17.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 51/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv (2012)”

COM(2010) 462 finali

2011/C 51/11

Relatur: is-Sinjura HEINISCH

Korelatur: is-Sur RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO

Nhar is-7 ta' Settembru 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv (2012)

COM(2010) 462 finali.

Fl-14 ta' Settembru 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-466 Sessjoni Plenarja tiegħu tal- 21 ta' Ottubru 2010 li jaħtar lis-Sinjura Renate HEINISCH bħala relatur ġenerali u lis-Sur José Isaías RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO bħala korelatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’unanimità.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-proposta li s-sena 2012 tkun is-“Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv”. Madankollu, dan it-titolu u l-kunċett ta' warajh ma jirriflettux is-suġġetti li, fil-fehma tal-KESE, għandhom jiġu indirizzati f’din is-sena: it-tixjiħ għandu jkun attiv, iżda wkoll b’saħħtu, dinjituż u ferrieħi. Għalhekk, it-tixjiħ “attiv” m’għandux ifisser biss li l-persuni jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu jew jipparteċipaw fil-ħajja soċjali aktar fit-tul. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija mitluba tifformula titolu inqas restrittiv li jikkunsidra dawn l-aspetti l-oħra tal-kwalità tal-ħajja.

1.2

L-implimentazzjoni u l-kontenut tas-Snin Ewropej kif kienu qed isiru s’issa mhumiex sodisfaċenti għalkollox. L-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati għandhom jitfasslu b’tali mod li jkunu jidhru aktar u jkunu aktar effiċjenti mil-lat tal-kontenut.

1.3

Fil-proposta attwali tal-Kummissjoni ma ġiet prevista l-ebda koordinazzjoni ċara fil-livell tal-Unjoni, għalkemm il-koordinazzjoni permezz ta' korp ċentrali u responsabbli hija essenzjali sabiex titpoġġa enfasi fuq din l-inizjattiva u tkun effettiva fit-tul.

1.4

Il-koordinazzjoni ċentrali hija meħtieġa wkoll biex ikun jista’ jinħoloq baġit u jitqassmu r-riżorsi. Hawnhekk il-KESE jiddispjaċih li ma jeżistix qafas baġitarju konkret.

1.5

Sabiex is-Sena Ewropea 2012 ikollha effett pożittiv, hemm bżonn li l-kunċetti ta' “tixjiħ”, “attiv”, “b’saħħtu” u “dinjituż” jiġu armonizzati madwar l-Ewropa kollha. Huwa l-fehim reċiproku ta' dawn il-prinċipji li jwassal għal miżuri komparabbli.

1.6

Il-KESE jilqa’ l-fatt li fl-Artikolu 5 jingħad li l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni se jkunu assoċjati fl-attivitajiet. Il-KESE jemmen li hu stess huwa partikolarment adatt biex ikun pijunier fl-azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u biex imexxi d-dibattiti kostruttivi bejn l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, kif ukoll biex ikompli jxerred il-kontenut ta' dawn l-attivitajiet. Hemm il-ħsieb, b’mod partikolari, li jinħoloq osservatorju biex jevalwa dak li jkun qed jiġri fil-livell Ewropew u nazzjonali, u b’hekk jappoġġja l-proposta li tinħoloq “Alleanza Ewropea għat-Tixjiħ Attiv”, li tkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet fil-livell Ewropew. Il-KESE jista’ jaqdi wkoll ir-rwol ta' “Ambaxxatur tas-Sena Ewropea”. Barra minn hekk, ikun tajjeb li ssir konferenza dwar l-aktar aspetti importanti tal-kontenut tas-Sena Ewropea, li l-konklużjonijiet tagħha jiġu inklużi f’opinjoni fuq inizjattiva proprja mħejjija mill-osservatorju.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

L-isfidi tat-tibdil demografiku li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri diġà ilhom numru ta' snin jiġu diskussi fil-Kummissjoni Ewropea u fil-KESE. Fost affarijiet oħra ġew diskussi s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, il-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien, il-kura tas-saħħa, il-kura tal-anzjani u l-kura fit-tul, il-vjolenza kontra l-anzjani, it-tagħlim tul il-ħajja, il-ħtiġijiet tal-anzjani u l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa (1).

2.2

B’segwitu għall-għanijiet tal-aħħar Presidenzi tal-Kunsill, l-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Snin Ewropej 2010 (is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali) u 2011 (is-Sena Ewropea tal-Volontarjat), tressqet il-prosposta li l-2012 tkun is-“Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv”. Il-KESE jaqbel li t-titolu tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv, bħala titolu qasir, huwa konċiż u jinkludi, għalkemm ma jissemmiex fit-titolu, il-prinċipju tas-“solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”. Però t-titolu qasir ma jirriflettix id-diversità tat-temi li għandhom jiġu indirizzati.

2.3

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tiddefinixxi t-“tixjiħ attiv” bħala proċess li fih isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet tas-saħħa, tal-parteċipazzjoni u tas-sigurtà sabiex tittejjeb il-kwalità ta' ħajjet il-persuni fil-proċess tat-tixjiħ (2). Din id-definizzjoni tissuġġerixxi li l-promozzjoni tat-tixjiħ attiv għandha tiffoka, l-ewwel u qabel kollox, fuq it-tixjiħ b’saħħtu u awtonomu. B’hekk, imbagħad, l-opportunitajiet tal-parteċipazzjoni tal-anzjani jkunu jistgħu jiżdiedu kemm fis-suq tax-xogħol, permezz ta' kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, kif ukoll fis-soċjetà, billi titnaqqas l-esklużjoni soċjali u permezz tax-xogħol volontarju. Barra minn dan, wieħed jista’ jitkellem fuq it-tixjiħ attiv biss jekk ikun hemm livell minimu ta' sigurtà. Għaldaqstant, il-KESE huwa konvint li titolu bħal “Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv, b’Saħħtu u Dinjituż” ikun ħafna aktar sinifikattiv.

2.4

Matul it-tħejjija tal-opinjonijiet imsemmijin hawn fuq (3), il-KESE dejjem involva lid-direttorati ġenerali kkonċernati fid-diskussjonijiet tiegħu. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni li għas-Sena Ewropea 2012 tinvolvi wkoll lil kull direttorat ġenerali kkonċernat bir-riżorsi strutturali u finanzjarji korrispondenti tiegħu, u jemmen li huwa importanti li dan isir b’mod ikkoordinat.

2.5

F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-fatt li s-suġġett tas-Sena Ewropea 2012 kompla jiġi diskuss kemm fil-workshop “It-tixjiħ b’saħħtu: nagħtu s-setgħa lill-konsumaturi għal tixjiħ attiv” (4) kif ukoll matul it-“Tielet Forum dwar id-Demografija” (5).

2.6

Il-KESE jilqa’ wkoll il-perijodu ta' tliet snin (2011 sal-bidu tal-2014) previst. Dan il-perijodu, li hu itwal mis-soltu, ser jgħin biex is-suġġett jiġi inkorporat f’kull qasam ta' politika importanti.

2.7

Jilqa’ wkoll il-prijoritajiet tematiċi msemmijin fil-proposta. Iż-żidiet meħtieġa mil-lat tal-kontenut ser jissemmew f’parti 3.3, li hija dwar “Il-kontenut tal-miżuri”.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Artikolu 1 –“Suġġett”

3.1.1

Fid-dibattitu pubbliku dwar it-tibdil demografiku, it-tixjiħ tal-popolazzjoni ilu żmien jitqies bħala piż għas-soċjetà b’mod ġenerali u għas-sistemi soċjali u tas-saħħa b’mod partikolari. Din l-istampa negattiva qed tibda tinbidel bil-mod il-mod. Il-potenzjal tal-anzjani qiegħed jitpoġġa dejjem aktar fuq quddiem u qed jiġu enfasizzati l-opportuntiajiet li toffri soċjetà li qed tixjieħ.

3.1.2

Però, sabiex l-aspetti pożittivi tat-tibdil demografiku jkunu ta' vantaġġ kemm għall-anzjani kif ukoll għas-soċjetà b’mod ġenerali, huwa assolutament meħtieġ li l-ewwel in-nies ikollhom il-possibbiltà li jixjieħu b’saħħithom u fis-sigurtà. B’hekk biss ikunu jistgħu jisfruttaw b’mod attiv il-potenzjal tagħhom u jużawh għall-benefiċċju tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Huwa titolu bħal dak propost f’punt 2.3 li jikkunsidra dawn il-kundizzjonijiet essenzjali.

3.1.3

Sabiex is-Sena Ewropea 2012 ikollha effett pożittiv, hemm bżonn li l-kunċetti ta' “tixjiħ”, “attiv”, “b’saħħtu” u “dinjituż” jiġu armonizzati madwar l-Ewropa kollha. Huwa l-fehim reċiproku ta' dawn il-prinċipji li jwassal għal miżuri komparabbli.

3.2   Artikolu 2 –“Għanijiet”

3.2.1

It-tixjiħ “attiv” m’għandux ifisser biss li l-persuni jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu jew jipparteċipaw fil-ħajja soċjali aktar fit-tul permezz tax-xogħol volontarju, mingħajr ħlas. Aktar minn dan, għandhom jiġu rikonoxxuti u apprezzati l-kontributi differenti ħafna tal-anzjani għas-soċjetà b’mod ġenerali u għandha tiġi evitata l-esklużjoni soċjali. Dan jinkludi, fost affarijiet oħra, l-appoġġ finanzjarju u/jew soċjali ta' membri iżgħar tal-familja, is-servizzi tal-kura li jagħtu lis-sieħeb jew is-sieħba tagħhom u lill-ħbieb, il-kreattività intellettwali u artistika u l-kapaċità ta' innovazzjoni, il-fatt li jgħaddu l-esperjenzi u l-valuri lill-oħrajn, u ħafna aktar. Dawn l-attivitajiet kollha huma possibbli wkoll, sa ċertu punt, meta persuna jkollha limitazzjonijiet ta' saħħa jew ta' natura oħra. Meta jitwettqu f’kundizzjonijiet diffiċli ta' din ix-xorta, dawn l-attivitajiet għandhom jiġu apprezzati aktar.

3.2.2

F’dan il-kuntest, il-Kumitat jilqa’ u jappoġġja l-għanijiet imsemmijin mill-Kummissjoni, jiġifieri: i) li jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien, ii) li tiġi promossa l-parteċipazzjoni fis-soċjetà, u iii) li jiġi appoġġjat it-tixjiħ b’saħħtu. Però huwa tal-fehma li t-tixjiħ sigur u dinjituż għandu jkun għan ieħor.

3.2.3

Il-KESE jemmen ukoll li l-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmijin huma adatti. Huwa mixtieq li jkun hemm sensiela ta' attivitajiet wara xulxin biex

titqajjem kuxjenza,

jiġu inkoraġġuti l-kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn l-Istati Membri, u

jinħoloq qafas għall-impenn u għall-azzjoni konkreta.

3.3   Artikolu 3 –“Il-kontenut tal-miżuri”

3.3.1

Il-miżuri msemmijin fl-Artikolu 3 tal-proposta jagħmlu sens. Madankollu, huma fformulati b’mod wisq ġenerali, jixbhu l-formulazzjonijiet tas-Snin Ewropej li għaddew u huma adatti għal kwalunkwe kampanja. Huma għandhom jingħataw dimensjoni ċivika u ma jibqgħux biss qasam tal-esperti. Uħud mill-proposti li saru matul il-konsultazzjonijiet preċedenti jistgħu jwasslu għal effett akbar fost il-pubbliku. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li, fuq il-bażi tal-opinjonijiet preċedenti, dawn it-temi li ġejjin jiġu inklużi fid-diskussjonijiet li għad iridu jsiru:

3.3.1.1

Sabiex il-persuni mdaħħlin fiż-żmien ikunu jistgħu jdumu jipparteċipaw aktar fil-ħajja tax-xogħol, hemm bżonn ta' titjib u miżuri estensivi (6).

3.3.1.2

Sabiex jiġi ffaċilitat u apprezzat il-kontribut volontarju u mingħajr ħlas tal-persuni mdaħħlin fiż-żmien għas-soċjetà u għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, għandu jinħoloq status madwar l-UE kollha tal-volontarjat, għandu jiġi armonizzat dan il-kunċett, għandhom jiġu rikonoxxuti u kkwalifikati l-attivitajiet mingħajr ħlas (7), u għandu jkun hemm qafas għal dan ix-“xogħol” biex ma jkollux impatt negattiv fuq l-opportunitajiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

3.3.1.3

Sabiex jinżamm il-potenzjal tal-attività tal-persuni mdaħħlin fiż-żmien, għandhom jissaħħu l-prevenzjoni, il-promozzjoni tas-saħħa u l-edukazzjoni dwar is-saħħa f’kull grupp ta' età (8).

3.3.1.4

Għandhom isiru sforzi biex tinfetaħ is-sistema tal-edukazzjoni formali għall-persuni mdaħħlin fiż-żmien bil-għan li tappoġġja t-taħriġ kontinwu u l-inklużjoni soċjali tagħhom. Dan għandu jinkludi wkoll l-aċċess tal-persuni mdaħħlin fiż-żmien minn kull grupp soċjali għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni l-ġodda (pereżempju permezz tal-pogramm tal-UE “It-tixjiħ fis-soċjetà tal-informazzjoni”) (9).

3.3.1.5

Għandu jiġi kkunsidrat li t-tibdil demografiku jġib miegħu l-opportunitajiet ukoll. Dawn jinkludu, pereżempju, il-karrieri u l-impjiegi ġodda fl-oqsma tal-kura, il-koordinazzjoni ta' attivitajiet differenti, il-konsulenza politika, eċċ. Għall-ekonomija, il-grupp ta' konsumaturi ġodda, jiġifieri l-persuni mdaħħlin fiż-żmien, joħloq opportunitajiet oħra, pereżempju fl-oqsma tad-“Disinn għal kulħadd”, l-Għajxien Megħjun Kontestwalment (Ambient Assisted Living, AAL) kif ukoll il-pariri lill-konsumaturi. Barra minn dan, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-konsumaturi u għandhom jissaħħu drittijiethom (10).

3.3.1.6

Għall-miżuri fl-oqsma tematiċi msemmijin kollha għandu jiġi adottat approċċ ugwalitarju li jindirizza lil kulħadd l-istess: in-nisa u l-irġiel, il-persuni b’saħħithom u dawk b’diżabbiltà, il-migranti u l-popolazzjoni lokali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-persuni li jgħixu fil-faqar (11).

3.3.2

Sabiex jintlaħqu l-objettivi fl-oqsma proposti jinħtieġu diversi strateġiji u azzjonijiet:

3.3.2.1

Kampanji ta' sensibilizzazzjoni kontinwi dwar il-potenzjal tal-persuni mdaħħlin fiż-żmien, dwar l-apprezzament aħjar tagħhom u dwar il-motivazzjoni tagħhom għal parteċipazzjoni ċivika attiva fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Dan jinkludi wkoll il-kampanji fil-mezzi tax-xandir sabiex il-prospettiva tiġi estiża għal tixjiħ ġdid.

3.3.2.2

Il-promozzjoni ta' proġetti Ewropej, bħal pereżempju “Transage” u n-netwerk Ewropew “LILL” (Learning in Later Life), biex il-persuni mdaħħlin fiż-żmien minn pajjiżi Ewropej differenti jkunu jistgħu jiltaqgħu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u biex titqajjem kuxjenza dwar it-tagħlim tul il-ħajja (inkluż il-programm Learning for a long life).

3.3.2.3

L-appoġġ ta' proġetti li jippromovu l-kuntatt bejn il-ġenerazzjonijiet, pereżempju bl-iżvilupp ta' netwerks u ċentri li jinvolvu diversi ġenerazzjonijiet, il-laqgħat fejn wieħed jirrakkonta l-esperjenzi tiegħu, il-Festivals tal-Films Ewropej tal-Ġenerazzjonijiet, eċċ., biex jiżdiedu l-possibbiltajiet li l-ġenerazzjonijiet differenti jitgħallmu minn xulxin u jiġi miġġieled l-iżolament tal-persuni mdaħħlin fiż-żmien.

3.3.2.4

F’dan il-kuntest, huwa importanti immens li jitqiesu d-differenzi reġjonali u lokali. L-attivitajiet fil-livell lokali wrew li huma partikolarment effettivi.

3.4   Artikolu 4 –“Il-koordinazzjoni mal-Istati Membri”

3.4.1

Sabiex l-attivitajiet nazzjonali jiġu kkoordinati b’mod adatt, huwa essenzjali li l-koordinaturi nazzjonali jinħatru fil-ħin (mhux aktar tard minn Marzu 2011). Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-korp nazzjonali ta' koordinazzjoni jinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll l-organizzazzjonijiet u l-atturi ż-żgħar u jinformahom dwar il-metodi ta' applikazzjoni, il-proċeduri u l-possibbiltajiet ta' finanzjament eżistenti.

3.5   Artikolu 5 –“Koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni”

3.5.1

Il-KESE japprova l-attivitajiet tal-Kummissjoni għall-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni msemmijin f’dan l-Artikolu. Madankollu, il-KESE huwa inkwetat għaliex il-proposta attwali tal-Kummissjoni ma tinkludix koordinazzjoni ċara bejn id-direttorati ġenerali u fil-livell tal-Unjoni. Huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni permezz ta' korp ċentrali u responsabbli sabiex titpoġġa enfasi fuq l-inizjattiva kollha u tkun effettiva fit-tul.

3.5.2

Barra minn hekk, hemm bżonn li jittieħdu dawn il-miżuri:

3.5.2.1

Kif diġà ġie propost mill-KESE, għandha tinħoloq “Alleanza Ewropea għat-Tixjiħ Attiv” (12) fuq l-eżempju tal-“Alleanza Ewropea għall-Familji”, sabiex it-tema tat-“tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż” tiġi inkluża f’kull qasam ta' politika u tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-miżuri wara l-2012.

3.5.2.2

Għadhom jiġu ppjanati l-baġits meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmijin, għaliex il-KESE jemmen li l-finanzjament fil-qafas tal-fondi u l-programmi attwali huwa diffiċli u aktarx mhux suffiċjenti. Għas-Sena Ewropea tal-Volontarjat (2011) ġew allokati EUR 6 miljun u għas-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) EUR 17-il miljun. Huwa mitlub li għas-Sena Ewropea 2012 ikun hemm baġit suffiċjenti wkoll. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika, il-KESE jista’ jiddikjara li hu jaqbel li r-riżorsi tal-programmi attwali għandhom jintużaw kollha. Madankollu, f’dan il-każ irid jiġi spjegat b’mod ċar kemm u għal liema proġetti qed jittieħdu r-riżorsi mill-fondi u l-programmi proposti u kif qed jiġu kkoordinati.

3.5.2.3

Bħala “pont bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata”, il-KESE huwa lest li fis-Sena Ewropea 2012 jaqdi rwol importanti. Hemm il-ħsieb, b’mod partikolari, li jinħoloq osservatorju biex jevalwa dak li jkun qed jiġri fil-livell Ewropew u nazzjonali, u b’hekk jappoġġja l-proposta li tinħoloq “Alleanza Ewropea għat-Tixjiħ Attiv”. Il-KESE jista’ jaqdi wkoll ir-rwol ta' “Ambaxxatur tas-Sena Ewropea”. Barra minn hekk, ikun tajjeb li ssir konferenza dwar l-aktar aspetti importanti tal-kontenut tas-Sena Ewropea, li l-konklużjonijiet tagħha jiġu inklużi f’opinjoni fuq inizjattiva proprja.

3.6   Artikolu 6 –“Konsistenza u komplementarjetà”

3.6.1

Is-suġġett tat-tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż għandu jkompli jibni fuq is-Snin Ewropej 2010 u 2011 u għandu jiġi kkunsidrat f’dan il-kuntest usa’, għaliex kemm il-ġlieda kontra l-faqar kif ukoll l-appoġġ għall-impenji volontarji huma marbuta direttament ma' tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż.

3.7   Artikolu 7 –“Evalwazzjoni”

3.7.1

Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ l-idea li jitfassal rapport fuq l-evalwazzjoni tas-Sena Ewropea sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2014. Għas-Sena Ewropea – kif ukoll għal programmi oħra – għandhom jiġu żviluppati proċeduri li jipprevedu l-waqfien tal-miżuri li ma jkunux effettivi.

Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-lista ta' opinjonijiet hawnhekk: http://www.eesc.europa.eu/sections/soc/index_en.asp

(2)  “(…) as the process of optimizing opportunities for health, participation and security in order to enhance quality of life as people age”, World Health Organisation (2002) Active Ageing - A Policy Framework, p. 12.

(3)  Ara l-punt 2.1 u n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(4)  “Healthy Ageing: Consumer empowerment for active ageing”, fit-18 ta' Ottubru 2010.

(5)  “Third Demography Forum”, fit-22 u t-23 ta' Novembru 2010.

(6)  Ara, pereżempju, l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Qagħda tal-ħaddiema li qegħdin jikbru fl-età fil-konfront tal-bidla industrijali – nipprovdu mekkaniżmi ta' appoġġ u ta' ġestjoni tad-diversità tal-età fis-setturi u l-kumpaniji. Relatur: is-Sur Krzaklewski (ĠU C 228, 22.9.2009, p. 24).

(7)  Ara, pereżempju, l-opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006 dwar l-Attivitajiet volontarji, “ir-rwol tagħhom fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħhom”, relatur: is-Sinjura Koller, korelatur: Gräfin zu Eulenburg (ĠU C 325, 30.12.2006, p. 46) (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Ara, pereżempju, l-opinjoni esploratorja tal-KESE tal-15.7.2010 dwar il-Konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa, relatur: is-Sinjura Heinisch (ĠU…).

(9)  Ara, pereżempju, l-opinjoni tal-KESE tat-13.3.2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti – It-tagħlim dejjem żmienu, relatur: is-Sinjura Heinisch, korelatur: is-Sinjura Le Nouail Marlière, korelatur: is-Sur Rodríguez García-Caro, (ĠU C 204, 9.8.2008, p. 89).

(10)  Ara l-opinjoni msemmija fin-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(11)  Fl-2008, l-ammont ta' anzjani (minn 65 sena ’il fuq) fir-riskju tal-faqar kien ta' 19 % fl-UE-27. Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/living_conditions_and_social_protection/data/database

(12)  Ara l-opinjoni msemmija fin-nota 8 f’qiegħ il-paġna.