18.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 194/9


Avviż ta’ Tnedija ta' reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri tal-anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ polietilene tereftalat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

2009/C 194/04

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta' polietilene tereftalat li joriġinaw, fost oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1).

1.   Talba għal reviżjoni

It-talba kienet ippreżentata fit-13 ta’ Mejju 2009 mill-Kumitat tal-Polietilene Tereftalat (PET) ta' PlasticsEurope (“l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon prinċipali, f’dan il-każ aktar minn 50 % tat-total tal-produzzjoni tal-Komunità ta' polietilene tereftalat.

2.   Il-prodott

Il-prodott taħt reviżjoni hu polietilene tereftalat b'numru tal-viskożità ta' 78 ml/g jew iżjed, skont l-Istandard ISO 1628-5, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa huwa kklassifikat fi ħdan il-kodiċi NM 3907 60 20. Din il-kodiċi tan-NM qed tingħata biss bħala tagħrif.

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa huma dazju definittiv tal-anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/2004 (2) fuq importazzjonijiet ta' polietilene tereftalat li joriġinaw, fost oħrajn, fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dumping u ħsara għall-industrija tal-Komunità.

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, l-applikant iffissa l-valur normali għall-produtturi li jesportaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li ma ngħatawx trattament tal-ekonomija tas-suq matul l-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ abbażi ta' valur normali kostrutt f'pajjiż b'ekonomija tas-suq kif jixraq, li hu msemmi fil-punt 5.1(d). Għal dawk il-kumpaniji li ngħataw trattament tal-ekonomija tas-suq matul l-investigazzjoni, il-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-valur normali kostrutt fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. L-allegazzjoni ta' rikorrenza ta' dumping għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali, kif iffissat fis-sentenzi preċedenti, bil-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott simili mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn il-Kroazja, ir-Russja u l-Ukrajna, fid-dawl tan-nuqqas attwali ta' volumi sinifikanti ta' importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina lejn il-Komunità.

Fuq din il-bażi, il-marġini ta’ dumping ikkalkulat hu sinifikanti.

L-applikant jallega wkoll il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping dannuż. F’dan ir-rigward, l-applikant ippreżenta evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell tal-importazzjoni attwali tal-prodott ikkonċernat probabbilment jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata fil-pajjiż ikkonċernat.

Barra min hekk, l-applikant jallega li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, kwalunkwe rikorrenza ta' importazzjonijiet sostanzjali bil-prezzijiet iddampjati mill-pajjiż ikkonċernat aktarx li jwasslu għal rikorrenza dannuża fl-industrija Komunitarja.

5.   Il-proċedura

Wara li stabbilixxiet, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi biex tkun iġġustifikata t-tnedija ta' reviżjoni ta' skadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

5.1.    Il-proċedura biex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ dumping u ħsara

L-investigazzjoni se tistabbilixxi jekk hux probabbli, jew le, li l-iskadenza tal-miżuri twassal għar-rikorrenza ta' dumping u dannu.

(a)   It-teħid ta’ kampjuni

Fid-dawl tan-numru ta' partijiet li apparentement huma involuti f'din il-proċedura, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tapplika t-teħid ta' kampjuni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(i)   Teħid tal-kampjun ta' esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid tal-kampjun u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-esportaturi/il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni billi jikkuntattjawha u jipprovdulha t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefown u tal-faks u persuna ta' kuntatt,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Komunità matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009 għal kull wieħed mis-27 Stat Membru separatament u f'totali,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum ta' bejgħ f'tunnellati tal-prodott simili mibjugħ fis-suq domestiku matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum tal-bejgħ f'tunnellati tal-prodott simili mibjugħ lil pajjiżi terzi oħrajn matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat/prodott simili matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott ikkonċernat/prodott simili,

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan se jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post rigward it-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli jew l-inklużjoni tagħha fil-kampjun, tiġi meqjusa li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ esportaturi/produtturi, il-Kummissjoni, barra minn dan, se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u lil kwalunkwe għaqda magħrufa ta’ esportaturi/produtturi.

(ii)   It-teħid tal-kampjun ta’ importaturi

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefown u tal-faks u persuna ta' kuntatt,

id-dħul totali f'EUR tal-kumpanija tul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009,

l-għadd totali ta’ impjegati,

l-attivitajiet eżatti tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott ikkonċernat/prodott simili,

il-volum f'tunnellati u l-valur f'EUR ta' importazzjonijiet u bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t- 30 ta' Ġunju 2009 tal-prodott ikkonċernat importat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott ikkonċernat/prodott simili,

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan se jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli jew l-inklużjoni tagħha fil-kampjun, tiġi meqjusa li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe għaqda magħrufa ta’ importaturi.

(iii)   It-teħid ta' kampjuni għall-produtturi Komunitarji

Fid-dawl tal-għadd kbir ta' produtturi Komunitarji li qed jappoġġjaw it-talba, il-Kummissjoni biħsiebha tinvestiga l-ħsara lill-industrija Komunitarja billi tapplika t-teħid ta' kampjuni.

Biex il-Kummissjoni tkun tista' tagħżel kampjun, il-produtturi kollha tal-Komunità huma għalhekk mitluba jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i):

isem, indirizz, indirizz elettroniku, numri tat-telefown u tal-faks u persuna ta' kuntatt,

id-dħul totali f'EUR tal-kumpanija tul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat/prodott simili matul il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009,

il-valur tal-bejgħ f'EUR tal-bejgħ tal-prodott simili li sar fis-suq Komunitarju matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2008 u t-30 ta' Ġunju 2009,

il-volum ta' bejgħ f'tunnellati tal-prodott simili magħmul fis-suq tal-Komunità matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

il-volum ta' produzzjoni f'tunnellati tal-prodott simili matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott simili,

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan se jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta investigazzjoni fuq il-post tat-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli jew l-inklużjoni tagħha fil-kampjun, tiġi meqjusa li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

(iv)   L-għażla finali tal-kampjuni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu kwalunkwe informazzjoni rilevanti rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fit-terminu stipulat fil-punt 6(b)(ii).

Il-Kummissjoni fi ħsiebha tagħmel l-għażla finali tal-kampjuni wara li tkun ikkonsultat il-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jiġu inklużi fil-kampjun.

Il-kumpaniji inklużi fil-kampjun għandhom iwieġbu għall-kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-punt 6(b)(iii) u għandhom jikkooperaw fi ħdan il-qafas tal-investigazzjoni.

Jekk ma jkunx hemm biżżejjed kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tibbaża s-sejbiet tagħha, skont l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-fatti disponibbli. Sejba bbażata fuq fatti disponibbli tista’ tkun anqas vantaġġuża għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

(b)   Il-kwestjonarji

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija Komunitarja li hija parti mill-kampjun u lil kull assoċjazzjoni ta' produtturi fil-Komunità, lill-esportaturi/produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma parti mill-kampjun u lil kull assoċjazzjoni ta' esportaturi/produtturi, lill-importaturi li huma parti mill-kampjun, lil kull assoċjazzjoni ta' importaturi msemmija fit-talba jew li kkooperat fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal din ir-reviżjoni, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat.

(c)   Il-ġbir ta’ tagħrif u l-organizzazzjoni ta' seduti ta' smigħ

Il-partijiet kollha interessati huma b’dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu tagħrif għajr it-tweġibiet tal-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Dan it-tagħrif u din l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fil-limitu taż-żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii).

(d)   L-għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq

Fl-investigazzjoni preċedenti l-Istati Uniti tal-Amerika ntużaw bħala l-pajjiż b'ekonomija tas-suq adegwata għall-finijiet ta' stabbiliment ta' valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fil-każ ta' dawk il-kumpaniji li ma ngħatawx trattament tal-ekonomija tas-suq. Il-Kummissjoni biħsiebha għal darb'oħra tuża lill-Istati Uniti tal-Amerika għal dan il-għan. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm hu adattat dan il-pajjiż, fil-limitu taż-żmien speċifiku stipulat fil-punt 6(c).

5.2.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess Komunitarju

B'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ fejn il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping u ħsara tkun ikkonfermata, għandha ssir determinazzjoni dwar jekk iż-żamma jew ir-revoka tal-miżuri anti-dumping hijiex se tkun kontra l-interess Komunitarju. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tista’ tibgħat kwestjonarji lill-industrija magħrufa tal-Komunità, l-importaturi, l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur. Partijiet bħal dawn, inklużi dawk li ma tafx dwarhom il-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li jagħtu prova li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fil-limiti ġenerali ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii), jippreżentaw irwieħhom u jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif. Il-partijiet li aġixxew b’konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ, billi jippreżentaw ir-raġunijiet partikolari għaliex huma għandhom jinstemgħu, fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii). Ta’ min jinnota li kwalunkwe informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali fil-mument meta titressaq.

6.   Limiti taż-żmien

(a)   Il-limiti ġenerali ta’ żmien

(i)   Biex il-partijiet jitolbu kwestjonarju

Kull parti interessata li ma kkooperatx fl-investigazzjoni li twassal għall-miżuri soġġetti għar-reviżjoni attwali għandha titlob kwestjonarju jew formoli ta’ talba oħrajn mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)   Biex il-partijiet jippreżentaw irwieħhom, jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor

Il-partijiet interessati kollha, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw irwieħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-opinjonijiet tagħhom u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi minn kemm il-parti tippreżenta ruħha fil-perjodu msemmi qabel.

Il-kumpaniji magħżula f'kampjun għandhom iressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(iii).

(iii)   Is-seduti ta’ smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 40 jum.

(b)   Il-limitu speċifiku ta’ żmien fir-rigward tat-teħid ta’ kampjuni

(i)

L-informazzjoni speċifikata fil-punti 5.1(a)(i), 5.1(a)(ii) u 5.1(a)(iii) għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, peress li l-Kummissjoni biħsiebha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun fl-għażla finali tagħha fi żmien perjodu ta' 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)

Kull tagħrif ieħor rilevanti għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-punt 5.1(a)(iv) għandu jasal għand il-Kummissjoni fi żmien perjodu ta' 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(iii)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-avviż tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun.

(c)   Il-limitu ta’ żmien speċifiku għall-għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq

Il-partijiet fl-investigazzjoni jistgħu jikkummentaw dwar jekk l-Istati Uniti tal-Amerika humiex addattati biex, kif imsemmi fil-punt 5.1(d), ikunu previsti bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq bil-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika Tal-Poplu taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

7.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet tal-kwestjonarju u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u r-rikjesti kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b’format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u l-faks tal-parti interessata. Kull sottomissjoni miktuba, inklużi l-informazzjoni mitluba f'dan l-avviż, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza ppreżentati mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom jiġu ttikkettati bħala “Limitat” u, fi qbil mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, se jkunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li se tkun ittikkettata bi “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/092

1049 Brussel

BELGIUM

Fax +32 22956505

8.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għal tagħrif meħtieġ jew ma tipprovdihx fil-limiti ta’ żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tingħalaq, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   Possibbiltà li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi din ir-reviżjoni ta' skadenza qed titnieda skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tagħha mhumiex se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda se jwasslu biex dawk il-miżuri jiġu revokati jew miżmuma skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti fil-proċediment tqis li tkun meħtieġa reviżjoni tal-livell tal-miżuri biex tippermetti l-possibbiltà li temenda (jiġifieri żżid jew tnaqqas) il-livell tal-miżuri, dik il-parti tista' titlob għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu reviżjoni ta' din ix-xorta, li ssir indipendentement mir-reviżjoni ta' skadenza msemmija f’dan l-avviż, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz li jidher hawn fuq.

11.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' din id-dejta.

12.   L-uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Smigħ tad-DĠ Trade. Huwa jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn ikun hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajls, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tal-websajt tad-DĠ Trade (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 271, 19.8.2004, p 1.