2.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 351/321


L-Erbgħa 7 ta’ Lulju 2010
Superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja u twaqqif ta' Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ***I

P7_TA(2010)0271

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar superviżjoni makroprudenzjali Komunitarja tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (COM(2009)0499 – C7-0166/2009 – 2009/0140(COD))

2011/C 351 E/37

(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Din il-proposta giet emendata fis-7 ta' Lulju 2010 kif ġej (1):

EMENDI TAL-PARLAMENT (2)

għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar superviżjoni makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (3),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (4),

Filwaqt li jaġixxu b'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (5),

Billi:

(1)

L-istabbiltà finanzjarja hi prekundizzjoni sabiex l-ekonomija reali tipprovdi impjiegi, kreditu u tkabbir. Il-kriżi finanzjarja kixfet nuqqasijiet importanti fis-superviżjoni finanzjarja, li ma rnexxilhiex tevita l-akkumulazzjoni ta’ riskji eċċessivi fis-sistema finanzjarja.

(1a)

Il-kriżi għandha konsegwenzi kbar fuq min iħallas it-taxxa, għal ħafna ċittadini tal-Unjoni li bħalissa m’għandhomx xogħol u għal ħafna intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju (SME). F’każ ta’ kriżi ġdida fuq l-istess skala, l-Istati Membri ma jifilħux iħallsu biex isalvaw l-istituzzjonijiet finanzjarji mingħajr ma jiksru r-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.Ħafna qabel il-kriżi finanzjarja, il-Parlament kien diġà qed jitlob b’mod regolari li jiġi eżegwit regolament li tassew joffri l-istess kundizzjonijiet għall-parteċipanti interessati kollha fil-livell tal-Unjoni, waqt li wera nuqqasijiet sinifikanti fis-superviżjoni min-naħa tal-Unjoni tas-swieq finanzjarji li kulma jmur saru aktar integrati (fir riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta’ April 2000 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni tal-qafas għas-swieq finanzjarji: Pjan ta' Azzjoni (6) tal-21 ta’ Novembru 2002 dwar regoli ta’ superviżjoni prudenzjali fl-Unjoni Ewropea (7), tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar politika dwar is-servizzi finanzjarji (2005-2010) – White Paper (8), tat-23 ta’ Settembru 2008 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Hedge funds u l-ekwità privata (9), tad-9 ta’ Ottubru 2008 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-proċess Lamfalussy: l-istruttura futura ta’ sorveljanza (10), tat-22 ta’ April 2009 dwar il-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-insegwiment tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (11) u tat-23 ta’ April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (12)).

(2)

F'Novembru 2008, il-Kummissjoni inkarigat lil Grupp ta' Livell Għoli, ippresjedut mis-Sur Jacques de Larosière (il-“Grupp de Larosière”) biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jissaħħu l-arranġamenti superviżorji Ewropej bil-għan li jitħarsu aħjar iċ-ċittadini tagħha u terġa' tinbena l-fiduċja fis-sistema finanzjarja.

(3)

Fir-rapport finali tiegħu, ippreżentat fil-25 ta’ Frar 2009 (ir-rapport de Larosière) , il-Grupp de Larosière rrakkomanda, fost ħwejjeġ oħra, l-istabbiliment ta’ entità fil-livell tal-Unjoni li tkun responsabbli mis-superviżjoni tar-riskju fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi.

(4)

Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew” tal-4 ta' Marzu 2009, il-Kummissjoni laqgħet u appoġġat ferm ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp de Larosière. Fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009, il-Kunsill Ewropew qabel fuq il-ħtieġa li jitjiebu r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet r-rapport mill-Grupp de Larosière bħala l-bażi għall-azzjoni.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta' Mejju 2009 bit-titolu “Superviżjoni Finanzjarja Ewropea”, il-Kummissjoni ppreżentat sensiela ta' riformi għall-arranġamenti attwali biex titħares l-istabbiltà finanzjarja fil-livell tal-Unjoni , li jinkludu b’mod partikolari l-ħolqien ta' Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) li jkun responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali. Il-Kunsill fid-9 ta' Ġunju 2009 u l-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta' Ġunju appoġġjaw l-opinjoni tal-Kummissjoni u laqgħu l-ħsieb tal-Kummissjoni li tressaq proposti leġiżlattivi sabiex il-qafas il-ġdid jidħol fis-seħħ matul l-2010. F'konformità mal-fehmiet tal-Kummissjoni, inkludiet inter alia li l-BĊE “għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS filwaqt li jagħmel użu wkoll mill-parir tekniku tal-banek ċentrali nazzjonali u superviżuri.” L-appoġġ ipprovdut lill-BERS mill-BĊE kif ukoll il-kompiti mogħtija lill-BERS għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-indipendenza tal-BĊE fil-qadi ta' dmirijietu skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(5a)

Minħabba l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji internazzjonali, jinħtieġ impenn qawwi mill-Unjoni fil-livell globali. Il-BERS għandu jikseb il-kompetenza tal-kumitat xjentifiku ta' livell għoli u jieħu f'idejh ir-responsabbiltajiet globali kollha meħtieġa sabiex jiżgura li tinstema' l-vuċi tal-Unjoni fuq kwestjonijiet ta' stabbiltà finanzjarja, b’mod speċjali b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), il-Bord għas-Servizzi Finanzjarji (FSB) u l-imsieħba kollha tal-Grupp ta' Għoxrin (G-20).

(5b)

Il-BERS għandu jikkontribwixxi inter alia għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-IMF, l-FSB u l-Bank għal Ftehimiet Internazzjonali (BIS) lill-G-20, fl-eżami inizjali tar-rapport tagħhom dwar il-Gwida għall-Valutazzjoni tal-Importanza Sistematika tal-Istituzzjonijiet, Swieq u Strumenti Finanzjarji ppubblikat f'Ottubru 2009 li jistipula li r-riskju sistemiku għandu jkun dinamiku sabiex jikkunsidra l-evoluzzjoni tas-settur finanzjarju u tal-ekonomija globali. Ir-riskju sistemiku jista' jitqies bħala ta' riskju li jġib it-tħarbit għas-servizzi finanzjarji kaġun tad-dgħjufija tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi jew partijiet minnha u għandu l-potenzjal li jkollu konsegwenzi negattivi serji għall-ekonomija reali.

(5c)

Ir-rapport dwar il-Gwida għall-Valutazzjoni tal-Importanza Sistematika tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji jiddikjara wkoll li l-valutazzjoni tar-riskju sistemiku aktarx tinbidel maż-żmien skont l-ambjent ekonomiku. Se tiġi kundizzjonata wkoll mill-infrastruttura finanzjarja u l-ftehimiet dwar il-ġestjoni tal-kriżi, u l-kapaċità li tittratta l-fallimenti meta jseħħu. L-istituzzjonijiet jistgħu jkunusistemikament importanti għas-sistemi u l-ekonomiji finanzjarji lokali, nazzjonali jew internazzjonali. Il-kriterji ewlenin li jgħinu fl-identifikazzjoni tal-importanza sistemika tas-swieq u tal-istituzzjonijiet huma d-daqs (il-volum ta' servizzi finanzjarji pprovduti mill-komponent individwali tas-sistema finanzjarja), is-sostenibbiltà (sa fejn il-komponenti l-oħra tas-sistema jistgħu jipprovdu l-istess servizzi f'każ ta' falliment) u l-interkonnessjonijiet (rabtiet ma’ komponenti oħrajn tas-sistema). Valutazzjoni bbażata fuq dawk it-tliet kriterji għandha tkun komplementata b’referenza għall-vulnerabilitajiet finanzjarji u l-kapaċità tal-qafas istituzzjonali li jittratta l-fallimenti finanzjarji.

(5d)

Ix-xogħol tal-BERS għandu jkun li jikkontrolla u jivvaluta r-riskju sistemiku fi żminijiet normali bil-għan li jtaffi l-espożizzjoni tas-sistema għar-riskju ta' falliment ta' komponenti sistemiċi u jsaħħaħ ir-reżistenza tas-sistema finanzjarja għax-xokkijiet. F'dan ir-rigward il-BERS għandu jiżgura l-istabbiltà finanzjarja u jtaffi l-impatti negattivi fuq l-ekonomija reali. Sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu, il-BERS għandu janalizza kull informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni rilevanti b’impatt potenzjali fuq l-istabilità finanzjarja, bħall-kontabilità, il-falliment u r-regoli dwar l-għajnuna finanzjarja f'każ ta' diffikultà.

(6)

Il-funzjonament adegwat tal-Unjoni u tas-sistemi finanzjarji globali u l-mitigazzjoni tat-theddid għalhekk jeħtieġu konsistenza msaħħa bejn il-makro- u l-mikro-superviżjoni. Kif dikjarat fir-reviżjoni Turner, “Reazzjoni regolatorja għall-kriżi bankarja globali”, ta' Marzu 2009, “arranġamenti aktar b’saħħithom jeħtieġu jew poteri nazzjonali akbar, bil-konsegwenza ta' suq anqas miftuħ, jew inkella grad ta' integrazzjoni Ewropea ogħla”. Minħabba r-rwol ta' sistema finanzjarja b’saħħitha fir-rigward tal-kontribuzzjoni tagħha għall-kompetittività u t-tkabbir fl-Unjoni u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għażlu li jmorru għal grad ogħla ta' integrazzjoni Ewropea, kif rakkomandat fir-rapport de Larosière.

(6a)

Din is-sistema ta' mikrosuperviżjoni mfassla mill-ġdid teħtieġ tmexxija kredibbli u ta' profil għoli. Għaldaqstant, minħabba r-rwol ewlieni tagħha u l-kredibbiltà internazzjonali u interna tagħha, u l-ispirtu tar-rapport de Larosière, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun il-President tal-BERS. B’żieda ma’ dan, ir-rekwiżiti ta' responsabbiltà għandhom jikbru wkoll, bħat-tkabbir tal-korpi tal-BERS biex jinkludu firxa wiesgħa ta' kompetenza, esperjenza u opinjonijiet.

(6b)

Ir-rapport de Larosière jiddikjara wkoll li s-superviżjoni makroprudenzjali ma tagħmilx sens sakemm ma titħalliex b’xi mod ikollha impatt fuq is-superviżjoni fil-livell mikro filwaqt li s-superviżjoni mikroprudenzjali ma tistax tħares b’mod effettiv l-istabbiltà finanzjarja mingħajr kunsiderazzjoni xierqa tal-iżviluppi fil-livell makro.

(6c)

Għandha tinħoloq Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF) li tiġbor flimkien f'netwerk, l-operaturi tas-superviżjoni finanzjarja kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni. Skont il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera kif jingħad fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-parteċipanti għas-SESF għandhom jikkooperaw b’fiduċja u rispett reċiproku, b’mod partikolari billi jiżguraw il-mogħdija ta' informazzjoni adegwata u affidabbli bejniethom. Fil-livell tal-Unjoni, in-netwerk għandu jkun magħmul mill-BERS u t-tliet awtoritajiet ta' mikrosuperviżjoni: l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Banek), maħluqa mir-Regolament (UE) Nru …/2010, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u Swieq), maħluqa milr-Regolament (UE) Nru …/2010, u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Assigurazzjoni u Pensjonijiet tax-Xogħol) maħluqa milr-Regolament(UE) Nru …/ 2010.

(7a)

Il-BERS għandu jkollu Bord Ġenerali, Kumitat ta' Tmexxija, Segretarjat, Kumitat Tekniku Konsultattiv u Kumitat Xjentifiku Konsultattiv. L-istabbiliment tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jieħu kont tal-istrutturi eżistenti bil-ħsieb li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni.

(8)

Il-BERS għandu, fejn ikun meħtieġ, joħroġ u jagħmel pubbliċi twissijiet u rakkomandazzjonijiet ta' natura ġenerali dwar l-Unjoni b’mod ġenerali, Stati Membri individwali jew gruppi ta' Stati Membri, b’perjodu taż-żmien speċifikat għar-rispons politiku rilevanti. Meta dawn it-twissjijiet jew rakkomandazzjonijiet ikunu indirizzati lil Stati Membri individwali jew grupp tagħhom, jista' jkun possibbli għall-BERS li jipproponi miżuri ta' għajnuna adegwati. Kulfejn ikun loku, il-Kummissjoni tista', b’inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-BERS, ta' Awtorità, tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, tadotta deċiżjoni indirizzata għal Awtorità, li tkun tiddetermina l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' emerġenza.

(8a)

Il-BERS għandu jiddeċiedi jekk rakkomandazzjoni għandhiex tinżamm kunfidenzjali jew għandhiex issir pubblika, billi jżomm f'moħħu li l-iżvelar pubbliku jista' jgħin biex jippromwovi l-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet f'ċerti ċirkustanzi.

(8b)

Għandu jitfassal kodiċi tal-kulur maħluq mill-BERS sabiex jippermetti l-parteċipanti interessati jivvalutaw aħjar in-natura tar-riskju.

(9)

Sabiex jiżdied il-piż u l-leġittimità tagħhom, dawn it-twissijiet u rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu trażmessi mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill , il-Kummissjoni, id-destinatarji u, fejn ikun xieraq, mill-Awtoritajiet Bankarji Ewropej.

(10)

Il-BERS għandu jimmonitorja wkoll l-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, abbażi ta' rapporti mid-destinatarji, biex jiżgura li t-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-fatt ikunu qegħdin jiġu segwiti. Id-destinatarji tar-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġġustifikaw adegwatament kull nuqqas li jkunu konformi kif xieraq mar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS (mekkaniżmu ta' “aġixxi inkella spjega”) b’mod partikolari fir-rigward tal-Parlament Ewropew . Il-BERS għandu jkun kapaċi jirrikorri għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill f'każijiet fejn ma jkunx sodisfatt bir-rispons tad-destinatarji għar-rakkomandazzjonijiet.

(12)

Il-BERS għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-inqas darba kull sena, u aktar ta' spiss f'każ ta' taqlib finanzjarju mifrux.

(13)

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali għandu jkollhom rwol ewlieni fis-superviżjoni makroprudenzjali minħabba l-għarfien u r-responsabbiltajiet eżistenti tagħhom fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja. Il-parteċipazzjoni tas-superviżuri mikroprudenzjali fil-ħidma tal-BERS hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-valutazzjoni tar-riskju makroprudenzjali tkun ibbażata fuq informazzjoni sħiħa u preċiża dwar l-iżviluppi fis-sistema finanzjarja. Għaldaqstant, il-presidenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom ikunu membri bi drittijiet tal-vot. Fi spirtu ta' trasparenza, għandhom ikunu membri tal-Bord Ġenerali, sitt persuni indipendenti, li ma jkunux membri tal-ASE, magħżula skont il-kompetenzi ġenerali u l-impenn tagħhom lejn l-Unjoni, u minħabba d-diversità tal-esperjenzi tagħhom f'oqsma akkademiċi jew fis-settur privat, b’mod partikolari fl-SMEs, trejdunjins jew bħala fornituri jew konsumaturi ta' servizzi finanzjarji u li jkunu joffru l-garanziji kollha fir-rigward ta' indipendenza u kunfidenzjalità. Rappreżentant wieħed tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' kull Stat Membru għandu jattendi għal-laqgħat tal-Bord Ġenerali mingħajr id-dritt li jivvota.

(14)

Il-parteċipazzjoni ta' Membru tal-Kummissjoni tgħin sabiex tistabbilixxi rabta mas-sorveljanza makroekonomika u finanzjarja tal-Unjoni , filwaqt li l-preżenza tal-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tirrifletti r-rwol tal-ministeri tal-finanzi fil-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja.

(14a)

Peress li l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji minn pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, għandu jkun possibbli li jiġi mistieden rappreżentant wieħed ta' livell ogħli minn dawk il-pajjiżi biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Ġenerali fuq awtorizzazzjoni minn pajjiżhom.

(15)

Huwa essenzjali li l-membri tal-BERS iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod imparzjali u jqisu biss l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha. Meta ma jkunx jista' jintlaħaq konsensus, il-votazzjoni fuq it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet fi ħdan il-BERS m'għandhiex tkun ippeżata u d-deċiżjonijiet għandhom bħala regola jittieħdu b’maġġoranza sempliċi.

(16)

L-interkonnettività tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji timplika li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskji sistemiċi potenzjali għandhom ikunu bbażati fuq sett wiesa' ta' data u indikaturi makroekonomiċi u mikrofinanzjarji rilevanti. Dawk ir-riskji sistemiċi jinkludu riskji ta' tħarbit fis-servizzi finanzjarji kaġun ta' tagħwiġ sinifikanti tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni jew ta' partijiet minnha u għandu l-potenzjal li jkollu konsegwenzi negattivi gravi għas-suq intern u għall-ekonomija reali. Kull tip ta' istituzzjoni finanzjarja u intermedjarju finanzjarju, suq, infrastruttura u strument għandu l-potenzjal li jkun sistemikament sinifikanti. Għalhekk, il-BERS għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta' din id-data kif meħtieġ.

(17)

Il-parteċipanti tas-suq jistgħu jipprovdu kontribut siewi għall-fehim tal-iżviluppi li jaffettwaw is-sistema finanzjarja. Fejn ikun xieraq, għalhekk, il-BERS għandu jikkonsulta ma’ partijiet interessati mis-settur privat (rappreżentanti tas-settur finanzjarju, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, gruppi ta' utenti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tal-Kummissjoni jew tal-Unjoni …) u jagħtihom opportunità xierqa sabiex jipprovdu l-kummenti tagħhom. Barra minn hekk, minħabba li m'hemmx definizzjoni riġida ta' riskju sistemiku u li l-valutazzjoni tar-riskju sistemiku tista' tvarja maż-żmien skont l-ambjent ekonomiku, il-BERS għandu jiżgura firxa wiesgħa ta' esperjenzi u ħiliet fil-persunal u fil-konsulenti.

(19)

L-istabbiliment tal-BERS għandu jikkontribwixxi direttament sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-Suq Intern. Is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja hija parti integrali tal-arranġamenti superviżorji ġodda tal-Unjoni billi l-aspett makroprudenzjali huwa marbut mill-qrib mal-kompiti ta' superviżjoni mikroprudenzjali attribwiti lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Huwa biss b’arranġamenti fis-seħħ li jirrikonoxxu sewwa l-interdipendenza bejn ir-riskji mikro- u makroprudenzjali li l-partijiet interessati kollha jista' jkollhom fiduċja suffiċjenti biex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet finanzjarji transkonfinali. Il-BERS għandu jimmonitorja u jivvaluta r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn żviluppi li jista' jkollhom impatt fuq livell settorjali jew fil-livell tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali. Billi jindirizza tali riskji, il-BERS għandu jikkontribwixxi direttament lejn struttura superviżorja integrata tal-Unjoni li hija neċessarja sabiex tippromwovi risposti politiċi f'waqthom u konsistenti fost l-Istati Membri, li b’hekk tevita approċċi diverġenti u ttejjeb l-operat tas-Suq Intern.

(20)

Billi superviżjoni makroprudenzjali effikaċi tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji Ewropej, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjaretà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-objettivi,

(20a)

Kif issuġġerit mir-rapport de Larosière, jinħtieġ approċċ gradat u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom iwettqu reviżjoni sħiħa tas-SESF, il-BERS u l-ASEs sa …  (13) ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

1.    Huwa stabbilit Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, minn hawn’il quddiem issir referenza għalih bħala “BERS”. Għandu jkollu s-sede tiegħu fi Frankfurt.

1a.     Il-BERS għandu jkun parti mis-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF), li l-għan tagħha għandu jkun li tiżgura s-superviżjoni tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

1b.     L-SESF għandu jinkludi:

(a)

il-BERS;

(b)

l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u Swieq), maħluqa mir-Regolament (UE) Nru …/2010 (AETS);

(c)

l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Assigurazzjoni u Pensjonijiet tax-Xogħol) maħluqa mir-Regolament(UE) Nru … / 2010 (AEAPX);

(d)

l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Bankarja), maħluqa mir-Regolament (UE) Nru …/2010 (ABE);

(e)

l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Kumitat Konġunt) stipulata fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru …/2010 (ABE), mir-Regolament Nru …/2010 [ESMA] u mir-Regolament (UE) Nru …/2010 (AEAPX);

(f)

l-awtoritajiet fl-Istati Membri kif stipulat fl-Artikolu 1(2)tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ABE], tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ESMA], tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [AEAPX];

(g)

il-Kummissjoni, bi skop ta' twettiq tal-ħidmiet imsemmija fl-Artikoli 7 u 9 tar-Regolament (UE) Nru …/2010 (ABE), fir-Regolament (UE) Nru …/2010 (ESMA) u fir-Regolament (UE) Nru …/2010 (AEAPX).

L-ASE li għalihom hemm riferiment f'punti (b), (c) u (d) se jkollhom il-kwartier ġenerali tagħhom fi Frankfurt.

Jista' jkollhom rappreżentant fl-aktar ċentri finanzjarji importanti tal-Unjoni Ewropea.

1c.     Skont il-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-parteċipanti għas-SESF għandhom jikkooperaw b’fiduċja u rispett reċiproku sħiħ, b’mod partikolari billi jiżguraw il-mogħdija ta' informazzjoni adegwata u affidabbli bejniethom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“istituzzjoni finanzjarja” tfisser kwalunkwe impriża koperta mil-leġiżlazzjoni li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ABE], tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ESMA] u tar-Regolament (UE) Nru …./2010 [AEAPX], u kull impriżi jew entità oħra li tkun topera fl-Unjoni, li l-attivitajiet finanzjarji tagħha jistgħu jkunu ta' riskju sistemiku wkoll jekk ma jkollhom l-ebda ness dirett mal-pubbliku inġenerali;

(b)

“sistema finanzjarja” tfisser l-istituzzjonijiet finanzjarji, swieq, prodotti u infrastrutturi kollha.

(ba)

“riskju sistemiku” tfisser riskju ta' tħarbit fis-sistema finanzjarja bil-potenzja li jkun hemm konsegwenzi negattivi serji għas-suq intern u għall-ekonomija reali. Kull tip ta' intermedjarju, suq u infrastruttura finanzjarja, huwa potenzjalment sistemikament importanti sa ċertu grad.

Artikolu 3

Missjoni, Objettivi u Kompiti

1.   Il-BERS għandu jkun responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni sabiex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni li jirriżultaw minn żviluppi fis-sistema finanzjarja u b’kont meħud tal-iżviluppi makroekonomiċi, bil-għan li jevita episodji ta' diffikultà finanzjarja mifruxa u jikkontribwixxi għal funzjonament mingħajr problemi tas-suq intern.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-BERS għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

jiddetermina u/jew jiġbor, kif xieraq, u janalizza l-informazzjoni kollha rilevanti, inkluż il-leġiżlazzjoni b’impatt potenzjali fuq l-istabbiltà finanzjarja bħall-kontabbiltà, ir-riorganizzazzjoni u regoli tal-istralċ, għall-għanijiet deskritti fil-paragrafu 1;

(b)

jidentifika u jipprijoritizza r-riskji sistemiċi ;

(c)

joħroġ twissijiet meta r-riskji sistemiċi bħal dawna jkunu kkunsidrati li huma sinifikanti , u jagħmilhom pubbliċi fejn ikun xieraq ;

(d)

joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta' rimedju b’respons għar-riskji identifikati u jagħmilhom pubbliċi fejn xieraq;

(da)

joħroġ twissija kunfidenzjali indirizzata lill-Kummissjoni meta l-BERS iqis li teżisti sitwazzjoni ta' emerġenza kif definita fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ESMA], tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [AEAPX] u tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ABE]. Il-BERS għandu jagħti valutazzjoni tas-sitwazzjoni ħalli l-Kummissjoni tkun tista' tiddetermina n-neċessità tal-adozzjoni ta' deċiżjoni intiżi għall-ASE li jkunu qed jiddeterminaw l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' emerġenza.

(e)

iwettaq monitoraġġ tas-segwitu għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet;

(f)

jikkoopera mill-qrib mal-parteċipanti kollha l-oħra tas-SESF u, fejn ikun xieraq, jipprovdi lill- ASE bl-informazzjoni dwar ir-riskji sistemiċi li jkollhom bżonn sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom; b’mod partikolari, il-BERS għandu, b’kollaborazzjoni mal-ASEs, jiżviluppa sett komuni ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi (risk dashboard), li jservu ta' bażi għall-għoti ta' klassifikazzjoni superviżorja lill-istituzzjonijeit transkonfinali li jistgħu potenzjalment joħolqu riskju sistemiku.

Din il-klassifikazzjoni għandu tiġi riveduta fuq bażi regolari, u għandha turi l-bidliet materjali fil-profil ta' riskju ta' istituzzjoni. Il-klassifikazzjoni superviżorja għandha tkun element kritiku għad-deċiżjoni dwar is-superviżjoni jew l-intervent dirett f'istituzzjoni batuta;

(fa)

jipparteċipa, fejn ikun f'loku, fil-Kumitat Konġunt;

(g)

jikkoordina ma’ istituzzjonijiet internazzjonali, speċjalment mal-Fond Monetarju Internazzjonali u mal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja kif ukoll il-korpi rilevanti f'pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni makroprudenzjali;

(h)

iwettaq kompiti oħrajn relatati kif speċifikat fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni .

KAPITOLU II

L-ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 4

Struttura

1.   Il-BERS għandu jkollu Bord Ġenerali, Kumitat ta' Tmexxija, Segretarjat u Kumitat Xjentifiku Konsultattiv .

2.   Il-Bord Ġenerali għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati lill-BERS.

3.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jassisti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BERS billi jħejji l-laqgħat tal-Bord Ġenerali u jirrevedi d-dokumenti li għandhom jiġu diskussi u jimmonitorja l-progress tax-xogħol kontinwu tal-BERS.

4.   Is-Segretarjat għandu jkun responsabbli mill-ħidma ta' kuljum tal-BERS u mill-kwestjonijiet kollha dwar il-persunal. Għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku ta' kwalità għolja lill-BERS taħt id-direzzjoni tal-President tal-Bord Ġenerali skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru …/2010 [BERS]. Għandu wkoll jagħmel użu mill-pariri tekniċi mill-ASE, mill-banek ċentrali nazzjonali u l-awtoritajiet superviżuri nazzjonali.

5.   Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv li saret referenza għalih fl-Artikolu 12, għandu jipprovdi parir u assistenza fuq kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-BERS.

Artikolu 5

Presidenza

1.   Il-President ▐ tal-BERS għandu jkun il-President tal-BĊE .

1a.     L-ewwel Viċi President għandu jkun elett minn u minn fost il-Membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għal terminu ta' 5 snin, fir-rigward tal-ħtieġa ta' rappreżentanza ewkilibrata tal-Istati Membri, u dawk fiz-zona tal-euro u barra minnha. Hu jew hi jistgħu jiġu ri-eletti darba waħda biss.

1b.     It-tieni Viċi President għandu jkun il-President tal-Kumitat Konġunt kif nominat skont it-termini tal-Artikolu [XX] tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ABE], tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ESMA], u tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [AEAPX];

1c.     Il-President u l-Viċi Presidenti għandhom jippreżentaw lill-Parlament Ewropew, waqt seduta ta' smigħ pubblika, kif bi ħsiebhom iwettqu dmirijiethom fl-ambitu ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-President għandu jmexxi l-laqgħat tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat ta' Tmexxija.

3.    Il-Viċi Presidenti, fl-ordni ta' preċedenza, għandhom imexxu l-Bord Ġenerali u/jew il-Kumitat tat-Tmexxija meta l-President ma jkunx jista' jipparteċipa f'laqgħa.

4.   Jekk il-mandat tal-Membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE eletti bħala l-ewwel Viċi President jintemm qabel ma jispiċċa l-mandat ta' 5 snin jew jekk għal xi raġuni l-ewwel Viċi President ma jkunux jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom, għandu jiġi elett l-ewwel Viċi President ġdid skont il-paragrafu 1a .

5.   Il-President għandu jirrappreżenta lill-BERS esternament.

Artikolu 6

Bord Ġenerali

1.   Dawn il-persuni għandhom ikunu Membri tal-Bord Ġenerali bid-dritt tal-vot

(a)

il-President u l-Viċi President tal-BĊE;

(b)

il-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali;

(c)

Membru tal-Kummissjoni Ewropea;

(d)

il-President tal-Awtorità Bankarja Ewropea;

(e)

il-President tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol;

(f)

il-President tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq;

(fa)

sitt persuni indipendernti maħtura mill-Membri tal-Bord Ġenerali bi drittijiet ta' votazzjoni dwar il-proposta tal-Kumitat Konġunt; in-nominati ma jistgħux ikunu membri tal-ASEs u għandhom jintgħażlu skont il-kompetenzi ġenerali u l-impenn tagħhom lejn l-Unjoni, kif ukoll għad-diversità tal-esperjenzi tagħhom f'oqsma akkademiċi jew fis-settur privat, b’mod partikolari fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, trejdunjins jew bħala fornituri jew konsumaturi ta' servizzi finanzjarji; meta jiġu nnominati, il-Kumitat Konġunt għandu jindika liema persuni huma nominati wkoll biex iservu fuq il-Kumitat ta' Tmexxija; fit-twettiq tar-responsabilitajiet tagħhom, il-persuni nnominati m'għandhom la jfittxu u lanqas jieħdu ordnijiet minn ebda gvern, istituzzjoni, korp, uffiċċju, entità jew persuna privata oħra; għandhom iżommu lura minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mad-dmirijiet tagħhom jew mat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   Il-persuni li ġejjin għandhom ikunu Membri tal-Bord Ġenerali mingħajr dritt tal-vot:

(a)

rappreżentant wieħed ta' livell għoli għal kull Stat Membru tal-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali kompetenti , skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ;

(b)

il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

3.    Fir-rigward tar-rappreżentanza tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali ▐, ir-rappreżentanti ta' livell għoli rispettivi għandhom jalternaw b’rotazzjoni skont is-suġġett diskuss, sakemm l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali ma jkunux qablu fuq rappreżentant komuni .

4.   Il-Bord Ġenerali għandu jistabbilixxi r-Regoli ta' Proċedura għall-BERS.

Artikolu 7

Imparzjalità

1.   Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat ta' Tmexxija jew meta jkunu qegħdin iwettqu xi attività oħra relatata mal-BERS, il-Membri tal-BERS għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b’imparzjalità u biss fl-interess tal-Unjoni Ewropea inġenerali . La għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-Istati Membri , l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor .

1a.     Membri tal-Bord Ġenerali li huma wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BERS għandhom jaġixxu b’mod indipendenti fil-qadi ta' dmirijiethom.

2.   La l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor m' għandhom ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-BERS fit-twettiq tal-kompiti tagħhom tal-BERS.

Artikolu 8

Segretezza professjonali

1.   Il-Membri tal-Bord Ġenerali tal-BERS u kwalunkwe persuna oħra li taħdem jew li tkun ħadmet għal jew b’rabta mal-BERS (inkluż il-persunal rilevanti tal-banek ċentrali, il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv, l-ASE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri), se jkunu meħtieġa li ma jikxfux informazzjoni koperta bis-segretezza professjonali, anki wara li jintemmu d-dmirijiet tagħhom.

2.   L-informazzjoni li jirċievu l-Membri tal-BERS tista' tintuża biss matul id-dmirijiet tagħhom u fit-twettiq tal-kompiti stipulati fl-Artikolu 3(2).

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 u l-applikazzjoni tal-liġi kriminali, kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali riċevuta mill-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, ma tista' tiġi żvelata lill-ebda persuna jew awtorità oħra, ħlief f'għamla fil-qosor jew kollettiva, b’mod li l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

4.   Il-BERS għandu, flimkien mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej , jaqbel dwar u jistabbilixxi proċeduri speċifiċi ta' kunfidenzjalità sabiex titħares l-informazzjoni rigward istituzzjonijiet finanzjarji individwali, jew informazzjoni fejn ikunu jistgħu jiġu identifikati istituzzjonijiet finanzjarji individwali.

Artikolu 9

Laqgħat tal-Bord Ġenerali

1.   Il-laqgħat plenarji ordinarji tal-Bord Ġenerali għandhom jissejħu mill-President tal-Bord Ġenerali u għandhom isiru mill-inqas erba' darbiet fis-sena. Jistgħu jissejħu laqgħat straordinarji fuq inizjattiva tal-President tal-Bord Ġenerali jew fuq talba ta' mill-inqas terz tal-Membri bid-dritt tal-vot.

2.   Kull Membru għandu jkun preżenti personalment fil-laqgħat tal-Bord Ġenerali u ma jistax ikun rappreżentat minn xi ħaddieħor.

3.   b’deroga mill-paragrafu 2, Membru li ma jkunx jista' jattendi l-laqgħat għal żmien twil jista' jaħtar sostitut. Dak il-Membru jista' jiġi sostitwit ukoll minn persuna li tkun inħatret b’mod formali skont ir-regoli li jirregolaw lill-istituzzjoni konċernata fir-rigward tas-sostituzzjoni ta' rappreżentanti fuq bażi temporanja.

3a.     Fejn ikun xieraq, rappreżentanti għoljin minn istituzzjonijiet internazzjonali li jwettqu attivitajiet oħra relatati jistgħu jiġu mistiedna biex jattendu l-laqgħat tal-Bord Ġenerali.

3b.     Fejn ikun xieraq, u fuq bażi ad hoc, rappreżentant wieħed ta' livell għoli ta' pajjiż terz, b’mod partikolari ta' pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles, jista' jiġi mistieden jattendi l-laqgħat tal-Bord Ġenerali, skont il-kwistjoni li tkun qed tiġi diskussa.

4.   Il-proċedimenti tal-laqgħat għandhom ikunu kunfidenzjali.

Artikolu 10

Modalitajiet ta' votazzjoni tal-Bord Ġenerali

1.   Kull Membru tal-Bord Ġenerali li għandu dritt tal-vot għandu jkollu vot wieħed.

2.    Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta' votazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18 (1), il-Bord Ġenerali għandu jaġixxi b’maġġoranza sempliċi tal-Membri preżenti bi dritt tal-vot. F'każ ta' voti indaqs, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv.

3.   Huwa meħtieġ kworum ta' żewġ terzi tal-Membri bi dritt tal-vot sabiex ikun jista' jittieħed kwalunkwe vot mill-Bord Ġenerali. Jekk ma jintlaħaqx il-kworum, il-President jista' jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha d-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu bi kworum ta' terz . Ir-regoli ta' proċedura għandhom jistabbilixxu notifika adegwata li tapplika għas-sejħa ta' laqgħa straordinarja.

3a.     B’deroga mill-paragrafu 2, hija meħtieġa maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti biex twissija jew rakkomandazzjoni ssir pubblika.

Artikolu 11

Bord ta' Tmexxija

1.   Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkun iffurmat minn dawn li ġejjin:

(a)

il-President tal-BERS;

(b)

l-ewwel Viċi President tal-BERS;

(ba)

il-Viċi President tal-BĊE;

(c)

erba' membri oħra tal-Bord Ġenerali li jkunu wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE , fir-rigward tal-ħtieġa ta'rappreżentazzjoni ekwilibrata ta'Stati Membri ġewwa u barra miż-żona tal-euro . Huma għandhom jiġu eletti minn fost u mill-Membri tal-Bord Ġenerali li jkunu wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għal perjodu ta' tliet snin.

(d)

Membru tal-Kummissjoni Ewropea;

(e)

il-President tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Bankarja) ;

(f)

il-President tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Assigurazzjoni u Pensjonijiet tax-Xogħol) ;

(g)

il-President tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u Swieq) ;

(ha)

tlieta mis-sitt persuni indipendenti msemmija fl-Artikolu 6 (1) (fa).

Kwalunkwe post battal għal Membru elett tal-Kumitat ta' Tmexxija għandu jimtela' bl-elezzjoni ta' Membru ġdid mill-Bord Ġenerali.

2.   Il-laqgħat tal-Kumitat ta' Tmexxija għandhom jissejħu mill-President għall-inqas darba kull tliet xhur, qabel kull laqgħa tal-Bord Ġenerali. Il-President jista' jsejjaħ ukoll laqgħat ad hoc.

Artikolu 12

Kumitat Xjentifiku Konsultattiv

1.   Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jkun iffurmat minn dawn li ġejjin:

(a)

disa' esperti b’kompetenza rikonoxxuta u indipendenza ggarantita proposti mill-Kumtiat ta' Tmexxija, li għandhom jirrappreżentaw gamma vasta ta' esperjenzi u ħiliet u li għandhom ikunu approvati mill-Borg Ġenerali għal mandat rinnovabbli ta' erba' snin fit-twettiq ta' dmirijiethom, il-persuni nominati la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn kwalsiasi Gvern, istituzzjoni, korp, uffiċju, entità jew persuna privata; huma m' għandhom jieħdu l-ebda azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom jew mal-qadi ta' dmirijiethom;

(c)

rappreżentant wieħed tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Bankarja) ;

(d)

rappreżentant wieħed tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) ;

(e)

rappreżentant wieħed tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Titoli u s-Swieq) ;

(f)

żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni;

(g)

rappreżentant wieħed tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

2.   Il-President tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jinħatar mill-Bord Ġenerali wara proposta mill-President tal-Bord Ġenerali.

3.   Il-Kumitat għandu jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(5) meta jintalab mill-President tal-Bord Ġenerali.

4.   Is-Segretarjat tal-BERS għandu jsostni l-ħidma tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv u l-Kap tas-Segretarjat għandu jipparteċipa fil-laqgħat.

4a.     Fejn ikun xieraq, il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu fi stadju bikri jorganizza konsultazzjonijiet flimkien mal-partijiet interessati bħall-parteċipanti mis-swieq, korpi tal-konsumaturi, esperti akkademiċi, b’mod miftuħħ u trasparenti, filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità meħtieġa.

4b.     Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jingħata l-mezzi kollha meħtieġa, b’mod partikolari għodod analitiċi u tal-ICT, sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu.

Artikolu 13

Sorsi oħra ta' parir

Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-BERS għandu jfittex, fejn ikun xieraq, l-opinjonijiet ta' partijiet interessati rilevanti mis-settur privat jew pubbliku, b’mod partikolari iżda mhux esklussivament, il-membri tal-ASE .

Artikolu 14

Aċċess għad-dokumenti

1.   Regulation (EC) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubblika għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (14) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-BERS.

2.   Il-Bord Ġenerali għandu jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Id-deċiżjonijiet meħudin mill-BERS skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jiffurmaw is-suġġett ta' lment lill-Ombudsman jew ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 228 u 263 tat- TFUE rispettivament.

KAPITOLU III

KOMPITI

Artikolu 15

Ġbir u skambju ta' informazzjoni

1.   Il-BERS għandu jipprovdi lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej bl-informazzjoni li jkollhom bżonn dwar ir-riskji sistemiċi sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.

2.   L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej , il-BERS, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-BERS u jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea .

3.    Soġġett għall-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ABE], tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [ESMA], tar-Regolament (UE) Nru …/2010 [AEAPX], il-BERS jista' jitlob informazzjoni mingħand l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej , bħala regola f'għamla fil-qosor jew kollettiva, b’mod li l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati. ▐

3a.     Qabel ma jitlob informazzjoni skont dan l-Artikolu, il-BERS għandu l-ewwel jieħu kont tal-istatistika eżistenti prodotta, disseminata u żviluppata mis-Sistema Statistika Ewropea u mis-SEBĊ.

3b.     Jekk id-data mitluba ma tkunx disponibbli għal dawk l-Awtoritajiet jew ma ssirx disponibbli fil-ħin, il-BERS jista' jitlob id-data mis-SEBĊ, l-awtoritajiet ta' sorveljanza nazzjonali jew l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali. Meta d-data ma tkunx disponibbli mill-awtoritajiet insemmijin hawn fuq, il-BERS jista' jitlob id-data mill-Istat Membru kkonċernat.

3c.     Meta l-BERS jitlob data li mhix f'għamla fil-qosor jew kollettiva, it-talba motivata għandha tispjega għalfejn id-data dwar l-istituzzjoni finanzjarja individwali rispettiva titqies bħala sistematikament rilevanti, u neċessarja, b’konsiderazzjoni tas-sitwazzjoni prevalenti tas-suq.

5.   Qabel kull talba għal informazzjoni li ma tkunx f'għamla fil-qosor jew kollettiva, il-BERS għandu jikkonsulta debitament mal-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti sabiex jiżgura li t-talba tkun ġustifikata u proporzjonata. Jekk l-Awtorità Superviżorja Ewropea ma tikkunsidrax it-talba bħala ġustifikata u proporzjonata, hija għandha, mingħajr dewmien, tibgħat it-talba lura għand il-BERS u titlob għal ġustifikazzjoni addizzjonali. Wara li l-BERS ikun ta lill-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti tali ġustifikazzjoni addizzjonali, id-data mitluba għandha tiġi trażmessa lill-BERS mid-destinatarju tat-talba, dment li d-destinarju jkollu aċċess legali għad-data rilevanti.

Artikolu 16

Twissijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Meta jiġu identifikati riskji sinifikanti għall-ilħuq tal-mira fl-Artikolu 3(1), il-BERS għandu jipprovdi twissijiet u, fejn ikun xieraq, joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta' rimedju, inkluż, fejn ikun xieraq, għal inizjattivi leġiżlattivi .

2.   It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-BERS skont il-punti (c) u (d) tal-Artikolu 3(2) jistgħu jkunu ta' natura ġenerali jew speċifika u għandhom ikunu indirizzati, b’mod partikolari lill-Unjoni sħiħa jew lil Stat Membru wieħed jew aktar, jew lill-ASE waħda jew aktar, jew lil awtortià superviżorja nazzjonali waħda jew aktar. F'każ li twissija jew rakkomandazzjoni tkun indirizzata lil awtorità superviżorja waħda jew aktar, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiġi infurmat b’dan. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jinkludu skeda speċifikata għar-rispons politiku. Ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu indirizzati wkoll lill-Kummissjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni .

3.   It-twissijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill , lill-Kummisjoni, lid-destinatarji skont il-paragrafu 2, u, meta ikunu indirizzati lill- awtoritajiet superviżorji nazzjonali waħda jew aktar, għandhom jiġu trażmessi wkoll lill- ASE .

4.    Sabiex jisaħħaħ l-għarfien tar-riskji fl-ekonomija Ewropea u biex tingħata prijorità lil dawn ir-riskji, il-BERS, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-SESF, għandu jfassal sistema b’kodiċi ta' kulur li jaqbel ma’ sitwazzjonijiet differenti ta' livelli ta' riskju.

Darba li jitfasslu il-kriterji ta' din il-klassifikazzjoni, it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha se jindikaw, skont il-każ u fejn xieraq il-kategorija tar-riskju.

Artikolu 16a

Azzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza

F'każ ta' żviluppi avversi li jistgħu gravement jipperikolaw il-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabilità tas-sistema finanzjarja in toto jew in parte fl-Unjoni Ewropea, il-BERS jista' jemetti twissija ta' emerġenza.

Il-Kummissjoni tista', b’inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-BERS, ta' Awtorità, tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, tadotta deċiżjoni indirizzata lil Awtorità, li tkun tiddetermina l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' emerġenza. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dik id-deċiżjoni f'intervalli approprijati, u f'kull każ darba fix-xahar u għandha tiddikjara li s-sitwazzjoni ta' emerġenza ma ssuktatx appena dan ikun il-każ.

Jekk il-Kummissjoni tiddetermina l-eżistenza ta' sitwazzjoni ta' emerġenza, għandha tinforma debitament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien.

Artikolu 17

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS

1.   Meta rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)(d) tkun indirizzata lil Stat Membru wieħed jew aktar, Awtorità Superviżorja Ewropea waħda jew aktar, jew awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar, id-destinatarji għandhom jikkomunikaw lill-BERS l-azzjonijiet li ħadu bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet inkella jispjegaw għaliex ma ħadux azzjoni. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u, fejn ikun rilevanti, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jiġu infurmati.

2.    Meta l-BERS jiddeċiedi li d-destinatarju ta' waħda mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu naqas li jsegwi jew segwa ħażin dik ir-rakkomandazzjoni u d-destinatarju ma ġġustifikax dan in-nuqqas , huwa għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u, fejn ikun rilevanti, lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej rilevanti.

2a.     Fejn il-BERS ikun ħa deċiżjoni skont it-termini tal-paragrafu 2, il-Parlament Ewropew jista', fejn ikun f'loku, jistieden destinatarju għal skambju ta' opinjonijiet mal-Kumitat kompetenti fi ħdanu. Dan l-iskambju ta' opinjonijiet, fil-preżenza tal-BERS, huwa partikolarment relevanti kulfejn deċiżjonijiet nazzjonali jkollhom effett fuq Stat Membri wieħed jew ħafna (spill over effect).

Artikolu 18

Twissijiet u rakkomandazzjonijiet pubbliċi

1.   Il-Bord Ġenerali tal-BERS għandu jiddeċiedi każ b’każ jekk twissija jew rakkomandazzjoni għandhiex issir pubblika. B’deroga mill- Artikolu 10(2), hija meħtieġa maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti biex twissija jew rakkomandazzjoni ssir pubblika. Irrispettivament mill-Artikolu 10(3), kworum ta' żewġ terzi għandu dejjem japplika fir-rigward ta' deċiżjonijiet meħudin taħt dan il-paragrafu.

2.   Fejn il-Bord Ġenerali tal-BERS jiddeċiedi li jagħmel pubblika twissija jew rakkomandazzjoni, huwa għandu jinforma lid-destinatarju/i minn qabel.

2a.     Id-destinatarji tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-BERS għandhom ikunu pprovduti bid-drittijiet li jagħmlu pubbliċi l-opinjonijiet u r-raġunament tiegħu kif ukoll fir-risposta għat-twissija u r-rakkomandazzjoni ppubblikata mill-BERS.

3.   Meta l-Bord Ġenerali tal-BERS jiddeċiedi li twissija jew rakkomandazzjoni ma jagħmilhomx pubbliċi, id-destinatarju u fejn applikabbli, il-Kunsill u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali tagħhom. ▐

3a.     Kwalunkwe dejta li l-Bord Ġenerali tal-BERS jibbaża l-analiżi tiegħu fuqha qabel joħroġ twissija jew rakkomandazzjoni, għandha tiġi magħmula pubblika għall-analiżi f'forma anonima xierqa. F'każ ta' twissijiet kunfidenzjali, l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mhux aktar tard minn perjodu ta' żmien xieraq, li għandu jiġi definit fir-regoli ta' proċedura tal-BERS.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Accountability u Obbligi ta' rappurtar

1.   Mill-anqas darba fis-sena , iżda aktar spiss f'każ ta' inkwiet finanzjarju mifrux, il-President tal-BERS għandu jiġi mistieden għal smigħ annwali fil-Parlament Ewropew, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-BERS lill-Parlament Ewropew u ▐ lill-Kunsill. Dawn is-sedut tas-smigħ għandhom isiru f'kuntest differenti mid-djalogu monetarju bejn il-Parlament Ewropew u l-President tal-BĊE.

1a.     Ir-rapporti li għalihom hemm riferiment f'dan l-Artikolu għandu jkun fihom l-informazzjoni li skont it-termini tal-Artikolu 18, il-Bord Ġenerali tal-BERS jiddeċidi li għandhom isiru pubbliċi. Ir-rapporti għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku.

2.   Il-BERS għandu jeżamina wkoll kwistjonijiet speċifiċi meta jintalab mill-Parlament Ewropw, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni.

2a.     Il-President tal-BERS u l-membri l-oħra tal-Kumitat ta' Tmexxija jistgħu, fuq talba tal-Parlament Ewropew, jattendu għal smigħ mill-Kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

Artikolu 20

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom , sa …  (15), jeżaminaw dan ir-Regolament fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni tliet snin wara d-dħul tiegħu fis-seħħ u għandu jistabbilixxi jekk l-objettivi u l-organizzazzjoni tal-BERS ikollhomx bżonn li jiġu riveduti wara li jkunu irċevew opinjoni mill-BĊE.

Ir-rapport għandu jeżamina b’mod partikolari jekk:

(a)

huwiex xieraq li l-istruttura tal-SESF tenħtieġx tiġi ssemplifikata u msaħħa, sabiex iżżid il-koerenza bejn il-livelli makro u mikro kif ukoll bejn l-ASEs;

(b)

huwiex xieraq li jiżdiedu s-setgħat regolatorji tal-ASE;

(c)

l-evoluzzjoni tal-SESF hi konsistenti mal-iżviluppi globali f'dan il-qasam;

(d)

hemmx biżżejjed diversità u eċċellenza fl-SESF;

(e)

jekk il-kontabbiltà u t-trasparenza fir-rigward tal-ħtiġijiet ta' pubblikazzjoni humiex adegwati.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Il-każ kien riferut lura lill-kumitat skont it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 57(2) (A7-0168/2010).

(2)  Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa ; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▐.

(3)  ĠU C 270, 11.11.2009, p. 1.

(4)  Opinjoni tat-22 ta’ Jannar 2010 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' …

(6)   ĠU C 40, 7.2.2001, p. 453.

(7)   ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 394.

(8)   ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 392.

(9)   ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 26.

(10)   ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 48.

(11)   Testi adottati, P6_TA(2009)0251.

(12)   Testi adottati, P6_TA(2009)0279.

(13)   Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(14)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(15)   Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.