8.1.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 3/14 |
Avviż ta' Bidu ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping li japplikaw għall-importazzjonijiet ta' twavel għall-mogħdija li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(2009/C 3/07)
Il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).
1. It-talba għal reviżjoni
It-talba tressqet minn Guangzhou Power Team Houseware Co. Ltd, Guangzhou (“l-applikant”), esportatur mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
L-ambitu tat-talba huwa limitat għal eżami tad-dumping safejn għandu x'jaqsam l-applikant.
2. Il-prodott
Il-prodott taħt reviżjoni huma t-twavel għall-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b'wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inklużi t-twavel għall-kmiem, u partijiet essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn tpoġġi l-ħadida li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”) li bħalissa huma klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM ex 3924 90 90, ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00. Dawn il-kodiċi NM qed jingħataw biss bħala informazzjoni.
3. Il-miżuri eżistenti
Il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 (2) fuq importazzjonijiet ta' twavel għall-mogħdija li joriġinaw, inter alia, fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
4. Ir-raġunijiet għar-reviżjoni
It-talba skond l-Artikolu 11(3) hija msejsa fuq evidenza prima facie mogħtija mill-applikant, li ċ-ċirkustanzi, li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri, inbidlu u dan it-tibdil huwa ta' natura permanenti.
L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex ikun ikkumpensat id-dumping. B'mod partikolari, l-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li dan issa jopera skond il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, jiġifieri li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. L-applikant għaldaqstant jallega li l-valur normali tiegħu għandu jiġi stabbilit skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Tqabbil ta' dan il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tiegħu lejn il-Komunità jindika li l-marġni ta' dumping jidher li huwa sostanzjalment aktar baxx mil-livell attwali tal-miżura.
Għaldaqstant, l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fil-livell eżistenti, li kienet imsejsa fuq il-livell ta' dumping stabbilit qabel, tidher li ma għadhiex meħtieġa biex ikun ikkumpensat id-dumping.
5. Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping
Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi biex ikun iġġustifikat il-bidu ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni qiegħda b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-kumpanija issa hijiex qed topera skond il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq kif imfisser fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u se teżamina l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni, it-tneħħija jew l-emenda tal-miżuri eżistenti fir-rigward tal-applikant.
Jekk jinstab li l-miżuri għandhom jitneħħew jew jiġu emendati għall-applikant, jista' jkun meħtieġ li tiġi emendata r-rata tad-dazju attwalment applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn kumpaniji li ma jissemmewx fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 452/2007.
(a) Il-kwestjonarji
Biex tikseb l-informazzjoni li tqis neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(i).
(b) Il-ġbir ta' tagħrif u s-smigħ ta' seduti
Il-partijiet kollha interessati qegħdin b'dan jiġu mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu informazzjoni barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Din l-informazzjoni u din l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(i).
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fiż-żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).
(c) Trattament tal-ekonomija tas-suq/ trattament individwali
Fl-eventwalità li l-kumpanija tipprovdi biżżejjed evidenza li turi li hija topera taħt kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri li tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jkun iddeterminat skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, għandha titressaq talba ssostanzjata kif xieraq fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fil-punt 6(b) ta' dan l-avviż. Il-Kummissjoni se tibgħat formola tat-talba lill-kumpanija kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Din il-formola tat-talba tista' tintuża wkoll mill-applikant biex jitlob trattament individwali, jiġifieri li hu jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.
(d) L-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq
F'każ li l-kumpanija ma tingħatax trattament ta' ekonomija tas-suq imma tissodisfa r-rekwiżiti biex ikollha dazju individwali stabbilit skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, se jintuża pajjiż xieraq b'ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skond l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni tikkunsidra tuża lit-Turkija mill-ġdid għal dan l-għan kif kien sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri attwali fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-partijiet interessati huma hawnhekk mistiedna biex jikkummentaw dwar kemm hija xierqa din l-għażla fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fil-punt 6(c) ta' dan l-avviż.
Barra minn hekk, f'każ li l-kumpanija tingħata trattament ta' ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tista', jekk ikun meħtieġ, tuża wkoll sejbiet li jikkonċernaw il-valur normali stabbiliti f'pajjiż xieraq b'ekonomija tas-suq, eż. bl-għan li jinbidlu l-elementi ta' spiża u prezz li mhumiex affidabbli fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma meħtieġa biex jiġi stabbilit il-valur normali, jekk ma tkunx disponibbli d-dejta meħtieġa kredibbli fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-Kummissjoni tikkunsidra tuża lit-Turkija għal dan l-għan ukoll.
6. Il-limit taż-żmien
(a) Il-limiti ġenerali ta' żmien
(i) Għall-partijiet biex jippreżentaw ruħhom, jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra
Il-partijiet kollha interessati, jekk għandhom jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lilll-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kull informazzjoni oħra fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tingħata attenzjoni lill-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi minn kemm il-parti tippreżenta lilha nnifisha fil-limiti tal-perjodu msemmi qabel.
(ii) Seduti ta' smigħ
Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.
(b) Limitu ta' żmien speċifiku għall-preżentazzjoni ta' talbiet għal trattament ta' ekonomija tas-suq/trattament individwali
It-talba tal-kumpanija ssostanzjata kif xieraq għal trattament ta' ekonomija tas-suq u/jew għal trattament individwali skond l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, kif imsemmi fil-punt 5(c) ta' dan l-avviż, għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(c) Il-limitu ta' żmien speċifiku għall-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq
Il-partijiet għall-investigazzjoni jista' jkollhom ix-xewqa li jikkummentaw dwar kemm hija xierqa t-Turkija li, kif imsemmi fil-punt 5(d) ta' dan l-avviż, titqies bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
7. Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet tal-kwestjonarju u korrispondenza
Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux f'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan l-avviż, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala Limitati (3) u, skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li se tkun immarkata bħala Għal Spezzjoni Mill-Partijiet Interessati.
L-indirizz għall-korrispondenza tal-Kummissjoni:
European Commission |
Directorate General for Trade |
Directorate H |
Office: N-105 4/92 |
B-1049 Brussels |
Faks (32-2) 295 65 05 |
8. In-nuqqas ta' kooperazzjoni
F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta' żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b'mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.
Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha titwarrab u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.
9. L-iskeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
10. L-ipproċessar ta' dejta personali
Huwa nnotat li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' din id-dejta (4).
11. L-Uffiċjal għas-Smigħ
Huwa nnotat ukoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex iħaddmu d-drittijiet ta' difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Smigħ tad-DĠ għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti ta' żmien u t-trattament tas-sottomissjoni tal-opinjonijiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).
(2) ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.
(3) Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa mħares skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-anti-dumping).