8.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 106/27


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar il-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

2009/C 106/10

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAR-REĠISTRAZZJONI TA’ STG

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

“SKILANDIS”

Nru TAL-KE: LT-TSG-007-0032-15.6.2005

1.   Isem u indirizz tal-grupp applikant:

Isem il grupp/jew lorganizzazzjoni (jekk rilevanti)

:

Lietuvos mėsos perdirbėjų asociacija.

Indirizz

:

A. Vienuolio g. 8

LT-01104 Vilnius

LIETUVA/LITHUANIA

Numru tat-telefown

:

+370 52126814

Feks

:

+370 52126814

Indirizz tal-posta elettronika

:

lmpa@takas.lt

2.   L-Istat Membru jew il-Pajjiż Terz:

Il-Litwanja

3.   Speċifikazzjoni tal-prodott:

3.1.   Isem/ismijiet li għandu/hom jkun/ikunu reġistrat/i (Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007):

“Skilandis”

3.2.   Isem:

Image

huwa speċifiku fih innifsu

jesprimi l-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel

Materjal ta’ referenza fil-Mużew Etnografiku f’Rumšiškės juri li l-kelma “skilandis” tissemma f'reġistri bil-miktub minn diversi postijiet fil-Gran Dukat tal-Litwanja tmur lura sa bejn is-seklu 16 u 18. L-isem jidher fil-“Prūsų-lietuvių kalbų žodynas” [id-Dizzjunarju mill-Prussu għal-Litwan] ta’ Theodor Lepner tal-1680 u fid-dizzjunarji mil-Litwan għall-Ġermaniż ippubblikati minn Philipp Ruhig fl-1747, Christian Moeleke fl-1800 u minn Friedrich Kurschat fl-1883. L-isem jintuża biex issir referenza għall-prodott madwar il-Litwanja kollha. L-isem tal-prodott huwa uniku, ilu jeżistu ħafna żmien u għadu jintuża.

3.3.   Jekk ir-riżerva tal-isem hijiex qed issir skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006:

ir-reġistrazzjoni b’riżerva tal-isem

Image

ir-reġistrazzjoni mingħajr riżerva tal-isem

3.4.   It-tip tal-prodott [bħal fl-Anness II]:

Klassi 1.2:

Prodotti b’bażi tal-laħam (imsajjar, immellaħ, affumikat, eċċ.)

3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel li għalih japplika l-isem skont il-punt 3.1 (Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007):

L-iSkilandis huwa prodott magħmul minn laħam affumikat ippakkjat f'kisja naturali, marbut l-ispag, b'wiċċ irregolari, aħrax, f’forma ta' demgħa ċċattjata jew ta' qargħa żgħira. B’dijametru ta’ mhux inqas minn 80 mm, il-piż tiegħu jista' jvarja. Fl-imgħoddi, il-kisja tal-iSkilandis kienet issir mill-istonku tal-ħanżir imma, mill-bidu tas-seklu 20, din bdiet issir mill-bużżieqa tal-awrina tal-ħnieżer jew mill-musrana l-għamja tal-baqar. Ġeneralment l-iSkilandis magħmula d-dar ikunu magħmula mil-laħam tal-majjal biss, filwaqt li n-negozji li jipproċessaw il-laħam jużaw kemm majjal kif ukoll iċ-ċanga għall-produzzjoni tiegħu.

It-togħma aċidika, imħawra, ħelwa, mielħa u l-palat speċifiku u riħa li jiżviluppaw waqt il-maturazzjoni u t-tnixxif huma karatteristiċi tal-iSkilandis, u l-istess jista’ jingħad għall-kulur minn ġewwa meta dan jinqata’, li jvarja minn aħmar fir-roża għal aħmar skur u jista’ jkun iktar skur lejn it-truf. Għandu riħa partikolari ta’ ħwawar u ta’ affumikar. Għandu konsistenza riġida. Biċċiet tax-xaħam li ma jkunux ikbar minn 20 mm huma mifruxa b'mod irregolari fil-laħam dgħif.

Il-karatteristiċi fiżikokimiki tal-iSkilandis huma li ġejjin:

il-kontenut massimu ta' ndewwa: 40 %,

il-kontenut minimu ta’ proteini tal-laħam, minbarra l-collagen: 16 %,

il-kontenut massimu ta’ melħ komuni: 5 %,

il-kontenut massimu ta' xaħam: 35 %,

pH: Għall-anqas 5.0;

il-piż tal-prodott 0.4-2.0 kg.

L-iSkilandis jista’ jinbiegħ ukoll maqsum minn nofs jew imqatta’, ippakkjat fil-vakwu jew f'tip ta' ppakkjar bl-atmosfera modifikata.

3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel li għalih japplika l-isem skont il-punt 3.1 (Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007):

Ingredjenti:

laħam dgħif tal-majjal, bil-kontenut tax-xaħam intramuskolari viżibbli tiegħu ma jaqbiżx il-5 %. Jistgħu jintużaw il-partijiet li ġejjin tal-karkassa: ix-xikel, l-ispalla mingħajr il-ġarretta u l-mixwi. Madwar nofs l-iSkilandis isir mil-laħam dgħif tal-majjal

sa 60 % tal-laħam dgħif tal-majjal jista’ jinbidel bl-istess kwantità ta’ laħam dgħif taċ-ċanga , bil-kontenut tax-xaħam viżibbli u l-kontenut tal-vini fini tiegħu ma jaqbżux il-5 %. Jistgħu jintużaw il-partijiet li ġejjin tal-karkassa: l-għolja tal-koxxa, il-laħam tan-naħa ta’ barra, it-taħrika ta’ ġewwa, il-mixwi u t-taħrika, l-iktar parti tarja tal-laħam tar-ramp, cube roll (il-kustilja l-maġġura), il-kustilja tal-kozz, l-ispalla u t-taqsira;

laħam tal-majjal semi imxaħħam, li l-kontenut intermuskolari u li jinsab taħt il-ġilda tiegħu ma jaqbiżx it-30 %. Jistgħu jintużaw il-partijiet li ġejjin tal-karkassa: in-naħa ta’ ġewwa tal-ispalla, in-naħa ta' isfel tal-ispalla u tal-għonq;

laħam tal-majjal imxaħħam mingħajr il-ġilda ta’ barra, li l-kontenut tax-xaħam tiegħu ma jaqbiżx il-55 %. Il-laħam tal-majjal semi imxaħħam u l-laħam tal-majjal imxaħħam flimkien jammontaw għal madwar kwart tal-iSkilandis;

xaħam tad-dahar mingħajr il-ġilda ta’ barra. Madwar kwart mill-iSkilandis huwa magħmul mix-xaħam tad-dahar;

melħ komuni: 26-30 g ma’ 1 kg laħam;

ħwawar, jiġifieri bżar iswed, bżar abjad u bżar tal-Ġamajka: 2-3 g ma’ 1 kg laħam; Dawn jiżdiedu mitħuna jew sħaħ, bħall-bżar niexef;

tewm: 2-3 g ma’ 1 kg laħam;

zokkor: 2-5 g ma’ 1 kg laħam;

preżervattiv E 250 (nitrit tas-sodju): 50-180 mg ma’ 1 kg laħam;

Antiossidanti E 300 (aċidu askorbiku) u E 301 (askorbat tas-sodju): 0.5-1 g ma’ 1 kg laħam;

sa 2-3 g ta' karwi, weraq tar-rand mitħun u noċemuskata mitħuna jistgħu jiżdiedu wkoll ma’ 1 kg laħam.

Metodu ta’ produzzjoni:

L-iSkilandis huwa prodott permezz tal-metodu tradizzjonali. Huwa rakkomandat li jintuża l-laħam tal-annimali adulti.

Il-laħam imkessaħ tal-majjal jitqatta’ f’biċċiet ta’ 10-30 mm, bl-idejn jew bl-għajnuna ta’ magni speċjali, u x-xaħam jitqatta’ f'biċċiet ta' 5-20 mm. Il-laħam taċ-ċanga mkessaħ jiġi kapuljat billi jgħaddi minn magna tal-ikkapuljar b’diska b’toqob ta’ 2-5 mm.

Il-laħam imqatta’ u kapuljat jitħallat ma’ melħ komuni u nitrit tas-sodju, zokkor, ħwawar u additivi tal-ikel f’magna tat-taħlit jew magna tat-tħin. It-taħlit jieħu għall-anqas 10 minuti. Il-mili prodott b’dan il-mod jitħalla joqgħod għall-anqas sitt sigħat f'temperatura li ma tkunx ogħla minn +4 °C. Permezz tal-magni għall-mili, il-laħam jiddaħħal fil-bużżieqa naturali tal-awrina tal-ħnieżer jew fil-musrana għamja tal-baqar, li d-dijametru tagħhom ikun ikbar mid-dijametru tal-kisjiet li normalment jintużaw għaz-zliezet affumikati kesħin. Meta wieħed ikun qed jimla’ l-bużżieqa tal-awrina jew il-musrana l-għamja bil-laħam, huwa importanti ħafna joqgħod attent li ma jħallix l-arja tidħol. Waqt l-istadju li jmiss fil-proċess tal-produzzjoni, il-partijiet ta’ ġewwa tal-iSkilandis jkunu soġġetti għal tnixxif bil-mod u fermentazzjoni intensiva, u dan jiddetermina l-proprjetajiet karatteristiċi organolettiċi tal-iSkilandis. Il-kisja timtela bil-mod bil-mili, u dan jiġi ppressat fil-bużżieqa tal-awrina jew fil-musrana l-għamja. Kwalunkwe arja li tkun daħlet fil-mili titneħħa billi tingħafas il-kisja. Il-kisja għandha tkun ippakkjata sew tant li ma jkunx hemm vojt bejn il-mili u l-kisja minħabba li l-mili jkun inxtorob waqt li l-proċess tal-affumikar u t-tnixxif.

Il-bużżieqa tal-awrina jew il-musrana l-għamja jintrabtu b'ħajta ħoxna jew spaga naturali. Il-prodott mimli jintrabat bl-idejn permezz ta’ spaga għal tulu, li taqsam il-prodott f’erba’ partijiet. Jekk il-kisja tkun magħmula minn musrana għamja, il-prodott jintrabat ukoll minn naħa għall-oħra kull 4-5 ċm.

L-iSkilandis marbuta jiddendlu fuq oqfsa b'tali mod li ma jmissux ma xulxin u jitħallew għall-anqas tlitt ijiem jimmaturaw f'temperatura li ma tkunx ogħla minn +4 °C. Waqt din l-operazzjoni, il-mili fil-kisja jsir iktar kompatt, il-kulur tal-prodott joqgħod u jiżviluppaw il-mikroorganiżmi b'mod selettiv, li jgħin sabiex jinħolqu kundizzjonijiet li jagħtu t-togħma u r-riħa speċifika tal-prodott.

Wara li jimmatura, l-iSkilandis jiġi affumikat f'temperatura bejn 18-30 °C permezz ta' duħħan mill-ħruq tas-serratura tal-injam tas-siġar li jwaqqgħu l-weraq (tal-alnu, tal-luq, tal-betula, tal-fagu, tal-ballut). Il-proċessi ta’ maturazzjoni u ta’ affumikazzjoni fil-bidu jistgħu jsiru fi kmamar klimatiċi u f’tagħmir tat-tnixxif ta’ diversi tipi. L-iSkilandis jiġi affumikat permezz ta’ proċess mhux kontinwu, f’intervalli, li matulhom jitnixxef f'temperatura ta' 18-28 °C. It-tul tal-proċess tal-affumikazzjoni (inklużi l-intervalli) jiddependi mit-tagħmir użat għall-affumikazzjoni u d-daqs tal-iSkilandis, u jista’ jdum bejn jumejn u 15-il jum. Il-ħin li jieħu l-iSkilandis biex jiġi affumikat jiddetermina l-intensità tal-kulur tiegħu, u l-prodott jikseb riħa ta’ affumikazzjoni karatteristika sal-aħħar tal-proċess.

L-iSkilandis affumikat jitnixxef f’temperatura ta’ 8-18 °C u f’umdità relattiva ta’ 90-75 %. Il-proċessi bijokimiki miġjuba mill-iżvilupp tal-mikroorganiżmi u l-azzjoni tal-fermenti tat-tessuti jkomplu matul il-proċess tat-tnixxif, minħabba f’hekk, l-iSkilandis jikseb it-togħma u r-riħa karatteristika tiegħu. L-iSkilandis jitħalla jitnixxef għall-anqas 30 jum, sakemm jilħaq l-indewwa meħtieġa u jikseb il-karatteristiċi tipiċi organolettiċi tiegħu.

L-iSkilandis jitħalla mdendel ġewwa f’temperatura ta’ 0-15 °C.

3.7.   Il-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel (Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007):

L-iktar proprjetajiet karatteristiċi speċifiċi importanti tal-iSkilandis huma:

Dehra – l-iSkilandis huwa prodott magħmul minn laħam affumikat li jkun ippakkjat f'kisja naturali magħmula mill-bużżieqa tal-awrina tal-ħnieżer jew mill-musrana l-għamja tal-baqar, marbut bi spaga, b'wiċċ irregolari, aħrax, f’forma ta' demgħa ċċattjata jew ta' qargħa żgħira. Għandu dijametru ta’ mill-anqas 80 mm u jiżen bejn 0.4-2 kg.

Dehra minn ġewwa – il-kulur tal-qatgħat ivarja minn aħmar fir-roża għal aħmar skur u jista’ jkun iktar skur in-naħa tat-truf. Biċċiet tax-xaħam li ma jkunux ikbar minn 20 mm huma mifruxa b'mod irregolari fil-laħam dgħif. Jista’ jkun li diversi ħwawar ikunu jidhru.

Il-metodu tal-produzzjoni – il-laħam tal-majjal u taċ-ċanga jitqatta’ bl-idejn jew jiġi kapuljat f’biċċiet kbar permezz ta’ magna li tikkapulja l-laħam, jitħawwar bi ħwawar tradizzjonali u jiddaħħal fil-bużżieqa naturali tal-awrina tal-ħnieżer jew fil-musrana għamja tal-baqar. Wara li jitnixxef, l-iSkilandis ikun affumikat bosta drabi permezz ta' duħħan mill-ħruq tal-injam tas-siġar li jwaqqgħu l-weraq, u wara l-affumikazzjoni, jiħalla jitnixxef għall-anqas 30 jum.

It-togħma u r-riħa - togħma aċidika, imħawra, ħelwa, mielħa u l-palat speċifiku u riħa li tiżviluppa mill-proċessi ta’ fermentazzjoni speċifiċi u eċċezzjonali ta’ waqt il-maturazzjoni u t-tnixxif huma fatturi karatteristiċi tal-iSkilandis. Għandu riħa partikolari ta’ ħwawar u riħa ħafifa ta’ affumikar. Il-proċessi ta’ fermentazzjoni msemmija hawn fuq jiddependu essenzjalment mill-ingredjenti li huma inklużi fir-riċetta, li ġeneralment jinsabu fil-klima Litwana.

It-tradizzjonijiet tal-konsum - normalment jisserva waqt festi, f'okkażjonijiet speċjali, f'laqgħat u fi żminijiet meta jkun hemm ħafna xogħol fil-kalendarju agrikolu. Jitqatta’ rqiq u jittiekel mal-ħobż ismar.

3.8.   Il-karatteristika tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel (Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007):

L-iSkilandis jitqies bħala platt nazzjonali fil-Litwanja. Fil-ktieb “Lietuvos kulinarijos paveldas” ta’ B. Imbrasienė (ippubblikat minn Baltos lankos, 2008), l-iSkilandis huwa l-ewwel prodott tradizzjonali magħmul mil-laħam minn fost ħafna li jissemmew. Minn żminijiet imgħoddija, fl-irħula Litwani dan il-prodott kien jitħalla għal żminijiet meta kien ikun hemm ħafna xogħol fis-sajf (il-qtugħ tal-ħuxlief għat-tnixxif, il-ħsad tas-segala) u biex jiġi offrut lill-mistednin. Fil-ktieb “Būdas senovės lietuvių, kalnėnų ir žemaičių”, ippubblikat fl-1845, l-awtur Litwan Simonas Daukantas kiteb li fiż-żminijiet imgħoddija tal-Litwanja, l-iSkilandis kien ikel offrut lill-mistednin. L-iSkilandis jissemma wkoll f’ħafna xogħlijiet klassiċi oħra tas-seklu 19 u 20 fil-letteratura Litwana. Mappa fil-“Lietuvių kalbos atlasas” [Atlas tal-lingwa Litwana] (Vilnius, 1977) li turi d-distribuzzjoni tal-kelma “Skilandis” turi li l-isem ta’ dan il-prodott tal-ikel kien magħruf fil-partijiet kollha tal-Litwanja ħlief fil-Majjistral.

Fl-imgħoddi, il-kisja tal-iSkilandis kienet issir mill-istonku tal-ħanżir imma, mill-bidu tas-seklu 20, din bdiet issir mill-bużżieqa tal-awrina tal-ħnieżer jew mill-musrana l-għamja tal-baqar. Ġenralment l-iSkilandis magħmula fid-djar ikunu magħmula mil-laħam tal-majjal biss, filwaqt li n-negozji li jipproċessaw il-laħam jużaw kemm majjal kif ukoll ċanga għall-produzzjoni tiegħu.

L-iSkilandis huwa definit fil-“Lietuviška tarybinė enciklopedija” [l-Enċiklopedija Litwana Sovjetika] (Vilnius, 1983) kif ġej: “zalzett nej jew affumikat magħmul minn laħam mhux imqatta” fin. Huwa magħmul minn laħam tal-majjal semi imxaħħam (≈ 85 %) u minn laħam taċ-ċanga (≈ 15 %). Il-laħam jitqatta’ f’biċċiet li d-daqs tagħhom ikun bejn 2-3 cm b’1.5 cm. Jintefa’l-melħ (≈ 3.5 % tat-taħlita tal-laħam), salnitru (nitrit tas-sodju), zokkor, bżar iswed, bżar tal-Ġamajka u tewm. Il-mili jitqiegħed fl-istonku jew fil-kisja magħmula mill-bużżieqa tal-awrina tal-ħnieżer jew mir-rektum jew mill-musrana l-għamja tal-baqar. Normalment ikun affumikat. Jiġi prodott f'impjanti li jipproċessaw il-laħam jew fid-djar tan-nies.

3.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri għall-ikkontrollar tal-karattru speċifiku (Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007):

Il-kontrolli li jsiru jkopru:

konformità tal-materja prima għar-rekwiżiti stipulati;

osservazzjoni tal-ordni korretta tal-istadji fil-proċess tal-produzzjoni;

rispett tal-parametri tal-proċess tal-produzzjoni;

kemm idum l-istadju tat-tnixxif tal-prodott;

il-proprjetajiet organolettiċi tal-prodott aħħari (id-dehra, it-togħma, ir-riħa, il-kulur, il-konsistenza);

L-indikaturi fiżikokimiki tal-prodott aħħari (l-indewwa, il-kontenut ta’ proteini barra l-collagen, il-kontenut tal-melħ komuni, il-pH, il-kontenut tax-xaħam);

il-ħżin tal-prodott aħħari. It-temperatura tal-ambjent ta’ barra u l-umdità jiġu ċċekkjati waqt il-ħżin.

L-awtorità li tispezzjona għandha tagħmel il-kontrolli meħtieġa, li għandhom isiru għall-anqas darba f’sena. L-awtorità li tispezzjona għanda terġa’ tara s-sistemi ta’ monitoraġġ tal-produtturi u l-punti kritiċi ta’ kontroll u tiċċekkja d-dokumentazzjoni tal-produtturi.

4.   L-awtoritajiet jew l-entitajiet li huma responsabbli mill-verifikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

4.1.   Isem u indirizz:

Isem

:

Lietuvos Respublikos valstybinė maisto ir veterinarijos tarnyba

Indirizz

:

Siesikų g. 19

LT-07170 Vilnius

LIETUVA/LITHUANIA

Numru tat-telefown

:

+370 52404361

Indirizz tal-posta elettronika

:

vvt@vet.lt

ImageEntità pubblika  Entità privata

4.2.   Kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-entità:

L-awtorità tal-ispezzjoni msemmija fil-punt (4.1) hija responsabbli mill-monitoraġġ tal-kriterji kollha mniżżla fl-ispeċifikazzjoni.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.