52010DC0608




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussell, 27.10.2010

KUMM(2010) 608 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn Att dwar is-Suq Uniku Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn Att dwar is-Suq Uniku Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

Introduzzjoni

Il-bini ta' suq kbir jinsab fil-qalba tal-proġett Ewropew tal-Fundaturi. Huma kienu fehmu kemm kienet importanti li jiltaqgħu, li jagħmlu skambji kif ukoll li jaħdmu flimkien fl-organizzazzjoni ta' soċjetà aktar għanja, kreattiva, intelliġenti, ġusta u b'saħħitha fid-dinja. Li naqsmu flimkien spazju ekonomiku u soċjali komuni filwaqt li nirrispettaw id-diversitajiet tagħna, ix-xewqa li nkunu flimkien , sostnuti u magħqudin permezz tal-interess li nkunu flimkien : din kienet u għadha l-ambizzjoni tas- suq kbir Ewropew .

Suq komuni, Suq Uniku, Suq Intern, l-evoluzzjonijiet tal-isem maż-żmien jixhdu l-fenomenu doppju ta' tisħiħ u arrikkiment li seħħ fis-suq kbir Ewropew. Filwaqt li ssaħħaħ permezz tal- erba' libertajiet il-kbar , dawk tal-moviment tan-nies, tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-kapital, kien ukoll ikkompletat u arrikkit l-aktar bil-konsolidazzjoni tal- integrazzjoni ekonomika , bil-ħolqien ta' munita unika u bl-iżvilupp ta' politika ta' koeżjoni . Huwa essenzjali li jkun hemm politika ta' koeżjoni li takkumpanja s-suq uniku sabiex ikun hemm garanzija li ċ-ċittadini kollha, b'mod independenti minn fejn qegħdin, ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu u jagħtu l-kontribut tagħhom.

Madwar 60 sena wara l-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, il-kontribuzzjonijiet tas-suq uniku ma jistgħux jinċaħdu . Tul dawn l-aħħar għoxrin sena, it-twaqqif ta' suq uniku u l-ftuħ tal-fruntieri kienu fost l-elementi prinċipali li wasslu għal tkabbir fl-Ewropa. Skont stimi magħmula mill-Kummissjoni, l-effett tal-integrazzjoni tas-suq intern, l-aktar permezz tal-liberalizzazzjoni tal-industriji tan-netwerks u t-tkabbir wassal għal 2.75 miljun impjieg addizzjonali u għal 1,85 % ta' tkabbir għall-perjodu taż-żmien bejn l-1992 u l-2009.

L-Ewropa saret l-akbar ekonomija fid-dinja. Saħansitra jekk neskludu l-kummerċ li jsir fl-Ewropa, ninsabu fuq quddiem nett fl-importazzjoni u l-esportazzjoni. Is-suq uniku huwa vantaġġ prinċipali għall-kompetittività internazzjonali. Mingħajru, ma nkunux niswew daqshekk fil-bilanċ internazzjonali tal-forzi ekonomiċi, fil-waqt li jkunu qed jemerġu atturi ġodda.

Iżda qabel kollox is-suq uniku ta' kuljum joffri benefiċċji lill-impriżi u liċ-ċittadini fil-qafas tal-attivitajiet tagħhom. Illum il-ġurnata l-kummerċ fl-Ewropa huwa ekwivalenti għal 17 % u 28 % tal-kummerċ dinji tal-oġġetti u s-servizzi. It-tnaqqis b' 70 % tal-kostijiet tat-telefonati fit-telefonija mobbli jew it-tnaqqis b'40 % tal-prezzijiet tal-biljetti tal-ajruplan huma eżempji konkreti.

Permezz tal- 'azzjonijiet ta' solidarjetà ' li jseħħu bejn l-Ewropej, u minħabba li s-suq kbir Ewropew sab modi ta' kif jirrinova ruħu, jissaħħaħ u jsir aktar għani maż-żmien, huwa baqa' għal kważi sittin sena sħaħ, il-bażi tal-proġett Ewropew.

Iżda d-dinja ma għadhiex l-istess bħal dik tal-1985 meta l-Kummissjoni pproponiet ir-rinnovazzjoni kbira li wasslet għall-ħolqien tas-Suq Uniku fl-1 ta' Jannar 1993.

Id-dinja nbidlet. Il-globalizzazzjoni żiedet b'mod mgħaġġel ħafna l-iskambji u t-tibdiliet teknoloġiċi, u ppermettiet li jemerġu atturi ġodda li jikkompetu magħna fil-qalba tal-kompetenza tagħna: il-prodotti u s-servizzi b'valur miżjud għoli. Din hija sfida doppja għall-Ewropa: l-iżvilupp dejjem jiżdied tal-ħiliet tagħna f'oqsma ta' valur miżjud għoli u t-tmexxija ta' politika li tiffaċilita s-sehem tal-impriżi Ewropej b'mod partikolari tal-SMEs sabiex dawn jibbenefikaw mill-opportunitajiet kollha li qed joffrulhom dawn l-oqsma ġodda ta' tkabbir.

L-Ewropa nnifisha nbidlet. Ingħaqdet mill-ġdid, kibret u ssaħħet.

Ix-xokk tal-kriżi finanzjarja u tal-kriżi ekonomika laqat ħażin l-ekonomiji kollha tagħna u s-setturi kollha. Dgħajjef kemm lin-negozjant kif ukoll lill-ħaddiem, u naqqas il-kapaċità tal-akkwist ta' miljuni ta' konsumaturi Ewropej. Is-Suq Uniku qed jgħinna naffrontaw din il-kriżi. Kien hu li taffa l-effetti tagħha. Se jgħinna wkoll biex noħorġu minnha, u huwa essenzjali għall-futur tagħna.

Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, il-President Barroso talab lil Mario Monti jissottometti rapport dwar il-varar mill-ġdid tas-Suq Uniku. Hekk kif muri minn Mario Monti fir-rapport tiegħu, "it-twettiq ta' suq uniku msaħħaħ u effiċjenti huwa fattur determinanti fil-prestazzjoni makroekonomika dinjija tal-Unjoni"[1] Huwa jżid jgħid illi jekk huwa "inqas popolari minn qatt qabel, huwa madankollu aktar meħtieġ minn qatt qabel"[2].Għaldaqstant ir-rapport tiegħu jipproponi strateġija ġdida li se "tipproteġi s-suq intern mir-riskju ta' nazzjonaliżmu ekonomiku, testendih għal oqsma ġodda essenzjali għat-tkabbir Ewropew u tfittex livell ta' kunsens aċċettabbli fir-rigward tal-istess suq"[3].

Il-Parlament Ewropew enfasizza fir-rapport tiegħu tal-2010, "l-integrazzjoni tas-suq intern mhuwiex proċess irreversibbli u l-eżistenza kontinwa tiegħu ma tistax titqies bħala ċerta".

Din l-osservazzjoni llum il-ġurnata tiġġustifika ambizzjoni ġdida għall-politiki tas-suq uniku li tippromwovi "ekonomija soċjali tas-suq li hija kompetittiva ħafna". Sabiex tiġi varata mill-ġdid integrazzjoni mhux mitmuma u jitwettaq il-potenzjal tagħna tat-tkabbir għas-servizz tal-progress uman. Sabiex flimkien niksbu għal darb'oħra l-fiduċja fil-mudell tagħna tal-ekonomija soċjali tas-suq billi l-Ewropej jerġgħu jitqiegħdu fil-qalba tas-suq. Sabiex ikun propost approċċ dinji ġdid għal suq uniku li jikkunsidra l-atturi kollha ta' dan is-suq. Sabiex jiġi żgurat il-fehim u r-rispett tar-regoli tiegħu fl-Unjoni u t-twettiq ta' dawn ir-regoli fil-ħajja tagħna ta' kuljum.

Dan l-approċċ huwa wieħed li jixhed ekonomija soċjali tas-suq. Jibda mid-dikjarazzjoni li suq uniku għandu jserraħ fuq l-atturi kollha tas-suq: l-impriżi, il-konsumaturi u l-ħaddiema. Huwa b'dan il-mod li suq uniku se jippermetti lill-Ewropa takkwista kompetittività kollettiva.

Għaliex is-suq uniku għadu jista' joffri aktar tkabbir u xogħlijiet. Il-potenzjal tiegħu għadu ma ġiex sfruttat kompletament. Għaldaqstant, l-akkwisti pubbliċi transkonfinali ma kinux jgħoddu ħlief għal 1.5% tal-attribuzzjonijiet kollha tas-swieq pubbliċi fl-2009. Minkejja l-progress sinifikanti fis-suq uniku tas-servizzi, is-servizzi transkonfinali jirrappreżentaw biss 5 % tal-PDG fl-Unjoni, imqabbla ma' 17 % għall-oġġetti manifatturati negozjati fis-suq uniku. Huma biss 7 % tal-konsumaturi li wettqu akkwisti transkonfinali permezz tal-Internet fl-2008[4].

Skont stimi tal-Kummissjoni[5], l-ikkompletar, it-tisħiħ u l-użu sħiħ tas-suq uniku, l-aktar permezz tal-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni preżenti, isarrfu fi tkabbir potenzjali ta' 4 % tal-PDG tul l-għaxar snin li ġejjin[6].

Barra minn dan, is-suq uniku mhuwiex għan minnu nnifsu. Huwa strument għas-servizz ta' politiki oħrajn. L-azzjonijiet kollha pubbliċi u privati, it-tweġibiet għall-isfidi tat-tkabbir, tal-koeżjoni soċjali u tax-xogħol, tas-sigurtà u tat-tibdil fil-klima, se jkollhom aktar saħħa biex jirnexxu jekk is-suq uniku jiffunzjona sew.

B'hekk il-varar mill-ġdid tas-suq uniku jippreżenta ruħu bħala għodda indispensabbli għall- istrateġija UE 2020 . L-istrateġija UE 2020 tipproponi 7 inizjattivi ewlenin: (i) Unjoni għall-innovazzjoni, (ii) żgħażagħ attivi, (iii) aġenda diġitali għall-Ewropa, (iv) Ewropa effikaċi fl-użu tar-riżorsi, (v) politika industrijali fl-era tal-globalizzazzjoni, (vi) aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda u (vii) pjattaforma Ewropea kontra l-faqar. Suq uniku modern huwa l-fondazzjoni komuni ta' kull waħda minn dawn l-istrutturi. Huwa l-għodda li se tgħinhom joħolqu t-tkabbir u x-xogħol li jirriżultaw f'dinamika għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv u konsegwentement jissaħħu s-sinerġiji bejn l-inizjattivi ewlenin differenti. Ċerti elementi tal-inizjattivi ewlenin jagħtu forma lill-funzjonament tas-suq uniku u minħabba f'dan huma miżuri li jwasslu għall-varar mill-ġdid tiegħu. Dawn il-miżuri għaldaqstant huma msemmija kemm f'din il-Komunikazzjoni kif ukoll fl-inizjattivi ewlenin b'mod partikolari fl-aġenda diġitali għall-Ewropa, l-Unjoni għall-innovazzjoni u l-politika industrijali fl-era tal-globalizzazzjoni.

Mingħajr ma jiġu imposti ristrezzjonijiet ġodda, dan il-varar mill-ġdid għandu jiftaħ il-bieb għal bosta opportunitajiet . Permezz tal-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni effiċjenti tar-regoli komuni, is-suq uniku għandu jservi ta' ċentru għal tkabbir strutturali. Spazju kompetittiv, bil-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetizzjoni huwa l-bażi vera tal-Ewropej fil-globalizzazzjoni. Filwaqt li jevita l-inġenwità għandu jkun miftuħ għad-dinja, għandu jiffavorixxi l-kooperazzjoni bejn is-sħab kummerċjali, biex jiżgura b'mod partikolari konverġenza aħjar tar-regoli u tan-normi fis-seħħ dwar is-swieq mondjali differenti li twassal għal benefiċċji reċiproki. F'dan il-kuntest, huwa importanti li nżommu f'moħħna li s-suċċess tal-mudell Ewropew jinsab fil-kapaċità tiegħu li jgħaqqad flimkien il-prestazzjoni ekonomika u l-ġustizzja soċjali filwaqt li jimmobilizza, waqt it-twettiq ta' dan l-għan, it-totalità tal-atturi ekonomiċi u s-sħab soċjali.

Għaldaqstant, l-isforzi tagħna għandhom ikunu mmirati l-ewwel nett lejn dak li jsaħħaħ l-ekonomija Ewropea: l-20 miljun impriża fl-Ewropa, b'mod partikolari l-impriżi żgħar u medji, immexxija minn dawk li joħolqu, mill-ħaddiema, studenti, nies tas-snajja' u n-negozjanti li huma kollha atturi fis-suq uniku u li għandhom bżonn tal-finanzjamenti sabiex joħolqu affarijiet ġodda, iżidu l-kompetittività tagħhom u joħolqu l-impjiegi.

Sabiex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja, hemm bżonn ukoll li nindirizzaw liċ-ċittadini konsumaturi bħala atturi fis-suq uniku u nippermettulhom li jixtru, jinvestu, jieħdu ħsieb tagħhom infushom u jitħarrġu madwar l-Ewropa kollha. Iċ-ċittadini konsumaturi Ewropej kollha għandhom jingħataw garanzija ta' aċċess għal prodotti sikuri u affidabbli li jkunu konformi man-normi u li jiġu proposti bi prezzijiet kompetittivi. Dan jgħodd kemm għall-prodotti agrikoli u tal-ikel kif ukoll għal dawk immanifatturati. Dan għandu jkun hekk – u jitqies b'dan il-mod - f'għadd ta' oqsma oħra ta' attivitajiet, l-aktar is-servizzi, inkluż is-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali u s-servizzi finanzjarji tal-konsumaturi.

Biex jintlaqgħu dawn l-isfidi, biex terġa' tinkiseb il-fiduċja, biex jerġa' jkun varat mill-ġdid it-tkabbir sostenibbli u ġust fl-istess ħin, l-Ewropa trid tkun kapaċi timpenja ruħha b'qawwa u b'determinazzjoni. Huwa impenn Ewropew kollettiv meħtieġ , huwa approprjazzjoni ta' skopijiet u ta' mezzi mill-partijiet kollha interessati, Ewropej, nazzjonali jew reġjonali, pubbliċi u privati, ekonomiċi u soċjali.

Hija t-tifsira sħiħa ta' dan l-Att li l-Kummissjoni llum qed tissottometti għal dibattitu pubbliku. L-implimentazzjoni tiegħu se tippermetti min-naħa l-waħda li jsir użu mill-ekonomija diġitali, mis-settur tas-servizzi kif ukoll mit-tibdiliet marbuta mal-ambjent u t-tibdil fil-klima li huma sors importanti ta' tkabbir, u min-naħa l-oħra li jkun hemm kunsens favurihom bi tweġiba għat-tħassib identifikat minn Mario Monti[7]. Il-Kummissjoni tixtieq li fl-Ewropa kollha jinfetaħ dibattitu pubbliku kbir għal erba' xhur rigward il-varar mill-ġdid tas-suq uniku. Hekk kif jibda dan id-dibattitu, il-Kummissjoni se tipproponi lill-Istituzzjonijiet l-oħra sabiex jissiġillaw l-impenn tagħhom fil-verżjoni definittiva tal-Att.

L-adozzjoni ta ' dan l-Att dwar is-Suq Uniku se jkun mod dinamiku li permezz tiegħu jitfakkar l-20 Anniversarju tas-Suq Uniku, fl-aħħar tal-2012.

Dan l-Att se jkun adottat mar-"Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza Ewropea: It-tneħħija tal-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej" li se jiffoka fuq l-eliminazzjoni tal-ostakoli li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini Ewropej fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, pereżempju meta dawn jivvjaġġaw, jistudjaw, jiżżewġu, jirtiraw mix-xogħol, jixtru jew jirtu jew ukoll meta jivvutaw fi Stat Membru ieħor.

L-Att dwar is-Suq Uniku u r-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza huma inizjattivi kumplimentari li għandhom l-għan li jegħlbu l-frammentazzjoni persistenti tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' kwistjonijiet li jolqtu direttament liċ-ċittadini kif ukoll jikkonkretizzaw dak l-impenn li tinħoloq Ewropa taċ-ċittadini u Suq Uniku li jaħdem b'mod effikaċi, bħala tweġiba għall-ħtiġijiet u skont dak li jistennew iċ-ċittadini u l-impriżi.

1. TKABBIR QAWWI, SOSTENIBBLI U ġUST GħALL-IMPRIżI

Fl-UE hemm 20 miljun impriża li jipprovdu 175 miljun impjieg kif ukoll prodotti u servizzi lil 500 miljun konsumatur tal-UE kif ukoll lil ħafna oħrajn mad-dinja kollha. Is-suq uniku huwa element ewlieni li jiddetermina l-kompetittività ta' dawn l-impriżi . Ir-rwol tiegħu huwa dak li joffrilhom ambjent tajjeb li jwassalhom biex jiżviluppaw, jixtru, jbigħu u jinvestu liberament fl-Ewropa kollha u lil hinn. L-impriżi żgħar u medji joffru l-akbar potenzjal ta' xogħol; ir-rwol tagħhom fis-suq uniku jistħoqqlu attenzjoni partikolari u azzjonijiet immirati li jwieġbu għall-ħtiġijiet tagħhom.

Il-moviment ħieles tal-prodotti kif ukoll tas-servizzi huma tnejn minn fost il-libertajiet fundamentali mniżżla fit-Trattati. Il-moviment ħieles tal-oġġetti huwa wieħed mill-ewwel suċċessi tas-suq uniku. Imsaħħaħ permezz tal-abolizzjoni tal-fruntieri tas-suq uniku fl-1993, iċ-ċaqliq ħieles żied b'mod konsiderevoli l-għażla tal-prodotti offruti lill-konsumaturi fl-UE, bl-aktar prezzijiet baxxi. Sabiex tinżamm din l-għażla, il-politiki tal-UE għandhom l-għan li jiżguraw illi l-ebda ostaklu ma jtellef il-moviment tal-oġġetti. Bl-istess mod, jippruvaw jiżguraw li l-oġġetti li jiċċirkolaw fis-suq uniku ma jkunux perikolużi meta kkunsmati. Dan l-aħħar għan jirrikjedi attenzjoni partikolari fil-forma ta' sorveljanza mill-qrib tas-swieq u ġlieda kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni.

Il-frammentazzjoni tas-suq uniku spiss tiġi ppreżentata mill-impriżi bħala xkiel għall-kompetittività tagħhom. Id-diversità fir-regolamenti nazzjonali hija fil-fatt piż konsiderevoli għalihom , iddewwem l-investimenti, tillimita l-ekonomiji ta' skala u s-sinerġiji u tintroduċi limiti għad-dħul fis-swieq. Jinħtieġ għaldaqstant li s-swieq ikunu integrati aħjar u li jitneħħew l-ostakli permezz tal-identifikazzjoni preċiża tal-oqsma fejn in-nuqqas ta' koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni qegħdin itellfu l-funzjonament tajjeb tas-suq uniku.

Il-kompetizzjoni dinjija żdiedet. L-ekonomija Ewropea se jkollha tħabbat wiċċha ma' sfidi ġodda filwaqt li tuża opportunitajiet ġodda f'perspettiva ta' żvilupp sostenibbli. Il-vantaġġi tal-ekonomija għandhom ikunu kkonsolidati u għandha tkun tista' topera b'mod ugwali.

Il-politiki industrijali jesiġu suq mibni b'mod aħjar u, qafas xieraq biex jinħolqu u jiġu żviluppati prodotti u servizzi Ewropej. L-Ewropa għandha tkun tista' żżomm il-pożizzjonijiet importanti tagħha fil-kompetizzjoni dinjija. Sabiex jirnexxi t-tisħiħ tal-industriji tagħna kif ukoll titjieb il-provvista Ewropea tal-prodotti b'mod ġenerali fil-katina kollha ta' ħolqien tal-valur, il-bini tas-suq, l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-Aġenda Diġitali u l-kummerċ onlajn flimkien mal-mezzi disponibbli ta' finanzjament huma kundizzjonijiet essenzjali.

Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, l-Unjoni Ewropea ħadet miżuri urġenti biex tistabbilixxi mill-ġdid il-funzjonament u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Madankollu, għandhom jittieħdu miżuri oħrajn sabiex ikun żgurat li s-sistema finanzjarja mhux biss tkun aktar stabbli, iżda taġixxi wkoll favur l-ekonomija reali u tinkoraġġixxi t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija. Bħalissa huma bosta dawk il-miżuri li qed ikunu adottati jew li għadhom qed jiġu diskussi fir-rigward tat-trasparenza fis-swieq, is-sorveljanza, l-istabbiltà finanzjarja, ir-responsabbiltà u l-protezzjoni tal-konsumaturi ta' prodotti finanzjarji u wkoll il-prevenzjoni tal-kriżijiet. L-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tadotta t-totalità tal-proposti ta' riforma dwar dan is-suġġett sal-aħħar tal-2012. Jinħtieġ li jinbena qafas Ewropew għall-iżvilupp tal-investimenti fuq tul ta' żmien u se jinħolqu wkoll mezzi supplimentari sabiex jorjentaw il-fondi privati lejn dawn l-investimenti.

L-għanijiet tal-Istrateġija Unjoni Ewropea 2020 għall-immodernizzar tal-ekonomija Ewropea se jkollhom bżonn investimenti konsiderevoli. L-Unjoni Ewropea tista' minn issa tibda tagħti l-appoġġ tagħha lil dawn il-proġetti billi tipprovdi linji gwida strateġiċi u koerenti lill-investituri li d-deċiżjonijiet tagħhom jibqgħu jinħassu għal bosta snin, u billi jistabbilixxu qafas regolatorju xieraq. Il-baġit tal-Unjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment jistgħu jgħinu sabiex dawn il-proġetti jattiraw finanzjamenti privati.

F'din id-dinja kumplessa u li qed tinbidel, l-Ewropa hija l-livell it-tajjeb għal ħsieb u aġir fil-qafas tal-globalizzazzjoni . Is-swieq huma ta' daqs dinji: jeħtieġ li l-Ewropa tiddefendi l-interessi u l-valuri tagħha b'aktar konvinzjoni u fi spirtu ta' reċiproċità kif ukoll dak ta' benefiċċju reċiproku. Il-politika Ewropea għandha tiżgura li l-konverġenza tar-regoli u tan-normi tibda tapplika wkoll fuq livell internazzjonali. Ukoll, sabiex iwieġeb għall-kompetittività globali, is-suq uniku għandu tassew ikun 'bażi' għall-impriżi Ewropej, li fih dawn l-impriżi jikbru u li minnu jibdew imbagħad jinnegozjaw mad-dinja kollha.

Is-suq uniku għandu jsir realtà li jagħti lil dawk li joħolqu, lill-produtturi u lill-konsumaturi l-iskala kontinentali li jeħtieġu biex jiżguraw l-iżvilupp tal-ekonomija. It-tkabbir sostenibbli biss jagħti garanzija ta' ħolqien ta' impjiegi sostenibbli. Il-moviment ħieles u kompetizzjoni b'saħħitha u miftuħa huma wkoll għodod indispensabbli għat-tkabbir u għall-progress u li jippermettu li l-isfidi demografiċi, ambjentali u soċjali jkunu affrontati.

1.1. Il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-ħolqien

Sabiex il-kompetizzjoni internazzjonali tkun tista' tiġi affrontata aħjar, huwa ferm importanti li l-impriżi tagħna, l-inventuri tagħna, dawk li joħolqu, ikunu jistgħu jiżviluppaw fis-suq uniku f'qafas li jiffavorixxi aktar l-innovazzjoni u l-ħolqien.

Dan il-qafas għandu jagħti aċċess għal protezzjoni effettiva, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija.

Proposta Nru 1 : Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jadottaw il-proposti għal privattiva tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi tagħha u s-sistema unifikata għar-riżoluzzjoni tat-tilwim L-għan huwa li l-ewwel privattivi tal-UE jinħarġu fl-2014.

Il-frammentazzjoni persistenti tas-sistema tal-privattivi tfixkel b'mod sinifikanti l-innovazzjoni u l-aċċess għall-protezzjoni li l-privattivi jagħtu lill-impriżi Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs, iċ-ċentri ta' riċerka u l-inventuri. Sistema bħal din ta' protezzjoni tal-privattivi, li hija kumplessa u li tiswa ħafna flus, twassal għal dewmien fir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa meta mqabbla ma' partijiet oħra tad-dinja bħall-Istati Uniti u l-Ġappun. In-nuqqas ta' protezzjoni uniformi fi ħdan is-suq uniku u l-kostijiet għoljin tal-protezzjoni tal-privattivi jwasslu għal sistema ta' protezzjoni frammentata. L-ispejjeż għoljin ikkawżati minn ħafna tilwim f'bosta Stati Membri, ifixklu l-aċċess għall-ġustizzja. Id-diskrepanzi possibbli bejn is-sentenzi mogħtija fid-diversi Stati Membri jwassal għal nuqqas ta' sigurtà legali, u b'hekk il-kummerċ transkonfinali jsir aktar diffiċli u wieħed li jqum ħafna flus. L-introduzzjoni tal-privattiva tal-Unjoni Ewropea u ta' sistema legali unifikata għall-privattivi hija ta' importanza kbira biex il-kompetittività Ewropea tkun stimulata u biex jiġu mħeġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa; din tkun tista' tippermetti li jitnaqqsu l-kostijiet u titnaqqas ukoll il-kumplessità tas-sistema, sabiex ikunu jistgħu jinkisbu u jiġu infurzati d-drittijiet rilevanti fl-Ewropa kollha.

Proposta Nru 2 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tipproponi Direttiva qafas dwar il-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur, bl-għan li jinfetaħ l-aċċess għal dak li hemm onlajn billi jittejbu l-kontroll, it-trasparenza u l-ġestjoni elettronika tad-drittijiet tal-awtur. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll Direttiva dwar ix-xogħlijiet orfni.

In-nuqqas ta' qafas Ewropew għal ġestjoni effikaċi tad-drittijiet tal-awtur fi ħdan l-Unjoni jikkomplika b'mod sinifikanti l-proċess ta' tqegħid onlajn tat-tagħrif u tal-prodotti kulturali. Il-ħolqien ta' suq uniku diġitali Ewropew jesiġi użu effikaċi tal-potenzjal tad-distribuzzjoni onlajn, filwaqt li jsaħħaħ id-disponibbiltà tal-kontenut kreattiv, u fl-istess ħin jiżgura li d-detenturi tad-dritt jieħdu kumpens u protezzjoni xierqa għal xogħolhom. Il-Kummissjoni hija konxja mill-fatt li sistemi nazzjonali differenti ta' tariffi għal kopja privata jaffettwaw is-servizzi ta' bejgħ transkonfinali u l-appoġġ tax-xandir. Il-Kummissjoni se tikkunsidra d-djalogu bejn il-partijiet interessati differenti sabiex tidentifika l-elementi li jwasslu għal soluzzjoni solida.

Huwa wkoll importanti li jkun hemm suq verament uniku aċċessibbli għal dawk l-Ewropej li huma l-aktar imdorrija li jqattgħu ħinhom onlajn u li jixtru minn hemmhekk. Il-ġenerazzjonijiet li trabbew bl-Internet ma jaċċettawx li l-benefiċċji ta' suq uniku jkunu biss għal oġġetti fiżiċi. Hemm bżonn għaldaqstant li l-libertajiet ta' suq uniku jkunu wkoll estiżi għas-servizzi onlajn filwaqt li jkun hemm garanzija ta' protezzjoni għolja għall-ħolqien u l-proprjetà intellettwali.

Proposta Nru 3 : Fl-2010, il-Kummissjoni se tipproponi pjan ta' azzjoni kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, li jinkludi kemm miżuri leġiżlattivi kif ukoll dawk mhux leġiżlattivi. Barra minn hekk, fl-2011 se tagħmel proposti leġiżlattivi b'mod partikolari biex tadatta qafas leġiżlattiv għall-bżonnijiet li jinħolqu bl-iżvilupp tal-internet kif ukoll biex issaħħaħ l-azzjoni doganali f'dan il-qafas u biex terġa' teżamina l-istrateġija tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali fl-Istati terzi.

Il-falsifikazzjoni u l-piraterija jiswew lill-ekonomija Ewropea biljuni ta' euro u eluf ta' impjiegi kull sena. L-OECD stmat li l-kummerċ tal-prodotti ffalsifikati fl-2007 tela' għal total ta' EUR 188 biljun fl-2007[8]. Studju tal-Ewrobarometru ppubblikat f'Ġunju 2009 żvela li bejn kwart u terz taċ-ċittadini Ewropej iqisu li għal bosta raġunijiet differenti x-xiri ta' prodotti ffalsifikati huwa ġustifikabbli[9]. Minkejja ċerta titjib li sar, in-nuqqas ta' miżuri ta' infurzar tal-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali li jkunu b'saħħithom u kkoordinati biżżejjed fixklu l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija.

1.2. Il-promozzjoni ta' mogħdijiet ġodda li jwasslu għal tkabbir sostenibbli

Sfidi prinċipali tas-soċjetà bħal eżempju dawk dwar it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jew it-tibdil demografiku jirrappreżentaw opportunitajiet sinifikanti ta' tkabbir għall-impriżi Ewropej bħala riżultat tad-domanda tal-futur, fuq livell dinji, tat-teknoloġiji u tas-soluzzjonijiet sabiex ikunu affrontati dawn l-isfidi. L-Att dwar is-Suq Uniku għandu jkun użat bħala għodda sabiex jinħatfu dawn l-opportunitajiet. B'dan il-mod jidhru li huma promettenti ħafna dawk l-inizjattivi li jippermettu l-ħolqien ta' sistema aktar effettiva ta' standards, approċċ aktar konsistenti fir-rigward tat-tassazzjoni tal-enerġija fis-suq, it-tkomplija tal-iżvilupp tas-suq uniku tas-servizzi jew tad-difiża, jew l-iżvilupp tal-offerta ta' prodotti ta' kwalità ekoloġika għolja. L-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet tista' tkun parti minn inizjattiva akbar dwar il-politika industrijali, inizjattiva ewlenija tal-aġenda EU 2020, inizjattiva li dalwaqt se tittieħed mill-Kummissjoni. Il-proċess ta' "evalwazzjoni reċiproka" tad-Direttiva dwar is-Servizzi se jitkompla wkoll bl-għan li dan il-qasam, li huwa kruċjali għall-ekonomija Ewropea, jiżviluppa dejjem aktar. Barra minn dan, ir-Rapport dwar is-settur tas-servizzi ta' distribuzzjoni żvela sejbiet importanti ġodda dwar il-funzjonament tas-suq tas-servizzi[10]. Barra minn dan, hekk kif enfasizzat "l-Aġenda Diġitali" tal-Kummissjoni, jinħtieġ li l-potenzjal għal tkabbir u l-offerta kbira ta' prodotti u servizzi li s-suq diġitali jista' joffri jkunu użati b'mod sħiħ . Fl-aħħar nett, dak li huwa minnu għad-Direttiva dwar is-Servizzi bħala strument legali ġenerali, huwa wkoll hekk fis-setturi speċifiċi bħas-servizzi ta' trasport, li huma s-"sistema nervuża" veritabbli fis-suq uniku.

Proposta Nru 4 : Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw sabiex ikomplu jiżviluppaw is-suq intern tas-servizzi abbażi tal-proċess ta' "evalwazzjoni reċiproka" tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li bħalissa hija implimentata mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Fl-2011, il-Kummissjoni se tistabbilixxi miżuri speċifiċi biex jintlaħaq dan, inkluż fis-settur tas-servizzi lin-negozji.

L-ekonomija tas-servizzi hija qasam kruċjali sabiex l-ekonomija tal-Ewropa tkun tista' tirkupra. Din tirrappreżenta aktar minn 70 % tal-impjiegi kollha u tal-ħolqien kollu tal-impjiegi fis-suq uniku. Suq uniku tas-servizzi li jiffunzjona tajjeb se jgħin liċ-ċittadini u lill-impriżi, b'mod partikolari lill-SMEs, sabiex jibbenefikaw mill-vantaġġi tiegħu, billi jagħtihom servizzi tal-ogħla kwalità bi prezzijiet u fi swieq aktar kompetittivi. Id-Direttiva dwar is-Servizzi kienet pass importanti lejn il-ħolqien ta' suq tassew uniku għas-servizzi. Skont studju riċenti, il-profitti minn din id-Direttiva, fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jilħqu EUR 60 u 140 biljun, u dan jirrappreżenta potenzjal ta' tkabbir bejn 0.6 sa 1.5 % tal-PDG, skont stimi konservattivi[11].

Ir-riżultati ta' dan il-proċess ta' evalwazzjoni reċiproku jipprovdu għall-ewwel darba radjografija tal-funzjonament ta' parti sostanzjali mis-suq intern tas-servizzi (id-Direttiva li tkopri l-attivitajiet li jirrappreżentaw 40 % tal-PDG u tal-impjiegi Ewropej). Dan l-eżerċizzju kbir wera l-bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeżaminaw flimkien u aktar mill-qrib kif fil-fatt jiffunzjona l-qafas regolatorju applikabbli għal ċerti setturi ta' tkabbir. Hemm bżonn jaħdmu flimkien sabiex joħolqu "test tal-prestazzjoni fis-suq intern" biex jiżguraw li dan jagħti dak kollu li jista' fil-qasam tat-tkabbir, tax-xogħol u tal-innovazzjoni. L-għodod ta' trasparenza u djalogu mal-Istati Membri stabbiliti fid-Direttiva dwar is-Servizzi għandhom ukoll jintużaw f'dan is-sens. Jenħtieġ ukoll li jiġi evalwat il-bżonn ta' inizjattiva speċjali sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aktar effiċjenti, u aktar prattika, tad-drittijiet ta' dawk li jagħtu u jirċievu s-servizzi fis-suq uniku. Eżempju ieħor ta' qasam li għandu jkun eżaminat huwa l-qasam tas-servizzi lill-impriżi li huwa element prinċipali ta' kompetittività tal-industrija Ewropea.

Proposta Nru 5 : Minn issa sal-2011 il-Kummissjoni se tieħu inizjattivi bl-għan li jiġi żviluppat kummerċ elettroniku fis-suq intern. Dawn se jikkonċentraw b'mod partikolari fuq il-problemi li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi fl-ekonomija diġitali. Se jinkludu Komunikazzjoni dwar il-funzjonament tal-kummerċ elettroniku u, ukoll, linji gwida lill-Istati Membri li jagħtu garanzija ta' applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi li għandha l-għan li tiġġieled kontra d-diskriminazzjonijiet fir-rigward ta' dawk li jirċievu s-servizzi minħabba n-nazzjonalità tagħhom jew ir-residenza tagħhom.

Sabiex jinbena suq intern li jagħmel użu mill-potenzjal kollu tiegħu ta' tkabbir u fl-istess ħin iwieġeb għall-aspettattivi taċ-ċittadini, huwa ferm importanti li tkun affrontata l-problema tan-nuqqas ta' żvilupp tal-kummerċ elettroniku. Fil-fatt, illum il-kummerċ elettroniku jirrappreżenta biss bejn 2 u 4 % tal-kummerċ, dak transkonfinali huwa biss parti żgħira minn dan. Is-suq uniku diġitali huwa wieħed mis-setturi li fih il-fiduċja – kif ukoll l-akkwisti – min-naħa tal-konsumaturi jibqgħu l-aktar dgħajfa. Spiss il-konsumaturi li jippruvaw jixtru prodotti jew servizzi offruti onlajn minn operaturi ekonomiċi fi Stati Membri oħra ma jkunux jistgħu jagħmlu dan jew ikunu vittmi ta' diskriminazzjonijiet ibbażati fuq in-nazzjonalità jew il-post ta' residenza. Din is-sitwazzjoni mhijiex biss sintomu ta' funzjonament ħażin tas-suq. Iżjed importanti minn dan, hija l-kawża ta' frustrazzjoni u ta' nuqqas ta' fiduċja min-naħa taċ-ċittadini fl-opportunitajiet offruti permezz tas-Suq Uniku. Id-Direttiva dwar is-Servizzi timpedixxi li l-bejjiegħa għall-konsumaturi jitrattawhom b'mod differenti minħabba n-nazzjonalità tagħhom jew il-post fejn joqgħodu, inkluż meta jixtru onlajn, sakemm dawn it-trattamenti ma jkunux "iġġustifikati b'mod oġġettiv", pereżempju minħabba kostijiet differenti tat-trasport. Linji gwida ġodda sabiex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali biex japplikaw din il-klawżola mhux diskriminatorja fid-Direttiva dwar is-Servizzi (l-Artikolu 20) se jkunu adottati fit-tieni semestru tal-2011 u se jindikaw fid-dettall il-mod li bih dawn ir-raġunijiet oġġettivi jistgħu jkunu invokati. Iżda l-kwistjoni dwar l-ugwaljanza tal-aċċess tal-konsumaturi Ewropej għall-kummerċ elettroniku minn Stat Membru ieħor ma għandhiex tkun ħlief parti minn politika usa' tal-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku sabiex titjieb l-aċċessibbiltà tal-kummerċ għaċ-ċittadin b'mod ġenerali. Fl-ewwel semestru tal-2011 il-Kummissjoni se tadotta Komunikazzjoni bl-għan li tistudja l-ostakoli għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, li tipproponi mogħdijiet ġodda ta' azzjonijiet u tevalwa d-Direttiva dwar il-Kummerċ elettroniku. Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tipprovdi lista ddettaljata u li tinftiehem tad-drittijiet tal-utenti tas-servizzi onlajn, permezz tal-pubblikazzjoni sal-2012, tal-kodiċi tad-drittijiet onlajn fl-UE[12].

Proposta Nru 6 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tipproponi emenda tal-qafas regolatorju tal-istandardizzazzjoni, sabiex tagħmel il-proċeduri ta' standardizzazzjoni aktar effikaċi, effiċjenti u inklussivi u biex testendi l-ambitu ta' dawn il-proċeduri għas-servizzi wkoll.

L-introduzzjoni ta' normi Ewropej għall-prodotti kienet għodda ewlenija sabiex ikun hemm garanzija ta' prodotti u servizzi ta' kwalità tajba għaċ-ċittadini, mingħajr periklu għas-saħħa, u biex tippermetti lill-impriżi li jużaw b'mod aktar faċli normi innovattivi u rikonoxxuti internazzjonalment. Iżda għadhom jeżistu wkoll marġni ta' żvilupp fil-qafas attwali ta' standardizzazzjoni f'konsultazzjoni mal-korpi nazzjonali ta' standardizzazzjoni, sabiex jippermettu li n-normi jkunu stabbiliti aktar malajr skont l-iżviluppi teknoloġiċi u filwaqt li jippermettu wkoll lill-persuni kollha interessati (impriżi, konsumaturi, persuni pubbliċi) li jipparteċipaw b'mod sħiħ fit-tfassil tan-normi. Qafas aktar ċar jista' wkoll ikun neċessarju għall-istandardizzazzjoni fil-qasam tas-servizzi, b'mod li jippermetti approċċ konsistenti f'dan ir-rigward fis-suq uniku.

Proposta Nru 7 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta White Paper dwar il-politika tat-trasport, li se tipproponi serje ta' azzjonijiet immirati b'mod partikolari biex ineħħu l-ostakoli li għad hemm identifikati bejn il-mezzi u s-sistemi nazzjonali tat-trasport.

It-trasport huwa s-sistema nervuża ta' kull ekonomija. Dan deher biċ-ċar permezz tal-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull f'April li għadda, bl-effett li dan ħalla fuq l-ekonomija minħabba l-problemi tat-trasport. Wieħed mill-pilastri l-aktar importanti tal-ekonomija moderna huwa fil-fatt il-kapaċità tas-sistema tat-trasport tagħha li twassal l-oġġetti u l-persuni fejn jixtiequ jew fejn għandhom bżonn imorru fil-ħin li jixtiequ kemm jista' jkun mingħajr intoppi. B'hekk, illum aktar minn qatt qabel, is-servizzi tat-trasport, minħabba l-importanza strateġika tagħhom fir-rikonċiljazzjoni tal-provvista u tad-domanda, għandhom rwol essenzjali fit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi. Bl-istess mod, billi jtejbu l-aċċess għal ċerta zoni filwaqt li jressqu lin-nies eqreb ta' xulxin, huma ingredjent ewlieni għal kwalità ta' ħajja aħjar. It-twettiq ta' sistema unika ta' trasport fl-Ewropa, interkonnessa u effiċjenti huwa għalhekk importanti ħafna biex tkun żgurata mobbiltà bla xkiel ta' oġġetti, persuni u servizzi, libertajiet li huma essenzjali u fundamentali għas-suq intern. Sal-lum, it-twettiq ta' sistema ta' trasport unika ddewmet minħabba serje ta' ostakoli tekniċi, amministrattivi u regolatorji li jfixklu, b'mod partikolari, il-kompetittività tas-suq intern, tat-trasport komodali u t-tkabbir ekonomiku Ewropew b'mod ġenerali.

Proposta Nru 8 : Fl-2011 il-Kummissjoni se tadotta proposta bl-għan li tirrevedi d-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija, sabiex tirrefletti aħjar l-għanijiet klimatiċi u tal-enerġija tal-UE fil-kuntest fiskali billi tibbaża r-rati minimi ta' taxxa fuq l-emissjonijiet tas-CO2 u l-kontenut tal-enerġija.

Id-Direttiva 2003/96/KE tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2003 tistabbilixxi qafas Ewropew ta' tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku u din għandha wkoll l-għan, b'mod partikolari, li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u b'hekk tevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-konsumaturi tal-enerġija. Madankollu, din ma tirriflettix biżżejjed l-għanijiet tal-UE fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-użu aktar effiċjenti tal-enerġija. Għaldaqstant hi ma tippermettix lill-Istati Membri jużaw għodda fiskali bl-aħjar mod possibbli. B'mod partikolari, din il-proposta se jkollha l-għan, li fid-Direttiva tiżgura trattament konsistenti tas-sorsi ta' enerġija u għalhekk trattament tassew ugwali bejn il-konsumaturi tal-enerġija, b'mod indipendenti mis-sors ta' enerġija użat. B'dan il-mod, tiżgura wkoll artikulazzjoni xierqa bejn, min-naħa l-waħda, it-tassazzjoni tal-enerġija u, min-naħa l-oħra, skema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra billi tevita li ż-żewġ sistemi jikkoinċidu f'xi partijiet.

Proposta Nru 9 : Il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva bl-għan li tistabbilixxi Grupp ta' Livell Għoli dwar is-servizzi lill-impriżi sabiex tistudja n-nuqqasijiet preżenti fis-suq, u l-kwistjonijiet ta' standardizzazzjoni, ta' innovazzjoni u kummerċ industrijali fis-setturi bħal-loġistika, il-ġestjoni tal-installazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-pubbliċità[13].

Il-ħolqien ta' suq uniku għas-servizzi lill-impriżi jibqa' jkun ta' sfida minkejja d-Direttiva dwar is-Servizzi. Ir-rapport "Lejn suq intern tal-konsumaturi u d-distribuzzjoni aktar effikaċi u ġust sal-2020 [Lejn suq intern aktar effikaċi u ġust tal-kummerċ u d-distribuzzjoni sal-2020] "[14] jagħti eżempji ta' dan. F'dan il-kuntest, il-koeżistenza ta' għadd ta' regoli nazzjonali differenti li għandhom l-għan li jirregolaw dan is-settur, l-aktar meta mqabbel ma' prattiki żleali, jistgħu jfixklu l-funzjonament tajjeb tas-suq tal-kummerċ u d-distribuzzjoni. Inizjattiva li għandha l-għan li tkopri r-relazzjonijiet bejn il-professjonisti ('business to business') se tippermetti l-protezzjoni tal-operaturi differenti fil-katina ta' provvediment filwaqt li tippermetti li b'mod progressiv jemerġi suq uniku aktar effikaċi u ġust tal-kummerċ u d-distribuzzjoni billi tirrispetta l-aspettattivi tal-konsumaturi u l-produtturi fir-rigward tal-prezzijiet kompetittivi. Il-ħidma tal-Kummissjoni fuq il-kompetittività tal-industrija agroalimentari wriet il-ħtieġa ta' azzjoni fir-rigward ta' dan.

Proposta Nru 10 : Qabel l-2012 il-Kummissjoni se teżamina l-opportunità ta' inizjattiva dwar l-impronta ekoloġika tal-prodotti, bl-għan li twieġeb għall-problema tal-impatt ambjentali tal-prodotti, inkluż l-emissjonijiet tas-CO2. L-inizjattiva se teżamina l-mezzi li bihom għandha tiġi stabbilita metodoloġija komuni Ewropea għall-evalwazzjoni u l-indikazzjoni tagħhom.

Xi setturi industrijali u Stati Membri żviluppaw normi tagħhom sabiex ikejlu l-impatt ambjentali. Dan irriżulta f'serje ta' normi diverġenti u inkompatibbli fl-UE, li jirriskjaw li joħolqu xkiel lill-moviment ħieles tal-oġġetti u s-servizzi fis-suq uniku filwaqt li jimponu ħafna esiġenzi lill-impriżi, bi spejjeż kbar.

Proposta Nru 11 : Il-Kummissjoni, fil-bidu tal-2011, se tippreżenta Pjan ta' Effiċjenza Enerġetika sabiex jintuża l-potenzjal għal ekonomija sinifikanti ta' enerġija filwaqt li tkun ikkompletata l-politika eżistenti fis-setturi kollha ta' konsum ta' enerġija.

Huwa possibbli li ssir reviżjoni tal-qafas tal-ekodisinn għall-industrija sabiex ikun hemm garanzija li l-esiġenzi tas-suq uniku tal-prodotti jkunu applikabbli għall-Unjoni Ewropea kollha. Jinħtieġ ukoll li jiġu żviluppati modi ta' kif jiġu indirizzati aħjar kif ukoll modi biex jintużaw aħjar il-fondi pubbliċi u l-proċeduri tas-suq, li jistimulaw l-iżvilupp fis-swieq tal-effiċjenza enerġetika fl-UE, b'mod partikolari fir-rigward tar-rinovazzjonijiet fil-bini u l-mobbiltà urbana sostenibbli. Il-pjan se jiffoka wkoll fuq il-ħtieġa li jkun hemm qafas komuni Ewropew li jistabbilixxi rwol attiv għall-fornituri tal-enerġija fir-rigward ta' ffrankar tal-enerġija għall-klijenti tagħhom u jsostni l-iżvilupp tas-swieq Ewropej fis-servizzi tal-enerġija. Jista' wkoll jipproponi l-infurzar ta' politiki Ewropej għal soluzzjonijiet sostenibbli ta' provvediment ta' enerġija (koġenerazzjoni, tisħin u tkessiħ).

1.3. Għall-impriżi żgħar u medji

L-SMEs mhumiex biss sors ta' innovazzjoni u ta' ħolqien ta' impjiegi, iżda huma wkoll l-impriżi l-kbar tal-futur. Din hija r-raġuni għaliex is-suq uniku għandu jkun attent għal kollox u b'mod partikolari li jistabbilixxi ambjent legali favorevoli għall-ħolqien u għall-iżvilupp tal-SMEs. F'dan il-qafas, il-kwistjoni dwar l-aċċess għall-finanzjament hija kruċjali.

Proposta Nru 12 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta pjan ta' azzjoni li jtejjeb l-aċċess tal-SMEs għas-swieq kapitali. Dan se jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-viżibbiltà tal-SMEs fir-rigward tal-investituri, sabiex ikun żviluppat netwerk effiċjenti tal-Borża jew swieq regolamentati speċifikament għall-SMEs, u li jagħmlu l-obbligi tal-elenkar u tal-pubbliċità aktar xierqa għall-SMEs.

Waħda mill-problemi prinċipali li jridu jħabbtu wiċċhom magħha l-SMEs biex jiżguraw l-iżvilupp tagħhom hija d-diffikultà tal-aċċess għall-kapital. Huwa, ħafna drabi, fattur deċiżiv li jxekkel it-tnedija ta' prodotti ġodda, l-investiment f'għodod ġodda ta' produzzjoni kif ukoll l-impjegar. Madankollu, il-kapital tal-ekwità huwa spiss ikkonċentrat fuq swieq kbar ħafna, b'detriment għall-impriżi li huma iżgħar u li qed ifittxu li jżidu l-fondi tagħhom. Ir-raġunijiet huma bosta: spiss l-SMEs mhumiex viżibbli biżżejjed għall-investituri potenzjali, jew jistgħu jsibu li l-esiġenzi biex jiġu elenkati fis-swieq kapitali huma wisq ikkumplikati. It-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament huwa prijorità politika ewlenija. Li s-settur tal-SMEs isir aktar dinamiku fis-swieq finanzjarji huwa parti importanti minn dan. Din l-inizjattiva se tiġi żviluppata b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Forum dwar il-finanzjament tal-SMEs.

Proposta Nru 13 : Minn issa sal-2010, il-Kummissjoni se tevalwa l-inizjattiva marbuta mal-SMEs ("Small Business Act"), sabiex tiżgura, fost l-oħrajn, l-applikazzjoni tal-prinċipju "Think Small First" fil-politika u fil-proċedura leġiżlattiva, sabiex tqarreb ħafna l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act) lejn l-Istrateġija Ewropa 2020.

L-Att Ewropew dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act) huwa l-istrument prinċipali użat għall-promozzjoni tal-kompetittività u l-intraprendenza fis-suq uniku u lil hinn minnu. L-eżami mill-ġdid tiegħu se jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tiegħu (b'mod partikolari l-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir" ("think small first")) u jagħmlu konformi mal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jipproponi azzjonijiet ġodda fl-oqsma bħall-internalizzazzjoni tal-SMEs.

Proposta Nru 14 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tad-Direttivi dwar in-Normi tal-Kontabbiltà sabiex tissimplifika l-obbligi ta' informazzjoni finanzjarja u biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari dawk li hemm fuq l-SMEs.

Ir-regoli attwali dwar il-kontabbiltà huma skaduti u jinkludu esiġenzi li huma ta' piż amministrattiv inutli, b'mod partikolari għall-SMEs u l-mikronegozji.

1.4. Il-finanzjament tal-innovazzjoni u l-investimenti fit-tul

L-aċċess għall-finanzjament huwa essenzjali għall-innovazzjoni u għat-tkabbir sostenibbli. Għandu wkoll ikun possibbli li l-impriżi jkunu jistgħu jiżviluppaw strateġiji għal tul ta' żmien. Fl-aħħar nett, għandu jkun possibbli li jiġi mmobilizzat it-tfaddil privat – f'dak il-każ f'kooperazzjoni mal-investiment pubbliku – dwar l-investimenti kbar f'ċerti infrastrutturi li huma importanti ħafna għall-Istrateġija Ewropa 2020. Is-swieq finanzjarji għandhom rwol essenzjali f'dan ir-rigward u l-ambjent regolatorju ma għandux ikollu impatt negattiv notevoli fuq l-investiment fit-tul. L-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2010 dwar ir-regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir ekonomiku [sostenibbli][15] għandu jsaħħaħ ir-rwoli ta' dawn is-swieq għas-servizz tal-ekonomija reali. Madankollu għandhom jinstabu metodi ġodda biex jiġu żviluppati modi alternattivi ta' governanza korporattiva, inċentivi innovattivi għal ċerti tipi ta' investimenti jew ukoll metodi effiċjenti ta' kooperazzjoni bejn il-pubbliku u l-privat li jgħinu sabiex jikber 'l-orizzont' tal-politiki ta' investiment.

Proposta Nru 15 : Il-Kummissjoni se tiffavorixxi l-ħolqien ta' self obbligatorju għall-finanzjament tal-proġetti Ewropej ("project bonds").

Mezz importanti sabiex ikun immobilizzat l-investiment privat favur l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa dak li jimtela l-vojt fil-finanzjamenti privati billi jintuża l-baġit tal-Unjoni Ewropea aktar milli qed isir bħalissa. Ir-reviżjoni tal-baġit ipproponiet il-mezzi li permezz tagħhom jista' jiżdied l-impatt ta' dan. Permezz ta' strumenti finanzjarji innovattivi, il-fondi Ewropej se jintużaw bi sħubija mas-setturi bankarji u privati, b'mod partikolari permezz tal-Bank Ewropew ta' Investiment (BEI). Dawn se jsiru standard għall-proġetti li għandhom potenzjal kummerċjali fuq tul ta' żmien. Inizjattiva importanti hija l-proġett tal-"project bonds", li se jinħarġu mis-settur privat u li għalihom se jintuża l-baġit Ewropew sabiex tiġi msaħħa l-klassifikazzjoni tagħhom u b'hekk il-BEI jattira aktar finanzjamenti mill-istituzzjonijiet l-oħra finanzjarji u mill-investituri privati fis-swieq tal-kapitali, bħal fondi ta' pensjoni u tal-assigurazzjonijiet

Proposta Nru 16 : Il-Kummissjoni se tesplora miżuri li jistgħu jħeġġu l-investimenti privati – l-aktar dawk fit-tul –sabiex dan jikkontribwixxi aħjar għat-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Dawn il-miżuri jistgħu jikkonċernaw ir-riforma tal-governanza korporattiva, joħolqu inċentivi għall-investiment fit-tul, sostenibbli u etiku li jesiġi tkabbir intelliġenti, ekoloġiku u inklussiv. Minbarra dan, minn issa sal-2012, il-Kummissjoni se tiżgura li l-fondi ta' kapital tar-riskju stabbiliti f'kull Stat Membru jkunu jistgħu jiffunzjonaw u jinvestu liberament fl-Unjoni Ewropea (f'dak il-każ permezz tal-adozzjoni ta' qafas leġiżlattiv ġdid). Se tiżgura wkoll li kull trattament fiskali li jqiegħed fi żvantaġġ l-attivitajiet transkonfinali jiġi eliminat.

Għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet għal mobilizzazzjoni aktar attiva tat-tfaddil privat bħala appoġġ għall-investiment u b'mod partikolari l-investimenti li, permezz tal-kriterji li jissodisfaw, jikkontribwixxu għal twettiq aktar effiċjenti tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. In-nuqqas ta' aċċess għal finanzjament huwa waħda mir-raġunijiet li tiġi kkwotata regolarment mill-impriżi bħala dik li tirrappreżenta ostaklu għat-tkabbir tagħhom u għall-ħolqien ta' impjiegi. Huwa partikolarment meħtieġ li mhux biss jitjieb l-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs, iżda wkoll li jinħolqu mekkaniżmi ta' inizjattiva li jħeġġu l-forom kollha ta' investiment sostenibbli jew li jappoġġaw strateġija fit-tul. Finanzjament xieraq tal-infrastrutturi Ewropej li jikkundizzjonaw is-suċċess tal-istrateġija Ewropa 2020 huwa wkoll importanti ħafna. Minħabba dan, il-Kummissjoni se tesplora b'liema mod ir-riforma tal-governanza tal-impriżi, l-iżvilupp tat-tikketti ta' investiment jew tal-metodi ta' evalwazzjoni indipendenti tal-investimenti jistgħu jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet.

Il-fondi ta' kapital tar-riskju huma sorsi ta' finanzjament essenzjali b'mod partikolari għal dawk il-kumpaniji li għadhom jibdew. Madankollu, l-aċċess għall-fondi ta' kapital tar-riskju fl-Unjoni Ewropea huwa kkumplikat minħabba swieq ta' fondi ta' kapital ta' riskju li huma frammentati u li ma jiffunzjonawx. Ambjent regolatorju li jippermetti li l-fondi ta' kapital ta' riskju joperaw fl-Unjoni Ewropea kollha huwa neċessarju, kif ukoll koordinazzjoni tar-regoli fiskali sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' tassazzjoni doppja.

Proposta Nru 17 : Wara l-evalwazzjoni u l-konsultazzjoni li qed isiru bħalissa fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Ewropea tas-swieq pubbliċi, il-Kummissjoni sa, mhux aktar tard mill-2012, se tagħmel proposti leġiżlattivi li għandhom l-għan li jissimplifikaw u jimmodernizzaw ir-regoli Ewropej sabiex jagħmlu l-għoti tal-kuntratti wieħed aktar sempliċi, u sabiex jippermettu użu aħjar tas-swieq pubbliċi b'appoġġ għall-politiki l-oħrajn.

L-oġġetti u s-servizzi akkwistati mill-awtoritajiet pubbliċi jammontaw għal madwar 17 % tal-PDG tal-UE. Il-liġi Ewropea tas-swieq pubbliċi għandha l-għan li toħloq suq trans-Ewropew miftuħ u kompetittiv għas-swieq pubbliċi kbar, li b'hekk jiffranka lil dawk li jħallsu t-taxxi diversi biljuni ta' Euro fis-sena. Fl-istess ħin, id-domanda pubblika tista' tkun punt ta' referenza importanti, pereżempju għall-inovazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent jew l-impjiegi. L-interazzjoni kumplessa bejn ir-regoli Ewropej u nazzjonali spiss jagħmlu l-proċeduri amministrattivi piżijiet kbar wisq fuq l-akkwist pubbliku. Il-parteċipazzjoni tal-impriżi ta' Stati Membri oħra fis-sejħa għall-offerti tibqa' fuq livell baxx ħafna[16].

Proposta Nru 18 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta inizjattiva leġiżlattiva dwar il-konċessjonijiet tas-servizzi. Regoli ċari u proporzjonati se jippermettu t-titjib tal-aċċess għas-suq tal-impriżi Ewropej, filwaqt li jagħti garanzija ta' trasparenza, ugwaljanza fit-trattament u regoli identiċi għall-operaturi ekonomiċi. Se jħeġġu wkoll sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat u se jiżviluppaw il-potenzjal ta' rapport aħjar kwalità-prezz għall-utenti tas-servizzi u għall-awtoritajiet kontraenti.

Il-konċessjonijiet tas-servizzi jirrappreżentaw 60 % tal-kuntratti tas-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat (li jikkorrispondu għal valur ta' EUR 118,8 biljun fl-2006). It-titjib tal-kundizzjonijiet kompetittivi għall-għoti tal-konċessjonijiet tas-servizzi u t-tnaqqis tal-inċertezza legali jiffavorixxu l-funzjonament effikaċi tal-infrastrutturi. Is-sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u b'mod partikolari l-konċessjonijiet ta' servizzi jippermettu l-mobilizzazzjoni tal-investimenti fit-tul fis-setturi bħall-enerġija, il-ġestjoni tal-iskart u l-infrastrutturi tat-trasport. Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni li għandha l-għan li toħloq qafas Ewropew favorevoli għal din it-tip ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat, mingħajr ma żżid piż eċċessiv fuq l-awtoritajiet lokali.

1.5. Il-ħolqien ta' ambjent legali u fiskali li jiffavorixxi l-impriżi

Sabiex l-impriżi tagħna jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet kollha offruti mis-suq uniku, inkluż il-libertà tal-istabbilment, ir-regoli li fuqhom dan ikun ibbażat għandhom ikunu sempliċi, adattati u li jwieġbu għall-problemi li l-impriżi jiltaqgħu magħhom kuljum. Il-miżuri proposti f'din it-taqsima għandhom l-għan, fost l-oħrajn, li jnaqqsu l-piż amministrattiv u regolatorju, b'impatti pożittivi fuq it-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi[17]. F'dan il-qafas, se jittieħdu inizjattivi konkreti ħafna sabiex tkun żgurata l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-kumpaniji u r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni elettronika kif ukoll tal-awtentikazzjoni elettronika fl-Unjoni Ewropea. Il-kwistjonijiet fiskali huma wkoll essenzjali. Inizjattivi fir-rigward tal-bażi tat-taxxa korporattiva jew tal-VAT għandhom l-għan li jillimitaw il-piż amministrattiv impost fuq l-impriżi u li jiffavorixxu l-attivitajiet transkonfinali tagħhom. L-oqsma tad-difiża u s-sigurtà jistħoqqilhom attenzjoni minħabba li jħeġġu żvilupp u tkabbir fl-ekonomija ġenerali grazzi għat-teknoloġija avvanzata tagħhom, l-innovazzjoni, u l-ħila tagħhom.

Proposta Nru 19 : Il-Kummissjoni se tieħu inizjattivi biex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali, l-aktar permezz ta' proposta ta' direttiva li għandha l-għan li tistabbilixxi l-bażi komuni u kkonsolidata tat-taxxa korporattiva (CCCTB) fl-2011.

Id-diverġenzi attwali kbar bejn is-27 sistema nazzjonali ta' taxxi fuq is-soċjetajiet fl-UE joħolqu ostakoli fiskali serji li jiskoraġġixxu jew aħjar jimpedixxu l-attività transkonfinali tal-impriżi. Frammentazzjoni tali toħloq distorsjonijiet serji fis-suq u wkoll kostijiet minħabba raġunijiet ta' konformità. Dan iħalli effett b'mod partikolari fuq l-SMEs, li spiss ma jkollhomx ir-riżorsi meħtieġa biex jegħlbu dawn il-problemi u jistgħu jbegħduhom minn kull żvilupp fis-suq uniku. L-introduzzjoni ta' bażi komuni u kkonsolidata tat-taxxa fuq is-soċjetajiet għandha l-għan li titratta dawk id-dispożizzjonijiet fiskali li jillimitaw it-tkabbir. Il-gruppi jkollhom japplikaw biss grupp wieħed ta' regoli u jinnegozjaw ma' amministrazzjoni fiskali waħda biss fl-UE kollha (punt ta' waqfa waħda). B'hekk, id-dħul ikun ikkonsolidat fil-livell tal-grupp u t-telf jitnaqqas mill-profitti mingħajr limiti konfinali. Minbarra dan, l-impriżi ma jkunux sottomessi għall-ħtieġa li jirrispettaw ir-regoli dwar it-trasferiment tal-prezzijiet fit-tranżazzjonijiet fost l-impriżi ta' grupp (jiġifieri l-aġġustament tal-prezzijiet għal kull tranżazzjoni bejn is-soċjetajiet tal-istess grupp). Il-każijiet ta' tassazzjoni doppja jew ta' eżenzjoni fiskali doppja minħabba diverġenza jew nuqqas ta' kompatibilità bejn il-leġiżlazzjonijiet fiskali nazzjonali jkunu eliminati fir-relazzjonijiet fost l-impriżi ta' grupp. Azzjoni mhux koordinata fuq livell nazzjonali se ttenni s-sitwazzjoni attwali, hekk kif il-kumpaniji jkollhom jibqgħu japplikaw għadd ta' sistemi ta' taxxi daqs l-għadd ta' Stati li joperaw fihom. L-inizjattivi li se jkunu proposti mill-Kummissjoni mhux se jkollhom l-għan li jarmonizzaw ir-rati tat-taxxi fuq il-kumpaniji.

Proposta Nru 20 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tippubblika strateġija ġdida dwar il-VAT, abbażi ta' Green Paper li terġa' teżamina fid-dettall is-sistema tal-VAT, prevista għall-2010.

Il-qafas attwali għall-VAT għandu bosta limiti, li joħolqu notevolment piż amministrattiv mhux proporzjonat fuq l-impriżi. Is-sistema kumplessa tat-taxxi u l-eżenzjonijiet, id-derogi u l-għażliet mogħtija lill-Istati Membri, u r-regoli partikolari għat-tranżazzjonijiet transkonfinali huma ħżiena għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku u l-kompetittività tal-impriżi Ewropej, għaliex huma għandhom kostijiet importanti minħabba raġunijiet ta' konformità b'mod partikolari għall-impriżi attivi f'bosta Stati Membri. Minkejja l-bidliet sinifikanti fl-ambjent teknoloġiku u ekonomiku minn wara l-ħolqien tal-VAT, is-sistema baqgħet l-istess, l-aktar l-obbligi ta' rappurtar tal-impriżi u l-modi kif tinġabar il-VAT. Minbarra dan, is-sistema attwali hija suxxettibbli għall-frodi: madwar 12 % tal-VAT ma tinġabarx, minħabba frodi fiskali, evażjoni fiskali, evitar tat-taxxa jew fallimenti. L-istrateġija futura fir-rigward tal-VAT tenfasizza l-prijoritajiet li għandhom jiġu ppreżentati permezz ta' proposti leġiżlattivi sabiex jiġi stabbilit qafas għall-VAT li jkun aktar b'saħħtu u effiċjenti għas-suq uniku.

Proposta Nru 21 : Fl-2011 il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni li tistabbilixxi interkonnessjoni bejn ir-reġistri tal-kumpaniji.

In-nuqqas ta' netwerk li jgħaqqad ir-reġistri tal-kumpaniji nazzjonali jikkomplika l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-impriżi ta' Stati Membri oħrajn, bil-konsegwenza li jkun hemm piż amministrattiv kbir u spejjeż kbar għall-impriżi li għandhom attività transkonfinali kif ukoll nuqqas ta' trasparenza għall-impriżi l-oħrajn, għall-konsumaturi u għall-awtoritajiet pubbliċi.

Proposta Nru 22 : Sal-2012, il-Kummissjoni se tipproponi Deċiżjoni bl-għan li tiggarantixxi r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni elettronika kif ukoll tal-awtentikazzjoni elettronika fl-UE kollha, abbażi tas-servizzi ta' awtentikazzjoni onlajn li għandhom ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha. Fl-2011, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar il-firem elettroniċi bl-għan li jiġi pprovdut qafas legali għar-rikonoxximent reċiproku u l-interoperabbiltà internazzjonali ta' sistemi ta' awtentikazzjoni elettronika.

Hekk kif ġie enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Diġitali, sabiex is-suq uniku jista' jiffunzjona sew, strumenti bħad-Direttiva dwar is-Servizzi jew il-pjan ta' azzjoni għas-swieq pubbliċi elettroniċi jesiġu li l-impriżi jkunu jistgħu jinteraġixxu mal-amministrazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi, ukoll f'każ li jkunu lil hinn mill-fruntieri. L-interoperabbiltà u r-rikonoxximent reċiproku tal-arranġamenti nazzjonali ta' identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettronika huma kundizzjonijiet essenzjali għall-użu mingħajr problemi tas-servizzi pubbliċi onlajn lil hinn mill-qafas nazzjonali.

1.6. Inkunu kompetittivi fis-swieq internazzjonali

L-impriżi Ewropej jaslu biex ibigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fid-dinja kollha, u b'hekk jibbenefikaw mill-ftuħ u l-integrazzjoni kummerċjali dinjija. Is-suq uniku huwa tip ta' "bażi" essenzjali li jippermetti lill-impriżi Ewropej li jħejju ruħhom aħjar għall-kompetizzjoni internazzjonali u li jikkonkwistaw swieq ġodda. Dan iżid l-importanza tal-ħtieġa ta' garanzija tal-koerenza u l-kumplimentarità tal-politiki tagħna interni u esterni.

L-UE hija l-iktar esportatur importanti ta' oġġetti u servizzi fid-dinja u wieħed mill-ewwel destinatarji ta' investimenti diretti barra. Iżda ejja ma nkunux inġenwi. Jeħtieġ li l-Ewropa tiddefendi l-interessi u l-valuri tagħha b'aktar konvinzjoni u fi spirtu ta' reċiproċità kif ukoll dak ta' benefiċċji reċiproki. Il-Ftehim ta' skambju-ħieles jista' jagħti garanzija ta' aċċess għas-swieq l-aktar importanti għall-impriżi Ewropej, u jsaħħaħ il-kooperazzjoni regolatorja mas-sħab kummerċjali prinċipali tagħna. Minbarra dan, is-sħubijiet kummerċjali għandhom ikunu bbażati fuq l-interessi u l-vantaġġi reċiproki, flimkien mal-għarfien li kemm l-UE kif ukoll is-sħab tagħha għandhom drittijiet kif ukoll obbligi. Il-Kummissjoni se tibqa' tħares id-difiża tal-interessi u tal-impjiegi Ewropej u se tiġġieled, b'kull mezz xieraq, kontra dawk il-prattiki kummerċjali żleali.

Konverġenza akbar tar-regoli internazzjonali tista' biss tagħti aktar vantaġġi lill-impriżi Ewropej b'mod partikolari billi tnaqqas il-kostijiet li jinħolqu minħabba l-bżonn li jadattaw għal regoli jew normi differenti minn dawk applikabbli fl-Ewropa. Huwa wkoll importanti ħafna li tiżgura li l-impriżi Ewropej ikollhom aċċess għas-swieq esterni, l-aktar għas-swieq pubbliċi, b'kundizzjonijiet ġusti.

Is-suq uniku għandu wkoll jibqa' attrazzjoni għall-pajjiżi kandidati u dawk potenzjalment kandidati biex jissieħbu mal-Unjoni Ewropea u għall-pajjiżi ġirien. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tkompli testendi r-regoli tas-suq uniku billi tikkunsidra l-livell ta' konverġenza regolatorja u l-kapaċità tal-pajjiżi kkonċernati li jimplimentaw b'mod effiċjenti r-regoli pertinenti.

Proposta Nru 23 : Il-Kummissjoni se tkompli bl-iżvilupp tal-kooperazzjoni regolatorja tagħha mal-isħab kummerċjali prinċipali (kemm fuq livell bilaterali – djalogi regolatorji – kemm multilaterali – pereżempju fi ħdan il-G20) bl-għan doppju li tippromwovi l-konverġenza regolatorja, l-aktar billi jekk ikun possibbli tħeġġeġ l-ekwivalenza tas-sistemi tal-Istati terzi u billi taħdem favur l-adozzjoni ta' għadd akbar ta' normi internazzjonali. Abbażi ta' dan, se tinnegozja ftehim kummerċjali internazzjonali (kemm multilaterali kif ukoll bilaterali) b'enfażi partikolari fuq l-aċċess għas-suq u l-konverġenza regolatorja fl-istess ħin, l-aktar għas-servizzi, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u s-sussidji.

In-nuqqas ta' konverġenza regolatorja fuq il-pjan internazzjonali huwa ostakolu kbir għall-kummerċ internazzjonali. Sabiex tevita l-frizzjoni u l-arbitraġġ regolatorju, il-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha fil-kooperazzjoni regolatorja kemm fuq livell multilaterali kif ukoll dak bilaterali. Il-proċess tal-G20 għandu importanza fundamentali f'dan il-kuntest u l-UE se jibqa' jkollha rwol importanti ħafna f'dan il-proċess sabiex tippromwovi r-riformi finanzjarji fuq livell globali, taħdem għal regolamentazzjoni ta' kwalità u tistinka għall-adozzjoni ta' standards internazzjonali. Bl-istess mod, l-UE hija impenjata wkoll fid-djalogu regolatorju b'għadd ta' sħab strateġiċi, l-aktar l-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja u l-Brażil, iżda huwa meħtieġ li jsir aktar sabiex dawn id-djalogi jkunu aktar profondi u jiġu estiżi. Bil-kriżi ekonomika u finanzjarja, it-tendenzi protezzjonisti għadhom mhux qed jidhru. Dawn in-negozjati għandhom l-għan li jippromwovu l-konverġenza regolatorja, inkluż dwar suġġetti sensittivi bħall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jew is-sussidji, u li joffru sensiela ta' opportunitajiet ġodda lill-impriżi Ewropej.

Proposta Nru 24 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva għal strument Komunitarju li jappoġġa t-twettiq tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni Ewropea sabiex issaħħaħ il-ħila tagħha li tiżgura simetrija msaħħa fl-aċċess għas-swieq pubbliċi fil-pajjiżi industrijalizzati u l-pajjiżi l-kbar emerġenti.

Hemm diskrepanza bejn il-ftuħ relattiv tas-swieq pubbliċi fl-UE u n-nuqqas ta' aċċess għas-swieq pubbliċi tas-sħab kummerċjali tagħna. L-impenji internazzjonali tal-UE fir-rigward tal-aċċess għas-swieq (Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi – GPA, Ftehimiet ta' kummerċ ħieles) mhumiex applikati b'mod uniformi fi ħdan l-Unjoni. B'konsegwenza ta' dan hemm regolamenti li mhumiex ugwali għall-impriżi Ewropej kemm fi ħdan l-Unjoni kemm lil hinn minnha, kif ukoll kompetizzjoni inġusta bejn l-impriżi Ewropej u dawk ta' Stati Terzi. Fuq il-pjan internazzjonali, l-UE tiltaqa' ma' diffikultajiet sabiex ikollha aċċess aħjar għas-swieq minħabba li għandha ingranaġġ limitat fin-negozjati kummerċjali mal-pajjiż membri tal-GPA u/jew fin-negozjati ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles bilaterali.

2. L-EWROPEJ FIL-QALBA TAS-SUQ UNIKU SABIEX TERġA' TINKISEB IL-FIDUċJA

"Ir-rikonċiljazzjoni tas-suq u d-dimensjoni soċjali": Mario Monti ppropona mod ta' varar mill-ġdid possibbli għas-suq uniku u għall-Ewropa nnifisha. Minkejja li wera s-solidità tiegħu waqt il-kriżi, xorta għadu suġġett għal tħassib. Jenħtieġ li nerġgħu nqiegħdu lill-Ewropej fil-qalba tas-suq il-kbir u ninvestu mill-ġdid "l-ekonomija soċjali ta' suq kompetittiva ħafna".

Sistema soċjali tajba, sistema edukattiva u taħriġ professjonali effettivi, impjiegi ta' kwalità u politika esiġenti fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jikkontribwixxu għal swieq effiċjenti u huma fatturi li jixhdu rikkezza u tkabbir. Dawn iżidu l-faxxinu ta' pajjiż, joħolqu rabta soċjali u, bl-istess mod bħall-fatturi strutturali bħalma huma l-kwalità u d-densità tal-infrastrutturi, huma determinanti fil-kompetittività globali.

Bil-maqlub ta' dan, il-faqar, il-qagħad, l-esklużjoni, il-biża mill-futur huma kollha piżijiet ekonomiċi fuq is-soċjetà. Dan l-impriżi Ewropej fehmuh sew, fl-Ewropa u fid-dinja kollha, li jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-ambjent tagħhom billi jinvestu f'fondazzjonijiet, soċjetajiet ċivili, ir-rappreżentanti eletti tagħhom, il-fornituri u l-klijenti fi sħubijiet li għandhom l-intenzjoni li jiżguraw żvilupp sostenibbli u inklussiv.

Is-suq uniku jieħu sehem bl-istess mod fil-bini tal-identità ta' kull ċittadin: it-tagħlim tal-lingwi fl-iskola, il-vjaġġi, l-istudju barra mill-pajjiż, l-użu tal-Euro, id-diversità tal-prodotti proposti… dawn huma kollha aspetti tal-ħajja ta' kuljum li jippermettu li kulħadd, irrispettivament minn jekk il-persuni humiex konsumaturi, ħaddiema, studenti, nies li jfaddlu, imprendituri, utenti tas-servizzi pubbliċi, pazjenti, pensjonanti.. ikun Ewropew! Madankollu, l-Ewropej qed jaraw li aktar ma jgħaddi ż-żmien, dan l-ispazju qiegħed jinxtorob dejjem aktar: fil-ħajja professjonali, fl-abitudnijiet tal-konsum u fil-kwistjonijiet ta' saħħa u ta' pensjoni, l-opportunitajiet Ewropej qegħdin isiru anqas aċċessibbli.

Filwaqt li jkun hemm rispett għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, bosta huma dawk l-oqsma li fihom id-dimensjoni umana tal-ekonomija "soċjali" tas-suq għandha tippermetti li l-fiduċja tinbena aħjar u tiżgura prestazzjoni tajba ta' dan fi ħdan is-suq kbir intern . L-importanza tar-rwol tas-sħab soċjali għandha wkoll tiġi enfasizzata kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell tal-Unjoni, fejn ir-rwol tagħhom huwa dak li jagħti vuċi lill-aspirazzjonijiet tad-diversi setturi tal-ekonomija, id-djalogu li xi drabi jista' jwassal għal ftehim fuq livell Ewropew.

Hemm bosta għodod legali li jawtorizzaw b'mod aktar ċar lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jinvestu mill-ġdid f'dan il-qafas soċjali u biex jintegraw l-investimenti soċjali u ta' interess ġenerali fil-varar mill-ġdid ekonomiku u finanzjarju.

Il-Karta tad-drittijiet fundamentali tafferma mill-ġdid id-drittijiet ekonomiċi u soċjali u tagħmilhom ħafna aktar viżibbli. Skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fil-Karta, li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-Karta tkun ikkunsidrata waqt it-tfassil tal-politiki tal-Unjoni[18]. Il-"klawżola soċjali orizzontali"[19], li minn issa 'l quddiem hija mniżżla fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u li tippermetti li tiġi evalwata r-rilevanza tal-miżuri politiċi kollha fir-rigward tal-konsegwenzi soċjali tagħhom għandha ssir realtà u għandha sservi ta' bażi fir-riflessjonijiet kollettivi tagħna.

Ambizzjoni ġdida se jkollha l-għan li swieq effiċjenti jitqiegħdu għas-servizz tal-kreattività u tad-dinamiżmu tal-impriżi Ewropej u, fl-istess ħin, tirrikonċilja l-Ewropej mas-suq uniku tagħhom . Il-politiki Ewropej għandhom isiru aktar sostenibbli billi jantiċipaw u jtaffu iktar il-kriżijiet filwaqt li jikkonsolidaw il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni. It-tisħiħ tal-koeżjoni u b'mod partikolari d-dimensjoni territorjali jibqa' prerekwiżit għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku. Huwa f'dan is-sens li l-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta l-proposti tagħha sabiex ittejjeb l-impatt tal-politika ta' koeżjoni, issaħħaħ d-direzzjoni tagħha lejn ir-riżultati u l-prestazzjoni, sabiex tagħmel l-implimentazzjoni tagħhom aktar esiġenti u biex tikkonċentra r-riżorsi tal-Unjoni fuq il-prijoritajiet il-kbar. Se teżamina wkoll il-possibiltajiet li l-infrastrutturi tas-suq uniku jitjiebu, billi wkoll tħeġġeġ l-użu ta' sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat.

Dan l-Att dwar is-Suq Uniku jinteressa liċ-ċittadini bħala atturi ekonomiċi. Il-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet ta' natura mhux ekonomika li ċ-ċittadini jibbenefikaw minnhom fil-qafas tal-ħajja tagħhom ta' kuljum huma ttrattati bl-istess mod fir-'" Rapport 2010 dwar iċ-ċittadinanza Ewropea: it-tneħħija tal-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini fl-UE ", adottata simultanjament mill-Kummissjoni Ewropea.

2.1. Titjib tas-servizzi pubbliċi u l-infrastrutturi ewlenin

Jekk il-proġett Ewropew jibbaża ruħu fuq suq li jiżgura li ċ-ċittadini jkollhom l-akbar għażla ta' oġġetti u servizzi, bl-aktar prezz baxx filwaqt li jħeġġeġ l-innovazzjoni, madankollu jikkunsidra li l-koeżjoni soċjali u territorjali tal-UE hija kwistjoni ewlenija u jagħraf li s-saħħa tas-suq waħedha ma tindirizzax b'mod xieraq il-ħtiġijiet kollettivi kollha.

Dan għaliex l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi, l-aktar fl-Artikolu 14 tat-TFUE u fil-protokoll Nru 26 mehmuż mat-Trattati, il-bżonn tad-dimensjoni soċjali u l-valur ekonomiku tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà, tikkonferma l-possibbiltà li l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, jagħmlu u jorganizzaw is-servizzi tagħhom b'mod li jwieġeb għall-bżonnijiet tal-utenti. Din hija wkoll ir-raġuni għalfejn l-Unjoni żgurat li l-liberalizzazzjoni progressiva tal-industriji l-kbar fin-netwerk, garanzija tal-kompetittività akbar tal-ekonomija Ewropea, kienet sostnuta minn obbligi stretti ta' servizzi pubbliċi għaċ-ċittadini kollha. Fl-aħħar nett din hija r-raġuni għaliex l-Unjoni taħdem favur l-iżvilupp ta' infrastrutturi trans-Ewropej li jiffunzjonaw billi jkun hemm identifikazzjoni ta' ħoloq neqsin fl-oqsma differenti u billi tħeġġeġ l-iżvilupp tagħhom permezz ta' inċentivi.

Għadd ta' attivitajiet li jitwettqu kuljum mis-servizzi pubbliċi huma ta' natura ekonomika u għaldaqstant jaqgħu fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni. B'mod partikolari, huwa fil-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 106 tat-TFUE, li tiżgura li dan il-kumpens, minbarra li jkun għajnuna mill-Istat, ikun ukoll kompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni se tkompli l-evalwazzjoni u timpenja ruħha li tagħmel reviżjoni eventwali tad-deċiżjoni u tal-qafas fir-rigward tal-kumpens bħala obbligu tas-servizz pubbliku (spiss intitolat "il-pakkett Altmark");

L-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fir-rigward tas-servizzi pubbliċi jqajjem għadd ta' mistoqsijiet prattiċi għall-awtoritajiet pubbliċi kompetenti u ċerti atturi fis-settur, b'mod partikolari fil-qasam tas-servizzi soċjali. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom għalhekk jiggarantixxu qafas regolatorju li jippermetti lis-servizzi pubbliċi li jwettqu l-missjoni tagħhom filwaqt li jwieġbu b'mod effettiv għall-bżonnijiet taċ-ċittadini kollha. L-Unjoni għandha wkoll tikkonkretizza ambizzjoni ġdida fl-identifikazzjoni u l-istabbilment rapidu tal-infrastrutturi li huma l-aktar essenzjali għall-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq uniku u għall-iżvilupp tas-servizzi ġodda mmirati lejn l-Ewropej. B'mod partikolari, l-Istrateġija Ewropa 2020 tipprevedi l-iżvilupp ta' infrastrutturi li jippermettu li kulħadd ikollu aċċess għall-Internet veloċi sal-2013. Din l-istrateġija għandha l-għan li tiżgura li minn issa sal-2020 l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal konnessjonijiet b'veloċità ferm aktar għolja, ta' aktar minn 30 Mbps, u li mill-inqas 50 % tad-djar ikollhom konnessjonijiet tal-Internet ta' aktar minn 100 Mbps.

Proposta Nru 25 : Il-Kummissjoni timpenja ruħha li sal-2011 tadotta Komunikazzjoni akkumpanjata minn grupp ta' azzjonijiet dwar is-servizzi ta' interess ġenerali.

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw li s-servizzi pubbliċi, inklużi s-servizzi soċjali li jikkorrispondu mal-bżonnijiet tal-Ewropej ikunu aktar faċli biex jaħdmu fil-livell xieraq, jobdu regoli ċari ta' finanzjament, ikunu ta' kwalità għolja u effettivament aċċessibbli għal kulħadd. Għaldaqstant, l-inizjattivi tal-Kummissjoni se jkollhom tliet komponenti:

L-ewwel nett se jipprovdu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi għodda effettiva u faċli biex tużaha, u li tkopri t-totalità ta' problemi rilevanti (bħall-finanzjament, l-akkwist pubbliku u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi) u li tippermettilhom li joffru skont il-ħiliet u l-awtonomija tagħhom, servizzi pubbliċi lokali ta' kwalità li jaqblu mal-ħtiġijiet taċ-ċittadini. Għandha tippermetti wkoll l-evalwazzjoni aħjar tal-kwalità tas-servizzi u t-tqabbil fuq bażi settorjali u transnazzjonali.

It-tieni nett, se jippermettu lill-Ewropej jiġġudikaw tibdil fil-kwalità tas-servizzi li jiġu offruti, b'mod partikolari, fil-kuntest tar-riformi tal-liberalizzazzjoni tal-industriji l-kbar tan-netwerks (servizzi ta' trasport, servizzi postali, enerġija).

Fl-aħħar nett, se jirrispondu aħjar għall-esiġenzi tal-aċċess universali għas-servizzi kkunsidrati mill-Ewropej bħala essenzjali għall-ħajja ta' kuljum (pereżempju s-servizzi postali), minħabba li l-kwalità tas-servizzi pubbliċi timplika wkoll l-aċċessibbiltà tagħhom, inkluż f'termini ta' prezz. L-ostakoli li jista' jkun hemm għas-servizzi universali ta' kwalità għandhom ikunu s-suġġett ta' analiżi fil-fond, ibbażata fuq l-esperjenza fil-post. Il-ħtieġa li jkun hemm tweġiba għall-bżonnijiet ta' kulħadd għandha wkoll tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tad-dinamika tal-bżonnijiet tal-Ewropej li jinbidlu mat-tibdil mgħaġġel tas-soċjetà u tal-prattiki soċjali.

Il-Kummissjoni, b'mod partikolari, timpenja ruħha li:

- tkompli tiżgura li l-aġġornament tar-risposti għall-mistoqsijiet prattiċi li jistaqsu ċ-ċittadini u l-awtoritajiet pubbliċi dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (għajnuniet tal-istat u akkwisti pubbliċi) għas-servizz tal-interess ġenerali;

- timplimenta miżuri li jippermettu li l-kwalità tal-offerta tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jkunu pparagunati u mqabbla aħjar fuq livell Ewropew, l-aktar abbażi tal-esperjenza fil-post; u

- teżamina l-opportunità u l-possibbiltà li l-obbligi ta' servizz universali jiġu estiżi għal oqsma ġodda fir-rigward tat-tibdil fil-bżonnijiet essenzjali taċ-ċittadini Ewropej, potenzjalment abbażi tal-Artikolu 14 tat-TFUE.

Il-proposti rigward l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tar-regoli applikabbli għas-swieq pubbliċi - inkluż il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u Direttiva dwar il-konċessjonijiet għandhom l-istess bażi loġika, hekk kif huma wkoll iridu jikkompletaw l-"għodda" li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom disponibbli fir-rigward ta' dan is-suġġett. Minbarra dan, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-inizjattivi li għandhom bħala għan l-immodernizzar tal-infrastrutturi tal-industriji l-kbar tan-netwerk imsemmija aktar 'il fuq (l-enerġija, it-trasport u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) jirriflettu wkoll l-ambizzjoni tal-Unjoni li twieġeb għall-isfida tal-immodernizzar tal-infrastrutturi tagħna ta' interess ġenerali.

Proposta Nru 26 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta reviżjoni tal-linji gwida Komunitarji għall-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew tat-transport, kif ukoll proposta dwar il-Qafas globali ta' finanzjament tal-infrastrutturi tat-trasport.

Bħalissa, minkejja l-investimenti importanti li kien hemm, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex netwerk ta' infrastrutturi ta' trasport transkonfinali interkonness, interoperabbli u effiċjenti biżżejjed. Iżda l-infrastrutturi ta' trasport xorta huma essenzjali għall-garanzija tal-funzjonament tas-suq intern u għandhom jippromwovu t-tkabbir u l-iżvilupp sostenibbli. Minbarra n-nuqqas ta' koordinazzjoni li hemm bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-ippjanar tal-finanzjament u tal-ġestjoni tal-proġetti, in-nuqqas ta' qafas globali ta' finanzjament fil-livell Ewropew li jista' jolqot l-aktar nuqqasijiet sinifikanti fis-suq uniku huwa ostakolu prinċipali. Dan il-qafas ta' finanzjament se jkun iddefinit abbażi tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, previst għal nofs l-2011.

Proposta Nru 27 : Sal-2020-2030 il-Kummissjoni se tadotta komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet tal-infrastrutturi tal-enerġija, sabiex tikkontribwixxi għal twettiq ta' suq intern tal-enerġija li jaħdem b'mod sħiħ, filwaqt li twieġeb għall-problema tal-konnessjonijiet neqsin fl-infrastruttura u billi tiffaċilita l-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli. L-għodod meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet se jkunu proposti fl-2011 permezz ta' strument ġdid għas-sigurtà u l-infrastrutturi tal-enerġija Ewropej.

Il-ħolqien ta' suq Ewropew tal-enerġija jesiġi infrastrutturi moderni. L-għanijiet prinċipali tal-politika għall-provvediment tal-enerġija fl-Unjoni jinsabu fin-natura tagħha stess li hija kompetittiva, sostenibbli u sikura. Dan jesiġi infrastrutturi tal-enerġija li huma interkonnessi b'mod aħjar man-netwerks nazzjonali tal-enerġija u li huma kapaċi jintegraw il-partijiet dejjem jiżdiedu tal-enerġija rinnovabbli filwaqt li jippermettu diversifikazzjoni tas-sorsi. Sabiex iwieġbu għal dawn l-isfidi, l-infrastrutturi eżistenti għandhom bżonn ta' mmodernizzar rapidu, ta' aġġornament u wkoll ta' unifikazzjoni. Politika ġdida Ewropea għall-infrastrutturi tal-enerġija hija indispensabbli sabiex jinbidel il-mod kif in-netwerks jiġu ppjanati u żviluppati fl-UE. Hemm bżonn jinsabu soluzzjonijiet għal konnessjonijiet neqsin bħan-netwerks tal-enerġija fil-Baħar tat-Tramuntana jew fil-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar. In-netwerks għandhom isiru aktar intelliġenti sabiex l-enerġija tkun użata u trasportata b'mod aktar effiċjenti. L-effikaċja tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għandha tkun imsaħħa u magħmula aktar trasparenti, hekk kif għandhom jinstabu soluzzjonijiet ġodda ta' finanzjament li jippermettu t-twettiq ta' investimenti kbar ħafna ta' aktar minn EUR 200 biljun[20] tul l-għaxar snin li ġejjin għan-netwerks il-kbar Ewropej ta' trażmissjoni ta' elettriku u gass, li magħhom se jiżdiedu madwar EUR 400 biljun għall-manutenzjoni, l-immodernizzar u l-estensjoni tan-netwerks nazzjonali ta' distribuzzjoni.

Proposta Nru 28 : Il-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw il-proposta għal Deċiżjoni li tistabbilixxi programm ta' azzjonijiet dwar l-ispettru tar-radju Ewropew, għal ġestjoni u użu aktar effiċjenti tal-ispettru tar-radju Ewropew.

L-ispettru tar-radju Ewropew għandu jintuża b'mod aktar effiċjenti u b'mod aktar armonizzat u koordinat, sabiex ikun hemm biżżejjed spettru disponibbli sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet taċ-ċittadini u tal-impriżi. Jekk l-istess meddiet ta' spettru jkunu aċċessibbli f'kundizzjonijiet tekniċi flessibbli fl-UE kollha, l-ekonomiji ta' skala miksuba b'dak il-mod jippermettu li jitbaxxa l-prezz tal-komunikazzjoni għall-utenti kollha.

2.2. Tisħiħ tas-solidarjetà fis-suq uniku

Skont Mario Monti, is-sens ta' diżillużjoni li wħud iħossu fir-rigward tas-suq intern jista' jkun spjegat ukoll minħabba li teżisti l-perċezzjoni li l-liberalizzazzjonijiet suċċessivi seħħew b'detriment għad-drittijiet soċjali akkwistati minn atturi ekonomiċi differenti. It-Trattat ta' Lisbona u l-kunċett ta' "ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna" bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali jitlobna nadottaw viżjoni aktar sħiħa tas-suq uniku. Il-libertajiet ekonomiċi u l-libertajiet tal-azzjonijiet kollettivi għandhom jiġu "armonizzati". Huwa essenzjali li d-djalogu bejn is-sħab soċjali jieħu l-ħajja u b'hekk ikun jista' jwassal aħjar għal leġiżlazzjonijiet "minn u għal" sħab soċjali hekk kif previst mit-Trattat ta' Lisbona.

Il-libertajiet ta' suq uniku għandhom ikunu ta' vantaġġ kemm għal dawk l-iktar b'saħħithom u dawk l-iktar dgħafja. Kulħadd għandu jkun jista' jibbenifika mill-opportunitajiet tas-suq uniku, inkluż il-persuni b'diżabilità u l-anzjani. Hemm bżonn li tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward ta' aċċessibilità aħjar għall-prodotti u s-servizzi l-aktar dawk kulturali, għal dawk in-nies li għandhom nuqqas ta' vista u dawk b'nuqqas ta' smigħ, pereżempju permezz tal-iżvilupp tal-għodod teknoloġiċi xierqa (sottotitoli awtomatiċi jew programmi speċjali fuq stazzjonijiet pubbliċi).

Proposta Nru 29 : Abbażi tal-istrateġija ġdida tagħha għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea[21], il-Kummissjoni se tiżgura li d-drittijiet garantiti mill-Karta, inkluż id-dritt għal azzjonijiet kollettivi, ikunu kkunsidrati. Il-Kummissjoni se tanalizza minn qabel u fil-fond l-impatt soċjali tal-proposti leġiżlattivi kollha fuq is-suq uniku.

Proposta Nru 30 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta proposta leġiżlattiva bl-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, li se tinkludi jew tkun kompletata permezz ta' kjarifika tal-eżerċizzju tad-drittijiet soċjali fundamentali fil-kuntest tal-libertajiet ekonomiċi tas-suq uniku.

L-eżerċitar tal-provvediment ħieles ta' servizzi jimplika li l-ħaddiema jistgħu jintbagħtu fi Stat Membru ieħor. L-istazzjonar tal-ħaddiema huwa għaldaqstant element importanti tas-suq intern tas-servizzi. Fuq livell Ewropew, sabiex ikun hemm garanzija, b'mod xieraq, tad-drittijiet tal-ħaddiema konċernati, id-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema tipprevedi konċentrazzjoni ta' dispożizzjonijiet protettivi mill-Istat ospitanti u li għandhom ukoll japplikaw għall-ħaddiema stazzjonati. Barra dan, il-proċeduri amministrattivi nazzjonali kumplessi, kif ukoll id-diffikultajiet marbuta mat-tassazzjoni doppja, ikomplu jikkumplikaw l-istazzjonar tal-ħaddiema filwaqt li jagħmlu l-eżerċitar tal-provvediment ħieles ta' servizzi anqas aċċessibbli. L-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-kundizzjonijiet li jirrispettaw din id-direttiva jistgħu jitjiebu, u l-interpretazzjoni tagħha għandha tkun iċċarata.

Proposta Nru 31 : Fl-2011, il-Kummissjoni se teżamina mill-ġdid id-Direttiva dwar l-attivitajiet u s-sorveljanza tal-istituzzjonijiet dwar l-irtirar mix-xogħol (fondi tal-pensjoni), u se tiżviluppa proposti oħrajn abbażi tal-Green Paper ta' Lulju 2010 dwar fost l-oħrajn, il-pensjonijiet sabiex tneħħi l-ostakoli li l-ħaddiema mobbli jiltaqgħu magħhom meta jkunu qed iħejju biex jirtiraw.

Il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jgawdu wkoll mid-dritt tagħhom għal pensjoni meta jkunu se jirtiraw. Għandha ssir ħidma f'dan il-qasam minħabba li l-popolazzjoni qed tixjieħ u minħabba l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq il-finanzi pubbliċi u l-istabbiltà finanzjarja. Il-Green Paper ta' Lulju 2010 varat id-dibattitu rigward l-isfidi li jridu jiġu ttrattati sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jgawdu minn pensjonijiet xierqa u garantiti fuq terminu twil ta' żmien.

Proposta Nru 32 : Il-Kummissjoni se tvara konsultazzjoni tas-sħab soċjali li twassal għal qafas Ewropew li jantiċipa r-ristrutturazzjonijiet industrijali.

Lil hinn mir-reazzjonijiet għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-istrateġiji ta' antiċipazzjoni ppermettew li l-impriżi jipprevjenu l-kunflitti soċjali permezz ta' ġestjoni proattiva u negozjata tar-ristrutturazzjonijiet. Dik hija kundizzjoni tas-suċċess ekonomiku u rekwiżit soċjali, hekk kif tippermetti tqassim ġdid tar-riżorsi lis-setturi li qed jemerġu, u li tagħti lill-ħaddiema opportunitajiet ġodda meta l-impjieg tagħhom ikun f'periklu. Qafas Ewropew għar-ristrutturazzjonijiet jippermetti li jinbena ambjent ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka.

2.3. Aċċess għall-impjiegi u għal tagħlim tul il-ħajja

L-impjiegi jinsabu, b'mod ġust, fil-qalba tat-tħassib tal-Ewropej. Is-suq uniku huwa opportunità tajba ħafna, u li għadu mhux qed jiġi sfruttat biżżejjed, sabiex it-tagħrif u l-kwalifiki ta' dak li jkun ikunu vvalorizzati bl-aħjar mod u biex wieħed japplika għal postijiet vakanti fi Stati Membri oħrajn. Għandhom ikunu proposti għodod konkreti li jħeġġu u jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni tal-ħiliet fi ħdan is-suq uniku.

It-taħriġ fl-Ewropa huwa wieħed mill-aktar aspetti attraenti tal-libertajiet u tal-opportunitajiet offruti mis-suq uniku. Iżda l-opportunità ta' studju u taħriġ fi Stat Membru ieħor mhijiex biss kwistjoni ta' żvilupp personali, iżda tippermetti l-akkwist ta' ħiliet ġodda tul il-ħajja u li jwasslu biex tinbena ekonomija tal-għarfien tal-ġejjieni.

Proposta Nru 33 : Fl-2012 il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva leġiżlattiva għar-riforma tas-sistemi ta' rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, abbażi ta' evalwazzjoni tal-acquis fl-2011, sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tal-ħaddiema u tadatta t-taħriġ skont il-bżonnijiet attwali tas-suq tax-xogħol. F'dan il-qafas se jkun evalwat il-potenzjal ta' karta professjonali.

Id-dritt li wieħed jeżerċita l-professjoni tiegħu fi Stat Membru ieħor hija waħda mil-libertajiet fundamentali garantiti mit-Trattat. L-importanza tiegħu hija kruċjali għaċ-ċittadini u l-moviment ħieles tal-ħaddiema, l-istabbiliment ħieles u l-provvediment ħieles ta' servizzi li jistgħu jkunu mfixkla minn esiġenzi dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali akkwistati fi Stat Membru ieħor. Jeżistu 4,600 professjoni regolata fl-Unjoni. Għadd ta' professjonisti għadhom jaffrontaw proċeduri twal u ineffiċjenti qabel ma l-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti; il-kwistjonijiet dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki jikkonċernaw 20 % tal-każi SOLVIT. Direttiva tal-2005 introduċiet xi simplifikazzjonijiet, l-aktar għall-iffaċilitar tal-mobbiltà temporanja tal-professjonisti. Is-sistema attwali għandha tkun evalwata sabiex tidentifika jekk hux qed isir użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti minn din id-Direttiva. Pereżempju, id-Direttiva ssuġġeriet l-użu ta' karta professjonali mingħajr ma tat aktar dettalji speċifiċi. Karta bħal din jista' jkollha valur miżjud għal ċerti professjonijiet u għaċ-ċittadini interessati. Minbarra dan, hemm bżonn dejjem akbar ta' ħaddiema kkwalifikati, liema bżonn se jkun aktar diffiċli li jiġi ssodisfat fil-futur minħabba t-tnaqqis fil-popolazzjoni attiva. Is-sistema għandha wkoll tikkunsidra l-bidliet konsiderevoli li saru fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-aċċess u r-ritorn għax-xogħol. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni kkummissjonat ix-xogħlijiet ta' evalwazzjoni tad-Direttiva tal-2005 li għandhom iwasslu għal Green Paper fl-2011 u għal reviżjoni tad-Direttiva fl-2012.

Proposta Nru 34 : Il-Kummissjoni se tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, "karta għal żgħażagħ attivi" li se tiffaċilita l-mobbiltà taż-żgħażagħ kollha sabiex dawn jistudjaw fi Stat Membru ieħor. Se ttejjeb il-websajt tagħha ddedikat liż-"Żgħażagħ Attivi" billi tipprovdi informazzjoni dwar it-tagħlim mill-bogħod u l-opportunitajiet ta' studju u taħriġ fl-Ewropa.

Il-mobbiltà għandha ssir parti standard mit-taħriġ ta' kull persuna żagħżugħa Ewropea, u li tippermettilhom aċċess għal impjieg ta' sodisfazzjon personali wara li jkunu akkwistaw ħiliet ġodda l-aktar dawk lingwistiċi. Bħala parti mill-qafas tal-istrateġija "Ewropa 2020", il-Kummissjoni pproponiet serje ta' miżuri fil-Komunikazzjoni tagħha "Żgħażagħ Attivi" li għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ biex jakkwistaw l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza li jeħtieġu sabiex isibu l-ewwel impjieg tagħhom. Fost il-miżuri tagħha, il-Kummissjoni qed tevalwa l-possibbiltà li toħloq self għal studenti mobbli Ewropej sabiex tagħti l-opportunità lil aktar żgħażagħ Ewropej, b'mod partikolari dawk anqas ixxurtjati, li jagħmlu l-esperjenza ta' perjodu ta' studju, taħriġ u xogħol f'impriżi f'pajjiż ieħor.

Proposta Nru 35 : Il-Kummissjoni se tiżgura l-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew ta' kwalifiki fi sħubija mal-Istati Membri. Se tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-promozzjoni u l-validazzjoni tat-taħriġ barra l-iskola ("tagħlim mhux formali u informali") Se tipproponi wkoll il-ħolqien ta' "passaport Ewropew tal-ħiliet" li se jippermetti li kulħadd iżomm rekord tal-għarfien u l-ħiliet akkwistati tul il-ħajja. Se tistabbilixxi għaqda bejn il-qafas Ewropew taċ-ċertifikazzjoni u n-nomenklatura tal-impjiegi ("occupations") fl-Ewropa.

Minkejja s-suċċess ta' programmi bħall-Erasmus, ir-rikonoxximent akkademiku tad-diplomi u taż-żminijiet ta' taħriġ fi Stati Membri oħrajn jibqa' problematiku[22]. Sabiex ikun hemm promozzjoni tal-mobbiltà, għandha tiġi garantita t-trasferabilità tal-ħiliet u l-għarfien.

2.4. Mezzi ġodda għall-ekonomija soċjali tas-suq

Dan il-kapitolu dwar l-ekonomija soċjali tas-suq jippreżenta tliet proposti għal Suq uniku bbażat fuq "ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna". L-ewwel nett, l-Inizjattiva għal Intraprendenza Soċjali għandha tippermetti li jiġu liberati t-talenti u r-riżorsi finanzjarji eżistenti fi ħdan l-Istati Membri billi l-professjonisti tal-ġestjoni u l-finanzjament jitressqu qrib l-intraprendituri li jagħmlu proġetti innovattivi fuq il-pjan soċjali, u li jwasslu għal tkabbir. It-tieni proposta dwar il-forom legali tipproponi inizjattivi li jtejbu l-ambjent legali li fih huma stabbiliti attivitajiet tal-ekonomija soċjali. Fl-aħħar nett, l-aħħar proposta dwar il-governanza tal-impriżi u r-responsabbiltà soċjali tal-impriżi tipproponi inizjattiva li terġa' tiddefinixxi r-rwol tal-impriża fl-ekonomija attwali.

Proposta Nru 36 : Fl-2011 il-Kummissjoni se tipproponi Inizjattiva dwar l-Intraprendenza Soċjali sabiex issostni u takkumpanja l-iżvilupp ta' proġetti għal impriżi innovattivi fuq il-pjan soċjali fi ħdan is-suq uniku, l-aktar bl-użu tal-klassifika soċjali, l-ittikettar etiku u ambjentali, l-akkwist pubbliku, l-istabbilment ta' sistema ġdida ta' fondi ta' investiment u l-aċċess għal tfaddil mhux attiv.

Matul dawn l-aħħar snin, l-imprendituri li jaħdmu waħidhom jew kumpaniji kbar waqqfu proġetti innovattivi ħafna fuq il-pjan soċjali. Dawn l-ewwel għaxar snin tas-snin 2000 fl-Ewropa u fid-dinja wrew l-eżistenza ta' potenzjal kbir ħafna ta' innovazzjoni fil-qasam tal-ekonomija soċjali. Mingħajr ma neċessarjament jiċħdu l-profitti, dawn il-proġetti li twieldu permezz tal-volontà ta' persuna jew grupp ta' persuni ġabu magħhom soluzzjonijiet kreattivi għal problemi soċjoekonomiċi importanti li ta' spiss kienu kkawżati minn sitwazzjoni ta' esklużjoni (aċċess għall-prodotti agroalimentari, akkomodazzjoni, aċċess għal kura tas-saħħa, għas-suq tax-xogħol, għas-servizzi bankarji, servizzi li jippermettu inklużjoni aħjar tal-persuni b'diżabilità eċċ.) u wkoll minħabba popolazzjoni li qed tixjieħ. L-innovazzjoni li jġibu magħhom dawn il-mudelli toħloq tkabbir ekonomiku u impatt tajjeb ħafna fuq il-partijiet kollha interessati (imprendituri, ħaddiema, konsumaturi, investituri u sħab oħra finanzjarji, eċċ.) L-organizzazzjoni tal-akkwist pubbliku u privat (il-politiki tal-akkwisti fis-settur privat u r-responsabbiltà soċjali tal-impriżi), l-aċċess aħjar għall-finanzjamenti (bankarji jew fis-swieq finanzjarji l-aktar permezz tal-użu tat-tfaddil mhux attiv), l-implimentazzjoni ta' sistema ġdida ta' fondi ta' investiment għall-promozzjoni u t-titjib tal-likwidità tal-investimenti fuq proġetti li huma tassew innovattivi fuq livell soċjali, ekonomiku u teknoloġiku fi ħdan l-industrija finanzjarja u tal-konsumaturi ta' prodotti finanzjarji, kif ukoll l-implimentazzjoni ta' għodod ta' komunikazzjoni ad hoc se joħolqu wkoll l-azzjoni.

Proposta Nru 37 : Għal bosta raġunijiet relatati l-aktar man-natura ta' finanzjament jew ta' għażla ta' azzjonisti jew partijiet interessati li jsostnu u jakkumpanjaw proġetti li għandhom element qawwi ta' innovazzjoni soċjali, ekonomika u xi drabi teknoloġika, l-ekonomija soċjali tinbena permezz ta' varjetà ta' statuti legali distinti (fondazzjonijiet, kooperattivi, assoċjazzjonijiet, mutwi, eċċ.). Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri li se jippermettu t-titjib fil-kwalità tal-istrutturi legali kkonċernati sabiex isir l-aħjar użu mill-funzjonament tagħhom u jiffaċilita l-iżvilupp tagħhom fi ħdan is-suq uniku.

Se jiġu proposti dawn il-miżuri:

- Il-Kummissjoni se tippreżenta regolament dwar l-istatut tal-Fondazzjoni Ewropea qabel tmiem l-2011.

L-attivitajiet tal-fondazzjonijiet żviluppaw b'mod sinifikanti tul dawn l-aħħar snin u l-azzjonijiet tagħhom jippermettu li jintlaħqu għanijiet ambizzjużi f'oqsma fejn il-kreattività u l-innovazzjoni Ewropea saru essenzjali għall-kompetittività tas-suq uniku f'dinja globali, l-aktar fil-qasam tar-riċerka. L-ispejjeż amministrattivi, ir-reġistrazzjoni fi ħdan Stat ieħor, il-piż tal-provi impost fuq il-fondazzjonijiet ta' Stat Membru li qed jipprova jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni kif ukoll id-diffikultajiet involuti fil-ħbir komuni tar-riżorsi finanzjarji fuq bażi transkonfinali fi ħdan l-Unjoni huma ostakoli li attwalment qed jimpedixxu l-iżvilupp ta' fondazzjonijiet fl-Ewropa u li jistgħu jkunu indirizzati permezz tal-istatut tal-Fondazzjoni Ewropea.

- Il-Kummissjoni se tipproponi konsultazzjoni pubblika (Green Paper) dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-istatut tal-kooperattiva Ewropea u se tieħu miżuri wara l-adozzjoni tar-rapport ta' evalwazzjoni tagħha fl-2012.

Il-kooperattivi għandhom parti importanti ħafna fl-istruttura u fid-dinamiżmu tal-ekonomija. Minbarra dan, dawn jipproponu mekkaniżmi ta' solidarjetà uniċi għall-membri tagħhom u joħolqu strutturi azzjonisti sodi li jiffavorixxu sens qawwi ta' grupp, pussess ta' ishma u investimenti fit-tul.

Fl-2011, il-Kummissjoni se tvara studju dwar is-sitwazzjoni tal-assoċjazzjonijiet mutwi fl-Istati Membri kollha sabiex jiġu eżaminati b'mod partikolari l-azzjonijiet transkonfinali tagħhom.

L-assoċjazzjonijiet mutwi huma ppreżentati fil-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej, anke jekk l-importanza tagħhom tvarja minn pajjiż għall-ieħor. Pereżempju, aktar minn 120 miljun Ewropew, huma affiljati ma' assoċjazzjoni mutwa tas-saħħa fl-Ewropa. Fis-settur tal-assigurazzjoni, u fis-settur tal-medjazzjoni finanzjarja, is-settur tal-assoċjazzjonijiet mutwi jirrappreżenta parti importanti tal-impjiegi.

Proposta Nru 38 : Il-Kummissjoni se tvara konsultazzjoni pubblika (Green Paper) dwar il-governanza tal-impriżi. Il-Kummissjoni se tvara wkoll konsultazzjoni pubblika dwar l-għażliet possibbli biex titjieb it-trasparenza fl-informazzjoni pprovduta mill-impriżi dwar l-aspetti soċjali, ambjentali u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jwasslu għal inizjattivi leġiżlattivi.

Huwa ferm importanti li l-impriżi Ewropej juru l-akbar responsabbiltà, kemm fir-rigward tal-impjegati tagħhom u l-azzjonisti kif ukoll tas-soċjetà b'mod ġenerali. Il-governanza tagħhom tista' titjieb b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni u d-diversità fi ħdan il-kunsilli ta' amministrazzjoni inkluż ir-rappreżentanti tan-nisa, l-impenn fit-tul tal-azzjonisti jew skemi ta' azzjonisti impjegati. Sabiex fl-istess ħin tisaħħaħ il-governanza tal-impriża u r-responsabbiltà soċjali - jew aħjar dik li tappartjeni lis-soċjetà - tal-impriżi, l-attenzjoni għandha tkun iffukata fuq it-titjib fit-trasparenza, l-aktar fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-iżvilupp sostenibbli kif ukoll fuq il-modi kif għandu jitjieb il-funzjonament tal-impriża l-aktar bl-għan li l-impjegati jkunu involuti aktar, li jitjiebu r-relazzjonijiet mal-azzjonisti ta' din l-istess impriża u li tkun iffaċilitata valutazzjoni aktar xierqa tal-impriżi min-naħa tas-swieq finanzjarji.

2.5. Suq uniku għas-servizz tal-konsumaturi

Għall-konsumaturi Ewropej, is-suq uniku għandu jirrappreżenta valur ogħla billi joffrilhom oġġetti u servizzi varjati u ta' kwalità għolja. Jinħtieġ ikun hemm enfażi akbar fuq l-aċċess għall-prodotti bankarji li jikkundizzjonaw, b'mod sinifikanti, il-possibbiltà ta' ċirkolazzjoni jew li wieħed jaħdem fi ħdan is-suq uniku. Fl-aħħar nett l-awtoritajiet ta' sorveljanza għandhom jiżguraw lill-konsumaturi Ewropej protezzjoni għolja kontra kull riskju marbut mal-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi offruti.

Il-konsumaturi ħafna drabi ma jkollhomx informazzjoni li tippermettilhom li jagħżlu l-prezz it-tajjeb jew li jagħmlu għażla ċara tal-prodotti minħabba li l-informazzjoni tista' tkun ippreżentata b'mod li jkun diffiċli biex tifhimha jew b'mod ambigwu. B'mod partikolari dan huwa l-każ fl-għażliet transkonfinali jew il-kostijiet tal-kunsinna. Illum, fil-passi tiegħu għall-akkwist, il-konsumatur ma jkollux l-elementi kollha biex ikun jista' jagħżel b'mod konxju għall-aħħar. Il-Kummissjoni se tħejji evalwazzjoni tal-prattiki attwali fir-rigward tas-siti ta' tqabbil tal-prezzijiet u se telabora linji gwida għall-websajts li jqabblu l-prezzijiet, abbażi tal-aħjar prattiki u esperjenzi tal-Istati Membri.

Proposta Nru 39 : Fl-2011, il-Kummissjoni se telabora pjan ta' azzjoni fuq għadd ta' snin għall-iżvilupp tas-sorveljanza Ewropea tas-suq. Minbarra dan, b'rabta mas-servizzi doganali u l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-swieq tal-Istati Membri, fl-2011 il-Kummissjoni se telabora linji gwida għall-kontroll doganali fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, sabiex tiggarantixxi qafas koerenti u effiċjenti għas-sigurtà tal-oġġetti għall-konsumaturi fl-UE.

Iċ-ċittadini Ewropej jesiġu li s-saħħa tagħhom u d-drittijiet tagħhom ikunu protetti fl-UE kollha, b'mod partikolari fir-rigward ta' theddid jew riskji li ma jistgħux jaffrontaw waħidhom. Sabiex twieġeb għal dan, il-Kummissjoni se ssaħħaħ is-sorveljanza tas-suq għas-sigurtà tal-prodotti fl-UE. L-għan se jintlaħaq permezz ta' pjan ta' azzjoni li se jibda fl-2011. Dan se jinvolvi t-titjib ta' koordinazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-swieq, sabiex jiżgura li l-merkanzija tiċċirkola b'mod ħieles fis-suq uniku u tkun sikura u affidabbli għall-konsumatur. Dan se jiggarantixxi kundizzjonijiet ugwali ta' kompetizzjoni, li jippermettu lill-impriżi serji li jgawdu b'mod sħiħ mill-opportunitajiet ta' suq li għandu 500 miljun konsumatur. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, sabiex tiggarantixxi qafas koerenti u effiċjenti għas-sorveljanza tas-suq għas-sigurtà tal-oġġetti għall-konsumaturi fl-UE.

Proposta Nru 40 : Fil-bidu tal-2011, il-Kummissjoni se tadotta inizjattiva leġiżlattiva dwar l-aċċess għal ċerti servizzi bankarji bażiċi. Se tistieden ukoll lis-settur bankarju biex jippreżenta inizjattiva ta' awtoregolamentazzjoni bl-għan li ttejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà tal-kostijiet bankarji sal-aħħar tal-2011.

Iċ-ċittadini, b'mod speċjali l-istudenti, ikollhom problemi biex jiftħu l-kontijiet bankarji tagħhom jew meta jkunu jridu karta ta' ħlas fi Stat Membru li jkunu għadhom kemm marru joqogħdu fih, jew li mhumiex residenti fih. L-istituzzjonijiet finanzjarji jiddefendu dan it-tiċħid billi jargumentaw li ċerti kategoriji ta' konsumaturi potenzjali jirrappreżentaw riskju akbar għall-bank u minħabba f'hekk għandhom ikunu oġġett ta' skrutinju akbar. Dawn jargumentaw ukoll dwar in-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tagħhom li jkollhom stampa preċiża tar-rekord ta' pagamenti lura ta' self. Madankollu, f'bosta każi, iċ-ċaħda mill-possibbiltà tal-ftuħ ta' kont ma tistax tkun ikkunsidrata bħala ġustifikata b'mod oġġettiv u proporzjonata. Minbarra dan, in-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-kostijiet bankarji huma ostakolu akbar fil-qasam tas-servizzi finanzjarji tal-konsumaturi. Il-klijenti ma jistgħux jifhmu u jqabblu l-ispejjeż tal-kontijiet bankarji tagħhom, u dan jiskoraġġihom milli jbiddlu l-kont għal kontijiet orħos. Il-konsumaturi, fl-Istati Membri fejn il-kostijiet bankarji huma kkumplikati u mhux trasparenti jkollhom kostijiet akbar, aktar milli suppost. Trasparenza akbar hija prerekwiżit għal tranżazzjonijiet transkonfinali u s-suċċess tal-funzjonament ta' żona unika ta' pagamenti bl-Euro (SEPA). Analiżi ta' 224 bank, li tkopri 81 % tas-suq bankarju tal-konsumaturi f'termini ta' depożiti tal-klijenti, stmat li 66 % tas-siti tal-internet tagħhom kienu jeħtieġu aktar informazzjoni biex ikun stabbilit il-kost tal-kont bankarju. Din l-analiżi wriet ukoll li d-differenzi bejn il-prezzijiet tal-kontijiet bankarji, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, kienu aktar importanti minn dawk ta' servizzi oħrajn.

Proposta Nru 41 : Minn issa sa Frar 2011 il-Kummissjoni se tipproponi direttiva bl-għan li toħloq suq uniku integrat għall-kreditu ipotekarju b'livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi.

Is-suq tas-servizzi finanzjarji tal-konsumaturi huwa settur li minnu l-konsumaturi għadhom ma jistgħux jieħdu l-vantaġġi kollha. Spiss ma jkunux jixtiequ jbiddlu l-fornitur tas-servizzi jew ma jkollhomx biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jqabblu l-offerti disponibbli. Dawn id-diffikultajiet għandhom it-tendenza li jikbru meta r-riċerka tmur lil hinn mill-fruntieri. Flimkien mar-riformi strutturali li qed isiru fis-settur finanzjarju, ir-riformi għandhom ikomplu sabiex iżidu l-fiduċja tal-konsumaturi fis-swieq finanzjarji tal-konsumaturi. Dan ix-xkiel huwa parti minn dak li l-aktar jaffettwa liċ-ċittadini fil-ħajja ta' kuljum. Is-swieq ipotekarji Ewropej huma ta' importanza kbira għal miljuni ta' ċittadini Ewropej. self ipotekarju huwa waħda mill-aktar deċiżjonijiet finanzjarji importanti fil-ħajja ta' dak li jkun, li jwassal għal impenn finanzjarju fuq għexieren ta' snin. Imġiba irresponsabli min-naħa tal-operaturi tista' tfixkel il-fondazzjonijiet ta' sistema finanzjarja, u twassal għal konsegwenzi soċjali u ekonomiċi li jistgħu jkunu serji ħafna. L-integrazzjoni tas-swieq ipotekarji xorta tibqa' limitata. Il-livell ta' self transkonfinali dirett jibqa' baxx filwaqt li jissukktaw id-diverġenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri f'termini ta' prezz, għażla tal-prodotti u approċċi lejn ir-regolamenti applikabbli għall-atturi differenti konċernati, bħal ma huma dawk li ma jissellfux mill-banek u wkoll l-intermedjarji ta' kreditu. Il-kredituri u l-intermedjarji tal-kreditu jkollhom jaffrontaw ostakoli li jwaqqfuhom milli jinnegozjaw fi Stat Membru ieħor jew iżidulhom il-kostijiet b'mod mhux proporzjonat. Bl-istess mod, iċ-ċittadini jkollhom jaffrontaw ostakoli meta jfittxu li jkollhom self ipotekarju fi Stat Membru ieħor, jew ukoll mingħand sellief li jinsab fl-istess Stat Membru għall-akkwist ta' proprjetà li tkun x'imkien ieħor fl-UE, u ma jkunux jistgħu jieħdu l-kreditu. Ir-riċerka għall-aħjar prezz jew prodott fi Stati Membri differenti hija daqstant diffiċli jew aħjar impossibbli minħabba nuqqas ta' informazzjoni komparabbli. L-integrazzjoni tas-swieq ipotekarji Ewropej tippromwovi l-istabbiltà finanzjarja u toffri benefiċċji sinifikanti lill-konsumaturi. Dan iwassal għal effiċjenza akbar min-naħa tas-selliefa ipotekarji u għal disponibbiltà ta' għażla dejjem akbar ta' prodotti.

Proposta Nru 42 : Sa tmiem l-2010, il-Kummissjoni se tadotta komunikazzjoni li għandha l-għan li tidentifika u tnaqqas l-ostakoli fiskali li għadhom jaffrontaw iċ-ċittadini Ewropej.

Ċerti ostakoli li jimpedixxu liċ-ċitaddin milli jiċċaqlaq b'mod ħieles u jibda jgħix f'post ieħor filwaqt li jakkwista oġġetti u servizzi fl-UE kollha huma r-riżultat ta' problemi ta' tassazzjoni. Dawn il-problemi jistgħu jikkonsistu f'diffikultajiet biex titħaffef it-tassazzjoni doppja, minħabba limiti fl-ambitu tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja jew fin-nuqqas tagħhom, regoli fiskali diskriminatorji jew sistemi fiskali differenti li jikkoinċidu f'xi partijiet, kif ukoll id-diffikultajiet li wieħed ikollu jaffronta leġiżlazzjoni fiskali ta' żewġ Stati Membri jew aktar, u li wieħed ikollu jitlob tnaqqis fit-taxxa jew rimborsi fiskali minn Stat Membru ieħor. Jista' jkun hemm problemi għall-ħaddiema transkonfinali fil-qasam tat-taxxi fuq il-karozzi kif ukoll it-taxxi fuq il-pensjonijiet u l-wirt.

Proposta Nru 43 : Fl-2012, il-Kummissjoni se tadotta proposta li temenda r-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, l-aktar fid-dawl tal-effetti li kellha l-kriżi riċenti tal-vulkan tal-Islanda, u f'każ tal-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva dwar is-settur tat-trasport fit-toroq (xarabank u kowċis), Komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri b'kull mezz tat-trasport.

Minkejja l-leġiżlazzjoni diġà stabbilita, l-aktar fis-setturi tal-ajru, tal-ferroviji u dalwaqt fis-settur marittimu, id-drittijiet tal-passiġġieri għadhom ivarjaw skont il-metodu ta' trasport magħżul u mhumiex dejjem irrispettati mill-operaturi. Din is-sitwazzjoni toħloq riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u ttellef l-għan li jiġi żgurat livell ta' kwalità tas-servizzi uniformi biżżejjed fl-interess taċ-ċittadini iżda wkoll tal-ekonomija Ewropea fit-totalità tagħha.

3. Djalogu, sħubija, evalwazzjoni: l-għodod għal governanza tajba tas-suq uniku

Is-suq uniku mhuwiex il-proprjetà tal-istituzzjonijiet Ewropej jew ta' xi grupp kbir pan-Ewropew: huwa dak li kull Ewropew jibni kuljum meta jaħdem, ifaddal, jixtri, jinvesti … L-elaborazzjoni u l-użu tas-suq uniku jiddependu fil-verità mill-Ewropej innifishom!

L-għan kollu ta' dan l-Att huwa li jipproponi qafas ġdid ta' djalogu sabiex il-ħsieb u l-implimentazzjoni tat-testi jibbenefikaw minnhom l-istess Ewropej: billi tipproponi, tippromwovi, u tipprovdi spazju għal djalogu u dibattitu, il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha biex lis-suq uniku terġa' tagħtih sens sabiex lill-Ewropej joffrilhom dejjem aktar . Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fir-rwoli rispettivi tagħhom, se jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fl-Istati.

Madankollu, dan l-Att dwar is-Suq Uniku ma jkunx jista' jirnexxi jekk il-proċess ta' proposta, ta' deċiżjoni, ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ ma jinfetaħx aktar f'livell ogħla għal sħab oħrajn.

Għadd ta' aspetti ta' dan il-Att, fosthom il-miżuri dwar is-servizzi pubbliċi jew l-aspetti tat-taxxi, jolqtu l-ambitu tal-ħiliet tal-Istati Membri u wkoll dawk tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom. Din hija r-raġuni essenzjali li minħabba fiha l-livelli kollha politiċi territorjali għandhom ikunu involuti u għandhom jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-governanza tas-suq uniku, b'mod konsistenti mal-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-politika ta' koeżjoni.

Dan l-Att dwar is-Suq Uniku jirrifletti x-xewqa kbira tal-President Barroso li jagħmel l-Istrateġija Ewropa 2020 aktar viżibbli u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Parlament Ewropew kif ukoll tar-rapport ta' Mario Monti. Dan l-Att iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tikseb riżultati, tkisser l-ostakoli sabiex tħejji għall-futur u ssaħħaħ l-Ewropa sabiex taffronta l-isfidi.

Bla dubju, dan l-Att u l-implimentazzjoni tiegħu se jkunu mmarkati minn sens qawwi ta' volontà ta' djalogu, ta' stabbiliment ta' sħubijiet mal-partijiet interessati u ta' evalwazzjoni oġġettiva tar-riżultati.

L-influwenza ma tistax tiġi ordnata iżda trid tinbena. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni mhi se toqgħod lura mill-ebda dibattitu, l-anqas dak l-iktar diffiċli: il-partiti politiċi Ewropej, il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-impriżi, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet, eċċ. f'ħidma mill-qrib ħafna mal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Dan l-Att jipproni 50 azzjoni b'dati skedati għall-konsultazzjoni, li l-Kummissjoni se tmexxi skont prinċipji regolatorji intelliġenti. Bi trasparenza u sens ta' responsabbiltà, il-Kummissjoni se tistieden lil kull wieħed mis- sħab tagħha jipprepara għal dawn l-istadji ta' djalogu u jagħti l-kontribuzzjonijiet tiegħu hekk kif jieħu f'idejh il-futur tas-suq uniku kbir tagħna.

Il-Kummissjoni għandha tkompli taqdi r-rwol tagħha ta' sorveljanza u ta' implimentazzjoni tajba tal-politiki tas-suq uniku. Hija konxja mill-isforzi li qed titlob min-naħa tal-Istati Membri għal ħidma favur suq aktar magħqud u kompetittiv. Se tissimpatizza mat-tħassib iżda mhix se tneħħi l-għanijiet minn quddiem għajnejha.

Proposta Nru 44 : Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jikkooperaw sabiex ikomplu jiżviluppaw is-suq intern billi jsaħħu l-evalwazzjoni tal-acquis, b'mod partikolari abbażi tal-proċess ta' "evalwazzjoni reċiproka" tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li bħalissa hija implimentata mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. L-esperjenza tal-proċess ta' evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva dwar is-Servizzi se tiġi estiża għal leġiżlazzjonijiet ewlenin oħrajn tas-suq uniku.

Il-Kummissjoni se tkompli l-azzjoni tagħha ta' evalwazzjoni billi tiffoka fuq l-esperjenzi reali, u billi tesperimenta u ssaħħaħ is-sinerġji bejn l-għodod eżistenti (is-sorveljanza tas-swieq, stħarriġ settorjali, it-tabella ta' valutazzjoni tal-konsumaturi, eċċ.) Minħabba dan, hi se tistabbilixxi b'mod regolari lista ("Top 20") ta' aspettattivi tal-atturi fis-suq uniku (impriżi, konsumaturi, ħaddiema, studenti, pensjonanti). Din il-lista se sservi ta' "termometru" tal-istat li jkun jinsab fih is-suq uniku u tal-funzjonament reali tiegħu.

Minbarra dan, il-Kummissjoni se teżamina b'mod regolari l-istat tas-suq uniku bi sħubija mal-atturi kollha kkonċernati billi flimkien mal-Parlament Ewropew kull sena torganizza Forum dwar is-Suq Uniku , bil-parteċipazzjoni ta' istituzzjonijiet oħrajn, ta' rappreżentanti tal-Istati Membri (inkluż dawk fil-livell reġjonali u lokali), tal-parlamenti nazzjonali, taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati. L-ewwel forum se jseħħ fl-2011.

Proposta Nru 45 : Fil-bidu tal-2011, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija dwar it-tkabbir tas-sistema ta' informazzjoni tas-suq intern (IMI) għal oqsma leġiżlattivi oħra fl-2011 bl-għan li jinħoloq netwerk elettroniku veru "face to face" għall-amministrazzjonijiet Ewropej. Din l-istrateġija se tkun is-suġġett ta' proposta leġiżlattiva.

Is-sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) kienet maħsuba bħala għodda flessibbli ta' sostenn għall-kooperazzjoni amministrattiva sabiex minnha jibbenefikaw leġiżlazzjonijiet settorjali differenti. Bħalissa tintuża għad-direttiva dwar il-kwalifiki professjonali u għad-Direttiva dwar is-Servizzi. Sabiex jitwettaq il-potenzjal sħiħ tal-IMI, jinħtieġ li tiġi żviluppata strateġija ċara sabiex testendiha għal setturi oħrajn u wkoll toħloq sinerġiji bejn l-IMI u għodod oħra ta' teknoloġiji ta' informazzjoni. Din l-istrateġija se tkun imniżżla fid-dettall f'Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. L-ostakolu prinċipali għal estensjoni tal-IMI huwa n-nuqqas ta' bażi legali li tissodisfa bis-sħiħ lill-awtoritajiet responsabbli mill-protezzjoni tad-dejta nazzjonali u dik Ewropea. Bħala rimedju għal dan, se tkun diskussa l-opportunità ta' proposta għal regolament. Il-proposta tistabbilixxi r-regoli dwar it-trattament tal-informazzjoni u kundizzjonijiet oħra għall-użu tal-IMI, u toffri l-possibilità ta' kooperazzjoni amministrattiva fl-oqsma fejn tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-liġi dwar is-suq intern iżda mhux speċifikament prevista mil-liġi fis-seħħ.

Proposta Nru 46 : Fl-2011, il-Kummissjoni se tissottometti inizjattiva dwar l-użu ta' riżoluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim fl-UE. F'dan ir-rigward, fl-2011 il-Kummissjoni se tadotta Rakkomandazzjoni dwar in-netwerk ta' sistemi ta' regolamenti għal riżoluzzjonijiet alternattivi għas-servizzi finanzjarji. Dawn iż-żewġ inizjattivi għandhom l-għan li jiżguraw li jiġu stabbiliti mezzi sempliċi u bi prezz raġonevoli ta' proċeduri ta' riżoluzzjoni barra mill-qorti sabiex jingħeleb it-tilwim bejn il-konsumaturi transkonfinali. Minn issa sal-2012, il-Kummissjoni se tipproponi sistema Ewropea ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti onlajn għat-tranżazzjonijiet diġitali. Minbarra dan, fl-2010-2011, il-Kummissjoni se tmexxi konsultazzjoni pubblika dwar approċċ Ewropew fir-rigward ta' rikors kollettiv, sabiex ikunu identifikati l-modalitajiet li jistgħu jiddaħlu fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea u fis-sistemi legali tal-Istati Membri.

Jekk irridu li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-akkwisti tagħhom b'fiduċja sħiħa fi Stat Membru ieħor filwaqt li japprofittaw mid-drittijiet mogħtija lilhom permezz tal-leġiżlazzjoni Ewropea, jinħtieġ li jkun hemm garanzija, li f'każ ta' problemi, ikunu jistgħu jsibu rimedji għal dan. Id-drittijiet li ma jistgħux ikunu rispettati fil-prattika ma għandhomx valur. Stħarriġ reċenti stima li t-telf għall-konsumaturi Ewropej minħabba problemi fl-oġġetti jew is-servizzi akkwistati jammonta għal 0.3 % tal-PDG Ewropew fis-sena. Ir-riżoluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim u ta' assistenza f'każ ta' lment, bl-istess mod taċ-ċentri Ewropej għal-konsumaturi, jistgħu joffru soluzzjoni faċli, mgħaġġla u bi prezz raġonevoli għall-konsumaturi, filwaqt li jippreservaw ir-relazzjonijiet tal-impriżi mal-klijenti tagħhom. Madankollu, il-konsumaturi u l-impriżi mhumiex infurmati biżżejjed dwar is-sistemi eżistenti ta' riżoluzzjoni alternattivi tat-tilwim, u sistemi tali għadhom nieqsa f'bosta setturi. Fis-settur tas-servizzi finanzjarji pereżempju, il-konsumaturi ma għandhomx għażla oħra ħlief li jirrikorru għal proċeduri legali li jiswew ħafna flus u li jdumu. F'ċerti Stati Membri, ma jeżistux mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim li jistgħu jseħħu barra mill-qorti. Minbarra dan, il-mekkaniżmi eżistenti s'issa għadhom ma wrewx li jistgħu jkunu effiċjenti biżżejjed fuq bażi transkonfinali. Huwa għalhekk meħtieġ li jimtela l-vojt fil-kopertura ġeografika u settorjali tan-netwerk FIN-NET. Minbarra dan, għadu mhux faċli li jseħħ rikors kollettiv quddiem it-tribunali u f'qafas li ma jkunx ġudizzjarju. L-impriżi jistgħu jġarrbu distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fin-nuqqas ta' kundizzjonijiet ġusti fil-kompetizzjoni. Qed jintilfu opportunitajiet biex jintlaħqu ekonomiji ta' skala permezz ta' raggruppament ta' rikorsi. Titjib fil-mekkaniżmu ta' riżoluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim bejn il-konsumaturi u l-impriżi, b'mod partikolari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, iġib miegħu benefiċċji sostanzjali għall-konsumaturi, u jsaħħaħ il-fiduċja tal-istess konsumaturi filwaqt li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq uniku.

Proposta Nru 47 : Bi sħubija mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiżviluppa politika aktar determinata li tinforza r-regoli tas-suq uniku. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tħejji pjanijiet ta' traspożizzjoni u proġetti ta' tabelli ta' tqabbil għall-proposti leġiżlattivi previsti fl-Att u li tnaqqas it-tul medju tat-trattament tal-fajl ta' ksur. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex inaqqsu d-defiċit tagħhom ta' traspożizzjoni tad-Direttivi tas-suq uniku għal 0,5 % u biex jinnotifikaw it-tabelli ta' korrelazzjoni mal-miżuri ta' traspożizzjoni.

Saru u għadhom qed isiru sforzi konsiderevoli sabiex is-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tissaħħaħ fir-rigward tal-ġestjoni tas-suq uniku, b'mod partikolari bl-implimentazzjoni tar-"rakkomandazzjoni dwar is-sħubijiet" tal-2009[23]. L-isforzi kontinwi sabiex titjieb l-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq uniku ħallew il-frott tagħhom, hekk kif juri pereżempju l-livell baxx ta' defiċit medju tat-traspożizzjoni fl-aħħar tabella ta' valutazzjoni tas-suq intern[24].

Minkejja l-isforzi li qed isiru, it-traspożizzjoni sħiħa tieħu madwar seba' xhur aktar mid-data ta' skadenza msemmija fid-Direttivi[25]. L-istatistiċi pubbliċi juru li għall-2008, kien hemm 36% ta' dewmien fin-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni, fl-2009 – 31 % u fl-2010 – 30 %[26]. Għad hemm madankollu xi nuqqasijiet l-aktar minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali mhijiex dejjem konformi mad-Direttivi li tittrasponi. It-tul tal-proċeduri formali ta' ksur immexxija mill-Kummissjoni u d-dewmien konsiderevoli fl-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti mill-awtoritajiet nazzjonali huma wkoll sfidi li għadhom iridu jiġu indirizzati. Jenħtieġ ukoll li tingħata aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet ta' applikazzjoni tar-regoli waqt it-tfassil tagħhom flimkien mal-evalwazzjoni u/jew il-modifika tagħhom. Strumenti ta' sostenn se jkunu żviluppati mill-Kummissjoni, pereżempju billi jiġu stabbiliti b'mod sistematiku pjanijiet ta' traspożizzjoni għall-proposti leġiżlattivi identifikati fl-Att. Dawn il-pjanijiet se jippermettu li d-diffikultajiet ta' traspożizzzjoni jingħataw l-attenzjoni fi stadju bikri.

Hemm bżonn li jkun hemm sforzi mġeddin fl-implimentazzjoni u fir-rispett tar-regoli; aktar u aktar minħabba l-prerekwiżit għal funzjonament tajjeb tas-suq uniku, minħabba li r-regoli għandhom ikunu l-istess għal kulħadd. Dan jirrikjedi sħubija u kooperazzjoni determinata bejn l-Istati Membri sabiex ikompli jonqos id-defiċit tat-traspożizzjoni. Jinħtieġ impenn reċiproku sabiex jikkontrolla l-konformità tal-liġi nazzjonali mar-regolamenti l-aktar importanti tas-suq uniku, grazzi għall-użu sistematiku tat-tabella ta' korrelazzjoni li għandha tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini u għall-impriżi. Dawn it-tabelli se jingħataw mill-Kummissjoni lill-Istati Membri għal kull Direttiva prijoritarja li hemm fl-Att. Għandu jkun hemm ukoll sforzi konġunti sabiex jitħaffef il-pass tal-proċeduri ta' ksur min-naħa tal-Kummissjoni u l-konformità mas-sentenzi tal-Qorti billi jkun iffissat għan ambizzjuż komuni kif ukoll ikun żviluppat użu sistematiku tal-modi ta' riżoluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim bħal SOLVIT u EU-PILOT.

Proposta Nru 48 : Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-konsultazzjoni u d-djalogu mas-soċjetà ċivili fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tat-testi. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-kunsiderazzjoni tal-opinjonijiet tal-konsumaturi, tal-NGOs, tat-trade unions, tal-impriżi, ta' dawk li jfaddlu, tal-utenti u tal-awtoritajiet lokali fil-konsultazzjonijiet ta' qabel l-adozzjoni tal-proposti, u b'mod partikolari, fir-rigward tal-ħidmiet tal-gruppi ta' esperti.

Il-politika ta' suq uniku tista' biss tissaħħaħ permezz tal-kontribuzzjonijiet ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati. Dawk li mhumiex professjonisti fl-oqsma kkonċernati jikkostitwixxu biss minorità tal-kontribuzzjonijiet li tirċievi l-Kummissjoni. Il-konsumaturi, l-investituri ż-żgħar, l-impriżi ż-żgħar, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema, l-NGOs u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali, jista' jkollhom opinjoni utli dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri fir-realtà, u jgħinu sabiex jiġi ddeterminat jekk il-politiki proposti jistgħux jagħtu valur akbar liċ-ċittadini.

Proposta Nru 49 : Fl-2010, il-Kummissjoni se tkompli bil-promozzjoni ta' punt ta' waqfa waħda li jagħti liċ-ċittadini u lill-impriżi informazzjoni dwar is-servizz ta' assistenza dwar id-drittijiet mogħtija lilhom mis-suq uniku kif ukoll aċċess għal dan is-servizz, permezz tal-internet, it-telefown, jew permezz ta' kuntatt personali, billi tiżviluppa l-portal "L-Ewropa tiegħek" u tikkoordinah aħjar ma' "Europe Direct". Il-Kummissjoni se tinforza wkoll is-sħubija mal-Istati Membri sabiex l-informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali jkunu disponibbli wkoll permezz tal-punt ta' waqfa waħda.

Għadd ta' rapporti juru li ċ-ċittadini ma jafux id-drittijiet tagħhom sew, u ma jafux lejn min għandhom iduru biex jiddefendu dawn id-drittijiet f'każ ta' problema, u dan minkejja r-rikkezza tar-riżorsi ta' informazzjoni uffiċjali u s-sistemi ta' assistenza mwaqqfa mill-Kummissjoni. Dan wassal biex il-portal "L-Ewropa tiegħek" ikun maħsub mill-ġdid bħala punt ta' waqfa waħda u l-informazzjoni ġiet miktuba mill-ġdid skont l-opinjoni tal-utenti. L-għan tax-xhur li ġejjin huwa li l-Ewropej isiru konxji dwar dan u li jkun hemm aktar informazzjoni disponibbli sabiex din issir aktar utli, b'mod partikolari billi tingħata informazzjoni nazzjonali (is-sitwazzjoni preċiża f'kull Stat Membru, formalitajiet mitluba, kuntatti lokali eċċ.). Dan ma jistax isir mingħajr il-kollaborazzjoni attiva tal-Istati Membri.

Proposta Nru 50 : Il-Kummissjoni bi sħubija mal-Istati Membri se ssaħħaħ l-għodod ta' informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni ta' problemi, l-aktar billi tikkonsolida u ssaħħaħ il-proġett "EU Pilot", in-netwerk SOLVIT, u n-netwerks taċ-ċentri Ewropej tal-konsumaturi. Fir-rigward ta' SOLVIT, abbażi ta' evalwazzjoni magħmula fl-2010, din se tifformula proposti konkreti fl-2011. Fuq perjodu iktar fit-tul, din se teżamina l-kundizzjonijiet ta' żvilupp eventwali kumplimentari ta' dawn l-għodod u mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti, billi tinħoloq għaqda akbar bejniethom sabiex jiġi żgurat li maż-żmien ikunu jistgħu jkunu ttrattati l-problemi marbuta mas-suq uniku.

Wara 8 snin li ilu jaħdem SOLVIT, l-għadd ta' każi ttrattati żdied b'aktar minn għaxar darbiet, u ċ-ċentri qed jintalbu jittrattaw każi dejjem aktar varjati u li jmorru lil hinn mill-mandat strett tagħhom. Sabiex ikun hemm garanzija tal-aqwa funzjonament possibbli tan-netwerk fil-futur, hemm bżonn li ssir riflessjoni kemm dwar il-mandat ta' SOLVIT, dwar il-mezzi li jiggarantixxu l-kwalità tal-eżekuzzjoni tagħhom kif ukoll dwar ir-rapporti tagħhom ma' għodod oħra ta' riżoluzzjoni ta' dawn il-problemi. Din se tippermetti li lil hinn mis-SOLVIT, ikun hemm progress fuq terminu ta' żmien itwal li jwassal għal sitwazzjoni li fiha tkun teżisti sistema ta' riżoluzzjoni ta' tilwim mgħaġġla u informali għal kull problema li jkollu jaffronta ċ-ċittadin jew li jkollha taffronta impriża fis-suq uniku. In-netwerk taċ-ċentri Ewropej għall-konsumaturi se jitqiesu fl-evalwazzjoni li fl-2011 se twassal għal proposti konkreti bl-għan li jiġi żviluppat aktar. Il-proġett "EU Pilot", min-naħa tiegħu, għandu l-għan li jiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri sabiex isolvi mill-aktar fis il-problemi fl-applikazzjoni tal-liġi fis-suq uniku, mingħajr il-ħtieġa ta' proċeduri ta' ksur. Il-varjetà u l-volum ta' problemi li jibqgħu jippersistu jeħtieġu infurzar ta' din l-inizjattiva. Il-Kummissjoni varat inizjattiva sabiex tiġi estiża l-kopertura tal-proġett minn 24 sa 27 Stat Membru.

Konklużjoni: Lejn dibattitu pubbliku Ewropew

Dan l-Att għandu l-għan li jġedded il-fiduċja fost l-Ewropej u s-suq kbir tagħhom sabiex dan jerġa' jsir għodda għas-servizz tat-tkabbir filwaqt li jippermettilna naffrontaw l-isfidi li għandna quddiemna.

Qabel kollox, il-metodu li qed tipproponi li timplimenta l-Kummissjoni huwa wieħed dinji: it-tisħiħ tal-ekonomija soċjali tas-suq billi l-impriżi u l-Ewropej jerġgħu jitqiegħdu fil-qalba tas-suq uniku u b'hekk terġa' tinkiseb il-fiduċja ; l-iżvilupp ta' politiki tas-suq sabiex ikun hemm tkabbir sostenibbli u ġusti; l-istabbiliment ta' għodod għal governanza tajba, djalogu, sħubija u evalwazzjoni. Dan l-approċċ dinji jitlob koordinazzjoni tal-ħidmiet tal-Kummissjoni u ta' Istituzzjonijiet oħrajn, kif ukoll monitoraġġ aħjar. Dan mhux se jkollu effett fuq il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ stabbiliti fil-qafas ta' inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Huwa metodu kollettiv li jimpenja lill-Kummissjoni, iżda fir-rwol tagħhom u bl-użu tal-proċeduri tagħhom stess, jimpenja wkoll wkoll lill-Parlament u lill-Kunsill. Il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni se jiftħu d-dibattitu għar-rappreżentanti lokali u reġjonali, is-sħab soċjali jew ekonomiċi, l-assoċjazzjonijiet u atturi oħrajn fis-soċjetà ċivili. Minbarra dan, l-Att dwar is-Suq Uniku se jkun diskuss fl-Ewropa kollha fix-xhur li ġejjin. Dan l-att, tradott f'kull lingwa tal-Istati Membri, se jkun indirizzat lill-Membri Parlamentari Ewropej u dawk nazzjonali, lill-awtoritajiet reġjonali inkluż ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, kif ukoll lis-sħab soċjali u lill-atturi ekonomiċi u soċjali u tas-soċjetà ċivili. L-għodod speċifiċi ta' informazzjoni se jkunu disponibbli għall-partijiet interessati.

Se jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għal dibattitu politiku Ewropew ġenwin , mibnija fuq l-isfidi tal-ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna.

Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna jissottomettu l-opinjoni tagħhom dwar il-varar mill-ġdid tas-suq uniku u, b'mod partikolari, dwar il-50 miżura proposta f'dan id-dokument permezz tal-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/internal_market/smact. L-għodod speċifiċi ta' informazzjoni se jkunu disponibbli għall-partijiet interessati.

Il-kontribuzzjonijiet tagħhom għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard mit-28 ta' Frar 2011. Abbażi tat-tweġibiet li se tirċievi, il-Kummissjoni tipproponi li jkollha ftehim formali mill-Istituzzjonijiet l-oħra dwar il-verżjoni definittiva tal-Att.

Il-kontribuzzjonijiet riċevuti se jkunu ppubblikati fuq l-Internet. Huwa importanti li wieħed jaqra l-istqarrija speċifika dwar il-privatezza fuq is-sit imsemmi hawn fuq għal informazzjoni dwar kif se jiġu ttrattati d-dejta personali kif ukoll il-kontribuzzjonijiet ta' dak li jkun.

Fi tmiem dan id-dibattitu pubbliku u abbażi tal-konklużjonijiet li joħorġu minnu, il-Kummissjoni tixtieq li l-Istituzzjonijiet Ewropej flimkien fil-bidu tas-sena 2011 jimpenjaw ruħhom biex dan l-att u l-50 miżura tiegħu jsir pjan ta' azzjoni politika definittiv għall-perjodu 2011-2012. It-twettiq tiegħu għandu jippermetti li, b'mod dinamiku, fi tmiem l-2012, jiġi kkommemorat l-20 anniversarju tas-suq uniku.

It-twettiq fl-2012 tal-inizjattivi mniżżla fl-Att se jkun il-mument ta' evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu u wkoll tar-riżultati f'termini ta' tkabbir sostenibbli u ta' tisħiħ tal-fiduċja tal-Ewropej fis-suq uniku. Sabiex ikunu evalwati dawn ir-riżultati se jiġu żviluppati indikaturi li jistgħu pereżempju jkejlu:

- L-evoluzzjoni tal-kost tal-ħruġ ta' privattiva;

- Il-kwantità ta' oġġetti nnegozjati bejn l-Istati Membri f'perċentwali tal-PDG tal-UE;

- Il-parti tas-servizzi transkonfinali f'perċentwali tal-PDG tal-UE, u l-għadd ta' impriżi stabbiliti fi Stat Membru għajr l-Istat Membru fejn ikollhom is-sede prinċipali;

- L-għadd ta' awtoritajiet pubbliċi interkonnessi permezz ta' Sistema ta' Informazzjoni għas-Suq Intern (IMI), u l-għadd ta' rikjesti introdotti; u

- Il-perċentwali ta' oġġetti u servizzi akkwistati onlajn b'mod transkonfinali.

Abbażi ta' din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tippjana t-tieni fażi tat-tisħiħ tas-suq uniku li matulha, f'suq uniku rinnovat, ikunu jistgħu jiġu identifikati aktar is-sorsi ta' tkabbir u ta' fiduċja. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se twettaq xogħol approfondit ta' riċerka, stħarriġ u analiżi.

1. Tkabbir qawwi, sostenibbli u ġust għall-impriżi |

1.1 Il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-ħolqien |

Proposta Nru 1 | Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jadottaw il-proposti għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi tagħha u s-sistema unifikata għar-riżoluzzjoni tat-tilwim L-għan huwa li l-ewwel privattivi tal-UE jinħarġu fl-2014. | Mingħajr aktar dewmien | Unjoni għall-innovazzjoni |

Proposta Nru 2 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tipproponi Direttiva qafas dwar il-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur, bl-għan li jinfetaħ l-aċċess għal dak li hemm onlajn billi jittejbu l-kontroll, it-trasparenza u l-ġestjoni elettronika tad-drittijiet tal-awtur. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll Direttiva dwar ix-xogħlijiet orfni. | 2011 | Aġenda diġitali għall-Ewropa |

Proposta Nru 3 | Fl-2010, il-Kummissjoni se tipproponi pjan ta' azzjoni kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija, li jinkludi kemm miżuri leġislattivi kemm dawk mhux leġislattivi. Barra minn hekk, fl-2011 se tagħmel proposti leġiżlattivi b'mod partikolari biex tadatta qafas leġiżlattiv għall-bżonnijiet li jinħolqu bl-iżvilupp tal-internet kif ukoll biex issaħħaħ l-azzjoni doganali f'dan il-qafas u biex terġa' teżamina l-istrateġija tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali fl-Istati terzi. | 2010/2011 | Politika industrijali integrata |

1.2 Il-promozzjoni ta' mogħdijiet ġodda li jwasslu għal ekonomija sostenibbli |

Proposta Nru 4 | Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw sabiex ikomplu jiżviluppaw is-suq intern tas-servizzi abbażi tal-proċess ta' "evalwazzjoni reċiproka" tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li bħalissa hija implimentata mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Fl-2011, il-Kummissjoni se tistabbilixxi miżuri speċifiċi biex jintlaħaq dan, inkluż fis-settur tas-servizzi lin-negozji. | 2011 |

Proposta Nru 5 | Minn issa sal-2011 il-Kummissjoni se tieħu inizjattivi bl-għan li jiġi żviluppat kummerċ elettroniku fis-suq intern. Dawn se jikkonċentraw b'mod partikolari fuq il-problemi li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi fl-ekonomija diġitali. Se jinkludu Komunikazzjoni dwar il-funzjonament tal-kummerċ elettroniku u, ukoll, linji gwida lill-Istati Membri li jagħtu garanzija ta' applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi li għandha l-għan li tiġġieled kontra d-diskriminazzjonijiet fir-rigward ta' dawk li jirċievu s-servizzi minħabba n-nazzjonalità tagħhom jew ir-residenza tagħhom. | 2011 | Aġenda diġitali għall-Ewropa Rapport dwar iċ-Ċittadinanza |

Proposta Nru 6 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tipproponi emenda tal-qafas regolatorju tal-istandardizzazzjoni, sabiex tagħmel il-proċeduri ta' standardizzazzjoni aktar effikaċi, effiċjenti u inklussivi u biex testendi l-ambitu ta' dawn il-proċeduri għas-servizzi wkoll. | 2011 | Politika industrijali integrata Unjoni għall-innovazzjoni Aġenda diġitali għall-Ewropa |

Proposta Nru 7 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta White Paper dwar il-politika tat-trasport, li se tipproponi serje ta' azzjonijiet immirati b'mod partikolari biex ineħħu l-ostakoli li għad hemm identifikati bejn il-mezzi u s-sistemi nazzjonali tat-trasport. | 2011 | Politika industrijali integrata |

Proposta Nru 8 | Fl-2011 il-Kummissjoni se tadotta proposta bl-għan li tirrevedi d-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija, sabiex tirrefletti aħjar l-għanijiet klimatiċi u tal-enerġija tal-UE fil-kuntest fiskali billi tibbaża r-rati minimi ta' taxxa fuq l-emissjonijiet tas-CO2 u l-kontenut tal-enerġija. | 2011 |

Proposta Nru 9 | Il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva bl-għan li tistabbilixxi Grupp ta' Livell Għoli dwar is-servizzi lill-impriżi sabiex tistudja n-nuqqasijiet preżenti fis-suq, u l-kwistjonijiet ta' standardizzazzjoni, ta' innovazzjoni u kummerċ industrijali fis-setturi bħal-loġistika, il-ġestjoni tal-installazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-pubbliċità. |

Proposta Nru 10 | Qabel l-2012 il-Kummissjoni se teżamina l-opportunità ta' inizjattiva dwar l-impronta ekoloġika tal-prodotti, bl-għan li twieġeb għall-problema tal-impatt ambjentali tal-prodotti, inkluż l-emissjonijiet tas-CO2. L-inizjattiva se teżamina l-mezzi li bihom għandha tiġi stabbilita metodoloġija komuni Ewropea għall-evalwazzjoni u l-indikazzjoni tagħhom. | 2012 | Politika industrijali integrata |

Proposta Nru 11 | Il-Kummissjoni, fil-bidu tal-2011, se tippreżenta Pjan ta' Effiċjenza Enerġetika sabiex jintuża l-potenzjal għal ekonomija sinifikanti ta' enerġija filwaqt li tkun ikkompletata l-politika eżistenti fis-setturi kollha ta' konsum ta' enerġija. | 2011 |

1.3 Għall-impriżi żgħar u medji |

Proposta Nru 12 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta pjan ta' azzjoni li jtejjeb l-aċċess tal-SMEs għas-swieq kapitali. Dan se jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-viżibbiltà tal-SMEs fir-rigward tal-investituri, sabiex ikun żviluppat netwerk effiċjenti tal-Borża jew swieq regolamentati speċifikament għall-SMEs, u li jagħmlu l-obbligi tal-elenkar u tal-pubbliċità aktar xierqa għall-SMEs. | 2011 | Unjoni għall-innovazzjoni |

Proposta Nru 13 | Minn issa sal-2010, il-Kummissjoni se tevalwa l-inizjattiva marbuta mal-SMEs ("Small Business Act"), sabiex tiżgura, fost l-oħrajn, l-applikazzjoni tal-prinċipju "Think Small First" fil-politika u fil-proċedura leġiżlattiva, sabiex tqarreb ħafna s-"Small Business Act" lejn l-Istrateġija Ewropa 2020. | 2010 | Politika industrijali integrata |

Proposta Nru 14 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tad-Direttivi dwar in-Normi tal-Kontabbiltà sabiex tissimplifika l-obbligi ta' informazzjoni finanzjarja u biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari dawk li hemm fuq l-SMEs. | 2011 |

1.4 Il-finanzjament tal-innovazzjoni u l-investimenti fit-tul |

Proposta Nru 15 | Il-Kummissjoni se tiffavorixxi l-ħolqien ta' self obbligatorju għall-finanzjament tal-proġetti Ewropej ("project bonds"). | Politika industrijali integrata |

Proposta Nru 16 | Il-Kummissjoni se tesplora miżuri li jistgħu jħeġġu l-investimenti privati – l-aktar dawk fit-tul –sabiex dawn jikkontribwixxu aħjar għat-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Dawn il-miżuri jistgħu jikkonċernaw ir-riforma tal-governanza korporattiva, joħolqu inċentivi għall-investiment fit-tul, sostenibbli u etiku li jesiġi tkabbir intelliġenti, ekoloġiku u inklussiv. Minbarra dan, minn issa sal-2012, il-Kummissjoni se tiżgura li l-fondi ta' kapital tar-riskju stabbiliti f'kull Stat Membru jkunu jistgħu jiffunzjonaw u jinvestu liberament fl-Unjoni Ewropea (f'dak il-każ permezz tal-adozzjoni ta' qafas leġiżlattiv ġdid). Se tiżgura wkoll li kull trattament fiskali li jqiegħed fi żvantaġġ l-attivitajiet transkonfinali jiġi eliminat. | 2012 | Unjoni ta' innovazzjoni |

Proposta Nru 17 | Wara l-evalwazzjoni u l-konsultazzjoni li qed isiru bħalissa fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Ewropea tas-swieq pubbliċi, il-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-2012, se tagħmel proposti leġiżlattivi li għandhom l-għan li jissimplifikaw u jimmodernizzaw ir-regoli Ewropej sabiex jagħmlu l-għoti tal-kuntratti, wieħed aktar sempliċi, u sabiex jippermettu użu aħjar tas-swieq pubbliċi b'appoġġ għall-politiki l-oħrajn. | 2012 | Unjoni għall-innovazzjoni Politika industrijali integrata |

Proposta Nru 18 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta inizjattiva leġiżlattiva dwar il-konċessjonijiet tas-servizzi. Regoli ċari u proporzjonati se jippermettu t-titjib tal-aċċess għas-suq tal-impriżi Ewropej, filwaqt li jagħtu garanzija ta' trasparenza, ugwaljanza tat-trattament u regoli identiċi għall-operaturi ekonomiċi. Se jħeġġu wkoll sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat u se jiżviluppaw il-potenzjal ta' rapport aħjar kwalità-prezz għall-utenti tas-servizzi u għall-awtoritajiet kontraenti. | 2011 |

1.5 Il-ħolqien ta' ambjent legali u fiskali li jiffavorixxi l-impriżi |

Proposta Nru 19 | Il-Kummissjoni se tieħu inizjattivi biex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali, l-aktar permezz ta' proposta ta' direttiva li għandha l-għan li tistabbilixxi l-bażi komuni u kkonsolidata tat-taxxa korporattiva (CCCTB) fl-2011. | 2011 |

Proposta Nru 20 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tippubblika strateġija ġdida dwar il-VAT, abbażi ta' Green Paper li terġa' teżamina fid-dettall is-sistema tal-VAT, prevista għall-2010. | 2011 |

Proposta Nru 21 | Fl-2011 il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni li tistabbilixxi interkonnessjoni bejn ir-reġistri tal-kumpaniji. | 2011 |

Proposta Nru 22 | Sal-2012, il-Kummissjoni se tipproponi Deċiżjoni bl-għan li tiggarantixxi r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni elettronika kif ukoll tal-awtentikazzjoni elettronika permezz tal-UE, abbażi tas-servizzi ta' awtentikazzjoni onlajn li għandhom ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha. Fl-2011, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Firem elettroniċi bl-għan li jiġi pprovdut qafas legali għar-rikonoxximent reċiproku u l-interoperabbiltà internazzjonali ta' sistemi sikuri ta' awtentikazzjoni elettronika. | 2012 | Aġenda diġitali għall-Ewropa |

1.6 Kompetittivi fis-swieq internazzjonali |

Proposta Nru 23 | Il-Kummissjoni se tkompli bl-iżvilupp tal-kooperazzjoni regolatorja tagħha mal-isħab kummerċjali prinċipali (kemm fuq livell bilaterali – djalogi regolatorji – kemm multilaterali – pereżempju fi ħdan il-G20) bl-għan doppju li tippromwovi l-konverġenza regolatorja, l-aktar billi jekk ikun possibbli tħeġġeġ l-ekwivalenza tas-sistema tal-Istati terzi u billi taħdem favur l-adozzjoni ta' għadd akbar ta' normi internazzjonali. Abbażi ta' dan, se tinnegozja ftehim kummerċjali internazzjonali (kemm multilaterali kif ukoll bilaterali) b'enfażi partikolari fuq l-aċċess għas-suq u l-konverġenza regolatorja fl-istess ħin, l-aktar għas-servizzi, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u s-sussidji. | Għadha għaddejja | Politika industrijali integrata |

Proposta Nru 24 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva għal strument Komunitarju li jappoġġa t-twettiq tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni Ewropea sabiex issaħħaħ il-ħila tagħha li tiżgura simetrija msaħħa fl-aċċess għas-swieq pubbliċi fil-pajjiżi industrijalizzati u l-pajjiżi l-kbar emerġenti. | 2011 | Komunikazzjoni dwar il-politika kummerċjali |

2. L-Ewropej fil-qalba tas-suq uniku sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja |

2.1 Titjib tas-servizzi pubbliċi u tal-infrastrutturi ta' interess ġenerali |

Proposta Nru 25 | Il-Kummissjoni timpenja ruħha li sal-2011 tadotta Komunikazzjoni akkumpanjata minn grupp ta' azzjonijiet dwar is-servizzi ta' interess ġenerali. |

Proposta Nru 26 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta reviżjoni tal-linji gwida Komunitarji għall-iżvilupp ta' netwerk trans-Ewropew tat-transport, kif ukoll proposta dwar il-Qafas globali ta' finanzjament tal-infrastrutturi tat-trasport. | 2011 | Politika industrijali integrata |

Proposta Nru 27 | Sal-2020-2030 il-Kummissjoni se tadotta komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet tal-infrastrutturi tal-enerġija, sabiex tikkontribwixxi għal twettiq ta' suq intern tal-enerġija li jaħdem b'mod sħiħ, filwaqt li twieġeb għall-problema tal-konnessjonijiet neqsin fl-infrastruttura u billi tiffaċilita l-integrazzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli. L-għodda meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prijoritajiet se jkunu proposti fl-2011 permezz ta' strument ġdid għas-sigurtà u l-infrastrutturi Ewropej tal-enerġija. | 2011 | Politika industrijali integrata |

Proposta Nru 28 | Il-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw il-proposta għal Deċiżjoni li tistabbilixxi programm ta' azzjonijiet dwar l-ispettru tar-radju Ewropew, għal ġestjoni u użu aktar effiċjenti tal-ispettru tar-radju Ewropew | Mingħajr aktar dewmien | Aġenda diġitali għall-Ewropa |

2.2 Tisħiħ tas-solidarjetà fis-suq uniku |

Proposta Nru 29 | Abbażi tal-istrateġija ġdida tagħha għal implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni se tiżgura li d-drittijiet garantiti mill-Karta, inkluż id-dritt għal azzjonijiet kollettivi jkunu kkunsidrati. Il-Kummissjoni se tanalizza minn qabel u fil-fond l-impatt soċjali tal-leġiżlazzjonijiet kollha fuq is-suq uniku. | 2011 |

Proposta Nru 30 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tadotta proposta leġiżlattiva bl-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, li se tinkludi jew tkun kompletata permezz ta' kjarifika tal-eżerċizzju tad-drittijiet soċjali fundamentali fil-kuntest tal-libertajiet ekonomiċi tas-suq uniku. | 2011 |

Proposta Nru 31 | Fl-2011, il-Kummissjoni se teżamina mill-ġdid id-Direttiva dwar l-attivitajiet u s-sorveljanza tal-istituzzjonijiet dwar l-irtirar mix-xogħol (fondi tal-pensjoni), u se tiżviluppa proposti oħrajn abbażi tal-Green Paper ta' Lulju 2010 dwar fost l-oħrajn, il-pensjonijiet sabiex tneħħi l-ostakoli li l-ħaddiema mobbli jiltaqgħu magħhom meta jkunu qed iħejju biex jirtiraw. | 2011 |

Proposta Nru 32 | Il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni tal-isħab soċjali li jwassal għal qafas Ewropew li jantiċipa r-ristrutturazzjonijiet industrijali. | 2011 | Politika industrijali integrata |

2.3 Aċċess għall-impjiegi u għal tagħlim tul il-ħajja |

Proposta Nru 33 | Fl-2012 il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva leġiżlattiva għar-riforma tas-sistemi ta' rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, abbażi ta' evalwazzjoni tal-acquis fl-2011, sabiex tiffaċilita l-mobbiltà tal-ħaddiema u tadatta t-taħriġ skont il-bżonnijiet attwali tas-suq tax-xogħol. F'dan il-qafas se jkun evalwat il-potenzjal ta' karta professjonali. | 2012 | Rapport dwar iċ-Ċittadinanza |

Proposta Nru 34 | Il-Kummissjoni se tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, "karta għal żgħażagħ attivi" li se tiffaċilita l-mobbiltà taż-żgħażagħ kollha sabiex dawn jistudjaw fi Stat Membru ieħor. Hi se ttejjeb il-websajt tagħha ddedikat liż-"Żgħażagħ Attivi" billi tipprovdi informazzjoni dwar it-tagħlim mill-bogħod u l-opportunitajiet ta' studju u taħriġ fl-Ewropa. | 2012 | Komunikazzjoni dwar Żgħażagħ Attivi |

Proposta Nru 35 | Il-Kummissjoni se tiżgura l-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew ta' kwalifiki fi sħubija mal-Istati Membri. Hi se tipproponi rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-promozzjoni u l-validazzjoni tat-taħriġ barra l-iskola ("tagħlim mhux formali u informali") Se tipproponi wkoll il-ħolqien ta' "passaport Ewropew tal-kompetenzi" li se jippermetti li kulħadd iżomm rekord tal-għarfien u l-ħiliet akkwistati tul il-ħajja. Se tistabbilixxi għaqda bejn il-qafas Ewropew ta' ċertifikazzjoni u n-nomenklatura tal-impjiegi ("occupations") fl-Ewropa. | 2011 | Komunikazzjoni dwar Żgħażagħ Attivi |

2.4 Mezzi ġodda għal ekonomija soċjali tas-suq |

Proposta Nru 36 | Fl-2011 il-Kummissjoni se tipproponi Inizjattiva dwar l-Intraprendenza Soċjali sabiex issostni u takkumpanja l-iżvilupp ta' proġetti għal impriżi innovattivi fuq il-pjan soċjali fi ħdan is-suq uniku, l-aktar bl-użu tal-klassifika soċjali, l-ittikettar etiku u ambjentali, l-akkwist pubbliku, l-istabbilment ta' sistema ġdida ta' fondi ta' investiment u l-aċċess għal tfaddil mhux attiv. | 2011 |

Proposta Nru 37 | Għal bosta raġunijiet relatati l-aktar man-natura ta' finanzjament jew ta' għażla ta' azzjonisti jew partijiet interessati li jsostnu u jakkumpanjaw proġetti li għandhom element qawwi ta' innovazzjoni soċjali, ekonomiku u xi drabi teknoloġiku, l-ekonomija soċjali tinbena permezz ta' varjetà ta' statuti legali distinti (fondazzjonijiet, kooperattivi, assoċjazzjonijiet, mutwi, eċċ.). Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri li se jippermettu t-titjib fil-kwalità tal-istrutturi legali kkonċernati sabiex isir l-aħjar użu mill-funzjonament tagħhom u jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tagħhom fi ħdan is-suq uniku. | 2011/2012 |

Proposta Nru 38 | Il-Kummissjoni se tvara konsultazzjoni pubblika (Green Paper) dwar il-governanza tal-impriżi. Il-Kummissjoni se tvara wkoll konsultazzjoni pubblika dwar l-għażliet possibbli biex titjieb it-trasparenza fl-informazzjoni pprovduta mill-impriżi dwar l-aspetti soċjali, ambjentali u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem. Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jwasslu għal inizjattivi leġiżlattivi. | 2011/2012 | Politika industrijali integrata |

2.5 Suq uniku għas-servizz tal-konsumaturi |

Proposta Nru 39 | Fl-2011, il-Kummissjoni se telabora pjan ta' azzjoni fuq għadd ta' snin għall-iżvilupp tas-sorveljanza Ewropea tas-suq. Minbarra dan, b'rabta mas-servizzi doganali u l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-swieq tal-Istati Membri, fl-2011 il-Kummissjoni se telabora linji gwida għall-kontroll doganali fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, sabiex tiggarantixxi qafas koerenti u effiċjenti għas-sikurezza tal-oġġetti għall-konsumaturi fl-UE. | 2011 | Politika industrijali integrata |

Proposta Nru 40 | Fil-bidu tal-2011, il-Kummissjoni se tadotta inizjattiva leġiżlattiva dwar l-aċċess għal ċerti servizzi bankarji bażiċi. Se tistieden ukoll lis-settur bankarju biex jippreżenta inizjattiva ta' awtoregolamentazzjoni bl-għan li tittejjeb it-trasparenza u l-komparabbiltà tal-kostijiet bankarji sal-aħħar tal-2011. | 2011 |

Proposta Nru 41 | Minn issa sa Frar 2011 il-Kummissjoni se tipproponi direttiva bl-għan li toħloq suq uniku integrat għall-kreditu ipotekarju b'livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi. | 2011 |

Proposta Nru 42 | Sa tmiem l-2010, il-Kummissjoni se tadotta komunikazzjoni li għandha l-għan li tidentifika u tnaqqas l-ostakoli fiskali li għadhom jaffrontaw iċ-ċittadini Ewropej. | 2010 | Rapport dwar iċ-Ċittadinanza |

Proposta Nru 43 | Fl-2012, il-Kummissjoni se tadotta proposta li temenda r-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, l-aktar fid-dawl tal-effetti li kellha l-kriżi riċenti tal-vulkan tal-Islanda, u f'każ tal-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva dwar is-settur tat-trasport fit-toroq (xarabank u kowċis), Komunikazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri b'kull mezz tat-trasport. | 2012 | Rapport dwar iċ-Ċittadinanza |

3. Djalogu, sħubija, evalwazzjoni: L-għodod għal governanza tajba tas-suq uniku |

Proposta Nru 44 | Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jikkooperaw sabiex ikomplu jiżviluppaw is-suq intern billi jsaħħu l-evalwazzjoni tal-acquis, b'mod partikolari abbażi tal-proċess ta' "evalwazzjoni reċiproka" tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li bħalissa hija implimentata mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. L-esperjenza tal-proċess ta' evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva dwar is-Servizzi se tiġi estiża għal leġiżlazzjonijiet ewlenin oħrajn tas-suq uniku. | Politika industrijali integrata |

Proposta Nru 45 | Fil-bidu tal-2011, il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija dwar it-tkabbir tas-sistema ta' informazzjoni tas-suq intern (IMI) lil oqsma leġizlattivi oħra fl-2011 bl-għan li jinħoloq netwerk elettroniku veru "face to face" għall-amministrazzjonijiet Ewropej. Din l-istrateġija se tkun is-suġġett ta' proposta leġiżlattiva. | 2011 |

Proposta Nru 46 | Fl-2011, il-Kummissjoni se tissottometti inizjattiva dwar l-użu ta' riżoluzzjonijiet alternattivi tat-tilwim fl-UE. F'dan ir-rigward, fl-2011 il-Kummissjoni se tadotta Rakkomandazzjoni dwar in-netwerk ta' sistemi ta' regolamenti għal riżoluzzjonijiet alternattivi għas-servizzi finanzjarji. Dawn iż-żewġ inizjattivi għandhom l-għan li jiżguraw li jiġu stabbiliti mezzi sempliċi u bi prezz raġonevoli ta' proċeduri ta' riżoluzzjoni barra mill-qorti sabiex jingħeleb it-tilwim bejn il-konsumaturi transkonfinali. Minn issa sal-2012, il-Kummissjoni se tipproponi sistema Ewropea ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti onlajn għat-tranżazzjonijiet diġitali. Minbarra dan, fl-2010-2011, il-Kummissjoni se tmexxi konsultazzjoni pubblika dwar l-approċċ Ewropew fir-rigward ta' rikors kollettiv, sabiex ikunu identifikati l-modalitajiet li jistgħu jidħlu fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea u fis-sistemi legali tal-Istati Membri. | 2011 | Aġenda diġitali għall-Ewropa Rapport dwar iċ-Ċittadinanza |

Proposta Nru 47 | Bi sħubija mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiżviluppa politika aktar determinata li tinforza r-regoli tas-suq uniku. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tħejji pjanijiet ta' traspożizzjoni u proġetti ta' tabelli ta' korrelazzjoni għall-proposti leġiżlattivi previsti fl-Att u li tnaqqas it-tul medju tat-trattament tal-fajl ta' ksur. Il-Kummissjoni ssejjaħ lill-Istati Membri biex inaqqsu d-defiċit tagħhom ta' traspożizzjoni tad-Direttivi tas-suq uniku għal 0,5 % u biex jinnotifikaw it-tabelli ta' korrelazzjoni mal-miżuri tat-traspożizzjoni. | 2011 |

Proposta Nru 48 | Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-konsultazzjoni u d-djalogu mas-soċjetà ċivili fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tat-testi. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-kunsiderazzjoni tal-opinjonjiet tal-konsumaturi, tal-NGOs, tat-trade unions, tal-impriżi, ta' dawk li jfaddlu, tal-utenti u tal-awtoritajiet lokali fil-konsultazzjonijiet ta' qabel l-adozzjoni tal-proposti, u b'mod partikolari, fir-rigward tal-ħidmiet tal-gruppi ta' esperti. | 2011 | Rapport dwar iċ-Ċittadinanza |

Proposta Nru 49 | Fl-2010, il-Kummissjoni se tkompli bil-promozzjoni ta' punt ta' waqfa waħda li jagħti liċ-ċittadini u lill-impriżi informazzjoni dwar is-servizz ta' assistenza dwar id-drittijiet mogħtija lilhom mis-suq uniku kif ukoll aċċess għal dan is-servizz, permezz tal-internet, telefown, jew permezz ta' kuntatt personali, billi tiżviluppa l-portal "L-Ewropa tiegħek" u tikkoordinah aħjar ma' "Europe Direct". Il-Kummissjoni se tinforza wkoll is-sħubija mal-Istati Membri sabiex l-informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali jkunu disponibbli wkoll permezz tal-punt ta' waqfa waħda. | 2010 | Rapport dwar iċ-Ċittadinanza |

Proposta Nru 50 | Il-Kummissjoni bi sħubija mal-Istati Membri se ssaħħaħ l-għodod ta' informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni ta' problemi, l-aktar billi tikkonsolida u ssaħħaħ il-proġett "EU Pilot", in-netwerk SOLVIT, u n-netwerks taċ-ċentri Ewropej tal-konsumaturi. Fir-rigward ta' SOLVIT, abbażi ta' evalwazzjoni magħmula fl-2010, din se tifformula proposti konkreti fl-2011. Fuq perjodu iktar fit-tul, din se teżamina l-kundizzjonijiet ta' żvilupp eventwali kumplimentari ta' dawn l-għodod u mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti, billi tinħoloq għaqda akbar bejniethom sabiex jiġi żgurat li maż-żmien ikunu jistgħu jkunu ttrattati l-problemi marbuta mas-suq uniku. | 2011 |

[1] Rapport ta' Mario Monti lill-President tal-Kummissjoni Ewropea: "Strateġija ġdida għal suq uniku" tad-9 ta' Mejju 2010, paġna 9.

[2] Rapport ta' Mario Monti preċitat, paġna 24.

[3] Rapport ta' Mario Monti preċitat, paġna 9.

[4] Sorsi: servizzi tal-Kummissjoni.

[5] Ibbażati fuq il-mudell "QUEST".

[6] Sorsi: servizzi tal-Kummissjoni. Dawn l-istimi jiffukaw fuq għadd ta' miżuri li wħud minnhom huma parti minn din il-Komunikazzjoni (l-aktar il-miżuri sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u regolatorji u biex jippromwovu l-akkwisti pubbliċi miftuħa). Minħabba li parti importanti minn dan l-impatt jirriżulta mill-implimentazzjoni tad-direttiva tas-servizzi, u li huwa diffiċli jew impossibbli li l-impatt jitkejjel fuq l-għadd kbir ta' miżuri, u li għaldaqstant mhumiex inklużi f'din l-istima, l-4 % tista' titqies biss bħala ipoteżi konservattiva.

[7] Rapport preċitat paġna 38.

[8] OECD (2007), L-Impatt Ekonomiku fuq il-Falsifikazzjoni u l-Piraterija, Pariġi.

[9] http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_263_en.pdf.

[10] http://ec.europa.eu/internal_market/retail/docs/monitoring_report_mt.pdf

[11] "Expected economic benefits of the European Services Directive", Netherlands Bureau for Economic Policy Analysis (CPB), Novembru 2007.

[12] Hekk kif imħabbar fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u r-rapport dwar iċ-ċittadinanza 2010.

[13] Komunikazzjoni dwar il-politika industrijali, COM(2010) 614, 27.10.2010.

[14] Rapport tal-5.7.2010. Ara http://ec.europa.eu/internal_market/retail/docs/monitoring_report_mt.pdf.

[15] COM(2010) 301.

[16] L-akkwisti pubbliċi transkonfinali ma kinux jgħoddu ħlief għal 1.5% tal-attribuzzjonijiet kollha tas-swieq pubbliċi fl-2009. L-intensità tan-negozji fis-swieq pubbliċi hija ħafna aktar dgħajfa minn dik fil-privat, li juri li mhux qed nibbenefikaw b'mod sħiħ mill-benefiċċji kollha tan-negozju u l-kompetizzjoni transkonfinali.

[17] Tnaqqis ta' 10 % tal-piż amministrattiv attwali fuq l-impriżi jwassal għal żieda ta' 0,6 % tal-PDG.

[18] "Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea", COM(2010) 573 finali, 19.10.2010.

[19] Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 9.

[20] Sors: DĠ ENER.

[21] "Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea", COM(2010) 573 finali tad-19.10.2010.

[22] Fil-qafas tal-programm "Żgħażagħ attivi" il-Kummissjoni adottat Proposta għal Takkomandazzjoni tal-Kunsill COM(2010) 478, 15.9.2010, sabiex jiġu eliminati l-ostakoli.

[23] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-"miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku" (2009/524/KE), id-29 ta' Ġunju 2009.

[24] Ara t-Tabella ta' valutazzjoni tas-suq intern, nru 21.

[25] Ara t-Tabella ta' valutazzjoni tas-suq intern, nru 21.

[26] Ċifri bbażati fuq l-għadd ta' proċeduri ta' ksur imnedija, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fuq l-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/community_law/directives/directives_communication_en.htm