52010DC0159




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 21.4.2010

KUMM(2010)159 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' Azzjoni tal-UE fuq tnax-il punt b'sostenn għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju

{SEC(2010) 418}{SEC(2010) 419}{SEC(2010) 420}{SEC(2010) 421}{SEC(2010) 422}

WERREJ

1. L-2010, sena ewlenija għal azzjoni u affidabbiltà 3

2. L-Azzjoni tal-UE biex ikun hemm progress aktar mgħaġġel fuq l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju 4

2.1. Perkors kredibbli biex jitwettqu l-impenji għall-għajnuna fl-2015 4

2.2. L-użu effettiv tal-għajnuna: użu aħjar tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, valur aħjar għall-għajnuna 5

2.3. Azzjoni rapida Ewropea għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju 6

2.4. Programm ta' Ħidma proattiv dwar il-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp 8

2.5. Il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi permezz ta' tassazzjoni aħjar 8

2.6. It-tisħiħ tal-integrazzjoni u l-kummerċ reġjonali biex tingħata spinta ’l quddiem lit-tkabbir u l-impjiegi 9

2.7. L-użu ta’ sorsi innovattivi ta' finanzjament biex jiġu affaċċjati l-isfidi globali 10

2.8. Il-każ ta' prova tat-tibdil fil-klima 10

2.9. Żvilupp u sigurtà 11

2.10. Struttura għall-governanza globali 11

3. It-triq ’il quddiem 12

1. L-2010, sena ewlenija għal azzjoni u affidabbiltà

Il-Kummissjoni dan l-aħħar spjegat il-viżjoni tagħha għall-UE fis-snin li ġejjin fl-Istrateġija għall-2020[1]. F'dak il-kuntest, il-politika ta' Żvilupp tal-UE se tiffoka fuq sforz rinnovat biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (MDGs) sal-2015.

Għaxar snin ilu, il-mexxejja dinjin qablu li jieħdu azzjoni deċisiva sabiex jiġġieldu l-faqar fid-dinja fid-dimensjonijiet differenti tiegħu. Bl-użu ta’ miri li huma marbutin bi żmien u li jistgħu jitkejlu, huma ftiehmu li sal-2015:

- Il-faqar u l-ġuħ għandhom jiġu mnaqqsa bin-nofs,

- Għandha tiġi garantita edukazzjoni primarja sħiħa għal kulħadd,

- Jiġu eliminati l-inugwaljanzi bejn is-sessi,

- Għandha titnaqqas ir-rata ta' mortalità materna u infantili b'żewġ terzi u bi tliet kwarti rispettivament,

- Għandha tiġi mwaqqfa l-firxa tal-HIV/AIDS u l-inċidenza tal-malarja u ta' mardiet ewlenin oħrajn,

- Għandha tiġi garantita s-sostenibbiltà ambjentali,

- Għandha tiġi żviluppata Sħubija Globali għall-Iżvilupp.

L-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju huma l-ewwel sett ta' għanijiet ta' żvilupp kondiviżi fuq livell internazzjonali li qatt tfasslu. Huma kkontribwixxew biex jinħoloq livell ta' qbil li qatt ma ntlaħaq qabel u għandhom ikomplu jiggwidaw u jimmobilitaw appoġġ internazzjonali. Huma jenfasizzaw l-importanza ta' approċċ ibbażat fuq id-Drittijiet tal-Bniedem għall-iżvilupp.

Peress li baqa' biss ħames snin qabel ma tiskadi l-iskadenza miftiehma tal-2015, il-mexxejja dinjin se jiltaqgħu fi New York mill-20 sat-22 ta' Settembru 2010 għal-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. L-għan tagħhom huwa li tiġi żgurata reviżjoni komprensiva ta' suċċessi u nuqqasijiet, u biex jaqblu dwar azzjoni konkreta sabiex jiġi aċċelerat il-progress.

Is-sitwazzjoni attwali hija inkonsistenti. Il-progress kien ivarja ħafna kemm bejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju u kif ukoll bejn ir-reġjuni; il-varjanti ewlenin għall-progress kienu t-tkabbir ekonomiku, il-governanza tajba u l-kwalità tal-politiki domestiċi. Globalment, kien hemm progress b'saħħtu u sostnut fit-tnaqqis tal-faqar estrem kif ukoll dwar miri oħra bħalma huma l-edukazzjoni primarja universali, l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni primarja u l-aċċess għall-ilma. Madanakollu, madwar 1.4 biljun persuna għadhom jgħixu f'faqar estrem (51% minnhom fl-Afrika sub-Saħarjana) u persuna waħda minn kull sitta mill-popolazzjoni tad-dinja hija malnutrita. Ma kien hemm kważi l-ebda progress fit-tnaqqis tal-mortalità materna u infantili u l-prospetti għal aċċess għas-servizzi sanitarji huma wkoll dubjużi.

Tabilħaqq, peress li l-2010 hija s-“Sena Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali', l-isfida tal-faqar ma tiqafx fil-konfini tal-UE u s-soluzzjoni għaliha ma tistax tinsab biss fi ħdan il-konfini tagħha. Is-suċċessjoni reċenti ta' kriżijiet globali wrietna kemm hi interkonnessa d-dinja: il-kriżijiet finanzjarji, il-pandemiji, it-tibdil fil-klima jaffettwaw lill-pajjiżi kollha, ta' spiss bl-ikbar effetti fil-pajjiżi l-fqar. Biex jinħoloq amjent sikur għal kulħadd, il-globalizzazzjoni għandha ssir iktar sostenibbli u ġusta.

Il-promozzjoni tal-iżvilupp hija għalhekk parti integrali mir-reazzjoni tal-Ewropa għall-isfidi globali tal-lum. L-2010 hija ‘s-sena tal-opportunitajiet’ għall-UE, fil-livelli kollha, u għall-isħab tagħha biex jagħmlu sforz revitalizzat u komuni biex jilħqu l-għanijiet ta’ żvilupp tal-millennju. Hija wkoll ‘sena ta' responsabbiltà’, b'numru ta' miri intermedji u b'punti ta' riferiment stabbiliti għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, inklużi dawk fl-Aġenda għall-Azzjoni tal-UE[2], u dawk għall-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp.

Is-sena l-oħra, l-UE qablet dwar sensiela ta' azzjonijiet bħala appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaffaċċjaw il-kriżi[3]. Bosta minnhom ġew implimentati diġà jew qed jiġu implimentati[4], bħall-mekkaniżmu Flex ta' Vulnerabbiltà . Hemm oħrajn li qed jingħataw spinta ġdida hawn taħt. Dak li hu involut mhuwiex biss id-distribuzzjoni tal-għajnuna: hemm involuta l-fiduċja reċiproka fi sħubija globali. L-Għan ta’ Żvilupp tal-Millennju Nru 8 jidentifika l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali msaħħa li hi meħtieġa biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju l-oħrajn. L-UE se tkompli tkun mutur għall-iżvilupp globali billi turi kif iżżomm il-wegħdiet tagħha. L-UE għandha kull interess li tiżgura li l-politiki kemm tal-pajjiżi donaturi u tal-pajjiżi sħab iżommu enfasi politika u finanzjarja qawwija fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jħabbar era ġdida fil-politika tal-Iżvilupp tal-UE u l-UE u l-Istati Membri tagħha issa jridu jikkoordinaw il-politiki tagħhom aktar mill-qrib.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni tal-UE b’numru ta’ azzjonijiet speċifiċi fuq terminu ta’ żmien medju b’appoġġ għall-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Flimkien magħha hemm ħames Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal[5], rispettivamentdwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju, l-Effettività tal-Għajnuna, l-Iffinanzjar tal-Iżvilupp, l-Għajnuna għall-Kummerċ u l-Koerenza fil-Politika għall-Programm ta' Ħidma għall-Iżvilupp 2010-2013, li jipprovdu aktar dettalji dwar id-diversi proposti li jinsabu f'din il-Komunikazzjoni. Dan il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għandu l-għan li:

- Jikkostitwixxi kontribut unifikat tal-UE għal eżitu dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju orjentat lejn l-azzjoni tan-NU għall-2010-2015.

- Jipprovdi bażi għal komunikazzjoni u djalogu, qabel u wara l-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tan-NU, mas-sħab ewlenin u strateġiċi tagħna, kemm jekk f’kuntest G8/G20, kemm jekk f’fora bħal-Laqgħa tal-Konferenza tal-Iżvilupp Asja-Ewropa (26-27 ta' Mejju 2010), is-Samit UE-LAC (Amerika Latina u l-Karibew – 18 ta’ Mejju 2010) u t-3 Samit Afrika-UE (29-30 ta' Novembru 2010);

- Jagħti kontribut għall-Istraġeija Ewropea għall-2020.

L-azzjonijiet li ġejjin huma proposti għall-UE u l-Istati Membri.

2. L-AZZJONI TAL-UE BIEX IKUN HEMM PROGRESS AKTAR MGħAġġEL FUQ L-GħANIJIET TA' ŻVILUPP TAL-MILLENNJU

2.1. Perkors kredibbli biex jitwettqu l-impenji għall-għajnuna fl-2015

L-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp hija essenzjali għall-iżvilupp. Il-kriżi wriet li din ta’ spiss ħadmet bħala xibka tas-sigurtà u pprovdiet sors ta’ finanzjament stabbli fi żmien meta naqsu l-flussi privati. Dan ippermetta li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jippreservaw is-servizzi soċjali bażiċi u t-tħaddim ġenerali tal-istat u joħolqu attività ekonomika bażika. Għaldaqstant hija investiment tajjeb fl-istabbiltà reġjonali u globali.

Kollettivament, l-UE għadha l-akbar donatur fid-dinja u tipprovdi kważi 56% mill-assistenza globali. L-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-UE kwazi rdoppjat mill-adozzjoni tal-għanijiet għall-iżvilupp tal-millennju u fl-2009 ammonta għal EUR 49 biljun. Minkejja tnaqqis mil-livelli tal-2008, hija tikkorrispondi għal 0.42% tad-DGN tal-UE u tirrappreżenta prestazzjoni tajba meta mqabbla ma' dik ta' donaturi ewlenin oħrajn, minkejja s-sitwazzjonijiet baġitarji diffiċli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, l-UE qiegħda lura fuq l-iskeda biex titlaħaq il-mira intermedja kollettiva tal-UE ta' 0.56% tad-DGN sal-2010, li hija pass lejn l-allokazzjoni ta' 0.7% tad-DGN għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp sal-2015.

Il-posponiment taż-żidiet fl-għajnuna jfisser posponiment tal-progress fuq l-MDGs. Fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, jista’ ma jkunx faċli li nżommu l-wegħdiet kollettivi tagħna li niddedikaw 0.7% tad-DGN tagħna għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp sal-2015 u li nallokaw 50% miż-żieda fl-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp lill-Afrika, imma dan għadu fattibbli u huwa neċessarju. Hija kwistjoni ta’ previżjoni u ta’ rieda politika. Jeħtieġ li d-donaturi kollha jikkontribwixxu għall-għan komuni fuq il-bażi ta’ tqassim ġust tal-piż fil-livell globali u f’dak intern tal-UE. Jeħtieġ li fil-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tan-NU l-UE turi kif se żżomm il-wegħdiet tagħha u tagħti prova lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jistgħu jafdawna. Dan jinkludi l-indirizzar ta’ sfidi globali ġodda billi jiġi pprovdut finanzjament minn riżorsi apparti mill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.

(1) Dwar l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp:

- Isir appell għal tqassim ġust tal-piż fil-livell internazzjonali ma’ donaturi internazzjonali oħrajn – inklużi donaturi emerġenti – biex il-livell ta’ ambizzjoni tagħhom jogħla biex ilaħħaq dak tal-UE;

- Jiġu mħejjija ta’ pjanijiet ta’ azzjoni annwali realistiċi u verfikabbli biex jintlaħqu l-miri individwali[6] u l-pubblikazzjoni tal-ewwel pjanijiet qabel Settembru 2010;

- Jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ responsabilizzazzjoni tal-UE: filwaqt li juża bħala bażi l-pjanijiet ta’ azzjoni annwali tal-Istati Membri u r-rapport ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jorganizza 'Evalwazzjoni tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp bejn il-Pari' u jirrapporta dwar ir-riżultati lill-Kunsill Ewropew. Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni għandhom minn tal-anqas jippreċiżaw in-nefqa ppjanata fuq l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għas-sena li jmiss tal-baġit u l-istimi għas-snin li jibqa’ sal-2015;

- Titqies l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiġu stabbiliti miri għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, liema leġiżlazzjoni għandha tkun fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Belġju jew tar-Renju Unit.

2.2. L-użu effettiv tal-għajnuna: użu aħjar tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp, valur aħjar għall-għajnuna

L-istimi[7] juru li hemm il-possibbiltà ta’ kisbiet fl-effiċjenza ta’ EUR 3 biljun sa EUR 6 biljun kull sena jekk l-UE u l-Istati Membri tagħha jimplimentaw aħjar il-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna li qablu dwarhom fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi u l-Aġenda ta' Akkra għal Azzjoni. L-UE trid tintensifika l-pass tal-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji biex turi riżultati konkreti qabel ir-raba’ Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna f’Seoul fl-2011. Il-kordinazzjoni tal-azzjoni Ewropej f’livell għoli għandha impatt akbar mit-teħid ta' miżuri korrettivi f'livell aktar baxx.

(2) Dwar l-effettività tal-għajnuna:

- L-iskedar taċ-ċikli tal-ipprogrammar nazzjonali u tal-UE fil-livell tal-pajjiżi sħab jiġi kkordinat progressivament sal-2013 u jintuża l-qafas konġunt ta’ pprogrammar biex il-prijoritajiet u l-għanijiet ta’ żvilupp jinqasmu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod li jiġu evitati d-duplikazzjoni totali u l-ħela ta’ riżorsi;

- Jintuża skedar komuni u jintuża bħala bażi l-qafas konġunt ta’ pprogrammar biex jiġu mfassla dokumenti ta' strateġija nazzjonali u programmi multiannwali Ewropej, kif sar mill-UE għall-Ħaiti biex b’hekk inwettqu l-impenn tagħna dwar l-effettività u l-prevedibbiltà tal-għajnuna lill-pajjiżi sħab;

- Fil-kuntest tal-Qafas Operazzjonali dwar l-Effettività tal-Għajnuna, tittejjeb id-Diviżjoni tax-Xogħol tal-UE mhux biss fil -pajjiżi riċeventi iżda wkoll fosthom (b’mod partikolari billi jiġi żgurat li din ikollha impatt newtrali fuq il-volumi tal-għajnuna u tindirizza l-kwistjoni tal-orfni mill-għajnuna[8] u jiġi introdott proċess sistematiku għat-tqassim tal-informazzjoni); u titfassal strateġija komuni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-impenji dwar ir-responsabbiltà u t-trasparenza reċiproka, li mbagħad għandha tingħata promozzjoni estensiva;

- Jiġu inkoraġġuti donaturi oħrajn - inklużi donaturi emerġenti - biex japplikaw l-aġenda dwar l-effettività tal-għajnuna.

2.3. Azzjoni rapida Ewropea għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju

2.3.1. L-indirizzar tal-pajjiżi li għadhom l-aktar lura

Biex tagħti appoġġ għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, l-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-għanijiet li huma l-aktar 'il bogħod milli jinkisbu. Madankollu, l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju m'għandhomx jitqiesu bħala ġabra ta' miri u indikaturi settorjali separati. Għall-kuntrarju huma interkonnessi u jsaħħu lil xulxin reċiprokament u għandhom jiġu ttrattati bħala tali.

Filwaqt li l-UE trid tkun attiva fil-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw, għandha tingħata prijorità lill-azzjoni fil-pajjiżi fejn għad fadal ħafna progress xi jsir. Għandu jkun hemm interventi mmirati li jiffukaw fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli, inklużi n-nisa, it-tfal u l-persuni b'diżabbiltajiet, permezz ta' appoġġ għal sistemi ta' ħarsien soċjali b'kopertura estensiva li huma element ewlieni tal-koeżjoni u l-istabbiltà soċjali.

Il-prospettivi ta’ faqar huma raġuni ta' tħassib partikolari fl-anqas pajjiżi żviluppati u f'pajjiżi f'sitwazzjonijiet fraġili[9]. L-istati fraġili għamlu ħafna inqas progress mill-pajjiżi l-oħra li qed jiżviluppaw fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u bosta minnhom huma wkoll ‘orfni mill-għajnuna’. Sabiex jirranġaw din is-sitwazzjoni, id-donaturi għandhom iżidu l-isforzi tagħhom fl-istati fraġili u jaħdmu b’mod aktar ikkoordinat[10].

(3) Dwar l-istati fraġili u l-pajjiżi li għadhom l-aktar lura:

- Jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tal-UE għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għall-organizzazzjoni tad-diviżjoni tax-xogħol fl-istati fraġili fi żmien qasir. Dan beda bil-Ħaiti;

- Jinżamm bilanċ bejn l-ippremjar tal-prestazzjoni u r-reazzjoni għall-ħtiġijiet, ir-riallokazzjoni tal-fondi lill-pajjiżi li għadhom l-aktar lura, fid-dawl tal-politiki u l-kapaċitajiet nazzjonali. Fil-livell tal-UE l-Kummissjoni se tipproponi dan fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-2010 tal-programmi tal-AKP u se tipproponi wkoll li tiżdied l-allokazzjoni tal-pajjiż għall-perjodu 2011-2013 fl-Afganistan u l-Pakistan.

2.3.2. L-indirizzar tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju li għadhom l-aktar lura

Dan l-aħħar ġew proposti reviżjonijiet tal-aktar ħames setturi kruċjali għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, jiġifieri s-saħħa[11], l-edukazzjoni[12], l-għajnuna umanitarja tal-ikel[13], is-sigurtà tal-ikel[14] u l-ugwaljanza bejn is-sessi[15]. Dawn huma parti integrali mill-pjan ta’ azzjoni globali tal-UE biex tinkoraġġixxi l-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

Il-prinċipju fundamentali għandu jkun li l-UE u l-Istati Membri għandhom dejjem jużaw bħala l-ewwel għażla l-istrateġiji u s-sistemi[16] tal-pajjiżi sħab infushom sabiex isaħħu s-sjieda mill-pajjiżi. Dan għandu jsir preferibbilment permezz ta' sostenn baġitarju u programmi li jirrigwardaw l-għanijiet ta’ żvilupp tal-millennju f’forma ta' kuntratt. Jekk l-għajnuna tiġi fornuta barra mis-sistemi nazzjonali, ir-raġuni għandha tiġi ddikjarata b'mod trasparenti u għandu jingħata appoġġ għal żvilupp fil-kapaċità għal titjib tal-kwalità tas-sistemi nazzjonali.

(4) Dwar it-titjib tal-impatt tal-politiki f’setturi ewlenin:

- Fl-edukazzjoni u s-saħħa l-azzjoni tal-UE u tal-Istati Membri għandha tiġi kkonċentrata f’dawk il-pajjiżi fejn hemm l-akbar ħtiġijiet u fejn jista' jingħata appoġġ għal politiki sostenibbli. Il-lista ta’ pajjiżi prijoritarji għandha titħejja qabel Settembru;

- Fis-saħħa, permezz ta’ titjib fil-koerenza tal-politiki u involviment politiku u finanzjarju ulterjuri tal-UE fil-‘Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkulożi u l-Malarja’ u l-‘Alleanza Globali għall-Vaċċini u l-Immunizzazzjoni’, jiġi żgurat li dawn iservu ta’ pjattaforma għall-effettività tal-għajnuna, iżommu mal-prinċipji tas-Sħubija Internazzjonali tas-Saħħa u jikkontribwixxu għal tisħiħ fis-sistemi tas-saħħa.

- Fl-edukazzjoni, ikun hemm żieda fis-sostenn għall-pjanijiet nazzjonali għas-settur tal-edukazzjoni li jwasslu għal edukazzjoni ta’ kwalità, permezz ta’ kanali bilaterali u multilaterali kif ukoll permezz tal-Inizjattiva Aċċellerata ta' Edukazzjoni għal Kulħadd;

- Jiġu indirizzati l-aspetti kollha tas-sigurtà tal-ikel, b’enfasi fuq agrikoltura ekoloġikament effiċjenti, fuq il-bdiewa ż-żgħar, is-sostenn ta’ politiki nazzjonali u reġjonali sostenibbli (inkluż permezz ta’ aktar sostenn finanzjarju għall-‘Programm Komprensiv għall-Iżvilupp Agrikolu tal-Afrika’ u l-implimentazzjoni aċċelerata tal-Linji Gwida dwar il-Politika tal-Art Afrikana) u l-promozzjoni ta’ integrazzjoni aħjar tan-nutriment, b’mod partikolari fin-Nofsinhar tal-Asja;

- Jittejbu r-responsabbiltà għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-monitoraġġ tagħha permezz tal-użu tal-element ta' riferiment tal-politika tal-OECD għall-azzjonijiet kollha relatati mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (bl-iskop li dan l-element jiġi applikat għal minn tal-anqas 80% tal-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri);

- Titkompla l-prijorizzazzjoni ta’ azzjonijiet li jittrattaw is-saħħa globali, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel fil-programmi ta’ qafas tar-riċerka tal-UE.

2.3.3. L-inkoraġġiment tas-sjieda tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju fil-pajjiżi sħab

L-istejjer ta’ suċċess kollha jindikaw l-importanza ta’ impenn politiku lokali b’saħħtu. Jeħtieġ li l-azzjonijiet tad-donaturi jagħrfu wkoll id-dimensjoni kulturali tal-proċess tal-iżvilupp sabiex tiġi inkoraġġuta sjieda mill-popolazzjonijiet ikkonċernati.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jkomplu jinkoraġġixxu u jappoġġjaw approċċi bbażati fuq ir-realtajiet fil-pajjiżi sabiex jiddeċiedu dwar investimenti prijoritarji b’appoġġ għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, kif ukoll sabiex jadattaw il-miri u l-indikaturi għall-kuntesti tal-pajjiżi. Is-sjieda tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għandha titqies bħala parti mill-impenji aktar wiesgħa dwar il-governanza li ġew assunti mill-pajjiżi sħab u li jagħmlu parti integrali mid-djalogu tal-UE magħhom. Huwa essenzjali li jkun hemm dejta statistika ta’ kwalità għolja biex il-progress lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju jiġi mmonitorjat fil-livell nazzjonali kif ukoll biex tiġi stimulata r-responsabbiltà pubblika u jiġi pprovdut il-bazi għal politiki u teħid ta’ deċiżjonijiet razzjonali, għal ġestjoni makroekonomika u għal allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. Il-problema ta’ nuqqas ta’ dejta affidabbli u akkurata biex jiġi segwit il-progress fl-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju hija partikolarment severa fl-Afrika.

(5) Dwar sjieda msaħħa:

- L-isħubija UE-Afrika dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tintuża bħala pjattaforma għat-tisħiħ tal-kordinazzjoni reġjonali tal-monitoraġġ tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju fl-Afrika, b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet reġjonali;

- Tiġi inkoraġġuta l-inklużjoni tal-miri tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju fl-istrateġiji tal-iżvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.4. Programm ta' Ħidma proattiv dwar il-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp

L-UE ssostni wkoll l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju billi tagħmel politiki oħra apparti mill-għajnuna aktar favorevoli għall-għanijiet ta’ żvilupp. Matul l-aħħar ħames snin, l-UE stabbilixxiet mekkaniżmi ex ante u ex post għal dan l-iskop, inklużi valutazzjonijiet tal-impatt li jeżaminaw l-impatt estern ta’ proposti ta' politika[17]. Il-Programm ta’ Ħidma proattiv dwar il-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp[18] jistabbilixxi miri konkreti u indikaturi ta’ progress biex jiġu implimentati l-impenji tal-UE dwar il-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp tul sensiela sħiħa ta’ politiki li għandhom effett fuq il-ħames sfidi globali li ġejjin: il-kummerċ u l-finanzi, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, il-migrazzjoni u s-sigurtà.

(6) Dwar dwar il-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp:

- L-użu proattiv u bikri tal-Programm ta' Ħidma dwar il-Koerenza fil-Politika għall-Iżvilupp bħala għodda li tagħti direzzjoni lit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE fuq sensiela wiesgħa ta’ deċiżjonijiet li għandhom effett li jmur lil hinn mill-għajnuna għall-iżvilupp fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

2.5. Il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi permezz ta' tassazzjoni aħjar [19]

Waħidha, l-għajnuna esterna ma tistax twassal biex pajjiż jibni soċjetà prosperuża. Ir-riżorsi proprji tal-pajjiżi sħab huma essenzjali għall-iżvilupp tagħhom minħabba li jżidu l-leġittimità tal-istat, iżidu s-sjieda fil-politiki tal-iżvilupp u huma sors ta' finanzjament stabbli għall-provvista ta' oġġetti pubbliċi u biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

Bl-għan li żżid b’mod sinifikanti l-proporzjon bejn it-taxxa u l-PGD tagħhom[20], għandu jissaħħaħ l-appoġġ tal-UE għat-twaqqif ta’ sistemi fiskali u doganali sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' approċċ komplet għall-amministrazzjoni u r-riformi fiskali u doganali. Id-donaturi għandhom jagħtu sostenn lill-inizjattivi multilaterali u reġjonali, jaħdmu biex jinkiseb ambjent fiskali internazzjonali trasparenti, kooperattiv u ġust, isaħħu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġġieldu l-flussi finanzjarji illegali u l-frodi doganali u jappoġġjaw il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet relevanti. Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw iridu wkoll ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod aktar effettiv fil-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma fiskali u doganali. Titjib fil-ġbir tad-dħul domestiku għanu jgħin biex inaqqas l-iżbilanċi finanzjarji fil-livell nazzjonali tal-pajjiżi li għadhom l-aktar lura.

(7) Dwar it-tassazzjoni u l-iżvilupp:

- Tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku permezz ta' riformi fiskali u amministrattivi; Żieda fil-kapaċità tal-amministrazzjoni tad-dwana tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-għanijiet ta’ żvilupp nazzjonali. Tisħiħ tal-appoġġ għal inizjattivi biex jiġu inkoraġġuti t-trasparenza fid-dħul u r-responsabbiltà nazzjonali, bħalma huma l-‘Infurzar tal-Liġijiet dwar il-Foresti, il-Governanza u l-Kummerċ’ u l-‘Inizjattiva ta' Trasparenza fl-Industriji tal-Estrazzjoni' u titjib fil-koordinazzjoni tad-donaturi;

- Promozzjoni ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali u sostenn fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali permezz ta’ standards internazzjonali, kooperazzjoni biex jiġu ffaċilitati l-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet bħal dawk dwar l-iskambju ta' informazzjoni fiskali u, fejn ikun xieraq, konvenzjonijiet dwar it-taxxa doppja, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-OECD dwar il-Prezzijiet ta’ trasferiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u r-riċerka li għaddejja fuq standard ta’ rappurtar pajjiż pajjiż għal korporazzjonijiet multinazzjonali.

2.6. It-tisħiħ tal-integrazzjoni u l-kummerċ reġjonali biex tingħata spinta ’l quddiem lit-tkabbir u l-impjiegi

L-integrazzjoni reġjonali żżid l-istabbiltà politika u l-prosperità ekonomika. Tgħin lill-pajjiżi jipprovdu oġġetti pubbliċi li huma essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli u b’hekk tikkontribwixxi kemm direttament u indirettament għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. L-UE tippromwovi l-integrazzjoni reġjonali kemm politikament u finanzjarjament permezz tar-relazzjonijiet esterni tagħha.

Il-parteċipazzjoni fil-kummerċ internazzjonali hija sors ewlieni tar-riżorsi meħtieġa għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, u għandha tkun parti minn kwalunke strateġija ta’ żvilupp li tirnexxi.

Huwa għal din ir-raġuni li l-UE qed tkompli tippromwovi tfassil tar-regoli tal-kummerċ internazzjonali li jiffavorixxi l-iżvilupp u ssostni l-kapaċità tal-pajjiżi sħab li jipparteċipaw fil-kummerċ globali u reġjonali, anki permezz tal-promozzjoni ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika. Konformement mal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju Nru 8, l-UE tipprovdi preferenzi kummerċjali speċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż aċċess totalment b’xejn għas-suq tal-UE għal dak kollu li jiġi mill-anqas pajjiżi żviluppati bl-eċċezzjoni tal-armi. Barra minn dan, l-UE tkompli tiżgura li l-ftehimiet bilaterali tagħha ma jinkludux klawsoli li jistgħu jfixklu l-aċċess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-mediċini.

L-UE u l-Istati Membri wettqu wkoll l-impenn kollettiv tagħhom li jonfqu EUR 2 biljuni kull sena fuq Assistenza relatata mal-Kummerċ u dan sew qabel l-iskadenza tal-2010. Barra minn dan, jagħtu appoġġ estensiv għall-kapaċità produttiva u għall-infrastruttura relatata mal-kummerċ u fl-2008 l-Għajnuna għall-Kummerċ totali tagħhom issuperat l-EUR 10 biljuni, żieda sinifikanti mill-2007.

L-UE għandha tibni fuq dan is-suċċess, tagħti aktar attenzjoni lill-pajjiżi li huma l-anqas żviluppati u taħdem b’mod aktar strateġiku u effettiv magħhom, kif ġie indikat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar din il-kwistjoni.

(8) Dwar integrazzjoni reġjonali u l-kummerċ:

- Zieda fis-sostenn għall-iżvilupp tas-settur privat, b’mod partikolari permezz ta’ mekkaniżmi bħall-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP u l-Fond Fiduċjarju tal-UE-Afrika għall-Infrastruttura;

- Fil-qafas tar-reviżjoni tal-mandat estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), tiġi msaħħa l-kapaċità tal-BEI biex jagħti appoġġ lill-għanijiet ta’ żvilupp tal-UE u jippromwovi taħlit effettiv ta’ għotjiet u self lil pajjiżi terzi;

- Titkompla l-ħidma għal konklużjoni tar-Round ta’ Doha u titkompla l-ħidma fuq ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali li jqisu u jirriflettu sewwa l-ħtiġijiet differenti tal-pajjiżi sħab, inklużi Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika;

- Isir progress fil-provvista ta’ Għajnuna għall-Kummerċ, filwaqt li jiżdiedu l-isforzi għall-pajjiżi l-anqas żviluppati u dwar l-effettività tal-għajnuna u, b’mod partikolari, jinlaħaq ftehim dwar pakketti ta' Għajnuna għall-Kummerċ reġjonali qabel tmiem l-2010.

2.7. L-użu sorsi innovattivi ta' finanzjament biex jiġu affaċċjati l-isfidi globali

Wara l-kriżi ekonomika l-baġits u l-investimenti privati waħidhom jistgħu ma jkunux jistgħu jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex jiġu ffaċċjati l-isfidi globali li dejjem qed jikbru, inklużi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Biex nipprovdu fondi addizzjonali b’mod prevedibbli u stabbli jeħtieġ li nisfruttaw ukoll bis-sħiħ il-potenzjal tal-finanzjament innovattiv.

Hemm diġà bosta mekkaniżmi innovattivi li huma bbażati fuq sħubijiet pubbliċi-privati u fuq is-swieq biex jikkompletaw ir-riżorsi u l-mekkaniżmi eżistenti għas-sostenn għall-iżvilupp. Bħalissa qed jiġu eżaminati għażliet oħrajn f'diversi fora, inkluż il-Grupp ta' Tmexxija dwar Finanzjament Innovattiv għall-Iżvilupp. Is-servizzi tal-Kummissjoni analizzaw ukoll il-potenzjal ta’ diversi mekkaniżmi li joħolqu introjtu[21].

Il-globalizzazzjoni ġabet magħha benefiċċji kbar għall-ekonomija dinjija iżda l-aktar pajjiżi fqar għandhom ma sfruttawx dawn l-opportunitajiet kollha. Jeħtieġ li dan jiġi rimidjat bid-distribuzzjoni tal-introjti l-ġodda.

(9) Dwar il-finanzjament innovattiv:

- Jingħata sostenn lil proposti għal mekkaniżmi innovattivi ta' finanzjament b'potenzjal sinifikanti li jiġġeneraw introjtu, bl-iskop li jiġi żgurat finanzjament prevedibbli għall-iżvilupp sostenibbli, speċjalment għall-aktar pajjiżi foqra u vulnerabbli[22].

2.8. Il-każ ta' prova tat-tibdil fil-klima

It-tibdil fil-klima hija sfida kollettiva kbira u għandha effett fuq il-progress dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

L-UE ħadet l-impenn li tagħti appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġiji xierqa ta’ adattament u/jew mitigazzjoni. Dan isir billi jiġu kkunsidrati aktar il-kwistjonijiet ta’ tibdil fil-klima fil-politiki tal-iżvilupp, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għal teknoloġiji b’użu baxx tal-karbonju u reżistenti għat-tibdil fil-klima li jirrispettaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, flimkien mat-tisħiħ tal-għarfien ta’ dawn l-istess pajjiżi dwar it-tibdil fil-klima u billi jissaħħaħ is-sostenn tal-UE għal riċerka relatata fil-pajjiżi li qed jiżiluppaw u flimkien magħhom. Dan għandu jippermettilhom jiżviluppaw approċċi bbażati fuq ekosistema kosteffiċjenti għall-mitigazzjoni u l-addattament.

Barra minn dan, fil-qafas tan-negozjati ta' wara Kopenħagen u r-Round ta' Doha għall-Iżvilupp, l-UE għandha tkompli tippromwovi aċċess imtejjeb għat-teknoloġija ekoloġika għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, anki permezz ta' aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ għal prodotti u servizzi ambjentali permezz tat-tnaqqis u l-eliminazzjoni ta' ostakli tariffarji jew mhux tariffarji.

(10) Dwar it-tibdil fil-klima

- Jiġi implimentat l-impenn tal-UE li tipprovdi EUR 2.4 biljun ta’ finanzjament rapidu tal-bidu ta’ kull sena għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-2010 sal-2012 u jiġi żgurat li dak il-finanzjament jiġi pprogrammat u mħallas skont l-aġenda dwar l-effettività tal-għajnuna. Il-Kummissjoni hija lesta li tassumi r-rwol ta' faċilitatur tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ deċiżjonijiet koordinati relatati mal-impenn tal-UE ta' finanzjament rapidu tal-bidu[23].

2.9. Żvilupp u sigurtà

Mingħajr is-sigurtà m’hu possibbli l-ebda żvilupp u mingħajr investiment fl-iżvilupp ma tistax tiġi żgurata sigurtà fit-tul. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi f’sitwazzjoni fraġili waqgħu lura fil-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u jinħtieġ sforz speċjali l-għajnuna biex titwassal lil dawn il-pajjiżi b’mod kosteffettiv.

(11) Dwar il-Fraġilità u s-Sigurtà:

- Jingħata sostenn lill-‘Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità u ta' kunflitt’ li għandu jiġi propost fl-2010 biex jindirizza sitwazzjonijiet bħal dawn b’mod integrat u komplet u biex jintegra aħjar l-għanijiet ta’ żvilupp fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ paċi u stabbiltà.

2.10. Struttura għall-governanza globali

Wara l-kriżi ekonomika l-gvernijiet madwar id-dinja rrikonoxxew il-ħtieġa għal governanza globali li tkun tassew esklussiva. L-istruttura istituzzjonali internazzjonali hija kumplessa u l-interessi tal-aktar pajjiżi foqra ta' spiss huma marġinalizzati. Il-frammentazzjoni tal-għajnuna multilaterali minħabba l-proliferazzjoni ta' aġenziji multilaterali[24] hija preokkupazzjoni kbira oħra. L-UE għandha tagħti spinta ġdida lill-ħidma li hemm għaddejja u li qed issir f'diversi fora internazzjonali, inkluż il-G20, bl-għan li tirriforma l-governanza globali.

L-isfida ewlenija hija li jinsab ekwilibriju bejn il-leġittimità u l-effettività tal-istituzzjonijiet globali, anki permezz tar-rappreżentanza reġjonali.

(12) Dwar il-governanza globali:

- Jingħata appoġġ lill-proċess ta’ riforma li hemm għaddej għal aktar koerenza u effettività fis-sistema tan-NU, bl-għan li jkun hemm razzjonalizzazzjoni progressiva fit-tħaddim tal-aġenziji u li jitnaqqas in-numru tagħhom;

- Tiġi żgurata implimentazzjoni rapida u adegwata taż-żidiet fid-drittijiet tal-vot fil-Bank Dinji u fil-Fond Monetarju Internazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk li huma fi tranżizzjoni; Issir ħidma favur siġġu Ewropew wieħed bħala għan aħħari u tissaħħaħ il-kordinazzjoni tal-UE, b'mod partikolari fi ħdan il-banek reġjonali tal-iżvilupp.

3. It-triq ’il quddiem

Il-ħames snin li ġejjin se jkunu żmien ta’ sfida reali għall-politika tal-iżvilupp Ewropea u dik globali. Matul dan il-perjodu jeħtieġ li l-UE twettaq il-wegħda tagħha li tagħti 0.7% mid-DGN għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u tagħti sehem sħiħ biex tiżgura li jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Fl-istess ħin, l-UE u d-dinja żviluppata se jkollhom juru l-impenn tagħhom dwar it-tibdil fil-klima lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jittrasformaw il-wegħdiet tagħhom f'azzjoni prattika u effettiva.

Madankollu, is-snin li ġejjin huma wkoll żmenijiet ta’ opportunità kbira għad-dinja li qed tiżviluppa. Il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju se jservu bħala pass 'il quddiem lejn ekonomija vijabbli u f’espansjoni għal bosta pajjiżi. Hemm diversi stejjer ta’ suċċess li jistgħu jservu ta’ bażi. Is-Sħubija UE-Afrika emerġenti tista’ tuża l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju bħala bażi u tipprovdi pedament sostenibbli għat-tkabbir.

Il-pjan fuq tnax-il punt deskritt hawn fuq jipprovdi l-pjanta għall-kontribut tal-UE biex jintlaqgħu dawn l-isfidi u jiġu sfruttati dawn l-opportunitajiet. L-UE għandha tkompli tkun l-akbar donatur fid-dinja iżda fl-istess ħin għandha tkun determinata tagħmel użu aħjar u aktar effiċjenti mill-għajnuna li tagħti. Dan jista’ jsir biss billi taħdem bi sħab mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar kwistjonijiet bħall-governanza u t-tassazzjoni u ma’ donaturi oħrajn li jeħtieġ li jkunu ambizzjużi daqs l-UE. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, min-naħa tagħhom, għandhom ikunu determinati li jiżguraw li l-għajnuna tagħmel differenza vera u dewwiema.

Il-Kummissjoni tappella lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex japprovaw u jimplimentaw b’mod attiv l-azzjonijiet speċifikati hawn fuq. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan il-pjan fuq tnax-il punt u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tiegħu permezz tal-proċess ta’ rappurtar dwar il-Finanzjament tal-UE għall-Iżvilupp. L-UE għandha wkoll tistieden lid-donaturi internazzjonali l-oħra kollha biex jiżguraw qsim internazzjonali ġust tal-piżijiet kif ukoll biex jistabbilixxu l-pjan ta’ azzjoni tagħhom bl-għan li jiżdied il-livell ta’ ambizzjoni globali dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.

[1] COM(2010) 2020.

[2] Konklużjonijiet tal-Kunsill 11096/08, 24.6.2008.

[3] COM(2009) 160 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill 10018/09, 18.5.2009.

[4] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Finanzjament għall-Iżvilupp - SEC(2010) 420.

[5] SEC(2010) 418; SEC(2010) 419; SEC(2010) 420; SEC(2010) 421 u SEC(2010) 422.

[6] 0.33% tad-DGN għall-Istati Membri li ssieħbu fl-UE mill-2004; 0.7% tad-DGN għall-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE, filwaqt li l-Istati Membri li laħqu dik il-mira jieħdu l-impenn li jibqgħu 'il fuq minn dak il-livell. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp jiddeskrivi diversi għażliet biex isir progress, SEC(2010) 420, Kapitolu 4.5.

[7] Studju kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, ‘ Aid Effectiveness: Benefits of a European Approach ’, HTSPE Limited, Ottubru 2009.

[8] L-hekk imsejħa ‘orfni mill-għajnuna’ huma pajjiżi bi ftit donaturi internazzjonali attivi u livelli baxxi ta’ għajnuna.

[9] SEC(2007) 1417 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill 15118/07, 20.11.2007.

[10] Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2009, ‘Overcoming fragility in Africa – Forging a new European approach’, http://erd.eui.eu/erd-2009.

[11] COM(2010) 128.

[12] SEC (2010) 121.

[13] COM(2010) 126.

[14] COM(2010) 127.

[15] SEC (2010) 265.

[16] B’mod partikolari għall-ġestjoni finanzjarja pubblika, il-kontabbiltà, il-verifika, is-sejħiet għall-offerti, l-oqfsa għar-riżultati u l-monitoraġġ.

[17] SEC(2007) 1202, SEC(2009) 1137, l-konklużjonijiet tal-Kunsill 16079/09, 18.11.2009.

[18] SEC (2010) 421.

[19] COM(2010) 163.

[20] Mil-livell baxx ħafna attwali ta’ medja ta’ madwar 15%.

[21] SEC (2010) 409.

[22] Il-paragrafi 23 u 27 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 u t-30 ta’ Ottubru 2009 u l-paragrafu 8 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u 26 ta’ Marzu 2010.

[23] COM(2010) 86.

[24] Skont l-OECD bħalissa hemm aktar minn 260 organizzazzjoni internazzjonali eliġibbli għall-għajnuna uffiċċjali għall-iżvilupp meta mqabbla ma’ 15 fl-1940. Hemm aktar minn 100 aġenzija li kull waħda minnhom tamministra anqas minn USD 20 miljun kull sena u li flimkien jirrappreżentaw anqas minn 2% kemm tal-finanzjament u kemm ta' dak li mhux tal-organizzazzjonijiet multilaterali.