15.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/12


Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (IHL)

2009/C 303/06

I.   SKOP

1.

Il-fini ta' dawn il-Linji Gwida huwa li jistabbilixxu għodda operattivi għall-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet u l-korpi tagħha biex jippromwovu l-konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali (IHL). Huma jissottolinjaw l-impenn tal-Unjoni Ewropea biex tippromwovi tali konformità f'mod viżibbli u konsistenti. Il-Linji Gwida huma indirizzati lejn dawk kollha li qed jieħdu azzjoni fil-qafas tal-Unjoni Ewropea safejn il-kwistjonijiet imqajma jaqgħu fl-oqsma tar-responsabbiltà u l-kompetenza tagħhom. Huma kumplimentari għal-Linji Gwida u l-Pożizzjonijiet Komuni oħra diġà adottati fi ħdan l-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem, it-tortura u l-protezzjoni ta' persuni ċivili (1).

2.

Dawn il-Linji Gwida huma konformi mal-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha għall-IHL, u jimmiraw li jindirizzaw il-konformità mal-IHL minn Stati terzi, u fejn xieraq, atturi li m'humiex Stati li joperaw ma' Stati terzi. Waqt li l-istess impenn jestendi għal miżuri meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiżguraw il-konformità mal-IHL fil-kondotta tagħhom stess, inkluż mill-forzi tagħhom stess, tali miżuri m'humiex koperti minn dawn il-Linji Gwida (2).

II.   LIĠI UMANITARJA INTERNAZZJONALI (IHL)

Introduzzjoni

3.

L-Unjoni Ewropea hija fondata fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt. Dan jinkludi l-għan tal-promozzjoni tal-konformità mal-IHL.

4.

Liġi Umanitarja Internazzjonali (IHL) – magħrufa wkoll bħala l-Liġi tal-Konflitt Armat jew il-Liġi tal-Gwerra – hija maħsuba biex ittaffi l-effetti tal-konflitt armat billi tipproteġi dawk li m'humiex, jew m'għadhomx qed jieħdu sehem fil-konflitt u billi tirregola l-mezzi u l-metodi tal-gwerra.

5.

L-Istati huma obbligati jikkonformaw mar-regoli tal-IHL li għalihom intrabtu permezz ta' trattat jew li jiffurmaw parti mil-liġi internazzjonali konswetudinarja. Huma jistgħu japplikaw ukoll għal atturi li m'humiex Stati. Tali konformità hija kwistjoni ta' tħassib internazzjonali. Barra minn hekk, it-tbatija u l-qerda kkawżati minn vjolazzjonijiet tal-IHL jagħmlu s-soluzzjonijiet ta' wara l-konflitt iktar diffiċli. Għalhekk hemm interess politiku, kif ukoll umanitarju, fit-titjib tal-konformità mal-IHL fid-dinja kollha.

Evoluzzjoni u Sorsi ta' l-IHL

6.

Ir-regoli tal-IHL evolvew bħala riżultat tal-bilanċjar tal-ħtieġa militari u t-tħassib umanitarju. L-IHL tinkludi regoli li jfittxu li jipproteġu lil persuni li m'humiex, jew m'għadhomx, qed jieħdu sehem dirett fl-ostilitajiet – bħal persuni ċivili, priġunieri tal-gwerra u detenuti oħra, u l-feruti u l-morda – kif ukoll tirrestrinġi l-mezzi u l-metodi tal-gwerra – inklużi tattiċi u armi – sabiex jiġu evitati tbatija u qerda li m'humiex meħtieġa.

7.

Bħal f'partijiet oħra tal-liġi internazzjonali, l-IHL għandha żewġ sorsi prinċipali: konvenzjonijiet internazzjonali (trattati) u liġi internazzjonali konswetudinarja. Il-liġi internazzjonali konswetudinarja hija ffurmata mill-prattika ta' l-Istati, li huma jaċċettaw bħala li torbot fuqhom. Deċiżjonijiet ġudizzjarji u kitbiet ta' awturi ewlenin huma mezz sussidjarju għad-determinazzjoni tal-liġi.

8.

Il-Konvenzjonijiet prinċipali tal-IHL huma elenkati fl-Anness għal dawn il-Linji Gwida. L-iktar importanti huma r-Regolamenti tal-Aja tal-1907, l-erba' Konvenzjonijiet ta' Ġinevra mill-1949 u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom tal-1977. Ir-Regolament tal-Aja u l-biċċa l-kbira mid-disposizzjonijiet tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tal-1977 huma ġeneralment rikonoxxuti bħala liġi konswetudinarja.

Kamp ta’ applikazzjoni

9.

L-IHL hija applikabbli għal kwalunkwe konflitt armat, kemm internazzjonali u mhux internazzjonali u irrespettivament mill-oriġini tal-konflitt. Hija tapplika wkoll għal sitwazzjonijiet ta' okkupazzjoni li jinħolqu bħala riżultat ta' konflitt armat. Reġimi legali differenti japplikaw għal konflitti armati internazzjonali, li huma bejn Stati, u konflitti armati li m'humiex internazzjonali (jew interni), li saru fi Stat.

10.

Jekk sitwazzjoni tammontax għal konflitt armat jew jekk hijiex konflitt armat internazzjonali jew mhux internazzjonali huma mistoqsijiet imħallta ta' fatt u ta' liġi, li t-tweġiba għalihom tiddependi minn bosta fatturi. Parir legali xieraq, flimkien ma' informazzjoni biżżejjed dwar il-kuntest partikolari, għandhom dejjem jiġu mfittxija sabiex jiġi determinat jekk sitwazzjoni tammontax għal kunflitt armat, u għalhekk jekk tapplikax il-liġi umanitarja internazzjonali.

11.

Id-disposizzjonijiet tat-trattat dwar konflitti armati internazzjonali huma iktar dettaljati u estensivi. Konflitti armati li m'humiex internazzjonali huma soġġetti għad-disposizzjonijiet fl-Artikolu 3 li huwa komuni għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u, fejn l-Istat konċernat huwa Parti, fil-Protokoll Addizzjonali II tal-1977. Ir-regoli tal-liġi internazzjonali konswetudinarja japplikaw kemm għal konflitti armati internazzjonali u dawk interni iżda hawnhekk ukoll hemm differenzi bejn iż-żewġ reġimi.

Liġi Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-IHL

12.

Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-IHL. Huma korpi distinti tal-liġi u, waqt li t-tnejn huma prinċipalment immirati biex jipproteġu l-individwi, hemm differenzi importanti bejniethom. B'mod partikolari l-IHL hija applikabbli fi żmien ta' konflitt armat u okkupazzjoni. Għall-kuntrarju, il-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem hija applikabbli għal kulħadd fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-Istat konċernat fi żmien ta' paċi kif ukoll fi żmien ta' konflitt armat. Għalhekk filwaqt li huma distinti, iż-żewġ settijiet ta' regoli jistgħu jkunu t-tnejn applikabbli għal sitwazzjoni partikolari u għaldaqstant xi kultant huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata r-relazzjoni bejniethom. Madankollu dawn il-Linji Gwida ma jittrattawx dwar il-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Responsabbiltà individwali

13.

Ċerti vjolazzjonijiet serji tal-IHL huma definiti bħala delitti tal-gwerra. Delitti tal-gwerra jistgħu jseħħu fl-istess ċirkostanza bħal ġenoċidju u reati kontra l-umanità iżda dawn tal-aħħar, kuntrarjament għad-delitti tal-gwerra, m'humiex marbuta mal-eżistenza ta' konflitt armat.

14.

Individwi għandhom responsabbiltà personali għad-delitti tal-gwerra. L-Istati għandhom, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, jiżguraw li l-awturi allegati jinġabu quddiem il-qrati domestiċi tagħhom stess jew jiġu mibgħuta għall-proċess mill-qrati ta' Stat ieħor jew minn tribunal kriminali internazzjonali, bħall-Qorti Kriminali internazzjonali (3).

III.   LINJI GWIDA OPERAZZJONALI

A.   RAPPURTAR, VALUTAZZJONI U RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAL AZZJONI

15.

Azzjoni taħt din l-intestatura tinkludi:

(a)

Sabiex tiġi permessa azzjoni effettiva, is-sitwazzjonijiet fejn l-IHL tista' tapplika għandhom jiġu definiti mingħajr dewmien. Il-korpi responsabbli tal-UE, inklużi l-Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill xierqa, għandhom jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fl-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom fejn l-IHL tista' tkun applikabbli, waqt li jieħdu parir, fejn meħtieġ, rigward l-IHL u l-applikabbiltà tagħha. Fejn ikun xieraq għandhom jidentifikaw u jirrakkomandaw azzjoni biex jippromwovu l-konformità mal-IHL skont dawn il-Linji Gwida. Konsultazzjonijiet u skambju ta' informazzjoni ma' atturi infurmati, inklużi l-ICRC u organizzazzjonijiet rilevanti oħra bħan-NU u organizzazzjonijiet reġjonali, għandhom jiġu kkunsidrati meta jkun xieraq Għandha tingħata konsiderazzjoni wkoll, fejn ikun xieraq, lill-użu tas-servizzi tal-Kummissjoni Internazzjonali Umanitarja li Tistabbilixxi l-Fatti (IHFFC) stabbilita taħt l-Artikolu 90 tal-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, li jistgħu jassistu fil-promozzjoni tar-rispett għall-IHL permezz tal-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti u l-funzjoni tagħha ta' uffiċċji tajba;

(b)

Kull meta jkun rilevanti, il-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE, u rappreżentanti xierqa tal-UE, inklużi Kapijiet tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE, Kmandanti ta' l-Operazzjonijiet Militari tal-UE u Rappreżentanti Speċjali tal-UE, għandhom jinkludu valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-IHL fir-rapporti tagħhom dwar Stat jew konflitt partikolari. Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-informazzjoni li tindika li setgħu twettqu vjolazzjonijiet serji tal-IHL. Fejn ikun fattibbli, tali rapporti għandhom jindikaw ukoll analiżi u suġġerimenti ta' miżuri possibbli li jridu jittieħdu mill-UE;

(c)

Dokumenti ta' sfond għal-laqgħat tal-UE għandhom jinkludu, fejn ikun xieraq, analiżi dwar l-applikabbiltà tal-IHL u l-Istati Membri li jipparteċipaw f'tali laqgħat għandhom jiżguraw ukoll li huma kapaċi jieħdu pariri kif meħtieġ rigward kwistjonijiet dwar l-IHL li jitqajmu. F'sitwazzjoni fejn jista' jkun hemm konflitt armat, il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Liġi Internazzjonali (COJUR) għandu jiġi infurmat flimkien mal-Gruppi ta' Ħidma rilevanti oħra. Jekk ikun xieraq u fattibbli, il-COJUR jista' jingħata l-kompitu li jagħmel suġġerimenti dwar azzjoni futura tal-UE lill-korpi rilevanti tal-UE.

B.   MEZZI TA' AZZJONI LI GĦANDHA L-UE FIR-RELAZZJONIJIET TAGĦHA MA' PAJJIŻI TERZI

16.

L-UE għandha varjetà ta' mezzi ta' azzjoni għad-disposizzjoni tagħha Dawn jinkludu, iżda m'humiex limitati għal, dan li ġej:

(a)

Djalogu politiku: Fejn ikun rilevanti il-kwistjoni ta' konformità mal-IHL għandha titqajjem fid-djalogi ma' Stati terzi. Dan huwa partikolarment importanti fil-kuntest ta' konflitti armati li għaddejjin fejn kien hemm rapporti ta' vjolazzjonijiet imxerrda tal-IHL. Madankollu, l-UE għandha wkoll, fiż-żmien tal-paċi, issejjaħ lill-Istati li għadhom m'għamlux dan biex jaderixxu u jimplimentaw bis-sħiħ, strumenti importanti tal-IHL, bħall-Protokolli Addizzjonali tal-1977 u l-Istatut tal-ICC. Implimentazzjoni sħiħa tinkludi d-dħul fis-seħħ ta' kwalunkwe leġislazzjoni implimentattiva u t-taħriġ ta' persunal rilevanti fl-IHL;

(b)

Dikjarazzjonijiet pubbliċi ġenerali: F'dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar kwistjonijiet relatati mal-IHL, l-UE għandha, kull meta jkun xieraq, tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-konformità mal-IHL;

(c)

Proċeduri politiċi u/jew dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar konflitti speċifiċi: Meta vjolazzjonijiet tal-IHL huma rrapportati l-UE għandha tikkunsidra li tagħmel proċeduri politiċi u toħroġ dikjarazzjonijiet pubbliċi, kif ikun xieraq, li jikkundannaw tali atti u jitolbu li l-partijiet jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-IHL u jieħdu miżuri effettivi biex jipprevjenu aktar vjolazzjonijiet;

(d)

Miżuri ristrettivi/sanzjonijiet: L-użu ta' miżuri restrittivi (sanzjonijiet) jista' jkun mezz effettiv ta' promozzjoni tal-konformità mal-IHL. Tali miżuri għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati kontra partijiet għal konflitt li huma Stati u dawk li m'humiex Stati, kif wkoll individwi, meta jkunu xierqa u skont il-liġi internazzjonali;

(e)

Kooperazzjoni ma' korpi internazzjonali oħra: L-Istati Membri tal-UE għandhom ukoll, kull meta jkun xieraq, jaġixxu lejn dak l-għan bħala membri f'organizzazzjonijiet oħra, inklużi n-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) għandu rwol ibbażat fuq trattat, rikonoxxut u li ilu stabbilit bħala organizzazzjoni umanitarja newtrali, indipendenti, fil-promozzjoni tal-konformità mal-IHL;

(f)

Operazzjonijiet għal maniġgar ta' kriżijiet: L-importanza tal-prevenzjoni u t-trażżin ta' vjolazzjonijiet tal-IHL minn partijiet terzi għandha tiġi kkunsidrata, fejn ikun xieraq, fl-abbozzar tal-mandati tal-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet tal-UE. F'każijiet xierqa, dan jista' jinkludi l-ġbir ta' informazzjoni li tista' tintuża għall-ICC (4) jew f'investigazzjonijiet oħra ta' delitti tal-gwerra;

(g)

Responsabbiltà individwali: Waqt li, f'sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitt huwa xi drabi diffiċli li jiġu bilanċjati l-għan ġenerali tal-istabbiliment tal-paċi u l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-impunità, l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li m'hemmx impunità tad-delitti tal-gwerra. Sabiex ikun hemm effett ta' deterrent matul konflitt armat, il-prosekuzzjoni għad-delitti tal-gwerra għandha tkun viżibbli u għandha, jekk possibbli, issir fl-Istat fejn seħħew il-vjolazzjonijiet. L-UE għandha għalhekk tinkuraġġixxi Stati terzi biex idaħħlu fis-seħħ leġislazzjoni penali biex jikkastigaw il-vjolazzjonijiet tal-IHL. Is-sostenn tal-UE għall-ICC u l-miżuri biex jiġu sentenzjati l-kriminali tal-gwerra għandhom ukoll jiġu meqjusa f'dan il-kuntest;

(h)

Taħriġ: Taħriġ fl-IHL huwa meħtieġ biex tiġi żgurata konformità mal-IHL fi żmien ta' konflitt armat. Taħriġ u edukazzjoni għandhom jiġu mwettqa wkoll fi żmien ta' paċi. Dan japplika għall-popolazzjoni kollha, għalkemm attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-gruppi rilevanti bħall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi. L-UE għandha tikkunsidra li tipprovdi jew tiffinanzja taħriġ u edukazzjoni fl-IHL f'pajjiżi terzi inkluż fil-qafas ta' programmi iktar wiesa' għall-promozzjoni ta' l-istat tad-dritt;

(i)

Esportazzjoni ta' armi: Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (5) tipprevedi li l-konformità tal-pajjiż ta' importazzjoni mal-IHL għandha tiġi kkunsidrata qabel ma jingħataw il-liċenzji għal esportazzjoni lejn dak il-pajjiż.


(1)  Ara l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (approvati mill-Kunsill fit-13 ta' Diċembru 2001, aġġornati fid-19 ta' Jannar 2009); Linji gwida għall-Politika tal-UE lejn il-Pajjiżi Terzi dwar it-Tortura u l-Pieni jew it-Trattamenti oħra Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (approvati mill-Kunsill fid-9 ta' April 2001, aġġornati fid-29 ta' April 2008); Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitt Armat (approvati mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2003, aġġornati fis-17 ta' Ġunju 2008); Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal (approvati mill-Kunsill fl-10 ta' Diċembru 2007); Linji Gwida dwar il-Vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u li jiġġieldu kull forma ta' diskriminazzjoni kontrihom (approvati mill-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2008) u Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar l-ICC (ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67).

(2)  L-Istati Membri tal-UE kollha huma Partijiet għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom u għalhekk taħt l-obbligu li jsegwu r-regoli tagħhom.

(3)  Ara l-Pożizzjoni Komuni tal-Unjoni dwar l-ICC (2003/444/PESK) u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-ICC. Ara wkoll id-Deċiżjoni tat-13 ta' Ġunju 2002 (2002/494/ĠAI) li biha l-Kunsill stabbilixxa network Ewropew ta' punti ta' kuntatt fir-rigward ta' persuni responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u delitti tal-gwerra id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill (2002/584/ĠAI) dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri; id-Deċiżjoni tat-8 ta' Mejju 2003 (2003/335/ĠAI) dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/313/PESK tal-10 ta' April 2006 rigward il-konklużjoni ta' Ftehim bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u assistenza, ĠU L 115, 28.4.2006, p. 49.

(4)  Ara l-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea msemmi fin-nota ta' qiegħ il-paġna numru 3 hawn fuq.

(5)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari, ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99. Din il-Pożizzjoni Komuni tissostitwixxi l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi adottat mill-Kunsill fit-8 ta' Ġunju 1998.


ANNESS

STRUMENTI LEGALI PRINĊIPALI DWAR IL-LIĠI UMANITARJA INTERNAZZJONALI U STRUMENTI LEGALI OĦRA RILEVANTI

Il-Konvenzjoni ta' l-Aja IV ta' l-1907 Rispett għal-Liġijiet u l-Konswetudnijiet tal-Gwerra

Anness għall-Konvenzjoni: Regolamenti li Jirrispettaw il-Liġijiet u l-Konswetudnijiet tal- Gwerra

Il-Protokoll ta' l-1925 dwar il-Projbizzjoni ta' l-Użu ta' Gassijiet Asfisjanti, Velenużi jew Oħra, u ta' Metodi ta' Gwerra Batterjoloġiċi

Il-Konvenzjoni ta' Ġinevra I ta' l-1949 għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Feruti u l-Morda fil-Forzi Armati fuq il-Kamp

Il-Konvenzjoni ta' Ġinevra II ta' l-1949 għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Feruti, il-Morda u l-Membri Nawfragi tal-Forzi Armati fuq il-Baħar

Il-Konvenzjoni ta' Ġinevra III ta' l-1949 Dwar it-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra

Il-Konvenzjoni ta' Ġinevra IV ta' l-1949 Dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra

Il-Protokoll ta' Ġinevra I ta' l-1977 Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tat-12 ta' Awissu 1949, u Dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi ta' Konflitti Armati Internazzjonali

Il-Protokoll ta' Ġinevra I tal-1977 Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tat-12 ta' Awissu 1949, u Dwar il-Protezzjoni tal-Vittmi ta' Konflitti Armati Internazzjonali

L-Ewwel Protokoll ta' l-Aja ta' l-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Konflitt Armat

Regolamenti għall-Eżekuzzjoni tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Konflitt Armat

L-Ewwel Protokoll ta' l-Aja ta' l-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Konflitt Armat

It-Tieni Protokoll ta' l-Aja ta' l-1999 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Konflitt Armat

Il-Konvenzjoni ta' l-1972 dwar il-Projbizzjoni ta' l-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u Tossiċi u dwar il-Qerda tagħhom

Il-Konvenzjoni tan-NU ta' l-1980 dwar il-Projbizzjonijiet u r-Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta' Ċerti Armi Konvenzjonali Li Jistgħu jiġu Meqjusa li jagħmlu Ħsara Eċċessiva jew li Jkollhom Effetti Mhux Diskriminatorji

Il-Protokoll I ta' l-1980 dwar Frammenti li M'humiex Osservabbli

Il-Protokoll II ta' l-1980 dwar Projbizzjonijiet jew Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta' Mini, Bombi Moħbija u Apparat Ieħor

Il-Protokoll II Emendat ta' l-1996 dwar Projbizzjonijiet jew Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta' Mini, Bombi Moħbija u Apparat Ieħor

Il-Protokoll III ta' l-1980 dwar Projbizzjonijiet jew Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta' Armi Inċendjarji

Il-Protokoll IV ta' l-1995 dwar Armi Laser li Jagħmew

Protokoll V ta' l-2003 dwar Fdalijiet Esplossivi tal-Gwerra

Il-Konvenzjoni ta' l-1993 dwar il-Projbizzjoni ta' l-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom

Konvenzjoni ta' Ottawa ta' l-1997 dwar il-Projbizzjoni fuq l-Użu, il-Ħżin, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Anti-Persunal u dwar il-Qerda tagħhom

L-Istatut ta' l-1993 tat-Tribunal Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli ta' Vjolazzjonijiet Serji tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju ta' dik li qabel kienet il-Jugoslavja mill-1991

L-Istatut ta' l-1994 tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni ta' Persuni Responsabbli għal Ġenoċidju u Vjolazzjonijiet Serji Oħra tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali li Twettqu fit-Territorju tar-Rwanda u ċ-Ċittadini tar-Rwanda Responsabbli għal Ġenoċidju u Tali Vjolazzjonijiet Oħra li Twettqu fit-Territorju ta' Stati Ġirien, bejn l-1 ta' Jannar 1994 u l-31 ta' Diċembru 1994

L-Istatut ta’ Ruma ta' l-1998 tal-Qorti Kriminali Internazzjonali

Il-Protokoll addizzjonali tal-2005 għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tat-12 ta' Awwissu 1949, u li jikkonċerna l-Adozzjoni ta' Emblema Distintiva Addizzjonali (Protokoll III)

Il-Konvenzjoni tal-2008 dwar Munizzjonijiet Raggruppati