11.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 188/35


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2009/C 188/13

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt li toġġezzjona għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni.

SOMMARJU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“PROSCIUTTO DI SAURIS”

Nru tal-KE: IT-IĠP-0005-0512-07.12.2005

DPO ( ) IĠP ( X )

Dan is-sommarju jistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal skopijiet ta' informazzjoni.

1.   Dipartiment responsabbli fl-istat membru:

Isem:

Ministero delle Politiche Agricole e Forestali

Indirizz:

Via XX Settembre 20

00187 Roma RM

ITALIA

Tel.

+39 0646655106

Feks

+39 0646655306

posta elettronika:

saco7@politicheagricole.gov.it

2.   Grupp:

Isem:

Associazione Temporanea tra Imprese per la presentazione della richiesta e l’ottenimento del riconoscimento delle I.G.P. «Speck e Prosciutto di Sauris»

Indirizz:

Sauris di Sotto 88 — I

33020 Sauris UD

ITALIA

Tel.

+39 043386054

Feks

+39 043386149

posta elettronika:

claudio.p@wolfsauris.it

Kompożizzjoni:

Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

3.   Tip Ta' Prodott:

Klassi

1.2 – Prodotti tal-Laħam

4.   Speċifikazzjoni:

(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

“Prosciutto di Sauris”

4.2.   Deskrizzjoni:

Prosciutto di Sauris IĠP huwa perżut nej affumikat u mmellaħ li jkun ilu jimmatura tal-anqas għaxar xhur. Wara l-maturazzjoni, jiġi ppreżentat sħiħ, bl-għadma u mingħajr is-sieq. Il-ġilda għandha lewn uniformi ta' ġewż dehbi bi ftit oranġjo. Il-laħam dgħif li jidher huwa ta' lewn aħmar skur. Il-konsistenza hija soda iżda elastika, anke fejn il-laħam jinqata' vertikalment. Prosciutto di Sauris IĠP sħiħ bl-għadma jiżen 7,5 kg jew iktar u meta jinqata' jidher id-dgħif, ta' lewn aħmar jew roża. Ix-xaħam għandu lewn abjad lift jew roża fl-abjad. Ir-riħa tiegħu hija delikata u t-togħma ħelwa bi ħjiel pjaċevoli ta' duħħan. Meta jinħareġ għall-konsum il-perżut għandu l-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi li ġejjin: indewwa inqas minn 64 %; Melħ (kloruri)/umdità: iktar minn 7,2 iżda inqas minn 11,2, abbażi tal-perċentwal tal-kompożizzjoni; proteini: iktar minn 24 % iżda inqas minn 30 %. Dawn il-karatteristiċi ġew stabbiliti abbażi ta' parametri oġġettivi vverifikati bejn l-2001 u l-2005 minn laboratorji approvati minn Sincert u bil-kontrolli mwettqa kull tliet xhur (total ta' 120 test). Il-metodi li ġejjin intużaw għat-testijiet:

Proteina (N × 6.25), UM: g/100 g, metodu ISO 937:1991

Klorur tas-sodju, UM: g/100 g, AOAC 935.47 ed metodu 17th 2003

materja niexfa, UM: g/100 g, metodu ISO 1442:1997

4.3.   Żona ġeografika:

Tikkonsisti fil-komun ta' Sauris fir-Reġjun Awtonomu tal-Friuli-Venezia Giulia

4.4.   Prova tal-oriġini:

Il-proċess tal-produzzjoni għandu jiġi mmoniterjat mill-bidu sal-aħħar u għandhom jiġu rreġistrati kemm l-inputs (prodotti li jidħlu) u kemm l-outputs (prodotti li joħorġu). Flimkien mar-reġistri tal-bdiewa, biċċiera, dawk li jqattgħu, proċessuri, dawk li jippakkjaw u dawk li jisslajsjaw, li jinżammu mill-korp ta' spezzjoni, kif ukoll id-dikjarazzjoni fil-pront għall-kontroll tal-kwantitajiet prodotti, dan jagħti lok għal traċċabbiltà sħiħa tal-prodott mill-bidu sal-aħħar tal-katina ta' produzzjoni. Il-persuni naturali jew legali kollha li isimhom jidher fir-reġistri huma suġġetti għal kontrolli mill-korp ta' spezzjoni skont l-ispeċifikazzjoni u l-pjan ta' kontroll relevanti.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni:

Il-materja prima użata fil-produzzjoni tal-IĠP għandha tiġi minn: razez tradizzjonali Large White Italiana u Landrace Italiana, kif ġie mtejjeb skont il-“Libro Genealogico Italiano” jew mill-wild maskili ta' ħnieżer tar-refgħa ta' dawk ir-razez; il-wild maskili ta' ħnieżer tar-refgħa tar-razza Taljana Duroc, kif ġie mtejjeb skont il-“Libro Genealogico Italiano”; il-wild maskili tal-ħnieżer tar-refgħa ta' razez oħra jew ħnieżer tar-refgħa ibridi, sakemm dawn ikunu r-riżultat ta' skemi ta' selezzjoni jew ta' taħlit ta' razez li l-għanijiet tagħhom mhumiex inkompatibbli ma' dawk tal-“Libro Genealogico Italiano” għall-majjali tqal (suino pesante). It-tbiċċir isir mid-disa' xahar iżda mhux iktar tard mill-15-il xahar wara t-twelid. Il-karkassi tal-annimali li jkunu ttieħdu l-biċċerija għandhom jiġu kklassifikati skont ir-Regolament (KEE) Nru 3220/84 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/468/KE tat-8 ta' Ġunju 2001 u, bejn wieħed u ieħor jiġu kklassifikati skont il-kategoriji ċentrali tas-sistema uffiċjali għall-valutazzjoni tal-laħam.

Kull sieq għandha tiżen iktar minn 11 kg u għandha tkun suġġetta għall-proċess tal-produzzjoni sa ġurnata wara l-konsenja. It-tmelliħ isir fi tliet stadji u għandu jintemm f'21 ġurnata mill-bidu tal-proċess. L-affumikazzjoni ssir f'post speċjali fejn id-duħħan, prodott mill-ħruq tal-injam tal-fagu ġo fran esterni jgħaddi minn kanali ġol-art. Il-proċess ta' affumikazzjoni jdum 72 siegħa b'kollox. It-temperatura ġol-kamra tal-affumikazzjoni tvarja minn 15 sa 20 °C u l-umdità relattiva hija bejn 50 u 90 %. Wara t-tnixxif, il-perżut jitqiegħed għall-maturazzjoni fi kmamar bit-twieqi sabiex jiżguraw il-ventilazzjoni naturali u sabiex tiġġedded l-arja. Il-maturazzjoni ssir f'temperatura ta' 16 sa 22 °C u b'livell relattiv ta' umdità ta' 50 sa 90 %. Waqt il-proċess tal-maturazzjoni tiġi mifruxa pejst fix-xquq tal-prieżet. Din il-pejst hija magħmula minn 60-80 % xaħam tal-majjal, mhux iktar minn 25 % dqiq taċ-ċereali, 1 % melħ u 1-30 % bżar. Wara dan il-proċess, magħruf bħala stuccatura, il-prieżet jitħallew jimmaturaw għal mhux anqas minn 10 xhur li jiġu kkalkulati billi mal-ġurnata li fiha jibda t-tmelliħ jiżdiedu 10 perjodi indaqs ta' 30 jum.

Perżuta sħiħa bl-għadma tal-Prosciutto di Sauris IĠP għandha tiżen 7,5 kg jew iktar. Tista' tiġi kummerċjalizzata sħiħa, bl-għadma, mingħajr għadma jew maqtugħa mingħajr għadma u sslajsjata u pakkettata minn qabel. Jekk tiġi kkummerċjalizzata mingħajr għadma jew imqattgħa, għandha tiġi ppakkjata mingħajr arja. Jekk tiġi kkummerċjalizzata mqattgħa u pakkettata minn qabel trid tiġi pakkettata mingħajr arja jew ġo imballaġġ b'atmosfera modifikata. Il-proċess tat-tneħħija tal-għadam, tat-tqattigħ, tal-isslajsjar u l-imballaġġ tal-Prosciutto di Sauris IĠP għandu jsir f'postijiet li jinsabu fiż-żona definita fil-punt 4.3 sabiex il-konsumatur ikollu prodott li jikkonforma mal-karatteristiċi speċjali tal-Prosciutto di Sauris, b'mod partikulari fir-rigward tat-togħma u tar-riħa ta' duħħan tipika tiegħu.

4.6.   Rabta:

Il-karatteristiċi distintivi tal-Prosciutto di Sauris huma marbuta mill-qrib maż-żona ta' produzzjoni, partikularment il-mikroklima fil-wied ta' Sauris u l-mod tradizzjonali ta' kif jiġi affumikat il-majjal. Il-Wied jgħaddi mil-Lvant għall-Punent, għandu għamla ta' reċipjent u għandu livelli ta' xita iktar baxxi mill-bqija tal-Alpi Carniche u Giulie. Il-post fejn qiegħed, iktar minn 1 000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, kif ukoll il-kurrenti tal-arja li jibdew f'qiegħ il-wied u l-muntanji tal-madwar, jikkawżaw irjieħ kostanti iżda li rari jkunu qawwijin. Dawn l-irjieħ, speċjalment bis-saħħa tal-preżenza ta’ reservoir, isiru żiffa ħelwa li tonfoħ 'il fuq mal-ġurnata u 'l isfel bil-lejl kif ukoll jgħinu fid-deidratazzjoni tal-perżut fil-proċess ta' maturazzjoni tiegħu. Matul dan il-proċess, bl-għajnuna kemm ta' proċessi bijokimiċi marbuta ma' enzimi endoġeniċi u kif ukoll tal-melħ, jiżviluppaw flora mikroskopiċi (speċjalment moffa) fil-wiċċ tal-perżut li jagħtu lill-prodott il-karatteristiċi organolettiċi speċjali tiegħu. L-arja friska mill-Wied Lumiei ta' fuq li tidħol fil-kmamar tal-maturazzjoni, il-kwantitajiet korretti tal-melħ preżenti u n-nuqqas ta' ossidazzjoni fix-xaħam. F'dan is-sens il-produzzjoni tal-Prosciutto di Sauris hija marbuta mill-qrib mal-karatteristiċi ambjentali (jiġifieri klimatiċi) u bijoloġiċi taż-żona. Ma' dan l-ambjent uniku jiżdied ukoll l-għarfien lokali antik tal-konservazzjoni tal-laħam permez tal-melħ u d-duħħan (l-affumikazzjoni). L-affumikazzjoni, li hija teknika li ġabu magħhom l-ewwel nies li marru joqogħdu hemm, tagħti lill-prodott karatteristiċi senswali speċjali, b'mod partikulari fir-rigward tal-lewn u fuq kollox ir-riħa u t-togħma tiegħu. Issa, bħal fil-passat, jintuża l-injam tal-fagu lokali u d-duħħan tiegħu jagħti aroma ratba u delikata lill-prodott li hija karatteristika tal-IĠP. Barra minn hekk, is-sengħa tal-popolazzjoni lokali li tabbina l-affumikazzjoni, tradizzjoni Ġermanika, u t-tradizzjoni subalpina iktar komuni tat-tmelliħ, tgħin lill-Prosciutto di Sauris jikseb il-karatteristiċi organolettiċi speċjali tiegħu, partikolarment ir-riħa u t-togħma pjaċevoli tad-duħħan tiegħu.

4.7.   Korp ta' spezzjoni:

Il-korp ta' spezzjoni jikkonforma mal-Istandard EN 45011.

Isem:

Istituto Nord Est Qualità — I.N.E.Q.

Indirizz:

Via Nazionale 33/35

33030 Villanova di San Daniele del Friuli UD

ITALIA

Tel.

+39 0432956951

Feks

+39 0432956955

posta elettronika:

info@ineq.it

4.8.   Tikkettar:

Kull perżuta trid tkun ittimbrata bl-użu ta' linka li ma titħassarx jew bin-nar sabiex jidhru d-data, ix-xahar (b'numri Rumani) u s-sena ta' meta beda l-proċess u l-biċċerija tal-oriġini. L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Prosciutto di Sauris” għandha tidher bit-Taljan, b'ittri ċari li ma jitħassrux li jingħarfu minn kwalunkwe kitba oħra fuq it-tikketta. Eżatt wara għandu jkun hemm il-kliem “Indicazione geografica protetta” u/jew l-abbrevjazzjoni IĠP. Jistgħu jintuzaw indikazzjonijiet li jirreferu għal ditti jew ismijiet privati sakemm dawn ma jkunux ta' tifħir jew jiżvijjaw lill-konsumatur. Il-logo IĠP għandu jiġi riprodott fuq it-tikketti, l-imballaġġ u kwalunkwe materjal grafiku addizzjonali.

Il-logo IĠP huwa ta' għamla ovali ta' lewn blu skur imdawwar bl-aħdar. Ġo fih il-kelma “Sauris” hija miktuba bl-isfar b'żewġ linji mmewġa koħol taħtha. Fuq il-kelma hemm il-marki tal-linji ta' barra ta' muntanja bajda u żewġ siġar taż-żnuber.

Image