21.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 21/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana”

COM(2009) 490 finali

2011/C 21/10

Relatur: is-Sur HENCKS

Nhar it-30 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana

COM(2009) 490 finali.

Nhar it-3 ta' Novembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59(1) tar-Regoli ta' Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-463 Sessjoni Plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Mejju 2010 (seduta tas-27 ta' Mejju 2010), li jaħtar lis-Sur Hencks bħala r-relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'175 vot favur, vot wieħed kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Iż-żoni urbani jikkostitwixxu l-ispazju fejn tgħix 60 % tal-popolazzjoni Ewropea. Prattikament iż-żoni kollha jiffaċċjaw l-istess problemi minħabba t-traffiku fit-toroq: konġestjoni, problemi ambjentali, tniġġis tal-arja u tal-ħsejjes, inċidenti tat-traffiku, problemi tas-saħħa, konġestjoni fil-katina tal-loġistika eċċ.

1.2   Għalhekk, il-KESE japprova għalkollox li l-Kummissjoni Ewropea, permezz ta' pjan dwar il-mobbiltà urbana, qed tipproponi lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali diversi għażliet biex fiż-żoni urbani tiġi offruta l-ogħla kwalità ta' ħajja kemm jista' jkun sostenibbli.

1.3   Il-KESE jinsab konvint li f'ċerti oqsma tal-mobbiltà urbana, azzjoni konġunta mill-Komunità tista' twassal għal valur miżjud ċar, u għaldaqstant, jitlob definizzjoni iktar ċara tal-oqsma ta' kompetenza u responsabbiltà tal-Unjoni, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

1.4   Madankollu, jikkonkludi li l-proposti tal-Kummissjoni f'dan il-pjan ta' azzjoni huma ġeneralment pass lura rigward ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KESE fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-mobbiltà urbana.

1.5   Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-miżuri li ressqet il-Kummissjoni mhuma xejn aktar ħlief pariri b'intenzjoni tajba – u ċertament jistħoqqilhom tifħir – iżda la huma vinkolanti u wisq inqas revoluzzjonarji.

1.6   Barra minn hekk, il-fatt li f'din il-Komunikazzjoni l-biċċa l-kbira ta' temi u proposti diġà dehru fil-Komunikazzjoni tal-1998 dwar l-iżvilupp tan-netwerk taċ-ċittadini, jagħti l-impressjoni li minn dak iż-żmien 'l hawn, is-sitwazzjoni bilkemm marret għall-aħjar. F'dan il-kuntest, il-KESE jiddispjaċih li m'hemmx rapport dwar l-inizjattivi previsti f'din il-komunikazzjoni.

1.7   Il-KESE kien jippreferi li kieku l-Pjan ta' Azzjoni, tal-anqas, ikun akkumpanjat minn objettivi kwantitattivi bbażati fuq sensiela ta' indikaturi li l-bliet u r-reġjuni periurbani għandhom jipprovaw jilħqu permezz ta' pjani ta' mobbiltà sostenibbli li jagħżlu huma.

1.8   Il-KESE jqis li huwa neċċessarju li dan il-pjan ta' azzjoni jiġi ffinalizzat bi pjan ieħor, li jidħol fid-dettall dwar, fost oħrajn, id-delinkwenza fit-trasport pubbliku, il-mobbiltà non-motorizzata u l-muturi.

1.9   Il-KESE jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill li jinħoloq mekkaniżmu jew programm pan-Ewropew biex tiġi promossa l-aċċessibbiltà fil-bliet u l-muniċipalitajiet tal-Ewropa, b'mod partikolari għall-persuni b'inqas mobbiltà, u jesprimi x-xewqa tiegħu li jkun involut mill-qrib f'inizjattiva bħal din fid-dawl tar-rilevanza tagħha għas-soċjetà ċivili.

1.10   Il-KESE fl-aħħar nett jirrakkomanda li d-destinazzjoni tal-fondi strutturali u l-koeżjoni tal-Unjoni tkun immirata aħjar, speċjalment bil-ħolqien ta' strument finanzjarju speċifiku għall-promozzjoni tal-mobbiltà urbana. Huwa jipproponi li l-allokazzjoni tal-fondi tkun soġġetta għall-implimentazzjoni tal-pjani ta' mobbiltà urbana u r-rispett tal-kriterji tal-aċċessibbiltà għall-persuni b'inqas mobbiltà.

2.   L-oriġini tal-Pjan ta' Azzjoni

2.1   Fit-30 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea adottat Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana li, għalkemm mhuwiex speċifikat espressament fit-titlu, għandu jkun sostenibbli.

2.2   Il-Kummissjoni ppubblikat dan il-Pjan ta' Azzjoni b'risposta għat-talba ta' bosta atturi, b'mod partikolari tal-Parlament Ewropew iżda wkoll tal-KESE li, fl-opinjoni esploratorja tiegħu dwar “It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani (1) u f'opinjonijiet oħra (2), talab għal inizjattiva bħal din. Fil-fehma tal-KESE, pjan bħal dan għandu jkun akkumpanjat minn objettivi kwantitattivi għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bliet.

2.3   Fil-25 ta' Settemrbu 2007, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika permezz tal-Green Paper –“Lejn kultura ġdida għall-mobbiltà urbana”. Din il-konsultazzjoni kkonfermat b'mod wiesa' li l-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti x'taqdi fil-promozzjoni ta' mobbiltà urbana sostenibbli.

2.4   Madankollu, il-pubblikazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni (previst fil-ħidma leġislattiva tal-2008 tal-Kummissjoni Ewropea) tħabbret u mbagħad ġiet posposta bosta drabi minħabba oġġezzjonijiet minn xi wħud li kkunsidraw li kwalunkwe inizjattiva f'dan il-qasam min-naħa tal-Kummissjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-amministrazzjoni ħielsa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

2.5   Peress li, minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tippubblika l-Pjan ta' Azzjoni tagħha qabel tmiem l-2008 kif previst, il-Parlament Ewropew, li ħaseb li tali inizjattiva ġiet minsija għalkollox, indirizza l-kwistjoni u vvota favur Riżoluzzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana  (3) biex jappoġġja lill-Kummissjoni, li ntalbet tittraduċi għadd ta' indikazzjonijiet li tressqu fil-Green Paper fi gwida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.

3.   Ir-rwol tal-Unjoni fil-kuntest tal-mobbiltà urbana

3.1   Għalkemm m'hemmx nuqqas ta' dikjarazzjonijiet politiċi ta' intenzjoni favur trasport urban sostenibbli, għad hemm bżonn li tiġi stabbilita rabta mill-qrib ma' soluzzjonijiet konkreti u l-korpi li huma l-aktar adatti biex jimplimentawhom.

3.2   L-iskemi ta' trasport urban jagħmlu parti mis-sistema ta' trasport Ewropew u huma bbażati fuq il-politika komuni tat-trasport. Il-Kunsill informali tal-Ministri tat-Trasport tal-Unjoni tas-16 ta' Frar 2010 saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu introdotti pjani ta' mobbiltà urbana f'leġiżlazzjoni kkoordinata bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej bil-għan li tiġi promossa integrazzjoni aktar effettiva tal-infrastrutturi u tas-servizzi tat-trasport fl-istrateġiji territorjali, urbani u rurali.

3.3   Bosta direttivi, regolamenti, komunikazzjonijiet u programmi ta' azzjoni Ewropej s'issa diġà kellhom impatt qawwi fuq it-trasport urban, fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija sostenibbli, is-sigurtà fit-triq kif ukoll l-investiment fit-trasport pubbliku u l-użu tiegħu.

3.4   Bil-għan li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tħeġġeġ lill-bliet biex jimplimentaw miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jistabbilixxu skemi ta' trasport effiċjenti u sostenibbli abbażi ta' impenn kompletament volontarju.

3.5   F'dan ir-rigward, il-KESE jixtieq ifakkar li għalkemm il-bliet u r-reġjuni periurbani huma ferm differenti, xorta waħda jiffaċċjaw problemi komuni relatati mal-iżvilupp sostenibbli, problemi li ma jiqfux mal-fruntieri tal-bliet u li jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta' approċċ koerenti u firxa ta' azzjonijiet fil-livell Ewropew bħal dispożizzjonijiet Komunitarji rigward il-kwalità tal-arja jew il-ġestjoni tal-istorbju fl-ambjent (4).

3.6   Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista' tintuża faċilment (5) il-Kummissjoni tiddikjara li, fir-rigward tal-politika tat-trasport, “Madankollu, ir-riżultati mqabbla mal-għanijiet tal-SDS tal-UE kienu aktar limitati: kif indikat fir-rapport tal-progress tal-2007, is-sistema Ewropea tat-Trasport f'dak li għandu x'jaqsam ma' bosta aspetti għadha ma qabditx triq sostenibbli”.

3.7   F'opinjoni esploratorja reċenti dwar il-punti ta' tluq għall-politika Ewropea tat-trasport wara l-2010 (6), il-KESE stqarr li, għalkemm it-trasport jipprovdi aċċess għal ħafna libertajiet (il-libertà li ngħixu u naħdmu f'partijiet differenti tad-dinja, li ngawdu minn prodotti u servizzi differenti, li ninnegozjaw u nistabbilixxu kuntatti personali), waħda mill-missjonijiet fundamentali tal-politika hija li tistabbilixxi qafas għal dawn il-libertajiet u saħansitra timponi limiti, ladarba dawn jaffettwaw, u saħansitra jheddu, libertajiet jew bżonnijiet oħra: pereżempju s-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-klima kif ukoll il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-futur.

3.8   Għalkemm il-politiki tat-trasport urban implimentati minn xi bliet pijunieri fil-qasam tat-trasport sostenibbli jagħtu xhieda li dawk responsabbli li jieħdu d-deċiżjonijiet b'mod dedikat, jekk għandhom ir-rieda, jistgħu jbiddlu t-tendenzi ta' ħsara, il-bżonn ġenerali li jiġu llimitati globalment l-emmissjonijiet tas-CO2 joħroġ fid-dieher il-ħtieġa assoluta ta' impenn kollettiv Ewropew.

3.9   It-traffiku urban, u b'mod partikolari l-ivvjaġġar b'vetturi bil-mutur, huma responsabbli għal 40 % tal-emissjonijiet tas-CO2 u 70 % tal-emissjonijiet ta' sustanzi oħra li jniġġsu u li jiġu mit-trasport bit-triq. L-Unjoni tista' biss tikseb l-objettivi tagħha għat-tibdil fil-klima jekk temenda l-politiki tat-trasport urban tagħha. L-isfidi ma jistgħux jingħelbu b'mod sostenibbli permezz ta' azzjonijiet iżolati – irrispettivament mill-mertu u n-natura indispensabbli tagħhom – li jiġu adottati biss fil-livell lokali jew reġjonali.

3.10   Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu mobilizzati r-riżorsi Ewropej kollha biex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet fil-livell lokali u reġjonali bil-għan li jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija globali tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għaż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, għall-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli u għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali.

4.   Il-kontenut tal-Pjan ta' Azzjoni

4.1   Il-Pjan ta' Azzjoni propost mill-Kummissjoni jikkonċerna t-trasport tal-persuni kif ukoll tal-merkanzija fiż-żoni urbani u periurbani u jibbaża ħafna fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li tnediet fil-25 ta' Settembru 2007.

4.2   L-għan tal-Pjan ta' Azzjoni hu li jgħin lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jippromovu kultura ta' mobbiltà urbana sostenibbli, b'mod partikolari billi jnaqqsu t-traffiku u l-konġestjoni fil-bliet, u konsegwentement, l-aċċidenti tat-toroq, it-tniġġis fl-arja u l-konsum tal-enerġija, iżda ma jimponilhomx soluzzjonijiet standardizzati.

4.3   Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma jipprova jissostitwixxi lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fl-għażla ta' soluzzjonijiet li jindirizzaw il-problemi tal-mobbiltà urbana. Il-Pjan huwa intiż bħala inċentiv u jipproponi li jinġabru, jiġu dokumentati u skambjati l-esperjenzi biex jiġu promossi l-prattiki t-tajba, biex jittieħed vantaġġ mill-possibbiltajiet ta' finanzjament u ta' kofinanzjament tal-Unjoni, biex jiġu appoġġjati l-proġetti ta' riċerka u jitħejjew dokumenti ta' gwida, b'mod partikolari dwar il-merkanzija u s-sistemi ta' trasport intelliġenti.

4.4   Il-Pjan ta' Azzjoni globali jidentifika 20 miżura konkreta kklassifikata f'sitt temi ewlenin, miġbura fil-qosor hawn taħt, u li għandhom jiġu implimentati skont skeda definita sal-2012.

4.4.1   Promozzjoni ta' politiki integrati

L-għan hu li jiġi żviluppat approċċ integrat li jqis l-interdipendenza bejn il-mezzi tat-trasport, ir-restrizzjonijiet spazjali tal-ambjent u r-rwol tas-sistemi urbani biex tiġi promossa l-interkonnessjoni tal-mezzi kollha tat-trasport, b'mod partikolari bħala parti mill-pjani ta' mobbiltà urbana.

4.4.2   Enfasi fuq iċ-ċittadini

Għandna niffokaw fuq:

l-effetti ta' lieva (it-tariffar, il-kwalità, l-aċċessibbiltà għall-persuni b'inqas mobbiltà, l-informazzjoni, id-drittijiet tal-passiġġieri, iż-żoni ekoloġiċi, eċċ.) biex iċ-ċittadini jitħeġġu jużaw regolarment it-trasport pubbliku u mezzi oħra ta' trasport mhux motorizzat,

kampanji edukattivi, informattivi u ta' sensibilizzazzjoni għal imġiba sostenibbli,

sewqan li jiffranka l-enerġija għas-sewwieqa privati u professjonali.

4.4.3   Trasport urban aktar ekoloġiku

L-għan tal-Pjan ta' Azzjoni huwa li jappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp ta' vetturi b'livelli baxxi jew żero ta' emissjonijiet u l-mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent. Il-Kummissjoni ser taġġorna gwida fl-internet li fiha informazzjoni dwar vetturi li ma jniġġsux, u ser tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-iskemi ta' tariffar fiż-żoni urbani. Beħsiebha wkoll tanalizza l-effiċjenza tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.

4.4.4   Tisħiħ tal-finanzjament

Il-Kummissjoni tixtieq taħdem favur ir-razzjonalizzazzjoni tas-sorsi Ewropej eżistenti ta' finanzjament u teżamina l-ħtiġijiet tal-ġejjieni. Ser tippubblika dokument ta' gwida dwar il-mobbiltà urbana sostenibbli u l-politika tal-koeżjoni soċjali u ser tistudja bosta skemi ta' tariffar għat-trasport urban. L-għan hu li tipprovdi informazzjoni aħjar dwar l-opportunitajiet attwali ta' finanzjament mill-Unjoni, ittejjeb l-opportunitajiet li jeżistu billi tiżgura li l-istrumenti kollha, bħall-Fondi Strutturali u l-fondi għar-riċerka, jaħdmu flimkien b'mod aħjar, tesplora skemi innovattivi ta' sħubijiet privati-pubbliċi u teżamina l-ħtiġijiet ta' finanzjament għal mobbiltà urbana sostenibbli.

4.4.5   Skambju ta' esperjenza u għarfien

Il-partijiet kkonċernati għandhom ikunu jistgħu japprofittaw mill-esperjenza li jkunu kisbu l-oħrajn. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ser tistabbilixxi bażi tad-data li tinkludi informazzjoni dwar firxa wiesgħa ta' soluzzjonijiet diġà ttestjati u implimentati. Din il-bażi tad-data ser tagħti wkoll ħarsa ġenerali lej il-leġislazzjoni Ewropea u l-istrumenti utli ta' finanzjament, b'mod partikolari permezz ta' osservatorju tal-mobbiltà urbana f'forma ta' pjattaforma virtwali.

4.4.6   Titjib tal-mobbiltà urbana

Biex tiffaċilita l-bidla lejn mezzi tat-trasport aktar ekoloġiċi u loġistika aktar effiċjenti, il-Kummissjoni ser tipproponi li jitħaffu l-pjani ta' mobbiltà urbana sostenibbli fil-bliet u r-reġjuni. Għal dan il-għan, ser tfassal dokument ta' gwida dwar l-aspetti importanti ta' dawn il-pjani bħad-distribuzzjoni tal-merkanzija fiż-żoni urbani u s-sistemi ta' trasport intelliġenti.

4.5   Fl-2012, il-Kummissjoni ser teżamina l-implimentazzjoni ta' pjan globali u ser tiddeċiedi hemmx bżonn li jittieħdu azzjonijiet ġodda.

5.   Kummenti ġenerali

5.1   It-trasport pubbliku huwa ta' interess ġenerali u għaldaqstant għandu jissodisfa kriterji ta' universalità, aċċessibbiltà, kontinwità, kwalità u prezz raġonevoli. Fid-dawl ta' dan kollu, il-KESE japprova l-azzjonijiet kollha stabbiliti fil-Komunikazzjoni peress li kull waħda minnhom hija pass fit-triq it-tajba.

5.2   Madankollu, jekk il-KESE, minn naħa, jinsab kuntent li d-dokument tal-Kummissjoni jikkwota l-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper dwar il-mobbiltà urbana fost l-opinjonijiet ta' referenza li fuqhom hija bbażata l-Komunikazzjoni, min-naħa l-oħra, iħoss li għandu jinnota li l-proposti tal-Kummissjoni b'mod ġenerali ma jikkunsidrawx biżżejjed ir-rakkomandazzjonijiet li għamel il-KESE f'dik l-opinjoni u f'opinjonijiet oħra dwar is-suġġett (7).

5.3   Mingħajr ma jinxteħet dubju fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u s-setgħa limitata tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam, il-KESE jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet li ressaq fl-opinjoni esploratorja tiegħu (8) (L-integrazzjoni tal-politiki tat-trasport u tal-użu tal-art għal trasport iktar sostenibbli fil-bliet) favur it-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni għadhom ma ġewx ikkunsidrati.

5.4   Biex ma tiksirx il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni tat lilha nfisha r-rwol li tiffaċilita jew li tgħin, aktar milli tirregola jew tipprovdi s-servizz. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri li ressqet il-Kummissjoni mhuma xejn aktar ħlief pariri b'intenzjoni tajba – u ċertament jistħoqqilhom tifħir – iżda la huma vinkolanti u wisq inqas revoluzzjonarji.

5.5   Barra minn hekk, kull min jaqra l-Komunikazzjoni inkwistjoni jista' jasal għall-konklużjoni li fil-fatt hija kopja, jekk mhux kelma b'kelma, tal-inqas f'termini ta' kontenut, tal-Komunikazzjoni dwar l-iżvilupp tan-netwerk taċ-ċittadini COM(1998) 431 finali.

5.6   Ħdax-il sena wara l-Komunikazzjoni tal-1998, magħrufa bl-islogan ta' “push and pull” (biex in-nies jitħeġġu jużaw it-trasport pubbliku minflok il-karozza privata), l-istess kwistjonijiet għadhom rilevanti sal-lum, b'mod partikolari l-promozzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u t-tqabbil tal-prestazzjoni, it-twaqqif ta' qafas politiku adatt u l-użu tal-istrumenti finanzjarja tal-Unjoni Ewropea.

5.7   Il-KESE jiddispjaċih li ma saritx valutazzjoni tal-inizjattivi previsti fil-Komunikazzjoni tal-1998 bħal pereżempju: is-servizz Ewropew ta' informazzjoni għat-trasport lokali (ELTIS), il-ftehim konkluż man-netwerk tal-bliet u r-reġjuni (POLIS), l-interkonnessjoni tan-netwerks nazzjonali ta' passaġġi ddedikati għaċ-ċiklisti, l-iżvilupp ta' sistema ta' awtovalutazzjoni tal-prestazzjoni ta' kwalità, il-proġett pilota ta' benchmarking tal-prestazzjoni tas-sistemi tat-trasport lokali tal-passiġġieri, il-gwida dwar il-ġestjoni tal-mobbiltà u l-analiżi tal-ostakli, l-istampar ta' biljetti b'mod elettroniku, it-taħriġ tas-sewwieqa professjonali, il-komunikazzjoni dwar il-ġestjoni tal-mobbiltà prevista għall-2000 kif ukoll għadd ta' proġetti ta' riċerka li tħabbru.

5.8   Il-KESE kien jippreferi li kieku l-Pjan ta' Azzjoni, tal-anqas, ikun akkumpanjat minn objettivi kwantitattivi bbażati fuq sensiela ta' indikaturi (ara l-Opinjoni CESE 1196/2009) li l-bliet u r-reġjuni periurbani għandhom jipprovaw jilħqu permezz ta' pjani ta' mobbiltà sostenibbli li jagħżlu huma.

5.9   Dan huwa ta' dispjaċir akbar fid-dawl tal-fatt li fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista' tintuża faċilment” COM(2009) 279 finali, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li ma ntlaħqux l-objettivi li ġew stabbiliti fir-rigward tas-sostenibbiltà tat-trasport u li jeħtieġ li d-direzzjonijiet jinbidlu b'mod fundamentali.

5.10   Il-kwistjonijiet soċjali, il-pressjoni fuq l-ambjent mis-soċjetà tal-konsumaturi, il-mobbiltà mhux motorizzata, il-muturi u miżuri biex jiġi evitat l-ivvjaġġar b'vetturi bil-mutur pjuttost twarrbu. Dan jgħodd ukoll għall-kooperazzjoni transkonfinali, l-ippjanar tal-art, l-iżvilupp urban u t-tifrix urban (urban sprawl) li jżidu l-bżonn ta' infrastruttura tat-trasport.

5.11   Il-KESE jqis li huwa neċċessarju li dan il-pjan ta' azzjoni jiġi ffinalizzat bi pjan ieħor, li jidħol fid-dettall dwar, fost oħrajn, il-mobbiltà mhux motorizzata u l-muturi.

5.12   L-għan ewlieni tal-Pjan ta' Azzjoni huwa t-titjib u l-ġestjoni tal-mobbiltà motorizzata individwali, u mhux li dan jiġi evitat. Il-ġestjoni restrittiva tat-talba għall-użu tal-karozza, kemm jekk permezz ta' approċċi pożittivi bħall-promozzjoni ta' skemi ta' car-pooling jew ta' miżuri dissważivi (politika dissważiva ta' pparkjar, ħlasijiet għall-użu tat-triq u ċitazzjonijiet), hija limitata għad-dikjarazzjoni ta' studju dwar ir-regoli li jikkonċernaw l-aċċess għat-tipi differenti ta' żoni ħodor.

5.13   L-istudji previsti fil-Pjan ta' Azzjoni, b'mod partikolari dwar l-aċċettazzjoni mill-pubbliku tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq f'żoni urbani, l-integrazzjoni ta' sewqan li jiffranka l-enerġija, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u d-disponibbiltà tat-teknoloġiji u l-mod kif jiġu rkuprati dawn l-ispejjeż, żgur li ser iġibu magħhom valur miżjud għalkemm il-miżuri prattiċi li ser ikunu meħtieġa m'għandhomx jiġu sagrifikati minħabba diskussjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

5.14   Fl-aħħar, il-Pjan ta' Azzjoni ma jindirizzax il-mod kif is-soċjetà ċivili tista' tkun involuta aktar mill-qrib f'azzjonijiet li jippromovu mobbiltà sostenibbli, minkejja l-fatt li s-soċjetà ċivili tista' tlaqqa' flimkien il-partijiet ikkonċernati u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u u tissensibilizza lill-pubbliku b'tali mod li jerġa' jikkunsidra u jbiddel il-mod ta' kif normalment jivvjaġġa.

6.   Kummenti partikolari

Biex ikompli mal-kummenti ġenerali t'hawn fuq, il-KESE jixtieq jagħmel għadd ta' osservazzjonijiet dwar uħud mill-20 azzjoni speċifika.

Azzjoni Nru 1 –   Aċċelerazzjoni tal-adozzjoni ta' pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli

Azzjoni Nru 6 –   Titjib tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar

6.1   Il-KESE jilqa' l-fatt li fil-futur il-Kummissjoni ser tagħti l-appoġġ loġistiku tagħha lill-awtoritajiet lokali għall-implimentazzjoni ta' pjani ta' mobbiltà urbana sostenibbli għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri.

6.2   Il-Pjan ta' Azzjoni jispeċifika li fuq medda itwal ta' żmien, il-Kummissjoni tista' tieħu miżuri oħra, pereżempju permezz ta' inizjattivi u rakkomandazzjonijiet.

6.3   Il-KESE jixtieq itenni l-proposta tiegħu biex kull għajnuna finanzjarja li tingħata lill-awtoritajiet lokali mill-fondi Ewropej tkun soġġetta għall-obbligu li jitfasslu pjani ta' mobbiltà, filwaqt li l-bliet għandhom ikunu ħielsa li jadattaw dawn il-pjani għall-ispeċifiċitajiet lokali.

6.4   Madankollu, dawn il-pjani għandhom jinkludu objettiv vinkolanti għal bidla lejn mezzi tat-trasport aktar ekoloġiċi b'konformità mal-esiġenzi minimi Ewropej bil-għan li:

jiġi żgurat li kull ċittadin, viżitatur u professjonist igawdi minn mezzi tat-trasport sostenibbli u jiġu eliminati l-inugwaljanzi soċjali fir-rigward tal-mobbiltà;

jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis, l-istorbju u l-konsum tal-enerġija;

jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż esterni.

6.5   Il-premju speċjali għall-“mobbiltà urbana” irrakkomandat mill-Kummissjoni, premju li l-KESE jħeġġeġ li għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien, għandu jingħata jekk dawn il-kriterji jiġu rispettati.

Azzjoni Nru 4 –   Pjattaforma dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport pubbliku urban

6.6   Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-proposta tiegħu biex id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport pubbliku jinġabru flimkien f'“karta tad-drittijiet”.

6.7   Madankollu, il-KESE jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-approċċ regolatorju ser jiġi kkompletat permezz ta' indikaturi komuni ta' kwalità biex jiġu protetti d-drittijiet tal-passiġġieri u tal-persuni b'inqas mobbiltà, kif ukoll permezz ta' proċeduri komuni ta' ilmenti u mekkaniżmi ta' notifika.

6.8   Il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tindirizzax wieħed mill-ostakli ewlenin għall-użu tat-trasport pubbliku, jiġifieri n-nuqqas ta' sigurtà speċjalment fuq ir-rotot li l-anqas jintużaw u l-vjaġġi ta' filgħaxija jew ta' billejl u jemmen li persunal imħarreġ kif suppost u fi kwantijiet suffiċjenti u s-sorveljenza permezz ta' vidjo huma mezzi ta' prevenzjoni effikaċji kontra l-kriminalità fit-trasport pubbliku.

6.9   In-numru kbir ta' atturi, li jwassal għal differenzi konsiderevoli fil-forma u s-sustanza tal-miżuri adottati, jagħmilha indispensabbli li l-azzjonijiet jiġu valutati b'mod regolari biex jiġi determinat jekk azzjoni jew politika tissodisfax il-bżonnijiet tal-utenti bil-għan li, fejn ikun meħtieġ, tiġi adattata, modifikata jew eliminata. Madankollu, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ma jsemmi xejn minn dan.

Azzjoni Nru 5 –   Titjib tal-aċċessibbiltà għal persuni b'inqas mobbiltà

6.10   Il-KESE jqis li l-għadd ta' ċittadini Ewropej b'inqas mobbiltà (l-anzjani, il-morda, persuni b'diżabbiltà, iżda wkoll nisa tqal jew persuni b'pushchair) jaqbeż sew il-100 miljun.

6.11   Għalkemm ċerti bliet ħadu miżuri eżemplari favur il-persuni b'inqas mobbiltà, xorta waħda jibqgħu inizjattivi iżolati. Ħafna drabi dawn il-persuni jiffaċċjaw ostakli li diffiċli jingħelbu huma u jivvjaġġaw bit-trasport pubbliku (aċċessibbiltà, tagħmir) jew bil-mixi (postijiet kumplessi mnejn jaqsmu n-nies, bankini dojoq, terrazzi ta' cafés jew ristoranti fuq il-bankini, eċċ.). Ma' dan wieħed irid iżid ukoll in-nuqqas ta' sens ċiviku ta' ċittadini oħra (jipparkjaw fejn iridu, ma jirrispettawx postijiet ta' parkjar riservati għall-persuni b'diżabbiltà). Il-KESE jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill li jinħoloq mekkaniżmu jew programm pan-Ewropew bex tiġi promossa l-aċċessibbiltà fil-bliet u l-muniċipalitajiet tal-Ewropa, u jesprimi x-xewqa tiegħu li jkun involut mill-qrib f'inizjattiva bħal din fid-dawl tar-rilevanza tagħha għas-soċjetà ċivili.

6.12   L-appoġġ tekniku mhuwiex żviluppat biżżejjed biex jaqdi l-bżonnijiet reali tal-individwi minħabba d-daqs limitat tas-suq li jfixkel l-investiment u l-innovazzjoni.

6.13   Għaldaqstant, il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-kwistjoni tal-aċċessibbiltà tal-persuni b'inqas mobbiltà tiġi integrata fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Diżabbiltà 2010–2020 u li jiġu definiti indikaturi ta' kwalità u mekkaniżmi ta' notifika adatti.

6.14   Flimkien ma' dawn il-miżuri, il-mezzi finanzjarji adatti għandhom ikunu disponibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda qabel kollox fil-livell tal-UE permezz tal-fondi Ewropej.

Azzjoni Nru 8 –   Kampanji dwar imġiba li tiffavorixxi l-mobbiltà sostenibbli

6.15   Il-Kummissjoni beħsiebha tikkunsidra premju speċjali biex tħeġġeġ l-adozzjoni ta' pjani ta' mobbiltà urbana sostenibbli.

6.16   Il-KESE jilqa' l-introduzzjoni ta' premju bħal dan u jirreferi għall-opinjoni tiegħu (CES 324/99) dwar il-Green Paper dwar netwerk taċ-ċittadini fejn diġà kien ressaq l-idea li l-fatt li jingħataw premji għall-kwalità u/jew il-prezz jistimula l-kompetizzjoni fil-qasam tal-kwalità b'mod ġenwin.

Azzjoni Nru 12 –   Studju dwar aspetti urbani tal-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni

Azzjoni Nru 13 –   Skambju ta' informazzjoni dwar skemi ta' tariffar f'żoni urbani

6.17   Trasport pubbliku bi prezzijiet raġonevoli huwa, bla dubju ta' xejn, vijabbli mil-lat soċjali madankollu huwa evidenti li, mil-lat finanzjarju, dan iwassal għal telf konsiderevoli. Id-dħul mill-utenti ma jistax ikopri l-ispejjeż operattivi kollha u wisq anqas l-investiment u dan ifisser li s-sussidji pubbliċi jibqgħu essenzjali.

6.18   F'dan il-kuntest, il-KESE jaqbel li studju metodoloġiku dwar l-aspetti urbani tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, kif iddikjarat il-Kummissjoni, fil-futur ser iwassal għal trasparenza fil-kalkoli tal-ispejjeż tas-settur. Huwa jfakkar li l-kwistjoni tal-ispejjeż esterni diġà ġiet indirizzata fil-Komunikazzjoni tal-1998, kif diġà ġiet indirizzata l-possibbiltà li d-dħul mit-tariffar għall-użu tat-toroq jista' jiġi investit mill-ġdid fil-livell lokali, b'mod partikolari fit-trasport pubbliku u l-arranġamenti għan-nies li jimxu fit-triq u ċ-ċiklisti. Għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni fir-rigward ta' dawn iż-żewġ kwistjonijiet.

Azzjoni Nru 15 –   Analiżi tal-ħtiġijiet ta' finanzjament fil-ġejjieni

6.19   9 % biss tal-krediti tal-fondi strutturali huma allokati għat-trasport rigward il-mobbiltà urbana, meta prattikament il-bliet u r-reġjuni kollha (b'livelli differenti) jonqoshom il-fondi neċessarju għall-investiment suffiċjenti fil-mobbiltà urbana.

6.20   Għalkemm fil-pjan ta' direzzjoni tagħha l-Kummissjoni tipprevedi analiżi tal-ħtiġijiet ta' finanzjament fil-ġejjieni wara l-2010, filwaqt li tkompli tappoġġja finanzjarjament il-programm CIVITAS (9), il-KESE kien jippreferi li kieku jittieħed impenn aktar formali għall-allokazzjoni ta' fondi addizzjonali, iżda mingħajr ma jiġu injorati l-possibbiltajiet finanzjarji għall-mobbiltà urbana permezz tal-fondi miġbura mis-sistemi ta' ħlas għall-użu tat-toroq urbani jew mit-taxxi tal-parking. Il-KESE jipproponi l-ħolqien ta' strument finanzjarju speċifiku għall-promozzjoni tal-mobbiltà urbana.

6.21   Fil-Komunikazzjoni tal-1998 dwar l-iżvilupp tan-netwerk taċ-ċittadini, l-għan tal-Kummissjoni kien li tappoġġja b'mod prijoritarju l-iskemi lokali u reġjonali ta' trasport sostenibbli u xtaqet teżamina mezzi biex jiġi żgurat li dawk li jippromovu skemi bħal dawn iqisu r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà. Il-KESE jkun ferm interessat li jiġi infurmat dwar ir-riżultat ta' din l-analiżi.

6.22   Fil-fehma tal-KESE, aktar milli jipprevedi l-prijoritajiet, waqt ir-reviżjoni ppjanata għall-2013, ir-regolament futur dwar il-fondi Komunitarji għandu jorbot l-allokazzjoni tal-fondi Komunitarji għat-trasport pubbliku urban mal-implimentazzjoni tal-pjani tal-mobbiltà urbana u r-rispett strett tal-kriterji ta' aċċessibbiltà għall-persuni b'inqas mobbiltà.

Azzjoni 17 –   Il-ħolqien ta' osservatorju tal-mobbiltà urbana

6.23   Il-KESE huwa favur il-ħolqien ta' osservatorju tal-mobbiltà fil-forma ta' pjattaforma virtwali peress li l-iskambju tal-prattiki tajbin għandu jmiss l-aspetti kollha tal-mobbiltà urbana, fosthom l-aċċessibbiltà għall-persuni b'inqas mobbiltà.

Brussell, 27 ta’ Mejju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 77.

(2)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 39; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 1.

(3)  (2008/2217(INI)), relatur: is-Sur Savary.

(4)  Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità ta' l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa; Direttiva 2002/49/KE dwar il-ġestjoni tal-istorbju fl-ambjent. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  COM(2009) 279 finali.

(6)  ĠU C 255, 27.9.2010, p. 110.

(7)  ĠU C 255, 27.9.2010, p. 110; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 39; ĠU C 168, 20.7.2007, p. 77.

(8)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 1.

(9)  CIVITAS: (City Vitality Sustainability) programm Komunitarju ta' riċerka u innovazzjoni fil-qasam tat-trasport urban.