52009PC0431

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2007/641/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer ta' Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument tal-Iżvilupp għall-Koperazzjoni /* KUMM/2009/0431 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.8.2009

KUMM(2009) 431 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2007/641/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer ta' Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument tal-Iżvilupp għall-Koperazzjoni

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. Il-kolp ta' stat militari f'Diċembru 2006 wassal għal konsultazzjonijiet taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim revedut ta' Cotonou. Dawn irriżultaw f'April 2007 f'impenji miftiehma dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt. Fl-1 ta' Ottubru 2007, il-Kunsill iddeċieda dwar miżuri xierqa għal Fiġi biex jiġi stabbilit grad ta' parallelliżmu bejn ir-rispett ta' Fiġi għall-impenji miftiehma u l-koperazzjonigħall-iżvilupp. L-impenji miftiehma, il-miżuri xierqa u d-djalogu politiku msaħħaħ ma' Fiġi fil-passat kienu strumentali fil-protezzjoni u l-assistenza għas-sitwazzjoni fil-Fiġi, partikolarment fir-rigward tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

2. Madankollu, fl-10 ta' April, il-President ta' Fiġi abroga l-Kostituzzjoni, neħħa l-imħallfin kollha u ddikjara li kienu se jsiru elezzjonijiet mhux aktar tard minn Settembru 2014. B'dan, Fiġi unilateralment kisret impenji ta' importanza ewlenija li kienet tat lill-UE f'April 2007. Dan seħħ fil-jum wara li l-Qorti tal-Appell kienet iddeċidiet li t-twaqqif tal-gvern immexxi mill-militar wara l-kolp ta' stat fl-2006 kien illegali. Fiġi tinsab ukoll fi stat ta' emerġenza u l-libertà tal-espressjoni tnaqqset b'mod sostanzjali.

3. Wara l-iżviluppi negattivi fl-Għid 2009, il-Presidenza tal-UE ħarġet stqarrija fit-22 ta' April 2009 f'isem l-UE li fiha ħadet nota b'sogħba tal-aħħar żviluppi. Dan kien segwit minn stqarrija tal-Kummissarju Louis Michel fil-15 ta' Mejju 2009 li ħabbret li l-allokazzjoni taz-zokkor tal-2009 għall-Fiġi kienet tħassret.

4. Ir-rivalutazzjoni tad-Deċiżjoni kurrenti, li tiskadi fl-1 ta' Ottubru 2009, qed isseħħ fl-istess żmien ma' inizjattiva konġunta ta' medjazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Commonwealth, li għaliha l-UE tat l-appoġġ kollu tagħha, iżda li bħalissa tinsab wieqfa.

5. Il-Prim Ministru interim ftit ilu ppreżenta programm għar-riformi u l-elezzjonijiet. Filwaqt li l-pjan mhux suffiċjenti kif inhu, jista' jkun utli li jkun hemm djalogu dwaru u li wieħed jikkunsidra jekk huwa jistax iservi bħala bażi għal konsultazzjonijiet ġodda.

6. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tista' biss, f'dan l-istadju, tipproponi li tiġi estiża l-politika kurrenti.

7. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jestendi d-deċiżjoni attwali għal 6 xhur oħra li jintemmu fil-31 ta’ Marzu 2010.

8. Miżura oħra proposta hija li Fiġi tiġi infurmata, fl-ittra annessa lill-President Iloilo, li l-UE għadha impenjata li tkompli bid-djalogu politiku msaħħaħ u li konsultazzjonijiet ġodda taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp huma possibiltà reali.

9. Id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kontinwa.

Konklużjoni

10. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill qed jintalab jadotta l-abbozz ta’ proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill li testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri xierqa għar-Repubblika tal-Gżejjer ta' Fiġi.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li testendi l-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri fid-Deċiżjoni 2007/641/KE li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer ta' Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument tal-Iżvilupp għall-Koperazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, fuq naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[1] u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005[2], minn hawn 'il quddiem 'il-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE', u b’mod partikolari l-Artikolu 96 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fil-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp[4], u b’mod partikulari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) L-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE ġew miksura.

(2) Il-valuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp ġew miksura.

(3) Fit-18 ta’ April 2007, skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp, bdew konsultazzjonijiet formali mal-pajjiżi tal-AKP u r-Repubblika tal-Gżejjer ta' Fiġi li fihom l-awtoritajiet ta' Fiġi għamlu impenji speċifiċi sabiex jirrimedjaw il-problemi identifikati mill-Unjoni Ewropea u jimplimentawhom.

(4) Ittieħdu xi miżuri sostantivi fir-rigward ta' wħud mill-impenji msemmija hawn fuq; madankollu, mhux biss hemm impenji importanti li jirrigwardaw elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Partenarjat AKP-KE u l-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp li għadhom ma ġewx implimentati, iżda riċentement kien hemm ukoll żviluppi rigressivi importanti fir-rigward ta' numru ta' impenji ta' importanza ewlenija[5],

(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/641/KE tal-1 ta’ Ottubru 2007 dwar il-konklużjoni tal-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Partenarjat AKP-KE u l-Artikolu 37 tal-Istrument ta’ Koperazzjoni għall-Iżvilupp tiskadi fl-1 ta' Ottubru 2009; u huwa xieraq li tiġi mtawla l-validità tagħha.

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2007/641/KE hija modifikata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 3, it-test tat-tieni paragrafu huwa sostitwit bit-test li ġej:

'Hija għandha tiskadi fil-31 ta' Marzu 2010. Għandha tiġi riveduta b'mod regolari mill-anqas darba kull sitt xhur, u mingħajr dewmien jekk żviluppi ġodda fir-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi jew konsultazzjonijiet formali ġodda mal-pajjiżi AKP u r-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi jwasslu għal impenji speċifiċi li jipprovdu raġunijiet biex isir dan’

2. L-anness huwa sostitwit bl-anness tad-Deċiżjoni preżenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

ANNESS

AbbozzL-E.T. Ratu Josefa ILOILO

Il-President tar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi

Suva

Ir-Repubblika tal-Gżejjer FiġiEċċellenza,L-Unjoni Ewropea tagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-Artikolu 3 tal-Istrument tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp. Is-sħubija AKP-KE hija bbażata fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, li huma elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou, u huma s-sies tar-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Fil-11 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkundanna l-kolp ta’ stat militari fil-Fiġi.

Taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, u meta jitqies li l-kolp ta’ stat militari li seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2006 kkostitwixxa ksur tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dak il-Ftehim, l-UE stiednet lill-Fiġi għal konsultazzjonijiet, kif previst fil-Ftehim, sabiex tkun eżaminata bis-sħiħ is-sitwazzjoni u jittieħdu passi biex tkun rimedjata fejn meħtieġ.

Il-parti formali ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bdiet fi Brussell fit-18 ta’ April 2007. L-UE kienet kuntenta li l-Gvern Proviżorju kkonferma għadd ta' impenji ewlenin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, kif innutat hawn taħt, u pproponiet passi pożittivi dwar l-implimentazzjoni tagħhom.

Sfortunatament, minn dak iż-żmien 'l hawn kien hemm serje ta' żviluppi rigressivi, b'mod partikolari f'April 2009, u dan ifisser li issa l-Fiġi tinsab fi stat ta' ksur ta' diversi mill-impenji tagħha. Dan jirrigwarda partikolarment l-abrogazzjoni tal-Kostituzzjoni, id-dewmien sostanzjali ħafna fiż-żamma ta' elezzjonijiet parlamentari, u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Minkejja li l-implimentazzjoni tal-impenji ġiet imdewma b'mod sostanzjali, il-biċċa l-kbira minnhom għadhom relevanti ħafna għas-sitwazzjoni preżenti ta' Fiġi, u huma għalhekk annessi ma' din l-ittra. Minħabba li Fiġi ddeċidiet unilateralment li tikser numru ta' impenji ta' importanza ewlenija, dan wassal għal telf għal Fiġi f'termini ta' fondi għall-iżvilupp.

Madankollu, fl-ispirtu ta' partenarjat li jifforma l-bażi tal-Ftehim ta' Cotonou, l-UE tesprimi d-disponibilità tagħha li tieħu sehem f'konsultazzjonijiet formali ġodda malli jkun hemm prospetti raġonevoli għal konklużjoni pożittiva għal dawn il-konsultazzjonijiet. Il-Prim Ministru Interim ftit ilu ppreżenta pjan għar-riformi u l-elezzjonijiet. L-UE hija lesta li tipparteċipa fi djalogu dwar dan il-pjan, u tinsab lesta li tikkunsidra jekk huwa jistax iservi bħala bażi għal konsultazzjonijiet ġodda. Għaldaqstant, l-UE ddeċidiet li testendi l-miżuri xierqa eżistenti għall-Fiġi sabiex toħloq spazju ta' opportunità għal konsultazzjonijiet ġodda. Filwaqt li xi wħud mill-miżuri xierqa issa skada żmienhom, ġie konkluż li minflok taġġornahom unilateralment, l-UE tippreferi tesplora aktar il-possibiltajiet għal konsultazzjonijiet ġodda mal-Fiġi. Għaldaqstant, huwa ta' importanza partikolari li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu favur djalogu politiku domestiku inklużiv u favur flessibiltà fir-rigward taż-żmien li fih jitwettaq il-pjan. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-UE hija, u dejjem se tkun, iggwidata mill-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou, kif revedut, u kif ukoll il-prinċipji fundamentali tiegħu, partikolarment fir-rigward tar-rwol essenzjali tad-djalogu u t-twettiq tal-obbligi reċiproċi, huwa enfasizzat li m'hemmx konklużjonijiet predeterminati min-naħa tal-UE fir-rigward tal-eżitu tal-konsultazzjonijiet futuri.

Jekk konsultazzjonijiet ġodda jirriżultaw f'impenji sostanzjali mill-Fiġi, l-UE hija impenjata favur rivalutazzjoni bikrija u pożittiva ta' dawn il-miżuri xierqa. Min-naħa l-oħra, jekk is-sitwazzjoni fil-Fiġi ma titjiebx, se jkompli jkun hemm telf ta' fondi għall-iżvilupp għall-Fiġi.

Sakemm ikunu saru konsultazzjonijiet ġodda, l-UE tistieden lill-Fiġi sabiex tkompli u tintensifika d-djalogu politiku msaħħaħ.

Il-miżuri xierqa huma dawn li ġejjin:

- l-għajnuna umanitarja kif ukoll l-appoġġ dirett għas-soċjetà ċivili jistgħu jkomplu,

- l-attivitajiet ta' koperazzjoni li qed jitwettqu u/jew jitħejjew, b'mod partikolari taħt it-tmien u d-disa' EDF jistgħu jkomplu,

- il-Valutazzjoni Finali tad-disa' EDF tista’ ssir,

- l-attivitajiet ta' koperazzjoni, li għandhom jgħinu sabiex tirritorna d-demokrazija u titjieb it-tmexxija, jistgħu jsiru, ħlief f'ċirkustanzi tassew eċċezzjonali,

- l-implimentazzjoni tal-miżuri li jakkumpanjaw ir-riforma fiz-zokkor għall-2006 tista' ssir. Il-ftehim ta’ finanzjament ġie ffirmat fil-livell tekniku mill-Fiġi fid-19 ta’ Ġunju 2007. Hu nnutat li l-ftehim ta’ finanzjament jinkludi klawsola ta’ sospensjoni,

- l-aċċettazzjoni mill-Gvern Proviżorju fid-19 ta' Ġunju 2007 tar-rapport tas-7 ta' Ġunju 2007 mill-esperti elettorali indipendenti tal-Forum tal-Gżejjer Paċifiċi hu skont l-Impenn Nru 1 miftiehem fit-18 ta' April 2007 bejn il-Gvern Proviżorju u l-UE. Għaldaqstant, it-tħejjija u l-iffirmar eventwali tal-programm indikattiv multiannwali għar-riforma fiz-zokkor li jakkumpanjaw il-miżuri għall-2008-2010 jistgħu jsiru,

- il-finalizzazzjoni, l-iffirmar fil-livell tekniku u l-implimentazzjoni tad-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiżi u l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-għaxar EDF b'pakkett finanzjarju indikattiv, kif ukoll l-allokazzjoni possibbli ta' porzjon li jasal sa 25% ta' din is-somma, bħala inċentiv, ikunu soġġetti għall-ħarsien tal-impenji magħmula fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; partikolarment li l-Gvern Proviżorju josserva l-Kostituzzjoni u jirrispetta b'mod sħiħ l-indipendenza tal-ġudikatura u li r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika, imdaħħla mill-ġdid fis-6 ta’ Settembru 2007, jitneħħew mill-aktar fis, li l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur ta’ drittijiet tal-bniedem ikunu investigati jew indirizzati skont il-proċeduri u l-fora varji taħt il-liġijiet tal-Gżejjer Fiġi u li l-Gvern Proviżorju għandu jagħmel l-aħjar sforzi sabiex iwaqqaf milli jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta’ sigurtà maħsuba biex jintimidaw,

- l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2007 tkun żero,

- l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2008 issir disponibbli soġġetta għal evidenza ta' tħejjija, kredibbli u f'waqtha skont l-impenji miftiehma, ta' elezzjonijiet; partikolarment dwar iċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali skont il-Kostituzzjoni, li jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li l-funzjonament tal-Uffiċċju Elettorali inkluża l-ħatra ta’ Sorveljant tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni,

- l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 ssir disponibbli fuq il-kundizzjoni li jkun hemm gvern leġittimu,

- l-allokazzjoni taz-zokkor għall-2010 tiddependi fuq il-progress imwettaq fl-implimentazzjoni tal-allokazzjoni taz-zokkor għall-2009 u t-tkomplija tal-proċess demokratiku,

- appoġġ addizzjonali għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' impenji ewlenin, b'mod partikolari b'appoġġ għat-tħejjija u/jew it-twettiq ta' elezzjonijiet, jistgħu jitqiesu flimkien ma' dak li huwa deskritt f'din l-ittra,

- il-koperazzjoni reġjonali, u l-parteċipazzjoni ta' Fiġi fiha, mhumiex affettwati,

- il-koperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment u ċ-Ċentru għall-Iżvilupp ta' Intrapriżi jistgħu jkomplu, fuq il-kundizzjoni li jitwettqu f'waqthom l-impenji meħuda.

Il-ħidma sussegwenti li ssir dwar l-impenji tkun skont l-impenji dwar is-sorveljanza f’termini ta’ djalogu regolari, koperazzjoni ma’ missjonijiet u rappurtar, kif imsemmi fl-Anness.

Barra minn hekk, l-UE tistenna li l-Fiġi tikkopera bis-sħiħ mal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Grupp ta' Persuni Eminenti, kif approvat mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Forum fil-laqgħa tagħhom f'Vanuatu fis-16 ta' Marzu 2007.

L-Unjoni Ewropea se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni fil-Fiġi mill-qrib. Taħt l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Cotonou, isir djalogu politiku mtejjeb mal-Fiġi sabiex ikun żgurat ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, ir-ritorn tad-demokrazija u r-rispett għall-istat tad-dritt sakemm iż-żewġ partijiet jikkonkludu li n-natura msaħħa tad-djalogu tkun laħqet l-iskop tagħha.

Jekk ikun hemm dewmien, waqfien jew rigress fl-implimentazzjoni tal-impenji meħuda mill-Gvern Proviżorju, l-UE żżomm id-dritt li taġġusta l-miżuri xierqa.

L-UE tisħaq li l-privileġġi tal-Fiġi fil-koperazzjoni tagħha mal-UE jiddependu fuq ir-rispett għall-elementi essenzjali tal-Ftehim ta' Cotonou u għall-valuri msemmija fl-Istrument għall-Koperazzjoni għall-Iżvilupp. Sabiex l-UE tiġi konvinta li l-gvern proviżorju hu mħejji b'mod sħiħ sabiex isegwi l-impenji meħuda, hu essenzjali li jsir progress bikri u sostanzjali fit-twettiq tal-impenji miftiehma.Dejjem tiegħek,Magħmul fi Brussell, Għall-Kummissjoni

Għall-Kunsill

Anness tal-Anness IMPENJI MIFTIEHMA MAR-REPUBBLIKA TAL-GŻEJJER FIĠI .

A. Rispett lejn il-Prinċipji tad-Demokrazija

Impenn Nru 1

Li jseħħu elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti fi żmien 24 xahar mill-1 ta' Marzu 2007, soġġett għall-osservazzjonijiet tal-valutazzjoni li għandha ssir mill-awdituri indipendenti maħtura mis-Segretarjat tal-Forum tal-Gżejjer Paċifiċi. Il-proċessi li jwasslu għall-elezzjonijiet, u t-twettiq tal-istess elezzjonijiet, għandhom ikunu, b'mod konġunt, sorveljati, adattati u riveduti kif xieraq fuq il-bażi ta’ parametri maqbula b’mod konġunt. Dan jimplika b’mod partikulari:

- li sat-30 ta’ Ġunju 2007 il-Gvern Proviżorju jadotta skeda li tistabbilixxi d-dati tat-tlestija tad-diversi passi li għandhom jittieħdu bi tħejjija għall-elezzjonijiet parlamentari l-ġodda,

- li l-iskeda tispeċifika l-ħin taċ-ċensiment, it-tfassil mill-ġdid tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali,

- li t-tfassil tal-konfini elettorali u r-riforma elettorali għandhom jitwettqu skont il-Kostituzzjoni,

- li jittieħdu miżuri sabiex tiġi żgurata l-ħidma tal-Uffiċċju Elettorali inkluża l-ħatra ta’ Sorveljant tal-Elezzjonijiet sat-30 ta’ Settembru 2007 skont il-Kostituzzjoni,

- li l-ħatra tal-Viċi-President għandha ssir skont il-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Proviżorju, meta jadotta inizjattivi u bidliet leġiżlattivi, fiskali u oħrajn ta' politika, li jkunu ta' natura importanti, għandu jagħti l-piż dovut lill-konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati relevanti l-oħra.

B. Stat tad-Dritt

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Proviżorju għandu jagħmel l-akbar sforzi sabiex ma jħallix li jsiru dikjarazzjonijiet minn aġenziji ta’ sigurtà maħsuba biex jintimidaw.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Proviżorju jħares il-Kostituzzjoni tal-1997, u jiggarantixxi l-ħidma normali u indipendenti tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali bħall-Kummissjoni tal-Fiġi għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, u l-Kummissjoni tal-Uffiċċji Kostituzzjonali. L-indipendenza sostanzjali u l-funzjonament tal-Kunsill il-Kbir tal-Kapijiet ikunu preżervati.

Impenn Nru 3

Li l-indipendenza tal-ġudikatura tkun rispettata bis-sħiħ, li din titħalla taħdem liberament u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu rispettati mill-partijiet kollha in kwistjoni, partikolarment:

- li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu sabiex it-tribunal skont it-Taqsima 138(3) tal-Kostituzzjoni jinħatar sal-15 ta’ Lulju 2007,

- li kwalunkwe ħatra u/jew tneħħija ta’ ġudikanti minn issa 'l quddiem iseħħu f’konformità stretta mad-dispożizzjonijiet u r-regoli proċedurali tal-Kostituzzjoni,

- li ma jseħħ l-ebda każ, ikun xi jkun, ta’ interferenza mill-militar u l-pulizija jew mill-Gvern Proviżorju mal-proċess ġudizzjarju, inkluż ir-rispett sħiħ għall-professjoni legali.

Impenn Nru 4

Li l-proċeduri kriminali kollha marbuta mal-korruzzjoni jkunu indirizzati permezz tal-mezzi ġudizzjarji xierqa u li kwalunkwe korpi oħrajn li jistgħu jitwaqqfu sabiex jinvestigaw każijiet allegati ta’ korruzzjoni joperaw fil-limiti kostituzzjonali.

C. Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem

Impenn Nru 1

Il-Gvern Proviżorju se jieħu l-passi neċessarji kollha sabiex jiffaċilita li l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jiġu investigati jew ittrattati skont id-diversi proċeduri u fora taħt il-liġi tal-Gżejjer Fiġi.

Impenn Nru 2

Il-Gvern Proviżorju biħsiebu jneħħi r-Regolamenti ta’ Emerġenza Pubblika f’Mejju 2007, soġġett għal kwalunkwe theddidiet għas-sigurtà nazzjonali, l-ordni pubbliku jew is-sikurezza.

Impenn Nru 3

Il-Gvern Proviżorju hu impenjat li jara li l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Fiġi taħdem b’indipendenza sħiħa u skont il-Kostituzzjoni.

Impenn Nru 4

Li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, fil-forom kollha tagħha jkunu rispettati b'mod sħiħ kif previst fil-Kostituzzjoni.

D. Ħidma Sussegwenti dwar l-Impenji

Impenn Nru 1

Li l-Gvern Proviżorju jimpenja ruħu li jżomm għaddej djalogu regolari sabiex jippermetti l-verifika tal-progress imwettaq u jagħti lill-awtoritajiet/ir-rappreżentanti tal-UE u l-KE aċċess sħiħ għall-informazzjoni fuq il-materji kollha marbuta mad-drittijiet tal-bniedem, ir-ritorn paċifiku lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Fiġi.

Impenn Nru 2

Li l-Gvern Proviżorju jikkopera bis-sħiħ ma’ missjonijiet eventwali mill-UE u l-KE għall-valutazzjoni u s-sorveljanza tal-progress.

Impenn Nru 3

Li l-Gvern Proviżorju jibgħat rapporti ta’ progress kull tliet xhur mit-30 ta’ Ġunju 2007 dwar l-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-impenji.

Hu nnutat li ċerti kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv biss permezz ta’ approċċ pragmatiku li jagħraf ir-realtajiet preżenti u jiffoka fuq il-ġejjieni.

[1] ĠU L 317, 15.12.2000, p.3.

[2] ĠU L 287, 28.10.2005, p.4.

[3] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.

[4] ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41-71.

[5] Partikolarment l-abrogazzjoni tal-Kostituzzjoni u dewmien sostanzjali ieħor biex isiru l-elezzjonijiet.