52010DC0554

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tat-Titolu III (Fruntieri Interni) tar-Regolament (KE) N° 562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) /* KUMM/2010/0554 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 13.10.2010

KUMM(2010) 554 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tat-Titolu III (Fruntieri Interni) tar-Regolament (KE) N° 562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tat-Titolu III (Fruntieri Interni) tar-Regolament (KE) N° 562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)

INTRODUZZJONI

Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, minn hawn 'il quddiem 'il-KFS' jew 'il-Kodiċi')[1] daħal fis-seħħ fit-13 ta' Ottubru 2006. Il-KFS ikkonsolida u kompla jiżviluppa l- acquis ta' Schengen, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni ta' Schengen[2] u l-Manwal Komuni[3]. Titolu III tal-Kodiċi kkonferma l-assenza ta' kontrolli fuq persuni li jaqsmu l-fruntieri bejn l-Istati Membri ta' Schengen. It-twaqqif ta' żona mingħajr fruntieri interni, li fiha jkun żgurat il-moviment ħieles tal-persuni, jirrappreżenta wieħed mill-iktar kisbiet tanġibbli tal-Unjoni.

Il-Kodiċi jinkludi kriterji sabiex jiġi determinat jekk l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija fiż-żoni tal-fruntieri interni ma jkollux effett ekwivalenti għal spezzjonijiet fil-fruntieri. Taħt il-Kodiċi, l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni tobbliga wkoll lill-Istati Membri li jneħħu l-ostakoli għat-traffiku f'punti ta' qsim stradali fil-fruntieri interni. F'ċirkostanzi eċċezzjonali li jinvolvu theddida serja għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna ta' Stat Membru, il-kontroll fil-fruntieri interni jista' jiġi introdott mill-ġdid għal żmien limitat, skont il-proċedura kif stipulata mill-Kodiċi.

Skont l-Artikolu 38 tal-KFS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sat-13 ta ’ Ottubru 2009 rapport dwar l-applikazzjoni tat-Titolu III .

Il-Kummissjoni indirizzat kwestjonarju lill-Istati Membri sabiex tikseb informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' Titolu III. Dan ir-rapport ġie mħejji fuq il-bażi tat-tweġibiet li pprovdew tlieta u għoxrin Stat Membru. Żewġ Stati Membri (HU u MT) ma pprovdewx l-informazzjoni mitluba. Dan ir-rapport jirrifletti wkoll l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni miċ-ċittadini u l-Membri tal-Parlament, li jindikaw allegati spezzjonijiet fi fruntieri interni.

TNEħħIJA TA’ KONTROLLI FUQ IL-FRUNTIERI INTERNI (ARTIKOLU 20)

Il-Kodiċi jikkonferma li fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru spezzjonijiet fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom. It-tneħħija tal-kontroll fil-fruntieri interni titlob ukoll it-tneħħija tas-sorveljanza tal-fruntieri. Wieħed għandu jinnota li għal min iġorr il-passiġġieri bl-art, bl-ajru u bil-baħar l-obbligu li jirritornahom mhuwiex applikabbli fil-konnessjonijiet tat-traffiku intern fi ħdan iż-żona ta' Schengen[4].

APPLIKAZZJONI PRATTIKA TAD-DISPOżIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ISPEZZJONIJIET FI ħDAN IT-TERRITORJI TAL-ISTATI MEMBRI U DIFFIKULTAJIET IKKONċERNATI (ARTIKOLU 21)

L-EżERċIZZJU TAL-POTERI TAL-PULIZIJA (ARTIKOLU 21(A))

BAżI LEGALI

Fil-prinċipju, il-qsim ta' fruntiera interna bejn żewġ Stati Membri għandu jiġi ttrattat l-istess bħal vjaġġ bejn distretti fi ħdan Stat Membru. Madankollu, fid-dawl tar-responsabbiltà tal-Istati Membri biex iżommu l-liġi u l-ordni u jħarsu s-sigurtà interna, dawn jistgħu jagħmlu spezzjonijiet skont il-valutazzjoni tar-riskju matul it-territorju kollu tagħhom inklużi ż-żoni tal-fruntieri interni. Il-frekwenza ta' tali spezzjonijiet tista' dvarja skont iż-żona speċifika.

Spezzjonijiet fuq persuni fl-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali huma permessi matul it-territorju kollu tagħhom, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri, sakemm l-eżerċizzju ta' dawk il-poteri ma jkollux effett ekwivalenti għal spezzjonijiet fil-fruntiera. Il-Kodiċi jikkonsisti f'lista mhux eżawrjenti tal-kriterji biex jivvaluta jekk l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija huwiex ekwivalenti għal spezzjonijiet fil-fruntiera jew le. Skont dan, il-miżuri tal-pulizija mhumiex ikkunsidrati ekwivalenti għal spezzjonijiet fil-fruntiera jekk:

ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fil-fruntiera,

ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali tal-pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità trans-konfinali,

huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni,

huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji.

APPLIKAZZJONI TAL-KRITERJI

Sabiex jintwera li l-fruntieri interni u ż-żoni tal-fruntieri mhumiex żoni fejn ma jistgħux isiru spezzjonijiet, ġew stabbiliti għaldaqstant diversi kriterji li jippermettu l-valutazzjoni tal-ekwivalenza jew le tal-ispezzjonijiet fil-fruntieri. Żoni tal-fruntiera jistgħu jippreżentaw riskju partikolari għall-kriminalità transkonfinali u għaldaqstant, il-frekwenza u l-intensità tal-kontrolli tal-pulizija tista' tkun ogħla minn dik f'partijiet oħra tat-territorju. Madankollu, dawn l-ispezzjonijiet iridu jkunu mmirati u bbażati fuq informazzjoni konkreta u fattwali tal-pulizija u l-esperjenza rigward theddid għas-sigurtà pubblika u ma tistax tkun sistematika. L-informazzjoni tal-pulizija trid tkun ibbażata fuq il-fatti u valutata mill-ġdid b'mod regolari. Għaldaqstant, l-ispezzjonijiet iridu jsiru fuq bażi każwali skont il-valutazzjoni tar-riskju.

Ħafna mill-Istati Membri jgħidu li jwettqu spezzjonijiet mill-pulizija b'mod mhux sistematiku u każwali fuq il-bażi ta' valutazzjonijiet tar-riskju tas-sitwazzjoni tas-sigurtà (b'mod partikolari, riskju tal-immigrazzjoni irregolari jew il-ksur tal-liġi kriminali, tas-sigurtà jew tat-traffiku), informazzjoni skambjata fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u profiling . Dawn l-ispezzjonijiet huma ħafna drabi r-riżultat ta' kooperazzjoni internazzjonali bejn pajjiżi ġirien (laqgħat regolari u skambju ta' informazzjoni bejn il-pulizija permezz ta' punti ta' kuntatt nazzjonali) u jistgħu jieħdu l-forma ta' rondi konġunti stabbiliti taħt il-ftehimiet dwar kooperazzjoni bejn il-pulizija.

Filwaqt li huwa faċli li wieħed jiddetermina li spezzjoni ssir biex tiġi infurzata il-liġi dwar it-traffiku u mhux bħala spezzjoni fuq il-fruntiera, pereżempju meta s-sewwieqa tal-karrozzi li jkunu ġejjin minn diskoteka fil-viċinanza ta' fruntiera interna jkollhom jagħmlu eżamijiet tan-nifs, li jistgħu jinkludu l-ħtieġa li tiġi determinata l-identità tal-persuna, huwa iktar diffiċli li wieħed jevalwa n-natura ta' spezzjonijiet li għandhom l-għan li jinfurzaw il-liġi tal-immigrazzjoni.

Element ieħor importanti huwa l-għan ta' spezzjoni, li tista' tikkonċerna merkanzija iktar milli l-persuni. L-għan tal-ispezzjoni huwa deċiżiv sabiex wieħed jevalwa l-ksur possibbli tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jew id-dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-moviment ħieles tal-merkanzija. Min-naħa l-oħra, mhuwiex relevanti liema korp nazzjonali jagħmel l-ispezzjoni, peress li l-Istati Membri jistgħu jagħtu responsabbiltajiet differenti lil awtoritajiet differenti, pereżempju uffiċjal tad-dwana jista' jkun awtorizzat jivverifika l-legalità ta' soġġorn u uffiċjal tal-pulizija jista' jkun intitolat jivverifika l-merkanzija.

FREKWENZA TA' SPEZZJONIJIET – SPEZZJONIJIET MHUX SISTEMATIċI

Element importanti sabiex jiġi determinat jekk l-eżerċizzju ta' spezzjonijiet tal-pulizija jkunx jikkostitwixxi spezzjonijiet tal-fruntiera jew le hija għalhekk il-frekwenza tal-ispezzjonijiet li jsiru fiż-żoni tal-fruntieri interni, meta mqabbla ma' partijiet oħra tat-territoriju li għandhom sitwazzjoni simili. Madanakollu, ħafna mill-Istati Membri m'għandhomx dejta disponibbli dwar il-frekwenza tal-ispezzjonijiet fiż-żoni tal-fruntiera. Uħud jikkonsidraw li mhux possibbli li titqabbel il-frekwenza tal-ispezzjonijiet fiż-żoni tal-fruntiera u fil-kumplament tat-territorju tagħhom, minħabba li l-prattika u l-prioritajiet fiż-żoni tal-frunitera huma differenti. Diversi Stati Membri jiddikjaraw li l-frekwenza tal-ispezzjonijiet tal-pulizija fil-viċinanza tal-fruntieri interni hija l-istess għat-territoriju kollu tagħhom.

Definizzjoni stretta tal-frekwenza u r-regolarità xierqa li bihom jistgħu jsiru spezzjonijiet mhix possibbli minħabba li din għandha tirrifletti s-sitwazzjoni tas-sigurtà fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Minkejja li frekwenza għolja ta' spezzjonijiet tista' tagħti indikazzjoni, jibqa' diffiċli li wieħed jivvaluta f'każi individwali jekk dan ikollux effett ekwivalenti għal spezzjonijiet fil-fruntiera sistematiċi.

VERIFIKA TAL-APPLIKAZZJONI KORRETTA TAL-KRITERJI

Fit-22 ta' Ġunju 2010, f'sentenza li saret punt ta' riferiment[5], il-Qorti tal-Ġustiżzja Ewropea ċċarat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet tal-pulizija ta' Stat Membru il-kompetenza biex jispezzjonaw l-identità ta' persuni preżenti esklussivament f'żona ta' fruntiera interna ta' 20 km, indipendentement mill-komportament tagħhom u kwalunkwe ċirkostanza li tippreżenta riskju għall-ordni pubblika, għall-għan li tiġi vverifikata l-osservanza mal-obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti meħtieġa mill-liġi, mingħajr ma jipprovdu l-qafas neċessarju biex jiggarantixxu li l-implimentazzjoni prattika ta' din il-kompetenza ma jkollhiex effett ekwivalenti għal spezzjoni fil-fruntieri, hija bi ksur tal-Artikolu 67(2) TFUE kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Fid-dawl ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri li jadattaw skont dan kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kompetenzi speċifiċi lill-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali fi ħdan iż-żoni tal-fruntieri interni.

Il-Kummissjoni hija tal-opijnjoni li sabiex tevalwa jekk l-ispezzjonijiet tal-pulizija humiex ekwivalenti għal spezzjonijiet tal-fruntieri jew le, jeħtieġ li jkun hemm iktar informazzjoni mill-Istati Membri dwar ir-raġunijiet u l-frekwenza tal-ispezzjonijiet li jsiru fiż-żoni tal-fruntieri interni. Din l-informazzjoni hija neċessarja sabiex isir monitoraġġ tas-sitwazzjoni fiż-żoni tal-fruntieri interni u sabiex jiġu indirizzati l-ilmenti taċ-ċittadini u l-mistoqsijiet li jindirizzaw il-Membri tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni li min jivvjaġġa huwa regolarment jew anke sistematikament spezzjonat f'ċerti żoni tal-fruntieri interni. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li uħud mill-Istati Membri għandhom diffikultajiet biex jevalwaw l-iskop tal-ispezzjonijiet li jsiru b'mod sistematiku mill-pajjiżi ġirien fuq iċ-ċittadini tagħhom meta dawn ikunu qed jaqsmu fruntiera interna komuni.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tkompli tavalwa bir-reqqa l-ilmenti u tindirizza lill-Istati Membri sabiex takkwista l-ispjegazzjonijiet. Jekk l-ispjegazzjonijiet ma jkunux sodisfaċenti, il-Kummissjoni se tuża' kull mezz disponibbli, inkluż it-tnedija ta' proċeduri ta' ksur, sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni.

Għaldaqstant, il-Kummisssjoni se titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu statistiċi dwar l-ispezzjonijiet tal-pulizija li jsiru fit-territorji tagħhom u b'mod partikolari fiż-żoni tal-fruntieri.

Sabiex jivverifikaw fil-prattika l-frekwenza tal-ispezzjonijiet u l-informazzjoni ġenerali li tagħti bidu għal spezzjoni speċifika, il-Kummissjoni pprevediet li tagħmel żjarat mhux imħabbra fuq il-post fil-proposta tagħha għal Regolament tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' evalwazzjoni biex jivverifika l-applikazzjoni tal- acquis ta' Schengen.[6] Il-Kummissjoni se żżomm il-kunċett ta' żjarat mhux imħabbra fil-proposta aġġornata wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona.[7]

Fl-aħħar nett, fil-każ li jkun hemm il-ħtieġa biex isiru spezzjonijiet regolari u sistematiċi bħala tweġiba għas-sitwazzjoni tas-sigurtà fit-territorji tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta' kontroll konfinali fil-fruntieri interni skont l-Artikolu 23 et seq. tal-Kodiċi.

SPEZZJONIJIET TA' SIGURTÀ FUQ IL-PERSUNI (ARTIKOLU 21(B))

L-abolizzjoni ta' kontroll konfinali fil-fruntieri interni hija mingħajr ħsara għal verifiki ta’ sigurtà fuq persuni mwettqa f’portijiet u ajruporti mill-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi ta’ kull Stat Membru, minn uffiċjali tal-port jew ajruport jew trasportaturi, basta li tali verifiki jitwettqu wkoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi Stat Membru. Il-persunal fl-ajruporti, fil-portijiet jew trasportaturi jivverifika l-identità ta' passiġġieri fl-andament tal-verifiki ta' sigurtà jew fiċ-check-in jew meta jidħlu fiż-żona ta' sigurtà tal-ajruport jew qabel ma' dawn jitilgħu fuq l-ajruplan, jew permezz ta' kwalunkwe minn dawn il-verifiki flimkien. Filwaqt li l-Kummissjoni ma tikkontestax li dawn il-verifiki jistgħu jsiru flimkien, madanakollu tirrakkomanda li ma jsirx hekk minħabba li tali verifiki huma ħafna drabi kkunsidrati miċ-ċittadini bħala xkiel għad-dritt tagħhom tal-moviment ħieles.

Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jivverifikaw l-identità ta' min qed jivvjaġġa kontra dokument tal-ivvjaġġar. Cittadini tal-UE jistgħu jidentifikaw rwieħhom fuq il-bażi tal-passaport jew il-karta tal-identità tagħhom. It-trasportaturi mhumiex obbligati, iżda jistgħu, jaċċettaw dokumenti oħra bħal liċenzji tas-sewqan, karti tal-bank eċċ., minħabba li dawn mhumiex dokumenti ta' identità. Ċittadini minn pajjiżi terzi jistgħu jidentifikaw rwieħhom fuq il-bażi ta' passaport. L-ispezzjonijiet m'għandhomx jivverifikaw jekk ċittadin minn pajjiż terz għandux viża jew permess ta' residenza, minħabba li dawn huma biss spezzjonijiet ta' identità għal raġunijiet ta' sigurtà kummerċjali jew ta' trasport. L-Istati Membri ma jistgħux jitolbu li ssir spezzjoni addizzjonali u t-trasportaturi mhumiex suġġetti għal kwalunkwe responsabbiltà meta jkunu qed jittrasportaw persuni li jistgħu ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta' dħul jew soġġorn fi Stati Membri oħra ta' Schengen. Barra minn hekk, trasportaturi ma jistgħux huma stess jobbligaw ċittadini ta' pajjiżi terzi li jippruvaw il-legalità tas-soġġorn tagħhom billi juru viża jew permess ta' residenza. Li dan l-obbligu jkun inkluż fil-kuntratt mal-vjaġġatur ikun qed idur mal-abolizzjoni tal-kontroll konfinali fil-fruntieri interni.

L-OBBLIGU LI WIEħED IKUN FIL-PUSSESS JEW IġORR MIEGħU KARTI U DOKUMENTI (ARTIKOLU 21C)

L-abolizzjoni tal-kontroll konfinali fil-fruntieri interni ma jaffettwax il- possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi bil-liġi għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti . Jekk l-Istati Membri jimponu tali obbligu, dan għandu jiġi applikat fit-territorju kollu jew fiż-żoni tal-fruntieri esterni. Dan ma jistax ikun limitat għaż-żoni tal-fruntieri interni biss, minħabba li dan neċessarjament iwassal għal spezzjonijiet li jsiru biss fiż-żoni tal-fruntieri interni, li jkollhom effett ekwivalenti għal spezzjonijiet tal-fruntieri.

OBBLIGU GħAR-RAPPURTAR TA' PREżENZA (ARTIKOLU 21(D))

Fl-aħħar nett, l-abolizzjoni ta' kontroll konfinali fil-fruntieri ma tipprekludix l-obbligu li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jirrapportaw il-preżenza tagħhom fit-territorju ta' kwalunkwe Stat Membru skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Schengen. Uħud mill-Istati Membri ma jimplimentawx din id-dispożizzjoni (SE, EE, DE, FI, LT, DK, NO), oħrajn jirrikonoxxu d-diffikulatjiet biex jivverifikaw l-osservanza, filwaqt li oħrajn jikkunsidrawha utili biex tgħin fil-ksib ta' dejta fuq l-għadd ta' ċittadini minn pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni hija diffiċili fil-prattika u tistaqsi jekk minn perspettiva ta' kost/benefiċċju dan l-obbligu ta' rappurtar għandux xi impatt fuq l-identifikar tal-immigranti illegali. Il-Kummissjoni għalhekk se tipproponi emenda għall-Konvenzjoni ta' Schengen sabiex tneħħi l-obbligu fuq ċittadini minn pajjiżi terzi li jirrappurtaw il-preżenza tagħhom meta jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri.

L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-OBBLIGU BIEX JITNEħħEW L-OSTAKOLI GħAT-TRAFFIKU FIL-PUNTI TA' QSIM STRADALI FIL-FRUNTIERI INTERNI (ARTIKOLU 22)

Taħt l-Artikolu 22 tal-KFS, l-Istati Membri għandhom ineħħu kull ostakolu għaċ-ċirkolazzjoni fluwida tat-traffiku fi fruntieri interni, b’mod partikolari kwalunkwe limitu ta’ veloċità li ma jkunx ibbażat b’mod esklussiv fuq konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà stradali. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal faċilitajiet għal spezzjonijiet fil-każ li kontrolli fil-fruntieri interni jiġu introdotti mill-ġdid għal xi żmien skont l-Artikoli 23–31 tal-Kodiċi.[8]

Il-Kummissjoni rċeviet għadd ta' lmenti minn ċittadini li jippuntaw lejn il-preżenza kontinwa ta' ostakoli għal fluss fluwidu ta' traffiku f'ċerti punti ta' qsim stradali fil-fruntieri interni, b'mod partikolari infrastruttura qadima (pereżempju bini, kmamar tal-kontroll, soqfa fuq it-toroq jew apparat mobbli bħal koni tal-plastik, barrieri, tnaqqis fl-ammont ta' fillieri, dwal tat-traffiku jew ta' sinjali tat-traffiku) u bħala konsegwenza limitazzjonijiet konsiderevoli fuq il-veloċità.

Fil-parti l-kbira tal-każi, il-maġġoranza tal-ostakoli setgħu jiżżarmaw u jitneħħew immedjatament mill-Istati Membri hekk kif tneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni. Xi ostakoli tneħħew gradwalment minħabba diffikultajiet tekniċi, u ċerti ostakoli għadhom hemm. L-Istati Membri li ngħaqdu maż-żona Schengen f'Diċembru 2007 implimentaw dan l-obbligu f'diversi fażijiet skont il-grad ta' diffikultà involuta fit-tneħħija tal-ostakoli (jiġifieri ħafna mill-ostakoli bħas-sinjali tat-toroq iżżarmaw immedjatament wara li tneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni, filwaqt li t-tneħħija jew l-adattament tal-infrastruttura għadu għaddej). Kollox ma' kollox, l-ispejjeż, limitazzjonijiet dwar drittijiet ta' propjetà, l-ippjanar ta' tiswijiet jew xogħolijiet ewlenin marbuta mal-organizzazzjoni mill-ġdid ta' punti ta' qsim stradali ġew identifikati bħala l-iktar raġunijiet li spiss jikkawżaw dewmien fit-twettieq ta' dan l-obbligu. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li dan japplika wkoll għal ċerti Stati Membri li ilhom membri taż-żona Schengen għal żmien konsiderevoli. Sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni nediet proċedura ta' ksur għan-nuqqas ta' osservanza tal-Artikolu 22. Il-proċedura għadha fis-seħħ.

Xi Stati Membri (PT, CZ, EL, EE, FR, AT, FI, LT, LV, SI, LU) żammew l-infrastruttura l-qadima f'ċerti punti ta' qsim stradali fil-każ li jkun hemm introduzzjoni mill-ġdid għal xi żmien ta' kontroll fil-fruntiera. Uħud żammew ukoll l-infrastruttura għall-eżerċizzju ta' kontroll doganali jew spezzjonijiet fuq trakkijiet (LU)[9], filwaqt li oħrajn qed jippjanaw li jużaw apparat mobbli jekk ikun introdott mill-ġdid il-kontroll fil-fruntiera (CZ, FR, LT, LV). Stati Membri oħra (DE, PL, DK, IT) żmantellaw l-infrastruttura kollha fejn possibbli u jużaw biss apparat mobbli għall-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntiera Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-infrastruttura permanenti għall-każi tal-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontroll fil-fruntiera tista' tinżamm safejn meħtieġ, sakemm din ma tirrappreżentax ostakolu għal traffiku fluwidu u ma jitnaqqsux il-limiti tal-veloċità. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tissottolinja li faċilitajiet għall-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntiera jistgħu jinkludu wkoll infrastruttura u apparat mobbli, li jistgħu jkunu iktar kosteffikaċi milli kieku tinżamm l-infrastruttura permanenti.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jasserixxu li l-limiti tal-veloċità huma bbażati esklussivament fuq kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà stradali (pereżempju kundizzjoni teknika tat-triq, xogħolijiet ta' kostruzzjoni fit-triq, jew meta l-punt tal-qsim stradali jkun f'żona urbana jew f'terren muntanjuż). Madanakollu, il-Kummissjoni tikkunsidra mhux aċċettabbli li ċerti Stati Membri, b'mod partikolari meta l-infrastruttura l-qadima tkun għadha preżenti fil-punti tal-qsim, biex jinżammu l-limiti tal-veloċità (flimkien ma' ostakoli li jistgħu jitneħħew bħal koni tal-plastik jew barrieri), f'ċerti każi baxxi sa 10 km s-siegħa, jew li ċerti fillieri jinżammu magħluqa għal raġunijiet ta' 'sigurtà tat-traffiku'. L-għan tal-Artikolu 22 huwa li l-fluss tat-traffiku jibqa' fluwidu fil-punti tal-qsim stradali fil-fruntieri interni. Għal dan il-għan, apparti l-obbligu li jitneħħew il-limiti tal-veloċità li mhumiex ibbażati esklussivament fuq kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà stradali, iridu jittieħdu miżuri oħra, b'mod partikolari rigward l-istruttura eżistenti. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li ż-żamma ta' infrastruttua fuq skala kbira ma tistax tintuża bħala argument għal kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà stradali. Wieħed jifhem li l-infrastruttura fil-punti tal-qsim ta' qabel ma tippermettix li jiżdiedu l-limiti tal-veloċità għall-massimu permess f'dik il-kategorija ta' triq. Madanakollu, wara li ġew aboliti l-kontrolli fil-fruntieri interni, is-sitwazzjoni fil-punti tal-qsim fil-fruntieri ta' qabel iridu jiġu adattati. Dan japplika wkoll meta jkunu qed jiġu ppjanati proġetti kbar għal tiswijiet fiż-żoni ta' punti ta' qsim fil-fruniteri ta' qabel filwaqt li l-infrastruttura l-qadima sadanittant tinżamm. Il-Kummissjoni tisħaq li, f'dawn il-każi, l-Istati Membri jridu wkoll jieħdu l-miżuri temporanji neċessarji kollha sabiex jiżguraw fluss fluwidu tat-traffiku.

Fl-aħħar nett, filwaqt li Stat Membru jista' juża l-kumplament tal-infrastruttura f'punt tal-qsim stradali fil-fruntiera ta' qabel għal spezzjonijiet mill-pulizija (CF. 3.1), dawn il-punti tal-qsim ta' qabel fil-fruntieri ma jistgħux ikunu l-uniku post fejn isiru tali spezzjonijiet. Barra minn hekk, il-vantaġġi prattiċi tal-post ma jistgħux ikunu r-raġuni li tiddetemina t-twettiq ta' spezzjonijiet mill-pulizija.

INTRODUZZJONI TEMPORANJA MILL-ġDID TA’ KONTROLLI FUQ IL-FRUNTIERA FIL-FRUNTIERI INTERNI (ARTIKOLI 23 – 31)

IL-PROċEDURA

Minn meta daħal fis-seħħ il-KFS, tnax-il Stat Membru introduċa mill-ġdid għal xi żmien kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni kemm fid-dawl ta' avvenimenti previsti kif ukoll għal raġunijiet li jeħtieġu azzjoni urġenti (FR, ES, DE, AT, IT, DK, FI, EE, LV, MT, NO, IS). Pajjiżi ġirien issottomettew l-informazzjoni dwar il-kooperazzjoni tagħhom matul l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntiera (PT, PL, CZ, SK, SI, NL, LU, CH). Ebda mill-Istati Membri ma rrapporta li uża d-dispożizzjonijiet biex tittawwal l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta' kontroll fil-fruntiera interna li kienet ippjanata. L-Anness I jelenka n-notifiki tal-Istati Membri dwar l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta' kontroll fil-fruntiera fil-fruntieri interni tagħhom, inklużi r-raġunijiet u t-tul ta' żmien.

Il-Kummissjoni tosserva li ż-żmien (bejn in-notifika mill-Istati Membri u l-introduzzjoni mill-ġdid de facto tal-kontroll fil-frunitera interna għal avvenimenti previsti) biex toħroġ l-opinjoni tagħha għall-għan ta' konsultazzjoni formali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni huwa qasir wisq[10]. Barra minn hekk, in-notifiki ħafna drabi ma jkunx fihom informazzjoni biżżejjed biex tippermetti lill-Kummissjoni toħroġ opinjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni s'issa għadha ma ħarġitx opinjoni.

Iktar minn hekk, l-informazzjoni pprovduta għall-introduzzjoni temporanja mill-ġdid hija ħafna drabi ġenerika u ma tippermettix għal valutazzjoni sħiħa tal-effettività tal-miżuri meħuda rigward it-thedida għall-politika pubblika jew is-sigurtà interna. Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni iktar sostanzjali hekk kif issir disponibbli, kif ukoll aġġornamenti xierqa sabiex jippermettulha tagħmel valutazzjoni sħiħa tal-adekwatezza tal-miżuri previsti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tipprovdi formola standard għall-irrappurtar dwar l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontrolli fil-frunitera. Minkejja dan, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istati Membri ma abbuażwx mill-possibbiltà li jintroduċu mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntiera.

Matul il-fażi tal-implimentazzjoni, id-diffikultajiet irrappurtati minn Stati Membri jirrigwardaw il-ħtieġa li jallokaw mill-ġdid ir-riżorsi umani, materjali u tekniċi skont is-sitwazzjoni fil-fruntieri. Fil-parti l-kbira tal-każi, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien matul l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntiera kienet ikkunsidrata pożittiva. B'mod partikolari, konsultazzjonijiet bikrin u l-koordinazzjoni ta' miżuri ppjanati (b'mod partikolari għal appoġġ operattiv) ma' pajjiżi ġirien kif ukoll kuntatti regolari u skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-livelli kollha jikkontribwixxu għas-suċċess tal-operazzjonijiet. F'ċerti każi, il-kooperazzjoni operattiva tibda' diġà b'valutazzjoni tar-riskju konġunta u tista' tieħu l-forma ta' spezzjonijiet konġunti li jużaw punti ta' spezzjoni konġunti jew l-użu ta' uffiċjali ta' kuntatt. l-istallazzjonijiet fil-punti tal-qsim huma wkoll adattati għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri fiż-żewġ naħat tal-fruntiera (pereżempju t-tqegħid ta' sinjali ta' limiti tal-veloċità jew barrieri mobbli). Madanakollu, uħud mill-Istati Membri esrpimew il-ħtieġa li jkunu iktar involuti fil-proċess sabiex ikunu jistgħu, b'mod partikolari, jinfurmaw lill-pubbliku.

LIġI APPLIKABBLI

Skont l-Artikolu 28, fejn jiġu introdotti mill-ġdid kontrolli konfinali fil-fruntieri interni, id-dispożizzjonijiet rilevanti fit-Titolu II għandhom japplikaw mutatis mutandis . Id-dispożizzjonijiet applikabbli ma sarux f'iktar dettall sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw is-sitwazzjoni u jwettqu l-kontrolli fil-fruntieri b'manjiera flessibbli, u b'intensità proporzjonali għat-theddida. Miżuri li jittieħdu matul l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntiera iridu jkunu ristretti għal dak li hu meħtieġ għall-politika pubblika jew sigurtà interna tal-Istat Membru. Skont x'inhi t-theddida, mhux il-persuni kollha jeħtieġu jiġu spezzjonati fil-fruntieri. L-ispezzjonijiet iridu jsiru b'manjiera proporzjonata għal dak li hu żmien u post u bbażati fuq analiżi tar-riskju u informazzjoni disponibbli ta' intelligence, u indirizzati lejn ir-raġuni għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntiera.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll safejn jeħtieġu jintroduċu mill-ġdid is-sorveljanza fil-fruntiera.

Deċiżjonijiet għal impediment ta' dħul jistgħu jittieħdu biss għar-raġunijiet marbutin mal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntiera. Il-formola standard ippreżentata fil-Parti B tal-Anness V għall-KFS ma tistax tingħata liċ-ċittadini tal-UE, minħabba li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jiġu rifjutati d-dħul għal raġunijiet ta' ordni pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika biss u skont salvagwardji proċedurali tad-Direttiva 2004/38/KE.[11] Jekk ċittadini minn pajjiż terz jiġu rifjutati d-dħul minħabba soġġorn illegali, għandhom jitnedew proċeduri skont id-Direttiva 2008/115/KE.[12] Meta l-kontroll fil-fruntiera jiġi introdott mill-ġdid temporanjament, il-fruntieri interni ma jsirux fruntieri esterni; għaldaqstant, ċerti dispożizzjonijiet bħall-ittimbrar tal-passaporti (Artikolu 10 tal-KFS) jew ir-responsabbiltà tat-trasportaturi ma japplikawx. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-FRONTEX ma tistax tiġi involuta f'operazzjonijiet matul l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntieri interni, peress li l-mandat tagħha huwa limitat għall-kontroll tal-fruntieri esterni.

INFORMAZZJONI LILL-PUBBLIKU

Il-Kodiċi jipprovdi għall-obbligu li l-pubbliku jkunu infurmat b'kollox dwar il-pjani tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll konfinali fil-fruntieri interni, mingħajr preġudizzju għal konsiderazzjonijiet ta' sigurtà. L-Istati Membri jimplimentaw dan l-obbligu b'mod differenti skont in-natura tal-avveniment (introduzzjoni mill-ġdid ippjanata jew azzjoni urġenti). Kampanja ta' informazzjoni titnieda bil-quddiem, skont iż-żmien disponibbli u bl-użu ta' kull mezz ta' midja disponibbli (pereżempju TV, radju, gazzetti, internet jew servizzi tal-aħbarijiet tal-awtoritajiet nazzjonali involuti). Iċ-ċittadini huma informati prinċipalment rigward l-obbligu li jġorru magħhom id-dokumenti tal-ivvjaġġar meta jkunu qed jaqsmu l-fruntiera u rigward ir-raġunijiet u l-miżura tal-ispezzjonijiet. Ġeneralment, jidher li l-pubbliku kien infurmat biżżejjed fil-maġġoranza tal-każi. L-ebda Stat Membru (ħlief FI) ma għamel użu mill-klawsola ta' kunfidenzjalità skont l-Artikolu 31, minkejja li din id-dispożizzjoni hija kkunsidrata importanti ħafna jekk jinqala' l-bżonn għall-applikazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li ġeneralment, il-qafas legali ta' bħalissa li jirregola l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli konfinali fil-fruntieri interni huwa suffiċjenti, iżda ssejjaħ lill-Istati Membri biex jipprovdu iktar informazzjoni sostanzjali fil-ħin.

KONKLUżJONIJIET

1. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-iskadenza għas-sottomissjoni ta' dan ir-rapport ma setgħetx tkun rispettata minħabba s-sottomissjoni tard ta' informazzjoni minn diversi Stati Membri.

2. Il-Kummissjoni tidentifika tliet kwistjonijiet speċifiċi ta' tħassib fl-applikazzjoni tat-Titolu III:

2.1. It-twaqqif ta' żona mingħajr fruntieri interni, li fiha jkun żgurat il-moviment ħieles tal-persuni, jirrappreżenta wieħed mill-iktar kisbiet tanġibbli tal-Unjoni. Kwalunkwe restrizzjoni, bħal spezzjonijiet tal-pulizija fil-viċinanza ta' fruntieri interni, huma kkunsidrati miċ-ċittadini bħala xkiel għad-dritt tagħhom għall-moviment ħieles. Persuni ma jistgħux ikunu spezzjonati biss għaliex qed jaqsmu fruntiera, la fil-fruntiera u lanqas fl-inħawi tal-fruntiera.

Il-Kummissjoni tinsab imħassba mid-diffikultajiet li jirrappurtaw dawk li jivvjaġġaw rigward spezzjonijiet allegati regolari u sistematiċi li jsiru f'ċerti żoni tal-fruntieri interni. Il-Kummissjoni qegħda tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fiż-żoni tal-fruntieri interni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tevalwa bir-reqqa l-ilmenti taċ-ċittadini u tindirizza lill-Istai Membri sabiex tikseb spjegazzjonijiet. Sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni lesta li tuża' kull mezz disponibbli, inkluż it-tnedija ta' proċeduri ta' ksur, kull meta tali azzjoni tkun meħtieġa.

Skont dan, il-Kummissjoni se titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu statistiċi dwar l-ispezzjonijiet mill-pulizija li jkunu saru fit-territorji tagħhom u b'mod partikolari fiż-żoni tal-fruntieri interni.

Il-Kummissjoni tfakkar li jekk is-sitwazzjoni ta' sikurezza titlob mill-Istati Membri biex iwettqu spezzjonijiet regolari u sistematiċi, huma għandhom jipprevedu l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid tal-kontroll konfinali fil-fruntieri interni skont l-Artikolu 23 et seq tal-KFS.

Fil-proposta tagħha għal mekkaniżmu rivedut ta' Schengen, il-Kummissjoni tipprevedi li twettaq żjarat mhux imħabbra fil-post sabiex tivverifika n-nuqqas ta' spezzjonijiet fil-fruntieri interni.

Il-Kummissjoni tisħaq ukoll li Stati Membri li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tagħti kompetenzi speċifiċi lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pulizija fi ħdan iż-żoni tal-fruntieri interni huma mitluba jadattawha skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ Melki mingħajr dewmien.

2.2 L-Istati Membri iridu jneħħu kull ostakolu għaċ-ċirkolazzjoni fluwida tat-traffiku f'punti ta' qsim fil-fruntieri interni, b’mod partikolari kwalunkwe limitu ta’ veloċità li ma jkunx ibbażat b’mod esklussiv fuq konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà stradali. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li ż-żamma ta' infrastruttua kbira ħafna, spiss akkumpanjata minn limiti sinifikanti tal-velocità, ma tistax tintuża bħala argument għal kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà stradali.

2.3 Il-Kummissjoni tinsisti fuq notifikazzjoni f'waqtha ta' kwalunkwe pjan għall-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni u titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni dettaljata skont l-Artikolu 24 sabiex il-Kummissjoni tkun tista', fejn meħtieġ, tagħti l-opinjoni tagħha, u sabiex tipproċedi għal konsultazzjonijiet formali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

ANNESS I

In-notifiki tal-Istati Membri dwar l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid

tal-kontroll fil-fruntieri interni

skont l-Artikolu 23 et seq. tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen

Stat Membru | It-tul ta' żmien | Ġustifikazzjoni |

Franza | 21/10/2006, 08h — 20:00 | Jiem iż-Żgħażagħ taż-żgħażagħ Baski radikali f'Saint-Pée-sur-Nivelle u dimostrazzjoni organizzata f'Bayonne mill-kumitat ta' appoġġ ta' Philippe Bidart. FR-ES fruntiera tal-art (punt ta' qsim fil-fruntiera fl-awtostrada A63 f'Biriatou, il-Pont ta' St Jacques, il-Pont ta' Béhobie, stazzjon ta' Hendaye) |

Il-Finlandja | 9–21/10/2006 | Laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern f'Lahti. Kontrolli prinċipalment fl-ajruporti ta' Helsinki-Vantaa, Turku u Tampere-Pirkkala u l-portijiet ta' Helsinki, Hanko u Turku, il-fruntieri bejn FI-SE u FI-NO |

Il-Finlandja | 13–29/11/ 2006 | Laqgħa tal-EUROMED f'Tampere. Kontrolli prinċipalment fl-ajruporti ta' Helsinki-Vantaa, Turku u Tampere-Pirkkala u l-portijiet ta' Helsinki, Hanko u Turku, il-fruntieri bejn FI-SE u FI-NO |

Franza | 12–16/02/2007 | Konferenza tal-Kapijiet ta' Stat tal-Afrika u Franza f'Cannes (13-16/2/2007). Fruntiera FR-IT (informazzjoni dettaljata mogħtija fin-notifika) |

Il-Ġermanja | 25/5–9/06/2007 | Sammit tal-G8 f'Heiligendamm/Mecklenburg-Pomerania tal-Punent (6-8/6/2007) Fruntieri tal-art, l-ajru u l-baħar |

L-Islanda | 2–3/11/2007 | Il-parteċipazzjoni tal-MC Hells Angels għall-inawgurazzjoni tal-klabb tal-Muturi tal-Islanda f'Reykjavik (1-4/11/2007). Fruntieri tal-ajru (14-il titjira kkontrollati minn SE, DK, FI, DE u NO) |

L-Awstrija | 02/06/2008–01/07/2008 | Il-Kampjonat tal-Futboll Ewropew EURO 2008, AT — CH (7/6-29/6/2008). Fruntieri tal-art u l-ajru |

Franza | 27.09.2008, 08h — 18:45 | Dimostrazzjoni fis-27 ta' Settembru fl-16:00 f'Bayonne, bis-superviżjoni minn Batasuna. Ħames punti ta' qsim FR-ES (Hendaye: awtostrada A63, Pont internazzjonali ta' St Jacques, Pont internazzjonali ta' Béhobie, stazzjon ta' Hendaye, il-port ta' Hendaye) |

Il-Finlandja | 24/11/2008–5/12/2008 | Laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-OSCE f'Ħelsinki (4-5/12/2008). Kontrolli l-aktar fl-ajruport ta' Helsinki-Vantaa u l-portijiet ta' Ħelsinki u Turku |

L-Islanda | 05-07/03/2009 | Żjara tal-MC Hells Angels għall-inawgurazzjoni tal-klabb tal-Muturi tal-Islanda f'Reykjavik Fruntieri tal-ajru (16-il titjira kkontrollata minn SE, DK, NL,FR, DE u NO) |

Il-Ġermanja | 20/03/2009–5/04/2009 | Sammit tan-NATO fi Strasburgu, Baden-Baden u Kehl (3-4/4/2009). Fruntieri tal-art, l-ajru u l-baħar |

Franza | 30/03/2009–5/04/2009 | Sammit tan-NATO fi Strasburgu (3-4/4/2009) Fruntieri tal-art u l-ajru ma' BE, LU, DE, CH, IT u ES |

L-Italja | 28/06/2009–15/07/2009 | Sammit tal-G8 f' L'Aquila (10-12/7/2009) Fruntieri tal-art, l-ajru u l-baħar |

Franza | 19/09/2009, 13h — 19:40 | Demostrazzjoni minn Batasuna f'Bayonne. Ħames punti ta' qsim FR-ES (awtostrada A63, pont internazzjonali ta' St Jacques, pont internazzjonali ta' Béhobie, stazzjon ta' Hendaye, il-port ta' Hendaye) |

Spanja | 26-27/09/2009 | Ċelebrazzjoni ta' 'Jum il-Gwerrier Bask' fil-Pajjiż Bask u Navarra (ES) u fil-Pyrénées-Orientales (FR) ES-FR fruntieri tal-art fil-provinċji ta' Guipuzcoa u Navarra |

Franza | 27/09/2009 | Il-50 anniversarju tal-ETA. FR-ES fruntieri tal-art, il-kumpless ta' BCP fil-fruntieri minn Hendaye sa Arneguy (14-il punt ta' qsim fil-fruntiera). |

In-Norveġja | 27/11/2009–12/12/2009 | Iċ-Ċerimonja tal-Premju Nobel għall-Paċi f'Oslo (10/12/2009). Fruntieri NO-DE, NO-DK u NO u titjiriet immirati minn pajjiżi Schengen. |

Id-Danimarka | 1-18/12/2009 | Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Kopenħagen (7-18/12/2009). Fruntieri DK-DE u DK-SE |

Malta | 5-18/04/2010 | Żjara tal-Papa Benedittu XVI (17-18/04/2010) Ajruport Internazzjonali ta' Malta u l-Valletta Sea Passenger Terminal |

L-Estonja | 17-23/04/2010 | Laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tan-NATO f'Tallinn (22-23/04/2010). Fruntieri tal-art, il-baħar u l-ajru (informazzjoni dettaljata mogħtija fin-notifika) |

Franza | 28/05-02/06/2010 | Sammit Franko-Afrikana f'Nizza (31/05-01/06/2010). Fruntiera FR-IT (informazzjoni dettaljata mogħtija fin-notifika) |

Il-Latvja | 24/05-01/06/2010 | Assemblea Parlamentari tan-NATO f'Riga (28/05-01/06/2010). Fruntieri tal-art LV-EE, LV-LT, il-port ta' Riga u l-ajruport internazzjonali ta' Riga |

[pic][pic][pic]

[1] ĠU L 105, tat-13.4.2006, p. 1.

[2] Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-iċċekkjar fil-fruntieri komuni tagħhom, ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

[3] ĠU C 313 tas-16.12.2002, p. 97. Il-Manwal Komuni ġie mħassar bl-adozzjoni tal-Kodiċi.

[4] L-Artikolu 26 tal-tal-Konvenzjoni ta' Schengen u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta' Ġunju 2001 li tissupplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985, ĠU L 187, 10.7.2001, p. 45

[5] Każijiet Magħquda C-188/10 u C-189/10 Melki u Oħrajn.

[6] COM(2009) 102 finali.

[7] Il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposta riveduta f'Ottubru 2010.

[8] Peress li l-Pajjiżi Assoċjati ta' Schengen mhumiex membri tal-Unjoni Doganali għadhom isiru kontrolli fil-fruntieri tagħhom mal-Istati Membri ta' Schengen, u dawn il-pajjiżi assoċjati huma permessi li jżommu l-infrastruttura xierqa, inklużi l-limiti ta' veloċità li jirriżultaw.

[9] Il-Kummissjoni tisħaq li kontrolli doganali fuq trakkijiet iridu jsiru skont il-liġi tal-Unjoni li tirregola l-moviment ħieles tal-merkanzija u t-trasport.

[10] F'ċerti każi n-notifika intbagħtet ftit jiem biss qabel l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontroll fil-fruntiera.

[11] Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom sabiex jiċċaqalqu u jjirrisjedu liberament fit-territorji tal-Istati Membri, ĠU L 158 tat-30.4.2004, p. 77.

[12] Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fi Stati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' ġajjiżi terzi li jirrisjedu illegalment, [li trid tiġi trasposta mill-Istati Membri sal-24 ta' Diċembru 2010 mill-aktar tard], ĠU L 348 tal-24.12.2008, p. 98.