52010DC0133




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussell, xxx

COM(2010) yyy finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa

KUNTEST

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom responsabbiltà speċjali lejn ir-Roma, li jgħixu fl-Istati Membri, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tistabbilixxi l-valuri li fuqhom hija bbażata l-UE. Dawn il-valuri għandhom bżonn li jiġu tradotti fil-prattika sabiex tittejjeb il-qagħda tal-poplu Roma, li jiffurmaw l-akbar minoranza etnika fl-UE.

L-inklużjoni tar-Roma tikkonforma wkoll mal-prijorità tat-Tkabbir Inklussiv tal-istrateġija tal-UE għall-2020 u speċjalment mal-Inizjattiva Ewlenija ta' Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar. L-integrazzjoni sħiħa tar-Roma għandu jkollha benefiċċji ekonomiċi importanti għas-soċjetajiet tagħna, speċjalment għal dawk il-pajjiżi li għandhom popolazzjoni li kull ma tmur dejjem qed tonqos u li ma jistgħux jeskludu parti kbira tal-forza tax-xogħol potenzjali tagħhom.

Iżda parti sinifikanti tal-10-12 miljun Roma fl-Ewropa jgħixu f'marġinalizzazzjoni estrema kemm f'żoni rurali kif ukoll urbani u f'kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi ta' faqar kbir. Id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni soċjali u s-segregazzjoni li jiffaċċjaw ir-Roma qed isaħħu lil xulxin. Huma jiffaċċjaw aċċess limitat għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, diffikultajiet fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod korrispondenti livelli ta' dħul baxx u saħħa fqira li tirriżulta min-naħa tagħha f'rati ta' mortalità ogħlja u f'għomor tal-ħajja aktar baxx meta mqabbel ma' ta' persuni oħra li m'humiex Roma. L-esklużjoni tar-Roma tinvolvi mhux biss tbatija umana sinifikanti, iżda wkoll spejjeż diretti sinifikanti għall-baġits pubbliċi kif ukoll spejjeż indiretti permezz ta' telf fil-produttività.

Il-kumplessità u l-interdipendenza tal-problemi jitolbu tweġibiet sostenibbli li jittrattaw l-aspetti kollha ta' deprivazzjoni tar-Roma permezz ta' approċċ integrat. Il-kisba edukattiva baxxa, l-ostakli fis-suq tax-xogħol, is-segregazzjoni fl-akkomodazzjoni u f'oqsma oħra, u r-riżultati ta' saħħa fqira jeħtieġ li jiġu indirizzati fl-istess waqt.

Sa minn Diċembru 2007, f'serje ta' konklużjonijiet tal-Kunsill, l-UE approvat il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li hemm qafas b'saħħtu tal-UE b'għodod leġiżlattivi, finanzjarjiu ta' koordinazzjoni ta' politika diġà disponibbli biex jappoġġjaw l-inklużjoni tar-Roma, imma li jista' jsir aktar biex dawn jaħdmu b'mod aktar effettiv.[1] Il-Kunsill afferma li din hija responsabbiltà konġunta tal-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea biex jindirizzaw l-isfida tal-inklużjoni tar-Roma, fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi u kumplimentari tagħhom, u daħħal b'fermezza l-inklużjoni tar-Roma fil-politika tal-UE. [2] Il-Presidenza Trio ta' bħalissa identifikat l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha.

Hemm bżonn li l-miżuri biex tingħeleb l-esklużjoni tar-Roma jiġu stabbiliti fi ħdan il-qafas usa ta' ugwaljanza Ewropea, l-inklużjoni, u l-politika tat-tkabbir u biex jottimizzaw l-użu tal-istrumenti legali u finanzjarji disponibbli wkoll għar-razzjonalizzazzjoni tas-soċjetà. L-għan ġenerali huwa dak ta' soċjetà inklużiva, mhux forma ġdida ta' segregazzjoni etnika: kwalunkwe progress li jista' jinkiseb fil-qasam tal-inklużjoni tar-Roma jirrappreżenta progress ukoll fl-inklużjoni tal-minoranzi etniċi fl-UE u viċi-versa.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni, qabel it-tieni (2nd) Samit dwar ir-Roma, huwa li jindika kemm l-Unjoni Ewropea se tiżviluppa l-kontribut tagħha għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika sħiħa tar-Roma, fuq il-bażi tal-progress miksub.

IL-PROGRESS MIKSUB

Mill-2008 sar progress fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE, kif ir-rapport li jakkumpanja juri[3]. L-attenzjoni fl-UE fl-2009 qalbet minn analiżi tal-problemi għall-esplorazzjoni ta' kif strumenti eżistenti jistgħu jsiru aktar effettivi u kif is-sitwazzjoni tar-Roma tista' tiġi indirizzata b'mod aktar espliċitu ma' firxa wiesgħa ta' politika, inklużi l-impjieg, l-inklużjoni soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, id-djar, iż-żgħażagħ u l-kultura.

Tkompla l-infurzar u l-iżvilupp ulterjuri tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tan-non-diskriminazzjoni, il-libertà tal-moviment, il-protezzjoni tad-dejta u l-anti-razziżmu. Il-Kummissjoni ssorveljat it-traspożizzjoni tal- acquis rilevanti fil-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali. Dan kien ikkomplementat minn inklużjoni ta' perspettiva speċifika tar-Roma fil-ħidma tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, netwerk ta' Korpi ta' Ugwaljanza speċjalizzati (EQUINET), taħriġ għall-professjonisti legali u l-kampanja ta' informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea "Favur id-Diversità - Kontra d-Diskriminazzjoni".

Il-Pjattaforma Ewropea għall-inklużjoni tar-Roma - magħmula minn atturi prinċipali fl-inklużjoni tar-Roma mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-gvernijiet tal-Istati Membri u s-soċjetà ċivili - tnediet f'April 2009 sabiex jiġu skambjati l-esperjenza u l-prattiki tajba u sabiex tistimula kooperazzjoni fost il-parteċipanti tagħha. L-għan tagħha huwa li tiżdied il-koerenza u l-effettività tal-proċessi paralleli ta' politika fuq livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali bil-ħsieb li jinħolqu sinerġiji. Il-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-inklużjoni tar-Roma, imħejjija skont il-proċess tal-Pjattaforma u msaħħa mill-esperjenzi ta' inizjattivi li kienu ta' suċċess għall-inklużjoni tar-Roma, jipprovdu qafas prattiku għal dawk li jfasslu l-politika pubblika fuq il-livelli kollha fuq kif għandhom jitfasslu u jiġu implimentati inizjattivi ta' suċċess.[4]

Per eżempju, fl-2009, intuża t-tieni mill-għaxar Prinċipji biex jiġġustifika l-proposta tal-Kummissjoni għall-modifika tar-Regolament għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew. L-għan huwa li minn dan jibbenefikaw ħafna komunitajiet emarġinati - b'mod espliċitu iżda mhux esklussivament dan jindirizza l-komunitajiet Roma - fis-27 Stat Membru tal-UE permezz ta' ko-finanzjament ta' interventi, flimkien mal-Fond Soċjali Ewropew, f'djar ġodda u rinnovati fiż-żoni urbani u rurali, bħala parti mill-approċċ integrat li jinkludi l-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura soċjali, u l-azzjonijiet ta' kura tas-saħħa.

Ħafna mill-Istati Membri jirraportaw enfasi ikbar dwar il-koordinazzjoni interna u li jinvolvu l-komunitajiet tar-Roma. Xi Stati Membri bdew jużaw l-opportunitajiet ta' programmazzjoni kumplessa u l-istrumenti kkombinati ta' politika ta' koeżjoni.

L-Istati Membri rraportaw li jixtiequ jirrazzjonalizzaw b'mod sistematiku l-kwistjonijiet tar-Roma u jużaw t-tagħlim reċiproku u r-reviżjonijiet bejn il-pari sabiex jesploraw kif jistgħu jtejbu l-inizjattivi tagħhom dwar it-tneħħija tas-segregazzjoni u dwar l-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjieg u s-servizzi soċjali bażiċi. Forum għal skambji bħal dawn huwa n-Netwerk Ewropew dwar l-Inklużjoni Soċjali u r-Roma taħt il-Fondi Strutturali (EURoma), li jimmira lejn skambju ta' informazzjoni u esperjenza, qsim ta' strateġiji u approċċi u ġenerazzjoni ta' għarfien.

Ir-rapport li jmiss ta' studju għall-Kummissjoni fl-2009 u l-2010 dwar "Attivitajiet li jtejbu l-impatt tal-politiki, programmi u proġetti mmirati lejn l-inklużjoni soċjali u n-non-diskriminazzjoni ta' persuni Roma fl-UE " se jidentifika fatturi ta' suċċess u prattika tajba.

Ħafna minn dawn l-azzjonijiet ġew appoġġjati mill-Fondi Strutturali tal-UE, u b'mod partikolari l-FSE[5]. F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali ta' Diċembru 2008 u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' Marzu 2009, il-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha biex ikun utilizzat il-potenzjal sħiħ ta' dawn l-istrumenti. B'mod partikolari, il-Kummissjoni kienet involuta b'mod bilaterali mal-gvernijiet tal-Istati Membri biex tgħinhom ħalli jagħmlu użu ikbar tal-Fondi Strutturali tal-UE biex jappoġġjaw l-inklużjoni tar-Roma. Barra minn hekk, l-effettività tal-FSE kienet imsaħħa minn tisħiħ tal-monitoraġġ u valutazzjoni tal-proġetti tar-Roma u t-tixrid fl-Ewropa kollha ta' dawk il-miżuri li nstabu li kienu partikolarment effettivi.

Il-Kummissjoni Ewropea qed timplimenta wkoll wkoll proġett pilota dwar l-inklużjoni tar-Roma (€ 5 miljun, 2010-2012), mibdi mill-Parlament Ewropew, indirizzat għall-edukazzjoni bikrija tat-tfulija, l-impjiegi permezz ta' mikro-kreditu, u l-kuxjenza pubblika b'mod partikolari fil-pajjiżi fejn il-popolazzjonijiet tar-Roma hija waħda għolja. Il-proġett pilota se jesplora wkoll metodi għall-ġbir tad-dejta u valutazzjoni kontrofattwali biex jevalwa l-impatt tal-interventi f'dawn it-tlett oqsma.

L-ISFIDI QUDDIEMNA

L-analiżi preċedenti tal-istrumenti u l-politiki tal-UE[6] u r-rapport ta' progress 2008-2010[7] jikkonfermaw li dawn l-istrumenti u l-politiki huma ġeneralment ġusti biex jappoġġjaw l-inklużjoni tar-Roma, anki fuq skala kbira. Il-kwistjoni hija dwar kif jista' jkun żgurat li l-potenzjal tagħhom jiġi attwat.

Diversi atturi Ewropej u internazzjonali bħal issa qed isegwu politika ta' proċessi paralleli mmirati bil-għan li jinkludur-Roma. Fost dawn hemm l-politiki tal-UE relevanti għall-inklużjoni tar-Roma, il-Pjan ta' Azzjoni OSCE dwar il-parteċipazzjoni tar-Roma u s-Sinti fil-ħajja pubblika u politika (adottat fl-2003 u ffirmat minn 55 Stat)[8], ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari[9], u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali adottati u implimentati mit-12-il pajjiż parteċipanti fid-Deċennju għall-Inklużjoni tar-Roma 2005-2015[10]. Ir-riżultati ta' dawn l-attivitajiet ivarjaw, skont il-bażijiet legali tagħhom, l-istrumenti, ir-riżorsi u l-involviment tal-partijiet interessati. Barra minn hekk, dawn huma biss ikkoordinati b'mod laxk permezz ta' Grupp ta' Kuntatt Informali ta' Organizzazzjonijiet Internazzjonali dwar ir-Roma, Sinti u Vjaġġaturi[11].

L-isfidi futuri jinkludu:

- Kooperazzjoni mtejba bejn l-atturi Ewropej, nazzjonali u internazzjonali u rappreżentanti tal-komunitajiet tar-Roma, abbażi tal-impenn għall-inklużjoni tar-Roma li ġie konkretizzat fl-aħħar 5-10 snin;

- Traduzzjoni ta' dan l-impenn u kooperazzjoni f'bidliet pożittivi fuq il-livell lokali. Dan jeħtieġ li jkun ikkomplementat minn sjieda mtejba u minn kapaċità msaħħa fuq il-parti tal-amministrazzjonijiet lokali, is-soċjetà ċivili u r-Roma infushom biex jinbdew u jiġu implimentati proġetti, programmi u politiki;

- Iktar komunikazzjoni effettivi tal-benefiċċji tal-inklużjoni tar-Roma għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali kemm lokali kif ukoll nazzjonali[12]. L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma huwa proċess reċiprokuli jirrikjedi bidla tal-inklinazzjonijiet tal-maġġoranza kif ukoll tal-membri tal-komunitajiet tar-Roma u l-mexxejja tagħhom;.

- Il-promozzjoni tal-użu integrali tal-Fondi tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-isfidi multi-dimensjonali tal-esklużjoni tar-Roma;

- L-iżvilupp ta' politiki ta' desegregazzjoni espliċita, partikolarment fl-edukazzjoni u fl-akkomodazzjoni u appoġġjati mill-Fondi Strutturali;

- Il-kisba ta' enfasi speċjali fuq il-mikro-reġjuni l-aktar żvantaġġati;

- Ir-razzjonalizzazzjoni tal-kwistjonijiet tal-inklużjoni tar-Roma f'oqsma wiesgħa ta' politika tal-edukazzjoni, tal-impjieg, tas-saħħa pubblika, tal-infrastruttura u tal-ippjanar urban, u tal-iżvilupp ekonomiku u territorjali, aktar milli l-itrattar ta' dawn bħala politika separata. Prattiċi tajba u mudelli minn proġetti li jirnexxu jeħtieġ li jiġu mxerrda biex isiru parti integrali mill-politika.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-atturi ewlenin l-oħra jeħtieġ li jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq dawn l-isfidi billi jtejbu l-effettività tal-politiki kemm f'termini ta' kontenut kif ukoll ta' proċess.

Miżuri ta' Politika għall-Inklużjoni Effettiva tar-Roma

Strumenti finanzjarji

Il-Fondi Strutturali tal-UE u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) kif ukoll l-Istrument għal qabel l-Adeżjoni (IPA) jirrappreżentaw kważi nofs il-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea u huma lieva importanti għall-bidla.

L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti turi li, ġeneralment, m'hemm l-ebda nuqqas ta' fondi disponibbli biex ikunu mirfuda politiki u programmi promettenti.. Hemm, madankollu, numru ta' ostakoli li jipprevjenu lil xi Stati Membri milli jużawhom għal azzjonijiet immirati lejn l-inklużjoni tar-Roma u dawn jinkludu nuqqasijiet fl-ippjanar u fl-ipprogrammar kif ukoll fil-piż amministrattiv. Kif juru eżempji ta' suċċess, l-istrateġiji integrati tar-Roma li jindirizzaw il-kumplessità tal-problemi li jikkaratterizzaw l-emarġinazzjoni tal-komunitajiet Roma huma wisq iktar effettivi minn proġetti iżolati li jindirizzaw biss kwistjoni waħda jew tnejn.. L-ostakoli jinkludu wkoll retiċenza fuq livell lokali u nuqqas ta' għarfien politiku u ta' kapaċità fost l-amministrazzjonijiet lokali, kif ukoll fost il-komunitajiet tar-Roma. Dawn id-diffikultajiet jistgħu jiġu ttrattati permezz ta' inċentivi jew ta' appoġġ u kompetenza xierqa, inkluż permezz ta' assistenza teknika mill-Fondi Strutturali tal-UE. Il-Kummissjoni tilqa' l-inizjattivi tal-NGOs li jsostnu l-bini tal-kapaċità (eż. l-inizjattiva tal-OSI: "Nieħdu dak kollu li nistgħu mill-Fondi tal-UE għar-Roma"). Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni tar-Roma u partikolarment il-parteċipazzjoni fil-proċess ta' deċiżjoni min-nisa Roma, li jaġixxu bħala rabta bejn il-familja u s-soċjetà, taw prova li huma fattur importanti għas-suċċess ta' kull miżura.

Sabiex tappoġġja lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki b'impatt viżibbli u konkret, fl-2009 il-Kummissjoni bdiet sensiela ta' avvenimenti bilaterali ta' Livell Għoli fl-Istati Membri biex iġibu flimkien dawk li jieħdu deċiżjonijiet politiċi u l-ogħla livell ta' amministrazzjonijiet u partijiet interessati kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livelli nazzjonali flimkien mar-rappreżentanti tal-komunitajiet tar-Roma. Dawn l-avvenimenti ippreparaw l-bażi għal qbil fuq il-miri għal użu ikbar tal-Fondi tal-UE għall-inklużjoni tar-Roma billi ġew definiti miri speċifiċi u stabbiliti.

Il-Kummissjoni inkoraġġiet programmazzjoni integrata fuq skala akbar li tgħaqqad l-azzjonijiet taħt diversi Programmi Operattivi b’sostenn ta' interventi li jieħdu approċċ inter-settorjali biex jiġu solvuti l-problemi tal-komunitajiet tar-Roma. Hi tilqa' inizjattivi mill-Istati Membri biex jagħmlu miżuri ta' tneħħija tas-segregazzjoni bħala kundizzjoni ta' aċċess għall-Fondi Strutturali u tikkunsidra li dan huwa għal kollox konformi mal-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Fondi[13].

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll l-Istati Membri biex jinvolvu lill-komunità tar-Roma fl-ippjanar tal-użu tal-Fondi permezz tal-implimentazzjoni prattika tal-prinċipju tas-sħubija, biex jinvolvu lir-Roma f'kull stadju tal-proċess mit-tfassil tal-programm għall-valutazzjoni, kif ukoll biex jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità fi ħdan is-soċjetà ċivili tar-Roma u fi ħdan l-amministrazzjonijiet lokali. Hija tilqa' wkoll l-isforzi biex tissimplifika proċeduri ta' applikazzjoni u l-forniment aktar sistematiku ta' pre-finanzjament lill-applikanti ta' suċċess.

Approċċ integrat flimkien ma' razzjonalizzazzjoni

Għalkemm il-kundizzjonijiet ta' għixien ta' ħafna komunitajiet tar-Roma huma kkaratterizzati minn problemi multipli, liema problemi jidhru jsaħħu lil xulxin, il-miżuri biex jindirizzaw dawn il-problemi huma ħafna drabi maqlugħa minn politiki ġenerali dwar l-edukazzjoni, ix-xogħol, is-saħħa pubblika jew ir-rijabilitazzjoni urbana. Għad hemm it-tendenza li jkun hemm focus fuq soluzzjonijiet li jitrattaw kwistjonijiet separatament, bħall-promozzjoni tax-xogħol tar-Roma jew l-arranġament mill-ġdid ta' żoni ta' għixien tar-Roma, implimentati permezz ta' proġetti għal perjodu qasir u programmi li ma jkunux sostenibbli.

Kif kien enfasizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-2008[14], ir-razzjonalizzazzjoni tal-kwistjonijiet tar-Roma fil-politiki kollha rilevanti Ewropej u nazzjonali hija l-aktar mod promettenti biex tintlaħaq l-inklużjoni. Il-ħidma konġunta dwar l-inugwaljanzi tas-saħħa skont l-istrateġija tal-UE għall-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali u l-istrateġija tal-UE għas-Saħħa hija eżempju speċifiku ta' approċċ bħal dan.[15] Fl-2009, il-Kummissjoni tat attenzjoni speċifika lir-Roma fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona Il-livelli ta' prestazzjoni nazzjonali u r-reazzjonijiet ta' politika dwar l-inklużjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol ġew analizzati fuq il-bażi tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali fl-Istati Membri u ddaħħlu fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi għall-2008/2009. Ir-razzjonalizzazzjoni ma tinvalidax il-promozzjoni tal-approċċi integrati u magħmula apposta u li jqisu s-sitwazzjoni speċifika tal-komunitajiet tar-Roma fl-Istati Membri.

L-iskambji ta' esperjenza fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali dwar programmi li kienu ta' suċċess u li huma mmirati għar-Roma li kull ma jmur dejjem jiżdiedu jistgħu jiġu żviluppati permezz tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fin-Netwerk Ewropew dwar l-Inklużjoni Soċjali u r-Roma permezz tal-Fondi Strutturali (EURoma) Netwerk akkademiku ta' studji dwar ir-Roma, appoġġjat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-Ewropa, għandu jtejjeb il-bażi ta' evidenza għall-inizjattivi tar-Roma u joħloq pont aktar b'saħħtu mal-politika.

Il-kooperazzjoni strutturata tal-Istati Membri fil-Metodi Miftuħa ta' Koordinazzjoni eżistenti hija ta' importanza assoluta fl-oqsma ċentrali tal-edukazzjoni, l-impjieg u l-inklużjoni soċjali għar-razzjonalizzazzjoni tal-kwistjonijiet tar-Roma fil-politiki nazzjonali. Bħala l-faċilitatur tal-iskambju ta' esperjenza u prattiki tajba, il-Kummissjoni tista' tinfluwenza dan il-proċess.

Biex il-miżuri ta' politika jsiru iktar effettivi

Il-Kummissjoni sejra:

- tkompli torganizza avvenimenti bilaterali ta' livell għoli fl-Istati Membri u ssegwi l-iżviluppi sussegwenti. Ser tieħu rendikont tar-riżultati ta' dawn iż-żjarat sal-aħħar tal-2013.

- tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li l-interventi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali jippromwovu opportunitajiet indaqs u jittrattaw is-segregazzjoni;

- tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw n-netwerk EURoma għall-aħjar prattiki ta' skambju;

- tappoġġja netwerk ta' studji dwar ir-Roma biex tgħaqqad flimkien b'mod aħjar ir-riċerka u l-politika;

- tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw għodod u metodi xierqa għall-valutazzjoni bħala prerekwiżit għat-tfassil ta' politiki bbażati fuq l-evidenza għall-inklużjoni tar-Roma, fuq il-bażi tal-lezzjonijiet mitgħallma inter alia permezz tal-valutazzjoni tal-Proġett Pilota dwar l-Inklużjoni tar-Roma;

- tirrinforza l-koordinament bejn l-ERDF, ESF u l-EAFRD[16], b'mod partikolari fil-livell reġjonali u lokali, meta tuża l-fondi, għall-iskop li tippromwovi u tiffaċilita approċċ integrat fil-qasam tad-djar (b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Art 7(2) modifikat tar-Regolament ERDF) jew f'oqsma oħra;

- tipprovdi informazzjoni u appoġġ tekniku lill-Istati Membri dwar l-użu effiċjenti tal-Fondi Strutturali u tal-Fond għall-Iżvilupp Rurali fl-indirizzar tal-esklużjoni soċjoekonomika tar-Roma;

- tieħu kont tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-interventi tal-Fondi Strutturali tal-UE għar-Roma, tal-Proġett Pilota dwar l-inklużjoni tar-Roma, u tal-istudju dwar il-proġetti ta' suċċess, il-programmi u l-politiki għall-inklużjoni tar-Roma meta jiżviluppaw l-ġenerazzjoni li jmiss tal-Fondi Strutturali u l-programmi tal-Unjoni Ewropea ;

- tindirizza l-inklużjoni tar-Roma meta tiżviluppa u timplimenta l-Inizjattiva Ewlenija ta' "Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar" proposta mill-Kummissjoni bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għall-2020;

- tistieden lill-Istati Membri biex jindirizzaw kwistjonijiet tar-Roma meta jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali fl-oqsma kollha li huma rilevanti għall-inklużjoni tar-Roma (bħall-edukazzjoni, l-impjieg, il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali, u s-saħħa) fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni u tal-Istrateġija tal-UE għall-2020. Il-Kummissjoni se tintegra enfasi speċifika fir-rigward tar-Roma marbuta mal-impjieg fil-Programm ta' Tagħlim Reċiproku għas-snin 2010-2011;

- tirrevedi l-politika tagħha u l-programmi dwar Roma, fil-kuntest tat-tkabbir, bil-ħsieb li tiżviluppa aktar u ttejjeb l-assistenza finanzjarja relevanti taħt l-IPA

Il-koerenza tal-Politika

Bidla vera tista' tkun ibbażata biss fuq l-implimentazzjoni ta' politika effettiva. Politika effettiva teħtieġ ippjanar koerenti. Ippjanar koerenti jeħtieġ l-involviment tal-partijiet interessati kollha rilevanti, l-appoġġ politiku u l-allokazzjoni tar-riżorsi meħtieġa mil-livelli rispettivi tat-teħid ta' deċiżjonijiet. Dawn il-kunsiderazzjonijiet u l-analiżi tal-isfidi li ġejjin juru l-ħtieġa għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha u iktar effettiva u konċentrazzjoni ta' forzi.

Il-Pjattaforma Ewropea għall-inklużjoni tar-Roma toffri forum għall-kooperazzjoni f'dan il-qasam u l-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Inklużjoni tar-Roma, elaborati skont il-Pjattaforma, jipprovdu qafas komuni. Il-Prinċipji jenfasizzaw li l-programmi u l-politiki li huma mmirati lejn ir-Roma m'għandhomx jeskludu membri ta' gruppi oħrajn li jaqsmu ċirkostanzi soċjo-ekonomiċi simili.[17] Il-Prinċipji jenfasizzaw ukoll li l-programmi u l-politiki għandhom jimmiraw għar-razzjonalizzazzjoni sabiex tiġi evitata s-separazzjoni tal-interventi li jiffukaw fuq ir-Roma mill-inizjattivi ta' politika usa'.[18] Fl-aħħarnett, il-Prinċipji jagħmlu enfasi qawwija fuq il-ħolqien tal-proprjetà, liema enfasi tiġbor fi ħdanha l-awtoritajiet lokali, l-NGOs u l-komunitajiet Roma

Ir-razzjonalizzazzjoni tal-kwistjonijiet tar-Roma fil-politiki kollha rilevanti nazzjonali u Ewropej kif ukoll il-mobilizzazzjoni ta' strumenti ta' razzjonalizzazzjoni għall-inklużjoni tar-Roma jeħtieġu sforzi qawwija u riżorsi meħtieġa għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għat-tfassil ta' politiki u strumenti tal-futur. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, notevolment organizzazzjonijiet tar-Roma, jeħtieġu li jkunu involuti f'dan il-proċess fl-istadji kollha u fil-livelli kollha.

Biex il-proċessi jkunu iktar effettivi

Il-Kummissjoni sejra:

- tappoġġja l-Presidenzi suċċessivi tal-Kunsill biex il-Pjattaforma ssir dejjem iktar effettiva. Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ għal kull Presidenza fl-organizzazzjoni ta' laqgħa tal-Pjattaforma;

- tappoġġja l-Presidenzi fl-organizzazzjoni ta' samits marbuta mar-Roma fil-ġejjieni;

- tapplika l-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Inklużjoni tar-Roma meta jiġu ddisinjati, implimentati u evalwati l-politiki li huma rilevanti għall-inklużjoni tar-Roma;

- tesplora l-modi l-aktar effettivi sabiex tassigura fil-proċeduri interni tagħha li l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet tar-Roma fil-politika kollha rilevanti hija garantita;

- tippermetti lir-Roma stess biex jinfluwenzaw proċessi ta' politika, u dan anke permezz ta' kofinanzjament tal-operazzjonijiet ta' netwerk fil-livell Ewropew attivi li jirrappreżentaw lir-Roma;

L-IżVILUPP TA’ APRROċċI LI HUMA TA' MUDELL

Hemm provvista kbira u li dejjem qed tiżdied ta' esperjenza fl-UE fejn f'xi wħud jaħdmu l-interventi tal-politika u f'xi wħud ma jaħdmux. Madankollu dan l-għarfien għadu mhux faċilment aċċessibbli jew li jista' jintuża faċilment minn dawk li jfasslu l-politika pubblika. Barra minn hekk m'huwiex disponibbli f'forma li tkun faċilment adattata għal sitwazzjonijiet differenti. Il-komunitajiet tar-Roma fl-UE27 kif ukoll fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali m'humiex gruppi omoġenji. Din l-eteroġeneità tfisser li ma jistax ikun hemm strateġija unika: pjuttost hemm bżonn ta' approċċi diversi li jieħdu kont tal-fatturi ġeografiċi, tal-kuntesti ekonomiċi, soċjali, kulturali u legali.

Filwaqt li kull kuntest huwa uniku, jistgħu jiġu identifikati erba' tipi ewlenin:

- komunitajiet Roma li jgħixu f'distretti (sub) urbani żvantaġġati u b'konċentrazzjoni għolja, possibbilment qrib minoranzi etniċi oħrajn u membri żvantaġġati fil-konfront tal-oħrajn;

- komunitajiet Roma li jgħixu f'partijiet żvantaġġjati ta' bliet żgħar/rħula f'reġjuni rurali u b'mod partikolari f'żoni ("settlements") rurali segregati li jkunu iżolati mill-kumplament tal-belt/raħal;

- komunitajiet tar-Roma li jimxu minn post għal ieħor biċ-ċittadinanza tal-pajjiż jew ta' pajjiż ieħor tal-UE;

- komunitajiet tar-Roma li jimxu minn post għal ieħor jew li jkunu sedentarji Roma, li huma ċittadini ta' pajjiżi tat-tielet dinja, refuġjati, persuni apolidi jew li jkunu qed ifittxu l-ażil.

F'ħafna Stati Membri hemm jew diversi minn dawn it-tipi jew saħansitra dawn it-tipi kollha (għalkemm in-numru ta' komunitajiet li jimxu minn post għal ieħor huwa ġeneralment relattivament żgħir meta mqabbel mal-komunitajiet sedentarji). Fost il-komunitajiet differenti tar-Roma, l-iktar li huma esposti għal riskji għoljin huma in-nisa u t-tfal.

Kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi profondi, bħall-aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-impjieg indipendenti, u għal edukazzjoni ta' kwalità non-segregati, għad-djar u għas-servizzi tas-saħħa, huma vitali sabiex tkun żgurata l-inklużjoni tar-Roma kollha (bħal għall-persuni l-oħra kollha). Kwistjonijiet oħra, madankollu, bħan-nuqqas ta' dokumenti li jipprovaw il-pussess tal-art jew in-nuqqas ta' dokumenti ta' identità, huma aktar rilevanti għal xi tipi ta' komunità milli għal oħrajn.

Interventi ta' politika pubblika għandhom jieħdu inkonsiderazzjoni ukoll il-karatteristiċi tal-ambjenti urbani jew rurali fil-komunitajiet fejn jgħixu kif ukoll l-istatus legali tal-membri tagħhom. Pereżempju, it-titjib fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' tfal Roma fi skejjel ta' integrazzjoni (edukazzjoni u kura tat-tfal żagħar) jista' jitlob f'xi każi li jkunu provduti risorsi żejda lil dawk l-iskejjel partikolari, f'xi oħrajn it-tibdil tal-proċeduri ta' ammissjoni, tal-konfini tad-distretti tal-iskola, tal-provvista tat-trasport pubbliku, il-ħruġ ta' dokumenti ta' identità għall-ġenituri jew l-involviment ta' medjaturi interkulturali.

Għalhekk il-Kummissjoni beħsieba tgħin lil dawk li jfasslu l-politika billi tiżviluppa sett ta' approċċi bil-għan li dawn iservu ta' mudell. Kull mudell, mibni fuq l-aħjar prattika, jindirizza l-ħtiġijiet tat-tipi ewlenin tal-komunità tar-Roma, inklużi is-sottogruppi partikularment vulnerabbli tagħhom, u jissuġġerixxi l-interventi mmirati ta' politika pubblika l-aktar xierqa. Kull mudell se jidentifika l-atturi ewlenin u l-istrumenti legali u finanzjarji meħtieġa biex tkun implimentata aġenda ta' integrazzjoni lokali, reġjonali jew nazzjonali u jfassal inizjattivi possibbli sabiex jittejjeb l-aċċess tar-Roma għall-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u l-akkomodazzjoni. Dan ikun komplut permezz ta' lista ta' inizjattivi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, għall-applikazzjoni tal-integrazzjoni tas-sessi u biex jipprovdu protezzjoni għas-sotto-gruppi partikolarment vulnerabbli. Tkun mogħtija gwida dwar is-sorveljanza tal-implimentazzjoni u dwar kif għandu jkun ikkomunikat il-progress lill-kategoriji differenti tal-partijiet interessati.

L-applikazzjoni ta' dawn l-approċċi ta' mudell m'għandhiex tkun tkunx obbligatorja iżda l-Istati Membri ghandhom jitħeġġu biex jieħdu wieħed jew aktar minn dawn in konsiderazzjoni fl-istrutturar tal-politiki tagħhom tal-inklużjoni tar-Roma. Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Istati Membri dwar kif l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' dawn l-approċċi ta' mudell jistgħu jiġu integrati fil-Metodi Miftuħa ta' Koordinazzjoni eżistenti u fl-implimentazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u kif jistgħu jkunu sostnuti mill-istrumenti finanzjarji tal-UE.

Il-Kummissjoni se tiżviluppa dawn l-approċċi ta' mudell bl-għajnuna ta' kompetenza interna u esterna u ta' fora rilevanti, notevolment il-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Roma.

KONKLUżJONI

L-Unjoni Ewropea għandha bżonn li tibni fuq il-mobilizzazzjoni qawwija fl-istituzzjonijiet Ewropej, fl-Istati Membri u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fis-soċjetà ċivili fl-appoġġ għal integrazzjoni soċjali u ekonomika aħjar għar-Roma.

Kooperazzjoni akbar bejn l-atturi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali tista' żżid l-effettività tal-firxa ta' strumenti disponibbli fil-kisba tal-inklużjoni tal-komunitajiet tar-Roma. Il-Pjattaforma Ewropea għall-inklużjoni tar-Roma u l-Prinċipji Bażiċi Komuni jipprovdu bażi solida għat-tisħiħ ta' din il-kooperazzjoni.

Skont dawn il-Prinċipji, il-kwistjonijiet tar-Roma għandhom ikunu sistematikament integrati fl-istrateġiji rilevanti Ewropej u nazzjonali. Il-politiki li jżommu jew jippromwovu s-segregazzjoni tal-komunitajiet tar-Roma jew l-għoti ta' akkomodazzjoni, edukazzjoni jew servizzi oħra għar-Roma segregati għandhom jitwaqqfu. Dan madankollu ma jipprekludix il-provvediment ta' azzjoni mmirata jew miżuri ta' azzjoni pożittivi kif awtorizzati fil-leġislazzjoni relevanti tal-UE.

Il-kompitu speċifiku għall-Kummissjoni f'nofs it-terminu (2010-2012) huwa li tibni fuq l-esperjenza miksuba mill-valutazzjoni tal-impatt ta' strumenti nazzjonali u Ewropej u ta' politiki. Flimkien mal-impenji stabbiliti hawn fuq, se tagħmel dan partikolarment billi, l-ewwelnett, tiżviluppa sett ta' approċċi ta' mudell għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma, u, t-tieni, tassigura li l-preparazzjoni ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-2020 kif ukoll il-preparazzjoni ta' programmi fil-perjodu ta' finanzjament ġdid jipprovdu soluzzjonijiet għall-problemi speċifiċi tat-tipi differenti tal-komunitajiet tar-Roma.

[1] Skont il-Komunikazzjoni, ‘In-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs: Impenn imġedded" (COM(2008)420),

[2] Kunsilli Ewropej: Dokumenti tal-Kunsill 16616/1/07 u 11018/1/08 REV1 Affarijiet Ġenerali tal-Kunsill: Dokument tal-Kunsill 15976/1/08 REV 1, Impjiegi, Affarijiet Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur: Dokumenti tal-Kunsill 9721/2/09 REV2 u 10394/09.

[3] SEC(2010).

[4] Dokument tal-Kunsill10394/09, anness.

[5] Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEIR)

[6] SEC(2008) 2172.

[7] SEC(2010)….

[8] Deċiżjoni OSCE nru 3/30, Pjan ta' Azzjoni dwar it-Titjib tas-Sitwazzjoni tar-Roma u s-Sinti fiż-Żona OSCE (MC.DEC/3/03).

[9] B’mod partikolari: Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri 2006/10 (l-aċċess għall-kura tas-saħħa); 2005/4 (il-kundizzjonijiet tad-djar); 2004/14 (il-moviment u "l-ikkampjar" tal-Vjaġġaturi); 2001/17 (is-sitwazzjoni ekonomika u tal-impjieg); 2000/4 (edukazzjoni għat-tfal tar-Roma u Żingari); 1983/1 (in-nomadi mingħajr stat u nomadi ta' nazzjonalità mhux determinata); 1975/13 (is-sitwazzjoni soċjali tan-nomadi);.

[10] http://www.romadecade.org/decade_action_plans.

[11] Il-Grupp ta' Kuntatt Informali (ICG) huwa ko-organizzat mill-Presidenza tal-Kunsill u l-Kunsill tal-Ewropa. Huwa magħmul minn rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u inizjattivi multilaterali (l-organizzazzjonijiet tan-NU, il-Bank Dinji, l-OSCE, id-Deċennju għall-inklużjoni tar-Roma 2005-2015), l-Istati Membri (irrappreżentati mill-Presidenza ta' qabel, dik attwali u dik futuri), kif ukoll is-soċjetà ċivili. L-ICG huwa forum għal informazzjoni reċiproka dwar l-attivitajiet li għaddejjin fi ħdan il-kompetenza tal-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw.

[12] Il-Kummissjoni tuża l-messaġġ ewlieni "Ir-Roma fl-Ewropa: Inklużjoni ta' appoġġ għall-benefiċċju ta' kulħadd " għall-materjal speċifiku stampat u awdjoviżiv.

[13] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, b'mod partikolari l-Artikolu 16

[14] Opinjoni esploratorja, L-Integrazzjoni ta' Minoranzi Etniċi/Roma, SOC (263), EESC 1207/2008, paragrafu 5.3.

[15] Komunikazzjoni "Solidarietà fis-Saħħa: Tnaqqis tal-Inugwaljanzi tas-Saħħa fl-UE ", COM (2009) 567.

[16] L-Art. 9 tar-Regolament Ġenerali tal-Fondi Strutturali tal-UE.

[17] Dokument tal-Kunsill 10394/09, anness: b'mod partikolari il-Prinċipju Bażiku Komuni nru 2.

[18] Dokument tal-Kunsill 10394/09, anness: b'mod partikolari il-Prinċipju Bażiku Komuni nru 4.