21.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 21/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-bżonn li jiġi adottat approċċ integrat għar-riabilitazzjoni urbana” (opinjoni esploratorja)

2011/C 21/01

Relatur: is-Sur GRASSO

Fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Ministeru Spanjol tad-Djar, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’isem il-Presidenza Spanjola, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

Il-bżonn li jittieħed approċċ integrat għar-riabilitazzjoni urbana.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Mejju 2010.

Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-26 ta’ Mejju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’87 vot favur, 4 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-belt saret sistema li taħli l-enerġija, iżda hija wkoll wieħed mill-fatturi ewlenin tat-tibdil tal-ambjent. Għalhekk, wieħed mill-mezzi importanti fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet dannużi tas-CO2 u t-tibdil fil-klima huwa li tittieħed azzjoni koordinata fil-livell tal-UE għall-iżvilupp aktar deċiżiv ta’ politiki favur ir-riabilitazzjoni urbana.

1.2   Il-KESE huwa favur strateġija ta’ miżuri fuq skala urbana jew metropolitana għar-riabilitazzjoni tal-inħawi mitluqa f’dak li jirrigwardja l-bini, l-aspetti urbanistiċi u dawk soċjali u ambjentali.

1.3   Sfortunatament, l-istrumenti konvenzjonali tal-ippjanar tal-użu tal-art għadhom mhumiex adatti għal dan it-tip ta’ approċċ, anke minħabba l-fatt li l-bliet ivarjaw fil-lokazzjoni tagħhom u s-servizzi urbani li joffru, u għalhekk mhux possibbli jinstabu soluzzjonijiet uniformi. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-UE toħloq strumenti li jissejsu fuq sistemi ta’ indikaturi tal-kwalità urbana, ibbażati fuq limiti standard ta’ degradazzjoni soċjourbana u ambjentali. Jirrakkomanda wkoll li toħloq indiċi tar-riabilitazzjoni urbana bil-għan li titkejjel l-effiċjenza amministrattiva, ir-rata ta’ suċċess tal-miżuri u l-livell ta’ sodisfazzjon tal-abitanti.

1.4   F’dan ir-rigward, ser insemmu għadd ta’ proposti li saru f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE u nittamaw li, bil-għan li jitwessa’ d-dibattitu Ewropew dwar il-bliet sostenibbli, tintlaqa’ tajjeb il-proposta tagħna li jitwaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Urban u s-Sostenibbiltà (1).

1.5   Sabiex jitnieda “rinaxximent urban ġdid”, li jenfasizza l-mudell ta’ riabilitazzjoni urbana integrata u li jagħti attenzjoni partikolari lit-tibdil demografiku, il-koeżjoni soċjali, l-analiżi mill-ġdid tal-bażi ekonomika urbana, ir-rivalutazzjoni tal-wirt naturali, il-proċessi ta’ dematerjalizzazzjoni, il-bliet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-bijodiversità, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-livelli kollha tal-gvern (Kummissjoni, gvernijiet nazzjonali, reġjuni u awtoritajiet lokali). Iżda din għandha tkun karatterizzata minn applikazzjoni aktar flessibbli u inqas riġida tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mhux biss minn qafas ġerarkiku ta’ setgħat. Għal dan il-għan, il-KESE jħeġġeġ il-promozzjoni ta’ netwerks tematiċi fost il-bliet li jaħdmu favur l-implimentazzjoni ta’ riabilitazzjoni urbana sostenibbli.

1.6   It-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija tal-bini u l-infrastruttura għandu jkun fattur strateġiku tal-impenn politiku fil-konfront tar-riabilitazzjoni urbana fl-UE minħabba l-benefiċċji tiegħu mil-lat tat-tnaqqis fid-domanda tal-enerġija u ż-żieda sostanzjali fl-impjiegi ġodda fl-Ewropa. Il-KESE jinsab fiduċjuż li l-UE ser tmexxi ’l quddiem dawn l-għanijiet permezz tal-integrazzjoni dejjem tikber mal-programmi settorjali li qed jitħejjew dwar il-politika tal-UE fil-qasam tal-innovazzjoni, il-politika tal-UE fil-qasam tat-trasport għall-perijodu 2010-2020 u l-Pjan SET (Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija). Iħeġġeġ ukoll żieda fl-investiment billi, permezz tal-BEI, jiżdiedu l-istrumenti finanzjarji għad-dispożizzjoni tiegħu (JESSICA, JASPERS, eċċ.) u jħeġġeġ ukoll il-promozzjoni ta’ sħubijiet pubbliċ-privati effettivi.

1.7   Il-KESE jittama li l-integrazzjoni tas-sistemi tat-trasport sostenibbli u tal-enerġija ssir il-bażi tal-politika fil-qasam tar-riabilitazzjoni urbana. Barra minn hekk, din il-politika ta’ integrazzjoni għandha tkun appoġġjata permezz ta’ finanzjament mill-UE għan-netwerks tat-trasport sostenibbli u politiki fil-qasam tal-enerġija alternattiva li huma essenzjali għar-riabilitazzjoni tal-periferiji.

1.8   Jittama wkoll li l-Istati Membri jadottaw inċentivi fiskali li jħeġġu ċ-ċittadini jikkontribwixxu bil-għan li kull bini jitbiddel f’ġeneratur tal-enerġija.

1.9   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu promossi l-iżvilupp kulturali u l-intraprenditorija, speċjalment fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li jistgħu jsibu soluzzjonijiet innovattivi għar-rijabilitazzjoni u l-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi.

1.10   Il-KESE jemmen ukoll li, bil-għan li titħeġġeġ parteċipazzjoni aktar responsabbli min-naħa taċ-ċittadini fl-implimentazzjoni tal-programmi tar-riabilitazzjoni urbana integrata, jeħtieġ li jkun hemm djalogu u jiġu kkonsultati l-komunitajiet fi ħdan ċentri urbani, inklużi n-nisa, iż-żgħażagħ u dawk li qegħdin f’riskju ta’ esklużjoni. Għandha titnieda kampanja pubbliċitarja fil-livell Ewropew bi sħab man-netwerks li jirrappreżentaw liċ-ċittadini u s-setturi dwar it-tfaddil li jista’ jsir fil-prattika permezz tal-produzzjoni ta’ enerġija nadifa. Il-kampanja attwali la hija mmirata biżżejjed u lanqas ma għandha riżorsi adegwati.

1.11   Sabiex ikunu jistgħu jkunu kompetittivi mal-megalopoli Asjatiċi, il-politiki tar-riabilitazzjoni urbana tal-bliet Ewropej għandhom ikunu jistgħu jikkombinaw ir-riabilitazzjoni tradizzjonali tal-ispazji fiżiċi mad-dematerjalizzazzjoni, li hija rappreżentata wkoll mit-teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni. B’hekk, l-ambjent jiġi kkonservat u jiġi evitat li l-bliet inaqqru iżjed u iżjed miż-żoni ħodor.

1.12   Barra minn hekk, fil-fehma tal-KESE, huwa strateġikament importanti li jitnieda proċess fuq skala wiesgħa għat-taħriġ tal-mexxejja, bil-għan li jiżdiedu r-responsabbiltà, il-kreattività u l-kwalità tagħhom. L-għan huwa li tittejjeb il-kapaċità tagħhom li jagħmlu għażliet għaqlija huma u jmexxu politiki ta’ riabilitazzjoni u żvilupp urban li jikkonformaw mal-għanijiet tat-tkabbir sostenibbli tal-UE. Fl-istess ħin, il-KESE jtenni l-importanza tal-kooperazzjoni mad-DĠ Regio u jitlob li tissaħħaħ. Iżda l-Kumitat iqis ukoll bħala essenzjali l-opportunità u l-ħtieġa li jissaħħaħ it-tim operattiv tad-DĠ Regio li jaħdem fil-qasam tal-politika urbana, bil-għan li jitħaffu l-proċessi involuti fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ żvilupp li l-Kummissjoni beħsiebha tniedi.

2.   Introduzzjoni

2.1   F’dawn l-aħħar għaxar snin, il-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Sostenibbli Ewropej (Mejju 2007) kienet waħda mill-aktar xhieda importanti tar-rieda tal-Istati Membri li jaslu għal ftehim dwar strateġiji u prinċipji komuni għall-politika ta’ żvilupp urban. Id-dibattitu dwar il-politiki urbani żdied bil-qawwa fil-livell tal-UE. Il-Presidenza Spanjola qed tkompli taħdem f’dan il-qasam billi tagħti attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni u talbet lill-KESE u lill-Kumitat tar-Reġjuni jressqu l-analiżi tagħhom kif ukoll li jikkontribwixxu għad-dibattitu fl-okkażjoni tal-laqgħa informali tal-Ministri tal-UE.

2.2   L-analiżi hija dwar għadd ta’ kwistjonijiet importanti li jridu jissolvew fil-bliet permezz ta’ politika ta’ riabilitazzjoni urbana bil-għan li jinkiseb, permezz ta’ approċċ integrat, livell ta’ sostenibbiltà urbana li jissodisfa dawn il-bżonnijiet:

it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini Ewropew, li ż-żmien li ilu mibni jagħmlu sors ta’ emissjonijiet dannużi li jdgħajfu bil-bosta l-kwalità tal-ħajja urbana, billi jinħolqu impjiegi ġodda u jitħeġġu l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku;

żieda aktar qawwija fil-koeżjoni soċjali permezz ta’ programm integrat ta’ riabilitazzjoni għall-inħawi mitluqa, bil-għan li tinkiseb l-integrazzjoni soċjali, li ssir ġlieda kontra l-esklużjoni, li jsir taħriġ, eċċ.;

kontribut għas-sostenibbiltà ambjentali, anke permezz tar-riabilitazzjoni urbana tal-inħawi mitluqa, permezz tal-adattament tal-bini eżistenti b’mod li jissodisfa l-għanijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-abitabbiltà u l-aċċċessibbiltà, bil-għan li ż-żoni ħodor ma jkomplux jonqsu.

3.   Ippjanar urban integrat

3.1   Il-ħarsien tal-ambjent, fil-livelli urbani differenti, u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini għandom ikunu għanijiet operattivi importanti tal-politiki reġjonali tal-Istati Membri individwali u tal-UE inġenerali.

3.2   Permezz ta’ din l-opinjoni, il-KESE beħsiebu jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu dwar il-bżonn li jiġu żviluppati politiki integrati ta’ riabilitazzjoni urbana, hekk kif stipulat fil-programm tal-Istrateġija UE 2020 u l-programm tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2).

3.2.1   Il-KESE japprova l-kontenut tad-dokument UE 2020 u jaqbel mal-approċċ operattiv stabbilit fih rigward il-fatt li l-politiki ta’ rabilitazzjoni għandhom bżonn iqisu ċerti kunċetti innovattivi:

it-titjib tar-riżorsi umani, b’mod partikolari b’rabta mal-ħtiġijiet tal-persuni mdaħħla fiż-żmien; il-livell ta’ integrazzjoni tal-migranti ġodda; il-qerda tal-faqar, b’mod partikolari l-faqar fost it-tfal; u ż-żieda tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet;

it-tkabbir ibbażat fuq l-għarfien;

l-iżvilupp ta’ soċjetà parteċipattiva u kreattiva;

l-iżvilupp ta’ ekonomija kompetittiva u interkonnessa, li tagħti attenzjoni lis-suq soċjali u “aħdar”.

3.2.2   Fil-fehma tal-KESE, il-programm tal-Presidenza Spanjola jirrispetta dawn il-kunċetti peress li, b’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, għandu l-għan li jiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini u jħares id-drittijiet fundamentali.

3.2.3   Dawn l-għanijiet iħeġġu idea ta’ riabilitazzjoni li tħaddan fiha interdipendenza qawwija bejn il-kwalità tal-ispazji u l-kwalità tal-ospitalità – fi kliem ieħor, riabilitazzjoni li hija miftuħa għaċ-ċittadini kollha, hi x’inhi l-lingwa, l-oriġini jew ir-reliġjon tagħhom.

4.   Xi wħud mill-kwistjonijiet urbani

4.1   B’konformità mal-prinċipji stipulati fid-dokumenti msemmija hawn fuq, il-kunċett tar-riabilitazzjoni jkollu jissielet ma’ sensiela ta’ bidliet importanti fl-għamla u n-natura tal-bliet (3):

it-tixrid tal-hekk imsejħa “urban sprawl” (“belt imxerrda”), bil-konsum għoli tal-art u d-“diżekonomiji” ta’ skala li ġġib magħha;

it-tnaqqis tal-koeżjoni funzjonali tal-bliet, bil-kriżi fiċ-ċentri storiċi, il-periferiji mitluqa u ż-żoni ta’ produzzjoni;

il-prevalenza ta’ risposti għall-kriżi li huma sostanzjalment konservattivi, jiġifieri bi ftit li xejn immaġinazzjoni jew kreattività, iżda fuq kollox risposti li ma jqisux l-eżiġenzi ta’ dinja globalizzata;

is-sostituzzjoni tas-sistema ta’ “funzjonijiet” b’sistema ta’ “kontenituri”, li għandhom jitqiesu bħala postijiet kumplessi u b’possibbiltà qawwija li jiġġarrfu, f’żoni metropolitani mhux divrenzjati;

it-telf tal-kunċett tal-konfini, li għad għandu skop amministrattiv iżda li tilef it-tifsira ġeografika, simbolika u politika tiegħu;

l-erożjoni taż-żoni ħodor madwar il-bliet, b’telf gravi għall-produzzjoni bijotika;

iż-żieda fil-ħin tal-ivvjaġġar, li jolqot ħażin il-kwalità tal-ħajja;

iż-żoni urbani, saħansitra dawk tradizzjonali, bħalissa għandhom it-tendenza li jiżviluppaw fi spazji magħluqa u speċjalizzati: (iż-żona “residenzjali” u xejn aktar; it-“theme parks” iddedikati għad-divertiment; it-tagħlim limitat għall-iskejjel jew il-kampus; il-kultura fil-mużewijiet u t-teatri, eċċ.). L-ispazju magħluq jenfasizza s-supremazija tal-privat (kemm bħala stil ta’ ħajja kif ukoll bħala kunċett u prattika legali) bi ħsara għall-ħtieġa ta’ komunità.

4.2   Hemm bżonn li l-loġika tal-ispazji magħluqa tikkontrobatti dik tal-ispazju infinit, irrappreżentat minn relazzjonijiet li mhumiex materjali, li fihom il-kunċett tal-ħin jissostitwixxi dak tad-distanza fiżika.

4.3   Għalhekk, ir-riabilitazzjoni taż-żoni urbani għandha twaħħad ir-rikonverżjoni tradizzjonali tal-ispazji fiżiċi mad-dematerjalizzazzjoni: dan jidher bl-aktar mod ċar fit-teknoloġija tat-telekomunikazzjoni. Fil-fatt, il-problema li għandha tiġi solvuta hija l-kunflitt bejn il-moħħ, li sar jirraġuna f’termini ta’ ubikwità, u l-ġisem, li għandu bżonn l-għeruq u ma jistax jiċċaqlaq minn post għal ieħor il-ħin kollu, iżda jixtieq li jkun organizzat f’postijiet u spazji ta’ kwalità tajba.

4.4   Il-proċess tar-riabilitazzjoni għalhekk ser ikun ir-riżultat tas-sinerġija u l-integrazzjoni ta’ tliet aspetti tal-belt:

—   il-belt Agora: imsejsa fuq il-bniedem, b’armonija sħiħa bejn is-sistemazzjonijiet urbani u ż-żona urbana, u bejn il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku;

—   il-belt “glokali” (globali/lokali): frott bilanċ aktar tajjeb bejn il-globalizzazzjoni u l-kapaċità li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi lokali u l-karatteristiċi u l-attitudnijiet differenti;

—   il-belt sostenibbli: għandha tkun tista’ ssolvi l-problemi internament, mingħajr ma tgħaddihom lill-oħrajn jew lill-ġenerazzjonijiet futuri.

5.   Mudell olistiku għar-riabilitazzjoni urbana

5.1   Il-Kumitat huwa favur “rinaxximent urban ġdid (4), ikkaratterizzat minn:

koeżjoni soċjali akbar;

tiġdid kulturali;

analiżi mill-ġdid tal-ekonomija tal-bażi ekonomika urbana b’mod li tiġi indirizzata r-riċessjoni attwali;

it-tisħiħ tal-wirt naturali permezz tad-dematerjalizzazzjoni u ż-żieda fil-bijodiversità.

5.2   Politka msejsa fuq “rinaxximent urban ġdid” twessa’ t-tifsira tal-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku fir-Reġjuni u l-Bliet (5), peress li tinterpreta r-rwol importanti li jaqdu l-awtoritajiet lokali biex tingħeleb il-kriżi bħala fatt strutturali, li għandu l-għan li jkollu impatt mhux biss fuq il-kriżi ekonomika iżda wkoll fuq l-evalwazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi kollha tal-komunitajiet tagħna.

5.3   B’hekk jissawwar mudell integrat ta’ riabilitazzjoni urbana, li huwa l-espressjoni spazjali tal-“green new deal (6), li fih is-sistema olistika tal-miżuri marbuta mar-riżorsi umani naturali u fiżici għandu jkollha bħala punt ta’ referenza importanti definizzjoni mġedda tal-ġid ibbażata mhux biss fuq l-akkumulazzjoni iżda wkoll fuq l-użu meqjus tar-riżorsi u fuq iż-żieda fil-livell tal-benesseri taċ-ċittadini (7).

Dan il-mudell jimplika eżerċizzju fit-tmexxija min-naħa tal-awtoritajiet lokali li jiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u jagħmel mod li l-ekonomija tar-reġjuni tagħhom tħaffef l-iżvilupp tas-swieq u l-hekk imsejħa “teknoloġiji ħodor”. Il-proposta li jitwaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Urban u s-Sostenibbiltà tista’ tiffaċilita l-promozzjoni u t-tkabbir ta’ netwerks tematiċi bejn il-bliet, anke dawk żgħar u ta’ daqs medju, biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

6.   Is-sistema olistika tar-riabilitazzjoni urbana tinkludi:

6.1   Ir-riżorsi umani

6.1.1   Hemm bżonn ukoll li nwaħħdu l-għan tal-Istrateġija ta’ Lisbona li nibnu soċjetà aktar kompetittiva bbażata fuq l-għarfien u fuq il-kreattività mal-għan tad-dokument UE 2020 li jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-koeżjoni permezz ta’ politiki ta’ appoġġ għall-gruppi soċjali vulnerabbli, b’mod partikolari l-persuni mdaħħla fiż-żmien, integrazzjoni aktar effettiva, b’mod partikolari għall-migranti reċenti, il-qerda tal-faqar u solidarjetà akbar bejn il-ġenerazzjonijiet.

6.1.2   L-UE tat spazju kulturali u prattiku lil dawn il-kwistjonijiet:

l-iżvilupp ta’ “community building”, bil-għan li jingħata aċċess, fl-ippjanar urban, lill-partijiet interessati kollha: l-organizzazzjonijiet tekniċi u professjonjali (dawk involuti fl-ippjanar urban, il-periti, l-inġiniera, eċċ.), dawk intraprenditorjali u dawk involuti fil-qasam tad-djar;

l-iżvilupp ta’ għarfien ġdid u l-prinċipju tal-kreattività permezz tal-promozzjoni ta’ forom ġodda ta’ riċerka u tagħlim, bis-sehem tal-universitajiet, u billi jiġu promossi forom differenti ta’ ppjanar urban kreattiv (8). L-aħjar mod kif tista’ tiżdied l-effiċjenza ta’ dawn l-opportunitajiet ġodda huwa permezz tal-promozzjoni ta’ sħubijiet pubbliċi-privati.

6.1.3   Dawn il-politiki għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid b’mod li:

jiġu promossi prattiki ta’ “governanza tajba” min-naħa tal-bliet, inklużi ż-żoni periurbani u urbani, bil-għan li jittejjeb mhux biss il-benesseri ekonomiku, iżda wkoll dak psikoloġiku, spiritwali u soċjali; u

jinħolqu impjiegi ġodda, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u l-immigranti, kif ukoll jingħata taħriġ mill-ġdid lill-hekk imsejħa ħaddiema “blue-collar” u “white-collar” li ntlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi attwali. Għal dan il-għan, il-KESE jissuġġerixxi li tiġi promossa “carbon army” marbuta mat-tiġdid sostenibbli tal-bliet.

6.1.4   Skont it-tbassir demografiku, fl-2060 aktar min-nofs il-popolazzjoni ser ikollha aktar minn 48 sena, il-flussi migratorji ġodda ser jissaħħu, b’mod partikolari l-flussi taż-żgħażagħ lejn il-bliet, u l-abbandun tar-reġjuni rurali u żvantaġġati. F’dan il-kuntest, fil-livelli lokali, għandhom jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet li ġejjin:

l-iżvilupp ta’ kultura li toħloq sinerġiji bejn l-intraprenditorija pubblika u privata li twassal għat-tkabbir tal-SMEs u tistimola komunità urbana bbażata fuq il-parteċipazzjoni u l-kreattività;

l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi li jsaħħu d-djalogu u l-konsultazzjonijiet mal-komunitajiet urbani billi jinvolvu lin-nisa, liż-żgħażagħ u lil dawk f’riskju ta’ esklużjoni;

it-titjib tal-kwalità tal-ħajja permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-akkomodazzjoni soċjali sostenibbli, il-kura tas-saħħa u s-sistema edukattiva.

6.1.5   L-impjiegi ġodda li jinħolqu permezz tal-hekk imsejjaħ “new green deal” u t-tnaqqis fl-emissjonijiet jitolbu politiki marbuta mat-taħriġ u t-tixrid tal-informazzjoni. Għandha ssir ħidma bil-għan li:

jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-pjattaformi informattivi tal-UE (dwar l-ambjent, l-użu effiċjenti tal-enerġija, it-tasport, l-ekonomija, eċċ.);

issir rabta mal-programm Knowledge and Innovation Communities (KIC) tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija biex jiġi żgurat trasferiment rapidu tat-teknoloġiji ġodda fil-livell lokali;

tiġi żviluppata strateġija soda dwar it-tixrid tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-integrazzjoni tat-teknoloġiji ħodor fil-komunitajiet urbani.

6.2   Ir-riżorsi naturali

6.2.1   Is-supremazija tar-riżorsi naturali fuq ir-riżorsi fiżiċi tagħmel l-istudju tal-metaboliżmu urban vitali għat-twaqqif ta’ proċessi ta’ tiġdid ibbażati fuq l-użu meqjus tal-materja prima u fuq ir-rimi tal-iskart.

6.2.2   L-għarfien tal-metaboliżmu urban huwa għodda importanti għall-ksib tal-għanijiet marbuta mat-titjib tal-kwalità tal-ambjent urban, li huma stabbiliti mill-konvenzjonijiet internazzjonali u mmirati lejn il-konservazzjoni (Kjoto, bijodiversità, ilma, eċċ.) bil-għan li jittaffa t-tibdil fil-klima (9).

6.3   Ir-riżorsi fiżiċi

6.3.1   Ir-riabilitazzjoni urbana fil-konfront tal-proċessi attwali ta’ bidla għandha bżonn tkun inqas u inqas dwar miżuri separati, definiti, limitati, u aktar u aktar dwar proċessi li jiżviluppaw kuntesti polivalenti, ikkaratterizzati mill-kwalità u l-varjetà tal-ispazji u mill-effett li jkollhom fuq xulxin l-aspetti differenti bħall-elastiċità, il-“malleabilità” u l-kapaċità ta’ “ospitalità”.

6.3.2   Fil-fehma tal-KESE, l-importanza dejjem tikber tal-limiti ambjentali, il-proċessi tal-integrazzjoni jew il-piż dejjem jikber tal-interattività ma jistgħux jitwarrbu meta jkunu qed jiġu rriabilitati l-bini u l-infrastruttura.

6.4   Ir-riżorsi mhux materjali

6.4.1   Il-Kunsill Ewropew, permezz tal-programm e-Europe (1999), il-Konvenzjoni ta’ Lisbona (2000), il-programmi operattivi i-2010, josserva li s-soċjetà elettronika (“e-society”) hija l-fattur prinċipali fl-iżvilupp tal-UE. Għaldaqstant, il-Kunsill tal-UE beħsiebu jippromovi proġetti li jħaffu l-proċess ta’ żvilupp ta’ soċjetà li hija kapaċi taħtaf l-opportunitajiet elettroniċi u interattivi. Għal dan il-għan, qed isiru l-arranġamenti meħtieġa biex kull ċittadin Ewropew ikun jista’ jidħol fl-era diġitali u jkollu konnessjoni tal-internet, bil-għan li tinħoloq soċjetà miftuħa, inklużiva u kooperattiva.

6.4.2   Għalhekk, huwa jafda lill-bliet l-inkarigu li jiġbdu lejhom l-għarfien, li jġeddu s-sistema tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini u li jħeġġu r-riorganizzazzjoni tal-mezzi ta’ produzzjoni (10).

6.4.3   Ma hemm l-ebda dubju li l-investiment fl-innovazzjoni teknoloġika urbana għandu jkun rapidu u qawwi, fid-dawl tal-fatt li l-livell ta’ kompetizzjoni li qed niffaċċjaw mil-Lvant huwa għoli ħafna (11).

7.   Lejn “green new deal” għall-bliet

7.1   Ir-riabilitazzjoni urbana hija kwistjoni kumplessa iżda trid tissawwar fi ħdan strateġija biex tkun effiċjenti.

7.2   Huwa probabbli li l-aktar kwistjoni urġenti tirrigwarda r-rabta mill-qrib li hemm bejn ir-riabilitazzjoni tal-bliet, l-ambjenti tagħhom u l-kriżi ekonomika. Fil-fehma tal-KESE, il-proċessi tar-riabilitazzjoni urbana għandhom jitqiesu fid-dawl tal-prinċipji tal-hekk imsejħa “green economy” u bħala opportunitajiet għal “green new deal” Ewropew (12), li jista’ jinvolvi l-integrazzjoni tat-tipi differenti ta’ morfoloġija urbana: il-belt bijotika, il-belt materjali u l-belt tal-“bits”, ilkoll bil-għan li jsaħħu l-belt solidali.

F’dan ir-rigward, ir-rwol tal-ambjent naturali bħala produttur tal-prodotti u s-servizzi li huma essenzjali għall-ħajja tal-bniedem għandu jiġu evalwat mill-ġdid.

8.   Il-belt bijotika

8.1   L-iżvilupp tan-netwerk ekoloġiku

8.1.1   Fil-fehma tal-Kumitat, huwa partikolarment importanti li l-belt tiġi analizzata bħala ekosistema u li jiġi eżaminat bir-reqqa l-valur patrimonjali tal-infrastruttura naturali (bħala sors, pereżempju, ta’ ilma u arja nodfa, il-protezzjoni mir-riħ, il-fertilità tal-ħamrija u l-fertilizzazzjoni bil-polline), li mhux faċli jiġi sostitwit b’soluzzjonijiet teknoloġiċi, jekk mhux bi spejjeż kbar u f’livelli ta’ effiċjenza li ma jistgħux jitqabblu mal-effiċjenza tas-sistemi bijotiċi.

8.1.2   Huwa stmat li sal-2050 l-Ewropa ser titlef 11 % oħra taż-żoni naturali li kellha fis-sena 2000 (13). Għalhekk, l-istituzzjonijiet pubbliċi għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-konsegwenzi ta’ dan il-fenomenu u jżidu l-investiment għall-ħarsien tal-ekosistemi, inklużi l-ekosistemi urbani.

8.2   Il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

8.2.1   Il-belt hija element strateġiku fl-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli. Fil-fatt, it-titjib u t-tiġdid teknoloġiku tal-impjanti tat-tisħin u t-tiksiħ, li jirrappreżentaw 40-50 % tad-domanda globali tal-enerġija, qegħdin fil-qalba tal-politika tal-UE 20-20-20 favur it-tijib tas-servizzi tal-enerġija (tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tal-konsum tal-enerġija u żieda fl-użu tal-enerġiji rinnovabbli ta’ 20 %).

8.2.2   Iż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli b’konformità mal-Pjan SET hija importanti ħafna minħabba l-implikazzjonijiet tagħha fil-qasam tal-impjiegi. Għalhekk, il-komunitajiet urbani għandhom ikunu l-ewwel li jakkwistaw it-teknoloġiji l-ġodda. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kunisll u l-Parlament Ewropew li jiffinanzjaw il-Pjan SET hija f’waqtha ħafna.

9.   Il-belt materjali

9.1   It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini

9.1.1   It-titjib tal-effiċjenża fl-użu tal-enerġija fil-bini u l-infrastruttura hija fattur strateġiku għar-riabilitazzjoni urbana tal-UE. Bis-saħħa tat-teknoloġiji l-ġodda, il-potenzjal għaż-żieda fl-effiċjenza huwa konsiderevoli. Sal-2050, id-domanda għal enerġija primarja tista’ tonqos bi 300 exajoule, bi tnaqqis annwali ta’ 20–25 gigaton ta’ CO2. L-investiment annwali attwali tal-UE fit-teknoloġiji għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa ta’ madwar EUR 60 biljun fis-sena.

9.1.2   Fl-2005, studju tal-Kummissjoni Ewropea wera li l-investiment meħtieġ sabiex innaqqsu l-konsum tal-enerġija b’20 % kien joħloq miljun impjieg (b’mod dirett jew indirett). Dan it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija ser ikun ikkonċentrat f’dawn l-oqsma: it-tidwil tal-bini, it-tagħmir tekniku tal-uffiċċji, it-tagħmir domestiku u l-koġenerazzjoni.

9.1.3   Il-KESE jittama li l-għan ma jkunx limitat biss għat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija iżda wkoll għat-tibdil ta’ kull bini f’ġeneratur tal-enerġija (“every building a power station”).

9.1.4   Dan ser jnvolvi investiment konsiderevoli fir-riċerka fis-snin li ġejjin u ser ikollu l-għan li jbiddel il-mod kif jinbnew il-bliet b’mod li jagħmlu l-aħjar użu tal-metaboliżmu tagħhom permezz tal-użu ta’ materjal innovattiv u soluzzjonijiet ta’ loġistika relatati mal-art għall-bini li jkunu dejjem iżjed sofistikati.

9.1.5   It-tiġdid tal-patrimonju arkitettoniku jitlob sinerġiji finanzjarji u politiki ta’ kooperazzjoni fil-livell globali, peress li:

jekk jitlef mill-kompetittività, dan ikollu impatt negattiv fuq l-impjiegi;

ikollu jikkompetti mas-sistemi internazzjonali, b’mod partikolari dawk Asjatiċi, li qed jespandu b’rata mgħaġġla ħafna. Il-miżuri ta’ riabilitazzjoni b’rabta ma’ dan għandhom jitqiesu bħala bażi għall-esportazzjoni;

hemm bżonn li l-pajjiżi Ewropej bi dħul aktar baxx jiġu involuti f’dan il-proċess;

m’għandux jiġi indirizzat b’mod separat mill-problema tal-alloġġ soċjali, li tolqot lil miljuni ta’ ċittadini Ewropej.

9.2   Sistema integrata tal-infrastruttura

9.2.1   Id-dokumenti tal-UE dwar il-koeżjoni soċjali jenfasizzaw l-importanza tal-integrazzjoni ta’ kull tip ta’ infrastruttura, kunċett li jmur lil hinn mis-sempliċi fatt li jiġu żgurati rabtiet tajbin bejn ir-reġjuni kollha. Fl-Ewropa, ġew allokati EUR 600 miljun għall-modernizzazzjoni tan-netwerks minn issa sal-2020, li EUR 90 miljun minnhom ser ikunu ddedikati għall-infrastruttura “intelliġenti”.

9.2.2   Anke l-infrastruttura integrata għandha tkun għan importanti tar-riabilitazzjoni urbana u għandha tinvolvi l-aċċess:

għas-servizzi bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-enerġija sostenibbli, li, bis-saħħa tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni, qed isiru interattivi, pereżempju fil-każ tat-telemediċina u t-tagħlim mill-bogħod;

għas-sistemi tat-trasport, li l-integrazzjoni sostenibbli tagħhom tinvoli t-titjib tas-sistema tal-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilmijiet interni, l-aċċess għall-ajruporti, l-iżvilupp ta’ mezzi tat-trasport intermodali u sistemi avvanzati għall-ġestjoni tat-traffiku, u t-titjib tal-passaġġi għar-roti u għall-mixi. Is-sistema integrata tat-trasport tipprovdi appoġġ lil politika urbana li jkollha l-għan li tevita l-hekk imsejħa “urban sprawl” b’mod li jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-ispejjeż soċjali marbuta mal-ivvjaġġar u t-tranżazzjonijiet kummerċjali;

għal sistema ta’ trasport sostenibbli flimkien ma’ sistema ta’ enerġija effiċjenti, li huma l-bażi ta’ politika ta’ riabiltazzjoni urbana tal-UE, li għandha tagħti prijorità lill-finanzjament ta’ netwerks ta’ trasport sostenibbli u enerġija funzjonali li jestendu sal-periferiji li jkollhom bżonn jiġu rriabilitati;

għan-netwerk tal-enerġija. It-tkabbir tas-settur tat-trasport li jaħdem bl-elettriku (ara d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli), tat-teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni u tal-kompjuters jiġġenera żieda esponenzjali fil-konsum tal-enerġija; għalhekk, hemm bżonn ta’ netwerk intelliġenti tad-distribuzzjoni li jnaqqas kemm jista’ jkun it-telf, iżid l-effiċjenza, jadatta għall-ħtiġijiet u jassorbi l-produzzjoni żejda tal-enerġija solari. Barra minn hekk, għandu jiġi promoss netwerk urban ta’ stazzjonijiet għar-riforniment tal-elettriku u l-idroġenu, li jiġu forniti minn sorsi rinnovabbli prodotti fil-post;

għan-netwerks telematiċi, b’mod partikolari l-internet bil-broadband, li sar indispensabbli kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-familji.

10.   Il-belt tal-“bits”

10.1   Il-pjattaformi urbani b’livell għoli ta’ interattività, li bħalissa qed jiġu żviluppati permezz tat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni tal-ġenerazzjoni ġdida, għandhom l-għan li jaċċelleraw il-proċessi tar-riabilitazzjoni u jintroduċu fatturi innovattivi li jikkontribwixxu għal dawn il-ħidmiet:

jissuperaw ir-rwol ċentrali li taqdi l-infrastruttura tat-toroq, favur sinerġija bejn it-toroq, il-GPS, il-kompjuters u l-ħolqien ta’ netwerk li jagħmilha possibbli li jiġu żviluppati sistemi ta’ loġistika interattivi; jiġu kkollegati d-djar madwar id-dinja, u jitwessa’ r-rwol tagħhom u jitbiddlu, mil-lat tal-konnettività, f’postijiet tax-xogħol, tad-divertiment u ta’ kura, eċċ.;

jintegraw il-provvista tas-servizzi pubbliċi u privati; dan jagħti lok għal proċessi ta’ riabilitazzjoni li jagħmluha possibbli li l-pjattaformi tal-amministrazzjoni pubblika (permessi tal-bini, reġistru tal-artijiet, taxxi, eċċ.) jagħtu aċċess interattiv lill-intrapriżi, id-djar u l-“personal digital devices” taċ-ċittadini;

jagħmlu progress radikali fil-proviżjoni tas-servizzi tas-saħħa bi spejjeż imnaqqsin b’mod sostanzjali. It-teknoloġiji ġodda tan-netwerks, il-minjaturizzazzjoni u l-possibbiltà ta’ ġarr (“portability”) tal-apparat jagħmluha possibbli li jsir monitoraġġ fid-djar tal-aktar funzjonijiet importanti u vitali u tal-proċeduri tas-saħħa onlajn;

inaqqsu l-asimmetrija fir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini u d-detenturi tal-għarfien (il-persunal tekniku, it-tobba, il-politiċi, eċċ.) bil-għan li jbiddlu l-istrutturi tradizzjonali “top-down” fi strutturi kollaborattivi ġodda;

jissorveljaw b’mod attiv iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja urbana, bil-għan li li jsir tfaddil sostanzjali fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-belt.

11.   Il-belt solidali

11.1   Il-fatturi li ġew ikkunsidrati s’issa huma importanti, saħansitra strumentali, għall-proċess tar-riabilitazzjoni urbana, li l-għan fundamentali tiegħu huwa li jżid il-koeżjoni soċjali, b’konformità mal-prinċipju fundamentali tal-komunità Ewropea tagħna, li jittenna kemm-il darba.

11.2   Iż-żieda fil-koeżjoni soċjali titlob it-tiġdid tas-sistemi ta’ ġestjoni fil-livelli kollha, minn dawk tal-UE sa dawk lokali, bil-għan li jiġu indirizzati l-kumplessità u d-diversità tar-relazzjonijiet li jikkaratterizzaw is-soċjetà tagħna. Dan qiegħed iġedded il-katina tar-relazzjonijiet mil-lat tal-approċċ kollaborattiv, tat-tnaqqis tal-asimmetrija u l-evoluzzjoni tal-kunċett tal-“leadership”.

11.3   L-approċċ kollaborattiv jirrappreżenta l-bażi tal-ġestjoni sostenibbli, li għandha l-għan li tagħti lill-partijiet interessati kollha l-aċċess għall-għażliet. Dan l-approċċ beda permezz tat-twaqqif tal-forums ċiviċi u żied il-potenzjal tiegħu permezz tal-iżvilupp ta’ mezzi teknoloġiċi interattivi. Huwa rappreżentat fil-qosor fis-slogan tan-National Academy of Public Administration tal-Istati Uniti: “Tistaqsix pajjiżek x’jista’ jagħmel għalik. Staqsi x’nistgħu nagħmlu lkoll flimkien” (14).

11.4   It-tnaqqis tal-asimmetrija: il-possibbiltà li jkun hemm aċċess f’ħin reali għal sistemi ta’ għarfien dejjem iżjed effiċjenti u li jsiru djalogi f’ħin reali tnaqqas id-distanza bejn dawk li għandhom l-għarfien u dawk li fil-passat kienu l-utenti passivi tiegħu. Dan ibiddel ir-relazzjonijiet umani iżda wkoll it-tifsira tal-ispazji urbani, li jixprunaw tipi ġodda ta’ relazzjonijiet (eż. is-servizzi tal-out-patients/l-ewwel għajnuna li qed jiċċaqilqu mill-isptarijiet lejn l-istazzjonijiet tal-metro, is-supermarkets il-kbar, eċċ.).

11.5   L-evoluzzjoni tal-kunċett tal-leadership: id-destrutturazzjoni tas-sistemi tar-relazzjonijiet u ż-żieda fl-opportunitajiet għall-kollaborazzjoni jitolbu rwoli ġodda għar-rappreżentanti pubbliċi, li issa qed jintalbu juru kemm il-ħiliet tagħhom għat-tmexxija kif ukoll dawk għall-iffaċilitar.

11.6   It-tibdil sostanzjali fis-sistema tar-relazzjonijiet joħloq opportunità għal tibdil profond fil-mudelli organizzattivi, b’mod partikolari għall-awtoritajiet lokali; din tagħmel parti minn tendenza li tista’ tiġi definita bħala bidla mill-azzjonijiet – karatteristika tal-pjani strateġiċi – għat-twaqqif ta’ pjattaformi komuni, li huma karatteristika tal-qasam tal-ġestjoni msejsa fuq is-sostenibbiltà. Huwa ppjanat li l-mudell tal-pjattaforma, li diġà ġie ttestjat mill-UE fl-organizzazzjoni tas-setturi tal-produzzjoni u tal-għarfien, jiġi estiż b’mod li jinħoloq netwerk sfiq ta’ relazzjonijiet li għandhom l-għan li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha fil-komunità urbana u li jiffaċilitaw il-politiki tas-sussidjarjetà bejn il-komunitajiet dgħajfa u dawk b’saħħithom. Għalhekk, nistgħu nikkunsidraw:

pjattaforma għat-tisħiħ tal-komunità, bil-għan li tlaqqa’ l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ partijiet interessati u ta’ konsorzji tal-komunità lokali;

pjattaforma għall-għarfien bil-għan li tiżviluppa politiki innovattivi fil-qasam tal-għarfien u r-riċerka, kif ukoll li tħeġġeġ ir-riabilitazzjoni kreattiva tal-belt;

pjattaforma teknoloġika bil-għan li tipprovdi firxa ta’ know-how essenzjali u li twaqqaf u tmexxi proċessi innovattivi;

pjattaforma għar-riżorsi bil-għan li:

tiżviluppa strumenti finanzjarji innovattivi bis-saħħa tal-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, fuq il-bażi tal-mudell tal-programmi JESSICA u JASPERS;

timplimenta politiki finanzjarji li jippromovu l-ugwaljanza u jiffavorixxu ċ-ċittadini bi dħul baxx billi jinvolvuhom fl-istrateġiji kumplessivi tat-tiġdid urban;

tiżviluppa politiki tal-kontabilità sabiex jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku tal-prodotti u s-servizzi li jevalwaw l-ispiża marbuta mal-estrazzjoni tar-riżorsi naturali u r-rimi tal-iskart. L-għan huwa li tinħoloq politika fiskali li tiskoraġġixxi l-ħela tar-riżorsi primarji. Id-dħul miskub għandu jintuża biex isir investiment bħala appoġġ għall-gruppi soċjali vulnerabbli.

Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 123.

(2)  Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea “Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Futura UE 2020”, Brussell, 2009, u d-dokument “Programme for the Spanish Presidency of the Council of the European Union 1 January – 30 June 2010: Innovating Europe”, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni, is-Segretarjat tal-Istat għall-Unjoni Ewropea, Stamperija Nazzjonali, Gazzetta Uffiċjali tal-Gvern, Madrid, 2010.

(3)  Il-problemi ewlenin tar-riabilitazzjoni huma indirizzati b’mod tajjeb ħafna f’“La Città”, Massimo Cacciari, Pazzini Stampatore Editore, Villa Verucchio (RN), 2004.

(4)  Richard Rogers, “Toward an Urban Renaissance”, Urban Task Force, Londra, 2005. Jista’ jitniżżel mis-sit: www.urbantaskforce.org

(5)  Unjoni Ewropea – Kumitat tar-Reġjuni, Il-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku fir-Reġjuni u l-Bliet, Brussell, 2008. Jista’ jitniżżel mis-sit: http://portal.cor.europa.eu/europe2020/Pages/Library.aspx

(6)  Id-dokumenti rilevanti huma: “A green new deal for Europe”, imħejji mill-Wuppertal Institut; “Rethinking the Economic Recovery: A Global Green New Deal”, tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti; “A Green New Deal” tal-organizzazzjoni Ingliża new economics foundation; “Toward a Transatlantic Green New Deal: Tackling the Climate and Economic Crises”, imħejji mill-Worldwatch Institute għall-Heinrich Böll Foundation.

(7)  Dan ifisser l-applikazzjoni bis-sħiħ, fil-livell lokali, tar-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew “Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel” COM(2009) 433 finali; id-dokument jista’ jitniżżel mis-sit: http://www.beyond-gdp.eu/ Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jissejsu fuq ir-rapport ta’ Stiglitz, Sen u Fitoussi, promoss mill-UE, fuq it-talba tal-Gvern Franciż. Ir-rapport jista’ jitniżżel mis-sit: http://www.stiglitz-sen-fitoussi.fr/en/index.htm.

(8)  Jan Jacob Trip, “Creative city development in the Lisbon strategy”, TU Delft, 2009. Xavier Vives, Lluís Torrens, “The strategies of European metropolitan areas in the context of the European Union enlargement”, Pla Estratègic Metropolità de Barcelona, 2005.

(9)  Rudolf de Groot, “Function-analysis and valuation as a tool to assess land use conflicts in planning for sustainable, multi-functional landscapes”, Landscape and Urban Planning 75 (2006) p. 175-186.

(10)  World economic forum, “The Lisbon review 2002–2006”, li jista’ jitniżżel mis-sit: www.weforum.org/pdf/gcr/lisbonreview/report2006.pdf

Kummissjoni Ewropea, “i2010A European Information Society for growth and employment”, jista’ jitniżżel mis-sit: http://europa.eu/legislation_summaries/employment_and_social_policy/job_creation_measures/c11328_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

Fondazione Ugo Bordoni, “Dossier EU i2010”, jista’ jitniżżel mis-sit: http://www.fub.it/osservatorio/dossieruei2010/liniziativai2010

(11)  L-esperimenti tal-“u-city” qed isiru hawn:

 

MIT: http://web.mit.edu/cre/research/ncc/casestudies.html;

 

Milla digital: http://www.milladigital.org/ingles/home.php;

 

Tokyo: http://www.tokyo-ubinavi.jp/en/about.html;

 

Singapore: http://www.itu.int/ubiquitous;

 

Ħong Kong: http://www.info.gov.hk/digital21/eng/strategy/2008/Foreword.htm;

 

Arabianranta (Ħelsinki): https://www.taik.fi/en/about_taik/arabianranta_.html.

(12)  Għal dan il-kapitolu, ara r-rapport tal-organizzazzjoni new economics foundation (nef) “A Green New Deal”, Londra, 2009, li jista’ jitniżżel mis-sit: www.neweconomics.org/projects/green-new-deal

(13)  Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea “The Economics of Ecosystems and Biodiversity (TEEB)”. Jista’ jitniżżel mis-sit: http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/economics/

(14)  Jista’ jitniżżel mis-sit: http://www.collaborationproject.org/display/home/Home