52010DC0127




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 31.3.2010

KUMM(2010)127 finali

.

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Qafas ta' politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel

SEG(2010)379

RAZZJONAL

Fis-snin riċenti, il-ġuħ u l-malnutriment żdiedu; fl-2010, aktar minn biljun ruħ huma meqjusa li m'għandhomx sigurtà tal-ikel. L-insigurtà tal-ikel taffettwa l-iżvilupp uman, l-istabbiltà soċjali u politika, u l-progress sabiex jinkisbu l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju (l-MDGs). B'mod partikolari, stati fraġli, jaffaċċjaw għadd ta' diffikultajiet sabiex jilħqu l-MDG 1 - biex jeqirdu l-faqar estrem u l-ġuħ.

Il-prezzijiet tal-ikel li sparaw 'il fuq fis-swieq globali fl-2007-08 biddlu l-ħsieb dwar is-sigurtà globali tal-ikel. It-Task Force ta' Livell Għoli (HLTF) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar il-Kriżi għas-Sigurtà Globali tal-Ikel twaqqaf biex itejjeb il-koordinazzjoni fi ħdan in-NU; tnediet is-Sħubija Globali dwar l-Agrikoltura, is-Sigurtà tal-Ikel u n-Nutriment (GPAFSN); u l-mexxejja tal-G8 qablu dwar aġenda komprensiva dwar is-sigurtà tal-ikel fis-Sammit fl-Aquila fl-2009.

L-Unjoni Ewropea (UE) irreaġixxiet għall-isfidi li qed jiżdiedu fis-sigurtà tal-ikel permezz ta' 'Faċilità tal-Ikel'[1] ta' EUR 1 biljun addizzjonali, biex tappoġġja dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li kienu l-agħar milquta. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma, u kienu għal bosta snin, l-aktar atturi importanti u affidabbli fis-sigurtà tal-ikel dinji, kemm finanzjarjament kif ukoll politikament.

L-iżviluppi riċenti u l-isfidi fil-futur jeħtieġu politika tas-sigurtà tal-ikel komuni ġdida, aktar tisħiħ tat-tmexxija tal-UE fl-aġenda globali tas-sigurtà tal-ikel, u titjib fl-effettività tal-għajnuna tal-UE, f'konformità mat-Trattat ta' Liżbona[2], l-inizjattiva tal-UE2020[3] u l-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp[4]. L-isfidi futuri għas-sigurtà tal-ikel jinkludu żidiet tal-popolazzjoni, pressjonijiet fuq ir-riżorsi naturali u servizzi tal-ekosistema, u impatti negattivi tat-tibdil tal-klima fuq l-agrikoltura, li taffettwa l-kundizzjonijiet tat-tkabbir tal-prodotti u tagħmel neċessarji miżuri ta' adattament. Barra minn hekk, kwistjonijiet ewlenin fl-aġenda kurrenti tas-sigurtà tal-ikel, bħan-nutriment, il-volatilità tal-prezzijiet, il-ħarsien soċjali u miżuri ta' sigurtà, bijofjuwils, is-sikurezza tal-ikel, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-akkwist tal-art fuq skala kbira, u l-kunċett tad-"Dritt tal-Ikel"[5] jeħtieġu integrazzjoni fil-qafas ta' politika ġenerali.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li jipprovdi qafas ta' politika komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha fil-ġlieda kontra l-ġuħ u l-malnutriment dinji, u b'hekk tikkontribwixxi sabiex jinkiseb l-MDG 1. Din hija koerenti ma' karti tematiċi oħra (fuq l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sessi u l-governanza tat-taxxi) u l-pakkett tal-Iżvilupp tar-Rebbiegħa 2010, li flimkien jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-UE għall-Attività ta' Livell Għoli dwar l-MDGs f'Settembru tal-2010. Din il-Komunikazzjoni hija kumplimentata minn Komunikazzjoni dwar L-Għajuna Umanitarja tal-Ikel[6], li tiffoka fuq kuntesti ta' emerġenza u post-emerġenza.

STRATEĠIJA KOMPRENSIVA GĦAS-SIGURTÀ TAL-IKEL

Il-qafas propost ta' politika jindirizza l-isfidi tas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kemm f'kuntesti rurali kif ukoll urbani madwar l-erba' pilastri[7] rikonoxxuti internazzjonalment permezz ta' : 1) żieda fid-disponibbiltà tal-ikel; 2) titjib fl-aċċess għall-ikel; 3) titjib fin-nutriment tal-ikel ikkonsmat; u 4) titjib fil-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kriżijiet. Dan huwa bbażat fuq il-prinċipji ta' Ruma dwar is-sigurtà tal-ikel[8]. B'mod partikolari, huwa jirrikonoxxi li l-istrateġiji tas-sigurtà tal-ikel jeħtieġ li jkunu speċifiċi għall-pajjiżi, u jelaboraw fuq bilanċ xieraq bejn l-appoġġ għall-produzzjoni nazzjonali u li l-bżonnijiet tal-ikel jiġu koperti bil-kummerċ.

Il-progress dwar is-sigurtà tal-ikel u l-kisba tal-MDG1 ma kienx uniformi ġeografikament u bejn il-gruppi ta' popolazzjoni differenti. Għalkemm hemm sfidi għas-sigurtà tal-ikel madwar id-dinja, l-akbar progress li għad irid isir huwa fl-Afrika u fil-pajjiżi f'sitwazzjonijiet fraġli. Skont ir-Rapport tal-MDG tal-2009[9], il-proporzjon ta' popolazzjoni malnutrita fl-Afrika ta' taħt is-Saħħara, naqas minn 32% (1990-92) għal 29% fl-2008. Iċ-ċifri kumparabbli għall-Asja tan-Nofsinhar, ir-reġjun bit-tieni l-ogħla rati ta' malnutriment, kienu 24% u 21% rispettivament[10]. Barra minn hekk, l-aħħar ċifri għall-pajjiżi fraġli juru rata ta' malnutriment ta' 31.4% meta mqabbla mal-14.5% għall-pajjizi mhux fraġli. Filwaqt li l-malnutriment għadu fil-parti l-kbira fenomenu rurali, l-urbanizzazzjoni timplika li, fl-aħħar mill-aħħar, l-insigurtà tal-ikel x'aktarx li se tiżdied fiż-żoni urbani.

L-azzjoni tal-UE jeħtieġ li tagħti prijorità lil dawk il-pajjiżi li m'għandhomx sigurtà tal-ikel u li jinsabu l-aktar lura sabiex jiksbu l-MDG1, b'mod partikolari fl-Afrika u fl-Asja tan-Nofsinhar u f'postijiet oħra (eż. il-Bangladexx, il-Kambodja, Ħaiti, in-Nepal, Timor Leste)[11]. Minħabba n-natura tal-MDGs relatati li għadhom lura milli jintlaħqu, ikun meħtieġ investiment speċjali fin-nisa[12].

Barra minn hekk, l-evidenza[13] turi li l-investiment fis-setturi tal-utent żgħir jagħtu l-aħjar riżultati f'termini ta' tnaqqis tal-faqar u tkabbir. Dan il-qafas ġdid tal-UE għalhekk jikkonċentra fuq li jżid id-dħul tal-bdiewa żgħar u r-reżistenza tal-komunitajiet vulnerabbli, u jappoġġja l-almu tal-pajjiżi li jagħtu prijorità lill-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel fl-isforzi ta' żvilupp tagħhom.

Inżidu d-disponibbiltà tal-ikel

Il-popolazzjoni dinjija hija stmata li se tilħaq id-9 biljuni sal-2050, u hekk kif qed jinbidlu d-dieti u jiżdied id-dħul, id-domanda għall-ikel x'aktarx li tikber b'70%[14]. Dan jeħtieġ żieda mgħaġġla fil-produzzjoni agrikola, inkluż fil-pajjiżi fejn il-popolazzjonijiet qed jikbru bl-aktar rata mgħaġġla. F'ħafna minn dawk il-pajjiżi, il-limitazzjonijiet fir-riżorsi naturali, li qed isiru agħar bit-tibdil fil-klima, iġibu aktar pressjoni fuq l-użu effiċjenti ta' dawk ir-riżorsi.

Il-parti l-kbira tal-foqra u dawk bil-ġuħ jgħixu f'żoni rurali, fejn l-agrikoltura - inkluż il-ħxejjex, l-annimali, is-sajd u l-forestrija - huma l-attivitajiet ekonomiċi ewlenin. Il-biedja fuq skala żgħira hija dominanti: madwar 85% tal-bdiewa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jipproduċu fuq anqas minn 2 ettari ta' art. Sistemi żgħar imħallta bejn ħxejjex u annimali jipproduċu madwar nofs l-ikel tad-dinja[15]. Għalhekk, is-sostenibbiltà tal-produzzjoni tal-ikel fuq skala żgħira għandha tkun il-punt fokali tal-għajnuna tal-UE biex tiżdied id-disponibbiltà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Din għandha għadd ta' effetti fosthom li jiżdied id-dħul u s-saħħa tal-produtturi rurali, li l-ikel ikun disponibbli għall-konsumaturi, u li tinżamm jew titjieb il-kwalità ambjentali. Meta tappoġġja l-agrikoltura fuq skala żgħira, l-għajnuna tal-UE għandha tagħti prijorità lill-istrateġija ta' intensifikazzjoni li hija sostenibbli u ekoloġikament effiċjenti, filwaqt li tirrispetta l-funzjonijiet diversi tal-agrikoltura. Dan ifisser fost l-oħrajn l-ottimizzar tal-kontribut agrikolu, immaniġġjar integrat tal-insetti u annimali qerrieda, immanniġġjar aħjar tal-ħamrija u l-ilma u varjetajiet ta' ħxejjex reżistenti għall-istress[16]. Sabiex din l-istrateġija tikseb suċċess, il-produzzjoni trid titqies fil-kuntest tal-katina tal-valur, b'aċċess adegwat għall-iffinanzjar, għall-ipproċessar u s-swieq, fejn l-intrapriżi żgħar u medji u r-rwol ta' mikro-finanzjar jista' jkollhom rwol ewlieni. Bil-kundizzjonijiet it-tajba, is-sħubiji pubbliċi-privati jista' jkollhom rwol importanti sabiex tiżdied il-produttività agrikola. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ukoll jappoġġjaw inizjattivi li jnaqqsu t-telf wara l-ħsad, itejbu l-kapaċità tal-ħażna u jindirizzaw is-sikurezza tal-ikel u preokkupazzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali.

L-aċċess sigur għall-art u ż-żamma sigura tal-art u d-drittijiet tal-użu huma prekundizzjonijiet għal produttività ogħla ta' rziezet żgħar. Politiki u liġijiet tal-art nazzjonali effettivi huma essenzjali, u jeħtieġ li l-gvernijiet jagħtu prijorità lill-art. Fejn il-pajjiżi jiżviluppaw politiki dwar l-agrikoltura, l-art, u il-bijofjuwils, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jisħqu li dawn il-politiki jindirizzaw it-tħassib dwar id-disponibbiltà u l-aċċess għall-ikel u li jistimulaw l-integrazzjoni tal-irziezet żgħar fil-katina tal-produzzjoni.

Barra minn hekk, prinċipji rikonoxxuti internazzjonali għandhom jiggwidaw lill-investituri, lill-pajjiżi ospitanti u partijiet interessati oħra sabiex l-investiment fl-agrikoltura jirrispetta d-drittijiet tal-bnieden, l-għixien u r-riżorsi. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp ta' prinċipji maqbula internazzjonalment għal investimenti responsabbli fl-art agrikola, bażati fuq Linji gwida tal-Politika dwar l-Art[17] eżistenti. Fl-Afrika, l-implimentazzjoni tal-Linji gwida għall-Politika dwar l-Art[18] tal-2009 se jiġu appoġġjati. Il-gvernijiet fil-pajjiżi sieħba, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa u partijiet interessati oħra se jiġu nkuraġġiti biex jagħmlu għażliet bażati fuq l-informazzjoni sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-investimenti esteri sabiex jimmassimizzaw il-benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali għall-pajjiż.

Iż-żieda fid-disponibbiltà tal-ikel timplika riċerka u innovazzjoni, bażati fuq id-domanda, fis-settur pubbliku, sabiex tingħata biżżejjed attenzjoni lit-tagħrif tradizzjonali u prodotti agrikoli diversi (inkluż varjetajiet lokali), u biex jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet ikunu aċċessibbli għall-bdiewa u adatti għall-bżonnijiet tagħhom. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni li għandhom benefiċċji ċari għall-bdiewa żgħar, inkluż it-tisħiħ tal-addattament għall-bidla fil-klima u titjib fit-tolleranza għall-istress, nuqqas ta' xita u għargħar, filwaqt li tinżamm bijodiversità wiesgħa tal-ħxejjex u l-varjetajiet u l-aċċess għalihom. L-appoġġ għandu jieħu kont tal-bżonnijiet u l-preokkupazzjonijiet imsemmija tal-pajjiżi benefiċjarji, bażati fuq id-disponibbiltà li għandhom għal informazzjoni newtrali dwar ir-riskji u l-benefiċċji ta' teknoloġiji ġodda, kif ukoll oqfsa regolatorji nazzjonali sodi u l-kapaċità li jiġu infurzati. Ir-reġim ta' propjetà intelletwali li jimmassimizza l-aċċess mill-bdiewa foqra għat-teknoloġiji l-ġodda għandu jiġi appoġġjat ukoll. Barra minn hekk, għandha ssir esplorazzjoni tas-sinerġiji bejn l-addattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, flimkien mal-iżvilupp ta' strutturi ta' inċentivi, billi per eżempju ssir rabta bejn l-agrikoltura u s-swieq tal-karbonju.

Il-kummerċ internazzjonali jista' jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għad-disponibbiltà tal-ikel billi jżid l-ammont u l-varjetà tal-ikel fis-suq. Id-disponibbiltà tal-ikel tista' titjieb bl-integrazzjoni reġjonali tas-swieq agrikoli u tal-ikel, biex b'hekk jiġu ffaċilitati l-flussi tal-kummerċ minn oqsma ta' ikel żejjed għal dawk ta' ikel nieqes. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw l-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjonijiet tal-politiki, ir-regoli u r-regolamenti, sabiex ikun hemm politiki agrikoli integrati reġjonalment. Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu li minħabba l-preokkupazzjonijiet tas-sigurtà tal-ikel, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll reġjonali, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jagħmlu użu tal-ispazju ta' politika ta' kummerċ eżistenti, inkluż permezz tal-miżuri konfinali. L-għan għandu jkun ta' katina sostenibbli bejn l-agrikoltura u l-ikel .

Intejbu l-aċċess għall-ikel

L-aċċess għall-ikel għandu jitjieb primarjament billi jitjiebu l-impjiegi u l-opportunitajiet ta' dħul bi qligħ kemm fiż-żoni rurali kif ukoll urbani, inkluż permezz tad-diversifikazzjoni u l-kummerċ, u hekk numru akbar ta' nies ikunu kapaċi jixtru l-ikel. Dan għandu jkun kumplimentat b'mekkaniżmu ta' trasferiment soċjali. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jgħinu lill-pajjiżi sieħba jistabbilixxu u joperaw mekkaniżmi soċjali għall-appoġġ ta' gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, speċjalment nisa. L-esperjenzi minn mekkaniżmi li kisbu suċċess jistgħu jinqasmu u jiġu appoġġjati sistemi li jaħdmu. Għandha tingħata attenzjoni lill-istrateġiji biex wieħed ikun jista' joħroġ mill-mekkaniżmi ta' sikurezza. Il-mekkaniżmi jridu jkunu effettivi, flessibbli u jistgħu jintlaħqu finanzjarjament, u jippermettu espansjoni mgħaġġla fi żmien ta' kriżi. Normalment għandhom jinvolvu dimensjoni nutrizzjonali importanti, partikolarment billi jgħinu lil dawk li nutrizzjoni adatta jkollha effetti pożittivi fuq il-kisba tal-MDGs 4 (tnaqqis tal-mortalità tat-tfal) u 5 (titjib tas-saħħa materna).

Fiż-żoni rurali, jistgħu jinħolqu impjiegi permezz tal-agro-proċessar, l-aktar f'intrapriżi żgħar u medji u faċilitati permezz ta' aċċess imtejjeb għas-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, jistgħu jiġu żviluppati mekkaniżmi ta' sikurezza rurali[19] għal familji vulnerabbli, li jistgħu joħolqu x-xogħol. Miżuri ta' sikurezza produttivi ikollhom benefiċċju doppju li jtejbu l-kunduzzjonijiet tal-produzzjoni rurali u li jtejbu l-aċċess dirett għall-ikel.

B'mod ġenerali, l-aċċess għall-ikel jista' jitjieb billi tiġi applikata l-istrateġija tad-"Dritt għall-Ikel", kif indikat fil- Linjigwida Volontarji għall-appoġġ tat-twettiq progressiv tad-Dritt tal-Ikel fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel nazzjonali[20] . L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw l-applikazzjoni tagħha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw inkluż "id-dritt għall-ikel" bażata fuq oqfsa politiċi u legali. Dan ifisser strateġiji ta' appoġġ li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-ġuħ, u jagħtu s-setgħa lill-gruppi marġinalizzati fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi nazzjonali, kif ukoll it-twaqqif u tisħiħ ta' mekkaniżmi ta' rimedju.

Intejbu l-adegwatezza tan-nutriment tal-ikel konsmat

Huwa stmat li l-malnutriment huwa responsabbli għall-mewt ta' 3.5 miljun mara u tfal fis-sena[21] u terz tal-kawża tal-mard fost it-tfal ta' taħt il-ħames snin. In-nuqqas ta' vitamini u minerali[22] jaffettwa sa żewġ biljun persuna madwar id-dinja. L-agħar effetti tal-malnutriment iseħħu matul it-tqala u matul l-ewwel sentejn tal-ħajja; l-impatt li jkollu fuq l-iżvilupp fiżiku u konjittiv huwa spiss irriversibbli. Trid tingħata prijorità lill-intervenzjonijiet li jindirizzaw it-tqala u nisa li jreddgħu kif ukoll tfal taħt il-ħames snin (enfasi aktar qawwi fuq dawk taħt l-età ta' sentejn)[23].

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw il-formulazzjoni ta' politiki u strateġiji ta' nutriment, taħriġ dwar in-nutriment, edukazzjoni, u t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn l-agrikoltura, is-saħħa, l-edukazzjoni u s-setturi tal-ħarsien soċjali. Programmi agrikoli futuri għandhom jinkludu d-dimensjoni nutrizzjonali. Dan jista' jfisser it-tisħiħ tad-diversifikazzjoni ta' l-agrikoltura fuq skala żgħira, il-promozzjoni tal-produzzjoni ta' ikel li fih ħafna mikronutrijenti, speċjalment varjetajiet u speċi lokali, il-monitoraġġ ta' riżultati relatati man-nutriment, u/jew l-appoġġ tar-riċerka agrikola li ssir mill-perspettiva tan-nutriment.

It-tmexxija politika u l-koordinazzjoni fis-setturi differenti fil-livell ta' pajjiż, li jwasslu għal azzjoni fis-setturi differenti, huma kruċjali sabiex in-nutriment jiġi integrat fl-istrateġija u l-programmi tal-pajjiż fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jippromwovu r-rabtiet mal-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa li jinkludu servizzi bażiċi relatati man-nutriment u l-monitoraġġ tal-istatus tan-nutriment fil-popolazzjoni.

2.4 Intejbu l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet

Il-produtturi u l-komunitajiet rurali jeħtieġ li jkunu jifilħu għall-effett tal-kriżijiet relatati mal-ikel. Filwaqt li r-rispons għaż-żmien immedjat spiss jeħtieġ il-mobilizzazzjoni ta' strumenti umanitarji ad hoc , hemm bżonn li jinbnew u li ssir manutenzjoni għal mekkaniżmi u kapaċitajiet oħra sabiex jitnaqqas ir-riskju li jseħħu l-kriżijiet u biex jiġu mmaniġġjati l-effetti tagħhom. Rabta mill-qrib bejn l-atturi u l-istrumenti umanitarji u tal-iżvilupp hija essenzjali u għandha tiġi promossa permezz tal-prinċipji tar-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD)

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iżidu l-isforzi tagħhom għall-appoġġ tal-integrazzjoni reġjonali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba li l-integrazzjoni reġjonali hija mezz ieħor ta' kif jistgħu jitnaqqsu l-effetti ekonomiċi, politiċi u tas-sigurtà tal-ikel fil-kriżijiet.

Is-sistemi ta' twissija bikrija nazzjonali jew reġjonali li kapaċi jbassru diżastri imminenti jeħtieġ li jissaħħu jew jiġu żviluppati fejn ma jeżistux, u jiġu konnessi aħjar ma' organizzazzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet u ta' rispons. Fejn issir konnessjoni tad-dejta tat-temp mal-informazzjoni nutrizzjonali, ħxejjex u mard tal-annimali u mal-prezzijiet tas-suq, is-sistema trid tkun tiġbor dejta mil-livelli kollha, inkluż fil-livell ta' komunità. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw il-monitoraġġ u s-sistemi ta' informazzjoni marbuta mat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż permezz tax-xogħol tal-Kummissjoni[24].

Il-politiki biex tiġi indirizzata l-isfida tal-volatilità tal-prezzijiet jistgħu jindirizzaw jew il-volatilità nfisha jew l-impatti tagħha. Biex titnaqqas il-volatilità, il-proporzjon tal-ħażna paragunat mal-użu jrid jittejjeb billi jinħolqu kundizzjonijiet għal żidiet fil-produzzjoni u livelli adegwati ta' stokk li jinżammu l-aktar min-negozjanti privati. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' prodotti tal-ikel bażiċi għandha tkun skuraġġita. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkontribwixxu għal suq tal-ikel imtejjeb li jaħdem fil-livelli globali, reġjonali u nazzjonali. Dan jinkludi rispons permezz ta' trasparenza tas-suq (informazzjoni dwar il-produzzjoni, riżervazzjoni, prezzijiet, eċċ.), promozzjoni tal-ħażna, u riżervi tal-ikel lokali/nazzjonali fejn adatt u fejn possibbli. L-impatt tal-volatilità tal-prezzijiet jista' jitnaqqas billi jintużaw firxa ta' miżuri, inkluż it-twaqqif ta' miżuri ta' sikurezza fuq skali differenti, sistemi ta' informazzjoni tas-sigurtà tal-ikel, l-użu ta' assigurazzjoni (temp, indiċi), u kapaċità mtejba tal-użu tal-istrumenti ta' mmaniġġjar tar-riskju tal-prezzijiet.

MASSIMIZZAR TAL-EFFETTIVITÀ TAL-INVESTIMENTI FIS-SIGURTÀ TAL-IKEL

Tliet settijiet ta' kundizzjonijiet għall-massimizzar tal-effettività tal-investimenti fis-sigurtà tal-ikel jeħtieġu iffokar mill-UE u l-Istati Membri tagħha.

Politiki u strateġiji nazzjonali u reġjonali agrikoli u dwar is-sigurtà tal-ikel

Sabiex jinkisbu dawn ir-riżultati b'mod tanġibbli, il-programmi ta' assistenza jeħtieġ li jappoġġjaw politiki u riformi nazzjonali u reġjonali fil-qasam tal-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel, u f'oqsma relatati bħall-art, l-ilma u l-bijofjuwils, filwaqt li jieħdu kont tal-isfidi tat-tibdil fil-klima. Min-naħa l-oħra dawn jeħtieġ li jkunu parti integrali mill-istrateġiji ġenerali tat-tnaqqis tal-faqar. L-għanijiet u l-miri tas-sigurtà tal-ikel għandhom ikunu integrati aħjar fil-politiki settorali tal-pajjiżi sieħba bħall-oqsma tat-trasport, infrastruttura, sajd, saħħa u edukazzjoni. Huwa essenzjali li l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, is-soċjetà ċivili, is-settur privat, gruppi vulnerabbli u partijiet interessati oħra jkunu involuti fl-iżvilupp u r-reviżjoni ta' dawn il-politiki. F'dan ir-rigward, l-għajnuna tal-iżvilupp tal-UE għandha tkun użata biex tappoġġja l-kapaċità tal-iżvilupp tal-politika u mekkaniżmu ta' koordinazzjoni inter-settorali.

Fl-Afrika, il-prinċipji t'hawn fuq ġew minquxa fil-Programm Komprensiv għall-Iżvilupp Agrikolu tal-Afrika (CAADP), appoġġjat mill-UE u l-Istati Membri tagħha sa mill-2007[25]. L-appoġġ tal-UE għas-CAADP għandu jkun intensifikat. Fl-Asja, l-inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali dwar in-nutriment għandhom jiġu rinfurzati.

Armonizzar tal-intervenzjonijiet tal-UE

L-istrateġija tal-UE għas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw trid tiġi ankrata fil-prinċipji tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna, l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni, kif ukoll bħal fil-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar id-Diviżjoni tax-Xogħol. L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jidentifikaw ir-reġjuni u l-pajjiżi fejn il-ħidmiet jinqasmu bażati fuq il-vantaġġ komparattiv u l-azzjonijiet koordinati taħt il-gwida tad-donatur ewlieni.

Kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom għadd ta' oqfsa ta' politika u strumenti ta' finanzjar biex jgħinu l-pajjiżi sieħba jlaħħqu mal-insigurtà tal-ikel. Aktar armonizzazzjoni tal-politiki u aktar kumplimentarità tal-istrumenti, kif ukoll koordinament mal-investimenti privati, għandhom iwasslu għal aktar azzjoni effettiva.

Il-Koerenza Politika għall-Iżvilupp[26] (PCD) dwar is-sigurtà tal-ikel se tiġi promossa permezz ta' firxa ta' strumenti ta' politika, inkluż l-argikoltura, il-kummerċ, is-sajd, it-tibdil fil-klima, l-ambjent u r-riċerka. Ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni għandha koerenza mtejba, u r-riformi futuri se jkomplu jieħdu kont tal-għanijiet globali tas-sigurtà tal-ikel. Ir-riforma futura tal-Politika tas-Sajd Komuni se żżid aktar il-koerenza bejn il-politiki u l-prattiċi tas-sajd tal-Ewropa u l-għanijiet tal-iżvilupp. Finalment, konklużjoni bilanċjata, komprensiva u ambizzjuża tal-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha ssaħħaħ is-sistema internazzjonali ta' kummerċ, b'effetti benefiċjali fuq is-sigurtà tal-ikel.

Intejbu l-koerenza tas-sistema ta' governanza internazzjonali

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom itejbu l-koerenza tal-governanza internazzjonali tas-sigurtà tal-ikel u jappoġġjaw riforma rapida tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Ikel Dinji (CFS) bħala l-korp ċentrali dwar is-sigurtà tal-ikel. Ir-riforma tas-CFS għandu jkollha l-għan li tikseb rwol ġenerali f'oqsma speċifiċi oħra li għandhom implikazzjoni fuq is-sigurtà tal-ikel, inkluż l-għajnuna tal-ikel u n-nutriment.

Hemm ukoll il-bżonn li jiġu raġunati aktar il-prijoritajiet tat-tliet aġenziji tan-NU bażati f'Ruma (l-FAO, id-WFP, l-IFAD) u biex titjieb il-kooperazzjoni tagħhom biex jinħolqu s-sinerġiji. Ir-riforma tas-sistema tan-NU u r-reviżjoni li għaddejja dwar ir-rwol u l-prijoritajiet tal-FAO joffru opportunitajiet biex jitjiebu l-kwalità u l-effettività. L-UE għandha tkompli l-kollaborazzjoni mill-qrib tagħha mas-Segretarjat Ġenerali tan-NU dwar kwistjonijiet tas-sigurtà tal-ikel u għandha ssaħħaħ id-djalogu tagħha mal-aġenziji bażati Ruma, tappoġġja aktar koordinazzjoni bejniethom u, fejn meħtieġ, tiffoka mill-ġdid il-mandati u l-attivitajiet tagħhom fuq il-vantaġġi kumparattivi; l-FAO primarjament fuq it-tagħrif u pariri ta' politika, l-IFAD fuq l-investiment sostenibbli fit-tul u d-WFP fuq sitwazzjonijiet ta' emerġenza u fraġilità.

PRIJORITAJIET

Għaxar snin mill-addozzjoni tal-MDGs, l-UE teħtieġ li żżid il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel. Fi ħdan dan il-qafas ta' politika, il-prijorità tal-UE għandha tkun li tappoġġja s-sigurtà tal-ikel f'pajjiżi fraġli. Din hija ta' prijorità partikolari fl-Afrika, fejn kważi 80% tal-persuni malnutriti jgħixu f'pajjiżi fraġli, u f'partijiet tan-Nofsinhar tal-Asja. Biex tkun effettiva, l-għajnuna trid tiġi adattata għall-kuntest tal-pajjiż u tgħaqqad il-politika u l-iżvilupp strateġiku mal-għoti tas-setgħa lil dawk l-aktar vulnerabbli. Filwaqt li għandhom jiġu indirizzati l-erba' pilastri, l-UE għandha tagħti prijorità lil erba' dimensjonijiet wiesgħa u relatati: l-iżvilupp agrikolu fuq skala żgħira, il-governanza, l-integrazzjoni reġjonali, u mekkaniżmu ta' għajuna għall-popolazzjonijiet vulnerabbli. F'dawn l-oqsma l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaraw li jkun hemm:

Titjib tar-reżistenza tal-bdiewa żgħar u l-għixien rurali

- Iffokar fuq intensifikazzjoni agrikola effiċċjenti ekoloġikament għall-bdiewa żgħar, u b'mod partikolari għan-nisa, billi jiġi provdut appoġġ għal politiki nazzjonali effettivi u sostenibbli, strateġiji u oqfsa legali, u għal aċċess sostenibbli u ugwali għar-riżorsi, inkluż l-art, l-ilma, (mikro) kreditu u kontributi agrikoli oħra.

- Żieda sostanzjali fl-appoġġ għal riċerka agrikola bażata fuq id-domanda bil-għan li l-iżvilupp, l-estensjoni u l-innovazzjoni jiżdiedu b'50% sal-2015. Ir-riċerka fil-qasam pubbliku għandha tibbaża fuq tagħrif tradizzjonali u fuq teknoloġiji ġodda. M'għandhiex tippromwovi teknoloġiji li m'humiex sostenibbli jew li huma inkompatibbli mal-kapaċitajiet nazzjonali biex jiġu regolati u mmaniġġjati r-riskji.

- Jappoġġjaw b'mod attiv aktar parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tal-bdiewa fit-tfassil tal-politika u programmi ta' riċerka u jiżdied l-involviment tagħhom fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi tal-gvern. F'dan il-kunest ir-rabtiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa tal-UE u dawk mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiġu promossi.

- Flimkien mas-sieħba, jitjiebu l-kundizzjonijiet regolatorji u istituzzjonali għal investimenti privati responsabbli fl-istadji kollha tal-katina tal-valur agrikola u stimulazzjoni tal-investimenti pubbliċi-privati. Il-progress ikun sorveljat u diskuss fil-qafas tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ta' Governanza.

Appoġġ tal-governanza effettiva

- Jiżdied sostanzjalment l-appoġġ għas-CAADP billi tiġi applikata d-diviżjoni tax-xogħol fil-pajjiżi kollha bażati fuq l-agrikoltura tal-Afrika ta' taħt is-Saħħara sal-2015.

- Titnieda inizjattiva konġunta mal-UA biex tiġi aċċelerata l-implimentazzjoni tal-Linjigwida tal-Politika Afrikana dwar l-Art. Dan għandu jinkludi pjan biex jiġu implimentati l-prinċipji u l-aqwa prattiċi għal investimenti sostenibbli fuq skala kbira fl-art agrikola.

- Appoġġ ta' inizjattivi nazzjonali u internazzjonali għad-definizzjoni tal-prinċipji u l-kodiċi ta' kondotta li jiggvernaw investimenti sostenibbli domestiċi u esteri fuq skala kbira fl-art agrikola, b'iffokar fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-art, aċċess sigur għall-art u riżorsi naturali oħra għal bdiewa zgħar u komunitajiet pastorali u dwar immaniġġjar sostenibbli ta' dawn ir-riżorsi.

- Fil-livell dinji, appoġġ għar-riforma tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Ikel Dinji (CFS) biex isir l-istituzzjoni ewlenija għall-koordinazzjoni tal-inizjattivi globali tas-sigurtà tal-ikel.

- Appoġġ ta' koordinazzjoni bejn l-aġenziji tan-NU bażati Ruma.

Appoġġ għall-agrikoltura reġjonali u l-politiki tas-sigurtà tal-ikel

- Appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazjoni tal-politiki u l-istrateġiji agrikoli fil-livell reġjonali, inkluż l-immaniġġjar tal-bhejjem u s-sigurtà tal-ikel, biex tiżdied l-integrazzjoni tal-ikel reġjonali u s-swieq agrikoli. Titjib fid-djalogu ta' politika ma' organizzazzjonijiet reġjonali dwar l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u n-nutriment.

- Rinfurzar tas-sistemi ta' informazzjoni reġjonali u nazzjonali biex jiġu appoġġjati l-politiki ta' agrikoltura, tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutriment, u dak għal għanijiet ta' twissija bikrija.

Tisħiħ tal-mekkaniżmu ta' għajnuna għal gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni

- Appoġġ għall-pajjiżi biex jistabbilixxu u joperaw politiki tat-trasferiment soċjali mmirati u flessibbli adattati għall-kuntest lokali. Fejn possibbli, għajnuna soċjali għandha tipprovdi opportunitajiet għar-reċipjenti biex jgħaddu għal sitwazzjoni ta' qligħ ekonomiku li tiżgura aċċess sostenibbli għall-ikel.

- Promozzjoni ta' integrazzjoni aħjar tan-nutriment fil-politiki ta' żvilupp, inkluż l-edukazzjoni, is-saħħa u bini ta' kapaċitajiet relatati.

- Provvediment ta' appoġġ speċifiku lill-pajjiżi fi tranżizzjoni u fraġilità bl-użu tal-prinċipji LRRD.

[1] COM(2010)81 għar-rapport dwar il-progress.

[2] Artikolu 210

[3] COM(2010)2020.

[4] 2006/C 46/01.

[5] L-Artikolu 11 tal-Patt tan-NU dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, (1966/1976).

[6] COM(2010)126

[7] L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikultura (il-FAO) 1996. Id-Dikjarazzjoni ta' Ruma dwar is-Sigurtà Dinjija tal-Ikel u s-Sammit Dinji dwar Pjan ta' Azzjoni għall-Ikel.

[8] Dikjarazzjoni tas-Sammit Dinji dwar is-Sigurtà tal-Ikel, 2009.

[9] NU, Rapport tal-2009 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju.

[10] F'numri assoluti, aktar minn nofs tal-persuni malnutriti (642 miljun fl-2009) qed jgħixu fl-Asja u fil-Paċifiku; proporzjonalment, iċ-ċifri huwa meqjusa ogħla fl-afrika fejn il-progress kien anqas jidher fl-aħħar għaxar snin.

[11] Statistiċi tan-NU dwar il-progress lejn l-MDGs, żur www.devinfo.info/mdginfo2009/

[12] Ara wkoll SEC(2010) 265

[13] Bank Dinji - Rapport tal-2008 tal-Bank Dinji

[14] FAO, 2009. Kif nitimgħu d-dinja fl-2050.

[15] Science 12 ta' Frar 2010: p 822-825.

[16] L-Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien Agrikolu, ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Iżvilupp, 2009.

[17] Inkluż 'Linjigwida tal-UE għall-appoġġ tat-tfassl tal-politika dwar l-art u l-proċessi ta' riforma tal-politika dwar l-art fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw' tal-2004.

[18] AU/ADB/ECA, Qafas u Linjigwida dwar il-Politika dwar l-Art fl-Afrika, appoġġjati mis-Sammit tal-UA ta' Lulju tal-2009.

[19] Inkluż uħud 'produttivi' li jużaw ix-xogħol għall-kostruzzjoni jew il-manutenzjoni tal-infrastruttura rurali.

[20] adottata fl-2004 mill-Kunsill tal-FAO

[21] Lancet 2008; 371: p 243-60.

[22] jodju, ħadid, żingu, vitamini A, B u vitamini oħra eċċ.

[23] COM(2010)xxx 'Ir-rwol tal-UE fis-Saħħa Globali'

[24] Ara x-xogħol konġunt tal-IPC (Klassifikazzjoni tal-Fażi tas-sigurtà tal-ikel integrata), ara http://www.ipcinfo.org/

[25] COM(2007)440.

[26] Programm ta' Ħidma tal-PCD 2010-2013, April 2010