrikoli aktar intensivi, filwaqt li ż-żoni inqas kompetittivi jiffaċċaw l-emarġinazzjoni u l-abbandun tal-art[4]. Dawn l-iżviluppi jwasslu għal pressjonijiet ambjentali dejjem akbar u għad-deterjorament tal-ħabitats, b'konsegwenzi ekonomiċi serji li jinkludu d-deterjorazzjoni irriversibbli tal-kapaċità ta' produzzjoni agrikola Ewropea.

3. X'inhuma l-isfidi?

3.1. Is-sigurtà tal-ikel

Ir-rwol primarju tal-agrikoltura hu li tipprovdi l- ikel . Peress li d-domanda dinjija għall-ikel fil-futur mistennija li tibqa' tikber, l-UE għandha tkun f'pożizzjoni li tikkontribwixxi biex din id-domanda tiġi ssodisfata. Għalhekk , huwa essenzjali li l-agrikoltura tal-UE ssostni l-kapaċità ta' produzzjoni tagħha u ttejjibha filwaqt li tħares l-impenji tal-UE fil-kummerċ internazzjonali u l-Koerenza Politika fl-Iżvilupp. Settur tal-agrikoltura b'saħħtu huwa essenzjali biex l-industrija tal-ikel kompetittiva ħafna[5] tibqa' tifforma parti importanti mill-ekonomija u l-kummerċ tal-UE (l-UE hija l-akbar esportatur fid-dinja fil-biċċa l-kbira tal-aktar prodotti agrikoli pproċessati u bl-ogħla valur miżjud)[6]. Għandha tinkoraġġixxi s-sinerġiji bejn it-tħaddim tal-uċuħ tar-raba' u t-trobbija tal-bhejjem, pereżempju, fir-rigward tal-proteini. Barra minn hekk, iċ-ċittadini tal-UE jistennew għażla kbira ta' prodotti tal-ikel ta' kwalità għolja , li juru standards għoljin ta' sigurtà, kwalità u benessri, inkluż fil-każ ta' prodotti lokali . F'dan il-kuntest, tidher ukoll l-importanza tal-aspetti ta' aċċess, disponibbiltà u aċċettabbiltà ta' ikel tajjeb u tal-effiċjenza tal-alimentazzjoni. Bħalissa, l-agrikoltura tal-UE tinsab f' ambjent ferm aktar kompetittiv , fejn l-ekonomija dinjija qiegħda tkun dejjem aktar integrata filwaqt li s-sistema ta' kummerċ aktar liberalizzata. Din ix-xejra hija mistennija li tkompli fis-snin li ġejjin, fid-dawl tal-konklużjoni possibbli tan-negozjati tar-Rawnd ta' Doha u tal-ftehimiet bilaterali u reġjonali li qed jiġu nnegozjati bħalissa. Dan joffri sfida għall-bdiewa tal-UE, iżda joffri wkoll opportunità għall-esportaturi tal-ikel tal-UE. Għalhekk, huwa importanti li l-kompetittività u l-produttività tas-settur tal-agrikoltura tal-UE jkomplu jiġu mtejbin. Minkejja li huma favorevoli f'termini ta' perjodu ta' żmien medju, il-perspettivi għas-swieq agrikoli huma mistennija li jiġu kkaratterizzati minn aktar inċertezza u minn volatilità dejjem akbar.

Barra minn hekk, il-PAK tal-futur se tkun qed taħdem fil-konsegwenzi ta' kriżi ekonomika li affettwat l-agrikoltura u ż-żoni rurali b'mod serju, peress li rabtithom direttament ma' kuntesti makroekonomiċi usa' li jaffettwaw il-kost tal-produzzjoni. Wara għaxar snin ta' staġnar tad-dħul , fl-2009 d-dħul mill-agrikoltura naqas b'mod sostanzjali, u dan kompla aggrava s-sitwazzjoni diġà fraġili ta' dħul mill-agrikoltura sinifikament aktar baxx (stmat bħala 40 % għal kull unità ta' xogħol) minn dak fil-bqija tal-ekonomija, filwaqt li d-dħul għal kull abitant f'żoni rurali huwa ferm aktar baxx (b'madwar 50 %) milli fiż-żoni urbani.

3.2. L-ambjent u t-tibdil fil-klima

L-agrikoltura u l-forestrija għandhom rwol importanti fil-produzzjoni ta' beni pubbliċi, notevolment dawk ambjentali, bħall-pajsaġġi, l-bijodiversità tal-artijiet agrikoli, l-istabbiltà tal-klima u l-kapaċità akbar ta' rkupru minn diżastri naturali bħal għargħar, nuqqas ta' xita fit-tul u nirien. Fl-istess waqt, diversi prattiki agrikoli għandhom il-potenzjal li jagħmlu pressjoni fuq l-ambjent, u b'hekk jipprovokaw it-telf ta' ħamrija, it-tniġġis u n-nuqqas ta' ilma, u t-telf tal-ħabitats tal-ħajja selvaġġa u tal-bijodiversità.

Minkejja li mill-1990 l-emissjonijiet tal-GHG mill-agrikoltura tal-UE naqsu b'20 %, għad jistgħu jsiru sforzi oħra li se jkunu meħtieġa biex tiġi ssodisfata l-aġenda ambizzjuża tal-UE għall-enerġija u l-klima. Huwa importanti li l-potenzjal tas-settur tal-agrikoltura jiġi żviluppat aktar, biex l-effett tat-tibdil fil-klima fuq l-agrikoltura jonqos, biex l-agrikoltura tadatta għat-tibdil fil-klima u biex isir kontribut pożittiv permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' GHG u permezz ta' miżuri ta' effiċjenza tal-produzzjoni li jinkludu t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-produzzjoni tal-bijomassa u l-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli, il-qbid tal-karbonju u l-protezzjoni tal-karbonju fil-ħamrija abbażi tal-innovazzjoni.

3.3. Bilanċ territorjali

Minħabba d-diversifikazzjoni tal-istruttura soċjoekonomika tagħhom, qiegħed jiżdied l-għadd ta' żoni rurali li jiġu determinati minn fatturi mhux agrikoli. Madankollu, l-agrikoltura tibqa' fattur essenzjali tal-ekonomija rurali fil-biċċa l-kbira tal-UE. Il-vitalità u l-potenzjal ta' ħafna żoni rurali jibqgħu relatati mill-qrib mal-eżistenza ta' settur tal-biedja kompetittiv u dinamiku , li jkun attraenti għall-bdiewa żgħażagħ. Dan hu l-każ, partikolarment, fiż-żoni li huma fil-biċċa l-kbira tagħhom rurali, fejn is-settur primarju jirrappreżenta madwar 5 % tal-valur miżjud u 16 % tal-impjiegi, u fl-Istati Membri l-ġodda fejn huwa importanti li jiġu kkonsolidati ż-żidiet reċenti fil-produttività u li jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-agrikoltura. Barra minn hekk, l-agrikoltura għandha rwol importanti fiż-żoni rurali billi tiġġenera attivitajiet ekonomiċi addizzjonali, relatati ħafna mal-ipproċessar tal-ikel, mat-turiżmu u mal-kummerċ. F'diversi reġjuni, l-agrikoltura hija l-bażi tat-tradizzjonijiet lokali u tal-identità soċjali tagħhom.

4. Għalfejn għandna bżonn riforma?

Il-PAK evolviet, iżda xorta għad fadal aktar tibdil meħtieġ sabiex jiġu indirizzati l- isfidi l-ġodda, notevolment:

- li tindirizza l-preokkupazzjonijiet dwar is-sigurtà tal-UE u tal-ikel fid-dinja, li dejjem qegħdin jiżdiedu,

- li ttejjeb il-ġestjoni sostenibbli ta' riżorsi naturali bħal ma huma l-ilma, l-arja, il-bijodiversità u l-ħamrija,

- li tindirizza kemm il-pressjoni fuq il-prodotti agrikoli kkawżata mit-tibdil kontinwu fil-klima, li qiegħda dejjem tiżdied, kif ukoll il-ħtieġa li l-bdiewa jnaqqsu mill-kontribut tagħhom għall-emissjonijiet ta' GHG, iwettqu rwol attiv fil-mitigazzjoni ta' GHG u jipprovdu enerġiji rinnovabbli,

- li żżomm u ttejjeb il-kompetittiva f'dinja kkaratterizzata minn globalizzazzjoni dejjem akbar u volatilità tal-prezzijiet li dejjem togħla, iżda fl-istess ħin issostni l-produzzjoni agrikola fl-Unjoni Ewropea kollha,

- li tuża d-diversità tal-istrutturi u tas-sistemi ta' produzzjoni tal-azjendi agrikoli tal-UE bl-aħjar mod, li wara t-tkabbir tal-UE żdiedet, filwaqt li żżomm ir-rwol tagħha fl-aspetti soċjali, territorjali u strutturali,

- li ssaħħaħ il-koeżjoni territorjali u soċjali fiż-żoni rurali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment permezz tal-promozzjoni tal-impjiegi u d-diversifikazzjoni,

- li tagħmel l-appoġġ tal-PAK ġust u bbilanċjat bejn l-Istati Membri u l-bdiewa billi jitnaqqas l-iżbilanċ ta' bejn l-Istati Membri, fejn jitqies li l-għażla ta' rata fissa mhijiex fattibbli, u tindirizza dan l-appoġġ aktar lejn il-bdiewa attivi,

- li timmira għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' implimentazzjoni tal-PAK, li ttejjeb ir-rekwiżiti ta' kontroll u li tnaqqas mill-piż amministrattiv tal-benefiċjarji tal-fondi.

Billi tindirizza dawn l-isfidi, il-PAK tkun qed tikkontribwixxi wkoll għall- Istrateġija "Ewropa 2020" f'termini ta':

- Tkabbir intelliġenti – billi żżid l-effiċjenza tar-riżorsi u ttejjeb il-kompetittività permezz tal-għarfien u l-innovazzjoni teknoloġiċi filwaqt li tiżviluppa prodotti ta' kwalità u b'valur miżjud għoli; tiżviluppa teknoloġiji ekoloġiċi u tuża teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, tinvesti fit-taħriġ, tipprovdi inċentivi għall-innovazzjoni soċjali f'żoni rurali u ttejjeb l-użu ta' riżultati ta' riċerka;

- Tkabbir sostenibbli – billi ssostni l-bażi għall-produzzjoni ta' ikel u għalf kif ukoll għall-produzzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tal-art, tipprovdi beni pubbliċi ambjentali, tindirizza t-telf tal-bijodiversità, tippromwovi l-enerġiji rinnovabbli, tinkoraġixxi s-saħħa tal-annimali u tal-pjanti, iżżid l-effiċjenza tar-riżorsi permezz tal-iżvilupp teknoloġiku u bl-użu tar-riżultati ta' riċerka, tkompli tnaqqas l-emissjonijiet, ittejjeb il-ħżin tal-karbonju u tiżviluppa l-potenzjal taż-żoni rurali għal kollox; u

- Tkabbir inklużiv – billi tiżviluppa aktar il-potenzjal ekonomiku taż-żoni rurali, tiżviluppa swieq u impjiegi lokali, takkumpanja r-ristrutturar tal-agrikoltura u l-appoġġ għad-dħul tal-bdiewa biex issostni l-agrikoltura sostenibbli fl-Ewropa[7].

Dan ifisser tkabbir ekoloġiku fis-settur tal-agrikoltura u l-ekonomija rurali bħala mod kif jittejjeb il-benessri billi jintlaħaq l-għan ta' tkabbir ekonomiku filwaqt li tiġi evitata l-ħsara għall-ambjent.

5. L-għanijiet tal-PAK tal-futur

Għalhekk, it-tliet għanijiet ewlenin tal-PAK tal-futur se jkunu:

Għan Nru 1: Produzzjoni vijabbli tal-ikel

- li tikkontribwixxi għad- dħul agrikolu u tillimita l-varjabbiltà tiegħu, filwaqt li tqis li l-volatilità tal-prezzijiet u tad-dħul u r-riskji naturali f'dan is-settur huma aktar evidenti milli fil-biċċa l-kbira tas-setturi l-oħra u li, bħala medja, id-dħul u l-livelli ta' profitt tal-bdiewa huma aktar baxxi minn dawk tal-bqija tal-ekonomija[8].

- li ttejjeb il- kompetittività tas-settur tal-agrikoltura u żżid il-valur tiegħu fil- katina alimentari , peress li s-settur tal-agrikoltura huwa frammentat aktar minn setturi oħra tal-katina alimentari li huma organizzati aħjar u għalhekk jistgħu jinnegozjaw b'aktar saħħa. Barra minn hekk, il-bdiewa Ewropej jiffaċċaw il-kompetizzjoni tas-suq dinji fl-istess waqt li jkollhom iżommu l-istandards għoljin li ċ-ċittadini Ewropej jippretendu rigward l-ambjent, is-sigurtà tal-ikel, il-kwalità u l-benessri tal-annimali.

- li tagħmel tajjeb għad-diffikultajiet tal-produzzjoni f'żoni li jkollhom limitazzjonijiet naturali , peress li dawn ir-reġjuni jiffaċċaw riskju akbar ta' abbandun tal-art.

Għan Nru 2: Ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u azzjonijiet relatati mal-klima

- li tiggarantixxi prattiki ta' produzzjoni sostenibbli u tiżgura l-provvista aqwa ta' beni pubbliċi ambjentali peress li bil-funzjonament normali tas-swieq, ħafna mill-benefiċċji pubbliċi ġġenerati mill-agrikoltura ma jiġux irrimunerati.

- li tippromwovi t- tkabbir ekoloġiku permezz tal- innovazzjoni , li jeħtieġ l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda, l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda, it-tibdil ta' proċessi ta' produzzjoni u l-appoġġ għal forom ġodda tad-domanda, speċjalment fil-kuntest tal-bijoekonomija li qed tevolvi.

- li tieħu azzjonijiet ta' mitigazzjoni tal-effetti tat- tibdil fil-klima u azzjonijiet li jippermettu lill-agrikoltura tadatta għat-tibdil fil-klima. Peress li l-agrikoltura hija vulnerabbli ħafna għall-impatt tat-tibdil fil-klima, jekk dan is-settur jingħata l-appoġġ biex jadatta aħjar għall-effetti ta' taqlib estrem fil-klima, dan jista' jnaqqas l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

Għan Nru 3: Żvilupp territorjali bbilanċjat

- li tappoġġa l-iżvilupp rurali u li żżomm il-fibra soċjali taż-żoni rurali.

- li ttejjeb l-ekonomija rurali u tippromwovi d- diversifikazzjoni biex l-aġenti lokali jkunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u biex ir-riżorsi lokali addizzjonali jintużaw bl-aħjar mod.

- li tippermetti d- diversità strutturali tas-sistemi agrikoli, ittejjeb il-kundizzjonijiet għal azjendi agrikoli żgħar u tiżviluppa swieq lokali għaliex fl-Ewropa, l-azjendi agrikoli u s-sistemi ta' produzzjoni eteroġeni jikkontribwixxu għall-identità tar-reġjuni rurali u jagħmluhom aktar attraenti.

Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, huwa meħtieġ li jkompli jingħata l-appoġġ pubbliku għas-settur tal-agrikoltura u ż-żoni rurali. Għalhekk, huma meħtieġa politiki fuq livell Ewropew biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti b'sett ta' għanijiet, prinċipji u regoli komuni. Barra minn hekk, politika agrikola li tkun imfassla fuq livell tal-UE tipprovdi użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-baġit milli jipprovdi l-użu tad-diversi politiki nazzjonali flimkien. Minbarra l-preokkupazzjonijiet dwar is-suq uniku, diversi għanijiet oħra jistgħu jiġu indirizzati aħjar fuq livell transnazzjonali, pereżempju, il-koeżjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, il-problemi ambjentali transkonfinali, u l-isfidi globali bħalma huma t-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiversità, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa tal-pjanti u s-saħħa pubblika, kif ukoll l-interressi tal-konsumaturi.

6. L-orjentazzjoni tar-riforma

6.1. Strumenti futuri

L-alternattivi potenzjali kollha għall-PAK tal-futur jimplikaw il-ħtieġa ta' tibdil mill-istrumenti tal-PAK attwali. Din it-taqsima tanalizza l-mod li bih jistgħu jiġu definiti l-istrumenti biex l-għanijiet imsemmija hawn fuq jiġu indirizzati b'mod aktar effiċjenti.

Pagamenti diretti

It-tibdil meħtieġ fis-sistema ta' pagamenti diretti huwa relatat mad- distribuzzjoni mill-ġdid, id-disinn mill-ġdid u l- indirizzar aħjar tal-appoġġ, biex iżid fil-valur u l-kwalità tal-infiq. Hemm qbil ġenerali li d-distribuzzjoni tal-pagamenti diretti teħtieġ reviżjoni biex dawk li jħallsu t-taxxi jsiru jifmuha aktar. Għandhom jiġu applikati kemm kriterji ekonomiċi, biex titwettaq il-funzjoni tal-pagamenti diretti bħala garanzija ta' dħul bażi, kif ukoll kriterji ambjentali, biex jingħata appoġġ għall-provvista ta' beni pubbliċi.

L-użu ta' pagament dirett b'rata fissa kien wieħed mill-proposti li ħarġu mid-dibattitu pubbliku. Madankollu, il-produtturi agrikoli jiffaċċaw kundizzjonijiet ekonomiċi u naturali differenti ħafna bejn reġjun u ieħor tal-UE; dan jiġġustifika l-ħtieġa li d-distribuzzjoni tal-għajnuniet diretti tkun aktar bilanċjata.

Għalhekk, il-kwestjoni hi kif tista' tinkiseb distribuzzjoni bbilanċjata li tirrifletti, b'mod prammatiku, ekonomiku u politikament fattibbli, l-għanijiet dikjarati ta' dan l-appoġġ, filwaqt li jiġi evitat tibdil kbir li jfixkel u li jista' jħalli konsegwenzi ekonomiċi u soċjali gravi ħafna f'xi reġjuni u/jew f'xi sistemi ta' produzzjoni. Waħda mis-soluzzjonijiet possibbli hi dik ta' sistema li tillimita l-qligħ u t-telf tal-Istati Membri billi tiggarantixxi li l-bdiewa tal-Istati Membri kollha jirċievu, bħala medja, parti minima mill-medja tal-pagamenti diretti fl-UE.

Il-pagamenti diretti li jingħataw fil-futur lil bdiewa attivi jistgħu jiġu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin, bl-użu tal-kunċett propost mill-Parlament Ewropew:

- Jingħata appoġġ għad- dħul bażiku bl-għoti ta' pagament dirett diżakkoppjat bażiku li jipprovdi livell uniformi ta' appoġġ obbligatorju lill-bdiewa kollha ta' Stat Membru (jew ta' reġjun) abbażi ta' mekkaniżmu ta' drittijiet trasferibbli li jiġu attivati billi jiġu adattati skont l-art agrikola eliġibbli, u bit-twettiq tar-rekwiżiti ta' kundizzjonalità. Għandha titqies l-introduzzjoni ta' limitu massimu għall-pagamenti diretti li jingħataw lil azjendi agrikoli individwali kbar ("limitar"), sabiex id-distribuzzjoni tal-pagamenti bejn il-bdiewa ssir aħjar. L-effetti sproporzjonati fuq azjendi agrikoli kbar li jimpjegaw għadd kbir ta' ħaddiema jistgħu jiġu mtaffijin billi titqies l-intensità ta' xogħol imħallas bis-salarji.

- Tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-PAK permezz ta' komponent " ekoloġiku " obbligatorju tal-pagamenti diretti, billi jingħata appoġġ għal miżuri ambjentali applikabbli fit-territorju kollu tal-UE. Għandha tingħata prijorità għall-azzjonijiet li jindirizzaw l-għanijiet klimatiċi u ambjentali tal-politika. Dan jista' jsir f'għamla ta' azzjonijiet ambjentali sempliċi, ġeneriċi, annwali u mhux kontrattwali, li jmorru lil hinn mill-kundizzjonalità u li jkunu relatati mal-agrikoltura (pereżempju, mergħat permanenti, koperturi veġetali, rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’ u rtirar ta' artijiet ekoloġiku). Barra minn hekk, għandha tiġi analizzata l-possibbiltà li jiddaħħlu r-rekwiżiti taż-żoni NATURA 2000 attwali u li jittejbu ċerti elementi tal-istandards tal-KAAT.

- Tingħata promozzjoni għall-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura f'żoni li jkollhom limitazzjonijiet naturali speċifiċi billi jingħata appoġġ addizzjonali għad-dħul tal-bdiewa ta' dawn iż-żoni f'għamla ta' pagament abbażi tal-erja, li jikkumplimenta l-appoġġ mgħoti fl-ambitu tat-tieni pilastru.

- Sabiex jitqiesu l-problemi speċifiċi ta' reġjuni b'sistemi partikolari ta' biedja meqjusa bħala importanti għal raġunijiet ekonomiċi u/jew soċjali, jista' jibqa' jingħata appoġġ akkoppjat ta' natura volontarja, fl-ambitu ta' limiti definiti b'mod ċar (fejn l-appoġġ ikun ibbażat fuq erjas fissi, fuq ir-rendimenti tal-għelejjel jew fuq l-għadd ta' annimali).

- Is-sistema attwali ta' appoġġ lill- azjendi agrikoli żgħar għandha tiġi sostitwita bi skema ta' appoġġ sempliċi u speċifika, li ttejjeb il-kompetittività, iżżid il-vitalità ta' żoni rurali u tnaqqas il-burokrazija.

- Issir simplifikazzjoni tar-regoli tal- kundizzjonalità billi l-bdiewa u l-amministraturi jingħataw sett ta' regoli aktar sempliċi u komprensiv, bla ma tiddgħajjef din il-kundizzjonalità. L-introduzzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma fl-ambitu tal-kundizzjonalità għandha tiġi kkunsidrata wara li d-Direttiva tkun ġiet implimentata u l-obbligi operazzjonali tal-bdiewa jkunu ġew identifikati.

Dan it-tibdil fid-disinn tal-pagamenti diretti għandu jkun akkumpanjat minn definizzjoni u orjentazzjoni aqwa tal-appoġġ li jingħata lill- bdiewa attivi biss, b'risposta għall-kritika tal-Qorti Ewropew tal-Awdituri.

Miżuri tas-suq

Id-dibattitu pubbliku wera li kien hemm kunsens wiesa' li l- orjentazzjoni ġenerali tas-suq tal-PAKgħandha tinżamm, filwaqt li tiġi sostnuta l-istruttura ġenerali tal-għodod tal-ġestjoni tas-suq. Fil-fatt, il-kriżi tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib tal-2009 uriet biċ-ċar ir-rwol importanti li għandhom il-mekkaniżmi attwali biex isostnu s-suq meta dan ikun għaddej minn kriżi. Madankollu, jidher li hemm il-ħtieġa li jsiru xi adattamenti, l-aktar biex l-istrumenti attwali jiġu rrazzjonalizzati u ssimplifikati , kif ukoll biex jiddaħħlu elementi ta' politika ġodda fir-rigward tal-funzjonament tal-katina alimentari.

Fost l-adattamenti possibbli, jista' jiġi estiż il-perjodu ta' intervent, jintużaw klawżoli ta' emerġenza u l-ħżin privat ta' prodotti oħrajn, kif ukoll reviżjonijiet oħra li jżidu l-effiċjenza u jtejbu l-kontrolli. Dawn il-miżuri tas-suq – u b'mod partikolari, l-istrument ta' intervent - għandhom jintużaw biss bħala xibka tas-sigurtà f'każ ta' kriżi fil-prezzijiet u ta' tfixkil potenzjali tas-suq. Sa tmiem l-2010 se tiġi ppreżentata proposta għal politika riveduta ta' kwalità li ttejjeb il-possibbiltajiet għall-bdiewa biex ifehmu aħjar lill-konsumaturi dwar il-kwalitajiet u l-attributi speċifiċi tal-prodotti tagħhom[9].

Il-kwoti tal-prodotti tal-ħalib se jitneħħew fl-2015. Fil-futur qrib għandhom jiġu ppreżentati proposti legali bbażati fuq rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Ħalib biex ikun jista' jsir pjanar għat-tul taż-żmien u b'hekk tiġi żgurata l-istabbiltà għas-settur tal-prodotti tal-ħalib. Fis-setturi taz-zokkor u tal-isoglukożju, is-sistema attwali għandha tiskadi fl-2014/15. Jeħtieġ li jiġu analizzati diversi alternattivi għall-futur, bl-għan li t-tneħħija tal-kwoti sseħħ bla tfixkil f'data li għad trid tiġi stabbilita, u jiżdiedu l-effiċjenza u l-kompetittività tas-settur.

Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jittejjeb il-funzjonament tal- katina tal-provvista alimentari . Jekk il-bdiewa ma jirnexxilhomx jibdlu x-xejra kostanti ta' tnaqqis mis-sehem tagħhom tal-valur miżjud iġġenerat mill-katina tal-provvista alimentari[10], il-prospetti għall-agrikoltura għat-tul ta' żmien mhux se jitjiebu. Fil-fatt, is-sehem tal-agrikoltura fil-katina tal-provvista alimentari naqas minn 29 % fis-sena 2000 għal 24 % fis-sena 2005, filwaqt li fl-istess perjodu, is-sehem tas-settur tal-industrija tal-ikel, dak tas-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u dak tas-settur tad-distribuzzjoni kollha żdiedu

Jekk ma jkunx hemm trażmissjoni adegwata tas-sinjali tas-suq, il-prospetti għas-settur tal-biedja għat-tul taż-żmien u s-sehem tiegħu tal-valur miżjud iġġenerat mill-katina tal-provvista alimentari kollha jiġi pperikolat. Il-kwestjonijiet ta' interess ewlenin huma relatati mal-iżbilanċ attwali fil-kapaċità ta' negozjar tad-diversi partijiet tal-katina alimentari, mal-livell ta' kompetittività f'kull stadju tal-katina, mar-relazzjonijiet kuntrattwali, mal-ħtieġa ta' ristrutturar u konsolidazzjoni tas-settur tal-biedja, mat-trasparenza u mal-funzjonament tas-swieq ta' derivati ta' materja prima agrikola.

Żvilupp rurali

Bħala parti integrali mill-PAK, il-politika ta' żvilupp rurali tat prova tal-valur tagħha billi saħħet is-sostenibbiltà tas-settur tal-biedja u taż-żoni rurali tal-UE mil-lat ekonomiku, ambjentali u soċjali.

Hemm sejħa qawwija biex il-politika tibqa' tintegra bis-sħiħ id-diffikultajiet u l-opportunitajiet relatati mal-ambjent u mat-tibdil fil-klima, u xewqa li din il-politika twassal għal medda wiesgħa ta' benefiċċji għall-biedja, għall-kampanja u għas-soċjeta, u li tikkontribwixxi għal dawn l-għanijiet:

- il- kompetittività tal-agrikoltura : Billi tippromwovi l-innovazzjoni u r-ristrutturar u billi tgħin lis-settur tal-biedja jżid l-effiċjenza tiegħu fl-użu tar-riżorsi;

- il- ġestjoni sostenibbli ta' riżorsi naturali , billi tieħu ħsieb il-protezzjoni tal-kampanja, tal-ambjent u tal-kapaċità tal-agrikoltura li tirkupra minn effetti tat-tibdil fil-klima, u ssostni l-kapaċità tal-produzzjoni tal-art;

- l- iżvilupp territorjali bbilanċjat taż-żoni rurali fl-UE kollha, billi tgħati s-setgħa lin-nies taż-żoni lokali biex iżidu l-kapaċità u jtejbu l-kundizzjonijiet lokali u r-rabtiet bejn iż-żoni rurali u dawk urbani.

F'dan il-qafas, l- ambjent, it- tibdil fil-klima u l -innovazzjoni għandhom, aktar minn qatt qabel, ikunu t-temi li jidderieġu l-politika. Pereżempju, l-investimenti għandhom iżidu kemm ir-rendiment ekonomiku kif ukoll dak ambjentali; il-miżuri ambjentali għandhom jiġu mfassla aktar skont il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni, inkluż dawk ta' żoni lokali bħalma huma ż-żoni tan-Natura 2000 u ż-żoni HNV; il-miżuri li jkollhom l-għan li jiżviluppaw il-potenzjal taż-żoni rurali għandhom iqisu aktar mill-qrib l-ideat innovattivi fl-ambitu tal-kummerċ u ta' governanza lokali. Jeħtieġ li jinħatfu l-opportunitajiet ġodda ta' żvilupp lokali, bħalma huma r-rotot ta' distribuzzjoni alternattivi li jżidu l-valur tar-riżorsi lokali. L-appoġġ għall-iżvilupp tal-bejgħ dirett u tas-swieq lokali għandu jingħata importanza wkoll. Waħda mill-prijoritajiet għandha tkun dik li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-bdiewa żgħażagħ u ta' bdiewa ġodda.

Biex l-għanijiet tal-politika jissarfu f'riżultati konkreti, huwa fundamentali li jkun hemm mekkaniżmi ta' esekuzzjoni effettivi disponibbli. L-approċċ strateġiku attwali għandu jiġi msaħħaħ bl-iffissar ta' miri kwantifikati fuq livell tal-UE u aktar tard, fuq livell tal-programm, u jekk jista' jkun, akkoppjati minn inċentivi li għad iridu jiġu analizzati, bħal, pereżempju, riserva ta' prestazzjoni. Dan il-bdil fl-approċċ għal wieħed li jkun ibbażat aktar fuq ir-riżultati għandu jwassal approċċ li jidderieġi bl-aqwa mod il-politika lejn il-prijoritajiet tal-UE u juri l-miri li jintlaħqu tassew. Inħabba f'hekk, is-sett ta' indikaturi fil-qafas Komuni ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni għandu jiġi ssimplifikat u mtejjeb.

Biex tiżdied l-effiċjenza, ikun essenzjali li tiġi msaħħa l- koerenza bejn il-politika ta' żvilupp rurali u politiki oħrajn tal-UE, u kemm jista' jkun, tiżdied is-simplifikazzjoni u titnaqqas il-burokrazija. Għal dan il-fini, għandu jiġi previst qafas strateġiku komuni għall-fondi tal-UE

F'termini ta' strumenti, tkun utli d-disponibbiltà ta' medda wiesgħa ta' għodod; minn investimenti u infrastruttura sa pagamenti għal servizzi relatati ma' ekosistemi, appoġġ għal Żoni Anqas Vantaġġati (LFA), miżuri ambjentali u ta' tibdil fil-klima, appoġġ għall-innovazzjoni, it-trasferiment ta' għarfien u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, il-ħolqien ta' azjendi kummerċjali, l-iżvilupp soċjali u istituzzjonali, u l-promozzjoni ta' metodi ta' produzzjoni b'rabta ma' speċifiċitajiet lokali u b'qies għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri biex iżidu l-effiċjenza ekonomika tagħhom. Jista' jsir titjib fil-mod li bih il-miżuri jiġu relatati aħjar ma' xulxin, speċjalment permezz tat-taħriġ, bil-ħolqien ta' serje ta' miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta' gruppi u żoni speċifiċi (pereżempju, azjendi agrikoli żgħar, żoni muntanjużi), billi tingħata għajnuna lill-bdiewa biex dawn isibuha eħfef jikkolaboraw biex tinkiseb il-konnettività tal-karatteristiċi tal-pajsaġġi għal skopijiet ta' protezzjoni tal-bijodiversità u adattament għat-tibdil fil-klima ("infrastruttura ekoloġika"), jew billi jingħataw inċentivi bħalma huma rati ta' intensità tal-għajnuna preferenzjali biex l-għajnuna tiġi indirizzata b'mod aktar effikaċi.

Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit sett ta' għodod għall-ġestjoni tar-riskji bl-għan li l-inċertezzi tad-dħul u l-volatilità tas-suq, li jostakolaw il-possibbiltà ta' investiment mis-settur agrikolu biex jibqa' kompetittiv, jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv. L-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw dan is-sett ta' għodod biex jindirizzaw riskji kemm fl-ambitu tal-produzzjoni kif ukoll f'dak tad-dħul. Dan is-sett jinkludi diversi għodod, li jvarjaw minn għodda ġdida ta' stabilizzazzjoni kompatibbli mal-"kaxxa ħadra" tal-WTO sa żieda fl-appoġġ għall-istrumenti ta' assigurazzjoni u għall-fondi ta' investiment. Għall-istrumenti ġodda li jiddaħħlu, se jiġi żgurat li jkunu koerenti ma' strumenti oħra tal-PAK, speċjalment mal-istrumenti tas-suq.

Fir-rigward tad-distribuzzjoni ta' appoġġ għall-iżvilupp rurali bejn l-Istati Membri, għandu jiġi kkunsidrat l-użu ta' kriterji oġġettivi, u kemm jista' jkun jiġi evitat it-tfixkil tas-sistema attwali.

Biex tiżdied il-kompetittività tas-settur agrikolu, huwa essenzjali li l-politiki tal- kwalità (inkluż fil-biedja organika) u tal- promozzjoni jkomplu jiġu msaħħa u ssimplifikati. Fl-aħħar nett, l-inizjattiva "Unjoni għall-Innovazzjoni" għandha tippermetti wkoll approċċi ġodda għall-ksib tal-għanijiet tal-Istrateġija "Ewropa 2020", li jipprevedu ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva[11].

Struttura ġenerali

L-istrumenti tal-PAK tal-futur għandhom jibqgħu jiġu strutturati madwar żewġ pilastri: din l-opinjoni ġiet ukoll espressa mill-biċċa l-kbira tal-parteċipanti tad-dibattitu pubbliku, kif ukoll ġiet ippreferita b'mod ċar mill-Kunsill, mill-PE u mill-CoR L-ewwel pilastru għandu jinkludi l-appoġġ li jitħallas kull sena lill-bdiewa kollha, filwaqt li t-tieni pilastru għandu jibqa' jservi bħala l-għodda ta' appoġġ għall-għanijiet Komunitarji biex jagħti biżżejjed flessibbiltà lill-Istati Membri ħalli jadattaw għall-ispeċifiċitajiet tagħhom fuq bażi multiannwali, programmata u kuntrattwali. Fi kwalunkwe każ, is-separazzjoni bejn iż-żewġ pilastri għandha tkun ċara, u dawn iż-żewġ pilastri għandhom ikunu komplementari għal xulxin, jiffokaw fuq l-għan ta' effiċjenza u jevitaw li jagħmlu l-istess xogħol.

6.2. Alternattivi ta' politika ġenerali

Tliet alternattivi ta' politika ġenerali, li jindikaw l-orjentazzjonijiet prinċipali tad-dibattitu pubbliku bla ma jeskludu ideat minn xulxin, jixraqilhom aktar kunsiderazzjoni. Dawn qed jiġu ppreżentati hawnhekk bħala direzzjonijiet li jistgħu jittieħdu, u li l-impatt tagħhom se jiġi mejqus qabel jittieħdu deċiżjonijiet finali. It-tliet alternattivi huma kollha bbażati fuq struttura ta' żewġ pilastri (b'bilanċ differenti bejn il-pilastri).

Alternattiva Nru 1

Din l-alternattiva għandha ddaħħal aktar tibdil gradwali fil-qafas tal-politika attwali. Tibbaża ruħha fuq l-aspetti tal-politika li jiffunzjonaw sew u tiffoka fuq aġġustamenti u titjib fl-aktar qasam tal-PAK li jiġi ikkritikat b'mod sinifikanti, jiġifieri l-kwestjoni tal-bilanċ fid-distribuzzjoni tal-pagamenti diretti bejn l-Istati Membri. Din l-alternattiva tiżgura l-kontinwità u l-istabbiltà mal-PAK attwali, u b'hekk tiffaċilita l-ippjanar għat-tul ta' żmien għall-operaturi fid-diversi partijiet tal-katina alimentari.

Alternattiva Nru 2

Alternattiva oħra hi dik li tittieħed l-opportunità biex issir ir-riforma u jsir tibdil kbir u importanti fil-politika, biex jiġi żgurat li din issir aktar sostenibbli , u li jinkiseb bilanċ aħjar bejn l-għanijiet differenti tal-politika, il-bdiewa u l-Istati Membri. Dan isir permezz ta' miżuri indirizzati aħjar u li ċ-ċittadini tal-UE jifmuhom aktar. Din l-alternattiva timplika aktar effiċjenza fl-infiq u fokus akbar fuq il-valur miżjud tal-UE. Dan l-approċċ jippermetti azzjonijiet li jindirizzaw aħjar l-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali u jsaħħaħ il-kontribut tal-agrikoltura u taż-żoni rurali għall-ilħiq tal-għanijiet tal-istrateġija "Ewropa 2020" fir-rigward tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Alternattiva Nru 3

Alternattiva oħra hi dik li ssir riforma aktar sostanzjali tal-PAK, b'fokus kbir fuq l-għanijiet ambjentali u ta' tibdil fil-klima, filwaqt li jiġu abbandunati b'mod gradwali l-miżuri ta' appoġġ għad-dħul u l-biċċa l-kbira tal-miżuri tas-suq. Jekk, permezz tal-qafas ta' politika ta' Żvilupp Rurali jingħata fokus finanzjarju akbar fuq il-kwestjonijiet ambjentali u tat-tibdil fil-klima, dan iwassal għall-ħolqien ta' strateġiji reġjonali li jiżguraw l-ilħiq tal-għanijiet tal-UE.

Fit-twettiq tal-għanijiet tal-PAK il-ġdida, kif ippreżentati f'din il-Komunikazzjoni, dawn l-alternattivi għandhom vantaġġi u żvantaġġi differenti minn ta' xulxin. Għalhekk, dawn l-alternattivi għandhom jiġu evalwati abbażi tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tagħhom.

7. Konklużjonijiet

Din il-Komunikazzjoni, li hija l-kontribut tal-Kummissjoni għad-dibattitu dwar il-PAK tal-futur, tindika l-alternattivi u tagħti bidu għad-dibattitu mal-istituzzjonijiet l-oħra u mal-partijiet interessati. Il-proposti legali se jiġu ppreżentati fl-2011.

L-alternattivi possibbli għar-riforma jinkludu kemm tibdil kbir li jeħtieġ disinn ġdid, kif ukoll it-titjib tal-elementi tad-disinn attwali li rriżultaw bħala utli. Abbażi ta' dan, il-PAK tal-futur għandha tkun politika aktar sostenibbli, aktar bilanċjata, indirizzata aħjar, aktar sempliċi u aktar effettiva, u li tirrifletti aktar il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE.

ANNESS

DESKRIZZJONI TAT-TLIET ALTERNATTIVI TA' POLITIKA ĠENERALI

Pagamenti diretti | Miżuri tas-suq | Żvilupp rurali |

Alternattiva Nru 1 | Jiddaħħal aktar bilanċ fid-distribuzzjoni ta' pagamenti diretti bejn l-Istati Membri (bla ma tinbidel is-sistema attwali ta' pagamenti diretti) | Jissaħħu l-għodod tal-ġestjoni tar-riskju Fejn meħtieġ, l-istrumenti attwali tas-suq jiġu simplifikati u razzjonalizzati | Tinżamm l-orjentazzjoni tal-Kontroll ta' Saħħa tal-PAK, li tikkonsisti fiż-żieda ta' fondi biex jagħmlu tajjeb għall-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima, l-ilma, il-bijodiversità u l-enerġija rinnovabbli, u l-innovazzjoni. |

Alternattiva Nru 2 | Jiddaħħal aktar bilanċ fid-distribuzzjoni ta' pagamenti diretti bejn l-Istati Membri u tibdil sostanzjali fid-disinn tagħhom. Il-pagamenti diretti jkunu magħmulin minn: • rata bażika li sservi bħala appoġġ għad-dħul, • għajnuna addizzjonali obbligatorja għal beni pubbliċi "ekoloġiċi" speċifiċi permezz ta' azzjonijiet agri-ambjentali sempliċi, ġeneriċi, annwali u mhux kontrattwali, abbażi tal-kosti supplimentari għat-twettiq ta' dawn l-azzjonijiet, • pagament addizzjonali biex jagħmel tajjeb għal limitazzjonijiet naturali speċifiċi, • u komponent ta' appoġġ akkoppjat ta' natura volontarja għal setturi u reġjuni speċifiċi[12], Tiddaħħal skema ġdida għal azjendi agrikoli żgħar. Jiddaħħal limitu massimu għar-rata bażika, filwaqt li jitqies ukoll il-kontribut li l-azjendi agrikoli kbar jagħtu għall-iżvilupp rurali | Fejn meħtieġ, l-istrumenti attwali tas-suq jiġu simplifikati u mtejbin | L-istrumenti attwali jiġu aġġustati u kkomplementati biex jiġu jaqblu aktar mal-prijoritajiet tal-UE, fejn l-appoġġ ikun iffokat fuq l-ambjent, it-tibdil fil-klima u/jew ir-ristrutturar u l-innovazzjoni, u biex jittejbu l-inizjattivi reġjonali/lokali. Jiġu msaħħa l-għodod attwali tal-ġestjoni tar-riskju u jiddaħħal strument ta' stabilizzazzjoni mhux obbligatorju li jkun kompatibbli mal-"kaxxa ħadra" tal-WTO biex jagħmel tajjeb għal telf ta' dħul sostanzjali. Tista' ssir ukoll xi distribuzzjoni mill-ġdid ta' fondi bejn l-Istati Membri li jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi. |

Alternattiva Nru 3 | Eliminazzjoni gradwali tal-pagamenti diretti minn kif isiru bħalissa. Minflok, jingħataw pagamenti limitati għal beni pubbliċi ambjentali u pagamenti addizzjonali għal limitazzjonijiet naturali speċifiċi | Jitneħħew il-miżuri tas-suq kollha, bl-eċċezzjoni possibbli ta' klawżoli ta' emerġenza li jistgħu jiġu attivati f'każijiet ta' kriżi serja | Il-miżuri jkunu ffokati l-aktar fuq aspetti ambjentali u ta' tibdil fil-klima |

[1] Fid-dibatittu pubbliku, saru 5,600 kontribuzzjoni filwaqt li fil-konferenza ħadu sehem aktar minn 600 parteċipant.

[2] http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P7-TA-2010-0286+0+DOC+XML+V0//MT

[3] Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE - COM(2010) 700.

[4] Ara Scenar 2020 – Studju ta' xenarju prospettiv dwar l-agrikoltura u d-dinja rurali.

[5] L-Industrija tal-ikel tirrappreżenta 13.5 % tal-impjiegi kollha u 12.2 % tal-valur miżjud gross tal-Industrija Ewropea tal-manifattura.

[6] L-esportazzjoni Agrialimentari tirrappreżenta 6.8 % tal-esportazzjoni kollha tal-UE.

[7] Il-PAK, b'mod partikolari, se tagħti kontribut għall-inizjattivi ewlenin tal-UE dwar "Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livelli baxxi ta' karbonju", "Unjoni għall-Innovazzjoni" u "Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar".

[8] Sors: Il-Kummissjoni Ewropea – DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali, abbażi ta' dejta mill-Eurostat dwar kontijiet nazzjonali u agrikoli.

[9] Ara COM(2009) 234 dwar prodotti ta' kwalità u r-rapport li ħiereġ dalwaqt dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 fir-rigward tal-biedja organika l-ġdida.

[10] "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" – COM(2009) 591, 28.10.2009.

[11] Inkluż l-isħubija għall-innovazzjoni "il-produttività u s-sostenibbiltà agrikola".

[12] Dan ikun ekwivalenti għall-appoġġ akkoppjat kurrenti mħallas skont l-Artikolu 68 u miżuri ta' appoġġ akkoppjat oħrajn.