5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/94


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattat ta' Liżbona

P6_TA(2009)0388

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-iżvulupp tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali taħt it-Trattat ta' Liżbona (2008/2120(INI))

2010/C 212 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-irwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat ta' Amserdam,

wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità anness mat-Trattat ta' Amsterdam,

wara li kkunsidra t-Trattat ta' Liżbona, b'mod partikolari l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-irwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat ta' Liżbona, b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità anness mat-Trattat ta' Liżbona,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2002 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fl-integrazzjoni Ewropea (1),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida għar-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet u l-Parlamenti dwar kwistjonijiet tal-Komunità (standards minimi istruttivi) tas-27 ta' Jannar 2003 (il-“Linji Gwida Parlamentari ta' Copenhagen”) (2), adottati fil-XXVIII Konferenza tal-Kumitati għall-Affarijiet Komunitarji u Ewropej tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea (COSAC),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Koperazzjoni Interparlamentari fl-Unjoni Ewropea tal-21 ta' Ġunju 2008 (3),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-XL Seduta tal-COSAC fl-4 ta' Novembru 2008 f'Pariġi, b'mod partikolari Punt 1 tagħhom,

wara li kkunsidra r-Rapport tas-Sottokumitat tal-Parlament Irlandiż dwar il-Futur tal-Irlanda fl-Unjoni Ewropea b'mod partikolari l-paragrafi 29 sa 37 tat-taqsira eżekuttiva, fejn jintalab tisħiħ estensiv tal-iskrutinju Parlametari tal-gvernijiet nazzjonali bħala membri tal-Kunsill,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0133/2009),

A.

billi l-aħħar riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni tar-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali saret fl-2002 u għalhekk wasal iż-żmien għal evalwazzjoni mill-ġdid,

B.

billi ċ-ċittadini huma rappreżentati fil-livell tal-UE direttament mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill permezz tal-gvernijiet rispettivi tagħhom, li huma nfushom huma demokratikament responsabbli għall-parlamenti nazzjonali tagħhom (ara l-Artikolu 10(2) tat-Trattat tal-UE fil-verżjoni tat-Trattat ta' Liżbona); konsegwentament il-parlamentarizzazzjoni meħtieġa tal-Unjoni għandha sserraħ fuq żewġ approċċi fundamentali li jinvolvu t-twessigħ tas-setgħat tal-Parlament Ewropew fir-rigward tad-deċiżjonijiet kollha tal-Unjoni u t-tisħiħ tas-setgħat tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward tal-gvernijiet attwali tagħhom,

C.

billi l-koperazzjoni fil-Konvenzjoni Ewropea bejn ir-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali u r-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, kif ukoll bejn dawn tal-aħħar u r-rappreżentanti tal-parlamenti tal-pajjiżi kandidati għad-dħul fl-UE kienet eċċellenti,

D.

billi l-organizzazzjoni ta' Laqgħat Parlamentari Konġunti dwar temi partikolari fil-qafas tal-fażi ta' riflessjoni uriet l-utilità tagħha, u għalhekk din il-proċedura tista' tintuża meta ssir sejħa għal konferenza ġdida jew fil-każ ta' ċirkostanzi analogi,

E.

billi r-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali tjiebu u saru aktar diversifikati f'dawn l-aħħar snin u qed isiru għadd dejjem jiżdied ta' attivitajiet fil-livell tal-parlamenti kollha kemm huma kif ukoll fil-livell ta' kumitati parlamentari,

F.

billi fl-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati l-merti u n-nuqqas ta' merti tad-diversi prattiki eżistenti,

G.

billi l-parlamenti nazzjonali, fuq il-bażi tal-kompetenzi ġodda mogħtija lilhom skont it-Trattat ta' Liżbona, partikolarment fir-rigward tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, qed jiġu mħeġġa' jinvolvu ruħhom b'mod attiv mill-bidu fil-proċess tat-tfassil tal-politka fil-livell tal-EU,

H.

billi l-forom kollha ta' kooperazzjoni interparlamentari għandhom ikunu f'armonija ma' żewġ prinċipji bażiċi: aktar effiċjenza u demokratizzazzjoni parlamentari,

I.

billi l-kompitu u l-funzjoni primarji tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali huma li jieħdu sehem fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-liġijiet u sabiex iwettqu skrutinju tal-għażliet politiċi fil-livell nazzjonali u dak Ewropew rispettivament; billi dan ma jfissirx li kooperazzjoni mill-qrib għall-ġid komuni hija superfluwa, speċjalment fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-liġi tal-l-UE fil-liġi nazzjonali,

J.

billi jkun xieraq li jiġu żviluppati linji gwida poltiċi li abbażi tagħhom ir-rappreżentanti u l-istituzzjonijiet tal-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jiddeterminaw l-azzjoni tagħhom fil-futur fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali u tall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona fir-rigward tal-parlamenti nazzjonali,

Il-kontribuzzjoni tat-Trattat ta' Liżbona għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-obbligi u d-drittijiet tal-parlamenti nazzjonali skont it-Trattat ta' Liżbona - li huwa “Trattat tal-Parlamenti” - li permezz tagħhom l-irwol ta' dawn stess fil-proċess politiku tal-Unjoni Ewropea jissaħħaħ; iqis li dawn id-drittijiet jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji

 

Tagħrif dwar:

l-evalwazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;

ix-xogħol tal-Kumitat Konġunt dwar is-Sigurtà Interna;

proposti sabiex ikunu emendati t-Trattati;

applikazzjonijiet għal adeżjoni mal-Unjoni;

reviżjonijiet simplifikati tat-Trattat (sitt xhur minn qabel);

proposti għal miżuri li jissupplimentaw it-Trattat;

 

Parteċipazzjoni attiva:

fil-funzjonament tajjeb tal-Unjoni (regolament ġenerali);

fil-kontroll tal-Europol u l-Eurojust flimkien mal-Parlament Ewropew;

f'konvenzjonijiet relatati ma' tibdil fit-Trattati;

 

Oġġezzjonijiet għal:

dispożizzjonijiet legali mhux konformi mal-priniċipju ta' sussidjarjetà, permezz tal-proċeduri tal-“karta s-safra” u “l-karta l-oranġjo”;

tibdil fit-Trattat bil-proċedura simplifikata;

miżuri ta' kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kwistjonijiet tal-liġi ċivili (liġi tal-familja);

ksur tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, billi titressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (jekk tkun permessa bil-liġi nazzjonali);

Relazzjonijiet attwali

2.

Jinnota b'sodisfazzjon li r-relazzjonijiet tiegħu mal-parlamenti nazzjonali u l-membri tagħhom fis-snin riċenti żviluppaw b'mod pjuttost pożittiv, għalkemm għadhom ma laħqux il-livell meħtieġ, partikolarment permezz ta' dawn il-forom ta' attivitajiet konġunti li ġejjin:

laqgħat parlamentari konġunti dwar suġġetti orizzontali lil hinn mir-responsabbiltà ta' kumitat wieħed;

Laqgħat regolari tal-Kumitati Konġunti (mill-anqas darbtejn kull sitt-xhur),

laqgħat interparlamentari ad hoc fil-livell tal-kumitat fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-parlament tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza tal-Kunsill tal-Parlament Ewropew;

laqgħat interparlamentari fil-livell tal-presidenti tal-kumitati;

kooperazzjoni fil-livell tal-presidenti tal-parlament fi ħdan il-Konferenza tal-Kelliema tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea;

żjarat minn membri tal-parlamenti nazzjonali lill-Parlament Ewropew sabiex jieħdu sehem f'laqgħat ta' kumitati speċjalizzati korrospondenti;

laqgħat fi ħdan il-gruppi jew partiti politiċi fil-livell Ewropew fejn jitlaqgħu politiċi mill-Istati Membri kollha ma' Membri tal-Parlament Ewropew;

Relazzjonijiet fil-ġejjieni

3.

Huwa tal-opinjoni li għandhom ikunu żviluppati forom ġodda ta' djalogu pre- u post-leġiżlattiv bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

4.

Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex iżommu lill-gvernijiet nazzjonali responsabbli għall-mod kif imexxu l-infiq tal-fondi tal-UE; jistieden lill-parlamenti nazzjonali biex iwettqu skrutinju tal-kwalità tal-istudji tal-impatt nazzjonali u tal-mod kif il-gvernijiet nazzjonali jittrasponu l-liġi tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jimplimentaw il-politiki u l-programmi ta' finanzjament tal-UE fil-livell tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; jitlob lill-parlamenti nazzjonali sabiex jimoniterjaw b'mod strett ir-rappurtarr tal-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni tal-aġenda ta' Liżbona;

5.

Iqis bħala xieraq li jiġi offrut appoġġ lill-parlamenti nazzjonali fl-iskrutinju tagħhom tal-abbozzi tal-leġiżlazzjoni qabel ma jiġu kkunsidrati mill-organu leġiżlattiv tal-Unjoni, kif ukoll fl-iskrutinju effettiv tal-gvernijiet tagħhom meta jkunu qed jaġixxu fil-Kunsill;

6.

Jinnota li permezz ta' Laqgħat bilaterali Konġunti regolari ta'Kumitati speċjalizzati korrispondenti u laqgħat interparlamentari ad hoc fil-livell tal-kumitat, li jsiru fuq stedina tal-Parlament Ewropew, jippermettu djalogu minn kmieni dwar atti leġiżlattivi jew inizjattivi politiċi attwali jew ippjanati, u għaldaqstant dawn għandhom jinżammu u għandu jinħoloq netwerk permanenti u sistematiku ta' kumitati korrispondenti; jemmen li qabel jew wara laqgħat bħal dawn jistgħu jsiru seduti bilaterali ad hoc tal-kumitati dwar kwistjonijiet speċifiċi nazzjonali; jemmen li l-konferenza tal-presidenti tal-kumitati tista' tiġi fdata bil-kompitu li tfassal u tikkordinata flimkien mal-parlamenti nazzjonali programm għall-attivitajiet tal-kumitati speċjalizzati;

7.

Jinnota li l-laqgħat taċ-chairpersons tal-kumitati speċjalizzati tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, bħal pereżempju l-laqgħat taċ-chairpersons tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, minħabba l-għadd limitat ta' parteċipanti, huma wkoll għodda għall-iskambju tal-informazzjoni u tal-opinjonijiet;

8.

Huwa tal-opinjoni li forom ta' kooperazzjoni differenti minn dawk imsemmija hawn fuq jistgħu jkunu ta' kontribut effettiv għall-ħolqien ta' spazju politiku Ewropew u għalhekk għandhom jiġu żviluppati aktar u diversifikati;

9.

Lest li jilqa' f'dan il-kuntest innovazzjonijiet fil-livell tal-parlamenti nazzjonali, bħal pereżempju, l-għoti tad-dritt lill-Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu mistiedna darba fis-sena sabiex jitkellmu f'seduti plenarji tal-parlamenti nazzjonali, li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kumitati tal-affarijiet Ewropej fuq bażi konsultattiva, li jipparteċipaw f'laqgħat ta' kumitati speċjalizzati kull meta huma jiddiskutu aspetti relevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li jieħdu sehem f'laqgħat tal-gruppi politiċi rispettivi fuq bażi konsultattiva;

10.

Jirrakkomanda li jiġi allokat baġit adegwat biex jiġu organizzati laqgħat tal-kumitati speċjalizzati mal-kumitati rispettivi tal-parlamenti nazzjonali u tar-rapporteurs tal-Parlament Ewropew mal-kontrapartijiet tagħhom fil-parlamenti nazzjonali, u jirrakkomanda li tiġi eżaminata l-possibilità li jiġu installati l-mezzi tekniċi li jippermettu l-organizzazzjoni ta' konferenzi bil-video bejn ir-rapporteurs tal-kumitati speċjalizzati tal-parlamenti nazzjonali u dawk tal-Parlament Ewropew;

11.

Huwa konvint li poteri akbar għall-parlamenti nazzjonali fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, kif hemm stipulat fit-Trattat ta' Liżbona, jippermettu li l-leġiżlazzjoni Ewropea tkun influwenzata u eżaminata minn kmieni u dan ikun ukoll ta' kontribut għat-tfassil tal-liġijiet kif ukoll għal koerenza mtejba tal-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE;

12.

Jinnota li parlamenti nazzjonali għall-ewwel darba qed jingħataw irwol definit fl-affarijiet tal-UE li huwa distint minn dak tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom, jikkontribwixxi għal kontroll demokratiku aktar b'saħħtu u li jressaq lill-Unjoni aktar qrib iċ-ċittadin;

13.

Ifakkar li kontroll fuq il-gvernijiet nazzjonali mill-parlamenti nazzjonali għandu jkun eżerċitat l-ewwel u qabel kollox skont ir-regoli kostituzzjonali u l-liġijiet relevanti;

14.

Jenfasizza l-fatt li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti meta wieħed jiġi għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u li mekkaniżmu għall-iskambju tal-aħjar prattika f'dan il-qasam ikun ta' importanza kbira;

15.

Jinnota f'dan il-kuntest li l-ħolqien ta' pjattaforma elettronika għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-parlamenti, li-websajt IPEX (4), jirrappreżenta pass kbir 'l quddiem peress li dan jippermetti li l-eżami ta' dokumenti tal-EU fil-livell tal-parlamenti nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Parlament Ewropew, u jekk ikun il-każ, il-proċess ta' traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali mill-parlamenti nazzjonali isir f'ħin reali; iqis, għalhekk, li huwa neċessarju li din is-sistema teknikament żviluppata u mmexxija mill-Parlament Ewropew tkun appoġġjata b'baġit xieraq;

16.

Jipprevedi kontroll aktar sistematiku tad-djalogu pre-leġiżlattiv bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni (l-hekk imsejħa “inizjattiva Barroso”), sabiex ikun mgħarraf minn kmieni waqt il-proċess leġiżlattiv dwar il-pożizzjoni tal-parlamenti nazzjonali; jitlob lill-parlamenti nazzjonali biex fl-istess ħin jagħmlu aċċessibbli lill-Parlament Ewropew il-pożizzjonijiet tagħhom f'dan il-kuntest;

17.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fl-aħħar snin fl-iżvilupp ta' kooperazzjoni bejn il-Parlement Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-qasam tal-affarijiet barranin, is-sigurtà u d-difiża;

18.

Jirrikonoxxi li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti fl-għoti ta' informazzjoni, waqt dibattiti nazzjonali, dwar il-Politika Komuni għall-Affarjiet Barranin u s-Sigurtà (CFSP) u l-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (ESDP);

19.

Jinnota bi tħassib li r-responsabilità għall-prekawzjonijiet finanzjarji fir-rigward tas-CFSP u l-ESDP quddiem il-parlamenti hija insuffiċjenti u li għalhekk il-kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandha titjieb, biex wieħed jasal għal kontroll demokratiku tal-aspetti kollha ta' dawn il-politiki (5);

20.

Jitlob, fl-interess ta' koerenza u l-effiċjenza u biex jiġi evitat xogħol doppju, li tiġi xolta l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni Ewropea tal-Punent (WEU), malli l-WEU tiġi integrata definitivament fl-Unjoni Ewropea bis-saħħa tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona;

L-irwol tal-COSAC

21.

Huwa tal-opinjoni li l-irwol tal-COSAC fil-ġejjieni jkollu jkun definit b'kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, u li l-COSAC, b'konformità mal-Protokoll dwar l-irwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea li huwa anness fit-Trattat ta' Amsterdam, għandu primarjament jibqa' forum għall-iskambju ta' informazzjoni u dibattitu dwar kwistjonijiet politiċi ġenerali u l-aħjar prattiki fir-rigward tal-kontroll tal-gvernijiet nazzjonali (6); jikkunsidra li l-informazzjoni u d-dibattitu għandhom ikunu ffokati fuq attivitajiet leġiżlattivi li jirrigwardaw il-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja u fir-rigward tal-prinċipju ta' sussidjarjetà fil-livell tal-Unjoni Ewropea;

22.

Huwa determinat li jaqdi l-irwol tiegħu b'mod totali, sabiex iwettaq ir-responsabiltajiet tiegħu fir-rigward tal-funzjonament tal-COSAC u biex ikompli joffri appoġġ tekniku lis-segretarjat tal-COSAC u lir-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali;

23.

Ifakkar li l-attivitajiet tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali fi ħdan il-COSAC għandhom ikunu kumplimentari u m'għandhomx ikunu frammentati jew abbużati minn barra;

24.

Jemmen li l-kumitati speċjalizzati tiegħu għandhom ikunu involuti b'mod aktar qawwi fit-tħejjija u fir-rappreżentazzjoni tal-laqgħat tal-COSAC; huwa tal-opinjoni li d-delegazzjoni tiegħu għandha tkun immexxija mill-president tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Kostituzzjonali u għandha tinkludi l-presidenti u r-rapporteurs tal-kumitati speċjalizzati li jkunu qed jieħdu ħsieb l-affarijiet li huma fl-aġenda relattiva tal-laqgħa tal-COSAC; iqis bħala essenzjali li l-Konferenza tal-Presidenti u l-Membri jiġu infurmati dwar il-progress u r-riżultati tal-laqgħat tal-COSAC;

*

* *

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Adottat skont ir-rappport A5-0023/2002 tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Kostituzzjonali (ir-rapport ta' Napolitano) (ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 322.).

(2)  ĠU C 154, 2.7.2003, p. 1.

(3)  Verżjoni riveduta li sar qbil fuqha mill-Konferenza tal-Kelliema tal-Parlamenti tal-Unjoni Ewropea fil-laqgħa tal-20 u l-21 ta' Ġunju 2008 f'Liżbona.

(4)  IPEX: Interparliamentary EU Information Exchange, imniedi uffiċjalment f'Lulju 2006.

(5)  Ftehima Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1) u l-Artikolu 28(3) Trattat UE.

(6)  Ara l-linji gwida għar-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet u l-parlamenti dwar kwistjonijiet tal-Komunità (standards minimi istruttivi) li għalihom saret referenza hawn fuq.