31.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 161/161


It-Tlieta 18 ta’ Mejju 2010
Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perjodu 2008-2013 (emenda tad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Kunsill) ***I

P7_TA(2010)0160

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-programm ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/904/KE (COM(2009)0456 – C7-0123/2009 – 2009/0127(COD))

2011/C 161 E/26

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2009)0456),

wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 63(2)(b) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0123/2009),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bit-titolu: “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikoli 78(2) u l-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0125/2010),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


It-Tlieta 18 ta’ Mejju 2010
P7_TC1-COD(2009)0127

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta’ Mejju 2010 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru …/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu mill-2008 sal-2013 bħala parti mill-programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni”

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(2) u l-Artikolu 80 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fid-dawl tat-twaqqif ta’ Programm Konġut tal-UE għar-Risistemazzjoni mmirat biex iżid l-impatt tal-isforzi ta’ risistemazzjoni fl-Unjoni fil-provvediment ta’ protezzjoni għal refuġjati u fil-massimizzar tal-impatt strateġiku ta’ risistemazzjoni permezz ta’ indirizzar iktar iffokat fuq il-persuni li għandhom ħtieġa ikbar għal risistemazzjoni, għandhom jiġu fformulati prijoritajiet komuni fir-rigward tar-risistemazzjoni fl-Unjoni fuq bażi regolari.

(2)

Sabiex jinkisbu l-objettivi tad-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi prijoritajiet annwali komuni tal- Unjoni fir-rigward tar-reġjuni ġeografiċi ▐ u nazzjonalitajiet u dwar il-kategoriji speċifiċi ta’ refuġjati li għandhom jiġu risistemati. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.

(3)

Filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ risistemazzjoni li għanhom jiġu stabbiliti fid -deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l -prijoritajiet annwali komuni tal- Unjoni għar-risistemazzjoni f'konformita' ma’ din id-Deċiżjoni , huwa wkoll meħtieġ li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni ta’ persuni fir-rigward tar-reġjuni ġeografiċi ▐ u nazzjonalitajiet u għal kategoriji speċifiċi ta’ refuġjati li għandhom jiġu risistemati, fejn ir-risistemazzjoni hija determinata li tkun is-soluzzjoni l-iktar xierqa għall-bżonnijiet partikolari tagħhom.

(4)

F’dan il-kuntest, huwa xieraq li l-iskeda tiġi adattata fir-rigward tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tad-dejta meħtieġa għall-kalkolu tal-allokazzjonijiet annwali bejn l-Istati Membri, l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-programmi annwali mill-Istati Membri u l-iskadenza għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament mill-Kummissjoni.

(5)

Sabiex aktar Stati Membri jitħeġġu biex jieħdu sehem f’azzjonijiet ta’ risistemazzjoni, għandu jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali lil l-Istati Membri li qed jieħdu sehem fil-programm ta’ risistemazzjoni għall-ewwel darba.

(6)

Huwa wkoll neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli għall-eliġibbiltà ta’ nfiq għall-appoġġ finanzjarju addizzjonali għar-risistemazzjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 573/2007/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 13 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 jsir il-paragrafu 3;

(b)

il-paragrafu 3 jsir il-paragrafu 4 u jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jirċievu ammont stabbilit ta’ EUR 4 000 għal kull persuna risistemata skont il-prijoritajiet annwali komuni tal- Unjoni li għandhom jiġu stabbiliti skont il-paragrafi 6 u 7, fir-rigward ta’ reġjuni ġeografiċi u nazzjonalitajiet ▐.

Il-kategoriji li ġejjin ta’ gruppi vulnerabbli ta’ refuġjati għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet annwali komuni tal-Unjoni skont il-paragrafi 6 u 7, indipendentement mill-prijoritajiet annwali fir-rigward ta’ reġjuni ġeografiċi u nazzjonalitajiet:

tfal u nisa f’riskju, b’mod partikulari ta’ vjolenza jew esplojtazzjoni psikoloġika, fiżika jew sesswali;

minuri mhux akkumpanjati li r-risistemazzjoni tkun fl-aqwa interess tagħhom, b’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

persuni li għandhom ħtiġijiet mediċi serji li jkunu jeħtieġu trattament speċjali, b’mod partikulari kundizzjonijiet li jistgħu jiġu ttrattati biss wara r-risistemazzjoni;

superstiti ta’ vjolenza u tortura;

persuni li għandhom bżonn ta’ risistemazzjoni b’emerġenza jew urġenti minħabba bżonnijiet legali u ta’ protezzjoni ”;

(c)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.     Għal dawk l-Istati Membri li japplikaw għall-finanzjament skont dan l-Artikolu għall-ewwel darba, l-ammont stabbilit għal kull persuna risistemata għandu jkun EUR 6 000 fl-ewwel sena kalendarja u EUR 5 000 fit-tieni waħda. Fis-snin sussegwenti l-ammont stabbilit għandhu jkun EUR 4 000 għal kull persuna risistemata. L-ammont addizzjonali li jirċievu l-Istati Membri parteċipanti l-ġodda fl-ewwel sentejn tal-parteċipazzjoni tagħhom għandu jiġi investit fl-iżvilupp ta’ programm ta’ risistemazzjoni sostenibbli.”;

(d)

Il-paragrafu 4 jsir il-paragrafu 5 u jiġi sostitwit kif ġej:

“5.   Fejn Stat Membru jistabbilixxi persuna li taqa' taħt aktar minn kategorija waħda minn dawk imsemmijin fil-prijoritajiet annwali komuni tal- Unjoni għar-risistemazzjoni stabbiliti skont il-paragrafi 6 u 7 , huwa għandu jirċievi ammont fiss għal din il-persuna darba biss.”;

(e)

Il-paragrafu 6 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“6.    Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni li r-risistemazzjoni ssir strument ta’ protezzjoni effikaċi, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-prijoritajiet annwali komuni tal- Unjoni għar-risistemazzjoni permezz ta’ atti delegati b’konformità mal-Artikolu 52a, u soġġett għall-kondizzjonijiet tal-Artikoli 52b u 52c .”;

(f)

Jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

7.     F’każ ta’ emerġenza mhux mistennija li tkun tirrikjedi aġġornament tal-prijoritajiet annwali komuni tal-Unjoni għar-risistemazzjoni, l-Artikolu 52d għandu japplika għal atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.

8.    Fi żmien għoxrin jum kalendarju wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prijoritajiet annwali komuni tal- Unjoni għar-risistemazzjoni skont il-paragrafi 6 u 7 , l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni stima tan-numru ta’ persuni li għalihom se joffru risistemazzjoni skont dik id-deċiżjoni matul is-sena kalendarja sussegwenti. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawk l-estimi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill .

9.    Ir-riżultati u l-impatt tal-inċentiv finanzjarju għall-attivitajiet ta’ risistemazzjoni skont il-prijoritajiet annwali komuni tal- Unjoni għandhom jiġu inklużi mill-Istati Membri fir- rapporti tagħhom skont l-Artikolu 50(2) u mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha skont l-Artikolu 50(3).”.

(2)

L-Artikolu 20 jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri, sal-1 ta’ Settembru ta’ kull sena sal-2013, stima tal-ammonti li għandhom jiġu allokati lilhom għas-sena ta’ wara mit-total ta’ approprjazzjonijiet allokati taħt il-proċedura baġitarja annwali, ikkalkolati kif previst fl-Artikolu 13.”;

(b)

Il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, sal-1 ta’ Diċembru ta’ kull sena sal-2013, abbozz ta’ programm annwali għas-sena ta’ wara, stabbilit skont il-programm pluriennali u li jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(a)

ir-regoli ġenerali għall-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programm annwali;

(b)

deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati taħt il-programm annwali;

(c)

deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati taħt il-programm annwali; it-tqassim finanzjarju propost tal-kontribuzzjoni tal-Fond bejn id-diversi azzjonijiet tal-programm u indikazzjoni tal-ammont mitlub biex ikopri l-assistenza teknika taħt l-Artikolu 16 għall-fini tal-implimentazzjoni tal-programm annwali.”;

(c)

Il-paragrafu 5, it-tielet subparagrafu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tal-finanzjament, li tapprova l-programm annwali, sal-1 ta’ April tas-sena kkonċernata. Id-deċiżjoni għandha tindika l-ammont allokat lill-Istat Membru kkonċernat u l-perijodu li għalih l-infiq huwa eliġibbli.”.

(3)

Fl-Artikolu 35 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5.   L-ammont stabbilit ta’ EUR 4 000 għal kull persuna li tiġi risistemata allokata għall-Istati Membri għandha tingħata bħala somma sħiħa għal kull persuna li tiġi effetivament risistemata.”.

(4)

Jiddaħħlu l-artikoli li ġej:

“Artikolu 52a

Eżerċizzju tad-delega

1.     Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 13(6) u (7) għall-perijodu msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1.

2.     Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.     Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 52b u 52c. Meta jkun hemm raġunijiet importanti ta’ urġenza, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 52d.

Artikolu 52b

Revoka tad-delega

1.     Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13(6) u (7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.     L-istituzzjoni li tniedi proċedura interna biex tiddeċiedi jekk ma tirrevokax id-delega tas-setgħa għandha timpenja ruħha li tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni filwaqt li tindika s-setgħat iddelegati li jistgħu jkunu suġġetti għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.     Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data iktar tard li tkun speċifikata fiha. Id-deċiżjoni m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Id-deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 52c

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.     Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ joġġezzjona għal att delegat fi żmien perijodu ta’ xahar mid-data tan-notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dak il-perijodu jista’ jiġi estiż b’xahar.

2.     Jekk, meta jiskadi dan il-perijodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata hemmhekk.

3.     Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal att delegat, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għalfejn oġġezzjonat għall-att delegat.

Artikolu 52d

Proċedura ta’ urġenza

1.     Atti delegati adottat taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni b’mod konformi mal-paragrafu 2. In-notifika tal-att delegat adottat taħt dan l-Artikolu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.     Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat adottat taħt dan l-Artikolu fi żmien perijodu ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika. F’dan il-każ, l-att ma jibqax japplika. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet tagħha għalfejn oġġezzjonat.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi […] jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi ,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010.

(2)   ĠU L 144, 6.6.2007, p. 1.