52010DC0389




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 20.7.2010

KUMM(2010) 389 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020

{SEG(2010) 903}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020

Introduzzjoni

Is-sikurezza tat-triq hija kwistjoni kbira tas-soċjetà. Fl-2009, iktar min 35 000 persuna mietu fit-toroq tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-ekwivalenti ta' belt medja, u mhux inqas minn 1 500 000 persuna korrew. Il-prezz għas-soċjetà huwa għoli u jirrappreżenta madwar EUR 130 biljun fl-2009[1].

Fil-Komunikazzjoni tagħha "Ewropa 2020 – Strateġija għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv"[2], il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta' koeżjoni soċjali, ekonomija ekoloġika u edukazzjoni u innovazzjoni għall-Ewropa. Dawn l-objettivi għandhom ikunu riflessi f'diversi aspetti tal-politika tat-trasport Ewropea li għandu jkollha l-għan li tiżgura mobbiltà sostenibbli għaċ-ċittadini kollha, "id-dekarbonizzazzjoni" tat-trasport u li jsir użu sħiħ mill-progress teknoloġiku. Is-sikurezza tat-triq se jkollha rwol importanti fil-White Paper li se ssir dalwaqt dwar il-politika tat-trasport 2010-2020, minħabba li t-tnaqqis tal-għadd ta' inċidenti tat-traffiku li jkollhom l-utenti tat-triq huwa fattur ewlieni għat-titjib tal-prestazzjoni kumplessiva tas-sistema tat-trasport u sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini u l-kumpaniji.

Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm approċċ koerenti, olistiku u integrat li jikkunsidra sinerġiji ma' miri oħra ta' politika. Il-politiki dwar is-sikurezza tat-triq fuq livell lokali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali għandhom jintegraw objettivi rilevanti ta' politiki pubbliċi oħra u bil-kontra.

L-orjentazzjonijiet ta' politika proposti jikkunsidraw b'mod sħiħ ir-riżultati miksuba matul it-tielet (3) programm ta' azzjoni dwar is-sikurezza tat-triq 2001-2010, u juru li minkejja l-progress importanti li sar dwar is-sikurezza tat-triq, jeħtieġ li l-isforzi jitkomplew u jssaħħu aktar.

L-orjentazzjoijiet ta' politika Ewropej għas-sikurezza tat-triq sal-2020 għandhom l-għan li jipprovdu qafas ta' governanza kumplessiv u objettivi ta' sfida li għandhom jiggwidaw strateġiji nazzjonali jew lokali. F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjonijiet deskritti għandhom ikunu implimentati fil-livell l-iktar xieraq u permezz tal-iktar mezzi xierqa.

Fil-qafas ta' dawn l-orjentazzjonijiet ta' politika, il-Kummissjoni tqis li t-tliet azzjonijiet li ġejjin għandhom jingħataw prijorità:

- l-istabbilment ta' qafas ta' kooperazzjoni strutturat u koerenti li jkun ibbażat fuq l-aħjar prattiki fl-Istati Membri kollha bħala kundizzjoni neċessarja biex ikunu implimentati b'mod effettiv l-orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020,

- strateġija għall-korrimenti u l-ewwel għajnuna li tindirizza l-bżonn urġenti u dejjem jikber li jitnaqqas l-għadd ta' korrimenti tat-traffiku,

- it-titjib tas-sikurezza ta' utenti vulnerabbli tat-triq, b'mod partikolari, tas-sewwieqa tal-muturi li għalihom l-istatistika tal-inċidenti hija partikolarment preokkupanti.

2. Evalwazzjoni ex-post tat-tielet programm ta' azzjoni ewropew għas-sikurezza tat-triq

Fit-2 ta' Ġunju 2003, il-Kummissjoni adottat it-tielet (3) programm ta' azzjoni Ewropew għas-sikurezza tat-triq (Road Safety Action Programme - RSAP), inkluża l-mira ambizzjuża li sal-2010, l-imwiet tat-traffiku jonqsu bin-nofs kif ukoll 62 proposta għal azzjonijiet konkreti fil-qasam tas-sikurezza tal-vetturi, is-sikurezza tal-infrastruttura u s-sikurezza tal-utenti. Saret evalwazzjoni ex-post sabiex ikunu analizzati l-impatt, il-livell ta' implimentazzjoni u l-effettività tal-RSAP (dokument disponibbli fuq il-websajt: http://ec.europa.eu/roadsafety). Għalkemm il-mira inizjali x'aktarx li mhix se tintlaħaq sal-aħħar tal-2010, l-RSAP kien katalist kbir għall-isforzi li saru mill-Istati Membri biex itejbu s-sikurezza tat-triq.

[pic]

3. Prinċipji u mira

3.1. Prinċipji

Nistinkaw biex nilħqu l-ogħla standards ta' sikurezza tat-triq fl-Ewropa kollha

Il-politika dwar is-sikurezza tat-triq għandha tpoġġi liċ-ċittadin fil-qalba tal-azzjonijiet tagħha: għandha tħeġġiġhom jieħdu responsabbiltà primarja għas-sikurezza tagħhom u tal-oħrajn. Il-politika tal-UE dwar is-sikurezza tat-triq għandha l-għan li tgħolli l-livell ta' sikurezza tat-triq filwaqt li tiżgura mobbiltà sikura u nadifa għaċ-ċittadini fl-Ewropa kollha. Għandha trawwem l-ekwità fost l-utenti tat-triq permezz ta' sforzi ffukati biex titjieb is-sikurezza ta' utenti iktar vulnerabbli tat-triq.

Approċċ integrat għas-sikurezza tat-triq

Il-politika futura dwar is-sikurezza tat-triq għandha tkun ikkunsidrata f'oqsma ta' politika oħra tal-UE u hi għandha tikkunsidra l-objettivi ta' dawn il-politiki oħra. Is-sikurezza tat-triq għandha rabtiet mill-qrib mal-politiki dwar l-enerġija, l-ambjent, l-impjieg, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, is-saħħa pubblika, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, il-ġustizzja, l-assigurazzjoni[3], il-kummerċ u l-affarijiet barranin fost l-oħrajn.

Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u r-responsabbiltà maqsuma

Il-kwistjoni ta' governanza hija essenzjali: f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, li fis-sikurezza tat-triq huma inklużi fil-kunċett ta' responsabbiltà kondiviża, impenn u azzjonijiet konkreti, kif xieraq, se jkunu meħtieġa fil-livell tal-awtoritajiet Ewropej, l-Istati Membri, il-korpi reġjonali u lokali u l-atturi fis-soċjetà ċivili, kull wieħed fil-qasam ta' responsabbiltà tiegħu. Il-Karta Ewropea dwar is-Sikurezza tat-triq hija eżempju tajjeb tal-impenji li jkunu għamlu l-parteċipanti ewlenin relevanti.

3.2. Mira

Bil-għan li jintlaħaq l-objettiv tal-ħolqien ta' żona komuni ta' sikurezza tat-triq, il-Kummissjoni qed tipproponi li tkompli bil-mira li tibda fl-2010 li sal-2020 tnaqqas bin-nofs l-għadd globali ta' mwiet tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea [4]. Din il-mira komuni tirrappreżenta żieda sinifikanti fil-livell ta' ambizzjoni, meta mqabbel mal-mira li ma ntlaħqitx tal-RSAP, meta wieħed iqis il-progress li diġà kisbu diversi Stati Membri matul l-aħħar għaxar snin, li se tagħti sinjal ċar tal-impenn tal-Ewropa favur is-sikurezza tat-triq.

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkontribwixxu, permezz tal-istrateġija nazzjonali tagħhom tas-sikurezza tat-triq, għall-kisba ta' objettiv komuni, b'kunsiderazzjoni għall-punti tat-tluq u l-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom. Huma għandhom jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq l-oqsma fejn hemm l-inqas prestazzjoni, billi jużaw bħala indikatur, ir-riżultati miksuba mill-aħjar prestaturi f'oqsma bħal dawn. Objettivi nazzjonali speċifiċi għalhekk jistgħu jkunu stabbiliti pereżempju billi jkun stipulat l-objettiv li ma jinqabiżx għadd stabbilit ta' mwiet tat-traffiku għal kull miljun abitant. Dan l-approċċ għandu jnaqqas id-diskrepanzi bejn l-Istati Membri u jipprovdi liċ-ċittadini b'livell iktar uniformi tas-sikurezza tat-triq fl-UE.

Rigward l-istabbiliment ta' mira għat-tnaqqis ta' korrimenti serji tat-traffiku, li kien propost matul il-konsultazzjoni pubblika[5], il-Kummissjoni tqis dan is-suġġeriment interessanti. F'dan l-istadju mhux possibbli li tkun stabbilita mira Ewropea minħabba n-nuqqas ta' definizzjoni komuni ta' korrimenti serji u ħfief. Hekk kif ikun sar progress suffiċjenti f'dan il-qasam, il-Kummissjoni se tipproponi li tiżdied "mira għat-tnaqqis tal-korrimenti" fl-orjentazzjonijiet ta' politika Ewropej għas-sikurezza tat-triq sal-2020.

4. Objettivi strateġiċi

L-utent tat-triq huwa l-ewwel ħolqa fil-katina tas-sikurezza tat-triq. Irrispettivament mill-miżuri tekniċi stabbiliti, l-effettività tal-politika għas-sikurezza tat-triq fl-aħħar mill-aħħar tiddependi fuq l-imġiba tal-utenti. Għal din ir-raġuni, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-infurzar huma essenzjali. Madankollu, is-sistema tas-sikurezza tat-triq għandha tikkunsidra l-iżbalji tal-bniedem u imgiba mhux xierqa u kemm jista' jkun tikkorreġiha – riskju żero ma jeżistix. Il-komponenti kollha, b'mod partikolari, il-vetturi u l-infrastruttura , għalhekk għandu jkollhom attitudni li 'teżonera' sabiex jipprevjenu u jillimitaw il-konsegwenzi ta' dawn in-nuqqasijiet għall-utenti, b'mod partikolari, l-utenti l-iktar vulnerabbli.

Kienu identifikati seba' objettivi għad-deċennju li jmiss. Għal kull wieħed minn dawn l-objettivi, se jkunu proposti azzjonijiet fuq livell nazzjonali u tal-UE. Il-Kummissjoni se tiżgura kontinwità mat-tielet (3rd) RSAP, speċjalment fejn l-evalwazzjoni ex-post identifikat azzjonijiet li għandhom jitkomplew.

Objettiv 1: Titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti tat-triq |

Matul it-tielet (3) RSAP, kienet stabbilita leġiżlazzjoni importanti rigward il-liċenzji tas-sewqan u t-taħriġ ta' xufiera professjonali. L-impatt ta' dawn il-miżuri riċenti se jitkejjel fis-snin li ġejjin. Madankollu, il-bżonn li titjieb il-kwalità tas-sistema tal-liċenzji u t-taħriġ, b'attenzjoni speċjali għal xufiera ġodda żgħażagħ, kien enfasizzat matul konsultazzjoni mal-esperti u mal-pubbliku.

L-approċċ bħalissa rigward it-taħriġ tax-xufiera għadu tabilħaqq frammentat u speċjalizzat wisq. Il-Kummissjoni tipproponi li tippromwovi approċċ usa' u tqis l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala proċess kumplessiv, 'edukazzjoni kontinwa' tul il-ħajja. Metodi interattivi u l-akkwist tal-awtonomija għandhom ikunu inkoraġġiti, filwaqt li jkun ikkunsidrat b'mod xieraq il-bżonn li l-kost tal-liċenzja jinżamm f'livell raġonevoli.

- Tagħlim qabel it-test tas-sewqan

L-objettiv huwa li tkun inkoraġġita l-prattika qabel it-test tas-sewqan taħt kundizzjonijiet ta' sikurezza massimi. Il-Kummissjoni se tirrifletti fuq diversi għażliet, b'mod partikolari l-inklużjoni ta' sewqan akkumpanjat fil-proċess li jwassal għall-ħruġ tal-liċenzja, Se tkun ikkunsidrata l-introduzzjoni ta' rekwiżiti minimi armonizzati għall-persuni involuti fit-tagħlim. bħal pereżempju persuni li jakkumpanjaw jew li jħarrġu.

- It-test għal-liċenzja tas-sewqan

It-test għal-liċenzja tas-sewqan ma għandux ikun limitat għall-verifikar tal-għarfien tal-kandidat tal-kodiċi tat-triq jew għall-abbiltà tiegħu li jimmanuvra. Il-Kummissjoni se tikkunsidra kif tista' tinkludi wkoll ħiliet tas-sewqan usa', jew saħansitra evalwazzjoni tal-valuri u l-imġiba relatati mas-sikurezza tat-triq (sensibilizzazzjoni tar-riskji) u sewqan effiċjenti fl-enerġija u difensiv (tisħiħ tal-elementi ewlenin ta' sewqan ekoloġiku fil-curricula tat-testijiet teoretiċi u prattiċi).

- Taħriġ wara li tingħata l-liċenzja

Xieraq li jkun ikkunsidrat taħriġ kontinwu wara li tingħata l-liċenzja għal xufiera mhux professjonali, speċjalment minħabba li l-popolazzjoni Ewropea qed tixjieħ, il-kwistjoni taż-żamma tal-aptitudni għas-sewqan tal-persuni ikbar fl-età, se ssir dejjem iktar rilevanti. Azzjonijiet possibbli f'dan il-qasam għandhom jikkunsidraw persuni b'diżabbiltajiet u d-dritt tal-persuni anzjani għall-mobbiltà u l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet alternattivi.

Azzjoni :

Il-Kummissjoni se taħdem, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri kif xieraq, fuq l-iżvilupp ta' strateġija komuni edukattiva u ta' taħriġ għas-sikurezza tat-triq inkluża, b'mod partikolari, l-integrazzjoni ta' apprentistat fil-proċess 'qabel tingħata l-liċenzja' kif ukoll fuq rekwiżiti minimi komuni għall-persuni li jħarrġu lix-xufiera.

Objettiv 2: Iktar infurzar tar-regoli tat-traffiku |

Skont l-evalwazzjoni ex-post tat-tielet(3) RSAP, l-infurzar jibqa' fattur ewlieni fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal tnaqqis konsiderevoli fil-għadd ta' mwiet u korrimenti, speċjalment meta l-infurzar ikun applikat b'mod intensiv u jingħata pubbliċità qawwija. Il-konsultazzjoni pubblika kkonfermat ukoll li l-infurzar għandu jkollu preżenza qawwija fl-orjentazzjonijiet ta' politika ġodda għas-sikurezza tat-triq. Il-potenzjal sħiħ ta' strateġija Ewropea għall-infurzar ma ntlaħqitx fil-programm preċedenti, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' progress li sar dwar il-proposta tal-Kummissjoni rigward l-infurzar transkonfinali.

Din l-istrateġija għandha tkun imsejsa fuq l-assi li ġejjin:

- Skambju ta' informazzjoni transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza tat-triq

Ix-xogħol li beda fl-2008 fuq il-proposta għal Direttiva li tiffaċilità l-infurzar fil-qasam tas-sikurezza tat-triq għandu jitkompla. Bil-għan li jkun iffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni dwar kontravenzjonijiet għas-sikurezza tat-triq, it-test propost[6] huwa pass lejn trattament iktar ugwali ta' min jikser ir-regoli tat-traffiku.

- Kampanji ta' infurzar

Iktar koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki jgħinu biex l-implimentazzjoni u l-kontrolli jsiru iktar effiċjenti b'mod sinifikanti. Il-prinċipju tal-kampanji ta' kontroll immirati diġà organizzati f'bosta u bejn Stati Membri għandhom ikunu inkoraġġiti u ġeneralizzati. Barra minn hekk, l-esperjenza turi li l-iktar riżultati effikaċi jinkisbu billi jkunu kkombinati l-politika ta' kontroll mal-informazzjoni tal-utenti. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli tappoġġja azzjonijiet ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, b'mod partikolari għaż-żagħżagħ.

- Teknoloġija tal-vetturi li tassisti l-infurzar

L-iżviluppi teknoloġiċi, bħal sistemi fil-vetturi li jipprovdu informazzjoni f'ħin reali dwar veloċitajiet prevalenti jistgħu jikkontribwixxu biex jitjieb l-infurzar tal-veloċità. Minħabba li l-vetturi kummerċjali żgħar qed isiru dejjem iktar numerużi fit-toroq, fattur li jżid ukoll ir-riskju li jkunu involuti f'inċidenti, għandha tkun eżaminata wkoll l-installazzjoni ta' kontrolluri tal-veloċità f'dawn il-vetturi, skont l-miżuri diġà identifikati mill-Kummissjoni[7], b'kunsideraazzjoni għall-kobenefiċċji ambjentali u tal-klima. Rigward sewqan minn persuni xurbana, il-penali għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri preventivi. Għalhekk, il-Kummissjoni se teżamina l-limitu safejn il-miżuri jkunu xierqa sabiex l-installazzjoni ta' tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol ssir obbligatorja fil-vetturi, pereżempju għat-trasport professjonali (pereżempju xarabanks tal-iskola).

- Objettivi tal-infurzar nazzjonali

L-effettività tal-politiki tas-sikurezza tat-triq tiddependi ħafna fuq l-intensità tal-kontrolli fuq il-konformità mar-rekwiżiti ta' sikurezza. Il-Kummissjoni tħeġġeġ it-twaqqif ta' objettivi ta' kontroll nazzjonali, li jkunu integrati 'fil-pjanijiet ta' infurzar nazzjonali'[8]

Azzjonijiet:

- Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' skambju ta' informazzjoni transkonfinali fil-qasam tas-sikurezza tat-triq.

- Il-Kummissjoni se taħdem lejn l-iżvilupp ta' strateġija ta' infurzar komuni għas-sikurezza tat-triq, inkluż:

1. Il-possibbiltà li jkunu introdotti kontrolluri tal-veloċità f'vetturi kummerċjali żgħar u l-użu obbligatorju ta' tagħmir li jidentifika l-użu tal-alkoħol f'ċerti każijiet speċifiċi.

2. L-istabbiliment ta' pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali

Objettiv Nru 3: Infrastruttura tat-toroq iktar sikura |

L-ogħla numru ta' inċidenti fatali tat-traffiku jseħħu fit-toroq rurali jew urbani (56 % u 44 % rispettivament fl-2008, meta mqabbla ma' 6 % fuq l-awtostradi). Għalhekk, għandhom jinstabu mezzi kif jiġu estiżi gradwalment il-prinċipji rilevanti ta' ġestjoni sikura tal-infrastruttura għan-netwerk ta' toroq sekondarji tal-Istati Membri, b'kunsiderazzjoni għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Il-Kummissjoni se tiżgura li talbiet għal finanzjament mill-fondi tal-UE relatati mal-infrastruttura tat-toroq fl-Istati Membri, se jinkludu r-rekwiżiti ta' sikurezza. Se tkun ikkunsidrata l-estensjoni ta' dan il-prinċipju għal għajnuna esterna.

Azzjonijiet :

Il-Kummissjoni se:

1. Tiżgura li l-fondi Ewropej se jingħataw biss għal infrastruttura li tikkonforma mad-Direttivi dwar is-sikurezza tat-triq u s-sikurezza fil-mini.

2. Tippromwovi l-applikazzjoni tal-prinċipji rilevanti dwar il-ġestjoni sikura tal-infrastruttura għat-toroq sekondarji tal-Istati Membri, b'mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki.

Objettiv 4: Vetturi aktar sikuri |

Is-sikurezza tal-vetturi fil-perjodu kopert mit-tielet(3) RSAP għamlet progress konsiderevoli. Għalkemm is-sikurezza tal-karozzi ssaħħet, parzjalment bis-saħħa ta' użu usa' ta' tagħmir ta' sikurezza passiv bħaċ-ċintorini tas-sikurezza u l-airbags u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' sikurezza elettroniċi, vetturi oħra, b'mod partikolari l-muturi, ma ngħatawx l-istess attenzjoni. Barra minn hekk, fis-snin li ġejjin se jkun meħtieġ li jkunu kkunsidrati problemi ta' sikurezza ġodda minħabba s-sehem li aktar ma jmur aktar jiżdied tal-vetturi li jużaw enerġija alternattiva.

- Il-vetturi tal-lum

Fis-snin riċenti kienu adottati jew qed ikunu ppreparati diversi standards u rekwiżiti tekniċi dwar is-sikurezza tal-vetturi[9]. L-impatt tagħhom se jkun viżibbli b'mod sħiħ fid-deċennju li ġej.

Wara li jkunu tqiegħdu fis-suq, il-vetturi għandhom ikomplu jilħqu l-istandards tas-sikurezza tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom. Il-Kummissjoni se tevalwa u tipproponi kif xieraq, wara valutazzjoni tal-impatt, azzjonijiet fil-qasam tal-armonizzazzjoni u t-tisħiħ progressiv tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar testijiet tekniċi perjodiċi (test tal-VRT)[10] u dwar spezzjonijiet tekniċi fit-triq[11]. L-objettiv aħħari jista' jkun li jintlaħaq rikonoxximent reċiproku ta' spezzjonijiet tal-vetturi bejn l-Istati Membri.

Bħalissa, id-dejta tal-vetturi (approvazzjoni tat-tip, reġistrazzjoni, riżultati ta' spezzjonijiet eċċ) teżisti f'diversi forom f'kull Stat Membru. Il-Kummissjoni se tistudja t-twaqqif ta' pjattaforma elettronika Ewropea bil-għan li jkun iffaċilitat l-iskambju ta' din l-informazzjoni.

- Il-Vetturi tal-futur

Kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Strateġija Ewropea dwar vetturi nodfa b'enerġija effiċjenti[12], l-iżvilupp u l-iskjerament ta' vetturi li jużaw sorsi ta' enerġija alternattivi, huma prijorità ewlenija għad-deċennju li jmiss sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bit-triq. Madankollu xi wħud minn dawn il-vetturi għandhom karatteristiċi li jagħmluhom radikalment differenti mill-vetturi tradizzjonali u li jista' jkollhom impatt fuq is-sikurezza. Approċċ integrat u koordinat għalhekk huwa essenzjali bil-għan li jkun identifikat b'mod ċar l-impatt fuq il-fatturi kollha konċernati (bħall-infrastruttura u l-utenti vulnerabbli) u s-soluzzjonijiet li għandhom ikunu pprovduti (riċerka, standardizzazzjoni, eċċ.).

Kontribut sinifikanti għas-sikurezza tat-triq huwa mistenni wkoll mill-iskjerament tal-hekk magħrufa "sistemi kooperattivi", fejn il-vetturi jiskambjaw dejta u jitħalltu mal-infrastruttura u vetturi relatati oħra sabiex ix-xufiera jkunu infurmati bl-aħjar mod, filwaqt li jitnaqqsu r-riskji fuq l-aċċidenti u l-flussi tat-traffiku, b'mod ġenerali jsiru jimxu mingħajr problemi.

Azzjonijiet :

Il-Kummissjoni se:

1. Tagħmel proposti biex tinkoraġġixxi l-progress fuq is-sikurezza attiva u passiva tal-vetturi bħall-muturi u l-vetturi li jaħdmu bl-elettriku..

2. Tagħmel proposti bil-ħsieb li jkun hemm armonizzazzjoni u tisħiħ progressiv tat-testijiet tekniċi perjodiċi (testijiet tal-VRT) u l-ispezzjonijiet tekniċi fit-triq.

3. Tevalwa iktar l-impatt u l-benefiċċji tas-sistemi kooperattivi biex tidentifika l-iktar applikazzjonijiet ta' benefiċċju u tirrakkomanda l-miżuri rilevanti għall-iskjerament sinkronizzat tagħhom.

Objettiv 5: Il-promozzjoni tal-użu ta' teknoloġija moderna biex tiżdied is-sikurezza tat-triq |

Għadd ta' studji u attivitajiet ta' riċerka dwar Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (Intelligent Transport Systems - ITS) twettqu matul il-perjodu kopert mit-tielet(3) RSAP. L-ITS għandhom il-potenzjal li jkollhom rwol konsiderevoli għat-titjib tas-sikurezza tat-traffiku, pereżempju permezz tal-adozzjoni ta' sistemi li jidentifikaw inċidenti u jimmonitorjaw it-traffiku li huma kapaċi jipprovdu informazzjoni lill-utenti tat-triq f'ħin reali.

Fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ITS[13], u tad-Direttiva ITS proposta[14], il-Kummissjoni b'mod partikolari se tipproponi speċifikazzjonijiet tekniċi neċessarji għall-iskambju ta' dejta u informazzjoni bejn il-vetturi (V2V), bejn il-vetturi u l-infrastruttura (V2I) u bejn l-infrastrutturi (I2I). Il-possibbiltà tal-estensjoni tal-implimentazzjoni ta' Sistemi Avvanzati ta' Assistenza lix-Xufier (Advanced Driver Assistance Systems - ADAS) bħal sistemi ta' Avviż dwar Tluq mill-Korsija (Lane Departure Warning), Avviż kontra Kolliżjonijiet (Anti Collision Warning) jew Rikonoxximent ta' Persuni Miexja fit-Triq (Pedestrian Recognition) billi jkunu installati mill-ġdid f'vetturi kummerċjali u/jew privati eżistenti, għandhom ukoll jiġu vvalutati iktar. Skjerament aċċellerat u l-adozzjoni ġeneralizzata ta' dawn l-applikazzjonijiet li jsaħħu s-sikurezza, jeħtieġ li jkunu appoġġjata sabiex ikun sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom.

Fis-seba' snin li ġejjin, l-ITS għandu jikkontribwixxi b'mod deċiżiv għat-titjib tal-effettività u l-veloċità tas-salvataġġ, u b'mod partikolari l-adozzjoni tas-servizz pan-Ewropew ta' sejħiet ta' emerġenza, is-servizz eCall, installat fil-vetturi[15]. L-impatt u l-ambitu għall-estensjoni tal-użu tal-eCall għandu jkun eżaminat, b'mod partikolari bil-għan li jitjiebu l-azzjonijiet ta' salvataġġ għax-xufiera tal-muturi, għall-vetturi kbar u għax-xarabanks.

Fl-aħħar nett, minkejja l-kontribut pożittiv tagħhom għas-sikurezza tat-triq, l-iżvilupp ta' ITS, b'mod partikolari fis-sistemi installati fil-vetturi u tagħmir nomadiku, iqajjem għadd ta' preokkupazzjonijiet mill-perspettiva tas-sikurezza (distrazzjoni, impatt fuq it-taħriġ, eċċ) li se jirrikjedu konsiderazzjoni ulterjuri.

Azzjonijiet :

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ITS u tad-Direttiva ITS proposta, il-Kummissjoni se tikkoopera mal-Istati Membri bil-għan li:

1. Tevalwa l-fattibbiltà li jkunu installati wara l-manifattura Sistemi Avvanzati ta' Assistenza lix-Xufiera fuq vetturi kummerċjali u karozzi privati

2. Tħaffef l-iskjerament tas-servizz e-Call u tikkunsidra l-estensjoni tiegħu għal vetturi oħra.

Objettiv 6 : Titjib tas-servizzi tal-emerġenza u ta' wara l-korrimenti |

Filwaqt li n-numru ta' inċidenti fatali naqsu bejn l-2001 u l-2010, l-għadd ta' persuni korruti għadu għoli ħafna kif turi t-tabella ta' hawn taħt. Kif enfasizzaw ripetutament il-parteċipanti ewlenin waqt il-konsultazzjoni pubblika, it-tnaqqis tal-għadd ta' korrimenti għandu jkun waħda mill-azzjonijiet ta' prijorità fl-Ewropa fid-deċennju li jmiss. Il-korrimenti tat-traffiku kienu rikonoxxuti wkoll bħala preokkupazzjoni kbira għas-saħħa pubblika fuq livell internazzjonali, b'mod partikolari mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa[16] u fil-qafas tad-Deċennju għal Azzjoni dwar is-Sikurezza tat-Triq tan-NU.

[pic]

It-tnaqqis tal-gravità tal-korrimenti mill-inċidenti tat-traffiku jirrikjedi l-introduzzjoni ta' sensiela ta' azzjonijiet diversi, pereżempju dwar is-sikurezza tal-vettura u tal-infrastruttura, ITS, id-disponibbiltà tal-għajnuna ta' emerġenza, il-veloċità u l-koordinazzjoni tal-intervenzjoni, l-effiċjenza tal-ewwel għajnuna u r-riabilitazzjoni, eċċ.

Għalhekk, il-Kummissjoni se tiżviluppa l-elementi ta' strateġija ta' azzjoni globali rigward il-korrimenti tat-traffiku u l-ewwel għajnuna u bl-għajnuna ta' Task Force, tlaqqa' flimkien. lill-parteċipanti ewlenin rilevanti, lir-rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi, lill-esperti tal-gvernijiet u lill-Kummissjoni.

Fil-bidu se jkollha l-għan li tilħaq ftehim komuni dwar id-definizzjonijiet u l-kunċetti relatati mal-korrimenti u li tidentifika l-azzjonijiet sabiex jitjiebu l-prevenzjoni u l-intervent, inkluż l-impatt soċjoekonomiku tagħhom. Abbażi ta' dan, jistgħu jiġu identifikati azzjonijiet preċiżi bħall-iskambju ta' prattiki tajbin, l-iżvilupp ta' gwidi ta' intervent, approċċ komuni għad-definizzjoni ta' korrimenti kbar u żgħar, il-promozzjoni tal-ħolqien ta' unitajiet ta' salvataġġ imħalltin bejn l-Istati Membri, eċċ.

Azzjoni

F'kollaborazzjoni mal-Istati Membri u atturi ewlenin oħra involuti fis-sikurezza tat-triq, il-Kummissjoni se tipproponi t-twaqqif ta' strateġija globali ta' azzjoni dwar korrimenti tat-traffiku u l-ewwel għajnuna.

Objettiv 7 : Protezzjoni ta' utenti vulnerabbli tat-triq |

L-għadd kbir ta' inċidenti fatali u korrimenti serji ffaċċjati mill-utenti vulnerabbli tat-triq bħas-sewwieqa ta' muturi, mopeds, ċiklisti u persuni mixjin fit-triq huwa sinifikanti u f'xi Stati Ewropej għadu qed jiżdied. Fl-2008, dawn l-inċidenti fatali kienu jammontaw għal 45 % tal-imwiet kollha tat-traffiku u l-istatistika turi (ara l-grafika ta' hawn taħt) li sa issa ma ngħatawx biżżejjed attenzjoni.

[pic]

Barra minn hekk, utenti oħra jippreżentaw fraġilità intrinsika (pereżempju l-anzjani, it-tfal żgħar, il-persuni b'diżabbiltà) irrispettivament mir-rwol tagħhom fit-traffiku (persuni miexja fit-triq, xufiera, passiġġieri). Il-vulnerabbiltà tagħhom hija partikolarment għolja fiż-żoni urbani[17].

- Powered-two-wheelers (PTWs)

Dan il-grupp dejjem jikber ta' utenti huwa l-grupp fejn hu l-iktar diffiċli li jinkiseb tnaqqis sinifikanti fl-inċidenti u l-inċidenti fatali. B'mod partikolari kif jidher fil-grafika ta' hawn taħt, it-tnaqqis tar-rata tal-inċidenti fatali fost is-sewwieqa ta' muturi hija iktar baxxa minn dik ta' utenti oħra tat-triq[18].

[pic]

Il-problema tas-sikurezza tas-sewwieqa tal-muturi għandha tkun indirizzata permezz ta' diversi azzjonijiet bil-għan li :

1. Titjieb is-sensibilizzazzjoni tas-sewwieqa tal-PTW minn utenti oħra tat-triq.

2. Ikunu mħeġġa r-riċerka u l-iżviluppi tekniċi li għandhom l-għan li jżidu is-sikurezza tal-PTW u li jnaqqsu l-konsegwenzi tal-inċidenti, bħal standards għal tagħmir protettiv personali, airbags, l-użu ta' applikazzjonijiet ITS rilevanti (pereżempju eCall) u stallazzjoni progressiva ta' sistemi avvanzati għall-ibbrekjar u miżuri xierqa kontra t-tbagħbis, eċċ. Il-Kummissjoni se tipproponi li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar testijiet tekniċi perjodiċi, tkun estiża għall-PTWs. Fl-aħħar nett, l-isforzi li għadhom għaddejjin biex l-infrastruttura tkun adattata aħjar għall-PTWs (pereżempju guardrails iktar sikuri) għandhom ukoll jitkomplew.

3. L-Istati Membri jkunu mħeġġa jiffukaw l-infurzar fuq il-veloċità, ix-xorb alkoħoliku u s-sewqan, l-użu tal-elmu, it-tbgħabis u s-sewqan mingħajr liċenzja PTW xierqa.

- Persuni mixjin fit-triq u ċiklisti

Fl-2008, 27 % tal-imwiet tat-traffiku seħħew fuq ċiklisti u persuni mixjin fit-triq (47 % fiż-żoni urbani). Għal ħafna ċiklisti potenzjali, ir-riskji tas-sikurezza tat-triq reali jew ipperċepiti jibqgħu ostakolu deċiżiv. Il-gvernijiet nazzjonali u lokali huma dejjem iktar involuti fil-promozzjoni taċ-ċikliżmu u l-mixi li se tirrikjedi li tingħata iktar u iktar attenzjoni lill-kwistjonijiet dwar is-sikurezza tat-triq.

Mill-2003, ġiet introdotta leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE biex jitnaqqsu r-riskji ta' korrimenti (pereżempju strutturi li permezz tagħhom il-parti ta' quddiem tal-karozzi tassorbi l-enerġija, sistemi avvanzati għall-ibbrekjar, mirja li juru partijiet tat-triq li ma jkunux jidhru, eċċ). Jeħtieġ li jkunu eżaminati azzjonijiet ulterjuri (pereżempju viżibbiltà mtejba, il-ġestjoni tal-veloċità, infrastruttura adegwata għal trasport mhux bil-mutur, is-separazzjoni ta' traffiku mħallat perikoluż eċċ). Minħabba li l-problema hija prinċipalment relatata mal-ġestjoni urbana, il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet se jkollhom jitwettqu fuq livell lokali, fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Mobbiltà Urbana[19]. Minħabba l-benefiċċji sinifikanti taċ-ċikliżmu għall-ambjent, il-klima, il-konġestjoni u s-saħħa pubblika, xieraq li nirriflettu dwar x'nistgħu nagħmlu iktar f'dan il-qasam.

- L-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà

Fl-2008, l-anzjani rrappreżentaw 20 % tal-inċidenti fatali tat-traffiku (40 % minnhom meta kienu mixjin fit-triq). Ix-xjuħija tal-popolazzjoni qed tpoġġi enfasi importanti fuq il-bżonn li tkun evalwata l-vulnerabbiltà tal-anzjani fit-traffiku. Barra minn hekk, il-persuni b'diżabbiltajiet jinsabu f'riskju sinifikanti. It-tagħrif f'dan il-qasam għadu limitat ħafna u jeħtieġ li jkun hemm sforzi ta' riċerka ffukati, inkluża riċerka dwar kriterji mediċi għall-evalwazzjoni tal-kapaċità biex wieħed isuq.

Azzjonijiet

- Il-Kummissjoni se tagħmel proposti xierqa bil-għan li:

1. Ikunu mmonitorjati u żviluppati iktar standards tekniċi għall-ħarsien tal-utenti vulnerabbli tat-triq.

2. Il-powered-two-wheelers ikunu inklużi fl-ispezzjonijiet tal-vetturi

3. Tiżdied is-sikurezza taċ-ċikliżmu u ta' utenti vulnerabbli oħra tat-triq, pereżempju billi jkun inkoraġġit l-istabbiliment ta' infrastrutturi adegwati.

- L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw informazzjoni, komunikazzjoni u djalogu bejn l-utenti tat-triq u l-awtoritajiet kompetenti. Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għal dan l-isforz.

5. L-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet ta' politika ewropej għas-sikurezza tat-triq 2011-2020

5.1 It-titjib tal-impenn tal-partijiet kollha konċernati permezz ta' governanza iktar b'saħħitha.

- Prijorità għall-implimentazzjoni tal-acquis leġiżlattiv tal-UE fil-qasam tas-sikurezza tat-triq.

B'iktar minn tnax-il strument leġiżlattiv dwar is-sikurezza tat-triq, l- acquis tal-UE huwa essenzjalment stabbilit. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħti prijorità lill-monitoraġġ sħiħ u lill-implimentazzjoni korretta tal- acquis tal-UE dwar is-sikurezza tat-triq mill-Istati Membri.

- It-twaqqif ta' qafas ta' kooperazzjoni miftuħ bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Għandu jkun stabbilit qafas strutturat għal kooperazzjoni miftuħa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex tkun implimentata l-politika Ewropea għas-sikurezza tat-triq u biex ikun immonitorjat il-progress li jkun sar. Dan se jinkludi:

- l-iżvilupp mill-Istati Membri ta' pjanijiet nazzjonali għas-sikurezza tat-triq. Dawn il-pjanijiet għandhom jiddeskrivu kif se jintlaħaq l-objettiv komuni, ifasslu skeda u jippubblikaw id-dettalji tal-pjan nazzjonali. Jistgħu jinkludu wkoll objettivi nazzjonali speċifiċi skont is-sitwazzjoni partikolari tagħhom.

- kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-għan li jkun immonitorjat il-progress lejn l-objettiv komuni u t-titjib tal-ġbir ta' dejta, il-qsim tal-esperjenzi, il-ġemellaġġi u l-iskambju tal-aħjar prattiki

5.2 Għodod komuni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-politiki dwar is-sikurezza tat-triq

- Titjib tal-monitoraġġ permezz tal-ġbir u l-analiżi ta' dejta

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1993[20], l-Istati Membri huma obbligati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni dejta dwar l-inċidenti tat-traffiku li jirriżultaw f'mewt jew f'korriment li jseħħu fit-territorji tagħhom bil-għan li jkun stabbilit bank ta' dejta tal-Komunità, id-database CARE.

Il-kwalità u l-komparabbiltà tad-dejta CARE b'mod ġenerali huma sodisfaċenti, minbarra l-komparabbiltà tad-dejta dwar il-korrimenti. Barra minn hekk, għad fadal ħafna xi jsir dwar l-esponiment għar-riskju u l-indikaturi tal-prestazzjoni.

Id-dejta u t-tagħrif Ewropej disponibbli dwar is-sikurezza tat-triq kienu integrati u disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet permezz tal-Osservatorju Ewropew għas-Sikurezza tat-triq (ERSO). Din l-għodda integrata hija essenzjali għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-politiki dwar is-sikurezza tat-triq, billi tevalwa l-impatt tagħhom u tipproponi inizjattivi ġodda. Il-Kummissjoni għalhekk se tkompli bl-iżvilupp ulterjuri tal-ERSO, inklużi azzjonijiet dwar komunikazzjoni u informazzjoni taċ-ċittadini dwar kwistjonijiet ta' sikurezza tat-triq.

- Iktar fehim tal-inċidenti u r-riskji

L-investigazzjonijiet tekniċi li jsiru wara inċident jistgħu jipproduċu informazzjoni imprezzabbli f'termini ta' esperjenza li hija utli għall-iżvilupp ulterjuri tas-sikurezza tat-trasport tat-triq. Għat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija u bil-baħar, qafas tal-UE jirrikjedi l-ħolqien mill-Istati Membri ta' korpi ta' investigazzjoni tekniċi indipendenti.

Il-Kummissjoni se teżamina l-limitu safejn il-prinċipji u l-metodi applikati fil-mezzi l-oħra tat-trasport għal investigazzjonijiet tekniċi wara inċidenti jistgħu jkunu trasposti fil-qasam tat-trasport tat-triq, b'kunsiderazzjoni għan-natura speċifika ta' dawn tal-aħħar.

Il-valur miżjud tal-iżvilupp u l-installazzjoni ta' reġistraturi ta' dejta ta' avvenimenti ('kaxxi suwed') speċjalment fil-vetturi professjonali, li diġà ssemmew fit-tielet (3) RSAP, se jkun eżaminat b'kunsiderazzjoni għall-impatt soċjoekonomiku.

Azzjonijiet:

- Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-Istati Membri bil-għan li:

1. Ikunu promossi l-ġemellaġġi u metodi oħra ta' kooperazzjoni biex jiżdied il-livell ta' sikurezza tal-Istati Membri.

2. Jitjiebu l-ġbir u l-analiżi ta' dejta rigward inċidenti u jkun żviluppat ir-rwol tal-Osservatorju Ewropew għas-Sikurezza tat-Triq.

- Il-Kummissjoni se:

3. Timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni korretta tal-acquis Ewropew fil-qasam tas-sikurezza tat-triq.

4. Teżamina l-bżonn ta' prinċipji komuni għal investigazzjoni teknika tal-inċidenti fit-triq.

6. KONKLUżJONI

L-orjentazzjonijiet ta' politika proposti jikkostitwixxu pjan ta' azzjonijiet possibbli previst għad-deċennju li jmiss. Il-parteċipanti ewlenin enfasizzaw, b'mod partikolari matul il-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, il-limitu safejn l-Ewropa, billi tipprovdi qafas għal azzjoni u objettivi ambizzjużi, stimulat l-isforzi fil-livelli kollha u ppermettiet il-kisba ta' riżultati sinifikanti.

L-orjentazzjonijiet ta' politika proposti jipprovdu qafas ġenerali li taħtu għandhom jittieħdu inizjattivi konkreti fuq diversi livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali. Miżuri individwali se jkunu suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt xierqa skont il-prinċipji stabbiliti tal-UE dwar regolamentazzjoni aħjar. Ir-rwol tal-Kummissjoni se jkun li tagħmel proposti dwar kwistjonijiet fejn l-UE hija kompetenti u fil-każijiet l-oħra kollha, li tappoġġja inizjattivi meħuda fuq diversi livelli, li tinkoraġġixxi l-iskambju ta' informazjoni, li tidentifika u tippromwovi l-aħjar riżultati miksuba u li ssegwi b'attenzjoni il-progress miksub.

[1] Abbażi tal-valur ta' ħajja statistika kkalkulat mill-istudju HEATCO (Is-Sitt (6) Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku).

[2] COM(2010) 2020.

[3] Is-settur tal-assigurazzjoni jista' jikkontribwixxi għas-sikurezza tat-triq permezz ta' azzjonijiet ta' taħriġ kif ukoll permezz ta' politiki ta' assigurazzjoni. Pereżempju, skemi Pay-As-You-Drive (PAYD) fejn il-primjum ivarja skont l-ammont ta' kilometri misjuqa jistgħu jwasslu għal iffrankar sostanzjali fuq kosti tal-inċidenti kif ukoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi.

[4] Minħabba li r-riżultati għall-2010 għadhom mhumiex magħrufa, din ir-referenza se tkun ibbażata fuq iċ-ċifri disponibbli fl-2009.

[5] Bejn Lulju u Diċembru 2009, saret konsultazzjoni pubblika għall-preparazzjoni tal-orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq li jmis. Kienet tinkludi sensiela ta' workshops tematiċi, konsultazzjoni fuq l-internet u konferenza mal-partijiet ikkonċernati. Waslu madwar 550 tweġiba permezz tal-Internet jew permezz ta' kontribuzzjonijiet bil-miktub.

[6] B'kunsiderazzjoni għal-leġiżlazzjoni tal-UE relevanti dwar il-protezzjoni ta' dejta personali.

[7] COM(2009) 593 finali.

[8] Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru (2004/345/KE) dwar l-infurzar fil-qasam tas-sikurezza tat-triq, (ĠU L 111, 17.4.2004, p. 75).

[9] Pereżempju s-sikurezza tal-muturi se tkun indirizzata permezz ta' proposta għal Regolament dwar l-approvazzjoni ta' Vetturi b'Żewġ jew Tliet Roti u ta' Muturi b'Erba' Roti.

[10] ĠU L 141, 6.6. 2009, p. 12.

[11] ĠU L 203, 10.8.2000, p. 1.

[12] COM(2010) 186.

[13] COM(2008) 886.

[14] COM(2008) 887.

[15] Ara COM(2009) 434.

[16] World Report on Road Traffic Injury Prevention, WHO, 2004.

[17] Fl-2008, 28 % tal-inċidenti fatali tat-traffiku fiż-żoni urbani seħħew lill-persuni li għandhom iktar minn 65 sena.

[18] Pereżempju bejn l-2001 u l-2008, ir-rata ta' tnaqqis tal-imwiet fit-triq għall-PTWs kienet 4 % biss meta mqabbla ma' 35 % għall-passiġġieri u s-sewwieqa.

[19] COM(2009) 490.

[20] ĠU L 329, 30.12.1993, p. 63