52010DC0235




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 18.5.2010

KUMM(2010)235 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar passi li jistgħu jittieħdu fil-ġejjieni fuq il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea

SEG(2010)577

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar passi li jistgħu jittieħdu fil-ġejjieni fuq il-ġestjoni tal-bijoskart fl-Unjoni Ewropea

DAħLA

Il-bijoskart kif inhu ddefinit fid-Direttiva riveduta ta’ qafas dwar l-iskart[1] jinkludi skart tal-ġonna u tal-parks, skart ta’ ikel u li jiġi mill-kċejjen tad-djar, ristoranti, fornituri tal-ikel u postijiet tal-bejgħ, u skart li jista’ jitqabbel ma’ skart li jiġi minn impjanti li jipproċessaw l-ikel. Ma jinkludix fdal agrikolu jew tal-forestrija u ma għandux jitħawwad mat-terminu usa’ “skart bijodegradabbli” li jinkludi wkoll skart bijodegradabbli ieħor bħalma huwa l-injam, il-karti, il-kartun, u l-ħama tad-dranaġġ.

Fl-UE, jiġu prodotti bejn 118-il miljun u 138 miljun tunnellata ta’ bijoskart fis-sena, li minnhom madwar 88 miljun tunnellata huma skart muniċipali. Dan huwa mistenni li jiżdied b’madwar 10 % sal-2020.

Dal-ħin, l-Istati Membri tal-UE qed jużaw diversi approċċi[2]:

- Pajjiżi li jserrħu sew fuq l-inċinerazzjoni tal-iskart li ma jkunx baqa’ jintrema fil-miżbliet, u li għandhom ukoll livell għoli ta’ rkuprar ta’ materjal u strateġiji li jippromwovu t-trattament bijoloġiku tal-iskart li ta’ spiss ikunu avvanzati ferm;

- Pajjiżi li għandhom rati għoljin ta’ rkuprar ta’ materjal iżda li ftit li xejn jużaw l-inċinerazzjoni, u li għandhom xi wħud mill-ogħla rati ta’ bdil tal-iskart f’kompost fl-UE;

- Pajjiżi li jiddependu fuq il-miżbliet, u li qed jiffaċċaw sfida li jsibu alternattivi oħra għar-rimi tal-iskart fil-miżbliet minħabba li għad m’għandhomx dawn l-alternattivi.

Fl-UE madwar 40 % tal-bijoskart għadu jintrema fil-miżbliet (u f’ċerti Stati Membri dan l-ammont huwa saħansitra ta’ 100 %). Madanakollu, ir-rimi fil-miżbliet (1) iwassal għal riskji ambjentali bħalma huma l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra u t-tniġġis tal-ħamrija u tal-ilma ta’ taħt l-art, u (2) ineħħi darba għal dejjem ċerti riżorsi ta’ valur (bħall-kompost u l-enerġija) miċ-ċikli ekonomiċi u naturali. B’hekk dan imur kontra l-prinċipji ta’ gwida tal-politika tal-UE għall-iskart u għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi, b’mod partikulari l-“ġerarkija tal-iskart” li fuqha għandhom jissejsu l-politiki nazzjonali kollha dwar l-iskart.

IL-LIġIJIET TAL-UE MARBUTIN MAL-BIJOSKART

Hemm għadd ta’ liġijiet tal-UE li jkopru l-ġestjoni tal-bijoskart. Skont id-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw politiki dwar il-ġestjoni tal-iskart li jħarsu s-saħħa tal-bniedem u dik tal-ambjent u li jiżguraw li r-riżorsi naturali jintużaw b’mod sostenibbli. B’hekk l-Istati Membri huma marbutin legalment li jtejbu t-trattament tal-bijoskart skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom. L-Artikolu 4 dwar il-“ġerarkija tal-iskart” jgħid li l-aħjar għażla hija li wieħed jevita milli joħloq l-iskart, u li warajha jiġu l-għażliet tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tal-enerġija. Ir-rimi tal-iskart (fil-miżbliet jew permezz tal-inċinerazzjoni bi ftit irkupru tal-enerġija) huwa ddefinit bħala l-agħar għażla għall-ambjent. L-Istati Membri jistgħu ma jżommux ma’ din il-ġerarkija f’każijiet fejn, għal ċerti tipi speċifiċi ta’ skart dan ikun iġġustifikat mill-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja meta wieħed iqis l-impatti ġenerali ta’ dan it-tip ta’ skart.

Id-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart tinkuraġġixxi lill-Istati Membri jiġbru u jirriċiklaw il-bijoskart b’mod separat u tippermettilhom jinkluduh meta jkunu qed jikkalkulaw il-mira li torbot għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali. Barra minn hekk, id-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart tippermetti li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi tal-UE għall-ġestjoni tal-bijoskart, u l-kriterji tal-kwalità tal-kompost li jkun ġej mill-bijoskart, inklużi r-rekwiżiti dwar l-oriġini tal-iskart u kif ikun ġie ttrattat. It-tali kriterji ntalbu sabiex tiżdied il-kunfidenza tal-utenti u sabiex is-suq jissaħħaħ favur ekonomija li ma taħlix il-materjali.

Id-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart tistabbilixxi wkoll livelli tal-effiċjenza tal-enerġija li f’livelli inqas minnhom l-inċinerazzjoni tal-iskart solidu muniċipali ma tistax titqies bħala rkupru. B’hekk din tista’ tiskuraġġixxi l-inċinerazzjoni tal-bijoskart li m’għandux valur kalorifiku għoli.

Skont id-Direttiva dwar il-miżbliet[3], sal-2016 l-Istati Membri għandhom inaqqsu b’mod progressiv ir-rimi tal-iskart muniċipali bijodegradabbli fil-miżbliet għal 35 % (meta mqabbel mal-livell tal-1995). L-Istati Membri li fl-1995 kienu jiddependu ħafna fuq ir-rimi tal-iskart fil-miżbliet għandhom perjodu ta’ estensjoni ta’ erba’ snin[4]. L-għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jitnaqqsu l-produzzjoni u r-rilaxx tal-gassijiet b’effett tas-serra mill-miżbliet.

Madanakollu, d-Direttiva dwar il-miżbliet ma tippreskrivi l-ebda għazliet speċifiċi dwar it-trattament tal-iskart li ma jkunx għadu qed jintrema fil-miżbliet. Fil-prattika, ħafna drabi l-Istati Membri jagħżlu dik li tidher li hi l-eħfef u l-irħas triq, u ma jagħtux każ tal-benefiċċji u tal-ispejjeż ambjentali reali. Dan wassal għal diskussjoni fit-tul dwar il-ħtieġa li jista’ jkun hemm li jsiru regoli supplimentari.

IL-KUNTEST TA’ DIN IL-KOMUNIKAZZJONI

Fl-2002, is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali[5] talab li ssir leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart bijodegradabbli. Fl-2005, l-Istrateġija Tematika dwar l-Iskart[6] ipproponiet li l-leġiżlazzjoni speċifika dwar il-bijoskart tinbidel b’sett ta' azzjonijiet li jindirizzaw kwistjonijiet individwali tal-ġestjoni tal-iskart. Dan l-aħħar, id-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart kienet teħtieġ lill-Kumissjoni twettaq valutazzjoni tal-ġestjoni tal-bijoskart bil-ħsieb li tressaq proposta jekk ikun xieraq. L-analiżi li ħejjiet il-Kummissjoni hija l-bażi ta’ din il-Komunikazzjoni.

Bħala parti mill-analiżi tagħha, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati, u ħarġet ukoll Green Paper[7]. L-ewwel konsultazzjonijiet dwar il-Green Paper intemmu f’nofs Marzu tal-2009. Il-partijiet interessati ntalbu jagħtu l-fehma tagħhom dwar l-għażliet ta’ politika u l-għażliet teknoloġiċi marbutin mal-ġestjoni tal-bijoskart u dwar l-iżviluppi li mistennija jkun hemm fil-ġejjieni f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni rċeviet madwar 150 kumment, li ġew ippubblikati fuq sit tal-internet speċifiku taċ-CIRCA[8].

Mid-9 sal-10 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni organizzat konferenza flimkien ma’ tliet Stati Membri li fiha l-partijiet interessati ngħataw opportunità oħra biex iressqu l-kummenti tagħhom. Fiha ħadu sehem madwar 200 parteċipant[9]. Fil-25 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill tal-ambjent adotta l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Green Paper li ħarġet il-Kummissjoni[10]. Filwaqt li semma t-tħassib tiegħu dwar il-volum tal-bijoskart li qiegħed dejjem jikber u dwar l-impatti ambjentali relatati, u filwaqt li qabel li l-ġestjoni mtejba tal-bijoskart tista’ tagħti kontribut sabiex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, tista’ tgħin biex tittejjeb il-kwalità tal-ħamrija (permezz tal-bdil tal-iskart f’kompost) u tista’ tgħin biex jintlaħqu l-miri għall-enerġija rinnovabbli (il-bijogass), il-Kunsill ħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-kundizzjonijiet lokali hija u tqis l-għażliet tal-politika. Huwa stieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva tal-UE dwar l-iskart bijodegradabbli sal-2010, jekk dan ikun xieraq. Dal-ħin qed jiġi diskuss l-abbozz tar-rapport tal-Parlament Ewropew bi tweġiba għall-Green Paper.

Bejn Mejju u Ġunju u f’Ottubru tal-2009 saru konsultazzjonijiet oħrajn mal-partijiet interessati li tawhom l-opportunità jivverifikaw ix-xenarji li ġew żviluppati għall-analiżi tal-Kummissjoni u jikkummentaw dwarhom. Dawn il-konsultazzjonijiet kkonfermaw li kien hemm qbil wiesa’ dwar l-opportunitajiet ekonomiċi u ambjentali marbutin ma’ ġestjoni mtejba tal-bijoskart imma wrew ukoll li l-opinjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ inizjattivi leġiżlattivi tal-UE kienu jvarjaw ħafna.

L-AMBITU U L-GħANIJIET

Din il-Komunikazzjoni tispjega l-passi li l-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa f’dan l-istadju sabiex il-ġestjoni tal-bijoskart tittejjeb kemm jista’ jkun. B’mod partikulari, il-Komunikazzjoni:

- tislet konklużjonijiet mill-analiżi tal-Kummissjoni;

- tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar it-triq li għandna naqbdu sabiex nibbenefikaw bis-sħiħ mill-ġestjoni t-tajba tal-bijoskart;

- tiddeskrivi l-miżuri ewlenin li jistgħu jittieħdu fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, u kif wieħed jista’ jimplimentahom bl-aħjar mod.

ĠESTJONI MTEJBA TAL-BIJOSKART – POTENZJAL LI GħADU MA NTMESSX

Jekk jittejbu kemm jista’ jkun ir-riċiklaġġ u l-irkupru tal-bijoskart, jista’ jkun hemm il-benefiċċji li ġejjin:

- Iċ-ċittadini jistgħu jiffrankaw il-flus (pereżempju terz tal-ikel li jixtru l-familji fir-Renju Unit (li jiswa madwar EUR 19-il biljun) jintrema bħala skart). Teoretikament, sa 60 % minn dan l-iskart jista’ jkun evitat[11];

- L-evitar ta’ emissjonijiet li huma ekwivalenti għal madwar 10 miljun tunnellata ta’ CO2, jiġifieri kontribut ta’ 4 % sabiex tintlaħaq il-mira tal-UE għall-2020 ta’ tnaqqis ta’ 10 % tal-emissjonijiet fis-setturi li mhumiex koperti mill-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet meta mqabbla mal-emissjonijiet tal-2005. F’każ ta’ politiki ambizzjużi ta’ prevenzjoni, jistgħu jiġu evitati emissjonijiet li huma ekwivalenti għal madwar 44 miljun tunnellata ta’ CO2[12];

- Jekk il-bijogass prodott mill-bijoskart jibda jintuża bħala fjuwil għall-vetturi tista’ tintlaħaq madwar terz mill-mira tal-UE għall-2020 għall-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport[13] u jekk il-bijoskart kollu jinbidel f’enerġija tista’ tintlaħaq madwar 2 % tal-mira ġenerali għall-enerġija rinnovabbli;

- Suq ikbar, b’fattur ta’ 2.6, għall-kompost ta’ kwalità, sabiex ikun hemm volum ta’ madwar 28 miljun tunnellata[14];

- Iffrankar tar-riżorsi billi 10 % mill-fertilizzanti li fihom il-fosfat, 9 % mill-fertilizzanti li fihom il-potassju u 8 % mill-fertilizzanti li fihom il-ġir jinbidlu bil-kompost[15];

- It-titjib, bl-użu tal-kompost, ta’ 3 sa 7 % mill-ħamrija agrikola fl-UE li spiċċat, u l-indirizzar tal-problema tal-kwalità tal-ħamrija li sejra lura fl-Ewropa[16].

- Dawn l-istimi ma jistgħux jingħaddu flimkien, minħabba li parti minnhom għandha x’taqsam ma’ soluzzjonijiet alternattivi. Madankollu, hemm ukoll xi sinerġiji. Pereżempju, id-diġestjoni anerobika tista’ tagħti kontribut għall-miri tas-CO2 u tal-bijofjuwils u għat-titjib tal-ħamrija jekk fil-ħamrija jintuża l-prodott diġerit (“digestate”). Il-benefiċċji juru potenzjal konsiderevoli li jista’ jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, b’mod partikulari f’każijiet fejn huma s-soluzzjoni l-iktar effettiva f’termini tan-nefqa.

IS-SEJBIET EWLENIN TAL-ANALIżI TAL-KUMMISSJONI

L-għażliet tal-politika diskussi f’din il-Komunikazzjoni għandhom x’jaqsmu ma’ xenarju bażiku li qed jassumi li l-liġijiet li diġà huma fis-seħħ, u b’mod partikulari d-Direttiva dwar il-miżbliet, huma implimentati bis-sħiħ iżda li, fl-20 sena li ġejjin, m’hu se jittieħdu l-ebda inizjattivi oħrajn. Għalhekk, huma qed jiffukaw fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ miżuri addizzjonali, inkluż fuq l-użu aħjar tal-ġerarkija tal-iskart mogħtija fid-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart.

L-analiżi kkonfermat li hemm opportunitajiet sinifikanti u effiċjenti f’termini tan-nefqa. Ma żvelat l-ebda nuqqas tal-politika fil-livell tal-UE li jista’ jwaqqaf lill-Istati Membri milli jieħdu l-azzjoni x-xierqa, iżda wriet li azzjoni addizzjonali ta’ appoġġ fil-livell tal-UE, flimkien ma’ iktar inċentivi fil-livell nazzjonali u użu tajjeb tal-ġerarkija tal-iskart se jwasslu għal vantaġġi sinifikanti ekonomiċi u ambjentali għall-UE kollha.

Il-benefiċċji l-iktar importanti tal-ġestjoni mtejba tal-bijoskart se jkunu l-evitar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett tas-serra li se jfisser vantaġġi sinifikanti għas-soċjetà meta mqabbel mal-ispejjeż addizzjonali li jista’ jkun hemm. Fl-istess ħin, il-produzzjoni ta’ kompost ta’ kwalità għolja u tal-bijogass se jagħti kontribut sabiex jittejbu l-kwalità tal-ħamrija u l-effiċjenza tar-riżorsi, kif ukoll sabiex ikun hemm livell ogħla ta’ awtosuffiċjenza fl-enerġija.

Li wieħed iġib il-ġestjoni tal-bijoskart iktar f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart u mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart jista’ jwassal għal benefiċċji ambjentali u finanzjarji ta’ EUR 1.5 biljun (permezz ta’ żidiet moderati fir-riċiklaġġ) sa EUR 7 biljun (permezz ta’ politiki ambizzjużi ta’ prevenzjoni u tar-riċiklaġġ)[17]. Jekk wieħed jgħaqqad flimkien politiki ta’ prevenzjoni u tar-riċiklaġġ li huma xi ftit ambizzjużi biss, dan se jwassal għal iffrankar ta’ EUR 5.5 biljun (li EUR 4.1 biljun minnhom ġejjin mill-prevenzjoni tal-iskart). Jistgħu jiġu evitati emissjonijiet li huma ekwivalenti għal madwar 34 miljun tunnellata ta’ CO2, (li bejn 80 u 90 % minnhom huma minħabba l-prevenzjoni). Dan se joħloq ukoll swieq iktar b’saħħithom għall-kompost u għall-bijogass u se jwassal għal benefiċċji finanzjarji diretti għall-familji Ewropej minħabba li se jiġi evitat il-ħela tal-ikel[18].

L-AZZJONIJIET TA’ PRIJORITÀ SABIEX IL-ġESTJONI TAL-BIJOSKART TITTEJJEB KEMM JISTA’ JKUN FL-UE – X’GħANDU JSIR MINBARRA L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA DWAR IL-MIżBLIET

L-inizjattivi mogħtija f’din it-taqsima huma mfasslin b’tali mod li jippromwovu l-aħjar użu possibbli tal-liġijiet eżistenti, filwaqt li jħallu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu huma stess l-aktar azzjonijiet xierqa għaċ-ċirkustanzi rispettivi tagħhom.

L-inizjattivi fil-livell tal-UE

Filwaqt li diġà hemm għadd kbir ta’ possibbiltajiet biex l-Istati Membri jtejbu l-ġestjoni tal-bijoskart, l-inizjattivi ta’ appoġġ fil-livell tal-UE se jkunu ta’ importanza kbira sabiex il-progress isir b’ritmu iktar mgħaġġel u sabiex ikun żgurat li, madwar l-UE kollha, kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet u l-istess kundizzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni beħsiebha tieħu l-passi li ġejjin:

Il-prevenzjoni tal-bijoskart

Skont id-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-iskart li jimxu mal-ġerarkija tal-iskart. Barra minn hekk, sa tmiem l-2013 għandhom jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-iskart li jkun fihom punti ta’ riferiment li permezz tagħhom ikun jista’ jitkejjel il-progress. Miżura addizzjonali effiċjenti oħra tista’ tkun li f’dawn il-programmi wieħed jinkludi miri nazzjonali għall-prevenzjoni tal-bijoskart.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, s’issa għadhom ma ttieħdu l-ebda passi ċari u li jistgħu jitkejlu sabiex tiżdied il-prevenzjoni tal-bijoskart. Dan huwa parzjalment minħabba li m’hemmx gwida ċara li fiha miri kwantitattivi li jistgħu jitkelju, iżda huwa l-iktar minħabba n-natura sensittiva ta’ dawn l-inizjattivi, li xi wħud iqisu b’mod negattiv bħala inizjattivi li jillimitaw l-għażla tal-konsumaturi. Minħabba n-nuqqas ta’ ċertezzi dwar iċ-ċirkustanzi nazzjonali differenti, għadhom ma jistgħux jiġu vvalutati l-impatti ta’ miri li jorbtu ta’ prevenzjoni fil-livell tal-UE. Madanakollu, jistgħu jiġu adottati indikaturi għall-miżuri ta’ prevenzjoni skont il-proċedura tal-komitoloġija fil-kuntest tad-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart sabiex jingħata appoġġ lill-miżuri tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tgħin ukoll sabiex ikun hemm l-ogħla rati ta’ adozzjoni possibbli tal-aqwa prattiki. Hija tipprevedi li tipproponi gwida speċifika dwar il-prevenzjoni tal-bijoskart għall-pjanijiet nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-iskart skont il-proċedura tal-Komitoloġija, u li tkompli taħdem sabiex tipproponi sett ta’ indikaturi sabiex jiġi vvalutat kemm hu xieraq li wieħed jistabbilixxi miri għall-prevenzjoni tal-iskart fil-livell tal-UE fil-ġejjieni . Dawn l-azzjonijiet għandhom jagħtu l-inċentiv meħtieġ sabiex wieħed jaqbad it-triq li twassal għal iktar prevenzjoni filwaqt li jkun żgurat li jitħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

It-trattament tal-bijoskart

Għall-bijoskart li ma jistax jiġi evitat, l-Istati Membri għandhom jagħżlu l-aqwa alternattiva tal-ġestjoni skont il-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom (pereżempju d-densità tal-popolazzjoni, d-domanda għall-kompost jew għall-enerġija, eċċ.). Għadd ta’ Stati Membri diġà naqqsu r-rimi tal-bijoskart fil-miżbliet jew huma mistennija li se jnaqqsuh ferm u li se jżidu t-trattament bijoloġiku tiegħu. Madanakollu, probabbli li jekk ma jkunx hemm iktar inċentivi, l-Istati Membri li mhumiex daqshekk avvanzati mhux se jieħdu passi sinifikanti fil-ġejjieni qrib sabiex isir il-bdil tal-iskart f’kompost u sab iex jiġi prodott il-bijogass. Minflok, probabbli huma se jkomplu jagħżlu t-toroq li jidhru li huma l-eħfef, u mhux se jagħtu każ tal-benefiċċji u tal-ispejjeż ambjentali ġenerali. Dan jispjega għaliex ċerti Stati Membri u ċerti partijiet interessati komplew jitolbu għal azzjoni tal-UE f’dan il-qasam.

L-analiżi tal-benefiċċji f’termini tan-nefqa mogħtija fid-dettall fl-Anness turi li, fil-livell tas-soċjetà u għall-UE kollha, jidher li hemm benefiċċji potenzjali sinifikanti. Madanakollu, minħabba l-kundizzjonijiet differenti fl-Istati Membri, jeħtieġ li jsir iktar xogħol, l-iktar mil-lat tas-sussidjarjetà, qabel ma wieħed iqis jekk għandux jipproponi mira tal-UE għat-trattament bijoloġiku. Il-Kummissjoni se tkompli l-analiżi tagħha sabiex, sa mhux aktar tard mill-2014, tiddeċiedi dwar kemm huwa xieraq li wieħed jistabbilixxi miri skont id-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart. Probabbli li mira għat-trattament bijoloġiku tal-iskart ikollha timxi id f’id ma’ ġbir imtejjeb u b’mod separat tal-iskart sabiex tkun żgurata l-kwalità tajba tal-kompost u tal-prodott diġerit.

L-għażliet dwar jekk il-bdil tal-iskart f’kompost isirx b’mod ċentralizzat jew iddeċentralizzat, dwar il-produzzjoni tal-enerġija permezz tad-diġestjoni u dwar id-diversi modi li bihom wieħed juża l-enerġija prodotta – għat-trasport, għall-elettriku jew għall-produzzjoni tas-sħana – se jkunu jiddependu fuq il-kundizzjonijiet lokali (it-taħlita tal-enerġija u s-sinerġiji li jista’ jkun hemm ma’ politiki oħrajn) u għandhom jitħallew f’idejn l-Istati Membri.

Id-Direttiva proposta dwar l-emissjonijiet industrijali[19], li għandha l-għan li tieħu post id-Direttiva dwar l-IPPC[20] li hemm dal-ħin, qed tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin għall-għoti ta’ permessi u għall-kontroll ta’ stallazzjonijiet ikbar tat-trattament tal-bijoskart (li jkollhom kapaċità ta’ iktar minn 50 tunnellata għal kull ġurnata). Ir-regoli dwar il-bijoskart jistgħu jikkumplimentaw ir-regoli dwar is-saħħa marbutin mal-ġbir u t-trattament tal-prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali[21], iżda m’għandhomx jaffettwawhom.

Il-ħarsien tal-ħamrija fl-UE

Il-kompost u l-prodott diġerit mill-bijoskart huma materjali li mhumiex użati biżżejjed. Filwaqt li jagħtu kontribut tajjeb ferm għall-effiċjenza tar-riżorsi fl-UE u għat-titjib tal-ħamrija li ma baqax fiha karbonju, f’ħafna mill-Istati Membri d-domanda għalihom issofri min-nuqqas ta’ kunfidenza min-naħa tal-utenti aħħarin.

Sabiex jiġi indirizzat dan it-tħassib, l-użu ta’ dawn il-materjali għandu jkun ikkontrollat b’tali mod li l-użu tagħhom ma joħloq l-ebda effetti negattivi għall-ħamrija.

Għandhom ikunu stabbiliti standards għall-kompost u għall-prodott diġerit sabiex dawn jitħallew jiċċirkulaw b’mod ħieles fis-suq intern u sabiex dawn ikunu jistgħu jintużaw mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ iktar monitoraġġ u kontroll tal-ħamrija fejn jintużaw. Il-proċedura ta’ “tmiem l-iskart” mogħtija fid-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart tista’ tkun l-iktar mod effiċjenti kif wieħed jistabbilixxi t-tali standards. Il-Kummissjoni bdiet tivvaluta l-bażi teknika għal proposta li tista’ tagħmel[22].

Huwa mistenni li l-bijoskart trattat b’mod bijoloġiku mhux kollu se jkun konformi mal-istandards tal-“prodotti”. Madanakollu, dawk il-materjali jistgħu joffru kontribut ta’ ċertu valur għall-ħamrija li ma baqax fiha karbonju jekk jintużaw b’mod sikur. L-armonizzazzjoni sħiħa madwar l-UE kollha mhix se tkun fattibbli għal dan il-għan minħabba l-kundizzjonijiet lokali differenti li jeżistu (pereżempju l-kwalità u l-ħtiġijiet tal-ħamrija) iżda għandhom jiġu stabbiliti regoli minimi tal-UE li joffru protezzjoni minn użu li jista’ jkun perikoluż.

Dal-ħin, il-Kummissjoni qed teżamina l-possibbiltà li ddaħħal it-tali rekwiżiti minimi permezz tad-Direttiva dwar il-ħama tad-dranaġġ[23], li qed tiġi rreveduta. Hu mistenni li fi tmiem l-2010 titwettaq valutazzjoni tal-impatt, u fl-2011 għandha titressaq proposta, jekk ikun xieraq.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

Ir-riċerka u l-innovazzjoni jistgħu jwasslu għal teknoloġiji u użi ġodda għall-bijoskart (applikazzjonijiet avvanzati tal-fertilizzanti u tal-bijoenerġija, applikazzjonijiet bijokimiċi u l-bijomaterjali). Is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (mill-2007 sal-2013) huwa importanti ferm għat-tali żviluppi. Diversi suġġetti mill-Programm tiegħu ta’ kooperazzjoni jappoġġaw attivitajiet li l-għan tagħhom huwa li jiġi evitat il-bijoskart u/jew li jitkabbar kemm jista’ jkun il-valur ekonomiku tiegħu.

Sforzi msaħħin sabiex ikun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE

Kif muri mill-progress li sar f’għadd ta’ Stati Membri, il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-iskart tifforma bażi tajba ferm għall-ġestjoni avvanzata tal-bijoskart. Madanakollu, huwa importanti ħafna li l-għodod disponibbli jintużaw bis-sħiħ u jiġu nfurzati sewwa. Wieħed ma jistax jistenna li regoli ġodda addizzjonali se jagħmlu tajjeb għall-implimentazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni eżistenti jew għall-infurzar dgħajjef tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni – minbarra li tgħin lill-Istati Membri – se tiffoka ferm iktar fuq l-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tħejji linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja u dwar l-evalwazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja fil-qasam tal-iskart[24].

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin f’dan ir-rigward hija l-infurzar effettiv tal-miri ta’ devjazzjoni tad-Direttiva dwar il-miżbliet. Jistgħu jittieħdu għadd ta’ azzjonijiet sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, kif ikun xieraq, inklużi l-monitoraġġ mill-qrib tal-kisba tal-miri ta’ devjazzjoni, analiżi ddettaljata tal-istrateġiji tal-Istati Membri għall-ġestjoni tal-iskart bijodegradabbli u appoġġ finanzjarju Ewropew permezz tal- politiki reġjonali . Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tevalwa l-mezzi li għandha sabiex timmonitorja aħjar lill-Istati Membri u sabiex tappoġġahom iktar fejn ikun hemm bżonn sabiex ikun hemm gwida bikrija, miżuri tat-taħriġ u kooperazzjoni msaħħa.

Il-passi spjegati hawn fuq jagħmlu l-aqwa użu mil-leġiżlazzjoni eżistenti filwaqt li jużaw proċeduri tal-Komitoloġija u proċeduri ta’ revijoni li diġà hemm qbil dwarhom. Huma jħallu l-lok meħtieġ għall-politiki nazzjonali, u b’hekk jistgħu jgħinu b’mod sinifikanti biex ikun hemm implimentazzjoni tajba tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li tappoġġa l-użu effiċjenti tar-riżorsi fl-UE.

L-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri

L-ippjanar tal-ġestjoni tal-iskart skont il-“ġerarkija tal-iskart”

Filwaqt li jħarsu l-kundizzjonijiet lokali speċifiċi, l-Istati Membri għandhom l-ewwel u qabel kollox jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart u japplikaw tajjeb il-“ġerarkija tal-iskart” fil-pjanijiet nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-bijoskart. L-użu tajjeb ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li, fit-12 ta’ Diċembru 2010, se jsiru jorbtu legalment lill-Istati Membri, se jagħti kontribut sinifikanti sabiex il-ġestjoni tal-bijoskart tittejjeb kemm jista’ jkun u sabiex jissaħħu l-effetti tad-Direttiva dwar il-miżbliet.

Il-prevenzjoni tal-bijoskart

F’konformità mal-ġerarkija tal-iskart, għandha tiżdied il-prevenzjoni tal-iskart, billi jsir l-aħjar użu mill-programmi dwar il-prevenzjoni tal-iskart mogħtija fid-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart. Dan jinkludi għanijiet nazzjonali adattati għall-prevenzjoni tal-bijoskart sabiex it-tkabbir ekonomiku jinfatam minn mal-impatti ambjentali tal-ħolqien tal-bijoskart, punti nazzjonali ta’ riferiment għall-miżuri tal-prevenzjoni tal-bijoskart, u l-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rappurtar b’mod regolari dwar il-progress li jkun sar. Il-Kummissjoni tista’ tgħin fit-tali attivitajiet billi toħolqilhom qafas (ara t-taqsima 7.1.1 t’hawn fuq).

Il-promozzjoni tal-ġbir separat tal-bijoskart u tat-trattament bijoloġiku tiegħu

Għall-bijoskart li ma jistax ikun evitat, il-bdil tal-iskart f’kompost u d-diġestjoni anerobika joffru l-iktar riżultati ambjentali u ekonomiċi promettenti. Huwa importanti ferm iżda li l-materjal li jgħaddi minn dawn il-proċessi jkun ta’ kwalità tajba minn qabel. Fil-biċċa l-kbira tal-każi, l-aħjar mod biex dan iseħħ huwa billi jkun hemm il-ġbir separat tal-iskart.

L-Istati Membri għandhom iwettqu sforzi kbar sabiex idaħħlu l-ġbir separat tal-iskart biex b’hekk ikun hemm riċiklaġġ u diġestjoni anerobika ta’ kwalità għolja. L-Awstrija, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, l-Isvezja, il-Belġju, l-Olanda, Katalunja (fi Spanja) u ċerti reġjuni fl-Italja diġà għandhom sistemi effiċjenti ħafna msejsin fuq is-separazzjoni ta’ diversi tipi ta’ bijoskart mis-sors stess[25]. Is-sistemi tal-ġbir separat tal-iskart jistgħu jvarjaw sew, skont, pereżempju, t-tip ta’ skart li jinġabar (l-iskart mill-ikel, l-iskart tal-ġonna, eċċ.) u skont x’għażliet tat-trattament huma disponibbli. Is-sigriet għas-suċċess f’dan il-qasam huwa li jkun hemm adattament għall-kundizzjonijiet lokali u li jkun hemm disinn li l-utent ma jsibhiex bi tqila jużah.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri jagħmlu l-aqwa użu possibbli mill-possibbiltajiet li jagħtuhom l-Artikoli 11 u 22 tad-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart sabiex idaħħlu, bi prijorità, sistemi tal-ġbir separat tal-iskart skont ir-regoli dwar il-kompetizzjoni mogħtija fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Wisq probabbli, it-tagħrif dwar l-implimentazzjoni ta’ dawk l-artikoli se jkun jagħmel parti mir-rekwiżiti tar-rappurtar skont id-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart.

Il-ħarsien tal-ħamrija fl-UE

Il-Kummissjoni qed tqis li tipproponi standards minimi għall-użu tal-kompost u tal-prodott diġerit fl-agrikoltura permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-ħama tad-dranaġġ (ara t-taqsima 7.1.3 t’hawn fuq). Wisq probabbli, dawn ir-regoli se jkunu bħar-regoli nazzjonali li diġà hemm f’ċerti Stati Membri, jew xi ftit inqas stretti minnhom, biex b’hekk ikun hemm bżonn ta’ ftit aġġustamenti biss u ma jkunx hemm wisq spejjeż addizzjonali.

Il-kompost – prodott tal-ogħla kwalità biex ikun hemm iktar effiċjenza fir-riżorsi

L-Istati Membri għandhom jinkuraġġixxu l-produzzjoni u l-użu tal-kompost mill-bijoskart “nadif” (jiġifieri minn dak li jkun inġabar b’mod separat). Huma għandhom jaħdmu b’mod attiv favur l-użu wiesa’ ta’ dan il-materjal mill-utenti aħħarin . Dan se jtejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi, billi l-fertilizzanti minerali li ma jistgħux jiġġeddu se jinbidlu b’mod parzjali bih, u billi se tinżamm il-kwalità tal-ħamrija fl-UE. L-Istati Membri għandhom jieħdu sehem b’mod attiv fid-definizzjoni tal-kriterji tal-kwalità kif spjegat fit-taqsima 7.1.3 t’hawn fuq, u għandhom jappoġġaw l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji sabiex jiżdied it-tkabbir tas-suq.

Lejn l-ebda rimi tal-iskart fil-miżbliet

F ’dak li għandu x’jaqsam mar-rimi tal-iskart fil-miżbliet, l-isforzi nazzjonali għandhom jiffukaw fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-miri ta’ devjazzjoni mogħtija fid-Direttiva dwar il-miżbliet u tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tad-Direttiva b’rabta mar-rimi sikur u sod tal-fdal stabbilizzat tal-bijoskart fil-miżbliet.

Ċerti Stati Membri li diġà ħadu l-inizjattivi nazzjonali x-xierqa rnexxielhom jiksbu l-mira tal-ebda rimi tal-iskart mhux ittrattat fil-miżbliet u tat-trattament bijoloġiku ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni tirrakkomanda ferm li l-Istati Membri kollha jimmiraw li jilħqu l-mira tal-ebda rimi tal-bijoskart mhux ittrattat fil-miżbliet malajr kemm jista’ jkun, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart.

Fil-kuntest tal-isforzi sabiex ikun hemm l-inqas rimi possibbli tal-iskart fil-miżbliet, jistgħu jintużaw l-għażliet kollha li huma kklassifikati bħala aħjar minnu fil-ġerarkija tal-iskart. L-inċinerazzjoni li ma taħlix wisq enerġija wkoll tista’ tagħti kontribut sabiex ikun hemm ġestjoni mtejba tal-iskart b’mod ġenerali. Madanakollu, wieħed irid joqgħod attent ferm li ma jinvestix iżżejjed fil-ħiliet tal-inċinerazzjoni, minħabba li dan jista’ mbagħad jillimita l-għażliet ta’ wara favur trattament iktar bijoloġiku jew favur iktar prevenzjoni. Il-pjanijiet nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-iskart għandhom iqisu b’mod ċar din il-kwistjoni fit-terminu taż-żmien medju u fit-tul.

Il-produzzjoni tal-enerġija mill-iskart

It-tneħħija tal-karbonju mis-settur tal-enerġija hija waħda mill-isfidi ewlenin għall-UE. Il-bijoskart jista’ jinbidel f’elettriku, fi sħana jew fi fjuwils għat-trasport b’kost relattivament baxx, u b’hekk jillimita l-użu tal-fjuwils fossili u jżid is-sigurtà tal-provvista. L-Istati Membri għandhom iqisu din l-opportunità huma u jaħdmu fuq miżuri sabiex jilħqu l-mira nazzjonali tagħhom li torbot għall-enerġija rinnovabbli għall-2020 skont id-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli [26]. Din id-Direttiva tagħraf b’mod partikulari l-benefiċċji tal-użu tal-iskart sabiex jiġu prodotti l-fjuwils għat-trasport, billi tgħoddhom darbtejn għall-għanijiet tal-kalkolu tal-mira ta’ 10 % tal-fjuwils għat-trasport minn sorsi rinnovabbli.

Implimentazzjoni aħjar

L-Istati Membri jridu jpoġġu bħala prijorità ewlenija l-implimentazzjoni t-tajba tal-għodod legali tal-UE li jindirizzaw il-ġestjoni tal-bijoskart. Ir-rekwiżiti ġenerali għall-ġestjoni tal-iskart bħalma huma l-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa umana waqt it-trattament tal-iskart u l-prijorità għall-prevenzjoni tal-iskart u għar-riċiklaġġ tiegħu huma mniżżlin fid-Direttiva ta’ qafas dwar l-iskart, li fiha wkoll elementi speċifiċi marbutin mal-bijoskart (miri għar-riċiklaġġ għall-iskart tad-djar u l-iskart simili, li jista’ jinkludi l-bijoskart, u rekwiżiti għall-ġbir separat tal-iskart). Flimkien mad-Direttiva dwar il-miżbliet, dawn jiffurmaw qafas leġiżlattiv ewlieni dwar il-bijoskart.

F’konformità mal-provi mogħtija f’din il-Komunikazzjoni u mal-prinċipju tar- regolamentazzjoni mtejba , huwa importanti ħafna li l-Istati Membri jużaw l-opportunitajiet kollha li tagħtihom il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE sabiex itejbu kemm jista’ jkun il-ġestjoni tagħhom tal-bijoskart.

KONKLUżJONIJIET

L-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni tikkonferma li ġestjoni mtejba tal-bijoskart fl-UE fiha potenzjal għal benefiċċji ambjentali u ekonomiċi sinifikanti li għandu ma ntmessx. Din il-Komunikazzjoni tagħti xi miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex dan il-potenzjal jibda jintuża, billi jsir l-aħjar użu possibbli tal-qafas regolatorju eżistenti filwaqt li jitħalla marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu huma stess l-aħjar għażliet għaċ-ċirkustanzi rispettivi tagħhom.

[1] 2008/98/KE.

[2] Ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-EEA) (7/2009) imsejjaħ “Insibu alternattivi għar-rimi tal-iskart fil-miżbliet”.

[3] 1999/31/KE.

[4] Il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

[5] Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE.

[6] COM(2005) 666 finali.

[7] COM(2008) 811 finali.

[8] http://circa.europa.eu/Public/irc/env/biowaste_prop/home.

[9] http://ec.europa.eu/environment/waste/eventspast/biowaste.htm.

[10] Id-dokument nru 11462/09 tal-2953 Kunsill tal-ambjent.

[11] Rapport ta’ April 2008 għad-WRAP (ir-Renju Unit) imsejjaħ “The Food We Waste” (“L-ikel li narmu”).

[12] L-iktar mill-emissjonijiet li jkunu ġew evitati b’rabta mal-produzzjoni u mat-trasport tal-ikel.

[13] Hekk kif spjegata fl-Artikoli 3(4) u 21(2) tad-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

[14] Dokument tal-ORBIT/ECN tal-2008 msejjaħ “Compost production and use in the EU” (“Il-produzzjoni u l-użu tal-kompost fl-UE”).

[15] Ibid .

[16] Madwar 45 % mill-ħamrija fl-UE ma fihiex materjal organiku magħmul mill-weraq niexef (“humus”).

[17] Il-benefiċċji totali għall-UE-27 għall-perjodu mill-2013 sal-2020 – ikkalkulati mill-azzjonijiet lil hinn mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

[18] Ara l-Anness (8.3).

[19] COM(2007) 843 finali.

[20] 96/61/KE.

[21] Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

[22] Ara r-rapport finali tal-IPTS taċ-ĊKR dwar il-kriterji ta’ tmiem l-iskart.

[23] 86/278/KEE.

[24] http://lct.jrc.ec.europa.eu/eplca/deliverables/international-reference-life-cycle-data-system-ilcd-handbook.

[25] Ir-rapport tal-ACR+ imsejjaħ “Managing biodegradable household waste: What prospects for European Local Authorities?” (“Il-ġestjoni tal-iskart bijodegradabbli tad-djar: xi prospetti għandhom l-awtoritajiet lokali Ewropej?”)

[26] 2009/28/KE.