52010DC0639




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 10.11.2010

KUMM(2010) 639 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Enerġija 2020 Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b'sigurtà

SEG(2010) 1346

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Enerġija 2020Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b'sigurtà

INTRODUZZJONI

Il-prezz tal-falliment huwa għoli wisq.

L-enerġija hija n-nifs tal-ħajja tas-soċjetà tagħna. Il-ġid tal-poplu, tal-industrija u tal-ekonomija tagħna jiddependi fuq enerġija sikura, sostenibbli, li toffri siġurtà u bi prezz moderat. Fl-istess waqt, l-emissjonijiet relatati mal-enerġija jammontaw għal kważi 80 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra totali tal-UE. Għal din ir-raġuni, l-isfida tal-enerġija hija waħda mill-akbar provi li l-Ewropa trid tiffaċċja. Il-proċess biex is-sistemi tal-enerġija tagħna jaqbdu triq li toffri aktar sigurtà u sostenibbiltà se jieħu s-snin. Madankollu, jeħtieġ b'mod urġenti li jittieħdu d-deċiżjonijiet li jiggwidawna lejn it-triq it-tajba għaliex in-nuqqas ta' ksib ta' suq Ewropew tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb se jirriżulta biss f'aktar spejjeż għall-konsumaturi u jqiegħed il-kompetittività tal-Ewropa f'riskju.

Fl-għaxar snin li jmiss, hemm bżonn li jsiru investimenti fl-enerġija li jammontaw għal EUR 1 triljun, kemm għad-diversifikazzjoni tar-riżorsi eżistenti u kemm biex jiġi sostitwit it-tagħmir u jiġu indirizzati r-rekwiżiti tal-enerġija ta' sfida u li qed jinbidlu. It-tibdil strutturali fil-provvista tal-enerġija, parzjalment ikkawżat minn tibdil fil-produzzjoni indiġena, jobbliga lill-ekonomiji Ewropej jagħżlu minn fost il-prodotti u l-infrastrutturi tal-enerġija. L-effetti ta’ dawn l-għażliet se jinħassu matul it-30 sena u iktar li jmiss. Sabiex dawn id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jittieħdu malajr hemm bżonn ta’ qafas ta’ politika ambizzjuż. Il-posponiment ta’ dawn id-deċiżjonijiet se jkollu riperkussjonijiet inkwantifikabbli fuq is-soċjetà f’dak li jirrigwarda kemm l-ispejjeż u kemm is-sigurtà fit-tul.

Il-politika komuni tal-enerġija fl-UE evolviet fl-ambitu tal-għan komuni li tiġi żgurata d-disponibbiltà fiżika u bla interruzzjoni tal-prodotti u s-servizzi tal-enerġija fis-suq, bi prezz tajjeb għall-but tal-konsumaturi kollha (privati u industrijali), filwaqt li jingħata kontribut lejn il-miri soċjali u klimatiċi ġenerali tal-UE. Il-miri ċentrali tal-politika tal-enerġija (is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u s-sostenibbiltà) issa huma stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona[1]. Dan jispjega b’mod ċar x’inhu mistenni mill-Ewropa fil-qasam tal-enerġija. Għalkemm sar progress biex jintlaħqu dawn il-miri, is-sistemi tal-enerġija tal-Ewropa qed jadattaw bil-mod wisq, filwaqt li l-iskala tal-isfidi qiegħda tikber. Aktar tkabbir tal-UE fil-futur se jagħmel din l-isfida akbar għaliex se jissieħbu mal-Unjoni pajjiżi li għandhom infrastruttura antikwata u ekonomiji tal-enerġija anqas kompetittivi.

Fl-2007 l-Kunsill Ewropew adotta għanijiet ambizzjużi relatati mal-enerġija u t-tibdil fil-klima għall-2020 – li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20 %, li jista’ jitla’ għal 30 % jekk ikun hemm il-kundizzjonijiet xierqa[2], li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli jiżdied għal 20 % u li jsir titjib ta’ 20 % fl-effiċjenza fl-enerġija. Il-Parlament Ewropew appoġġja dawn l-għanijiet kontinwament. Il-Kunsill Ewropew ukoll għamel impenn fit-tul fil-mixja lejn id-dekarbonizzazzjoni b’mira għall-UE u pajjiżi industrijalizzati oħra ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ 80 sa 95 % sal-2050.

Madankollu, x’aktarx li l-istrateġija eżistenti attwali ma tilħaqx il-miri kollha tal-2020, u kumplessivament hija inadegwata fir-rigward tal-isfidi fit-tul. Il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-UE ġew inkorporati fl-Istrateġija Ewropa 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv[3], li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2010, u fl-inizjattiva ewlenija tagħha “Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi”. Il-kompitu urġenti tal-UE huwa li tasal fi qbil dwar l-għodda li jippermettu li ssir din il-bidla meħtieġa biex b’hekk tiżgura li l-Ewropa toħroġ mir-riċessjoni u taqbad triq iktar kompetittiva, sostenibbli u li toffri aktar sigurtà.

Minkejja l-importanza tal-għanijiet tal-politika dwar l-enerġija, hemm diskrepanzi serji fit-twassil tagħhom.

Is-suq intern tal-enerġija għadu frammentat u għadu ma laħaqx il-potenzjal tiegħu tat-trasparenza, l-aċċessibbiltà u l-għażla. Il-kumpaniji kibru u qabżu l-fruntieri nazzjonali, iżda l-iżvilupp tagħhom għadu mxekkel minnħabba serje ta’ regoli u prattiki nazzjonali differenti. Għad hemm ħafna ostakli għal kompetizzjoni miftuħa u ġusta[4]. Studju reċenti dwar il-kundizzjonijiet tal-konsumaturi fis-swieq tal-konsumaturi tal-elettriku jindika għażla li mhijiex l-aħjar għall-konsumaturi[5]. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern hija diżappuntanti, u aktar minn 40 proċedura ta’ ksur huma għaddejjin dwar it-tieni pakkett tas-suq intern tal-enerġija mill-2003 biss.

Is-sigurtà tal-provvisti interni tal-enerġija hija mhedda mid-dewmien fl-investimenti u fil-progress teknoloġiku[6]. Attwalment, kważi 45 % tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-Ewropa hija bbażata fuq sorsi tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju, prinċipalment l-enerġija nukleari u idroelettrika. Partijiet mill-UE jistgħu jitilfu iktar minn terz tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tagħhom sal-2020 minħabba l-ħajja limitata ta' dawn l-installazzjonijiet. Dan jimplika sostituzzjoni u żieda fil-kapaċitajiet eżistenti, l-identifikazzjoni ta’ alternattivi li joffru sigurtà li u li ma jiġux minn fjuwils fossili, l-adattament tan-netwerks għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-ksib ta' suq intern tal-enerġija verament integrat. Fl-istess ħin l-Istati Membri għad iridu jneħħu f'fażijiet is-sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent.

Il-kwalità tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija żviluppati mill-Istati Membri mill-2008 ’l hawn hija diżappuntanti, billi jħallu potenzjal kbir mhux sfruttat. Il-bidla lejn l-użu tal-enerġija rinnovabbli u effiċjenza akbar fl-enerġija fit-trasport qed issir bil-mod wisq. Għalkemm b’mod ġenerali mixjin kif previst biex nilħqu l-mira ta’ 20 % enerġija rinnovabbli, għadna ’l bogħod milli nilħqu l-mira stabbilita għall-effiċjenza fl-enerġija.

F’livell internazzjonali, ftit tingħata attenzjoni għat-twissijiet dwar il-provvista limitata taż-żejt fil-futur[7]. Minkejja l-kriżijiet kbar fil-provvista tal-gass li servew bħala sinjal ta’ allarm u kixfu l-vulnerabbiltà tal-Ewropa, xorta għad m’hemmx approċċ kumuni lejn il-pajjiżi li huma msieħba, fornituri jew ta’ tranżitu. Il-potenzjal għal żvilupp ulterjuri tar-riżorsi indiġeni tal-fjuwils fossili fl-UE, inkluż il-gass mhux konvenzjonali, jeżisti u r-rwol li se jkollhom, għandu jkun ivvalutat b'oġġettività sħiħa.

L-interdipendenza tal-Istati Membri fir-rigward tal-enerġija titlob iktar azzjoni Ewropea.

L-UE tinsab fil-livell li fih għandha tiġi żviluppata l-politika dwar l-enerġija. Huwa inevitabbli li d-deċiżjonijiet ta’ politika dwar l-enerġija meħuda minn Stat Membru jkollhom impatt fuq Stati Membri oħra. Il-taħlita ottima tal-enerġija, inkluż l-iżvilupp rapidu tal-enerġija rinnovabbli, tirrikjedi tal-inqas suq kontinentali. L-enerġija hija dak is-settur tas-suq fejn jistgħu jinkisbu l-akbar forom ta’ effiċjenza ekonomika fuq skala pan-Ewropea. Is-swieq frammentati mhux biss jipperikolaw is-sigurtà tal-provvista, iżda jillimitaw ukoll il-benefiċċji li tista’ ġġib magħha l-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija. Wasal iż-żmien li l-politika tal-enerġija ssir tassew Ewropea.

L-UE għandha tibqa’ suq attraenti għal kumpaniji fi żmien meta l-kompetizzjoni għar-riżorsi tal-enerġija qed tiżdied madwar id-dinja kollha. L-istrateġija Ewropea l-ġdida għandha tappoġġja l-approċċ industrijali integrat li għadha kif ippreżentat il-Kummissjoni[8], b'mod partikolari għaliex l-enerġija tibqa' fattur importanti tal-kostijiet għall-industrija[9]. L-UE għandha wkoll tikkonsolida l-kompetittività tagħha fis-swieq tat-teknoloġija tal-enerġija. Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE żdied progressivament għal madwar 10 % tal-konsum gross finali tal-enerġija fl-2008. Fl-2009, 62 % tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn installazzjonijiet ġodda kienet minn sorsi rinnovabbli, prinċipalment mir-riħ u mix-xemx. Madankollu, il-pożizzjoni vantaġġuża tal-UE hija mhedda. L-Indiċi ta’ Attrazzjoni tal-Enerġija Rinnovabbli (Renewable Energy Attractiveness Index) indipendenti tal-2010[10] issa qed jikkwota lill-Istati Uniti u liċ-Ċina bħala l-aħjar opportunitajiet ta’ investimenti għall-enerġija rinnovabbli. Jenħtieġ stimolu ġdid; issa aktar minn qatt qabel t-tmexxija tal-UE qed tintalab tindirizza dawn l-isfidi.

Fl-affarijiet internazzjonali relatati mal-enerġija, l-UE tista’ tkun ħafna iktar b’saħħitha u effikaċi jekk tieħu f'idejha r-riedni tal-interess u l-ambizzjoni komuni tagħha. Għalkemm l-UE tikkonsma għoxrin fil-mija tal-enerġija tad-dinja, l-influwenza tagħha fuq is-swieq internazzjonali tal-enerġija tibqa’ inqas minn dik li l-piż ekonomiku tagħha għandu jimplika. Is-swieq globali tal-enerġija qed ikomplu jirrestrinġu ruħhom, billi l-pajjiżi Asjatiċi li qed jiżviluppaw u l-Lvant Nofsani qed jiġġeneraw il-biċċa l-kbira taż-żieda fid-domanda globali[11]. Bħala l-akbar importatur tal-enerġija fid-dinja, b'riżultat ta’ dan l-UE x’aktarx li tkun iktar vulnerabbli għar-riskji marbuta mal-provvista.

L-inklużjoni tal-politika dwar l-enerġija fit-Trattat tal-UE titlob perspettiva ġdida.

Għandna nibnu fuq dak li ksibna, u nkunu kuraġġużi fl-ambizzjoni tagħna.

L-UE ma taffordjax li tfalli fl-ambizzjonijiet tagħha dwar l-enerġija. Għalhekk il-Kummissjoni qed tipproponi strateġija tal-enerġija ġdida lejn l-2020. Din għandha ssaħħaħ il-miżuri li ttieħdu s’issa u żżid l-attività f’oqsma fejn qed jitfaċċjaw sfidi ġodda. Din hija r-riżultat ta’ dibattiti estensivi fl-istituzzjonijiet tal-UE u konsultazzjonijiet fuq firxa wiesgħa mal-pubbliku.

Il-fokus hawnhekk mhuwiex analiżi komparattiva ta’ sorsi tal-enerġija differenti, iżda l-passi meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-Ewropa fiż-żmien medju. Fil-Pjan Direzzjonali li jmiss tal-2050 se jiġu ppreżentati diversi xenarji relatati mat-taħlita tal-enerġija, li jiddeskrivu metodi kif tintlaħaq il-mira fit-tul tal-Ewropa għad-dekarbonizzazzjoni, u l-implikazzjonijiet tagħhom għad-deċiżjonijiet dwar il-politika tal-enerġija. Din l-istrateġija tistabbilixxi d-deċiżjonijiet inizjali tal-politika li hemm bżonn li jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet tagħna tal-enerġija għall-2020 kif qegħdin attwalment. Il-Pjanijiet Direzzjonali tal-2050 dwar l-ekonomija u l-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju se jipprovdu iktar informazzjoni u se jiggwidaw dan il-programm ta’ azzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu billi joffru viżjoni fit-tul.

Għandna bżonn urġenti ta’ bidliet radikali fil-produzzjoni, l-użu u l-provvista tal-enerġija.

L-ewwel u qabel kollox, l-istrateġija tenfasizza l-ħtieġa li l-azzjonijiet relatati mal-enerġija jingħataw orjentament ġdid favur politika rregolata mid-domanda, billi tingħata s-saħħa lill-konsumaturi u t-tkabbir ekonomiku jinfired mill-użu tal-enerġija. B’mod partikolari, l-industriji tat-trasport u l-kostruzzjoni għandhom jimxu fuq politika attiva ta’ ffrankar tal-enerġija u jiddiversifikaw lejn sorsi tal-enerġija li ma jniġġsux. Minbarra l-Iskema tan-Negozjar tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS - Emissions Trading Scheme), l-istrateġija għandha tgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet tas-suq li jistimulaw iktar iffrankar tal-enerġija u iktar investimenti li jagħmlu użu minn livell baxx ta’ karbonju, biex jiġu sfruttati firxa wiesgħa ta’ enerġija rinnovabbli ċentralizzata u distribwita kif ukoll teknoloġiji ewlenin għall-ħżin tal-enerġija u l-elettromobbiltà (speċjalment il-vetturi elettriċi u t-trasport pubbliku).

Il-politika dwar l-enerġija tikkostitwixxi kontribut importanti għall-ksib tal-għan tal-istrateġija l-ġdida ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv b'appoġġ għal bażi industrijali b'saħħitha, diversifikata u kompetittiva. F'dan il-kuntest, l-Ewropa għandha tirrikonoxxi li l-bażi industrijali tagħha teħtieġ is-setturi kollha fil-katina sħiħa tal-valur.

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom imexx bl-eżempju tagħhom. Kull sena, 16 % tal-PGD tal-UE, jiġifieri madwar EUR 1 500 biljun, jintefqu mill-awtoritajiet pubbliċi. Ir-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku għandhom jagħmlu enfasi fuq il-kundizzjonijiet relatati mal-effiċjenza għaż-żieda fl-iffrankar tal-enerġija u għat-tixrid ta' soluzzjonijiet innovattivi, speċjalment fil-bini u t-trasport. Sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija għandu jiġi sfruttat kompletament il-potenzjal ta’ strumenti ta’ politika bbażati fuq is-suq u strumenti ta’ politika oħrajn, inkluża t-tassazzjoni.

Min-naħa tal-provvista, il-prijorità għandha tibqa’ l-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija kompetittivi li joffru sigurtà. Fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, l-investimenti għandhom iwasslu biex fis-snin bikrin tal-2020 kważi żewġ terzi tal-elettriku jkun ġej minn sorsi b’livell baxx ta’ karbonju, filwaqt li l-livell attwali huwa 45 %. F’dan il-kuntest, għandha tingħata prijorità lil sorsi tal-enerġija rinnovabbli. L-istrateġija għandha tipprovdi qafas fil-livell tal-UE li filwaqt li jirrispetta d-differenzi nazzjonali, mhux biss jippermetti lill-Istati Membri jaqbżu l-miri rispettivi tagħhom, iżda wkoll jiżgura li sal-2020 is-sorsi u t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jsiru ekonomikament kompetittivi.

Il-kontribut tal-enerġija nukleari, li attwalment tiġġenera madwar terz tal-elettriku tal-UE u żewġ terzi tal-elettriku mingħajr karbonju tagħha għandu jiġi vvalutat bil-miftuħ u oġġettivament. Id-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat Euratom għandhom jiġu applikati b’mod rigoruż, b'mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza. Minħabba l-interess li reġa’ qam f’din il-forma ta’ ġenerazzjoni fl-Ewropa u fid-dinja, għandha tingħata spinta lir-riċerka dwar it-teknoloġiji tal-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u l-implimentazzjoni sikura tagħhom, u għandha issir ukoll tħejjija għall-ġejjieni fit-tul permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ fissjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss, u dan sabiex jiżdiedu s-sostenibbiltà u l-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku, u l-fużjoni nukleari (ITER).

Għaż-żejt u l-gass, iż-żieda tar-rekwiżiti tal-importazzjoni u d-domanda li qed tiżdied minn pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw jirrikjedu mekkaniżmi iktar b’saħħithom biex jiżguraw rotot tal-provvista ġodda, diversifikati u sikuri. Minbarra l-aċċess għaż-żejt mhux raffinat, l-infrastruttura tar-raffinar hija ħolqa kruċjali fil-katina tal-provvista. L-UE hija msieħba ġeopolitika b’saħħitha fis-swieq tal-enerġija u għandu jkollha l-kapaċità li taġixxi skont dan.

L-istrateġija l-ġdida relatata mal-enerġija tiffoka fuq ħames prijoritajiet:

1. Il-kisba ta’ Ewropa effiċjenti fl-enerġija;

2. Il-bini ta’ suq tal-enerġija pan-Ewropew verament integrat;

3. Il-parteċipazzjoni msaħħa tal-konsumaturi u l-ilħiq tal-ogħla livell ta’ sikurezza u sigurtà;

4. L-estensjoni tal-pożizzjoni fuq quddiem nett tal-Ewropa fir-rigward tat-teknoloġija u l-innovazzjoni tal-enerġija;

5. It-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tas-suq tal-enerġija tal-UE.

1. UżU EFFIċJENTI TAL-ENERġIJA LI JSARRAF F'IFFRANKAR TA' 20 % SAL-2020

L-Ewropa ma taffordjax taħli l-enerġija. L-effiċjenza fl-enerġija hija wieħed mill-għanijiet ewlenin għall-2020 u hija wkoll fattur ewlieni fl-ilħuq tal-miri fit-tul tagħna tal-enerġija u l-klima. L-UE teħtieġ tiżviluppa strateġija ġdida tal-effiċjenza fl-enerġija li tippermetti lill-Istati Membri kollha jifirdu aktar l-użu tagħhom tal-enerġija mit-tkabbir ekonomiku. Din l-istrateġija se tqis id-diversità bejn l-Istati Membri f'termini tal-ħtiġijiet tal-enerġija. L-effiċjenza fl-enerġija hija wieħed mill-metodi l-iktar effikaċi f’termini ta’ nfiq biex jonqsu l-emissjonijiet u jitjiebu s-sigurtà u l-kompetittività tal-enerġija, biex il-konsum tal-enerġija jsir iktar adattat għall-but tal-konsumaturi kif ukoll biex jinħolqu l-impjiegi, inkluż fl-industriji tal-esportazzjoni. Fuq kollox, din tipprovdi benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini: il-medja ta’ ffrankar tal-enerġija għal kull familja tista’ tammonta għal EUR 1 000 fis-sena[12].

Jeħtieġ li jiġi indirizzat il-paradoss li d-domanda għal aktar prodotti li jagħmlu użu intensiv ta’ enerġija jew għal prodotti ġodda teċċedi l-gwadann fl-effiċjenza tal-enerġija. Wasal tassew iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-effiċjenza fl-enerġija tiġi integrata fl-oqsma kollha rilevanti tal-politika, inkluż dak tal-edukazzjoni u t-taħriġ, biex jinbidlu x-xejriet tad-drawwiet attwali. Il-kriterji tal-effiċjenza fl-enerġija għandhom jiġu imponuti fl-oqsma kollha, inkluż fl-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi.

L-isforzi għandhom ikunu kkonċentrati fuq il-katina kollha tal-enerġija, mill-produzzjoni tal-enerġija, għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni, sal-konsum finali. Il-monitoraġġ effettiv tal-konformità, is-sorveljanza xierqa tas-suq, l-użu mifrux tas-servizzi tal-enerġija u tal-verifiki kif ukoll l-effiċjenza u r-riċiklaġġ tal-materjali lkoll huma indispensabbli.

Ninsabu 'l bogħod ħafna mill-ksib tal-għan ta' ffrankar fl-enerġija ta' 20 %. Għaldaqstant l-istrateġija l-ġdida titlob impenn politiku rinfurzat sabiex dan jinkiseb bis-saħħa ta' definizzjoni ċara tal-għan li għandu jintlaħaq u ta' monitoraġġ qawwi tal-konformità. L-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma msejħa jintensifikaw il-ħidma tagħhom biex jimplimentaw politiki adegwati u biex jagħmlu użu sħiħ mill-għodod disponibbli, mill-għanijiet u l-indikaturi, bi Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali komprensivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-setturi li l-iktar għandhom potenzjal li jżidu l-effiċjenza fl-enerġija, jiġifieri l-istokk eżistenti tal-binjiet u s-settur tat-trasport. L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar miri vinkolanti relatati mal-klima għal dawn is-setturi u għal oħrajn li mhumiex fl-ETS iżda għad iridu jimplimentaw miżuri xierqa[13]. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija għandha mnejn tipprovdi effetti direzzjonali bil-potenzjal ta' titjib fl-effiċjenza fuq perjodu ta' żmien twil. Għandhom jiġu żviluppati miżuri biex iżidu b’mod sinifikanti r-rata tal-arranġament mill-ġdid permezz ta’ prodotti u teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija. Fis-settur residenzjali, il-kwistjoni tat-tqassim tal-inċentivi bejn is-sidien u l-inkwilini jeħtieġ li tiġi indirizzata. Fir-rigward tal-għadd sostanzjali ta’ binjiet pubbliċi, l-awtoritajiet għandhom jisfruttaw l-opportunitajiet kollha disponibbli, inklużi dawk offruti mill-Politika Reġjonali tal-UE, biex itejbu l-effiċjenza u l-awtonomija tal-bini fir-rigward tal-enerġija. Fis-settur tat-trasport, għandhom jiġu sfruttati l-potenzjali sinifikanti pereżempju fis-soluzzjonijiet multimodali, fil-vetturi effiċjenti u fis-sewqan effiċjenti.

It-teknoloġiji tal-informazzjonui u tal-komunikazzjoni għandhom rwol importanti fit-titjib tal-effiċjenza tas-setturi kbar li jarmu l-emissjonijiet. Dawn it-teknoloġiji joffru l-potenzjal għal bidla strutturali għal prodotti u servizzi anqas intensivi fir-riżors, għall-iffrankar tal-enerġija fil-bini u fin-netwerks tal-elettriku kif ukoll għal sistemi tat-trasport intelliġenti aktar effiċjenti u li jikkunsmaw anqas enerġija[14].

Is-settur tal-industrija għandu jinkorpora għanijiet ta’ effiċjenza fl-enerġija u innovazzjoni fit-teknoloġija tal-enerġija fil-mudell tiegħu tan-negozju. L-ETS tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tagħmel dan għal kumpaniji kbar, iżda hemm il-ħtieġa ta’ użu iktar mifrux ta’ strumenti oħrajn, inklużi verifiki tal-enerġija u sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija f’kumpaniji żgħar u mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-SMEs. L-istabbiliment ta’ kriterji effiċjenti jista’ jagħti indikazzjoni lill-kumpaniji dwar il-pożizzjoni tagħhom f’termini ta’ effiċjenza meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom. L-effiċjenza, inkluż fl-użu tal-elettriku, għandha ssir negozju li jħalli l-profitti minnu nnifsu, li jwassal għal suq intern kbir u b'saħħtu ta’ tekniki u prattiki ta’ ffrankar tal-enerġija u ta’ opportunitajiet kummerċjali fil-livell internazzjonali. Qafas għal effiċjenza fir-riżorsi fuq firxa wiesgħa għandu jżid it-tali ffrankar.

Is-settur pubbliku għandu jkun ta’ eżempju. Għandhom jiġu stabbiliti għanijiet ambizzjużi għall-konsum fis-settur pubbliku. L-akkwist pubbliku għandu jappoġġja r-riżultati tal-effiċjenza fl-enerġija. Soluzzjonijiet innovattivi u integrati tal-enerġija fil-livell lokali li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn l-hekk imsejħa bliet intelliġenti [“smart cities”] għandhom jiġu appoġġjati. Il-muniċipalitajiet jikkostitwixxu attur ewlieni fil-bidla meħtieġa, u minħabba dan l-inizjattivi tagħhom bħall-Patt tas-Sindki għandhom jissaħħu aktar. L-i-liet u ż-żoni urbani, li jikkunsmaw sa 80 % tal-enerġija, huma simultanjament parti mill-problema u parti mis-soluzzjoni għal iktar effiċjenza fl-enerġija.

Poltiki ta’ effiċjenza fir-riżorsi, inklużi investimenti ta’ effiċjenza fl-enerġija, ħafna drabi jkollhom spejjeż kapitali inizjali u immedjati qabel ma jinħassu l-benefiċċji fiż-żmien medju u fit-tul. Hemm bżonn ta’ għodda li jinkoraġġixxu investimenti ġodda f’teknoloġiji u prattiki effiċjenti fl-enerġija. Il-finanzjament mill-UE jista’ jkun fattur kontributur kbir u għandhom jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi. Għandhom jiġu esplorati wkoll u meqjusa b'attenzjoni[15]użi innovattivi ta’ tassazzjoni u ta' pprezzar bħala għodod li jħeġġu bidliet fl-imġiba jew li jiffininzjaw investimenti.

Il-Pjan tal-Effiċjenza fl-Enerġija li għandu jiġi ppreżentat fil-bidu tal-2011 se jkun segwit minn proposti regolatorji konkreti matul l-istess sena. Huwa se jindirizza wkoll il-kwistjoni tal-finanzjament f’termini ta’ aċċess għall-finanzi, id-disponibbiltà ta’ prodotti ta’ finanzjament innovattivi, inċentivi li jistimolaw investimenti effiċjenti fl-enerġija kif ukoll ir-rwol tal-finanzjament mill-UE, b’mod partikolari l-fondi strutturali, u dan ikompli jibni fuq l-eżempji eżistenti ta’ suċċess.

Prijorità 1: Il-kisba ta’ Ewropa effiċjenti fl-enerġija Azzjoni 1: L-isfruttar tal-ikbar potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija — il-bini u t-trasport Ir-rata tar-rinnovazzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija għandha tiġi aċċellerata b’inċentivi għal investimenti, bl-użu aktar mifrux ta' kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija, bi strumenti finanzjarji innovattivi b’fatturi għolja li jżidu l-gwadann potenzjali u b'inġinerija finanzjarja fil-livell Ewropew, fil-livell nazzjonali u f’dak lokali. F’dan il-kuntest, it-tqassim tal-inċentivi għall-investimenti bejn is-sidien u l-inkwilini u t-tikkettar tal-enerġija għall-bini (ċertifikati għall-użu fis-suq tal-proprjetà immobbli u fil-politiki ta’ għajnuna pubblika) se jiġu indirizzati fil-proposti li se jitressqu mill-Kummissjoni. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu ta’ eżempju. Il-kriterji relatati mal-enerġija (fir-rigward tal-effiċjenza, l-enerġija rinnovabbli u n-netwerking intelliġenti) għandhom jiġi użati fl-akkwisti pubbliċi kollha marbuta ma’ xogħlijiet, servizzi jew prodotti. Programmi u faċilitajiet ta’ għajnuna teknika għall-bini tal-kapaċitajiet tal-parteċipanti fis-suq tas-servizzi tal-enerġija huma meħtieġa biex jiġu żviluppati u strutturati l-finanzi għal proġetti mmirati kemm għal awtoritajiet pubbliċi kif ukoll għal atturi privati. Il-programmi finanzjarji tal-UE se jkunu mmirati għal proġetti ta’ ffrankar tal-enerġija u se jagħmlu l-effiċjenza fl-enerġija kundizzjoni importanti għall-allokazzjoni tal-appoġġ finanzjarju. Il-White Paper li jmiss dwar il-politika tat-trasport tal-ġejjieni se tippreżenta sett ta’ miżuri għat-titjib fis-sostenibbiltà tat-trasport u biex tonqos id-dipendenza fuq iż-żejt. Dawn se jinkludu inizjattivi mmirati biex tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija tas-sistema tat-trasport, inkluż l-appoġġ għal mobbiltà urbana nadifa kif ukoll soluzzjonijiet tat-trasport multimodali, il-ġestjoni intelliġenti tat-traffiku u standards ta’ effiċjenza fl-enerġija għall-vetturi kollha, indikaturi ekonomiċi adegwati u l-promozzjoni tal-imġiba sostenibbli. F'dan il-kuntest għandhom ikunu esplorati s-sistemi tat-tikkettar għal karozzi effiċjenti. Azzjoni 2: It-tisħiħ tal-kompetittività industrijali billi l-industrija ssir iktar effiċjenti Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tappoġġja l-kompetittività tal-industriji Ewropej permezz tal-effiċjenza fl-enerġija billi jitwessa’ l-ambitu tar-rekwiżiti tal-Ekodisinn għall-prodotti b’użu intensiv ta’ enerġija u riżorsi flimkien ma’ rekwiżiti fil-livell tas-sistema fejn ikun rilevanti. L-effett potenzjali tal-ftehimiet volontarji ma’ fergħat tal-industrija b’użu intensiv ta’ enerġija u riżorsi għandu jiġi esplorat. Għandu jiġi introdott tikkettar tal-enerġija iktar estensiv biex ikun żgurat tqabbil iktar komprensiv bejn il-prodotti. Għandhom jiġu implimentati skemi tal-ġestjoni tal-enerġija (pereżempju verifiki, pjanijiet, maniġers tal-enerġija) fl-industrija u fis-settur tas-servizzi. Għandha ssir enfasi partikolari fuq l-SMEs permezz ta’ mekkaniżmi speċifiċi ta’ appoġġ. Azzjoni 3: It-tisħiħ tal-effiċjenza fil-provvista tal-enerġija L-effiċjenza fl-enerġija, kemm fil-produzzjoni kif ukoll fid-distribuzzjoni, għandha ssir kriterju essenzjali għall-awtorizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni, u jinħtieġu sforzi biex tiżdied sostanzjalment l-adozzjoni tal-koġenerazzjoni u tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali li għandhom livell ta’ effiċjenza għoli. Il-kumpaniji tad-distribuzzjoni u l-provvista (is-servizzi tal-konsumaturi) għandhom jiġu obbligati jiksbu l-ffrankar tal-enerġija ddokumentat minn fost il-klijenti tagħhom, bl-użu ta’ mezzi bħal servizzi tal-enerġija ta' partijiet terzi, strumenti għal t'apposta bħal “ċertifikati bojod” [ċertifikati ta’ ffrankar tal-enerġija], ħlasijiet ta’ benefiċċju pubbliku jew l-ekwivalenti tagħhom u billi tiġi aċċellerata l-introduzzjoni ta’ għodod innovattivi bħal “miters intelliġenti” li għandhom ikunu orjentati għall-konsumaturi u li huma faċli biex jintużaw biex b’hekk jipprovdu benefiċċji reali lill-konsumaturi. Azzjoni 4: L-isfruttar massimu tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija jipprovdu kriterji komprensivi għall-effiċjenza fl-enerġija, inklużi għanijiet u indikaturi li jistgħu jitkejlu għall-monitoraġġ tal-progress, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjonijiet inizjali relattivi u ċ-ċirkostanzi nazzjonali. Mekkaniżmu ta’ reviżjoni annwali għandu jikkontribwixxi għall-għan tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Ewropa 2020. |

- 2. L-IżGURAR TAL-MOVIMENT LIBERU TAL-ENERġIJA

Is-swieq tal-enerġija tal-Ewropa nfetħu biex jippermettu liċ-ċittadini jibbenefikaw minn prezzijiet iktar affidabbli u kompetittivi kif ukoll minn enerġija iktar sostenibbli. Dan il-potenzjal ma jistax jiġi sfruttat bis-sħiħ jekk ma jsirux sforzi qawwija biex jinħoloq suq iktar integrat, interkonness u kompetittiv.

Is-swieq tal-elettriku u l-gass għadhom mhumiex qed jiffunzjonaw bħala suq wieħed. Is-suq għadu globalment frammentat fi swieq nazzjonali b’diversi ostakli għall-kompetizzjoni miftuħa u ġusta. Ħafna mis-swieq tal-enerġija għad għandhom ambitu nazzjonali u huma kkonċentrati ħafna, u ħafna drabi b’kumpaniji stabbiliti li jkollhom pożizzjoni ta’ monopolju de facto . Prezzijiet tal-enerġija rregolati jkomplu jnaqqsu l-kompetizzjoni f’ħafna Stati Membri[16]. Minħabba l-prattika antikompetittiva li fadal fis-settur tal-enerġija[17], hemm bżonn ta’ infurzar proattiv tal-kompetizzjoni, mhux biss min-naħa tal-Kummissjoni iżda anke min-naħa tal-Istati Membri. It-titjib tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-enerġija għandu jikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-inċentivi adegwati għall-investimenti meħtieġa u biex il-kost tagħhom jitnaqqas għal dak li hu neċessarju.

Bl-introduzzjoni ta’ qafas leġiżlattiv maħsub biex jippromwovi l-ilħuq tal-mira ta’ 20 % għall-enerġija rinnovabbli fl-2020, l-Ewropa għamlet biss l-ewwel pass f’dan il-qasam. Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tiġi implimentata bis-sħiħ u li titħejja t-triq għal użu fuq skala kbira tal-enerġija rinnovabbli fis-snin wara l-2020. Il-qafas legali għandu jiġi infurzat b’mod xieraq biex jagħti fiduċja lill-investituri biex jinvestu f’possibbiltajiet ġodda ta’ produzzjoni, transport u ħżin tas-sorsi rinnovabbli. Mill-2011 l-effetti tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli se jiġu vvalutati bil-għan li din tissaħħaħ jew tiġi estiża fejn u meta jkun meħtieġ.

L-iżvilupp ulterjuri tal-enerġija rinnovabbli se jkompli jiddependi għal xi żmien fuq skemi ta’ appoġġ. Il-Kummissjoni għandha twettaq ir-rwol tagħha billi tiżgura li dawn ikunu sostenibbli, konsistenti mal-progress teknoloġiku u li ma jxekklux l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni. Madankollu hija għandha tiżgura wkoll il-livell ta' konverġenza jew armonizzazzjoni meħtieġa bejn l-iskemi nazzjonali billi s-suq tal-enerġija rinnovabbli qed jgħaddi minn provvista lokali għal provvista transkonfinali. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu definiti r-rekwiżiti neċessarji għal kummerċ pan-Ewropew tal-enerġija rinnovabbli, fuq il-bażi tal-aħjar prassi. Għandu jkun hemm aktar użu ta’ primjums “feed-in” ibbilanċjati, kosteffettivi u prevedibbli, filwaqt li għandhom jiġu mmobilizzati aktar appoġġ u strumenti finanzjarji speċifiċi għat-teknoloġiji f’konformità mar-regolamenti dwar l-għajnuna statali fejn applikabbli. B'mod partikolari, għandhom ikunu evitati bidliet retroattivi b'appoġġ għal skemi minħabba l-effett negattiv li bidliet bħal dawn għandhom fuq il-fiduċja tal-investituri.

Kif spjegat fir-Rapport ta’ Monti, l-isfida l-ġdida għall-2020 hija li tingħata l-bażi sabiex l-elettriku u l-gass jitwasslu fejn ikunu meħtieġa. Mingħajr qafas xieraq madwar l-Ewropa kollha, li jqabbilha mal-mezzi tat-trasport ta’ setturi strateġiċi oħra bħat-telekomunikazzjonijiet jew it-trasport, is-suq qatt ma jkun jista’ jwettaq il-wegħdiet tiegħu. Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi fl-immodernizzar tal-infrastruttura tal-enerġija, b'mod partikolari fl-Istati Membri li ssieħbu fl-2004 kif ukoll fir-reġjuni anqas żviluppati.

Fuq kollox, l-Ewropa għad m’għandhiex infrastruttura ta’ netwerks li tippermetti li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiżviluppaw u jikkompetu fuq l-istess livell mas-sorsi tradizzjonali. Il-proġetti attwali ta’ parks tar-riħ fuq skala kbira fit-Tramuntana u faċilitajiet tal-enerġija solari fin-Nofsinhar jirrikjedu linji tal-elettriku korrispondenti li jkunu jistgħu jwasslu din l-enerġija ekoloġika fiż-żoni b'konsum għoli. In-netwerk attwali ikollu jiġġieled biex jassorbi l-volumi ta’ enerġija rinnovabbli previsti mill-miri tal-2020 (33 % tal-ġenerazzjoni grossa tal-elettriku).

Il-miters intellliġenti u n-netwerks tal-elettriku huma ċentrali għall-isfruttar sħiħ tal-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija kif ukoll għat-titjib tas-servizzi tal-enerġija. Hemm bżonn ta’ politika ċara u ta' standards komuni dwar il-metraġġ intelliġenti u n-netwerks intelliġenti[18] ħafna qabel l-2020 biex tkun żgurata l-interoperabbiltà fin-netwerk kollu.

Fl-aħħar nett, l-obbligu ta' solidarjetà fost l-Istati Membri ma jiswa xejn jekk ma jkunx hemm infrastruttura interna suffiċjenti u interkonnetturi suffiċjenti fil-fruntieri esterni u ż-żoni marittimi. Bħala importatur ewlieni tal-enerġija, l-UE hija direttament affettwata mill-evoluzzjoni tan-netwerks fil-pajjiżi ġirien. Il-bini ta’ interkonnessjonijiet ġodda fil-fruntieri tagħna għandu jingħata l-istess attenzjoni u jkollu l-istess politiki bħall-proġetti intra-Ewropej. Ħoloq bħal dawn huma essenzjali mhux biss għall-ġirien tagħna iżda biex l-istabbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-UE jkunu żgurati. Se ssir enfasi speċifika fuq il-Kuritur tan-Nofsinhar u fuq il-bidu effettiv ta' proġetti ta' interess Ewropew, b’mod partikolari Nabucco u ITGI.

Sal-2020 jenħtieġ investiment ta’ madwar EUR 1 triljun biex tkun sostitwita l-kapaċità skaduta, biex l-infrastrutturi jiġu modernizzati u adattati u biex tkun tista’ tiġi sodisfatta d-domanda għal enerġija b’livell baxx ta’ karbonju li kulma jmur qed tikber u tinbidel. Għalkemm id-deċiżjonijiet għal investimenti jridu jittieħdu prinċipalment mill-atturi tas-suq (il-kumpaniji tal-enerġija, l-operaturi tas-sistemi u l-konsumaturi), il-politika pubblika hija deċiżiva għall-ħolqien ta' qafas stabbli u trasparenti għad-deċiżjonijiet relatati mal-investimenti. L-għodod il-ġodda li nħolqu bit-tielet Pakkett tas-Suq Intern tal-Enerġija, li jinkludu Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER - Agency for the Cooperation of Energy Regulators) u n-Netwerks tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni għall-Gass u l-Elettriku (ENTSO-E u ENTSO-G - Networks of Transmission System Operators for Electricity and Gas), għandhom jiġu użati bis-sħiħ fis-snin li ġejjin għal integrazzjoni msaħħa tas-swieq tal-enerġija. L-inizjattivi reġjonali[19] għandhom ikunu l-mezzi li jwasslu għal suq Ewropew.

L-investimenti fl-infrastruttura se jkomplu jkunu ffinanzjati l-aktar mit-tariffi mħallsa mill-utenti. Madankollu, minħabba l-iskala tal-investimenti, in-natura tagħhom u l-karattru strateġiku tagħhom, mhuwiex possibbli l-preżunzjoni li l-investimenti kollha neċessarji jitwasslu biss bis-saħħa tas-suq. Il-Kummissjoni se tadotta strateġija ġdida dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija biex tinkoraġġixxi investimenti xierqa f’netwerks fis-setturi tal-elettriku, tal-gass, taż-żejt u ta' forom oħra ta’ enerġija. Jekk il-provvista tkun stabbli, il-gass naturali se jibqa’ jkollu rwol ċentrali fit-taħlita tal-enerġija fl-UE fis-snin li ġejjin u l-gass jista’ jsir iktar importanti bħala l-fjuwil ta’ riżerva għall-ġenerazzjoni tal-elettriku varjabbli. Dan jirrikjedi importazzjonijiet diversifikati, kemm għal terminali tal-gass tal-pipeline u kemm għal tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG - Liquefied Natural Gas), filwaqt li jeħtieġ li n-netwerks domestiċi tal-gass ikunu iktar interkonnessi.

Minbarra l-kwistjoni tal-finanzjament, il-proċeduri amministrattivi kumplessi u twal jistgħu jkunu ta' ostaklu kbir. Huma meħtieġa titjib u simplifikazzjoni sinifikanti fir-regoli u fil-proċeduri eżistenti għal proġetti ta’ interess Ewropew (pereżempju għal skopijiet ta' sigurtà ta' provvista, ta' solidarjetà jew tal-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli), filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tal-approvazzjoni mill-pubbliku u l-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti. Komunitajiet fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali se jimpenjaw ruħhom b'mod aktar kostruttiv fl-iffaċilitar ta' proġetti ta' interess Ewropew fil-każ li dawn jagħtuhom ukoll benefiċċji konkreti f'qasir żmien, pereżempju l-aċċess privileġġat għal fondi pubbliċi.

Prijorità 2: Il-bini ta’ suq tal-enerġija pan-Ewropew integrat Azzjoni 1: Implimentazzjoni f’waqtha u dettaljata tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-implimentazzjoni korretta u f’waqtha tas-suq intern tal-enerġija eżistenti u ta' politika qawwija tal-kompetizzjoni. Biex tiżdied l-integrazzjoni tas-suq intern, jeħtieġ konsolidazzjoni fil-qafas regolatorju (pereżempju l-kodiċijiet tan-netwerks), u li dan jiġi kkomplementat b’azzjonijiet oħra bħall-akkoppjament tas-suq, l-iżvilupp tal-mudell fil-mira[20] u qafas b’saħħtu għas-swieq permezz ta’ trasparenza u sorveljanza effettivi. Fil każ li dawn il-miżuri jirriżultaw li ma jkunux biżżejjed jew li l-ambitu tal-ACER ikun limitat wisq, se jkunu previsti miżuri leġiżlattivi ulterjuri. Azzjoni 2: L-istabbiliment ta’ pjan dettaljat tal-infrastruttura Ewropea għall-2020-2030 Il-komunikazzjoni dwar l-infrastuttura li se tippreżenta l-Kummissjoni għandha tippermetti li l-Ewropa tidentifika infrastruttura prijoritarja li għandha tiġi skjerata biex ikun hemm suq intern li jiffunzjona, biex tiżgura l-integrazzjoni tal-produzzjoni fuq skala kbira ta’ enerġiji rinnovabbli u biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista, f’konformità mal-viżjoni għal sistema Ewropea tal-enerġija sostenibbli sal-2050. Sal-2015, l-ebda Stat Membru ma għandu jkun iżolat mis-suq intern Ewropew. Il-kurituri transkonfinali wkoll se jkunu koperti. Il-pjanijiet tal-iżvilupp tan-netwerk mifruxa fuq 10 snin tal-ENTSO-E u l-ENTSO-G se jitmexxew bl-għajnuna tal-ACER, flimkien mal-partijiet interessati l-oħra kollha rilevanti. Dan l-eżerċizzju se jkompli jibni fuq inizjattivi reġjonali ta’ suċċess bħal dak fir-reġjun Baltiku u se jinkludi wkoll valutazzjoni tal-faċilitajiet tal-ħżin u tal-miżuri ta’ adattament għall-klima meħtieġa, inklużi l-ħtiġijiet potenzjali futuri għall-infrastruttura tat-trasportazzjoni tas-CO2 fl-UE. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha wkoll fil-mira tagħha t-tħejjija tan-netwerk għall-bidliet inevitabbli fid-domanda li se jirriżultaw mill-politiki dwar l-enerġija u t-trasport, bħall-elettromobbiltà u ż-żieda fil-ġenerazzjoni tal-enerġija li tkun deċentralizzata kif ukoll rinnovabbli fuq skala kbira. Sett ta’ għodod tal-politika se jiġi propost is-sena d-dieħla mill-Kummissjoni biex jiġu implimentati prijoritajiet tal-infrastruttura strateġika għall-għoxrin sena li jmiss. Dawn se jinkludu metodu ġdid biex jiġu definiti l-infrastrutturi strateġiċi li se jkunu essenzjali għall-Unjoni Ewropea fit-totalità tagħha f’termini tal-provvista kompetittiva tal-enerġija, is-sostenibbiltà ambjentali u l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli kif ukoll is-sigurtà tal-provvista. Dawn is-sezzjonijiet vitali se jiġu identifikati b’mod ċar fl-eżerċizzju ġenerali ta’ mmappjar u se jingħataw tikketta ta’ “interess Ewropew” biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn proċedura mtejba ta’ permessi u finanzjament ikkonċentrat jekk ikun hemm bżonn. Is-selettività se tkun kruċjali f’dan ix-xogħol. Il-konnessjonijiet tan-netwerks ma’ pajjiżi terzi se jiġu kkunsidrati kif dovut. L-ACER, l-ENTSO-E u l-ENTSO-G se jingħataw mandat biex jiżviluppaw il-pjan dettaljat tal-grids Ewropej tal-elettriku u tal-gass għall-perjodu 2020-2030. Dan għandu jiġi segwit minn viżjoni aktar fit-tul fuq il-bażi tal-Pjan Direzzjonali dwar l-Enerġija tal-2050 li se jiġi ppreżentat fl-2011. Azzjoni 3: Is-simplifikar tal-proċeduri tal-permessi u tar-regoli tas-suq għal żviluppi fl-infrastruttura Il-Kummissjoni se tipproponi li tintroduċi skema għall-għoti tal-permessi li tapplika għal proġetti ta’ “interess Ewropew” biex ittejjeb il-proċess attwali tal-għoti tal-permessi, billi pereżempju taħtar awtorità waħda fil-livell nazzjonali, filwaqt li tirrispetta l-istandards ta' sikurezza u ta' sigurtà u tiżgura konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Il-proċeduri simplifikati u mtejba għandhom jipprovdu għal iktar trasparenza u jiżguraw li jsiru dibattiti miftuħa u trasparenti fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali biex iżidu l-fiduċja tal-pubbliku f’dawn l-installazzjonijiet u l-aċċettazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, se jiġu esplorati mezzi ta' ppremjar b'mod pożittiv permezz tal-aċċess imtejjeb għal fondi pubbliċi minn reġjuni u Stati Membri li b'mod kostruttiv qedgħdin jimpenjaw lilhom infushom u jirnexxielhom jiffaċilitaw l-kostruzzjoni fil-ħin ta' proġetti ta' interess Ewropew. Biex tistabbilixxi l-akkoppjament tas-suq sal-2014, l-ACER se tiżgura, fl-ambitu tal-mandat tagħha, id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-kwistjonijiet kollha tekniċi (armonizzazzjoni, standardizzazzjoni, eċċ.) u regolatorji meħtieġa relatati mal-interkonnessjoni tan-netwerks bejn il-fruntieri; l-aċċess għall-enerġiji rinnovabbli; u l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Se jiġi ppreżentat programm ta’ azzjoni dettaljat skont dan biex jgħin lill-Istati Membri fil-proċess tal-introduzzjoni tal-metraġġ intelliġenti/tan-netwerks intelliġenti (inkluża l-kwistjoni tal-wiri tal-informazzjoni għall-konsumaturi) u biex jiġu mħeġġa servizzi ġodda relatati mal-enerġija. Azzjoni 4: Jingħata qafas xieraq ta’ finanzjament Minħabba l-fatt li ħafna mill-iżvilupp tal-infrastruttura huwa ta’ natura kummerċjali, se tiġi definita mill-Kummissjoni metodoloġija li tanalizza l-bilanċ ottimali bejn il-finanzjament pubbliku u dak privat (fuq il-prinċipji li ġejjin u li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni kollha: “l-utent iħallas”, “il-benefiċjarju jħallas” - f’termini ta’ allokazzjoni transkonfinali skont il-kostbenefiċċju u “min iħallas it-taxxa jħallas” - il-kondiviżjoni tal-piżijiet għall-infrastruttura kummerċjali mhux vijabbli u ta’ “benefiċċju madwar l-UE kollha”). Dan se jkun definit skont ir-regoli applikabli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għal proġetti ta’ “interess Ewropew” mingħajr jew bi ftit vijabbiltà kummerċjali, se jiġu proposti mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament biex jinkiseb l-appoġġ massimu tal-pubbliku għat-titjib fil-klima tal-investimenti għall-kopertura tar-riskji ewlenin jew biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-proġetti. L-iżvilupp ta’ infrastruttura xierqa tal-enerġija huwa kritiku u urġenti; jirrikjedi perspettiva usa’ ta’ strumenti ġodda ta’ finanzjament (kemm pubbliċi kif ukoll privati) kif ukoll il-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss. |

- 3. ENERġIJA SIKURA, B'SIGURTÀ U BI PREZZ MODERAT GħAċ-ċITTADINI U GħAN-NEGOZJI

Suq intern li jiffunzjona tajjeb u li jkun integrat huwa ta’ benefiċċju għall-konsumaturi billi dawn ikollhom iktar għażla bi prezzijiet iktar baxxi. Madankollu, ħafna konsumaturi ma jħossux li jinsabu f’sitwazzjoni aħjar b’riżultat tal-ftuħ tas-suq u l-kompetizzjoni fost fornituri differenti. Il-konsumaturi individwali għandhom ikunu jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u jeżerċitawhom. Huma għandhom ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li joħloq il-ftuħ tas-suq u jħossuhom kunfidenti li għandhom aċċess għas-servizzi tal-enerġija li għandhom bżonn bil-karatteristiċi ta’ kwalità u ta’ emissjonijiet li jixtiequ. Il-ftuħ tas-swieq jista’ jwassal l-aħjar prezzijiet, għażla, innovazzjoni u servizzi għall-konsumaturi jekk ikun ikkoordinat ma’ miżuri li jiggarantixxu l-fiduċja, jipproteġu lill-konsumaturi u jappoġġjawhom biex ikollhom ir-rwol attiv mistenni minnhom bil-liberalizzazzjoni.

Madankollu jidher li ċ-ċittadini ma jafux x’inhuma d-drittijiet tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, jew joqogħdu lura milli jeżerċitawhom. Hemm bżonn ta’ sforzi ħafna ikbar biex il-konsumaturi jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u jkunu involuti fis-suq intern. Bl-istess mod, il-potenzjal li jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija permezz tal-iffrankar fl-enerġija għandu jiġi artikolat aħjar. Il-Forum taċ-Ċittadini (Londra) u l-Forum dwar l-Enerġija Sostenibbli (Bukarest) ġew stabbiliti bil-għan li jtejbu s-sitwazzjoni relatata mal-enerġija tal-familji konsumaturi u għandhom jiġu esplorati modi biex dawn iwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi.

Il-pożizzjoni kompetittiva ta' setturi importanti fl-ekonomija Ewropea tiddependi wkoll fuq id-disponibbiltà ta' enerġija b'sigurtà bi prezzijiet moderati. L-enerġija, b'mod partikolari l-elettriku, tikkostitwixxi parti sostanzjali mill-kostijiet totali tal-produzzjoni, ta' industriji Ewropej ewlenin, inklużi intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u wkoll kbar.

Is-suq internazzjonali tal-provvisti taż-żejt għandu mnejn isir limitat ħafna qabel l-2020, u dan ifisser li huwa importanti li l-konsumaturi tal-UE jżidu l-isforzi tagħhom biex inaqqsu d-domanda għaż-żejt. Attwalment dan mhux qed isir. Il-konsumaturi għandhom jiġu mgħarrfa aħjar dwar in-neċessità li jnaqqsu l-konsum tagħhom tal-fjuwils fossili u jeħtieġ li jsiru jafu kif jistgħu jnaqqsu l-kontijiet tagħhom fi żmien meta l-prezzijiet ikunu qed jogħlew. Netwerks intelliġenti li huma faċli biex jintuzaw mill-utent, miters u fatturazzjoni intelliġenti jistgħu jkunu ta’ għajnuna f’dan ir-rigward. Iżda l-konsumaturi għandhom ukoll isiru iktar proattivi. Biex il-konsumaturi jiġu megħjuna jipparteċipaw fis-suq, għandhom jiġu stabbiliti miżuri li jżidu l-għarfien dwar opportunitajiet, itejbu t-tqabbil tal-prezzijiet u jiffaċilitaw il-bidla u jtejbu l-proċeduri tal-ipproċessar tal-ilmenti.

Il-forniment ta’ provvisti affidabbli lill-konsumaturi bi prezz tajjeb għall-buthom iżda li jirrifletti l-kost huwa prinċipalment il-kompitu tas-suq intern. Suq intern li jiffunzjona abbażi ta' infrastruttura suffiċjenti ta’ trażmissjoni u ta' ħżin huwa l-aħjar garanzija għas-sigurtà tal-provvista, billi l-enerġija ssegwi l-mekkaniżmi tas-suq u tasal fejn tkun meħtieġa. Madankollu, hemm bżonn ta’ xbieki ta' sikurezza, pereżempju fil-każ ta’ konsumaturi vulnerabbli, jew fi żmien ta’ kriżi fil-provvista li l-mekkaniżmi tas-suq ma jkunux jistgħu jindirizzaw suffiċjentement. Is-suq intern jiġi mxekkel ukoll meta l-Istati Membri ma jkunux kompletament interkonnessi, bħal fl-Istati Baltiċi. Ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Gass huwa importanti peress li jiżgura li s-swieq ikunu ppreparati bis-sħiħ biex ilaħħqu fi żmien ta’ kriżi u li l-konsumaturi domestiċi jkunu protetti. It-tisħiħ tal-interkonnessjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll l-infurzar attiv tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri jista’ jikkontribwixxi għal diversifikazzjoni ulterjuri tas-sorsi tal-provvista partikolarment f’dawk l-Istati Membri li attwalment jiddependu fuq sors wieħed jew fuq ftit sorsi biss tal-provvista.

Il-politika dwar l-enerġija għandha r-responsabbiltà wkoll li tipproteġi ċ-ċittadini Ewropej mir-riskji relatati mal-produzzjoni u t-trasport tal-enerġija. L-UE għandha tibqa’ mexxej dinji fl-iżvilupp ta’ sistemi ta' enerġija nukleari sikura, tat-trasport ta’ sustanzi radjuattivi kif ukoll il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv. Il-kollaborazzjoni internazzjonali dwar is-salvagwardji relatati mal-enerġija nukleari għandha rwol ċentrali li tiżgura s-sikurezza tal-enerġija nukleari u tistabbilixxi sistema solida u b’saħħitha ta’ nonproliferazzjoni. Fis-settur tal-użu u l-konverżjoni taż-żejt u l-gass, il-qafas leġiżlattiv tal-UE għandu jiggarantixxi l-ogħla livell ta’ sikurezza u sistema ta’ responsabbilà ċara għall-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.

Prijorità 3: Il-parteċipazzjoni msaħħa tal-konsumaturi u l-ilħiq tal-ogħla livell ta’ sikurezza u ta' sigurtà

Azzjoni 1: Il-Politika dwar l-enerġija għandha ssir iktar faċli għall-konsumaturi

- L-infurzar attiv tal-politika tal-kompetizzjoni fil-livelli Ewropej kif ukoll nazzjonali jibqa' indispensabbli biex titrawwem il-kompetizzjoni u biex jiġġarantixxi li l-konsumaturi jkollhom aċċess għall-enerġija bi prezz tajjeb għal buthom.

- F'konformità mat-tielet pakkett dwar l-enerġija l-Kummissjoni se tipproponi miżuri li jgħinu lill-konsumaturi jipparteċipaw aħjar fis-suq tal-enerġija. Dawn il-miżuri se jinkludu l-iżvilupp ta' gwida bbażata fuq l-aħjar prassi fil-qasam tal-bdil ta' fornituri, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ imsaħħa tal-fatturazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet għat-trattament tal-ilmenti, u l-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki fl-iskemi alternattivi ta' soluzzjoni ta' tilwim. Għodda għat-tqabbil tal-prezzijiet bbażata fuq metodoloġija li għandha tiġi żvluppata mir-regolaturi tal-enerġija u korpi kompetenti oħrajn għandhom ikunu disponibbli għall-konsumaturi kollha, u l-fornituri kollha għandhom jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi u l-offerti tagħhom. Fl-aħħar nett, aktar sforzi għandhom ikunu mmirati biex l-attenzjoni fuq il-prezzijiet tal-enerġija tinqaleb għal fuq il-kostijiet tal-enerġija billi jiġi żviluppat is-suq tas-servizzi tal-enerġija.

- Il-Kummissjoni se tippubblika b’mod regolari rapporti dwar il-punti ta’ referiment biex jevalwaw il-livell ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet regolatorji relatati mal-konsumaturi u l-livell ġenerali tal-protezzjoni fis-suq intern. Se ssir enfasi partikolari fuq il-konsumaturi vulnerabbli u fuq prattiki li jippermettu lill-konsumaturi jnaqqsu l-użu tal-enerġija.

- Għandhom jinżdiedu l-isforzi min-naħa tal-awtoritajiet regolatorji biex jitjieb il-funzjonament tas-suq tal-konsumaturi bl-għajnuna tal-Fora taċ-Ċittadini ta’ Londra u tas-Sostenibbiltà (Bukarest).

Azzjoni 2: Titjib kontinwu fis-sikurezza u fis-sigurtà

- Il-kundizzjonijiet ta' sikurezza tal-estrazzjoni taż-żejt u l-gass barra mill-kosta qed jiġu riveduti mill-Kummissjoni fid-dawl tal-inċident tad-Deepwater Horizon, bil-għan li jiġu introdotti miżuri stretti li jkopru mill-prevenzjoni sar-reazzjoni u l-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà li jiggarantixxu l-ogħla livell ta’ protezzjoni fl-UE u fil-bqija tad-dinja.

- Il-qafas legali għas-sikurezza u s-sigurtà tal-enerġija nukleari se jittejjeb aktar permezz tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari, l-implementazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iskart Nukleari u d-definizzjoni mill-ġdid tal-istandards bażiċi ta' sikurezza għall-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-popolazzjoni u proposta għal approċċ Ewropew dwar is-sistemi tar-responsabbiltà nukleari. Għandu jkun imfittex aktar armonizzazzjoni fil-livell internazzjonali fit-tfassil u ċ-ċertifikazzjoni tal-impjanti. Dawn il-miżuri kollha għandhom jippermettu lill-UE biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett fil-qasam tas-sikurezza tal-enerġija nukleari u għandhom jikkontribwixxu għall-użu responsabbli tal-enerġija nukleari madwar id-dinja kollha.

- L-istess kunsiderazzjonijiet ta’ sikurezza u ta' sigurtà se jiġu meqjusa fl-iżvilupp u fl-iskjerament ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija (is-sikurezza tal-idroġenu, is-sikurezza tan-netwerk tat-trasportazzjoni tas-CO2, il-ħżin tas-CO2, eċċ…).

4. IT-TWETTIQ TA’ BIDLA TEKNOLOġIKA

Mingħajr bidla teknoloġika, l-UE mhux se jirnexxielha twettaq l-ambizzjonijiet tagħha għall-2050 relatati mad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi tal-elettriku u tat-trasport. Minħabba l-iskedar taż-żmien għall-iżvilupp u t-tixrid tat-teknoloġija tal-enerġija, il-ħtieġa li jinġiebu teknoloġiji ġodda bi prestazzjoni għolja u b’livell baxx ta’ karbonju fis-swieq Ewropej saret urġenti iktar minn qatt qabel. L-ETS tal-UE hija mutur importanti fuq in-naħa tad-domanda li tappoġġja l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ karbonju. Madankollu, teknoloġiji ġodda jaslu fis-suq iktar malajr u b’mod iktar ekonomiku jekk jiġu żviluppati b’kollaborazzjoni fil-livell tal-UE.

L-ippjanar u l-ġestjoni madwar l-Ewropa kollha huma essenzjali għall-istabbiltà tal-investiment, għall-fiduċja fin-negozju u l-koerenza tal-politika. Il-Pjan tat-Teknoloġija Strateġika tal-Enerġija (SET - Strategic Energy Technology) jistabbilixxi strateġija fuq perjodu medju valida għas-setturi kollha. Madankollu għandhom jitwettqu u jiġu aċċellerati l-proġetti ta’ żvilupp u ta’ wiri għat-teknoloġiji ewlenin (il-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, il-grids intelliġenti, l-ibliet intelliġenti u n-netwerks intelliġenti, il-Qbid u l-Ħżin tad-Dijossidu tal-Karbonju (CCS - Carbon Capture and Storage), il-ħżin tal-elettriku u l-elettromobbiltà, l-enerġija nukleari tal-ġenerazzjoni li jmiss u t-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli). Bl-istess mod, in-natura kruċjali tal-innovazzjoni ġiet enfasizzata fl-inizjattiva prominenti tal-Ewropa 2020 dwar ‘L-Unjoni Innovattiva’[21].

Ir-riżorsi meħtieġa fl-għoxrin sena li jmiss għall-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji huma ferm sinifikanti, speċjalment meta jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-klima ekonomika attwali. Proġetti kbar, bħalma huma dawk b’enerġija mir-riħ barra mill-kosta ta’ iktar minn 140 GW li qed jiġu ppjanati attwalment minn fornituri, żviluppaturi u gvernijiet Ewropej, il-biċċa l-kbira fil-Baħar tat-Tramuntana jew inkella l-inizjattivi Desertec/Medring, jaffettwaw diversi Stati Membri. Il-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni mifruxa mal-Ewropa kollha għandhom jinkludu l-ġbir flimkien ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament. Il-partijiet interessati kollha huma mistennija jagħtu l-kontribut tagħhom. Il-Kummissjoni se tagħmel pressjoni biex il-baġit tal-UE jżid ulterjorment il-livell kumplessiv ta’ finanzjament.

L-UE qed tiffaċċja kompetizzjoni ħarxa fis-swieq internazzjonali tat-teknoloġija. Pajjiżi bħaċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti tal-Amerika qed isegwu strateġija industrijali ambizzjuża fis-swieq tal-enerġija mix-xemx, mir-riħ u dik nukleari. Ir-riċerkaturi u l-kumpaniji tal-UE għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jibqgħu fuq quddiem tas-suq internazzjonali tat-teknoloġija tal-enerġija li qed jespandi b’rata mgħaġġla, u meta jkun ta’ benefiċċju reċiproku, huma għandhom iħaffu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi f’teknoloġiji speċifiċi.

Prijorità 4: L-estensjoni tal-pożizzjoni fuq quddiem nett tal-Ewropa fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni tal-enerġija Azzjoni 1: L-implimentazzjoni mingħajr dewmien tal-Pjan SET Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Pjan SET, b’mod partikolari l-Programmi Konġunti tal-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA - European Energy Research Alliance) u s-sitt Inizjattivi Industrijali Ewropej (l-enerġija mir-riħ; l-enerġija mix-xemx; il-bijoenerġija; il-grids intelliġenti; il-fissjoni nukleari; u s-CCS). Se tiġi intensifikata l-ħidma mal-Istati Membri biex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet tal-Pjanijiet Direzzjonali dwar it-Teknoloġija għall-2010-2020 u biex jiġi żgurat is-suċċess ta’ programmi ta’ wiri relatati fuq skala kbira bħal dawk tal-programm tar-Riżerva tal-Installazzjonijiet Ġodda li Daħlu fis-Suq (NER300- New Entrants Reserve)[22]. Il-fondi Komunitarji disponibbli[23] se jkunu kkonċentrati fuq l-inizjattivi tal-Pjan SET. Il-Pjanijiet Direzzjonali dwar it-Teknoloġija tal-Inizjattivi Industrijali Ewropej għall-2010-2020 qed jiġu implimentati minn din is-sena ’l quddiem u se jingħataw appoġġ addizzjonali. Huma se jkunu l-bażi għat-tħejjija tal-qafas finanzjarju li jmiss f’dak li jirrigwarda programm ta’ riċerka dwar l-enerġija kkonsolidat, ivvalutat regolarment, iktar effiċjenti u ffukat. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tippromwovi l-iżvilupp ta' infrastrutturi strateġiċi ta' riċerka fl-enerġija fl-Ewropa għaliex dawn jikkontribwixxu b'mod qawwi biex tonqos id-distanza bejn ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku. Se tfittex ukoll mezzi oħra b'potenzjal kbir, bħall-enerġija rinnovabbli mill-baħar u t-tisħin u t-tkessiħ rinnovabbli. Azzjoni 2: Il-Kummissjoni se tniedi erba’ proġetti Ewropej ġodda fuq skala kbira 1. Il-Kummissjoni se tressaq inizjattiva Ewropea ewlenija dwar grids intilliġenti sabiex is-sistema kollha tal-grid tal-elettriku tkun illinkjata b’netwerks intelliġenti, mit-turbini tar-riħ (“wind farms”) barra mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana, l-impjanti solari fin-Nofsinhar u d-digi idroelettriċi eżistenti, sad-djar individwali filwaqt li n-netwerks tal-elettriku jsiru iktar intelliġenti, effiċjenti u affidabbli. 2. L-istabbiliment mill-ġdid tal-pożizzjoni tal-Ewropa fuq quddiem nett fil-ħżin tal-elettriku (kemm fuq skala kbira kif ukoll għall-vetturi). Se jiġu żviluppati proġetti ambizzjużi fl-oqsma tal-idrokapaċità, il-ħżin tal-arja kkompressata, il-ħżin tal-batteriji u teknoloġiji ta’ ħżin innovattivi oħra bħall-idroġenu. Dawn se jippreparaw il-grid tal-elettriku fil-livelli kollha tal-vultaġġ biex tkun tista’ tieħu kwantitajiet massivi ta’ elettriku rinnovabbli deċentralizzati fuq skala żgħira u ċentralizzat fuq skala kbira. 3. L-implimentazzjoni tal-produzzjoni sostenibbli fuq skala kbira ta’ bijofjuwils, inkluż fid-dawl tar-reviżjoni li għaddejja bħalissa dwar l-impatt ta' bdil indirett tal-użu tal-art. L-Inizjattiva Industrijali Ewropea dwar il-Bijoenerġija[24] li tiswa EUR 9 biljun se titnieda dalwaqt biex tiżgura l-adozzjoni malajr fis-suq tal-bijofjuwils sostenibbli tat-tieni ġenerazzjoni. 4. Il-forniment lill-ibliet, liż-żoni urbani u rurali ta’ metodi għal iktar iffrankar tal-enerġija. Is-sħubija ta’ innovazzjoni “Bliet Intelliġenti” [Smart Cities] li se titnieda fil-bidu tal-2011 se tiġbor flimkien l-aħjar mill-oqsma tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija, il-grids tal-elettriku intelliġenti, it-trasport urban nadif bħall-elettromobbiltà, in-netwerks intelliġenti tat-tisħin u tat-tkessiħ, flimkien ma’ għododa intelliġenti u tal-ICT ferm innovattivi. Il-Politika Reġjonali tal-UE jista’ jkollha rwol importanti biex jiġi sfruttat il-potenzjali lokali. Iż-żoni rurali wkoll għandhom potenzjal sinifikanti f'dan ir-rigward u jkunu jistgħu jużaw l-FAEŻR li jipprovdi l-mezzi finanzjarji ta' appoġġ għal proġetti ta' innovazzjoni bħal dawn. Azzjoni 3: L-iżgurar tal-kompetittività teknoloġika tal-UE fit-tul Sabiex jinbnew is-sisien tal-kompetittività tagħna fil-ġejjieni quddiem l-isfida ta' kompetizzjoni internazzjonali qawwija, il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva ta' EUR 1 biljun[25] b'appoġġ għar-riċerka avvanzata meħtieġa għat-twassil tax-xjenza neċessarja għal-skoperti ġodda ta' enerġija baxxa fil-karbonju. Il-pożizzjoni fuq quddiem nett tal-UE għandha tkun imħarsa wkoll fil-proġett ta’ riċerka globali u ewlieni tal-ITER. Il-Kummissjoni se tiżgura t-tmexxija effikaċi (inkluż it-trażżin tal-kostijiet) u l-ħolqien tal-valur industrijali mill-ITER u mill-programm Ewropew ta’ fużjoni. Il-Kummissjoni se tiżviluppa programm ta’ riċerka tal-UE għall-materjali tal-enerġija, li jippermetti li s-settur tal-enerġija tal-UE jibqa’ kompetittiv minkejja li qed jonqsu r-riżorsi rari tad-dinja. |

- 5. SħUBIJA INTERNAZZJONALI SODA, NOTEVOLMENT MAL-ġIRIEN TAGħNA

Is-suq Ewropew tal-enerġija huwa l-akbar suq reġjonali tad-dinja (iktar minn 500 miljun konsumatur) u l-akbar importatur tal-enerġija. Madankollu, fil-politika esterna dwar l-enerġija għad m'hemmx l-istess kollaborazzjoni u skop komuni li wasslu għall-adozzjoni tal-miri ewlenin tal-UE b’rabta mal-enerġija u l-klima. Ħafna mill-isfidi li qed tiffaċċja l-UE — it-tibdil fil-klima, l-aċċess għaż-żejt u għall-gass, l-iżvilupp tat-teknoloġija, l-effiċjenza fl-enerġija — huma komuni fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi u jiddependu fuq il-kollaborazzjoni internazzjonali. L-Istati Membri kemm-il darba appellaw biex l-UE titkellm b'vuċi waħda fil-pajjiżi terzi. Fil-prattika, l-inizjattivi nazzjonali ma jinfluwenzawx is-saħħa fid-daqs tas-suq tal-UE, u jistgħu jesprimu aħjar l-interess tal-UE.

Il-politika internazzjonali dwar l-enerġija għandu jkollha l-miri komuni tas-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività u s-sostenibbiltà. Għalkemm ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi produtturi u ta’ tranżitu huma importanti, ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi kbar b’konsum għoli ta’ enerġija u partikolarment il-pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw qed isiru iktar sinifikanti. Biex in-nies jinħelsu mill-faqar hemm il-ħtieġa tal-aċċess għall-enerġija għaliex ma jistax jinkiseb l-għan li jinqered il-faqar estrem sal-2015 sakemm ma jsirx progress sostanzjali fit-titjib tal-aċċess. Sabiex ikun żgurat li dan ma jagħmilx ħsara lill-għanijiet ta' politika l-oħrajn, jeħtieġ li l-iżvilupp sostenibbli jkun fiċ-ċentru kemm tal-politika tal-enerġija kif ukoll tal-iżvilupp, kif kien ġie propost fil-Green Paper dwar il-Politika tal-Iżvilupp[26].

Minħabba x-xejriet ġodda tal-provvista u d-domanda fis-swieq globali tal-enerġija u l-kompetizzjoni li qed tiżdied għar-riżorsi tal-enerġija, huwa essenzjali li l-UE tkun tista’ tuża l-piż komplessiv kollu tagħha fis-suq b’mod effettiv fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi msieħba ewlenin fl-enerġija. L-Ewropa għandha tkun f’pożizzjoni li sal-2020 tkun tista’ tiddependi fuq sorsi u rotot sinifikanti addizzjonali għall-provvista tal-enerġija.

Il-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet internazzjonali ġġiegħelna nagħtu spinta lill-aġenda tagħna għad-dekarbonizzazzjoni u l-effiċjenza fl-enerġija mal-imsieħba ewlenin tagħna u fin-negozjati u l-oqfsa internazzjonali. L-ETS hija mutur tas-swieq internazzjonali tal-karbonju, u l-azzjoni futura għandha tkompli tibni fuq l-azzjoni għaddejja bħalissa biex dawn is-swieq ikomplu jiġu żviluppati. Bħala l-attur ewlieni fl-iżvilupp tal-politiki, l-UE għandha l-ambitu ikbar biex teżerċita l-influwenza tagħha fi kwistjonijiet ambjentali fl-istabbiliment tal-istandards, u biex tippromwovi r-rispett lejn swieq trasparenti u kompetittivi.

L-UE diġà għandha serje ta’ oqfsa komplementari u mmirati li jvarjaw minn dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-enerġija fi ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi (Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni, Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni eċċ.) u Memoranda ta’ Ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija sa Trattati multilaterali bħat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija[27] u l-parteċipazzjoni fit-Trattat dwar il-Karta dwar l-Enerġija. Attwalment qed tinnegozja ftehimiet ġodda ma’ diversi pajjiżi li jinkludu dispożizzjonijiet importanti relatati mal-enerġija.

L-UE issa għandha tifformalizza l-prinċipju li skontu l-Istati Membri għandhom jaġixxu għall-benefiċċju tal-UE globalment fir-relazzjonijiet bilaterali relatati mal-enerġija flimkien ma’ msieħba ewlenin u f’diskussjonijiet globali. Filwaqt li tibni fuq il-bażi legali tat-Trattat ta’ Lisbona, li jiċċara u jsaħħaħ id-dimensjoni esterna, il-politika esterna dwar l-enerġija tal-UE għandha tiżgura s-solidarjetà, ir-responsabbiltà u t-trasparenza effettivi fost l-Istati Membri kollha, filwaqt li tirrifletti l-interess tal-UE u tiżgura s-sigurtà tas-suq intern tal-enerġija tal-UE. Għandu jkun hemm aktar koordinazzjoni effettiva fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri.

Fil-qasam nukleari, il-kooperazzjoni internazzjonali tat riżultati tajbin. Dan huwa partikolarment rilevanti billi diversi pajjiżi ġirien joperaw impjanti nukleari, jew beħsiebhom jibdew joperawhom. L-UE issa għandha tħeġġeġ lill-Istati msieħba biex jagħmlu l-istandards u l-proċeduri eżistenti kollha dwar is-sikurezza u s-sigurtà nukleari internazzjonali legalment vinkolanti u effettivament implimentati fid-dinja kollha. L-UE tinsab f’pożizzjoni partikolarment tajba, għaliex hija l-ewwel waħda li ħadet tali azzjoni fil-qasam kemm tas-sikurezza u kemm tas-sigurtà u għandha strumenti speċifiċi ta’ kooperazzjoni għal dan il-għan.

Minbarra li hija vitali għas-sigurtà tal-provvista tal-UE, id-dimensjoni esterna tal-politika tal-UE dwar l-enerġija għandha tkun konsistenti u ssaħħaħ b'mod reċiproku attivitajiet esterni oħra tal-UE (l-iżvilupp, il-kummerċ, il-klima u l-bijodiversità, it-tkabbir, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (CFSP - Common Foreign and Security Policy u oħrajn). Għandu jkun hemm sinerġiji bejn l-għanijiet tal-enerġija u politiki u strumenti oħra inklużi ftehimiet kummerċjali bilaterali u strumenti għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni u vice-versa .

Is-sigurtà tal-enerġija hija marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet barranin u ta’ sigurtà tal-UE[28]. Id-diversifikazzjoni tal-fjuwils, tas-sorsi tal-provvista u tar-rotot ta’ tranżitu hija essenzjali għas-sigurtà tal-UE bħalma huma t-tmexxija tajba, ir-rispett lejn l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tal-investimenti tal-UE u barranin fil-pajjiżi li jipproduċu l-enerġija u ta’ tranżitu. Barra minn hekk, il-politika tal-UE se tagħti attenzjoni partikolari lis-sikurezza u s-sigurtà tal-pipelines taż-żejt u tal-gass naturali u lill-infrastruttura relatata tal-produzzjoni u t-trasport billi tgħaqqad l-istrumenti tal-politika tal-enerġija u tas-CFSP.

Fl-2011 il-Kummissjoni se tippreżenta proposti konkreti biex issaħħaħ il-konsistenza u l-effiċjenza ġenerali tal-politika esterna tagħna dwar l-enerġija, filwaqt li tinvolvi l-Istati Membri, diversi politiki esterni tal-Unjoni Ewropea u programmi esterni ta’ appoġġ.

Prijorità 5: It-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tas-suq tal-enerġija tal-UE

Azzjoni 1: Integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija u l-oqfsa regolatorji mal-ġirien tagħna

- It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija għandu jiġi implimentat, approfondit u estiż għal dawk il-ġirien kollha tal-UE li jixtiequ jadottaw il-mudell tas-suq tal-UE. F'dan il-kuntest, l-integrazzjoni tas-suq u l-konverġenza regolatorja għandhom ikunu segwiti permezz ta' ftehimiet komprensivi tal-UE abbażi tar-regoli tal-UE fil-pajjiżi koperti bil-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Proċess tat-Tkabbir, speċjalment fir-reġjun tal-Mediterran u ma’ pajjiżi ta’ tranżitu bħall-Ukraina u t-Turkija. Barra minn hekk, it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija għandu jkun intensifikat bl-estensjoni tal- acquis il-ġdid lill-firmatarji għat-Trattat. Dan l-approċċ għandu jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ġirien fis-suq intern, filwaqt li jipprovdi ambjent ekwu u salvagwardji kontra r-riskju tat-tnixxija ta' karbonju fis-settur tal-enerġija.

- Se jiġu proposti mill-Kummissjoni mekkaniżmi tal-UE li jallinjaw il-ftehimiet internazzjonali eżistenti (speċjalment fis-settur tal-gass) mar-regoli tas-suq intern u li jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-konklużjoni ta' oħrajn ġodda. Se jsiru wkoll proposti biex jiġi stabbiliti il-qafas regolatorju meħtieġ bejn l-UE u l-pajjiżi terzi għall-iżvlupp ta' rotot strateġiċi minn fornituri ġodda, speċjalment madwar il-Kuritur tan-Nofsinhar u n-Nofsinhar tal-Mediterran. Kwistjonijiet ta’ provvista u ta’ aċċess għas-suq se jkunu koperti, inklużi l-iżvilupp ta’ netwerks u possibbilment arranġamenti ta’ provvista ggruppjata kif ukoll aspetti regolatorji, notevolment dwar il-libertà ta' tranżitu u s-sigurtà fl-investiment.

- Se tiġi mobilizzata l-għajnuna teknika tal-UE għall-implimentazzjoni effettiva tal- acquis tas-suq intern u għall-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija fil-pajjiżi ġirien, filwaqt li tittejjeb il-koordinazzjoni ta’ skemi ta’ appoġġ pprovduti mill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali.

Azzjoni 2: L-istabbiliment ta’ sħubiji privileġġati ma’ msieħba ewlenija

- Filwaqt li titkompla d-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot tal-importazzjoni, l-UE se tirrinfurza sħubijiet strateġiċi tal-enerġija ma’ fornituri u pajjiżi ta’ tranżitu ewlenin. L-għan tagħhom se jkun li jippromwovu prinċipji ewlenin bħal dawk tat-Trattat dwar il-Karta tal-Energija (pereżempju il-libertà ta' tranżitu, it-trasparenza, is-sikurezza, l-opportunitajiet ta' investiment kif ukoll il-konformità mal-liġi internazzjonali).

Azzjoni 3: Il-promozzjoni tar-rwol globali tal-UE għal futur b’enerġija b’livell baxx ta’ karbonju

- L-effiċjenza fl-enerġija, it-teknoloġiji nodfa u l-enerġija sikura u sostenibbli b’livell baxx ta’ karbonju għandhom jiġu integrati f’attivitajiet tal-UE u ta’ kooperazzjoni bilaterali, partikolarment ma’ ekonomiji ewlenin tal-konsumaturi u emerġenti u ma’ sħubijiet globali.

- Il-Kummissjoni se tniedi kooperazzjoni ewlenija mal-Afrika dwar l-inizzjattivi fl-enerġija sabiex progressivament tipprovdi l-enerġija sostenibbli liċ-ċittadini kollha, f'konformità mal-Green Paper dwar il-Politika tal-Iżvlupp.

Azzjoni 4: Il-promozzjoni ta’ standards legalment vinkolanti fil-qasam tas-sikurezza, is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari fid-dinja

- Il-Kummissjoni se tiżviluppa inizjattivi li l-mira tagħhom huwa li jinkoraġġixxu l-Istati msieħba biex jagħmlu l-standards u l-proċeduri internazzjonali dwar is-sikurezza, is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari legalment vinkolanti u effettivament implimentati madwar id-dinja, b'mod partikolari permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u l-konklużjoni ta’ ftehimiet tal-Euratom ma’ fornituri u pajjiżi utenti ewlenin tal-enerġija nukleari.

KONKLUżJONIJIET

L-UE tinstab fuq l-għatba ta’ perjodu tal-politika tal-enerġija li qatt ma kien hawn bħalu qabel. Fil-biċċa l-kbira, is-swieq tal-enerġija sfaw protetti mill-effetti tat-taqlib fis-suq globali matul dawn l-aħħar snin u dan kien dovut għal-liberalizzazzjoni, għall-kapaċitajiet suffiċjenti tal-provvista u tal-produzzjoni u għall-kapaċitajiet adegwati tal-importazzjoni. Madankollu, għaddejjin bidliet drammatiċi. Il-prezzijiet tal-enerġija se jiġu affettwati mid-domanda kbira għal investimenti fis-settur tal-enerġija, kif ukoll mill-ipprezzar tal-karbonju u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija internazzjonali. Il-kompetittività, is-sigurtà tal-provvista u l-għanijiet klimatiċi se jkunu mhedda jekk il-grids tal-elettriku ma jiġux aġġornati, l-impjanti skaduti ma jiġux sostitwiti b’alternattivi kompetittivi u aktar nodfa u jekk l-enerġija ma tintużax mod iktar effiċjenti fil-katina kollha tal-enerġija.

L-Istati Membri u l-industrija rrikonoxxew l-iskala tal-isfidi. Provvisti siguri tal-enerġija, użu effiċjenti tar-riżorsi, prezzijiet moderati u soluzzjonijiet innovattivi huma kruċjali għat-tkabbir sostenibbli fit-tul, għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-kwalità tal-ħajja tagħna. L-Istati Membri qablu li l-aħjar mod biex jiġu ffaċċjati dawn l-isfidi huwa permezz ta’ politiki u azzjoni fil-livell tal-UE, permezz tal-“Ewropanizzazzjoni” tal-politika tal-enerġija. Dan jinkludi fondi ta’ appoġġ mill-UE indirizzati lejn prijoritajiet pubbliċi li s-swieq ma jistgħux jissodisfaw u li jrendu l-aktar valur Ewropew.

L-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija tirrikjedi sforzi sinifikanti fl-innovazzjoni teknika u fl-investiment. Hija għandha trawwem suq dinamiku u kompetittiv u għandha twassal għal tisħiħ qawwi tal-ftehimiet istituzzjonali biex dawn l-iżviluppi jiġu mmonitorjati u ggwidati. Hija se ttejjeb is-sigurtà u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-enerġija, il-ġestjoni tan-netwerks u r-regolazzjoni tas-suq tal-enerġija. Se tinkludi sforzi intensivi biex il-konsumaturi domestiċi u tan-negozju jkunu infurmati u jingħataw parteċipazzjoni msaħħa, biex ikunu involuti fil-bidla lejn futur b’enerġija sostenibbli, pereżempju billi jiffrankaw l-enerġija, inaqqsu l-iskart u jaqilbu għal teknoloġiji u fjuwils b’livell baxx ta’ karbonju. L-investimenti fil-produzzjoni tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju se jiġu inkoraġġiti aktar bi strumenti bbażati fuq is-suq bħan-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet u t-tassazzjoni. L-istrateġija l-ġdida se tieħu l-ewwel passi biex tħejji lill-UE għall-isfidi akbar li jista’ jkun li sal-2020 diġà jkollha tħabbat wiċċha magħhom . Fuq kollox, hija se tiżgura tmexxija u koordinazzjoni aħjar fil-livell Ewropew, kemm fl-azzjoni interna u kemm fir-relazzjonijiet mal-imsieħba esterni.

Is-sistema tal-enerġija globali dieħla f’fażi ta’ tranżizzjoni rapida b’implikazzjonijiet potenzjalment b'impatt mifrux li se jiżviluppaw fl-għexieren ta’ snin li jmiss. L-Ewropa għandha taġixxi qabel ma tingħalaq it-tieqa tal-opportunitajiet. Iż-żmien huwa qasir. Għaldaqstant, il-Kummissjoni fit-18-il xahar li ġejjin se tippreżenta l-maġġoranza tal-proposti għall-ilħiq tal-miri tal-2020. Se jkun hemm bżonn li d-diskussjoni, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni jsiru malajr. B’dan il-mod, l-UE tkun tista’ tistabbilixxi aħjar l-elementi li jwasslu għar-riżultat tal-2020 – l-istandards, ir-regoli, ir-regolamenti, il-pjanijiet, il-proġetti,

ir-riżorsi finanzjarji u umani, is-swieq teknoloġiċi, l-l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà eċċ. – u tipprepara liċ-ċittadini tal-Ewropa għall-isfidi tal-futur.

Minħabba t-tul ta’ żmien meħtieġ biex isiru l-bidliet fis-sistema tal-enerġija, li tittieħed azzjoni llum mhux se tiggarantixxxi li l-bidliet strutturali meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ karbonju jitlestew fil-perjodu sal-2020 kopert b’din l-istrateġija. Għalhekk tinħtieġ viżjoni li tmur lil hinn mill-iskeda taż-żmien tal-istrateġija attwali biex ikun żgurat li l-UE tkun ippreparata sew għall-għan tal-2050 ta’ sistema tal-enerġija kompetittiva, b'sigurtà u b’livell baxx ta’ karbonju. Għalhekk il-Kummissjoni se tagħti segwitu lil din l-istrateġija permezz ta’ pjan direzzjonali komprensiv għall-2050 li jistabbilixxi l-miżuri koperti f’dan id-dokument għal perjodu iktar fit-tul u jikkunsidra passi ulterjuri u komplementari.

[1] L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

[2] Il-Kunsill Ewropew kien speċifika: "sakemm pajjiżi żviluppati oħrajn jikkommettu ruħhom għal tnaqqis komparabbli fl-emissjonijiet u pajjiżi li qed jiżviluppaw aktar avvanzati ekonomikament li jikkontribwixxu adegwatament skont ir-responsabbiltajiet tagħhom u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom"

[3] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni (id-dokument 7110/10 tal-5 ta’ Marzu 2010).

[4] Kif uriet l-Inkjesta tal-Kummissjoni dwar is-Settur tal-Enerġija, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-1 ta’ Jannar 2007 Inkjesta skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fis-setturi Ewropej tal-gass u tal-elettriku COM(2006) 851, u min-numru kbir ta’ investigazzjonijiet dwar l-imġiba antikompetittiva fis-settur (pereżempju IP/10/494 tal-4 ta’ Mejju 2010).

[5] Studju dwar il-funzjonament tas-swieq tal-konsumaturi tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea, Novembru 2010

[6] Skont in-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni għall-Enerġija Elettrika [ENTSO –Electricity - European Network of Transmission System Operators] huwa stmat li l- UE għandha tibni jew iġġedded 30 000 km ta’ kejbils tan-netwerk fl-għaxar snin li ġejjin.

[7] Pereżempju IEA World Energy Outlooks tal-2009 u tal-2010.

[8] Komunikazzjoni dwar "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni" (COM 2010) 619

[9] Pereżempju, huwa stmat li l-prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa huma ogħla b'21 % milli fl-Istati Uniti jew b'197 % milli fiċ-Ċina.

[10] Ħarġu Nru 26, Awwissu 2010.

[11] L-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija [International Energy Agency] World Energy Outlook 2010 [mhux disponibbli bil-Malti].

[12] COM(2008) 772.

[13] Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi.

[14] Azzjonijiet speċifiċi huma ppreżentati fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, COM(2010)245.

[15] Notevolment fir-rigward tal-effetti kumulattivi possibbli tal-miżuri differenti bbażati fuq is-suq

[16] Rapport dwar il-progress fil-ħolqien tas-suq intern tal-gass u l-elettriku COM(2010) 84.

[17] Wara li l-Inkjesta tas-Settur tal-Enerġija żvelat bosta problemi ta' kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija, li dan imbagħad wassal għall-adozzjoni ta' disa' deċiżjonijiet kbar ta' antitrust, il-Kummissjoni qed tkompli tivvaluta l-ambjent kompetittiv fis-swieq tal-enerġija Ewropej.

[18] Il-Kummissjoni Ewropea stabbilit task force dwar in-netwerks intelliġenti biex jiddiskuti l-implimentazzjoni tan-netwerks intelliġenti fil-livell Ewropew: http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/smartgrids/taskforce_en.htm.

[19] Pereżempju s-Suq Baltiku tal-Enerġija, iċ-Ċirku tal-Enerġija fil-Mediterran.

[20] Ġie żviluppat mudell ta’ mira għall-elettriku fil-kuntest tal-forum ta’ Firenze, fl-hekk imsejjaħ Grupp Konsultattiv Ad-Hoc. Il-linji gwida u l-kodiċi biex jiġi implimentat dan il-mudell fil-mira qed jiġu ppreparati. Mudell fil-mira għall-gass qed jiġi żviluppat fil-qafas tal-Forum ta’ Madrid.

[21] SEC(2010)1161, 6 ta' Ottubru 2010.

[22] Id-Direttiva tal-ETS riveduta (2009/29/KE) tipprevedi li għandhom ikunu disponibbli kwoti ta’ ETS ta’ 300 miljun mir-riżerva tal-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq [NER- New Entrants Reserve] biex jappoġġjaw proġetti ta’ wiri fuq skala kummerċjali għall-ġbir u l-ħżin tal-Karbonju [CCS] u ta’ enerġiji rinnovabbli innovattivi [RES] fit-territorju tal-Unjoni.

[23] Finanzjament disponibbli skont il-Perspettivi Finanzjarji attwali.

[24] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 23.

[25] Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna nru 23.

[26] Il-pajjiżi li mhumiex pajjiżi OECD jistgħu jikkostitwixxu l-ammont kollu taż-żieda prevista fl-emissjonijiet CO2 sal-2030; madankollu, li jkun żgurat l-aċċess universali għas-servizzi moderni tal-enerġija għal kulħadd ikun ifisser biss żieda ta' 0,8 % tal-emissjonijiet CO2, IEA World Energy Outlook 2009 u silta speċjali bikrija mill-IEA WEO 2010 għas-Samit għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

[27] It-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija qed jippromwovi l-integrazzjoni tas-suq iżda wkoll it-traspożizzjoni tal- acquis u u l-implimentazzjoni tagħha fil-Balkani tal-Punent u qed jestendi s-suq tal-enerġija interna tal-UE lejn l-Ewropa tax-Xlokk. Dan mhux biss qafas ta' kooperazzjoni iżda wkoll strument legalment vinkolanti għat-tħejjija tal-adeżjoni mal-UE. Partijiet oħrajn qed jissieħbu fit-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija: Il-Moldova hija diġà membru: L-Ukraina u t-Turkija jinsabu fil-proċess biex jissieħbu.

[28] Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà adottata mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2003.