22.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/22


Avviż ta' tnedija ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ferro-silikon li joriġinaw minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja

2009/C 93/07

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11 (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-import - azzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal reviżjoni

It-talba saret minn Silmak DOOEL (“l-applikant”), produttur esportatur minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja.

L-ambitu tar-reviżjoni huwa limitat għall-eżami tad-dumping safejn għandu x'jaqsam l-applikant.

2.   Prodott

Il-prodott taħt reviżjoni huwa ferro-silikon li joriġina minn dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja (“il-prodott ikkonċernat”) attwalment ikklassifikat fil-kodiċi NM 7202 21 00, 7202 29 10 u 7202 29 90. Dawn il-kodiċi NM qed jingħataw biss bħala informazzjoni.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 172/2008 (2) fuq importazzjonijiet ta' ferro-silikon li joriġinaw, fost oħrajn, f’dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja.

4.   Raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba skont l-Artikolu 11(3) hija msejsa fuq evidenza prima facie, pprovduta mill-applikant, li ċ-ċirkustanzi, li abbażi tagħhom ġew imposti l-miżuri eżistenti nbidlu u li dan it-tibdil huwa ta' natura permanenti.

L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex ikun ikkumpensat id-dumping. Tqabbil tal-valur normali kompost tal-applikant u l-prezzijiet tiegħu tal-esportazz-joni lejn il-Komunità jindika li l-marġni ta' dumping jidher li huwa sostanzjalment aktar baxx mil-livell attwali tal-miżura.

Għalhekk, l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fil-livell eżistenti, li kienet imsejsa fuq il-livell ta' dumping stabbilit qabel, tidher li ma għadhiex meħtieġa biex ikun ikkumpensat id-dumping.

5.   Il-proċedura għad-determinazzjoni ta’ dumping

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni qiegħda b'dan tniedi reviżjoni skont l-Artikolu 11 (3) tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tivvaluta l-bżonn għall-issuktar, għat-tneħħija jew għall-emendar tal-miżuri eżistenti fir-rigward tal-applikant.

Jekk jinstab li l-miżuri għandhom jitneħħew jew jiġu emendati għall-applikant, jista' jkun meħtieġ li tiġi emendata r-rata tad-dazju attwalment applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn kumpaniji li ma jissemmewx individwalment fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 172/2008.

(a)   Il-kwestjonarji

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-applikant u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Dan it-tagħrif u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien preskritt stipulat fil-punt 6(a).

(b)   Il-ġbir ta’ tagħrif u s-smigħ ta’ seduti

Il-partijiet kollha interessati qegħdin b'dan jiġu mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu informazzjoni barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Dan it-tagħrif u dawn id-dokumenti ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien preskritt stipulat fil-punt 6(a).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fiż-żmien preskritt stipulat fil-punt 6(b).

6.   Iż-żmien preskritt

(a)   Għall-partijiet biex jippreżentaw ruħhom, jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor

Il-partijiet interessati kollha, jekk id-dikjarazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi minn kemm il-parti tippreżenta lilha nnifisha fil-perjodu msemmi qabel.

(b)   Seduti ta’ smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess żmien preskritt ta’ 40 jum.

7.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet għall-kwestjonarju u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f'dan l-avviż, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Limitati (3) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li se tkun immarkata bħala “Għal Spezzjoni Mill-Partijiet Interessati”.

L-indirizz għall-korrispondenza tal-Kummissjoni:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate H

Office: N-105 4/92

B-1049 Brussels

Faks (32-2) 295 65 05

8.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għal jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fiż-żmien preskritt, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

9.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   Proċessar ta’ dejta personali

Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' din id-dejta (4)

11.   Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fl-eżerċitar tad-drittijiet ta’ difiża tagħhom, huma jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni taż-żmien preskritt u t-trattament tas-sottomissjoni tal-opinjonijiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2008, p. 6.

(3)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa mħares skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim tal-Anti-Dumping).

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.